Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B8-0594/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B8-0594/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-Djibouti

11.5.2016 - (2016/2694(RSP))

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
Verts/ALE (B8-0594/2016)
ECR (B8-0596/2016)
S&D (B8-0597/2016)
GUE/NGL (B8-0599/2016)
PPE (B8-0601/2016)
ALDE (B8-0603/2016)

Cristian Dan Preda, Elmar Brok, Andrej Plenković, Davor Ivo Stier, Eva Paunova, Milan Zver, Kinga Gál, David McAllister, Brian Hayes, Maurice Ponga, Bogdan Brunon Wenta, Adam Szejnfeld, Jarosław Wałęsa, Marijana Petir, Giovanni La Via, Tunne Kelam, Patricija Šulin, Ivan Štefanec, Dubravka Šuica, Ivana Maletić, Jaromír Štětina, Therese Comodini Cachia, Sven Schulze, Luděk Niedermayer, Eduard Kukan, Pavel Svoboda, Romana Tomc, Lefteris Christoforou, Csaba Sógor, Roberta Metsola, Michaela Šojdrová, Claude Rolin, Tomáš Zdechovský, József Nagy, Krzysztof Hetman, Stanislav Polčák, László Tőkés, Ramona Nicole Mănescu, Inese Vaidere, Lara Comi f'isem il-Grupp PPE
Eric Andrieu, Nikos Androulakis, Maria Arena, Francisco Assis, Zigmantas Balčytis, Hugues Bayet, Brando Benifei, Goffredo Maria Bettini, José Blanco López, Vilija Blinkevičiūtė, Simona Bonafè, Biljana Borzan, Victor Boştinaru, Nicola Caputo, Andrea Cozzolino, Andi Cristea, Nicola Danti, Isabella De Monte, Monika Flašíková Beňová, Knut Fleckenstein, Doru-Claudian Frunzulică, Eider Gardiazabal Rubial, Elena Gentile, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Neena Gill, Michela Giuffrida, Maria Grapini, Sylvie Guillaume, Sergio Gutiérrez Prieto, Richard Howitt, Cătălin Sorin Ivan, Liisa Jaakonsaari, Afzal Khan, Jude Kirton-Darling, Miapetra Kumpula-Natri, Cécile Kashetu Kyenge, Javi López, Juan Fernando López Aguilar, Krystyna Łybacka, David Martin, Edouard Martin, Marlene Mizzi, Sorin Moisă, Alessia Maria Mosca, Victor Negrescu, Momchil Nekov, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Pina Picierno, Tonino Picula, Miroslav Poche, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Daciana Octavia Sârbu, Siôn Simon, Monika Smolková, Tibor Szanyi, Claudia Tapardel, Marc Tarabella, Patrizia Toia, Elena Valenciano, Julie Ward, Josef Weidenholzer, Flavio Zanonato, Carlos Zorrinho f'isem il-Grupp S&D
Angel Dzhambazki, Ruža Tomašić, Arne Gericke, Mark Demesmaeker, Charles Tannock f'isem il-Grupp ECR
Javier Nart, Nedzhmi Ali, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Marielle de Sarnez, Dita Charanzová, Gérard Deprez, Martina Dlabajová, Nathalie Griesbeck, Antanas Guoga, Marian Harkin, Filiz Hyusmenova, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Ilhan Kyuchyuk, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Carolina Punset, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Marietje Schaake, Jasenko Selimovic, Hannu Takkula, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans, Paavo Väyrynen, Valentinas Mazuronis, Cecilia Wikström f'isem il-Grupp ALDE
Marie-Christine Vergiat, Kateřina Konečná, Tania González Peñas, Miguel Urbán Crespo, Lola Sánchez Caldentey, Xabier Benito Ziluaga, Estefanía Torres Martínez, Jiří Maštálka, Merja Kyllönen, Barbara Spinelli f'isem il-Grupp GUE/NGL
Jean Lambert, Maria Heubuch, Heidi Hautala, Michèle Rivasi, Bart Staes, Ernest Urtasun, Barbara Lochbihler, Tamás Meszerics, Jordi Sebastià, Davor Škrlec, Bodil Valero, Igor Šoltes, Bronis Ropė, Judith Sargentini f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo, Piernicola Pedicini, Laura Ferrara, Laura Agea, Isabella Adinolfi, Rolandas Paksas f'isem il-Grupp EFDD


