Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B8-1249/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B8-1249/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja

23.11.2016 - (2016/2933(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
ECR (B8-1249/2016)
PPE (B8-1250/2016)
ALDE (B8-1252/2016)
S&D (B8-1253/2016)
Verts/ALE (B8-1254/2016)

Cristian Dan Preda, Elmar Brok, Lorenzo Cesa, Traian Ungureanu, Tunne Kelam, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Antonio Tajani, Fernando Ruas, Ivo Belet, Daniel Caspary, László Tőkés, Eduard Kukan, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska f'isem il-Grupp PPE
Victor Boştinaru, Knut Fleckenstein, Tanja Fajon, Clara Eugenia Aguilera García, Eric Andrieu, Francisco Assis, Zigmantas Balčytis, Hugues Bayet, Brando Benifei, José Blanco López, Vilija Blinkevičiūtė, Soledad Cabezón Ruiz, Nicola Caputo, Andrea Cozzolino, Andi Cristea, Doru-Claudian Frunzulică, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Sylvie Guillaume, Sergio Gutiérrez Prieto, Cécile Kashetu Kyenge, Krystyna Łybacka, Vladimír Maňka, Alessia Maria Mosca, Victor Negrescu, Pier Antonio Panzeri, Vincent Peillon, Pina Picierno, Kati Piri, Pavel Poc, Miroslav Poche, Liliana Rodrigues, Monika Smolková, Tibor Szanyi, Claudia Țapardel, Marc Tarabella, Julie Ward f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Angel Dzhambazki, Ruža Tomašić, Jana Žitňanská, Branislav Škripek, Raffaele Fitto f'isem il-Grupp ECR
Marietje Schaake, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Dita Charanzová, Marielle de Sarnez, Gérard Deprez, Martina Dlabajová, José Inácio Faria, María Teresa Giménez Barbat, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Ilhan Kyuchyuk, Louis Michel, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Frédérique Ries, Jasenko Selimovic, Hannu Takkula, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Hilde Vautmans, Cecilia Wikström f'isem il-Grupp ALDE
Barbara Lochbihler f'isem il-Grupp Verts/ALE
Merja Kyllönen


Proċedura : 2016/2933(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B8-1249/2016
Testi mressqa :
RC-B8-1249/2016
Dibattiti :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja

(2016/2933(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja, inkluża dik tas-6 ta' Ottubru 2016[1],

–  wara li kkunsidra l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-protokoll addizzjonali tagħhom,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Da'esh u l-Front al-Nusra u dawk dwar il-kunflitt fir-Repubblika Għarbija Sirjana, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet 2118 (2013), 2139 (2014), 2165 (2014), 2191 (2014), 2199 (2015), 2254 (2015), 2258 (2015) u 2268 (2016),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Ottubru 2016 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-18 u d-19 ta' Frar 2016 u tal-20 u tal-21 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, u l-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili, Christos Stylianidis, tas-16 ta' Settembru 2016 dwar is-Sirja, tal-20 ta' Settembru 2016 dwar attakki mill-ajru kontra l-konvoj tal-għajnuna umanitarju tan-NU/tan-Nofs Qamar Aħmar tar-Repubblika Sirjana, tal-24 ta' Settembru 2016 dwar is-sitwazzjoni f'Aleppo, tat-2 ta' Ottubru 2016 dwar l-inizjattiva umanitarja ta' emerġenza f'Aleppo u tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar l-urġenza biex l-għajnuna umanitarja tilħaq Aleppo,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kummissjoni ta' Inkjesta Internazzjonali Indipendenti dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana, stabbilita mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana tas-27 ta' Settembru 2016 u tal-21 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-17 ta' Novembru 2016 tal-Viċi President / Rappreżentant Għoli Federica Mogherini dwar ir-Russja u l-Qorti Kriminali Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi sitt snin ta' kunflitt, vjolenza u brutalità estrema fis-Sirja wasslu għall-mewt ta' aktar minn 400 000 ruħ, filwaqt li aktar minn 13-il miljun ruħ jinsabu fi bżonn ta' għajnuna umanitarja; billi 8.7 miljun persuna huma mbassra li jkunu ġew spostati ġewwa s-Sirja fl-2016 u 4.8 miljun persuna ħarbu mill-pajjiż;

