Proċedura : 2005/0240(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0079/2007

Testi mressqa :

A6-0079/2007

Dibattiti :

PV 24/04/2007 - 11
CRE 24/04/2007 - 11

Votazzjonijiet :

PV 25/04/2007 - 11.4
CRE 25/04/2007 - 11.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0147

RAPPORT     ***I
PDF 235kWORD 188k
27 ta' Marzu 2007
PE 378.593v02-00 A6-0079/2007

dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-investigazzjoni ta’ l-inċidenti fis-settur tat-trasport marittimu u li temenda d-Direttivi 1999/35/KE u 2002/59/KE

(COM(2005)0590 – C6-0056/2006 – 2005/0240(COD))

Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

Rapporteur: Jaromír Kohlíček

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 PROĊEDURA

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta ghal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar li tistabbilixxi l-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-investigazzjoni ta’ l-inċidenti fis-settur tat-trasport marittimu u li temenda d-Direttivi 1999/35/KE u 2002/59/KE

(COM(2005)0590 – C6-0056/2006 – 2005/0240(COD))

(Proċedura ta' kodeċiżjoni: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2005)0590)(1),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) u l-Artikolu 80(2) tat-Trattat KE, skond liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C6-0056/2006),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A6-0079/2007),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-proposta lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Test propost mill-Kummissjoni  Emendi tal-Parlament

Emenda 1

PREMESSA 11

(11) L-investigazzjoni tad-diżgrazzji u l-okkorrenzi li tkun tinvolvi bastimenti li jbaħħru, jew bastimenti oħra fil-portijiet jew żoni marittimi ristretti oħra, għandha ssir minn entità jew organizzazzjoni indipendenti jew taħt il-kmand tagħha sabiex jiġi evitat kull kunflitt ta’ interessi.

(11) L-investigazzjoni tad-diżgrazzji u l-avvenimenti li jkunu jinvolvu bastimenti li jbaħħru, jew bastimenti oħra fil-portijiet jew żoni marittimi ristretti oħra, għandha ssir minn entità jew organizzazzjoni li ngħatat is-setgħat b'mod permanenti biex tkun kapaċi tieħu deċiżjonijiet bħal dawn kif ikun hemm bżonn, jew taħt il-kmand tagħha sabiex jiġi evitat kull kunflitt ta’ interessi bil-kriterju li l-indipendenza tal-korp jew entita tkun kunsidrata essenzjali meta din tiġi kostitwita.

Ġustifikazzjoni

L-indipendenza m'għandhiex sinifikat jekk l-entita trid tkun responsabbli għall-awtorita li taħtarha jew jekk ikollha tikkonsultaha. Għandha bżonn setgħat sħaħ biex tinforza d-deċiżjonijiet tagħha.

L-għan huwa li tkun żgurata l-indipendenza tal-korp jew entita responsabbli mill-investigazzjoni.

Emenda 2

PREMESSA 17

(17) Skond ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002, l-Aġenzija għandha tiffaċilita l-kooperazzjoni f’dak li huwa forniment ta’ appoġġ lill-Istati Membri f’attivitajiet li jikkonċernaw investigazzjonijiet konnessi ma’ inċidenti marittimi serji, u fit-twettiq ta' analiżi tar-rapporti investigattivi dwar l-inċidenti eżistenti;

Skond ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002, l-Aġenzija għandha tiffaċilita l-kooperazzjoni f’dak li huwa forniment ta’ appoġġ lill-Istati Membri f’attivitajiet li jikkonċernaw investigazzjonijiet konnessi ma’ inċidenti marittimi serji, u fit-twettiq ta' analiżi tar-rapporti investigattivi dwar l-inċidenti eżistenti; Fid-dawl tar-riżultati ta' l-analiżi, l-Aġenzija għandha wkoll tinkorpora fil-metodoloġija konġunta kwalunkwe elementi li jirriżultaw minn dan, li jistgħu jkunu ta' interess għall-prevenzjoni ta' diżastri ġodda u t-titjib tas-sikurezza marittima fl-UE.

Ġustifikazzjoni

L-iżvilupp ta' metodoloġija konġunta għall-investigazzjoni ta' diżastri marittimi, kif inhu attribwit lill-Aġenzija permezz tar-Regolament (KE) Nru 1406/2002 għandu jippermetti li din tinkorpora l-elementi ġodda miksuba mill-analiżi tal-konklużjonijiet ta' l-investigazzjonijiet li saru, b'implikazzjonijiet potenzjali pożittivi għat-titjib tas-sikurezza marittima.

Emenda 3

PREMESSA 17 A (ġdida)

 

(17a) Il-linji gwida IMO dwar it-trattament ġust tal-baħħara fil-każ li jkun hemm diżastru marittimu m'għandhomx l-għan li jinkriminaw lill-kaptan u lill-ekwipaġġ. Dawn jistgħu jagħtuhom aktar kunfidenza fil-metodi ta' investigazzjoni, u għalhekk għandhom jintużaw mill-Istati Membri.

Ġustifikazzjoni

Dawn il-linji gwida adottati f'Ġunju mill-IMO (Ċirkulari 2711) jistgħu, skond ir-rapporteur tagħkom, jipprovdu għajnuna komplimentari lill-din id-direttiva. Ġew żviluppati minħabba r-riskju ta' l-inkriminazzjoni li dejjem tiżdied ta' l-ekwipaġġi tal-vapuri wara l-inċidenti. Din id-direttiva mhijiex immedjatament konċernata mal-kwistjonijiet ta' obbligu u responsabilta kriminali, iżda l-linji gwida IMO jinkludu wkoll prinċipji sensibbli għal investigazzjonijiet tekniċi.

