RAPPORT dwar is-sitwazzjoni tan-nisa b'diżabilità fl-Unjoni Ewropea

29.3.2007 - (2006/2277(INI))

Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
Rapporteur: Esther Herranz García

Proċedura : 2006/2277(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0075/2007
Testi mressqa :
A6-0075/2007
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar is-sitwazzjoni tan-nisa b'diżabilità fl-Unjoni Ewropea

(2006/2277(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilitajiet adottata fit-13 ta' Diċembru 2006 mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti,

–    wara li kkunsidra l-Manifest tan-Nisa b'Diżabilità ta' l-Ewropa adottat fit-22 ta' Frar 1997 mill-Forum Ewropew tal-persuni b'diżabilità,

–    wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea[1],

–    wara li kkunsidra s-Sena Ewropea għal Opportunitajiet Indaqs għal Kulħadd (2007),

–    wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu "Opportunitajiet Indaqs għall-Persuni b'Diżabilità: Pjan ta' Azzjoni Ewropew" (COM(2003)0650),

–    wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is Sessi (A6‑0075/2007),

A.  billi l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità tirrikonoxxi li n-nisa u l-bniet b'diżabilità normalment huma iktar esposti għar-riskju, fid-dar u barra mid-dar, ta' vjolenza, leżjonijiet u abbużi, abbandun jew trattament traskurat, maltrattament jew sfruttament,

B.   billi l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilitajiet tenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġi inkorporat il-prinċipju ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-isforzi kollha għall-promozzjoni tat-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali mill-persuni b’diżabilitajiet,

C.  billi l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilitajiet tirrikonoxxi d-dritt tal-persuni kollha b’diżabilitajiet, u li għandhom biżżejjed età biex jiżżewġu, li jiżżewġu u jibdew familja,

D.  billi madwar 80% tan-nisa b'diżabilitajiet huma vittmi ta' vjolenza psikoloġika u fiżika u billi r-riskju ta' vjolenza sesswali hu akbar għal dawn in-nisa milli għal oħrajn; billi fil-ħajja tan-nisa b'diżabilità l-vjolenza mhix biss fenomenu frekwenti f'ħajjithom, imma hija ġieli l-oriġini innifisha tad-diżabilità tagħhom,

E.   billi l-persuni b'diżabilitajiet jikkostitwixxu grupp ta’ popolazzjoni diversifikat, u billi l-azzjonijiet maħsuba biex jgħinuhom għandhom jagħtu kas kemm ta’ din id-diversità kif ukoll tal-fatt li xi gruppi, bħan-nisa b'diżabilità, iħabbtu wiċċhom ma diffikultajiet addizzjonali u ma' aktar minn tip wieħed ta diskriminazzjoni,

F.   billi, skond riċerka li għamlu l-Istati Membri, huma b’mod partikulari l-ommijiet li jieħdu l-passi (mediċi, edukattivi, amministrattivi, eċċ.) bil-għan li jidentifikaw id-diżabilità ta’ wildhom u li jsibu l-aħjar soluzzjonijiet biex jindirizzawha,

G.  billi r-responsabilità għal persuni b'diżabilità u dipendenti s-soltu jeħduha fuqhom in-nisa u dan ifisser, f'ċerti każi fejn m'hemmx faċilitajiet xierqa ta' akkoljenza, li jkollhom jitilqu mis-suq tax-xogħol,

H.  billi kemm l-istituzzjonijiet ta’ l-UE kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali ta’ l-Istati Membri jridu jieħdu azzjoni bl-għan li jiżguraw li l-ugwaljanza għal kulħadd tkun xi ħaġa awtentika u effettiva, u billi jkun xieraq li s-Sena ta’ l-Opportunitajiet Indaqs għal Kulħadd isservi ta’ katalista għal dan,

I.    billi n-nisa b'diżabilitajiet isofru minn aktar minn tip wieħed ta’ diskriminazzjoni minħabba s-sess, il-ġeneru, l-infermità u d-diżabilità tagħhom u billi huma aktar fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali,

