Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B8-0549/2017Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B8-0549/2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni fil-Maldivi

4.10.2017 - (2017/2870(RSP))

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
ALDE (B8-0549/2017)
ECR (B8-0550/2017)
GUE/NGL (B8-0555/2017)
EFDD (B8-0556/2017)
PPE (B8-0558/2017)
S&D (B8-0560/2017)
Verts/ALE (B8-0561/2017)

Cristian Dan Preda, Tomáš Zdechovský, Sandra Kalniete, Elmar Brok, Dubravka Šuica, Sven Schulze, Tunne Kelam, Lefteris Christoforou, Ivan Štefanec, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Laima Liucija Andrikienė, David McAllister, Marijana Petir, Mairead McGuinness, Pavel Svoboda, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Bogdan Brunon Wenta, Elisabetta Gardini, Claude Rolin, Jaromír Štětina, Milan Zver, Csaba Sógor, József Nagy, Adam Szejnfeld, Brian Hayes, Luděk Niedermayer, Patricija Šulin, Anna Záborská, Andrey Kovatchev, Seán Kelly, Deirdre Clune, Roberta Metsola, Krzysztof Hetman, Stanislav Polčák, Ivana Maletić, Željana Zovko, László Tőkés, Jiří Pospíšil f'isem il-Grupp PPE
Victor Boştinaru, Elena Valenciano, Soraya Post, Wajid Khan f'isem il-Grupp S&D
Ruža Tomašić, Raffaele Fitto, Urszula Krupa, Jan Zahradil, Jana Žitňanská, Notis Marias, Ryszard Czarnecki, Monica Macovei, Ryszard Antoni Legutko, Charles Tannock, Karol Karski, Branislav Škripek f'isem il-Grupp ECR
Javier Nart, Hilde Vautmans, Ilhan Kyuchyuk, Izaskun Bilbao Barandica, Petras Auštrevičius, Marietje Schaake, Urmas Paet, Pavel Telička, Louis Michel, Frédérique Ries, Nathalie Griesbeck, Jasenko Selimovic, Gérard Deprez, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Marian Harkin, Cecilia Wikström, Ivan Jakovčić, Beatriz Becerra Basterrechea, Robert Rochefort, Martina Dlabajová, Nedzhmi Ali, Patricia Lalonde, Ivo Vajgl, Paavo Väyrynen, Filiz Hyusmenova, Valentinas Mazuronis, Norica Nicolai, Carolina Punset, Jozo Radoš f'isem il-Grupp ALDE
Marie-Christine Vergiat, Merja Kyllönen, Patrick Le Hyaric, Barbara Spinelli, Younous Omarjee, Kateřina Konečná, Lola Sánchez Caldentey, Tania González Peñas, Estefanía Torres Martínez, Xabier Benito Ziluaga, Miguel Urbán Crespo f'isem il-Grupp GUE/NGL
Jean Lambert, Barbara Lochbihler, Judith Sargentini, Michèle Rivasi, Bodil Valero, Heidi Hautala, Igor Šoltes, Davor Škrlec, Ernest Urtasun, Jordi Solé, Michel Reimon f'isem il-Grupp Verts/ALE
Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Isabella Adinolfi, Piernicola Pedicini, Laura Agea f'isem il-Grupp EFDD


Proċedura : 2017/2870(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B8-0549/2017
Testi mressqa :
RC-B8-0549/2017
Dibattiti :
Testi adottati :

European Parliament resolution on the situation in the Maldives

(2017/2870(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Maldivi, b'mod partikolari dawk tas-16 ta' Settembru 2004[1], tat-30 ta' April 2015[2] u tas-17 ta' Diċembru 2015[3],

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li r-Repubblika tal-Maldivi hija parti fih,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Intolleranza u Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon u t-Twemmin tal-1981,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod partikolari l-Artikoli 2, 7 u 19 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-27 ta' Lulju 2017 tas-Segretarju Ġenerali tan-NU António Guterres,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-missjoni tal-Ħames Laqgħa Interparlamentari UE-Maldivi tat-8 u d-9 ta' Frar 2016,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar is-sitwazzjoni fil-Maldivi maħruġa fil-25 ta' Lulju 2017 mid-Delegazzjoni tal-UE fil-Maldivi, flimkien mal-Ambaxxati tal-Istati Membri tal-UE u l-Ambaxxati tal-Kanada, in-Norveġja, l-Iżvizzera u l-Istati Uniti akkreditati għall-Maldivi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-14 ta' Marzu 2016 tal-Kelliem għall-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar il-kundanna tal-ex President tal-Maldivi, Mohamed Nasheed,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-3 ta' Awwissu 2017 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji, Agnès Callamard, rigward it-tkomplija "imminenti" tal-eżekuzzjonijiet fil-Maldivi,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UE għandha relazzjonijiet stabbiliti sew mal-Maldivi u mijiet ta' eluf ta' turisti Ewropej jivvjaġġaw lejn il-Maldivi kull sena;

