RAPPORT dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar il-miżuri li għandha twettaq il-Kummissjoni, għall-perjodu 2008-2013, bl-użu ta' l-applikazzjonijiet ta' telerilevament żviluppati fil-qafas tal-politika agrikola komuni

20.12.2007 - (COM(2007)0383 – C6‑0273/2007 – 2007/0132(CNS)) - *

Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
Rapporteur: Friedrich-Wilhelm Graefe zu Baringdorf

Proċedura : 2007/0132(CNS)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0508/2007

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar il-miżuri li għandha twettaq il-Kummissjoni, għall-perjodu 2008-2013, bl-użu ta' l-applikazzjonijiet ta' telerilevament żviluppati fil-qafas tal-politika agrikola komuni

(COM(2007)0383 – C6‑0273/2007 – 2007/0132(CNS))

(Proċedura ta' konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2007)0383),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 37(2), it-tielet subparagrafu, tat-Trattat KE, li permezz tiegħu l-Kunsill ikkonsulta lill-Parlament (C6-0273/2007),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A6-0508/2007),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tbiddel il-proposta tagħha f'dan is-sens, skond l-Artikolu 250(2) tat-Trattat KE;

3.  Jistieden lill-Kunsill sabiex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4.  Jitlob lill-Kunsill sabiex jerġa' jikkonsulta lill-Parlament jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sostanzjali;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Test propost mill-KummissjoniEmendi tal-Parlament

Emenda 1

Premessa 2

(2) Permezz ta' l-esperjenza miksuba matul il-perjodu 2004-2007 fil-qafas tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1445/2000/KE tat-22 ta' Mejju 2000 dwar l-applikazzjoni ta' stħarriġ mill-ajru u metodi ta' teknika ta' remote sensing għall-istatistiċi agrikoli għal 1999 sa 2003 kif emendata, kif ukoll tad-Deċiżjonijiet li ġew qabilha, is-sistema agrometeoroloġika għat-tbassir tal-ħsad u għall-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet ta' l-artijiet u ta' l-uċuħ tar-raba' saret operazzjonali, laħqet livell avvanzat ta' żvilupp u wriet l-effiċjenza tagħha.

 

(2) L-esperjenza miksuba matul il-perjodu 2004-2007 fil-qafas tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1445/2000/KE tat-22 ta' Mejju 2000 dwar l-applikazzjoni ta' stħarriġ mill-ajru u metodi ta' teknika ta' remote sensing għall-istatistiċi agrikoli għal 1999 sa 2003 kif emendata, kif ukoll tad-Deċiżjonijiet li ġew qabilha, ipprovdiet għarfien aħjar dwar il-monitoraġġ ta' l-użu ta' l-art, tal-wiċċ ta' l-art u tal-parametri ambjentali (il-proġett LUCAS), u ġġenerat ukoll stadju operazzjonali u ta' żvilupp aħjar tas-sistema agrometeoroloġika għall-monitoraġġ ta' l-uċuħ tar-raba' u għat-tbassir tal-ħsad (il-proġett MARS).

Ġustifikazzjoni

L-għarfien miksub minn kull proġett pilota għandu jitqies b'mod separat, sabiex tinżamm iċ-ċarezza. Barra minn hekk, għad ma hemm l-ebda consensus rigward jekk l-użu tat-telerilevament fl-agrikoltura jkunx fil-fatt sinifikanti u effettiv.

Emenda 2

Premessa 2 a (ġdida)

(2a) Il-proġett pilota MARS li jaqa' fl-ambitu tad-Deċiżjoni Nru 2066/2003/KE tal-Parlament u tal-Kunsill ta' l-10 ta' Novembru 2003, dwar it-tkomplija ta' l-applikazzjoni ta' tekniki ta' stħarriġ ta' żoni u ta' telerilevament għall-istatistiċi agrikoli għall-2004 sa l-20071 huwa fil-kamp ta' applikazzjoni tar-regolament preżenti. B'mod aktar speċifiku, il-miżuri operazzjonali meħuda mill-Kummissjoni, li jagħmlu użu minn applikazzjonijiet ta' telerilevament fi ħdan il-politika komuni dwar l-agrikoltura biss, huma fil-kamp ta' applikazzjoni tar-regolament preżenti.

