RAKKOMANDAZZJONI GĦAT-TIENI QARI dwar il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill fir-rigward ta' l-adozzjoni ta' regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp

5.12.2006 - (11944/2/2006 – C6‑0357/2006 – 2004/0220(COD)) - ***II

Kumitat għall-Iżvilupp
Rapporteur: Gay Mitchell

Proċedura : 2004/0220(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0448/2006
Testi mressqa :
A6-0448/2006
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill għall-adozzjoni ta' regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp

(11944/2/2006 – C6‑0357/2006 – 2004/0220(COD))

(Proċedura ta' kodeċiżjoni: it-tieni qari)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni komuni tal-Kunsill (11944/2/2006 – C6‑0357/2006),

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari[1] dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2004)0629)[2],

–   wara li kkunsidra l-proposta emendata tal-Kummissjoni (COM(2004)0629/2)[3],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 67 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A6‑0448/2006),

1.  Japprova l-pożizzjoni komuni;

2.  Jinnota li l-att qed jiġi adottat b'konformità mal-pożizzjoni komuni;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jiffirma l-att flimkien mal-President tal-Kunsill, skond l-Artikolu 254(1) tat-Trattat KE;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju-Ġenerali tiegħu sabiex jiffirma l-att wara li jkun ivverifika li l-proċeduri ntemmu kif imiss u sabiex, bi qbil mas-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni ta' l-att fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi/tgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  Testi adottati, 18.5.2006, P6_TA(2006)0217..
  • [2]  Għadha mhix ippubblikata fil-ĠU.
  • [3]  Għadha mhix ippubblikata fil-ĠU.

NOTA SPJEGATTIVA

1. Sfond

Il-proposta tal-Kummissjoni għal regolament li jistabbilixxi strument finanzjarju għall-koperazzjoni ta' l-iżvilupp u għall-koperazzjoni ekonomika, li ffurmat l-bidu tal-proċedura li twassal għal bażi legali ġdida għall-infiq fuq l-iżvilupp tal-KE, kienet datata 29 ta' Settembru 2004. Għal sentejn wara l-pubblikazzjoni tal-proposta, il-proċess leġiżlattiv ħa triq mgħawġa, imħarbta u kultant mimlija diffikultajiet. Imma f'dan iż-żmien, it-test għamel passi ta' ġigant.

L-opinjoni tar-rapporteur tiegħek dwar il-proposta oriġinali kienet li din kienet estrema ħafna u kompletament mhix aċċettabbli mill-Parlament. Attakkat kemm il-prerogattivi tal-Parlament taħt kodeċiżjoni, kif ukoll il-prinċipji ta' politika ta' l-iżvilupp infushom. L-ewwel rispons, wara indikazzjoni ta' l-intenzjoni tal-Parlament li jirrifjuta l-proposta, ġie adottat unanimament fil-Kumitat għall-Iżvilupp u appoġġjat, unanimament ukoll, minn tliet kumitati oħra li taw opinjonijiet. Dan l-approċċ wassal lill-Kummissjoni u lill-Kunsill għall-mejda tan-negozzjati u fl-aħħar ġew konvinti biex jirrispettaw is-setgħat ta' kodeċiżjoni tal-Parlament, mhux biss għall-istrument ta' l-iżvilupp imma wkoll għall-istrument ta' l-Azzjonijiet Esterni tal-'pakkett Prodi'.

Għall-istrument ta' l-iżvilupp, kien hemm ħafna kisbiet li rriżultaw min-negozzjati fit-tul u diffiċli - tant li l-forma tar-regolament finali mhix ser tkun tintgħaraf minn dawk li ħolqu l-proposta tal-bidu. Kien hemm żminijiet meta l-approċċ meħud minn istituzzjonijiet oħra rriżulta fi pressjoni aktar milli negozjar u rispett lejn il-Parlament Ewropew bħala entità li tieħu kodeċiżjonijiet. Kien ukoll sorprendenti li kultant il-Kumitat għall-Iżvilupp kellu jieqaf lil forżi oħra fil-Parlament li fejn kien inqas mifhum li s-setgħat u l-prerogattivi ta' l-istituzzjoni nfusa kienu involuti. Matul dan kollu, il-Kumitat għall-Iżvilupp baqa' magħqud, u żamm sod.

2. Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill

Il-Pożizzjoni Komuni trażmessa lill-Parlament mill-Kunsill fit-23 ta' Ottubru 2006 tinkludi ħafna elementi li kienu inkorporati fuq talba tal-Parlament. Fost l-aktar importanti hemm:

a) Leġiżlazzjoni llimitata bil-ħin

Il-proposta tal-bidu mill-Kummissjoni Ewropea ma kienx fiha klawsola ta' skadenza jew ta' reviżjoni ta' nofs iż-żmien. Dawn ġew miftiehma, waqt in-negożjati tal-bidu nett, għall-istrumenti ta' l-Azzjonijiet Esterni kollha, sabiex issa jiskadew kollha fl-aħħar tal-Perspettiva Finanzjarja l-ġdida fl-2013 u l-proċess ta' reviżjoni ser jibda fl-2009.

b) Strument speċifiku għal politika ta' l-iżvilupp

Kienet kwistjoni ta' tħassib kbir għall-Kumitat għall-Iżvilupp li l-proposta oriġinali ma kkunsidratx strument finanzjarju speċifikament għal politika ta' l-iżvilupp. Anzi, ħaltet il-politika għall-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw mal-politika għall-pajjiżi industrijalizzati, b'tali mod li sar impossibbli li jiġu stipulati objettivi ċari jew prijoritajiet tal-politika speċifiċi għat-tnejn li huma. Wara ħafna nuqqas ta' ftehim dwar l-arkitettura leġiżlattiva għal Azzjonijiet Esterni, in-negozjaturi tal-Kumitat għall-Iżvilupp laħqu ftehim fejn pajjiżi industrijalizzati jkunu suġġetti għal leġiżlazzjoni differenti, u l-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali rċieva proposta ġdida għalihom. Il-Pożizzjoni Komuni tiġbor fiha dak li ried il-Kumitat għall-Iżvilupp - strument speċifikament immirat għall-pajjiżi li għadhom jiżviluppaw, li jismu Strument tal-Koperazzjoni għall-Iżvilupp.

Il-Parlament iġġieled ukoll, u rebaħ, għal Strument għad-Drittijiet tal-Bniedem separat, li ser ikun il-kontinwazzjoni ta' l-Inizjattiva Ewropea għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem. Il-proċedura leġiżlattiva

c) Bażi legali waħda għal żvilupp - Artikolu 179

Flimkien mad-diskussjonijiet dwar l-arkitettura leġiżlattiva, kien hemm dibattitu relatat dwar il-bażi legali biex tiġi applikata għall-Istrument tal-Koperazzjoni għall-Iżvilupp. Il-proposta oriġinali kienet bbażata fuq żewġ artikoli tat-Trattat KE - l-Artikolu 179, li jkopri l-iżvilupp, u l-Artikolu 181a, li jirrelata ma' koperazzjoni ma' pajjiżi terżi. L-argument tar-rapporteur tiegħek, skond il-parir legali mis-Servizzi Legali tal-Parlament u tal-Kunsill, kien li l-Artikolu 181a ma japplikax għall-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw u l-Istrument tal-Koperazzjoni għall-Iżvilupp għandu jkun ibbażat fuq l-Artikolu 179 biss. F'dan il-każ il-Parlament għamel suċċess.

d) Tfassil ta' politika permezz ta' kodeċiżjoni

Problema oħra prinċipali bil-proposta tal-bidu tal-Kummissjoni kienet li fittxet li tneħħi, kważi għal kollox, id-dritt tal-Parlament li permezz ta' kodeċiżjoni jfassal politika għall-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw. Il-Kummissjoni kellha l-ħsieb li tneħħi t-tfassil ta' politika mill-iskop ta' leġiżlazzjoni u minflok tuża komunikazzjoni li ma torbotx. L-uniku dispożizzjonijiet ta' politika li jorbtu kellhom jiġu inklużi fil-karti ta' l-istrateġija għal kull pajjiż, reġjun jew programm tematiku - u dawn kellhom ikunu adottati permezz ta' komitoloġija, mingħajr intervent min-naħa tal-Parlament.