J.    billi t-trattament indaqs tan-nisa b’diżabilitajiet u ta’ l-ommijiet ta’ ulied b’diżabilitajiet huwa dritt tal-bniedem fundamentali u obbligu etiku,

1.   Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiggarantixxu t-tneħħija ta' l-ixkiel u l-ostakli eżistenti, kif ukoll ta' l-ixkiel arkitettoniku, sabiex tinħoloq ugwaljenza ta' drittijiet u opportunitajiet għan-nisa u l-bniet b'diżabilitajiet f'dak li għandu x'jaqsam mal-parteċipazzjoni fil-ħajja familjari, politika, kulturali soċjali u professjonali, b'mod speċjali permezz ta’ implimentazzjoni aħjar tal-leġiżlazzjoni Komunitarja kontra d-diskriminazzjoni u favur l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u permezz ta użu aħjar ta l-opportunitajiet ipprovduti mill-programmi Komunitarji rilevanti u mill-ESF;

2.   Jistieden lill-Istati Membri biex jintegraw il-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabilitajiet u l-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa fil-politiki nazzjonali, reġjonali u lokali kollha, partikularment dawk li jirrigwardjaw l-ippjanar urban, l-edukazzjoni, ix-xogħol, l-akkomodazzjoni, it-trasport, is-saħħa u s-servizzi soċjali;

3.   Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħtu lin-nisa b'diżabilitajiet il-kapaċità li jaġixxu u biex jimplimentaw il-miżuri neċessarji biex jgħinuhom sabiex ikunu jistgħu jimxu 'l quddiem f'dawk l-oqsma tal-ħajja soċjali, professjonali, kulturali u politika li fihom għadhom m'humiex rappreżentati biżżejjed;

4.   Jistieden lill-gvernijiet nazzjonali u reġjonali biex jippromwovu u jiffinanzjaw, b’riżorsi xierqa, b’politiki innovattivi u b’servizzi fuq il-bażi tal-ġeneru u tad-diżabilità, b’mod partikulari rigward l-assitenza personali, il-mobilità, is-saħħa, l-edukazzjoni, it-taħriġ, it-tagħlim tul il-ħajja kollha, ix-xogħol, il-ħajja indipendenti u s-sigurtà soċjali;

5.   Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimplimentaw leġiżlazzjoni u politiki effettivi li jiffokaw fuq in-nisa u t-tfal, li jiżguraw li każi ta’ sfruttament, vjolenza u abbuż sesswali kontra persuni b’diżabilitajiet – fil-post fejn ikunu joqogħdu jew barra minnu – jiġu identifikati, investigati u, fejn ikun xieraq, jittieħdu passi bil-liġi; jissuġġerixxi li, f’dak il-kuntest, tingħata attenzjoni partikulari lin-nisa b’diżabilitajiet li d-diżabilità tagħhom ma tkunx tħallihom jirrappreżentaw lilhom infushom, u li jitfasslu miżuri preventivi sabiex ma jkun hemm l-ebda differenza f'dak li għandu x'jaqsam mad-dritt tan-nisa fuq ġisimhom u s-sesswalità tagħhom, għandhomx diżabilità jew le;

6.   Jiddeplora l-fattt li huwa tliet darbiet aktar probabbli għan-nisa b’diżabilitajiet li jisfaw vittmi tal-vjolenza milli għan-nisa mingħajr diżabilitajiet, u għaldaqstant jagħmel stedina biex il-Programm Daphne jintuża wkoll biex tiġi miġġielda vjolenza ta’ dan it-tip;

7.   Jenfasizza l-importanza li tiġi miġġielda b’mod attiv is-segregazzjoni tan-nies b’diżabilitajiet mit-tfulija 'l quddiem;

8.   Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu l-proġetti pilota u l-proċeduri ppruvati u misjuba tajbin għal stabbilimenti integrattivi mill-kindergarten, l-iskola u t-taħriġ sal-ħajja professjonali;

