Mistoqsija Parlamentari - O-000111/2015Mistoqsija Parlamentari
O-000111/2015

Seduta ta' smigħ dwar il-bidliet fil-ħin tas-sajf fl-Ewropa

Mistoqsija għal tweġiba orali O-000111/2015
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Pavel Svoboda, f'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Legali
Michael Cramer, f'isem il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

Proċedura : 2015/2722(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
O-000111/2015
Testi mressqa :
O-000111/2015 (B8-0768/2015)
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Id-Direttiva 2000/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Jannar 2001 dwar arranġamenti għall-ħin tas-sajf tipprevedi data komuni kemm fir-rebbiegħa kif ukoll fil-ħarifa li fiha l-arloġġi jinqalbu b'siegħa 'l quddiem jew lura rispettivament bil-għan li d-dawl ta' binhar jiġi sfruttat għall-massimu fl-Istati Membri kollha.

Fl-okkażjoni tas-seduta ta' smigħ pubbliku fil-Parlament Ewropew bit-titolu "Time to revisit summer time?" (Wasal il-ħin għar-reviżjoni tal-ħin tas-sajf?) li saret fl-24 ta' Marzu 2015, l-esperti ppreżentaw l-aħħar konklużjonijiet tar-riċerka dwar l-impatt possibbli tal-arranġamenti għall-ħin tas-sajf fuq it-trasport u t-turiżmu, l-industrija Ewropea, is-saħħa u l-iffrankar tal-enerġija.

Minkejja l-provi xjentifiċi mogħtija waqt is-seduta li kienu jikkonsistu mill-fatt li l-arranġamenti attwali għall-ħin tas-sajf għandhom aktar effetti negattivi milli pożittivi, il-Kummissjoni ħarġet stqarrija għall-istampa li fiha tafferma: "Billi r-regoli tal-UE ilhom fis-seħħ sa mill-1981, twettqu diversi rapporti, studji u valutazzjonijiet tal-impatt li lkoll juru li 1) ir-regoli huma ta' benefiċċju u 2) il-maġġoranza tal-Istati Membri huma favur li jinżammu kif inhuma. Din il-Kummissjoni trid tkun ambizzjuża fir-rigward tal-kwistjonijiet il-kbar u dan id-dibattitu rikorrenti, interessanti kemm hu interessanti, mhuwiex wieħed minnhom".

1. Għaliex il-Kummissjoni qiegħda tinjora intenzjonalment l-bosta konklużjonijiet tar-riċerka li ġejjin mill-UE u minn bnadi oħra, primarjament mill-Istati Uniti, li jiġbdu l-attenzjoni għall-impatt negattiv tal-arranġamenti għall-ħin tas-sajf?

2. Il-Kummissjoni meta u kif sejra terġa' teżamina l-impatt tal-bidla tas-siegħa staġjonali fuq it-trasport u t-turiżmu, il-konsum enerġetiku, l-agrikoltura, l-industrija Ewropea u s-saħħa fid-dawl ta' dawn il-konklużjonijiet xjentifiċi? Jew diġà għandha provi fil-pussess tagħha li l-konsum enerġetiku tnaqqas bis-saħħa tal-introduzzjoni tal-ħin tas-sajf fl-Ewropa?

3. Il-Kummissjoni għandha stima tal-vantaġġi u tal-kostijiet ekonomiċi tat-tibdil tas-siegħa tal-arloġġi, tal-orarji tat-trasport u tal-orarji semestrali?

4. X'impatt għandha ż-żieda fl-effiċjenza enerġetika tal-lampi u tal-apparat elettroniċi fuq ir-rilevanza tal-implimentazzjoni tal-ħin tas-sajf?

5. L-istqarrija għall-istampa msemmija hawn fuq tirrappreżenta l-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni u l-Kummissarju kompetenti jqis il-kontenut u t-ton fiha bħala risposta adegwata għal inizjattiva u għal preokkupazzjoni espressa minn membri eletti tal-Parlament Ewropew filwaqt li l-Kummissjoni donnha tapprezza biss il-pożizzjoni tal-Istati Membri?