RAPPORT dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jistipula regoli għall-modulazzjoni volontarja ta' pagamenti diretti previsti fir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta' appoġġ dirett fi ħdan il-politika agrikola komuni u jistabbilixxi ċerti skemi ta' appoġġ għall-bdiewa, u jemenda r-Regolament (KE) Nru 1290/2005

26.1.2007 - (COM(2006)0241 – C6‑0235/2006 – 2006/0083(CNS)) - *

Kumitat għall-Biedja u l-Iżvilupp Rurali
Rapporteur: Lutz Goepel

Proċedura : 2006/0083(CNS)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0009/2007

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jistipula regoli għall-modulazzjoni volontarja ta' pagamenti diretti previsti fir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta' appoġġ dirett fi ħdan il-politika agrikola komuni u jistabbilixxi ċerti skemi ta' appoġġ għall-bdiewa, u jemenda r-Regolament (KE) Nru 1290/2005

(COM(2006)0241 – C6‑0235/2006 – 2006/0083(CNS))

(Proċedura ta' konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2006)0241)[1],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 37 tat-Trattat KE, skond liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C6‑0235/2006),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 51 u l-Artikolu 52 (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

–   wara li kkusnidra r-rapport tal-Kumitat għall-Biedja u l-Iżvilupp Rurali kif ukoll l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġit (A6-0315/2006),

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Biedja u l-Iżvilupp Rurali (A6-0009/2007),

1.  Jiċħad il-proposta tal-Kummissjoni;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tirtira l-proposta tagħha;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-proposta lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  Għadha mhix ippubblikata fil-ĠU.

NOTA SPJEGATTIVA

Proċedura fil-Parlament Ewropew

Il-proposta tal-Kummissjoni dwar modulazzjoni volontarja ġiet inizjalment miċħuda fil-Kumitat għall-Biedja u l-Iżvilupp Rurali bi tliet voti kontra u fil-Kumitat għall-Baġits mingħajr oppożizzjoni.

Fis-seduta plenarja ta' l-14 ta' Novembru 2006, il-proposta imbagħad ukoll ġiet miċħuda b'maġġoranza kbira (559 vot kontra 64 u b'16-il astensjoni). Il-Kummissjoni ma rtiratx il-proposta tagħha.

Barra minn hekk, fil-Kunsill għadha teżisti t-tendenza qawwija li l-proposta tal-Kummissjoni tinbidel b'tali mod li l-modulazzjoni volontarja u dik obbligatorja tant ikunu 'l bogħod minn xulxin, li jkun estremament diffiċli li l-modulazzjoni volontarja tiġi trasformata f'dik obbligatorja wara l-2008.

Id-dibattiti fil-kumitati u waqt is-seduta plenarja wrew li jeżisti qbil kunsiderevoli lilhinn mill-barrieri bejn il-gruppi politiċi, li l-iffinanzjar xieraq tat-tieni pilastru tal-politika agrarja jkun iggarantit. Kien hemm ilmenti dwar in-nuqqas attwali fl-iffinanzjar tiegħu, li huwa kkawżat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' Diċembru 2005 dwar il-Perspettiva Finanzjarja 2007-2013.

Ir-raġunijiet prinċipali għaċ-ċaħda tal-modulazzjoni volontarja li ssemmew fid-dibattitu kienu kif ġej:

· In-nuqqas ta' kwalunkwe studju dwar l-impatt, għalkemm jekk l-att legali jiġi adottat, ċertament li jkollu impatt kunsiderevoli fuq il-bdiewa,

· it-theddida tad-diskriminazzjoni kontra l-bdiewa fi ħdan l-UE, li għaliha il-proposta ma tieħu l-ebda prekawzjoni,

· ir-rinazzjonalizzazzjoni tal-politika agrikola mill-bieb ta' wara,

· aspetti tal-proposta li huma l-kawża ta' tant tħassib f'dik li hija politika baġitarja u politika strutturali (b'mod partikolari n-nuqqas ta' l-obbligu ta' l-iffinanzjar konġunt),

· in-nuqqas ta' involviment tal-Parlament fit-tfassil ta' proposta tant estensiva, kif ukoll

· il-fatt li l-proposta dwar il-modulazzjoni volontarja tiġġudika minn qabel b'mod estensiv ir-riżultati ta' l-hekk imsejħa 'Health Checks' fl-2008-2009 fil-qasam tal-biedja mingħajr ma l-Parlament ikun involut fil-proċess ta' diskussjonijiet bħala sieħeb indaqs, kif tipprovdi l-Ftehima Interistituzzjonali dwar il-Perspettivas Finanzjarja.

