Mistoqsija Parlamentari - O-000037/2012Mistoqsija Parlamentari
O-000037/2012

  L-adeżjoni tal-UE għar-riforma tal-KEDB u tal-QEDB

15.2.2012

Mistoqsija għal tweġiba orali O-000037/2012
lill-Kummissjoni
Artikolu 115 tar-Regoli ta’ Proċedura
Renate Weber, Sonia Alfano, Alexander Alvaro, Baroness Sarah Ludford, Sir Graham Watson, Nathalie Griesbeck, Jens Rohde, Louis Michel, Ramon Tremosa i Balcells, Marielle de Sarnez, Charles Goerens, Andrew Duff, Anneli Jäätteenmäki, Kristiina Ojuland
f'isem il-Grupp ALDE

Il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) inħolqot mill-irmied tat-Tieni Gwerra Dinjija sabiex tissalvagwardja d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fl-Ewropa. Hija tippermetti li individwi jtellgħu għall-ġudizzju quddiem qorti Ewropea lill-gvernijiet li jkunu responsabbli ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem.

L-UE minn dejjem tat l-akbar importanza lill-KEDB, kif juru l-fatt li, bħala prekundizzjoni għall-adeżjoni mal-UE, stat irid l-ewwel isir membru tal-Kunsill tal-Ewropa u jiffirma l-KEDB. Barra minn hekk, l-UE ilha minn żmien bix-xewqa li taderixxi għall-KEDB, li issa hija obbligata li tagħmel skont l-Artikolu 6 TUE (li jgħid li "L-Unjoni għandha taderixxi għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali"). L-UE stabiliet ukoll il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea , li hija applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-UE u għall-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE.

Il-Kummissjoni Ewropea nnegozjat mal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-adeżjoni tal-UE mal-KEDB, u fil-fatt intlaħaq abbozz ta' ftehim. Madankollu dan issa qed jiġi kkuntestat minn xi gvernijiet Ewropej, bir-riżultat li l-proċess kollu tal-adeżjoni qiegħed fil-periklu. 

Fl-istess waqt, il-Gvern tar-Renju Unit, li bħalissa għandu l-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa, ħabbar li kien se jiffoka fuq riformi ulterjuri tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem[1]. Il-President tal-QEDB enfasizza r-responsabilità tal-istati kontraenti li jiżguraw li d-deċiżjonijiet ikunu infurzati[2], filwaqt li l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa żiedet li l-istati għandhom jindirizzaw il-problemi strutturali/sistemiċi u jsaħħu l-QEDB biex tingħata garanzija tal-effettività tagħha[3].

     Tista' l-Kummissjoni tagħti informazzjoni dwar il-qagħda tan-negozjati dwar l-adeżjoni tal-UE għall-KEDB u dwar il-kontenut tal-abbozz ta' ftehim, kif ukoll informazzjoni dwar il-proposti mressqa, diskussjonijiet li qed isiru u l-pożizzjoni adottata mill-Kunsill?

     X'inhu l-kalendarju ppjanat għall-adeżjoni tal-UE għall-KEDB?

     X'inhuma l-proposti u l-pożizzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri tagħha fi ħdan l-entitajiet tal-Kunsill Ewropew, u fir-rigward tagħhom, dwar l-adeżjoni għall-QEDB u r-riforma tagħha? L-Istati Membri qegħdin jadottaw linja komuni abbażi tal-Artikoli 2 u 6 tat-TFUE?

     X'azzjonijiet se tieħu biex issaħħaħ is-sistema tal-KEDB u biex tinkuraġġixxi lill-Istati Membri jimplimentaw id-deċiżjonijiet tal-QEDB, inkluż billi jirrevedu l-problemi strutturali/sistemiċi?

Imressqa: 15.2.2012

Mgħoddija: 17.2.2012

L-iskadenza għat-tweġiba: 24.2.2012