9.   Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea tieħu l-passi kollha possibbli, inkluża azzjoni leġiżlattiva, biex tintegra s-sistema ta’ għajnuna u tagħmel disponibbli aktar finanzjament għan-nisa u t-tfal b’diżabilitajiet;

10. Jistieden lill-Istati Membri biex jindirizzaw in-nuqqas ta’ assistenza medika adatta għan-nisa b’diżabilitajiet billi jipprovdu staff mediku speċjalista u infrastrutturi xierqa;

11. Jistieden lill-Kummissjoni biex, flimkien ma’ l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, tinvestiga l-problemi partikulari rigward l-assistenza tas-saħħa u dik medika li jiltaqgħu magħhom in-nisa b’diżabilitajiet, b’attenzjoni fuq il-prevenzjoni u t-tagħrif;

12. Iqis li hemm relazzjoni bejn li wieħed ikollu diżabilità u l-livell minimu ta' studju milħuq u r-riperkussjonijiet ta' dan aktar tard fir-rati tax-xogħol fost il-persuni b'diżabilità;

13. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li n-nisa b'diżabilitajiet jilħqu livelli ta' studju aktar baxxi, u li minħabba f'hekk ikollhom aktar problemi biex jiksbu aċċess għas-suq tax-xogħol, biex jibqgħu fih u biex jiġu promossi fih; jenfasizza li l-persuni b'diżabilità għandu jkollhom l-istess possibilitajiet li jistudjaw u d-dritt ta' aċċess għas-suq tax-xogħol bl-għan li jsiru awtonomi; huwa tal-fehma li jkun xieraq li n-nisa u l-bniet b’diżabilitajiet ikunu wkoll inkuraġġiti biex ifittxu l-edukazzjoni u x-xogħol fuq il-bażi tar-riżorsi u l-interessi tagħhom aktar milli fuq il-bażi tan-nuqqasijiet tagħhom;

14. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkuraġġixxu l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ l-aċċessibilità universali fejn jidħlu s-soċjetà, il-prodotti u s-servizzi, sabiex in-nisa b’diżabilitajiet ikunu jistgħu jgawdu mill-akbar awtonomija possibbli;

15. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, ladarba f’bosta sitwazzjonijiet il-faċilitajiet tat-Teknoloġiji ta’ l-Informatika u tal-Komunikazzjoni (l-ITC) huma strument fundamentali għall-integrazzjoni tal-persuni b’diżabilità, ifasslu miżuri xierqa sabiex tiġi eliminata l-lakuna diġitali kkaġunata mill-ġeneru, sabiex in-nisa b'diżabilitajiet ikunu jistgħu jkollhom aċċess għall-faċilitajiet ta’ l-ITC u jibbenefikaw minnhom b’kundizzjonijiet daqs dawk ta’ l-irġiel;

16. Jemmen li, bil-ħsieb li jitjieb l-aċċess għas-suq tax-xogħol għall-persuni b'diżabilitajiet, biex ikunu jistgħu jsiru aktar attivi u biex jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom, ikun xieraq li jsir użu mill-inċentivi kollha possibbli, inklużi l-perjodi ta’ eżenzjoni mit-taxxa, sabiex dawk li jħaddmu jsiru disposti li jingaġġaw persuni b’diżabilitajiet u biex jadattaw il-ħinijiet tax-xogħol skond il-ħtiġijiet tal-ġenituri li jkunu qed irabbu tfal b’diżabilitajiet;

17. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, fl-isforzi tagħhom biex iżidu t-tħaddim ta’ nisa b’diżabilitajiet, ma jħallux li ssir diskriminazzjoni minn min iħaddem b’konnessjoni ma' l-impjieg ta’ nisa b’diżabilitajiet;

18. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jintroduċu l-ħsieb ta' "flessibilità" fl-oqsma marbuta mad-diżabilità, peress li kull persuna b'diżabilità jkollha bżonnijiet differenti, sabiex, f'komunità ta' ċittadini msawra fuq id-diversità, l-għajnuniet ikunu jistgħu jiġu adattati għal kull sitwazzjoni;

