Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B8-0193/2017Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B8-0193/2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-Filippini – il-każ tas-Senatur Leila M. De Lima

15.3.2017 - (2017/2597(RSP))

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
ECR (B8-0193/2017)
Verts/ALE (B8-0197/2017)
EFDD (B8-0199/2017)
S&D (B8-0226/2017)
GUE/NGL (B8-0222/2017)
ALDE (B8-0223/2017)
PPE (B8-0225/2017)

Cristian Dan Preda, Tomáš Zdechovský, Marijana Petir, Tunne Kelam, Pavel Svoboda, Ivan Štefanec, Lefteris Christoforou, Elisabetta Gardini, Milan Zver, Brian Hayes, David McAllister, Eduard Kukan, Bogdan Brunon Wenta, József Nagy, Michaela Šojdrová, Roberta Metsola, Romana Tomc, Patricija Šulin, Maurice Ponga, Sven Schulze, Csaba Sógor, Željana Zovko, Ivana Maletić, Stanislav Polčák, Deirdre Clune, Giovanni La Via, Claude Rolin, Adam Szejnfeld, Jiří Pospíšil, Dubravka Šuica, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Therese Comodini Cachia, Krzysztof Hetman, Anna Záborská, Andrey Kovatchev, Inese Vaidere, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Elmar Brok f'isem il-Grupp PPE
Victor Boştinaru, Soraya Post, Neena Gill f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Karol Karski, Ryszard Antoni Legutko, Ryszard Czarnecki, Tomasz Piotr Poręba, Monica Macovei, Valdemar Tomaševski, Anna Elżbieta Fotyga, Mark Demesmaeker, Branislav Škripek, Raffaele Fitto, Jana Žitňanská, Angel Dzhambazki, Ruža Tomašić, Arne Gericke f'isem il-Grupp ECR
Johannes Cornelis van Baalen, Nedzhmi Ali, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Dita Charanzová, Marielle de Sarnez, Gérard Deprez, María Teresa Giménez Barbat, Nathalie Griesbeck, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Louis Michel, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Carolina Punset, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Marietje Schaake, Hannu Takkula, Pavel Telička, Ivo Vajgl, Hilde Vautmans, Paavo Väyrynen, Valentinas Mazuronis f'isem il-Grupp ALDEMarie-Christine Vergiat, Kateřina Konečná, Barbara Spinelli, Merja Kyllönen, Helmut Scholz f'isem il-Grupp GUE/NGL
Barbara Lochbihler, Maria Heubuch, Heidi Hautala, Ernest Urtasun, Igor Šoltes, Davor Škrlec, Bronis Ropė, Bodil Valero f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo, Isabella Adinolfi, Beatrix von Storch f'isem il-Grupp EFDD


Proċedura : 2017/2597(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B8-0193/2017
Testi mressqa :
RC-B8-0193/2017
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Filippini – il-każ tas-Senatur Leila M. De Lima

(2017/2597(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Filippini, b'mod partikolari dik tal-15 ta' Settembru 2016[1],

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tad-Delegazzjoni tal-UE u tal-kelliem tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ),

–  wara li kkunsidra r-relazzjonijiet diplomatiċi bejn il-Filippini u l-UE (dak iż-żmien il-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE)), stabbiliti fit-12 ta' Mejju 1964 bil-ħatra tal-Ambaxxatur tal-Filippini għall-KEE,

–  wara li kkunsidra l-istatus tal-Filippini bħala membru fundatur tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni Internazzjonali tal-Ġuristi tat-28 ta' Frar 2017,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Filippini, min-naħa l-oħra,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Filippini u l-UE ilhom igawdu relazzjonijiet diplomatiċi, ekonomiċi, kulturali u politiċi bejniethom;

B.  billi fit-23 ta' Frar 2017 inħareġ mandat ta' arrest fil-konfront tas-Senatur Leila M. De Lima tal-Filippini, membru tal-Partit Liberali fl-oppożizzjoni, fuq akkużi ta' allegati reati relatati mad-droga; billi fl-24 ta' Frar is-Senatur De Lima ġiet arrestata u miżmuma f'kustodja; billi, jekk tinstab ħatja, is-Senatur De Lima tista' teħel sentenza ta' bejn 12-il sena u għomor il-ħabs u titkeċċa mis-Senat;

C.  billi hemm tħassib serju li r-reati li s-Senatur De Lima ġiet mixlija bihom huma kważi għalkollox ivvintati; billi Amnesty International tqis is-Senatur De Lima bħala priġuniera minħabba t-twemmin tagħha;