B.  billi l-battalji u l-bombardamenti għadhom għaddejin bl-istess intensità fis-Sirja u billi s-sitwazzjoni umanitarja kompliet tmur għall-agħar; billi Aleppo tibqa' l-epiċentru tal-kunflitt Sirjana, iżda jibqa' għaddej il-ġlied f'Hama, f'Idlib, fil-Majjistral tas-Sirja, fis-subborgi ta' Damascus u f'Dier ez-Zor; billi aktar minn erba' miljun ruħ qed jgħixu fi bliet assedjati u f'żoni li diffiċli jintlaħqu fejn l-infrastruttura essenzjali tal-elettriku u tal-ilma ġiet meqruda; billi minkejja l-pawżi umanitarji unilaterali ddikjarati mir-reġim ta' Assad u mir-Russja, il-popolazzjonijiet tal-Lvant ta' Aleppo u ta' bliet assedjati oħrajn qed isofru minn nuqqas kbir ta' ikel u provvisti mediċi bażiċi, fosthom il-belt ta' Zabadani li hija okkupata mir-ribelli, u l-irħula ta' Kefraya u Foua, li huma kkontrollati mill-gvern, fil-provinċja ta' Idlib; billi l-ebda assistenza umanitarja ma kienet kapaċi tilħaq il-partijiet tal-Lvant ta' Aleppo assedjati minn Lulju 2016;

C.  billi hemm kriżi ta' saħħa permanenti f'Aleppo u madwar is-Sirja; billi, skont l-UNICEF, aktar minn żewġ terzi ta' Sirjani fir-reġjun m'għandhomx aċċess regolari għall-ilma u kważi 6 miljun tifel u tifla jinsabu fi bżonn urġenti ta' għajnuna vitali;

D.  billi l-partijiet kollha fil-kunflitt wettqu vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali, iżda dawk l-aktar serji twettqu mir-reġim ta' Assad appoġġat mir-Russja u l-Iran, inkluż l-użu ta' armi mingħajr distinzjoni, bombi inċendjarji, bombi barmil u li jkissru l-bunkers, f'żoni ċivili, kif ukoll sustanzi mniżżla bħala armi kimiċi skont il-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni, il-Ħażna u l-Użu ta' Armi Kimiċi u dwar il-Qerda tagħhom; billi ma kien hemm l-ebda rispett tal-prinċipji ta' prekawzjoni u ta' proporzjonalità; billi kien hemm żoni ċivili, skejjel, sptarijiet, ħaddiema umanitarji u kampijiet tar-rifuġjati li sfaw intenzjonalment fil-mira; billi d-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità m'għandhomx jgħaddu mingħajr ma jiġu kkastigati;

E.  billi l-Kummissjoni ta' Inkjesta Internazzjonali Indipendenti dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana, b'mandat min-Nazzjonijiet Uniti, flimkien ma' gruppi tad-drittijiet tal-bniedem, ġabru provi li mill-inqas 200 000 persuna ġew arrestati mill-Gvern Sirjan f'kundizzjonijiet inumani ta' detenzjoni; billi eluf ta' Sirjani mietu fil-kustodja tal-Gvern Sirjan f'dawn l-aħħar snin dovut għat-tortura u l-mard; billi l-għajbien sfurzat u abbużi orribbli fuq il-ħabsin huma mifruxa; billi l-awtoritajiet Sirjani ppruvaw iżommu informazzjoni dwar il-faċilitajiet ta' detenzjoni sigrieti tagħhom, billi irrifjutaw l-aċċess għal osservaturi tad-detenzjoni rikonoxxuti b'mod internazzjonali; billi l-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (KISA), sa mill-2011, tħalla biss iżur ftit ħabsijiet;

F.  billi d-dinja kienet ripetutament ixxukkjata bl-atroċitajiet imwettqa mid-Da'esh u minn gruppi ġiħadisti oħra, bl-użu ta' eżekuzzjonijiet brutali, kif ukoll b'vjolenza sesswali terribbli, ħtif, tortura, konverżjonijiet sfurzati u skjavitù tan-nisa u l-bniet; billi tfal ġew reklutati u użati f'attakki terroristiċi; billi d-Da'esh għadha qed tikkontrolla partijiet kbar tas-Sirja u tal-Iraq; billi d-Da'esh iwettaq il-ġenoċidju kontra minoranzi reliġjużi u etniċi, iwettaq atti ta' tortura estrema u jeqred il-wirt kulturali; billi hemm tħassib serju dwar il-benessri tal-popolazzjoni li bħalissa tinsab taħt il-kontroll tad-Da'esh u dwar l-użu possibbli tagħhom bħala tarki umani matul il-kampanja għall-ħelsien;

