Mistoqsija Parlamentari - O-0190/2010Mistoqsija Parlamentari
O-0190/2010

Vjolazzjoni tal-libertà ta' espressjoni u diskriminazzjoni abbażi tal-orjentament sesswali fil-Litwanja

Mistoqsija għal tweġiba orali O-0190/2010
lill-Kummissjoni
Artikolu 115 tar-Regoli ta’ Proċedura
Renate Weber, Sophia in 't Veld, Leonidas Donskis, Cecilia Wikström, Alexander Alvaro, Sonia Alfano, Gianni Vattimo, Baroness Sarah Ludford, Ramon Tremosa i Balcells
f'isem il-Grupp ALDE

Proċedura : 2010/2981(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
O-0190/2010
Testi mressqa :
O-0190/2010 (B7-0669/2010)
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Nhar it-12 ta' Novembru 2010, il-Parlament Litwan ivvota biex jipproċedi biex jeżamina emenda għall-Kodiċi Amministrattiv ħalli jiġi stabbilit reat ġdid punibbli b'multa[1] għall-"promozzjoni pubblika ta' relazzjonijiet omosesswali"[2] u intenzjonata biex timplimenta l-"Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Minorenni kontra l-Effett Detrimentali tal-Informazzjoni Pubblika" adottata fl-14 ta' Lulju 2009, li - minkejja li Presidenti Litwani darbtejn użaw il-veto tagħhom kontriha, ġiet ikkritikata mill-Parlament Ewropew[3] u kkundannata mill-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem u mill-organizzazzjonijiet LGBT - tipprojbixxi "l-informazzjoni li tippromwovi r-relazzjonijiet sesswali jew konċetti oħra għall-konklużjoni ta' żwieġ jew il-ħolqien ta' familja apparti dawk stabbiliti fil-Kostituzzjoni jew il-Kodiċi Ċivili". L-emenda trażżan b'mod serju l-libertà tal-kelma u ta' espressjoni, bħal appoġġ jew kampanji pubbliċi għall-ugwaljanza jew id-drittijiet tal-LGBT, jew kontra d-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru jew l-orjentament sesswali, u hi mfassla biex tapplika fl-imkejjen pubbliċi, inkluża l-midja, u tista' tiġi applikata biex twaqqaf id-dimostrazzjonijiet tal-pride tal-LGBT milli jsiru. Il-Parlament Litwan hu mistenni jlesti l-eżami tal-emenda sas-16 ta' Diċembru. Tqiegħdu wkoll fuq il-medja emendi għall-Kodiċi Penali u dawn daqt jistgħu jiġu eżaminati, waqt li hemm inċertezza madwar liġi li tinkludi projbizzjoni tal-"manifestazzjoni jew il-promozzjoni tal-orjentament sesswali" fir-reklamar, peress li l-awtoritajiet jaffermaw li din id-dispożizzjoni hi żball li jrid jiġi kkoreġġut. Il-Kummissarju ddikjarat li "[kienet qed issegwi] mill-qrib l-iżviluppi fil-Litwanja fir-rigward tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-minorenni" u li "[se tibqa'] viġilanti għal kull tentattiv possibbli biex din il-biċċa leġiżlazzjoni tintuża bħala diskriminazzjoni kontra l-LGBT"[4]. F'ittra li bagħtet dan l-aħħar lill-Membri tal-PE tal-ALDE, il-Kummissarju kkonfermat li "l-Kummissjoni tiċħad b'mod sod kull forma ta' omofobija, li hi inkompatibbli mal-valuri li fuqhom hi msejsa l-UE", u li "d-dipartiment [tagħha] se jkun qed janaliżża l-abbozz tat-test leġiżlattiv" u jiddeċiedi "jekk azzjoni ulterjuri tkunx xierqa".

Il-Kummissjoni taħseb li l-abbozz ta' emenda, jekk jiġi approvat, u l-liġi dwar ir-reklamar huma kompatibbli mal-valuri elenkati fl-Artikolu 2 tat-Trattat UE u mal-libertajiet fundamentali garantiti mill-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, speċifikament il-libertà ta' espressjoni u informazzjoni u l-libertà ta' għaqda, u mal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentament sesswali? X'se tagħmel il-Kummissjoni biex tesprimi t-tħassib tagħha lill-awtoritajiet Litwani? Jekk l-emenda tiġi approvata, il-Kummissjoni se tniedi proċedura ta' ksur? Il-Kummissjoni se tipproponi Strateġija Ewropea (Pjan Direzzjonali) dwar il-ġlieda kontra l-omofobija u d-diskriminazzjoni minħabba orjentament sesswali fl-UE, sabiex tiżgura li d-drittijiet fundamentali jiġu protetti, rispettati u promossi?

Imressqa: 23.11.2010

Mgħoddija: 25.11.2010

L-iskadenza għat-tweġiba: 2.12.2010