Proċedura : 2016/2694(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B8-0594/2016
Testi mressqa :
RC-B8-0594/2016
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Djibouti

(2016/2694(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika tal-Djibouti, inklużi dawk tal-14 ta' Lulju 2013 dwar is-sitwazzjoni fil-Djibouti (Ġibuti)[1] u tal-15 ta' Jannar 2009 dwar is-sitwazzjoni fil-Qarn tal-Afrika[2],

–  wara li kkunsidra l-Programm Indikattiv Nazzjonali għall-Djibouti taħt il-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp tad-19 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tat-12 ta' April 2016 u tat-23 ta' Diċembru 2015 mill-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli, Federica Mogherini, f'isem l-UE fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għal-Libertà tal-Istampa, tat-3 ta' Mejju 2016,

–  wara li kkunsidra s-sħubija politika reġjonali tal-UE għall-paċi, is-sigurtà u l-iżvilupp fil-Qarn tal-Afrika,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, li l-Djibouti rratifikat,

–  wara li kkunsidra l-azzjonijiet u l-komunikazzjonijiet mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Djibouti,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet preliminari tal-10 ta' April 2016 tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-Unjoni Afrikana li ssorveljat l-elezzjonijiet presidenzjali,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, li tiegħu il-Djibouti ilha Stat Pparti mill-2003,

–  wara li kkunsidra l-ftehim qafas iffirmat fit-30 ta' Diċembru 2014 bejn UMP (l-Unjoni għall-Maġġoranza Presidenzjali), il-koalizzjoni fil-poter, u l-USN (L-Unjoni għas-Salvazzjoni Nazzjonali), il-koalizzjoni ta' partiti tal-oppożizzjoni bl-għan li jippromwovu "paċika u demokratika fil-politika nazzjonali";

–  wara li kkunsidra Digriet Nru 2015-3016 PR/MP tal-24 ta' Novembru 2015, adottata mill-Kunsill tal-Ministri tal-Djibouti, li jistabbilixxi miżuri ta' sigurtà eċċezzjonali, wara l-attakki ta' Pariġi fit-13 ta' Novembru 2015;

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll tal-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli dwar id-Drittijiet tan-Nisa fl-Afrika,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou ffirmat fit-23 ta' Ġunju 2000 u rivedut fit-22 ta' Ġunju 2010,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Djibouti tal-1992 li tirrikonoxxi l-libertajiet fundamentali u l-prinċipji bażiċi tal-governanza tajba,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Unjoni Afrikana għall-Missjonijiet ta' Osservazzjonijiet u Monitoraġġ Elettorali,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi Ismail Omar Guelleh ilu l-President tal-Djibouti sa mill-1999, wara rebħa kbira fl-elezzjonijiet ta' April 2016 b'87.1 fil-mija tal-votazzjoni, li ġiet ikkritikata mill-partiti tal-oppożizzjoni u gruppi favur id-drittijiet bħala akkwistata permezz ta' ripressjoni politika; billi xi kandidati tal-oppożizzjoni bbojkottjaw l-elezzjonijiet tal-2005, 2011 u 2016; billi l-President Guelleh ipperswada lill-Assemblea Nazzjonali biex temenda l-Kostituzzjoni fl-2010 wara li kien ħabbar li ma kienx se jikkontesta mill-ġdid l-elezzjoni fl-2016, b'hekk għamilha possibbli għalih li jerġa' jkun kandidat għat-tielet mandat fl-2011; billi l-protesti mis-soċjetà ċivili li seħħew b'riżultat kienu mrażżna;

B.  billi bil-pożizzjoni eċċellenti tagħha fil-Golf ta' Aden, il-Djibouti għandha importanza strateġika għall-bażijiet militari barranin u hija kkunsidrata bħala ċentru għall-ġlieda kontra l-piraterija u t-terroriżmu;