Emenda 4

PREMESSA 18

(18) Ir-rakkomandazzjonijiet ta' sigurtà li jirriżultaw minn investigazzjoni tas-sigurtà marbuta ma' xi diżgrazzja jew okkorrenza għandhom jiġu kkunsidrati mill-Istati Membri.

(18) Ir-rakkomandazzjonijiet ta' sigurtà li jirriżultaw minn investigazzjoni tas-sigurtà marbuta ma' xi diżgrazzja jew okkorrenza għandhom jiġu kkunsidrati mill-Istati Membri u mill-Komunita.

Ġustifikazzjoni

Kjarifika legali.

Emenda 5

ARTIKOLU 1, PARAGRAFU 2

L-investigazzjonijiet skond din id-Direttiva m’għandhomx ikollhom x'jaqsmu mad-determinazzjoni tar-responsabbiltà u lanqas, ħlief sakemm ikun neċessarju sabiex jinkisbu għanijiethom, mad-deċiżjoni ta’ fuq min se jaqa' t-tort.

L-investigazzjonijiet skond din id-Direttiva m’għandhomx ikollhom x'jaqsmu mad-determinazzjoni tar-responsabbiltà u lanqas mad-deċiżjoni ta’ fuq min se jaqa' t-tort.

Ġustifikazzjoni

Hemm bżonn li tkun żgurata separazzjoni u distinzjoni ċara bejn investigazzjonijiet tekniċi u kriminali.

L-aħjar riżultati ta' investigazzjoni jistgħu jinkisbu biss meta jkun hemm distinzjoni stretta bejn investigazzjoni indipendenti sabiex titjieb is-sikurezza fis-settur marittimu jew din il-proposta fuq naħa u d-distribuzzjoni tat-tort fuq in-naħa l-oħra.

Emenda 6

Artikolu 2, paragrafu 1, parti introduttorja

1. Din id-Direttiva għandha tapplika għal diżgrazzji, okkorrenzi u sinjali ta’ allarm marittimi li:

1. B'konformita ma' l-obbligi ta' l-Istati Membri skond il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi ta' l-Ibħra (UNCLOS), din id-Direttiva għandha tapplika għal diżgrazzji, okkorrenzi u sinjali ta’ allarm marittimi li:

Ġustifikazzjoni

Il-kamp ta' applikazzjoni għandu jenfasizza l-qafas legali tan-NU kollu.

Emenda 7

ARTIKOLU 3, PARAGRAFU 8

8. ‘Rakkomandazzjoni dwar is-sigurtà’ tfisser kwalunkwe proposta mill-entità investigattiva ta’ l-Istat li jkun qed jamministra jew imexxi l-investigazzjoni dwar

8. ‘Rakkomandazzjoni dwar is-sigurtà’ tfisser kwalunkwe proposta, inklużi dawk għall-iskopijiet ta' reġistrazzjoni u kontroll, minn waħda minn dawn:

(a) is-sigurtà rigward diżgrazzja jew okkorrenza marittima abbażi ta’ l-informazzjoni miġjuba minn dik l-investigazzjoni jew, f'każi fejn ikun jixraq,

(a) entità investigattiva ta’ l-Istat li jkun qed jamministra jew imexxi l-investigazzjoni dwar is-sigurtà rigward diżgrazzja jew okkorrenza marittima abbażi ta’ l-informazzjoni miġjuba minn dik l-investigazzjoni; jew, f'każi fejn ikun jixraq,

(b) mill-Kummissjoni abbażi ta' analiżi tad-data astratta.

(b) mill-Kummissjoni, bl-għajnuna ta' l-Aġenzija u abbażi ta' analiżi tad-data astratta u r-riżultati ta' investigazzjonijiet li jkunu saru..

Ġustifikazzjoni

Il-koperazzjoni fil-qasam tas-sikurezza marittima bejn l-Istati Membri ttejjeb il-ħidma tas-sistema kollha, peress li l-iskambju ta' informazzjoni u proposti jġib miegħu aktar flessibilta u effettivita għall-kontrolli ta' l-istat tal-bandiera fil-fażi ta' awtorizzazzjoni u ta' l-istat tal-wasla meta jidħol il-vapur.

Id-direttiva preżenti għandha tippermetti l-qbid mill-ġdid bis-sħiħ tal-miżuri korrettivi li huma possibbli biss abbażi ta' l-analiżi ta' l-investigazzjonijiet varji.

Emenda 8

ARTIKOLU 4, PARAGRAFU 1, PUNT (A)

(a) ikunu indipendenti minn investigazzjonijiet kriminali jew oħrajn li jkunu qed isiru fl-istess waqt sabiex tiġi ddeterminata r-responsabbiltà jew biex jingħata t-tort; kif ukoll

(a) ikunu indipendenti minn investigazzjonijiet kriminali jew oħrajn sabiex tiġi ddeterminata r-responsabbiltà jew biex jingħata t-tort; u jkun permess li l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw mill-investigazzjonijiet li bdew taħt din id-Direttiva biss jistgħu jikkontribwixxu għal investigazzjonijiet oħra paralleli;

kif ukoll

Emenda 9

ARTIKOLU 4, PARAGRAFU 1 SUBPARAGRAFU 2 (ġdid)

 

Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li waqt dawn l-investigazzjonijiet jiġu protetti x-xiehda biex l-istqarrijiet tagħhom u informazzjoni oħra li huma jipprovdu ma jiġux miksuba minn awtoritajiet ta' pajjiżi terzi sabiex dawn l-istqarrijiet jew informazzjoni ma jintużawx f'investigazzjonijiet kriminali f'dawn il-pajjiżi.

