Proċedura : 2017/2897(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0576/2017

Testi mressqa :

RC-B8-0576/2017

Dibattiti :

PV 25/10/2017 - 4
CRE 25/10/2017 - 4

Votazzjonijiet :

PV 26/10/2017 - 10.6

Testi adottati :

P8_TA(2017)0417

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 547kWORD 60k
25.10.2017
PE611.512v01-00}
PE611.513v01-00}
PE611.514v01-00}
PE611.515v01-00}
PE611.516v01-00}
PE611.518v01-00} RC1
 
B8-0576/2017}
B8-0577/2017}
B8-0578/2017}
B8-0579/2017}
B8-0580/2017}
B8-0582/2017} RC1

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

ECR (B8-0576/2017)

Verts/ALE (B8-0577/2017)

S&D (B8-0578/2017)

GUE/NGL (B8-0579/2017)

ALDE (B8-0580/2017)

PPE (B8-0582/2017)


dwar il-ġlieda kontra l-fastidju u l-abbuż sesswali fl-UE (2017/2897(RSP))


Agnieszka Kozłowska-Rajewicz f'isem il-Grupp PPE
Gianni Pittella, Costas Mavrides, Evelyn Regner, Nicola Caputo, Karoline Graswander-Hainz, Nicola Danti, Simona Bonafè, Clara Eugenia Aguilera García, Elena Valenciano, Brando Benifei, Soledad Cabezón Ruiz, Cécile Kashetu Kyenge, Claudia Țapardel, Sergio Gutiérrez Prieto, Inés Ayala Sender, Iratxe García Pérez, Maria Arena, Hugues Bayet, Vilija Blinkevičiūtė, Biljana Borzan, Udo Bullmann, Nessa Childers, Mady Delvaux, Mary Honeyball, Edouard Martin, Julie Ward, Christine Revault d’Allonnes Bonnefoy, Maria Noichl, Tonino Picula, Dietmar Köster f'isem il-Grupp S&D
Arne Gericke f'isem il-Grupp ECR
Beatriz Becerra Basterrechea, Martina Dlabajová, Hilde Vautmans, Ivo Vajgl, Renate Weber, Ivan Jakovčić, Fredrick Federley, Frédérique Ries, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Nils Torvalds, Yana Toom, Kaja Kallas, Ulrike Müller, Gerben-Jan Gerbrandy, Matthijs van Miltenburg, Cecilia Wikström, Johannes Cornelis van Baalen, Jan Huitema, Louis Michel, Dita Charanzová, Catherine Bearder, Sophia in 't Veld, Angelika Mlinar, Izaskun Bilbao Barandica, Filiz Hyusmenovaa f'isem il-Grupp ALDE
Malin Björk, Ángela Vallina, Paloma López Bermejo, Stefan Eck, Sabine Lösing, Kateřina Konečná, Jiří Maštálka, Nikolaos Chountis, Marie-Pierre Vieu, Marie-Christine Vergiat, Tania González Peñas, Merja Kyllönen, Miguel Urbán Crespo, Josu Juaristi Abaunz, Curzio Maltese, Marina Albiol Guzmán, Eleonora Forenza, Patrick Le Hyaric, Dimitrios Papadimoulis, Kostadinka Kuneva, Martina Anderson, Matt Carthy, Lynn Boylan, Liadh Ní Riada, Maria Lidia Senra Rodríguez, Javier Couso Permuy, Stelios Kouloglou, Xabier Benito Ziluaga, Estefanía Torres Martínez f'isem il-Grupp GUE/NGL
Ska Keller, Ulrike Lunacek, Philippe Lamberts, Max Andersson, Jan Philipp Albrecht, Bodil Valero, Karima Delli, Pascal Durand, Michael Cramer, Josep-Maria Terricabras, Alyn Smith, Julia Reda, Jordi Solé, Klaus Buchner, Marco Affronte, Florent Marcellesi, Linnéa Engström, Judith Sargentini, Helga Trüpel, Jill Evans, Igor Šoltes, Ernest Urtasun, Terry Reintke, Monika Vana, Molly Scott Cato, Bart Staes, Benedek Jávor, Bronis Ropė, Margrete Auken, Rebecca Harms, Heidi Hautala, Ian Hudghton, Yannick Jadot, Eva Joly, Tamás Meszerics, Michel Reimon, Michèle Rivasi, Indrek Tarand, Claude Turmes f'isem il-Grupp Verts/ALE
Daniela Aiuto, Isabella Adinolfi f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ġlieda kontra l-fastidju u l-abbuż sesswali fl-UE (2017/2897(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 8, 10, 19 u 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li daħlet fis-seħħ mat-Trattat ta' Lisbona f'Diċembru 2009(1), u b'mod partikolari l-Artikoli 20, 21, 23 u 31 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) tal-2014 bit-titlu "Violence against women" (Il-vjolenza fuq in-nisa)(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol (riformulazzjoni)(3),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi, li tiddefinixxi u tikkundanna l-fastidju u l-fastidju sesswali(4),

