MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar l-Etjopja, b'mod partikolari l-każ ta' Dr Merera Gudina
17.5.2017 - (2017/2682(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
ECR (B8-0369/2017)
EFDD (B8-0371/2017)
Verts/ALE (B8-0373/2017)
S&D (B8-0374/2017)
PPE (B8-0376/2017)
ALDE (B8-0377/2017)
Cristian Dan Preda, Tunne Kelam, Elmar Brok, Deirdre Clune, Pavel Svoboda, Jarosław Wałęsa, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Milan Zver, Krzysztof Hetman, Dubravka Šuica, Sven Schulze, Stanislav Polčák, Michaela Šojdrová, Lefteris Christoforou, Marijana Petir, Ivan Štefanec, Tomáš Zdechovský, Eva Maydell, Csaba Sógor, Adam Szejnfeld, Sandra Kalniete, Patricija Šulin, Brian Hayes, Luděk Niedermayer, Elisabetta Gardini, Željana Zovko, Ivana Maletić, Laima Liucija Andrikienė, Andrey Kovatchev, Jiří Pospíšil, Roberta Metsola, Michael Gahler, Julia Pitera, Anna Záborská, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, László Tőkés, Inese Vaidere, Giovanni La Via f'isem il-Grupp PPE
Elena Valenciano, Victor Boştinaru, Soraya Post, Ana Gomes f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Karol Karski, Ryszard Antoni Legutko, Ryszard Czarnecki, Tomasz Piotr Poręba, Jadwiga Wiśniewska, Branislav Škripek, Raffaele Fitto, Ruža Tomašić, Notis Marias, Monica Macovei, Angel Dzhambazki, Arne Gericke, Urszula Krupa f'isem il-Grupp ECR
Marietje Schaake, Izaskun Bilbao Barandica, Nedzhmi Ali, Beatriz Becerra Basterrechea, Dita Charanzová, Marielle de Sarnez, Gérard Deprez, Martina Dlabajová, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Ilhan Kyuchyuk, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Robert Rochefort, Jasenko Selimovic, Hannu Takkula, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Paavo Väyrynen, Cecilia Wikström, Ivo Vajgl, María Teresa Giménez Barbat f'isem il-Grupp ALDE
Jordi Solé, Bodil Valero, Bart Staes, Igor Šoltes, Ernest Urtasun, Davor Škrlec f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo, Rolandas Paksas, Beatrix von Storch, Isabella Adinolfi, Piernicola Pedicini, Laura Ferrara f'isem il-Grupp EFDD
Barbara Kappel
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Etjopja, b'mod partikolari l-każ ta' Dr Merera Gudina
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fl-Etjopja,
– wara li kkunsidra l-aktar Eżami Perjodiku Universali reċenti dwar l-Etjopja, li sar qabel il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tal-2015,
– wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) b'segwitu għaż-żjara ta' Federica Mogherini, Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Prim Ministru Etjopjan, Hailemariam Desalegn f'Addis Ababa fis-17 ta' Marzu 2017,
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Federali tal-Etjopja, adottata fit-8 ta' Diċembru 1994, u b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III dwar id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet demokratiċi,
– wara li kkunsidra r-rapport bil-fomm li sar mill-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem għall-Etjopja lill-Parlmanet tal-Etjopja, fit-18 ta' April 2017,
– wara li kkunsidra l-istqarrija tal-10 ta' April 2017 minn Stavros Lambrinidis, Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, dwar iż-żjara tiegħu fl-Etjopja biex iniedi l-Impenn Strateġiku dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-governanza,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Etjopja rratifikat fl-1993,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-SEAE dwar il-ġlied reċenti fl-Etjopja, tat-23 ta' Diċembru 2015,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-10 ta' Ottubru 2016 mill-Kelliem tar-Rappreżentant Għoli u Viċi President, dwar it-tħabbir tal-istat ta' emerġenza mill-Etjopja,