Ġustifikazzjoni

Dawk il-persuni li jagħtu xhieda waqt investigazzjonijiet ta' inċidenti tekniċi għandhom jiġu żgurati immunita minn persekuzzjoni fuq il-bażi tat-testimonjanza tagħhom. Huwa ta' tħassib konsiderevoli li stqarrija li tingħata volontarjament għal investigazzjoni teknika tista' tintuża għal investigazzjoni kriminali, u b'hekk tiddgħajjef il-volonta ta' l-individwu li jikkontribwixxi informazzjoni utli għall-investigazzjoni relatata mas-sikurezza.

Emenda 10

Artikolu 4, paragrafu 2 punt (b a) (ġdid)

 

(ba) miżuri ta' senjalazzjoni bikrija fil-każ ta' diżgrazzja jew inċident.

Ġustifikazzjoni

L-għan ta' dan huwa li jkun żgurat li l-investigazzjonijiet ikunu aktar effettivi.

Emenda 11

ARTIKOLU 5, PARAGRAFU 4

4. L-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà għandhom isegwu l-metodoloġija komuni għall-investigazzjoni tad-diżgrazzji u l-okkorrenzi marittimi żviluppata skond l-Artikolu 2(e) tar-Regolament (KE) Nru 1406/2002. L-adozzjoni jew il-modifika tat-tali metodoloġija għall-finijiet ta' din id-Direttiva għandha tiġi deċiża skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18(2).

4. L-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà għandhom isegwu l-metodoloġija komuni għall-investigazzjoni tad-diżgrazzji u l-okkorrenzi marittimi żviluppata skond l-Artikolu 2(e) tar-Regolament (KE) Nru 1406/2002. L-adozzjoni, l-aġġornament jew il-modifika tat-tali metodoloġija għall-finijiet ta' din id-Direttiva għandha tiġi deċiża skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18(2a).

Ġustifikazzjoni

Il-metodoloġija konġunta għandha tiġi aġġornata regolarment, u għandha tinkorpora l-konklużjonijiet li, fil-qasam tar-riċerka tad-diżastri, huma responsabbli għat-titjib tas-sikurezza marittima.

Emenda 12

ARTIKOLU 5, PARAGRAFU 5

5. Għandha tinbeda investigazzjoni dwar is-sigurtà mill-aktar fis possibbli skond il-prattiċità wara li sseħħ id-diżgrazzja jew l-okkorrenza marittima.

5. Għandha tinbeda investigazzjoni dwar is-sigurtà mill-aktar fis possibbli skond il-prattiċità wara li sseħħ id-diżgrazzja jew l-okkorrenza marittima u mhux aktar tard minn xahrejn minn wara li tkun ġrat..

Ġustifikazzjoni

L-għan ta' dan huwa li jkun żgurat li l-investigazzjoni tibda f'perjodu ta' żmien limitat u b'hekk tikber iċ-ċertezza legali rigward il-paragrafu.

Emenda 13

ARTIKOLU 7, PARAGRAFU1,SUBPARAGRAFU 1

F’każi ta’ diżgrazzji serji jew serji ħafna li jinvolvu interess sostanzjali għal żewġ Stati Membri jew aktar, l-Istati Membri inkwistjoni għandhom jaqblu mingħajr dewmien liema fosthom se jkun l-Istat Membru li jmexxi l-investigazzjoni.

F’każi ta’ diżgrazzji serji jew serji ħafna li jinvolvu interess sostanzjali għal żewġ Stati Membri jew aktar, l-Istati Membri inkwistjoni għandhom jaqblu mingħajr dewmien liema fosthom se jkun l-Istat Membru li jmexxi l-investigazzjoni. Jekk l-Istati Membri konċernati ma jiddeterminawx liema Stat Membru se jmexxi l-investigazzjoni, għandhom jimplimentaw immedjatament rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-kwistjoni, ibbażata fuq opinjoni mill-Aġenzija.

Ġustifikazzjoni

L-għan hu li tiġi suġġerita soluzzjoni fejn hemm nuqqas ta' qbil dwar liema Stat Membru għandu jmexxi l-investigazzjoni, filwaqt li tkun żgurata l-effettivita sħiħa tal-paragrafu.

Emenda 14

ARTIKOLU 8, PARAGRAFU1,SUBPARAGRAFU 1

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà rigward diżgrazzji marittimi jitmexxew taħt ir-responsabbiltà ta’ organizzazzjoni jew entità investigattiva permanenti imparzjali (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “entità investigattiva”), u minn investigaturi kkwalifikati kif jixraq, li jkunu kompetenti fil-kwistjonijiet relatati mad-diżgrazzji u l-okkorrenzi marittimi.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà rigward diżgrazzji marittimi jitmexxew taħt ir-responsabbiltà ta’ organizzazzjoni jew entità investigattiva (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “entità investigattiva”), li għandha s-setgħat neċessarji, fuq bażi permanenti, u li tikkonsisti minn investigaturi li huma adegwatament kwalifikati fil-kwistjonijiet relatati mad-diżgrazzji u l-avvenimenti marittimi.

Ġustifikazzjoni

L-imparzjalita m'għandhiex sinifikat jekk l-entita trid tkun responsabbli għall-awtorita li taħtarha jew jekk ikollha tikkonsultaha. Għandha bżonn setgħat sħaħ biex tinforza d-deċiżjonijiet tagħha.