C.  billi għaxar nisa Djiboutani bdew strajk tal-ġuħ f'Pariġi biex jitolbu li ssir inkjesta internazzjonali dwar l-istupru ta' nisa Djiboutani, b'erba minn dawn in-nisa fuq strajk jaffermaw li huma stess kienu stuprati, filwaqt li oħra, Fatou Ambassa, ta' 30 sena, għamlet sawma b'tifkira ta' kuġintha, Halima, li allegatament kienet stuprata minn diversi persuni fl-2003 u mietet fl-età ta' 16-il sena; billi tmienja minn dawn in-nisa komplew il-protesti tagħhom għal 19-il jum mill-25 ta' Marzu sat-12 ta' April 2016, u għaxra oħra għamlu bħalhom fi Brussell; billi l-awtoritajiet tal-Djibouti jikkontestaw l-allegazzjonijiet tagħhom; billi diversi nisa ttieħdu ostaġġi fil-konflitt bejn l-armata tal-Djibouti u l-FRUD; billi l-Kumitat tan-Nisa Djiboutani (Comité des Femmes Djiboutiennes Contre le Viol et l’Impunité (COFEDVI)), li kien stabbilit fl-1993, irreġistra 246 każ ta' stupru mis-suldati miġbura minn madwar 20 ilment imressaq;

D.  billi l-ebda missjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-UE ma ġiet mistiedna biex tissorvelja l-elezzjonijiet u billi l-missjoni tal-esperti elettorali offruta mill-UE ġiet irrifjutata mill-awtoritajiet tal-Djibouti; billi l-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-Unjoni Afrikana tirrakkomanda l-istabbiliment ta' Kummissjoni Elettorali Indipendenti li tkun inkarigata mill-proċess elettorali, inkluża t-tħabbira tar-riżultati proviżorji;

E.  billi tliet kandidati tal-oppożizzjoni, Omar Elmi Khaireh, Mohamed Moussa Ali u Djama Abdourahman Djama, ikkontestaw ir-riżultati tal-elezzjonijiet ta' April 2016 bħala nieqsa mit-trasparenza u li ma jurux ir-rieda tal-poplu tal-Djibouti; billi l-organizzazzjonijiet lokali tad-drittijiet tal-bniedem ma rrikonoxxewx ir-riżultati; billi l-ispazju politiku għall-oppożizzjoni jibqa' limitat ħafna, bil-libertà ta' espressjoni limitata; billi l-forzi tal-pulizija u s-servizzi ta' sigurtà għandhom kontroll strett tal-pajjiż, u l-ġudikatura hija dgħajfa u qrib il-gvern; billi l-mexxejja tal-oppożizzjoni kienu kostantement suġġetti għal priġunerija u fastidju, u hemm allegazzjonijiet ta' tortura; billi huwa allegat li l-armata ġiet ordnata tneħħi lir-rappreżentanti tal-oppożizzjoni minn uħud mill-postijiet tal-votazzjoni sabiex il-kaxxa tal-poloz jistgħu jkunu mimlija, filwaqt li distretti oħrajn bħal Ali-Sabieh tpoġġew taħt il-kontroll militari; billi l-President Guelleh organizza festa allegatament biex jippremja lill-armata għall-kontribuzzjoni tagħha fl-elezzjoni qabel ma ħarġu r-riżultati uffiċjali; billi l-Unjoni Afrikana kkundannat għadd ta' irregolaritajiet (nuqqas ta' rekords, nuqqas ta' pubblikazzjoni tar-riżultati u l-fatt li l-voti ma kienux magħduda fil-pubbliku);

F.  billi fil-31 ta' Diċembru 2015, wara l-esklużjoni ta' membri tal-oppożizzjoni mill-parlament, liġi introdotta f'Novembru 2015 li timponi stat ta' emerġenza intużat biex tirrestrinġi l-libertajiet individwali u topprimi attivisti tal-oppożizzjoni, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, trejdjunonisti u ġurnalisti;