19. Huwa tal-fehma li jkun xieraq li l-miżuri maħluqa jkunu mmirati lejn integrazzjoni ikbar;

20. Ifakkar li huma n-nisa li, fil-biċċa l-kbira tal-każi, jieħdu ħsieb in-nies b'diżabilitajiet, u għalhekk huwa tal-fehma li huwa neċessarju li jiġu żviluppati miżuri sabiex jinħoloq għarfien soċjali bil-għan li jiġi żgurat li anki l-irġiel ikunu mdaħħla f’dan ix-xogħol;

21. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ifittxu li r-responsabilità li wieħed jieħu ħsieb il-persuni b’diżabilitajiet u dik għall-parteċipazzjoni tagħhom, jagħmluha responsabilità tas-soċjetà kollha kemm hi aktar milli tal-familji ta’ l-individwi kkonċernati u biex iqisu, meta jfasslu l-politiki, id-dedikazzjoni partikulari tan-nisa li huma responsabbli minn persuni b’diżabilitajiet, u s-sitwazzjoni tal-persuni, ta' spiss il-qraba, li jieħdu responsabilità għall-persuni b'diżabilitajiet; huwa tal-fehma li huwa importanti li wieħed jenfasizza l-fatt li dan ix-xogħol prinċipalment jagħmluh in-nisa u li għaldaqstant in-nisa huma affettwati b’mod partikulari mit-tnaqqis fis-servizzi ta’ l-assistenza pubblika, kemm bħala persuni mħallsin biex jieħdu ħsieb ħaddieħor kif ukoll bħala qraba;

22. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ifasslu l-miżuri meħtieġa biex tingħata assistenza lix-xogħol tal-familji u l-organizzazzjonijiet li jgħinu kemm lil persuni b’diżabilitajiet kif ukoll lill-familji tagħhom;

23. Huwa tal-fehma li jkun xieraq li jitressqu proposti dwar modi kif jiġu stabbiliti diversi miżuri ta’ appoġġ sabiex kemm il-persuni b’diżabilitajiet kif ukoll il-familji tagħhom ikunu jistgħu jkollhom ħajjiet normali bħall-persuni mingħajr diżabilitajiet u l-familji tagħhom, u kif ukoll miżuri ta' appoġġ għal dawk – spiss qraba – li jieħdu fuq spallejhom ir-responsabilità ekonomika u soċjali għal persuni b'diżabilitajiet, li għalihom ta' spiss jiddedikaw ħinhom kollu, responsabilità li tiżolahom u teħtieġ appoġġ fuq diversi livelli; jinnota li, kif inhuma l-affarijiet bħalissa, in-nisa jġorru parti kbira minn tali responsabilitajiet, kemm dawk imħallsa kif ukoll dawk li m’humiex; huwa tal-fehma li huwa evidenti minnu nnifsu li dan m’hux xogħol li primarjament għandu jsir minn sess jew ieħor u li jkun xieraq li l-idea li din hija responsabilità tan-nisa tiġi miġġielda b’mod attiv;

24. Jipproponi li jkun xieraq li l-Istati Membri jarmonizzaw ir-regolamenti muniċipali li jirregolaw l-ipparkjar għad-diżabbli u li jikkunsidraw li jnaqqsu n-nollijiet tat-trasport għal dawk li jkunu qed jakkumpanjaw lil persuni diżabbli;

25. Hu tal-fehma li wieħed mill-għanijiet prinċipali li l-Unjoni Ewropea għandha timmira li tilħaq huwa t-titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-persuni b'diżabilità u tal-familji tagħhom u l-integrazzjoni sħiħa tagħhom fis-soċjetà;