Emenda 15

ARTIKOLU 8, PARAGRAFU1,SUBPARAGRAFU 1

Dik l-entità investigattiva għandha tkun, b’mod partikolari, funzjonalment indipendenti mill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-aċċertar li l-bastimenti jilħqu l-istandards biex jitħallew ibaħħru, miċ-ċertifikazzjoni, l-ispezzjoni, ir-riżorsi umani, in-navigazzjoni bla periklu, il-manutenzjoni, il-kontroll tat-traffiku marittimu, il-kontroll statali tal-portijiet, l-operat tal-portijiet marittimi u, b’mod ġenerali, minn kull parti li l-interessi tagħha jafu jkunu konflinġenti mal-kompitu afdat f’idejha.

Dik l-entità investigattiva għandha tkun, b’mod partikolari, funzjonalment indipendenti mill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-aċċertar li l-bastimenti jilħqu l-istandards biex jitħallew ibaħħru, miċ-ċertifikazzjoni, l-ispezzjoni, ir-riżorsi umani, in-navigazzjoni bla periklu, il-manutenzjoni, il-kontroll tat-traffiku marittimu, il-kontroll statali tal-portijiet, l-operat tal-portijiet marittimi ta' korpi responsabbli minn investigazzjonijiet għall-iskopijiet ta' responsabilta u infurzar tal-liġi u, b’mod ġenerali, minn kull parti li l-interessi tagħha jafu jkunu konflinġenti mal-kompitu afdat f’idejha.

Ġustifikazzjoni

Dawk il-persuni li jagħtu xhieda waqt investigazzjonijiet ta' inċidenti tekniċi għandhom jiġu żgurati immunita minn persekuzzjoni fuq il-bażi tat-testimonjanza tagħhom. Huwa ta' tħassib konsiderevoli li stqarrija li ngħatat volontarjament għal investigazzjoni teknika tista' tintuża għal investigazzjoni kriminali, u b'hekk tiddgħajjef il-volonta ta' l-individwu li jikkontribwixxi informazzjoni utli għall-investigazzjoni relatata mas-sikurezza.

Emenda 16

ARTIKOLU 9, PARTI INTRODUTTORJA

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistri li ġejjin ma jkunux disponibbli ħlief għall-finijiet ta' l-investigazzjoni dwar is-sigurtà, sakemm l-awtorità ġuridika adatta fl-Istat li jkun, ma tiddeterminax li jekk dawn jinkixfu, l-interess ikun jisboq l-impatt negattiv nazzjonali u internazzjonali li t-tali azzjoni taf ikollha fuq l-investigazzjoni jew kwalunkwe investigazzjonijiet futuri:

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistri li ġejjin ma jkunux disponibbli ħlief għall-finijiet ta' l-investigazzjoni dwar is-sigurtà.

Ġustifikazzjoni

Ir-reġistri hawn fuq imsemmija għandhom jintużaw biss għall-iskop ta' investigazzjoni ta' sikurezza. Meta r-reġistri jiġu użati għal skopijiet ġudizzjarji dan jista' jkun ta' dannu għall-investigazzjonijiet futuri.

Emenda 17

ARTIKOLU 14, PARAGRAFU 2

2. L-entitajiet investigattivi għandhom jagħmlu l-almu tagħhom sabiex ir-rapport ikun disponibbli għall-pubbliku fi żmien 12-il xahar minn dakinhar tad-diżgrazzja. Jekk ma jkunx possibbli li r-rapport finali joħroġ f’waqtu, għandu jiġi ppubblikat rapport interim fi żmien 12-il xahar minn dakinhar tad-diżgrazzja jew l-okkorrenza.

2. L-entitajiet investigattivi għandhom jagħmlu l-almu tagħhom sabiex ir-rapport ikun disponibbli għall-pubbliku, u b'mod speċjali għas-settur marittimu kollu, li se jirċievi konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet speċifiċi, meta jkun meħtieġ, fi żmien 12-il xahar minn dakinhar tad-diżgrazzja.

Jekk ma jkunx possibbli li r-rapport finali joħroġ f’waqtu, għandu jiġi ppubblikat rapport interim fi żmien 12-il xahar minn dakinhar tad-diżgrazzja jew l-okkorrenza.

Ġustifikazzjoni

Jekk huwa importanti li r-rapporti li jirriżultaw mill-investigazzjonijiet għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku, huwa aktar importanti li dawn ikunu disponibbli għas-settur marittimu, li se jkollu jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tagħhom.

Emenda 18

ARTIKOLU 14, PARAGRAFU 3 A (ġdid)

 

3a. Kull tliet snin il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni lill-Parlament Ewropew f'forma ta' rapport li għandu jistipula l-grad ta' implimentazzjoni u konformita ma' din id-Direttiva, kif ukoll passi oħra li hemm bżonn jittieħdu fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet stipulati fir-rapport.

Ġustifikazzjoni

Il-PE huwa msemmi fin-nota spjegattiva bħala qawwa li qed tiggwida din il-proposta għal direttiva, iżda mhux imsemmi iktar wara dan.

Emenda 19

ARTIKOLU 15, PARAGRAFU 1

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rakkomandazzjonijiet dwar is-sigurtà li jkunu saru mill-entitajiet investigattivi jingħataw il-piż li jixirqilhom minn dawk indirizzati u, fejn ikun il-każ, tittieħed azzjoni dwarhom skond id-dritt Komunitarju u dak internazzjonali.