G.  billi fit-30 ta' Diċembru 2014 il-koalizzjoni fit-tmexxija, l-UMP, iffirmat ftehim qafas mal-koalizzjoni tal-oppożizzjoni, l-USN, li fih għamlet dispożizzjoni għal riforma tal-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali Indipendenti (Commission Électorale Nationale Indépendante), il-ħolqien ta' kummissjoni parlamentari konġunta, u riformi fuq terminu qasir u medju; billi l-Kummissjoni Parlamentari Konġunta ġiet stabbilita fi Frar 2015, imma l-ebda waħda mill-abbozzi ta' liġijiet importanti (bħal-liġi dwar il-ħolqien ta' kummissjoni elettorali konġunta indipendenti u l-liġi dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-partiti politiċi) ma tressqet; billi fis-26 ta' Awwissu 2015, l-awtoritajiet tal-Djibouti ħabbru li l-kummissjoni elettorali mhux se tiġi riformata;

H.  billi m'hemmx stazzjonijiet tat-televiżjoni jew tar-radju privati fil-Djibouti, bl-awtoritajiet jissorveljaw mill-qrib is-siti web tal-oppożizzjoni u b'mod regolari jimblukkaw is-siti web tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u l-midja soċjali; billi l-gvern huwa s-sid tal-gazzetta prinċipali La Nation, u tal-istazzjon tax-xandir nazzjonali, Radiodiffusion-Télévision de Djibouti, li jipprattika l-awtoċensura; billi fl-2015, Freedom House iddikjarat li fil-Djibouti l-istampa ma kinitx libera; billi l-Djibouti hija klassifikata fil-170 pożizzjoni (minn 180 pajjiż) fl-indiċi dinji tal-libertajiet tal-istampa tal-2015, ikkompilat mill-Ġurnalisti Mingħajr Fruntieri; billi, matul it-tmexxija tal-koalizzjoni tal-UMP, il-partiti tal-oppożizzjoni u l-attivisti kontinwament kienu taħt ripressjoni u ħafna attivisti tal-partit u ġurnalisti, inklużi ġurnalist tal-BBC matul il-kampanja elettorali presidenzjali, kienu suġġetti għal proċedimenti ġuridiċi; billi fid-19 ta' Jannar 2016 il-gazzetta ewlenija tal-oppożizzjoni, l’Aurore, ingħalqet b'ordni tal-qorti; billi l-Kummissjoni ta' Komunikazzjoni Nazzjonali, li suppost kellha titwaqqaf fl-1993, għadha s'issa ma twaqqfetx;

I.  billi fl-2012 speċjalment, ir-reġjun ta' Mablas ra mewġa ta' arresti arbitrarji ta' persuni suspettati bħala membri tal-FRUD;

J.  billi kien allegat li tal-anqas 27 ruħ inqatlu mill-awtoritajiet, u aktar minn 150 sfaw midruba f'ċelebrazzjoni kulturali fl-21 ta' Diċembru 2015 f'Buldugo, għalkemm il-gvern tal-Djibouti insista li n-numru ta' mwiet kien biss ta' sebgħa; billi aktar tard il-pulizija invadiet ukoll il-bini fejn kienu qed jiltaqgħu il-mexxejja tal-oppożizzjoni, ġew feruti għadd ta' mexxejja tal-oppożizzjoni u żewġ membri prominenti tal-mexxejja tal-oppożizzjoni (Abdourahman Mohammed Guelleh, Segretarju-Ġenerali tal-USN, u Hamoud Abdi Souldan) spiċċaw il-ħabs mibgħajr ma nġabu akkużi kontrihom; billi t-tnejn inħelsu ftit jiem biss qabel l-elezzjonijiet presidenzjali, bl-ewwel minnhom jiffaċċja akkużi kriminali; billi mexxej ta' trejdjunjin u difensur tad-drittijiet tal-bniedem, Omar Ali Ewado, inżamm incommunicado mid-29 ta' Diċembru 2015 sal-14 ta' Frar 2016, għaliex ippubblika lista ta' vittmi ta' dan il-massakru u ta' dawk li għadhom nieqsa; billi l-avukat tiegħu wkoll ġie arrestat fl-ajruport; billi Said Houssein Robleh, membru tal-oppożizzjoni u Segretarju Ġenerali tal-LDDH, spiċċa ferut mill-bulits tal-pulizija Djiboutjana u attwalment jinsab fl-eżilju fl-Ewropa;

K  billi l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni fil-ħabsijiet tal-Djibouti huma preokkupanti immens;