–  wara li kkunsidra l-"Gender Equality Index Report" (Rapport dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi) tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-3 ta' Diċembru 2015 bit-titlu "Strategic engagement for gender equality 2016-2019" (Impenn strateġiku għall-ugwaljanza bejn is-sessi 2016-2019) (SWD(2015)0278),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-Triju ta' Presidenzi tal-UE ta' Lulju 2017 mill-Estonja, il-Bulgarija u l-Awstrija dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU tal-1993 dwar l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Beijing u l-Pjattaforma ta' Azzjoni adottata mir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta' Settembru 1995, u d-dokumenti ta' eżitu sussegwenti adottati fis-sessjonijiet speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Beijing +5 (2000), Beijing +10 (2005), Beijing +15 (2010) u Beijing +20 (2015), u l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa (CEDAW) u l-Protokoll Fakultattiv tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi ta' kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI(5) ("Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi"),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar il-Fastidju u l-Vjolenza fil-Post tax-Xogħol (2007) bejn ETUC/CES, BUSINESSEUROPE, UEAPME u CEEP,

–  wara li kkunsidra r-rapport tan-netwerk Ewropew tal-Korpi għall-Ugwaljanza bit-titlu "The Persistence of Discrimination, Harassment and Inequality for Women. The work of equality bodies informing a new European Commission Strategy for Gender Equality" (Il-Persistenza ta' Diskriminazzjoni, Fastidju u Inugwaljanza għan-Nisa. Il-Ħidma tal-Korpi għall-Ugwaljanza li tinforma Strateġija ġdida tal-Kummissjoni Ewropea għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi"), ippubblikat fl-2015,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, partikolarment l-Artikoli 2 u 40 tagħha(6), u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, mill-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Settembru 2001 dwar il-fastidju fuq il-post tax-xogħol(8), tas-26 ta' Novembru 2009 dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa(9), tal-5 ta' April 2011 dwar prijoritajiet u punti prinċipali ta' qafas politiku ġdid tal-UE rigward il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa(10), tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar ir-rieżami ta' nofs il-perjodu tal-istrateġija Ewropea 2007–2012 dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol(11), tal-25 ta' Frar 2014 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa(12) u l-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew li takkumpanjah ta' Novembru 2013, u tal-24 ta' Novembru 2016 dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-14 ta' Marzu 2017 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea fl-2014-2015(14), tal-10 ta' Marzu 2015 dwar il-progress fuq l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea fl-2013(15), u tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar miżuri leġittimi għall-ħarsien ta' informaturi li jkunu qed jaġixxu fl-interess pubbliku(16),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-gwida għall-Membri tal-Parlament Ewropew bit-titlu "Zero Harassment at the Work Place" (Żero Fastidju fil-post tax-xogħol), ippubblikata f'Settembru 2017, u l-pjan ta' azzjoni tal-amministrazzjoni tal-Parlament dwar din il-kwistjoni kruċjali,

A.  billi l-ugwaljanza bejn is-sessi hija valur ċentrali tal-UE – kif rikonoxxut fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – li l-UE tat l-impenn tagħha li tintegra fl-attivitajiet kollha tagħha;

B.  billi l-UE hija komunità ta' valuri, ibbażata fuq id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, kif minquxa fil-prinċipji u l-objettivi fundamentali fl-ewwel artikoli tat-TUE, u fil-kriterji għall-adeżjoni mal-Unjoni;