G.  billi l-Jabhat Fateh al-Sham, preċedentement magħruf bħala l-Front Al-Nusra, l-affiljat tal-al-Qaeda fis-Sirja, huwa organizzazzjoni terroristika li tirrifjuta tranżizzjoni politika negozjata u futur demokratiku u inklużiv għas-Sirja;

H.  billi s-Sirja ffirmat iżda ma rratifikatx l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI); billi s-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon, kemm-il darba ħeġġeġ lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jirreferi s-sitwazzjoni fis-Sirja lill-QKI; billi r-Russja u ċ-Ċina jimblokkaw kull progress dwar ir-responsabbiltà fis-Sirja billi jużaw il-veto tagħhom għal kull riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà li tagħti lill-Qorti l-mandat biex tinvestiga d-delitti atroċi mwettqa matul il-kunflitt fis-Sirja; billi fis-16 ta' Novembru 2016 ir-Russja ddeċidiet li tirtira l-firma tagħha mill-Istatut ta' Ruma; billi dan in-nuqqas ta' responsabbiltà jagħti lok għal aktar atroċitajiet u jkompli jżid it-tbatija tal-vittmi;

I.  billi l-pajjiżi u l-partijiet kollha involuti fil-kunflitt iridu jiġu mfakkra dwar l-obbligi tagħhom skont ir-Riżoluzzjoni 2254 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, b'mod partikolari l-obbligu li jwaqqfu kull attakk kontra ċivili u infrastruttura ċivili u l-obbligu li jiżguraw l-aċċess umanitarju madwar il-pajjiż; billi l-Unjoni Ewropea trid tuża l-istrumenti kollha tagħha, inkluż l-impożizzjoni ta' miżuri restrittivi, sabiex tiżgura konformità sħiħa mill-partijiet kollha ma' din ir-riżoluzzjoni;

J.  billi l-UE hija fost il-kontributuri ewlenin ta' għajnuna umanitarja għan-nies li qed jaħarbu l-vjolenza u l-qerda storiċi fis-Sirja; billi n-nuqqas ta' għaqda internazzjonali jagħmilha ferm aktar diffiċli li jintlaħaq tmiem innegozjat għall-gwerra fis-Sirja;

1.  Jesprimi għal darb' oħra t-tħassib mill-aktar serju tiegħu dwar il-ġlied u l-bombardamenti li qed ikomplu fis-Sirja u s-sitwazzjoni umanitarja li marret għall-agħar; jikkundanna bil-qawwa l-attakki kollha fuq iċ-ċivili u fuq l-infrastruttura ċivili, il-kontinwazzjoni tal-assedji kollha fis-Sirja u n-nuqqas ta' aċċess umanitarju għall-poplu Sirjan fil-bżonn; jistieden lill-partijiet kollha biex jippermettu aċċess umanitarju mingħajr xkiel u kontinwu u l-forniment ta' oġġetti ta' emerġenza, b'mod partikolari liż-żoni assedjati u li diffiċli jintlaħqu; jisħaq li l-ikkawżar intenzjonat tal-ġuħ fost il-popolazzjonijiet huwa pprojbit mid-dritt umanitarju internazzjonali u jħeġġeġ lill-partijiet kollha biex jippermettu l-evakwazzjonijiet mediċi immedjatament mil-Lvant ta' Aleppo u miż-żoni assedjati l-oħra kollha;

2.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-atroċitajiet u l-vjolazzjonijiet fuq skala kbira tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettqa mill-forzi ta' Assad bl-appoġġ tar-Russja u l-Iran, kif ukoll l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u l-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali minn gruppi terroristiċi armati mhux statali, b'mod partikolari d-Da'esh, Jabhat Fateh al-Sham/il-Front al-Nusra u gruppi ġiħadisti oħrajn;