26. Jisħaq fuq il-ħtieġa li fil-midja tissaħħaħ il-viżibilità tan-nisa b'diżabilitajiet u tittejjeb l-impressjoni li tingħata dwarhom, u dan iwassal biex il-pubbliku ġenerali jsir jaf aktar dwar il-ħajjiet ta’ kuljum tagħhom u jingħatawlhom opportunitajiet akbar biex jesprimu lilhom infushom u jieħdu sehem fil-ħajja soċjali u politika;

27. Jisħaq fuq kemm hu importanti li l-Istati Membri jirrikonoxxu d-dritt evidenti minnu nnifsu tan-nisa b'diżabilitajiet għas-sesswalità tagħhom infushom u d-dritt tagħhom li jibdew familja;

28. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu leġiżlazzjoni li tiżgura ħajja indipendenti għan-nisa u l-irġiel b'diżabilità, b’mod li wieħed jirrikonoxxi li din hija dritt fundamentali li jrid jiġi rrispettat;

29. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħtu lit-tfal, liż-żgħażagħ u lill-adulti b’diżabilitajiet il-mezzi biex jgħixu l-indipendenza tagħhom u biex jiddeterminaw id-destin tagħhom u biex, filwaqt li jagħmlu dan, jiddedikaw attenzjoni speċjali għall-kwistjonijiet dwar l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa;

30. Jirrikonoxxi li, anki fir-rigward ta’ servizzi dwar il-ħajja indipendenti u servizzi tas-saħħa eżistenti, in-nisa b'diżabilità jesperjenzaw diskriminazzjoni fejn jidħol l-aċċess;

31. Jiġbed l-attenzjoni għall-irwol ta’ l-edukazzjoni tat-tfal subien u bniet fil-bini tas-soċjetà tal-ġejjieni, u jenfasizza li għandhom isiru sforzi biex tkun immirata biex tiżgura li d-diżabilità ma xxekkilhomx milli jipparteċipaw fis-soċjetà bl-istess drittijiet u opportunitajiet, sabiex titħeġġeġ klima ta' koperazzjoni, integrazzjoni, u tqajjim ta' kuxjenza dwar id-diżabilità fl-iskejjel, peress li din ta' l-aħħar hi għodda indispensabbli biex issir realtà;

32. Jisħaq fuq l-irwol importanti ta' l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jaħdmu man-nisa b'diżabilitajiet u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jgħinuhom;

33. Jenfasizza l-ħtieġa li tinġabar 'data' reċenti kklassifikata skond il-ġeneru dwar is-suġġett tad-diżabilità u li ssir riċerka li tuża l-indikaturi tal-ġeneru sabiex tiskopri s-sitwazzjoni reali tan-nisa u l-bniet b’diżabilitajiet;

34. Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi ggarantita l-assistenza għas-saħħa riproduttiva tan-nisa b’diżabilitajiet, b’mod li jingħata kas ta’ aspetti bħall-ippjanar tal-familja, is-servizzi tas-saħħa u t-tagħrif dwar il-maternità, sabiex ikunu kapaċi jistabbilixxu relazzjonijiet li jkunu ġusti, responsabbli u sodisfaċenti;

35. Huwa tal-fehma li jkun xieraq li l-politika ta’ l-UE tagħti lill-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, lill-'unions' tal-ħaddiema u lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi aktar inkuraġġiment biex ifasslu mezzi aktar effettivi biex jassistu lill-persuni b’diżabilitajiet;

36. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiffaċilita l-ħolqien ta’ netwerk għan-nisa diżabbli madwar l-Unjoni Ewropea u fil-pajjiżi kandidati, b’mod li tippermetti l-iskambju ta’ l-aħjar prassi, il-bini tal-kapaċità u r-responsabilizzazzjoni;