S'issa l-Kunsill ma ta reazzjoni bl-ebda mod għat-tħassib tal-Parlament.

Fl-opinjoni tar-rapporteur, għalhekk, ir-raġunijiet li wasslu għaċ-ċaħda tal-proposta fis-seduta plenarja jibqgħu validi.

Bħala riżultat ta' konsultazzjonijiet, ir-rapporteur huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tippreżenta proposti ġodda fil-qafas tal-Health Check għall-iffinanzjar tat-2 pilastru fuq il-bażi ta' studji komprensivi dwar l-impatt u diskussjonijiet intensivi u bikrija mal-Parlament Ewropew. F'dan il-kuntest, imbagħad anki l-kwistjoni ta' pass ieħor tal-modulazzjoni obbligatorja jista' jiġi diskuss.

Opinjoni dwar l-ewwel rapport

I) Introduzzjoni

Il-proposta tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni tal-modulazzjoni volontarja hija bbażata fuq deċiżjoni tal-Kunsill ta' Diċembru 2005 (ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2006, paragrafu 63).

L-isfond kien it-tnaqqis fil-fondi għall-iżvilupp rurali li dwarhom il-Kunsill kien qabel minħabba l-pressjoni magħmula mill-Istati tal-1%, b'mod partikulari mir-Renju Unit (madwar € 69 biljun minflok 88 biljun), li kellu jiġi kumpensat parzjalment permezz ta' modulazzjoni volontarja. Il-Parlament mill-ewwel kien esprima bil-qawwa n-nuqqas ta' qbil tiegħu dwar dan (ara Dikjarazzjoni Nru 9 dwar il-Ftehima Interistituzzjonali dwar id-dixxiplina baġitarja u l-immaniġġjar finanzjarju sod (IIA)).

Id-deċiżjoni tal-Kunsill tipprevedi wkoll li n-nefqa totali ta' l-UE, inkluża n-nefqa fuq il-politika agrarja, tiġi sottomessa għal 'check-up'. Il-Parlament Ewropew għandu jipparteċipa b'mod sħiħ fit-tħejjija u fl-implimentazzjoni tar-riżultati (ara Dikjarazzjoni Nru 3 fuq l-IIA).

Il-proposta tal-Kummissjoni, li tiddevja parzjalment mid-deċiżjoni tal-Kunsill, tinkludi l-elementi essenzjali li ġejjin:

- L-Istati Membri jistgħu inaqqsu sa 20% tal-pagamenti kollha diretti taħt modulazzjoni volontarja (il-Kunsill xtaq jinkludi wkoll in-nefqa tas-suq).

- Il-modulazzjoni mhix suġġetta għall-ebda kundizzjoni, ħlief li riċevituri żgħar (jiġifieri dawk li jirċievu anqas minn € 5000 f'pagamenti diretti) huma eżentati minnha.

- Il-fondi jistgħu jintużaw b'mod ħieles skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament EAFRD; ir-regoli dwar in-nefqa minima għal kull assi għandhom jiġu osservati (mhux kif ippropona l-Kunsill).

- Il-finanzjament konġunt mhuwiex obbligatorju.

- L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar ir-rata tat-tnaqqis għall-perjodu s-sħiħ ta' finanzjament fi żmien xahrejn.

Evalwazzjoni ta' l-impatt ma saritx.

L-Istati Membri jixtiequ ferm li jkun hemm żieda fil-flessibiltà, jiġifieri b'mod partikulari li l-fondi ma jibqgħux maħsuba għal assi partikulari, li jiġi estiż il-perjodu tad-dikjarazzjoni, li jkun hemm possibilità li r-rati ta' modulazzjoni jiġu aġġustati waqt il-perjodu finanzjarju, li jkun hemm aktar reġjonalizzazzjoni, eċċ.