__________

1 ĠU L 309, 26.11.2003, p. 9.

Ġustifikazzjoni

L-ambitu tal-proposta għandu jkunu deskritt b'mod ċar. Il-proġett MARS biss huwa suġġett għal din il-proposta. Il-proġett LUCAS ma jaqax fl-ambitu ta' dan ir-regolament. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-miżuri operazzjonali ta' telerilevament biss jaqaw fi ħdan l-ambitu ta' dan ir-regolament.

Emenda 3

Premessa 5

(5) Għandu jkun provdut ukoll li l-informazzjoni u l-istimi li joħorġu minn dawn il-miżuri, miżmuma mill-Kummissjoni, ikunu disponibbli għall-Istat Membri, kif ukoll li jintbagħtu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport proviżjonali u rapport finali dwar il-kundizzjonijiet ta' l-implimentazzoni tal-miżuri ta' telerilevament li jkunu saru, u dwar l-użu tar-riżorsi li tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni. Jekk ikun meħtieġ, ir-rapport finali għandu jkun akkumpanjat bi proposta biex jitkomplew dawn il-miżuri wara l-perjodu stipulat f'dan ir-Regolament,

 

 

(5) Għandu jkun provdut ukoll li l-informazzjoni u l-istimi li joħorġu minn dawn il-miżuri, jinżammu mill-Kummissjoni, u li l-użu tagħhom ikun strettament limitat għall-istima tal-ħsad u ma jinkludix skopijiet ta' kontroll. L-informazzjoni u l-istimi għandhom ikunu disponibbli għall-Istati Membri, kif ukoll jintbagħtu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport proviżorju u rapport finali dwar il-kundizzjonijiet ta' l-implimentazzoni tal-miżuri ta' telerilevament li jkunu saru, u dwar l-użu tar-riżorsi li tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni. Jekk ikun meħtieġ, ir-rapport finali għandu jkun akkumpanjat bi proposta biex jitkomplew dawn il-miżuri wara l-perjodu stipulat f'dan ir-Regolament,

Ġustifikazzjoni

Dan il-punt għandu jiġi ċċarat minħabba li jżid it-trasparenza fir-rigward ta' l-użu tad-data miġbura fi ħdan l-ambitu ta' dan ir-regolament.

Emenda 4

Artikolu 1, paragrafu 1, parti introduttorja

1. Mill-1 ta' Jannar 2008 'l quddiem, għal perjodu ta' sitt snin, il-miżuri li twettaq il-Kummissjoni bl-użu ta' applikazzjonijiet ta' telerilevament fil-qafas tal-politika agrikoli komuni jistgħu jkunu ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija, skond l-Artikolu 3(2)(e) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005, fejn ikollhom l-għan li jipprovdu lill-Kummissjoni bil-mezzi biex:

 

1. Il-qafas finanzjarju għall-implimentazzjoni ta' dan il-programm għall-perjodu 2008 sa l-2013 huwa hawnhekk stabbilit għal EUR 9.2 miljun. L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità baġitarja fi ħdan il-limiti tal-perspettiva finanzjarja, fejn ikollhom l-għan li jipprovdu lill-Kummissjoni bil-mezzi biex:

Ġustifikazzjoni

L-attivitajiet ta' telerilevament għandhom jiġu ffinanzjati permezz ta' baġit xieraq minflok mill-fond agrikolu ta’ garanzija.

Emenda 5

Artikolu 1, paragrafu 1, punt (a)

(a) tmexxi s-swieq agrikoli;

(a) tgħin fl-immaniġġjar tas-swieq agrikoli;

Ġustifikazzjoni

L-iskop ta' l-applikazzjonijiet ta' telerilevament huwa biex jipprovdu informazzjoni diġitali biex tittejjeb l-għodda għall-immaniġġjar u l-monitoraġġ tal-politika komuni għall-agrikoltura. Madankollu, l-istħarriġ ta' l-irziezet se jibqa' neċessarju u għalhekk dawn l-applikazzjonijiet m'humiex biżżejjed għall-immaniġjar sħiħ ta' tas-swieq agrikoli.

