Mistoqsija Parlamentari - O-000006/2016Mistoqsija Parlamentari
O-000006/2016

Strateġija Ġdida għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi u d-Drittijiet tan-Nisa wara l-2015

Mistoqsija għal tweġiba orali O-000006/2016
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Iratxe García Pérez, f'isem il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

Proċedura : 2016/2526(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
O-000006/2016
Testi mressqa :
O-000006/2016 (B8-0103/2016)
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

L-istrateġija attwali għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel skadiet fl-2015. F'riżoluzzjoni tad-9 ta' Ġunju 2015, il-Parlament issottolinja l-ħtieġa u l-urġenza li l-Kummissjoni tippreżenta Strateġija ġdida dedikata għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi u d-Drittijiet tan-Nisa fl-UE. S'issa, ripetutament kien hemm impenn mill-Kummissarju responsabbli li tiġi ppreżentata strateġija għal wara l-2015. Fit-3 ta' Diċembru 2015, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport tagħha bl-isem "Impenn strateġiku għall-ugwaljanza bejn is-sessi għall-2016-2019" meqjus bħala l-qafas ta' referenza tagħha għall-politika dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi wara l-2015. Madankollu, dan huwa biss dokument ta' ħidma tal-persunal u, għaldaqstant, ma ġiex adottat mill-Kummissjoni: lanqas ma għandu valur interistituzzjonali.

Għaliex il-Kummissjoni m'adottatx komunikazzjoni trasparenti u pubblika dwar "Strateġija Ġdida għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi u d-Drittijiet tan-Nisa wara l-2015" b'konformità mal-objettivi u l-aġenda Ewropej u internazzjonali tagħha?

Meta wieħed iqis il-fehmiet tas-soċjetà ċivili, kif espressi permezz ta' konsultazzjoni pubblika, u dawk tal-Kumitat Konsultattiv dwar l-Opportunitajiet Ugwali għan-Nisa u għall-Irġiel, kif ukoll il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew stess kif espressa fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2015 u l-opinjoni tal-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur (il-Kunsill EPSCO) tas-7 ta' Diċembru 2015, tista' l-Kummissjoni tinfurmana meta se tippreżenta l-istrateġija uffiċjali tagħha dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi?

Il-Kummissjoni kif se taħdem mal-Presidenza Netherlandiża b'referenza kemm għall-impenn tagħha kif ukoll għall-impenji relatati mat-triju ta' presidenzi, bl-għan li tippreżenta abbozz ta' ġabra ta' konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi lill-Kunsill EPSCO f'Marzu 2016?