RAPPORT dwar il-ħatra proposta ta’ Harald Noack bħala Membru tal-Qorti ta’ l-Awdituri

8.11.2007 - (C6‑0308/2007 – 2007/0817(CNS))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
Rapporteur: Inés Ayala Sender

Proċedura : 2007/0817(CNS)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0435/2007
Testi mressqa :
A6-0435/2007
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar in-nomina ta’ Harald Noack bħala Membru tal-Qorti ta’ l-Awdituri

(C6‑0308/2007 – 2007/0817(CNS))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 247(3) tat-Trattat KE u l-Artikolu 160 B(3) tat-Trattat Euratom, skond liema artikoli ġie kkonsultat mill-Kunsill (C6‑0308/2007),

–   wara li kkunsidra l-fatt li waqt il-laqgħa tiegħu tas-6 ta' Novembru 2007 il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit sema' lill-persuna maħtura mill-Kunsill bħala membru tal-Qorti ta' l-Awdituri, u wara li ġew meqjusa l-kwalifiki tal-persuna maħtura fid-dawl tal-kriterji stipulati fl-Artikolu 247(2) tat-Trattat KE u l-Artikolu 160 B(2) tat-Trattat Euratom,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 101 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A6‑0000/2007),

1.  Jagħti opinjoni favorevoli dwar il-proposta għall-ħatra ta' Michel Cretin bħala Membru tal-Qorti ta' l-Awdituri;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Qorti ta' l-Awdituri, kif ukoll lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Komunitajiet Ewropej u lill-istituzzjonijiet ta' verifika ta' l-Istati Membri.

NOTA SPJEGATTIVA

Relazzjoni tajba ta' ħidma bejn il-Qorti ta' l-Awdituri Ewropea u l-Parlament hija essenzjali għall-iffunzjonar tas-sistema ta' kontroll finanzjarju ta' l-Unjoni Ewropea. Bħala kuntrast, il-Parlament għandu rwol pjuttost żgħir fil-proċedura ta' ħatra tal-Membri tal-Qorti. Il-Membri tal-Qorti jiġu maħtura mill-Kunsill fuq proposti mill-Istati Membri. Il-Parlament jiġi biss ikkonsultat qabel il-ħatra. Għaldaqstant, jista' jkun hemm xi tensjonijiet fil-każ ta' differenzi ta' opinjoni bejn il-Parlament u l-Kunsill. Il-Parlament ipprova jnaqqas ir-riskju ta' differenzi ta' opinjoni billi ppubblika l-prinċipji ġenerali li jiggwidaw il-ġudizzju tiegħu f'żewġ Riżoluzzjonijiet ta' l-1992 u l-1995 dwar il-proċedura biex jiġi kkonsultat il-Parlament dwar il-ħatra ta' Membri tal-Qorti[1].

B'mod partikulari, fir-Riżoluzzjoni ta' l-1992, biex itejjeb it-trasparenza,

il-Parlament ippubblika s-sensiela ta' kriterji li ġejjin għall-evalwazzjoni tiegħu tal-kandidati:

a)            esperjenza professjonali ta' livell għoli miksuba fil-finanzi pubbliċi jew fl-amministrazzjoni jew fil-verifika ta' l-amministrazzjoni;

b)             fejn xieraq, ħruġ preċedenti ta' kwittanza fil-każ ta' dmirijiet ta' amministrazzjoni mwettqa preċedentement mill-applikanti;

c)             fil-każ ta' dawk li wettqu dmirijiet ta' amministrazzjoni fis-settur pubbliku jew dak privat, rekord impekkabbli ta' amministrazzjoni;

d)             li l-kandidati ma jkollhomx uffiċċju elett jew ebda responsabilità f'partit politiku b'effett mid-data tal-ħatra;

e)             minħabba n-natura tax-xogħol li għandu jsir, l-età tal-kandidati se titqies ukoll: pereżempju, jidher raġonevoli li jkun stipulat li l-Membri m'għandux ikollhom iktar minn 65 sena fl-aħħar ta' l-ewwel mandat tagħhom jew iktar minn 70 sena fl-aħħar tat-tieni mandat tagħhom. Lanqas ma jkun normali jekk, minħabba l-ħatra tagħhom fil-Qorti ta' l-Awdituri, il-kandidati jkunu jistgħu jaħarbu mil-limiti ta' l-età applikabbli għall-istess kariga fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom;

