RAPPORT Lejn Politika Marittima ta' l-Unjoni għall-ġejjieni: Viżjoni Ewropea għall-Oċeani u l-Ibħra

15.6.2007 - (2006/2299(INI))

Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
Rapporteur: Willi Piecyk
Rapporteurs għal opinjoni(*):
Satu Hassi, Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel
Struan Stevenson, Kumitat għas-Sajd
(*) Koperazzjoni aktar mill-qrib bejn kumitati - l-Artikolu 47 tar-Regoli ta' Proċedura

Proċedura : 2006/2299(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0235/2007

(*)       Koperazzjoni aktar mill-qrib bejn kumitati - l-Artikolu 47 tar-Regoli ta' ProċeduraMOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

Lejn Politika Marittima ta' l-Unjoni għall-ġejjieni: Viżjoni Ewropea għall-Oċeani u l-Ibħra

(2006/2299(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni bit-titolu "Lejn politika marittima tal-ġejjieni għall-Unjoni: Viżjoni Ewropea għall-Oċeani u l-Ibħra" (COM(2006)0275),  

wara li kkunsidra l-Artikolu 299(2) tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta’ l-Ikel, il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, il-Kumitat għas-Sajd u tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A6‑0235/2007),

A. billi l-ibħra u l-oċeani jagħtu kontribut deċiżiv lill-kobor u r-rikkezza ġeografika ta' l-Unjoni Ewropea, permezz tar-reġjuni l-aktar imbiegħda tagħha, filwaqt li 'joffru' lill-UE 320 000 km ta' kosta u huma l-abitazzjoni ta' terz tal-popolazzjoni Ewropea, inklużi 14-il miljun li jgħixu fuq gżejjer,

B.  billi l-industriji u s-servizzi bbażati fuq il-baħar, mhix inkluża l-materja prima, jikkontribwixxu bejn 3 u 6% tal-Prodott Gross Domestiku (GDP) ta’ l-Ewropa, u r-reġjuni kostali jgħoddu total ta’ 40% tal-PGD, u billi 90% tal-kummerċ estern ta’ l-UE u 40% tal-kummerċ intern tiegħu huwa ttrasportat bil-baħar u l-Ewropa għandha 40% tal-flotta tad-dinja,

C. billi l-applikazzjoni ta' l-Istrateġija ta' Liżbona għall-politiki marittimi mhux biss tikkonċernax l-objettivi marbuta mat-titjib tal-kompetittività iżda għandu jkollha wkoll impatt fuq pilastri oħra ta' l-istrateġija, bħall-ħolqien ta' impjiegi marittimi aktar sostenibbli u ta' kwalità aħjar fl-UE,

D. billi l-oċeani u l-ibħra fl-Ewropa fihom kurituri maġġuri tat-trasport li jakkomodaw proporzjon konsiderevoli mill-volum ta’ trasport, billi l-oċeani u l-ibħra għad għandhom potenzjal sustanzjali f’dik li hi kapaċità dinjija, billi l-oċeani u l-ibħra għalhekk ma fihomx biss valuri ekoloġiċi importanti iżda valuri soċjali u ekonomiċi importanti wkoll,

E.  billi t-tbaħħir huwa responsabbli għal madwar 4% ta' l-emissjonijiet tas-CO2 madwar id-dinja kollha, li jikkorrispondi għal madwar 1000 miljun tunnellata, u billi l-emissjonijiet marittimi m’humiex koperti mill-Protokoll ta’ Kjoto, billi, skond studju li sar mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO), l-emissjonijiet tal-gass tal-klima marittima se jogħlew b’iktar minn 70% sa l-2020 u billi, minbarra s-CO2, kull sena kwantitajiet kbar ta’ gassijiet bl-effett ta’ serra qed joħorġu minn sistemi ta’ tkessiħ li jkunu abbord,

F.  billi, f’ħafna oqsma ta’ attività marittimi, il-prestazzjonijiet imtejba huma misjuqa minn ideat innovattivi f’dak li jirrigwarda t-tbaħħir, billi l-industrija Ewropea tal-bini tal-vapuri flimkien man-netwerk wiesa’ tagħha ta’ fornituri ta’ tagħmir u servizzi hija forza dinjija li tixpruna t-tagħmir u l-inġenji marittimi innovattivi,

G. billi t-tbaħħir jipproduċi inqas gassijiet bl-effett ta’ serra kull mil tunnellata minn kwalunkwe forma oħra ta’ trasport u l-avvanzi teknoloġiċi jtejbu b’mod kostanti l-effiċjenza ta’ dan is-settur, billi hemm rieda politika qawwija biex ikun promoss it-tbaħħir bħala mezz biex jitnaqqsu l-emissjonijiet bl-effett ta’ serra li joħorġu mit-trasport tal-merkanzija,

H. billi l-Programm ta’ l-Ambjent tan-Nazzjonijiet Uniti jistma li xi 80% tat-tniġġis tal-baħar huwa kkaġunat minn skular ta’ skart likwidu minn fuq l-art,

I.   billi t-tbaħħir huwa responsabbli wkoll għall-iskular ta’ kwantitajiet kbar ta’ tipi differenti ta’ skart likwidu għal ġo l-ibħra, inkluż l-iskart likwidu li ġej mit-tindif tat-tankijiet, mill-kċejjen tal-vapuri, mill-faċilitajiet tal-ħasil tal-ħwejjeġ u installazzjonijiet sanitarji, ilma tas-saborra u skular aċċidentali ta’ żejt waqt operazzjonijiet, billi diversi tipi ta' skart solidu wkoll jiġu prodotti waqt li jkun għaddej ix-xogħol abbord il-vapuri u hija biss proporzjon żgħira minnu li tiġi mormija fil-faċilitajiet ta’ ġbir fil-portijiet, bil-biċċa l-kbira minnu jiġi maħruq fuq il-baħar jew sempliċement mormi l-baħar minn fuq il-vapur,

J.   billi vapuri kbar illum iġorru kwantitajiet kbar ta' żejt tal-banker abbord għall-bżonnijiet ta' l-operazzjonijiet tagħhom, u fil-każ ta' aċċident jew inċident dan iż-żejt jista' jikkawża ħsara ekoloġika kunsiderevoli u diġà kkawża ħsara kunsiderevoli, bi ftit possibilitajiet ta' rimedju legali,

K. billi, skond estimi uffiċjali, xi 80% ta’ aċċidenti li jseħħu fuq il-baħar huma attribwibbli direttament lill-iżball tal-bniedem,

L.  billi si Stati Membri, bħal m’huma l-Greċja u l-Ġermanja, diġà introduċew kwoti minimi għal dawk l-Ewropej li jbaħħru regolarment fuq bastimenti li jkunu ikbar minn ċertu daqs, sabiex il-kompetenza tinżamm fil-pajjiż,

M. billi fil-preżent meta l-maġġoranza l-kbira tal-vapuri kbar jaslu fi tmiem il-ħajja tagħhom u jiġu żarmati f'tarzni fejn jiġu żmuntati l-vapuri fid-dinja li qiegħda tiżviluppa taħt kundizzjonijiet soċjalment u ekoloġikament inaċċettabbli, u billi fil-parti l-kbira tal-każijiet il-bejgħ ta’ dawn il-vapuri lil xerrejja barra mhux Ewropej huwa mod kif wieħed jevita l-Konvenzjoni ta' Basel dwar il-Kontroll ta’ Ċaqliq Transkonfinali ta’ Skart Perikoluż u r-Rimi tagħhom, li taħtha dawn il-vapuri jkunu suġġetti għal projbizzjoni ta' esportazzjoni bħala skart perikoluż,

N. billi l-livelli ta' l-ilma baħar kienu u għadhom qiegħdin jogħlew, u b'hekk qed jipperikolaw ir-reġjuni, il-popolazzjonijiet u l-industriji kostali bħal m’hu t-turiżmu kostali,

O. billi d-diversità ta' l-attivitajiet tal-baħar u dawk kostali tirrkjiedi ppjanar flessibbli ta' l-ispazji mill-Istati Membri u mill-awtoritajiet tagħhom,

P.  billi l-UE hija fuq quddiem fid-dinja f'dik li hija limitazzjoni ta’ l-emissjonijietli joħorġu minn mezzi oħra ta’ trasport li bħala riżultat tiegħu l-industrija Ewropea saret waħda minn ta’ quddiem nett fid-dinja fl-innovazzjoni, u billi l-ġejjieni sostenibbli ta' l-industrija Ewropea fuq il-medda twila ta’ żmien jista' jiġi assigurat biss permezz ta' l-innovazzjoni,

Q. billi l-UE għandha diversi aġenziji li jinkludu l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza Marittima (EMSA), l-Aġenzija Ewropea għall-Immaniġġjar tal-Koperazzjoni Operazzjonali fuq il-Fruntieri Esterni (FRONTEX), l-Aġenzija ta’ l-Industrija tal-Ħut u l-Aġenzija ta’ l-Ambjent li jintrigaw ruħhom minn diversi kompiti u billi jidher ċar li ma jsir l-ebda skambju formali bejniethom,

R.  billi, mill-2004 ‘hawn, ir-rotot ta’ ħeffa kbira tal-baħar kienu fost it-tletin proġett ta' prijorità tan-netwerk ta' trasport TEN iżda billi sar ftit wisq progress,

S.  billi l-oċeani u l-ibħra huma l-bażi tal-ħajja kollha fid-dinja u jilagħbu rwol sinjifikanti fil-bidla tal-klima, billi għan importanti ta’ politika marittima integrata għandu jkun li jiġu mħarsa u ppriservati b’mod sostenibbli r-riżorsi tagħhom, billi kwart mill-istokkijiet tal-ħut tal-baħar jinsabu fil-periklu li jiġu estinti u minn dan il-kwart 17% kienu l-oġġett ta’ sajd eċċessiv u 7% sar tnaqqis kbir fin-numri tagħhom, billi huma 1% biss ta' l-istokkijiet li qed jirkupraw bil-mod il-mod, u billi 52% ta’ l-istokkijiet tal-ħut diġà sar tant sajd eċċessiv tagħhom li l-ammonti tagħhom ma jistgħux jerġgħu jiġu għal dawk li kienu u x-xjentisti qed javżaw li s-sajd kummerċjali jista’ jikkrolla sa nofs is-seklu (l-2048),

T.  billi l-industrija tas-sajd hi settur ekonomiku rregolat ħafna u għalhekk iridu jiġu stabbiliti miżuri sabiex jiġi assigurat li dawn ir-regolamenti jittraduċu ruħhom fi prattika tajba u riżultati tajbin, billi, sabiex tiġi implimentata s-sostennibilità, huwa meħtieġ li jiġu meqjusa l-ħafna fatturi varji li jinfluwenzaw l-istat ta’ l-istokkijiet tal-ħut, bħal m’huma l-bidla fil-klima, il-predaturi, it-tniġġis, l-esplorazzjoni u t-tħaffir għaż-żejt u għall-gass, impjanti marittimi għall-enerġija mir-riħ, l-estrazzjoni ta’ ramel u ta’ żrar irqiq,

U. billi fi żmien għoxrin sena s-settur ta’ l-industrija tas-sajd ta' l-UE se jkun ġie ttrasformat minħabba l-fatturi barranin bħall-bidla fil-klima u l-azzjoni tal-bniedem u billi, bl-evidenza diġà tidher ta' trasformazzjoni bħal din fil-każ tal-bakkaljaw tal-Baħar tat-Tramuntana, huwa kruċjali li jiġu indirizzati b'mod effettiv il-kawżi tal-bidla fil-klima,

V. billi l-baħar u l-oċeani jilagħbu parti importanti fil-produzzjoni ta' l-enerġija minn sorsi alternattivi u jżidu s-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija,

W. billi l-ispeċifiċitajiet tar-reġjuni l-aktar imbegħda u tal-gżejjer Ewropej, jiġifieri l-immigrazzjoni illegali, id-diżastri naturali, it-trasport kif ukoll il-kontribut tagħhom għall-bijodiversita, għandhom jiġu rrikonoxxuti,

X. billi parti kbira mill-fruntiera esterna ta' l-UE hija waħda marittima u s-sorveljanza u l-ħarsien tagħha jimplikaw spejjeż akbar għall-Istati Membri kostali,

Y. billi l-Mediterran u l-Baħar l-Iswed huma mqassma bejn Stati Membri ta' l-UE u pajjiżi terzi li min-naħa tagħhom għandhom inqas riżorsi għad-dispożizzjoni tagħhom biex jimplimentaw regoli ambjentali u miżuri ta' sigurtà u ta' sikurezza,

1.  Jilqa' b’sodisfazzjon il-Green Paper tal-Kummissjoni bit-titolu "Lejn politika marittima tal-ġejjieni għall-Unjoni: Viżjoni Ewropea għall-Oċeani u l-Ibħra' u jappoġġja l-approċċ integrat għall-politika marittima, fejn, għall-ewwel darba, oqsma tal-politika marittima bħal m’huma t-tarznari, it-tbaħħir, is-sikurezza tal-vapuri, it-turiżmu, l-industrija tas-sajd, il-portijiet, l-ambjent marittimu, ir-riċerka, l-industrija, l-ippjanar ta' l-ispazju u oħrajn huma deskritti u fejn l-interdipendenza reċiproka tagħhom hija enfasizzazzata; iqis din bħala opportunità għall-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha biex jiżviluppaw politika marittima li tħares 'il quddiem, li tgħaqqad flimkien b'mod intelliġenti l-ħarsien ta' l-ambjent marittimu u l-użu innovattiv u intelliġenti ta' l-ibħra filwaqt li jiġi assigurat li s-sostenibbiltà tibqa’ l-qofol tal-politika marittima; jemmen li l-UE għandha l-opportunità li tkun il-pijuniera ta' politika marittima innovattiva u sostenibbli u li dan jitlob li l-Istati Membri jaġixxu b’sens ta’ għan komuni; jinnota li l-Parlament, fil-ġejjieni, se jevalwa kull Presidenza tal-Kunsill skond il-progress li jkun sar fil-qasam tal-politika marittima Ewropea;

2.  Jilqa' b’sodisfazzjoni Politika Marittima li titlob li jkun hemm l-integrazzjoni tal-politiki, ta' l-azzjonijiet u tad-deċiżjonijiet rigward l-affarjiet marittimi u li tippromwovi koordinament aħjar, aktar ftuħ u koperazzjoni akbar bejn l-atturi kollha li l-azzjonijiet tagħhom għandhom impatt fuq l-oċeani u fuq l-ibħra Ewropej;

3.  Jinnota li, b’responsabilità għal politiki u għal azzjonijiet relatati ma’ l-ibħra li għandhom sehem minnhom l-awtoritajiet ta' l-UE, il-gvernijiet nazzjonali u l-awtoritajiet reġjonali u lokali, il-livelli kollha governattivi għandhom jimxu lejn approċċ aktar koordinat, filwaqt li jiżguraw li l-azzjonijiet tagħhom fl-arena marittima jqisu bis-sħiħ l-interazzjonijiet multipli ta' bejniethom;

4.  Jappoġġja l-prinċipju li l-politika marittima Ewropea tkun ankrata fi ħdan l-Istrateġija ta' Liżbona sabiex jiġu ffaċilitati t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi b'mod sostenibbli, fuq il-bażi ta’ l-għerf xjentifiku; jenfasizza s-sinjifikat tat-trasport marittimu f'termini ta' volum ta' trasport u ta' impatt ekonomiku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrevedi l-leġiżlazzjoni eżistenti fl-ispirtu u fil-kuntest ta' l-inizjattiva tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar u ta' l-Istrateġija ta' Liżbona; jisħaq li għandha tingħata prijorità mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Istati Membri lill-implimentazzjoni aħjar u lit-tisħiħ tal-leġiżlazzjoni eżistenti; jenfasizza l-valur miżjud ta' l-Ewropa f'inizjattivi prattiċi, pereżempju rigward koordinament u koperazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri sabiex jiġu evitati d-duplikazzjoni u l-kontradizzjoni li jistgħu jinħolqu;

Il-bidla fil-klima bħala l-akbar sfida għall-politika marittima

5.  Jenfasizza li, meta wieħed iqis id-diskussjoni kurrenti dwar il-bidla fil-klima u l-ewwel pubblikazzjonijiet tar-rapport tar-Raba’ Evalwazzjoni tal-Panel Intergovernattiv dwar il-Bidla fil-Klima, dawk kollha involuti iridu jsiru konxji l-azzjoni ilha li messha ttieħdet u li l-Komunità fadlilha biss 13-il sena biex tuża teknoloġiji ġodda sabiex tevita katastrofi tal-klima; jinnota li, skond ir-rapport, xenarji speċifiċi rigward livelli tal-baħar li qed dejjem jogħlew li se jkunu partikolarment ta’ ħsara għal pajjiżi kostali, il-mewġiet ta’ sħana, it-tgħargħir, il-maltempati, in-nirien tal-foresti u n-nixfiet madwar id-dinja kollha; jisħaq li hemm ukoll problema potenzjali relatata direttament mar-refuġjati tal-klima u problemi oħra relatati mas-sigurtà internazzjonali li jirriżultaw minn tilwim possibbli fuq riżorsi komuni;

6.  Jisħaq li l-UE għandha tilgħab irwol prinċipali u ta’ pijuniera fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima; jenfasizza li l-Komunità għandha tuża il-kapaċitajiet tagħha fir-riċerka u l-innovazzjoni u tieħu t-tmexxija f'idejha u taġixxi b'mod deċiżiv fuq il-livell internazzjonali;

7.  Jenfasizza li l-enerġija mill-qawwa tar-riħ fuq l-art u fuq il-baħar għandha potenzjal sostanzjali ħafna għall-iżvilupp u tista' tagħti kontribut kbir għall-ħarsien tal-klima, u għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni billi twaqqaf taqsima jew unità ta' koordinazzjoni għall-enerġija mir-riħ u billi tillanċja pjan ta' azzjoni għall-enerġija mir-riħ;

8.  ;Jenfasizza l-fatt li l-bidla fil-klima hija realtà; jenfasizza li l-politika marittima Ewropea għandha tilgħab parti sinjifikanti fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima permezz ta’ mill-inqas tliet politiki: l-ewwel, l-emissjonijiet mill-vapuri ta’ sustanzi bħal m’huma s-CO2, l-SO2 u l-ossidu tan-nitroġenu għandhom jitnaqqsu drastikament; it-tieni, il-fattibilità ta’ l-iskambju tal-kwoti ta' l-emissjonijiet għat-tbaħħir għandha tiġi evalwata bir-reqqa; it-tielet, wieħed għandu jintroduċi u jipprowovi enerġiji li jiġġeddu bħal m’huma l-enerġija mir-riħ u mix-xemx għandhom jiddaħħlu u jiġu promossi għat-tbaħħir;

9.  Jinsab imħasseb minħabba r-rapporti li jissuġġerixxu li l-emissjonijiet marittimi tad-dijossidu tal-karbonju huma ogħla milli kien maħsub qabel, li jirrappreżentaw sa 5% ta' l-emissjonijiet globali, u huwa pproġettat li se jiżdiedu b'sa 75% bejn il-15 u l-20 sena li ġejjin sakemm ma tittiħidx azzjoni biex tegħleb din it-tendenza; jinnota li l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta’ serra minn bastimenti tas-sajd huma sinjifikanti; jinnota nuqqas ta' progress fi ħdan l-IMO dwar din il-kwistjoni minkejja l-mandat mogħti fil-Protokoll ta' Kjoto għaxar snin ilu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni sabiex tnaqqas b’mod effettiv l-emissjonijiet tal-gass b’effett ta’ serra marittimi u jħeġġeġ lill-UE tieħu azzjoni deċiżiva biex tinkludi s-settur marittimu f’konvenzjonijiet internazzjonali dwar il-klima;

10. Jirrikonoxxi l-fatt li biex l-Istrateġija tal-Baħar tkun il-'pilastru ambjentali' tal-Politika Marittima, hemm bżonn li l-politiki jkunu komplementari għal kollox sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fl-approċċ ta' l-UE; jirrikonoxxi l-fatt li l-ħżin tad-dijossidu tal-karbonju fi strutturi ġeoloġiċi taħt qiegħ il-baħar jista' jipprovdi parti minn pakket ta' miżuri għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet bl-effett ta’ serra fl-atmosfera u jitlob li jinħoloq qafas leġiżlattiv u regolatorju ċar għall-użu ta' din it-teknoloġija;

11. Jenfasizza li huwa ta’ l-akbar importanza għall-iżvilupp tal-gżejjer u taż-żoni kostali li jitqiegħdu restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-iskular tal-fosfru u tan-nitroġenu għal ġol-Baħar Baltiku, minħabba l-fatt li l-kundizzjoni tal-baħar hija fundamentali għat-turiżmu u għall-kummerċ marbut miegħu; hemm il-ħtieġa ta’ġabra ta' regoli ċari u li jinftiehmu faċilment u manwal li jispjega b'mod ċar l-inċentivi u l-konsegwenzi tagħhom;

12. Allarmat mill-impatt tal-bidla fil-klima fuq l-ekosistemi tal-baħar anke fl-iktar xenarji pożittivi ta' ħarsien tal-klima, jitlob li tingħata attenzjoni xierqa lill-vulnerabilità addizzjonali ta' l-ambjent tal-baħar għal fatturi oħra ta' pressjoni minħabba dawn l-impatti; jinsisti li l-emissjonijiet ta' gassijiet bl-effett ta’ serra minn attivitajiet marittimi jridu jiġu indirizzati b'mod urġenti b'miżuri effettivi bħal m’hi l-inklużjoni tat-trasport marittimu fl-iskambju tal-kwoti ta' l-emissjonijiet u użu ikbar ta' enerġiji li jiġġeddu biex jinstaqu l-vapuri;

13. Jinsisti li l-ippjanar ta' l-iżvilupp tul il-kosta twila tal-Komunità, jiġifieri għal żvilupp urban, għal siti industrijali, għal portijiet u marini, siti rikreattivi eċċ., irid iqis b'mod espliċitu l-konsegwenzi tal-bidla fil-klima u ż-żjieda assoċjata fil-livelli tal-baħar, inklużi l-frekwenza u s-saħħa dejjem jiżdiedu tal-maltempati u l-mewġ li qed jikber fil-għoli tiegħu; jinsisti li l-ebda installazzjoni nukleari ġdida m’għandha tinbena f'zoni kostali;

14. Jidhirlu li huwa ta’ importanza mill-akbar li jiġu żviluppati sistemi ta’ twissija bikrija matul il-kosti Atlantiċi li huma potenzjalment esposti għaz-zunamijiet;

15. Jemmen, għalhekk, li huwa importanti li tiġi kkoordinata skeda għat-tfassil ta’ pjanijiet ta' azzjoni ta’ strateġija marittima bi programmi importanti fuq il-livell ta' l-UE, bħal m’huma l-Fondi Strutturali ta' l-EU, sabiex jinkisbu l-ikbar benefiċċji possibbli ta' koordinazzjoni mal-programmi eżistenti; jidhirlu li l-pjanijiet ta' azzjoni għandhom, għalhekk, jiġu mfassla sa mhux aktar tard mill-2012 sabiex tiġi ffaċilitata l-koordinazzjoni ma' l-abbozzar tal-programmi strutturali mill-2014; jenfasizza li l-koordinazzjoni mal-fond agrikolu ta' l-UE hija ta' importanza partikulari għal dawk ir-reġjuni fejn l-agrikoltura hija responsabbli għal porzjon sinjifikanti ta' l-iskular għal ġol-baħar;

Tbaħħir Ewropew aħjar b’bastimenti Ewropej aħjar

16. Jenfasizza li t-trasport marittimu huwa parti essenzjali tas-sistema ekonomika tad-dinja, u li l-ġarr ta’ merkanzija bil-baħar bħalissa huwa wieħed mill-metodi ta' trasport li jagħmlu l-inqas ħsara lill-ambjent; jidhirlu, madanakollu, li t-tbaħħir għandu prezz ambjentali konsiderevoli, u għalhekk bilanċ sostenibbli bejn il-ħarsien ambjentali u l-użu kummerċjali ta' l-oċeani Ewropej huwa essenzjali, li bih il-garanzija tas-sostenibilità għandha tkun prijorità assoluta; jistieden lill-Kummissjoni tissalvagwardja dan il-bilanċ meta tkun qiegħda tfassal il-proposti (futuri) tagħha dwar il-politika marittima u tal-portijiet;

17. Jenfasizza li l-promozzjoni tat-trasport marittimu bħala forma sostenibbli ta’ trasport tirrikjedi l-iżvilupp u l-espansjoni tal-portijiet u taż-żoni tal-portijiet; jinnota li d-Direttivi dwar l-Ambjent Naturali[1] u t-Tajr Selvaġġ[2] iqisu biss l-impatt ta’ ħsara li jista’ jkollu fuq livell lokali, bla ma jqisu l-impatt pożittiv tiegħu fuq l-ambjent; jitlob, għalhekk, li ssir evalwazzjoni korretta u estensiva tal-benefiċċji ambjentali kollha tal-proġetti għall-portijiet, filwaqt li jiġu miżuna b'paragun mal-possibilità ta’ telf ta' l-ambjent naturali fuq il-livell lokali, u l-kumpens għal telf bħal dan, fuq il-bażi ta' l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar l-Ambjenti Naturali, jistieden lill-Kummissjoni tfassal linji gwida bil-għan speċifiku li jiġu integrati l-benefiċċji ambjentali tat-trasport marittimu u l-iżvilupp tal-portijiet fuq il-livell ta' l-UE fi stadju aktar bikri tal-proċedura tat-teħid tad-deċiżjonijiet ipprovduta fl-Artikolu 6 milli hu permess mid-dispożizzjonijiet eċċezzjonali stipulati fl-Artikolu 6(4); barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni, sabiex waqt ir-reviżjoni tad-Direttivi dwar l-Ambjenti Naturali u dwar it-Tajr Selvaġġ tqis mhux biss l-impatt ekoloġiku iżda wkoll l-impatt ekonomiku ta' dawn id-direttivi fuq l-ambjent;

18. Jemmen li l-politika marittima Ewropea għandha tfittex li tippreserva u ssaħħaħ il-pożizzjoni ta' l-industriji marittimi Ewropej u l-attivitajiet speċjalizzati u tevita politiki li jippromwovu ċ-ċaqlieq lejn bnadar ta' pajjiżi terzi, li jipperikolaw is-sigurtà u l-ħarsien ta' l-ibħra u jfaqqru l-ekonomija Ewropea; jenfasizza li l-ħarsien ta' l-ambjent tal-baħar jinkiseb aħjar permezz ta' regolamenti internazzjonali li japplikaw għall-vapuri kollha huma x’inhuma l-bandiera u l-ewwel port fejn jieqaf vapur;

19. Jidhirlu li industrija tal-manifattura marittima innovattiva u kompetittiva Ewropea hija kruċjali għat-tkabbir sostenibbli skond l-Istarteġija ta' Liżbona; jissottolinja li, meta wieħed iqis il-kapaċitajiet ta' produzzjoni li qed jiżdiedu fi bnadi oħra, l-iżviluppi pożittivi li saru fir-rigward tat-tarznari Ewropej f'dawn l-aħħar snin m'għandhomx iwasslu għal stat ta’ kompjaċenza u għalhekk jitlob li jsiru aktar sforzi biex tiġi msaħħa l-kompetittività u biex tiġi żgurata sitwazzjoni kundizzjonijiet l-istess għal kulħadd;

20. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ fuq il-livell tad-WTO għat-tarznari Ewropej, li huma kontinwament esposti għal kompetizzjoni inġusta mill-bennejja tal-vapuri Ażjatiċi;

21. Jilqa' b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "LeaderSHIP 2015: Rapport ta' Progress" (COM(2007)0220) u jenfasizza b'mod partikulari s-suċċess ta' l-approċċ komprensiv il-ġdid għall-politika industrijali li nħolqot għall-ewwel darba minn LeaderSHIP2015 bħala waħda mill-ewwel inizjattivi settorjali;