3.  Jitlob għall-waqfien immedjat ta' bumbardamenti u ta' attakki indiskriminati kontra nies ċivili; jenfasizza l-ħtieġa li l-partijiet kollha juru l-akbar attenzjoni u jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jipproteġu liċ-ċivili, irrispettivament mill-identità etnika jew mit-twemmin reliġjuż jew konfessjonali tagħhom; jikkundanna bil-qawwa l-isparar bla distinzjoni ta' għadd kbir ta' rokits minn gruppi armati ta' oppożizzjoni fuq subborgi ċivili fil-Punent ta' Aleppo; jenfasizza li ħafna ċivili, inklużi tfal, ġew irrappurtati feruti u maqtula; jitlob lill-partijiet kollha fil-kunflitt jieħdu l-passi xierqa kollha biex jipproteġu liċ-ċivili, b'konformità mad-dritt internazzjonali, inkluż billi jwaqqfu l-attakki diretti kontra faċilitajiet ċivili bħalma huma ċ-ċentri mediċi, l-iskejjel u l-istazzjonijiet tal-ilma, billi jiddemilitarizzaw immedjatament dawn il-faċilitajiet, billi jfittxu li jevitaw li jistabbilixxu pożizzjonijiet militari f'żoni b'densità għolja ta' popolazzjoni u billi jippermettu l-evakwazzjoni taċ-ċivili mweġġa' u ta' dawk kollha li jixtiequ jitilqu miż-żoni assedjati; jenfasizza li r-reġim Sirjan għandu r-responsabbiltà primarja li jipproteġi l-popolazzjoni Sirjana;

4.  Ifaħħar l-isforzi tal-ħaddiema tal-għajnuna umanitarja li jagħmlu ħilithom biex iwasslu l-għajnuna, l-ikel, l-ilma u l-mediċini tant meħtieġa lin-nies maqbuda fil-kunflitt, u jħeġġeġ lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt biex jiżguraw lill-aġenziji umanitarji aċċess bla xkiel għall-persuni ċivili affettwati mill-gwerra;

5.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jipprovdu l-appoġġ sħiħ lin-NU u lill-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW) biex ikomplu jinvestigaw l-użu u l-qerda tal-armi kimiċi min-naħat kollha fis-Sirja; jinsisti bil-qawwa li dawk responsabbli għall-użu tal-armi kimiċi jridu jinżammu responsabbli; jappoġġa l-estensjoni tal-mandat tal-Mekkaniżmu ta' Investigazzjoni Konġunt tal-OPCW, bil-ħsieb li tiġi stabbilita r-responsabbiltà għall-użu tal-armi kimiċi fis-Sirja;

6.  Jesprimi tħassib dwar id-detenzjoni illegali, it-tortura, it-trattament ħażin, l-għajbien sfurzat u l-qtil tad-detenuti fil-ħabsijiet ta' reġim u fiċ-ċentri ta' detenzjoni sigrieta mmexxija minn milizzji appoġġati minn barra l-pajjiż; jistieden lill-awtoritajiet Sirjani li jiġġestixxu dawn iċ-ċentri ta' detenzjoni biex iwaqqfu l-eżekuzzjonijiet kollha kif ukoll it-trattament inuman;

7.  Jappella għar-rilaxx immedjat ta' dawk miżmuma b'mod arbitrarju u għat-tmiem tal-użu tat-tortura u trattament ħażin ieħor kif ukoll il-prattika ta' għajbien sfurzat, b'konformità mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 2139 tat-22 ta' Frar 2014; jappella għall-aċċess immedjat u bla xkiel għall-osservaturi tad-detenzjoni internazzjonali – bħall-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (KISA) – biex jimmonitorjaw is-sitwazzjoni tad-detenuti kollha fis-Sirja u biex jipprovdu informazzjoni u jappoġġaw lill-familji tad-detenuti;

8.  Ifakkar il-kundanna qawwija tiegħu fil-konfront tal-atroċitajiet imwettqa mir-reġim ta' Assad, Da'esh, Jabhat Fateh al-Sham/Al-Nusra u organizzazzjonijiet terroristiċi oħra, li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala delitti serji tal-gwerra u delitti kontra l-umanità; jappoġġa s-sejħa min-nazzjonijiet Quint (l-Istati Uniti, Franza, il-Ġermanja, l-Italja u r-Renju Unit) u mill-VP/RGħ dwar il-gruppi armati kollha li qed jiġġieldu fis-Sirja biex iwaqqfu kwalunkwe kollaborazzjoni ma' Jabhat Fateh al-Sham; jenfasizza l-importanza li, b'mod effikaċi, jitnaqqas l-aċċess għall-iffinanzjar u l-finanzjament tal-attivitajiet ta' Da'esh, jiġu arrestati l-ġellieda barranin u jitwaqqaf il-fluss tal-armi lill-gruppi ġiħadisti; jistieden lill-oppożizzjoni Sirjana biex b'mod ċar titbiegħed minn dawn l-elementi u l-ideoloġiji estremisti; ifakkar li l-isforzi għandhom ikunu ffukati fuq ir-rebħa kontra Da'esh u gruppi oħra ddeżinjati bħala terroristiċi min-NU; jitlob li tittieħed azzjoni għall-prevenzjoni ta' appoġġ materjali u finanzjarju milli jilħaq lil individwi, gruppi, impriżi u entitajiet assoċjati ma' gruppi ddeżinjati bħala terroristiċi min-NU;