f)              finalment, flimkien ma' l-evalwazzjoni tal-mertu individwali, il-Parlament se jiżgura li jinżamm bilanċ bis-sens fil-kompożizzjoni tal-Qorti b'mod ġenerali. Pereżempju, filwaqt li l-kompożizzjoni preżenti tal-Qorti għandha ftit suċċess f'dak li jikkonċerna l-varjetà ta' oriġini tal-membri tagħha, in-nuqqas ta' rappreżentanza femminili mhux ġustifikabbli;

g)             ikun mixtieq għall-Membri li ma jkollhomx iktar minn żewġ mandati.

L-esperjenza mill-passat riċenti wriet li, minkejja r-riżoluzzjonijiet imsemmija hawn fuq, mhux dejjem setgħu jiġu solvuti d-differenzi ta' opinjoni. Fl-2004, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit adotta opinjoni negattiva dwar tnejn mill-għaxar Membri ġodda tal-Qorti proposti skond it-Trattat ta' Adeżjoni. Wieħed mill-kandidati rtira l-applikazzjoni tiegħu imma l-ieħor le. Għalkemm l-opinjoni negattiva kienet ikkonfermata mill-plenu, il-kandidat ġie maħtur bħala Membru tal-Qorti mill-Kunsill.

Fir-rigward tal-proċedura kurrenti ta' ħatra, diversi kandidati proposti mill-Istati Membri ma josservawx bis-sħiħ il-kriterji kollha stipulati fir-riżoluzzjoni tal-Parlament ta' l-1992. Barra minn dan, l-isforzi tal-Parlament biex jinżamm bilanċ li jagħmel sens fil-kompożizzjoni tal-Qorti u biex jirrimedja għan-nuqqas ta' rappreżentanza femminili qed jiġu ssottovalutati mill-proposti kurrenti ta' l-Istati Membri. Filwaqt li sal-lum hemm 22 raġel u 5 mara bħala Membri, il-bilanċ ikun ta' 23 raġel u 4 nisa bħala Membri jekk il-kandidati nnominati kollha jiġu maħtura.

Fid-dawl ta' dan, ir-rapporteur tqis li hemm bżonn ta' għodda iktar effettivi biex ikun żgurat li l-Parlament, u b'mod partikulari l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, jistabbilixxu relazzjoni li tagħti riżultati pożittivi ma' kull wieħed jew waħda mill-Membri tal-Qorti mill-ġurnata tal-ħatra tiegħu jew tagħha. Hi hi tal-fehma li l-kriterji u l-proċeduri stipulati fir-riżoluzzjoniujiet ta' l-1992 u l-1995 għandhom bżonn urġenti li jiġu reveduti, ikkonsolidati u kkomunikati lill-Kunsill, lill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri responsabbli biex jipproponu l-kandidati u lill-pubbliku.

Bħala konklużjoni, ir-rapporteur tirrakkomanda li tiġi stabbilita kooperazzjoni iktar mill-qrib bejn il-Parlament u l-Kunsill (ECOFIN) dwar il-proċedura ta' ħatra. Il-Parlament għandu jirċievi informazzjoni dwar il-kandidati proposti minn kull Stat Membru fil-ħin xieraq. F'perspettiva għaż-żmien medju, il-Kunsill u l-Parlament għandhom jaqblu dwar proċedura ta' ħatra li tkun iktar koerenti u effiċjenti, li tkun element importanti mir-riforma organizzazzjonali urġenti tal-Qorti ta' l-Awdituri Ewropea.

  • [1]  Ir-Riżoluzzjoni A3-0345/92, ĠU C 337 tal-21.12.1992, p.51, u r-Riżoluzzjoni A4-0001/95, ĠUJ C 43 ta' l-20.02.1995, p.75.