22. Jenfasizza li koordinazzjoni u koperazzjoni (transkonfinali) aħjar bejn il-portijiet tal-baħar, u tqassim aktar ibbilanċjat tar-responsabilità madwar l-Ewropa kollha bejn il-portijiet jistgħu jikkontribwixxu b'mod konsiderevoli biex jiġi evitat it-trasport mhux sostenibbli bl-art;

23. Iqis l-irwol ta’ l-UE bħala ta’ quddiem nett dwar limiti aktar stretti mhux bħala restrizzjoni iżda bħala opportunità għall-industrija Ewropea; f’dan ir-rigward, jistieden lill-Istati Membri u lill-Komunità biex iqawwu l-isforzi taggħom biex jippromwovu r-riċerka u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji aktar effiċjenti u aktar nodfa għall-bastimenti u l-portijiet;

24. Jagħraf il-fatt li fil-ġejjieni prevedibbli l-emissjonijiet ta’ kontaminanti ta’ l-arja kkawżati minn bastimenti se jeċċedu lil dawk ġejjin minn sorsi bbażati fuq l-art; ifakkar fit-talba tiegħu fil-kuntest ta’ l-Istrateġija Tematika dwar il-Kwalità ta’ l-Arja biex il-Kummissjoni u l-Istati Membri jieħdu passi urġenti biex inaqqsu l-emissjonijiet mis-settur tat-tbaħħir u biex il-Kummissjoni tersaq bi proposti:

- - biex ikunu stabbiliti standards għall-emissjonijiet ta' l-NOx għall-vapuri li jużaw il-portijiet ta' l-UE;

- - biex il-Baħar Mediterranju u l-Baħar ta' l-Atlantiku tal-Grigal jiġu ddikjarati bħala Zoni ta' Kontroll ta' l-Emmissjonijiet tal-Kubrit (SECAs) skond il-Konvenzjoni MARPOL;

- - biex jitnaqqas, minn 1.5% għal 0.5%, il-kontenut massimu permess ta' kubrit fil-fjuwils marittimi użati fis-SECAs minn bastimenti tal-passiġġieri;

- - biex jiġu introdotti miżuri fiskali bħal m’huma taxxi jew ħlasijiet fuq l-emissjonijiet ta' SO2 u NOx minn bastimenti;

- - biex tiġi mħeġġa l-introduzzjoni ta' ħlasijiet iddivrenzjati għall-użu tal-portijiet u tal-kanali navigabbli li jiffavorixxu l-bastimenti b'emissjonijiet baxxi ta' SO2 u NOx;

- - biex il-basitmenti jiġu mħeġġa jużuw l-elettriku ġej mix-xatt meta jkunu sorġuti f’port;

- - biex titħejja direttiva ta' l-UE dwar il-kwalità tal-fjuwils marittimi;

25. Jara potenzjal enormi għat-tnaqqis fl-użu tal-fjuwils fossili u fl-emissjonijiet tas-CO2 fis-settur tat-trasport marittimu, b’mod partikulari permezz ta’ inċentivi fiskali għall-użu ta’ dan it-tip ta’ fjuwil u inċentivi akbar għar-riċerka u l-iżvilupp (R&D) u, inter alia, billi jiġi promoss l-użu tal-bijofjuwils u riċerka aktar fil-fond dwarhom u billi jitħaffef l-użu ta’ l-enerġija mir-riħ għas-sewqan tal-basitmenti; jisħaq, madanakollu, fuq il-ħtieġa li jkun hemm ċertifikazzjoni ambjentali u soċjali obbligatorja tal-bijofjuwils u li ċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja tagħhom, l-effiċjenza klimatika tagħhom u l-bilanc tas-CO2 ma jkun hemm l-ebda dubju dwarhom;

26. Jemmen li l-isforzi għall-prevenzjoni u r-rispons għat-tniġġis ikkawżat mill-vapuri m'għandux ikun ristrett biss għat-tniġġis biż-żejt iżda għandhom jgħoddu wkoll għal kull tip ta' tniġġis, b'mod speċjali dawk it-tipi ikkawżati minn sustanzi perikolużi u tossiċi; f'dan ir-rigward, jinnota li l-irwol li tilgħab l-EMSA huwa wieħed essenzjali u li bil-mod il-mod għandha tintriga ruħha minn aktar kompiti, għalkemm dawn għandhom dejjem ikunu addizzjonali għall-kompiti mwettqa mill-Istati Membri fil-qasam tal-prevenzjoni tat-tniġġis u r-rispons għalih. għalhekk jidhirlu li huwa meħtieġ li tiġi ggarantita sigurtà finanzjarja xierqa għall-iffinanzjar tal-kompiti afdati f’idejn l-EMSA;

27. Jilqa' b'sodisfazzjon is-sistema operazzjonali CleanSeaNet għas-sorveljanza u s-sejba ta' tniġġis li jkun ħiereġ minn bastimenti li għandha tgħin lill-istati kostali jillokalizzaw u jidentifikaw lil min iniġġes fiż-żoni ġeografiċi li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jittrasponu immedjatament id-Direttiva 2005/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar it-tniġġiż ikkawżat minn vapuri u dwar l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet għall-infrazzjonijiet[3];

28. Jirrikonoxxi l-attivitajiet tal-Kummissjoni fil-qasam tas-sikurezza marittima u tal-vapuri wara d-diżastri ta' l-"Erika" u l-"Prestige", li r-riżultat prinċipali tagħhom kien il-pakketti ta' miżuri dwar is-sikurezza fuq il-baħar;

29. Iħeġġeġ lill-Kunsill għat-'Trasport' biex jiddiskuti t-"Tielet pakkett ta' sikurezza marittima" mill-aktar fis u biex jieħu deċiżjoni, flimkien mal-Parlament, sabiex ma jingħatax lok għal nuqqas fil-kredibilità;

30. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex issaħħaħ il-miżuri kollha li jikkonċernaw ir-responsabilità ċivili u kriminali f'każ ta' xi aċċident jew inċident, f’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u t-tqassim tas-setgħat u f'konformità mal-qafas legali internazzjonali;

31. Iffakar fid-deċiżjonijiet tal-Parlament dwar it-titjib tas-sikurezza fuq il-baħar (il-kumitat MARE) u jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu kont aktar tal-fattur uman fil-passi li se jmissha tieħu;

32. Jinnota bi tħassib li l-Baħar Baltiku bħalissa huwa wieħed mill-ibħra l-aktar imniġġsa fid-dinja u jfakkar lill-Kummissjoni fit-talba preċedenti tiegħu biex tiġi abbozzata rakkomandazzjoni dwar strateġija ta' l-UE għall-Baltiku, fejn jiġu proposti miżuri għat-titjib tal-kundizzjoni ambjentali tal-Baħar Baltiku, b'mod partikulari biex titnaqqas l-ewtrofikazzjoni tal-Baltiku u biex jiġi evitat li żejt u sustanzi oħra tossiċi u li jagħmlu l-ħsara jiġu skulati għal ġol-baħar; ifakkar li l-istrumenti eżistenti għall-koperazzjoni bħal m’huma l-programmi INTERREG għandhom jiġu sfruttati bis-sħiħ meta jkunu qed jiġu implimentati proġetti interreġjonali sabiex jiġi ammeljorat l-istat ta' l-ambjent Baltiku;

33. Jitlob li jiġu stabbiliti zoni speċjali ġewwa zoni tal-Baħar Baltiku li huma ambjentalment sensittivi u diffiċli għan-navigazzjoni, b'mod partikolari it-Trunċiera ta’ Kadet (Kadet Trench), Skagerrak/Kattegat, l-Istrett il-Kbir (Great Belt) u s-Sound, li bastimenti li jbaħħru l-ilmijiet kbar, partikolarment it-tankers taż-żejt, ma jkunux jistgħux jinnavigawhom aktar mingħajr pilota, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu bidu għat-tfassil ta’miżuri meħtieġa fil-korpi kompetenti internazzjonali, b’mod partikolari l-IMO;

34. Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni sabiex mill-aktar fis possibbli tressaq proposta lill-Kunsill u lill-Parlament biex jiġi żgurat li ż-żejt tal-banker għall-fjuwil tal-magna f'vapuri ġodda jiġi maħżun hu ukoll f'tankijiet aktar sikuri bi bwieq doppji peress li l-vapuri tal-merkanzija jew bil-kontejners spiss ikun fihom fjuwil tqil bħala fjuwil tal-magna fil-bankers tagħhom, li l-kwantità tiegħu tista' taqbeż sewwa lil dik tat-tagħbijiet ta' tankers taż-żejt iżgħar; jidhirlu li, qabel ma tressaq proposta bħal din, il-Kummissjoni għandha taċċerta ruħha jekk ir-regoli eżistenti ta' l-IMO stipulati fir-Riżoluzzjoni 141(54) ta' l-MEPC humiex biżżejjed jew le sabiex jiggarantixxu t-trasport sikur ta' żejt tal-banker użat bħala fjuwil;

35. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex iżżid il-viġilanza fir-rigward ta' l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-użu obbligatorju ta' bwieq doppji;

36. Jitlob li jkun hemm l-ogħla standards ta’ sikurezza għall-basitmenti kollha li jidħlu f’portijiet Ewropej; f’dan ir-rigward, jistieden lill-Ewropa tilgħab parti prinċipali; huwa konxju li dawn ir-rekwiżiti ma jistgħux jiġu estiżi għall-bastimenti kollha fiz-zona ta’ 200 mil;

37. Huwa mħasseb dwar il-fatt li inqas u inqas żgħażagħ Ewropej imħarrġin tajjeb qed jaħdmu bħala uffiċjali u membri ta' l-ekwipaġġ fuq vapuri Ewropej, li bħala riżultat qed joħloq il-biża' ta' telf ta' mħuħ fuq skala enormi; huwa tal-fehma li kundizzjonijiet aħjar tax-xogħol, skond id-dispożizzjonijiet stipulati mill-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali Marittima (IMO), jistgħu jgħinu biex aktar Ewropej jiġu inkuraġġiti jagħżlu karriera fuq il-bastimenti;

38. Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lil dawk li għandhom interess fis-settur marittimu sabiex jirrevedu l-pjanijiet ta' karriera u l-opportunitajiet ta' tagħlim ta' tul il-ħajja fis-settur marittimu, l-ewwelnett sabiex jippermettu li l-ħiliet u l-esperjenza miksuba jkunu jistgħu jintużaw b'mod aktar effettiv u, t-tieni, bil-ħsieb li jkunu introdotti sistemi ta' qlib bejn xogħol fuq il-baħar u xogħol fuq l-art sabiex tiġi ppriservata l-kompetenza u sabiex il-prospetti ta' karriera jsiru aktar attraenti;

39. Jemmen li, kif kien issuġġerit fil-Green Paper imsemmija hawn fuq, l-esklużjoni tal-baħħara regolari mid-direttivi soċjali għandha tiġi rriveduta mill-imsieħba soċjali;

40. Jistieden lill-Istati Membri u lis-sidien tal-vapuri biex jiffurmaw sħubija sabiex iħarrġu baħħara u uffiċjali ta' kwalità, kif qed isir b'suċċess fid-Danimarka, u sabiex, permezz tal-politiki tagħhom ta' edukazzjoni u taħriġ, iżidu l-għerf u l-ħeġġa tagħhom għall-wirt marittimu u jipprovdu inċentivi addizzjonali għal attivitajiet u għal professjonijiet marbuta mal-baħar, jistieden lill-Kummissjoni toħloq il-kundizzjonijiet li jappoġġjaw sħubijiet bħal dawn permezz ta' finanzi u pariri;

41. Jitlob li tiddaħħal marka ta’ kwalità Ewropea għall-vapuri, f'konformità ma’ l-iskema ta’ kklassifikar tal-lista l-bajda ta' l-IMO, li jkunu jilħqu l-aktar standards reċenti u l-iktar kundizzjonijiet soċjali urezza reċenti, liema marka se tagħti lil dawn il-vapuri trattament preferenzjali fir-rigward tal-kontrolli mill-istat fil-portijiet;

42. Jinnota l-iskarsezza ta' professjonisti esperti u mħarrġa sew li qed taffaċċja lil din l-industrija; jissuġġerixxi li jiġu żviluppati korsijiet speċjali ta' taħriġ għall-kaptani u l-ekwipaġġ tal-bastimenti tas-sajd biex ikun ipprovdut fehim bażiku tax-xjenza li taffettwa l-industrija tagħhom, inkluż it-twassil tal-fehim ta' l-importanza ta’ l-amministrazzjoni u s-sostenibilità ambjentali bħala għajnuna għall-iżvilupp progressiv ta' approċċ, ibbażat fuq l-ekosistemi, lejn l-immaniġġjar tas-sajd b’suċċess;

43. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni toħloq pjanijiet biex jingħata taħriġ vokazzjonali mill-ġdid lis-sajjieda, li jkun jinkuraġġihom jiffokaw fuq prattiki ġodda li jippromwovu l-użu ta' għarfien relatat max-xogħol fuq il-baħar; jindika l-akkwakultura lilhin mill-kosta u l-ekoturiżmu bħala setturi li huma fost il-miri possibbli;

44. Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li tiġi mtejba l-impressoni dwar is-settur ta’ l-industrija tas-sajd, li bħalissa qed ibati minn nuqqas ta’ rispett; hu tal-fehma li t-titjib fil-kundizzjonijiet tas-saħħa u tas-sikurezza fuq il-bastimenti, u pagi u kundizzjonijiet aħjar għall-ekkwipaġġ, jistgħu jintlaħqu biss f’industrija sostenibbli u li tħalli qligħ u hu tal-fehma li jridu jiġu ddedikati aktar riżorsi għar-riċerka u l edukazzjoni mmirati lejn it-titjib ta’ l-għarfien u tal-ħiliet;

45. Jinnota li l-ħolqien ta' kundizzjonijiet li jiżguraw l-iġjene, is-sikurezza u l-kumdità għall-ħaddiema fl-industrija tas-sajd, kemm għas-sajjieda nfushom kif ukoll għan-nies li jaħdmu f'setturi ‘upstream’ u ‘downstream’, huwa objettiv essenzjali ta' politika għall-ibħra u l-oċeani;

46. Jidhirlu li, meta mqabbel mal-leġiżlazzjoni, il-kunċett tar-responsabilità soċjali korporattiva huwa ta' valur limitat fil-kuntest tal-konservazzjoni ta' l-ambjent marittimu, u li għalhekk bażi ta' leġiżlazzjoni xierqa trid tkompli tirrinforza l-programm Komunitarju għall-konservazzjoni ambjentali, li għandu jkun imsaħħaħ permezz ta’ azzjonijiet volontarji li jimpenjaw ruħhom fihom kumpaniji li jkunu jixtiequ juru l-imġiba responsabbli tagħhom;

47.  Jikkundanna l-kundizzjonijiet li taħthom qed jiġu żarmati bħalissa l-vapuri fid-dinja li qed tiżviluppa u jistieden lill-Kummissjoni tfassal proposti għat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fil-baċiri fejn il-vapuri kkonċernati jiġu żarmati u li tesplora l-possibilitajiet kollha fil-qasam tal-liġi kriminali li hi disponibbli mill-Qorti tal-Ġustizzja filwaqt li prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” jiġi japplika fis-settur marittimu l-istess bħal m’hu l-każ f’setturi oħra; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex tiżviluppa proposta għal 'passaport aħdar' li għandu jinżamm mad-dokumenti tal-vapur, li jkun jelenka s-sustanzi tossiċi kollha li jkollu fuqu; jemmen li l-Komunità għandha tindirizza l-kwistjoni tar-riċiklaġġ tal-vapuri billi tikkonkludi Konvenzjoni internazzjonali obbligatorja - maħsuba għall-2008 jew l-2009 - u li sadanittant għandha ssegwi l-linji gwida ta' l-IMO;

48. Jidhirlu li t-tarznari u l-industriji tat-tagħmir marittimu fl-Unjoni rnexxielhom jibqgħu kompetittivi billi investew fi prodotti u proċessi innovattivi u billi ħolqu swieq ta’ niċċa bbażati fuq l-għerf; jemmen li strateġija marittima Ewropea jmissha toħloq il-kundizzjonijiet li jwasslu biex tinżamm kif inhi l-pożizzjoni ta’ l-Unjoni fuq quddiem nett f’dawn is-swieq, pereżempju billi jkun promoss l-iżvilupp ta’ mekkaniżmi ta’ trasferiment tat-teknoloġija marittima, jidhirlu li jeħtieġ li wieħed għandu joqgħod attent ħafna għall-prattiki li jmorru kontra l-kompetittività fis-swieq mondjali, filwaqt li għandu jirreaġixxi jekk dawn il-prattiki jseħħu;

49. Jistieden lill-Istati Membri sabiex jieħdu vantaġġ sħiħ mil-Linji Gwida għall-Għajnuna Statali tal-Komunità li jikkonċernaw l-ispejjeż ta' l-impjiegi u t-tassazzjoni, b’enfasi partikolar aktar fuq is-sistema tat-taxxa fuq it-tunnellaġġ; jidhirlu li l-LeaderSHIP 2015 kellu impatt pożittiv, u li s-settur marittimu għandu jibqa’ jinżamm eliġibbli għall-għajnuna statali sabiex tkun promossa l-innovazzjoni;

50. Jitlob li, fil-ġejjieni, it-trasbord taż-żejt jew ta’ tagħbijiet tossiċi oħra fuq il-baħar ikun illimitat għal zoni indikati b’attenzjoni kbira taħt sorveljanza sabiex tkun iffaċilitata l-identifikazzjoni ta’ min ikun responsabbli f’każ li jsir xi skarikar ta’ kontaminanti għal ġol-baħar; jinnota li l-ġarr bil-baħar jikkontribwixxi għat-tniġġis marittimu, u potenzjalment għat-tħarbit ta’ l-ekosistemi, permezz ta’ l-introduzzjoni, fl-ibħra u fl-oċeani, ta’ speċijiet aljeni li jinsabu fl-ilma tas-saborra li jintrema għal ġol-baħar u permezz ta’ l-użu ta’ kimiċi f’żebgħat ta’ kontra l-infestazzjonijiet (“anti-fouling”) li jaffettwaw l-ormoni tal-ħut; jenfasizza li l-irqajja' ta' żejt ukoll huma wieħed mill-perikli marittimi ewlenin;

51. Jitlob li jiġu pprovduti taħriġ u informazzjoni billi jinġabru, jiġu analizzati, u mxerrda l-aħjar prattiki, tekniki, strumenti għall-immoniterjar tat-tbattil tat-tankijiet u l-innovazzjoni biex jiġi miġġieled it-tniġġis miż-żejt u minn sustanzi tossiċi u perikolużi, u li jiġu żviluppati soluzzjonijiet tekniċi, bl-użu ta' sorveljanza bbażata fuq spezzjonijiet u l-użu tas-satelliti, bil-għan li jkun immoniterjat it-tixrid aċċidentali jew li jsir apposta;

Politika Ewropea tal-kosta li tkun aħjar u li tkun tinkludi portijiet Ewropej aħjar

52. Jidhirlu li l-parteċipazzjoni ta' dawk interessati kemm reġjonali u kemm lokali hija essenzjali għas-suċċess ta’ politika marittima Ewropea; għaldaqstant, jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li r-reġjuni tal-kosta Ewropej qed jiżviluppaw koperazzjoni u netwerks reċiproċi dejjem aktar mill-qirb;

53. Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni, l-Istati Membri u r-reġjuni għandhom jagħmlu sforzi partikulari sabiex iżidu l-kuxjenza dwar temi marittimi; jemmen li dan jista’ jinkludi, pereżempju, ir-rikonoxximent ta' xempji tajba ta’ proġetti turistiċi, tbaħħir li jirrispetta l-ambjent jew kontribuzzjonijiet partikolari lejn l-edukazzjoni dwar il-baħar; f'dan ir-rigward, jipproponi l-ħolqien ta' "marka" ta’ l-UE u li jingħataw premjijiet jingħataw lil reġjuni marittimi eżemplari bħala mod kif tiġi promossa l-aħjar prattika; jissottolinja s-sinjifikat ta’ l-inizjattiva tiegħu, li għandha tiġi promossa mill-Kummissjoni, rigward it-twaqqif ta’ Jum Marittimu Ewropew bħala ċelebrazzjoni tas-settur marittimu; jisħaq li korsijiet pilota dwar l-"edukazzjoni marittima" għandhom jiġu introdotti fl-iskejjel sekondarji bl-appoġġ tal-Kummissjoni;

54. Iħeġġeġ lir-reġjuni u lill-Istati Membri sabiex jużaw l-istrumenti tal-politika tal-koeżjoni sabiex tinkiseb integrazzjoni aktar fil-politika marittima u kostali, jippromwovu l-intraprenditorija u jistabbilixxu SMEs, u b'hekk jgħinu biex tingħeleb il-problema ta' l-impjiegi staġjonali; jitlob, b'mod partikolari, li jinħoloq netwerk ta' reġjuni ta' eċċellenza marittima fil-qafas ta' l-Objettiv ta' Koperazzjoni Territorjali Ewropea;

55. Jissottolinja l-importanza fundamentali u l-irwol li għandhom il-portijiet bħala lenbut għall-kummerċ internazzjonali, bħala sewwieqa ekonomiċi u bħala ħallieqa tax-xogħol għar-reġjuni kostali u bħala ċentri ta’ tranżitu għall-intrapriżi tas-sajd, kif ukoll bħala punti essenzjali għall-kontroll tas-sigurtà;

56. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, minħabba t-tniġġis ta' l-arja f'ħafna bliet port u reġjuni fejn jinsabu l-portijiet, biex iżidu b'mod sinjifikanti l-inċentivi għall-forniment ta' enerġija bbażata fuq l-art għall-vapuri li jkunu fil-port meta dan ikun ta’ nfiq effettiv u jirriżulta f’benefiċċji ambjentali; jitlob, għalhekk, li d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirristruttura l-qafas Komunitarju għat-tassazzjoni tal-prodotti ta’ l-enerġija u l-elettriku[4] tiġi rriveduta sabiex dawk l-Istati Membri li jkunu qed japprofittaw ruħhom miż-żejt tal-banker bla taxxa, kif ipprovdut fl-Artikolu 14 ta’ dik id-Direttiva, ikunu obbligati li jeżentaw mit-taxxa sa l-istess punt l-elettriku li hu bbażat fuq l-art;

57. Jitlob li ssir reviżjoni tad-Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2000 dwar il-faċilitajiet tal-portijiet fejn jintlaqa' skart iġġenerat mill-vapuri u residwi tat-tagħbijiet[5], sabiex il-vapuri kollha li jidħlu fil-portijiet ta' Stat Membru jkunu jiskarikaw 100% ta' l-iskart solidu u likwidu tagħhom;

58. Jidhirlu li fil-futur huwa aktar probabbli li se jkun hemm problemi li joħolqu dewmien fit-trasport tal-merkanzija fil-konnessjonijiet bejn il-portijiet u n-netwerks Ewropej tat-trasport bl-art, milli se jkun hemm problemi fil-kapaċità tal-portijiet biex jintlaqa’ l-iskart tal-vapuri; jikkunsidra li, jekk għandu jsir l-aħjar użu tal-possibilitajiet tat-trasport marittimu, il-portijiet Ewropej għandhom ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-aħjar konnessjonijiet possibbli għall-postijiet l-aktar imbiegħda fuq l-art, u għalhekk jitlob li jiġu żviluppati fejn ikun meħtieġ, filwaqt li tingħata prijorità lill-modi ta’ trasport li l-aktar jirrispettaw l-ambjent, bħal m’huma l-ferrovija u l-ilmijiet navigabbli interni;

59.  Jemmen li, minħabba l-importanza enormi tat-trasport bil-baħar, kemm fi ħdan is-suq intern u kemm bejn l-Unjoni u l-imsieħba kummerċjali tagħha, strateġija marittima ġdida ta’ l-UE għandha tinkludi strateġija għall-portijiet li tkun tippermetti lill-portijiet li jiżviluppaw f’rispons għall-iżviluppi u d-domanda tas-suq filwaqt li tkun tirrispetta l-leġiżlazzjoni relevanti bil-għan li tiġi stabbilita klima favorevoli għall-investiment sabiex tiġi ffaċilitata kapaċità tal-portijiet biżżejjed biex ikunu akkomodati l-flussi tat-traffiku tal-merkanzija marittimu li qed jiżdied; jinsisti li strateġija bħal din għandha tiġi żviluppata f’koordinament mad-dibattitu li għaddej bħalissa dwar Politika Ewropea tal-Portijiet, sabiex ikun evitat ix-xogħol doppju;

60. Jinnota li l-Ewropa hija reġjun popolari għat-turiżmu tal-jottijiet, tal-kruċieri u tal-bugħaddasa; jinkoraġġixxi lir-reġjuni marittimi sabiex jinvestu fl-infrastruttura tal-marini tagħhom u f'infrastrutturi relatati oħra sabiex jibbenefikaw minn dan is-suq li qed jespandi filwaqt li jiżguraw il-ħarsien ta' l-ambjenti naturali, l-ispeċijiet u lekosistemi tal-baħar b'mod ġenerali; jistieden lill-Kummissjoni tgħin biex jiġu stabbiliti standards armonizzati għall-faċilitajiet u t-tagħmir tekniku biex ikun żgurat livell għoli ta' kwalita' ta' servizz fl-Unjoni kollha;

61. Jissottolinja l-importanza tal-kontribuzzjoni li jistgħu jagħtu l-kooperazzjoni territorjali u n-netwerking tar-reġjuni tal-kosta lejn politika marittima olistika permezz tal-promozzjoni ta' strateġiji konġunti għall-kompetittività taz-zoni kostali;

62.   Jiffavorixxi l-ħolqien ta’ aktar gruppi żgħar marittimi li jieħdu vantaġġ mill-esperjenza pożittiva li nkisbet u mill-prattiki tajba li diġà qed jitwettqu f’dan il-qasam u jemmen li dawn l-eżempji għandhom ikunu segwiti u promossi; jistieden lill-Istati Membri sabiex jieħdu miżuri biex itejbu l-kompetittività ekonomika tar-reġjuni kostali billi jinkoraġġixxu r-riċerka, il-ħolqien ta’ ċentri ta’ eċċellenza marittima u l-iżvilupp u l-innovazzjoni teknoloġika kif ukoll il-koperazzjoni bejn in-negozji (netwerks, gruppi, imsieħba pubbliċi) u l-forniment ta’ servizzi ta’ appoġġ imtejba mmirati biex titnaqqas id-dipendenza ta' dawk ir-reġjuni fuq numru limitat ħafna ta' attivitajiet ekonomiċi (tradizzjonali);

63.   Jikkonferma mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Novembru 2006 dwar id-Direttiva dwar l-Istrateġija Marittima[6] u b'mod partikulari fir-rigward tal-projbizzjonijiet u/jew il-kriterji għar-rimi sistematiku/intenzjonat ta' kwalunkwe materjal solidu, likwidu jew gass fil-kolonna ta' l-ilma, f'qiegħ il-baħar jew fis-saff ta' ħamrija taħt wiċċ il-ħamrija; barra minn hekk iqis li kwalunkwe ħażna ta’ dijossidu tal-karbonju f’qiegħ il-baħar u fis-saff tal-ħamrija taħt wiċċ il-ħamrija għandha tkun suġġetta għal awtorizzazzjoni f’konformità mal-liġi internazzjonali, għal evalwazzjoni ta’ impatt ambjentali minn qabel skond id-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta’ Ġunju dwar l-evalwazzjoni ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati dwar l-ambjent[7] u konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti, kif ukoll għal monitoraġġ u kontrolli regolari;