37. Jagħmel enfasi fuq il-ħtieġa li n-nisa b’diżabilitajiet igawdu minn aċċess ħieles għall-mezzi awdjoviżivi ġodda;

38. Ifakkar lill-Kummissjoni li għarfien fil-fond tas-suġġett u tal-"mudell soċjali għad-diżabilità", msejjes fuq ix-xkiel soċjali kuntrarjament għall-"approċċ mediku għad-diżabilità" li jillimita ruħu biss għall-aspetti mediċi tad-diżabilità, jikkostitwixxi bażi xierqa biex jiġu provduti soluzzjonijiet, servizzi u appoġġ, biex jitfasslu politiċi, biex jiġu attribwiti riżorsi u biex titkejjel l-inċidenza tal-politiki fuq il-qagħda tal-persuni b'diżabilità;

39. Ifakkar lill-Istati Membri li l-kollaborazzjoni tagħhom biex tkun avvanzata u mtejba l-qagħda tan-nisa u l-bniet li jbatu minn kwalunkwe tip ta’ diżabilità għandha importanza fundamentali;

40. Jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu l-inizjattivi taċ-ċittadini li jkunu mmirati biex jgħinu lil dawk li għandhom diżabilitajiet;

41. Ifakkar fl-importanza ta' l-imsieħba soċjali, tan-negozju u tas-soċjetà ċivili, u b'mod partikulari ta' l-organizzazzjonijiet tan-nisa u tal-ġenituri tat-tfal b'diżabilità fil-promozzjoni ta' l-opportunitajiet indaqs u l-aċċess għax-xogħol u t-taħriġ tul il-ħajja kollha għal persuni b'diżabilitajiet, bl-attenzjoni xierqa lejn il-ħtiġijiet speċjali tagħhom;

42. Jagħti ġieħ lix-xogħol ta’ l-assoċjazzjonijiet tal-ġenituri, li normalment jinħolqu u jitmexxew minn ommijiet ta' tfal b’diżabilitajiet, li permezz ta’ l-organizzazzjonijiet tagħhom u tas-siti tagħhom fuq l-Internet jikkompilaw tagħrif (dwar ċentri mediċi speċjalizzati, u dwar regolamenti dwar l-edukazzjoni, is-sigurtà soċjali, eċċ.) li bih jgħinu lil ġenituri oħra u joħolqu l-għarfien fost l-awtoritajiet pubbliċi;

43. Jistieden lill-Istati Membri biex jinfurmaw lill-Kummissjoni u l-Parlament dwar il-qagħda tan-nisa u l-bniet b’diżabilitajiet fuq il-bażi tar-rapporti nazzjonali tagħhom u tal-miżuri mittieħda bi qbil mal-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta’ kull forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa;

44. Huwa tal-fehma li jkun xieraq li d-diżabilitajiet jitqiesu bħala fenomenu naturali, li jagħmel parti mill-ħajja ta' kuljum, u mhux bħala żieda anomala magħha; jinnota li dejjem se jkun hemm ċittadini b’diżabilitajiet u li għaldaqstant huwa evidenti minnu nnifsu li d-diżabilità hija parti integrali mis-soċjetà;

45. Hu tal-fehma li hemm bżonn li jiġu promossi iktar l-iżvilupp u l-isfruttament tat-teknoloġija u tal-faċilitajiet sabiex jinqerdu l-ambjenti li jiddiżabilitaw lil dak li jkun; huwa tal-fehma li jkun xieraq li l-ħidma għall-iżvilupp tkun ibbażata fuq il-fatt li l-irġiel u n-nisa kultant ikollhom ħtiġijiet differenti;

46. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu l-ugwaljanza tal-kundizzjonijiet ta’ l-għixien għall-bniet u s-subien, in-nisa u l-irġiel b'diżabilitajiet;

47. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-Kunsill ta' l-Ewropa u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU;

  • [1]  ĠU C 364, 18.12.2000, p. 1.

NOTA SPJEGATTIVA

Fl-Unjoni Ewropea għandna numru konsiderevoli ta' persuni b'diżabilità li jiffaċċjaw diversi tipi ta' diffikultajiet fil-ħajja ta' kuljum tagħhom u li mhux dejjem ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom fis-sħiħ.

