Mistoqsija Parlamentari - O-000116/2013Mistoqsija Parlamentari
O-000116/2013

  Il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom

17.10.2013

Mistoqsija għal tweġiba orali O-000116/2013
lill-Kunsill
Artikolu 115 tar-Regoli ta’ Proċedura
Juan Fernando López Aguilar
f'isem il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

Fis-26 ta' Ġunju 2013, il-Kummissjoni ppreżentat rapport ta' progress dwar l-implimentazzjoni ta' Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom wara l-adozzjoni tal-Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom fl-2011. Ir-rapport juri li ftit sar progress fl-Istati Membri, saħansitra fl-istabbiliment ta' prekundizzjonijiet meħtieġa biex tirnexxi l-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali, u li jeħtieġ li l-Istati Membri jwettqu titjib f'għadd ta' oqsma. Juri wkoll li l-maġġoranza ta' Stati Membri ma allokawx biżżejjed riżorsi mill-baġits nazzjonali tagħhom biex jimplimentaw l-istrateġiji. Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (COM(2013)0460) dwar miżuri ta' integrazzjoni tar-Rom effettivi fl-Istati Membri, li ffukat fuq l-aċċess għall-edukazzjoni, l-impjiegi, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, u l-allokazzjoni xierqa ta' fondi għall-inklużjoni tar-Rom.

Barra minn hekk, filwaqt li l-Qafas tal-UE jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li r-Rom ma jiġux diskriminati u li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem tagħhom jiġi garantit, ir-razziżmu lejn ir-Rom, u d-diskriminazzjoni kontrihom għadhom għaddejjin.

  Liema huma l-azzjonijiet li qed jieħu l-Kunsill rigward il-ksur tad-drittijiet fundamentali fl-Istati Membri, speċjalment il-ksur tad-dritt għal-libertà tal-moviment u tar-residenza, il-ksur tad-dritt għall-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, tad-dritt għall-protezzjoni ta' data personali sensittiva u l-projbizzjoni tal-ħolqien ta' reġistri bbażati fuq l-etniċità u r-razza, u tad-dritt għall-aċċess għal u r-rispett għad-drittijiet ekonomiċi u soċjali?

  X'azzjoni ttieħdet biex ikunu megħluba l-prassi bbażati fuq politiki kontra r-Rom bħal dawk tat-tkeċċijiet ripetuti tar-Rom? Liema huma l-passi li ttieħdu mill-Kunsill biex titqiegħed il-pressjoni fuq il-gvernijiet biex jieħdu azzjoni adegwata għall-ġlieda kontra kwalunkwe forma ta' vjolenza kontra r-Rom?

  X'inhu jagħmel il-Kunsill biex jgħin lill-Istati Membri tal-UE fil-proċess tal-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali tagħhom dwar ir-Rom?

  Il-Kunsill kif jista' jiżgura l-iżvilupp ta' sistema ta' impjiegi u benessri xierqa, l-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja għal opportunitajiet imtejba fis-suq tax-xogħol, u t-trattament ugwali u l-opportunitajiet indaqs fil-politiki u l-programi tal-impjiegi mmirati lejn l-inklużjoni soċjali? Kif jista' jiggarantixxi t-titjib fil-parteċipazzjoni tar-Rom fil-livell lokali fl-ippjanar, l-użu u l-monitoraġġ tal-fondi tal-UE?

  Fir-rigward tas-sett dettaljat ta' rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill dwar l-integrazzjoni effettiva tar-Rom kif propost mill-Kummissjoni, il-Kunsill meta se jibda jindirizza l-proposti stipulati fir-rakkomandazzjonijiet individwali?

  Il-Kunsill lest li jadotta l-proposta tal-Kummissjoni fil-forma attwali tagħha u li jħeġġeġ li r-rakkomandazzjonijiet ta' politika tagħha jiġu implimentati fl-Istati Membri?

Imressqa: 17.10.2013

Mgħoddija: 18.10.2013

L-iskadenza għat-tweġiba: 8.11.2013