– wara li kkunsidra l-Aġenda Komuni dwar il-Migrazzjoni u l-Mobilità UE-Etjopja, iffirmata fil-11 ta' Novembru 2015,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-18 ta' Diċembru 2015 mid-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti dwar il-ġlied f'Oromia, l-Etjopja,
– wara li kkunsidra l-Impenn Strateġiku bejn l-UE u l-Etjopja,
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,
– wara li kkunsidra ż-żjara fl-Etjopja ta' Zeid Ra'ad, il-Kummissarju tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, li ntemmet fl-4 ta' Mejju 2017,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Etjopja twettaq rwol ewlieni fir-reġjun u tgawdi minn appoġġ politiku mid-donaturi tal-Punent u minn ħafna mill-ġirien reġjonali, minħabba r-rwol tagħha bħala l-pajjiż ospitanti tal-Unjoni Afrikana (UA) u l-kontribut tagħha għal attivitajiet ta' żamma ta' paċi tan-NU, is-sħubijiet ta' sigurtà u ta' għajnuna mal-pajjiżi tal-Punent bħala sostenitriċi ta' sforzi internazzjonali biex tinġieb l-istabbiltà fis-Somalja u biex jiġu miġġielda l-gruppi terroristiċi fir-reġjun; billi l-Etjopja hi nvoluta ħafna fir-relazzjonijiet bejn is-Sudan u s-Sudan t'Isfel u ilha torganizza taħdidiet ta' paċi taħt il-kappa tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD);
B. billi, b'popolazzjoni ta' 100 miljun, l-Etjopja hi meqjusa bħala waħda mill-ekonomiji li qed jikbru malajr fl-Afrika, billi tattira investimenti barranin sinifikanti, inkluż fl-agrikoltura, il-kostruzzjoni u l-manifattura, il-proġetti ta' żvilupp fuq skala kbira, bħal bini ta' digi idroelettriċi u pjantaġġuni, u twellija mifruxa ta' artijiet, spiss lil kumpaniji barranin, u li esperjenzat rata medja ta' tkabbir ta' 10 % tul l-aħħar għaxar snin; billi, madankollu, għadha waħda mill-ifqar ekonomiji, bi DNG per capita ta' USD 632; billi ġiet ikklassifikata fil-173 post minn 187 pajjiż fl-Indiċi tal-Iżvilupp Uman għall-2014;
C. billi l-kriżi umanitarja attwali fil-Qarn tal-Afrika li laqtet ir-reġjun ta' Ogaden u żoni oħra tal-Etjopja, ġabet magħha tfaqqigħ tal-kolera u nuqqas ta' ikel, li diġà kkawżaw l-imwiet ta' bosta persuni u poġġew lil eluf oħrajn f'riskju, partikolarment sa mill-bidu ta' Marzu; billi l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR) nieda l-akbar appell tiegħu għal USD 96,4 miljun bħala assistenza għal 1,19-il miljun reifuġjat u ex refuġjati fis-Sudan, is-Somalja, l-Etjopja u r-Repubblika Ċentru-Afrikana; billi f'Jannar 2017, l-Etjopja ddikjarat emerġenza minħabba n-nixfa fil-provinċji tal-Lvant tagħha li ħalliet lil 5,6 miljun persuna fi bżonn urġenti ta' assistenza, u qed tappella għal għajnuna mill-komunità internazzjonali; billi fl-2016, in-nixfa ħalliet lil 10 miljun persuna bil-ġuħ u kkawżat il-mewt ta' eluf ta' annimali għat-trobbija;
D. billi l-Ftehim dwar l-Impenn Strateġiku UE-Etjopja kien iffirmat fl-14 ta' Ġunju 2016; billi jirrikonoxxi r-rwol kruċjali mwettaq mill-Etjopja fl-Afrika u fil-komunità internazzjonali, kif ukoll it-tkabbir ekonomiku sinifikanti tagħha u l-progress imwettaq lejn l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju; billi l-UE tappoġġa r-rwol kostruttiv tal-Etjopja għall-paċi u s-sigurtà fil-Qarn tal-Afrika;
E. billi l-Etjopja qed tħabbat wiċċha ma' influssi permanenti u ħruġ ta' migranti u hi pajjiż ospitanti għal madwar 800 000 refuġjat, l-iktar mis-Sudan t'Isfel u l-Eritrea iżda ukoll mis-Somalja; billi fil-11 ta' Novembru 2015, l-UE u l-Etjopja ffirmaw Aġenda Komuni dwar il-Migrazzjoni u l-Mobilità (CAMM) biex isaħħu l-kooperazzjoni u d-djalogu bejn iż-żewġ partijiet fil-qasam tal-migrazzjoni;