Flimkien mal-Kunsill, in-negozjaturi tal-Kumitat għall-Iżvilupp irrifjutaw l-approċċ tat-tfassil ta' politika permezz ta' komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni, u kkonċentraw biex jiżġuraw li tfassil ta' politika jibqa' suġġett għall-proċedura leġiżlattiva ta' kodeċiżjoni.

Il-Pożizzjoni Komuni negozjata mal-Kunsill fiha ammonti kbar ta' kontenut ta' politika, li kważi kollu kemm hu hu inkluż fir-rispons għat-tħassib tal-Parlament. Prinċipalment, din hi bbażata fuq il-kontenut tal-politika tat-13-il regolament ta' politika li ser jinbidlu ma' l-Istrument tal-Koperazzjoni għall-Iżvilupp il-ġdid, li kważi kollha kienu diġà miftehma bejn il-Parlament u l-Kunsill f'kodeċiżjoni.

e) Dispożizzjonijiet finanzjarji f'aktar dettall

Id-dispożizzjonijiet finanzjarji tal-proposta kienu qasam ieħor ta' tħassib serju ħafna: kienu wisq ġenerali, u 'l bogħod ħafna mil-livell ta' dettall li l-Parlament, bħala parti mill-awtorità baġitarja, kien imdorri li jimmaniġġja. L-unika informazzjoni mogħtija kienet l-allokazzjoni finanzjarja totali għall-istrument kollu, flimkien ma' figura għal koperazzjoni ta' l-ACP li sussegwentement tneħħiet meta l-Kunsill Ewropew iddeċieda li jżomm l-EDF barra mill-baġit. Fil-passat kien hemm allokazzjoni finanzjarja kodeċiża separatament għal kull programm, miġbura f'regolamenti separati, għalhekk in-negozjaturi tal-Kumitat għall-Iżvilupp insistew li din il-prattika għandha tkompli. Il-Pożizzjoni Komuni issa tinkludi analiżi ta' finanzjament għal kull programm, u f'xi każijiet fi ħdan programm (bħal atturi mhux ta' l-istat, li issa għandhom programm konġunt ma' awtoritajiet lokali, b'tali mod li jkun neċessarju li jintalab analiżi ieħor ta' finanzjament sabiex ikun garantit li huma ser ikomplu jirċievu finanzjament qrib ħafna ta' l-allokazzjonijiet annwali tagħhom fis-snin li għaddew).

3. Passi importanti 'l quddiem

Hemm ukoll oqsma fejn l-Istrument tal-Koperazzjoni għall-Iżvilupp il-ġdid ser jitnieda b'mod aktar effettiv mill-legiżlazzjoni ta' l-iżvilupp l-oħra kollha li daħlet fis-seħħ qabel, u hawn hu fejn il-Parlament irnexxielu jagħmel avvanzi kbar.