ANNESS 1: curriculum vitae ta' Harald NOACK

Dettalji Personali:

Isem                                                Dr. Harald Noack

Data u post tat-twelid                        22 ta’ April 1949, Frankfurt am Main

1970-1975                                          Ġurisprudenza fl-Università Johann Wolfgang Goethe fi Frankfurt am Main

1975                                               First State Law Examination (L-ewwel eżami fil-Liġi                                     Statali)

1978                                               Dottorat u Second State Law Examination (It-tieni eżami                                 fil-Liġi Statali)

April 1979                                        Apprentist-imħallef fl-uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku

Lulju 1980                                           Sekondar għall-Ministeru tal-Ġustizzja f’Hesse bħala l-Assistent tal-Ministru

1981                                               Il-ħatra ta’ Prosekutur Pubbliku

1983                                                   Uffiċjal Amministrattiv Prinċipali u kap tad-Dipartimenti tal-Baġit u l-Ippjanar għall-Użu ta’ l-Art fil-Ministeru tal-Ġustizzja f’Hesse

1985                                                   Kap Prosekutur Pubbliku, tkomplija bħala l-kap tad-Dipartiment u attivitajiet anċillari bħala eżaminatur tal-First State Law Examination u lekċerer fil-Kulleġġ ta’ Wiesbaden għall-istudji amministrattivi, fis-sezzjoni ta’ Frankfurt

1987                                                   Kap tas-sezzjoni u l-kap tad-Dipartimenti tal-Baġit u l-Ippjanar għall-Użu ta’ l-Art fil-Ministeru tal-Ġustizzja f’Hesse

Jannar 1989                                        Kap tas-sezzjoni, Membru ta’ l-Uffiċċju Federali tal-Verifika u kap tal-verifika tal-pensjonijiet

Settembru 1991                                   Kap tas-suddiviżjoni u kap tad-Dipartiment tar-Regolamenti Nukleari u Protezzjoni kontra r-Radjazzjoni fil-Ministeru ta’ l-Ambjent, l-Enerġija u l-Affarijiet Federali f’Hesse

Jannar 1994                                     Segretarju Statali fil-Ministeru tal-Finanzi f’Hesse

April 1999                                        Irtirar temporanju

Mejju 1999                                         Avukat u soċju fl-uffiċċji ta’ Heiermann Franke Knipp, fi Frankfurt am Main

Awwissu 1999                                    Membru fil-Kumitat għas-Sorveljanza ta’ l-OLAF fuq rakkomandazzjoni tal-Gvern Federali u b’deċiżjoni konġunta ta’ l-Istituzzjonijiet ta’ l-UE

Lulju 2000 -                                     Segretarju Statali fil-Ministeru tal-Finanzi f’North

Lulju 2004                                        Rhine-Westphalia

Settembru 2004 -                                Membru tal-Bord ta’ l-Amministrazzjoni ta’

Diċembru 2004                                   l-Assoċjazzjoni Federali tal-Banek Ġermaniżi

Jannar 2005 -                                      Deputat Kap Eżekuttiv ta’ l-Assoċjazzjoni Federali tal-Banek Ġermaniżi

ANNESS 2: TWEĠIBIET TA’ Harald NOACK GħALL-mistoqsijiet

Esperjenza Professjonali

1. Agħti l-aspetti prinċipali tal-karriera tiegħek fl-oqsma tal-finanzi pubbliċi, tal-ġestjoni u tal-kontroll tal-ġestjoni.

B’esperjenza ta’ iżjed minn disa’ snin bħala Segretarju Statali fil-Ministeri tal-Finanzi ta’ Hesse u tan-North Rhine-Westphalia fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja jiena kont responsabbli, fost affarijiet oħrajn, fuq livell ugwali, kemm għall-abbozzi kif ukoll għall-implimentazzjoni tal-baġits ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi. Sa l-2001, dawn il-baġits kellhom volum ta’ madwar 25 biljun Ewro u 50 biljun Ewro rispettivament. Bħala l-kap amministrattiv taż-żewġ Ministeri tal-Finanzi kkonċernati, jiena kont parzjalment responsabbli għall-baġits tad-dipartimenti tagħhom stess u għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-baġits b’konformità mal-prinċipji ta’ regolarità u ma’ amministrazzjoni finanzjarja ġusta. Bħala riżultata tar-riunifikazzjoni tal-Ġermanja, bejn l-1995 u l-2004, is-sitwazzjoni ekonomika tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u dik tal-pajjiżi individwali kienet waħda diffiċli. Fi żmien fejn l-infiq pubbliku kien qiegħed jiżdied, ix-xogħol ta’ dawk responsabbli għall-baġits Statali kien li jassiguraw konformità mal-kriterji ta’ stabilità Ewropea u dik nazzjonali.