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rakkomandazzjonijiet dwar is-sigurtà li jkunu saru mill-entitajiet investigattivi jingħataw il-piż li jixirqilhom minn dawk indirizzati u, fejn ikun il-każ, tittieħed azzjoni dwarhom skond id-dritt Komunitarju u dak internazzjonali. Il-Kummissjoni, bl-għajnuna ta' l-Aġenzija, għandha tinkorpora fil-metodoloġija konġunta l-konklużjonijiet tar-rapporti ta' diżastri u r-rakkomandazzjonijiet ta' sikurezza li hemm fihom.

Ġustifikazzjoni

Huwa importanti immens li jitfakkar is-sehem tal-Kummissjoni, li qed taġixxi permezz ta' l-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza Marittima, fit-tfassil tal-metodoloġija konġunta (li din stess trid tiġi aġġornata).

Emenda 20

ARTIKOLU 15, PARAGRAFU 2

2. Fejn ikun il-każ, xi entità investigattiva jew il-Kummissjoni għandha toħroġ rakkomandazzjonijiet dwar is-sigurtà abbażi ta' analiżi tad-data b'mod astratt.

2. Fejn ikun il-każ, xi entità investigattiva jew il-Kummissjoni, bl-għajnuna ta' l-Aġenzija, għandha toħroġ rakkomandazzjonijiet dwar is-sigurtà abbażi ta' analiżi tad-data b'mod astratt u tar-riżultati ta' kwalunkwe investigazzjonijiet li jkunu saru.

 

Ġustifikazzjoni

Id-direttiva preżenti għandha tippermetti l-qbid mill-ġdid bis-sħiħ tal-miżuri korrettivi li huma possibbli biss abbażi ta' l-analiżi ta' l-investigazzjonijiet varji. Loġikament, dawn il-miżuri għandhom ikunu kwistjoni għall-Kummissjoni, li taġixxi permezz ta' l-Aġenzija.

Emenda 21

ARTIKOLU 15, PARAGRAFU 2

2. De onderzoeksinstanties en de Commissie doen, wanneer zulks noodzakelijk is, veiligheidsaanbevelingen op basis van een abstracte analyse van gegevens.

(ma taffettwax il-verżjoni Maltija)

Ġustifikazzjoni

(ma taffettwax il-verżjoni Maltija)

Emenda 22

ARTIKOLU 17 A (ġdid)

 

Artikolu 17 a

 

Trattament ġust tal-baħħara

 

L-Istati Membri għandhom jikkonformaw mal-linji gwida IMO dwar it-trattament ġust tal-baħħara fil-każ ta' diżgrazzja marittima.

Ġustifikazzjoni

Dawn il-linji gwida adottati f'Ġunju mill-IMO (Ċirkulari 2711) jistgħu, skond ir-rapporteur tagħkom, jipprovdu għajnuna komplimentari lill-din id-direttiva. Ġew żviluppati minħabba r-riskju ta' inkriminazzjoni li dejjem tiżdied ta' l-ekwipaġġi tal-vapuri wara l-inċidenti. Din id-direttiva mhijiex immedjatament konċernata mal-kwistjonijiet ta' obbligu u responsabilta kriminali, iżda l-linji gwida IMO jinkludu wkoll prinċipji sensibbli għal investigazzjonijiet tekniċi.

Emenda 23

ARTIKOLU 18, PARAGRAFU 2 A (ġdid)

 

2a. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 ta' l-istess Deċiżjoni.

Emenda 24

ARTICLE 20

M'hemm xejn f'din id-Direttiva li għandu jżomm lil xi Stat Membru milli jieħu miżuri addizzjonali dwar is-sigurtà marittima li mhumiex koperti minn din id-Direttiva, sakemm it-tali miżuri ma jiksrux lil din id-Direttiva jew b’xi mod jaffettwaw b’mod negattiv il-kisbiet li hija mmirata lejhom.

M'hemm xejn f'din id-Direttiva li għandu jżomm lil xi Stat Membru milli jieħu miżuri addizzjonali dwar is-sigurtà marittima li mhumiex koperti minn din id-Direttiva, sakemm it-tali miżuri ma jiksrux lil din id-Direttiva jew b’xi mod jaffettwaw b’mod negattiv il-kisbiet li hija mmirata lejhom, u lanqas tipperikola r-realizzazzjoni ta' l-objettivi ta' l-Unjoni..

Ġustifikazzjoni

Kjarifika legali.

(1)

Għadha mhux ippubblikata fil-ĠU.


NOTA SPJEGATTIVA

1. Kummenti preliminari u sfond

Din il-proposta hija parti mit-tielet pakkett ta' miżuri leġiżlattivi dwar it-titjib tas-sikurezza marittima. L-għan tad-direttiva hu li jiġu stipulati linji gwida fuq livell Komunitarju dwar investigazzjonijiet tekniċi u l-iskambju ta' esperjenzi wara li jseħħu inċidenti serji fuq il-baħar.

Il-White Paper tal-Kummissjoni "Politika Ewropea għat-Trasport għall-2010: wasal iż-żmien għal deċiżjoni" diġa kienet uriet il-ħtieġa li jsiru investigazzjonijiet tekniċi indipendenti għall-mezzi kollha tat-trasport. Il-Kummissjoni ħadet il-pożizzjoni li investigazzjonijiet bħal dawn għandhom jibdew minn Stat Membru individwali iżda għandhom isegwu mudell Ewropew. għandhom ikunu bbażati l-ewwel fuq analiżi tal-kawżi ta' l-inċident u mbagħad ir-riżultati għandhom jiffukaw fuq il-prevenzjoni ta' riskji u t-titjib tal-qafas legali.