B.  billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Maldivi marret lura b'mod drammatiku mill-ewwel elezzjonijiet demokratiċi fl-2008 u billi l-ewwel president elett demokratikament, Mohamed Nasheed, tneħħa mill-poter fl-2012;

C.  billi l-libertajiet politiċi u ċivili ddgħajfu, il-mexxejja tal-oppożizzjoni ġew arrestati arbitrarjament, il-midja sfat attakkata, u ż-żieda fil-konservatiżmu reliġjuż qed titqies bħala l-kaġun ta' tnaqqis fil-libertà u t-tolleranza reliġjuża hekk kif il-President Abdulla Yameen – il-mexxej tal-Partit Progressiv tal-Maldivi – u l-gvern tiegħu qed jippruvaw iżidu l-ħakma tagħhom fuq il-poter;

D.  billi fit-22 ta' Awwissu 2017 il-forzi tas-sigurtà għalqu l-Parlament (il-Majlis) bl-użu tal-forza, f'dak li l-membri parlamentari tal-oppożizzjoni ddeskrivew bħala tentattiv biex titwaqqaf mozzjoni għall-impeachment tal-Ispeaker tal-Parlament;

E.  billi membri tal-partiti politiċi tal-oppożizzjoni, ġurnalisti indipendenti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem qed jirrappurtaw aktar theddid u attakki min-naħa tal-awtoritajiet, il-pulizija u gruppi estremisti;

F.  billi, f'Marzu 2015, Mohamed Nasheed, l-ewwel president tal-Maldivi elett demokratikament, ingħata sentenza ta' 13-il sena ħabs fuq akkużi ta' terroriżmu; billi mill-85 membru tal-parlament, 12-il membru tal-oppożizzjoni għaddejjin ġuri, mill-inqas tlieta tteħdilhom il-passaport, u mill-inqas wieħed għadu arrestat arbitrarjament; billi l-elezzjonijiet presidenzjali huma pprogrammati għall-2018;

G.  billi tqajjem tħassib dwar il-ġudikatura politiċizzata ħafna tal-Maldivi, li tul is-snin abbużat mill-poteri tagħha u aġixxiet favur il-partit fil-gvern u kontra l-politiċi tal-oppożizzjoni; billi d-dritt għal proċess ġust għadu mhux garantit u l-prinċipji kkonċernati jikkostitwixxu elementi fundamentali tal-istat tad-dritt;

H.  billi, fid-9 ta' Awwissu 2016, il-Parlament tal-Maldivi adotta l-"Liġi dwar il-Protezzjoni tar-Reputazzjoni u l-Fama Tajba u l-Libertà tal-Espressjoni", li timponi għadd ta' restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-espressjoni u tagħti lill-gvern is-setgħa li jirrevoka jew jissospendi l-liċenzji tax-xandara, il-pubblikazzjonijiet, is-siti web u mezzi medjatiċi oħra;

I.  billi, f'Awwissu 2016, il-President tal-Maldivi rratifika għadd ta' emendi għall-Att dwar il-Libertà tal-Għaqda li jillimitaw iż-żoni li fihom jistgħu jsiru protesti legali;

J.  billi l-Maldivi, fejn il-politiċi tal-oppożizzjoni jiġu intimidati, arrestati u mitfugħa l-ħabs fuq bażi regolari, ġie identifikat mill-Kumitat tal-Unjoni Interparlamentari dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Membri Parlamentari bħala wieħed mill-agħar pajjiżi fid-dinja għall-attakki kontra membri parlamentari tal-oppożizzjoni; billi l-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-midja, il-libertà ta' assoċjazzjoni u l-pluraliżmu demokratiku kulma jmur qed jiġu mhedda aktar u aktar, bl-arrest u l-akkużi fil-konfront ta' mijiet ta' dimostranti li jipprotestaw kontra l-gvern; billi hemm evidenza dejjem akbar li tindika li l-akkużi kriminali miġjuba kontra l-avversarji politiċi tal-President Yameen setgħu kienu motivati politikament;