C.  billi l-fastidju sesswali huwa definit fid-dritt tal-UE bħala "meta titwettaq kwalunkwe forma ta' mġiba verbali, mhux verbali jew fiżika mhux mixtieqa ta' natura sesswali, bl-iskop jew bl-effett li tmur kontra d-dinjità ta' persuna, b'mod partikolari meta jinħoloq ambjent intimidanti, ostili, degradanti, umiljanti jew offensiv"(17);

D.   billi l-fastidju sesswali huwa forma ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u huwa l-aktar forma estrema, iżda persistenti, ta' diskriminazzjoni abbażi tas-sess; billi skont studju li sar fl-UE kollha mill-FRA fl-2014 bit-titlu "Violence against Women" (Vjolenza fuq in-Nisa) terz tan-nisa esperjenzaw vjolenza fiżika jew sesswali matul il-ħajja adulta tagħhom; billi sa 55 % tan-nisa ġarrbu fastidju sesswali fl-UE; billi 32 % tal-vittmi kollha fl-UE qalu li t-trasgressur kien superjur, kollega jew klijent; billi 75 % tan-nisa fi professjonijiet li jirrikedu kwalifiki jew f'karigi maniġerjali tal-ogħla livell esperjenzaw fastidju sesswali; billi 61 % tan-nisa impjegati fis-settur tas-servizzi ġew soġġetti għall-fastidju sesswali; billi 20 % tan-nisa żgħażagħ (ta' etajiet bejn 18-il sena u 29 sena) fl-UE-28 esperjenzaw fastidju ċibernetiku; billi mara waħda minn kull għaxra kienet soġġetta għal fastidju sesswali jew stalking bl-użu ta' teknoloġija ġdida;

E.  billi każijiet ta' fastidju sesswali u bullying spiss jibqgħu ma jiġux irrappurtati lill-awtoritajiet minħabba li l-kuxjenza soċjali dwarhom baqgħet, b'mod pjuttost persistenti, relattivament baxxa, minħabba l-insuffiċjenza tal-mezzi għall-appoġġ tal-vittmi, kif ukoll minħabba l-perċezzjoni li dan huwa suġġett sensittiv għas-soċjetà, minkejja li jeżistu proċeduri formali biex jindirizzawh fil-post tax-xogħol u f'oqsma oħra;

F.  billi l-vjolenza sesswali u l-fastidju fil-post tax-xogħol huma kwistjonijiet ta' saħħa u sikurezza u għandhom jiġu indirizzati u prevenuti bħala tali;

G.  billi d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentament sesswali hija pprojbita mid-dritt tal-UE;

H.  billi l-vjolenza sesswali u l-fastidju jmorru kontra l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn is-sessi u ta' trattament ugwali u jikkostitwixxu diskriminazzjoni abbażi tas-sess, u għalhekk huma pprojbiti fl-impjieg, inkluż f'dak li għandu x'jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, għat-taħriġ vokazzjonali u għall-promozzjoni;

I.  billi l-persistenza tal-isterjotipi sesswali, is-sessiżmu, il-fastidju u l-abbuż sesswali hija problema strutturali u mifruxa fl-Ewropa u fid-dinja kollha, u hi fenomenu li tinvolvi vittmi u trasgressuri ta' kull età, sfondi edukattivi, dħul finanzjarju u pożizzjoni soċjali, u billi dan għandu konsegwenzi fiżiċi, sesswali, emozzjonali u psikoloġiċi għall-vittma; billi d-distribuzzjoni inugwali tas-setgħa bejn l-irġiel u n-nisa, l-isterjotipi sesswali u s-sessiżmu, inkluż diskors ta' mibegħda sessista, kemm offline kif ukoll online, huma l-kawżi prinċipali tal-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa u wasslu għal dominazzjoni fuq in-nisa u għal diskriminazzjoni kontrihom mill-irġiel u għall-prevenzjoni tal-avvanz sħiħ tan-nisa;

J.  billi d-definizzjoni ta' vjolenza fuq in-nisa tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing tħaddan, iżda mhijiex limitata għal, vjolenza fiżika, sesswali u psikoloġika li sseħħ fi ħdan il-komunità ġenerali, inkluż stupru, abbuż sesswali, fastidju sesswali u intimidazzjoni fil-post tax-xogħol, f'istituzzjonijiet edukattivi u fi bnadi oħra(18);