F. billi l-Etjopja hija firmatarja tal-Ftehim ta' Cotonou, li l-Artikolu 96 tiegħu jistipula li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali huwa element essenzjali tal-koperazzjoni AKP-UE,
G. billi l-awtoritajiet tal-Etjopja għamlu użu ripetut ta' forza eċċessiva kontra d-dimostranti paċifiċi, kif ukoll wettqu abbużi kontra d-drittijiet tal-bniedem fil-konfront ta' membri tal-komunità Oromo u ta' gruppi etniċi oħrajn, inklużi atti ta' persekuzzjoni, arresti arbitrarji u qtil, minħabba l-perċezzjoni li dawn jopponu l-gvern; billi l-gvern tal-Etjopja regolarment jakkuża lil dawk li jikkritikaw il-politika tal-gvern b'assoċjazzjoni mat-terroriżmu; billi l-ġurnalisti, il-bloggers, id-dimostranti u l-attivisti ġew imressqa l-qorti skont il-Proklamazzjoni Kontra t-Terroriżmu ħarxa tal-pajjiż, tal-2009;
H. billi f'nofs April 2014 is-sitwazzjoni marret għall-agħar, meta l-gvern ħabbar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Żvilupp Reġjonali Integrat ta' Addis Ababa, li kien qiegħed jipproponi l-espansjoni tal-faċilitajiet lejn żoni 'l barra mill-belt u ta' appartenenza għall-Istat Reġjonali Nazzjonali ta' Oromia, li hu l-akbar reġjun tal-Etijopja li jiċċirkonda lill-Addis Ababa;
I. billi fl-14 ta' Jannar 2016, il-gvern iddeċieda li jħassar il-pjan ta' żvilupp urban kontroversjali fuq skala kbira; billi t-tkabbir ta' Addis Ababa diġà sposta lil bosta bdiewa Oromo u ħallihom f'qagħda ta' faqar;
J. billi fl-2015 u fl-2016, kien hemm protesti tal-massa f'Oromia, dwar l-estensjoni tal-fruntiera muniċipali fl-artijiet tal-bdiewa Oromo, li huma d-dar ta' żewġ miljun persuna, dan għaliex l-esproprjazzjonijiet kienu meqjusa bħala ħtif tal-art; billi l-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Etjopja, li għandha l-mandat li tinvestiga dawn il-protesti, fid-19 ta' April 2017 irrapportat li bejn Ġunju u Ottubru 2016, inqatlu 462 persuna ċivili u 33 persuna membru tal-forzi ta' sigurtà, u indarbu 338 persuna ċivili u 126 membru tal-forzi ta' sigurtà;
K. billi fid-9 ta' Ottubru 2016 il-Prim Ministru Etjopjan Hailemariam Desalegn iddikkjara stat ta' emerġenza, previst fil-Kostituzzjoni tal-Etjopja; billi l-istat ta' emerġenza jagħti awtorizzazzjoni lill-militar biex jinforza s-sigurtà nazzjonali u jimponi restrizzjonijiet ulterjuri fuq il-libertà tal-espressjoni u l-aċċess għall-informazzjoni; billi fil-15 ta' Marzu 2017, il-gvern ħabbar li ħafna restrizzjonijiet marbuta mal-istat ta' emerġenza ġew imneħħija, u ddikjara li l-post ta' kmand ma kienx se jkun f'pożizzjoni li jarresta persuni b'mod arbitrarju jew iwettaq tfittxijiet ta' propjetà mingħajr mandati, u li l-kerfjus u xi restrizzjonijiet fuq ir-rappurtar tal-midja, kienu se jitneħħew; billi fid-29 ta' Marzu 2017, il-Parlament Etjopjan qabel b'mod unanimu li jtawwal l-istat ta' emerġenza b'erba' xhur;
L. billi fit-30 ta' Novembru 2016, il-forzi tas-sigurtà Etjopjani arrestaw lil Dr Merera Gudina, il-President tal-Kungress Federalista Oromo, partit tal-oppożizzjoni Etjopjan, f'Addis Ababa, wara ż-żjara tiegħu fil-Parlament Ewropew fid-9 ta' Novembru, fejn kien f'panel ma' mexxejja oħra tal-oppożizzjoni u allegatament kiser il-liġi li timplimenta l-istat ta' emerġenza billi "ħoloq pressjoni kontra l-gvern", "hedded is-soċjetà permezz tal-vjolenza" u pprova "jfixkel l-ordni kostituzzjonali"; billi t-talba tiegħu għall-ħelsien fuq pleġġ ġiet miċħuda u għadu qed jinżamm taħt kustodja sakemm jingħata l-verdett; billi fl-24 ta' Frar 2017, Dr Gudina u żewġ koimputati, Berhanu Nega u Jawar Mohammed ġew akkużati b'erba' akkużi separati ta' nonkonformità mal-kodiċi kriminali tal-Etjopja;