64.   Għalhekk huwa konvint li riżorsi li jiġġeddu ta' l-ambjent tal-baħar jistgħu u għandhom jintużaw b'mod sostenibbli biex l-isfruttament tagħhom, u l-benefiċċji ekonomiċi li jirriżultaw, ikunu jistgħu jkomplu fuq perjodu ta' żmien fit-tul; għalhekk, jenfasizza l-bżonn li l-politiki varji kkonċernati jkunu adattati għar-rekwiżiti ta' ambjent tal-baħar tajjeb; f'dan ir-rigward, jitlob ukoll li jkun hemm użu akbar ta' l-enerġija mir-riħ fuq l-art u fuq il-baħar biex ikun sfruttat b'mod sostenibbli l-potenzjal tagħha mill-perspettiva tal-politika dwar l-impjiegi u ekonomika;

65.   Iżda jinsisti li l-immaniġġjar taz-zona kostali jrid ikollu, bħala wieħed mill-objettivi prinċipali tiegħu, il-konservazzjoni ta' l-ambjent tal-baħar, iktar milli jiddedika ftit zoni ta' kampjun bħala ġest li jservi ta’ simbolu għall-isforzi ta’ konservazzjoni, b'mod partikulari fid-dawl tar-Rakkomandazzjoni 2002/413/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2002 rigward l-implimentazzjoni ta' l-Immaniġġjar Integrat taz-Zoni Kostali fl-Ewropa[8];

66.   F'dan il-kuntest, jaqbel mal-Kummissjoni li hemm limitu naturali għall-ammont ta' attività tal-bniedem, f'termini ta' densità ta' popolazzjoni u ta' attività industrijali, li zoni kostali jistgħu jappoġġjaw mingħajr deterjorament ambjentali serju u possibilment irreversibbli; għalhekk, jappoġġja l-ħsieb tal-Kummissjoni li hemm bżonn ta’ studju komprensiv biex dawn il-limiti jkunu jistgħu jiġu identifikati b'mod aħjar u biex ikun hemm pjanar u previżjoni xierqa;

67.   Jirrimarka li t-tfassil ta’ mapep tridimensjonali ta’ qiegħ il-baħar ser ikun ta’ valur enormi mhux biss għall-industrija tas-sajd imma wkoll għas-settur ta’ l-enerġija, għall-konservazzjonisti u anke għall-interessi tad-difiża; iqis li l-valur kummerċjali sinifikanti ta’ dawn il-mapep huwa evidenti u b’hekk huma jistgħu jgħinu biex tissolva l-kwistjoni ta' ffinanzjar għal din l-attività; jemmen li dejta mtejba fis-settur marittimu tista’ tinvolvi previżjoni aħjar tat-temp, informazzjoni dwar l-għoli tal-mewġ mistenni u bosta kwistjonijiet li jistgħu jtejbu s-sikurezza u l-iżvilupp;

68.   Jitlob li jkunu żviluppati l-miżuri neċessarji kollha biex ir-riskji ta’ ħsara liz-zoni kostali minn diżastri naturali bħal għargħar, erożjoni, maltempati u tsunamis ikunu evitati u mmaniġġjati; jisħaq ukoll fuq il-bżonn li jkunu adottati miżuri Komunitarji sabiex ikunu ttrattati l-perikli għall-ekosistemi kostali Ewropej, li huma kkawżati minn diversi attivitajiet tal-bniedem;

69.   Iqis li l-bini ta’ lqugħ fil-baħar biex ikun hemm protezzjoni kontra livelli jogħlew tal-baħar jista’ jwassal għal telf ta’ l-ambjent naturali, filwaqt li ż-żieda fil-livell hija nfisha twassal għal ‘tagħsir kostali’ ta’ bassasiet tal-melħ u pjanuri tat-tajn u l-erożjoni ta’ duni tar-ramel, li kollha kemm huma huma ambjenti naturali prezzjużi għall-pjanti u l-annimali; jitlob li jkun hemm strateġija fit-tul għaż-żamma ta’ difiżi kostali, għall-protezzjoni kontra livelli tal-baħar li jogħlew u għat-tnaqqis kemm jista’ jkun tat-telf ta’ ambjenti naturali;

70.   Jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' netwerks ġodda għall-implimentazzjoni ta' proġetti u attivitajiet fil-forma ta' sħubijiet bejn is-settur privat, l-NGOs, l-awtoritajiet lokali u r-reġjuni, bil-għan li jinħolqu dinamiżmu, innovazzjoni u effiċjenza akbar u sabiex jitjieb il-livell ta’ l-għajxien fiz-zoni kostali;

71.   Jenfasizza l-importanza, fi ħdan politika marittima olistika, li tiġi żviluppata u implimentata politika ta' mmaniġġjar integrat taz-zoni kostali (ICZM) li tkopri l-ħafna użi taz-zoni kostali u l-impatt tagħhom fuq il-politiki ta' żvilupp; jitlob, f'dan il-kuntest, għal armonizzazzjoni akbar tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti mal-liġi Komunitarja;

72.   Jisħaq fuq il-ħtieġa li r-reġjuni kostali jsiru aktar attraenti mhux sempliċement bħala postijiet għall-mogħdija taż-żmien imma bħala postijiet fejn wieħed jgħix, jaħdem u jinvesti fihom, billi jittejbu l-aċċessibilità u l-infrastrutturi tat-trasport intern; barra minn hekk jitlob li jiġu adottati miżuri għat-titjib tas-servizzi ta’ interess ġenerali (is-saħħa, l-edukazzjoni, l-ilma u l-enerġija, l-informazzjoni, it-teknoloġiji tal-komunikazzjoni, is-servizzi postali, l-ilma tad-dranaġġ u t-trattament ta' l-iskart), filwaqt li jitqiesu l-bidliet demografiċi staġjonali;

73.   Iħeġġeġ lill-Istati Membri, meta wieħed iqis il-fatt li proporzjon sinifikanti tat-tniġġis totali ta' l-ibħra Ewropej joriġina fuq l-art, biex jimplimentaw malajr il-leġiżlazzjoni Ewropea attwali u futura kollha f'dan il-qasam; barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta pjan ta' azzjoni biex jitnaqqas dan it-tniġġis; huwa tal-fehma li l-appoġġ finanzjarju għal proġetti biex jitnaqqas it-tniġġis f'pajjiżi terzi għandu jkollu rwol ukoll, peress li f'dawn il-pajjiżi l-livell tas-sistemi ta' ffiltrar u purifikazzjoni spiss huwa wisq aktar baxx mill-istandards Ewropej u għalhekk l-investiment finanzjarju jista' jkollu effett akbar;

74.   Jilmenta li l-impatt tas-settur agrikolu għadu ma ġiex meqjus b’mod suffiċjenti mill-Green Paper; jenfasizza l-fatt li s-settur agrikolu huwa wieħed mis-setturi li jipprovdu l-akbar ammont ta’ nutrijenti lill-baħar; jenfasizza li, sabiex tintlaħaq sostenibilità ambjentali, iridu jittieħdu miżuri neċessarji fil-livell ta’ l-UE;

75.   Jinnota li l-biċċa l-kbira tat-tniġġis fl-ambjent tal-baħar joriġina minn sorsi bbażati fuq l-art, inkluż iżda mhux limitat għal skular agrikolu u emissjonijiet industrijali, li għandhom impatt partikolarment ta' ħsara fuq ibħra magħluqin jew kważi magħluqin; jisħaq li l-UE trid tagħti attenzjoni partikolari lil dawn iz-zoni u tieħu miżuri biex tillimita u tevita aktar tniġġis; iqis ukoll li t-teknoloġija GMES (Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà) il-ġdida tista' tintuża b'suċċess għal dak il-għan;

76.   Iqis li s-settur marittimu huwa wieħed mill-ftit oqsma fejn il-prinċipju ta’ ‘min iniġġes iħallas’ mhux osservat; jemmen li l-industriji li jarmu ħmieġ tad-dranaġġ, l-industriji involuti fl-estrazzjoni tar-ramel u ż-żrar, l-intrapriżi involuti fl-enerġija marittima u kull negozju ieħor li, għalkemm ibbażat fuq l-art, jista’ jitqies bħala sors ta’ tniġġis ta’ l-ambjent tal-baħar, għandhom jikkontribwixxu għal fond ta' l-UE indirizzat lejn it-tkabbir mill-ġdid u l-konservazzjoni tal-flora u l-fawna tal-baħar, inklużi l-istokkijiet tal-ħut, u li l-Kummissjoni għandha tagħmel sforz biex tiżgura applikazzjoni iktar uniformi u effettiva tal-prinċipju ta’ ‘min iniġġes iħallas’;

77.   Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni biex ikunu kkontrollati s-sustanzi li jniġġsu (tniġġis ambjentali ta’ l-ibħra) li jirriżultaw mill-iskular agrikolu, mid-dranaġġ jew mill-ħmieġ tad-dranaġġ industrijali u miż-żibel, ħafna drabi plastik, li jistgħu jifgaw lill-mammiferi tal-baħar, lill-fkieren u lill-għasafar tal-baħar; sustanzi li jniġġsu bħal dawn huma periklu dejjem ikbar u għandhom impatt qawwi fuq is-settur tas-sajd u fuq it-turiżmu kif ukoll inaqqsu l-kwalità u s-saħħa tal-prodotti tas-sajd destinati għall-konsum mill-bniedem; rigward il-bastimenti li jbaħħru fl-oċeani, jistieden lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jimplimentaw l-Anness V tal-konvenzjoni MARPOL ta' l-IMO, li jipprojbixxi r-rimi fil-baħar ta' skart tal-plastik u ta' l-irmied li jirriżulta mill-inċinerazzjoni tal-plastik; jistieden lill-Kummissjoni biex temenda d-Direttiva 2000/59/KE dwar il-faċilitajiet ta' ġbir fil-portijiet biex jitjiebu l-adegwatezza u d-disponibilità ta' faċilitajiet bħal dawn fl-UE u biex finalment jitnaqqas ir-rimi ta' skart fil-baħar;

78.   Iħeġġeġ lill-UE, fil-kuntest tal-politika marittima internazzjonali, biex tirrevedi u taġġorna l-Konvenzjoni tan-NU ta’ l-10 ta’ Diċembru 1982 dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Ftehima tat-28 ta’ Lulju 1994 relatata ma’ l-implimentazzjoni ta' kwistjonijiet li huma rregolati mill-Parti XI tal-Konvenzjoni tal-Liġi tal-Baħar (cf. ĠU L179, 23.6.1998, p.129), u b’mod partikulari biex ittejjeb ir-regoli internazzjonali dwar is-sikurezza tat-trasport marittimu, il-prevenzjoni tat-tniġġis tal-baħar, u l-ħarsien u l-preservazzjoni ta’ l-ambjent tal-baħar; barra minn hekk jistieden lill-awtoritajiet ta’ l-UE biex jagħmlu sforz partikulari biex jiżguraw li l-Istati Membri ta’ l-UE jagħmlu użu effettiv mill-proċedura biex jintlaħaq ftehim f’każ ta’ tilwim, li torbot legalment u li hija inkorporata fit-Tribunal Internazzjonali għal-Liġi tal-Baħar f’Hamburg, li kien twaqqaf fl-1996, fuq il-bażi tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar, peress li b’dispjaċir jinnota li s’issa l-Istati Membri kellhom it-tendenza li ma jilħqux ftehim dwar tilwim permezz tat-Tribunal Internazzjonali għal-Liġi tal-Baħar;

79.   Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex twettaq studji speċifiċi ta’ statistika u oħrajn fuq bażi xjentifika dwar l-aspetti ambjentali u soċjoekonomiċi dwar ir-reġjuni marittimi sabiex tissorvelja u tikkontrolla l-effetti ta’ l-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi, sportivi u rikreattivi fuq dawk ir-reġjuni;

80.   Huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta’ persuni mħarrġa sew f’setturi importanti bbażati fuq l-art ta’ l-ekonomija marittima; iqis li hawnhekk ukoll, kampanji dwar l-impjiegi li jsiru b’mod konġunt mill-Istati Membri u mill-intrapriżi kkonċernati jistgħu jgħinu biex tittaffa l-problema;

81.   Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinvolvu lill-parteċipanti kollha kkonċernati fl-istadji kollha tal-proċess tat-titjib tal-politika marittima ta’ l-UE, kemm fl-implimentazzjoni kif ukoll fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni eżistenti u fit-tfassil ta’ inizjattivi ġodda;

        Turiżmu kostali sostenibbli

82.   Jenfasizza l-fatt li, jekk jiġi żviluppat b'mod għaqli, it-turiżmu jkun sors sostenibbli ta' dħul għall-ekonomiji lokali, filwaqt li jiżgura l-ħarsien u t-titjib ta' l-ambjent kif ukoll il-promozzjoni u l-preservazzjoni ta' karatteristiċi kulturali, storiċi u ambjentali, is-snajja u t-turiżmu marittimu sostenibbli; għalhekk iħeġġeġ b'mod partikulari l-investiment fl-infrastruttura tat-turiżmu marbut mat-tbaħħir, l-għadis u l-kruċieri, u l-ħarsien u l-promozzjoni tat-teżori arkeoloġiċi tal-baħar;

83.   Jenfasizza li l-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika għat-turiżmu; jisħaq fuq il-ħtieġa li jkunu rrispettati l-pjanijiet nazzjonali bbażati fuq l-esperjenza u l-aħjar prattiki;

84.   Jisħaq fuq il-fatt li n-nuqqas ta’ dejta xierqa u komparabbli huwa wieħed mill-problemi ewlenin biex tinkiseb dejta affidabbli dwar is-sitwazzjoni ta’ l-impjiegi fit-turiżmu kostali;

85.   Iqis ukoll li ambjent nadif u kwalità tajba ta’ l-arja u l-ilma huma vitali għas-sopravivenza tas-settur u li, għalhekk, il-proġetti Ewropej futuri kollha dwar it-turiżmu għandhom jitqiesu mill-aspett ta’ l-aċċettabilità u s-sostenibilità ekoloġika;

86.   Jinnota li l-Ewropa hija destinazzjoni favorita għal kruċieri; jenfasizza li l-provediment ta’ servizzi għandu jkun organizzat b’tali mod li jiggarantixxi kompetizzjoni miftuħa u li jkun issodisfat il-bżonn ta’ infrastruttura aħjar rigward din l-attività;

87.   Huwa tal-fehma li n-negozju staġjonali tradizzjonali għandu jkun żviluppat f’attività ta’ matul is-sena kollha; jenfasizza li s-settur għandu jagħmel użu mill-opportunità li jinvesti f’attivitajiet tat-turiżmu sostenibbli u ta’ matul is-sena kollha; iqis li l-estensjoni ta’ l-istaġun tista’ toħloq impjiegi u ġġib suċċess ekonomiku; jenfasizza li, f’termini ta’ sostenibilità u ‘edukazzjoni ambjentali’, eżempji ta’ l-aħjar prattiki jista’ jkollhom influwenza sinifikanti fuq il-kunċett tat-turiżmu; jenfasizza li l-għan għas-settur u għall-ambjent kostali huwa li jibbenefikaw mill-estensjoni tal-perjodu tan-negozju staġjonali;

88.   Jemmen li l-Aġenda 21 Ewropea għas-sostenibilità tat-turiżmu Ewropew trid tqis l-ispeċifiċità tat-turiżmu kostali – u t-turiżmu tal-gżejjer – u tippreżenta inizjattivi utli u taqsam prattiki tajbin li huma effiċjenti biex tiġi miġġielda l-istaġjonalità, bħal, pereżempju, l-iżvilupp tat-turiżmu taċ-ċittadini anzjani;

89.   Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi strateġija tat-turiżmu marittimu Ewropea li tadotta approċċ integrat għall-politika;

Ambjent marittimu sostenibbli

90.   Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Novembru 2006 dwar Strateġija Tematika għall-Protezzjoni u l-Konservazzjoni ta' l-Ambjent Marittimu[9] u jtenni, b'mod partikulari, il-ħtieġa għal:

· l-UE biex ikollha bħala l-objettiv ġenerali tagħha l-użu sostenibbli ta' l-ibħra u l-konservazzjoni ta' l-ekosistemi ta' l-ibħra, inkluża politika ta' l-UE b'saħħitha dwar il-protezzjoni ta' l-ibħra, biex ikun evitat aktar telf ta' bijodiversità u deterjorament ta' l-ambjent tal-baħar,

· l-inklużjoni ta' definizzjoni komuni għall-UE kollha ta' status ambjentali tajjeb,

· l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent biex tipprovdi evalwazzjonijiet regolari ta' l-ambjent tal-baħar, li jirrikjedu li jkun hemm titjib fil-ġbir, fir-rapporti u fl-iskambju ta’ dejta nazzjonali,

· rikonoxximent ta' l-importanza ta' konsultazzjoni, koordinazzjoni u koperazzjoni minn qabel ma' pajjiżi ġirien fl-adozzjoni u fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Istrateġija Marittima li jmiss, kif enfasizzat fil-pożizzjoni tiegħu ta' l-14 Novembru 2006[10];

91.   Jirrikonoxxi li ambjent tal-baħar tajjeb jikkostitwixxi l-bażi għal żvilupp sostenibbli tas-settur tat-tbaħħir fl-UE u jfakkar fl-impenn ta' l-UE biex tinkorpora d-dimensjoni ambjentali fl-aspetti kollha tal-politika Komunitarja;

92.   Jinsisti li ambjent nadif tal-baħar, b'bijodiversità suffiċjenti biex tiżgura l-iffunzjonar xieraq ta' l-ekosistemi komponenti tiegħu, huwa essenzjali għall-Ewropa; jinsisti wkoll li l-valur intrinsiku ta' zoni marittimi jfisser li l-benefiċċji ta' status ambjentali xieraq tal-baħar fl-UE jestendi lilhinn sew mill-kisbiet ekonomiċi potenzjali li jirriżultaw mill-isfruttament tal-komponenti varji ta' l-ibħra, ta' l-ilmijiet kostali u tal-baċiri ta' xmajjar u li, għalhekk, il-konservazzjoni u, f'ħafna każijiet, ir-rijabilitazzjoni ta' l-ambjent tal-baħar ta' l-UE hija importanti ħafna;

93.   Ifakkar fil-prinċipju li jsostni l-approċċ imsejjes fuq l-ekosistema għall-immaniġġjar ta' l-attivitajiet tal-bniedem, li huwa wieħed mill-elementi ewlenin ta' l-Istrateġija Tematika dwar l-Ambjent tal-Baħar; jinsisti li dan il-prinċipju jkun applikat ukoll fir-rigward tal-politika marittima;

94.   Jenfasizza bl-iktar mod qawwi li l-kriterji użati sabiex jiddefinixxu status ambjentali tajjeb għandu jkollhom applikazzjoni wiesgħa biżżejjed peress li dawn l-objettivi relatati mal-kwalità probabilment se jikkostitwixxu l-kriterji ta' referenza għal programmi ta' azzjoni għal żmien twil fil-ġejjieni;

95.   Iqis ukoll li jridu jittieħdu miżuri kemm jista' jkun malajr għat-titjib tal-kwalità ta' l-ilma u, għaldaqstant, huwa mħasseb dwar l-iskeda estiża li ġiet proposta fil-proposta għal direttiva dwar strateġija tal-baħar;

96.   Jinsisti li l-implimentazzjoni ta' netwerk ta' zoni protetti tal-baħar tiġi mħaffa;

97.   Huwa konvint li ambjent nadif tal-baħar huwa kruċjali għall-ispeċijiet tal-baħar, inklużi kemm il-ħut kummerċjali u kemm ħut ieħor li mhux sfruttat kummerċjalment, u li r-riforniment ta’ stokkijiet tal-ħut li naqsu jiddependi fuq tnaqqis fit-tniġġis tal-baħar kif ukoll fuq il-livelli tas-sajd; iqis li, sabiex ikun żgurat li l-għalf tal-ħut użat fl-UE ma jkunx kontaminat, huwa essenzjali li jitnaqqsu s-sustanzi li jniġġsu li ġejjin mill-baħar;

98.   Jiġbed l-attenzjoni għall-impatt kultant diżastruż ta' organiżmi eżotiċi fl-ekosistema tal-baħar u jirrikonoxxi li l-ispeċijiet aljeni invażivi huma theddida sinifikanti għall-bijodiversità tal-baħar; jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu miżuri urġenti għall-prevenzjoni tat-trasferiment ta' organiżmi fl-ilma tas-saborra u biex tintroduċi kontrolli effettivi rigward it-tbattil ta' ilma tas-saborra fl-ilmijiet ta' l-UE;

99.   Iqis li l-kunċett ta' "raggruppamenti" jista' jkollu impatt pożittiv fuq l-ambjent tal-baħar jekk il-konservazzjoni ta' l-ambjent naturali, il-kontroll tat-tniġġis, u teknoloġiji ambjentali oħrajn ikunu inkorporati fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta' gruppi mill-istadji ta' ppjanar 'il quddiem;

100. Jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rikonoxximent mill-Kummissjoni li “sistema komprensiva ta' ppjanar ta' spazju” hija meħtieġa biex tiżgura ambjent regolatorju stabbli u bażi legali li torbot għat-teħid ta’ deċiżjonijiet; iqis li kriterju essenzjali għal ippjanar effettiv ta' spazju bbażat fuq l-ekosistema jrid ikun l-organizzazzjoni ta' attivitajiet b'tali mod li jitnaqqas l-impatt ta' attivitajiet li jagħmlu ħsara lill-ambjent fuq zoni sensittivi f'sens ekoloġiku filwaqt li fl-istess ħin isir użu ta' riżorsi fiz-zoni l-oħra kollha b'mod sostenibbli ekoloġikament; f’dan il-kuntest jinsisti dwar l-użu ta’ l-istrument ta’ l-Evalwazzjoni Ambjentali Strateġika skond id-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-evalwazzjoni ta’ l-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi dwar l-ambjent[11];

101. Jinnota li l-kisba ta' status ambjentali tajjeb tirrikjedi wkoll li l-attivitajiet tal-bniedem li jitwettqu barra minn zoni sensittivi ekoloġikament jiġu regolati b'mod strett sabiex titnaqqas kemm jista' jkun kwalunkwe possibilità ta' impatt negattiv fuq l-ambjent tal-baħar;

        Politika integrata tas-sajd

102. Huwa tal-fehma li l-attività tas-sajd trid tikkontribwixxi għaż-żamma ta’ komunitajiet kostali vijabbli; jenfasizza li biex din tintlaħaq, interessi ta’ sajd qrib il-kosta u fuq skala żgħira u sajjieda bil-qasba bħala passatemp iridu jingħataw aċċess għall-industrija tas-sajd, u li tali attivitajiet tas-sajd jinkoraġġixxu t-turiżmu, jipproteġu l-wirt kostali prezzjuż tagħna u jgħinu biex iżommu l-komunitajiet tagħna ta’ mal-baħar flimkien;

103. Jesprimi t-tħassib tiegħu li, filwaqt li s-settur hu lest li jaċċetta l-iżvilupp ta’ approċċ għall-immaniġġjar ta’ l-industrija tas-sajd ibbażat fuq l-ekosistemi, bħala riżultat tar-restrizzjonijiet addizzjonali li jistgħu jirriżultaw min-netwerk Natura 2000 u minn zoni protetti tal-baħar (MPAs) oħra possibbli, l-aċċess mhux ristrett u l-attivitajiet tas-sajd f’dawn iz-zoni jistgħu jiġu kompromessi; hu tal-fehma li l-iżvilupp ta’ attivitajiet ta’ l-industrija tas-sajd li ma jagħmlux ħsara lill-objettivi ta’ protezzjoni għandhom jitħallew fl-MPAs; hu tal-fehma wkoll li, fil-każ ta' attivitajiet ta’ l-industrija tas-sajd li jagħmlu ħsara, jew potenzjalment jagħmlu ħsara, lill-objettivi ta' ħarsien ta' l-MPAs, għandhom isiru sforzi akbar, inkluż permezz ta' riċerka u żvilupp, sabiex il-metodi ta' sajd isiru aktar favur l-ambjent sabiex jiġi faċilitat aċċess akbar għal zoni bħal dawn kull fejn dan ikun ġustifikabbli;

104. Jinnota, iżda, li s-sajd se jkollu jiġi ristrett fil-futur permezz ta’ approċċ ta’ prekawzjoni biex jiżgura li jinżammu ekosistemi b'saħħithom u jiġu protetti speċijiet u ambjenti naturali rari, vulnerabbli jew ta' valur u li dan żgur se jinkludi livell ogħla ta’ protezzjoni ambjentali minn qabel, bl-involviment ta’ netwerk ta’ MPAs maħluq skond id-dispożizzjonijiet stipulati fi ħdan il-qafas tal-Politika Komuni tas-Sajd (CFP) u sistema ta’ mmaniġġjar integrat taz-zoni kostali, sabiex jiġi żgurat li d-degradazzjoni bla bżonn ta' l-ambjenti naturali u t-tnaqqis drastiku tal-bijodiversità jitwaqqfu;

105. Jistieden lill-Kummissjoni biex tqis kif xieraq l-esperjenzi ta' suċċess fl-immaniġġjar ta’ l-industrija tas-sajd minn awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu applikati bħala mudelli f'reġjuni oħra, b'mod partikulari dawk l-esperjenzi li jinvolvu mmaniġġjar integrat u sostenibbli tal-baħar permezz ta’ projbizzjoni fuq tagħmir tas-sajd mhux selettiv, qbil bejn id-daqs tal-flotot tas-sajd u r-riżorsi disponibbli, ippjanar kostali, regolazzjoni ta' l-attivitajiet tat-turiżmu, bħall-osservazzjoni taċ-ċetaċji, tfassil ta' pjanijiet ta' mmaniġġjar għal siti fin-netwerk Natura 2000 u ħolqien ta' zoni protetti;

106. jenfasizza li l-irwol ta' konsultazzjoni siewi tal-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali (RACs) għandu jiġi rikonoxxut ukoll u l-RACs għandhom jiġu kkonsultati dwar l-immaniġġjar tal-baħar;

107. Japprova l-impenn li ħadet l-UE fis-Samit Dinji fl-2002 u mtenni fil-komunikazzjoni reċenti tal-Kummissjoni (L-implimentazzjoni tas-sostenibilità fl-industrija tas-sajd ta' l-UE permezz ta' l-ogħla rendiment sostenibbli possibbli) biex il-popolazzjonijiet tal-ħut jerġgħu jiġu għal-livelli li jkunu kapaċi jipproduċu l-ogħla rendiment sostenibbli possibbli (MSY) sa l-2015, fejn ikun possibbli; hu tal-fehma li dan l-aħjar li jsir hu billi jiġi evitat l-użu ta' punti ta' referenza arbitrarji bbażati fuq mudell matematiku sempliċi; iqis li interpretazzjoni alternattiva ta' l-MSY, fejn jintuża kunċett bħall-aħjar użu possibbli mill-qabdiet kumulattivi fuq perjodu ta' żmien fiss (possibilment ta' għaxar snin), tista' tipprovdi mod realistiku u possibbli biex jitjieb l-istatus ta' l-industrija tas-sajd fl-UE;

108. Iqis li mod importanti biex jitnaqqas ir-rimi huwa billi titjieb is-selettività tas-sajd, permezz ta' modifiki fit-tagħmir u fit-tekniki tas-sajd; jirrikonoxxi li l-koperazzjoni u l-għerf tas-sajjieda f'din il-kwistjoni huma essenzjali u li s-sajjieda li huma innovattivi f'dan is-sens għandhom jiġu ppremjati;