K.  billi d-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi tiddefinixxi l-vjolenza abbażi tas-sess bħala forma ta' diskriminazzjoni u ksur tal-libertajiet fundamentali tal-vittma u tinkludi vjolenza f'relazzjonijiet intimi, vjolenza sesswali (inkluż stupru, attakk u fastidju sesswali), traffikar tal-bnedmin, skjavitù u forom differenti ta' prattiki li jagħmlu l-ħsara, bħal żwiġijiet furzati, mutilazzjoni ġenitali femminili u l-hekk imsejħa "reati tal-unur"; billi n-nisa vittmi ta' vjolenza sessista u t-tfal tagħhom ta' spiss ikunu jeħtieġu appoġġ u protezzjoni speċjali minħabba r-riskju għoli ta' vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta, ta' intimidazzjoni u ta' ritaljazzjoni marbuta ma' tali vjolenza(19);

L.  billi d-dritt tal-UE jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li jkun stabbilit korp għall-ugwaljanza biex jipprovdi assistenza indipendenti lill-vittmi ta' fastidju u ta' fastidju sesswali, iwettaq stħarriġiet indipendenti, jippubblika rapporti indipendenti u jagħmel rakkomandazzjonijiet fi kwistjonijiet ta' impjieg u taħriġ vokazzjonali, fl-aċċess għal prodotti u servizz u fil-provvista tagħhomi, u għal dawk li jaħdmu għal rashom;

M.  billi l-fastidju u l-abbuż sesswali, b'mod predominanti mill-irġiel fuq in-nisa, huwa problema strutturali u mifruxa mal-Ewropa u mad-dinja kollha , u huwa fenomenu li jinvolvi vittmi u trasgressuri ta' kull età, sfondedukattiv, dħul finanzjarju u pożizzjoni soċjali, u jorbot mad-distribuzzjoni inugwali tal-poter bejn in-nisa u l-irġiel fis-soċjetà tagħna;

N.  billi l-ugwaljanza bejn is-sessi hija r-responsabilità tal-individwi kollha fis-soċjetà u tirrikjedi l-kontribut attiv kemm tan-nisa kif ukoll tal-irġiel; billi l-awtoritajiet għandhom jimpenjaw ruħhom għall-iżvilupp ta' kampanji edukattivi u ta' sensibilizzazzjoni mmirati lejn l-irġiel u l-ġenerazzjonijiet żgħażagħ, bil-għan li l-irġiel u s-subien jiġu involuti bħala sħab, biex b'hekk gradwalment jipprevjenu u jeliminaw kull xorta ta' vjolenza abbażi tas-sess u jippromwovu jew jabilitaw lin-nisa;

O.  billi n-nisa fl-Unjoni Ewropea mhumiex protetti b'mod indaqs kontra l-vjolenza abbażi tas-sess, il-fastidju u l-abbuż sesswali minħabba politiki u leġiżlazzjonijiet differenti fl-Istati Membri; billi s-sistemi ġudizzjarji ma jipprovdux biżżejjed appoġġ lin-nisa; billi dawk li jwettqu vjolenza abbażi tas-sess spiss ikunu persuni li l-vittma diġà tafhom u billi f'ħafna każijiet il-vittma tkun f'pożizzjoni ta' dipendenza, fattur li jagħmilhom aktar beżgħana li jirrapportaw il-vjolenza;

P.  billi l-Istati Membri kollha ffirmaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul, iżda rratifikawha biss 15 minnhom; billi l-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni ma teżonerax lill-Istati Membri mir-ratifika fil-livell nazzjonali; billi l-Artikolu 40 tal-Konvenzjoni ta' Istanbul jistipula li "l-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa jew miżuri oħra biex ikun żgurat li kull forma ta' mġiba verbali, mhux verbali jew fiżika mhux mixtieqa ta' natura sesswali, bil-għan jew bl-effett li tmur kontra d-dinjità ta' persuna, b'mod partikolari meta jinħoloq ambjent intimidanti, ostili, degradanti, umiljanti jew offensiv, tkun soġġetta għal sanzjonijiet kriminali jew oħrajn legali";

Q.  billi l-vjolenza u l-fastidju fil-ħajja politika huma diretti lejn in-nisa b'mod sproporzjonat; billi dan it-tip ta' vjolenza jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, inkluż l-obbligu li jiġi żgurat li n-nisa jkunu jistgħu jipparteċipaw liberament fir-rappreżentanza politika;

