Mistoqsija Parlamentari - O-000072/2011Mistoqsija Parlamentari
O-000072/2011

Ir-Reviżjoni tal-Kostituzzjoni Ungeriża

30.3.2011

Mistoqsija għal tweġiba orali O-000072/2011
lill-Kunsill
Artikolu 115 tar-Regoli ta’ Proċedura
Renate Weber, Cecilia Wikström, Sophia in 't Veld, Baroness Sarah Ludford, Sonia Alfano, Norica Nicolai, Gianni Vattimo, Louis Michel, Nathalie Griesbeck, Leonidas Donskis, Alexander Alvaro, Ramon Tremosa i Balcells
f'isem il-Grupp ALDE

L-awtoritajiet Ungeriżi ppreżentaw lill-Parlament abbozz tal-Kostituzzjoni[1] fejn: issir referenza għall-motivazzjoni għal "nazzjon Ungeriż magħqud u ideali" b'rabta mal-Ungeriżi li jgħixu barra l-pajjiż[2]; il-poteri tal-Qorti Kostituzzjonali huma limitati[3]; it-tul ta' żmien tal-karigi tal-membri tal-Qorti Kostituzzjonali, tal-President tal-Qorti tal-Awdituri u tal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali huwa modifikat; iż-żwieġ u l-familja huma definiti btali mod li jeskludu dawk il-familji b'ġenitur wieħed, il-koppji li jikkoabitaw u oħrajn tal-istess sess[4]; id-diskriminazzjoni hija pprojbita ħlief fejn jidħlu l-orjentazzjoni sesswali, l-età u l-karatteristiċi ġenetiċi[5]; il-korpi tad-drittijiet tal-bniedem huma aboliti u amalgamati[6]; "il-ħajja tal-fetu" hija "protetta sa mill-konċepiment"[7]; isiru referenzi reliġjużi għall-Kristjaneżimu u r-rwol li għandu fil-preservazzjoni tal-ġens[8]; hija prevista l-possibbiltà li jingħataw voti addizzjonali lil minorenni jew lil ommijiethom[9]; kif ukoll id-dritt tal-vot lill-Ungeriżi li jgħixu barra mill-pajjiż[10]. Ir-riforma tal-Kostituzzjoni ġiet ikkontestata mill-partiti tal-oppożizzjoni u mill-NGOs[11] li kkritikaw il-proċess minħabba nuqqas ta' trasparenza, konsultazzjoni mhux adegwata, żmien qasir wisq, kif ukoll il-kontenuti tagħha li żmantellaw il-kontrolli u l-bilanċi demokratiċi[12]. Il-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tal-Liġi (il-Kummissjoni ta' Venezja) talbet lill-awtoriatjiet Ungeriżi biex ikunu aktar flessibbli u miftuħin għall-kompromess; u għamlet xi rakkomandazzjonijiet, mentri l-PACE[13] ltaqgħet fil-25 ta' Marzu biex toħroġ il-fehma komprensiva tagħha. L-abbozz tal-Kostituzzjoni għandu jiġi addottat fit-tieni nofs ta' April[14].

Il-Kunsill qiegħed isegwi l-proċess tar-riforma tal-Kostituzzjoni Ungeriża biex jiċċekkja jekk ir-riformi previsti humiex konformi mat-Trattati u l-liġi tal-UE, l-aktar mal-Artikoli 2, 6 u7 tat-TUE, mal-prinċipji kostituzzjonali demokratiċi u komuni, u mar-regolamenti tad-drittijiet tal-votazzjoni għall-elezzjonijiet tal-PE? X'inhija l-valutazzjoni tiegħu u x'passi biħsiebu jieħu? Jemmen li dawn it-tibdiliet jistgħu joħolqu riskju ta' diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, l-etniċità, l-orjentazzjoni sesswali, ir-reliġjon jew it-twemmin, u vjolazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali? Se jitlob lill-awtoritajiet Ungeriżi biex jistennew l-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja u jsegwu r-rakkomandazzjonijiet tagħha qabel ma jaddottaw l-abozz tal-Kostituzzjoni?

Imressqa: 30.3.2011

Mgħoddija: 31.3.2011

L-iskadenza għat-tweġiba: 21.4.2011