109. Jitlob li jkun hemm aktar sforzi sabiex tieqaf il-problema ta’ għajb tal-qbid sekondarju u tar-rimi li hija konsegwenza ewlenija tal-Qbid Totali Permess (TACs) u tas-sistema ta’ kwoti tas-CFP; hu tal-fehma li s-serq permezz ta’ qbid sekondarju ta’ mammiferi tal-baħar, ta’ għasafar tal-baħar u ta’ fkieren huwa stmellija li trid titwaqqaf u li, barra minn hekk, il-ħsara kkawżata minn tagħmir tas-sajd fuq qigħan tal-baħar sensittivi tirrikjedi li dawn jingħataw protezzjoni speċjali; jirrimarka li x-xbieki mitlufa jwasslu għal 'ghost-fishing' li jista' jikkawża tnaqqis konsiderevoli fl-istokkijiet tal-ħut;

110. Jemmen ħafna li hemm bżonn urġenti li jkun promoss u applikat programm ta’ tfassil ta’ mapep/ippjanar ta’ spazju għall-ilmijiet tal-Komunità sabiex tiġi ssodisfati l-ħtieġa li jinżamm settur ta’ l-industrija tas-sajd sostenibbli u ġeografikament rappreżentattiv; jemmen li t-tfassil ta’ mapep taz-zoni huwa eżerċizzju adattat fir-rigward ta’ l-impjanti fuq il-baħar għall-enerġija mir-riħ jew għall-produzzjoni ta’ l-enerġija, is-sekwestru tal-karbonju u l-estrazzjoni ta’ ramel u żrar jew fir-rigward ta’ l-akkwakultura u li t-tfassil ta’ mapep tal-pożizzjoni taz-zoni protetti tal-baħar, inklużi s-siti ta’ Natura 2000 ta’ ambjenti naturali u speċijiet sensittivi oħra, iwasslu għal użu aktar effiċjenti u sostenibbli ta’ l-ambjent marittimu tagħna; jenfasizza li biex ikun possibbli ppjanar ta’ spazju effettiv, iz-zoni ta’ attività tas-sajd iridu jitfasslu fuq il-mapep, u dan għandu jkun faċilitat billi l-aċċess għas-sistemi ta’ monitoraġġ tal-bastimenti u għad-dejta fil-ġurnal ta’ abbord jitjieb u jiġi standardizzat; iqis li d-deċiżjonijiet ta' ppjanar rigward l-ilmijiet tal-Komunità għandhom jittieħdu f’konsultazzjoni sħiħa mas-settur tas-sajd u mal-komunitajiet affettwati direttament;

111. Jenfasizza s-sinifikat soċjoekonomiku li qed jiżdied fit-trobbija tal-ħut hekk kif l-istokkijiet tal-ħut tal-baħar madwar id-dinja qed jonqsu; jemmen li l-bejgħ annwali tal-prodotti ta’ l-akkwakultura dalwaqt jaqbeż il-bejgħ tal-qabda fil-miftuħ; jenfasizza li l-UE kienet minn ta’ quddiem f’dan l-iżvilupp eċċitanti u għandha tinsisti biex iżżomm il-pożizzjoni ta’ quddiem tagħha u tinkoraġġixxi aktar żvilupp b’mod li jkun kompatibbli ma’ użi kostali u marittimi oħra; jenfasizza l-importanza tat-trobbija tal-ħut għal komunitajiet rurali bosta drabi remoti fejn ftit opportunitajiet oħra ta’ xogħol jeżistu; jenfasizza li, fil-kuntest ta' approċċ ta' mmaniġġjar integrat taz-zoni kostali, zoni definiti b'mod ċar fejn il-farms għat-trobbija tal-ħut jistgħu jinġabru f’daqqa għandhom jiġu promossi u li dan għandu jkun marbut ma' sistema regolatorja simplifikata li tinkoraġġixxi l-intraprenditorija u s-sostenibilità; jemmen li għandhom jiġu żviluppati tekniki ġodda fis-settur ta' l-akkwakultura biex jippermettu mmaniġġjar aħjar tal-kwalità, l-assigurazzjoni tat-traċċabilità matul il-katina ta’ produzzjoni u dik ta’ valur miżjud u r-rikonoxximent ġenerali tat-trobbija tal-ħut bħala fattur ewlieni fis-settur marittimu;

112. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ċerti prattiki ta' l-akkwakultura qed jikkontribwixxu għat-tnaqqis ta' xi stokkijiet; jirrimarka li l-qbid ta' ċerti speċijiet fil-baħar, li jkunu għadhom żgħar, għat-tismin ma jħallihomx jirriproduċu u b'hekk ma jkunx qed jiġi żgurat il-bilanċ bijoloġiku bejn l-ispeċijiet; hu tal-fehma li l-prezzijiet għoljin li wħud minn dawn l-ispeċijiet jilħqu f'xi swieq globali huma l-kawża prinċipali għal din l-indifferenza sħiħa għall-bżonn li jiġu ppreservati ċerti ekosistemi tal-baħar;

113. Jirrimarka li operazzjonijiet militari wkoll iħallu impatt fuq is-settur tas-sajd; zoni ta’ sparar fuq il-baħar huma zoni fejn ħadd ma jista' jmur jistad jew iwettaq forom oħra ta’ tbaħħir fihom, iżda dawn jistgħu joffru oasi għall-bijodiversità; madankollu, l-użu ta’ sonar bi frekwenza estremament baxxa, partikolarment minn sottomarini, għandu effett serju fuq il-mammiferi tal-baħar u stokkijiet tal-ħut oħra u għandu jkun regolat b’mod strett u limitat għal zoni partikolari;

114. Jenfasizza l-bżonn ta’ monitoraġġ tas-sajd fl-ilmijiet internazzjonali, minħabba li dan ukoll jaffettwa r-riżorsi ta’ l-industrija tas-sajd fl-EEZs fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

     Riċerka marittima, enerġija, teknoloġija u innovazzjoni

115. Iqis li l-biċċa l-kbira mill-isfidi ambjentali u ta’ sostenibilità jeħtieġu rispons li jagħmel użu xieraq ta’ l-għerf xjentifiku u teknoloġiku li, għal dak il-għan, irid ikun appoġġjat b’mod xieraq permezz ta’ finanzjament suffiċjenti mill-KE u mill-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta strateġija għal Riċerka Marittima Ewropea u għal koordinazzjoni u netwerks aħjar ta’ istituti Ewropej tar-riċerka marittima; għal dan il-għan iħeġġeġ biex jinħoloq ‘konsorzju Ewropew għax-xjenza marittima’, bil-parteċipazzjoni ta’ l-istituti Ewropej kollha tar-riċerka marittima u l-appoġġ mill-UE; jitlob li l-għerf miksub jiddaħħal u jinżamm f’ċentru Ewropew ta’ dejta marittima li l-istituti kollha tar-riċerka marittima jkollhom aċċess għalih; jiffavorixxi f’dan il-kuntest il-promozzjoni ta’ konferenza marittima Ewropea fuq bażi regolari biex tipprovdi forum għar-riċerkaturi u l-industrija;

116. Jirrikonoxxi li l-governanza tajba tar-riżorsi ta' l-ambjent tal-baħar tirrikjedi bażi soda ta' informazzjoni; jenfasizza għalhekk l-importanza ta' għerf xjentifiku sod ta' l-ambjent tal-baħar sabiex iservi ta’ għajnuna fit-teħid ta' deċiżjonijiet effiċjenti f'sens ta' nfiq u biex jiġu evitati miżuri li ma jżidux valur; jinsisti, għalhekk, li r-riċerka marittima tingħata trattament speċjali f'termini ta' allokazzjoni ta' riżorsi biex ikun jista' jsir titjib ambjentali sostenibbli u effettiv;

117. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ifasslu u jimplimentaw programm ta’ sondaġġ għall-qiegħ il-baħar Ewropew u l-ilmijiet kostali Ewropej, bil-ħsieb li jkun żviluppat atlas tal-baħar Ewropew fuq din il-bażi;

118. Japprova l-opinjoni fil-Green Paper li jeżistu problemi sinifikanti u serji bid-dejta disponibbli dwar il-kundizzjoni ta' l-ambjent tal-baħar u dwar l-attivitajiet li jew qed jitwettqu jew għandhom impatt fih; jappoġġja, għalhekk, is-sejħa għal programmi mtejba ħafna għal ġbir ta' dejta, tfassil ta' mapep u servejs, lokalizzazzjoni ta' bastimenti, etc. f'dawk iz-zoni li jinvolvu l-Istati Membri, il-Konvenzjonijiet tal-Baħar, il-Kummissjoni u entitajiet Komunitarji oħra, bħall-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u l-EMSA; jenfasizza l-importanza ta' l-iskambju ta' l-aħjar prattiki f'livell nazzjonali, reġjonali u Ewropew;

119. Jitlob li r-riċerka marittima tiġi mdaħħla fis-Seba' Programm ta' Qafas ta' Riċerka ta' l-UE bħala tema ċentrali u bħala suġġett prinċipali għal programmi ta' qafas ta' riċerka fil-ġejjieni; iħeġġeġ biex l-kontribuzzjoni potenzjali ta' l-oċeani biex tinstab soluzzjoni għall-problemi ta' l-enerġija fl-Ewropa tkun inkluża bħala għan ewlieni fir-riċerka, li trid tiġi inkoraġġuta;

120. Jenfasizza l-potenzjal enormi ta’ żvilupp ta’ l-enerġija mir-riħ fuq il-baħar u l-kontribuzzjoni ewlenija li tista’ tagħmel għall-indipendenza ta’ l-Ewropa mill-importazzjonijiet ta’ l-enerġija u għall-ħarsien tal-klima, filwaqt li jirrimarka li sforzi enormi għadhom meħtieġa bis-sħiħ biex ikun żviluppat dan il-potenzjal; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal pjan ta’ azzjoni għall-enerġija mir-riħ fuq il-baħar li jinkorpora approċċ Ewropew effiċjenti għat-teknoloġija ta’ fuq il-baħar, li jippromwovi netwerks iktar estensivi u li jindika l-prospetti tal-kisba ta’ kapaċità ta’ ġenerazzjoni ta’ l-enerġija ta’ mill-inqas 50 GW sa l-2020: għalhekk jistenna fuq kollox l-adozzjoni ta’ approċċ 'one-stop shop' u l-promozzjoni ta’ infrastruttura ta’ netwerk intelliġenti fuq il-baħar; jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal pjan strateġiku Ewropew dwar it-teknoloġija ta’ l-enerġija u jħeġġeġ li jkunu hemm sforzi bil-għan li tkun żviluppata l-enerġija mir-riħ fuq il-baħar fuq skala kbira;

121. Jirrikonoxxi l-importanza taz-zona kostali għall-iżvilupp ta' enerġija li tiġġedded li tifforma parti kruċjali u integrali mill-isforzi ta' l-UE biex tiġi miġġielda l-bidla fil-klima globali; jirrimarka li t-tqassim xieraq f'zoni għall-għanijiet ta' ppjanar ta' spazju marittimu biex jippermetti l-iżvilupp ta' siti għall-isfruttament ta' l-enerġija mir-riħ, mill-marea u minn forom oħra ta' enerġija għalhekk se jkun meħtieġ sabiex jitnaqqas kemm jista' jkun il-konflitt ma' utenti oħrajn ta' l-ambjent tal-baħar u tkun evitata d-degradazzjoni ta' l-ambjent, filwaqt li jitqiesu l-evalwazzjonijiet ta' l-impatt ambjentali (EIA); jilqa' b'sodisfazzjon l-opportunitajiet sinifikanti offruti mill-industrija li qed tikber ta' l-enerġija li tiġġedded għall-ħolqien tax-xogħol u tal-kompetenza teknika fl-UE;

122. Jenfasizza, filwaqt li prattika ħażina trid tispiċċa, l-importanza ta’ żviluppi mhux relatati ma’ l-industrija tas-sajd li jistgħu jkunu kompatibbli mas-settur tas-sajd billi, pereżempju, jitħeġġeġ it-tfassil ta’ pjattaformi għall-produzzjoni ta' l-enerġija jew pjattaformi ta’ turbini tar-riħ li jgħinu biex tkun inkoraġġuta u sostnuta ekosistema li tkun qed tikber, biex b’hekk jgħinu biex jinħolqu postijiet għat-trobbija u għar-riproduzzjoni ta’ speċijiet tal-baħar f’zona fejn ma jistax isir sajd;

123. Jappoġġja l-bidla għall-ġenerazzjoni ta’ l-enerġija mingħajr karbonju, iżda għandu jiġi żgurat li t-tfassil u l-post ta' ġeneraturi ta’ l-enerġija li tiġġedded jipprovdu salvagwardji adegwati għall-fawna u l-flora marittimi; għalhekk, jitlob li jkun hemm ippjanar bir-reqqa ta’ installazzjonijiet marittimi għall-produzzjoni ta’ enerġija li tiġġedded; jinnota li hemm ħafna perikli potenzjali assoċjati mal-produzzjoni ta’ l-enerġija li jridu jiġu evitati; jenfasizza li strutturi maħsuba biex jużaw l-enerġija mir-riħ jew mill-mewġ jistgħu jaffettwaw iċ-ċikli naturali tas-saff il-baxx tal-baħar; jenfasizza li estwarji jistgħu jitilfu zoni affettwati mill-frugħ tal-baħar li huma sors ta' ikel għall-għasafar minħabba l-introduzzjoni ta’ digi li jaħdmu bil-frugħ tal-baħar (barrages) li jnaqqsu z-zoni affettwati mill-frugh tal-baħar; jenfasizza, bl-istess mod, li bidliet fis-saħħa tal-frugħ tal-baħar jistgħu jaffettwaw sikek ta’ ‘horse mussel’ u ‘flame-shell’, roqoq ta’ ‘maerl’, anemoni u qroll artab;

124. Iqis li hemm fejn isir titjib konsiderevoli fir-rigward tat-teknoloġija tad-desalinizzazzjoni biex jiġi evitat it-tniġġis ta' ilmijiet kostali, speċjalment jekk dawn iz-zoni huma parti min-netwerk Natura 2000; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jevalwaw l-impatt ambjentali ta’ l-impjanti ta' desalinizzazzjoni, b'mod partikulari f'dawk iz-zoni fejn l-ilma jista' jinkiseb permezz ta' mezzi iktar sostenibbli;

125. Iqis li, minħabba l-iżvilupp partikolarment mgħaġġel ta’ l-impjanti ta’ desalinizzazzjoni li jarmu tunnellati ta’ ilma mielaħ u prodotti oħra fil-baħar, il-Kummissjoni għandha tinvestiga l-effett ta’ tali impjanti fuq il-plankton u fuq qiegħ il-baħar u fuq il-bidliet u l-mutazzjonijiet iġġenerati fl-ekosistema;

126. Jemmen li s-sistema ta’ navigazzjoni bis-satellita Galileo u s-sistema GMES joffru potenzjal qawwi għas-settur marittimu; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tippromwovi l-użu ta' dawn is-sistemi fil-qafas ta' l-istrateġija marittima;

127. Jenfasizza l-importanza ta' l-ICT fil-loġistika tal-port; hu konvint li l-proposti leġiżlattivi l-ġodda, bħal dik dwar l-Identifikazzjoni tal-Frekwenza tar-Radju (RFID), għandhom l-iskop li jħeġġu l-użu ta' dawn it-teknoloġiji; jistieden lill-Kummissjoni biex toħloq standards ta' l-ICT madwar l-UE kollha għall-portijiet kollha fl-Unjoni u biex ikollha rwol ewlieni fin-negozjati għall-ħolqien ta' standards internazzjonali tat-teknoloġija;

128. Jirrimarka li, billi r-reġjuni l-iktar periferiċi jinsabu fl-inħawi ta' l-Oċean Atlantiku u ta' l-Oċean Indjan u huma f'pożizzjoni ideali sabiex ikunu osservati fenomeni bħal dawk relatati ma' ċikli tat-temp u mal-vulkanoloġija u, barra minn hekk, li l-oċeanografija, il-bijodiversità, il-kwalità ambjentali, l-immaniġġjar tar-riżorsi naturali, l-enerġija u l-ilma, il-ġenetika, is-saħħa pubblika, ix-xjenzi tas-aħħa, sistemi u servizzi ġodda ta' telekomunikazzjoni f'dawn it-territorji huma oqsma għar-riċerka Ewropea per eċċellenza, dawn ir-reġjuni għandhom jitqiesu meta jkunu qed jiġu ppjanati programmi ta' riċerka u żvilupp fil-ġejjieni;

129. Iqis it-teknoloġija blu bħala waħda mill-iktar teknoloġiji promettenti ta' l-għexieren ta′ snin li ġejjin, b′ħafna użi possibbli fil-farmaċewtika, fil-kożmetiċi, fl-industrija ta' l-ikel u fir-rimedju tal-ħsarat ambjentali; jemmen li l-isforzi fir-riċerka f'dan il-qasam għandhom jissaħħu u l-Istati Membri jistgħu jieħdu vantaġġ mill-ħolqien ta′ Fondi ta′ Investiment Blu, kif propost fil-Green Paper u li tista' tintlaħaq sinerġija aħjar b′koordinazzjoni aħjar ta′ l-isforzi ta' l-Istati Membri fir-riċerka f'dan il-qasam; jenfasizza li kwalunkwe żvilupp fit-teknoloġija blu għandu jiġi rregolat bil-qawwa u evalwat sew sabiex jiġi evitat l-isfruttament żejjed u dannu ulterjuri lil ekosistemi tal-baħar diġà fraġli u mhedda;

130. Jirrimarka li s-sedimenti ta' qiegħ l-oċeani jinkludu kwantitajiet kbar ta' idrati ta' gass li jistgħu jissupplimentaw jew jissostitwixxu l-idrokarboni tradizzjonali; jenfasizza li aċċess żgurat għal dawn ir-riżorsi u l-evalwazzjoni tagħhom u l-iżvilupp ta' mezzi kif wieħed jisfruttahom jikkostitwixxu sfida kbira li l-Ewropa għandha teżamina mill-qrib; jemmen li l-estensjoni tal-pjattaforma kontinentali ta' l-Istati Membri ta' l-UE lilhinn minn 200 mil nawtiku, skond l-Artikolu 76 tal-konvenzjoni ta' Montego Bay, hija opportunità biex jiġi ppreservat l-aċċess għal riżorsi supplimentari potenzjali;

     Politika marittima komuni

131. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-ħolqien ta' spazju marittimu komuni Ewropew jista′ jżid b'mod konsiderevoli l-effiċjenza ta′ l-immaniġġjar ta' l-ilmijiet territorjali u jemmen li spazju marittimu bħal dan se jikkontribwixxi għall-integrazzjoni tas-suq intern għat-trasporti u s-servizzi marittimi intra-UE, speċjalment fir-rigward tas-simplifikazzjoni ta' proċeduri amministrattivi u tad-dwana u f'konformità mal-Konvenzjonijiet ta′ l-UNCLOS u l-IMO inklużi l-''libertà ta' navigazzjoni'' u d-''dritt għall-passaġġ mhux offensiv'' fi ħdan iz-Zona Ekonomika Esklussiva (EEZ) f'ilmijiet internazzjonali (Baħar Miftuħ); jinnota li l-liġi Komunitarja diġà ħadet passi konsiderevoli f'din id-direzzjoni iżda li f'xi każijiet l-implimentazzjoni fl-Istati Membri għadha lura; jistieden lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw il-liġijiet Ewropej minnufih;

132. Jenfasizza l-vantaġġi u l-potenzjal ta' trasport bil-baħar fuq distanzi qosra bħala mod ta' trasport sostenibbli u effiċjenti li faċilment jevita l-konġestjoni fuq l-art u għandu kapaċità biżżejjed għat-tkabbir; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja u tippromwovi t-trasport bil-baħar fuq distanzi qosra billi timplimenta bis-sħiħ l-atti dwar it-trasport bil-baħar fuq distanzi qosra; iqis li l-fatt li t-trasport bil-baħar fuq distanzi qosra għadu jitqies fil-liġi bħala trasport internazzjonali jikkostitwixxi ostaklu għat-tkabbir tiegħu; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni sabiex tressaq proposta biex tintegra t-trasport bil-baħar fuq distanzi qosra fis-suq intern Ewropew; jenfasizza li din m’għandhiex tkun ta’ tfixkil għall-Konvenzjonijiet ta′ l-UNCLOS u l-IMO inklużi l-''libertà ta' navigazzjoni'' u d-''dritt għall-passaġġ mhux offensiv'' fi ħdan l-EEZ f'ilmijiet internazzjonali (Baħar Miftuħ);

133. Juri dispjaċir dwar il-progress li sar s'issa fir-rigward ta′ l-implimentazzjoni tal-proġett TEN Nru 21, ‘toroq tal-baħar’, u jistieden lill-Kummissjoni sabiex taħtar koordinatur li jħaffef l-implimentazzjoni tat-toroq tal-baħar;

134. Iqis li l-politika marittima l-ġdida adottata mill-UE għandha tiffoka wkoll fuq il-ħarsien u l-promozzjoni ta' riżorsi arkeoloġiċi marittimi;

135. Iqis li l-implimentazzjoni b'mod sħiħ u fil-ħin tal-leġiżlazzjoni ambjentali kollha ta' l-UE (fost l-oħrajn id-direttiva ta' qafas dwar l-ilma[12], id-direttivi dwar l-ambjent naturali u l-għasafar, id-direttiva dwar in-nitrati[13], id-direttiva dwar il-kubrit fil-karburanti likwidi[14], id-direttiva dwar is-sanzjonijiet għat-tniġġis ikkawżat minn vapuri[15]) hija importanti ħafna għall-konservazzjoni tal-kwalità ta' l-ambjent tal-baħar, u li l-Kummissjoni għandha tagħmel il-pressjoni neċessarja biex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jimplimentawha, anke, jekk ikun meħtieġ, b'azzjoni legali;

136. Huwa konvint li l-prinċipju ta’ prekawzjoni, kif stipulat fl-Artikolu 174(2) tat-Trattat KE, irid jifforma l-bażi tat-tipi kollha ta' sfruttament taz-zoni marittimi ta′ l-UE; jenfasizza li n-nuqqas ta' ċertezza xjentifika m'għandhiex għalhekk tintuża bħala skuża għal posponiment ta' azzjoni preventiva;

137. Jinnota li l-Green Paper issemmi bosta kontribuzzjonijiet utli li jistgħu jitwettqu mill-militar, inklużi t-tiftix u s-salvataġġ, għajnuna għad-diżastri u sorveljanza fuq il-baħar; juri dispjaċir, iżda, li m’hemm xejn imsemmi dwar id-degradazzjoni ambjentali li tista' tkun ikkawżata mill-korp militari, bħal ittestjar ta' armi, kostruzzjoni ta' bażijiet navali u l-użu ta' sistemi ta' sonar ta' taħt l-ilma li jkollhom intensità għolja li jista' jkollhom effett ta’ ħsara fuq iċ-ċetaċji li jwassal għan-nuqqas ta' smigħ, għal ħsara fl-organi interni u għall-inkaljar tal-massa b'konsegwenza fatali; jinsisti, f'dan ir-rigward, li attivitajiet militari jkunu inkorporati b'mod sħiħ fil-politika marittima u jkunu suġġetti għal evalwazzjoni sħiħa ta' l-impatt ambjentali u għal responsabilità sħiħa.

138. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkludu fil-politika marittima tagħhom investigazzjonijiet komprensivi dwar l-istokkijiet ta' munizzjoni antiki minn gwerer preċedenti li ntefgħu f'ibħra Ewropej, u l-perikli li dawn jippreżentaw għall-persuni u għall-ambjent, u biex jeżaminaw il-possibilitajiet li jagħmluhom sikuri u/jew li jirkuprawhom, u biex jieħdu azzjoni adegwata;

139. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex ikollha rwol iktar prominenti f’organizzazzjonijiet internazzjonali; jenfasizza madankollu li l-Komunità ma tistax u m'għandhiex tirrappreżenta, u iktar u iktar tissostitwixxi, lill-Istati Membri ta' l-UE; itenni l-istedina tiegħu lill-Kunsill sabiex japplika biex l-UE tingħaqad ma' l-IMO;

140. Jenfasizza li l-UE trid tkun involuta b'mod attiv fil-governanza marittima fil-livell internazzjonali biex tippromwovi kundizzjonijiet ugwali għall-ekonomija marittima mingħajr ma tikkomprometti l-ambizzjoni dwar is-sostenibilità ambjentali ta' l-attivitajiet marittimi;

141. Jenfasizza li l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni eżistenti ta' l-IMO, ta' l-ILO u ta' l-UE wasslu għal settur marittimu aktar sikur, aktar nadif u ekonomikament aktar vijabbli; jilqa' b′sodisfazzjon il-fatt li l-Annessi I u II tal-Konvenzjoni MARPOL li daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2007 ġew riveduti; jistieden lill-Istati Membri ta′ l-UE biex jirratifikaw minnufih il-Konvenzjonijiet rilevanti kollha ta′ l-IMO u ta′ l-ILO, partikolarment l-Anness VI tal-Konvenzjoni MARPOL, il-Konvenzjoni dwar iż-Żejt tal-Banker, il-Konvenzjoni Internazzjonli dwar il-Kontroll ta’ Sistemi ‘Anti-fouling’ li jagħmlu l-ħsara, fuq il-Vapuri, u l-Konvenzjoni HNS; jitlob li r-ratifikazzjoni jew in-nuqqas ta' ratifikazzjoni jintużaw bħala kriterju fit-tiftix ta' vapuri f'operazzjonijiet ta' kontroll mill-Istat fil-portijiet;

142. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni sabiex jipparteċipaw b'mod attiv f'diskussjonijiet, taħt l-awspiċji ta' l-IOPCF, biex jiġi miġġieled it-tbaħħir inferjuri u għalhekk, jippromwovu tbaħħir ta' kwalità; jenfasizza li, fuq perjodu medju ta’ żmien, għandha tiġi kkunsidrata reviżjoni tal-Konvenzjoni dwar ir-Responsabilità Ċivili u l-Fondi ta' Kumpens Internazzjonali għat-Tniġġis miż-Żejt;

143. Iqis li l-EMSA, il-FRONTEX, l-Aġenzija għas-Sajd u l-Aġenzija għall-Ambjent għandhom diversi strumenti disponibbli li jistgħu jiġu magħquda b'mod utli sabiex jipprovdu appoġġ effettiv għal politika marittima Ewropea; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni mhux biss biex twarrab l-ostakli għall-koperazzjoni bejn dawn l-aġenziji, iżda biex tifformalizza wkoll din il-koperazzjoni sabiex jinkiseb dan li ġej: (1) sikurezza fil-baħar u protezzjoni ta' l-ambjent tal-baħar (inklużi spezzjonijiet tas-sajd), protezzjoni mit-terroriżmu, piraterija u atti kriminali fil-baħar u sajd illegali, mhux irregolat u mhux irrapportat (IUU), (2) spezzjonijiet koordinati tas-sajd u nfurzar ugwali madwar l-UE kollha b'pieni u sanzjonijiet ugwali jkunu applikati fil-qrati ta' l-Istati Membri (3) monitoraġġ strett tal-konformità ma' rotot magħżula ta' tbaħħir u prosekuzzjoni għal rimi illegali minn bastimenti; (4) tweġiba rapida u koordinata f'każ ta' inċident, filwaqt li jittieħdu l-miżuri meħtieġa minnufih, inkluża l-għażla ta' postijiet ta' kenn u portijiet għal użu f'emerġenza u tiġi miġġielda l-immigrazzjoni illegali; itenni s-sejħa tiegħu, inkluża fir-rapport finali tal-Kumitat Temporanju dwar it-titjib tas-sikurezza fil-baħar (MARE), biex jitwaqqaf servizz ta' gwardja kostali Ewropew u jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta studju dwar il-fattibilità tiegħu kemm jista' jkun malajr;

144. Jistenna li l-Politika Ewropea ta' Viċinanza tqis b'mod xieraq il-politika marittima għall-Unjoni u l-bżonn li jkun hemm koperazzjoni ma' l-Istati ġirien ta' l-UE f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-ambjent, mas-sikurezza u mas-sigurtà ta' l-ibħra u fil-baħar;

145. Iqis li s-sajd IUU hu problema serja u li qed tiżdied, li qed tikkawża kemm il-qerda ta' stokkijiet tal-ħut importanti kif ukoll kompetizzjoni inġusta bejn is-sajjieda li jirrispettaw ir-regoli u s-sajjieda li ma jirrispettawhomx; jinnota li, f'ċerti industriji tas-sajd fl-UE, il-qabdiet IUU huma parti sinifikanti tal-qabda totali; jistenna bil-ħerqa l-komunikazzjoni li ġejja tal-Kummissjoni u l-proposti leġiżlattivi biex jiġi miġġieled is-sajd IUU u biex jiġi aġġornat il-Pjan ta' Azzjoni 2002 ta' l-UE;

146. Jitlob li jitkompla l-approċċ integrat għall-politika marittima Ewropea fil-ġejjieni; jenfasizza li dan għandu jinkludi mill-inqas laqgħat ta' koordniazzjoni regolari tal-Kummissarji rilevanti u skambji pubbliċi regolari ta' opinjonijiet mal-parteċipanti l-oħra, pereżempju f'konferenzi bijennali; jistieden lill-Presidenzi futuri tal-Kunsill sabiex jinkludu l-politika marittima fil-programmi ta' ħidma tagħhom; jistieden ukoll lill-Kummissjoni sabiex tindika kull sena l-proġetti kollha ffinanzjati mill-UE b'rilevanza marittima.

o

o      o

147. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Kumitat Economiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

NOTA SPJEGATTIVA

Il-Green Paper tal-Kummissjoni 'Lejn Politika Marittima ta' l-Unjoni għall-Ġejjieni: viżjoni Ewropea għall-oċeani u l-ibħra' qed tirfes fuq qasam ġdid fil-politika minn perspettivi varji. Dan huwa rifless b'mod partikolari mill-fatt li għal sitt xhur fil-Parlament saret diskussjoni sħuna dwar liema kumitat għandu jkun responsabbli; Dan juri li l-approċċ integrat jew ħolistiku li l-Kummissjuni qed tipprova tmexxi 'l quddiem, li jikkollega ma xulxin l-oqsma differenti tat-tarzni, l-industrija tal-baħar, is-sikurezza tal-vapuri u tal-baħar, it-turiżmu, is-sajd, il-politika tal-portijiet, l-ambjent marittimu, ir-riċerka, l-industrija, l-ippjanar ta' l-ispazju u oħrajn mhuwiex xi ħaġa awtomatika. Ħarsa lejn l-istituzzjonijiet amministrattivi u politiċi frammentarji li jimmaniġġjaw il-politika marittima fl-Istati Membri turi kemm hu diffiċli fil-prattika biex jiġi implimentat approċċ integrat. DGs individwali tal-Kummissjoni jippubblikaw proposti li aktarx jidhru li huma settorjali milli ħolistiċi, minkella l-Green Paper.