R.  billi l-fastidju sesswali huwa definit fl-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni;

S.  billi l-fastidju sesswali jew l-imġiba sessista mhuwiex mingħajr ħsara u billi t-trivjalizzazzjoni tal-fastidju sesswali jew tal-vjolenza sesswali bl-użu ta' lingwaġġ li jimminimizza l-gravità tagħhom tirrifletti attitudnijiet sessisti lejn in-nisa u tikkomunika messaġġi ta' kontroll u poter fir-relazzjoni bejn l-irġiel u n-nisa, b'mod li jħalli impatt fuq id-dinjità, l-awtonomija u l-libertà tan-nisa;

T.  billi l-Parlament stabbilixxa strutturi speċifiċi u regoli interni biex jindirizza l-fastidju sesswali fl-istituzzjoni, b'mod partikolari l-Kumitat Konsultattiv li jitratta l-ilmenti ta' fastidju bejn l-Assistenti Parlamentari Akkreditati (APA) u l-Membri tal-Parlament Ewropew, filwaqt li Kumitat Konsultattiv dwar il-fastidju u l-prevenzjoni tiegħu fil-post tax-xogħol jittratta proċeduri formali oħra relatati ma' membri tal-persunal tal-amministrazzjoni tal-Parlament u tal-gruppi politiċi sabiex jivvaluta każijiet possibbli u jipprevjeni l-fastidju u l-abbuż sesswali;

U.  billi l-politiċi, bħala rappreżentanti eletti taċ-ċittadini, għandhom responsabilità kruċjali li jaġixxu bħala eżempji pożittivi fil-prevenzjoni tal-fastidju sesswali fis-soċjetà u fil-ġlieda kontrih;

Tolleranza żero u l-ġlieda kontra l-fastidju sesswali u l-abbuż sesswali fl-UE

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-forom kollha ta' vjolenza sesswali u ta' fastidju fiżiku jew psikoloġiku u jiddeplora l-fatt li dawn l-atti jiġu ttollerati wisq faċilment, mentri fil-fatt jikkostitwixxu ksur sistemiku tad-drittijiet fundamentali u delitt serju li jrid jiġi kkastigat bħala tali; jenfasizza li l-impunità trid tintemm billi jiġi żgurat li t-trasgressuri jitressqu quddiem il-qrati;

2.  Jinsisti fuq l-implimentazzjoni effikaċi tal-qafas legali eżistenti li jindirizza l-fastidju u l-abbuż sesswali, u fl-istess waqt iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE, kif ukoll lill-kumpaniji pubbliċi u privati, biex jieħdu miżuri ulterjuri ħalli effettivament jipprevjenu u jtemmu l-fastidju sesswali fil-post tax-xogħol u fi bnadi oħra; jenfasizza li l-proċeduri legali ddedikati stabbiliti biex jindirizzaw każijiet ta' fastidju sesswali fil-post tax-xogħol għandhom jiġu segwiti;

3.  Jilqa' inizjattivi bħall-moviment #Metoo li għandhom l-għan li każijiet ta' fastidju sesswali u vjolenza fuq in-nisa jiġu rrappurtati; jappoġġja bil-qawwa lin-nisa u 'l-bniet li ħadu sehem fil-kampanja, inklużi dawk li ddenunzjaw lit-trasgressuri tagħhom;

4.  Jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jissorveljaw b'mod adegwat l-implimentazzjoni korretta tad-direttivi tal-UE li jipprojbixxu l-fastidju abbażi tas-sess u l-fastidju sesswali, u jiżguraw li l-Istati Membri tal-UE jsaħħu r-riżorsi umani tal-korpi għall-ugwaljanza li jissorveljaw prattiki diskriminatorji, u jiżguraw li dawn il-korpi jingħataw mandat ċar u riżorsi adegwati biex ikopru t-tliet oqsma tal-impjiegi, ix-xogħol indipendenti u l-aċċess għall-prodotti u s-servizzi;

5.  Jitlob li l-Kummissjoni tivvaluta, tiskambja u tqabbel l-aħjar prattiki eżistenti fil-ġlieda kontra l-fastidju sesswali fil-post tax-xogħol, u li xxerred ir-riżultati ta' din il-valutazzjoni f'dak li jirrigwarda l-miżuri effikaċi li l-Istati Membri jistgħu jieħdu biex jinkoraġġixxu lill-kumpaniji, lis-sħab soċjali u lill-organizzazzjonijet involuti fit-taħriġ vokazzjonali biex jipprevjenu kull forma ta' diskriminazzjoni abbażi tas-sess, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-fastidju u l-fastidju sesswali fil-post tax-xogħol;