L.  billi wara l-attakki terroristiċi tat-13 ta' Novembru 2015 f’Pariġi, il-Kunsill tal-Ministri tal-Djibouti adotta d-Digriet Nru 2015-3016 PR/PM fl-24 ta' Novembru, li jipprojbixxi l-laqgħat u l-miġegħmat f'żoni pubbliċi, bħala miżura kontraterroristika;

M.  billi m'hemm l-ebda leġiżlazzjoni kontra l-vjolenza domestika u l-istupru konjugali fil-Djibouti; billi l-awtoritajiet informaw lill-Kumitat tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa li huma konxji min-nuqqasijiet tat-tentattivi tagħhom li jindirizzaw il-vjolenza sessista; billi minkejja l-fatt li ilhom illegali mill-2005, diversi forom ta' mutilazzjoni ġenitali femminili twettqa fuq 98 % tan-nisa fil-Djibouti;

N.  billi, skont il-Bank Dinji, aktar minn 23 % tal-Djiboutjani jgħixu f'faqar estrem, u 74 % jgħixu b'inqas minn USD 3 kuljum; billi l-insigurtà tal-ikel fil-Djibouti ġiet aggravata minħabba l-prezzijiet għolja tal-ikel, l-iskarsezza tal-ilma, it-tibdil fil-klima u mergħat ridotti; billi l-Djibouti hi benefiċjarju tal-pakkett ta' għajnuna ta' EUR 79 miljun mingħand l-Unjoni Ewropea għan-nazzjonijiet tal-Qarn il-Kbir tal-Afrika milquta mill-fenomenu klimatiku magħruf bħala El Niño;

O.  billi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt huma l-pedament proprju tas-sħubija AKP-UE u jikkostitwixxu elementi essenzjali tal-Ftehim ta' Cotonou; billi l-Unjoni Ewropea għandha tintensifika bla dewmien id-djalogu politiku regolari mal-Djibouti skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou;

P.  billi l-Djibouti attwalment qed tirċievi EUR 105 miljun f'fondi bilaterali tal-UE, primarjament għall-ilma u s-sanità u s-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni, bħala parti mill-Programm Nazzjonali Indikattiv tal-UE, taħt il-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp; billi mill-2013 sal-2017, Djibouti se tkun irċeviet EUR 14 -il miljun bħala parti mill-inizjattiva ta' Appoġġ għar-Reżiljenza tal-Qarn tal-Afrika tal-UE, li timmira biex isaħħaħ il-komunitajiet biex ikunu jistgħu jifilħu iktar għal nixfiet rikorrenti,

Q.  billi l-Djibouti bħalissa qed tospita aktar minn 15,000 rifuġjat mis-Somalja u l-Eritrea u madwar 8,000 ruħ oħra mill-Jemen; billi n-nisa u l-bniet fil-kampijiet tar-rifuġjati jinsabu f'riskju ta' vjolenza sessista; billi l-Kummissjoni qed tipprovdi assistenza, bħal servizzi ta' salvataġġ, u għajnuna finanzjarja lill-komunitajiet li qegħdin jospitaw il-kampijiet tar-rifuġjati;

1.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-istaġnar tal-proċess ta' demokratizzazzjoni fil-Djibouti, li mar għall-agħar minħabba li l-parlament għamel bidliet fil-kostituzzjoni Djiboutjana fir-rigward tal-limitazzjoni tat-termini presidenzjali, u l-allegazzjonijiet li membri tal-oppożizzjoni kienu ffastidjati u esklużi minn ħafna postijiet tal-votazzjoni; jenfasizza l-importanza ta' elezzjonijiet ġusti, ħielsa mill-intimidazzjoni;

2.  Jitlob li ssir investigazzjoni bir-reqqa dwar it-trasparenza tal-proċess elettorali u l-elezzjonijiet tal-2016 fil-Djibouti; itenni l-appell tal-Unjoni Ewropea sabiex ir-riżultati minn kull post tal-votazzjoni użati fl-elezzjonijiet tal-2013 u l-2016 jiġu ppubblikati;