D.  billi s-Senatur De Lima hija difensur tad-drittijiet tal-bniedem u hija l-opponent prinċipali tal-kampanja kontra d-droga tal-President Filippin Rodrigo Duterte; billi hija kkundannat bil-miftuħ il-gwerra tal-Filippini kontra d-droga; billi s-Senatur De Lima kienet President tal-Kummissjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Filippini; billi hemm tħassib serju dwar is-sikurezza tas-Senatur De Lima; billi hemm għadd kbir ta' allegazzjonijiet ta' tortura fil-postijiet ta' detenzjoni li mhumiex qed jiġu investigati;

E.  billi, fid-19 ta' Settembru 2016, is-Senatur De Lima tneħħiet mill-pożizzjoni tagħha bħala president tal-Kumitat għall-Ġustizzja u d-Drittijiet tal-Bniedem tas-Senat; billi matul il-mandat tagħha bħala l-kap tal-Kummissjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, is-Senatur De Lima mexxiet l-investigazzjoni dwar l-allegat qtil extraġudizzjarju ta' madwar 1 000 suspettat tad-droga jew aktar f'Davao, meta l-President Duterte kien sindku tal-belt; billi, wara s-seduti, is-Senatur De Lima kienet vittma ta' kampanja ta' fastidju u intimidazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet, u dawn l-attakki żdiedu fl-aħħar tmien xhur;

F.  billi, fit-2 ta' Marzu 2017, il-Human Rights Watch ħareġ ir-rapport tiegħu "Licence to Kill: Philippine Police Killings in Duterte's 'War on Drugs'", li jiddokumenta l-qtil extraġudizzjarju relatat mal-kampanja kontra d-droga;

G.  billi ġew rappurtati aktar minn 7 000 każ ta' qtil relatat mad-droga mwettqa mill-pulizija u l-viġilanti minn mindu l-President Duterte tela' fil-poter fit-30 ta' Ġunju 2016; billi l-President Duterte wiegħed li jkompli l-kampanja tiegħu kontra d-droga sa tmiem il-mandat presidenzjali fl-2022;

H.  billi b'reazzjoni għall-qtil ta' uffiċjali mir-ribelli komunisti tal-Armata l-Ġdida tal-Poplu (NPA) fin-Nofsinhar tal-Filippini fit-8 ta' Marzu 2017, il-President Duterte ordna lill-armata twettaq operazzjonijiet kontra r-ribelli mingħajr ma tagħti kas il-ħsara kollaterali;

I.  billi, fit-30 ta' Jannar 2017, il-Pulizija Nazzjonali tal-Filippini ssospendiet temporanjament l-operazzjonijiet kontra d-droga min-naħa tal-pulizija wara allegat qtil brutali relatat mal-ġlieda kontra d-droga; billi l-President Duterte ordna lill-Forzi Armati tal-Filippini (AFP) jimlew dan il-vojt fil-kampanja kontra d-droga;

J.  billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-attivisti u l-ġurnalisti fil-Filippini, inkluża s-Senatur De Lima, iħabbtu wiċċhom regolarment ma' theddid, fastidju, intimidazzjoni u bullying fuq l-internet; billi dawk li jiksru d-drittijiet ta' dawn il-gruppi mhumiex qed jinżammu responsabbli minħabba l-fatt li mhux qed jitwettqu investigazzjonijiet xierqa; billi, f'Novembru 2016, il-President Duterte hedded bil-miftuħ li joqtol lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

K.  billi, fis-7 ta' Marzu 2017, il-Kamra tar-Rappreżentanti approvat l-Abbozz ta' Liġi 4727 biex terġa' tiddaħħal il-piena tal-mewt għal delitti gravi relatati mad-droga; billi l-Filippini kienu l-ewwel pajjiż fir-reġjun li, fl-2007, abolixxa l-piena tal-mewt; billi bħalissa l-amministrazzjoni tal-President Duterte qed tikkunsidra leġiżlazzjoni dwar it-tnaqqis tal-età minima għar-responsabbiltà kriminali minn 15-il sena għal 9 snin;

