RAPPORT dwar l-inizjattiva tar-Repubblika ta' l-Awstrija bil-ħsieb ta' l-adozzjoni ta' Att tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal ta' l-Europol

18.9.2006 - (5428/2006 – C6‑0073/2006 – 2006/0804(CNS)) - *

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur: Claude Moraes

Proċedura : 2006/0804(CNS)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0279/2006
Testi mressqa :
A6-0279/2006
Dibattiti :
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-inizjattiva tar-Repubblika ta' l-Awstrija bil-ħsieb ta' l-adozzjoni ta' Att tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal ta' l-Europol

(5428/2006 – C6‑0073/2006 – 2006/0804(CNS))

(Proċedura ta' konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-inizjattiva tar-Repubblika ta' l-Awstrija (5428/2006)[1],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 44 ta' l-Att tal-Kunsill tat-3 ta' Diċembru 1998 li jistabbilixxi r-regolamenti tal-persunal li japplikaw għall-impjegati tal-Europol (minn issa 'l quddiem imsemmija bħala "r-regolamenti tal-persunal"),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 39(1) tat-Trattat UE, skond liema Trattat il-Kunsill ikkonsulta l-Parlament (C6-0073/2006),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Kontroll Demokratiku fuq il-Europol (COM(2002)0095),

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2002 dwar il-futur ta' l-iżvilupp ta' l-Europol u dwar l-inkorporazzjoni awtomatika tiegħu fis-sistema istituzzjonali ta' l-Unjoni Ewropea[2],

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill ta' l-10 ta' April 2003 dwar il-futur ta' l-iżvilupp ta' l-Europol[3],

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2005 dwar l-inizjattiva tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu bil-ħsieb li tkun adottata deċiżjoni tal-Kunsill li taġġusta s-salarji bażiċi u l-konċessjonijiet finanzjarji li japplikaw għall-istaff ta' l-Europol[4],

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 93 u 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6-0279/2006),

A.  billi l-Parlament ma ġiex ikkonsultat, jew infurmat dwar, kwalunkwe miżura operattiva jew organizzattiva fir-rigward ta' l-Europol, jew ta' l-attivitajiet kurrenti u programmi futuri ta' l-Europol bi tweġiba għall-ħtiġijiet ta' l-UE u ta' l-Istati Membri; billi din in-nuqqas ta' informazzjoni twassal biex ikun impossibbli għal Parlament biex jevalwa r-relevanza u l-adekwatezza tad-deċiżjoni proposta, u billi l-konverżjoni ta' l-Europol f'aġenzija ta' l-UE hija meħtieġa b'mod urġenti biex jitjiebu t-trasparenza u s-superviżjoni u billi bl-ixkiel tiegħu fil-progress f'dan ir-rigward l-Kunsill mhux qed jerfa' r-resposabilitajiet tiegħu;

1.  Jirriffjuta l-inizjattiva tar-Repubblika ta' l-Awstrija;

2.  Jistieden lir-Repubblika ta' l-Awstrija biex tirtira l-inizjattiva tagħha;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq il-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvern tar-Repubblika ta' l-Awstrija.

  • [1]  Għadha mhix ippubblikata fil-ĠU.
  • [2]  ĠU C 187 E, 7.8.2003, p. 144.
  • [3]  ĠU C 64 E, 12.3.2004, p. 588.
  • [4]  ĠU C 157 E, 6.7.2006, p. 450.

NOTA SPJEGATTIVA

Il-Parlament Ewropew ġie kkonsultat dwar l-inizjattiva tar-Repubblika ta' l-Awstrija bil-ħsieb ta' l-adozzjoni ta' Att tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal ta' l-Europol.

L-għan tal-proposta Awstrijaka hu li jiġu modifikati r-regoli li jikkonċernaw il-klawżoli tal-kuntratt għall-impjegati kollha. Barra minn hekk il-proposta, li għandha tiġi adottata mill-Kunsill huwa u jaġixxi unanimament, hija bil-ħsieb li taġġorna r-regolamenti tal-persunal u b'mod partikolari r-relazzjoni ta' l-impjieg ta' l-uffiċju tal-kontrollur Finanzjarju u tas-Segretarjat tal-Bord tal-Maniġment.