3.  Jikkundanna bil-qawwa l-istupri mwettqa minn suldati Djiboutani kontra persuni ċivili u rappurtati minn NGOs differenti, kif issottolinjaw il-każijiet tal-istrajk tal-ġuħ, u jistieden lill-awtoritajiet tal-Djibouti jwettqu investigazzjoni bir-reqqa dwar l-azzjonijiet tal-armata b'mod partikolari u biex tintemm l-impunità; jistieden lin-Nazzjonijiet Uniti jinvestigaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Djibouti, u b'mod speċjali s-sitwazzjoni tan-nisa fil-pajjiż; jesprimi s-solidarjetà qawwija tiegħu man-nisa Djiboutjani li qed jagħmlu strajk tal-ġuħ fi Franza u fil-Belġju;

4.  Jikkundanna l-indħil tal-armata u tal-pulizija fil-proċessi demokratiċi u jtenni li investigazzjoni bir-reqqa u trasparenti dwar il-proċess elettorali hi essenzjali; jinsab imħasseb dwar ir-rieda apparenti tal-President li jiċċelebra qabel iż-żmien ir-rebħa tiegħu fl-elezzjonijiet ta' April 2016; ifakkar lill-Djibouti li hi parti għall-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti u li l-Artikolu 16 tal-Kostituzzjoni Djiboutjana jistipula li "ħadd m'għandu jkun assoġġettat għal tortura jew trattament ħażin jew atti krudili, inumani, degradanti jew umiljanti"; jistieden lill-Djibouti biex tinvestiga bir-reqqa l-allegazzjonijiet ta' tortura u trattament ħażin u tiżgura li t-trasgressuri jiġu mressqa l-qorti u jekk jinstabu ħatja, jiġu kkastigati b'sanzjonijiet xierqa, u li l-vittmi jiġu kkumpensati b'mod adegwat, u biex tistabbilixxi mekkaniżmu indipendenti biex jinvestiga allegazzjonijiet ta' mġiba ħażina;

5.  Jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Djiboutjani li jiksru l-ftehim tal-2014 dwar ir-riforma tal-kummissjoni elettorali u jħeġġiġhom biex jaħdmu mill-qrib mal-oppożizzjoni ħalli jipproduċu proċess elettorali iktar ġust u iktar trasparenti;

6.  Ifakkar lill-awtoritajiet tal-Djibouti fl-impenji tagħhom, taħt il-Linji Gwida tal-Missjonijiet ta' Osservazzjoni u Monitoraġġ Elettorali tal-Unjoni Afrikana, li jipproteġu l-ġurnalisti u jikkundanna l-mod li bih ġew trattati l-ġurnalisti u jfakkar lill-awtoritajiet tal-Djibouti fl-importanza tal-libertà tal-istampa u d-dritt għal proċess ġust; jitlob spjegazzjoni motivata mingħand l-awtoritajiet Djiboutani dwar it-trattament tal-ġurnalisti; jikkundanna bil-qawwa l-fastidju u l-priġunerija mingħajr akkużi ta' mexxejja tal-oppożizzjoni, ġurnalisti attivisti indipendenti u tad-drittijiet tal-bniedem fil-jiem ta' qabel l-elezzjonijiet presidenzjali; jistieden lill-awtoritajiet Djiboutjani jtemmu r-ripressjoni tal-opponenti politiċi u l-ġurnalisti u li jeħilsu lil dawk kollha li qed jinżammu detenuti għal raġunijiet politiċi jew għax jeżerċitaw il-libertà tal-midja; jistieden lill-awtoritajiet Djiboutjani jirrevedu l-liġi tal-istat ta' emerġenza tal-pajjiż biex jagħmluha konformi għalkollox mad-dritt internazzjonali;

7.  Jikkundanna n-nuqqas ta' stampa indipendenti fil-Djibouti u l-monitoraġġ u ċ-ċensura ta' siti web li jikkritikaw il-gvern; jisgħobbih għall-prattika ta' awtoċensura mwettqa mill-midja statali; jistieden lill-Gvern Djiboutjan joħroġ liċenzji tax-xandir FM lil kwalunkwe entità tal-midja indipendenti li jitolbuha; jistieden lill-gvern jagħti aċċess liberu għall-pajjiż lill-ġurnalisti barranin sabiex jippermettilhom iwettqu xogħolhom b'mod sikur u oġġettiv; jistieden lill-Gvern tal-Djibouti biex jistabbilixxi kummissjoni nazzjonali tal-komunikazzjoni u biex jawtorizza xandir indipendenti u privat;

