RAPPORT Lejn Strateġija Ewropea għad-Drittijiet tat-Tfal

20.12.2007 - (2007/2093(INI))

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur: Roberta Angelilli


Proċedura : 2007/2093(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0520/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

Lejn Strateġija Ewropea għad-drittijiet tat-tfal

(2007/2093(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 6 (2), tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell tal-21 u tat-22 ta' Ġunju 2007 dwar ir-riforma tat-Trattati,

–   wara li kkunsidra l-espressjoni ta' l-Artikolu 3 futur tat-Trattat ta' Liżbona, fejn ġie ddikjarat li "l-Unjoni tiġġieled kontra [...] d-diskriminazzjoni u tippromwovi [...] l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal", u huwa speċifikat li "anki fir-relazzjonijiet tagħha mal-kumplament tad-dinja, l-Unjoni [...] tikkontribwixxi għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-Bniedem, partikolarment id-drittijiet tat-tfal",

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kapijiet ta' l-Istat u tal-Gvernijiet li għalqet il-Konferenza Intergovernattiva f'Liżbona tad-19 ta' Ottubru 2007 sabiex il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea jkollha valur legali li jorbot[1], li l-Artikolu 24 tagħha fih dispożizzjonijiet speċifiċi rigward id-"Drittijiet tat-Tfal" u, b'mod partikolari jiddikjara li "fl-atti kollha rigwardanti t-tfal, kemm jekk magħmula minn awtoritajiet pubbliċi u kemm jekk minn istituzzjonijiet privati, l-interessi tat-tfal għandhom ikunu kkunsidrati bħala preminenti",

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni ta' l-Unjoni li taderixxi mal-Konvenzjoni Ewropea għas-salvagwardja tad-drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ta' l-1950 (ECHR), li taħseb għal mekkaniżmi ta' sanzjoni fil-każ ta' nuqqas ta' rispett tal-Konvenzjoni stess,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u l-protokolli fakultattivi tagħha adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-20 ta' Novembru 1989,

–   wara li kkunsidra l-Programm ta' Azzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, adottat fil-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp, fil-Kajr, f'Settembru 1994,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 168/2007 tal-Kunsill tal-15 ta' Frar 2007 dwar it-twaqqif ta' Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea[2],

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-4 ta' Lulju 2006 ''Lejn strateġija Ewropea dwar id-Drittijiet tat-Tfal'' (COM(2006)0367),

–   wara li kkunsidra r-rapport intermedju tal-Medjatur tal-Parlament Ewropew għas-Serq Internazzjonali tat-Tfal mill-Ġenituri (International Parental Child Abduction ) ta' l-1 ta' Marzu 2007 li javża lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament Ewropew u lil istituzzjonijiet oħra dwar iż-żieda drammatika fil-każijiet ta' serq tat-tfal mill-ġenituri,

–   wara li kkunsidra r-riżultati tal-konsultazzjoni mwettqa minn Save the Children u mill-Pjan Internazzjonali dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni[3],

–   wara li kkunsidra l-Forum imwaqqaf mill-Kummissjoni wara pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni tagħha ''Lejn strateġija Ewropea dwar id-Drittijiet tat-tfal'', liema Forum iltaqa' għall-ewwel darba f'Berlin fl-4 ta' Ġunju 2007,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni politika adottata f'Berlin fl-4 ta' Ġunju 2007 matul l-ewwel Forum, li fiha hemm imtennija r-rieda li jittieħed kont b'mod sistematiku tad-Drittijiet tat-Tfal fil-politiki interni u esterni ta' l-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Ġunju 2006 dwar strateġija ta' qafas għan-non-diskriminazzjoni u l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd[4],

–   wara li kkunsidra l-osservazzjoni tematika Nru 4 tal-25 ta' Mejju 2006 "L-Implimentazzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal fl-Unjoni Ewropea" min-Netwerk ta' Esperti Indipendenti dwar id-Drittijiet Fundamentali ta' l-UE[5],

–   wara li kkunsidra l-Istudju dwar il-Vjolenza kontra t-Tfal tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, li ġie ppreżentat lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-11 ta' Ottubru 2006,

–   wara li kkunsidra l-Linji Gwida ta' l-UNICEF dwar il-Protezzjoni ta' Vittmi Minorenni tat-Traffikar, ta' Settembru 2006,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni ta' Qafas 2004/68/JHA tal-Kunsill tat-22 ta' Diċembru 2003 rigward il-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal[6],

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 34 u 35 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti rigward id-Drittijiet tat-Tfal li tikkonċerna l-protezzjoni tat-tfal minn kull forma ta' sfruttament sesswali u ta' abbuż sesswali u tfittex li tipprevjeni s-serq, il-bejgħ u t-traffikar tat-tfal,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Mejju 2007 "Lejn politika ġenerali dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità elettronika" (COM(2007)0267),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjonijiet tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, tal-Kumitat għall-Iżvilupp, tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6-0520/2007),

A. billi l-ewwel objettiv tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Lejn strateġija Ewropea dwar id-drittijiet tat-tfal" huwa li tippromwovi affermazzjoni pożitiva tad-drittijiet tat-tfal, b'mod partikolari d-dritt għal identità proprja, id-dritt għal trobbija f'kundizzjonijiet siguri/id-dritt għall-kura, id-dritt għal familja, id-dritt għall-imħabba u l-logħob, u d-dritt għas-saħħa, id-dritt għall-edukazzjoni, għall-inklużjoni soċjali, għal opportunitajiet indaqs, għall-isport u għal ambjent nadif u protett u d-dritt li tinkiseb informazzjoni dwar dawn, bil-għan li tinħoloq soċjetà li tilqa' t-tfal u tkun għad-daqs tagħhom, fejn it-tfal jistgħu jħossuhom protetti u l-protagonisti,

B.  billi l-Artikolu 24 (3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea tiddikjara illi "kull minorenni għandu jkollu d-dritt li jżomm relazzjoni personali u kuntatt dirett fuq bażi regolari maż-żewġ ġenituri tiegħu/tagħha, sakemm dan ma jmurx kontra l-interessi tiegħu/tagħha.",

C. billi skond l-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, huwa importanti li t-tfal kollha jingħataw il-garanzija tad-dritt għal ''parteċipazzjoni'' sabiex dejjem jittieħed kont ta' l-esperjenzi tagħhom u ta' l-opinjoni tagħhom dwar kwalunkwe kwistjoni li tikkonċernahom, billi jingħata l-piż xieraq skond l-età, il-maturità u l-iżvilupp intellettwali tat-tifel/tifla; billi dan id-dritt huwa assolut u m'għandux ikollu limiti, u billi għandhom jinsabu mezzi sabiex ikun hemm komunikazzjoni mat-tfal kollha, anke mat-tfal li jesprimu ruħhom b'mod li ma jinftiehemx faċilment mill-adulti, pereżempju tfal żgħar ħafna, tfal b'diżabilità u tfal li jitkellmu b'lingwa oħra,

D. billi huwa fundamentali li t-tfal ikunu mdaħħlin u rrappreżentati fil-politiki kollha ta' l-Unjoni Ewropea li jirrigwardawhom b'mod dirett jew indirett (mainstreaming),

E.  billi għat-tfal, il-faqar u l-esklużjoni soċjali tal-ġenituri tagħhom jirrappreżentaw ostakli gravi għall-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom, u billi hemm ukoll bosta fatturi li ma jippermettux li t-tfal jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom, bħal pereżempju ġenituri li jwettqu dmirijiethom b'mod inadegwat, il-bżonn li t-tfal jiġu rappreżentati minn adulti fi kwistjonijiet legali, jew il-fatt li d-dritt għall-kura tas-saħħa jista' biss jiġi eżerċitat bil-kunsens tal-persuna li tkun inkarigata mit-tifel/tifla;

billi l-adulti għandhom jipprovdu lit-tfal b'kundizzjonijiet favorevoli biex dawn ikunu jistgħu jitkellmu, jesprimu l-opinjonijiet tagħhom u jinstemgħu;billi l-adulti għandhom jippromwovu l-azzjonijiet ta' paċi u ta' ħbiberija min-naħa tat-tfal u jħejjuhom biex jassoċjaw ma' tfal oħra;billi ż-żmien jikkostitwixxi fattur importanti fil-ħolqien ta' kundizzjonijiet li jwasslu għal imġieba u biex it-tfal jingħataw rwol, u mhux biss f'avvenimenti speċifiċi, u billi l-iffinanzjar ta' programmi pubbliċi għandu jikkunsidra dan;

G. billi l-abbuż tad-drittijiet tat-tfal, il-vjolenza kontra t-tfal u t-traffikar tat-tfal għal adozzjoni illegali, prostituzzjoni, xogħol illegali, żwieġ sfurzat, talb ta' flus fit-toroq, jew għal kwalunkwe raġuni oħra, jibqgħu jikkostitwixxu problema fi ħdan l-UE,

H. billi hemm numru dejjem jikber ta' tfal li jbagħtu minn mard kroniku bħan-newrodermatite u l-allerġiji, u minn mard u ħsejjes tan-nifs,

I.   billi d-drittijiet ambjentali tat-tfal huma mniżżlin fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

J.   billi l-ambjent tal-familja jikkostitwixxi qafas propizju għall-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal, u jiżgura l-iżvilupp tajjeb tal-personalitajiet tagħhom, l-iżvilupp tal-ħiliet tagħhom u jippermettilhom li jiskbu t-tagħrif neċessarju biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u sabiex ikunu konxji mid-dmirijiet tagħhom, u għalhekk, għandu jsir kull sforz biex ikunu appoġġjati l-familji permezz ta' politiki pubbliċi xierqa, iżda, billi fin-nuqqas ta' qafas bħal dan, it-tfal kollha inklużi l-orfni, it-tfal bla dar u r-rifuġjati, b'konformità mal-Konvenzjoni għad-Drittijiet tat-Tfal tan-Nazzjonijiet Uniti, għandu jkollhom aċċess għal qafas sostituttiv ta' ħarsien li jippermettilhom li jikbru mingħajr l-ebda tip ta' diskriminazzjoni kontrihom,

K. billi l-istrateġija ta' l-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal għandha tkun ibbażata fuq il-valuri u l-prinċipji stipulati fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

L.  billi d-Drittijiet tat-Tfal bħala persuni legali awtonomi għandhom ikunu rikonoxxuti, iżda, minkejja l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali, il-bniet u n-nisa huma ta' sikwit vittmi ta' nuqqas ta' ugwaljanza legali, soċjali u ekonomika, li jaffettwa l-eżerċizzju tad-drittijiet pożittivi u fundamentali tagħhom bħall-aċċess għall-edukazzjoni, it-taħriġ u l-kura tas-saħħa, ikel sigur u ilma nadif u d-drittijiet riproduttivi għall-adoloxxenti,

M. billi d-drittijiet u l-valuri fundamentali, inkluża l-ugwaljanza bejn is-sessi, għandhom ikunu element essenzjali fl-edukazzjoni matul it-tfulija u għandhom jifformaw il-bażi ta' kull stadju ieħor tal-ħajja,

N. billi l-integrazzjoni sistematika tas-sessi għandha tkun applikata għall-politiki kollha li jaffettwaw lit-tfal, peress li l-ugwaljanza bejn is-sessi tibda mir-rikonoxximent ta' drittijiet indaqs ta' tfal subien u bniet sa mill-ewwel snin tal-ħajja,

O. billi l-ksur tad-drittijiet tal-Bniedem kontra n-nisa u l-bniet immigranti fil-forma ta' l-hekk imsejħa reati ta' l-unur, żwiġijiet sfurzati, mutilazzjoni ġenitali, jew ksur ieħor ma jista' jkun iġġustifikat bl-ebda raġuni kulturali jew reliġjuża u m'għandu jkun ittollerat fl-ebda ċirkostanza,

P.  billi t-tfal fl-Ewropa huma esposti minn età żgħira għal xeni ta' orrur, pornografija u vjolenza fil-midja, u billi dawn jista' jkollhom effetti psikoloġiċi u soċjali devastanti fuq it-tfal, bħall-ansjetà, id-depressjoni, żieda fl-aggressività u problemi fl-iskola,

Ħarsa ġenerali lejn l-istrateġija

1.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni, li tagħmilha pjuttost ċara li l-konvenzjonijiet kollha dwar id-drittijiet tal-Bniedem japplikaw kemm għat-tfal kif ukoll għall-adulti, hekk kif jagħmlu wkoll numru ta' drittijiet addizjonali, inklużi dawk imniżżla fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li ġiet abbozzata b'referenza partikolari għas-sitwazzjoni speċifika tat-tfal u taż-żgħażagħ;

2.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Konferenza Intergovernattiva tad-19 ta' Ottubru 2007 li d-Drittijiet tat-Tfal jiddaħħlu bħala wieħed mill-objettivi ta' l-UE fit-Trattat ta' Liżbona, u b'hekk tiġi provvista bażi legali ġdida għad-drittijiet tat-tfal;

3.  Jilqa' l-iżvilupp tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni dwar it-Tfal fir-Relazzjonijiet Esterni, li se jitniżżel taħt il-qafas u l-impenji approvati ta' l-istrateġija ta' l-UE fir-rigward tad-drittijiet tat-tfal;

4.  Jinnota li numru dejjem jikber ta' oqsma ta' kompetenza ta' l-UE jaffettwaw, b'mod dirett jew indirett, id-Drittijiet tat-Tfal u jitlob lill-Kummissjoni sabiex tinkorpora taqsima ddedikata għall-konsiderazzjoni tad-drittijiet tat-tfal, fuq livell legali, fl-istudju ta' evalwazzjoni ta' l-impatt tagħha previst mill-komunikazzjoni tas-27 ta' April 2005 dwar ''Ir-rispett tal-Karta tad-drittijiet fundamentali fil-proposti ta' liġi tal-Kummissjoni - Metodoloġija għal kontroll sistematiku u rigoruż'' (COM(2005)0172);

5.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq proposta għall-ħolqien ta' linja tal-baġit speċifika għad-drittijiet tat-tfal, sabiex tiġi ffinanzjata ħidma għall-implimentazzjoni tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ''Lejn Strateġija ta' l-UE għad-Drittijiet tat-Tfal'', u proġetti speċifikament relatati mat-tfal, bħas-sistema Ewropea ta' twissija bikrija dwar serq ta' tfal, u korp ta' koordinazzjoni magħmul minn rappreżentanti ta' l-awtoritajiet prinċipali ta' l-Istati Membri bil-mandat li jnaqqsu n-numru ta' każijiet ta' serq tat-tfal; il-linja tal-baġit għandha tinkludi sussidji għal netwerks ta' NGOs li jaħdmu f'dan il-qasam u għandha tiżgura li jkun hemm parteċipazzjoni min-naħa tat-tfal fil-ħidma għall-implimentazzjoni ta' dik il-komunikazzjoni u tal-proġetti;

6.  Jitlob li jkun hemm sistema effettiva ta' sorveljanza appoġġjata minn mezzi finanzjarji u rapporti annwali biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta' l-impenji mniżżla fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ''Lejn strateġija ta' l-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal'' u fl-istrateġija futura dwar id-drittijiet tat-tfal;

7.  Ifakkar li s-suċċess ta' l-istrateġija futura jirrikjedi impenn u azzjoni fuq tul ta' żmien, iktar sorveljanza effettiva ta' l-implimentazzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal permezz ta' l-iżvilupp ta' indikaturi u l-involviment ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi u ta' assoċjazzjonijiet tal-ġenituri u assoċjazzjonijiet edukattivi, u koordinazzjoni ma' inizjattivi u politiki nazzjonali u internazzjonali dwar id-drittijiet tat-tfal;

8.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tabbozza Rapport Komprensiv ta' l-Unjoni Ewropea dwar it-Tfal u ż-Żgħażagħ kull sentejn, sa mill-2008;

9.  Jilqa' b'ferħ il-pjan tal-Kummissjoni biex tiġi introdotta linja tat-telefon ta' għajnuna madwar l-UE għat-tfal u jirrimarka li hemm bżonn li dan is-servizz ikun bla ħlas u jaħdem lejl u nhar; jitlob lill-Istati Membri biex jinfurmaw lit-tfal, permezz ta' miżuri ta' informazzjoni, dwar il-possibiltà li jużaw dan is-servizz;

10. Jistenna b'interess ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-deċiżjoni ta' qafas ta' l-2003 rigward il-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal;

11. Jitlob li l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, hekk kif imniżżla fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, jitniżżlu fost il-Qafas Multiannwali ta' prijoritajiet ta' l-Aġenzija ta' l-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (minn hawn 'l isfel imsejħa ''l-Aġenzija''), u li din twaqqaf, mill-aktar fis possibbli, netwerk ta' koperazzjoni ma' l-istituzzjonijiet internazzjonali, b'mod partikolari mal-medjatur għat-tfal u ma' l-ONGs attivi f'dan il-qasam, sabiex tkun tista' tapprofitta bis-sħiħ mill-esperjenza tagħhom u mill-informazzjoni li huma għandhom;

12. Jitlob lill-Kummissjoni, lill-Aġenzija u lill-Istati Membri sabiex jaħdmu f'koperazzjoni ma' l-aġenziji rilevanti tan-Nazzjonijiet Uniti, ma' l-organizzazzjonijiet internazzjonali u maċ-ċentri ta' riċerka ħalli jtejbu l-ġbir ta' dejta statistika rigward is-sitwazzjoni tat-tfal fi ħdan l-UE, u jekk ikun il-każ billi jestendu l-mandat ta' l-Eurostat, bil-għan li jiġi żviluppat u inkluż numru ikbar ta' indikaturi relatati speċifikament mat-tfal dwar il-faqar tat-tfal u l-esklużjoni soċjali, pereżempju; għandha tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tat-tfal fil-ġbir tad-dejta;

13. Jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi dejta mqassma skond is-sess u l-età dwar kull tip ta' diskriminazzjoni u vjolenza kontra t-tfal, biex tintegra l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fil-politiki u l-istrumenti kollha ta' l-istrateġija futura tagħha, inklużi l-attivitajiet tal-Forum dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u biex issegwi u tevalwa dawn il-politiki, fost oħrajn permezz ta' bbaġitjar skond is-sessi (gender budgeting);

14. Jitlob biex id-Drittijiet tat-Tfal jiddaħħlu fil-politiki esterni u fl-azzjonijiet ta' l-UE, inkluża l-Politika Ewropea tal-Viċinat u l-Isħubija Strateġika mar-Russja, hekk kif tgħid il-karta ta' ħidma futura ta' l-istaff tal-Kummissjoni dwar ''Pjan ta' Azzjoni ta' l-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tat-Tfal fir-Relazzjonijiet Esterni'', u fil-proċess tat-tkabbir, billi jiġi rikonoxxut li dawn il-politiki jikkostitwixxu għodda b'saħħitha li tipprovdi opportunitajiet għall-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfaljitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel b'mod illi dawn l-opportunitajiet isiru objettivi speċifiċi fix-xogħol estern tal-Komunità u ta' l-Istati Membri;

15. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta rapport dwar il-possibiltà li fil-ftehimiet internazzjonali kollha li l-KE tikkonkludi ma’ pajjiżi terzi, tiġi inkluża klawżola speċifika li tkun torbot legalment dwar ir-rispett tad-Drittijiet tat-Tfal kif huma definiti fil-livell internazzjonali.

16. Jitlob lill-Kummissjoni biex tirdoppja l-isforzi tagħha biex tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex idaħħlu d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-protokolli fakultattivi tagħha fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom;

17. Jitlob illi tiġi kkunsidrata l-adeżjoni ta' l-UE għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti li jikkonċernaw id-Drittijiet tat-Tfal u ż-żewġ protokolli fakultattivi tagħha, kif ukoll għall-konvenzjonijiet tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar id-Drittijiet tat-Tfal, inkluża l-ECHR, u dawk dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tat-tfal, dwar l-adozzjoni, dwar l-isfruttament u l-abbużi sesswali, u jitlob lill-Kunsill sabiex jadotta pożizzjoni ta' prinċipju li tippermetti lill-UE li, fil-ġejjieni, tipparteċipa fin-negozjati dwar konvenzjonijiet relatati b'mod partikolari mad-drittijiet tat-tfal;

18. Jirrimarka li kwalunkwe strateġija rigward id-drittijiet tat-tfal għandha tkun ibbażata fuq il-valuri u fuq l-erba' prinċipji ewlenin tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tat-tfal: protezzjoni kontra kull forma ta' diskriminazzjoni; l-aħjar interessi tat-tfal bħala l-iktar kunsiderazzjoni importanti; id-dritt għall-ħajja u għall-iżvilupp; u d-dritt għall-espressjoni ta' opinjoni u li din l-opinjoni jittieħed kont tagħha, fi kwalunkwe kwistjoni jew proċedura li taffettwa lit-tifel jew tifla;

19. Mhuwiex sodisfatt dwar il-fatt li mhux l-Istati Membri kollha stabilixxew medjatur għad-drittijiet tat-tfal, hekk kif jitlob il-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, għall-promozzjoni tal-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal u l-implimentazzjoni ulterjuri tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u jitlob lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan biex jieħdu dan il-pass mill-aktar fis; huwa ta' l-opinjoni li l-UE għandha tagħmel disponibbli appoġġ finanzjarju għan-Netwerk Ewropew ta' Medjaturi għat-Tfal (ENOC), sabiex dan in-netwerk ikun jista' jindirizza b'mod iktar intensiv u madwar l-UE il-kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tat-tfal;

20. Billi l-implimentazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbilità tal-ġenituri qed tagħti lok għal numru ta' interpretazzjonijiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tabbozza linji gwida u lista ta' l-aħjar prattiki bil-għan li tiċċara u tiffaċilita l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament;

21. Jenfasizza l-importanza ta' implimentazzjoni sħiħa mill-Istati Membri u l-pajjiżi kandidati ta' impenji internazzjonali eżistenti, b'mod partikolari dawk li jaqgħu taħt il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità, li fiha dispożizzjonijiet speċifiċi għal tfal b'diżabilità, u l-konvenzjonijiet ta' l-ILO dwar ix-xogħol tal-minorenni;

22. Iħeġġeġ lill-Istati Membri li għadhom ma rratifikawx il-Patt ta’ l-Aja tad-19 ta’ Ottubru 1996 dwar il-Ġurisdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent, l-Infurzar u l-Koperazzjoni relatati mar-Responsabiltà tal-Ġenituri u l-Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal sabiex jagħmlu dan; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet ta' l-UE sabiex jippromwovu r-ratifika min-naħa ta' pajjiżi terzi ta’ l-istrumenti internazzjonali ewlenin għall-protezzjoni tt-tfal, speċjalment dawk li jistgħu jtejbu s-sitwazzjoni ta’ immigranti minorenni;

23. Iħeġġeġ lill-UE sabiex tieħu parti attiva fil-promozzjoni ta' qawmien ta' kuxjenza u ta' tixrid tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal ġewwa u barra mill-UE permezz ta' l-użu ta' ''soft power'';

24. Ifakkar lill-Istati Membri dwar il-bżonn li jikkonformaw immedjatament ma' l-impenji Ewropej u internazzjonali tagħhom rigward il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal;

25. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iwaqqfu programmi ta' skambju għal għalliema u studenti ma' pajjiżi lil hinn mill-UE, b'mod partikolari fil-Lvant Nofsani u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u biex ixerrdu u jippromwovu d-drittijiet tat-tfal, billi jiġbed l-attenzjoni għad-dritt għal edukazzjoni u għal ugwaljanza bejn is-sessi;

26. Jenfasizza l-bżonn għal kunsiderazzjoni differenzjata tal-bżonnijiet tat-tfależempju tajjeb għal skala differenzjata bħal din hija l-Karta ta' Rapport 7 miċ-Ċentru ta' Riċerka ta' UNICEF INNOCENTI, b'sitt dimensjonijiet ta' benessri tat-tfal, inkluż benessri materjali, saħħa u sigurtà, benessri edukazzjonali, relazzjonijiet mal-familja u mat-tfal, imġieba u riskji u benessri suġġettiv;

27. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni biex tiġi żgurata l-osservanza tad-drittijiet ta' tfal b'diżabilità mentali, b'referenza partikolari għad-dritt tagħhom għal-libertà, l-edukazzjoni u l-aċċess għall-qrati, u biex dawn it-tfal jiġu protetti mit-tortura u minn trattament krudili, inuman jew degradanti;

28. Jitlob lill-Istati Membri biex jiżguraw illi t-tfal ikollhom rappreżentazzjoni effettiva u indipendenti f'kull proċedura ġudizzjarja jew kważi-ġudizzjarja relatata magħhom u li jkollhom persuni maħtura bil-liġi biex tieħu ħsiebhom f'każ illi ma jkunx hemm membru adult tal-familja responsabbli, kompetenti u adegwat biex iwettaq tali responsabiltajiet;

29. Jenfasizza illi, peress li l-maġġoranza l-kbira tat-tfal, speċjalment tfal żgħar, jieħdu ħsiebhom il-familji tagħhom, strateġija dwar id-drittijiet tat-tfal għandha tinkludi dispożizzjonijiet għall-promozzjoni tal-benessri tal-familji;

30. Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżviluppa politiki u twettaq azzjoni komprensiva u trażversali bil-għan li jiġu protetti d-drittijiet tat-tfal sabiex jinkisbu ugwaljanza interterritorjali u opportunitajiet indaqs għat-tfal;

31. Jipproponi li l-UE tiddefinixxi bħala ''tfal f'riskju'' dawk it-tfal kollha li huma vittmi ta' sitwazzjoni soċjali li hija ta' theddida għas-saħħa mentali jew fiżika tagħhom u/jew tesponihom għal riskji ta' delinkwenza, kemm bħala atturi kif ukoll bħala vittmi;

32. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu iktar miżuri (kampanji ta' informazzjoni, skambji ta' l-aħjar prattika eċċ) biex jipprevjenu li t-tfal jitqiegħdu ''f'riskju'', inkluża l-prevenzjoni ta' delinkwenza taż-żgħażagħ;

33. Ifakkar li d-dritt għall-edukazzjoni u t-taħriġ huwa dritt soċjali bażiku, u jitlob lill-Istati Membri kollha u lill-pajjiżi kandidati biex jiggarantixxu dan id-dritt, ikunu xi jkunu l-isfond soċjali jew etniku, il-kundizzjoni fiżika jew l-istat legali tat-tfal jew tal-ġenituri tagħhom;

34. Jitlob li l-istrateġija futura tinkludi miżuri għall-prevenzjoni ta' vjolenza bbażata fuq il-ġeneru billi jkun hemm iffukar, fost affarijiet oħra, fuq kampanji biex titqajjem kuxjenza dwar l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, li jkunu mmirati lejn bniet u subien, ġenituri, edukaturi u komunitajiet vulnerabbli, u li jkollhom l-għan ta' l-emanċipazzjoni tal-bniet, li jiggarantixxu l-opportunitajiet indaqs tagħhom u jtejbu d-difiża tad-drittijiet tagħhom; jitlob li ssir promozzjoni tal-parteċipazzjoni attiva tas-subien u l-irġiel fil-miżuri preventivi msemmija hawn fuq; jitlob lill-Kummissjoni biex tqiegħed bħala kundizzjoni għall-politika ta' għajnuna għall-iżvilupp u l-ftehimiet kummerċjali tagħha l-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni li tiggarantixxi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u l-abolizzjoni ta' kull tip ta' vjolenza kontra n-nisa u t-tfal;

35. Jitlob lill-Kummissjoni biex, fir-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi, tinkoraġġixxi r-ratifika tat-Trattati internazzjonali biex tintemm id-diskriminazzjoni kontra n-nisa u biex tiġi promossa l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja ekonomika, soċjali u politika, u b'hekk jittejjeb il-benesseri tat-tfal tagħhom;