Emenda 6

Artikolu 1, paragrafu 1, punt (c)

(c) tħeġġeġ l-aċċess għall-informazzjoni msemmija fil-punt b);

(c) tħeġġeġ l-aċċess għall-informazzjoni msemmija fil-punt (b) permezz tal-korpi meħtieġa biex jagħmlu dan fi ħdan l-ambitu ta' dan ir-Regolament biss;

Ġustifikazzjoni

Għandu jiġi ċċarat li l-applikazzjonijiet ta' telerilevament relatati mal-proġett MARS biss huma konċernati u li għalhekk dawk li jirċievu l-informazzjoni m'għandhomx ikunu barra mill-ambitu tal-proġett partikulari.

Emenda 7

Artikolu 1, paragrafu 2, punt (b)

b) il-ħolqien ta' infrastruttura ta' dejta spazjali u websajt;

(b) titjib tal-websajt ta' l-Unità Agrikola tal-JRC, sabiex id-dejta rilevanti kollha tar-riċerka tkun disponibbli b'xejn għall-pubbliku;

Ġustifikazzjoni

Il-JRC diġà għandha websajt speċifikament għall-Unità Agrikola, fejn hemm bosta informazzjoni dwar il-proġett MARS. Madankollu, hemm diversi kumpaniji li jipproduċu immaġnijiet bis-satellita li jipprovdu informazzjoni agrikola (eż. dwar l-Indiċi tal-Veġetazzjoni), li tintuża għall-proġett MARS. Għalhekk, il-websajt tal-JRC għandha tiġi aġġornata sabiex tipprovdi lista ta' dawn il-websajts ta' kumpaniji oħrajn.

Emenda 8

Artikolu 1, paragrafu 2, punt (b a) (ġdid)

 

(ba) il-ħolqien ta' inventarju tad-dejta spazjali, tat-telerilevament u tal-proġetti agrometeoroloġiċi kollha u l-konsolidazzjoni ta' l-infrastruttura tad-dejta spazjali u tal-websajts eżistenti;

Ġustifikazzjoni

Fil-preżent teżisti infrastruttura rudimentali tad-data spazjali, permezz ta' l-inizjattiva INSPIRE, l-ESDI (l-Infrastruttura Ewropea ta' Data Spazjali), il-GMES (il-Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà) u l-GEOSS (is-Sistema ta' Sistemi ta' l-Osservazzjoni Ġenerali tad-Dinja). Il-konsolidazzjonijiet għandhom jeliminaw repetizzjonijiet li jiswew ħafna flus ta' xiri jew ġbir ta' informazzjoni. Barra minn hekk, ir-rapporteur għal opinjoni jipproponi li jitwaqqaf inventarju tal-proġetti u l-inizjattivi kollha agrometeoroloġiċi ta' l-ispazju u ta' telerilevament li jistgħu jkunu relatati mal-kuntest agrikolu, anki meta din ir-relazzjoni, fil-bidu, ma tkunx tidher ovvja, sabiex ikun jista' jkun hemm idea ġenerali.

NOTA SPJEGATTIVA

Introduzzjoni

Sabiex ikun hemm reazzjoni għall-bżonnijiet tat-tmexxija tal-Politika Komuni għall-Agrikoltura, hemm bżonn konsiderevoli ta' informazzjoni dwar l-użu ta' l-art, il-kundizzjonijiet ta' l-art u l-kundizzjonijiet ta' l-uċuħ tar-raba'. It-telerilevament joffri metodu ta' tfiċċija għal aċċess aħjar għall-informazzjoni li tiddaħħal fl-istatistiċi agrikoli tradizzjonali u fis-sistemi ta' tbassir.