Rigward it-trasport marittimu, inċidenti riċenti wrew biċ-ċar li hemm bżonn li tittieħed azzjoni. L-Istati Membri mhux dejjem jikkonduċu awtomatikament u b'mod bikri investigazzjonijiet dwar inċidenti serji fuq il-baħar u mhux dejjem jipproduċu riżultati ċari u utli.

Wara d-diżastru tal-Prestige, il-Parlament Ewropew waqqaf il-Kumitat Temporanju dwar it-Titjib tas-Sikurezza fuq il-Baħar (il-Kumitat "Mare"). Fir-riżoluzzjoni tiegħu, il-Parlament enfasizza l-ħtieġa għal proposta tal-Kummissjoni dwar l-investigazzjoni ta' inċidenti fuq il-baħar.

Il-Parlament talab ukoll għal proposta tal-Kummissjoni biex tiġi introdotta sistema li tiżgura l-aħjar skambju tar-riżultati ta' investigazzjonijiet bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-EMSA, kif ukoll l-indipendenza ta' l-investigazzjoni.

Leġiżlazzjoni eżistenti f'dan il-qasam

Fuq livell ta' l-UE diġa hemm xi strutturi legali dwar l-investigazzjoni ta' inċidenti.

Id-Direttiva 1999/35/KE tistipula l-prinċipji dwar l-investigazzjoni ta' diżastri u inċidenti fuq il-baħar li jinvolvu laneċ (tat-tip RORO) ta' passiġġieri jew dgħajjes ta' veloċita kbira tal-passiġġieri.

Id-Direttiva 2002/59/KE li tistabbilixxi sistema Komunitarja ta' monitoraġġ u ta' informazzjoni dwar it-traffiku ta' vapuri tiffoka fuq l-użu ta' "kaxxi suwed marittimi".

Ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza Marittima taha numru ta' xogħlijiet relatati ma' l-inċidenti marittimi, bħalma huma:

· l-iffaċilitar ta' koperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fl-iżvilupp ta' metodoloġija komuni għall-investigazzjoni ta' inċidenti marittimi,

· l-appoġġ għall-Istati Membri fl-investigazzjonijiet dwar inċidenti marittimi serji,

· l-analiżi ta' rapporti ta' investigazzjonijiet eżistenti ta' inċidenti.

Fuq il-livell IMO, fl-1997 ġiet adottata riżoluzzjoni A.849(20) dwar kodiċi għall-investigazzjoni ta' diżgrazzji aċċidentali u inċidenti marini. Din tinkludi biss rakkomandazzjonijiet għall-Istati tal-bandiera.

Filwaqt li, apparti minn dawn ir-regolamenti, bħalissa m'hemmx regoli internazzjonli li jorbtu tat-trasport marittimu dwar l-investigazzjoni ta' inċidenti serji, il-Komunita ilha mill-1994 li għandha regoli dwar azzjoni simili fit-trasport ta' l-ajru. Ir-Regolament 94/56 li jistabbilixxi l-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-investigazzjoni ta' diżastri u inċidenti ta' l-avjazzjoni ċivili jibni fuq prinċipji li huma inklużi wkoll f'din il-proposta.

Għas-settur ferrovjarju, il-Kapitolu V tad-Direttiva 2004/49/KE dwar is-sikurezza ferrovjarja jinkludi dispożizzjonijiet simili għal dawk dwar it-trasport marittimu f'din il-proposta tal-Kummissjoni.

2. Il-kontenut tal-proposta

Huwa importanti li l-ewwelnett jingħad li l-investigazzjonijiet imsemmija f'din il-proposta mhumiex konċernati dwar li tiġi determinata responsabilta ċivili jew kriminali. L-abbozz tad-direttiva huwa konċernat aktar dwar l-investigazzjonijiet tekniċi biex jiddeterminaw il-kawżi ta' inċidenti fuq il-baħar sabiex nitgħallmu mill-esperjenza.

Il-proposta għandha tikkontribwixxi għat-titjib tas-sikurezza tat-trasport marittimu billi jiġi stabbilit qafas li jiżgura

· investigazzjonijiet bikrija ta' sikurezza

· analiżi akkurata ta' diżastri u inċidenti fuq il-baħar

· rapportaġġ u proposti xierqa biex jiġu rimedjati kwalunkwe nuqqasijiet.

Kamp ta' applikazzjoni

Id-direttiva tapplika mhux biss għal diżastri u inċidenti fuq il-baħar li jinvolvu vapuri li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru, iżda wkoll għal diżastri u inċidenti fl-ibħra territorjali ta' Stat Membru (Artikolu 2).

Il-parti ewlenija tal-proposta hija l-Artikolu 4 u 5 li jipprovdu li l-Istati Membri għandhom jistipulaw regoli biex isiru investigazzjonijiet ta' sikurezza minn inċidenti jew diżgrazzji marittimi, indipendentament minn investigazzjonijiet ta' responsabilta kriminali jew ċivili li m'għandhomx ifixkluhom jew jittardjawhom. Stati Membri għandhom jiżguraw ukoll li investigazzjoni ssir minn korp investigattiv wara diżgrazzja marittima serja jew serja ħafna. Dan japplika wkoll mhux biss meta inċident jinvolvi vapur li jtajjar il-bandiera ta' dak il-pajjiż, iżda wkoll jekk l-inċident iseħħ fl-ibħra territorjali tiegħu jew jinvolvi interess sostanzjali ta' dak il-pajjiż.