Parteċipazzjoni tat-tfal

36. Jilqa' t-twaqqif min-naħa tal-Kummissjoni ta' Forum li jiġbor flimkien rappreżentanti ta' l-Istati Membri, tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni, ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi, ta' organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali attivi fil-qasam tad-drittijiet tat-tfal, u tat-tfal; jemmen li l-parteċipazzjoni tat-tfal għandha tikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-Forum; jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura l-parteċipazzjoni tat-tfal kif ukoll tal-medjatur għad-drittijiet tat-tfal fl-Istati Membri, kif ukoll ta' l-assoċjazzjonijiet tal-ġenituri u tal-familji;

37. Jesprimi sodisfazzjoni dwar il-fatt li l-Kummissjoni ħolqot grupp ta’ interservizzi u ħatret Koordinatur għad-drittijiet tat-tfal u jitlob li tinħoloq unità għall- koordinazzjoni anke fi ħdan il-Parlament Ewropew bi qbil mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Liżbona, sabiex taġixxi f’kooperazzjoni mal-grupp ta’ interservizzi tal-Kummissjoni u sabiex tgħaqqad flimkien u tirrazzjonalizza l-inizjattivi u l-attivitajiet parlamentari kollha relatati mad-drittijiet tat-tfal; huwa ta’ l-opinjoni li entitajiet bħal dawn għandhom jipprovdu netwerk għall-iskambju ta’ informazzjoni u prattiki tajbin, fir-rigward tal-pjanijiet strateġiċi nazzjonali għat-tfal li qed jiġu implimentati minn xi Stati Membri; jitlob li dawn l-entitajiet jistabbilixxu kuntatt dirett ma' organizzazzjonijiet immxxija mit-tfal u miż-żgħażagħ sabiex jiżviluppaw, jimplimentaw, jimmoniterjaw u jiżguraw il-parteċipazzjoni kostruttiva u effettiva tat-tfal fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li jaffetwahom kollha;

38. Ifakkar li t-tfal u ż-żgħażagħ, mingħajr distinzjoni ta' età, għandhom id-dritt li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom; iqis li l-bniet u s-subien huma intitolati daqs xulxin li jgħidu tagħhom u li dak id-dritt għandu jiġi garantit fix-xogħol li jsir għall-iżvilupp ta' strateġija ta' l-UE għad-drittijiet tat-tfal, u li għandha tkun żgurata l-parteċipazzjoni indaqs tal-bniet u s-subien;

39. Jirrikonoxxi li l-parteċipazzjoni attiva hija marbuta mill-qrib ma’ l-informazzjoni; jilqa’ b’sodisfazzjon il-ħolqien ta’ strateġija ta’ komunikazzjoni u ta’ informazzjoni li ser tippubblika l-miżuri ta’ l-UE b’mod li jifmuhom it-tfal u li jkunu aċċessibbli għal kulħadd;

40. Jistenna bil-ħerqa l-publikazzjoni mill-Kummissjoni fl-2008 ta’ l-istudju tagħha li jevalwa l-impatt ta’ azzjonijiet eżistenti ta’ l-UE li jaffettwaw id-drittijiet tat-tfal u dokument ta' konsultazzjoni li ser ikun maħsub li jistabbilixxi l-prijoritajiet ewlenin ta' l-azzjoni ta’ l-UE fil-ġejjieni fil-qasam tad-drittijiet tat-tfal, bil-għan li tiġi adottata White Paper; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tqis ir-riżultati tal-konsultazzjoni li saret fil-bidu ta’ l-2007 mis-Save the Children and Plan International fost madwar elf tifel u tifla, li wrew li l-kwistjonijiet ta' prijorità, fl-opinjoni tagħhom, huma l-vjolenza fuq it-tfal, id-diskriminazzjoni, l-esklużjoni soċjali u r-razziżmu, l-effetti tad-droga, l-alkoħol u t-tipjip, il-prostituzzjoni, l-ittraffikar tat-tfal u l-ħarsien ambjentali[7]; jemmen li, flimkien ma’ dawn il-kwistjonijiet prijoritarji speċifiċi, il-miri komprensivi ta’ l-istrateġija għandhom ikunu d-drittijiet tat-tfal għall-parteċipazzjoni u l-influwenza; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa proċess li permezz tiegħu il-partijiet kollha involuti, inklużi t-tfal, ikunu kapaċi jieħdu sehem fil-konsultazzjoni li twassal għad-definizzjoni ta’ l-istrateġija ta’ l-UE għad-drittijiet tat-tfal;

41. Iqis li huwa importanti ferm li l-informazzjoni dwar id-drittijiet tat-tfal tinxtered fost it-tfal b’mod li tinftiehem mit-tfal u permezz tal-mezzi xierqa; jistieden lill-Kummissjoni biex:

- tiżviluppa għoddod effettivi ta' komunikazzjoni, inkluża websajt adattata għat-tfal, sabiex tippromwovi x-xogħol ta’ l-UE dwar id-drittijiet tat-tfal;

- twaqqaf sistema ta’ informazzjoni permanenti u kondiviża sabiex iżżid l-għarfien tas-sitwazzjoni tat-tfal fl-UE;

- toħloq u tippromwovi kanali ta’ informazzjoni perjodiċi u regolari dwar is-sitwazzjoni tat-tfal fl-UE, bħal rapporti statistiċi, studji u skambju ta’ informazzjoni u prattiki tajbin;

Il-Prijoritajiet ta’ l-Istrateġija ta’ l-UE għad-drittijiet tat-tfal Vjolenza

42. Jafferma li ebda forma ta’ vjolenza fuq it-tfal fi kwalunkwe ambjent, inkluż dak tad-dar, ma tista’ tiġi ġustifikata u għandha tiġi kkundannata; għalhekk jitlob li jkun hemm leġiżlazzjoni Komunitarja li tipprojbixxi kull forma ta’ vjolenza, abbuż sesswali, kastigazzjoni degradanti u prattiki tradizzjonali li jagħmlu l-ħsara; jikkundanna l-forom kollha ta' vjolenza kontra t-tfal inkluża vjolenza fiżika, psikoloġika u sesswali, bħat-tortura, l-abbuż u l-isfruttament tat-tfal, il-ħtif tat-tfal, l-ittraffikar jew il-bejgħ tat-tfal u l-organi tagħhom, il-vjolenza domestika, il-pornografija bit-tfal, il-prostituzzjoni tat-tfal, il-pedofilija, jew prattiki tradizzjonali li jagħmlu l-ħsara bħall-mutilazzjoni ġenitali femminili, żwiġijiet sfurzati u delitti ta' l-unur;

43.  Ifakkar ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fl-Istudju tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Vjolenza kontra t-Tfal dwar il-prevenzjoni u r-reazzjoni għal kull forma ta’ vjolenza kontra t-tfal – b’mod partikulari, jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-politiki preventivi jingħataw prijorità u li s-servizzi soċjali jissaħħu, b'referenza speċjali għas-servizzi ta' medjazzjoni familjari, li jitjieb l-appoġġ offrut lill-vittmi ta’ vjolenza, sabiex il-ħatja jinżammu responsabbbli u sabiex il-ġabra u l-analiżi tad-data dwar din il-problema moħbija jissaħħu; jitlob għall-promozzjoni, fi ħdan il-qafas tal-politiki għall-prevenzjoni tal-vjolenza fuq it-tfal, ta’ qawmien ta’ kuxjenza fost it-tfal, kampanji ta’ informazzjoni u ta’ edukazzjoni u attivitajiet ta’ bini ta’ kapaċità għal gruppi professjonali li jaħdmu mat-tfal u għat-tfal;

44. Jistieden lill-Istati Membri biex jew jimplimentaw dispożizzjonijiet legali speċifiċi dwar il-mutilazzjoni ġenitali femminili jew jadottaw liġijiet li skondhom kull persuna li tipprattika l-multilazzjoni ġenitali tista' tiġi imħarrka;

45. Jistieden lill-Istati Membri sabiex jieħdu azzjoni dwar id-delitti ta’ l-unur, irrispettivament mir-raġuni, kemm jekk marbutin ma’ l-omosesswalità, ir-reliġjon jew l-identità sesswali, żwiġijiet irranġati u żwiġijiet ma’ minorenni;

46. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iqajmu l-kuxjenza fost it-tobba dwar prattiki tradizzjonali li jagħmlu l-ħsara u biex jiżguraw li r-reati kriminali jkunu kkastigati konsistentement skond il-leġiżlazzjoni fis-seħħ, b’attenzjoni partikulari għall-gruppi vulnerabbli li jinkludu bniet u nisa immigranti, dawk minn minoranzi etniċi u bniet b'diżabilità;

47. Jistieden lill-Istati Membri biex jintroduċu r-reġistrazzjoni obbligatorja mill-ħaddiema tal-kura tas-saħħa tal-każijiet kollha ta' mutilazzjoni ġenitali femminili, u wkoll biex jirreġistraw każijiet fejn ikun hemm suspett li tista' ssir mutilazzjoni ġenitali;

48. Jitlob lill-Istati Membri biex jitkellmu kontra l-vjolenza fuq in-nisa bbażata fuq it-tradizzjoni, biex jikkundannaw il-vjolazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-bniet immigranti li jkun ġej mill-familja, u biex jiċċekkjaw liema liġijiet jistgħu jiġu applikati biex il-membri tal-familja jinżammu responsabbli, speċjalment fil-każ ta' l-hekk imsejħa reati ta' l-unur;

49. Isostni li, jekk il-vjolenza u l-abbuż tat-tfal għandu jkun dijanjostikat u kkonfrontat f'fażi bikrija, irid jiġi introdott protokoll proċedurali speċifiku għar-reġistrazzjoni u t-trattament ta' inċidenti bħal dawn, flimkien ma' miżuri ta' taħriġ għall-istaff mediku u tal-kura tas-saħħa responsabbli minn kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mas-saħħa fiżika u mentali tat-tfal;

50. Jappoġġja l-ħatra ta’ Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra t-Tfal, bil-mandat u r-riżorsi meħtieġa sabiex jiġu infurzati impenji globali sabiex tintemm il-vjolenza fuq it-tfal;

51. Jisħaq li għandu jiġi stabbilit qafas legali dwar l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-abbuż tat-tfal u li l-koperazzjoni ġudizzjarja għandha tissaħħah bejn l-Istati Membri, il-Europol, il-Eurojust u l-entitajiet internazzjonali kollha kompetenti;

52. Jistieden lill-Istati Membri sabiex jallokaw il-fondi għal kampanji edukattivi u tal-midja li jimmiraw li l-jilħqu lill-ġenituri u lill-professjonisti u sabiex jiżguraw il-provvediment ta’ servizzi legali, mediċi u psikoloġiċi adattati għat-tfal;

53. Jistieden lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri kollha sabiex jieħdu sehem attiv fil-ġlieda kontra l-isfruttament tat-tfal, l-ittraffikar tat-tfal, il-pedofilija, l-abbuż sesswali tat-tfal permezz ta' l-Internet, il-prostituzzjoni tat-tfal u t-turiżmu sesswali li jinvolvi t-tfal, filwaqt li jitieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex titlesta l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoi nazzjonali bbażata fuq prinċipji minimi komuni adottati fid-Deċiżjoni Qafas 2004/68/JHA, u wkoll fi strumenti legali oħrajn li jipprevedu l-involviment tal-partijiet interessati pubbliċi u privati kollha, kif stipulat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li jisimha ‘ Lejn politika ġenerali dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità ċibernetika';

54. Jafferma li l-isfruttament sesswali tat-tfal għandu jitqies bħala ekwivalenti għall-istupru fir-rigward ta’ sanzjonijiet penali; iqis li ċirkustanzi aggravanti għandhom jitqiesu meta tifel jew tifla jkunu vittma ta’ sfruttament jew abbuż sesswali;

55. Jistieden lill-Istati Membri sabiex jikkunsidraw leġiżlazzjoni li tkun newtrali fil-konfront tas-sessi differenti fir-rigward tal-vjolenza sesswali u sabiex jikkunsidraw li x-xiri ta’ sess mingħand tfal (i.e. minorenni) għandu jsir reat u bi qbil ma’ l-Artikolu 1 tal-protokoll fakultattiv tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal li jirrigwarda l-bejgħ ta’ tfal, il-prostituzzjoni tat-tfal u l-pornografija tat-tfal adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-25 ta’ Mejju 2000; jisħaq li l-għarfien pubbliku huwa kruċjali sabiex issir ġlieda kontra l-prostituzzjoni u l-pornografija tat-tfal u titnaqqas it-talba għalihom;

56. Ifakkar ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Novembru 2006 b'rakkomandazzjoni lill-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-ittraffikar ta' bnedmin, li l-premessa E tiegħu tipproponi l-mira li n-numru ta’ vittmi ta’ traffika tal-bnedmin jonqos bin-nofs fl-għaxar snin li ġejjin, bil-għan ġenerali li din l-attività kriminali tinqered kemm jista’ jkun malajr u bl-aktar mod komprensiv possibbli;

57. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn li jkunu effettivi, inkluż il-ġbir ta' data mqassma skond l-età u s-sess sabiex tkun evitata u eliminata kull tip ta' vjolenza mwettqa fit-territorji tagħhom, kemm fl-isfera pubblika kif ukoll dik privata;

58. Jistieden ukoll lill-Kummissjoni sabiex tappoġġja r-ratifikazzjoni mgħaġġla tal-Protokol tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Protokoll Fakultattiv ta’ l-istess Konvenzjoni dwar l-involviment tat-tfal f’kunflitt bl-armi msemmija hawn fuq;

59. Jistieden lill-Istituzzjonijiet kollha ta' l-UE u lill-Istati Membri sabiex jiżguraw ħarsien sħiħ u għajnuna sħiħa għall-vittmi tat-traffikar, b’mod partikolari fir-rigward tas-sejba ta’ soluzzjoni xierqa fit-tul għall-vittmi tfal tat-traffikar;

60. Jistieden lill-istituzzjonijiet kollha u lill-Istati Membri sabiex jieħdu parti attiva fil-ġlieda kontra t-traffikar tat-tfall għall-forom kollha ta' sfruttament inklużi x-xogħol (eż. tħaddim tat-tfal[8], xogħol sfurzat, servitù domestika, skjavitù, xogħol marbut u talb ta’ flus fit-toroq), żwieġ sfurzat, adozzjoni u attivitajiet illeċiti (eż traffikar tad-drogi, pick pocketing), sfruttament sesswali u prostituzzjoni, eċċ.;

61. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipproċedi b'mod immedjat b'evalwazzjoni tal-miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali fir-rigward tad-Deċiżjoni Qafas 2004/68/JHA bil-għan li ssir proposta għall-emenda immedjata tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li huma kuntrarji għal dik id-Deċiżjoni, u jappoġġja l-impenn li qed turi l-Kummissjoni li, flimkien mal-kumpaniji prinċipali tal-karti ta’ kreditu, qed tesplora l-fattibilità tekinka li websajts involuti f'bejgħ online ta' materjal pornografiku li jinvolvi t-tfal jiġu esklużi mis-sistemi ta’ ħlas online jew li tiġu introdotta sistema oħra ta’ restrizzjonijiet; bl-istess mod jistieden lill-partijiet ekonomiċi l-oħra involuti, bħall-banek, bureaux de change, fornituri ta’ l-internet u operaturi ta’ search engines sabiex jieħdu sehem attiv fl-isforzi sabiex issir ġlieda kontra l-pornografija tat-tfal u kwalunkwe forma oħra ta' sfruttament kummerċjali tat-tfal; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, fir-rigward ta’ l-adozzjoni tad-direttiva l-ġdida dwar is-servizzi tal-midja awdjoviżiva, sabiex tipprojbixxi l-pornografija tat-tfal u l-vjolenza kontra t-tfal fis-servizzi kollha tal-midja awdjoviżiva[9]; iqis li waħda mill-prijoritajiet bażiċi tal-Kummissjoni għandha tkun li ssaħħaħ l-operazzjonijiet transkonfinali kontra websajts ta' pornografija tat-tfal u li ttejjeb il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-korpi tas-settur privat bl-għan li jkun hemm impenn biex jitwaqqfu l-websajts illegali;

62. Jiġbed l-attenzjoni għall-isfruttament tat-tfal u l-minorenni fil-moda, fil-mużika, fl-industrija tal-film u fl-isport;

63. Jitlob il-ħolqien, fl-interess tad-difiża tad-drittijiet tat-tfal, ta’ sistema regolatorja xierqa, effettiva u proporzjonata fi djalogu mal-fornituri, mal-midja (kumpaniji ta’ TV pubbliċi u privati, kumpaniji ta’ riklamar, l-istampa, logħob tal-kompjuter, mowbajls u l-Internet) u industriji, immirati, fost affarijiet oħra, lejn il-projbizzjoni ta’ stampi li jagħmlu l-ħsara u l-kontenut (inkluż il-bullying ċibernetiku) u l-kummerċjalizzar ta’ logħob tal-kompjuter vjolenti, li , billi jinkoraġġixxu l-vjolenza u s-sessiżmu, jistgħu jagħmlu l-ħsara lill-iżvilupp fiżiku u psikoloġiku tat-tfal; barra minn dan, jiġbed l-attenzjoni, bi tħassib, għall-problema ta’ skambju ta’ stampi pornografiċi jew relatati ma’ l-abbuż tat-tfal permezz ta’ l-MMS; jesprimi l-appoġġ tiegħu għal programm ta’ l-Internet aktar sikur fir-rigward ta’ l-implimentazjzoni ta’ miżuri operattivi u tekniċi għall-promozzjoni ta’ użu aktar sikur ta’ l-Internet speċjalment mit-tfal; fi ħdan dan il-qafas, jistieden ukoll lill-Istati Membri u lill-fornituri tas-servizzi ta’ l-Internet, f’kollaborazzjoni mal-kumpaniji li joffru search engines u mal-pulizija, sabiex jimplimentaw teknoloġija li timblokka lill-utenti ta' l-Internet milli jaċċessaw websajts illegali relatati ma’ l-abbuż tat-tfal u li tipprevjeni lill-pubbliku milli jaċċessa materjal li juri abbużż sesswali tat-tfal;

64. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-implimentazzjoni ta’ Qafas Ewropew għall-użu aktar sikur tal-mowbajls minn adoloxxenti u tfal, li ġie adottat bħala kodiċi ta’ awtoregolazzjoni bejn l-intrapriżi ewlenin f’dan is-settur fl-UE u li ser jiġi segwit mill-adozzjoni ta’ kodiċi ta’ awtoregolazzjoni nazzjonali korrispondenti; jenfasizza li dan il-qafas jikkostitwixxi l-ewwel pass importanti lejn l-assigurazzjoni tal-ħarsien tal-minorenni minn perikli speċifiċi li huma riżultat ta’ l-użu tal-mowbajls, iżda li huwa essenzjali li l-Kummissjoni timmoniterja u tevalwa b’mod konstanti l-implimentazzjoni tiegħu fuq livell nazzjonali bil-għan li jiġu evalwati r-riżultati tiegħu u li tiġi eżaminata l-ħtieġa li tiġi adottata inizjattiva leġiżlattiva Komunitarja;

65. Jappoġġja il-ħolqien ta’ sistema uniformi ta’ klassifikazzjoni u ttikettar fl-UE għall-bejgħ u d-distribuzzjoni ta’ kontenut awdjoviżiv u logħob tal-kompjuter maħsubin għall-minorenni, sabiex l-istandard Ewropew iservi ta' mudell għall-pajjiżi barra mill-UE;

66. Ifakkar li tikketta speċjali għall-logħob online żdiedet riċentament mas-sistema Ewropea eżistenti għall-klassifikazzjoni skond l-eta’ tal-logħob tal-kompjuter u dak elettroniku (PEGI); Huwa ta’ l-opinjoni li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu li jagħtu appoġġ akbar lill-awtoregolazzjoni ta’ dan it-tip fl-ittikkettar tal-logħob, sabiex tingħata protezzjoni aħjar lill-minorenni minn kontenut mhux xieraq u sabiex il-ġenituri jiġu infurmati dwar ir-riskji possibbli marbuta mal-logħob, kif ukoll sabiex tinġibdilhom l-attenzjoni għal eżempji tajbin;

67. Jistieden lill-Istati Membri sabiex jissikkaw il-kontrolli tagħhom fuq il-kontenut ta’ programmi televiżivi li jintwerew waqt ħinijiet meta jkun hemm l-akbar numru ta’ tfal jaraw it-televiżjoni u sabiex jgħinu fil-kontroll min-naħa tal-ġenituri billi jipprovdu informazzjoni xierqa u omoġenika dwar il-programmi televiżivi; jenfasizza li t-teknoloġija ta’l-informatika toffri aktar possbilitajiet lit-tfal biex jaċċessaw il-programmi tat-televiżjoni fi kwalunkwe ħin, minn kwalunkwe kompjuter li jkollu konessjoni ma' l-internet; jirrimarka li hemm bżonn ta’ aktar kunsiderazzjoni għar-reviżjoni tad-dritt mhux ristrett tal-mass midja li taċċessa t-tfal u d-dritt tat-tfal li jaċċessaw il-mass midja mingħajr restrizzjoni;

68. Jirrimarka li kien hemm żieda allarmanti fl-Istati Membri kollha tal-kriminalità minorenni li tinvolvi atti kriminali magħmula minn persuni minorenni u – f’ħafna mill-każi – vitmi minorenni, sitwazzjoni li titlob poltika integrata, mhux biss fuq livell nazzjonali, iżda wkoll fuq livell Komunitarju; jirrakkomanda għalhekk, bħala miżura meħtieġa, li jsir stħarriġ awtoritarju tal-problema mingħajr dewmien u li mbagħad jitfassal programm ta’ qafas integrat fuq livell komunitarju, li jiġbor flimkien il-miżuri madwar tliet linjigwida: miżuri preventivi, miżuri ta’integrazzoni għall-persuni minorenni li wettqu reat u miżuri ġudizzjarji u extraġudizzjarji ta’ intervenzjoni;

69. Jenfasizza li l-promozzjoni ta’ ‘kultura tat-tfal’ mill-Programmi Ewropej għall-Midja u l-Kulturali għandhom jiżdiedu u jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jużaw proġetti innovattivi f’forma adattata għat-tfal sabiex jinkoraġġixxu interess fil-kultura Ewropea u l-lingwi Ewropej u jistimulaw ir-rieda tat-tfal li jitgħallmu minn età żgħira; jenfasizza wkoll l-importanza ta’ edukazzjoni tal-midja sabiex tippromwovi użu aktar infurmat tat-tipi varji ta' midja permezz ta’ l-introduzzjoni ta’ kontenut edukattiv;

70. Jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, fl-istrateġja tagħha għall-ġejjieni, sabiex ifasslu pjan preventiv komprensiv kontra l-kriminalità fost iż-żgħażagħ u l-bullying fl-iskejjel u atteġġjament ieħor li jagħmel il-ħsara u l-problema speċifika ta' ġgajtiet ta' żgħażagħ (gangs) li jinvolvu familji u skejjel partikolari, is-servizz soċjali li jaħdmu għall-appoġġ tal-familji, iċ-ċentri sportivi u dawk taż-żgħażagħ, iż-żgħażagħ infushom, b’attenzjoni speċjali fuq il-provvediment ta’ opportunitajiet u l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni attiva tagħhom fis-soċjetà, jirrakkomanda li l-Istati Membri jaqsmu l-aħjar prattiki tagħhom ma’ xulxin;

71. Jitlob li jkun hemm ħolqien ta’ mekkaniżmi sikuri, riklamati tajjeb, kunfidenzjali u aċċessibbli għat-tfal, ir-rappreżentanti tagħhom u oħrajn li jirrappurtaw vjolenza fuq it-tfal it-tfal kollha, inklużi dawk f'istituzzjonijiet ta' kura u ġudizzjarji, għandhom ikunu konxji mill-eżistenza ta' mekkaniżmi ta' ilment;

72. Jistieden lill-Istati Membri sabiex jintroduċu sistema ta' aċċess għall-informazzjoni dwar il-kundanni li jirriżultaw minn abbuż fuq it-tfal sabiex jiġi żgurat li persuni li, minħabba kundanna għal abbuż sesswali, għandhom jiġu meqjusa bħala mhux adattati biex jaħdmu mat-tfal ikunu jistgħu jiġu esklużi, fl-aħħarnett madwar l-Unjoni kollha, mill-aċċess għal ċerti professjonijiet, li jinvolvu kuntatt mat-tfal[10]iqis li huwa meħtieġ li jiġu introdotti miżuri sabiex jiġu evitati reati oħrajn, pereżempju, meta persuna li ġiet ikkundannata minħabba abbużi sesswali kontra t-tfal tivvjaġġa; fir-rigward ta' dan, jilqa' b’sodisfazzjon il-progress miksub fi ħdan il-Kunsill fil-qasam ta' l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar il-kundanni penali nazzjonali u jixtieq illi l-Kunsill iwettaq mill-aktar fis possibli interkonnessjoni bejn il-fajls ġudizzjarji nazzjonali permezz ta' netwerk Ewropew;

73. Jitlob li jkun hemm sforz sabiex jiġu ttrattati l-bejgħ u l-konsum ta’ drogi u alkoħol fl-istabbilimenti ta’ edukazzjoni u fid-dawra tagħhom, u għat-tfal sabiex jiġu pprovduti b’informazzjoni dwar il-perikli li dawn jirrappreżentaw;

74. Jitlob li l-Istati Membri sabiex jiddeterminaw ftehim komuni ta' x'jikkostitwixxi abbuż tat-tfal, minħabba li għandhom leġiżlazzjoni li tvarja dwar, pereżempju, l-eta' tal-kunsens ;

75. Jitlob li jkun hemm ħarsien effettiv tat-tfal kontra l-isfruttament sesswali inkluż billi t-turiżmu sesswali li jinvolvi t-tfal jiġi meqjus bħala reat kriminali fl-Istati Membri kollha u li jenħtieġ li jiġu regolati minn liġijiet kriminali extraterritorjali; jitlob li kull ċittadin ta' l-UE li jwettaq reat kriminali f'pajjiż terz jiġi ttrattat skond ġabra waħda ta' liġijiet kriminali extraterritorjali li tapplikaw madwar l-UE kollha kemm hi, skond il-Protokol Fakultattiv tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal dwar il-Bejgħ ta’ Tfal, il-Prostituzzjoni tat-Tfal u l-Pornografija tat-Tfal;

76. Jitlob li l-Europol ikollha mandat kif jixraq sabiex tikkopera mal-forzi tal-pulizija ta’ l-Istati Membri u l-pajjiżi affettwati minn dan it-tip ta’ turiżmu sabiex jitwettqu investigazzjonijiet bil-għan li jiġu identifikati dwak responsabbli jew atti kriminali simili u għal dan il-għan jitlob li jinħolqu l-postijiet ta’ Uffiċjal Ewropew ta’ Kooperażżjoni; jitlob li jittieħdu miżuri adattati għar-rijabilitazzjoni u l-integrazzjoni soċjali tal-vittmi ta' sfruttament soċjali li jkunu nħelsu minn dawk li kienu jisfruttawhom. jitlob ukoll għal informazzjoni aktar komprensiva dwar it-turiżmu sesswali tat-tfal fl-Istati Membri;

77. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jistabbilixxu qafas leġiżlattiv biex jippenalizzaw it-turisti tas-sess mat-tfal u jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jesploraw il-possibilità li jadottaw strateġija miftiehma ta' l-UE kontra t-turiżmu għas-sess mat-tfal u biex jiffirmaw u jippromwovu kodiċi ta' kondotta fl-industrija tal-lukandi u t-turiżmu, bħal pereżempju l-Kodiċi ta' Kondotta għall-Ħarsien tat-Tfal mill-Isfruttament Sesswali fl-Ivvjaġġar u t-Turiżmu ta' l-ECPAT tal-21 t'April 2004;