K.  billi l-President Yameen iddikjara ripetutament l-intenzjoni tiegħu li jerġa' jibda l-prattika tal-eżekuzzjonijiet awtorizzati mill-Istat, u b'hekk iġib fi tmiemu moratorju ta' 60 sena; billi fir-reġjun tal-Asja u l-Paċifiku għoxrin Stat abolixxew il-piena kapitali u sebgħa oħra huma abolizzjonisti fil-prattika;

L.  billi llum hemm tal-anqas 20 individwu li ngħataw sentenza tal-mewt fil-Maldivi, li tal-anqas ħamsa minnhom kellhom anqas minn 18-il sena meta ġew arrestati; billi l-liġi Maldivjana, bi ksur tad-dritt internazzjonali, tippermetti li minorenni jingħataw piena tal-mewt posposta, li titwettaq meta l-minorenni jagħlaq 18-il sena; billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji ħeġġeġ lill-Gvern tal-Maldivi biex ma jerġax jagħti bidu għall-eżekuzzjonijiet;

M.  billi f'tal-anqas tliet każijiet, jiġifieri dawk ta' Hussein Humaam Ahmed, Ahmed Murrath u Mohamed Nabeel, il-Qorti Suprema tal-Maldivi kkonfermat is-sentenzi tal-mewt wara proċessi li ma rrispettawx l-istandards rikonoxxuti internazzjonalment; billi t-tlieta li huma issa huma f'riskju ta' eżekuzzjoni imminenti;

N.  billi l-Kummissjoni Internazzjonali ta' Ġuristi reċentement ikkundannat is-sospensjoni ta' 56 avukat Maldivjan, terz tal-avukati prattikanti tal-pajjiż, li kollha kemm huma ħadu sehem f'appelli għal riformi ġudizzjarji maħsuba biex jiżguraw l-indipendenza tal-ġudikatura;

O.  billi hemm ukoll preokkupazzjonijiet dwar żieda fil-militanza Iżlamista radikali u dwar l-għadd ta' żgħażagħ irġiel u nisa radikalizzati li allegatament ingħaqdu mal-IS/Da'esh;

P.  billi l-blogger u kritiku vokali tal-gvern, Yameen Rasheed, inqatel fit-23 ta' April 2017; billi l-ġurnalist Ahmen Rilwan ilu nieqes minn Awwissu 2014 u huwa maħsub mejjet; billi, fl-2012, il-blogger Ismail Rasheed qala' daqqiet u ġie ferut b'arma bil-ponta;

1.  Jesprimi d-dispjaċir kbir tiegħu dwar is-sitwazzjoni politika u tad-drittijiet tal-bniedem li sejra għall-agħar fil-Maldivi u dwar it-tmexxija dejjem aktar awtoritarja tal-President Abdulla Tameen u l-gvern tiegħu, li ħolqot ambjent ta' biża' u kkompromettiet il-progress li sar fil-pajjiż fis-snin riċenti fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, b'mod partikolari fid-dawl tal-elezzjonijiet li se jsiru fl-2018;

2.  Jikkundanna l-adozzjoni, fl-2016, tal-Att dwar id-Diffamazzjoni u l-Libertà tal-Kelma, li għandu l-għan li jrażżan il-libertà tal-espressjoni, kif ukoll l-emendi, fl-2016, għall-Att dwar il-Libertà tal-Għaqda li jirrestrinġi d-dritt tal-għaqda; jistieden lill-Gvern tal-Maldivi jagħmel il-liġijiet nazzjonali kollha konformi mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, u jħassar jew jirriforma l-atti msemmija hawn fuq;

3.  Jiddeplora t-trażżin tal-avversarji politiċi fil-Maldivi, u jistieden lill-gvern iwaqqa' l-akkużi kollha kontra l-ex President Mohamed Nasheed u jeħles, minnufih u bla kundizzjonijiet, lil dawk kollha li qed jinżammu għal raġunijiet politiċi, inklużi l-kap tal-Partit Jumhoory, Qasim Ibrahim; ifakkar lill-gvern fl-obbligi internazzjonali tiegħu li jirrispetta l-libertajiet u d-drittijiet fundamentali skont il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li jinkludu garanziji minimi ta' proċess ġust;