Korpi investigattivi (Artikolu 8)

Id-direttiva tistabilixxi d-dmir ta' l-Istati Membri li jiżguraw li l-investigazzjonijiet jitwettqu taħt ir-responsabilta ta' korp investigattiv imparzjali u permanenti. Dan il-korp għandu jkun indipendenti funzjonalment mill-awtoritajiet responsabbli mill-aċċertar li l-bastimenti jilħqu l-istandards biex jitħallew ibaħħru, miċ-ċertifikazzjoni, mill-kontroll statali tal-portijiet , eċċ. Għandu jiġi pubblikat rapport, fi żmien 12-il xahar mill-inċident, dwar ir-riżultati ta' l-investigazzjoni, b'konformita mal-linji gwida inklużi fid-direttiva (Artikolu 14).

Aspetti ta' koperazzjoni

Id-direttiva tinkludi bosta linji gwida dwar koperazzjoni. Tistipula prinċipji għal koperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-każ ta' diżastri serji (ħafna) (Art. 7) u titlob ukoll għal qafas ta' koperazzjoni permanenti bejn l-Istati Membri (Art. 10). Id-direttiva ssemmi b'mod ċar li l-Istati Membri għandhom jikkoperaw ma' pajjiżi terzi u jippermettulhom li jieħdu sehem fl-investigazzjonijiet (Art. 12).

L-Artikolu 9 tad-direttiva jkopri l-użu ta' informazzjoni li tinġabar matul investigazzjoni. Bħala regola ġenerali din l-informazzjoni m'għandhiex tintuża għal skopijiet oħra ħlief għall-investigazzjoni ta' sikurezza. Informazzjoni relevanti għandha tiġi preservata skond l-Artikolu 13.

Il-Kummissjoni għandha twaqqaf database Ewropea elettronika bl-isem "Pjattaforma Ewropea ta' l-Informazzjoni dwar id-Diżgrazzji tal-Baħar" (EMCIP - European Marine Casualty Information Platform). (Art. 17), u l-korpi investigattivi ta' l-Istati Membri għandhom jirrapurtaw inċidenti u proġetti marittimi lil din il-Pjattaforma f'format standard.

L-Istati Membri, ovvjament, m'humiex miżmuma milli jieħdu miżuri oħra dwar sikurezza marittima, sakemm dawn il-miżuri ma joħolqux kunflitt mal-proposta. Għandhom jistipulaw pieni effettivi u proporzjonati għall-ksur ta' dispożizzjonijiet nazzjonali li ġew adottati skond din il-proposta.

3. Il-kummenti tar-rapporteur

Ir-rapporteur tagħkom jikkunsidra li t-tressiq tal-proposta hija sensibbli u li l-biċċa l-kbira ta' l-elementi huma ċari immedjatament.

Il-punti li ġejjin jidhru partikolarment importanti.

· Avolja r-reazzjoni mistennija tal-pubbliku għal inċident fuq il-baħar hija li jistaqsu dwar min hu responsabbli, mil-lat ta' sikurezza, jekk irridu nitgħallmu mill-esperjenza, is-separazzjoni tal-proposta bejn l-investigazzjonijiet ta' sikurezza u dawk kriminali hija element essenzjali. Ir-rapporteur tagħkom huwa ta' l-opinjoni li fl-Artikolu 1 il-Kummissjoni sabet formulazzjoni xierqa tal-kunċett li investigazzjonijiet skond din il-proposta mhux se jkunu konċernati ma' li jiġu determinati responsabilta jew tort, ħlief sakemm ikun meħtieġ biex jinkiseb l-għan ta' l-investigazzjoni. Skond ir-rapporteur tagħkom, jekk din il-possibilta ma tiġix meqjusa, kif issuġġerew l-Assoċjazzjoni tal-Proprjetarji tal-Vapuri tal-Komunita Ewropea (ECSA) u l-Kamra Internazzjonali għat-Tbaħħir (ICS), dan ikun pass eżaġerat li jillimita wisq il-korpi investigattivi.

Dan japplika wkoll għall-Artikolu 9 (nuqqas ta' kxif ta' reġistri) li jgħid li informazzjoni tista' biss issir disponibbli għal skopijiet oħra apparti l-investigazzjoni ta' sikurezza jekk l-awtorita ġudizzjarja adegwata f'dak l-Istat tiddetermina li l-vantaġġ tal-kxif huwa akbar mill-impatt ħażin fuq dik l-investigazzjoni jew fuq kwalunkwe investigazzjonijiet futuri. L-ECSA u l-ICS huma wkoll favur li din l-esklużjoni tiġi mħassra. Ir-rapporteur tagħkom m'għandux l-istess dubji dwar deċiżjoni possibbli mill-awtoritajiet ġudizzjarji; il-proposta tal-Kummissjoni tirrappreżenta bilanċ sensibbli ta' interessi.

· It-tieni punt ewlieni huwa t-twaqqif ta' korp ta' investigazzjoni permanenti u s-separazzjoni tiegħu minn awtoritajiet li għandhom responsabiltajiet oħra fil-qasam marittimu. Huwa ovvju li riżultati bikrija u ta' min joqgħod fuqhom jistgħu jiġu żgurati biss minn korp permanenti; f'ħafna każi, intervent ad hoc ma jkunx suffiċenti. Bla dubju, huwa loġiku li dan il-korp għandu jkun strettament indipendenti mil-lat funzjonali.

Ir-rapporteur tagħkom huwa tal-fehma li hija essenzjali l-investigazzjoni teknika ta' diżastri fl-oqsma kollha ta' l-industrija u tat-trasport; għalhekk huwa jsostni li hemm bżonn ta' regoli adegwati għat-trasport fuq ilmijiet navigabbli interni.