Matul il-kariga tiegħi bħala Membru tal-Qorti Federali ta’ l-Awdituri, is-settur tiegħi kien responsabbli għas-sorveljanza ta’ l-iskemi kollha ta’ l-assigurazzjoni għall-pensjoni fil-Ġermanja. Mill-1988 sa l-1991 il-fondi ta’ l-assigurazzjoni għall-pensjoni ta’ dawk li jaqalgħu paga jew salarju fil-Ġermanja kienu jammontaw għal madwar il-125 biljun Ewro. L-amministrazzjoni twettqet permezz ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-assigurazzjoni għall-pensjoni ta’ dawk li jaqalgħu paga jew salarju, li f’dak iż-żmien kienu jimpjegaw madwar 50,000 ħaddiem. L-għan prinċipali li jsiru verifiki tal-fondi ta’ l-assigurazzjoni għall-pensjoni, skond il-prinċipji ta’ regolarità u l-amministrazzjoni finanzjarja ġusta kien li jinkiseb tagħrif li seta’ jkun ta’ għajnuna għall-Qorti Federali ta’ l-Awdituri sabiex din tagħti pariri lill-Kumitat għall-Baġits tal-Bundestag Ġermaniż. Kien importanti wkoll li l-korpi regolatorji fis-settur ta’ l-assigurazzjoni tal-pensjoni u l-amministrazzjonijiet tagħhom jiġu pprovduti b’pariri kostruttivi dwar suġġetti relatati ma’ l-amministrazzjoni finanzjarja ġusta u mal-problemi proċedurali.

L-iżjed aspetti importanti fl-esperjenza professjonali tiegħi, kemm bħala Prosekutur Pubbliku, impjegat taċ-Ċivil fil-Ministeru, Membru ta’ l-Awtorità Suprema tal-Verifiki fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kif ukoll bħala Segretarju Statali għaż-żewġ Gvernijiet ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi, kienu l-effiċjenza, u fuq kollox il-legalità, li bihom jiena wettaqt ir-responsabilitajiet tiegħi fl-interessi taċ-ċittadini u ta’ l-Istat. Ħaġa oħra importanti li tgħallimt mill-esperjenza professjonali tiegħi hija li l-istituzzjonijiet demokratiċi huma fundamentali għall-benesseri u l-iżvilupp tas-soċjetà.

2. Liema huma l-iktar tliet deċiżjonijiet importanti li pparteċipajt fihom matul il-karriera tiegħek?

Bħala Segretarju Statali fil-Ministeri tal-Finanzi ta’ Hesse u tan-North Rhine-Westphalia jiena kont involut f’diversi deċiżjonijiet importanti. B’konformità mal-prinċipju ta’ segretezza tat-taxxa, li bih jiena għadni marbut, ma nistax nagħti dettalji ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

Deċiżjoni li kienet kemm importanti kif ukoll impressjonanti, li kont involut fiha f’sens iżjed ġenerali, kienet l-inkorporazzjoni tal-fondi ta’ l-assigurazzjoni għall-pensjoni tar-Repubblika Demokratika Ġermaniża ta’ qabel ma’ dawk tar-Repubbika Federali Ġermaniża wara r-riunifikazzjoni tal-Ġermanja. Is-settur tal-verifiki tiegħi kien involut b’mod attiv f’dan il-proċess, bil-problemi prattiċi u legali kollha tiegħu.