Il-Parlament Ewropew huwa konxju ta' l-importanza ta' l-Europol bħala parti importanti tas-sigurtà arkitettonika fl-UE. Sar progress f'dawk li huma l-koperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni ta' analiżi tal-krimini u tal-kriminalità organizzata. Ir-rapporteur tagħkom huwa tal-fehma li sabiex ikun hemm aktar koperazzjoni dwar kwistjonijet ta' sigurtà fl-UE, għandhom jintużaw standards komuni fost l-istati membri u dan jista' jintlaħaq biss jekk l-Europol issir Aġenzija ta' l-UE b'mod sħiħ. L-iżvilupp ta' l-Europol hija fl-aġenda tal-Kummisjoni Ewropea[1] li tista' tressaq proposta għat-trasformazzjoni ta' din l-organizzazzjoni intergovernattivia f'korp ta' l-UE fit-tieni nofs ta' l-2006. Ir-riorganizzazzjoni ta' l-Europol tidher li hija wkoll waħda mill-prijoritajiet ewlenin fil-laqgħat tal-ministri tal-ġustizzja u ta' l-intern ta' l-UE. Qed jiġu mħejjija għażliet għar-riforma mill-grupp ta' ħidma fil-Kunsill u dawn għandhom ikunu ppreżentati fil-laqgħa tal-ministri tal-ġustizja u ta' l-intern ta' l-UE ta' l-1 ta' Ġunju 2006[2] l-aktar tard. Il-mandat ta' l-Europol għandu jiġi rivedut sabiex ikun operattiv b'mod aktar effettiv u sabiex titjieb il-koperazzjoni transkonfinali bejn il-pulizija .

Huwa, ovvjament, ta' importanza kbira għall-istabilità ta' l-organizzazzjoni sabiex ittejjeb u taġġorna r-regolamenti tal-persunal tiegħu peress li dan jgħin biex jinħoloq ambjent tax-xogħol aħjar. Madankollu, ir-rapporteur tagħkom jemmen li din il-proposta għanda tiġi evalwata fil-kuntest aktar ġenerali ta' l-aħħar żviluppi dwar l-Europol. Kif imsemmi aktar 'l fuq, dan il-korp bħalissa huwa fi status ta' riforma, u għal raġunijiet tajba.

Il-Parlament Ewropew insista kemm-il darba dwar il-ħtiġijiet tal-kontroll deomokratiku, tal-protezzjoni tad-data, tat-trasparenza (aċċess għad-dokumenti) u tar-responsabilità ta' l-Europol. S'issa dawn l-elementi għadhom ma ġewx indirizzati mill-Kunsill. Ir-riforma ġenerali ta' l-Europol tkun appoggjata b'mod favorevoli ħafna mir-rapporteur tagħkom safejn din tindirizza l-elementi msemmija hawn fuq. Madankollu, għalissa, ma tidhirx konsistenti mat-talbiet tagħna biex isir abbozz ta' opinjoni dwar l-inizzjattiva li qed ikun ikkonsultat dwarha hawn il-Parlament.

Tinħtieġ aktar trasparenza sabiex l-Europol tissaħħaħ fir-rwol tagħha bħala l-uffiċċju ta' l-UE għall-koperazzjoni bejn il-pulizija. Kwalunkwe proposta futura dwar il-ġejjieni ta' l-Europol għandha tindirizza l-punti żviluppati hawn taħt u hemm biss jista' l-Parlament Ewropew jagħti l-opinjoni tiegħu. Xi elementi huma kruċjali għall-Parlament u jistgħu jintużaw bħala materjal xieraq għal riflessjoni:

1. Il-protokolli li jemdaw il-konvenzjoni ta' l-Europol:

Huwa importanti li wieħed jinnota li l-konvenzjoni oriġinali ta' l-Europol iffirmata fis-26 ta' Lulju 1995 ġiet emendata minn tliet protokolli[3], li s'issa għadhom ma ġewx ratifikati mill-Istati Membri kollha u b'hekk ma setgħux jidħlu fis-seħħ. Dawn il-protokolli huma bl-intenzjoni li jsaħħu r-rwol ta' l-Europol bħala dak ta' l-organizzazzjoni ċentrali Ewropea għal l-infurzar tal-liġi. Indirizzaw xkiel identifikat mill-Istati Membri fil-koperazzjoni ta' kuljum tagħhom ma l-Europol u fil-koperazzjoni bejn l-Europol u msieħba Terzi[4]. B'hekk huwa sorprendenti li l-Istati Membri - li wrew id-determinazzjoni politika tagħhom għal bidla waqt in-negozzjati u waqt l-adozzjoni tal-protokoll mill-Kunsill - issa ma jridux ikomplu bil-proċess ta' ratifikazzjoni interna. Barra minn hekk, fl-adozzjoni tat-Trattat Kostituzzjonali ta' l-UE, l-Istati Membri taw sinjal ċar għat-twessiegħ ta' rwol akbar ta' l-Europol fil-futur, imma fil-preżent jidhru li ma jixtiequx jieħdu l-azzjoni meħtieġa sabiex jimplimentaw il-bidliet li diġa ġew deċiżi. Minkejja t-talba tal-Kunsill Ewropew lill-Istati Membri fir-rigward tar-ratifika tal-protokolli kollha sa l-aħħar ta' l-2004, ma sar l-ebda progress s'issa[5].

Ir-ratifika tat-tliet protokolli tidher li hija prijorita' ta' importanza kbira ladarba din giet enfasizzata mill-Presidenza Awstrijaka fil-Konferenza ta' Livell Għoli dwar il-Futur ta' l-Europol peress li "inkella tiġi identifikata qasma bejn ir-rieda politika u l-prattika ta' l-implimentazzjoni". Probabilment issa jkun iż-żmien xieraq biex il-Konvenzjoni Ewropea tiġi sostitwita mid-deċiżjoni tal-Kunsill[6].

2. Aċċess għad-dokumenti ta' l-Europol

L-arkitettura ta' l-Europol tmur lura sal-bidu tas-snin disgħin u tista' titqies bħala l-eqdem prodott tal-koperazzjoni fl-infurzar tal-liġi ta' l-UE. Sa minn xi snin ilu nqalgħu problemi l-aktar fir-rigward ta' l-aċċess għad-dokumenti tiegħu, jiġifieri l-prinċipju tad-disponibilità. L-iskambju reċiproku ta' l-informazzjoni hija diġà fil-ħidma ta' l-Europol[7]. Madankollu, sfortunatament fil-Konvenzjoni ta' l-Europol, id-dmir ta' l-Istati Membri li jfornu d-dejta lil Europol hija biss ta' natura morali. Kien ikun aktar effettiv kieku kien jorbot b'mod legali[8]. Dan ir-rekwiżit jista' jkun sodisfatt kieku l-Europol issir Aġenzija Ewropea għax f'dak il-każ ikunu jistgħu jiġu implimentati l-istandards komuni Ewropej.

Sabiex ikun korp responsabbli, l-attività ta' l-Europol għandha tkun analizzata b'reqqa mill-Parlament Ewropew. Il-Parlament kemm-il darba talab li jitħejja abbozz tar-rapport annwali ta' l-attivitajiet ta' l-Europol u tar-rapport tal-protezzjoni tad-dejta mill-korp superviżorju konġunt responsabbli għall-protezzjoni tad-dejta, iżda s'issa dawn it-talbiet għadhom ma ntlaqgħux[9]. Il-protokoll[10] tratta uħud minn dawn il-kwistjonijiet bħall-provvediment tad-dritt ta' l-aċċess għad-dokumenti ta' l-Europol[11], li l-Parlament Ewropew ikun infurmat skond il-proċedura ta' konsultazzjoni u l-possibiltà tal-Presidenza jew rappreżentant tagħha u d-Direttur ta' l-Europol li jidhru quddiem il-Parlament Ewropew sabiex ikunu diskussi kwistjonijiet ġenerali li għandhom x'jaqsmu ma' l-Europol[12]. Minkejja xi elementi ta' trasparenza mdaħħla fil-Protokoll, għalkemm għadu ma ġiex ratifikat, huwa ċar li l-impossibilità kurrenti li l-Parlament Ewropew ikun involut fuq bażi pari mal-Kunsill fil-proċess ta' nomina u tkeċċija tad-Direttur ta' l-Europol jidher b'mod ċar li l-kontroll Parlamentarju fuq l-Europol huwa insuffiċjenti. Għadu ma twettaqx l-impenn ta' l-Europol li tibgħat l-informazzjoni lill-Paralament Ewropew, ir-rapport ġenerali ta' l-attivitajiet ta' l-Europol tas-sena ta' qabel, ir-rapport ta' l-attivitajiet futuri ta' l-Europol u l-pjan ta' finanzjament fuq ħames snin[13].