8.  Jiddeplora l-qtil li seħħ fiċ-ċerimonja kulturali tal-21 ta' Diċembru 2015 u d-detenzjonijiet u l-atti ta' fastidju sussegwenti kontra difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u membri tal-oppożizzjoni; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu mal-familji tal-vittmi u jitlob li ssir inkjesta sħiħa u indipendenti bil-għan li l-persuni responsabbli jiġu identifikati u mressqa quddiem il-qrati; itenni l-kundanna tiegħu għad-detenzjoni arbitrarja u jappella li d-drittijiet tad-difiża jiġu rispettati;

9.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Djibouti biex jiggarantixxu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem rikonoxxuti fil-ftehimiet nazzjonali u internazzjonali ffirmati mill-pajjiż u biex jissalvagwardaw id-drittijiet u l-libertajiet ċivili u politiċi, inkluż id-dritt ta’ dimostrazzjoni paċifika u l-libertà tal-istampa;

10.  Iħeġġeġ lill-Gvern biex ikompli jipprovdi taħriġ għall-pulizija u uffiċjali oħra bil-għan li japplikaw l-Att dwar it-Traffikar tal-Bnedmin, biex jintensifika l-isforzi biex it-traffikanti tal-bnedmin jitressqu quddiem il-ġustizzja u biex tiżdied il-kuxjenza dwar il-kwistjoni tat-traffikar fost l-awtoritajiet ġudizzjarji, leġiżlattivi u amministrattivi, is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li joperaw fil-pajjiż, kif ukoll fost il-pubbliku ġenerali;

11.  Jitlob li n-nisa u l-irġiel jiġu ttrattati ndaqs quddiem il-liġi fil-Djibouti u jfakkar lill-awtoritajiet li huma parti għall-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa;

12.  Jilqa' l-interventi tal-Gvern tal-Djibouti fir-rigward tal-prattika mifruxa tal-mutilazzjoni ġenitali femminili, iżda jixtieq jara li jsir aktar titjib;

13.  Jistieden lill-awtoritajiet jagħtu aċċess lill-NGOs għad-distretti ta' Obock, Tadjoural u Dikhil;

14.  Jitlob li jintemmu l-abbużi kontra ċ-ċivili fit-Tramuntana u l-Lbiċ tal-pajjiż, fejn qed iseħħu l-istupri, u jitlob li jintemm l-insedjament furzat ta' ċittadini li qed jintużaw bħala tarka madwar il-kampijiet tal-armata Djiboutjana f'Garabtissane, Margoita u Galela, li huma reġjuni fejn in-nisa Afar jinsabu taħt il-ħakma tal-armata;

15.  Jiddikjara r-rieda tiegħu li jimmonitorja mill-qrib is-sitwazzjoni fil-Djibouti u li jipproponi miżuri ristrettivi f'każ ta' ksur tal-Ftehim ta' Cotonou (2000), u b'mod partikolari l-Artikoli 8 u 9 tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja hija wkoll is-sitwazzjoni mill-qrib;

16.  Iħeġġeġ lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lis-sħab tagħhom biex jaħdmu mal-Djiboutjani għal riforma politika fit-tul, liema ħidma għandha tkun iffaċilitata partikolarment permezz tar-relazzjoni qawwija li diġà teżisti, minħabba li l-Djibouti kienet komponent ewlieni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-piraterija fir-reġjun, filwaqt li tospita bażi militari u tikkontribwixxi għall-istabilità fir-reġjun;

17.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli tappoġġja lill-organizzazzjonijiet indipendenti u s-soċjetà ċivili, b'mod partikolari biex mill-aktar fis jiftħu sejħa għall-offerti fil-qafas tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern tar-Repubblika tal-Djibouti, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-Awtorità Intergovernattiva dwar l-Iżvilupp, lill-Lega Għarbija, lill-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Iżlamika, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Istati Membri tal-UE u lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.