4.  Jistieden lill-Qorti Suprema tal-Maldivi tirrevoka minnufih is-sospensjoni ta' dawk is-56 avukat li ġew sospiżi f'Settembru u li l-miżura għadha tapplika għalihom; itenni l-istedina tiegħu lill-gvern biex jiżgura l-indipendenza u l-imparzjalità sħaħ tal-ġudikatura u biex jiggarantixxi għaċ-ċittadini kollha d-dritt għal ġustizzja ekwa u trasparenti mingħajr influwenza politika;

5.  Itenni l-oppożizzjoni soda tal-UE għall-piena tal-mewt, f'kull każ u mingħajr eċċezzjoni; jappella għall-abolizzjoni universali tal-piena kapitali; jikkundanna bil-qawwa t-tħabbira tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-piena tal-mewt fil-Maldivi u jħeġġeġ lill-Gvern u lill-Parlament tal-Maldivi biex jirrispettaw il-moratorju fuq il-piena tal-mewt li ilu fis-seħħ għal aktar minn 60 sena;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħeġġu pubblikament lill-President Yameen u lill-Gvern tal-Maldivi biex jeżaminaw mill-ġdid il-każijiet kollha li ngħataw sentenza tal-mewt sabiex ikun żgurat li d-drittijiet rikonoxxuti internazzjonalment u salvagwardati kostituzzjonalment ta' proċess ġust jiġu rispettati; jistieden lill-Gvern jirrevoka minnufih is-sentenzi kollha ta' piena kapitali kontra żgħażagħ u jipprojbixxi l-eżekuzzjoni ta' trasgressuri żgħażagħ;

7.  Jemmen li l-uniku mod biex jitwaqqaf id-deterjorament tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fil-Maldivi huwa permezz ta' proċess ta' djalogu ġenwin li jinvolvi lill-partiti politiċi kollha u lil mexxejja ċiviċi oħra;

8.  Jistieden lill-Gvern tal-Maldivi jirrispetta u jappoġġja bis-sħiħ id-dritt li wieħed jipprotesta, il-libertà tal-espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda, il-libertà ta' kuxjenza u l-libertà ta' reliġjon u ta' twemmin, irrispettivament mir-reliġjon tal-maġġoranza;

9.  Jistieden lill-Gvern tal-Maldivi jtemm l-impunità għall-vigilantes li użaw il-vjolenza kontra nies li kienu qed jippromwovu t-tolleranza reliġjuża, id-dimostranti paċifiċi, il-midja u s-soċjetà ċivili kritiċi;

10.  Jikkundanna l-għeluq furzat tal-Majlis Maldivjan għall-membri tiegħu u l-fastidju, l-intimidazzjoni u l-arrest ta' membri eletti tal-parlament;

11.  Jikkundanna l-intimidazzjoni u t-theddid kontinwi kontra ġurnalisti, bloggers u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Maldivi, l-arresti ta' reporters, u l-attakki għal għarrieda fuq organizzazzjonijiet tal-aħbarijiet u l-għeluq furzat tagħhom;

12.  Jistieden lill-gvern jiggarantixxi investigazzjoni imparzjali u indipendenti dwar il-mewt ta' Yameen Raheed u l-ħtif ta' Ahmed Rilwan sabiex dawk kollha responsabbli jiġu identifikati u jittellgħu l-qorti;

13.  Jistieden lill-awtoritajiet Maldivjani jiżguraw li l-Kummissjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Maldivi, il-Kummissjoni dwar l-Integrità Nazzjonali u l-kummissjonijiet elettorali jistgħu joperaw indipendentement u mingħajr indħil mill-gvern; jistieden lill-Gvern tal-Maldivi jikkoopera bis-sħiħ mal-mekkaniżmi tan-NU għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-Proċeduri Speċjali u l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem;

14.  Jistieden lill-UE tagħmel użu sħiħ mill-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tippromwovi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi fil-Maldivi, anke billi tikkunsidra li ddaħħal sanzjonijiet immirati individwali temporanji kontra dawk li qed jipperikolaw id-drittijiet tal-bniedem;

15.  Jistieden lill-awtoritajiet Maldivjani jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-liġijiet li jikkriminalizzaw il-mutilazzjoni ġenitali femminili u jtellgħu l-qorti lil min wettaq dawn l-atti;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-OSKE/ODIHR, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Gvern tal-Maldivi.