Wara d-diffikultajiet tal-bidu fil-Parlament Ewropew, ir-rapporteur (Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu) u r-raporteurs konġunti (Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel, il-Kumitat għas-Sajd, il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali) iffurmaw ġrupp ta' ħidma, sabiex anki fl-istadju tar-rapport settorjali, jintlaħaq konsensus kemm jista' jkun kbir għar-rapport finali. Independentement mill-proċeduri formali għall-kooperazzjoni bejn il-kumitati, b'dan il-mod instab metodu ta' ħidma estremament kooperattiv. Għaldaqstant, fl-20 ta' Marzu 2007 ġie organizzat smigħ b'mod konġunt mill-kumitati kollha involuti, b'rappreżentanti u esperti mis-setturi varji, u bil-parteċipazzjoni tal-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill u l-"Presidenza suċċessiva" Portugiża. Dan l-abbozz ta' rapport għalhekk jinkludi kważi l-proposti kollha mir-rapporteurs konġunti.

B'mod ġenerali jidher li jeżisti kunsens wiesa' fost l-Istati Membri, is-setturi relattivi u r-reġjuni dwar l-approċċ integrat tal-Kummissjoni għall-politika marittima. Dan jista' jkun minħabba l-fatt li kunċetti astratti ta' oqsma politiċi individwali huma pjuttost frekwenti, rekwiżiti fissi qed jiġu evitati u meta jkun hemm dubju l-verb fil-temp kondizzjonali jipprovdi mod kif wieħed joħroġ mill-argument.

Issa wieħed għad irid jara jekk se jibqa' jkun hemm ftehim ġenerali dwar il-Green Paper meta jiġu fformulati politiki settorjali konkreti. Il-mod kif il-Kunsill u/jew l-Istati Membri jittrattaw il-konklużjonijiet tal-Parlament dwar is-seba' inizjattivi leġiżlattivi tal-pakkett Erica III, li l-Green Paper jirreferi għalih speċifikament bħala element importanti tas-sikurezza tal-vapuri Ewropej u s-sikurezza marittima, juri kemm huma serji l-intenzjonijiet għall-politika marittima futura.

Ir-rapporteur, għalhekk, jipproponi li fl-opinjoni tal-Parlament Ewropew jitpoġġew numru ta' talbiet konkreti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri. Dawn it-talbiet jikkonċernaw kemm appoġġ akbar għaz-zoni kollha ta' l-ekonomija marittima u għar-riċerka marittima u l-innovazzjoni kif ukoll għal impenji għal aktar sostenibilità.

Ir-rapporteur iqis it-trasport marittimu pilastru importanti ta' l-ekonomija Ewropea. Għaldaqstant, wieħed mill-għanijiet ta' politika marittima Ewropea huwa li t-trasport marittimu tonqoslu l-burokrazija u jiġi nkuraġġit. It-trasport bil-vapur għandu jkun ippreferit b'mod ċar mit-trasport bit-toroq jew bl-ajru minħabba l-impatt relattivament żgħir tiegħu fuq l-ambjent.

Madankollu t-trasport marittimu mhuwiex "nadif"; apparti l-inċidenti inkwetanti, għandu effetti kollaterali ċari f'forma ta' tniġġis ambjentali li joħolqu l-gassijiet ta' l-egżost u l-iskular legali u illegali ta' żejt u sustanzi kimiċi; Għandhom jittieħdu miżuri li jagħmlu t-trasport marittimu aktar favorevoli għall-ambjent u għall-klima.

Il-Green Paper issemmi l-politika tal-klima iżda tittrattaha fil-qosor biss. Ir-rapporteur u r-rapporteurs konġunti jikkunsidraw li l-politika marittima tal-ġejjieni għandha tagħti attenzjoni partikolari lill-bidla fil-klima u lill-metodi kif tiġġildilha. In-negozju ta' l-emissjonijiet fl-industrija tal-baħar, forom rinnovabbli ta' l-enerġija bħall-enerġija tar-riħ u x-xemx għall-vapuri, forniment ta' enerġija minn fuq l-art għall-vapuri fil-portijiet, enerġija offshore tar-riħ u oħrajn għandhom jiddeterminaw b'aktar qawwa l-aġenda politika Ewropea fil-futur

Ir-rapporteur ma jara l-ebda vantaġġ għall-industrija Ewropea f'dawn il-miżuri, anzi għall-kuntrarju: l-industriji Ewropea għandhom futur biss jekk ikunu innovattivi. Prodotti standardizzati, b'mod partikolari fil-bini tal-vapuri, diffiċli jiġu prodotti fl-Ewropa bi prezzijiet kompetittivi.

L-Unjoni Ewropea għandha l-opportunità tkun minn ta' quddiem biex tmexxi politika marittima innovattiva u sostenibbli. Dan jitlob mill-Istati Membri li jaġixxu b'sens ta' skop komuni. Il-Parlament Ewropew fil-futur se jivvaluta kull Presidenza tal-Kunsill bil-progress li tkun għamlet fil-politika marittima Ewropea.

  • [1]               Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitati naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġi (ĠU L 206, 22.7.1992. p. 7).
  • [2]               Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat-2 ta' April 1979 dwar il-konservazzjoni tat-tajr selvaġġ (ĠU L 103, 25 4 1979, p. 1).
  • [3]               ĠU L 255, 30.9.2005, p. 11.
  • [4]               ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.
  • [5]               ĠU L 332, 28.12.2008, p. 81.
  • [6]               Testi Adottati, P6_TA(2006)0482.
  • [7]               ĠU L 175, 5.7.1985, p. 40.
  • [8]               ĠU L 148, 6.6.2002, p. 24.
  • [9]               Testi Adottati, P6_TA(2006)0486.
  • [10]             Testi Adottati, P6_TA(2006)0482.
  • [11]             ĠU L 197, 21.7.2001, p. 30.
  • [12] .           Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika dwar l-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).
  • [13]             Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta' Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni ta' ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1).
  • [14] .           Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE tas-26 ta' April 1999 dwar it-tnaqqis fil-kontenut tal-kubrit f′ċerti karburanti likwidi u li temenda d-Direttiva 93/12/KEE (ĠU L 121, 11.5.1999, p. 13).
  • [15] .           Direttiva 2005/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar it-tniġġis ikkawżat minn vapuri u l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet għal ksur (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 11).

OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel (10.5.2007)

għall-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

dwar 'Lejn Politika Marittima ta' l-Unjoni għall-ġejjieni: Viżjoni Ewropea għall-Oċeani u l-Ibħra
(2006/2299(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Satu Hassi

(*)      Tisħiħ tal-koperazzjoni bejn il-kumitati - Artikolu 47 tar-Regoli ta' Proċedura

ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

Il-Green Paper dwar Politika Marittima għall-ġejjieni għall-UE hija dokument apprezzabbli ħafna, minħabba li, kif id-dokument innifsu, jinnota:

it-tgawdija kontinwa tagħna tal-benefiċċji li [l-ibħra tagħna] jipprovdu tkun possibbli biss permezz ta' rispett f'sens profond għalihom fi żmien meta r-riżorsi tagħhom huma mhedda minn pressjonijiet serji u bl-abilità tekonoloġika dejjem tiżdied tagħna biex nisfruttawhom. It-tnaqqis aċċellerat ta' bijodiversità marittima b'mod partikulari minħabba t-tniġġis, l-impatti tal-bidla fil-klima u sajd mingħajr limiti huma sinjali ta' twissija li ma nistgħux ninjoraw. (paġni 5-6)

Wasal il-waqt li l-Kummissjoni tieħu l-inizjattiva li tipprova tiżviluppa politika marittima koordinata u koerenti.

Minbarra li tirrimarka b'mod frekwenti dwar sa liema punt l-ambjent marittimu ġie degradat, il-Paper tistipula punti importanti oħrajn li r-rapporteur għal opinjoni tiegħek jaqbel magħhom:

- deterjorament ta' l-ambjent marittimu jnaqqas il-potenzjal ta' l-impjiegi;

- kwalunkwe politika ta' l-UE trid tkun żviluppata f'kuntest internazzjonali;

- żvilupp u introduzzjoni ta' teknoloġiji ġodda biex jiżguraw sostenibilità ambjentali jistgħu jwasslu għal impjiegi u opportunitajiet ta' esportazzjoni;

- id-dejta dwar l-ambjent marittimu mhix sodisfaċenti (nuqqas ta' dejta, dejta li ma tistax tkun imqabbla bejn l-Istati Membri, eċċ) u saru proposti għal titjib.

Teżisti ħtieġa urġenti għal sistema ta' ppjanar spazjali għal attivitajiet marittimi bbażati fuq approċċ ta' ekosistema li meta jkun meħtieġ jistabbilixxi restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet (ara paġna 34).

Il-Paper tistipula li l-politika marittima għandha tkun ibbażata fuq żewġ pilastri - l-Istrateġija ta' Liżbona u l-Istrateġija Tematika għall-Protezzjoni u l-Konservazzjoni ta' l-Ambjent Marittimu. Ir-rapporteur għal opinjoni tiegħek jirrikonoxxi li jista' jkun diffiċli li jkunu rrikonċiljati t-talbiet tat-tkabbir ekonomiku u l-konservazzjoni ambjentali, iżda jħoss li enfasi żejda fuq il-benefiċċji tat-tkabbir ekonomiku fuq perjodu ta' żmien qasir tista', fuq perjodu ta' żmien twil, twassal għal ħsara konsiderevoli, kemm f'sens ambjentali kif ukoll f'sens ekonomiku. Huwa ċar mill-Paper, li l-Kummissjoni tirrikonoxxi l-potenzjal għat-tkabbir ekonomiku li jista' jirriżulta minn impenn għal konservazzjoni ta' l-ambjent fil-baħar - jissemmew l-enerġija offshore, il-forom ta' trasport bil-baħar li jagħmlu inqas ħsara lill-ambjent, bini ta' vapuri u teknoloġiji oħrajn biex jiżguraw is-sostenibilità ambjentali.

Ir-rapporteur għal opinjoni tiegħek iħeġġeġ lill-Kumitat biex jiżgura li d-Direttiva dwar l-Istrateġija Marittima, li hija l-pilastru leġiżlattiv ta' l-impenn ta' l-UE għall-konservazzjoni fil-baħar, ma tkunx imdgħajfa waqt il-proċess ta' l-adozzjoni finali tagħha, lanqas b'riżultat ta' diskussjonijiet dwar il-Politika Marittima. Huwa importanti b'mod partikulari li tinżamm id-definizzjoni ta' status status ambjentali tajjeb ta’ l-ambjent marittimu inkluża fid-Direttiva, kif ukoll li tingħata spinta lill-Istati Membri biex japplikaw b'mod sħiħ leġiżlazzjoni ambjentali oħra, bħad-Direttiva Habitats, Natura 2000, u oħrajn.

Il-bidla fil-klima hija ta' importanza tant fundamentali għall-UE, u għall-bqija tad-dinja, li l-kampanja ta' l-UE biex tnaqqas it-tniġġis trid tkun waħda mill-ogħla prijoritajiet tagħha. It-trasport fil-forom kollha tiegħu (ajru, toroq u baħar) jikkontribwixxi għal sehem dejjem jiżdied ta' emmissjonijiet ta' gassijiet bl-effett serra, u hemm bżonn urġenti li l-Kummissjoni tagħmel proposti biex tnaqqashom, li jkollhom il-benefiċċju addizzjonali li jikkontribwixxu għall-impjiegi permezz ta' l-iżvilupp ta' għarfien teknoloġiku li pajjiżi oħrajn se jkunu jeħtieġu.

Fl-aħħarnett, suġġett wieħed jispikka minħabba n-nuqqas tiegħu fil-Paper. Il-militar jissemma' biss għal kontribuzzjonijiet pożittivi potenzjali tiegħu għal politika marittima, permezz tat-tiftix u s-salvataġġ, infurzar tal-liġi, eċċ. Xejn ma jissemma' dwar il-qerda ambjentali li tista' tkun ikkawżata mill-korpi militari ta' l-Istati Membri u mill-attivitajiet tagħhom. Dan in-nuqqas għandu jissemma' fir-riżoluzzjoni.

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel jistieden lill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni li ser jadotta:

1.   Ifakkar mill-ġdid fir-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Novembru 2006 dwar l-Istrateġija Tematika għall-Protezzjoni u l-Konservazzjoni ta' l-Ambjent Marittimu[1] u b'mod partikulari jerġa' jtenni mill-ġdid il-ħtieġa għal

· l-objettiv ġenerali ta' l-UE li jkun l-użu sostenibbli ta' l-ibħra u l-konservazzjoni ta' l-ekosistemi ta' l-ibħra, inkluża politika ta' l-UE b'saħħitha għal protezzjoni ta' l-ibħra, li timmira biex ikun evitat aktar telf ta' bijodiversità u deterjorament ta' l-ambjent ta' l-ibħra;

· l-inklużjoni ta' definizzjoni komuni għall-UE kollha ta' status ambjentali tajjeb;

· l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent biex tipprovdi evalwazzjoni regolari ta' l-ambjent ta' l-ibħra, li jeħtieġ titjib fil-livell nazzjonali ta' ġbir ta' dejta, ta' rappurtar u ta' skambju;

· rikonoxximent ta' l-importanza ta' konsultazzjoni, koordinazzjoni u koperazzjoni minn qabel ma' pajjiżi ġirien fl-adozzjoni u fl-implimentazzjoni tad-Direttiva futura dwar l-Istrateġija Marittima (COM(2005)0505 – C6-0346/2005 – 2005/0211(COD)), as stressed in its position of 14 November 2006[2];

2.   Jirrikonoxxi li ambjent tal-baħar tajjeb jikkostitwixxi l-bażi għal żvilupp sostenibbli tas-settur tat-tbaħħir fl-UE u jfakkar fl-impenn ta' l-UE biex jirnexxielha tinkorpora d-dimensjoni ambjentali fl-aspetti kollha tal-politika Komunitarja;

3.   Jinsisti li ambjent nadif ta' l-ibħra, b'bijodiversità suffiċjenti biex tiżgura l-iffunzjonar xieraq ta' l-ekosistemi komponenti tiegħu, huwa essenzjali għall-Ewropa; jinsisti wkoll li l-valur intrinsiku ta' zoni marittimi jfisser li l-benefiċċji ta' status ambjentali tajjeb ta' l-ibħra fl-UE jestendi lil hinn sew mill-kisbiet ekonomiċi potenzjali mill-isfruttament tal-komponenti varji ta' l-ibħra, ta' l-ilmijiet kostali u ta' baċiri ta' xmajjar u li għalhekk il-konservazzjoni u, f'ħafna każijiet, ir-rijabilitazzjoni ta' l-ambjent ta' l-ibħra ta' l-UE hija obbligatorja;

4.   Ifakkar fil-prinċipju ta' l-approċċ imsejjes fuq l-ekosistema għall-immaniġġjar ta' l-attivitajiet tal-bniedem, li huwa wieħed mill-elementi ewlenin ta' l-Istrateġija Tematika dwar l-Ambjent Marittimu; jinsisti li dan il-prinċipju jkun applikat ukoll fir-rigward tal-Politika Marittima;

5.   Għalhekk huwa konvint li riżorsi li jiġġeddu ta' l-ambjent ta' l-ibħra jistgħu u għandhom ikunu użati b'mod sostenibbli biex l-isfruttament tagħhom, u l-benefiċċji ekonomiċi li jirriżultaw, ikunu jistgħu jkomplu fuq perjodu ta' żmien fit-tul; għalhekk, jenfasizza l-bżonn li l-politiki varji kkonċernati jkunu adattati għar-rekwiżiti ta' ambjent tal-baħar tajjeb; f'dan ir-rigward, jistieden ukoll użu akbar ta' l-enerġija mir-riħ fuq l-art jew fuq il-baħar biex ikun sfruttat b'mod sostenibbli l-potenzjal tagħha mill-perspettiva ta' l-impjiegi u tal-politika ekonomika;

6.   Jenfasizza li l-enerġija mill-qawwa tar-riħ fuq l-art jew fuq il-baħar għandha potenzjal sostanzjali ħafna għall-iżvilupp u tista' tagħti kontribuzzjoni kbira għall-ħarsien tal-klima, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni billi twaqqaf sezzjoni jew unità ta' koordinazzjoni għall-enerġija mir-riħ u billi tniedi pjan ta' azzjoni għall-enerġija mir-riħ;

7.   Ma jistax jenfasizza biżżejjed li l-kriterji magħżula sabiex jiddefinixxu status ambjentali tajjeb għandhom ikunu ta' applikazzjoni wiesgħa biżżejjed peress li probabbilment dawn l-objettivi ta' kwalità ser jikkostitwixxu l-kriterji ta' referenza għal programmi ta' azzjoni għal żmien twil fil-ġejjieni;

8.   Jikkunsidra wkoll li għandhom jittieħdu miżuri kemm jista' jkun malajr għat-titjib tal-kwalità ta' l-ilma u, għaldaqstant, huwa mħasseb dwar il-kalendarju b'perjodu ta' żmien imtawwal li ġie propost fil-proposta għal direttiva dwar strateġija marittima;

9.   Jemmen, għalhekk, li huwa importanti li tiġi kkoordinata skeda għat-tfassil tal-pjanijiet ta' azzjoni għal strateġija marittima ma' programmi importanti fuq livell ta' l-UE, bħall-Fondi Strutturali ta' l-EU, sabiex jinkisbu l-ikbar benefiċċji possibbli ta' koordinazzjoni mal-programmi eżistenti; iqis li għalhekk il-pjanijiet ta' azzjoni għandhom jitfasslu sa mhux aktar tard mill-2012 sabiex tiġi faċilitata l-koordinazzjoni ma' l-abbozzar tal-programmi strutturali mill-2014; jenfasizza li l-koordinazzjoni mal-fond agrikolu ta' l-UE (FEADER) hija ta' importanza partikulari għal dawk ir-reġjuni fejn l-agrikoltura hija responsabbli għal parti sinifikanti ta' skariku fil-baħar;

10. Jinsisti li l-implimentazzjoni ta' netwerk ta' zoni protetti tal-baħar tiġi mħaffa;

11. Imwissi bl-impatti tal-bidla fil-klima fuq l-ekosistemi ta' l-ibħra anke fl-iktar ċirkustanzi pożittivi ta' protezzjoni tal-klima, jistieden biex tingħata attenzjoni xierqa lill-vulnerabilità addizzjonali ta' l-ambjent ta' l-ibħra għal fatturi ta' pressjoni oħrajn minħabba dawn l-impatti; jinsisti li l-emmissjonijiet ta' gassijiet bl-effett serra minn attivitajiet marittimi jridu jkunu indirizzati b'mod urġenti b'miżuri effettivi bħall-inklużjoni tat-trasport marittimu fl-iskambju ta' l-emmissjonijiet u użu ikbar ta' enerġiji li jiġġeddu biex iħaddmu l-vapuri;

12. Iqis li tnaqqis sostanzjali ta' ossidju tan-nitroġenu u ta’ materja f’partikuli jista' jinkiseb jekk l-enerġija tiġi fornuta lill-vapuri mill-art waqt li jkunu fil-port u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja miżuri xierqa;

13. Huwa mħasseb mir-rapporti li jgħidu li l-emmissjonijiet marittimi tad-dijossidu tal-karbonju huma ogħla milli kien maħsub qabel, u jirrappreżentaw sa 5% ta' l-emmissjonijiet globali, u huma maħsuba li se jiżdiedu b'75% bejn il-15 u l-20 sena li ġejjin sakemm ma tittiħidx azzjoni biex tegħleb din it-tendenza; jinnota li l-emmissjonijiet tal-gassijiet b'effett serra minn bastimenti tas-sajd huma sinifikanti;

     filwaqt li jinnota n-nuqqas ta' progress fl-IMO dwar din il-kwistjoni, minkejja l-mandat mogħti fil-Protokoll ta' Kyoto għaxar snin ilu, iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipproponi leġiżlazzjoni biex tnaqqas b'mod effettiv l-emmissjonijiet marittimi tal-gassijiet b'effett serra u biex l-UE tieħu azzjoni deċiżiva biex tinkludi s-settur marittimu fil-konvenzjonijet internazzjonali dwar il-klima;

14. Jinnota li ħafna tniġġis fl-ambjent tal-baħar joriġina minn sorsi bbażati fuq l-art, anke, iżda mhux limitat għal fdal agrikolu u tniġġis industrijali, li għandhom impatt partikolarment ta' ħsara fuq ibħra magħluqin jew kważi magħluqin; jenfasizza li l-UE trid tagħti attenzjoni partikulari lil dawn l-oqsma u tieħu miżuri biex tillimita u tevita aktar tniġġis; jikkunsidra wkoll li t-teknoloġija GMES (Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà) ġdida tista' tintuża b'suċċess għal dak il-għan;

15. Filwaqt li jirrikonoxxi li l-emmissjonijiet ta' tniġġis ta' l-arja li joriġinaw mill-vapuri se jaqbżu lil dawk li joriġinaw minn fuq l-art fil-futur qrib, ifakkar fit-talba tiegħu fil-kuntest ta' l-Istrateġija Tematika dwar il-Kwalità ta' l-Arja lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri urġenti biex inaqqsu l-emmissjonijiet mis-settur tat-tbaħħir u biex il-Kummissjoni tressaq proposti

- biex tistabbilixxi standards għall-emissjonijiet ta' NOx għall-vapuri li jużaw il-portijiet ta' l-UE;

- biex tiddikjara l-Baħar Mediterran u l-Baħar ta' l-Atlantiku tal-Grigal bħala Zoni ta' Kontroll ta' l-Emmissjonijiet tal-Kubrit (SECAs) skond il-Konvenzjoni MARPOL;

- biex tnaqqas, minn 1.5% għal 0.5%, il-kontenut massimu ta' kubrit permess fil-fjuwils marittimi użati fis-SECAs minn bastimenti tal-passiġġieri;

- biex tintroduċi miżuri fiskali bħal taxxi jew ħlasijiet fuq l-emissjonijiet ta' SO2 u NOx mill-bastimenti;

- biex tħeġġeġ l-introduzzjoni ta' ħlasijiet divrenzjati għall-użu tal-portijiet u tal-kanali navigabbli li jiffavorixxu l-bastimenti b'emissjonijiet baxxi ta' SO2 and NOx ;

- biex tħeġġeġ lill-bastimenti sabiex jużaw id-dawl mix-xatt meta jkunu fil-portijiet;

- biex tħejji direttiva ta' l-UE dwar il-kwalità tal-fjuwils tal-baħar;

16. Jinnota bi tħassib li l-Baħar Baltiku huwa attwalment wieħed mill-ibħra l-aktar imniġġsa fid-dinja, u jfakkar lill-Kummissjoni bis-sejħa preċedenti tiegħu għall-abbozzar ta' rakkomandazzjoni dwar strateġija ta' l-UE għall-Baltiku, fejn jiġu proposti miżuri għat-titjib tal-kundizzjoni ta' l-ambjent tal-Baħar Baltiku, b'mod partikulari biex titnaqqas l-ewtrofikazzjoni tal-Baltiku u biex jiġu evitati emmissjonijiet ta' żejt u ta' sustanzi oħra li huma tossiċi u li jagħmlu l-ħsara fil-baħar; ifakkar li l-istrumenti eżistenti għall-koperazzjoni, bħall-programmi INTERREG, għandhom jiġu sfruttati bis-sħiħ meta jkunu qed jiġu implimentati proġetti interreġjonali sabiex jitjieb l-istat ta' l-ambjent Baltiku;

17. Jenfasizza l-bżonn li jiġu inklużi l-isforzi biex jiġu żviluppati innovazzjonijiet xjentifiċi u teknoloġiċi fil-qasam tar-riċerka marittima fi ħdan programmi konġunti ta' riċerka Ewropej, u billi jiżdied il-finanzjament għal dawn il-programmi;

18. Huwa konvint li ambjent tal-baħar nadif huwa kruċjali għall-ispeċijiet tal-baħar, kemm għall-ħut kummerċjali u kif ukoll għal ħut ieħor li mhux sfruttat, u li kwalunkwe irkupru ta' stokkijiet tal-ħut li naqsu jiddependi fuq tnaqqis fit-tniġġis tal-baħar u kif ukoll fl-isforz tas-sajd; iqis li biex ikun żgurat li l-għalf tal-ħut użat fl-UE mhux kontaminat, huwa essenzjali li jitnaqqsu elementi li jniġġsu ġejjin mill-baħar;

19. Iqis li l-implimentazzjoni b'mod sħiħ u fil-waqt tal-leġiżlazzjoni ambjentali kollha ta' l-UE (fost l-oħrajn id-Direttiva ta' Qafas għall-Ilma[3], id-Direttivi dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali[4] u dwar l-għasafar selvaġġi[5], id-Direttiva dwar in-nitrati[6], id-Direttiva dwar il-kubrit fil-karburanti likwidi[7], id-Direttiva dwar is-sanzjonijiet għat-tniġġiż ikkawżat minn vapuri[8]) hija imperattiva għal konservazzjoni tal-kwalità ta' l-ambjent tal-baħar, u li l-Kummissjoni għandha tadotta l-pressjoni kollha meħtieġa biex tinkoraġġixxi l-Istati Membri biex jimplimentawha, anke, jekk ikun meħtieġ, b'azzjoni legali;