a) Kumitat għall-Għajnuna għall-Iżvilupp ta' l-OECD rikonoxxut legalment

L-Istrument tal-Koperazzjoni għall-Iżvilupp il-ġdid għall-ewwel darba ser jiġbor f'test legali d-definizzjoni ta' politika ta' l-iżvilupp, aċċettata internazzjonalment, stipulata mill-Kumitat għall-Għajnuna għall-Iżvilupp ta' l-OECD . Dan hu pass essenzjali biex il-baġit ta' l-iżvilupp jiġi ppreservat u ma jiġix mittiefes minn objettivi tal-politika oħrajn. Mija fil-mija tal-programmi ġeografiċi se jitfasslu sabiex ikunu konformi mal-kriterji ta' eliġibilità tad-DAC għal Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp, u l-istess ikun veru għal ta' l-inqas 90% ta' l-allokazzjonijiet taħt il-programmi tematiċi. L-10% tal-programmi tematiċi li jkun baqa' ser jintużaw għal azzjonijiet mhux ta' żvilupp taħt il-programm Migrazzjoni u l-programm Ambjent, inkluż l-inplimentazzjoni ta' ftehimiet internazzjonali dwar l-ambjent u appoġġ lis-segretarjati ta' numru ta' konvenzjonijiet internazzjonali prinċipali fil-qasam ta' l-ambjent.

b) Ftehim dwar miri ta' infiq marbuta ma' l-Istrument tal-Koperazzjoni għall-Iżvilupp

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni marbuta ma' l-Istrument tal-Koperazzjoni għall-Iżvilupp il-ġdid ser ikun fiha, għall-ewwel darba wkoll, il-benchmark li l-Kumitat għall-Iżvilupp ilu juża mill-2003 biex jippromwovi aktar attenzjoni fuq setturi ta' l-MDG ewlenin ta' edukazzjoni bażika u saħħa bażika. Il-Kummissjoni qatt qabel ma aċċettat il-benchmark ta' 20% tal-Kumitat għal dawn is-setturi, u anke jekk il-Parlament kitbu fil-baġit tiegħu għal dawn l-aħħar tliet snin, irrifjutaw li jimplimentawh. Allokazzjoni għal dawn is-setturi minn dejjem kienu fqar. Imma issa, fid-dikjarazzjoni marbuta ma' l-Istrument tal-Koperazzjoni għall-Iżvilupp, il-Kummissjoni ħadet l-impenn li timmira biex tilħaq dan il-benchmark sa l-2009 (inkluż iż-żieda tal-kateġorija ta' edukazzjoni sekondarja, peress li din hi partikularment importanti għall-pajjiżi bi dħul medju ta' l-Amerika Latina). Flimkien mal-Membri l-oħra tat-Tim tan-Negozjar, ir-rapporteur tiegħek hu ta' l-opinjoni li dan hu tassew akkwist sinnifikanti għall-Parlament.

c) Skrutinju demokratiku ta' dokumenti ta' l-ipprogrammar - nimxu 'l quddiem

Ftit aktar progress sar ukoll fil-kwistjoni tad-djalogu bejn il-Parlament u l-Kummissjoni dwar l-abbozz tad-dokumenti ta' l-istrateġija, li jkun permess skrutinju parlamentari effettiv ta' l-implimentazzjoni ta' l-Istrument tal-Koperazzjoni għall-Iżvilupp. Il-kwistjoni partikulari ta' tħassib kienet li tiżgura li l-Parlament jkunu jista' jintervjeni fil-ħin sabiex l-influenza tiegħu tkun tagħmel sens, qabel ma jiġu adottati d-dokumenti ta' l-istrateġija. Għalkemm kien hemm xi sensitivitajiet mal-Kunsill dwar dan is-suġġett, il-Parlament ġie assigurat li l-Kummissjoni dejjem ser tibqa' miftuħa għal diskussjonijiet ma' MEPs dwar suġġetti ġenerali jew speċifiċi għal pajjiż. Il-Parlament jista' jiddetermina l-mod ta' kif jippreżenta ruħu għal djalogu bħal dan. Dan il-ftehim ser jiġi ifformalizzat permezz ta' skambju ta' ittri bejn l-President tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-Kummissarji Ferrero-Waldner u Michel qabel ma ssir il-votazzjoni dwar it-test tal-Pożizzjoni Komuni.

