Mistoqsija Parlamentari - O-000031/2016Mistoqsija Parlamentari
O-000031/2016

L-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta' oriġini jew tal-post ta' provenjenza għal ċerti prodotti tal-ikel

25.2.2016

Mistoqsija għal tweġiba orali O-000031/2016
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Renate Sommer, Glenis Willmott, Julie Girling, Anneli Jäätteenmäki, Lynn Boylan, Michèle Rivasi, Piernicola Pedicini, Matteo Salvini, f'isem il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel

Proċedura : 2016/2583(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
O-000031/2016
Testi mressqa :
O-000031/2016 (B8-0363/2016)
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Bi qbil mal-Artikolu 26(5) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, fl-20 ta' Mejju 2015 il-Kummissjoni ppreżentat żewġ rapporti lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, wieħed li kien jevalwa l-fattibilità tal-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta' oriġini jew tal-post ta' provenjenza għall-ħalib, il-ħalib użat bħala ingredjent fi prodotti tal-ħalib u tipi ta' laħam għajr il-laħam taċ-ċanga, tal-majjal, tan-nagħaġ, tal-mogħoż u tat-tjur (COM(2015)0205), u l-ieħor li jevalwa l-fattibilità tal-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta' oriġini jew tal-post ta' provenjenza għal prodotti tal-ikel mhux ipproċessati, prodotti b'ingredjent uniku u ingredjenti li jirrappreżentaw aktar minn 50% ta' ikel (COM(2015)0204). Il-Kummissjoni meta biħsiebha tippreżenta u tiddiskuti s-sejbiet li joħorġu minn dawn ir-rapporti ta' fattibilità mal-Parlament?

Skont l-istħarriġ tal-Eurobarometer tal-2013[1], 84 % tal-konsumaturi jqisu li hemm bżonn li tingħata indikazzjoni tal-oriġini tal-ħalib, kemm jekk jinbiegħ bħala tali jew inkella bħala ingredjent fi prodotti ġejjin mill-ħalib. Fir-rigward tal-laħam ipproċessat, ir-rapport tal-Kummissjoni tas-17 ta' Diċembru 2013[2] jindika li 90 % tal-konsumaturi jixtiequ jkunu jafu l-oriġini tal-laħam fl-ikel ipproċessat.

Minkejja dan, fir-rapport tagħha dwar il-ħalib u l-ħalib użat bħala ingredjent fi prodotti tal-ħalib, il-Kummissjoni kkonkludiet li - meta jittieħed kont, b'mod partikolari tal-impatti ekonomiċi tat-tikkettar obbligatorju tal-pajjiż tal-oriġini għal dawn il-prodotti fuq l-operaturi tan-negozju tal-ikel - iż-żamma tal-istatus quo (tikkettar volontarju) tista' tkun l-iktar soluzzjoni adegwata fir-rigward ta' dawn il-prodotti. Fir-rigward tal-laħam ipproċessat, il-Kummissjoni għad trid tifformola proposti leġiżlattivi ta' segwitu.

Skont l-istħarriġ li jakkumpanja r-rapport dwar il-ħalib u l-laħam apparti ċ-ċanga, eċċ., l-ispejjez tat-tikkettar obbligatorju tal-oriġini għall-ħalib u l-ħalib użat bħala ingredjent fi prodotti tal-ħalib jiżdiedu hekk kif tiżdied il-kumplessità tal-proċess ta' produzzjoni. Madankollu, peress li l-leġiżlazzjoni attwali dwar l-ikel tiddistingwi biss bejn l-ikel mhux ipproċessat u dak ipproċessat, fil-konklużjoni tagħha, il-Kummissjoni ma tagħmilx distinzjoni bejn prodotti mhux ipproċessati ħafna u oħrajn ipproċessati ħafna. Il-Kummissjoni tista' tiddefinixxi "ikel mhux ipproċessat ħafna", partikolarment fir-rigward ta' prodotti mill-ħalib u l-laħam? Peress li hu mistenni li l-ispejjeż tat-tikkettar tal-oriġini jitnaqqsu b'mod sinifikanti jekk l-ambitu ta' dan jiġi limitat għal ħalib għax-xorb u prodotti tal-ħalib mhux ipproċessati ħafna, bħall-ġobon u l-krema, u għal ċerti prodotti tal-laħam mhux ipproċessati ħafna, bħaz-zalzett u l-bejken, tista' l-Kummissjoni tikkunsidra l-possibilità li inizjalment tillimita l-ambitu tat-tikkettar obbligatorju tal-pajjiż tal-oriġini għal dawk il-prodotti tal-ikel li fir-rigward tagħhom, l-interess tal-konsumatur hu bbilanċjat mal-ispiża, bħal ħalib għax-xorb u prodotti tal-ħalib u l-laħam mhux ipproċessati ħafna?