Fl-isforzi tiegħu sabiex jikseb stampa komprensiva ta' l-aspetti kollha tal-proposta tal-Kummissjoni, ir-rapporteur tagħkom għamel kuntatt mal-korpi, inklużi l-EMSA u numru ta' Stati Membri. L-EMSA tenfasizza wkoll il-ħtieġa għal dan l-abbozz ta' direttiva.

Rigward l-Istati Membri, ir-rapporteur tagħkom għandu l-impressjoni li dawn għadhom qed jiffurmaw l-opinjonijiet tagħhom dwar din il-proposta. Huwa ma rċieva l-ebda kumment speċifiku minn għandhom dwar il-proposta tal-Kummissjoni. Huwa possibbli li dan ġej mill-fatt li bħalissa qed tingħata prijorita lil partijiet oħra mill-pakkett dwar is-sikurezza marittima, u l-istess qed jiġri fil-Kunsill. Wieħed jista' jifhem li l-Istati Membri ma jistgħux jikkunsidraw b'mod simultanju u bl-istess intensita s-seba' proposti li hemm fil-pakkett marittimu. Madankollu, ir-rapporteur tagħkom jispera li l-proposta dwar l-investigazzjoni ta' diżastri fuq il-baħar ma tkunx dejjem kunsidrata inqas mill-proposti l-oħra. Il-Presidenza tal-Kunsill Finlandiża u dik Ġermaniża għandhom jieħdu f'idejhom dan id-dossier.

Ir-rapporteur tagħkom huwa tal-fehma li kien ikun utli aktar żmien biex jiġu konsultati dawk li huma affettwati. Madankollu huwa tal-fehma li huwa importanti li din il-proposta tal-Kummissjoni tiġi diskussa fl-istess ħin mal-komponenti l-oħra tal-pakkett marittimu. Għalhekk ir-rapporteur tagħkom qed iressaq dan ir-rapport issa u bi ftit emendi biss, peress li s'issa għadu ma rax punti dgħajfa maġġuri fil-proposta tal-Kummissjoni.

Fuq naħa, l-emendi jirrigwardjaw il-kamp ta' applikazzjoni: ir-rapporteur huwa tal-fehma li ma tkunx idea tajba, kif hemm propost mill-Kummissjoni, li jiġu esklużi vapuri għas-sajd li huma inqas minn 24 metru mit-tul kif ukoll faċilitajiet ta' tħaffir barra mix-xtut - is-sajd huwa perikoluż u ta' sikwit iseħħu diżastri - ara l-Emendi 2 u 3.

Ir-rapporteur tagħkom ressaq ukoll żewġ emendi dwar il-linji gwida IMO li ġew adottati riċentament dwar it-trattament ġust ta' l-ekwipaġġi fil-każ ta' diżastri marittimi. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet għall-Istati tal-kosta u tal-bandiera, proprjetarji tal-vapuri, eċċ. jinkludu prinċipji importanti għall-investigazzjonijiet tekniċi wkoll u jistgħu jżidu l-kunfidenza ta' baħħara f'investigazzjonijiet bħal dawn, u għalhekk tkun faċilitata koperazzjoni bejn korpi investigattivi u ekwipaġġi (ara l-Emendi 1 u 4).

Ir-rapporteur tagħkom se jkompli l-konsultazzjonijiet tiegħu u mhux jeskludi li se jressaq aktar emendi aktar 'il quddiem.


PROĊEDURA

Titolu

Investigazzjoni ta’ inċidenti fis-settur tat-trasport marittimu

Referenzi

COM(2005)0590 - C6-0056/2006 - 2005/0240(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

23.11.2005

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

TRAN

16.2.2006

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ENVI

16.2.2006

 

 

 

Opinjoni mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

ENVI

21.2.2006

 

 

 

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Jaromír Kohlíček

21.3.2006

 

 

Diskussjoni fil-kumitat

19.4.2006

10.10.2006

22.11.2006

27.2.2007

Data ta’ l-adozzjoni

27.2.2007

 

 

 

Riżultat tal-vot finali

+:

–:

0:

43

0

1

Membri preżenti għall-vot finali

Gabriele Albertini, Inés Ayala Sender, Etelka Barsi-Pataky, Paolo Costa, Michael Cramer, Luis de Grandes Pascual, Arūnas Degutis, Christine De Veyrac, Petr Duchoň, Saïd El Khadraoui, Robert Evans, Emanuel Jardim Fernandes, Mathieu Grosch, Georg Jarzembowski, Stanisław Jałowiecki, Timothy Kirkhope, Dieter-Lebrecht Koch, Jaromír Kohlíček, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Sepp Kusstatscher, Jörg Leichtfried, Bogusław Liberadzki, Eva Lichtenberger, Erik Meijer, Seán Ó Neachtain, Josu Ortuondo Larrea, Willi Piecyk, Luís Queiró, Luca Romagnoli, Gilles Savary, Brian Simpson, Renate Sommer, Dirk Sterckx, Ulrich Stockmann, Silvia-Adriana Ţicău, Georgios Toussas, Lars Wohlin, Roberts Zīle

Sostitut(i) preżenti għall-vot finali

Johannes Blokland, Philip Bradbourn, Jeanine Hennis-Plasschaert, Anne E. Jensen, Rosa Miguélez Ramos, Corien Wortmann-Kool

Aġġornata l-aħħar: 12 t'April 2007Avviż legali