Barra minn hekk, nixtieq niġbed l-attenzjoni dwar id-dispożizzjonijiet legali li jmexxu l-investimenti tal-fondi ta’ l-assigurazzjoni għall-pensjoni fil-Ġermanja, proposti mis-settur tal-verifiki tal-Qorti Federali ta’ l-Awdituri li kien jaqa’ taħt ir-responsabilità tiegħi. Wara li verifiki mis-settur tiegħi rrivelaw li l-investiment ta’ l-assi tal-fondi ta’ l-assigurazzjoni għall-pensjoni f’fondi ta’ investiment ibbażati fuq sigurtà speċjali kien ekonomikament żvantaġġuż dak iż-żmien, il-Qorti Federali ta’ l-Awdituri proponiet dispożizzjonijiet legali ġodda li jmexxu tali investimenti, ibbażati fuq osservazzjonijiet ta’ verifiki li twettqu mis-settur tiegħi, li ġew ippjanati sabiex jassiguraw li l-fondi ta’ l-assigurazzjoni għall-pensjoni, u, b’estensjoni, il-persuni/kontributuri assigurati tagħhom, ma jiġux ippenalizzati ekonomikament. L-emenda tal-liġi proposta mill-Qorti Federali ta’ l-Awdituri ġiet miżjuda fil-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali mill-Bundestag Ġermaniż u għadha implimentata sa llum.

Fil-kapaċità tiegħi bħala Membru tal-Bord Amministrattiv ta’ l-Assoċjazzjoni Federali tal-Banek Ġermaniżi, kont involut fl-implimentazzjoni ta’ diversi miżuri għas-suq finanzjarju u f’attivitajiet f’oqsma politiċi u leġiżlattivi. B’konformità mad-dmir ta’ konfidenzjalità li bih jien għadni marbut, ma nistax nagħti dettalji. Madankollu, nista’ nispjega b’mod ġenerali r-rwol tiegħi fil-proċess kumpless tat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti

Finanzjarji (MiFID) fil-liġi nazzjonali. Fil-kumplessità, iżda wkoll fl-effiċjenza tiegħu, il-proċess ta’ traspożizzjoni ta’ Direttiva jew Regolament Ewropew fil-liġi nazzjonali, id-diskussjoni u l-implimentazzjoni tiegħu fuq livell nazzjonali u fl-aħħar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġi li tbiddel id-Direttiva tas-Swieq Finanzjarji f’ditti kummerċjali individwali, kien eżempju impressjonanti ta’ l-azzjoni reċiproka tal-forzi politiċi fuq livell Ewropew u fuq dak nazzjonali u tar-rikonċiljazzjoni ta’ dak li kien ekonomikament essenzjali ma’ dak li kien politikament possibbli.

Indipendenza

3. It-Trattat jipprevedi li l-membri tal-Qorti ta' l-Awdituri "għandhom joffru kull garanzija ta' indipendenza" fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom. Inti kif tista' tirrispetta din id-deċiżjoni fil-qafas tal-funzjonijiet tiegħek?

Il-kariga titlob indipendenza li twiegħed li ma jiġux aċċettati istruzzjonijiet. Dan ifisser li d-dmirijiet ta’ Membru għandhom jitwettqu billi jintuża l-iktar livell għoli possibbli ta’ kompetenza u l-esperjenza professjonali ta’ dak li jkun, b’konformità ma’ l-għanijiet ta’ l-istituzzjoni kkonċernata, f’dan il-każ il-Qorti Ewropea ta’ l-Awdituri. Il-verifiki sabiex jiġi evalwat jekk inġabarx id-dħul tal-baġit ta’ l-UE u jekk l-infiq tal-baġit ta’ l-UE intefaqx b’konformità mal-prinċipji ta’ regolarità u ta’ amministrazzjoni finanzjarja ġusta għandhom jitwettqu mingħajr ma jiġu kkunsidrati l-individwi. Fil-Qorti Ewropea ta’ l-Awdituri, kull Membru għandu jippreżenta s-sejbiet kollha li joħorġu mill-verifiki tiegħu quddiem il-Kulleġġ, esklussivament fuq il-bażi ta’ dawn il-kriterji. Il-kapaċitajiet u l-esperjenzi ta’ kull Membru għandhom ikunu disponibbli b’mod miftuħ għall-Parlament Ewropew u għall-Membri Parlamentari.