L.  billi, f'Settembru 2016, il-Filippini assumew il-presidenza tal-ASEAN għall-2017;

1.  Jitlob il-ħelsien immedjat tas-Senatur Leila M. De Lima u jappella biex tingħata sigurtà adegwata kemm iddum miżmuma f'kustodja; jistieden lill-awtoritajiet tal-Filippini jiżguraw proċess ġust, filwaqt li jfakkar fid-dritt għall-preżunzjoni tal-innoċenza, iwaqqgħu l-akkużi politikament motivati kollha miġjuba kontriha u jtemmu kwalunkwe att ulterjuri ta' fastidju fil-konfront tagħha;

2.  Huwa konxju tal-fatt li, fil-Filippini, miljuni ta' persuni huma affettwati b'mod negattiv mil-livell għoli ta' dipendenza fuq id-droga u l-konsegwenzi tagħha; jikkundanna bil-qawwa t-traffikar u l-abbuż tad-droga fil-Filippini; jistieden lill-Gvern jagħti prijorità lill-ġlieda kontra x-xibka tat-traffikar u l-barunijiet tad-droga, flok ma jikkonċentra fuq il-konsumaturi ż-żgħar; jenfasizza li din il-ġlieda trid timxi id f'id ma' miżuri ta' prevenzjoni u diżintossikazzjoni; iħeġġeġ lill-Gvern fl-isforzi tiegħu biex jiftaħ ċentri ta' diżintossikazzjoni ġodda;

3.  Jikkundanna bil-qawwa l-għadd kbir ta' każijiet ta' qtil extraġudizzjarju mill-forzi armati u l-gruppi ta' viġilanza b'rabta mal-kampanja kontra d-droga; jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi; jesprimi tħassib serju dwar rapporti kredibbli li jgħidu li l-korp tal-pulizija tal-Filippini qed jiffalsifika l-evidenza biex jiġġustifika l-qtil extraġudizzjarju, u li dawk li qed jisfaw l-aktar fil-mira huma l-foqra taż-żoni urbani; jistieden lill-awtoritajiet tal-Filippini jwettqu immedjatament investigazzjonijiet imparzjali u effikaċi fir-rigward ta' dan il-qtil extraġudizzjarju u jieħdu passi kontra l-awturi tad-delitti u jressquhom quddiem il-ġustizzja; jistieden lill-UE tappoġġja dawn l-investigazzjonijiet; jistieden lill-awtoritajiet tal-Filippini jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa biex jevitaw aktar qtil;

4.  Jesprimi tħassib serju fir-rigward tar-retorika tal-President Duterte bi tweġiba għall-qtil ta' xi uffiċjali fit-8 ta' Marzu 2017 u jħeġġeġ bil-qawwa lill-awtoritajiet u l-militar tal-Filippini jirrispettaw strettament id-dritt umanitarju internazzjonali, li jpoġġi restrizzjonijiet speċifiċi fuq il-partijiet kollha f'kunflitt armat biex ma jweġġgħux nies ċivili u persuni mhux involuti fil-ġlied;

5.  Jistieden lill-UE tappoġġja t-tnedija ta' investigazzjoni internazzjonali indipendenti fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fir-rigward tal-qtil illegali u ksur ieħor min-naħa tal-Filippini fil-kuntest tal-"ġlieda kontra d-droga" tal-President Duterte;

6.  Huwa allarmat ħafna bid-deċiżjoni tal-Kamra tar-Rappreżentanti li terġa' ddaħħal il-piena tal-mewt; jistieden lill-awtoritajiet tal-Filippini jwaqqfu immedjatament il-proċedimenti li għaddejjin biex terġa' tiddaħħal il-piena tal-mewt; ifakkar li l-UE tqis il-piena kapitali bħala kastig krudili u inuman li jonqos milli jaġixxi bħala deterrent għall-imġiba kriminali; jistieden lill-Gvern Filippin ma jbaxxix l-età minima għar-responsabbiltà kriminali;

7.  Jistieden lill-UE ssegwi mill-qrib il-każ tas-Senatur De Lima;

8.  Iħeġġeġ lill-UE tuża l-istrumenti kollha disponibbli biex tgħin lill-Gvern tal-Filippini jirrispetta l-obbligi internazzjonali tiegħu fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari permezz tal-Ftehim Qafas;

9.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża l-istrumenti kollha disponibbli biex tikkonvinċi lill-Filippini jtemmu l-qtil extraġudizzjarju relatat mal-kampanja kontra d-droga, inklużi passi proċedurali bil-ħsieb tal-possibbiltà li jitneħħew il-preferenzi tas-SĠP+ jekk ma jkunx hemm titjib sostanzjali fix-xhur li ġejjin;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u l-Parlament tal-Filippini, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-ASEAN.