9.  Itenni t-talba tiegħu li dawk ħatja li wettqu delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità jbatu l-konsegwenzi u jinżammu responsabbli; jenfasizza li dawk li jwettqu delitti kontra gruppi reliġjużi, etniċi u oħrajn, filwaqt li minoranzi u gruppi oħrajn għandhom ukoll jitressqu quddiem il-ġustizzja; jibqa' konvint li la jista' jkun hemm riżoluzzjoni tal-kunflitti effikaċi u lanqas paċi sostenibbli fis-Sirja mingħajr ma tittieħed ir-responsabbiltà tad-delitti li jkunu twettqu; huwa tal-fehma li l-kwistjoni tar-responsabbiltà għad-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità m'għandhiex tiġi ppolitiċizzata: l-obbligu li jiġi rrispettat id-dritt umanitarju internazzjonali f'kull ċirkostanza jirreferi għall-partijiet kollha involuti fil-kunflitt u kull min iwettaq dawn id-delitti jrid ikun konxju li f'xi mument jew ieħor se jiffaċċja il-ġustizzja;

10.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw li dawk kollha responsabbli għal vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali jiffaċjaw il-ġustizzja permezz ta' mekkaniżmi tal-ġustizzja internazzjonali jew qrati tal-ġustizzja li huma xierqa u imparzjali u permezz tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-ġurisdizzjoni universali; itenni l-appoġġ tiegħu għar-riferiment tal-każ tas-Sirja lill-QKI iżda, fid-dawl tan-nuqqas ta' abilità tal-Kunsill tas-Sigurtà biex jiddelibera dwar din il-kwistjoni, itenni t-talba tiegħu biex l-UE u l-Istati Membri tagħha jkunu jistgħu jmexxu l-isforzi fi ħdan l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u biex jesploraw il-ħolqien ta' tribunal għad-delitti tal-gwerra fis-Sirja wara riferiment lill-QKI; ladarba l-kunflitt jintemm, u bil-għan li tiġi promossa r-rikonċiljazzjoni, jenfasizza l-importanza tas-sjieda Sirjana tal-proċess;

11.  Jilqa' u jissottolinja l-importanza kritika tal-ħidma tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali u internazzjonali fid-dokumentazzjoni tal-evidenza ta' delitti tal-gwerra, ta' delitti kontra l-umanità u vjolazzjonijiet oħra, inkluż il-qerda tal-wirt kulturali; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jipprovdu aktar għajnuna u għajnuna kompluta lil dawn il-parteċipanti;

12.  Jiddeplora d-deċiżjoni tal-President Russu Vladimir Putin li jirtira mill-QKI, filwaqt li jinnota li l-Federazzjoni Russa għadha qatt ma rratifikat l-Istatut ta' Ruma u li ż-żmien li fih ittieħdet id-deċiżjoni jimmina l-kredibbiltà tal-pajjiż u jwassal biex jitfasslu konklużjonijiet dwar l-impenn tiegħu favur il-ġustizzja internazzjonali;

13.  Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sirja tas-17 ta' Ottubru 2016, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar is-Sirja tal-20 u l-21 ta' Ottubru 2016; jappoġġa s-sejħa tal-UE għat-tmiem tat-titjiriet militari kollha fuq il-belt ta' Aleppo; jieqfu b'mod immedjat l-ostilitajiet u li dan jiġi ssorveljat minn mekkaniżmu b'saħħtu u trasparenti; waqfien tal-assedji; kif ukoll aċċess umanitarju sħiħ, sostenibbli u mingħajr xkiel fil-pajjiż kollu, mogħti mill-partijiet kollha;

14.  Jilqa' r-rieżami tal-miżuri restrittivi tal-UE kontra s-Sirja u individwi li jaqsmu r-responsabbiltà għar-repressjoni tal-popolazzjoni ċivili fil-pajjiż; jenfasizza li l-UE għandha tikkunsidra l-għażliet disponibbli kollha, inkluża żona mingħajr titjir fuq il-belt ta' Aleppo, li jiġu stabbiliti konsegwenzi għall-vjolazzjonijiet u l-abbużi l-aktar brutali tad-drittijiet tal-bniedem mill-awturi kollha jekk l-atroċitajiet u n-nuqqas ta' rispett sfaċċat għad-dritt umanitarju jibqgħu għaddejja;