78. Jenfasizza l-fatt li l-parti l-kbira tal-vittmi tfal tat-traffikar għal raġunijiet ta' sfruttament sesswali kummerċjali bħall-prostituzzjoni u l-produzzjoni tal-pornografija bit-tfal, kif ukoll fil-każ taż-żwiġijiet sfurzati, huma tfajliet, u bħala konsegwenza dan jagħmel it-traffikar tal-persuni kwistjoni ta' ta' importanza kbira fir-rigward tad-differenzi bejn is-sessi; jenfasizza, barra minn hekk, li anke fi ħdan gruppi involuti fi sforzi biex it-traffikar tal-persuni jiġi kkontrollat u mwaqqaf, għadhom preżenti attitudnijiet konvenzjonali dwar ir-relazzjoni bejn is-sessi u perċezzjonijiet tradizzjonali dwar l-irwoli tan-nisa u l-bniet;

79. Jistieden lill-Istati Membri sabiex iqisu tifel jew tifla li jkunu xhieda ta’ vjolenza domestika bħala vittmi ta’ reat kriminali;

80. Jistieden lill-Istati Membri kollha li għadhom ma rratifikawx il-Protokoll għall-Prevenzjoni, Soppressjoni u Kkastigar tat-Traffikar ta' Persuni, Speċjalment Nisa u Tfal adottat min-NU f'Palermo fl-2000 biex jagħmlu dan u biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jipprovdu ħarsien għall-vittmi tfal tat-traffikar tal-persuni, fost affarijiet oħra billi jippermettu lill-vittmi tat-traffikar biex jibqgħu fit-territorji tagħhom fuq bażi temporanja jew permanenti;

81. Jirrakkomanda li l-istrateġija futura għandha tagħti importanza partikulari lill-kura medika, psikoloġika u soċjali tat-tfal li huma vittmi ta' negliġenza, abbuż, trattament ħażin, sfruttament u vjolenza diretta jew indiretta, b'mod li jitqies l-aħjar interess tat-tifel jew tifla u d-dimensjoni tal-ġeneru; ifakkar li l-impatt tal-vjolenza indiretta fuq il-benesseri tat-tfal u l-prevenzjoni ta' vjolenza bħal din għandhom ikunu parti mix-xogħol tal-Kummissjoni; jisħaq li dawn il-kwistjonijiet huma ta' spiss marbuta mal-faqar u l-esklużjoni soċjali fost il-familji, u li politiki soċjali ġodda b'enfasi akbar fuq is-solidarjetà huma meħtieġa jekk dawn il-problemi iridu jiġu affaċċjati;

82. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jinvestigaw l-irwol li għandha t-talba kemm għall-isfruttament sesswali tat-tfal u kif ukoll għal forom oħrajn ta’ sfruttament tat-tfal; ġaladarba dan l-irwol jiġi definit, jitlob li jittieħdu miżuri sabiex din it-talba titnaqqas, inter alia permezz ta’ kampanji diretti lejn il-pubbliku; iħares lejn l-ittraffikar tat-tfal bħala kriminalità organizzata, u għalhekk jitlob li jkun hemm sforzi konġunti bejn l-Istati Membri fil-ġlieda kontra reati kriminali bħal dawn; jistieden lill-Istati Membri sabiex jagħtu prijorità lid-dritt tat-tfal għall-ħarsien;

83. Jistieden lill-Istati Membri kollha sabiex jirrikonoxxu li t-tfal bniet huma sproporzjonalment rappreżentati fost dawk sesswalment sfruttati u li l-isforzi kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal għandhom għalhekk jimplimenta perspettiva ta' differenza bejn is-sessi;

84. Huwa ta’ l-opinjoni li l-għarfien li r-relazzjonijiet, fir-rigward ta’ differenza bejn is-sessi, bejn il-bniet u s-subien fl-istadji bikrija tal-ħajja huwa prekursur ta’ l-ugwaljanza bejn is-sessi f’fażijiet oħrajn tal-ħajja;

85. Jitlob li jkun hemm alternattivi għall-priġunerija fir-rigward tal-minorenni, filwaqt li titqies kif jixraq is-serjetà tar-reat kriminali imwettaq, u sabiex miżuri ta’ rijedukazzjoni, bħal m’hu s-servizz komunitarju fost iż-żgħażagħ, jiġu garantiti għar-reintegrazzjoni soċjali u tax-xogħol fil-futur ta' persuni bħal dawn, filwaqt li titqies kif jixraq il-ħtieġa li t-tfal jitgħallmu li huma għandhom id-drittijiet, iżda wkoll id-dmirijiet, filwaqt li josserva li d-detenzjoni ta’ persuni minorenni li jwettqu reati kriminali għandha tkun biss l-aħħar għażla u għall-iqsar żmien possibbli; jitlob ukoll għal miżuri edukattivi sabiex tiġi assigurata r-reintegrazzjoni soċjali u vokazzjonali; Huwa tal-fehma li miżuri ta' rijedukazzjoni għandhom jimmiraw inter alia li jipprovdu lill-persuni żgħażagħ bl-għerf u bl-għodda meħtieġa sabiex jitrattaw is-sitwazzjoni reali li jgħixu fiha, li jfisser li jkun ċar għalihom li huma għandhom ir-responsabilità li jirrispettaw lil ħaddieħor, kif ukoll ir-responsabilità li jirrispttaw il-liġijiet u r-regoli stipulati mis-soċjetà; iqis li l-iżvilupp possibbli taż-żgħażagħ f’individwi responsabbli huwa essenzjali sabiex dawn ikunu involuti u jkollhom id-dritt li jinfluwenzaw is-sitwazzjoni tagħhom stess u l-kwistjonijiet li jikkonċernawhom;

86. Jinnota li l-età tar-responsabilità kriminali attwali mhix l-istess fl-Istati Membri kollha u jitlob li l-Kummissjoni twettaq studju dwar l-opinjonijiet differenti fost l-Istati Membri dwar l-età tar-responsabilità kriminali; it-trattatment ta’ persuni li jwettqu reati u l-istrateġiji effettivi tagħhom rigward il-prevenzjoni ta’ kriminalità fost iż-żgħażagħ;

87. Jisħaq dwar il-ħtieġa li professjonisti legali li jaħdmu fis-settur tal-ġustizzja taż-żgħażagħ (imħallfin, avukati, social workers u uffiċjali tal-pulizija) jiġu pprovduti b’taħriġ speċifiku;

88. Jesprimi x-xewqa li titwaqqaf taqsima speċjalizzata dwar id-drittijiet tat-tfal fil-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem;

89. Jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jirrikonoxxu l-problema ta' eluf ta' tfal li jgħixu fit-triq hija kwistjoni soċjali serja li tikser id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

90. Jistieden lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw miżuri serji sabiex jipprojbixxu l-forom kollha ta’ sfruttament tat-tfal inklużi l-isfruttament għall-prostituzzjoni jew forom oħra ta’ sfrtuttament sesswali, xogħol jew servizzi sfurzati, skjavitù jew prattiki simili, l-użu tat-tfal biex jittalbu l-flus fit-toroq, attivitajiet illegali, sport u attivitajiet relatati, adozzjoni illeċita, żwieġ sfurzat jew kwalunkwe forma oħra ta’ sfruttament;

91. Jitlob li tittieħed azzjoni dwar il-problema tal-ħtif internazzjonali tat-tfal, li spiss ikun hemm ġlieda dwarhom minn ġenituri wara separazzjoni jew divorżju, filwaqt li tingħata kunsiderazzjoni ewlenija fiċ-ċirkustanzi kollha lill-aħjar interess tat-tifel jew tifla;

92. Jisħaq li l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tgħid li ‘Fl-azzjonijiet kollha li jirrigwardaw lit-tfal, kemm jekk jekk ikunu azzjonijiet meħuda minn istituzzjonijiet pubbliċi jew privati ta’ welfare soċjali, qrati tal-ġustizzja, awtoritajiet amministrattivi jew entitajiet leġiżlattivi, l-aħjar interessi tat-tfal għandu jingħata kunsiderazzjoni ewlenija’; qari tal-Konvenzjoni ta’ l-Aja dwar il-Ħtif tat-Tfal juri li l-interessi tat-tfal huwa mifhum li jfissru r-ritorn mill-aktar fis possibbli wara l-ħtif; madanakollu, l-interessi tat-tfal jiġbru fihom aktar minn sempliċi ritorn malajr, pereżempju ambjent fiżiku dirett sikur, klima ta’ affezzjoni, struttura familjari ta’ appoġġ u flessibbli, ġenituri li jservu ta’ mudell xieraq, kontinwità fit-trobbija u kura, kif ukoll kundizzjonijiet ta’ għixien diċenti;il-Konvenzjoni ta' l-Aja dwar l-Abbuż tat-Tfal ma tiqsx dawn il-kriterji, pereżempju, ma tqisx liema ġenitur ikun ħataf lit-tfal, jekk joffrux kura xierqa, kemm għandhom żmien it-tfal, kemm it-tfal qattgħu żmien fil-pajjiż l-ieħor, jekk it-tfal immorux l-iskola u għamlux ħbieb hemm eċċ. Il-konklużjoni hija li minkejja l-intenzjonijiet 'tajbin' tal-Konvenzjoni ta' l-Aja dwar il-Ħtif tat-Tfal u r-Regolament Brussell II (Regolament (KE) Nru. 2201/2003), id-drittijiet tat-tfal spiss mhumiex imħarsa tajjeb; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tieħu azzjoni sabiex tiggarantixxi d-drittijiet tat-tfal aħjar hawnhekk ukoll, u jħeġġiġha sabiex tagħmel proposti għal dan il-għan;

93. Jistieden sabiex ikunu introdotti miżuri xierqa u ta’ malajr għat-tfittxija u s-sejbien ta' tfal irrapurtati nieqsainkluż l-użu tas-Sistemi ta’ Informazzjoni Schengen sabiex ma jitħallewx jaqsmu l-fruntieri; jilqa’ b’sodisfazzjoni il-komunikazzjonijiet hotline Ewropej għat-tfal irrapurtati neqsin u l-azzjoni korrispondenti ta’ NGOs u jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tippromwovi l-ħolqien ta’ aġenzija telefonika Ewropea għat-tfal u ż-żgħażagħ bi problemi;

94. Jistieden lill-Istituzzjonijiet ta’ l-UE u lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw ir-riżoluzzjonijiet ta' l-Assemblea Ġenerali tan-NU A/RES/46/121, A/RES/47/134 u A/RES/49/179 dwar id-drittijiet tal-bniedem u faqar estrem, A/RES/47/196 dwar osservanza ta’ ġurnata internazzjonali għall-qerda tal-faqar, u A/RES/50/107, dwar l-osservazzjoni tas-Sena Internazzjonali għall-Qirda tal-Faqar u l-proklamazzjoni ta’ l-ewwel Deċennju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Qirda tal-Faqar, and dokumenti Ekonomiċi u tal-Kunsill Soċjali tan-NU E/CN.4/Sub.2/1996/13, E/CN4/1987/NGO/2, E/CN4/1987/SR.29 u E/CN.4/1990/15, dwar id-drittijiet tal-bniedem u faqar estrem, E/CN.4/1996/25, dwar id-dritt għall-iżvilupp u E/CN.4/SUB.2/RES/1996/25 dwar il-realizzazzjoni tad-drittijiet ekonomiċi, soċjali u drittijiet kulturali;

Faqar/Diskriminazzjoni

95. Ifakkar li 19% tat-tfal fl-Unjoni Ewropea jgħixu taħt il-linja tal-faqar u għalhekk għandhom jittieħdu miżuri xierqa ta’ għajnuna mmirati lejn il-ħtiġijiet tat-tfal, inklużi miżuri sabiex jappoġġjaw il-familji tagħhom u jistieden lill-Istati Membri sabiex jadottaw miri ambizzjużi u li jistgħu jintlaħqu għat-tnaqqis – u maż-żmien il-qirda – tal-faqar tat-tfal;

96. Huwa favur il-ħolqien ta' strutturi xierqa fl-Istati Membri biex jgħinu lit-tfal u lill-ġenituri jadattaw irwieħhom għal ċirkustanzi tal-familja mibdula;

97. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tieħu passi sabiex tippermetti lit-tfal li jgawdu s-snin tat-tfulija tagħhom u jieħdu sehem fl-attivitajiet tat-tfal mingħajr ma’ jsofru minn diskriminazzjoni u esklużjoni soċjali;

98. Ifakkar lill-Istati Membri fid-dmir tagħhom li jgħinu u jħarsu t-tfal billi jħarsu lit-tfal kollha mir-riskju ta’ malnitrizzjoni, il-mard jew it-trattament ħażin lilhinn mis-sitwazzjoni soċjali jew l-istatus legali tagħhom, jew dak tal-ġenituri tagħhom;

99. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tfittex l-integrazjoni ta’ strateġija li speċifikament jindirizzaw il-faqar tat-tfal, il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-inklużjoni soċjali tal-minorenni fil-ħdan l-istrateġiji inkluża fid-Dokumenti ta’ Strateġija għat-Tnaqqis tal-Faqar u l-Programmi Indikattivi;

100.    Jistieden lill-istituzzjonijiet involuti sabiex jipprovdu lit-tfal bl-opportunità li jagħtu kontibuzzjoni reali għall-ġlieda kontra l-faqar; Jitlob, bil-għan li l-ġlieda kontra l-faqar tat-tfal tkun aktar effettiva, sabiex il-partijiet kollha konċernati, inklużi l-ifqar tfal, sabiex jingħataw parti attiva fl-ippjanar , fil-ħolqien u fl-evalwazzjoni ta’ proġetti bħal dawn għall-qerda tal-faqar estrem;

101.    Jisħaq li l-azzjoni kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal għall-kummerċ – i.e. l-ittraffikkar tat-tfal għal raġunijiet ta’ sess, il-pornografija tat-tfal u t-turiżmu għas-sess mat-tfal għandhom isiru waħda mill-objettivi ta’ azzjoni ewlenin ta’ l-istrateġija kemm fi ħdan u kif ukoll barra mill-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari fid-dawl tal-Miri tal-Millenju għall-Iżvilupp; jirrimarka li l-faqar huwa spiss wieħed mill-ħafna kawżi ta’ l-esklużjoni soċjali, id-diskriminazzjoni u l-periklu tat-tfal u jkompli jsaħħaħ dawn il-fatturi; huwa ta’ l-opinjoni, għalhekk, li l-isfruttament sesswali tat-tfal għall-kummerċ għandu l-bidu veru tiegħu fit-talba għas-sess mat-tfal u fil-kriminalità organizata, li hija ppreparata li tisfrutta sitwazzjonijiet li jpoġġu t-tfal fir-riskju;

102.    Jitlob li tingħata kunsiderazzjoni lill-provvediment ta’ kura psikosoċjali u appoġġ emozjonali għat-tfal li jgħixu f’sitwazzjoni diffiċli bħal kunflitt bl-armi u sitwazzjonijiet ta’ kriżi, tfal imċaqalqa minn arthom jew tfal li jgħixu f’faqar estrem;

103.    Jistieden lill-Istati Membri sabiex jeżerċitaw id-dmir tagħhom li jgħinu u jħarsu lit-tfal kollha kontra r-riskji tal-malnutrizzjoni, il-mard u l-abbuż, lilhinn mill-istatus soċjali u/jew l-istatus legali tagħhom jew tal-ġenituri tagħhom;

104.    Jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għal Direttiva li tkopri l-forom kollha ta’diskriminazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13 tat-Trattat KE u s-setturi kollha msemmija fid-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità[11];

105.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jagħtu attenzjoni lill-forom kollha ta’ diskriminazzjoni kontra t-tfal, inkluża diskriminazzjoni kontra tfal li jsofru minn diffikultajiet biex jitgħallmu (eż. dyslexia, dyscalculia, dyspraxia) jew minn diżabilitajiet varji oħrajn;

106.    Jilqa’ b’sodisfazzjoni l-eżistenza ta’ ħafna NGOs u ħaddiema voluntarji, li joħolqu rabtiet ta’ ħbiberija u ta’ solidarjetà fost it-tfal l-anqas favoriti u t-tfal minn sfondi soċjali differenti sabiex tkompli l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali; jistieden lill-istituzzjonijiet ta’ l-UE u lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li anke l-ifqar tfal ikunu jistgħu jibbenefikaw minn proġetti Komunitarji u li l-proġetti tas-Servizzi Volontarji Ewropej jipprovdu organizzazzjonijiet bħal dawn b’aktar opportunitajiet sabiex idaħħlu magħhom ħaddiema volontarji żgħażagħ;

107.    Jitlob li t-tfal Roma u tfal li jappartienu għal minoritajiet nazzjonali oħrajn b'mod partikulari jibbenefikaw minn miżuri mmirati, speċjalment bil-għan li tintemm id-diskriminazzjoni, is-segregazzjoni, l-esklużjoni soċjali u skolastika kif ukoll l-isfruttament li ta' spiss huma jkunu vittmi tagħhom; jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu sforzi sabiex jeliminaw ir-reppreżentanza żejda ta’ tfal Roma f’istituzzjonijiet għal persuni b’diżabilità mentali; jitlob ukoll li jiġu promossi kampanji li jħeġġu t-tagħlim ta’ l-iskola, miżuri biex jiġu miġġielda l-livelli għolja ta’ tluq bikri mill-iskola u proġetti ta’ ħarsien u ta’ għajnuna fil-qasam tas-saħħa preventiva, inkluż it-tilqim;

108.    Hu tal-fehma li l-UE għandha tagħmlu l-objettiv tagħha li tiżgura li ma jkunx hemm tfal mingħajr dar jew tfal jgħixu fit-triq fl-UE; jitlob li jittieħdu miżuri xierqa u mmirati biex jiġu mgħejuna t-tfal li m’għandhomx dar u t-tfal li jgħixu fit-triq, peress li l-biċċa l-kbira tagħhom huma ttrawmatizzati bl-ikreh u mħollija barra soċjalment, ma jirċevux edukazzjoni formali jew kura tas-saħħa, huma partikularment vulnerabbli li jsiru vittmi ta’ l-ittraffikar tal-bnedmin (bħal m’huma l-prostituzzjoni, l-ittraffikar ta’ l-organi u l-adozzjoni illegali), id-dipendenza mid-droga u l-kriminalità jew inkella huma spiss imġiegħla jittallbu;

109.    Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrikonoxxu lill-eluf ta' tfal li jgħixu fit-triq u tfal li huma mġiegħla jittallbu bħala kwistjoni serja mil-lat soċjali u mil-lat tad-drittijiet tal-bniedem u jistieden ukoll lill-Istati Membri jdaħħlu sanzjonijiet kontra dawk responsabbli għad-degradazzjoni tat-tfal li huma mġiegħla jittallbu;

110.    Jistieden lill-Unjoni Ewropea, lill-Istati Membri u lill-assoċjazzjonijiet organizzati tas-soċjetà ċivili biex jiżguraw li kull tifel u tifla jingħataw l-opportunità li jiffurmaw parti minn grupp jew assoċjazzjoni tat-tfal sabiex jiltaqgħu ma' tfal oħra u jaħseb magħhom; jitlob, fuq din il-bażi, li jiġu stabbiliti miżuri ta' appoġġ li jittieħdu minn persuni adulti li jkollhom il-għan li jiżguraw li kull tifel u tifla jħossuhom parti mill-grupp u li jkunu jistgħu jesprimu ruħhom fi ħdanu; jistieden għalhekk lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali relevanti biex jinkuraġġixxu proġetti li jkunu mmirati biex iħallu lit-tfal ikunu jistgħu jesprimu ruħhom b’dan il-mod, bħal m’huma l-kunsilli lokali tat-tfal jew il-parlamenti tat-tfal, filwaqt li jiżguraw li jkunu involuti t-tfal l-aktar imwarrba;

111.    Jitlob li tingħata kunsiderazzjoni lill-possibilità li jiġi inventat strument Komunitarju dwar l-adozzjonijiet, li jkun żviluppat f’konformità mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u standards internazzjonali relevanti oħra, li jtejjeb il-kwalità tal-kura fir-rigward tas-servizzi ta’ informazzjoni, it-tħejjija ta’ adozzjonijiet internazzjonali, l-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet ta’ l-adozzjonijiet internazzjonali u s-servizzi ta’ wara l-adozzjoni, filwaqt li wieħed iżomm quddiem għajnejh il-fatt li l-konvenzjonijiet internazzjonali kollha dwar il-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal jirrikonoxxu d-dritt tat-tfat abbandunati u ta' l-orfni li jkollhom familja u li jkunu mħarsa;

112.    Jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni sabiex jiggarantixxu d-dritt bażiku tat-tfal li jkollhom familja; iħeġġeġ lill-Istati Membri, għalhekk, biex jieħdu azzjoni sabiex jidentifikaw soluzzjonijiet effettivi biex jiġi evitat l-abbandun tat-tfal u sabiex jikkumpensaw għat-tqegħid ta' tfal abbandunati u orfni f'istituzzjonijiet; meta tkun qed tinstab soluzzjoni għal tifel jew tifla, l-aħjar interess tat-tifel jew tifla, kif stabbilit fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, għandu dejjem ikun il-kunsiderazzjoni fundamentali;

113.    Hu tal-fehma li l-adozzjoni tista’ sseħħ fi ħdan il-pajjiż nazzjonali tat-tifel jew tifla, jew billi tinstab familja permezz ta’ adozzjoni internazzjonali, f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-konvenzjonijiet internazzjonali, it-tqegħid f’istituzzjonijiet għandu jintuża biss bħala soluzzjoni temporanja; Soluzzjonijiet alternattivi ta’ kura minn familja jistgħu jkunu l-familji tar-rispett (‘foster families’); iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, f’koperazzjoni mal-Konferenza ta’ l-Aja, lill-Kunsill ta’ l-Ewropa u lill-organizzazzjonijiet tat-tfal, biex jistabbilixxu qafas biex jiġu żgurati t-trasparenza, l-immoniterjar effettiv ta’ l-iżvilupp ta’ dawn it-tfal u biex jiġu kkoordinati l-azzjonijiet tagħhom sabiex jiġi impedit l-ittraffikar tat-tfal; iħeġġeġ lill-Istati Membri, f’dan il-kuntest, biex jagħtu konsiderazzjoni speċjali lit-tfal bi bżonnijiet speċjali, e.g. tfal li jkunu jeħtieġu kura medika u tfal b’diżabilità;

114.    Jenfasizza l-esklużjoni soċjali esperjenzata minn ħafna minn dawk li jikkommettu xi reat li huma minorenni, li f’ħafna każijiet tagħmilha impossibbli li jkollhom rijintegrazzjoni soċjali faċli; jinkuraġġixxi lill-Istati Membri, għalhekk, sabiex idaħħlu miżuri favur l-adulti żgħażagħ li jkunu ħarġu minn orfanatrofji jew minn stabbilimenti għall-kura tat-tfal sabiex jibbenefikaw minn miżuri ta' akkompanjament biex jgħinuhom jagħmlu pjanijiet għall-ġejjieni professjonali tagħhom u jiffaċilitaw l-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà;

115.    Josserva li dawk it-tfal li qed jagħmluha ta’ responsabbli tal-kura ta’ ġenituri jew ta’ aħwa bi bżonnijiet speċifiċi għandhom ikunu intitulati għal appoġġ speċifiku immirat;

116.      Jirrimarka li l-istrateġija futura ta' l-UE għandha tirrikonoxxi l-irwol importanti tal-familja bħala l-istituzzjoni bażika fis-soċjetà għas-sopravivenza, il-ħarsien u l-iżvilupp tat-tifel/tifla; huwa tal-fehma li d-drittijiet tat-tfal għandhom jitqiesu bis-sħiħ fi kwistjonijiet rigward il-konċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol u tal-familja u l-ħin tax-xogħol, b'enfasi partikulari fuq iċ-ċirkustanzi ta' ommijiet b'diżabilità u ommijiet ta' tfal b'diżabilità, kif ukoll fil-formulazzjoni ta' politiki għall-appoġġ pubbliku u/jew privat tat-tfal u l-ġenituri tagħhom sabiex iż-żewġ ġenituri jkunu jistgħu jieħdu u jaqsmu r-responsabilità għat-trobbija u l-kura tat-tfal tagħhom; huwa tal-fehma li għandu jingħata rikonoxximent lill-fatt li numru dejjem jikber ta' nies issa jgħix fi strutturi ta' familja alternattivi li ma jikkorrispondux għall-familja nukleari tradizzjonali, li tikkonsisti f'omm u missier u t-tfal bijoloġiċi tagħhom;

117.    Huwa tal-fehma li d-drittijiet tat-tfal għandhom jitqiesu b’mod komplet fil-konċiljazzjoni tal-kwistjonijiet tal-ħajja tax-xogħol u dik tal-familja u tal-ħin tax-xogħol;

118.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex ineħħu r-restrizzjonijiet kollha minn fuq id-dritt tal-ġenituri li jkollhom kuntatt ma’ wliedhom liema restrizzjonijiet ikunu jirriżultaw minn differenzi fin-nazzjonalità, b’mod partikulari f’rabta ma’ l-għażla li jitkellmu lingwa li ma tkunx il-lingwa uffiċjali fi ħdan pajjiż partikulari; hu tal-fehma li t-tneħħija ta’ restrizzjonijiet minn fuq familji multinazzjonali li fihom ikun hemm kunflitt bejn il-ġenituri għandha tinvolvi l-ħelsien mingħajr restrizzjoni li wieħed jitkellem bil-lingwa magħżula mit-tifel/tifla u l-ġenitur, bir-rispett xieraq għar-rekwiżiti li setgħu ġew imposti mill-qrati biex il-laqgħat ikunu ssorveljati;

119.    Jilqa’ b’sodisfazzjon l-introduzzjoni ta’ l-ombudsman tat-tfal u jistieden lill-Istati Membri kollha biex jiffaċilitaw introduzzjoni bħal din kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll dak lokali;

XOGĦOL TAL-MINORENNI

120.    Jisħaq li huwa essenzjali li jkun żgurat li dawk it-tfal li legalment ikollhom età biżżejjed biex ikollhom impjieg ikunu mħallsa fuq il-bażi ta’ xogħol ugwali għal paga ugwali;

121.    Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li d-deliberazzjonijiet minn kumitati tad-drittijiet tal-bniedem u sottogruppi imwaqqfa skond ftehimiet ta’ kummerċ u koperazzjoni jiffukaw fuq il-problema tax-xogħol tal-minorenni u l-ħarsien tat-tfal minn kull forma ta’ abbuż, sfruttament u diskriminazzjoni;

122.    Jenfasizza l-ħtieġa li jkun żgurat li l-politiki kollha, kemm dawk interni u kemm dawk esterni, kemm fuq livell ta’ Stat Membru u kemm fuq il-livell ta’ l-Unjoni Ewropea, għandhom ikollhom konsiderazzjoni għall-eliminazzjoni tax-xogħol tal-minorenni fil-forom kollha tiegħu; jemmen li l-edukazzjoni ‘full-time’ hija l-aħjar mezz biex tiġi megħluba l-problema, kemm għall-bniet kif ukoll għas-subien, kemm f’dik li hi l-prevenzjoni ta’ abbuż bħal dan kif ukoll fit-tkissir taċ-ċirku ta’ l-illitteriżmu u l-faqar milli jkompli fil-ġejjieni;

123.    Jikkundanna bil-qawwa kull sura ta’ xogħol tal-minorenni, skjavitù u xogħol b’rahan u suriet oħra ta’ xogħol li jaffettwaw is-saħħa u s-sikurezza tat-tfal b’mod negattiv; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex il-kummerċ li għandha l-Unjoni Ewropea ma’ pajjiżi terzi u l-għajnuna għall-iżvilupp mogħtija lill-pajjiżi terzi mill-Unjoni Ewropea jorbtuhom aktar mill-qrib ma’ l-implimentazzjoni li jagħmlu dawn il-pajjiżi tal-Konvenzjoni ta’ l-ILO dwar il-projbizzjoni ta’ kull forma ta’ xogħol tal-minorenni u ma’ miżuri immedjati biex tiġi eliminata kull forma ta’ xogħol tal-minorenni;