Bejn l-2000 u l-2007, tnieda proġett pilota dwar it-tekniki ta' telerilevament, taħt l-awspiċju tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 1445/2000/KE. Bis-saħħa ta' dan il-proġett, is-sistema agrometeoroloġika għat-tbassir tal-ħsad u għall-monitoraġġ ta' l-art u ta' l-uċuħ tar-raba' (MARS) laħqet stadju avvanzat.

Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea

Il-Kummissjoni tipproponi li titkompla l-applikazzjoni tat-tekniki ta' telerilevament fl-agrikoltura għall-perjodu 2008-13, fil-qasam tal-monitoraġġ tas-swieq agrikoli. Dan il-proġett ikun japplika mill-1 ta' Jannar 2008, għal perjodu ta' sitt snin. Għalhekk, l-applikazzjonijiet ta' telerilevament ikunu jikkostitwixxu għodda għall-Kummissjoni sabiex: (a) tgħin fl-immaniġġjar tas-swieq agrikoli; (b) tippermetti li jsir monitoraġġ agroekonomiku, bħal pereżempju tal-kundizzjoni ta' l-uċuħ tar-raba', sabiex jiġi stmat il-ħsad; (c) tippromwovi aċċess għall-informazzjoni rigward l-art agrikola u l-istimi tal-ħsad ta' l-uċuħ tar-raba'; u (d) tiżgura s-segwitu teknoloġiku tas-sistema agrometeoroloġika.

Din is-sistema tkun tiġbor ukoll, jew tixtri, data meħtieġa għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-CAP (b'mod partikuari data satellitari u meteoroloġika); toħloq infrastruttura u websajt għal data spazjali; tippromwovi t-twettiq ta' studji ta' numru ta' kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mas-sistema ta' telerilevament, bħall-kundizzjonijiet klimatiċi; u taġġorna l-mudelli agrometeoroloġiċi u ekonometriċi.

L-informazzjoni kollha se ssir disponibbli għall-Istati Membri b'mod elettroniku u l-Kummissjoni mistennija li taħdem mill-qrib mal-korpi u l-laboratorji nazzjonali.

Il-pożizzjoni tar-rapporteur għal opinjoni

F'termini ġenerali, ir-rapporteur għal opinjoni jinnota li għad ma hemm l-ebda consensus rigward jekk l-użu tat-telerilevament fl-agrikoltura jkunx fil-fatt sinifikanti u effettiv. Il-frekwenza ta' l-istħarriġ fl-Istati Membri differenti tidher li kienet differenti, u minħabba f'hekk id-data ma tistax tiġi mqabbla b'mod sħiħ. Hemm bżonn ta' rapport ta' evalwazzjoni mill-Kummissjoni, li jevalwa b'mod ċar il-benefiċċju tas-sistema għall-bdiewa u għall-politika komuni għall-agrikoltura sabiex tiġi żgurata trasparenza fl-infiq anki f'dan il-qasam tal-politika komuni għall-agrikoltura. Barra minn hekk, għandu jiġi żgurat li dawn it-teknoloġiji u din id-data jintużaw ukoll għall-benefiċċju ta' l-intrapriżi ż-żgħar, ir-reġjuni b'agrikoltura inqas intensa u favur iż-żamma tar-reġjuni diversi ta' l-UE.

Fil-kuntest tal-proġett MARS, it-teknoloġiji marbuta mat-telerilevament mill-ajru ġejjin minn industriji li tradizzjonalment m'humiex assoċjti ma' l-agrikoltura u barra minn hekk l-immaġnijiet satellitari miġbura jew mixtrija mill-KE huma propjetà privata ta' kumpaniji li l-klijenti tagħhom sostanzjalment ġejjin mill-industrija taż-żejt u tal-gass u li jservu wkoll kumpaniji tad-difiża nazzjonali u internazzjonali u servizzi ta' l-informazzjoni.