20. Jiġbed l-attenzjoni għall-impatt kultant diżastruż ta' organiżmi eżotiċi fl-ekosistema tal-baħar u jirrikonoxxi li l-ispeċijiet aljeni invażivi huma theddida importanti għall-bijodiversità tal-baħar; jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu miżuri urġenti għall-prevenzjoni tat-trasferiment ta' organiżmi f'ilma tas-saborra u biex tintroduċi kontrolli effettivi rigward it-tbattil ta' ilma tas-saborra fl-ilmijiet ta' l-UE;

21. Fil-kuntest tat-titjib fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni ambjentali ta' l-UE u fil-prevenzjoni ta' tniġġis tal-baħar, ifakkar fit-talba tiegħu ta' qabel biex il-Kummissjoni tistudja l-fattibilita li jitwaqqaf servizz ta' gwardja kostali Ewropew;

22. Jirrikonoxxi li l-governanza tajba tar-riżorsi ta' l-ambjent tal-baħar tirrikjedi bażi soda ta' informazzjoni; għalhekk jenfasizza l-importanza ta' għarfien xjentifiku sod ta' l-ambjent tal-baħar sabiex jiġi mgħejjun it-teħid ta' deċiżjonijiet li jkun effettiv f'sens ta' spejjeż u biex jiġu evitati miżuri li ma jżidux valur; għalhekk jinsisti li r-riċerka tal-baħar tingħata enfasi f'termini ta' allokazzjoni ta' riżorsi biex ikun jista' jsir titjib ambjentali sostenibbli u effettiv;

23. Huwa konvint li l-prinċipju prekawzjonali, kif stipulat fl-Artikolu 174(2) tat-Trattat KE, irid jifforma l-bażi tat-tipi kollha ta' sfruttament taz-zoni marittimi fl-UE; għalhekk jenfasizza li nuqqas ta' ċertezza xjentifika m'għandhiex tintuża bħala skuża għal postponiment ta' azzjoni preventiva;

24. Iqis li l-kunċett ta' responsabilità soċjali korporattiva huwa ta' valur limitat fil-kuntest tal-konservazzjoni ta' l-ambjent tal-baħar, meta mqabbel mal-leġiżlazzjoni, u li għalhekk bażi ta' leġiżlazzjoni xierqa trid tkompli tenfasizza l-programm Komunitarju għal konservazzjoni ambjentali, li għandu jkun imsaħħaħ b'azzjonijiet volontarji mwettqa minn kumpaniji li jixtiequ juru l-imġiba responsabbli tagħhom;

25. Jenfasizza li l-UE trid tkun involuta b'mod attiv fit-tmexxija marittima fil-livell internazzjonali sabiex tippromwovi l-istess kundizzjonijiet għal ekonomija marittima mingħajr ma tikkomprometti l-ambizzjoni dwar is-sostenibilità ambjentali ta' attivitajiet marittimi;

26. Jirrikonoxxi l-importanza taz-zona kostali għall-iżvilupp ta' enerġija li terġa' tiġġedded li tifforma parti kruċjali u integrali mill-isforzi ta' l-UE biex tiġġieled il-bidla fil-klima globali; jinnota li t-tqassim xieraq f'zoni għall-għanijiet ta' ppjanar ta' spazju marittimu biex jippermetti l-iżvilupp ta' siti għall-isfruttament ta' enerġija mir-riħ, mill-marea u minn sorsi oħra għalhekk se tkun meħtieġa sabiex ikun minimizzat il-konflitt ma' utenti oħrajn ta' l-ambjent tal-baħar u tkun evitata d-degradazzjoni ta' l-ambjent, filwaqt li jitqiesu l-evalwazzjonijiet ta' l-impatt ambjentali (EIA); jilqa' l-opportunitajiet sinifikattivi offruti mill-industriji dejjem ikbar ta' l-enerġija li terġa' tiġġedded għall-ħolqien tax-xogħol u ta' l-għarfien tekniku fl-UE;

27. Jikkonferma mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Novembru 2006 dwar id-Direttiva dwar l-Istrateġija Marittima, u b'mod partikulari fir-rigward tal-projbizzjonijiet u/jew kriterji għar-rimi sistematiku/intenzjonat ta' kwalunkwe materjal solidu, likwidu jew gass fil-kolonna ta' l-ilma, f'qiegħ il-baħar jew fis-saff ta' ħamrija taħt wiċċ il-ħamrija; minnbarra dan, iqis li kwalunkwe ħażna ta' dijossidju ta' karbonju f'qiegħ il-baħar u fis-saff ta' ħamrija ta' taħt il-ħamrija għandha tkun suġġetta għal awtorizzazzjoni skond il-liġi internazzjonali, għal evalwazzjoni ta' l-impatt ambjentali, li għandha ssir qabel, skond id-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE[9] u l-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti, kif ukoll għall-immonitorjar u kontrolli regolari;

28. Jirrikonoxxi li biex l-Istrateġija Marittima tkun 'pilastru ambjentali' tal-Politika Marittima, hemm bżonn li l-politiki jkunu komplementari bis-sħiħ biex tiġi żgurata konsistenza fl-approċċ ta' l-UE; jirrikonoxxi li l-ħażna tad-dijossidu tal-karbonju fi strutturi ġeoloġiċi taħt qiegħ il-baħar tista' tipprovdi parti minn pakket ta' miżuri għat-tnaqqis ta' l-emmissjonijiet ta' gas b'effett serra fl-atmosfera u jistieden għall-ħolqien ta' qafas ċar leġiżlattiv u regolatorju għall-użu ta' din it-teknoloġija;

29. Jinsisti li l-ippjanar ta' l-iżvilupp kollu tul il-kosta twila tal-Komunità, għal żvilupp urban, għal siti industrijali, għal portijiet u marini, siti rikreattivi eċċ., irid iqis b'mod espliċitu l-konsegwenzi tal-bidla fil-klima u ż-żieda assoċjata fil-livell tal-baħar, inklużi l-frekwenza u s-saħħa dejjem jiżdiedu tal-maltempati u tul ogħla tal-mewġ; jinsisti li ebda stallazzjoni nukleari ġdida ma tinbena f'zoni kostali;

30. Iqis li l-kunċett ta' "clustering" jista' jkollu impatti pożittivi fuq l-ambjent tal-baħar jekk il-konservazzjoni ta’ l-ambjent, il-kontroll tat-tniġġis, u teknoloġiji ambjentali oħrajn ikunu inkorporati fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' 'clusters' mill-istadji ta' ppjanar 'il quddiem; jinnota li l-qsim ta' l-aqwa teknoloġiji ambjentali u koperazzjoni (tranżnazzjonali) aħjar bejn il-portijiet u kif ukoll użu aktar effiċjenti tal-kapaċità disponibbli tal-portijiet għandhom jikkostitwixxu komponent importanti tal-kunċett ta' 'cluster';

31. Jilqa' r-rikonoxximent mill-Kummissjoni li "sistema komprensiva ta' ppjanar ta' spazju" hija meħtieġa biex tiżgura ambjent regolatorju stabbli u bażi legali li torbot għat-teħid ta' deċiżjonijiet; iqis li kriterju essenzjali għal ippjanar effettiv ta' spazju ibbażat fuq l-ekosistema jrid ikun l-organizzazzjoni ta' attivitajiet b'tali mod li l-impatt ta' attivitajiet li jagħmlu ħsara lill-ambjent jinżamm barra minn zoni sensittivi f'sens ekoloġiku u fl-istess ħin li jsir użu ta' riżorsi fiz-zoni l-oħra kollha b'mod sostenibbli ekoloġikament; f'dan il-kuntest jinsisti dwar l-użu ta' l-istrument ta' evalwazzjoni ambjentali strateġika[10];

32. Iżda jinsisti li l-immaniġġjar taz-zona kostali jrid ikollu bħala wieħed mill-objettivi prinċipali l-konservazzjoni ta' l-ambjent tal-baħar, iktar milli jiddedika ftit zoni ta' kampjun bħala simbolu għal konservazzjoni, b'mod partikulari fid-dawl tar-Rakkomandazzjoni 2002/413/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-implimentazzjoni ta' l-Immaniġġjar Integrat taz-Zoni Kostali fl-Ewropa[11];

33. F'dan il-kuntest jaqbel mal-Kummissjoni li hemm limitu naturali għall-ammont ta' attività tal-bniedem, f'termini ta' densità ta' popolazzjoni u ta' attività industrijali, li zoni kostali jistgħu jifilħu mingħajr deterjorament ambjentali serju u possibilment irreversibbli; għalhekk, jappoġġja l-opinjoni tal-Kummissjoni li jeħtieġ studju komprensiv biex dawn il-limiti jkunu identifikati b'mod aħjar u biex isiru previżjonijiet u ippjanar skond dan;

34. Jinnota li l-kisba ta' status ambjentali tajjeb tirrikjedi wkoll li l-attivitajiet tal-bniedem li jitwettqu barra minn zoni sensittivi ekoloġikament jiġu regolati b'mod strett sabiex tiġi minimizzata kwalunkwe possibilità ta' impatt negattiv fuq l-ambjent tal-baħar;

35. Jaċċetta l-opinjoni fil-Green Paper li jeżistu problemi serji u sinifikattivi bid-dejta disponibbli dwar il-kundizzjoni ta' l-ambjent tal-baħar u dwar l-attivitajiet li jew qed jitwettqu jew għandhom impatt fih; għalhekk jappoġġja s-sejħa għal programmi mtejba ħafna għall-ġbir ta' dejta, tfassil ta' mapep u servejs, lokalizzazzjoni ta' bastimenti, eċċ. f'dawk iz-zoni li jinvolvu l-Istati Membri, il-Konvenzjonijiet tal-Baħar, lill-Kummissjoni u lill-korpi oħrajn tal-Komunità bħall-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u l-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza Marittima; jenfasizza l-importanza ta' l-iskambju ta' l-aħjar prattiki fuq livell nazzjonali, reġjonali u Ewropew;

36. Jinnota li l-Green Paper issemmi bosta kontribuzzjonijiet utli li jistgħu jitwettqu mill-militar, inklużi t-tiftix u s-salvataġġ, għajnuna għad-diżastri u sorveljanza fuq il-baħar; iżda jiddispjaċih li xejn ma ssemma' dwar id-deterjorament ambjentali li jista' jkun ikkawżat mill-korp militari, bħal ittestjar ta' armi, kostruzzjoni ta' bażijiet navali u l-użu ta' sistemi ta' sonar ta' taħt l-ilma li jkollhom intensità għolja li jista' jkollhom effett ta’ ħsara fuq iċ-ċetaċji li jwassal għan-nuqqas ta' smigħ, għal ħsara fl-organi interni u għall-inkaljar tal-massa b'konsegwenza fatali; jinsisti, f'dan ir-rigward, li l-attivitajiet militari jkunu inkorporati b'mod sħiħ fil-politika marittima u jkunu suġġetti għal evalwazzjoni ta' l-impatt ambjentali u għal responsabilità b'mod sħiħ.

PROĊEDURA

Titolu

Lejn Politika Marittima ta' l-Unjoni għall-ġejjieni: Viżjoni Ewropea għall-Oċeani u l-Ibħra

Numru tal-proċedura

2006/2299(INI)

Kumitat responsabbli

TRAN

Opinjoni mogħtija minn
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ENVI
14.12.2006

Koperazzjoni aktar mill-qrib - data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

14.12.2006

Rapporteur għal opinjoni:
  Data tal-ħatra

Satu Hassi
23.1.2007

Rapporteur għal opinjoni preċedenti

 

Eżami fil-kumitat

21.3.2007

 

 

 

 

Data ta’ l-adozzjoni

8.5.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

41

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Adamos Adamou, Georgs Andrejevs, Margrete Auken, Irena Belohorská, Johannes Blokland, John Bowis, Frieda Brepoels, Hiltrud Breyer, Martin Callanan, Dorette Corbey, Chris Davies, Avril Doyle, Mojca Drčar Murko, Jill Evans, Satu Hassi, Gyula Hegyi, Jens Holm, Marie Anne Isler Béguin, Dan Jørgensen, Christa Klaß, Urszula Krupa, Marie-Noëlle Lienemann, Linda McAvan, Alexandru-Ioan Morţun, Roberto Musacchio, Péter Olajos, Miroslav Ouzký, Daciana Octavia Sârbu, Karin Scheele, Carl Schlyter, Horst Schnellhardt, Kathy Sinnott, Antonios Trakatellis, Thomas Ulmer, Anja Weisgerber, Åsa Westlund, Anders Wijkman, Glenis Willmott

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Christofer Fjellner, Adam Gierek, Alojz Peterle, Andres Tarand

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

 

Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss)

 

  • [1]  P6_TA(2006)0486.
  • [2]  P6_TA(2006)0482.
  • [3]  ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1. (Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika għall-ilma).
  • [4]  ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7. (Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa).
  • [5]  ĠU L 103, 25.4.1979, p. 1. (Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat-2 ta' April 1979 dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi).
  • [6]  ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1. (Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta' Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni ta’ l-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli).
  • [7]  ĠU L 121, 11.5.1999, p. 13. (Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE tas-26 ta' April 1999 dwar it-tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f'ċerti karburanti likwidi u li temenda d-Direttiva 93/12/KEE).
  • [8]  ĠU L 255, 30.9.2005, p. 11. (Direttiva 2005/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar it-tniġġiż ikkawżat minn vapuri u l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet għal ksur).
  • [9]  ĠU L 175, 5.7.1985, p. 40. (Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta' Ġunju 1985 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent).
  • [10]  ĠU L 197, 21.7.2001, p. 30. (Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2001 dwar l-istima ta' l-effetti ta' ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent).
  • [11]  ĠU L 148, 6.6.2002, p. 24.

OPINJONI Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (4.5.2007)

għall-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

Lejn Politika Marittima ta' l-Unjoni għall-ġejjieni: Viżjoni Ewropea għall-Oċeani u l-Ibħra
(2006/2299(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Jorgo Chatzimarkakis

ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

L-Ewropa tista' tidher bħala peniżola mdawra b'oċeani u b'ibħra msoqqija b'numru ta' xmajjar u kanali. Wieħed ma jistax jenfasizza biżżejjed l-importanza ta' l-ibħra u ta' l-oċeani bħala riżorsa naturali li għadha ma ġietx sfruttata sew imma li għandha użu u attivitajiet ekonomiċi diversi. Waqt li l-potenzjal tad-dimensjoni marittima ta' l-Ewropa hu evidenti, s'issa l-politika ta' l-UE dwar it-trasport marittimu, l-industrija, ir-reġjuni kostali, l-enerġija lilhin mill-kosta (offshore), is-sajd u l-ambjent marittimu kienet frammentata u xi drabi konfliġġenti. Hu għalhekk ta' importanza kbira li tiġi żviluppata politika marittima kompleta u immirata biex issaħħaħ l-ekonomija marittima ta' l-UE b'mod sostenibbli. Il-Green Paper tipprometti l-esplorazzjoni ta' sinerġiji li għadhom ma ġewx sfruttati u l-ħolqien ta' viżjoni ġdida fl-immaniġġjar ta' l-oċeani.

L-industriji u s-servizzi marittimi jinkludu firxa wiesgħa ta' attivitajiet settorjali minn bini ta' bastimenti u portijiet għal akwakultura u esplorazzjoni ta' energija lilhin mill-kosta. Globalment, bejn 3 u 5 fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku ta' l-Ewropa hu stmat li jiġi ġġenerat minn attivitajiet marittimi li joħolqu xogħol għal aktar minn 3 miljun persuna.

Il-gruppi (clusters) marittimi ta' l-Ewropa għamlu suċċess kbir u huma fuq quddiem fis-suq globali. It-tarznari Ewropej huma fuq quddiem fis-suq dinji fejn jidħol qligħ u prodotti u metodi innovattivi. L-Ewropa tikkontrolla 40 fil-mija tal-flotta merkantili dinjija u tiddomina s-servizzi internazzjonali tal-vapur tal-linja. Barra minn hekk, fl-industrija tat-tagħmir marittimu, suq li hu ferm kompetittiv u bbażat fuq l-għerf, l-Ewropa hi minn ta' quddiem b'35 fil-mija tas-suq dinji.

Il-baħar ukoll għandu rwol importanti ħafna fil-provvista ta' l-enerġija u joffri opportunitajiet interessanti fil-ġenerazzjoni ta' enerġija li tiġġedded, minħabba li enerġija mir-riħ offshore, il-kurrenti ta' l-oċeani, il-mewġ u l-frugh tal-baħar joffru ammont kbir ta' enerġija.

Il-bijoteknoloġija marina hi meqjusa bħala waħda mill-iktar setturi interessanti tat-teknoloġija emerġenti li għandha potenzjal qawwi biex tagħti kontribut ta' valur lil kważi kull settur ta' l-industrija, minn dak tal-kura tas-saħħa għal bijorimedju (bioremediation) u mill-kosmetiċi għal nutraceuticals li jinkludu l-alka (algae).

Is-setturi li għandhom l-akbar potenzjal ta' żvilupp huma l-cruises, l-akwakultura, l-enerġija li tiġġedded, it-telekomunikazzjoni ta' taħt il-baħar u l-bijoteknoloġija marina. Opportunitajiet potenzjali ta' negozju jitolbu aktar sforzi ta' Riċerka u Żvilupp. L-industrija Ewropea għandha bżonn tkun immexxija mil-għerf biex tkun tista' tikkompeti fuq skala globali. Għalhekk hemm bżonn ta' ħaddiema mħarrġa sew u ta' innovazzjoni kontinwa. Soluzzjonijiet innovativi tat-Teknoloġija ta' l-Informatika u l-Komunikazzjoni (ICT), mill-ġbir u l-użu ta' dejta meħuda mill-baħar għal operazzjonijiet fil-port (proġett Galileo u inizjattiva GMES), huma meqjusa bħala aspetti influwenti ħafna.

L-UE trid issir parteċipant globali fil-qasam tal-politika marittima, kemm fir-riċerka kif ukoll f'oqsma oħra. S'issa l-politika ta' l-UE kienet frammentata u l-Unjoni mhux qed titkellem b'vuċi waħda. Hemm bżonn li nirnexxu partikolarlment għaliex il-kumplament tad-dinja tistenna li aħna għandna nkunu parteċipanti globali.

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni li se jadotta:

1.  Jilqa' bil-ħerqa l-iżvilupp ta' politika marittima kompleta mmirata biex ittejjeb b'mod sostenibbli l-ekonomija marittima ta' l-Unjoni;

2.  Iqis li t-tarznari u l-industriji tat-tagħmir marittimu fl-Unjoni irnexxilhom jibqgħu kompetittivi billi investew fi prodotti u proċessi innovattivi u billi ħolqu swieq speċifiċi bbażati fuq l-għerf; jemmen li strateġija marittima Ewropea għandha toħloq il-kundizzjonijiet tajba biex l-Unjoni żżomm il-pożizzjoni ewlenija tagħha f'dawn is-swieq, pereżempju permezz tal-promozzjoni ta' l-iżvilupp ta' mekkaniżmi għat-trasferiment tat-teknoloġija marittima;

3.  Jenfasizza l-importanza ta' ħaddiema kwalifikati ħafna sabiex ikun żgurat li l-ekonomija marittima integrata Ewropea tibqa' kompetittiva u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tagħmel il-professjonijiet fis-setturi tat-taħriġ marittimu aktar interessanti u tieħu miżuri mfassla biex jirranġaw in-nuqqas attwali ta' staff kwalifikat;

4.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tippovdi appoġġ fuq il-livell tad-WTO għat-tarzni Ewropej, li b'mod kostanti huma esposti għal kompetizzjoni inġusta mit-tarznara Ażjatiċi;

5.  Jinnota li l-Ewropa hija reġjun popolari għat-turiżmu tal-jottijiet, tal-kruċieri u tal-bugħaddasa; jinkoraġġixxi lir-reġjuni marittimi sabiex jinvestu fl-infrastruttura marina tagħhom u f'infrastrutturi relatati oħra sabiex jibbenefikaw mis-suq tagħha li qed jespandi filwaqt li jiżguraw il-ħarsien ta' ambjenti naturali, speċi, u ekosistemi marini b'mod ġenerali; jistieden lill-Kummissjoni biex tistabilixxi standards armonizzati għal faċilitajiet u tagħmir tekniku biex tiżgura livel għoli ta' kwalita' ta' servizz fl-Unjoni kollha;

6.  Jikkunsidra li l-politika marittima l-ġdida adottata mill-Unjoni Ewropea għandha tiffoka wkoll fuq il-ħarsien u l-promozzjoni ta' riżorsi arkeoloġiċi marittimi;

7.  Jemmen illi s-sistema satellitari tan-navigazzjoni Galileo u s-sistema GMES joffru potenzjal qawwi għas-settur marittimu; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tippromwovi l-użu ta' dawn is-sistemi fil-qafas ta' l-istrateġija marittima;

8.  Iqis li, minħabba l-iżvilupp partikolarment mgħaġġel ta' l-impjanti għad-desalinazzjoni ta' l-ilma baħar li jarmu tunnellati ta' ilma mielaħ u prodotti oħra fil-baħar, il-Kummissjoni għandha tinvestiga l-effett ta' impjanti bħal dawn fuq il-plankton u qigħ il-baħar u fuq il-bidliet u l-mutazzjonijiet li ġew iġġenerati fi ħdan l-ekosistema;

9.  Jenfasizza l-importanza ta' l-ICT fil-loġistika tal-port; hu konvint li l-proposti leġiżlattivi l-ġodda bħalma huma dawk dwar l-Identifikazzjoni tal-Frekwenza Radju (RFID), għandhom l-iskop li jħeġġu l-użu ta' dawn it-teknoloġiji; jistieden lill-Kummissjoni biex twaqqaf standards ta' l-ICT madwar l-UE kollha għall-portijiet kollha ta' l-Unjoni u li tieħu rwol ewlieni fin-negozjati għat-twaqqif ta' standards internazzjonali tat-teknoloġija;

10. Minħabba li l-oċean huwa sistema kumplessa li hija diffiċli li wieħed jifhem kif taħdem permezz ta' osservazzjoni diretta jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippromwovi l-armonizzazzjoni ta' ġbir ta' data u skambju bejn Stati Membri permezz tal-ħolqien ta' Netwerk Ewropew għall-Osservazzjoni u l-Informazzjoni Marittima; Jinnota li l-implimentazzjoni ta' politiki ta' l-UE, bħad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, Natura 2000 u oħrajn, ser jinvolvu wkoll l-iżvilupp ta' netwerks ta' osservazzjoni koordinati;

11. Minħabba l-importanza kbira tat-trasport fuq l-ilma, kemm fis-suq intern u kif ukoll mas-sieħba kummerċjali ta' l-Unjoni, jemmen illi strateġija marittima ġdida ta' l-UE għandha tinkludi strateġija għall-portijiet;

12. Jinnota li l-ħażna tad-Dijossidu tal-Karbonju fi strutturi ġeoloġiċi taħt qigħ il-baħar (sub-seabed) huwa parti importanti minn ġabra ta' miżuri mmirati lejn it-tnaqqis ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett serra; jitlob il-ħolqien ta' qafas leġiżlattiv u regolatorju ċar għall-iżvilupp ta' dik it-teknoloġija;

13. Jara potenzjal għat-tnaqqis ta' l-użu ta' fjuwils tat-tip fossili u ta' l-emissjonijiet ta' CO2 fis-settur tat-trasport marittimu, inter alia permezz tal-promozzjoni ta' l-użu ta' bijofjuwils u aktar riċerka dwarhom u permezz ta' żieda fl-użu ta' enerġija tar-riħ għall-propulsjoni tal-vapuri; madanakollu jisħaq dwar il-bżonn ta' ċertifikazzjoni obbligatorja ambjentali u soċjali ta' bijofjuwils u li l-effiċjenza klimatika tul iċ-ċiklu sħiħ ta' l-eżistenza tagħhom u l-bilanċ tas-CO2 jkunu indiskutibbli;

14. Jisħaq dwar l-importanza potenzjali ta' l-enerġija ġġenerata mir-riħ, kurrenti tal-baħar, mewġ u l-frugħ u l-mili tal-baħar (tides), partikolarment fir-reġjuni kostali Ewropej, mhux biss fis-sens ta' forniment ta' enerġija iżda wkoll fis-sens ta' żvilupp ekonomiku u ħolqien ta' impjiegi;

15. Jirrikonixxi li għerf xjentifiku sod ta' l-ambjent marittimu u l-karatteristiċi tiegħu jwassal għal innovazzjonijiet ta' kwalità għolja, li jkunu favur l-ambjent u li jrendu ekonomikament; għalhekk jinsisti li r-riċerka marittima għandha tingħata importanza u enfasi speċjali permezza ta', pereżempju, żieda fir-riżorsi li jiġu allokata għaliha;

16. Jisħaq dwar l-importanza li tiġi żviluppata strateġija Ewropea għall-istudju u t-tbassir ta' l-effetti tal-bidla fil-klima li tkun tinkludi l-ambjent marittimu u z-zoni kostali fi sforz sabiex jitbassru u jittaffew l-effetti ambjentali u ekonomoċi potenzjali fuqhom;

17. Jisħaq dwar l-iżvilupp potenzjali enormi ta' l-enerġija tar-riħ lilhinn mill-kosta (offshore) u l-kontribut ewlenieni li din tista' tagħti lejn l-indipendenza ta' l-Ewropa mill-importazzjoni ta' l-enerġija u lejn il-ħarsien tal-klima, filwaqt li jirrimarka li għad hemm bżonn ta' sforzi enormi sabiex dan il-potenzjal jiġi żviluppat kompletament; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni sabiex tfassal pjan ta' azzjoni għall-enerġija tar-riħ li jkun jinkorpora approċċ Ewropew effiċjenti fir-rigward ta' teknoloġija lilhinn mill-kosta, li tippromwovi l-ħolqien ta' netwerks aktar estenżivi u li tindika l-prospetti għall-kisba ta' kapaċità ta' ġenerazzjoni ta' enerġija li ta' l-anqas tkun ta' 50GW sa l-2020: għalhekk jistenna fuq kollox l-adozzjoni ta' approċċ ta' 'one stop shop' u l-promozzjoni ta' infrastruttura ta' netwerk lilhinn mill-kosta intelliġenti; jilqa' b'sodisfazzjon ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal Pjan strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija ta' l-Enerġija u jħeġġeġ li l-isforzi jiġu ffukati fuq żvilupp fuq skala kbira ta' enerġija tar-riħ lilhinn mill-kosta;

18. Iqis it-teknoloġija blu bħala waħda mill-iktar teknoloġiji promettenti tas-snin li ġejjin, bil-possibilta' ta' użu sew fil-farmaċewtika, fil-kożmetiċi, fl-industrija ta' l-ikel u fir-rimedju ambjentali; jemmen li l-isforz fir-riċerka f'dan il-qasam għandu jissaħħaħ u tista' tintlaħaq aktar sinerġija jekk ikunu kkoordinati aħjar l-isforzi ta' l-Istati Membri fir-riċerka f'dan il-qasam;

19. Jisħaq dwar il-potenzjal għall-kisba ta' dimensjoni Ewropea għar-riċerka u l-iżvilupp marittimi permezz ta' tisħiħ ta' l-inizzjattivi ta' netwerk fost universitatjiet, ċentri pubbliċi ta' riċerka u skejjel tekniċi, inkluż il-ħolqien ta' programmi konġunti u l-iskambju ta' studenti u riċerkaturi f'dak il-qasam, bil-għan li jinħoloq netwerk ta' istituti Ewropej għar-riċerka marittima";

20. Jemmen li l-Unjoni għandha twaqqaf standards ta' ambjent u sikurezza għaż-żarmar ta' bastimenti f'zoni li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tagħha u għandha tistinka biex tarmonizza l-istandards internazzjonali f'dan il-qasam;

21. Iqis li fis-settur tat-trasport għandhom jiġu ffissati objettivi speċifiċi ta' sikurezza u kwalità umana u ambjentali; jemmen li r-riċerka f'teknoloġija mtejba u t-taħriġ ta' ħaddiema huma partikolarment importanti sabiex jiġi żgurat progress tajjeb fil-kisba ta' dawn l-objettivi;

22. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinvestiga b'mod komprensiv l-aspetti kollha ta' l-impatt ambjentali tat-trasport marittimu mill-kwalità tal-fjuwil disponibbli sa l-emissjonijiet li fl-arja u t-tixrid ta' sustanzi minn vapuri u sabiex tipproponi miżuri għal żvilupp sostenibbli tat-tbaħħir;

23. Jara l-ippjanar ta' spazju marittimu bħala vitali għall-koordinazzjoni li hemm bżonn ta' l-attivitajiet varji li qed iseħħu fl-ambjent marittimu; jemmen li l-Kummissjoni għandha tieħu t-tmexxjija f'din il-koordinazzjoni;

24. Iqis li, billi l-immaniġġjar integrat taz-zona kostali effettiv huwa indispensabbli għas-suċċess ġenerali tal-politika marittima, huwa essenzjali li tiżdied ir-riċerka interdixxiplinarja fl-immaniġġajr kostali u l-ippjanar marittimu reġjonali, li tkun tinvolvi aktar mill-qrib lil dawk ikkonċernati sabiex tiżgura li r-riċerka xjentifika f'dan il-qasam issir bl-akbar trasparenza, kunsens u parteċipazzjoni possibbli.

