RAPPORT dwar it-talba għat-tneħħija ta' l-immunità ta' Bogdan Golik

5.10.2006 - (2006/2218(IMM))

Kumitat dwar l-Affarijiet Legali
Rapporteur: Diana Wallis

Proċedura : 2006/2218(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0317/2006
Testi mressqa :
A6-0317/2006
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-talba biex titneħħa l-immunità ta' Bogdan Golik

(2006/2218(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija ta' l-immunità ta' Bogdan Golik, imressqa mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Belġjan fuq talba ta' l-Uffiċċju tal-Prosekutur fil-Qorti ta' l-Appell ta' Brussell fis-7 ta' Lulju 2006, u mħabbra waqt is-seduta plenarja ta' l-4 ta' Settembru 2006,

–   wara li sema' lil Bogdan Golik, b'konformità ma' l-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li talab li titneħħa l-immunità tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 10 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, tat-8 t’April 1965, u l-Artikolu 6(2) ta’ l-Att dwar l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b’votazzjoni universali diretta, ta’ l-20 ta’ Settembru 1976,

–   wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tat-12 ta’ Mejju 1964 u ta’ l-10 ta’ Lulju 1986[1]

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 6(2) u 7 tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6‑0317/2006),

A. billi Bogdan Golik ġie elett fil-Parlament Ewropew fis-sitt elezzjoni li saret mill-10 sat-13 ta’ Ġunju 2004, u billi l-kredenzjali tiegħu ġew ivverifikati mill-Parlament fl-14 ta’ Diċembru 2004

B.  billi Bogdan Golik igawdi, fit-territorju ta' Stati Membri barra dak tiegħu stess, immunità minn kull miżura ta' detenzjoni u minn proċeduri legali skond l-Artikolu 10 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej tat-8 ta' April 1965,

C. billi Bogdan Golik gawda dik l-immunità fiż-żmien materjali peress li l-Parlament kien waqt is-sessjoni, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata hawn fuq,

1.  Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Bogdan Golik, bil-kundizzjoni li, sakemm tingħata sentenza finali, jekk tingħata waħda, Bogdan Golik għandu jkun immuni minn kull tip ta' detenzjoni jew rimandar jew kwalunkwe miżura oħra li żżommu milli jwettaq id-dmirjiet proprji tal-mandat tiegħu;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-deċiżjoni, u r-rapport tal-kumitat responsabbli, immedjatament lill-awtorità xierqa tar-Renju tal-Belġju

  • [1]  Il-Każ 101/63 Wagner v Fohrmann u Krier [1964] ECR 195 u l-Każ 149/85 Wybot v Faure u oħrajn [1986] ECR 2391

NOTA SPJEGATTIVA

I.         SFOND

Waqt is-seduta ta' l-4 ta' Settembru 2006, il-President tal-Parlament informa lill-Kamra li kien irċieva ittra mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Belġjan li kellha fiha talba mill-Uffiċċju tal-Prosekutur fil-Qorti ta' l-Appell ta' Brussell, għat-tneħħija ta' l-immunità parlamentari ta' Bogdan Golik. Skond l-Artikolu 6(2) tar-Regoli ta' Proċedura, il-President irrifera t-talba lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali

It-talba għat-tneħħija ta' l-immunità saret mill-Prosekutur Pubbliku fil-Qorti ta' l-Appell ta' Brussell. It-talba ġiet ippreżentata lill-Parlament mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tar-Renju tal-Belġju, li huwa awtorità kompetenti skond it-tifsira ta' l-Artikolu 7(7) tar-Regoli ta' Proċedura.

Il-Prosekutur Pubbliku talab għat-tneħħija ta' l-immunità parlamentari tas-Sur Golik sabiex tkun tista' ssir investigazzjoni dwar ilment u, jekk ikun xieraq, sabiex jitressaq il-każ fil-qorti kriminali kompetenti fuq akkuża ta' stupru jew ta' akkuża oħra simili, jekk ikun il-każ, li tista' titqajjem mill-allegazzjonijiet kontra s-Sur Golik.

