Mistoqsija Parlamentari - O-0041/2008Mistoqsija Parlamentari
O-0041/2008

Il-priġunieri Palestinjani fil-ħabsijiet Iżraeljani

MISTOQSIJA ORALI B' DIBATTITU O-0041/08
skond ir-Regola 108 tar-Regoli ta’ Proċedura
minn Luisa Morgantini, Hélène Flautre, Richard Howitt, Thijs Berman, Kyriacos Triantaphyllides, Proinsias De Rossa, Pasqualina Napoletano, Margrete Auken, Jean Lambert, Marios Matsakis, David Hammerstein, Jill Evans, Jamila Madeira, Eugenijus Maldeikis, Philippe Morillon, Chris Davies, Vincenzo Aita, Françoise Castex, Caroline Lucas, Antonio Masip Hidalgo, Alyn Smith, Ana Maria Gomes, Karin Scheele, Alain Hutchinson, Marco Cappato, John Bowis, Giovanni Berlinguer, Giusto Catania, Roberto Musacchio, Vittorio Agnoletto, Frieda Brepoels, Mauro Zani, Umberto Guidoni, Luigi Cocilovo, Linda McAvan, Alessandro Battilocchio, Baroness Nicholson of Winterbourne, Francis Wurtz, Tokia Saïfi, Edward McMillan-Scott, Emilio Menéndez del Valle, Ioannis Kasoulides, Véronique De Keyser, Kader Arif, Béatrice Patrie u Rodi Kratsa-Tsagaropoulou
lill-Kummissjoni

Proċedura : 2008/2607(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
O-0041/2008
Testi mressqa :
O-0041/2008 (B6-0167/2008)
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Fl-aħħar rapport dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-territorji Palestinjani, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU John Dugard jgħid li “sa mill-1967 intbagħtu l-ħabs aktar minn 700,000 Palestinjan. Fil-preżent hemm madwar 11,000 priġunier fil-ħabsijiet Iżraeljani, numru li jinkludi 376 tifel u tifla, 118-il mara, 44 membru tal-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan u madwar 800 detenut amministrattiv"[1].

 

Lejn l-aħħar ta’ Jannar 2008, l-Iżrael kellu 813-il Palestinjan f’detenzjoni amministrattiva. Dawn in-nies qed jinżammu, għal perjodi li jiġġeddu sa sitt xhur, sempliċiment biss bħala riżultat ta’ deċiżjoni amministrattiva[2]. Detenzjoni amministrattiva tista' tiġi applikata skond il-liġi internazzjonali, imma b’restrizzjonijiet riġidi fuq l-applikazzjoni biss, sabiex ikun evitat il-periklu għas-sigurtà ta’ l-istat minn individwu partikolari.  Madankollu, l-Iżrael qatt ma ddefinixxa l-kriterji li jikkostitwixxu s-“sigurtà ta’ l-istat”. Għalhekk l-użu tad-detenzjoni amministrattiva min-naħa ta' l-Iżrael jikser dawn ir-restrizzjonijiet.

 

Il-biċċa l-kbira tal-priġunieri Palestinjani jinsabu f’ħabsijiet Iżraeljani. Dan, minbarra li jagħmel impossibbli żjarat spissi mill-familji, jikser l-Artikolu 76 tar-Raba’ Konvenzjoni ta’ Ginevra, li tistipula li persuni li ġejjin minn territorju okkupat jinżammu fil-pajjiż okkupat u jekk jiġu kkundannati, iservu s-sentenza fl-istess territorju.

 

“Il-Priġunieri huma suġġetti għal trattament umiljanti u degradanti”. L-interrogazzjoni issir b’mod inuman, u xi drabi tintuża t-tortura. L-ikel huwa fqir, u hemm iffullar serju[3]. Fl-2007, żewġ rapporti ppubblikati minn NGOs[4] Iżraeljani juru li l-persuni arrestati huma suġġetti għal trattament fiżiku ħażin u huma mċaħda mill-bżonnijiet bażiċi bħall-irqad għal aktar minn 24 siegħa. It-trattament tat-tfal huwa daqstant ieħor inkwetanti.

 

L-arrest, l-interrogazzjoni u l-impriġunar tat-tfal Palestinjani saru sistematiċi f’dawn l-aħħar snin. Lejn l-aħħar ta’ l-2007, kien hemm madwar 385 tifel u tifla Palestinjani f’kustodja Iżraeljana. Dawn it-tfal jiġu normalment imħarrka skond is-sistema militari li tintuża għall-adulti Palestinjani[5]. Ovvjament dan huwa ksur tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal (UNCRC), li daħlet fis-seħħ fl-Iżrael f’Novembru 1991. Madankollu, l-Iżrael jiċħad l-applikabilità tal-Konvenzjoni għat-territorju Palestinjan.

 

Il-Kummissjoni hija konxja mill-ksur tal-Liġi Internazzjoni msemmi hawn fuq?

 

Jekk wieħed iqis ukoll l-Artikolu 2 tal-Ftehima ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Iżrael, il-Kummissjoni liema tip ta’ azzjoni qed tippjana sabiex tiżgura r-rispett tal-liġi internazzjonali, kif ukoll tal-Konvenzjonijiet Internazzjonali mill-Istat ta’ l-Iżrael?

 

 

Tressiq: 15.04.2008

Mibgħuta: 17.04.2008

Skadenza: 24.04.2008