Għalhekk hu assolutament neċessarju mhux biss li jkun hemm kuxjenza fis-soċjetà dwar id-diffikultajiet li jiffaċċjaw in-nisa b'diżabilità, iżda wkoll dwar il-bżonn li jittieħdu miżuri li jippermettu integrazzjoni ikbar tal-persuni b'diżabilità fis-soċjetà, li jkun hemm iktar riżorsi ddedikati għat-tneħħija ta' ostakoli fiżiċi u soċjali u l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni kollha kontra l-persuni b'diżabilità fl-ambjent tax-xogħol.

Dan ir-rapport għandu l-iskop li juri l-akbar appoġġ għall-aspirazzjonijiet u t-talbiet tal-persuni li jsofru minn diżabilità u tal-familji tagħhom u li jenfasizza l-irwol indispensabbli li l-assoċjazzjonijiet tal-persuni b'diżabilità iwettqu favur titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-persuni b'diżabilità.

F'dan ir-rapport hemm l-intenzjoni li tinġibed l-attenzjoni għall-importanza ta' l-integrazzjoni soċjali u edukattiva, sa mit-tfulija, tal-persuni b'diżabilità.

Permezz ta' dan ir-rapport, il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa qed jipprova jqajjem kuxjenza fost l-opinjoni pubblika Ewropea dwar id-dritt tal-persuni b'diżabilità li jkunu mħarsa kontra d-diskriminazzjoni u li jgawdu bis-sħiħ u b'mod ugwali mid-drittijiet tagħhom; jippromwovi r-riflessjoni u d-dibattitu dwar il-miżuri meħtieġa għall-promozzjoni ta' l-ugwaljanza u l-iskambju ta' l-esperjenzi, isaħħaħ il-koperazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati, itejjeb il-komunikazzjoni dwar id-diżabilità, jippromwovi immaġni pożittiva tal-persuni b'diżabilità; jqajjem kuxjenza dwar l-eteroġeneità tal-forom tad-diżabilità u tad-diskriminazzjoni u jagħti attenzjoni speċjali lill-kuxjenza dwar id-dritt tat-tfal u taż-żgħażagħ b'diżabilità għall-edukazzjoni indaqs, bl-għan li tkun iffavorita u appoġġjata l-integrazzjoni sħiħa tagħhom fis-soċjetà u jkun inkoraġġit l-iżvilupp ta' koperazzjoni Ewropea bejn il-professjonisti fil-qasam tat-tagħlim tat-tfal u taż-żgħażagħ b'diżabilità sabiex tittejjeb l-integrazzjoni tat-tfal ta' l-iskola u ta' l-istudenti bi bżonnijiet speċifiċi fiċ-ċentri normali jew speċjalizzati, kif ukoll fil-programmi ta' skambji nazzjonali u Ewropej.

PROĊEDURA

Titolu

Is-sitwazzjoni tan-nisa b'diżabilità fl-Unjoni Ewropea

Numru tal-proċedura

2006/2277(INI)

Kumitat responsabbli
  Data tat-tħabbir ta' l-awtorizzazzjoni fis-seduta plenarja

FEMM
29.11.2006

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

EMPL
29.11.2006

 

 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija
  Data tad-deċiżjoni

EMPL
13.12.2006

 

 

 

 

Koperazzjoni aktar mill-qrib
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

 

 

 

 

 

Rapporteur(s)
  Data tal-ħatra

Esther Herranz García
20.12.2006

 

Rapporteur(s) preċedenti

 

 

Eżami fil-kumitat

23.1.2007

27.2.2007

19.3.2007

 

 

Data ta' l-adozzjoni

19.3.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

14

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Edit Bauer, Emine Bozkurt, Lissy Gröner, Esther Herranz García, Urszula Krupa, Siiri Oviir, Zita Pleštinská, Amalia Sartori, Eva-Britt Svensson, Anna Záborská

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Gabriela Creţu, Anna Hedh, Christa Klaß, Marusya Ivanova Lyubcheva

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Panayiotis Demetriou

Data tat-tressiq

29.3.2007

Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss)

...