6.  Jenfasizza r-rwol ċentrali tal-irġiel kollha biex jimpenjaw ruħhom għall-bidla u għat-tmiem ta' kull sura ta' fastidju u vjolenza sesswali, billi jikkumbattu ċ-ċirkustanzi u l-istrutturi li jabilitaw, anke b'mod passiv, l-imġiba li twassal għalihom u billi jikkontestaw kwalunkwe mġiba ħażina jew barra minn lokha; jitlob li l-Istati Membri jinvolvu lill-irġiel b'mod attiv f'kampanji ta' sensibilizzazzjoni u prevenzjoni;

7.  Jemmen li azzjonijiet ewlenin fil-ġlieda kontra l-fastidju sesswali jinkludu l-indirizzar tal-kwistjonijiet tas-sottorappurtar u tal-istigma soċjali, l-istabbiliment ta' proċeduri ta' rendikont għall-imġiba fil-post tax-xogħol, l-involviment attiv tal-irġiel u tas-subien fil-prevenzjoni tal-vjolenza, u l-azzjoni kontra forom emerġenti ta' vjolenza, eż. fiċ-ċiberspazju;

8.  Jinsab allarmat li l-fastidju online fuq in-nisa u speċjalment fil-midja soċjali, li jvarja minn kuntatt mhux mixtieq, trolling u bullying ċibernetiku għal fastidju sesswali u theddidiet ta' stupru u ta' qtil, qed isir mifrux fis-soċjetà diġitali tagħna, hekk li jagħti lok ukoll għal forom ġodda ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet, bħall-bullying ċibernetiku, il-fastidju ċibernetiku, l-użu ta' immaġnijiet degradanti online u d-distribuzzjoni fil-midja soċjali ta' ritratti u filmati privati mingħajr il-kunsens tal-persuni involuti;

9.  Jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw li l-mekkaniżmi ta' finanzjament għall-programmi maħsuba biex jikkumbattu l-vjolenza fuq in-nisa jkunu jistgħu jintużaw għal kampanji ta' sensibilizzazzjoni u għall-appoġġ ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jindirizzaw il-vjolenza fuq in-nisa, inkluż il-fastidju sesswali;

10.  Jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jaċċeleraw ir-ratifika tal-Konvenzjoni ta' Istanbul; jitlob li l-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ il-Konvenzjoni ta' Istanbul, inkluż billi jistabbilixxu sistema ta' ġbir ta' data diżaggregata, li tinkludi data analizzata skont l-età u s-sess tat-trasgressuri u skont ir-relazzjoni bejn it-trasgressur u l-vittma, u li tinkludi l-fastidju sesswali;

11.  Jitlob li l-Kummissjoni tressaq proposta għal direttiva kontra l-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u ta' vjolenza abbażi tas-sess; itenni t-talba tiegħu li l-Kummissjoni tippreżenta strateġija komprensiva tal-UE kontra l-forom kollha ta' vjolenza abbażi tas-sess, inklużi l-fastidju sesswali u l-abbuż sesswali fuq in-nisa u l-bniet;

12.  Jitlob li l-Kunsill jattiva l-klawsola "passerelle" billi jadotta deċiżjoni unanima li tidentifika l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet (u forom oħrajn ta' vjolenza abbażi tas-sess) bħala qasam ta' kriminalità skont l-Artikolu 83(1) tat-TFUE;

13.  Jitlob li n-nisa jkunu aktar inklużi fi proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet, fil-unions u f'karigi għolja f'organizzazzjonijiet tas-settur pubbliku u ta' dak privat; jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri, flimkien ma' NGOs, sħab soċjali u korpi għall-ugwaljanza, jintensifikaw miżuri ta' sensibilizzazzjoni sinifikanti rigward id-drittijiet tal-vittmi ta' fastidju sesswali u ta' diskriminazzjoni abbażi tas-sess; jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li l-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u t-trade unions iġibu 'l quddiem kuxjenza dwar il-fastidju sesswali u jappoġġjaw lin-nisa u jinkoraġġuhom biex jirrappurtaw inċidenti minnufih;