124.    Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li prodotti li qed jinbiegħu fl-UE jista’ jkun li qed jiġu maħduma permezz ta’ xogħol tal-minorenni; jistieden lill-Kummissjoni biex timplimenta mekkaniżmu li permezz tiegħu vittmi tax-xogħol tal-minorenni jkunu jistgħu jfittxu riparazzjoni għad-danni kontra kumpaniji Ewropej fil-qrati nazzjonali ta’ l-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni biex tinforza l-konformità tal-katina ta' provvista u b'mod speċjali li tersaq b'mekkaniżmi li jagħmlu lill-kuntrattur prinċipali responsabbli fl-Ewropa f’każijiet ta’ vjolazzjoni tal-konvenzjonijiet tan-NU dwar ix-xogħol tal-minorenni fil-katina tal-provvista; għal dan il-għan, jistieden lill-UE biex tuża l-proċedura tas-sistema ġġeneralizzata ta’ preferenzi (GSP) bħala mod wieħed biex jiġi miġġieled b’mod aktar effettiv l-isfruttament tax-xogħol tal-minorenni li jseħħ f’diversi reġjuni tad-dinja, b’miżuri speċjali għal xogħol perikoluż li numru kbir ta’ tfal huma mġiegħla jagħmlu;

It-tfal ta’ l-immigranti, ta’ dawk li jfittxu ażil u tar-rifuġjati

125.    Jitlob li tingħata attenzjoni speċjali, u fl-aħjar interessi tat-tifel jew tifla, lis-sitwazzjoni tat-tfal rifuġjati, tfal li qed ifittxu ażil u tfal migranti, u tfal li l-ġenituri tagħhom ikunu qed ifittxu ażil, ikunu refuġjati jew immigranti illegali, sabiex ikun żgurat li tfal bħal dawn ikunu jistgħu igawdu d-drittijiet tagħhom ikun xi jkun l-istatus legali tal-ġenituri tagħhom u li dawn it-tfal ma jbatux mill-effetti ta’ ħsara ta’ sitwazzjoni li m’għandhom l-ebda responsabilità tagħha, u li l-bżonnijiet speċjali tagħhom ikunu indirizzati; filwaqt li għandha tingħata attenzjoni speċjali biex tiġi ppriservata l-għaqda tal-familja fil-każ li dan ikun fl-aħjar interess tat-tifel jew tifla;

126.    Jitlob li l-minorenni li ma jkunux akkumpanjati tingħatalhom attenzjoni speċjali fil-kuntest ta’ kull forma ta’ immigrazzjoni, peress li l-kriminalità organizzata tagħmel użu minn kull opportunità biex iddaħħal tifel jew tifla f’pajjiż sabiex imbagħad tisfruttah(a); hu tal-fehma li l-Istati Membri għandhom għalhekk joqogħdu għassa sew u jiżguraw li jkun hemm politiki tal-ħarsien tat-tfal għal kull sitwazzjoni li wieħed jista’ jimmaġina;

127.    Jinsab imħasseb dwar il-ħafna vjolazzjonijiet tad-drittijiet li jaffettwaw lill-bniet li jkunu ġejjin minn ambjent ta’ migranti; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jipprojbixxu l-imkatar tar-ras u l-ħiġab għall-inqas fl-iskola primarja, sabiex jistabbilixxu b'mod iktar sod id-dritt għat-tfulija u biex tkun żgurata libertà ġenwina u mhux sfurzata ta' l-għażla f'età akbar iktar 'il quddiem;

128.    Jitlob li jkun hemm aċċess għall-edukazzjoni għal tfal immigranti u li jiġu stabbiliti programmi u riżorsi, minn perspettiva interkulturali, b’konċentrament partikulari fuq sitwazzjonijiet ta’ vulnerabilità jew ta’ minorenni li ma jkunux akkumpanjati;

129.    Jirrimarka li l-istandards internazzjonali dwar il-ħarsien tat-tfal huma applikabbli għall-minorenni li ma jkunux akkumpanjati li jaslu f'territorju ta' l-Unjoni Ewropea permezz ta' proċeduri irregolari ta' immigrazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali kollha u lill-istituzzjonijiet ta’ l-UE sabiex jikkoperaw bejniethom kemm jista’ jkun possibbli fil-ħarsien ta’ dawn il-minorenni li m’humiex akkumpanjati; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi proċeduri ta’ koperazzjoni u assistenza internazzjonali mal-pajjiżi terzi ta’ oriġini sabiex ikun żgurat li l-minorenni jkunu mreġġgħin lura lejn dawn il-pajjiżi b'mod xieraq u jitlob li jiġu stabbiliti mekkaniżmi biex iħarsu lil dawn il-minorenni ladarba dawn ikunu reġgħu lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, kemm fi ħdan il-familja bijoloġika tagħhom kif ukoll permezz ta’ mekkaniżmi jew istituzzjonijiet li se joffrulhom ħarsien effettiv;

130.    Jitlob, fil-kuntest ta’ l-adozzjoni, skond il-proċedura tal-kodeċiżjoni, ta’ strumenti ġodda li fuqhom se tkun ibbażata s-sistema komuni ta’ l-ażil, li l-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal jingħata pożizzjoni prominenti u li jiġu mfassla għalihom miżuri speċifiċi, li jkunu jqisu b'mod xieraq il-vulnerabilità tagħhom u li jkunu jipprovdu, b'mod partikulari, aċċess adegwat lit-tfal għas-sistema ta' l-ażil, gwida għall-proċeduri relatati mat-tfal, konsiderazzjoni xierqa tar-raġunijiet individwali għall- ażil ta’ tifel jew tifla fi ħdan familja li tkun qed tfittex ażil u ambitu aktar wiesa’ għall-għaqda mill-ġdid tal-familja fi ħdan il-proċess ta’ l-ażil;

131.    Jiġbed l-attenzjoni lejn is-sitwazzjoni partikulari tat-tfal migranti li jkunu mifrudin miż-żewġ ġenituri tagħhom jew mill-persuna li kellhom tieħu ħsiebhom legalment jew mill-persuna prinċipali li kienet is-soltu tieħu ħsiebhom u jitlob li tiġi kkunsidrata l-ħtieġa li jkun hemm miżura ddedikata ta’ l-UE li tkun tindirizza d-dritt ta’ l-assistenza għat-tfal kollha li jinsabu waħidhom, li tkun tindirizza l-aċċess għat-territorju, il-ħatra u ll-irwol tal-gwardjani, id-dritt li jiġu mismugħa, il-kundizzjonijiet ta’ l-ilqugħ u miżuri għall-ittraċċar tal-familja u potenzjalment tkun tista' tindirizza wkoll soluzzjonijiet dewwiema;

132.    Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li t-tfal li m’humiex akkumpanjati minn adulti, it-tfal mingħajr stat, kif ukoll tfal li ma jkunux ġew irreġistrati meta twieldu, jinsabu f'riskju partikulari u jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri speċjali fuq il-bażi ta' x'inhu l-aħjar għat-tifel jew tifla individwali, kif iddefinit, b'mod partikulari, mill-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u mill-Uffiċċju tal-Kummissjoni Għolja tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati;

133.    Jiġbed l-attenzjoni lejn l-irwol ta’ l-edukazzjoni, li għandu jkun wieħed ugwalitarju u mingħajr l-użu tal-vjolenza jew tas-swat; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex talloka r-riżorsi meħtieġa biex issir il-prevenzjoni ta’ kull tip ta’ vjolenza fil-komunitajiet tar-rifuġjati, b’mod speċjali l-vjolenza skond is-sess u l-isfruttament sesswali, billi tistabbilixxi programmi għall-edukazzjoni u għat-tqajjim ta’ kuxjenza dwar kwistjonijiet rigward is-sessi, dwar id-drittijiet tal-bniedem, is-saħħa sesswali u riproduttiva, il-mutilazzjoni ġenitali femminili u l-HIV/AIDS, immirati lejn il-minorenni taż-żewġ sessi;

134.    Jisħaq li hemm diskrepanza bejn dak li titlob il-liġi u dak li fil-fatt huwa pprattikat fir-rigward ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-istrumenti Ewropej ta’ l-ażil u li fadal differenzi enormi fil-mod li bih huma ttrattati t-tfal li għandhom status ta' rifuġjati fl-Istati Membri differenti;

135.    Jenfasizza l-fatt li 5% ta' dawk li jfittxu l-ażil huma minurenni mhux akkumpanjati, li jindika l-bżonn li jinħatru gwardjani legali mħarrġa sew għal tfal mhux akkumpanjati biex jirrappreżentaw l-aħjar interessi tagħhom wara l-wasla tagħhom fil-pajjiż li jkun laqagħhom; jitlob li jsir titjib fil-kundizzjonijiet ta' għajxien għat-tfal fil-faċilitajiet ta' l-ilqugħ; jinsab iddiżappuntat min-nuqqas ta' proċeduri ta' ażil li jkunu sensittivi għat-tfal;

136.    Jinnota li ħafna mir-riskji li jaffaċċjaw it-tfal refuġjati huma ugwalment iffaċċjati minn tfal li jkunu ġew spustjati bil-forza bejn il-fruntieri tal-pajjiżi tagħhom stess;

137.    Jinsisti li t-tfal għandhom jiġu rritornati lura lejn il-pajjiż ta' oriġini tagħhom biss meta s-sikurezza u s-sigurtà tagħhom tkun fiċ-ċert, u jenfasizza l-bżonn li jiġu ttraċċati l-familji u li l-familji jingħaqdu mill-ġdid; jisħaq li r-ritorn tagħhom għandu jkun ipprojbit fejn ikun hemm il-periklu li ssirilhom ħsara, pereżempju permezz tax-xogħol tal-minorenni, l-isfruttament sesswali, il-vjolenza jew ir-riskju ta’ mutilazzjoni ġenitali femminili, l-esklużjoni soċjali jew l-involviment f’kunflitti armati;

138.    Jisħaq fuq il-bżonn li jitjieb il-ġbir tad-data dwar tfal li jkunu qed ifittxu status ta' refuġjati, tfal li jkunu qed jgħixu illegalment fit-territorju ta' stat ieħor imma li ma jkunux qed ifittxu status ta' refuġjati u r-riżultat tal-proċeduri għall-ażil u l-futur ta' tfal bħal dawn wara l-adozzjoni ta' deċiżjoni finali pożittiva jew negattiva dwar it-talba tagħhom għall-ażil, sabiex ikun żgurat li tfal bħal dawn ma jisparixxux fl-oskurità jew isiru l-vittmi tal-kriminalità;

139.    Jissottolinja l-konsegwenzi negattivi ta’ l-emigrazzjoni u s-sitwazzjoni prekarja tat-tfal li jkunu tħallew waħidhom fil-pajjiż tagħhom minn ġenituri li jkunu emigraw; jisħaq fuq il-ħtieġa li jkunu żgurati l-kura komprensiva, l-integrazzjoni u l-edukazzjoni għal tfal bħal dawn, kif ukoll ir-reintegrazzjoni tal-familja kull meta jkun possibbli;

140.    Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel studju dwar il-possibilità li tiġi offruta ċittadinanza Ewropea lil tfal li jitwieldu fl-UE hu x’inhu l-istatus legali tal-ġenituri tagħhom;

141.    Ifakkar li d-detenzjoni amministrattiva tat-tfal għandha tkun miżura eċċezzjonali; jisħaq li t-tfal li jkunu akkumpanjati mill-familji tagħhom għandhom ikunu ddetenuti biss meta ma jkunx fadal għażla oħra, għall-iqsar perjodu ta’ żmien possibbli u biss jekk detenzjoni bħal din tkun fl-aħjar interessi tagħhom, skond l-Artikolu 37(b) tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u li minorenni li ma jkunux akkumpanjati mgħandhomx jiġu ddetenuti jew imreġġgħin lura;

142.    Ifakkar li t-tfal migranti għandhom id-dritt għall-edukazzjoni u li jieħdu pjaċir;

Id-dritt tat-Tfal għall-Informazzjoni u għall-Edukazzjoni

143.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ifasslu sistema effettiva biex ikun żgurat li, kemm fid-dar u kemm fl-iskola, u sa livell li jkun adattat għall-età u l-iżvilupp intellettwali tagħhom, it-tfal jintgħamlu konxji tad-drittijiet tagħhom u jkunu jistgħu jeżerċitawhom;

144.    Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiffaċilitaw l-aċċess għat-tfajliet żgħar għal informazzjoni u għal edukazzjoni dwar is-saħħa riproduttiva u dwar is-servizzi tas-saħħa riproduttiva;

145.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu kull miżura meħtieġa biex jiżguraw il-kwalità tal-faċilitajiet tagħhom għall-kura tat-tfal, inklużi t-taħriġ professjonali kontinwu kif ukoll taħriġ fid-drittijiet tat-tfal, kundizzjonijiet tajba tax-xogħol u paga diċenti għal dawk li jieħdu ħsieb it-tfal b’mod professjonali peress li dawn il-faċilitajiet u l-istaff tagħhom jipprovdu lit-tfal b’pedament b’saħħtu għall-futur tagħhom, filwaqt li huma wkoll ta’ benefiċċju għall-ġenituri, b’mod partikulari fir-rigward ta’ l-ammont ta’ xogħol tal-ġenituri li jaħdmu u tal-ġenituri li huma waħidhom - dan min-naħa l-oħra jikkontribwixxi għal tnaqqis fil-faqar fost in-nisa u sussegwentement fost it-tfal;

146.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu sforz ikkoordinat biex jgħinu pajjiżi sħab biex jilħqu l-mira ta’ edukazzjoni primarja universali bla ħlas (mira ta’ żvilupp tal-Millennju 2) u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jipprovdu l-finanzjament meħtieġ għall-Inizzjattiva ta’ Malajr ta’ l-Edukazzjoni għal Kulħadd;

147.    Jenfasizza l-ħtieġa li tingħata attenzjoni speċjali lill-mira ta’ żvilupp tal-Millennju 3 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u għall-edukazzjoni tal-bniet, ir-reklutaġġ u t-taħriġ ta’ għalliema femminili lokali, l-eliminazzjoni ta’ kull preġudizzju favur is-sess maskil fil-kurrikuli, l-ippustjar ta’ l-iskejjel aktar qrib lejn il-komunitajiet li huma jservu u l-provvediment ta' faċilitajiet sanitarji xierqa; jisħaq li l-iskejjel għandhom ikunu zoni ta’ sikurezza fejn id-drittijiet tat-tfal huma rrispettati, u li l-fastidju sesswali u l-vjolenza fl-iskejjel u madwarhom għandhom ikunu impediti u ttrattati vigorożament;

148.    Jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu proġetti interġenerazzjonali ta’ għajxien kommunali (djar interġenerazzjonali) sabiex it-tfal ikunu jistgħu jikbru ma’ persuni mdaħħla fiż-żmien, u min-naħa l-oħra sabiex il-persuni mdaħħla fiż-żmien jibbenefikaw minn netwerk ta’ appoġġ soċjali u biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp tat-tfal billi jaqsmu l-għarfien u l-esperjenza tagħhom;

149.    Jenfasizza li d-dritt għall-edukazzjoni huwa rekwiżit bażiku għall-iżvilupp soċjali tat-tfal u għandu jkun aċċesibbli għat-tfal kollha fuq il-bażi tal-kapaċitajiet individwali tagħhom u huma x’inhuma l-oriġini etniċi u soċjali tagħhom jew l-ambjent ta’ familja li ġejjin minnu;

150.               Jidhirlu li t-tfal għandu jkollhom aċċess għall-edukazzjoni hu x’inhu l-istatus tagħhom u/jew l-istatus tal-ġenituri tagħhom; jissottolinja l-importanza li jingħata aċċess bħal dan lit-tfal migranti u/jew lit-tfal refuġjati;

151.               Jenfasizza li l-istrateġija tal-ġejjieni għandha tirrikonoxxi d-dritt għall-edukazzjoni fuq il-bażi ta' opportunitajiet indaqs u tan-non-diskriminazzjoni;

152.    Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jagħtu prijorità lill-inklużjoni fil-kurrikuli edukattivi ta' materjal li għandu x'jaqsam mad-drittijiet tal-bniedem u l-valuri komuni li huma l-pedament ta' ċittadinanza demokratika;

153.    Jitlob illi fost il-prijoritajiet ta' l-istrateġija jkun hemm l-adozzjoni ta' sett konsistenti ta' miżuri biex ikun żgurat li t-tfal li jkollhom xi diżabilità ikunu dejjem jistgħu igawdu d-drittijiet tagħhom, bit-tama li tintemm kull forma ta' diskriminazzjoni u li tiġi promossa l-integrazzjoni tagħhom fl-iskola, fis-soċjetà u fl-impjiegi f'kull stadju ta' ħajjithom;

154.    Jirrakkomanda wkoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li huma jistudjaw il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ skulari minorenni b’diżabilità u li jimplimentaw programm ta’ tagħlim skolastiku biex jinkuraġġixxu l-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà;

155.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħtu konsiderazzjoni partikulari lill-edukazzjoni integrata ta’ tfal b’diżabilitajiet, u b’hekk ikun qed jiġi żgurat li jiġu integrati soċjalment b’mod faċli waqt li jkunu għadhom l-iskola u tkun qed tiżdied it-tolleranza ta’ tfal b’saħħithom li ma jkollhomx diżabilità lejn diżabilitajiet u diskrepanzi soċjali;

156.    Jitlob li jittieħdu passi biex jiġu ttrattati b’determinazzjoni akbar kwistjonijiet marbuta mad-diskriminazzjoni, id-diversità soċjali, it-tagħlim tat-tolleranza fl-iskejjel, l-edukazzjoni dwar stil ta' ħajja li hu ta' ġid għas-saħħa tal-bniedem, l-edukazzjoni dwar l-ikel, il-prevenzjoni ta’ l-abbuż mill-alkoħol, id-drogu, prodotti mediċinali u psikotropiċi u sustanzi intossikanti oħra u edukazzjoni xierqa marbuta mas-saħħa sesswali;

157.    Jinnota li l-provvediment ta’ kura bikrija għat-tfal f’istituzzjonijiet kollettivi (crèches, skejjel) huwa wieħed mill-aħjar modi biex tissolva l-problema ta’ l-ibbilanċjar tal-ħajja tax-xogħol u tal-familja u huwa wkoll mezz biex jiġi żgurat, fi stadju bikri ta’ l-iżvilupp tat-tfal, li huma jkollhom il-benefiċċju ta’ opportunitajiet indaqs u jsiru soċjalizzati;

158.               Jirrimarka li l-fatt li l-bniet huma pprojbiti li jieħdu sehem fit-tagħlim fl-iskola u fi sports bħall-għawm minħabba raġunijiet kulturali m’hu ġġustifikat mill-ebda kultura jew reliġjon u m'għandux ikun ittollerat;

159.    Jistieden lill-Istati Membri biex jagħtu lit-tfal kollha aċċess għal possibilitajiet ta' faċilitajiet ta' logħob u ta’ sports li jkunu xierqa għall-età tagħhom mingħajr ħlas jew bi prezz li jintlaħaq mill-but ta' kulħadd;

Is-saħħa

160.    Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt inkwetanti li l-obeżità, speċjalment fost it-tfal, qiegħda tiżdied fl-Ewropa; jissottolinja li stimi juru li aktar minn 21 miljun tifel u tifla għandhom piż żejjed fl-UE filwaqt li din iċ-ċifra qiegħda tiżdied b’400,000 kull sena; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposti biex jiġi rregolat l-irreklamar aggressiv u qarrieqi u biex itejjeb id-dispożizzjonijiet għat-tikkettar dwar in-nutrizzjoni ta' l-ikel ipproċessat sabiex tiġi megħluba l-problema ta' l-obeżità;

161.    Jitlob li l-Istati Membri u l-awtoritajiet relevanti tagħhom jagħmlu ħilithom kollha biex jiżguraw li t-tfal jesperjenzaw ambjent fiżiku ta’ ġid għas-saħħa, meta wieħed iqis l-effett sproporzjonat li għandhom fuq iż-żgħar it-tniġġis u l-kundizzjonijiet fqar ta’ għajxien; għandha tingħata attenzjoni xierqa wkoll lill-kundizzjonijiet ta' l-ambjent fejn jitgħallmu t-tfal, u għandhom jiddaħħlu standards xierqa;

162.               Ifakkar fid-drittijiet li għandhom it-tfal għas-saħħa u, b'mod partikulari, id-drittijiet ta' l-adoloxxenti għas-saħħa sesswali u riproduttiva u jisħaq li l-ħarsien tas-saħħa ta' l-ommijiet għandu jkun parti integrali mill-istrateġija futura dwar id-drittijiet tat-tfal, li għandha tippromwovi kundizzjonijiet ta' l-għajxien u tax-xogħol adattati għal nisa tqal jew li qed ireddgħu u tinsisti fuq konformità mal-leġiżlazzjoni eżistenti għall-ħarsien tad-drittijiet ta' l-impjegati nisa, kif ukoll fuq l-aċċess ugwali u universali għan-nisa kollha għal servizzi tal-kura tas-saħħa ta’ kwalità qabel u wara l-ħlas fis-settur pubbliku sabiex titnaqqas il-mortalità ta' l-ommijiet u tat-tfal iż-żgħar kif ukoll it-trażmissjoni ta' mard mill-omm lit-tarbija; jisħaq fuq l-importanza vitali li għandu l-liv tal-maternità għall-iżvilupp tat-tfal, partikularment minħabba r-rabta tat-tarbija ma' ommha mhux biss matul l-ewwel xhur wara t-twelid imma wkoll matul l-ewwel snin tal-ħajja tagħha;

163.               Jilqa’ b’sodisfazzjoni il-fatt li l-Kummissjoni tagħraf li t-tfal, mit-twelid sa meta jsiru adulti, għandhom ħtiġijiet differenti ħafna fi stadji differenti ta’ żvilupp tal-ħajja tagħhom; ifakkar fid-dritt tat-tfal għall-ogħla standard ta’ saħħa li jista’ jintlaħaq u, speċifikament, id-dritt ta’ l-adoloxxenti għal edukazzjoni u servizzi dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva u dwar l-ippjanar tal-familja u li għandu jkun għalhekk part integrali mill-istrateġija futura dwar id-drittijiet tat-tfal;

164.    Jinnota li d-drittijiet tat-tfal, kif stabbiliti fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, jirreferu għal kull bniedem/bniedma taħt l-età ta’ 18-il sena u li ħtiġijiet speċifiċi dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva ta’ l-odoloxxenti u d-drittijiet marbuta magħha jridu jkunu rikonoxxuti;

165.    Jissottolinja l-importanza li jiġu promossi politiki dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva sabiex jitnaqqsu u possibilment jiġu evitati l-infezzjonijiet trasmessi sesswalment (inklużi l-HIV/AIDS), tqaliet mhux mixtieqa u abortijiet illegali u li m’humiex sikuri għal nisa żgħażagħ, u biex jiġi evitat in-nuqqas ta’ fehim min-naħa taż-żgħażagħ dwar il-ħtiġijiet tas-saħħa riproduttiva tagħhom;

166.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu passi biex iħarsu lit-tfal li l-ġenituri tagħhom ikunu jbatu mill-AIDS u jenfasizza l-ħtieġa li jintlaħqu l-mira ta’ żvilupp tal-Millennju 5 (MDG 5) (li tittejjeb is-saħħa materna), il-mira ta’ żvilupp tal-Millennju 4 (li titnaqqas il-mortalità fost it-tfal) u l-mira ta’ żvilupp tal-Millennju 6 (li jiġu miġġielda l-HIV/AIDS, il-malarja u mard ieħor); iħeġġeġ ukoll l-investiment f’riċerka dwar formulazzjonijiet pedjatriċi ta’ kontra r-retrovirus u fl-iżvilupp tagħhom, fil-provvediment ta’ filoxx kontra l-malarja għal fuq is-sodot u fil-promozzjoni tat-tilqim permezz ta’ l-Alleanza GAVI (li qabel kienet magħrufa bħala l-Alleanza Globali għall-Vaċċini u l-Immunizzazzjoni);

167.    Jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu edukazzjoni sesswali, informazzjoni u pariri sesswali sabiex tiżdied il-kuxjenza dwar is-sesswalità personali u r-rispett għaliha, u biex jiġu evitati tqaliet mhux mixtieqa u t-tixrid ta’ l-HIV/AIDS u mard ieħor li jiġi trasmess sesswalment (STDs), u biex

jiffaċilitaw l-aċċess għal kontraċettivi differenti u l-informazzjoni dwarhom;

168.    Jitlob li l-Istati Membri jiżguraw li t-tfal u l-adoloxxenti kollha kemm ġewwa u kemm barra mill-iskola huma pprovduti informazzjoni xjentifika mfassla kif meħtieġ u komprensiva dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva biex jagħmlu għażliet infurmati dwar kwistjonijiet relatati mal-benesseri personali tagħhom, inkluża l-prevenzjoni ta’ l-infezzjonijiet li jiġu trasmessi sesswalment (STIs) u l-HIV/AIDS;

169.    Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jippromwovu, kemm ġewwa u kemm barra mill-Unjoni, aċċess indaqs għat-tfal taż-żewġ sessi għall-kura tas-saħħa, b'enfasi partikulari fuq tfal żvantaġġjati u dawk ġejjin minn minoranzi etniċi jew soċjali;

170.               Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jiġġieldu kontra l-ħsara lin-nisa u t-tfal marbuta ma' l-alkoħol, billi:

a)   jipprovdu informazzjoni aħjar lin-nisa dwar id-diversi ta’ diżordnijiet fil-fetu kkawżati mix-xorb alkoħoliku (foetal alcohol spectrum disorders - FASD),

b)   jipprovdu servizzi tas-saħħa adegwati u pariri adegwati għal nisa bi problemi ta' l-alkoħol matul u wara t-tqala kif ukoll għal nisa u tfal f'familji bi problemi ta' l-alkoħol u ta' l-abbuż tad-drogi,

c)   jintroduċu regolamenti aktar iebsa dwar ir-reklamar għax-xorb alkoħoliku u dwar l-isponsorjar ta’ avvenimenti sportivi mill-industrija ta' l-alkoħol, fis-sura ta' projbizzjonijiet ta' reklamar bejn is-6 a.m. u d-9 p.m., u billi jipprojbixxu r-reklamar ta’ l-alkoħol ma’ kontenut li jkun immirat għat-tfal (logħob tal-kompjuter, komiks), sabiex ma tiġix ikkomunikata lit-tfal xbieha pożittiva ta’ l-alkoħol, u

d)   jipprojbixxu x-xorb alkoħoliku li fid-disinn tiegħu ftit li xejn ikun differenti minn mill-ħelu jew mill-ġugarelli, ladarba t-tfal ma jafux jiddistingwu bejn xorb alkoħoliku u xorb mhux alkoħoliku;

171.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li jkunu maħluqa l-kundizzjonijiet biex kull tifel u tifla jkunu jistgħu jkollhom aċċess għal kull tip u livell ta’ servizz tas-saħħa, u fejn ikun meħtieġ li jieħdu miżuri pożittivi biex jgħinu l-gruppi żvantaġġjati biex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn għażliet ta’ servizzi tal-kura tas-saħħa li altrimenti kienu jibqgħu esklużi minnhom;

172.    Ifakkar li d-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 t'Ottobru 1992 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li jkunu welldu reċentement, jew li qed ireddgħu[12] tistipula drittijiet tax-xogħol għal nisa tqal u li qed ireddgħu, li jobbligaw lil min iħaddem li jieħu l-passi xierqa kollha biex jiżgura li la n-nisa u l-anqas it-tarbija fil-ġuf ma jkunu esposti għal xi riskju għas-saħħa fuq il-post tax-xogħol;

173.    Jitlob li ssir riċerka dwar l-effetti ambjentali fuq is-sistemi ormonali, newroloġiċi, psikoloġiċi u immunitarji u li ssir valutazzjoni tagħhom, li fl-ippjanar urban kollu u fl-ippjanar kollu tat-trasport jiġu introdotti testijiet ta’ kemm jirrispettaw lit-tfal, li jsir tikkettar pożittiv ta’ ġugarelli li ma jkunux maħduma permezz tax-xogħol tal-minorenni;