M. billi attivisti, ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem oħrajn, fosthom Getachew Shiferaw (Kap Editur ta' Negere Ethiopia), Yonathan Teressa (attivist tal-internet), Fikadu Mirkana (Oromia Radio and TV Organisation), Eskinder Nega (ġurnalist prominenti), Bekele Gerba (paċifist Oromo), u Andargachew Tsige (kap tal-oppożizzjoni) ukoll ġew arrestati jew qed jinżammu taħt kustodja;
N. billi l-Etjopja reċentement ospitat uffiċjali ta' livell għoli tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u r-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, Stavros Lambrinidis, fl-okkażjoni tat-tnedija tad-djalogu settorjali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-governanza fl-ambitu tal-Impenn Strateġiku bejn l-UE u l-Etjopja; billi l-progress fit-titjib tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Etjopja kien wieħed kajman, inkluż fir-rigward tal-priġunerija ta' esponenti politiċi, l-użu kontinwu tal-liġi kontra t-terroriżmu/tal-liġi tal-OSĊ u l-estensjoni tal-istat ta' emerġenza;
O. billi fil-5 ta' Mejju, il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad Al Hussein, iddikjara li l-Proklamazzjoni dwar il-Karitajiet u s-Soċjetajiet u l-liġijiet tal-midja tal-massa u dawk kontra t-terroriżmu fl-Etjopja "ma jidhrux allinjati man-normi legali internazzjonali rilevanti, u jenħtieġ li jiġu riformati";
1. Jistieden lill-Gvern Etjopjan jeħles immedjatament fuq pleġġ u jwaqqa' l-akkużi kollha kontra Dr Gudina, Berhanu Nega, Jawar Mohammed u l-priġunieri politiċi l-oħra kollha; jisħaq fuq il-fatt li sabiex kwalunkwe djalogu mal-oppożizzjoni jkun jista' jitqies kredibbli, mexxejja politiċi tal-oppożizzjoni, bħalma hu Dr Merera Gudina, għandhom jiġu rilaxxati; jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-UE timmobilizza lill-Istati Membri tal-UE sabiex b'mod urġenti jaħdmu fuq it-twaqqif ta' inkjesta internazzjonali mmexxija min-NU sabiex issir investigazzjoni indipendenti, trasparenti u kredibbli dwar il-qtil ta' dimostranti u ssir pressjoni fuq il-gvern Etjopjan biex jagħti l-kunsens tiegħu;
2. Iħeġġeġ lill-Gvern Etjopjan biex ikompli jneħħi r-restrizzjonijiet u jtemm l-istat ta' emerġenza, filwaqt li jirrikonoxxi li dan qed jipprevjeni l-libertà ta' espressjoni u qed jillimita b'mod qawwi l-fehmiet diversi u leġittimi dwar is-soċjetà Etjopjana, li huma tant meħtieġa biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-Etjopja; jenfasizza li dan in-nuqqas ta' diskussjoni qed ipoġġi f'riskju l-istabbiltà tal-Etjopja;
3. Jitlob lill-awtoritajiet Etjopjani biex ma jkomplux jużaw il-leġislazzjoni kontra t-terroriżmu (il-Proklamazzjoni Kontra t-Terroriżmu Nru 652/2009) biex irażżnu d-dissens jew il-protesti paċifiċi leġittimi; jistieden ukoll lill-Gvern Etjopjan jirrevedi l-liġi kontra t-terroriżmu tiegħu;
4. Iħeġġeġ lill-Gvern Etjopjan jirrispetta bis-sħiħ il-libertà ta' espressjoni, il-libertà ta' assoċjazzjoni u l-libertà tal-istampa kif previst fil-Kostituzzjoni tal-Etjopja u jeħles lill-ġurnalisti u lill-bloggers detenuti inġustament; jemmen bis-sħiħ li l-protesti paċifiċi huma parti minn proċess demokratiku, u jenħtieġ li jiġu evitati reazzjonijiet b'forza eċċessiva taħt kwalunkwe ċirkostanza; iħeġġeġ lill-gvern jimplimenta b'mod xieraq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Etjopjana għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-protesti vjolenti ta' dan l-aħħar, b'mod partikolari bil-ħsieb li l-membri tal-forzi tas-sigurtà varji responsabbli għall-vjolenza jitressqu quddiem il-ġustizzja, jiġu evitati attakki mmirati kontra nazzjonalitajiet speċifiċi u jitħares id-dritt taċ-ċittadini għall-ġustizzja;