14.  Jisħaq fuq l-importanza ta' taħriġ speċifiku u ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni rigward il-proċeduri formali eżistenti dwar ir-rappurtar ta' fastidju sesswali fil-post tax-xogħol kif ukoll dwar id-drittijiet tal-vittmi, biex b'hekk jiġi infurzat il-prinċipju ta' dinjità fil-post tax-xogħol u jinġieb 'il quddiem approċċ ta' tolleranza żero bħala n-norma;

Il-fastidju sesswali fil-parlamenti, inkluż fil-Parlament Ewropew

15.  Jikkundanna bil-qawwa l-każijiet ta' fastidju sesswali li ġew żvelati fil-midja u jesprimi l-appoġġ qawwi tiegħu għall-vittmi ta' fastidju u ta' abbuż sesswali; jenfasizza li, biex jittieħdu bis-serjetà, huwa kruċjali li l-istituzzjonijiet tal-UE jieħdu pożizzjoni soda kontra kwalunkwe forma ta' diskriminazzjoni abbażi tas-sess jew kwalunkwe azzjoni li xxekkel l-ugwaljanza bejn is-sessi;

16.  Jitlob li l-President tal-Parlament u l-amministrazzjoni tal-Parlament:

–  b'mod urġenti u eżawrjenti jeżaminaw rapporti riċenti fil-midja dwar fastidju u abbuż sesswali fil-Parlament Ewropew, filwaqt li jirrispettaw il-privatezza tal-vittmi, jikkondividu s-sejbiet mal-Membri tiegħu u jipproponu miżuri adegwati biex jipprevjenu każijiet ġodda;

–  jevalwaw u, jekk ikun meħtieġ, jirrevedu l-kompożizzjoni tal-korpi kompetenti biex jiżguraw l-indipendenza u l-bilanċ bejn is-sessi, u jkomplu jsaħħu u jippromwovu l-ħidma tal-Kumitat Konsultattiv tal-Parlament li jittratta l-ilmenti ta' fastidju bejn l-assistenti parlamentari akkreditati u l-Membri tal-Parlament Ewropew, kif ukoll tal-Kumitat Konsultattiv tal-Persunal għall-persunal tal-Parlament dwar il-prevenzjoni tal-fastidju, filwaqt li jirrikonoxxu l-ħidma importanti tagħhom;

–  jirrevedu r-regoli tal-Parlament biex jinkludu wkoll lit-trainees fil-Kumitati Konsultattivi kollha dwar il-prevenzjoni tal-fastidju u jssaħħu l-miżuri pożittivi tagħhom, u jevitaw kunflitti ta' interess rigward il-membri ta' dawk l-istrutturi importanti tal-kumitati; jinvestigaw każijiet formali, iżommu reġistru kunfidenzjali tal-każijiet matul iż-żmien, u jadottaw l-aħjar mod biex jiżguraw tolleranza żero fil-livelli kollha tal-istituzzjoni;

–  jistabbilixxu task force ta' esperti indipendenti li għandha titlaqqa' bil-mandat li teżamina l-qagħda tal-fastidju u l-abbuż sesswali fil-Parlament, li twettaq evalwazzjoni tal-istrutturi eżistenti tal-Parlament, jiġifieri l-Kumitat Konsultattiv li jittratta l-ilmenti ta' fastidju sesswali bejn l-assistenti parlamentari akkreditati u l-Membri tal-Parlament u l-Kumitat Konsultattiv tal-Persunal għall-persunal tal-Parlament dwar il-prevenzjoni tal-fastidju, u tipproponi bidliet adegwati;

–  jagħtu appoġġ sħiħ lill-vittmi fi proċeduri fi ħdan il-Parlament u/jew mal-pulizija lokali; jattivaw protezzjoni ta' emerġenza jew miżuri ta' salvagwardja meta dan ikun meħtieġ u jimplimentaw bis-sħiħ l-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, hekk li jiżguraw li l-każijiet jiġu investigati bir-reqqa u li jiġu applikati l-miżuri ta' dixxiplina;