PROĊEDURA

Titolu

Lejn Politika Marittima ta' l-Unjoni għall-ġejjieni: Viżjoni Ewropea għall-Oċeani u l-Ibħra

Numru tal-proċedura

2006/2299(INI)

Kumitat responsabbli

TRAN

Opinjoni mogħtija minn
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ITRE
14.12.2006

Koperazzjoni aktar mill-qrib - data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

0.0.0000

Rapporteur għal opinjoni
  Data tal-ħatra

Jorgo Chatzimarkakis
4.10.2006

Rapporteur għal opinjoni preċedenti

 

Eżami fil-kumitat

28.2.2007

26.3.2007

3.5.2007

 

 

Data ta' l-adozzjoni

3.5.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

39

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Šarūnas Birutis, Renato Brunetta, Jerzy Buzek, Pilar del Castillo Vera, Jorgo Chatzimarkakis, Silvia Ciornei, Lena Ek, Nicole Fontaine, Adam Gierek, Norbert Glante, Fiona Hall, David Hammerstein Mintz, Erna Hennicot-Schoepges, Mary Honeyball, Romana Jordan Cizelj, Romano Maria La Russa, Pia Elda Locatelli, Angelika Niebler, Reino Paasilinna, Miloslav Ransdorf, Vladimír Remek, Herbert Reul, Mechtild Rothe, Paul Rübig, Andres Tarand, Catherine Trautmann, Claude Turmes, Nikolaos Vakalis, Alejo Vidal-Quadras

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Ivo Belet, Philip Dimitrov Dimitrov, Robert Goebbels, Satu Hassi, Eija-Riitta Korhola, Erika Mann, John Purvis, Hannes Swoboda, Silvia-Adriana Ţicău

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Zuzana Roithová

Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss)

 

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (11.5.2007)

għall-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

Lejn Politika Marittima ta’ l-Unjoni għall-ġejjieni: Viżjoni Ewropea għall-Oċeani u l-Ibħra
(2006/2299(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Yiannakis Matsis

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, bħala l-kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza l-fatt li, jekk jiġi żviluppat b'mod għaqli, it-turiżmu jkun sors sostenibbli ta' dħul għall-ekonomiji lokali, u jiżgura l-ħarsien u t-tisbiħ ta' l-ambjent kif ukoll il-promozzjoni u l-preservazzjoni ta' aspetti kulturali, storiċi u ambjentali, is-snajja, u t-turiżmu marittimu sostenibbli; għalhekk iħeġġeġ b'mod partikulari l-investiment fl-infrastruttura tat-turiżmu marbut mat-tbaħħir, l-għadis u l-kruċieri, u l-ħarsien u l-protezzjoni tat-teżori arkeoloġiċi ta’ taħt il-baħar;

2.  Iħeġġeġ il-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex japprovaw attivitajiet ekonomiċi tradizzjonali li ma jagħmlu l-ebda ħsara lill-ekosistemi tal-baħar, li jżidu l-valur tal-prodotti lokali, u li joffru lis-setturi, alternattivi vijabbli li jagħmlu aktar enfasi fuq il-kompetittività;

3.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jużaw aħjar il-fondi strutturali u ta' koeżjoni biex jiżviluppaw aktar is-servizzi ta' trasport intermodali fil-portijiet biex tkun iffaċilitata l-bidla mit-trasport fuq l-art għat-trasport bil-baħar, tiżdied l-effiċjenza ta' l-enerġija u jitnaqqsu l-emissjonijiet CO2 li jirriżultaw mis-sistema tat-trasport Ewropea;

4.        Jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni sabiex twettaq studji speċifiċi, statistiċi u ta' tipi oħra, li jkunu bbażati fuq ix-xjenza, ta' l-aspetti ambjentali u soċjoekonomiċi tar-reġjuni marittimi sabiex tkun kapaċi tissorvelja u tikkontrolla l-effetti ta' l-iżvilupp ta' attivitajiet ekonomiċi f'dawn ir-reġjuni;

5.  Jenfasizza l-importanza, fi ħdan politika marittima olistika, li tiġi żviluppata u implimentata politika ta' l-immaniġġjar integrat taz-zona tal-kosta (ICZM), li tkopri użi multipli taz-zoni kostali u l-impatt tagħhom fuq il-politiki ta' l-iżvilupp; jitlob, f'dan il-kuntest, għal armonizzazzjoni akbar tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti mal-liġi Komunitarja;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza Marittima sabiex jaħdmu mill-qrib biex jinkoraġġixxu l-adozzjoni tar-regoli dwar l-operat tal-portijiet, ta’ l-industrija tas-sajd, tal-konservazzjoni ta' l-ekosistemi tal-baħar u tal-wirt, tat-tniġġis, ta' sistemi ta' sorveljanza mill-bogħod (‘remote sensing’) u ta' sistemi ta' ppożizzjonar ta' satelliti li jistgħu jiġu applikati wkoll f'pajjiżi terzi sabiex tingħata għajnuna biex l-ibħra jitpoġġew fuq livell sostenibbli u jitnaqqsu l-effetti tal-kompetizzjoni inġusta fil-livell globali;

7.  Iħeġġeġ lir-reġjuni u lill-Istati Membri sabiex jużaw l-istrumenti ta' politika ta' koeżjoni sabiex jiksbu aktar integrazzjoni fil-politika marittima u kostali, jippromwovu l-intraprenditorija u joħolqu SMEs, u b'hekk jgħinu biex tingħeleb il-problema ta' l-impjieg staġjonali; jitlob, b'mod partikolari, sabiex tinħoloq netwerk ta' reġjuni ta' eċċellenza marittima fil-qafas ta' l-Objettiv ta' Koperazzjoni Territorjali Ewropea ;

8.  Jitlob sabiex jinħolqu Organizzazzjonijiet ta' Immaniġġjar Marittimu (MMOs) f'kull Stat Membru tal-kosta biex tkun possibbli s-simplifikazzjoni ta' l-immanniġġjar fid-dawl tal-firxa wiesgħa ta' dipartimenti tal-gvern u korpi oħra li għandhom sehem dirett fl-immaniġġjar marittimu;

9.        Jitlob għall-iżvilupp tal-miżuri meħtieġa u xierqa kollha sabiex ikunu evitati u mmaniġjati r-riskji tal-ħsara lil zoni tal-kosta minħabba diżastri naturali (i.e. l-għargħar, l-erożjoni, il-maltempati, it-tsunamis, il-vulkani, iċ-ċikluni) u effetti tal-bidla fil-klima, bħal ma huma ż-żieda fil-livelli tal-baħar, in-nuqqas tax-xita, id-deżertifikazzjoni u l-iskarzzezza ta’ l-ilma ta’ l-art, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-ħtiġijiet differenti ta’ protezzjoni tar-reġjuni tal-kosta varji ta’ l-UE u li jkun assigurat li l-kostruzzjoni tad-difiżi tal-kosta ma’ tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ, sabiex ma jsirx ħsara bla bżonn lill-ambjent; barra minn hekk jenfasizza l-ħtieġa li jiġu adottati miżuri globali u Komunitarji sabiex titratta t-theddidiet lill-ekosistemi tal-kosta Ewropej li jinħolqu minn dawn il-fenomeni naturali u minn attivitajiet varji tal-bniedem, bħal ma huma l-bini ta’ l-alloġġi u tat-toroq, il-faċilitajiet turistiċi u zoni kummerċjali u industrijali;

10. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jippromwovu u jżidu s-sħubijiet bejn l-universitajiet u ċ-ċentri ta' riċerka tagħhom min-naħa waħda, u bejn n-negozji min-naħa l-oħra bil-għan li jitfasslu strateġiji u proġetti prattiċi biex jgħinu fl-ispinta tat-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi fi sferi differenti tal-“grupp” (‘cluster’) marittimu;

11.      Jenfasizza l-fatt li sistema komprensiva ta’ l-ippjanar ta' spazju hija meħtieġa sabiex ikun assigurat ambjent regolatorju stabbli, sabiex l-iżvilupp kollu matul il-linji tal-kosti twal tal-Komunità kif ukoll fl-art ġewwa mill-kosta jqis il-konsegwenzi tal-bidla fil-klima u jieħu approċċ ibbażat fuq l-ekosistemi; jinnota, b’mod partikulari, li attivitajiet tal-bniedem barra minn zoni sensittivi s'sens ekoloġiku li għandhom effetti ħżiena fuq l-ambjent tal-baħar għandhom ikunu regolati wkoll, sabiex jitnaqqas l-impatt negattiv tagħhom;

12.      Jenfasizza l-importanza tal-kontribuzzjoni li tista’ tagħti l-politika ta’ koeżjoni ta’ l-UE, permezz ta’ l-objettiv tagħha ta’ "Koperazzjoni territorjali Ewropea", it-twaqqif ta’ netwerks kostali, insulari u tar-reġjuni l-aktar imbiegħda (kif ukoll il-Politika Ewropea għall-Viċinanzi), lill-politika marittima olistika permezz ta’ l-iskambju ta’ l-aħjar prattiki u tal-promozzjoni ta’ strateġiji konġunti għall-kompetittività ta’ dawn ir-reġjuni; jitlob ukoll għall-inkorporazzjoni ta’ sistema ta’ l-aħjar prattiki fl-iżvilupp ta’ inizzjattivi interreġjonali;

13. Jitlob għall-ħolqien ta’ Pjattaforma Marittima Ewropea għall-iskambju u l-promozzjoni ta’ l-aħjar prattiki bejn il-partijiet interessati Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali, b’mod partikulari fir-rigward ta’ gruppi ekonomiċi reġjonali, netwerks ta' riċerka, l-ippjanar ta’ art, il-protezzjoni tar-riżorsi naturali u governanza tajba; barra minn hekk jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipprepara katalogu ta’ proġetti fil-qasam tal-politika marittima, li huma diġà ffinanzjati mill-Komunità, sabiex ikunu iffaċilitati l-promozzjoni u l-monitoraġġ tal-prattiki tajba;

14. Jistieden lill-Istati Membri sabiex jieħdu miżuri biex itejbu l-kompetittività tan-negozji tar-reġjuni tal-kosta billi jinkoraġixxu r-riċerka, il-ħolqien ta’ ċentri ta’ eċċellenza marittima u l-iżvilupp u l-innovazzjoni teknoloġika kif ukoll il-koperazzjoni bejn in-negozji (netwerks, gruppi (‘clusters’), imsieħba pubbliċi) u l-forniment ta’ servizzi ta’ appoġġ imtejba mmirati biex titnaqqas id-dipendenza ta' dawk ir-reġjuni fuq numru limitat ħafna ta' attivitajiet ekonomiċi (tradizzjonali);

15. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra aktar il-karatteristiċi speċifiċi tal-gżejjer fit-tfassil tal-politika marittima ta' l-UE, kemm biex jiġu kkumpensati l-iżvantaġġi naturali kif ukoll jimmassimizzaw il-valur tas-sitwazzjoni ġeografika tagħhom sabiex itejbu l-integrazzjoni tagħhom fl-UE; jitlob għall-implimentazzjoni ta’ programmi u miżuri speċifiċi għall-gżejjer sabiex titjieb l-infrastruttura fil-portijiet, biex b’hekk jiżguraw aċċess imtejjeb għas-swieq kontinentali;

16. Jenfasizza l-irwol prinċipali li r-reġjuni l-aktar imbiegħda għandu jkollhom fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta' strateġija marittima Ewropea futura, fil waqt li jikkunsidraw il-pożizzjoni ġeografika tagħhom u l-għarfien estensiv tagħhom dwar l-ibħra; jinnota, b’mod partikulari, il-kontribuzzjoni importanti li r-reġjuni l-aktar imbiegħda jistgħu jagħtu lill-promozzjoni tal-kunċett “l-Ewropa ta’ l-Ibħra” f’kontinenti oħra;

17. Jisħaq dwar il-ħtieġa għal strateġija bbilanċjata għar-reġjuni marittimi f’dak li jikkonċerna l-ambjent u l-ekonomija peress li t-tnejn huma importanti ndaqs għall-iżvilupp sostenibbli tagħhom u għall-kundizzjonijiet ta’ l-għajxien f’dawk ir-reġjuni; għalhekk jenfasizza l-ħtieġa għal bilanċ bejn l-istrateġija tal-baħar u dik marittima tal-Komunità; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tħares dan il-bilanċ;

18. Jenfasizza l-importanza tad-dimensjoni ta' l-artijiet interni u ta' l-interazzjoni bejn z-zoni interni, l-ilmijiet navigabbli u x-xmajjar, l-inħawi kostali u l-baħar fl-iżvilupp ta' politika marittima olistika;

19.      Jinkuraġġixxi l-iżvilupp ta' netwerks ġodda għall-implimentazzjoni ta' proġetti u attivitajiet fil-forma ta' sħubijiet bejn is-settur privat, l-NGOs, l-awtoritajiet lokali u r-reġjuni, bil-għan li jinħolqu dinamiżmu, innovazzjoni u effiċjenza akbar u sabiex jitjieb il-livell ta’ l-għajxien fiz-zoni ta' max-xtut;

20. Jenfasizza l-ħtieġa li jkunu appoġġjati u msaħħa l-isforzi li qed isiru biex tifforma politika Ewropea ta' riċerka marittima li hija konsistenti mal-politika marittima internazzjonali kontemporanja u fl-istess waqt tikkunsidra l-protezzjoni ta' l-ambjent u l-importanza vitali tal-baħar mhux biss għall-UE imma wkoll għall-komunità internazzjonali;

21.      Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali għar-reġjuni kostali u insulari, u li jiġu implimentati miżuri b’mod partikulari fil-qasam tat-trasport marittimu, l-enerġija, is-sigurtà ta' għejuni xierqa ta' ilma, u l-ħarsien ta' l-ambjent fraġli tal-kosta u tal-ġżejjer;

22. Jenfasizza l-ħtieġa li t-teknoloġiji standard jiġu mibdula ma’ teknoloġiji li jirrispettaw l-ambjent u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jipprovdu inċentivi finanzjarji u/jew tnaqqis fit-taxxa u assistenza, permezz ta’ l-użu ta’ programmi ta’ riċerka innovattivi li jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw din il-bidla;

23. Jinkoraġġixxi liċ-ċentri ta' riċerka fl-Ewropa kollha biex jikkoperaw fir-riċerka tagħhom f'teknoloġiji innovattivi dwar il-magni tal-vapuri; jinnota li din ir-riċerka għandha tqis il-ħarsien ta' l-ambjent u b’mod speċjali il-ġlieda kontra t-tniġġis tal-baħar u tal-kosta u l-qerda ta' l-ekosistemi; barra minn hekk jitlob għall-ħolqien ta’ “netwerk Ewropew għar-riċerka dwar l-ibħra” li għandu jappoġġja ir-riċerka marittima Ewropea komuni, li tista' tagħmel lill-UE mexxej globali fil-qasam;

24.      Jinkoraġġixxi l-ħolqien ta' “grupp ta' esperti” informali magħmula mill-Kummissjoni u l-partijiet interessati rilevanti fil-qasam, li għandu jikkontrolla l-koperazzjoni marittima sostenibbli fl-ibħra Ewropej u jipprepara għal aktar proġetti ambizzjużi li għandhom jitwettqu wara l-2013;

25. Jenfasizza l-ħtieġa li r-reġuni kostali, il-gżejjer u r-reġjuni l-aktar imbiegħda jkunu żviluppati b’mod sostenibbli sabiex jibqgħu postijiet attraenti fejn wieħed jgħix, jaħdem u jinvesti għall-ġenerazzjonijiet futuri wkoll, billi jitjiebu l-aċċessibilità u l-infrastrutturi tat-trasport intern, b’mod partikulari bl-introduzzjoni ta’ aktar flessibilità fil-forniment ta’ miżuri ta’ appoġġ ekonomiku għat-trasport. Filwaqt li jitqiesu bidliet demografiċi staġjonali, jirrimarka dwar il-ħtieġa li jiġu adottati miżuri bi qbil mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà sabiex jitjiebu s-servizzi ta' interess ġenerali (is-saħħa, l-edukazzjoni, l-ilma u enerġija, l-informazzjoni, it-teknoloġiji tal-komunikazzjoni, is-servizzi tal-posta, u t-trattament ta' l-ilma tad-dranaġġ, u ta' l-iskart);

26. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tagħti attenzjoni speċjali lin-numru li dejjem qed jonqos u taż-żieda fl-età taċ-ċittadini Ewropej li jaħdmu fl-oqsma relatati mal-baħar; jemmen li għandhom jittieħdu aktar passi sabiex ikun promoss it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja għal dawk il-ħaddiema;

27. Jenfasizza l-ħtieġa li jitjieb l-ireġistrar tad-dejta marittima permezz ta' l-appoġġ tal-proposta li titwaqqaf Netwerk Marina Ewropea għall-Osservazzjoni u d-Dejta (EMODN) li għandha tintegra d-dejta eżistenti ma' dik ġdida, b'hekk tippermetti l-monitoraġġ fuq tul ta’ żmien u proċess ta' kwalità għolja ta' evalwazzjoni tar-riskji;

28.      Jenfasizza li politika marittima Ewropea olistika għandu jkollha dimensjoni ta' relazzjonijiet esterni, b'mod speċjali ma' pajjiżi terzi fil-viċinat immedjat, li tirrispondi għall-isforzi ta' tmexxija ta' l-ibħra extraterritorjali 'l barra mill-ibħra Ewropej, u li tirrispondi għall-proċess regolatorju, li jaffettwa l-politiki nazzjonali ta' l-Istati Membri;

29. Isostni li l-koperazzjoni territorjali Ewropea għanda rwol importanti fit-twaqqif ta' ċentri ta' riċerka reġjonali, fl-immaniġġjar konġunt tar-riżorsi ta' l-ilma u ta' l-estwarju, fl-immaniġġjar tar-riżorsi ta' l-enerġija, l-art, il-kosti, u s-sikurezza, u fil-promozzjoni ta' żvilupp soċjali u pjanar strateġiku fis-setturi varji li jiffurmaw il-'grupp' marittimu; iqis li l-istrateġija msemmija hawn fuq għandha tkun implimentata wkoll billi jiġi sfruttat kompletament il-potenzjal ta' l-ENP;

30. Jitlob li jkun hemm politika marittima futura fl-Unjoni sabiex ikunu rrispettati l-impenji li ħadu l-Istati Membri fil-qafas tat-trattati internazzjoanli (jiġifieri l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni ta' l-Ambjent Marittimu ta' l-Atlantiku tal-Grigal - OSPAR) u jikkonformaw ma' jew itejbu l-impenji possibbli f'oqfsa futuri ta' l-UE;

31. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra wkoll l-allokazzjoni mill-ġdid ta' fondi mhux impenjati minħabba r-regola ta' l-N+2 jew l-N+3 lejn intervenzjonijiet ta' finanzjament strutturali fil-qafas tal-politika marittina futura ta' l-UE, b’mod partikulari relatata mat-titjib tal-kwalità tal-ħajja fir-reġjuni kostali, l-ambjent tal-baħar u l-impjiegi lokali fl-industrija marittima;

32. Jenfasizza l-bżonn ta' aktar riċerka xjentifika fl-interazzjoni ta' partijiet differenti ta' l-ekosistema tal-baħar u l-effetti fuqha tal-bidla fil-klima u ta' l-isfruttament mill-bniedem tar-riżorsi naturali;

33. Jinkoraġġixxi l-inizjattivi u l-attivitajiet kollha magħmula mill-FRONTEX u jinkoraġġixxi wkoll, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi partikulari ta’ kull gżira, koordinazzjoni u koperazzjoni aktar b'saħħithom u aktar mill-qrib fost il-gżejjer sabiex jiġu affaċċjati u miġġielda b'mod effettiv il-migrazzjoni illegali u t-traffikar tad-droga;

34. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex teżamina l-ħtieġa li jinħoloq korp Ewropew għall-għassa tal-kosta sabiex jgħin lir-reġjuni insulari u tal-kosta u lill-Istati Membri fis-sorveljanza tal-fruntieri esterni ta' l-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex teżamina wkoll l-irwol possibbli ta' korp Ewropew għall-għassa tal-kosta fil-ġlieda kontra s-sajd illegali u mhux regolat fl-ibħra Ewropej;

35. Jistieden lill-Istati Membri sabiex, fis-sistemi edukattivi u ta' taħriġ tagħhom, irawwmu l-fehma ta', u apprezzament għall-wirt marittimu u jinkoraġġixxu r-reklutaġġ f'xogħolijiet u professjonijiet relatati mal-baħar; jitlob ukoll sabiex ikun hemm edukazzjoni mfassla b'aktar reqqa fuq il-bżonnijiet speċifiċi ta’ l-entitajiet varji involuti fil-“grupp” marittimu;

36. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jassiguraw livell adegwat ta’ parteċipazzjoni mill-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni ta’ politika marittima integrata u fl-immaniġġjar tar-reġjuni tal-kosta; jitlob ukoll għall-appoġġ ta’ netwerks reġjonali tematiċi għall-iżvilupp ta’ proġetti komuni fl-oqsma tat-trasport, ta’ l-infrastruttura, tal-ħarsien ta’ l-ambjent, tal-koordinazzjoni ta' l-industriji tas-sajd u koperazzjoni fil-kummerċ;

37. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinvestiga dwar kif għandhom ikunu implimentati b’suċċess l-ippjanar ta' l-artijiet u l-immaniġġjar integrat ta' l-inħawi tal-kosta, b'referenza partikulari għaċ-ċirkostanzi speċjali tal-ġżejjer.

PROĊEDURA

Titolu

Lejn Politika Marittima ta' l-Unjoni għall-ġejjieni: Viżjoni Ewropea għall-Oċeani u l-Ibħra

Numru tal-proċedura

2006/2299(INI)

Kumitat responsabbli

TRAN

Opinjoni mogħtija minn
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

REGI
14.12.2006

Koperazzjoni aktar mill-qrib – data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

 

Rapporteur
  Data tal-ħatra

Yiannakis Matsis
6.11.2006

Rapporteur għal opinjoni preċedenti

 

Eżami fil-kumitat

12.4.2007

 

 

 

 

Data ta' l-adozzjoni

2.5.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

42

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alfonso Andria, Stavros Arnaoutakis, Jean Marie Beaupuy, Rolf Berend, Antonio De Blasio, Vasile Dîncu, Gerardo Galeote, Iratxe García Pérez, Eugenijus Gentvilas, Gábor Harangozó, Marian Harkin, Jim Higgins, Alain Hutchinson, Gisela Kallenbach, Tunne Kelam, Evgeni Kirilov, Constanze Angela Krehl, Mario Mantovani, Miguel Angel Martínez Martínez, Yiannakis Matsis, Miroslav Mikolášik, Lambert van Nistelrooij, Jan Olbrycht, Maria Petre, Markus Pieper, Elisabeth Schroedter, Stefan Sofianski, Grażyna Staniszewska, Oldřich Vlasák, Vladimír Železný

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Bastiaan Belder, Silvia Ciornei, Brigitte Douay, Den Dover, Riitta Myller, Zita Pleštinská, Christa Prets, Miloslav Ransdorf, Richard Seeber, László Surján, Károly Ferenc Szabó

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Véronique De Keyser, Henrik Lax, Samuli Pohjamo

Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss)

 

OPINJONI tal-Kumitat għas-Sajd (22.5.2007)

għall-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

Lejn Politika Marittima għall-Unjoni fil-ġejjieni: Viżjoni Ewropea għall-Oċeani u l-Ibħra
(2006/2299(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Struan Stevenson

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Sajd jistieden lill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, bħala l-kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora l-emendi li ġejjin fir-rapport tiegħu:

A.  billi l-koordinazzjoni tas-setturi differenti involuta fl-affarijiet marittimi hi essenzjali għar-realizzazzjoni tal-potenzjal sħiħ ta’ l-interessi marittimi ta’ l-UE,

B.   billi l-applikazzjoni ta' l-Istrateġija ta' Liżbona għall-politiki marittimi ma tikkonċernax biss l-objettivi marbuta mat-titjib tal-kompetittività iżda għandu jkollha wkoll impatt fuq pilastri oħra ta' l-istrateġija, bħall-ħolqien ta' impjiegi marittimi aktar sostenibbli u ta' kwalità aħjar fl-UE,

C.  billi s-sajd huwa settur akonomiku regolat ħafna u għalhekk għandu jkun hemm miżuri fis-seħħ sabiex jiġi żgurat li dawn ir-regolamenti jsarrfu fi prattika tajba u f'riżultati tajbin; billi, sabiex tiġi implimentata s-sostenibilità, huwa neċessarju li wieħed iqis il-ħafna fatturi varji li jinfluwenzaw l-istat ta' l-istokkijiet tal-ħut bħall-bidla fil-klima, il-predaturi, it-tniġġis, l-esplorazzjoni u t-tħaffir għaż-żejt u l-gass, l-istallazzjonijiet marittimi li jużaw il-qawwa tar-riħ għall-produzzjoni ta' l-enerġija, u l-estrazzjoni tar-ramel u ż-żrar,

D.  billi fi żmien għoxrin sena s-settur tas-sajd ta' l-UE se jkun ġie ttrasformat minħabba l-fatturi barranin bħall-bidla fil-klima u l-azzjonijiet tal-bniedem, u billi l-evidenza ta' trasformazzjoni bħal din diġà tidher fil-każ tal-bakkaljaw tal-Baħar tat-Tramuntana, huwa kruċjali li jiġu indirizzati b'mod effettiv il-kawżi tal-bidla fil-klima,

E.   billi l-għan ewlieni tal-politika marittima Ewropea għandu jkun li tiġi mmassimizzata, b'mod sostenibbli, il-kwalità tal-ħajja tal-persuni li jgħixu f'żoni kostali jew li l-ħajja tagħhom hija affettwata bl-affarijiet marittimi, u billi dan jirrikjedi politiki li jirrikonoxxu l-bżonnijiet speċifiċi tal-komunitajiet kostali u l-problemi li dawn il-komunitajiet jaffaċċjaw, u li jibbilanċjaw b'mod effettiv l-aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali ta' żvilupp sostenibbli,