Ir-rapporteur għal opinjoni jqis li l-bidla fis-sorsi ta' finanzi f'dan l-abbozz ta' regolament, meta mqabbla mal-miżuri preċedenti, hija waħda sorprendenti. Fid-deċiżjonijiet 1445/2000/KE u kif ukoll 2066/2003/KE, kienet ġiet stabbilita linja baġitarja adegwata għat-telerilevament. Issa, il-Kummisssjoni trid tieħu l-fond agrikolu ta' garanzija bħala s-sors, u dan jeħtieġ aktar diskussjoni.

Ir-rapporteur għal opinjoni jaħseb li l-kamp ta' applikazzjoni ta' l-abbozz ta' regolament m'huwiex definit b'mod adegwat. Jidher li t-tressiq tal-proposta għal regolament qed joħloq ħafna konfużjoni minħabba li r-rabta ma' l-oriġini tal-proposta, id-deċiżjoni Nru 2066/2003/KE u referenzi ulterjuri m'humiex indikati b'mod ċar.

Ir-rapporteur għal opinjoni jenfasizza li matul din il-proposta għandu jkun iċċarat li l-applikazzjonijiet ta' telerilevament relatati mal-proġett pilota MARS biss huma kkonċernati.

Sabiex tiġi evitata l-konfużjoni, ir-rapporteur għal opinjoni jipproponi diversi emendi li għandhom l-għan li jiddistingwu bejn it-tipi differenti ta' tekniki ta' telerilevament u anki bejn iż-żewġ proġetti pilota LUCAS u MARS li joriġinaw mill-proposta, id-deċiżjoni Nru 2066/2003/KE, u li għandhom jibqgħu għaddejjin sa l-2007.

Barra minn hekk, ir-rapporteur għal opinjoni jipproponi li jitwaqqaf inventarju tal-proġetti u l-inizjattivi kollha agrometeoroloġiċi ta' l-ispazju u ta' telerilevament li jistgħu jkunu relatati mal-kuntest agrikolu, anki meta din ir-relazzjoni, fil-bidu, ma tkunx tidher ovvja għal raġunijiet ta' ċarezza u komprensjoni ġenerali.

Barra minn hekk, u bil-għan ta' tmexxija baġitarja adegwata, ir-rapporteur għal opinjoni jipproponi li jiġi intensifikat ir-rapportaġġ tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill dwar dan ir-regolament.

Ir-rapporteur għal opinjoni ma jaqbilx mal-proċedura proposta għall-implimentazzjoni ta' dan ir-regolament u għalhekk jipproponi li tiddaħħal il-proċedura regolatorja bi skrutinju.

PROĊEDURA

Titolu

Miżuri li jużaw applikazzjonijiet ta’ “remote-sensing” żviluppati fi ħdan il-qafas tal-CAP

Referenzi

COM(2007)0383 - C6-0273/2007 - 2007/0132(CNS)

Data meta ġie kkonsultat il-PE

5.9.2007

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

AGRI

24.9.2007

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Friedrich-Wilhelm Graefe zu Baringdorf

12.9.2007

 

 

Diskussjoni fil-kumitat

9.10.2007

20.11.2007

18.12.2007

 

Data ta’ l-adozzjoni

18.12.2007

 

 

 

Riżultat tal-vot finali

+:

–:

0:

26

1

Membri preżenti għall-vot finali

Sergio Berlato, Bernadette Bourzai, Niels Busk, Luis Manuel Capoulas Santos, Giuseppe Castiglione, Albert Deß, Gintaras Didžiokas, Carmen Fraga Estévez, Duarte Freitas, Ioannis Gklavakis, Lutz Goepel, Friedrich-Wilhelm Graefe zu Baringdorf, Esther Herranz García, Lily Jacobs, Elisabeth Jeggle, Heinz Kindermann, Neil Parish, María Isabel Salinas García, Agnes Schierhuber, Willem Schuth, Czesław Adam Siekierski, Alyn Smith, Dimitar Stoyanov, Donato Tommaso Veraldi

Sostitut(i) preżenti għall-vot finali

Pilar Ayuso, Katerina Batzeli, Esther De Lange

Data tat-tressiq

20.12.2007