5. Ifakkar lill-Gvern Etjopjan fl-obbligi tiegħu li jiggarantixxi d-drittijiet fundamentali, inklużi l-aċċess għall-ġustizzja u d-dritt għal proċess ġust, kif previst fil-Karta Afrikana u fi strumenti internazzjonali u reġjonali oħrajn tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-Ftehim ta' Cotonou u speċifikament l-Artkoli 8 u 96 tiegħu;
6. Jitlob lill-Gvern Etjopjan jagħti lill-NGOs u l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem aċċess bla xkiel għall-partijiet kollha tal-pajjiż, partikolarment dawk iż-żoni fejn hemm il-kunflitti u l-protesti;
7. Jesprimi t-tħassib tiegħu rigward il-leġiżlazzjoni li tillimita b'mod qawwi d-dritt għal-libertà ta' espressjoni, tal-istampa, tal-informazzjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika, u l-monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem;
8. Ifakkar li l-Etjopja hi pajjiż importanti ta' destinazzjoni, tranżitu u oriġini għall-migranti, u li tospita l-akbar popolazzjoni ta' refuġjati fl-Afrika; jinnota l-adozzjoni ta' Aġenda Komuni dwar il-Migrazzjoni bejn l-UE u l-Etjopja li tkopri l-kwistjonijiet tar-refuġjati, il-kontroll tal-fruntieri u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin; jistieden ukoll lill-Kummissjoni Ewropea tissorvelja mill-qrib il-proġetti kollha li nbdew reċentement fil-qafas tal-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika; ifakkar li l-Etjopja hi t-tieni pajjiż bl-ikbar popolazzjoni fl-Afrika u waħda mill-ekonomiji tagħha li qed tikber bl-aktar rata mgħaġġla, imma madankollu, għadha waħda mill-ifqar; ifakkar li b'5 328 km ta' fruntieri, l-Etjopja qed tħabbat wiċċha mal-fraġilità tal-ġirien tagħha u influssi permanenti ta' migranti, u fil-fatt tospita madwar 800 000 refuġjat;
9. Jinnota r-rwol ewlieni tal-Etjopja fir-reġjun, u partikolarment l-appoġġ tagħha favur l-istabbilizzazzjoni tas-Somalja, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-proċess ta' paċi bejn is-Sudan u s-Sudan t'Isfel u dak fis-Sudan t'Isfel innifsu; jemmen li huwa essenzjali li l-Unjoni Ewropea tmexxi djalogu politiku ma' dan il-pajjiż ta' importanza ewlenija;
10. Jesprimi tħassib kbir dwar in-nixfa attwali fl-Etjopja li wasslet għad-deterjorament tas-sitwazzjoni umanitarja fil-pajjiż; jilqa' l-EUR 165 miljun addizzjonali f'assistenza lir-reġjun minħabba l-kriżi fis-Sudan t'Isfel u l-pajjiżi ġirien, kif ukoll minħabba n-nixfa fl-Etjopja, fis-Somalja u fil-Kenja;
11. Ifaħħar lill-Etjopja għall-progress li għamlet fit-titjib tal-kundizzjonijiet tal-popolazzjoni tagħha li qed tikber bil-ħeffa, inklużi r-refuġjati mill-kunflitti fil-pajjiżi ġirien, u japprezza t-tmexxija li qed turi f'dan ir-reġjun u fl-Unjoni Afrikana;
12. Huwa tal-fehma li kooperazzjoni futura tal-UE mal-Etjopja jenħtieġ li tikkonsidra l-kisba ta' progress sostantiv b'rabta ma' punti ta' riferiment tad-drittijiet tal-bniedem;
13. Jitlob lill-awtoritajiet tal-Etjopja sabiex jipprevjenu d-diskriminazzjoni etnika u jieħdu passi biex jiżviluppaw djalogu paċifiku u kostruttiv bejn il-komunitajiet differenti;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Ko-Presidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, lill-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana u lill-Parlament Pan-Afrikan, u lill-Gvern tal-Etjopja.