Din is-sitwazzjoni ma tidhirx sodisfaċenti. Wieħed jista' jsostni li l-Europol hija servizz Ewropew għall-intelliġenza[14] u li għalhekk għandu jagħti prijorità lis-sigurtà aktar milli lit-trasparenza. Madankollu, b'ħarsa lejn id-dikjarazzjoni tal-missjoni tiegħu huwa ċar li dan il-korp jipprovdi essenzjalment sistema ta' informazzjoni u ta' analiżi mingħajr ma jiddisponi minn setghat esekuttivi. Fl-hekk imsejħa Żona ta' Libertà, sigurtà u ġustizzja, żbilanċ bħal dan bejn l-għanijiet tas-sigurtà u t-trasparenza ma għadux aċċettabbli. ‑{}‑

Konklużjonijiet

L-Europol tistà tkun ta' appoġġ utli lill-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi ta' l-Istati Membri f'dak li huma l-prevenzjoni u l-ġlied kontra l-għamliet serji ta' kriminalità organizzata internazzjonali. Madankollu, għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, il-Parlament Ewropew jikkritika n-nuqqas ta' kontroll demokratiku, ta' trasparenza u ta' responsabilità suffiċjenti, ta' dan il-korp kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq dak Ewropew.

Ir-rapporteur tagħkom jarġumenta bil-qawwi favur ir-riforma ta' l-organizzazzjoni u għas-sistema ta' ħidma ta' l-Europol b'mod li għandu jipprovdi lill-Parlament Ewropew bl-istrumenti meħtieġa biex jissorvelja l-attivitajiet ta' l-Europol sabiex ikun garantit il-kontroll demokratiku li l-istituzzjoni tagħna għandha d-dover li tassigura.

Huwa għal din ir-raġuni, u b'konformità mal-prattika stabbilita tal-Parlament, li r-rapporteur tagħkom jipproponi ċ-ċaħda ta' l-inizzjattiva li l-Parlament qed jiġi kkonsultat dwarha.