Ir-reġistrazzjoni tat-twelid

174.    Jagħraf id-dritt ta’ kull tifel u tifla li jiġu rreġistrati kif jitwieldu bħala għarfien legali ta’ l-eżistenza tiegħu/tagħha u tad-dritt tiegħu/tagħha li tikseb nazzjonalità u identità, hu x’inhu s-sess jew l-oriġini etniku tagħhom, jew in-nazzjonalità tal-ġenituri tagħhom jew l-istatus tal-ġenituri tagħhom bħala rifuġjati, immigranti jew bħala persuni li qed ifittxu ażil;

175.    Jagħraf li ċ-ċertifikati tat-twelid jgħinu biex iħarsu tifel jew tifla kontra vjolazzjonijiet tad-drittijiet li jinħolqu minn dubji dwar l-età jew l-identità tiegħu/tagħha; jidhirlu li sistemi ta’ reġistrazzjoni tat-twelid li jkunu affidabbli jxekklu l-ittraffikar tat-tfal u ta’ l-organi tagħhom, irażżnu l-adozzjoni illegali u jevitaw li l-età ta’ tifel jew tifla tkun stmata aktar milli fill-fatt hi għall-għanijiet ta’ żwieġ bikri, reklutaġġ militari taħt l-età, sfruttament sesswali, xogħol tal-monorenni[13] u t-trattament ġudizzjarju ta’ minorenni bħala adulti;

176.    Jenfasizza l-fatt li l-"inviżibilità" ta' tfal li m’humiexx irreġistrati żżid il-vulnerabilità tagħhom u l-probabilità li l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tagħhom jgħaddu mingħajr ma ħadd jinduna bihom;

177.    Jikkundanna l-eżistenza f’xi pajjiżi ta’ diskriminazzjoni tas-sessi fir-reġistrazzjoni tat-twelid, b’liġijiet u prattiki li qed joperaw li huma kuntrarji għall-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, u li jinkludu ċ-ċaħda tar-reġistrazzjoni għal ommijiet mhux miżżewġa, ir-rifjut tan-nazzjonalità tal-mara u d-diskriminazzjoni fir-reġistrazzjoni ta’ bniet mingħajr edukazzjoni skolastika fejn l-aċċess għar-reġistrazzjoni hija bbażata fuq is-sistema edukattiva;

178.    Jistieden lill-Kummissjoni u kemm lill-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tat-tfal kif ukoll lill-organizzazzjonijiet ta’ l-għajnuna umanitarja biex jingħaqdu fl-azzjoni biex titqajjem kuxjenza dwar il-ħtieġa li ssir ir-reġistrazzjoni tat-twelid f’pajjiżi terzi; jinnota li n-nuqqas ta’ ċertifikat tat-twelid jista’ jżomm tfal milli jiksbu għarfien ta’ drittijiet possibbli ta’ wirt u milli jiksbu aċċess għall-edukazzjoni, servizzi tal-kura tas-saħħa u għall-għajnuna materjali mill-istat; jitlob li ssir il-promozzjoni ta' miżuri biex jiġi żgurat li servizzi bħal dawn ikunu pprovduti b'mod universali sakemm ikun komplut għal kollox il-proċess tar-reġistrazzjoni uffiċjali;

179.    Jitlob lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ lill-istati biex jistabbilixxu sistemi ta' reġistrazzjoni permanenti li jkunu joperaw mil-livell nazzjonali għal dak tal-villaġġi, li jkunu disponibbli mingħajr ħlas għall-popolazzjoni kollha kemm hi inklużi dawk in-nies li jgħixu f'inħawi remoti, permezz tal-provvediment, inter alia, ta’ unitajiet mobbli ta' reġistrazzjoni fejn hu xieraq, it-taħriġ adegwat għar-reġistraturi ċivili u l-allokazzjoni ta’ riżorsi suffiċjenti biex jiffinanzjaw dawn l-inizjattivi;

180.    Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-Komunità u lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw il-koordinament effettiv ta’ politiki biex tiġi inkuraġġita r-reġistrazzjoni tat-twelid, b’mod partikunlari bl-involviment tan-Nazzjonijiet Uniti u l-aġenziji dipendenti, bit-tama li jintlaħaq ftehim dwar aġenda komuni li se trawwem rispons effettiv madwar id-dinja kollha;

Tfal f'kunflitti armati

181.    Jisħaq fuq il-bżonn kruċjali li jiġu implimentati l-Linji Gwida ta' l-UE dwar Tfal f'Kunflitti Armati;

182.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jadottaw l-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali ta' Ruma għal ġol-liġijiet nazzjonali tagħhom u biex jinvestigaw, iħarrku u jikkastigaw lil dawk kollha li bi ksur tal-liġi jkunu rreklutaw lit-tfal f’forzi jew gruppi armati, jew li jkunu użawhom għal parteċipazzjoni attiva f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt, sabiex jiżguraw li jkun qed isir kull sforz biex tintemm il-kultura ta' impunità fir-rigward ta' dawk id-delitti;

183.    Jilqa' b’sodisfazzjon l-adozzjoni ta' "L-Impenji ta' Pariġi biex it-tfal jiġu mħarsa mir-reklutaġġ jew l-użu illegali minn forzi armati jew minn gruppi armati" ta' l-2006 bħala aġġornament tal-Prinċipji ta' Cape Town ta’ l’1997, u jħeġġeġ lill-istati kollha biex jadottawhom;

184.    Jidhirlu li huma meħtieġa miżuri biex jiġi żgurat li tfal li huma mċaħħda mill-libertà tagħhom jiġu trattati f’konformità mal-liġijiet internazzjonali umanitarji u mal-liġijiet tad-drittijiet tal-bniedem, billi jitqies l-istatus speċjali tagħhom bħala tfal, u biex tiġi pprojbita d-detenzjoni tat-tfal ma' l-adulti, ħlief fil-każ ta’ ġenituri bit-tfal żgħar; f’dan ir-rigward, jissottolinja l-ħtieġa li jiġu promossi programmi ta’ taħriġ sabiex titqajjem kuxjenza fost l-aġenti u l-istaff tas-sistemi legali u dawk tal-pulizija tal-pajjiżi fejn l-użu ta’ subien u bniet bħala suldati tfal tkun ġiet innutata;

185.    Jisħaq fuq il-bżonn li t-tfal jiġu ttrattati f’konformità mar-regoli tal-ġustizzja tal-minorenni kif ukoll il-bżonn li jinsabu alternattivi għall-proċeduri ġudizzjali; jitlob li prosekuturi u avukati speċjalisti tal-minorenni attivi fil-qasam tal-liġi soċjali jassistu lit-tfal fil-qorti; jitlob li jiġu stabbiliti kummissjonijiet tal-verità u tar-rikonċiljazzjoni;

186.    Jitlob li ssir ir-reintegrazzjoni, u r-riabilitazzjoni fiżika, soċjali u psikoloġika ta' dawk li kienu suldati tfal u tfal oħra affettwati minn kunflitti armati, l-għaqda tagħhom mill-ġdid mal-familji tagħhom, kura alternattiva għal dawk li l-għaqda mill-ġdid m’hijiex possibbli, korsijiet edukattivi biex ilaħħqu mat-tagħlim li jkunu tilfu u t-tixrid ta' informazzjoni dwar l-HIV/AIDS; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu indirizzati nuqqasijiet speċifiċi fir-reintegrazzjoni tas-suldati bniet, li kultant jiġu mwarrba emarġinati soċjalment, billi jiġu allokati riżorsi speċjali biex jiġu stabbiliti programmi għall-edukazzjoni, is-saħħa sesswali, l-appoġġ psikoloġiku u għall-medjazzjoni tal-familja;

187.    Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Istati Membri jieħdu azzjoni diplomatika konġunta kull fejn ikun hemm rapporti li tfal qed jiġu rreklutati għal ġo unitajiet militari jew gruppi armati;

188.    Jinnota li d-dispożizzjonijiet ta’ emerġenza għal tfal fi stati fraġli affettwati minn kunflitti rari jestendu għal edukazzjoni xierqa u jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja attivitajiet edukattivi, inkluża l-implimentazzjoni ta’ l-istandards minimi mfissra fil-qosor min-Netwerk ta’ bejn l-Aġenziji għall-Edukazzjoni waqt l-Emerġenzi, kemm waqt emerġenzi kif ukoll fil-fażi transizzjonali mill-kriżi għall-iżvilupp;

189.    Jisħaq li n-nuqqas ta’ ftehima formali finali li ttemm kunflitti ffriżati joħloq sitwazzjoni li fiha l-istat tad-dritt huwa ttraskurat u fejn huma kommessi vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fiz-zoni kkonċernati, u li dan jikkostitwixxi impediment mill-aktar serju kontra l-assigurazzjoni li d-drittijiet kollha tat-tfal huma rrispettati; jitlob li jittieħdu passi biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet speċifiċi tat-tfal u l-familji tagħhom f’zoni ta’ kunflitt iffriżat;

It-tfal u d-demokrazija

190.    Jisħaq fuq id-dritt tat-tfal li jikbru f’soċjetà ħielsa u miftuħa fejn id-drittijiet tal-bniedem u l-libertà ta’ l-espressjoni huma rrispettati u fejn is-sentenzi tal-mewt ma jkunux imposti aktar, b’mod partikulari fuq individwi ta’ taħt l-età;

191.    Jisħaq li l-pożizzjoni tat-tfal fi stati mhux demokratiċi hija waħda prekarja ħafna u jistieden lill-Kummissjoni tagħti kunsiderazzjoni lil dan il-grupp ta’ nies;

192.    Jistieden lill-Kummissjoni biex tħares lejn il-kwistjoni tat-tqajjim tal-kuxjenza politika tat-tfal u taż-żgħażagħ f’pajjiżi terzi fejn id-demokrazija hija ristretta, sabiex dawn iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jiżviluppaw f’ċittadini li jkunu konxji politikament;

193.    Jistieden lill-Kummissjoni biex tisħaq fuq l-importanza li ż-żgħażagħ ikunu jistgħu jsemmgħu l-fehmiet tagħhom fuq bażi volontarja permezz ta’ organizzazzjonijiet (politiċi) taż-żgħażagħ;

o o o

194.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-Grupp ta’ Ħidma Intergovernattiv ‘Europe de l'Enfance’ dwar in-Netwerk Ewropew ta’ Osservatorji Nazzjonali dwar it-Tfulija (ChildONEurope), lill-Kunsill ta' l-Ewropa, lill-Kumitat għad-Drittijiet tat-Tfal tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-UNICEF, lill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR) u lill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).

  • [1]  ĠU L 303, 14.12.2007, p. 1.
  • [2]  ĠU C 53, tat-22.02.2007, p. 1.
  • [3]  http://www.savethechildren.net/alliance/where_we_work/europegrp_haveyoursay.html.
  • [4]  ĠU C 300E, tad-9.12.2006, p. 259.
  • [5]  http://ec.europa.eu/justice_home/cfr_cdf/doc/thematic_comments_2006_en.pdf.
  • [6]  ĠU L 13, ta' l-20.01.2004, p.44
  • [7]  http://www.savethechildren.net/alliance/where_we_work/europegrp_haveyoursay.html.
  • [8]  Il-Konvenzjoni 182 ta’ l-ILO dwar l-agħar forma ta’ tħaddim tat-tfal tirreferi direttament għall-ittraffikar bħala wieħed mill-agħar forom ta’ sfruttament.
  • [9]  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew fl-ewwel qari tat-13 ta' Diċembru 2006 dwar l-emenda tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stipulate minn liġi, minn regolament jew minn azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri dwar it-twettiq ta’ xandir permezz tat-televiżjoni (P6_TA(2006)0559).
  • [10]  Bi qbil mar-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew ta’ l-1 ta’ Ġunju 2006 dwar il-projbizzjonijiet li jirriżultaw mill-ħtija ta' reati sesswali mwettqa fuq tfal (ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 220).
  • [11]  ĠU L 180, tad-19.7.2000, p. 22.
  • [12]  ĠU L 348, 28.11.1992, p.1.
  • [13]  iddefinit fl-Artikolu 32 (1) tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal.

NOTA SPJEGATTIVA

I. INTRODUZZJONI

Qabel xejn, ir-rapporteur tilqa’ u tapprezza l-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li fiha tħabbar li ġiet stabbilita strateġija li tiddefendi d-drittijiet tat-tfal. Fil-fatt, dan jindika x-xewqa sinċiera tagħha li din il-kwistjoni titqies bħala prijorità fl-azzjoni ta’ l-UE, li t-tfal jiġu rikonoxxuti bħala cittadini bi drittijiet sħaħ, u li l-interessi tagħhom jeħtieġ jiġu kkunsidrati b’mod speċifiku fil-politiki u l-miżuri kollha adottati fil-livell ta’ l-UE[1], u li jeħtieġ jinħolqu strumenti maħsuba biex jippromwovu d-drittijiet tagħhom.

L-iskop ta' dan ir-rapport hu li jwieġeb għal din il-Komunikazzjoni billi jieħu pożizzjoni rigward ċerti suġġerimenti li tiġbor fiha u billi jressaq xi suġġerimenti oħrajn. Lilhinn mill-aspetti "strateġiċi" iktar ġenerali, li huma l-ewwel li se jiġu trattati, ir-rapport jeżamina ċerti oqsma partikulari li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, li fihom id-drittijiet tat-tfal ikunu jeħtieġu azzjoni mmirata speċifikament għalihom.

Il-promozzjoni u l-iżvilupp ta’ l-Istrateġija trid tgħaddi minn affermazzjoni pożittiva tad-drittijiet tat-tfal, bħad-dritt li jkollhom familja, id-dritt għall-edukazzjoni, għall-inkużjoni soċjali, għall-kura sanitarja, għall-opportunitajiet indaqs, għall-isport, u dan bl-għan li jitħejjew is-sisien għall-ħolqien ta’ soċjetà li tissodisfa l-ħtiġijiet tat-tfal u li tkun għal-livell tagħhom, hekk li fiha t-tfal jistgħu jħossuhom protetti u protagonisti.

Ir-rapporteur tixtieq tenfasizza li l-għan tar-rapport m’huwiex li jħejji lista tal-problemi li hemm bżonn li tinsab soluzzjoni għalihom jew tad-drittijiet li għandhom jitqiesu bħala prijorità

Ir-rapport huwa intiż li jkun strument ta’ riflessjoni fuq il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, filwaqt li jqis il-bosta dibattiti li saru fil-PE (laqgħat ma' rapporteurs sostituti u mal-grupp ta’ ħidma li jlaqqa’ lir-rapporteurs tal-kummissjonijiet kompetenti għal opinjonijiet, laqgħat ma’ l-esperti) u b’mod partikolari fis-seduta konġunta ta’ smigħ li saret fis-17 ta’ April 2007 u fl-ewwel Forum Ewropew fuq id-drittijiet tat-tfal li sar f’Berlin fl-4 ta’ Ġunju 2007.

Barra minn hekk, id-definizzjoni tal-prijoritajiet prinċipali għal aktar azzjoni ta' l-Unjoni se tiġi stabbilita (wara konsultazzjoni wiesgħa li l-Kummissjoni bi ħsiebha tniedi) fuq bażi ta' dokument li għandu jiġi ppubblikat fl-2008.

II. L-ORJENTAZZJONIJIET PRINĊIPALI TA’ STRATEĠIJA GĦALL-ĦARSIEN TAD-DRITTIJIET TAT-TFAL

1. Qafas legali

Id-drittijiet tat-tfal huma parti integrali mid-drittijiet tal-bniedem li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom l-obbligu li jirrispettawhom, b’mod partikolari b’konformità mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ta’ l-1950 (CEDU), li għaliha jagħmel referenza l-Artikolu 6, il-paragrafu 2, tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, l-Istati Membri kollha rratifikaw il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tat-tfal, il-qafas ewlieni ta' referenza fil-qasam tad-drittijiet tat-tfal. Madankollu, tajjeb li jiġi enfasizzat li għalkemm din ta' l-aħħar hija aktar speċifika rigward dan, m'għamdhiex mekkaniżmi sanzjonarji li jiggarantixxu li tiġi rrispettata, bħal fil-każ tas-CEDU.

Sal-lum, l-Unjoni Ewropea għad m'għandhiex bażi ġuridika speċifika li tikkonċerna d-drittijiet tat-tfal.

Però tajjeb li wieħed jenfasizza lli t-Trattat Kostituzzjonali, jekk jiġi approvat, ikun jista' jipprovdi lill-Unjoni Ewropea qafas ġuridiku ħafna aktar adattat fil-qasam tad-drittijiet tat-tfal: L-Artikolu I-3 tat-Trattat Kostituzzjonali (“L-Għanijiet ta’ l-Unjoni”), li fihom referenzi diretti għad-drittijiet tat-tfal, kif ukoll b'mod partikulari l-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea (iddedikata kollu għad-drittijiet tat-tfal) jiksbu natura vinkolanti.

Jekk l-Kunsill Ewropew jiddeċiedi li jappoġja l-konvokazzjoni ta’ IGC (Konferenza Intergovernattiva) ġdida, il-Parlament ikun jeħtieġ iressaq l-opinjoni tiegħu stess fuq bażi ta’ l-Artikolu 48 ta' l-EUT. F’dan l-istadju huwa importanti li ma jitqajjem ebda dubju dwar l-acquis rigward id-drittijiet tat-tfal, imma, bil-kontra, dawn għandhom jiġu konfermati kif ukoll konsolidati.

Jeħtieġ ukoll li l-Unjoni Ewropea tikkunsidra li ssir parti kontraenti mhux biss tas-CEDU, kif diġà ġie previst, imma wkoll ta’ diversi Konvenzjonijiet tal-Kunsill ta’ l-Ewropa, kif stqarr mill-ġdid ir-Rappreżentant tal-Kunsill ta’ l-Ewropa matul is-seduta tas-smigħ tas-17 ta’ April[2]. Ikun opportun pereżempju li tiġi eżaminata l-possibiltà li fil-ġejjieni l-Komunità u/jew l-Unjoni Ewropea jissieħbu mal-Konvenzjonijiet dwar il-kriminalità ċibernetika[3], dwar l-eżerċitar tad-drittijiet fit-tfal[4], dwar l-adozzjoni[5] u dwar l-isfruttament sesswali[6]. Ikun utli wkoll li iktar ‘il quddiem jiġu kkunisdrati dispożizzjonijiet rigward l-adeżjoni mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal

Jibqa’ l-fatt li fin-nuqqas ta’ bażi ġuridika speċifika, ġew adottati bosta strumenti fuq il-livell ta’ l-Unjoni li jaffettwaw direttament jew indirettament, id-drittijiet tat-tfal. Huwa għalhekk importanti li jitwaqqaf mekkaniżmu ta' moniteraġġ fi żmien l-adozzjoni u t-traspożizzjoni ta' dawn l-istrumenti sabiex jiġi garantit li d-drittijiet tat-tfal jiġu meqjusa kif suppost fit-tfassil ta' strumenti u għal wara l-implimentazzjoni ta' dawn l-istrumenti sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tat-tfal jiġu rispettati meta dawn jiġu applikati. Dan huwa x’jifhem wieħed bil-kelma "mainstreaming"(integrazzjoni).

2. Mainstreaming

F’April 2005 l-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni bil-għan li ttejjeb il-kompatibiltà tal-proposti leġiżlattivi tagħha mad-dispożizzjonijiet tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali[7]. Din turi li l-Kummissjoni għandha tliet għanijiet: verifika sistematika u rigoruża tar-rispett tad-drittijiet fundamentali kollha waqt it-tħeħħija tal-proposti leġiżlattivi; il-promozzjoni ta' "kultura tad-drittijiet fundamentali" ; turija b’mod iktar ċar lill-istituzzjonijiet l-oħra u lill-pubbliku tar-riżultati tal-moniteraġġ li sar mill-Kummissjoni fil-qasam tad-drittijiet fundamentali.

Fir-rapport li tfassal dwar din il-Komunikazzjoni[8], il-Parlament jittama li l-Kummissjoni, fl-istudju ta’ l-impatt tagħha, tipprovdi kapitolu ddedikat b’mod speċifiku għad-drittijiet fundamentali. Din it-talba għandha tiġi mtennija u rfinata, fis-sens li jkun utli li rigward ċerti proposti leġiżlattivi, il-Kummissjoni tagħti konsiderazzjoni speċjali lill-impatt possibbli tad-dispożizzjonijiet relevanti fuq it-tfal. Jidher ċar li għandu jkun hemm il-possibilità li jiġu kkonsultati dwar proposti bħal dawn ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u ta' organizzazzjonijiet speċjalizzati f'dan il-qasam. Aspett bħal dan huwa tabilħaqq importanti meta wieħed iqis il-valur miżjud ta’ esperjenza speċifika diretta li r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u ta' organizzazzjonijiet internazzjonali jistgħu joffru lis-servizzi tal-Kummissjoni, sabiex jgħinuhom jidentifikaw ir-riskji possibbli li proposti apparentement mhux perikolużi jistgħu jippreżentaw għad-drittijiet tat-tfal[9].

Ikun importanti wkoll li l-PE iwaqqaf korp speċifiku, li l-kompożizzjoni tiegħu għad trid tiġi, jew jaħtar Rappreżentant/Ombudsman tad-drittijiet tat-tfal, li jkollu l-irwol ta’ medjatur bejn ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili jew organizzazzjonijiet oħrajn speċjalizzati fil-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal. Dawn ta’ l-aħħar ikunu jistgħu jirrikorru għand dan il-korp jew Rappreżentant, kulmeta jkunu jridu jressqu proposti u suġġerimenti dwar il-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal (ara aktar 'l isfel).

3. Parteċipazzjoni

Fil-qasam tad-drittijiet tat-tfal, it-terminu "parteċipazzjoni" jikkostitwixxi l-kelma ewlenija u dritt bażiku, li jidher bħala leitmotiv fid-dokumenti u fid-dikjarazzjonijiet ta’ l-NGOs, ta’ l-istituzzjonijiet u ta’ l-organizzazzjonijiet internazzjonali speċjalizzati f'dan il-qasam. Fl-opinjoni tar-rapporteurdan il-kunċett jirrifletti l-prinċipju fundamentali tad-demokrazija li ċ-ċittadin għandu d-dritt li jieħu sehem fid-deċiżjonijiet li jikkonċernawh.

Sfortunatament, dan il-prinċipju tal-parteċipazzjoni ta' spiss jiġi injurat minkejja li t-tfal ħafna drabi jkunu l-aktar adatti biex jidentifikaw u jifhmu l-isfidi u l-problemi li jolqtuhom, b’mod partikolari dwar dak li jiġri fl-iskola, fit-toroq, fil-klabbs taż-żgħażagħ u saħansitra fil-familja, u jkunu mimlija ideat dwar kif sitwazzjonijiet bħal dawn jistgħu jittejbu.

Dan ir-rapport jenfasizza u jipprova juri li meta tfal jitħallew jesprimu l-opinjoni tagħhom b’mod liberu dwar kwalunkwe kwistjoni li tolqothom fir-rigward ta' dritt relevanti[10], huma jkunu lesti li jagħmlu dan u r-riżultati jkunu eċċellenti.

Dan tqiegħed fil-prattika, għall-ewwel darba, fil-qafas ta’ konsultazzjoni wiesgħa li tnediet mis-Save the Children dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u li r-riżultati tagħha tħabbru matul is-seduta konġunta ta’ smigħ tas-17 ta’ April 2007.

Ir-rapporteur tittama li l-Kummissjoni, f’konformità ma’ dak li ħabbret fil-Komunikazzjoni, u wkoll billi tagħmel użu minn strutturi u rappreżentanti li l-aktar jinsabu qrib it-tfal, tistabbilixxi bla dewmien mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni/involviment tat-tfal li jkun effikaċi u effettiv għall-kwistjonijiet kollha li fihom huma involuti t-tfal b’mod dirett

4. Il-ħolqien ta’ proċess interistituzzjonali

Sabiex tkompli tiżdied l-importanza u l-effikaċja tal-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal, ikun meħtieġ li jittejjeb l-operat tal-korpi li diġà ġew stabbiliti għal dan il-għan mill-istituzzjonijiet differenti, u li tissaħħaħ il-komunikazzjoni u l-koperazzjoni bejniethom. Dan jista' fjisser ukoll li, jekk ikun meħtieġ, jinħolqu korpi ġodda.

Fi ħdan il-Kummissjoni, pereżempju, inħatar reċentement koordinatur għad-drittijiet tat-tfal li l-attivitajiet tiegħu jeħtieġu l-appoġġ ta' unità li jkollha biżżejjed persunal kwalifikat u riżorsi umani adegwati. Possibilità oħra, skond il-grupp preżenti ta' Kummissarji għad-drittijiet fundamentali, tista' tkun li meta titwaqqaf il-Kummissjoni li jmiss, jinħatar Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem li jkun responsabbli b’mod speċifiku għall-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal[11] u li jkun responsabbli għaċ-ċentralizzazzjoni u l-koordinazzjoni ta' l-attivitajiet leġiżlattivi u amministrattivi, attivitajiet tal-midja u għal attivitajiet oħrajn marbuta mal-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal.

Matul dawn l-aħħar snin inħolqu awtoritajiet oħra, b’mod partikolari fl-2000 fi ħdan il-Kunsill, fosthom Grupp Intergovernattiv Permanenti għat-Tfulija u l-Adolexxenza bl-isem ta' "L-Ewropa u t-Tfulija", bl-iskop li jservi ta' forum għall-iskambju u t-tqabbil tat-tagħrif dwar it-tfulija u li jiltaqa’ b’mod informali kull semestru fuq stedina tal-pajjiż li jkollu l-Presidenza ta’ l-UE.

Il-Parlament Ewropew alloka wkoll spazju għad-dibattitu dwar il-kwistjonijiet marbuta mat-tfulija permezz ta’ “Alleanza għad-drittijiet tat-tfal” magħmula minn Membri Parlamentari minn diversi oqsma politiċi u ġeografiċi li jiltaqgħu kull xahrejn, u ta’ Kumitat Konġunt tal-Familja.

Għalkemm dawn l-inizjattivi differenti jistgħu ikunu ta' min ifaħħarhom, dawn jagħtu l-impressjoni li m’humiex biżżejjed, b’mod partikulari minħabba n-nuqqas ta’ viżibiltà tagħhom u n-nuqqas ta’ koordinazzjoni bejniethom. Ir-rapporteur għalhekk tqis li l-attivitajiet ta’ dawn il-korpi differenti għandhom jiġu koordinati u msaħħa u ssirilhom aktar pubbliċità, forsi billi jkun hemm paġna ta’ l-Internet komuni għalihom.

Fejn għandu x’jaqsam il-Parlament Ewropew, tista' titqies il-possibilità, kif issemma iktar 'il fuq, li jinħatar korp għall-koordinazzjoni ta’ l-attivitajiet għall-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal, forsi wkoll billi jiġi stabbilit kumitat b'rappreżentanza interistituzzjonali li jkollu unità amministrattiva responsabbli għall-għoti ta' appoġġ għall-attivitajiet tiegħu.

Ta’ min ifakkar ukoll l-importanza li jissaħħu r-rabtiet mad-diversi organizzazzjonijiet internazzjonali, bħalma hu l-Kunsill ta’ l-Ewropa, li organizza diversi inizjattivi dwar id-drittijiet tat-tfal, inkluża t-tnedija ta’ kampanji kontra l-vjolenza[12] u l-adozzjoni ta’ diversi rakkomandazzjonijiet, riżoluzzjonijiet u Konvenzjonijiet, b’hekk din l-istituzzjoni hija dost l-aqwa msieħba fit-tnedija ta’ strateġija għad-drittijiet tat-tfal. L-istess japplika għal ċerti Aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti, b’mod partikulari għall-Unicef, li huwa magħruf b’mod partikulari għall-kwalità ta’ l-istudji tiegħu dwar l-iktar aspetti differenti rigward il-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal.