Il-Qorti ta’ l-Awdituri għandha tikopera ma’ l-Istituzzjonijiet Ewropej l-oħrajn għall-benefiċċju ta’ l-Ewropa u ta’ l-Istati Membri tagħha.

Minkejja dan kollu, l-indipendenza garantita lill-Membri tal-Qorti Ewropea ta’ l-Awdituri tassigura illi dawn ikunu jistgħu jiddefendu l-ideat u l-punti di vista tagħhom mingħajr l-ebda restrizzjoni.

4. Inti rċevejt l-iskarigu finali għall-ħidmiet li wettaqt preċedentament fil-qasam tal-ġestjoni, fil-każ fejn tiġi applikata din l-proċedura?

Tali proċedura la qatt eżistiet u u lanqas teżisti.

5. Int tipparteċipa f'attivitajiet kummerċjali? Għandek interessi fi ħdan kumpannija ta' parteċipazzjoni finazjarja? Int marbut b'impenji suxxettibbli li jmorru kontra r-responsabilitajiet futuri tiegħek? Inti lest li tagħti informazzjoni dwar l-interessi finanzjarji u l-impenji l-oħra kollha tiegħek lill-President tal-Qorti ta' l-Awdituri u li tagħmilhom pubbliċi? Fil-każ li tagħmel parti minn proċedura legali: tista' tagħti informazzjoni f'dan ir-rigward?

Jiena m’għandi l-ebda negozju jew ishma kapitali jew impenji oħrajn li jistgħu jkunu ta’ xkiel għad-dmirijiet prospettivi tiegħi. Min-naħa tiegħi ovvjament jiena lest li ngħarraf lill-President tal-Qorti bl-interessi finanzjarji tiegħi kollha u li nippubblikahom. Ma ninsab involut fl-ebda proċedura tal-liġi kriminali jew dixxiplinari li tista’ xxekkel l-indipendenza tiegħi.

6. F'każ ta' ħatra bħala membru tal-Qorti ta' l-Awdituri, int lest li tirrinunzja għal kull kariga ta' maħtur kif ukoll għal kull kariga ta' responsabilità fi ħdan kull partit politiku?

M’għandi l-ebda kariga jew funzjoni li hawn referenza għalija hawnfuq.

7. Kif tmexxi kwistjoni gravi ta' ksur, ta' frodi u/jew ta' korruzzjoni li fiha jkunu mdaħħla atturi mill-Pajjiż Membru ta' oriġini tiegħek?

F’każ bħal dan, bil-kunsens tal-President tal-Qorti Ewropea ta’ l-Awdituri u tal-Membri l-oħrajn kollha, jiena nirreżenja minn kull responsabilità li tista’ b’xi mod u manjiera tikkawża kunflitt ta’ interessi, jew sakemm tinstab soluzzjoni għall-każ jew inkella għal dejjem.

Twettiq tad-dmirijiet

8. X'għandhom ikunu, skond int, il-karatteristiċi prinċipali ta' amministrazzjoni finanzjarja tajba fi ħdan is-servizz pubbliku?

Sakemm ma jkollhiex rwol regolatorju, l-amministrazzjoni pubblika tipprovdi servizz. Prattikament, dan ifisser li għandha tuża r-riżorsi finanzjarji li huma ġġenerati miċ-ċittadini u mill-impriżi u li permezz ta’ deċiżjonijiet politiċi, jiġu assenjati sabiex jitwettaq ix-xogħol ta’ l-Istat, b’mod effiċjenti u legali, iżda wkoll b’mod konformi mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Barra minn hekk, il-mod kif jintużaw ir-riżorsi għandu jiġi evalwat kontinwament skond l-aħjar prattika u, b’konformità mal-prinċipju ta’ żvilupp sostenibbli, il-fondi pubbliċi għandhom jintefqu fejn verament hemm bżonn.

9. Bi qbil mat-Trattat, il-Qorti għandha tassisti lill-Parlament fl-eżerċitar tal-funzjoni tal-verifika ta' l-implimentazzjoni tal-baġit. Tista' tiddiskrivi l-ħidmiet tiegħek f'dak li jikkonċerna t-tħejjija tar-rapporti għall-Parlament Ewropew u, b'mod partikulari, lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit?