  • [1]  Il-Pjan ta' Azzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li jimplimenta l-Programm ta' l-Aja dwar it-tisħiħ tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea, Brussell 10 ta' Ġunju 2005, 9778/2/05 REV 2 JAI 207, p.18
  • [2]  Il-Futur ta' l-Europol, Karta ta' l-għażla, li tirrifletti r-riżultat tad-diskussjoni dwar il-Futur ta' l-Europol li saret waqt il-Presidenza ta' l-Awstrija, Mejju 2006.
  • [3]  Skond il-Konvenzjoni ta' l-Europol (Art 43 tal-Konvenzjoni ta' l-Europol) dawn iridu jiġu ratifikati mill-Istati Membri bi qbil mal-ħtiġijiet kostituzzjonali rispettivi taghhom.
  • [4]  It-tieni protokoll (id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Novembru 2002), per eżempju, jassenja l-kompetenzi ta' l-Europol sabiex jipparteċipaw fil-Gruppi Investigattivi Konġunti ta' l-Istati Membri u jenfasizza u jsaħħaħ ir-rwol tiegħu bħala l-korp ċentrali ta' koordinazzjoni għall-investigazzjonijiet ta' l-Istati Membri. It-tielet protokoll ("Protokoll Daniż", Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2003) jissimplifika, fost affarijiet oħra, il-proċeduri interni li dewmu x-xogħol ta' l-Europol fil-passast u fil-preżent, jagħti lil l-Europol il-possibilità li jitwaqqfu 'data bases' ġodda sabiex jitħaffef ix-xogħol ta' analiżi tiegħu, jiffaċilita l-parteċipazzjoni ta' msieħba Terzi fix-xogħol analitiku ta' l-Europol u jestendi d-drittijiet tal-Parlament Ewropew
  • [5]  Il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata; koperazzjoni tal-pulizija fl-Ewropa: l-irwol tal-Europol, kontribuzzjoni tas-Sur Jens Henrik Højbjerg, Viċi Direttur tal-Europol fil-laqgħa parlamentari konġunta tat-18 ta' Ottubru 2005, p.2
  • [6]  Is-sommarju taċ-'Chairman' tal-Konferenza ta' Livell Għoli dwar il-Futur ta' l-Europol (23-24 ta' Frar 2006), Europol 20 CATS 63, Brussell 29 ta' Marzu 2006, 7868/06, p. 3.
  • [7]  Il-Konvenzjoni ta' l-Europol, Att tal-Kunsill 26 ta' Lulju 1995, Titolu II
  • [8]  Is-sommarju taċ-'Chairman' tal-Konferenza ta' Livell Għoli dwar il-Futur ta' l-Europol (23-24 ta' Frar 2006), Europol 20 CATS 63, Brussell 29 ta' Marzu 2006, 7868/06, p. 6-7
  • [9]  Ir-Rapport Moraes dwar l-inizzjattiva tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu bil-ħsieb li tkun adottata d-deċiżjoni tal-Kunsill li taġġusta s-salarji bażiċi u l-konċessjonijiet finanzjarji li japplikaw għall-persunal ta' l-Europol (5429/2005-CC6-0037/2005-2005/0803 (CNS), A6‑0139/2005, p.6
  • [10]  Il-Protokoll Ġurnal Uffiċjali C 002 , 06/01/2004 P. 0001 - 0012 li jemenda l-Konvenzjoni dwar Konvenzjoni dwar l-istabbiliment ta' l-Uffiċċju tal-Pulizija Ewropea (Konvenzjoni dwar il-Europol), Att tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2003.
  • [11]  ibid., art. 32 (a) par. 17, p. 7.
  • [12] ibid., art.34, par. 18, p. 7.
  • [13]  ibid., art. 28 (10) u art. 35 (4).
  • [14]  Programm ta' Ħidma 2007, Europol, L-Aja 31 ta' Marzu 2006, p. 3.

PROĊEDURA

Titolu

Inizzjattiva mir-Repubblika ta' l-Awstrija bil-ħsieb ta' l-adozzjoni ta' Att tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti tal-Persnal ta' l-Europol

Referenzi

(5428/2006 – C6‑0073/2006 – -2006/0804(CNS)

Data meta ġie kkonsultat il-PE

28.2.2006

Kumitat responsabbli
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

LIBE
14.3.2006

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

BUDG
14.3.2006

 

 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija
  Data tad-deċiżjoni

BUDG
5.7.2006

 

 

 

 

Koperazzjoni aktar mill-qrib
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja


 

 

 

 

Rapporteur(s)
  Data tal-ħatra

Claude Moraes
27.4.2006

 

Rapporteur(s) preċedenti

 

 

Eżami fil-kumitat

20.6.2006

13.7.2006

 

 

 

Data ta' l-adozzjoni

13.9.2006

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

37

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alexander Alvaro, Alfredo Antoniozzi, Mihael Brejc, Michael Cashman, Charlotte Cederschiöld, Carlos Coelho, Fausto Correia, Panayiotis Demetriou, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Kinga Gál, Patrick Gaubert, Lilli Gruber, , Timothy Kirkhope, Ewa Klamt, Magda Kósáné Kovács, Wolfgang Kreissl-Dörfler, Barbara Kudrycka, Stavros Lambrinidis, Henrik Lax, Sarah Ludford, Jaime Mayor Oreja, Claude Moraes, Hubert Pirker, Lapo Pistelli, Martine Roure, Ioannis Varvitsiotis, Stefano Zappalà, Tatjana Ždanoka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Cappato, Bárbara Dührkop Dührkop, Maria da Assunção Esteves, Anne Ferreira, Roland Gewalt, Ignasi Guardans Cambó, Sophia in 't Veld, Antonio Tajani, Kyriacos Triantaphyllides

Sostituti(i) (skond l-Artikolu 178(2) preżenti għall-votazzjoni finali

Manolis Mavrommatis, Thomas Wise

Data tat-tressiq

15.9.2006

 

Kummenti (disponibbli b'lingwa waħda biss)

...