II) Evalwazzjoni

Il-Parlament ma jistax jaqbel mal-proposta billi:

- tipperikola l-eżistenza ta' ħafna 'farms',

- tgħawweġ il-kompetizzjoni u tiddiskrimina kontra l-bdiewa fi Stati Membri individwali b'mod li jmur kontra t-Trattat,

- tinvolvi li l-CAP tiġi abbandunata jew rinazzjonalizzata u tabbanduna l-prinċipju ta' solidarjetà kontemplat fil-CAP,

- ma tagħtix kas ta' l-għanijiet Komunitarji f'zoni rurali,

- hija żbilanċjata u inkoerenti, u

- tikser id-drittijiet tal-parteċipazzjoni tal-PE.

Fl-assenza ta' evalwazzjoni ta' l-impatt jew ta' figuri affidabbli, il-Parlament ma jistax jagħti l-kunsens tiegħu għal dan it-tip ta' bdil drastiku ta' prinċipji.

Ir-rapporteur jinnota li, fir-rapport Böge, il-Parlament ippropona li l-problemi ta' l-iffinanzjar tal-CAP jiġu solvuti permezz ta' ffinanzjar konġunt nazzjonali obbligatorju ta' l-infiq ta' l-ewwel pilastru. B'dan il-mod, il-wegħdiet magħmula mill-Kapijiet ta' l-Istat u tal-Gvern lill-bdiewa f'Ottubru 2002 kienu jistgħu jitwettqu, mingħajr ma tiġi ddubitata l-politika agrarja komuni, jiġifieri politika li ġiet deċiża b'mod konġunt f'livell Ewropew.

Id-deċiżjoni tal-Kunsill tillimita d-dibattitu dwar l-istruttura ta' l-infiq għall-biedja marbuta ma' 'check-up' dwar il-kwistjonijiet ta' modulazzjoni, kif turi l-istqarrija tal-Kummissarju dwar l-espansjoni tal-modulazzjoni obbligatorja wara l-2008. Jidher ċar li mhux se jkun hemm kunsiderazzjoni sinċiera tal-proposti magħmula mill-Parlament fir-rapport Böge.

Titjib individwali retrospettiv mhux biżżejjed: anzi, eżami sħiħ ta' l-alternattivi kollha possibbli huwa meħtieġ, biex imbagħad jistgħu jiġu maħsuba miżuri koerenti u konsistenti bbażati fuqu.

A) Impatt fuq is-Suq Agrikolu Komuni

Il-modulazzjoni volontarja kif proposta tikser il-prinċipju tal-CAP, tikser id-drittijiet tal-bdiewa konċernati u tipperikola l-futur tal-biedja fl-Ewropa kollha.

1. Il-proposta tmur kontra l-prinċipju tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni. Il-CAP hija bbażata fuq il-prinċipju ta' kundizzjonijiet kompetittivi ugwali u solidarjetà (Artikolu 33 u 34 tat-Trattat KE). Il-proposta tippermetti disparitajiet kbar nazzjonali u reġjonali fil-kalkolu ta' l-appoġġ għad-dħul tal-Komunità (sa 20%). Dawn id-disparitajiet mhumiex ibbażati fuq prinċipji oġġettivi. Ir-regolament ma jipprovdi għall-ebda kundizzjoni (impjiegi, appoġġ għad-dħul għal kull ettaru, eċċ) għall-implimentazzjoni tal-modulazzjoni, u lanqas ma jinkludi proċedura li tassigura li l-pożizzjoni kompetittiva tal-bdiewa konċernati mhix se tiddeterjora b'mod sproporzjonat. Madankollu, id-differenzjar fis-suq agrikolu komuni rigward l-appoġġ għad-dħul mingħajr l-applikazzjoni ta' l-ebda kriterji oġġettivi tmur kontra l-każistika kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-KE. Il-vjolazzjoni hija aktar gravi minħabba li l-impatt tal-proposta għadu ma ġiex evalwat.

2. Barra minn hekk, il-proposta tal-Kummissjoni tinvolvi telf ta' dħul sostanzjali għall-bdiewa mingħajr ma tipprovdi l-ebda stima tal-konsegwenzi.