F’dan il-kuntest, se tkun responsabiltà ta’ l-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali li għadha kif twaqqfet, li tistabbilixxi netwerk ma’ dawn l-organizzazzjonijiet, flimkien mal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill ta’ l-Ewropa, kif ukoll mas-soċjetà ċivili, jew aħjar ma’ korpi speċjalizzati bħalma hu l-ENOC, sabiex ittejjeb ir-riċerka tagħha fil-qasam tal-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal, kif ukoll sabiex tibbenefika mill-esperjenzi, għarfien u tagħrif miġbur minn korpi oħra, u b’hekk jiġi evitat xogħol doppju.

5. Il-ġbir ta' dejta statistika

Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ħabbret li bi ħsiebha twettaq analiżi wiesgħa ta’ l-ostakli li jimpedixxu lit-tfal milli jgawdu kompletament mid-drittijiet tagħhom. Din l-analiżi għandha sservi ta’ bażi għal konsultazzjoni pubblika fl-2008 u twassal għal definizzjoni tal-prijoritajiet prinċipali ta’ azzjoni tal-ġejjieni ta’ l-Unjoni Ewropea. Ovvjament, analiżi bħal din, (barra mit-tħejjija u l-evalwazzjoni ta’ strateġiji, politiki u programmi mmirati għat-tfal, u b’mod partikolari dawk l-iktar żvantaġġati fosthom), għandha tkun ibbażata fuq statistika affidabbli, kompluta, preċiża u aġġornata.

Hemm però nuqqasijiet serji f'dan il-qasam fil-livell ta' l-UE u hemm ostakli ferm aktar serji għall-ġbir ta' statistika affidabbli rigward dan barra mill-UE, u dan ifisser li għandhom jiġu adottati għadd ta' miżuri sabiex jittejjeb il-ġbir ta' dejta statistika. Il-Kummissjoni Ewropea tista’ tikkunsidra li ġġedded il-mandat tal-Eurostat bil-għan li tinkludi numru ikbar ta' indikaturi li jikkonċernaw b’mod speċifiku lit-tfal, b'koperazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri li għandhom huma wkoll isaħħu l-għodod rispettivi ta’ l-istatistika tagħhom. F’dan il-kuntest ukoll, il-parteċipazzjoni tat-tfal għandha importanza partikulari u għandhom jiġu eżaminati l-mezzi l-aktar adattati għall-ġbir ta’ tagħrif b'mod sistematiku dwar l-opinjoni li huma għandhom dwar ċerti kwistjonijiet. It-tagħrif miġbur mil-linji tat-telefown ta’ assistenza għat-tfal jista' jintuża wkoll. Naturalment, jeħtieġ li jkun hemm finanzjament biżżejjed għal dan il-għan. Dwar dan, ir-rapporteur tilqa' b’ċertu sodisfazzjon il-fatt li fil-Komunikazzjoni tagħha l-Kummissjoni timpenja ruħha li "talloka r-riżorsi umani u finanzjarji meħtieġa biex tiġi applikata l-istrateġija proposta"[13].

L-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali se jkollha rwol kruċjali anke f’dan il-qasam. Bħal fil-każ tal-predeċessur tagħha, l-EUMC, hija se jkollha tiżviluppa, b’koperazzjoni mal-Kummissjoni u l-Istati Membri[14], metodi u standards li jtejbu l-komparabiltà, l-oġġettività u l-affidabiltà tad-dejta fuq livell Ewropew.

6. It-tisħiħ tal-koperazzjoni brjn il-partijiet interessati: il-FORUM

L-istess bħalma jippredevi r-Regolament ta’ l-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali li fl-Artikolu 10 tiegħu jistipula t-twaqqif ta’ “politika dwar id-drittijiet fundamentali” bil-ħsieb li tikkostitwixxi mezz ta’ skambju ta' tagħrif u l-iskambju ta’ l-għarfien u li tiġbor fiha d-diversi tipi ta’ organizzazzjonijiet li jaħdmu favur id-drittijiet tal-bniedem, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tipprevedi l-ħolqien ta’ “Forum”.

Dan il-Forum, li jista' jitqiegħed taħt il-kontroll ta’ l-Aġenzija, għandu, skond il-Kummissjoni, jikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-kontroll ta’ l-azzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea u għandu jservi ta’ spazju għall-iskambju tal-prattiki tajba. Fih għandu jiġbor kemm l-Istati Membri kif ukoll l-aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kunsill ta’ l-Ewropa, istituzzjonijiet indipendenti favur il-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal, is-soċjetà ċivili u t-tfal innifishom.

Se tkun responsabiltà tal-Kummissjoni li torganizza l-Forum b’mod li tiżgura involviment adattat tal-bosta partijiet interessati, filwaqt li tiggarantixxi organizzazzjoni mingħajr xkiel u effikaċi.

Għal dan il-għan ikun tajjeb li jinħoloq grupp konsultattiv ta’ daqs limitat ta’ esperti ta’ livell għoli sabiex jikkontribwixxi għar-riċerka u l-analiżi u t-tfassil ta' aġendi għal-laqgħat tal-Forum. Fi ħdan dan il-grupp ta’ esperti jista' jkun hemm esperti legali u esperti dwar id-drittijiet tat-tfal li jkunu jistgħu jressqu proposti speċifiċi dwar atti leġiżlattivi li jistgħu jiġu adottati fuq livell tal-Komunità biex jimplimentaw il-proposti tal-Forum. Barra minn hekk, ikunu utli li jiġu ppreċiżati x-xogħol u s-setgħat tal-Forum. Jekk il-Forum ikollu jifformula xi rakkomandazzjonijiet, jeħtieġ li jiġi definit permezz ta’ regolament intern il-mod kif se jiġu ttrattati dawn ir-rakkomandazzjonijiet u jeħtieġ jinħatru korpi responsabbli li jaraw li fil-fatt jiġu implimentati u jevalwaw dak li jsir fl-implimentazzjoni. F’dan il-kuntest, il-kumitati parlamentari interessati jista' jkollhom irwol attiv fl-immonitorjar.

Huwa ċar li sabiex ikun jista’ jaħdem b’mod korrett u effikaċi, il-Forum irid ikollu disponibbli fondi mill-Baġit tal-Komunità.

7. Ħolqien ta’ mekkaniżmu għall-moniteraġġ tal-progress li jkun sar

Ta’ min tintlaqa’ b’mod pożittiv id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tippubblika rapport kull sena dwar il-progress li jinkiseb fl-implimentazzjoni ta’ l-istrateġija proposta. Dan ir-rapport għandu jservi ta’ għodda għall-Parlament, b’mod partikolari fil-qafas tar-rapporti annwali tiegħu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, kemm interni kif ukoll esterni, biex jippermettilu jeżerċita kontroll sistematiku u preċiż r-rispett tad-drittijiet tat-tfal fil-livell tal-Komunità.

Kif previst minn proposta tal-UNICEF[15], il-Parlament Ewropew għandu min-naħa tiegħu jissorvelja l-progress tar-riżultati miksuba billi jorganizza regolarment seduti ta’ smigħ dedikati għal ċerti aspetti speċifiċi tal-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal.

Hawnhekk ukoll, l-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali se jkollha rwol kruċjali u dan se jkun li tieħu ħsieb li dan il-kontroll tar-rispett għad-drittijiet tal-t-tfal jingħata l-attenzjoni mistħoqqa fil-programm ta' ħidma plurijennali, li għandu jiġi żviluppat fil-bidu ta' l-attività tagħha u li dwaru se jiġi kkonsultat il-Parlament Ewropew fil-futur qarib[16].

III. XI OQSMA TA’ PRIJORITÀ LI FUQHOM GĦANDHA TINBENA L-ISTRATEĠIJA

1. Ġlieda kontra kull għamla ta’ vjolenza

Ma hemm ġustifikazzjoni għal ebda vjolenza kontra t-tfal. Din hija l-idea ewlenija tar-rapport tal-Professur Pinheiro, ippreżentat matul is-seduta ta’ smigħ tas-17 ta’ April, u rapporteur jaqbel magħha kompletament.

Proprju għalhekk huwa indispensabbli li mhux biss jiġu kkastigati dawk li jwettqu atti ta’ vjolenza, iżda li titfassal ukoll strateġija għall-prevenzjoni tal-vjolenza fuq it-tfal.

L-Unjoni Ewropea diġà implimentat bosta strumenti importanti għall-ġlieda kontra l-vjolenza li tagħha jisfaw vittmi t-tfal: il-programmi DAPHNE u AGIS[17]; il-pjan ta’ ħidma għall-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin[18]: id-Deċiżjoni ta' qafas tal-Kunsill 2002/629/JHA tad-19 ta' Lulju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin[19]; id-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta' Mejju 2000 sabiex tkun miġġielda l-pornografija tat-tfal fuq l-Internet[20]; id-Deċiżjoni ta' qafas tal-Kunsill 2004/68/JHA tat-22 ta' Diċembru 2003 dwar il-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija bit-tfal[21]; u bosta miżuri għall-ġlieda kontra t-turiżmu sesswali li jinvolvi t-tfal.

Rigward dan l-aħħar aspett, il-Kummissarju Frattini ħabbar, matul is-seduta ta’ smigħ tas-17 ta’ April li għadda, li l-Kummissjoni, b’kollaborazzjoni ma’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar, iżżid il-miżuri li tqiegħdu fis-seħħ għat-tnaqqis tal-flussi tat-turiżmu sesswali li joriġinaw mill-Istati Membri, fatt li r-rapporteur tilqa’ b’mod pożittiv, għalkemm hija tixtieq ukoll li jitwaqqfu proċeduri li jippermettu koordinazzjoni aħjar ta’ l-inkriminazzjonijiet ekstraterritorjali. Il-Kummissarju Frattini ħabbar, barra minn hekk, Komunikazzjoni dwar il-kriminalità fuq l-Internet, li ġie adottat nhar it-22 ta’ Mejju 2007.

Rigward l-isfruttament sesswali tat-tfal, ta’ min wieħed ifakkar li l-Kunsill ta' l-Ewropa jinsab f'fażi ta’ adozzjoni ta’ Konvenzjoni għall-ħarsien tat-tfal mill-isfruttament sesswali u mill-abbużi sesswali, li fuqha l-Istati Membri ta' l-UE kkoordinaw il-pożizzjoni tagħhom fi ħdan il-qafas tal-Kumitat ta’ l-Artikolu 36. F’kuntest bħal dan, issemmiet l-adeżjoni possibbli tal-Komunità u/jew ta’ l-UE mal-Konvenzjoni msemmija hawn fuq. Ir-rapporteur ma tistax ma tagħtix l-inkoraġġiment tagħha għal dan; hija tittama li tiġi adottata pożizzjoni ta’ prinċipju dwar dan sabiex fil-ġejjieni l-UE tkun tista' tieħu sehem fin-negozjati ta’ Konvenzjonijiet fil-qasam tal-liġi penali - b’mod partikolari Konvenzjonijiet dwar il--ħarsien tat-tfal - u tirratifikahom.

Hemm ħtieġa urġenti li titwaqqaf sistema għall-protezzjoni tat-tfal mill-abbużi sesswali li tipprevedi mekkaniżmi effikaċi u koordinati sabiex persuni meqjusin bħala mhux adattati biex jaħdmu mat-tfal wara li jinstabu ħatja ta' offiża relevanti, ikunu jistgħu jiġu esklużi minn aċċess għal ċerti tipi ta' professjonijiet. Għaldaqstant, ir-rapporteur tittama li l-Kunsill isaħħaħ il-koperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri fil-każijiet ta’ sfruttament sesswali tat-tfal u ta’ pornografija tat-tfal, filwaqt li jtejjeb il-koperazzjoni fil-qasam ta’ l-iskambju ta’ tagħrif dwar pieni preċedenti fl-UE u jimponi għadd ta’ obbligi minimi fl-Istati Membri. Dan għandu jseħħ sabiex ikun garantit li l-projbizzjoni ta’ xogħol li jinvolvi kuntatt mat-tfal imposta fuq kwalunkwe persuna misjuba ħatja ta' reati sesswali fi Stat Membru wieħed, ikollha effett legali fl-Istati Membri l-oħrajn.

Fil-qasam tal-pornografija tat-tfal fuq l-Internet, bi qbil ma’ xi istituti bankarji u bis-saħħa tal-kards ta’ kreditu prinċipali, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tevalwa l-possibiltà li teskludi mis-sistema ta’ ħlasijiet fuq l-internet is-siti li jbigħu materjal pornografiku tat-tfal. Din hija inizjattiva ta' min ifaħħarha u li jistħoqqilha li tingħata l-attenzjoni kollha tagħna u għandha tiġi mistħarrġa iktar fil-fond. F’każ speċifiku, fejn bank, ħafna drabi wara li joħroġ avviż mill-istitut tal-kard tal-kreditu li jkun wettaq il-kontroll, jannulla l-kuntratt man-negozjant li jbigħ fuq l-internet materjal pornografiku tat-tfal, dan għandu jkun awtorizzat li jinnotifika lil istituti oħrajn ta' kreditu, kif jitlob il-prinċipju ta’ l-aħjar l-interess tat-tfal. Għal dan il-għan, għandha tinħoloq database li tiġi aġġornata regolamerment li tagħti dettalji dwar negozjanti li jbigħu l-pornografija tat-tfal. Tagħrif dwar bejjiegħa bħal dawn għandu jingħadda wkoll minnufih lill-pulizija ta’ l-Istat Membru konċernat, lill-Europol u lill-Interpol. Barra minn hekk, għandhom jitniedu kampanji ta' informazzjoni pubblika u biex iqajmu l-kuxjenza pubblika sabiex jipproteġu t-tfal u jiġu żgurat li dawk li jikkommettu r-reati jkunu kastigati.

Fil-qasam tal-vjolenza li tinxtered fuq l-internet, wieħed jittama li titwaqqaf sistema stretta ta’ awtoregolazzjoni tas-siti li jittrasmettu xbihat jew vidjows ta’ bullying. Dawk li jimmaniġġjaw l-internet għandhom jissorveljaw il-kontenut li jiċċirkola fuq is-siti tagħhom u jipprojbixxu l-hekk imsejjaħ “bullying fuq l-Internet” li jħeġġeġ il-vjolenza fost iż-żagħżagħ u l-umiljazzjoni ta’ studenti u għalliema. Rigward dan, ir-rapporteur tapprezza l-programm tal-Komunità “Safer Internet Plus (2005-2008)”, maħsub sabiex jippromwivi l-użu iktar żgur ta’ l-Internet u tat-teknoloġiji ġodda fuq l-Internet u li bis-saħħa tagħhom inħoloq netwerk ta' hotlines sabiex tingħata għajnuna lit-tfal li jiġu f’kuntatt ma’ kontenut illegali u ta’ ħsara.

Għandu jkun hemm l-istess approċċ għall-mezzi l-oħrajn ta’ komunikazzjoni, b’mod partikolari għat-televiżjoni, sabiex jiġu kkontrollati u limitati t-trażmissjonijiet ta’ xbihat u ta’ kontenut vjolenti jew li m’humiex adatti għat-tfal.

Bħala riżultat ta’ l-immigrazzjoni li kulma jmur qiegħda tikber u li mhux dejjem qiegħda tkun akkumpanjata minn integrazzjoni reali, hemm għamla serja oħra ta' vjolenza kontra t-tfal li jeħtieġ titwaqqaf, il-mutilazzjoni ġenitali, li qiegħda tiżdied b’mod ta’ l-għaġeb ukoll ġewwa l-Unjoni Ewropea. Din l-operazzjoni ħafna drabi ssir minn tobba bla skrupli, imma jiġri aktar ta' spiss ukoll li t-tfal jittieħdu fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom u jiġu mutilati hemmhekk mingħajr ma jkollhom aċċess għall-informazzjoni speċjalizzata jew kura medika. Il-ħsara fiżika u psikoloġika li jsofru t-tfal hija permamenti u serja, kif inhi wkoll il-ħsara li ssir kontra t-tgawdija tad-drittijiet tagħhom. Fuq din il-kwistjoni jeħtieġ li tinkiseb il-koperazzjoni tal-pajjiżi ta' oriġini.

Fil-qasam tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin[22], ir-rapporteur tixtieq tenfasizza l-valur miżjud li jista' jkollha l-koperazzjoni ma' l-Europol u ma' l-Eurojust u tqis li għandhom jintużaw il-mezzi kollha neċessarji sabiex tissaħħaħ il-ħidma tagħhom għall-protezzjoni tat-tfal minn din il-pjaga u minn kull għamla oħra ta’ vjolenza u ta’ sfruttament, u mhux biss dawk sesswali. L-isfruttament tat-tfal jista’ jassumi l-iktar għamliet varji, fosthom l-użu tat-tfal biex jittalbu fit-toroq, li il-ħsara li jagħmel għad-dinjità tat-tfal hija evidenti u li jikkawżalhom danni psikoloġiċi gravi; għaldaqstant, prattika bħal din għandha tkun ipprojbita fl-Istati Membri kollha. Ir-rapporteur għaldaqstant tittama li l-Istati Membri jipprovdu lill-Europol u lill-Eurojust it-tagħrif kollu neċessarju li jista' jtejjeb l-effikaċja tagħhom, u li l-Europol jirrinforza l-koperazzjoni ma' l-Interpol kif ukoll mal-Frontex.

Matul is-seduta ta’ smigħ tas-17 ta’ April, il-Kummissarju Frattini insista fuq ir-rieda li, b’kollaborazzjoni mill-qrib ma’ l-industrija, issir kampanja kontra vidjowgejms vjolenti, inizjattiva li r-rapporteur tħeġġeġ bil-qawwa kollha.

F'dawn il-każi kollha għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-promozzjopni tad-drittijiet tat-tfal, u b'mod partikulari għas-sensibilizzazzjoni tat-tfal infushom sabiex dawn ikunu protagonisti fuq qudddiem nett fil-prevenzjoni ta' vjolazzjonijiet tad-drittijiet tagħhom u fl-iżvilupp ta' kultura ta' rispett għad-drittijiet tal-bniedem.

2. 2. Ġlieda kontra l-faqar u d-diskriminazzjoni u d-dritt għall-edukazzjoni

L-għan ta' din l-istrateġija huwa li tappoġġja u timplimenta l-Għanijiet għall-iżvilupp tal-millennju, li filwaqt li jolqtu l-abitanti kollha tad-dinja, huma mmirati l-ewwel u qabel kollox lejn it-tfal. Fost l-għanijiet insibu l-ġlieda kontra l-faqar estrem, l-edukazzjoni primarja universali, il-promozzjoni ta’ saħħet l-omm, it-tnaqqis tal-mortalità tat-tfal u l-kampanji ta’ prevenzjoni ta’ l-HIV/ta’ l-AIDS u kampanji ta’ tilqim.

Hemm il-ħtieġa wkoll li jitħarsu t-tfal mill-agħar għamliet ta’ sfruttament, bħax-xogħol minn tfal, l-involviment bil-forza ta’ tfal fi gwerer (tfal suldati) u l-iskjavitù domestika.

Il-faqar ta’ sikwit jiddetermina l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni. Fil-komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tħabbar l-intenzjoni li tippromwovi ġabra ta' ħidmiet li saru fuq livell ta’ l-UE fil-qasam tal-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal fl-2007. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari għall-effett li l-faqar għandu li jikkompromettti l-iżvilupp tat-tfal u l-isfruttar tad-drittijiet tagħhom.

Fil-fatt, huwa essenzjali li l-UE tittratta dawn il-problemi bi qbil mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar id-drittijiet tat-tfal, li fl-Artikoli 27 u 28 terġa' tafferma d-dritt tat-tfal kollha għal livell ta’ ħajja li jippermetti l-iżvilupp fiżiku, mentali, morali u soċjali, kif ukoll id-dritt tat-tfal għall-edukazzjoni. Id-dritt għall-edukazzjoni jissemma' wkoll fl-Artikolu 14 tad-Dokument tad-drittijiet fundamentali.

L-UE għandha għalhekk tiżgura wkoll li ma tkunx tollerata diskriminazzjoni fil-qasam ta’ l-aċċess għat-tagħlim u għal edukazzjoni ta' kwalità. Madankollu, s'issa hija biss id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali tal-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità, li timponi lill-Istati Membri l-obbligu li jipprojbixxu kull għamla ta’ diskriminazzjoni, diretta jew indiretta, fis-settur ta’ l-edukazzjoni.

Fil-fatt, dan ifisser li skond l-istat attwali tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità, il-minoranzi etniċi biss jibbenefikaw minn protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni fil-qasam tat-tagħlim, u mhux il-minoranzi reliġjużi u lingwistiċi. Ir-rapporteur għalhekk tqis li jkun opportun li jkunu adottati dispożizzjonijiet ġodda sabiex tiġġedded il-firxa ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni fil-qasam ta’ l-aċċess għall-edukazzjoni[23]. L-2007 hija s-Sena ta’ l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd. Ir-rapporteur tittama li l-Kummissjoni tibda taħdem fuq it-tfassil ta’ direttiva ġdida li l-ambitu tagħha jinkludi l-oqsma kollha li jissemmew fid-Direttiva dwar it-trattament ugwali irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità (l-Artikolu 3) u tagħmilhom applikabbli għall-motivazzjonijiet ta’ diskriminazzjoni indikati fl-Artikolu 13 tat-Trattat KE: is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew twemmin, id-diżabilità, l-età jew it-tendenzi sesswali.

It-tfal b’diżabbiltà għandhom ikunu waħda mill-prijoritajiet prinċipali tal-ħidmiet tal-ġejjieni ta’ l-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal. F'dan ir-rigward, tajjeb li jiġi enfasizzat li tfal b'diżabilità fil-fatt għandhom "abilitajiet differenti". Huwa għalhekk ta' importanza fundamentali li jiġu garantiti d-drittijiet tagħhom u li jingħataw għajnuna sabiex jiġi żgurat li huma jiżviluppaw b'mod sħiħ u jingħatalhom ir-rispett li jisħoqqlhom.

Barra minn hekk, Ir-rapporteur issossni li f’każijiet bħal dawn, b’mod partikolari għat-tfal Roma, għandhom ikunu previsti ħidmiet pożittivi għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni minħabba li jidher li dan huwa l-uniku mezz sabiex tinstab soluzzjoni għas-segregazzjoni li kultant ikunu suġġetti għaliha[24].

Għandha ssir promozzjoni kemm ta’ kampanji għall-infurzar ta’ l-edukazzjoni obbligatorja sabiex jingħeleb il-fenomenu tal-kapaċità dgħajfa fil-qari u l-kitba, kif ukoll ħidmiet speċifiċi sabiex jonqos l-livell tan-numru ta' tfal li jitilqu l-iskola qabel il-waqt.

Fl-istess ħin, jeħtieġ li ssir promozzjoni ta’ proġetti ta’ tilqim u ta’ għajnuna sanitarja adegwata min-naħa ta’ korpi mediċi għal trabi u tfal ta’ Roma, kategorija li tirreġistra riskju għoli ta’ mard.

Barra minn hekk, ikun opportun li jsiru sforzi mmirati lejn it-tfal li jgħixu fit-triq li dwarhom jeżisti tagħrif altru milli mhux komplut minkejja li s-sitwazzjoni tal-biki tagħhom tiġġustifika miżuri mmirati għalihom b'mod partikulari.

3. Id-drittijiet ta’ tfal migranti

Fil-komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tenfasizza l-fatt li “sfida oħra tikkonsisti f’li jkun żgurat li l-politiki u r-regolamenti ta’ l-UE jirrispettaw b’mod sħiħ id-drittijiet tat-tfal migranti, ta’ tfal, li jkunu qegħdin ifittxu ażil u ta’ tfal refuġjati”. Kulma tista' tagħmel ir-rapporteur hu li tħeġġeġ li din l-isfida tiġi milqugħa.

Fil-qasam ta' l-ażil, fix-xhur li ġejjin il-Kummissjoni għandha tressaq quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill strumenti ġodda sabiex tinħoloq sistema komuni ta’ ażil. Ir-rapporteur tigbed l-attenzjoni b'mod l-aktar dirett fuq il-fatt li l-kondizzjoni speċifika tat-tfal għandha titqies b’iktar serjetà f’rabta mal-miżuri kollha adottati f’kuntest bħal dan. Fil-fatt, għalkemm l-istrumenti disponibbli attwali jipprevedu diġà dispożizzjonijiet għall-ħarsien tat-tfal, dawn mhux dejjem ikunu adegwati u hemm problemi fl-applikazzjoni tagħhom. Għaldaqstant jeħtieġ pereżempju, li jiġi żgurat li l-uffiċjali inkarigati mit-trattament tal-każijiet differenti jingħatalhom taħriġ speċifiku, li t-tfal jingħataw widen f’kondizzjonijiet adattati għall-età tagħhom, fatt li għandu jiġi determinat bl-ikbar reqqa possibbli, u li jiġu identifikati alternattivi għad-detenzjoni, li ma sservix ħlief biex iżżid iktar trawmi ma' dawk li jkunu diġà għaddew minnhom it-tfal. Il-kunċett ta’ “fl-aħjar interess tat-tfal” għandu jiġi wkoll definit bir-reqqa u b’konsultazzjoni mill-qrib, b’mod partikolari, ma’ l-HCR (Kummissarjat Għoli tal-Ġnus Magħquda għar-Refuġjati), li żviluppa proċedura għad-determinazzjoni b’mod formali tal-kunċett ta’ l-aħjar interess, jew inkella l-“BID” (Determinazzjoni ta’ l-Aħjar Interessi)[25].

Dan il-kunċett huwa ta’ importanza partikolari fil-każ ta’ tfal mhux akkumpanjati, li fiha nnfisha tindika l-vulnerabiltà tal-kundizzjoni tagħhom. Għaldaqstant, jaqbel li jiġi żgurat li dawn ikunu mgħarrfa kif xieraq dwar id-drittijiet tagħhom u kif jistgħu jħarsuhom, filwaqt li jitqiegħdu f’kondizzjoni li jibbenefikaw f’qasir żmien mill-għajnuna ta’ rappreżentant legali.

Barra minn hekk, bosta tfal ma jiġux irreġistrati mat-twelid. Li wieħed ma jiġix irreġistrat ifisser li ma jkollux id-dritt għal identità, għal isem, għal nazzjonalità, għal edukazzjoni u għal kura sanitarja. L-inviżibiltà ta' tfal bħal dawn titlob li jittieħdu passi konkreti minħabba li tfal mhux reġistrati ma jgawdux minn stejtus legali personali, filwaqt li dan jagħmel diffiċli l-kontroll, il-prevenzjoni u l-intervent f’każ ta’ ksur tad-drittijiet tagħhom. It-tfal li ma jiġux reġistrati huma partikolarment vulnerabbli li jisfaw vittmi ta’ traffikar u sfruttament sesswali, ta’ skjavitù u ta’ tħaddim ta’ tfal.

IV. KONKLUŻJONI

L-oqsma msemmijin qabel, fejn id-drittijiet tat-tfal jitolbu li tingħatalhom attenzjoni partikolari, huma biss ftit mill-aspetti li jeħtieġ li jiġu kkunsidrati sabiex jintlaħaq l-għan ta’ integrazzjoni effettiva ġenwina. Problemi oħrajn, fosthom b’mod partikolari, il-kwistjoni ta’ edukazzjoni dwar nutriment, l-abbuż ta’ l-alkoħol u t-tixrid tad-droga li, skond l-istħarriġ li sar minn Save the Children, huma xi ftit mill-problemi l-kbar li t-tfal infushom jixtiequ li jingħelbu, jeħtieġ li jiġu ttakiljati b'miżuri prattiċi wkoll.

Hemm bosta vjolazzjonijiet oħrajn kontra d-drittijiet tat-tfal kif hemm ukoll bosta drittijiet tat-tfal li m'għandhomx protezzjoni kif jixraq. Bosta huma l-każijiet urġenti li huma relati mat-tfal, bħalma hi ż-żieda esponenzjali tal-każijiet ta’ serq internazzjonali ta’ tfal; il-kumplessità burokratika li tagħmel diffiċli l-adozzjonijiet internazzjonali; it-traġedja ta’ żwiġijiet sfurzati u l-għadd bla qies ta' tfal li jisparixxu għal dejjem, biex insemmu biss xi ftit minn dawn.