15.  Jeżiġi li kulħadd jirrispetta d-dritt tal-minoranzi etniċi u reliġjużi fis-Sirja, inklużi l-Insara, biex jibqgħu jgħixu fl-art storika u tradizzjonali fejn twieldu b'dinjità, ugwaljanza u sikurezza, u li jipprattikaw bis-sħiħ ir-reliġjon u t-twemmin tagħhom b'mod liberu mingħajr ma jkunu soġġetti għal ebda tip ta' ġegħil, vjolenza jew diskriminazzjoni; jappoġġa d-djalogu interreliġjuż sabiex jiġi promoss il-fehim reċiproku u jiġi miġġieled il-fundamentaliżmu;

16.  Iħeġġeġ lill-parteċipanti kollha fil-Grupp Internazzjonali ta' Appoġġ għas-Sirja (ISSG) biex jissuktaw in-negozjati b'tali mod li jiffaċilitaw l-istabbiliment ta' tregwa stabbli u jintensifikaw il-ħidma għas-sejbien ta' soluzzjoni politika dejjiema fis-Sirja; jenfasizza li l-atturi reġjonali, b'mod partikolari l-pajjiżi ġirien, għandhom responsabbiltà speċjali;

17.  Itenni t-talba tiegħu lill-VP/RGħ biex iġġedded l-isforzi lejn strateġija komuni tal-UE dwar is-Sirja; jilqa' u jappoġġa bis-sħiħ l-inizjattivi diplomatiċi reċenti tal-VP/RGħ Federica Mogherini, b'konformità mal-mandat tal-Kunsill Ewropew, bil-għan li jġibu lura fuq il-mejda tan-negozjati lill-partijiet involuti fil-kunflitt u biex jitnieda mill-ġdid il-proċess politiku f'Ġinevra; jinnota b'interess it-taħditiet reġjonali li kellha mal-Iran u l-Arabja Sawdija, u jqis l-attivitajiet tagħha bħala ta' valur miżjud u ta' kontribut siewi għall-isforzi tal-Mibgħut Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Staffan de Mistura; iħeġġeġ lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt sabiex ikomplu u jintensifikaw in-negozjati politiċi malajr kemm jista' jkun f'antiċipazzjoni li titwaqqaf tregwa ġdida u stabbli, li għandha tinkludi dispożizzjonijiet li jiżguraw il-ġustizzja tranżitorja wara l-kunflitti fis-Sirja; jenfasizza li dawn it-taħditiet ta' paċi għandhom iwasslu għal waqfien mill-ġlied u tranżizzjoni politika mmexxija mis-Sirjani u bi sjieda Sirjana; jenfasizza r-rwol li jista' jkollha l-UE fir-rikostruzzjoni u r-rikonċiljazzjoni ta' wara l-kunflitt;

18.  Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu favur l-inizjattiva umanitarja attwali tal-UE għal Aleppo, u jħeġġeġ lill-partijiet kollha jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tagħha;

19.  Jilqa' l-prijoritajiet tas-sħubija u l-patti mal-Ġordan għall-perjodu 2016-2018 u mal-Libanu għall-perjodu 2016-2020; jinnota li l-patti huma l-qafas li permezz tiegħu l-impenji reċiproċi li saru fil-Konferenza ta' Londra tal-4 ta' Frar 2016 dwar "l-Appoġġ għas-Sirja u r-Reġjun" huma msarrfa f'azzjonijiet; jinnota li l-ħtiġijiet finanzjarji dejjem ikbar u d-diskrepanza persistenti fil-finanzjament fir-rigward tal-għajnuna umanitarja pprovduta lill-pajjiżi ġirien tas-Sirja; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jżommu l-wegħdiet tagħhom u jipprovdu l-appoġġ tant meħtieġ lin-NU, lill-aġenziji speċjalizzati tagħha u atturi umanitarji oħra fil-provvista ta' għajnuna umanitarja lil miljuni ta' Sirjani spostati kemm internament kif ukoll f'pajjiżi u komunitajiet ospitanti;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lil-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lin-Nazzjonijiet Uniti, lill-membri tal-Grupp Internazzjonali ta' Appoġġ għas-Sirja, u lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt fis-Sirja.