In-natura ġuridika u s-saħħa vinkolanti tal-hekk imsejjaħ "Ftehim UE-Turkija"
22.3.2016
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000053/2016
lill-Kunsill
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Birgit Sippel, f'isem il-Grupp S&D
Skont it-Trattat ta' Lisbona, ftehim internazzjonali li jkollu impatt fuq il-leġiżlazzjoni "ordinarja" tal-UE għandu jiġi nnegozjat mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u approvat mill-Parlament, li "għandu jinżamm informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura." (l-Artikolu 218(10) tat-TFUE). L-għan ta' dawn id-dispożizzjonijiet huwa proprju li, minn naħa, il-Parlament ma jitpoġġiex taħt pressjoni biex jittrasponi fil-leġiżlazzjoni tal-UE miżuri li ma jkunux kisbu l-approvazzjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, jiġi implimentat il-prinċipju ta' "bona fide" mal-pajjiż terz ikkonċernat. Minkejja dawn id-dispożizzjonijiet ċari fil-livell tat-Trattat, xi Stati Membri (bil-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni) nnegozjaw hekk imsejjaħ "Ftehim UE-Turkija" li mbagħad ġie ffinalizzat mill-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-Istati Membri f'laqgħa mal-Prim Ministru Tork. Minkejja t-titolu ġeneriku tiegħu ("Dikjarazzjoni"), il-ftehim jipprevedi diversi obbligi reċiproċi fuq iż-żewġ naħat u mekkaniżmu ta' monitoraġġ reċiproku.
1. Il-Kunsill iqis li l-"Ftehim UE-Turkija", li jkopri oqsma li bħalissa huma ta' kompetenza esklużiva u kondiviża tal-UE, huwa vinkolanti skont id-dritt internazzjonali u/jew tal-UE?
2. Jekk iva, għaliex il-Ftehim ma ġiex innegozjat u ffirmat f'konformità mal-Artikolu 218 tat-TFUE?
3. Jekk le, il-kontroparti Torka ġiet infurmata dwar il-fatt li l-Ftehim mhuwiex vinkolanti u li xi aspetti ma jistgħux jiġu implimentati kif mistenni?