–  jiżguraw l-implimentazzjoni ta' pjan ta' azzjoni b'saħħtu u effikaċi kontra l-fastidju sesswali fl-interess tal-prevenzjoni u tal-appoġġ, kif ukoll ta' taħriġ obbligatorju għall-persunal u għall-Membri kollha dwar ir-rispett u d-dinjità fil-post tax-xogħol bil-għan li jiżguraw li approċċ ta' tolleranza żero jsir in-norma; jinvolvu ruħhom bis-sħiħ f'kampanji ta' sensibilizzazzjoni li jinvolvu lill-Membri kollha u lis-servizzi kollha tal-amministrazzjoni, b'enfasi speċjali fuq il-gruppi fl-aktar pożizzjonijiet vulnerabbli, bħat-trainees, l-assistenti parlamentari akkreditati u l-aġenti kuntrattwali;

–  jistabbilixxu netwerk istituzzjonali ta' counsellors konfidenzjali adattati għall-istrutturi tal-Parlament bil-għan li jagħtu appoġġ u pariri lill-vittmi, kif inhi l-prattika għall-persunal tal-Kummissjoni;

17.  Jappella lill-kollegi kollha biex jappoġġjaw lill-vittmi u jinkoraġġuhom jitkellmu u jirrappurtaw każijiet ta' fastidju sesswali permezz ta' proċeduri formali mtejba fi ħdan l-amministrazzjoni tal-Parlament u/jew lill-pulizija;

18. Jirriżolvi li jadotta regoli interni dwar id-denunzji ta' irregolaritajiet biex jissalvagwardja d-drittijiet u l-interessi tal-informaturi u jipprovdi rimedji adegwati jekk dawn ma jiġux ittrattati b'mod korrett u ġust b'rabta mad-denunzja li jkunu għamlu;

19.  Jirrakkomanda li, darba fis-sena, l-Ombudsman Ewropew jipprovdi lill-Grupp ta' Livell Għoli tal-Parlament dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u d-Diversità data rigward ilmenti dwar amministrazzjoni ħażina relatata mal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-Parlament, bir-rispett debitu għad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-qadi tad-dmirijiet tal-Ombudsman;

20.  Jitlob li l-Istati Membri jeżaminaw il-qagħda tal-fastidju u tal-abbuż sesswali fil-parlamenti nazzjonali tagħhom, jieħdu miżuri attivi ħalli jikkumbattuhom, u jimplimentaw u jinfurzaw b'mod adegwat politika ta' rispett u dinjità fil-post tax-xogħol għall-membri eletti u għall-persunal; jitlob li jsir monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' tali politika;

21.  Jitlob li l-Istati Membri jipprovdu appoġġ protettiv lill-membri parlamentari li jkunu f'kuntatt mal-pubbliku, b'mod partikolari lil dawk li jġarrbu abbuż sesswali u theddidiet ta' vjolenza abbażi tas-sess, anki online;

22.  Jitlob li jiġu organizzati skambji tal-aħjar prattika fil-livelli kollha ma' istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet oħra bħall-UN Women, il-Kunsill tal-Ewropa, l-istituzzjonijiet tal-UE u l-partijiet interessati involuti fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

23.  Jappella biex il-politiċi kollha jġibu ruħhom bħala eżempji responsabbli fil-prevenzjoni tal-fastidju sesswali u fil-ġlieda kontrih fil-parlamenti u lil hinn minnhom;

º

º  º

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.

 

 

 

(1)

http://eur-lex.europa.eu/legal-content/mt/TXT/HTML/?uri=CELEX:12012P/TXT&from=mt

(2)

http://fra.europa.eu/en/publication/2014/violence-against-women-eu-wide-survey-main-results-report

(3)

ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.

(4)

ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37.

(5)

ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.

(6)

https://rm.coe.int/168008482e

(7)

Testi adottati, P8_TA(2017)0329.

(8)

ĠU C 77 E, 28.3.2002, p. 138.

(9)

ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 53.

(10)

ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 26.

(11)

ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 102.

(12)

ĠU C 285, 29.8.2017, p. 2.

(13)

Testi adottati, P8_TA(2016)0451.

(14)

Testi adottati, P8_TA(2017)0073.

(15)

Testi adottati, P8_TA(2015)0050.

(16)

Testi adottati, P8_TA(2017)0402.

(17)

http://ec.europa.eu/justice/gender-equality/files/your_rights/final_harassement_en.pdf

(18)

http://www.un.org/womenwatch/daw/beijing/platform/violence.htm

(19)

Ara l-premessa 17 tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi: http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:32012L0029&from=MT

Aġġornata l-aħħar: 25 t'Ottubru 2017Avviż legali