Il-Qorti Ewropea ta’ l-Awdituri għandha rwol ċar ta’ appoġġ u ta’ parir b’relazzjoni mal-Parlament Ewropew u, b’mod partikolari, il-Kumitat tiegħu għall-Baġit. Kull tagħrif u kapaċità għandhom ikunu disponibbli għal dawn l-istituzzjonijiet. B’dan il-mod, ma jista’ jkun hemm l-ebda kunflitt bejn is-sovranità tal-Parlament u l-korpi tiegħu u l-indipendenza tal-Qorti u l-Membri tagħha.

10. Skond int, x'valur miżjud iġib it-twettiq tal-verifiki ta' rendiment? B'liema mod wieħed għandu jikkunsidra l-konklużjonijiet ta' dawn ta' l-aħħar f'dak li jikkonċerna l-amministrazzjoni?

Verifiki tradizzjonali jiffukaw fuq ir-regolarità ta’ l-użu tal-fondi pubbliċi. Madankollu, ir-riżorsi tal-baġit Statali għandhom jintużaw mhux biss legalment u b’mod konformi ma’ l-għanijiet u l-objettivi politiċi; l-użu tagħhom għandu jkun orjentat ukoll fuq ir-riżultat finali, hekk kif jiġri fis-settur privat. Meta wieħed jitkellem dwar l-użu tar-riżorsi pubbliċi, l-effiċjenza u r-regolarità naturalment jimxu id f’id. Il-verifika għall-prestazzjoni tinkoraġġixxi l-użu tar-riżorsi pubbliċi b’konformità mal-prinċipju tar-regolarità, fl-interessi tal-pubbliku u tan-negozju u ta’ l-użu sostenibbli tar-riżorsi.

11. Kif tista' tittejjeb il-kooperazzjoni bejn il-Qorti ta' l-Awdituri, l-istituzzjonijiet nazzjonali tal-verifika u l-Parlament Ewropew (il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit) fil-qasam tal-verifika tal-baġit ta' l-Unjoni Ewropea?

Filwaqt li nispjega b’mod ċar li l-koperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet responsabbli, u, jekk hemm bżonn, it-titjib ta’ din il-koperazzjoni, hija biċċa xogħol kostanti, ser nifforma l-opinjoni tiegħi dwar dan is-suġġett meta nkun nista’ nagħmel dan b’mod konfidenti fuq il-bażi tal-konklużjonijiet u ta’ l-esperjenza tiegħi stess u skond il-koperazzjoni bejn il-Membri tal-Qorti Ewropea ta’ l-Awdituri.

Mistoqsijiet oħra

12. Jekk qatt l-opinjoni tal-Parlament dwar il-ħatra tiegħek bħala membru tal-Qorti ta' l-Awdituri ma tkunx favorevoli, inti tirtira l-kandidatura tiegħek

Ladarba ġejt innominat mill-Gvern Federali tal-Ġermanja, f’tali każ nieħu deċiżjonijiet responsabbli wara li jkolli djalogi stretti miegħu.

PROĊEDURA

Titolu

Nomina ta’ membru tal-Qorti ta’ l-Awdituri Ewropea (Is-Sur Harald NOACK)

Referenzi

N6-0020/2007 - C6-0308/2007 - 2007/0817(CNS)

Data meta ġie kkonsultat il-PE

19.9.2007

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

CONT

27.9.2007

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Inés Ayala Sender

11.9.2007

 

 

Data ta’ l-adozzjoni

6.11.2007

 

 

 

Riżultat tal-vot finali

+:

–:

0:

19

0

2

Membri preżenti għall-vot finali

Jean-Pierre Audy, Inés Ayala Sender, Herbert Bösch, Paulo Casaca, Szabolcs Fazakas, Christofer Fjellner, Ingeborg Gräßle, Dan Jørgensen, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Jan Mulder, Francesco Musotto, Bill Newton Dunn, Bart Staes, Alexander Stubb, Paul van Buitenen, Kyösti Virrankoski

Sostitut(i) preżenti għall-vot finali

Chris Davies, Edit Herczog, Véronique Mathieu, Gabriele Stauner, Petya Stavreva