Kif indikat ir-rapporteur fl-introduzzjoni, l-oqsma ta’ prijorità ta’ l-istrateġija proposta mill-Kummissjoni se jkunu suġġetti għal diskussjonijiet fil-fond f’fażi ulterjuri, f’diversi fora, fosthom fil-Forum li ltaqa’ għall-ewwel darba f’Berlin.

Barra minn hekk, il-linji gwida ta' l-istrategija Ewropea tal-ġejjieni sabiex jingħata appoġġ lill-familji u jkun hemm rata tat-twelid aktar għolja jeħtieġ li jiġu evwalati b'mod serju, sabiex talanqas jiġu żgurat li jkun hemm l-garanziji meħtieġa li jirrigwardaw id-drittijiet tat-tfal żgħar.

  • [1]  Is-Sinjura Santos Pais, direttriċi taċ-ċentru ta’ riċerka Innocenti ta’ l-Unicef, enfasizzat dan il-fatt fid-diskors inawgurali matul is-seduta ta’ smigħ tas-17 ta' April : ''Jeħtieġ li tingħata attenzjoni speċifika u sistematika lit-tfal u l-importanza ta’ aspett la tista' titnaqqas, u lanqas ma tista’ tiġi ttraskurata fit-tfassil tal-politiki u fl-allokazzjoni tar-riżorsi tal-baġit''.
  • [2]  Is-Sinjura Taylor iddikkjarat dan li ġej: "Napprezzaw ħafna li kieku l-Unjoni Ewropea ssir parti kontraenti mill-Konvenzjonijiet f’rabta ma’ dan il-qasam, biex nirrinfurzaw b’dan il-mod il-koperazzjoni politika u prattika tagħna f’dan il-qasam u nipprovdu stimulu ulterjuri għar-ratifika tagħhom min-naħa ta’ l-Istati Membri''. It-test minn fejn ittieħed dan id-diskors jinsab fuq is-sit ta’ l-Internet li ġej:
    http://www.europarl.europa.eu/hearings/defa.ult_en.htm
  • [3]  L-Artikolu 9 tagħha jirreferi għal ksur bħala riżultat tal-pornografija tat-tfal.
  • [4]  Din il-Konvenzjoni, li għandha l-għan li tipproteġi "l-aħjar interessi" tat-tfal, tipprevedi miżuri proċedurali li jippermettu li t-tfal jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom, b’mod partikolari fil-proċeduri familjari (il-kustodja, id-dritt taż-żjara, l-għarfien tal-paternità, it-tutela) imressqa quddiem awtorità ġudizzjarja.
  • [5]  Qiegħda ssir reviżjoni tal-Konvenzjoni li tqis il-bidliet ġuridiċi u soċjali b’mod partikolari dwar il-konsultazzjoni mat-tfal adottati fejn ikun possibbli, l-età minima ta’ min jadotta kif ukoll id-dritt tal-persuni li jkunu jafu l-identità u l-oriġni tagħhom. Il-Konvenzjoni riveduta se titressaq quddiem il-Kumitat tal-Ministri fl-2007
  • [6]  Attwalment din il-Konvenzjoni qiegħda fil-fażi ta' adozzjoni u l-possibiltà ta’ adeżjoni tal-Komunità u/jew ta’ l-Unjoni qiegħda tiġi evalwata mill-Kunsill
  • [7]  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rispett tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fil-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni. Metodoloġija għal kontroll sistematiku u rigoruż, COM(2005)172 finali tas-27.4.2005
  • [8]  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Marzu 2007 dwar ir-rispett tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fil-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni: metodoloġija għal kontroll sistematiku u rigoruż (2005/2169(INI))
  • [9]  F’rabta ma’ dan, ara r-rapport tas-sintesi tal-firxa ta’ esperti indipendenti fil-qasam tad-drittijiet fundamentali ta’ l-2005, p. 17 ff.
  • [10]  Artikolu 12 tal-Konvenzjoni dwar id-drittijiet tat-tfal.
  • [11]  Il-Parlament Ewropew kien diġà semma l-ħatra ta’ rappreżentant ta’ livell għoli responsabbli mill-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal. Ara b’mod partikulari r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-traffikar tat-tfal u tat-tfal suldati (B-5-0320/2003) adottata fit-3 ta' Lulju 2003.
  • [12]  Minn Jannar 2006, il-Kunsill ta’ l-Ewropa waqqaf unità ta' koordinazzjoni responsabbli mill-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal u tal-protezzjoni tat-tfal kontra l-vjolenza www.coe.int/children Dwar dan il-punt, irreferi b’mod partikolari għall-fuljett ippubblikat mill-Euronet "Children Rights in the EU", paġ.
  • [13]  Komunikazzjoni msemmija hawn fuq, p. 13.
  • [14]  Artikolu 4, paragrafu 1, b) tar-Regolament (KE) Nru 168/2007 tal-Kunsill tal-15 ta' Frar 2007 dwar it-twaqqif ta' Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea.
  • [15]  Irreferi għad-diskors tas-Sinjura Santos Pais matul is-seduta ta’ smigħ tas-17 ta' April 2007 http://www.europarl.europa.eu/hearings/default_en.htm
  • [16]  Artikolu 5, paragrafu 1, tar-Regolament (KE) Nru 168/2007 tal-Kunsill tal-15 ta' Frar 2007 dwar it-twaqqif ta' Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea.
  • [17]  Dan il-programm għandu l-għan illi jgħin lil min jipprattika l-ġustizzja, lill-aġenti tas-servizzi ta' repressjoni u lir-rappreżentanti tas-servizzi inkarigati mill-assistenza lill-vittmi ta' l-Istati Membri ta' l-UE u tal-pajjiżi kandidati sabiex iwaqqfu netwerks Ewropej, kif ukoll sabiex jiskambjaw informazzjoni u prattika tajba.
  • [18]  Pjan ta' l-UE rigward l-aħjar prattika, regoli u prċeduri sabiex jiġi pprevenut u miġġieled it-traffikar tal-bnedmin, ĠU C 311 tad-09.12.2005.
  • [19]  ĠU L 203, ta' l-1.08.2002
  • [20]  ĠU L 138, tad-9.06.2000
  • [21]  ĠU L 13, ta' l-20.01.2004, p.44
  • [22]  U dwar dan il-Kummissarju Frattini ħabbar li l-jum tas-17 ta' Ottubru għandu jsir il-jum dedikat għal dan il-fenomenu.
  • [23]  Dwar dan il-punt, irreferi għar-rapport tematiku Nru.4 tan-Netwerk ta' Esperti tad-drittijiet fundamentali tal-25 ta' Mejju 2005, p.45.
  • [24]  Għal eżempji ta' prattika tajba f'dan il-qasam, ara r-rapport msemmi hawn fuq, p.46 ff.
  • [25]  Id-determinazzjoni formali ta’ l-aħjar interessi (BID) hija proċess formali li jiġbor fih proċeduri speċifiċi ta’ sikurezza u rekwiżiti ta’ dokumentazzjonijiet għal xi tfal li jaqgħu fi ħdan il-kompetenza ta’ l-HCR. Huma każijiet deċiżivi li għandhom jevalwaw u jibbilanċjaw il-fatturi rilevanti kollha marbutin ma’ każ speċifiku u li għandhom jagħtu importanza xierqa lid-drittijiet u lill-obbligi kkonfermati fil-Konvenzjomni għad-drittijiet tat-tfal u fi strumenti oħrajn tad-drittijiet tal-bniedem; bl-għan li jintlaħaq ftehim dwar l-adozzjoni ta’ deċiżjoni kompluta li tħares bl-aħjar mod id-drittijiet tat-tfal.

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦAD-DRITTIJIET TAN-NISA U L-UGWALJANZA BEJN IS-SESSI (*) (12.9.2007)

għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

Lejn Strateġija ta' l-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal
(2007/2093(INI))

Rapporteur għal opinjoni (*): Marie Panayotopoulos-Cassiotou(*)Proċedura b' kumitati assoċjati - Artikolu 47 tar-Regoli ta' Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni li se jadotta:

A.  billi l-ambjent tal-familja jikkostitwixxi qafas propizju għall-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal, u jiżgura l-iżvilupp tajjeb tal-personalitajiet tagħhom, l-iżvilupp tal-ħiliet tagħhom u jippermettilhom li jiskbu t-tagħrif neċessarju biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u sabiex ikunu konxji tad-dmirijiet tagħhom, u, għalhekk, għandu jsir kull sforz biex ikunu appoġġjati l-familji permezz ta' politiki pubbliċi xierqa, iżda, billi fin-nuqqas ta' qafas bħal dan, it-tfal kollha inklużi l-orfni, it-tfal bla dar u r-rifuġjati, b'konformità mal-Konvenzjoni għad-Drittijiet tat-Tfal tan-Nazzjonijiet Uniti (UNCRC) ta' l-20 ta' Novembru 1989, għandu jkollhom aċċess għal qafas sostituttiv ta' ħarsien li jippermettilhom li jikbru mingħajr l-ebda tip ta' diskriminazzjoni kontrihom,

B.   billi l-istrateġija ta' l-UE dwar id-drittijiet tat-tfal għandha tkun ibbażata fuq il-valuri u l-prinċipji stipulati fil-UNCRC,

C.  billi l-kunflitti mtawlin bejn ġenituri separati għandhom effetti negattivi fuq it-tfal,

D.  billi d-drittijiet tat-tfal bħala persuni legali awtonomi għandhom ikunu rikonoxxuti, u, minkejja l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali, il-bniet u n-nisa huma ta' sikwit vittmi ta' nuqqas ta' ugwaljanza legali, soċjali u ekonomika, li jaffettwa l-eżerċizzju tad-drittijiet pożittivi u fundamentali tagħhom bħall-aċċess għall-edukazzjoni, it-taħriġ u l-kura tas-saħħa, ikel sikur u ilma nadif u d-drittijiet riproduttivi għall-adoloxxenti,

E.   billi d-drittijiet u l-valuri fundamentali, inkluża l-ugwaljanza bejn is-sessi, għandhom ikunu element essenzjali fl-edukazzjoni matul it-tfulija u għandhom jifformaw il-bażi ta' kull stadju ieħor tal-ħajja,

F.   billi l-integrazzjoni sistematika tas-sessi għandha tkun applikata għall-politiki kollha li jaffettwaw lit-tfal, peress li l-ugwaljanza bejn is-sessi tibda mir-rikonoxximent ta' drittijiet indaqs ta' tfal subien u bniet sa mill-ewwel snin tal-ħajja,

G.  billi l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem kontra n-nisa u l-bniet immigranti fil-forma ta' l-hekk imsejħa reati ta' l-unur, żwiġijiet sfurzati, mutilazzjoni ġenitali, jew ksur ieħor ma jista' jkun iġġustifikat bl-ebda raġuni kulturali jew reliġjuża u m'għandu jkun ittollerat fl-ebda ċirkostanza,

H.  billi t-tfal fl-Ewropa huma esposti minn età żgħira għal xeni ta' orrur, pornografija u vjolenza fil-midja, u billi dawn jista' jkollhom effetti psikoloġiċi u soċjali devastanti fuq it-tfal, bħall-ansjetà, id-dipressjoni, iktar aggressività u problemi fl-iskola,

1.   Jisħaq li l-ewwel responsabilità biex ikunu żgurati d-drittijiet tat-tfal hija f'idejn il-gvernijiet nazzjonali; jenfasizza li d-drittijiet tat-tfal jifformaw parti mid-drittijiet tal-bniedem li l-UE u l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jirrispettaw skond il-liġi nazzjonali, Ewropea u internazzjonali;

2.   Jirrimarka li l-istrateġija dwar it-tfal għandha tkun ibbażata fuq il-valuri u l-erba' prinċipji bażiċi mħaddna fil-UNCRC: a) il-protezzjoni kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni, b) l-aħjar interessi tat-tfal bħala kunsiderazzjoni primarja, c) id-dritt għall-ħajja u għall-iżvilupp, d) id-dritt li jesprimu opinjoni u li dik l-opinjoni tiġi meqjusa, fi kwalunkwe kwistjoni jew proċedura li taffettwa lit-tifel/tifla;

3.   Jenfasizza li l-istrateġija tal-futur għandha tirrikonoxxi d-dritt għall-edukazzjoni fuq il-bażi ta' opportunitajiet indaqs u tan-non-diskriminazzjoni;

4.   Jinnota li l-fatt li l-bniet ma jitħallewx jieħdu sehem fit-tagħlim fl-iskola, u fi sports bħall-għawm minħabba raġunijiet kulturali, mhu ġġustifikat mill-ebda kultura jew reliġjon u m'għandux ikun ittollerat;

5.   Hu mħasseb dwar il-ħafna ksur tad-drittijiet li jaffettwaw lill-bniet ta' oriġini migranti; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex ma jippermettux l-imkatar tar-ras u l-ħiġab għallinqas fl-iskola primarja, sabiex jistabbilixxu b'mod iktar sod id-dritt għat-tfulija u biex tkun żgurata libertà ġenwina u mhux sfurzata ta' l-għażla f'età iktar kbira;

6.   Ifakkar fid-drittijiet tat-tfal għas-saħħa u, b'mod partikulari, id-drittijiet ta' l-adoloxxenti għas-saħħa sesswali u riproduttiva, u jisħaq li l-ħarsien tas-saħħa ta' l-ommijiet għandu jkun parti integrali mill-istrateġija futura dwar id-drittijiet tat-tfal, li għandha tippromwovi kundizzjonijiet ta' l-għajxien u tax-xogħol adattati għal nisa tqal jew li qed ireddgħu u tinsisti fuq konformità mal-leġiżlazzjoni eżistenti għall-ħarsien tad-drittijiet ta' l-impjegati nisa, kif ukoll fuq l-aċċess ugwali u universali għan-nisa kollha għal servizzi tal-kura tas-saħħa pubbliċi ta' kwalità qabel u wara l-ħlas sabiex tonqos il-mortalità ta' l-ommijiet u tat-tfal kif ukoll it-trażmissjoni ta' mard mill-omm lit-tarbija; jisħaq fuq l-importanza vitali li għandu l-liv tal-maternità għall-iżvilupp tat-tfal, partikularment minħabba r-rabta tat-tarbija ma' ommha mhux biss matul l-ewwel xhur wara t-twelid imma wkoll matul l-ewwel snin tal-ħajja tagħha;

7.   Ifakkar li d-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 t'Ottobru 1992 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu[1] tistipula drittijiet marbuta mal-kuntratt ta' l-impjieg għal nisa tqal jew li qed ireddgħu, li jobbligaw lil min iħaddem biex jieħu l-passi xierqa kollha biex jiżgura li la n-nisa u lanqas it-tarbija fil-ġuf ma jkunu esposti għal riskju għal saħħithom fuq il-post tax-xogħol;

8.   Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-bniet għall-informazzjoni u għall-edukazzjoni dwar is-saħħa riproduttiva u dwar is-servizzi tas-saħħa riproduttiva;

9.   Jirrimarka li l-istrateġija futura ta' l-UE għandha tirrikonoxxi l-irwol importanti tal-familja bħala l-istituzzjoni bażika fis-soċjetà għas-sopravivenza, l-ħarsien u l-iżvilupp tat-tifel/tifla; huwa tal-fehma li d-drittijiet tat-tfal għandhom jitqiesu bis-sħiħ fi kwistjonijiet rigward il-konċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol u tal-familja u l-ħin tax-xogħol, b'enfasi partikulari fuq iċ-ċirkustanzi ta' ommijiet b'diżabilità u ommijiet ta' tfal b'diżabilità, kif ukoll fil-formulazzjoni ta' politiki għall-appoġġ publiku u/jew privat tat-tfal u l-ġenituri tagħhom, sabiex iż-żewġ ġenituri jkunu jistgħu jieħdu u jaqsmu r-responsabilità għat-trobbija u l-kura tat-tfal tagħhom; huwa tal-fehma li għandu jingħata rikonoxximent għall-fatt li numru dejjem jikber ta' nies issa jgħix fi strutturi ta' familja alternattivi li ma jikkorrispondux għall-familja nukleari tradizzjonali, li tikkonsisti f'omm u missier u t-tfal bijoloġiċi tagħhom;

10. Jirrakkomanda l-ħolqien u l-espansjoni ta' netwerks lokali u reġjonali, bl-involviment ta' awtoritajiet ċentrali u lokali, organizzazzjonijiet mhux governattivi u organizzazzjonijiet għall-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal, bl-għan li jiġu pprovduti servizzi ta' prevenzjoni, protezzjoni u ta' appoġġ għat-tfal u l-familji tagħhom;

11. Huwa favur il-ħolqien ta' strutturi xierqa fl-Istati Membri biex jgħinu lit-tfal u lill-ġenituri jadattaw għal ċirkustanzi tal-familja mibdula;

12. Jikkundanna l-forom kollha ta' vjolenza kontra t-tfal inkluża vjolenza fiżika, psikoloġika u sesswali, bħat-tortura, l-abbuż u l-isfruttament tat-tfal, il-ħtif tat-tfal, it-traffikar jew il-bejgħ tat-tfal u l-organi tagħhom, il-vjolenza domestika, il-pornografija bit-tfal, il-prostituzzjoni tat-tfal, il-pedofilija, jew prattiki tradizzjonali li jagħmlu l-ħsara bħall-mutilazzjoni ġenitali femminili, żwiġijiet sfurzati u delitti ta' l-unur;

13. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri leġiżlattivi u oħrajn effettivi, inkluż il-ġbir ta' dejta mqassma skond l-età u s-sess sabiex tkun evitata u eliminata kull tip ta' vjolenza mwettqa ġewwa t-territorji tagħhom, kemm fl-isfera pubblika kif ukoll dik privata;

14. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iżidu l-kuxjenza fost it-tobba dwar prattiki tradizzjonali li jagħmlu l-ħsara u biex jiżguraw li r-reati jkunu kkastigati konsistentement skond il-leġiżlazzjoni fis-seħħ billi tingħata attenzjoni partikulari lill-gruppi vulnerabbli li jinkludu bniet u nisa immigranti, dawk minn minoranzi etniċi u bniet b'diżabilità;

15. Jistieden lill-Istati Membri biex jew jimplimentaw dispożizzjonijiet legali speċifiċi dwar il-mutilazzjoni ġenitali femminili jew jadottaw liġijiet li skondhom kull persuna li tagħmel il-multilazzjoni ġenitali tista' tkun imħarrka;

16. Jistieden lill-Istati Membri biex jintroduċu r-reġistrazzjoni obbligatorja mill-ħaddiema tal-kura tas-saħħa tal-każijiet kollha ta' mutilazzjoni ġenitali femminili, u wkoll biex jirreġistraw każijiet fejn ikun hemm suspett li tista' ssir mutilazzjoni ġenitali;

17. Jitlob lill-Istati Membri biex jitkellmu kontra l-vjolenza fuq in-nisa bbażata fuq it-tradizzjoni, biex jikkundannaw il-vjolazzjoni tad-drittijiet umani tal-bniet immigranti li jkun ġej mill-familja, u biex jiċċekkjaw liema liġijiet jistgħu jiġu applikati biex il-membri tal-familja jinżammu responsabbli, speċjalment fil-każ ta' l-hekk imsejħa reati ta' l-unur;

18. Isostni li, jekk il-vjolenza u l-abbuż tat-tfal għandu jkun djanjostikat u kkonfrontat f'fażi bikrija, irid ikun introdott protokoll proċedurali speċifiku għar-reġistrazzjoni u t-trattament ta' inċidenti bħal dawn, flimkien ma' miżuri ta' taħriġ għall-istaff mediku u tal-kura tas-saħħa responsabbli minn kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mas-saħħa fiżika u mentali tat-tfal;

19. Ifakkar li t-tfal u ż-żgħażagħ, mingħar distinzjoni ta' età, għandhom id-dritt li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom; iqis li l-bniet u s-subien l-istess huma intitolati li jgħidu tagħhom u li dak id-dritt għandu jkun iggarantit fix-xogħol li jsir għall-iżvilupp ta' strateġija ta' l-UE għad-drittijiet tat-tfal, u li parteċipazzjoni indaqs tal-bniet u s-subien għandha tkun żgurata;

20. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jistabbilixxu qafas leġiżlattiv biex jippenalizza lil dawk involuti fit-turiżmu għas-sess mat-tfal u jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ewropea biex jesploraw il-possibilità li jadottaw strateġija miftehma ta' l-UE kontra t-turiżmu għas-sess mat-tfal u biex jiffirmaw u jippromwovu kodiċi ta' kondotta fl-industrija tal-lukandi u t-turiżmu, bħal pereżempju l-Kodiċi ta' Kondotta għall-Ħarsien tat-Tfal mill-Isfruttament Sesswali fl-Ivvjaġġar u t-Turiżmu ta' l-ECPAT[2] tal-21 t'April 2004;

21. Jenfasizza l-fatt li l-parti l-kbira tal-vittmi tfal tat-traffikar għal raġunijiet ta' sfruttament sesswali kummerċjali bħall-prostituzzjoni u l-produzzjoni tal-pornografija bit-tfal, kif ukoll fil-każ taż-żwiġijiet sfurzati, huma tfajliet, u bħala konsegwenza dan jagħmel mit-traffikar tal-persuni kwistjoni ta' ġeneru ta' importanza kbira; jenfasizza, barra minn hekk, li anke fi ħdan gruppi involuti fi sforzi biex it-traffikar tal-persuni jiġi kkontrollat u mwaqqaf, għadhom preżenti attitudnijiet konvenzjonali dwar ir-relazzjoni bejn is-sessi u perċezzjonijiet tradizzjonali dwar l-irwoli tan-nisa u l-bniet;

22. Jistieden lill-Istati Membri kollha li għadhom m'għamlux dan biex jirratifikaw il-Protokoll għall-Prevenzjoni, Soppressjoni u Punizzjoni tat-Traffikar ta' Persuni, Speċjalment ta' Nisa u Tfal adottat min-NU f'Palermo fl-2000 u biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jipprovdu ħarsien għall-vittmi tfal tat-traffikar tal-persuni, fost affarijiet oħra billi jippermettu lill-vittmi tat-traffikar biex jibqgħu fit-territorji tagħhom fuq bażi temporanja jew permanenti;

23. Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproċedi immedjatament b'evalwazzjoni tal-miżuri nazzjonali ta' implimentazzjoni rigward id-Deċiżjoni ta' Qafas tal-Kunsill 2004/68/JHA tat-22 ta' Diċembru 2003 dwar il-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal[3] bil-għan li ssir proposta biex ikunu emendati immedjatament dispożizzjonijiet nazzjonali li huma kuntrarji għal dik id-Deċiżjoni, u r-ratifika mill-Istati Membri kollha tal-Protokoll Fakultativ għall-Konvenzjoni għad-Drittijiet tat-Tfal dwar il-bejgħ tat-tfal, il-prostituzzjoni tat-tfal u l-pornografija bit-tfal adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-25 ta' Mejju 2000; iqis li waħda mill-prijoritajiet bażiċi tal-Kummissjoni għandha tkun li ssaħħaħ l-operazzjonijiet transkonfinali kontra s-siti fl-Internet ta' pornografija bit-tfal u li ttejjeb il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-korpi tas-settur privat bl-għan li jkun hemm impenn biex jitwaqqfu s-siti illegali;

24. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jużaw il-mezzi kollha disponibbli, inklużi kampanji ta' informazzjoni u prevenzjoni, biex jiġġieldu l-użu b'mod pervers tat-teknoloġiji ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni għall-għanijiet tat-traffikar tat-tfal u l-pornografija bit-tfal, u jfakkar li dak kollu li hu reat huwa wkoll reat fuq l-Internet;

25. Jistieden lill-Istati Membri biex jeżaminaw kif jistgħu jħarsu aħjar liż-żgħażagħ mill-vjolenza fil-midja u jekk il-penali għan-nuqqas li jiżguraw dan il-ħarsien għandhomx ikunu aktar stretti;

26. Jenfasizza li l-istrateġija futura u l-azzjonijiet ta' l-Istati Membri għandhom jinkludu miżuri biex jevitaw u jikkumbattu l-vjolenza mwettqa mit-tfal, b'mod partikulari fl-iskejjel, u bnadi oħra, billi jużaw kampanji ta' edukazzjoni ċivika, jippromwovu u jgħallmu prinċipji etiċi u morali fl-iskejjel u joħolqu kuxjenza xierqa fost il-ġenituri, l-edukaturi u l-istaff mediku dwar din il-kwistjoni;

27. Jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu enfasi akbar fuq ir-responsabilità tal-midja u tal-fornituri tas-servizzi ta' l-Internet fil-ġlieda kontra kull forma ta' vjolenza kontra t-tfal taż-żewġ sessi, b'mod partikulari billi jiġġieldu t-tixrid online tal-pornografija bit-tfal u jidentifikaw u jikkriminalizzaw lil dawk li jikkunsmaw materjal bħal dan, u wkoll billi jippromwovu kontenut tal-midja li jirrispetta d-drittijiet u d-dinjità tat-tfal;

28. Ifakkar lill-Istati Membri dwar il-bżonn li jikkonformaw immedjatament ma' l-impenji Ewropej u internazzjonali tagħhom rigward il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal;

29. Jirrakkomanda li l-istrateġija futura għandha tagħti importanza partikulari lill-kura medika, psikoloġika u soċjali tat-tfal li huma vittmi ta' negliġenza, abbuż, trattament ħażin, sfruttament u vjolenza diretta jew indiretta, b'mod li jqis l-aħjar interess tat-tifel/tifla u d-dimensjoni tal-ġeneru; ifakkar li l-impatt tal-vjolenza indiretta fuq il-benesseri tat-tfal u l-prevenzjoni ta' tali vjolenza għandu jkun inkluż fix-xogħol tal-Kummissjoni; jenfasizza li dawn il-kwistjonijiet huma ta' spiss marbuta mal-faqar u l-esklużjoni soċjali fost il-familji, u li politiki soċjali ġodda b'enfasi akbar fuq is-solidarjetà huma meħtieġa jekk dawn il-problemi se jkunu ffaċjati;

30. Jitlob li l-istrateġija futura tinkludi miżuri għall-prevenzjoni ta' vjolenza bbażata fuq il-ġeneru li jiffukaw fuq, fost affarijiet oħra, kampanji biex titqajjem kuxjenza dwar l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, li jkunu mmirati lejn bniet u subien, ġenituri, edukaturi u komunitajiet vulnerabbli, u jkollhom l-għan ta' l-emanċipazzjoni tal-bniet, li jiggarantixxu l-opportunitajiet indaqs tagħhom u jtejbu d-difiża tad-drittijiet tagħhom; jistieden li ssir promozzjoni tal-parteċipazzjoni attiva tas-subien u l-irġiel fil-miżuri preventivi msemmija hawn fuq; jistieden lill-Kummissjoni biex tqiegħed bħala kundizzjoni għall-politika ta' għajnuna għall-iżvilupp u l-ftehimiet kummerċjali tagħha l-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni li tiggarantixxi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u l-abolizzjoni ta' kull tip ta' vjolenza kontra n-nisa u t-tfal;

31. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jippromwovu, kemm ġewwa u kemm barra l-Unjoni, l-aċċess indaqs għat-tfal taż-żewġ ġeneri għall-kura tas-saħħa, b'enfasi partikulari fuq tfal żvantaġġjati u dawk minn minoranzi etniċi u soċjali;

32. Jistieden lill-Kummissjoni, fir-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi, biex tinkoraġġixxi r-ratifika tat-trattati internazzjonali għat-tmiem tad-diskriminazzjoni kontra n-nisa u biex tippromwovi l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja ekonomika, soċjali u politika, u b'hekk itejbu l-benesseri tat-tfal tagħhom;

33. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jagħtu prijorità lill-inklużjoni fil-kurrikuli edukattivi ta' materjal li għandu x'jaqsam mad-drittijiet tal-bniedem u l-valuri komuni li huma l-pedament ta' ċittadinanza demokratika;

34. Jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi dejta mqassma skond is-sess u l-età dwar kull tip ta' diskriminazzjoni u vjolenza kontra t-tfal, biex tintegra l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fil-politiki u l-istrumenti kollha ta' l-istrateġija futura tagħha, inklużi l-attivitajiet tal-Forum dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u biex issegwi u tevalwa dawn il-politiki, fost oħrajn permezz ta' bbaġitjar skond is-sessi (gender budgeting);

35. Jitlob lill-Kummissjoni biex tħejji rapport annwali dwar iż-żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea;

36. Ifakkar li s-suċċess ta' l-istrateġija futura jirrikjedi impenn u azzjoni fuq tul ta' żmien, iktar monitoraġġ li jkun effettiv ta' l-implimentazzjoni tad-drittijiet tat-tfal permezz ta' l-iżvilupp ta' indikaturi u l-involviment ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi u ta' assoċjazzjonijiet tal-ġenituri u edukattivi, u koordinazzjoni ma' inizjattivi u politiki nazzjonali u internazzjonali dwar id-drittijiet tat-tfal;

37. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu kull miżura meħtieġa biex jiżguraw il-kwalità tal-faċilitajiet tagħhom għall-kura tat-tfal, minħabba li dawn il-faċilitajiet jipprovdu lit-tfal b'pedament b'saħħtu għall-futur tagħhom, waqt li jkunu wkoll ta' benefiċċju għall-ġenituri, b'mod partikulari fir-rigward tal-piż tax-xogħol ta' l-ommijiet - dan konsegwentement jikkontribwixxi għal tnaqqis fil-faqar fost in-nisa u sussegwentement fost it-tfal;

38. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jiġġieldu l-ħsara lin-nisa u t-tfal marbuta ma' l-alkoħol , billi:

a)   jipprovdu informazzjoni aħjar għan-nisa dwar il-mard mill-alkoħol fil-fetu,

b)   jipprovdu servizzi xierqa ta' saħħa u pariri għan-nisa bi problemi ta' alkoħol matul u wara t-tqala kif ukoll għal nisa u tfal f'familji bi problemi ta' alkoħol u ta' abbuż ta' drogi,

c)    jintroduċu regolamenti iktar qawwija dwar ir-riklamar dwar ix-xorb alkoħoliku u l-isponsorjar ta' avvenimenti sportivi mill-industrija ta' l-alkoħol, fil-forma ta' projbizzjonijiet ta' reklamar bejn is-6 a.m. u d-9 p.m., u billi jipprojbixxu r-riklamar ta' l-alkoħol ma' kontenut indirizzat lejn it-tfal (logħob tal-kompjuter, komiks), biex ma tkunx ikkomunikata xbiha pożittiva ta' l-alkoħol lit-tfal, u

d)   jipprojbixxu x-xorb alkoħoliku li d-dehra tiegħu ftit li xejn tkun differenti minn dik tal-ħelu jew tal-ġugarelli, ladarba t-tfal ma jafux jiddistingwu bejn xorb alkoħoliku u xorb mhux alkoħoliku.