d) Rwol akbar għal Parlament fir-reviżjoni ta' nofs iż-żmien

Għalkemm it-test leġiżlattiv jgħid li l-istrument għandu jiġi revedut "mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2010", il-Parlament u l-Kummissjoni qablu li qabel ma l-Kummissjoni tagħmel ir-reviżjoni, il-Parlament għandu jeżamina l-ħidma ta' l-istrument biex jidentifika kull sitwazzjoni ta' disfunzjonament li tista' tkun inqalgħet. Il-Kummissjoni ser tikkunsidra r-Rapport tal-Parlament meta tagħmel ir-reviżjoni ta' l-istrument. Ir-reviżjoni ser issir fl-2009. Jekk jiġu identifikati xi problemi li jirrikjedu adattazzjoni ta' l-istrument, il-Kummissjoni ser tressaq il-proposti leġiżlattivi neċessarji. Dan il-ftehim ser jiġi kkonfermaty mill-Kummissjoni qabel ma ssir il-votazzjoni dwar it-test tal-Pożizzjoni Komuni.

4. Rakkomandazzjoni tar-Rapporteur

Il-Pożizzjoni Komuni tirrapreżenta ftehim li ntlaħaq fl-aħħar tan-negozjati u tħaddan mill-Kumitat għall-Iżvilupp fil-laqgħa tiegħu tat-3 ta' Ottubru 2006.

Dwar il-kwistjoni tas-saħħa riproduttiva, ir-rapporteur tiegħek ma jistax jappoġġja t-terminoloġija wżata fil-Premessa 18, fl-Artikolu 5 (2) b) u fl-Artikolu 12 (2) a), jekk id-definizzjoni tal-WHO li tinkludi "interruzzjoni ta' tqala mhix mixtieqa", tkun tapplika. Fl-approċċ tiegħi għall-Istrument tal-Koperazzjoni għall-Iżvilupp, fittixt li nakkomoda oħrajn u kont estremament diżappuntat li l-ħsibijiet sinċieri tiegħi dwar din il-kwistjoni ma ġewx appoġġjati. Għalhekk navża li ser nappoġġja sforzi biex dan il-kliem jiġi emendat.

B'din l-eċċezzjoni, ir-rapporteur tiegħek jikkonsidra li l-Pożizzjoni Komuni kif stabbilita mill-Kunsill hi riżultat tajjeb ħafna għall-Parlament Ewropew.

PROĊEDURA

Titolu

Pożizzjoni komuni tal-Kunsill għall-adozzjoni ta' regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp

Referenzi

11944/2/2006 – C6-0357/2006 – 2004/0220(COD)

Data ta' l-ewwel qari tal-PE
- Numru P

18.5.2006

P6_TA(2006)0217

Proposta tal-Kummissjoni

COM(2004)0629 – C6-0128/2004

Proposta emendata tal-Kummissjoni

COM(2004)0629/2

Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja tal-komunikazzjoni tal-pożizzjoni komuni

23.10.2006

Kumitat responsabbli
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

DEVE
26.10.2006

Rapporteur(s)
  Data tal-ħatra

Gay Mitchell
6.10.2004

 

Rapporteur(s) preċedenti

 

 

Eżami fil-kumitat

6.11.2006

 

 

 

 

Data ta’ l-adozzjoni

30.11.2006

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:
–:

0:

21

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Margrete Auken, Alessandro Battilocchio, Margrietus van den Berg, Danutė Budreikaitė, Alexandra Dobolyi, Filip Kaczmarek, Ģirts Valdis Kristovskis, Maria Martens, David Martin, Miguel Angel Martínez Martínez, Gay Mitchell, Luisa Morgantini, Horst Posdorf, Pierre Schapira

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

John Bowis, Milan Gaľa, Alain Hutchinson, Jan Jerzy Kułakowski, Linda McAvan, Manolis Mavrommatis, Karin Scheele, Anne Van Lancker

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

 

Eżami fil-kumitat

5.12.2006

 

Kummenti
(informazzjoni disponibbli b’lingwa waħda biss)