Dettalji dwar l-ilment li sar kontra s-Sur Golik ingħataw fl-Avviż 22/2006, li ġie ċċirkulat fost il-membri tal-kumitat kompetenti

II.        L-IMMUNITÀ PARLAMENTARI TAL-MEMBRI TAL-PARLAMENT EWROPEW : TESTI U PRINĊIPJI

1.        L-Artikolu 10 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej[1], annessi mat-Trattat li jistabbilixxi Kunsill Uniku u Kummissjoni Unika tal-Komunitajiet Ewropej[2], li jinkorpora d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 9 ta' kull wieħed mill-protokolli annessi mat-Trattati li jistabbilixxu il-ECSC, il-KEE u l-EAEC, jgħid hekk:

Matul is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu għandhom:

(a)       igawdu fit-territorju ta' l-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament tagħhom;

(b)       jiġu meqjusa immuni kemm mid-detenzjoni u kemm mill-proċeduri legali kontra tagħhom fit-territorju ta' kull Stat Membru ieħor.

L-immunità għandha tapplika bl-istess mod għall-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa' l-Parlament Ewropew.

L-immunità ma tistax tiġi invokata la meta Membru jinqabad fil-fatt li jwettaq reat u lanqas m'għandha żżomm lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jneħħi l-immunità ta' wieħed mill-Membri tiegħu.

2.        L-ilment li sar kontra s-Sur Bogdan Golik, Membru Parlamentari Ewropew Pollakk, jikkonċerna ġrajjiet li allegatament seħħew fit-territorju tar-Renju tal-Belġju. Skond Punt (b) ta' l-ewwel Paragrafu ta' l-Artikolu 10 tal-Protokoll, waqt is-seduti tal-Parlament Ewropew, is-Sur Golik igawdi minn immunità minn kull miżura ta' detenzjoni u minn proċeduri legali fit-territorju ta' l-Istati Membri barra dak tiegħu stess.

3.        Il-ġrajjiet li għalihom jirreferi l-ilment allegatament seħħew waqt il-lejl bejn is-6 u s-7 ta' Diċembru 2005. Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-iskopijiet tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet, il-Parlament Ewropew għandu jitqies li jkun qiegħed waqt sessjoni, anke jekk fil-fatt ma' jkunx hemm sessjoni, sakemm tittieħed deċiżjoni li tagħlaq is-sessjonijiet annwali jew straordinarji tiegħu.[3] Konsegwentement, is-Sur Golik gawda immunità skond l-Artikolu 10 tal-Protokoll fiż-żmien materjali.

4.        L-immunità parlamentari mhijiex privileġġ personali ta' Membru, iżda garanzija ta' l-indipendenza tal-Parlament u tal-Membri tiegħu fir-rigward ta' awtoritajiet oħra. Fuq il-bażi ta' dan il-prinċipju, id-data ta' meta allegatament seħħew l-atti mhi ta' ebda importanza u tista' tkun qabel jew wara l-elezzjoni tal-Membru, peress li l-protezzjoni tal-Parlament permezz tal-Membri tiegħu hija l-unika kunsiderazzjoni. Barra minn hekk, dan ġej mill-iskop propju ta' l-immunità parlamentari li din għandha tibqa' effettiva tul il-perjodu sħiħ tal-kariga tal-Membru u tkopri l-bidu tal-kawża, inkjesti preliminari, miżuri għat-twettiq ta' sentenzi diġà eżistenti, appelli u applikazzjonijiet biex jiġu revokati sentenzi.

5.        Il-proċedura li għandu jsegwi l-Parlament Ewropew hija stipulata fl-Artikoli 6 u 7 tar-Regoli ta' Proċedura.

6.        Huwa nnutat li t-tneħħija ta' l-immunità bl-ebda mod ma tnaqqas mill-preżunzjoni ta' l-innoċenza.

III       BAŻI GĦALL-PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI

1.        L-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet (PPI) ovvjament ma japplikax f'dan il-każ. Skond dan, l-immunità assoluta tapplika biss għal opinjonijiet u voti mitfugħa minn (Membri) fil-qadi ta' dmirijiethom.