Mill-2008, il-pagamenti diretti jistgħu jitnaqqsu sa terz imqabbel mal-livell tagħhom fl-2003 (20% modulazzjoni volontarja u 5% modulazzjoni obbligatorja, kif ukoll tnaqqis ta' 8% wara s-sħubija tar-Rumanija u l-Bulgarija), u dan minkejja l-fatt li, skond id-deċiżjoni ta' l-2002, il-pagamenti kellhom ikunu assigurati sa l-2013.
It-tnaqqis qed isir fi żmien ta' proċessi diffiċli ta' aġġustament fil-biedja Ewropea (kompetizzjoni akbar fis-suq dinji, riforma ta' organizzazzjonijiet importanti komuni tas-suq, prezzijiet ogħla tal-materja prima, eċċ.). Tnaqqis implimentat fil-futur qrib u barra minn hekk fuq skala bħal din ma jwassalx għal aġġustament strutturali, anzi jkisser l-istruttura eżistenti. Il-bdiewa bħalissa jeħtieġu sigurtà biex ikunu jistgħu jippjanaw. Żgur li jitilfu kull fiduċja li jista' jkollhom fid-deċiżjonijiet politiċi jekk il-wegħdiet li diġà sarulhom jibqgħu jiġu ddubitati.

B) Għanijiet u prinċipji ta' l-iżvilupp rurali

1. B'differenza mir-regoli applikati fil-każ tal-bqija tal-Fondi Strutturali, u b'differenza mid-dispożizzjonijiet ta' qabel dwar il-modulazzjoni, il-proposta ma tipprovdix għall-iffinanzjar konġunt. Iżda l-iffinanzjar konġunt huwa strument essenzjali tal-politika strutturali biex jassigura li l-fondi Komunitarji jintużaw skond il-prinċipji ta' effiċjenza u ekonomija u jintefqu biss fi proġetti fejn verament joħolqu valur miżjud.

2. Fid-dawl tal-problemi perċettibbli ta' ffinanzjar f'xi Stati Membri, l-iffinanzjar konġunt obbligatorju jkun ifisser li ma hemmx garanzija ta' applikazzjoni uniformi tal-modulazzjoni volontarja, billi d-deċiżjoni tkun tiddependi ħafna mis-sitwazzjoni baġitarja nazzjonali, b'ferm inqas ħsieb dwar is-sitwazzjoni tad-dħul tal-bdiewa jew dwar il-ħtiġijiet taz-zoni rurali. Għal darb'oħra, dan juri biċ-ċar li l-proposta hija biċċa xogħol li ma ġietx maħsuba sew u li saret malajr wisq, u li tipperikola l-koerenza tal-politika ta' l-iżvilupp rurali u ma tistax tiġi salvata billi jsirilha xi ftit titjib posterjuri.

3. Iż-żieda fil-flessibiltà, li qed tiġi diskussa fil-Kunsill - per eżempju, li jkun permess li l-fondi ma jibqgħux jiġu maħsuba għal assi partikulari - għandha tiġi rifjutata mill-bidu, għax inkella ma jkun hemm l-ebda garanzija li l-fondi Ewropej jintefqu skond l-għanijiet Ewropej.

4. F'każ estrem, il-proposta tista' twassal sabiex il-fondi totali allokati għaz-zoni rurali jonqsu. It-tnaqqis fl-ewwel pilastru, li għadu wieħed mill-elementi essenzjali tal-biedja, jista' jintuża biex jieħu post il-fondi ta' ffinanzjar konġunt nazzjonali. Imbagħad, jekk l-ewwel u t-tieni pilastru jitqiesu f'daqqa ikun hemm inqas mezzi minn issa disponibbli għaz-zoni rurali. Il-proposta b'hekk ikollha eżattament ir-riżultat oppost għal dak li allegatament huwa intenzjonat.

C) Rinazzjonalizzazzjoni tal-politika agrikola

20% ta' modulazzjoni tirriżulta f'rinazzjonalizzazzjoni tal-politika agrikola. B'hekk jibqa' biss Politika Agrikola Komuni rudimentarja. Il-livell ta' pagamenti diretti b'hekk ikun determinat b'mod sinifikanti mill-Istati Membri, bħal ma jkun it-tqassim tal-fondi Komunitarji li jirriżultaw minn dan.

It-tnaqqis isir kwistjoni ta' deċiżjoni unilaterali mill-Istati Membri; l-ewwel pilastru jsir riżors li jiġi sfruttat fl-interessi finanzjarji nazzjonali. Ma hemmx kundizzjonijiet biex jipprevjenu d-diskriminazzjoni kontra l-bdiewa jew biex jassiguraw li l-fondi jintużaw biex jeliminaw inugwaljanzi eżistenti jew biex jilħqu għanijiet partikulari Komunitarji. Fid-dawl tal-wesgħa ta' miżuri proposti fit-tieni pilastru u b'mod partikulari jekk il-Kunsill jadotta proposti aktar radikali, jibqa' biss ftit konsistenza interna fil-politika agrikola komuni.