F.   billi fl-implimentazzjoni ta' Politika Marittima Ewropea għandha tingħata attenzjoni sħiħa għall-prinċipju ta' sussidjarjetà, b'rikonoxximent partikulari ta' l-istrutturi kostituzzjonali, legali u amministrattivi li joperaw fi ħdan l-Istati Membri individwali,

1.   Jistieden lil kull Stat Membru kostali biex jikkunsidra mezzi li jippermettu s-simplifikazzjoni ta' l-immaniġġjar, minħabba l-firxa wiesgħa ta' dipartimenti governattivi, id-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni u korpi oħra, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali li għandhom kontribuzzjoni diretta fl-immaniġġjar tal-baħar; l-irwol ta' konsultazzjoni siewi tal-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali (RACs) għandu jiġi rikonoxxut ukoll u l-RACs għandhom jiġu kkonsultati dwar l-immaniġġjar tal-baħar;

2.   Iqis li, filwaqt li ħafna aspetti tal-politika marittima huma koordinata l-aħjar fuq il-livell ta' l-UE, l-implimentazzjoni speċifika ta' miżuri ta' mmaniġġjar fis-sajd u f'oqsma oħra tal-politika marittima jseħħu fuq livelli nazzjonali, reġjonali u lokali u għalhekk kwalunkwe politika marittima futura Ewropea għandha topera fuq il-livell ta' l-UE fejn dan huwa l-aktar xieraq, filwaqt li jiġu rispettati b'mod sħiħ l-opinjonijiet u l-interessi ta' dawk li jgħixu fil-komunitajiet kostali ta' l-Ewropa;

3.   Jitlob il-ħolqien ta' netwerk Ewropew ta' riċerka tal-baħar li jinkuraġġixxi l-iskambju ta' informazzjoni fost korpi u setturi ta' riċerka Ewropej u li jżomm lill-UE fuq quddiem fir-rigward ta' l-innovazzjoni u l-għarfien ta' l-ambjent tal-baħar;

4.   Meta wieħed iqis li s-settur marittimu huwa wieħed mill-ftit oqsma fejn l-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas m’huwiex imħaddan, jemmen li l-industriji ta' skariku affluwenti, l-industriji involuti fl-estrazzjoni ta’ ramel u ta’ żrar u t-tħassib dwar l-enerġija marittima għandhom jikkontribwixxu għal fond ta' l-UE immirat lejn il-ħarsien tal-bijodiversità u l-ekosistemi tal-baħar kollha, u b'mod partikulari lejn l-istokkar mill-ġdid u l-konservazzjoni tas-sajd;

5.   B’kunsiderazzjoni li l-bini ta’ lqugħ fil-baħar għall-protezzjoni miż-żieda fil-livelli tal-baħar, jista' jwassal għal telf ta’ abitat, filwaqt li ż-żieda fiha nfisha tikkawża ‘tagħsir tal-kosta’ ta’ bassasiet tal-melħ u pjanuri tat-tajn u l-erożjoni ta' duni tar-ramel, kollha kemm huma huma ambjent rikk għal pjanti u annimali, jappella għal strategija fuq żmien twil biex jinżamm l-ilqugħ tal-kosta, issir protezzjoni kontra ż-żieda fil-livelli tal-baħar u biex it-telf ta' l-ambjent naturali jkun imminimizzat, b'mod partikulari fil-gżejjer;

6.   Hu tal-parir li l-attività tas-sajd ser ikollha tikkontribwixxi wkoll għaż-żamma ta’ komunitajiet kostali vijabbli permezz ta’ aċċess ta' l-industrija tas-sajd għal interessi ta’ sajd qrib il-kosta u fuq skala żgħira u sajjieda għar-rikreazzjoni u li dawn l-attivitajiet jalimentaw lit-turiżmu, jipproteġu l-wirt kostali sinjur tagħna u jgħinu biex iżommu flimkien il-komunitajiet ta' mal-baħar tagħna;

7.   Jinnota l-iskarsezza ta' esperti u professjonisti mħarrġa sew li qed taffaċċja din l-industrija; jissuġġerixxi li jitfasslu korsijiet ta' taħriġ speċjalizzat għall-kaptani u l-ekwipaġġ ta' dgħajjes tas-sajd biex jipprovdu tagħlim bażiku tax-xjenza li teffettwa l-industrija tagħhom, inkluż l-għarfien ta' l-importanza tat-tmexxija u sostenibilità ambjentali bħala għajnuna għall-iżvilupp progressiv ta' strateġija bbażata fuq l-ekosistemi għall-immaniġġjar tajjeb tas-sajd;

8.   Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex toħloq pjanijiet ta' taħriġ mill-ġdid vokazzjonali għas-sajjieda, li jinkuraġġuhom biex jiffokaw fuq prattiki ġodda li jippromwovu l-użu ta' għarfien relatat max-xogħol fuq il-baħar; jinnota li s-setturi ta' l-akwakultura lilhin mill-kosta u ta' l-ekoturiżmu huma fost il-miri possibbli;

9.   Jinnota l-importanza li tittejjeb l-impressjoni tas-settur tas-sajd, li bħalissa ma tantx hi rispettata; huwa ta’ l-opinjoni li t-titjib fis-saħħa u fis-sikurezza fuq id-dgħajjes, u salarji u kondizzjonijiet aħjar għall-ekwipaġġ, jistgħu jintlaħqu biss f’industrija sostenibbli u profittabbli u li aktar riżorsi jridu jiġu dedikati għal riċerka u edukazzjoni mmirati biex itejbu l-għarfien u l-kapaċitajiet;

10. Jinnota li l-ħolqien ta' kundizzjonijiet li jiżguraw iġjene, sikurezza u kumdità għall-ħaddiema fl-industrija tas-sajd, kemm għas-sajjieda stess u kif ukoll għan-nies li jaħdmu f'setturi ‘upstream’ u ‘downstream’, huwa objettiv ewlieni ta' politika għall-ibħra u l-oċeani;

11. Jitlob li jinħoloq netwerk Ewropew ta' kulleġġi għal persuni li jaħdmu fis-settur marittimu li jkun marbut mill-qrib mar-riċerka marittima u li jippromwovi taħriġ għal ħaddiema ta' kapaċità għolja;

12. Jesprimi t-tħassib tiegħu li, filwaqt li s-settur hu lest li jaċċetta l-iżvilupp ta’ approċċ għall-immaniġġjar tas-sajd ibbażat fuq ekosistemi, bħala riżultat tar-restrizzjonijiet addizzjonali li jistgħu jirriżultaw min-netwerk ta’ Natura 2000 u minn żoni protetti tal-baħar (MPAs) oħra possibbli, l-aċċess mhux ristrett u l-attivitajiet tas-sajd f’dawn iż-żoni jistgħu jiġu kompromessi; hu ta’ l-opinjoni li l-iżvilupp ta’ attivitajiet ta’ l-industrija tas-sajd li ma jagħmlux ħsara lill-objettivi ta’ protezzjoni għandhom jitħallew fl-MPAs; huwa tal-fehma li, fil-każ ta' l-attivitajiet tas-sajd li jagħmlu ħsara, jew potenzjalment jagħmlu ħsara, lill-objettivi ta' ħarsien ta' l-MPAs, għandhom isiru sforzi akbar, inkluż permezz ta' riċerka u żvilupp, sabiex il-metodi ta' sajd isiru aktar tajba għall-ambjent sabiex jiġi faċilitat aċċess akbar għal żoni bħal dawn fejn dan ikun ġustifikabbli;

13. Madankollu, jinnota li s-sajd ser ikollu jiġi ristrett fil-futur permezz a approċċ prekawzjonarju biex jiżgura li nżommu ekosistemi b'saħħithom u nipproteġu speċijiet u abitati rari, vulnerabbli jew ta' valur u li dan żgur ifisser aktar protezzjoni ambjentali minn qabel, li tinvolvi netwerk ta’ MPAs maħluq skond id-dispożizzjonijiet stipulati fi ħdan il-qafas tal-Politika Komuni dwar is-Sajd (is-CFP) u sistema ta’ mmaniġġjar taż-żoni kostali integrata, sabiex jiġi żgurat li nwaqqfu d-degradazzjoni bla bżonn ta' abitati u t-tnaqqis drastiku tal-bijodiversità;

14. Jenfasizza l-bżonn ta' aktar riċerka xjentifika fl-interazzjoni ta' bejn il-partijiet differenti ta' l-ekosistema tal-baħar u l-effetti fuqha tal-bidla fil-klima u ta' l-isfruttament mill-bniedem tar-riżorsi naturali;

15. Jistieden lill-Kummissjoni biex tqis l-esperjenzi ta' suċċess fl-immaniġġjar tas-sajd minn awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu applikati bħala mudelli f'reġjuni oħra, b'mod partikulari dawk l-esperjenzi li jinvolvu mmaniġġjar integrat u sostenibbli tal-baħar permezz ta' projbizzjoni fuq tagħmir tas-sajd mhux selettiv, permezz ta' proporzjon bejn id-daqs tal-flottot tas-sajd u r-riżorsi disponibbli, ippjanar kostali, regolamentazzjoni ta' l-attivitajiet tat-turismu, bħall-osservazzjoni taċ-ċetaċji, tfassil ta' pjanijiet ta' maniġment għal siti fin-netwerk Natura 2000 u ħolqien ta' żoni protetti;

16. Japprova l-impenn li ħadet l-UE fis-Samit Dinji fl-2002 u mtenni fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni riċeneti (L-implimentazzjoni tas-sostenibilità fis-sajd ta' l-UE permezz permezz ta' l-ogħla rendiment sostenibbli possibbli) biex il-popolazzjonijiet tal-ħut jerġgħu jiġu għal-livelli li jkunu kapaċi jipproduċu l-ogħla rendiment sostenibbli possibbli (MSY) sa l-2015 fejn ikun possibbli; huwa tal-fehma li dan l-aħjar li jsir huwa billi jiġi evitat l-użu ta' punti ta' referenza arbitrarji bbażati fuq mudell matematiku sempliċi; jikkunsidra li interpretazzjoni alternattiva ta' l-MSY, fejn jintuża kunċett bħall-immassimizzar tal-qabdiet kumulattivi fuq perjodu ta' żmien fiss (possibilment ta' għaxar snin), tista' tipprovdi mod realistiku u possibbli biex jitjieb l-istatus tas-sajd fl-UE;

17. Jitlob li jkun hemm aktar sforzi sabiex jiefqu l-qbid sekondarju u r-rimi bl-addoċċ li huma konsegwenza ewlenija tal-Qbid Totali Permess (Total Allowable Catches - TACs) u s-sistema ta’ kwoti tas-CFP; hu ta’ l-opinjoni li d-depredazzjoni tal-qbid sekondarju ta’ mammiferi tal-baħar, għasafar tal-baħar u fkieren hija viltà li trid titwaqqaf u li, barra minn hekk, il-ħsara kkawżata minn tagħmir tas-sajd fuq qigħan tal-baħar sensittivi tirrikjedi li dawn jingħataw protezzjoni speċjali; jinnota li x-xbieki mitlufa jwasslu għal “ghost-fishing” li jista' jikkawża tnaqqis konsiderevoli fl-istokkijiet tal-ħut;

18. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tieħu miżuri biex tikkontrolla s-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux regolat (IUU), li huwa responsabbli għat-tnaqqis ta' numru kbir ta' stokkijiet ta' speċijiet importanti; jenfasizza li t-tnaqqis drastiku fl-istokkijiet ta' dawn l-ispeċijiet li jseħħ minħabba l-prattiki illegali jista' jkollu konsegwenzi diżastrużi għall-preservazzjoni ta' l-ekosistemi tal-baħar, li direttament jew indirettament jaffetwaw attivitajiet relatati oħra barra s-sajd, bħall-ekoturiżmu akwatiku;

19. Jikkunsidra li mod importanti biex jitnaqqas ir-rimi huwa billi titjieb is-selettività tas-sajd, permezz ta' modifiki tat-tagħmir u tat-tekniki tas-sajd; jirrikonoxxi li l-koperazzjoni u l-għarfien tas-sajjieda f'din il-kwistjoni huma essenzjali u li s-sajjieda li huma innovattivi f'dan is-sens għandhom jiġu ppremjati;

20. Jikkunsidra li s-sajd IUU huwa problema kbira u li qed tiżdied, u qed tikkawża kemm il-qerda ta' stokkijiet tal-ħut importanti u kif ukoll kompetizzjoni inġusta bejn is-sajjieda li jirrispettaw dawn ir-regoli u dawk li ma jirrispettawhomx; jinnota li, f'ċerti industriji tas-sajd fl-UE, il-qabdiet IUU huma parti sinifikanti tal-qabda totali; jistenna bil-ħerqa l-komunikazzjoni li ġejja tal-Kummissjoni u l-proposti leġiżlattivi kontra s-sajd IUU u li jaġġornaw il-Pjan ta' Azzjoni 2002 ta' l-UE;

21. Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni għall-kontroll ta' sustanzi li jniġġsu (tniġġis ambjentali tal-baħar) li joriġinaw mill-iskart agrikolu, mid-drenaġġ jew affluwenti industrijali, jew miż-żibel, ħafna drabi boroż tal-plastik, li bihom il-mammiferi, il-fkieren u l-għasafar tal-baħar jistgħu jifgaw; sustanzi li jniġġsu bħal dawn huma periklu dejjem ikbar, li għandhom impatt qawwi fuq is-settur tas-sajd u fuq it-turiżmu u kif ukoll inaqqsu l-kwalità u s-saħħa tal-prodotti tas-sajd destinati għall-konsum mill-bniedem; rigward il-basitmenti li jbaħħru fl-oċeani, jistieden lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jimplimentaw l-Anness V tal-konvenzjoni MARPOL ta' l-IMO, li jipprojbixxi r-rimi fil-baħar ta' skart tal-plastik u ta' l-irmiet li jirriżulta mill-inċinerazzjoni tal-plastik; jistieden lill-Kummissjoni biex temenda d-Direttiva 2005/59/KE dwar il-faċilitajiet ta' ġbir fil-portijiet biex jitjiebu l-adegwatezza u d-disponibilità ta' faċilitajiet bħal dawn fl-UE u biex finalment jitnaqqas ir-rimi ta' skart fil-baħar;

22. Jitlob sabiex il-ġarr ta’ żejt u ta' merkanzija oħra tossika permezz ta' vapuri fuq il-baħar, fil-futur jiġi limitat għal żoni maħsuba apposta; għandu jkun hemm regoli xierqa għal attivitajiet ta' trażbord f'dawn iż-żoni u t-trażbordi kollha jridu jiżguraw li jiġu protetti żoni importanti, b'mod partikulari fejn iż-żoni ta' trażbord jikkoinidu ma' żoni tan-Natura 2000 jew jikkonfinaw magħhom; konformità mad-Direttivi ta' l-Għasafar u l-Abitati tkun trid tiġi garantita wkoll; il-ġarr bil-vapuri jikkontribwixxi għat-tniġġis tal-baħar u potenzjalment għat-tħarbit fl-ekosistema, permezz ta’ l-introduzzjoni ta’ speċijiet aljeni mill-iskariki ta' ilma tas-saborra u l-użu ta’ kimiċi f’żebgħa ‘anti-fouling’ li jaffettwaw l-ormoni tal-ħut; l-irqajja' taż-żejt ukoll huma periklu marittimu ewlieni;

23. Jistieden lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jirratifikaw il-Konvenzjonijiet Internazzjonali dwar l-Ilma tas-Saborra u Sistemi Antifouling, filwaqt li jikkontribwixxu wkoll għall-implimentazzjoni effettiva u prattika tal-MARPOL 73/78, li flimkien ikopru r-riskji u l-impatti ta' l-ispeċijiet aljeni invażivi, ta' l-ilma tas-saborra u taż-żebgħa ‘anti-fouling’;

24. Jemmen ħafna li hemm bżonn urġenti għall-promozzjoni u għall-implimentazzjoni ta’ programm ta’ ppjanar ta’ l-ispazju / ta’ mmappjar għall-ilmijiet tal-Komunità sabiex jiġu ssodisfati l-bżonnijiet taż-żamma ta' settur tas-sajd sostenibbli u geografikament rappreżentattiv; tfassil ta’ mapep ta’ zoni idealment adattati għall-impjanti kollha fuq il-baħar għall-enerġija mir-riħ u għall-produzzjoni ta’ l-enerġija jew għas-sekwestru tal-karbonju u l-estrazzjoni ta’ ramel u żrar jew akkwakultura jew tfassil ta’ mapep tal-pożizzjoni ta' l-MPAs, inklużi s-siti tan-Natura 2000 u l-lokazzjoni ta' abitati u speċijiet sensittivi oħra jwasslu għal użu aktar effiċjenti u sostenibbli ta’ l-ambjent marittimu tagħna; biex ikun possibbli ppjanar ta’ spazju effettiv, iż-żoni ta’ attività tas-sajd iridu jitfasslu fuq il-mapep, u dan għandu jkun faċilitat billi l-aċċess għall-VMS u d-dejta fil-ġurnal ta’ abbord jitjieb u jiġi standardizzat; jikkunsidra li d-deċiżjonijiet ta' ppjanar rigward l-ilmijiet tal-Komunità għandhom jiġu kkunsultati bis-sħiħ mas-settur tas-sajd u mal-komunitajiet affetwati direttament;

25. Filwaqt li prattika ħażina trid tispiċċa, jirrimarka l-importanza ta’ żviluppi mhux relatati mas-sajd li jistgħu jkunu kompatibbli mas-settur tas-sajd billi, pereżempju, jitħeġġeġ id-disinn tal-pjattaformi għall-produzzjoni ta' l-enerġija jew pjattaformi ta’ turbini tar-riħ li jgħinu s-sostenn ta' ekosistema li tkun qed tikber, biex jgħinu l-istabbiliment ta’ postijiet għat-trobbija u għar-riproduzzjoni ta’ speċijiet tal-baħar f’żona eskussiva għas-sajd;

26. Jappella għal ippjanar b’reqqa ta’ installazzjonijiet marittimi ta' sorsi li jiġġeddu ta' l-enerġija; hemm ħafna perikli potenzjali assoċjati mal-produzzjoni ta’ l-enerġija li jridu jiġu evitati; strutturi maħsuba biex jiġġeneraw l-enerġija mir-riħ jew mill-mewġ jistgħu jaffettaw iċ-ċikli naturali tas-saff il-baxx tal-baħar; estwarji jistgħu jitilfu żoni affettwati mill-frugħ tal-baħar li huma sors ta' ikel għal għasafar minħabba l-introduzzjoni ta’ diġi li jaħdmu bil-frugħ tal-baħar (barrages) li jnaqqsu ż-żoni affettwati mill-frugh tal-baħar; bl-istess mod, bidliet fis-saħħa tal-flugħ tal-baħar jistgħu jaffettwaw bosta ħlejjaq tal-baħar bħas-sikek ta’ ‘horse-mussel’ u ‘flame-shell’, roqoq ta’ ‘maerl’, anemoni u koralli rotob; jinnota li xi reġjuni b'potenzjal għoli ta' enerġija mill-ibħra tagħhom, bħal reġjuni li jkunu jinsabu l-bogħod mill-art prinċipali, m'humiex kapaċi li jgawdu mill-benefiċċji min-netwerks ta' l-enerġija transewropej minħabba l-iżolament ġeografiku tagħhom;

27. Jenfasizza s-sinifikat soċjoekonomiku li qed jiżdied fit-trobbija tal-ħut hekk kif l-istokkijiet tal-ħut tal-baħar madwar id-dinja qed jonqsu; dalwaqt, l-ammont tal-prodotti ta’ l-akwakoltura li jinbiegħu kull sena madwar id-dinja ser jaqbeż l-ammont li jinqabad mill-baħar; l-UE kienet minn ta’ quddiem f’dan l-iżvilupp eċitanti u għandha tinsisti biex iżżomm il-pożizzjoni tagħha u tinkoraġġixxi aktar żvilupp b’tali mod li jkun kompatibbli ma’ użi kostali u marittimi oħra ; l-importanza tat-trobbija tal-ħut għall-komunitajiet remoti u rurali fejn jeżistu ftit opportunitajiet oħra ta’ xogħol ma tistax tkun enfasizzata biżżejjed; fil-kuntest ta' approċċ ta' maniġment integrat taż-żoni kostali, żoni definiti b'mod ċar fejn il-farms għat-trobbija tal-ħut jistgħu jiġu miġbura għandhom jiġu promossi u dan għandu jkun marbut ma' sistema regolatorja simplifikata li tinkuraġġixxi l-intraprenditorjat u s-sostenibilità; għandhom jiġu żviluppati tekniki ġodda fis-settur ta' l-akwakultura u dan għandu jippermetti mmaniġġjar aħjar tal-kwalità, assigurazzjoni tat-traċċabilità matul il-produzzjoni u ktajjen ta' valur miżjud u r-rikonoxximent ġenerali tat-trobbija tal-ħut bħala fattur ewlieni fis-settur marittimu;

28. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ċerti prattiki ta' l-akwakultura qed jikkontribwixxu għat-tnaqqis ta' xi stokkijiet; jinnotali li l-qbid ta' ċerti speċijiet fil-baħar, li jkunu għadhom żgħar, għat-tismin ma jħallihomx jirriproduċu u b'hekk ma jkunx qed jiġi żgurat il-bilanċ bijoloġiku ta' bejn l-ispeċijiet; huwa tal-fehma li l-prezzijiet għoljien li wħud minn dawn l-ispeċijiet jilħqu f'xi swieq tad-dinja huma l-kawża prinċipali għal din l-indifferenza kompleta għall-bżonn li jiġu ppreservati ċerti ekosistemi tal-baħar;

29. Jirrimarka li operazzjonijiet militari wkoll iħallu impatt fuq is-settur tas-sajd; żoni ta’ sparar fuq il-baħar huma żoni fejn ħadd ma jista' jmur jistad jew ibaħħar fihom, madankollu dawn jistgħu joffru oasi għall-bijodiversità; minkejja dan, l-użu ta’ sonar bi frekwenza ultra baxxa, partikolarment minn sottomarini, għandu effett serju fuq il-mammiferi tal-baħar u stokkijiet tal-ħut oħra u għandu jkun regolat b’mod strett u limitat għal żoni maħsuba;

30. Jirrimarka li l-immappjar tridimensjonali ta’ qiegħ il-baħar ser ikun ta’ valur enormi mhux biss għall-industrija tas-sajd imma wkoll għas-settur ta’ l-enerġija, għall-konservazzjonisti u anke għall-interessi tad-difiża; il-valur kummerċjali sinifikanti ta’ dawn il-mapep huwa evidenti u dawn jistgħu jgħinu biex tissolva l-kwistjoni ta' ffinanzjar għal din l-attività; dejta aħjar fis-settur marittimu tista' ġġib magħha tbassir tat-temp aħjar u informazzjoni dwar l-għoli tal-mewġ mistenni;

31. Jappoġġja t-twaqqif ta' gwardja kostali Ewropea; dan hu neċessarju biex wieħed jindirizza t-tniġġis tal-baħar, l-immigrazzjoni illegali u t-terroriżmu imma huwa wkoll meħtieġ fil-ġlieda kontra sajd illegali, mhux irregolat u mhux irrappurtat (IUU) u biex jogħlew l-istandards tas-sikurezza marittima; l-Aġenzija għall-Kontroll tas-Sajd ta’ l-UE l-ġdida f’Vigo għandha tikkoordina l-attivitajiet ma’ l-Istati Membri kostali kollha biex tiżgura approċċ konġunt għas-sorveljanza marittima; għandu jkun hemm infurzar ugwali madwar l-UE fejn pieni u sanzjonijiet indaqs jiġu applikati fil-qrati ta’ l-Istati Membri.

32. Ifakkar li fil-paragrafu 34 tar-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Settembru 2003, dwar it-tijib fil-baħar b'reazzjoni għall-inċident ta' Prestige[1] huwa kien talab għat-twaqqif ta' gwardja kostali Ewropea, talba li ġiet imtennija riċentement (fil-paragrafu 19 tar-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Frar 2007, dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni ta' l-UE kontra sajd illegali mhux irrappurtat u mhux irregolat [2]); iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta speċifika f'dan il-qasam sa l-aħħar tas-sena;

33. Jenfasizza l-bżonn li jiġi mmonitorjat is-sajd fl-ilmijiet internazzjonali, minħabba li dan ukoll jaffettwa r-riżorsi tas-sajd fl-EEZs fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

PROĊEDURA

Titolu

Lejn Politika Marittima ta' l-Unjoni għall-ġejjieni: Viżjoni Ewropea għall-oċeani u għall-ibħra

Numru tal-proċedura

2006/2299(INI)]

Kumitat responsabbli

TRAN

Opinjoni mogħtija minn
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

PECH
14.12.2006

Koperazzjoni aktar mill-qrib - data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

 

Rapporteur
  Data tal-ħatra

Struan Stevenson
21
.12.2006

Rapporteur għal opinjoni preċedenti

 

Eżami fil-kumitat

25.1.2007

11.4.2007

 

 

 

Data ta' l-adozzjoni

0.0.0000

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

18

2

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jim Allister, Alfonso Andria, Stavros Arnaoutakis, Elspeth Attwooll, Marie-Hélène Aubert, Iles Braghetto, Niels Busk, Paulo Casaca, Zdzisław Kazimierz Chmielewski, Emanuel Jardim Fernandes, Carmen Fraga Estévez, Hélène Goudin, Pedro Guerreiro, Ian Hudghton, Heinz Kindermann, Rosa Miguélez Ramos, Philippe Morillon, Struan Stevenson, Catherine Stihler

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Raül Romeva i Rueda, Thomas Wise

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

 

Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss)

...

PROĊEDURA

Title

Towards a future maritime policy for the Union: a European vision for the oceans and seas

Procedure number

2006/2299(INI)

Committee responsible
  Date authorisation announced in plenary

TRAN
14.12.2006

Committee(s) asked for opinion(s)
  Date announced in plenary

ENVI
14.12.2006

ITRE
14.12.2006

PECH
14.12.2006

REGI
14.12.2006

 

Not delivering opinion(s)
  Date of decision

 

 

 

 

 

Enhanced cooperation
  Date announced in plenary

ENVI

PECH

 

 

 

Rapporteur(s)
  Date appointed

Willi Piecyk
21.9.2006

 

Previous rapporteur(s)

 

 

Discussed in committee

12.4.2007

7.5.2007

4.6.2007

 

 

Date adopted

5.6.2007

Result of final vote

+

-

0

38

3

1

Members present for the final vote

Robert Atkins, Inés Ayala Sender, Etelka Barsi-Pataky, Paolo Costa, Michael Cramer, Arūnas Degutis, Christine De Veyrac, Saïd El Khadraoui, Robert Evans, Emanuel Jardim Fernandes, Luis de Grandes Pascual, Stanisław Jałowiecki, Georg Jarzembowski, Timothy Kirkhope, Dieter-Lebrecht Koch, Jaromír Kohlíček, Sepp Kusstatscher, Fernand Le Rachinel, Bogusław Liberadzki, Eva Lichtenberger, Marian-Jean Marinescu, Robert Navarro, Seán Ó Neachtain, Josu Ortuondo Larrea, Willi Piecyk, Luís Queiró, Reinhard Rack, Luca Romagnoli, Gilles Savary, Brian Simpson, Renate Sommer, Dirk Sterckx, Ulrich Stockmann, Silvia-Adriana Ţicău, Georgios Toussas, Yannick Vaugrenard, Roberts Zīle

Substitute(s) present for the final vote

Markus Ferber, Pedro Guerreiro, Elisabeth Jeggle, Anne E. Jensen, Corien Wortmann-Kool

Substitute(s) under Rule 178(2) present for the final vote

 

Date tabled

15.6.2007

Comments
(available in one language only)