2.        Kif diġà ġie ċċarat fis-Sezzjoni II, l-Artikolu 10, l-ewwel Paragrafu, Punt (b), tal-Protokoll japplika u l-kwistjonijiet imqajma mill-Prosekutur ta' l-Istat fit-talba tagħha għat-tneħħija ta' l-immunità jistgħu jitwieġbu kif ġej:

           (a) Is-Sur Golik gawda immunità skond l-Artikolu 10(b) tal-Protokoll fil-Belġju bejn is-6 u s-7 ta' Diċembru 2005;

           (b) Is-Sur Golik ikompli jgawdi immunità skond il-Protokoll bħala Membru tal-Parlament Ewropew

3.        M'hemm l-ebda indikazzjoni li f'dan il-każ teżisti fumus persecutionis.

4.        Is-Sur Golik talab li l-immunità tiegħu titneħħa u huwa fl-interess tal-Parlament li l-ilment jiġi investigat u, jekk ikun xieraq, eżaminat fil-qorti

5.        L-Artikolu 7(4) tar-Regoli ta' Proċedura jgħid li r-rapport tal-kumitat responsabbli jista', b'eċċezzjoni, jipproponi li, sakemm ma tingħatax sentenza finali, il-Membru għandu jkun immuni minn kull forma ta' detenzjoni u rimandar jew kwalunkwe miżura li żżommu milli jwettaq id-dmirijiet proprji tal-mandat tiegħu.

IV       KONKLUŻJONI

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta' hawn fuq u skond l-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regoli ta' Proċedura, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, wara li kknsidra l-argumenti favur u kontra t-tneħħija ta' l-immunità, jirrakkomanda li l-Parlament għandu jneħħi l-immunità Parlamentari tas-Sur Bodgan Golik, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 7(4).

  • [1] () Ara wkoll l-Artikolu 9 ta' dan il-Protokoll: Membri tal-Parlament Ewropew m'għandhomx ikunu suġġetti għal kwalunkwe tip ta' inkjesta, detenzjoni jew proċeduri legali fir-rigward ta' opinjonijiet espressi jew voti mitfugħa minnhom waqt it-twettiq ta' dmirijiethom.
  • [2] () Msemmi fl-Artikolu 4(2) ta' l-Att li dwar l-elezzjoni tar-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew permezz ta' votazzjoni diretta universali ta' l-20 September 1976.
  • [3]  Każ 149/85 Wybot v Faure u oħrajn [1986] ECR 2391, parti operattiva.

PROĊEDURA

Titolu

Talba għat-tneħħija ta' l-immunità ta' Bogdan Golik

Numru tal-proċedura

2006/2218(IMM)

Talba għall-immunità
  imressqa minn*
  Data tat-talba
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja
* Informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss.


Ministeru Belġjan ta' l-Affarijiet Barranin
7.7.2006
4.9.2006

Kumitat risponsabbli
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

JURI
4.9.2006

Rapporteur(s)
  Data tal-ħatra

Diana Wallis
11.9.2006

Rapporteur(s) preċedenti

 

Eżami fil-kumitat

2.10.2006

3.10.2006

 

 

 

Data ta' l-adozzjoni

3.10.2006

Riżultat tal-votazzjoni finali

+
-

0

20
0
0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Berger, Rosa Díez González, Bert Doorn, Monica Frassoni, Giuseppe Gargani, Piia-Noora Kauppi, Klaus-Heiner Lehne, Katalin Lévai, Antonio López-Istúriz White, Hans-Peter Mayer, Aloyzas Sakalas, Francesco Enrico Speroni, Andrzej Jan Szejna, Diana Wallis, Rainer Wieland, Jaroslav Zvěřina, Tadeusz Zwiefka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Paul Gauzès, Luis de Grandes Pascual, Kurt Lechner, Toine Manders, Marie Panayotopoulos-Cassiotou

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

 

Kummenti (informazzjoni disponibbli b’lingwa waħda biss)