Bdil ta' prinċipji! Il-politika agrikola komuni se tiġi rinazzjonalizzata, filwaqt li l-fondi meħtieġa għal dan il-għan se jiġu "Komunitarizzati". Riforma b'effetti qawwi bħal dawn mingħajr konsultazzjoni sħiħa mal-Parlament u mal-persuni li se jiġu affettwati hija inkonċepibbli.

D) Disprezz għall-Parlament

Din il-proposta tinjora, b'mod sfaċċat, id-drittijiet tal-Parlament u ma tistax tiġi aċċettata kif inhi.

1. Skond l-Anness III ta' l-IIA, l-infiq għall-iżvilupp rurali huwa klassifikat bħala nfiq mhux obbligatorju. Taħt modulazzjoni volontarja, l-Istati Membri jkunu jistgħu, b'mod unilaterali u mingħajr ma jinvolvu l-Parlament b'mod sħiħ skond ittra C ta' l-IIA, iżidu l-infiq aktar mill-qafas finanzjarju previst fl-Anness I għall-IIA b'diversi biljuni ta' euro. Bidla radikali bħal din fil-baġit għal infiq mhux obbligatorju mingħajr il-parteċipazzjoni tal-Parlament tmur b'mod ċar kontra l-ispirtu u t-test ta' l-IIA.

2. L-introduzzjoni tal-modulazzjoni volontarja tippreġudika r-riżultat taċ-'check up' baġitarju ppjanat għall-2008/2009, li minnu suppost għandhom joħorġu proposti għall-perjodu ta' finanzjament wara l-2013. Madankollu, skond Dikjarazzjoni Nru 3 ta' l-IIA, iċ-'check up' u l-proposti kollha li jirriżultaw minnu għandhom ikunu l-frott ta' koperazzjoni mill-qrib mal-Parlament. Din il-proposta hija kompletament inkompatibbli ma' dan. Il-Parlament huwa mistenni li jilqa' bis-sħiħ, skond proċedura prevista fl-Artikolu 37 tat-Trattat KE, proposta b'effetti drastiċi adottata mill-Kunsill prattikament fis-satra tal-lejl.

3. Fid-dawl tal-kamp ta' applikazzjoni estensiv tal-proposta, il-Kummissjoni, skond il-Ftehima Interistituzzjonali dwar tfassil aħjar tal-liġijiet, missha għamlet evalwazzjoni ta' l-impatt u kkonsultat ċerti setturi. Kienet ikkommettiet ruħha b'dan il-mod mal-Parlament.

REFERENZA LURA LILL-KUMITAT

Data tar-riferenza lura lill-kumitat (Art. 52 (3))

14.11.2006

Data tar-riferenza lura lill-kumitat (Art. 168)

 

Skadenza biex jiġi ppreżentat rapport

-

Rapporteur(s)
  Data tal-konfirmazzjoni / ħatra

Lutz Goepel
21.11.2006

Eżami fil-kumitat

18.12.2006

24.1.2007

 

 

Data ta' l-adozzjoni

24.1.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

32

3

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Thijs Berman, Niels Busk, Luis Manuel Capoulas Santos, Dumitru Gheorghe Mircea Coşea, Joseph Daul, Albert Deß, Carmen Fraga Estévez, Lutz Goepel, Bogdan Golik, Friedrich-Wilhelm Graefe zu Baringdorf, Elisabeth Jeggle, Heinz Kindermannn, Albert Jan Maat, Mairead McGuinness, Rosa Miguélez Ramos, Neil Parish, Radu Podgorean, María Isabel Salinas García, Agnes Schierhuber, Willem Schuth, Czesław Adam Siekierski, Brian Simpson, Csaba Sándor Tabajdi, Marc Tarabella, Witold Tomczak, Kyösti Virrankoski, Andrzej Tomasz Zapałowski

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Bernadette Bourzai, Hynek Fajmon, Gábor Harangozó, Wolfgang Kreissl-Dörfler, Zdzisław Zbigniew Podkański, Armando Veneto,

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Reimer Böge, Jorgo Chatzimarkakis, Wiesław Stefan Kuc

Data tat-tressiq

26.1.2007

Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss)

-