PROĊEDURA

Titolu

Lejn Strateġija ta' l-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal

Numru tal-proċedura

2007/2093(INI)

Kumitat responsabbli

LIBE

Opinjoni mogħtija minn
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

FEMM

26.4.2007

Koperazzjoni aktar mill-qrib - data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

26.4.2007

Rapporteur għal opinjoni
  Data tal-ħatra

Marie Panayotopoulos-Cassiotou

20.12.2006

Rapporteur għal opinjoni preċedenti

 

Eżami fil-kumitat

2.5.2007

4.6.2007

25.6.2007

 

 

Data ta' l-adozzjoni

11.9.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Edit Bauer, Emine Bozkurt, Hiltrud Breyer, Edite Estrela, Ilda Figueiredo, Věra Flasarová, Lissy Gröner, Zita Gurmai, Lívia Járóka, Urszula Krupa, Marie Panayotopoulos-Cassiotou, Zita Pleštinská, Karin Resetarits, Teresa Riera Madurell, Raül Romeva i Rueda, Amalia Sartori, Eva-Britt Svensson, Anne Van Lancker, Anna Záborská

 

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Gabriela Creţu, Donata Gottardi, Anna Hedh, Christa Klaß, Marusya Ivanova Lyubcheva, Maria Petre, Zuzana Roithová

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178 (2)) preżenti għall-votazzjoni finali

José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra

Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss)

...

  • [1]  ĠU L 348, 28.11.1992, p.1.
  • [2]  ECPAT huwa netwerk internazzjonali ta' appoġġ għat-tmiem tal-prostituzzjoni tat-tfal, il-pornografija bit-tfal u t-traffikar tat-tfal għal skopijiet sesswali.
  • [3]  ĠU L 13, 20.1.2004, p. 44.

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN (19.7.2007)

għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

Lejn strateġija ta' l-UE dwar id-drittijiet tat-tfal
(2007/2093(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Irena Belohorská

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni li se jadotta:

1.      Jisħaq dwar il-ħtieġa li tingħata prominenza akbar lill-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal fid-djalogi politiċi ta' l-UE, fid-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem u fil-konsultazzjoniet ma' pajjiżi terzi, u fl-azzjonijiet ta' l-UE u ta' l-Istati Membri fi ħdan il-qafas tad-drittijiet tal-bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti;

2.      Jistieden lill-Kummissjoni biex tintegra d-drittijiet tat-tfal meta tabozza azzjonijiet tal-KE leġizlattivi u dawk mhux leġiżlattivi kemm fil-politiki interni kif ukoll f'dawk esterni ta' l-UE u, b'mod partikulari, sabiex tippromwovi proġetti esterni u azzjonijiet li jikkumbattu t-traffikar tat-tfal u l-vjolenza u l-abbuż sesswali fuq it-tfal, sabiex telimina t-tħaddim tat-tfal u l-użu ta' tfal f'konflitti armati, u għal azzjonijiet li jikkumbattu l-faqar fost it-tfal u biex tippromwovi aċċess universali għal edukazzjoni u servizzi bażiċi tas-saħħa;

3.      Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-Ġermanja għal linjigwida ġodda ta' l-UE dwar il-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal; jenfasizza l-importanza ta' koordinament fil-linjigwida li l-Kunsill se joħroġ fil-ġejjieni u fl-Istrateġija proposta mill-Kummissjoni, u jinkuraġġixxi liż-żewġ istituzzjonijiet sabiex jadottaw approċċ kumplimentari fil-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal;

Reġistrazzjoni tat-twelid

4.      Jirrikonoxxi d-dritt ta' kull tifel u tifla li jiġu rreġistrati mat-twelid tagħhom bħala rikonoxximent legali ta' l-eżistenza tagħhom u d-dritt tagħhom li jkollhom nazzjonalità u identità, irrispettivament mis-sess jew l-oriġini etnika tagħhom, jew tan-nazzjonalità tal-ġenituri tagħhom, jew l-istatus tagħom ta' refuġjati, ta' immigranti jew ta' persuni li qed ifittxu ażil;

5.      Jirrikonoxxi li ċ-ċertifikati tat-twelid jgħinu biex jipproteġu t-tfal kontra ksur tad-drittijiet li joriġina minn dubji dwar l-età tiegħu/tagħha jew dwar l-identità tagħhom; iqis li sistemi ta' reġistrazzjoni tat-twelid effiċjenti jfixklu t-traffikar tat-tfal u l-organi tagħhom, jikkontollaw l-adozzjoni illegali u jevitaw li l-età tat-tfal tkun meqjusa bħala ogħla milli fil-fatt tkun għall-iskopijiet ta' żwieġ minn kmieni, reklutaġġ militari taħt l-età, sfruttament sesswali, tħaddim tat-tfal[1] u t-trattament ġudizzjarju ta' minuri bħala adulti;

6.      Jenfasizza l-fatt li l-"inviżibilità" ta' tfal mhux reġistrati żżid il-vulnerabilità tagħhom u l-possibilità li l-ksur tad-drittijiet tagħhom jgħaddi mingħajr ma jkun innutat;

7.      Jiddeplora l-fatt li f'xi pajjiżi teżisti diskriminazzjoni tas-sess meta jkun reġistrat it-twelid, b'liġijiet u bi prattiċi li joperaw b'mod kuntrarju għall-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, u li jinkludu r-rifjut ta' reġistrazzjoni ta' ommijiet waħedhom, ir-rifjut li jiktbu n-nazzjonalità ta' l-omm u diskriminazzjoni fir-reġistrazzjoni ta' bniet mingħajr tagħlim edukattiv meta l-aċċess għar-reġistrazzjoni jkun ibbażat fuq is-sistema edukattiva;

8.      Jistieden lill-Kummissjoni u lill-organizzazzjonijiet għad-drittijiet tat-tfal, kif ukoll organizzazzjonijiet għal għajnuna umanitarja, biex jingħaqdu flimkien biex iżidu l-għarfien dwar il-bżonn tar-reġistrazzjoni tat-twelid f'pajjiżi terzi; jinnota li n-nuqqas ta' ċertifikat tat-twelid jista' jostakola lit-tfal milli jiksbu rikonoxximent ta' drittijiet possibbli ta' wirt u milli jakkwistaw aċċess għall- edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-assistenza materjali mill-istat; jitlob li jkunu promossi miżuri li jiżguraw li dawn is-servizzi jkunu pprovduti b'mod universali sakemm titlesta ir-reġistrazzjoni uffiċjali;

9.      Jistieden lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ lill-istati biex jistabbilixxu sistemi ta' reġistrazzjoni permanenti li joperaw mil-livell nazzjonali għal dak tal-villaġġ, disponibbli mingħajr ħlas għall-popolazzjoni sħiħa anke dawk in-nies li jgħixu f'inħawi remoti, permezz tal-provvediment jew, inter alia unitajiet mobbli ta' reġistrazzjoni fejn hu xieraq, taħriġ adegwat għar-reġistraturi ċivili u l-allokazzjoni ta' riżorsi suffiċjenti biex jiffinanzjaw dawn l-inizjattivi;

10.   Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq riċerka u tiġbor data speċifika dwar is-sess u l-età sabiex tippermetti li jsir immonitorjar;

11.    Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-Komunità u lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw il-koordinazzjoni effettiva ta' politiki li jinkoraġġixxu r-reġistrazzjoni tat-twelid, b'mod partikulari bil-parteċipazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti u l-aġenziji dipendenti, bil-għan li jkun hemm ftehima dwar aġenda komuni li trawwem reazzjoni effettiva mad-dinja kollha;

Tfal f'konflitti armati

12.    Jisħaq dwar il-bżonn kruċjali li jiġu implimentati Linjigwida ta' l-UE dwar Tfal f'Konflitti Armati;

13.    Jistieden lill-Istati kollha li għadhom m'għamlux dan biex jirratifikaw bħala fatt ta' urġenza l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Protokolli Fakultattivi tagħha;

14.    Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet Komunitarji u lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu l-adozzjoni ta' miżuri biex jevitaw il-parteċipazzjoni ta' tfal f'konflitti armati, u jistieden lill-organizzazzjonijiet għad-drittijiet tat-tfal u l-għajnuna umanintarja biex iniedu kampanja ta' informazzjoni dwar id-drittijiet tat-tfal u jgħinuhom jirritornaw għall-edukazzjoni jew li jibqgħu fiha; jinnota li l-kawżi ewlenin tar-reklutaġġ ta' tfal fi gruppi armati, kemm jekk sfurzati kemm jekk le, jinsabu b'mod prinċipali fin-nuqqas ta' mod alternattiv ta' sopravivenza, u għalhekk iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu miżuri biex itejbu l-kundizzjonijiet ta' għajxien tal-popolazzjoni ta' tfal;

15.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jadottaw l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali fil-liġijiet nazzjonali tagħhom u biex jinvestigaw, jieħdu l-passi kontra u jikkastigaw lil dawk kollha li daħħlu lit-tfal kontra l-liġi fil-forzi jew gruppi armati, jew użawhom biex jipparteċipaw b'mod attiv f'sitwazzjonijiet ta' konflitt, biex jiżguraw li jkun twettaq kull sforz biex itemmu l-kultura ta' impunità fir-rigward ta' dawn il-krimini;

16.    Jilqa' l-adozzjoni ta' "L-Impenji ta' Pariġi biex jipproteġu t-tfal mir-reklutaġġ jew użu illegali minn forzi armati jew gruppi armati" ta' l-2006 bħala aġġornament tal-Prinċipji ta' Cape Town ta' l-1997, u jħeġġeġ lill-istati kollha biex jadottawhom;

17.    Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq kontrolli aktar stretti fuq il-kummerċ ta' l-armi, b'mod speċjali fir-rigward ta' armi ta' kalibru żgħir li jistgħu jintużaw mit-tfal;

18.    Jitlob għat-tneħħija immedjata tat-tfal mill-gruppi/forzi armati, anke fejn m'hemm l-ebda dikjarazzjoni formali ta' paċi;

19.    Jinnota li xi NGOs qed jiżviluppaw miżuri preventivi minn kmieni kontra gwerriera, inklużi persuni mhux ċittadini tal-post, ħalli jipperswaduhom biex ma jagħmlux użu minn tfal bħala suldati; jinnota li azzjonijiet bħal dawn qed ikollhom xi ftit tas-suċċess u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tappoġġjahom;

20.    Iqis li l-miżuri huma bżonjużi biex jiġi żgurat li t-tfal li tneħħitilhom il-libertà tagħhom jiġu trattati skond il-liġijiet internazzjonali umanitarji u mal-liġijiet tad-drittijiet tal-bniedem, billi jitqies l-istatus speċjali tagħhom bħala tfal, u biex tiġi pprojbita d-detenzjoni tat-tfal ma' l-adulti minbarra dik tal-ġenituri mat-tfal żgħar; f'dan ir-rigward, jenfasizza l-bżonn li jkunu mħeġġa programmi ta' taħriġ biex jiżdied l-għarfien ta' l-aġenti u l-istaff ta' l-entitajiet ġudizzjarji u tal-pulizija fil-pajjiżi li fihom ikun osservat li jintużaw bniet u subien bħala suldati-tfal;

21.    Jisħaq dwar il-ħtieġa li t-tfal jiġu trattati bi qbil mar-regoli tal-ġustizzja taż-żgħażagħ kif ukoll il-ħtieġa li jinstabu alternattivi għall-proċeduri ġudizzjarji; jitlob għal prosekuturi speċjalisti għaż-żgħażagħ u avukati attivi fil-qasam tal-liġi soċjali biex jassistu tfal fil-qorti; jitlob għall-ħolqien ta' kummissjonijiet tal-verità u tar-rikonċiljazzjoni;

22.    Jitlob għall-integrazzjoni mill-ġdid u r-rijabilitazzjoni soċjali, fiżika u psikoloġika ta' tfal li kienu suldati u tfal oħra affettwati mill-konflitti armati, l-għaqda tagħhom mill-ġdid mal-familji tagħhom, kura alternattiva għal dawk li għalihom l-għaqda mill-ġdid mhijiex possibbli, korsijiet biex jerġgħu jlaħħqu mal-livell edukattiv u t-tixrid ta' informazzjoni dwar l-HIV/AIDS; jenfasizza l-ħtieġa li jkunu indirizzati nuqqasijiet speċifiċi fl-integrazzjoni mill-ġdid ta' suldati bniet, li ħafna drabi jiġu soċjalment imwarrba u marġinalizzati, billi jkunu allokati riżorsi speċjali biex jitwaqqfu programmi għall-edukazzjoni, is-saħħa sesswali, l-appoġġ psikoloġiku u l-medjazzjoni fil-familja;

23.    Jinsab imħasseb dwar id-diffikultajiet li jkollhom programmi għall-integrazzjoni soċjali ta' tfal suldati u jistieden għal miżuri preventivi u minn kmieni;

24.    Jisħaq dwar il-bżonn li l-Istati Membri jieħdu azzjoni diplomatika konġunta kull fejn ikun hemm rapporti ta' tfal reklutati ma' unitajiet militari jew gruppi armati;

Immigranti, refuġjati u tfal spustati internament

25.    Jenfasizza l-importanza li jerġgħu jitwaqqfu servizzi soċjali bażiċi biex jagħtu attenzjoni effettiva lil minorenni spustati, li jinkludu mhux biss l-aċċess għall-ilma u l-ikel imma wkoll għall-kura medika lill-minorenni u lill-ommijiet, kif ukoll il-provvediment ta' servizzi bażiċi tas-saħħa sesswali u riproduttiva;

26.    Jiġbed l-attenzjoni għall-irwol ta' l-edukazzjoni, li għandha tkun indaqs għal kulħadd u mingħajr l-użu tal-vjolenza jew kastigi bi swat; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex talloka r-riżorsi meħtieġa biex tiġi evitata vjolenza ta' kwalunkwe tip fil-komunitajiet refuġjati, b'mod partikulari vjolenza bbażata fuq is-sessi jew fuq l-isfruttament sesswali, billi twaqqaf programmi edukattivi u li jżidu l-għarfien dwar kwistjonijiet dwar is-sessi, id-drittijiet tal-bniedem, is-saħħa sesswali u riproduttiva, il-mutilazzjoni tal-ġenitali femminili u l-HIV/Aids, immirati lejn minorenni taż-żewġ sessi;

27.    Jenfasizza li teżisti diskrepanza bejn dak li titlob il-liġi u dak li huwa prattikat fir-realtà fir-rigward ta' l-implimentazzjoni ta' strumenti Ewropej għal ażil, u li għad hemm differenzi kbar fil-mod kif tfal bi status ta' rifuġjati huma trattati fl-Istati Membri differenti;

28.   Jimmarka l-fatt li 5% ta' dawk li jfittxu l-kenn politiku huma minorennii mhux akkumpanjati, li jindika l-bżonn li jinħatru gwardjani legali u mħarrġa sew għal tfal mhux akkumpanjati wara l-wasla tagħhom fil-pajjiż li jilqagħhom biex jirrappreżentaw l-aħjar interessi tagħhom; jitlob għal titjib fil-kundizzjonijiet ta' għajxien tat-tfal fil-faċilitajiet ta' riċeviment; huwa diżappuntat min-nuqqas ta' proċeduri ta' kenn politiku, sensittivi għall-problema tat-tfal;

29.   Jinnota li ħafna mir-riskji li jaffaċċjaw it-tfal refuġjati huma ugwalment applikabbli għal tfal li ġew spustati bil-forza bejn il-fruntieri ta' pajjiżi tagħhom stess;

30.   Jinsisti li t-tfal għandhom jiġu rritornati ġewwa l-pajjiż ta' oriġini tagħhom biss meta s-sikurezza u s-sigurtà tagħhom ikunu fiċ-ċert, u jenfasizza l-ħtieġa li jinstabu l-familji u li jkun hemm l-għaqda mill-ġdid mal-familji; jenfasizza li r-ritorn tagħhom għandu jkun ipprojbit fejn ikun hemm periklu ta' dannu serju, permezz, pereżempju, ta' tħaddim ta' tfal, sfruttament sesswali, vjolenza jew ir-riskju ta' mutilazzjoni tal-ġenitali femminili, esklużjoni soċjali jew involviment f'konflitt armat;

31.   Jisħaq dwar il-bżonn li jitjieb il-ġbir tad-dejta dwar tfal li jkunu qed ifittxu status ta' refuġjati, tfal li jkunu qed jgħixu illegalment fit-territorju ta' stat ieħor imma li ma jkunux qed ifittxu status ta' refuġjati, u r-riżultat tal-proċeduri għall-kenn politiku u l-futur ta' tfal bħal dawn wara l-adozzjoni ta' deċiżjoni finali pożittiva jew negattiva dwar it-talba tagħhom għall-kenn politiku, biex ikun żgurat li dawn it-tfal ma jisparixxux fl-anonimità jew isiru vittmi tal-kriminalità;

32.   Jenfasizza l-konsegwenzi negattivi ta' l-immigrazzjoni u s-sitwazzjoni prekarja ta' tfal mitluqa waħedhom fil-pajjiżi tagħhom minn ġenituri li emigraw; jenfasizza l-bżonn li jkunu żgurati kura komprensiva, integrazzjoni u edukazzjoni għal tfal bħal dawn, kif ukoll għall-familji li ġew integrati mill-ġdid fejn dan ikun possibbli;

33.    Jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri urġenti kontra gruppi kriminali organizzati li jaħtfu persuni u kontra dawk responsabbli għat-traffikar ta' tfal;

34.    Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jirrikonoxxu l-eluf ta' tfal fit-toroq u tfal sfurzati biex jittalbu bħala kwistjoni soċjali u ta' drittijiet tal-bniedem serja, u jitlob għal miżuri biex jindirizzaw din il-kwistjoni; jistieden ukoll lill-Istati Membri biex jintroduċu sanzjonijiet kontra dawk responsabbli mid-degradazzjoni tat-tfal sfurzati biex jittalbu;

Tfal f'emerġenza u sitwazzjonijiet ta' wara kriżi u tfal li huma vittmi ta' xogħol sfurzat

35. Jistieden għal għajnuna umanitarja tal-KE biex tqis il-bżonnijiet u d-drittijiet speċifiċi tat-tfal u l-familji tagħhom, kif ukoll id-drittijiet tat-tfal f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza, ta' kriżi u ta' wara kriżi, speċjalment il-ħtiġijiet ta' minorenni li għandhom l-akbar riskju f'sitwazzjoni bħal din, bħalma huma tfal b'diżabilità, il-vittmi ta' vjolenza bbażata fuq il-ġens, orfni u minorenni mhux akkumpanjati;

36.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippromwovi mekkaniżmi għal azzjoni preventiva u ta' informazzjoni dwar x'jista' jsir f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza f'zoni ta' riskju, b'attenzjoni partikulari għat-taħriġ tal-minorenni u ta' l-awtoritajiet responsabbli għall-kura tagħhom;

37.    Jenfasizza l-bżonn ta' miżuri ta' emerġenza li jkollhom kontinwità u li jistabbilixxu bażi għall-irkupru u l-iżvilupp ta' zoni effettwati, b'attenzjoni speċjali għall-kura tal-minorenni u tan-nisa;

38.    Jenfasizza li n-nuqqas ta' soluzzjoni finali għall-konflitti sospiżi joħloq sitwazzjoni li fiha ma jkunx rispettat l-istat tad-dritt u jsir ksur tad-drittijiet tal-bniedem fiz-zoni kkonċernati, u dan jirrappreżenta ostakolu maġġuri biex ikunu żgurati u rispettati d-drittijiet kollha tat-tfal; jistieden biex jittieħdu passi ħalli jiġu indirizzati l-bżonnijiet speċifiċi tat-tfal u tal-familji tagħhom f'zoni fejn hemm konflitt sospiż;

.

39.   Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex itejjeb l-integrazzjoni ta' miżuri ta' l-edukazzjoni bħala parti mill-politika umanitarja tagħha u bħala parti mill-proċeduri ta' reazzjoni, kif ukoll fil-politika tagħha ta' koperazzjoni għall-iżvilupp;

40.   Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jinkludu sforzi biex jissieltu kontra t-tħaddim tat-tfal fl-isforzi tagħhom ta' politika umanitarja u tal-kummerċ;

41.    Jistieden lill-Kummissjoni biex, fl-azzjonijiet tagħha ta' għajnuna umanitarja f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza, tqis l-irwol xieraq tan-nisa u l-abilità tagħhom biex jorganizzaw u jiżviluppaw ir-rikostruzzjoni u ħidmiet ta' għajnuna soċjali għal dawk milquta, b'enfasi partikulari fuq il-popolazzjoni tat-tfal;

It-Tfal u d-demokrazija

42.   Jenfasizza d-dritt tat-tfal li jikbru f'soċjetà ħielsa u miftuħa fejn id-drittijiet tal-bniedem u l-libertà ta' l-espressjoni huma rispettati u fejn il-piena kapitali m'għadhiex iżjed imposta, b'mod partikulari fuq individwi taħt l-età;

43.    Jenfasizza li l-pożizzjoni tat-tfal fi stati mhux demokratiċi hi ferm vulnerabbli u jistieden lill-Kummissjoni biex tqis din il-kategorija ta' persuni;

44.    Jistieden lill-Kummisjoni biex teżamina l-kwistjoni ta' żieda fl-għarfien politiku dwar tfal u żgħażagħ f'pajjiżi terzi fejn id-demokrazija hi ristretta, biex dawn iż-żgħażagħ jistgħu jiżviluppaw f'ċittadini politikament sensibilizzati;

45.   Jistieden lill-Kummissjoni biex tisħaq dwar l-importanza li ż-żgħażagħ ikunu jistgħu jesprimu l-opinjonijiet tagħhom fuq bażi volontarja permezz ta' organizzazzjonijiet (politiċi) taż-żgħażagħ;

It-tfal u l-kriminalità

46.   Jenfasizza l-ħtieġa li l-istati jħarsu lit-tfal milli jkunu użati f'atti kriminali u li jieħdu miżuri ġudizzjarji effettivi kontra persuni li jużaw jew jieħdu vantaġġ mit-tfal għal skopijiet kriminali;

47.    Jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi lill-istati kollha bl-għajnuna meħtieġa biex jiżguraw li l-ġlieda kontra kull tip ta' pedofilja titwettaq b'mod urġenti u effettiv;

48.    Jistieden lill-istati biex jagħmlu kull sforz ħalli jtejbu l-effettività ta' mekkaniżmi li bihom jittrattaw b'mod effettiv ma' vjolenza u abbużi relatati mad-dar u ma' l-iskola.

PROĊEDURA

Titolu

Lejn strateġija ta' l-UE dwar id-drittijiet tat-tfal

Numru ta' Proċedura

2007/2093(INI)

Kumitat responsabbli

LIBE

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

AFET

26.4.2007

Koperazzjoni aktar mill-qrib - data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

 

Rapporteur għal opinjoni
  Data tal-ħatra

Irena Belohorská

17.10.2006

Rapporteur ta' opinjoni preċedenti

 

Eżami fil-kumitat

28.2.2007

27.6.2007

16.7.2007

 

 

Data ta' l-adozzjoni

17.7.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

43

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Roberta Alma Anastase, Christopher Beazley, Elmar Brok, Colm Burke, Michael Gahler, Jas Gawronski, Vytautas Landsbergis, Francisco José Millán Mon, Ria Oomen-Ruijten, João de Deus Pinheiro, Hubert Pirker, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Antonio Tajani, Geoffrey Van Orden, Josef Zieleniec, Véronique De Keyser, Ana Maria Gomes, Emilio Menéndez del Valle, Pasqualina Napoletano, Ioan Mircea Paşcu, Libor Rouček, Cristian Silviu Buşoi, Marco Cappato, Metin Kazak, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Baroness Nicholson of Winterbourne, Samuli Pohjamo, István Szent-Iványi, Hanna Foltyn-Kubicka, Angelika Beer, Hélène Flautre, Tobias Pflüger, Maciej Marian Giertych,

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Árpád Duka-Zólyomi, Jean Spautz, Evgeni Kirilov, Miloš Koterec, Aloyzas Sakalas, Mariela Velichkova Baeva, Milan Horáček, Marie Anne Isler Béguin, Miguel Portas,

Sostituti(i) (skond l-Artikolu 178(2) preżenti għall-votazzjoni finali

 

Kummenti (disponibbli b'lingwa waħda biss)

...

  • [1]  definit fl-Artikolu 32 (1) tal-Konvenzjoni għad-Drittijiet tat-tfal

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP (7.6.2007)

għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

Lejn strateġija ta' l-UE dwar id-drittijiet tat-tfal
(2007/2093(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Glenys Kinnock

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.   Jilqa' b'sodisfazzjon l-iżvilupp tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni dwar Tfal f' Relazzjonijiet Esterni, li ser jaqa' taħt il-qafas u l-impenji approvati ta' l-Istrateġija ta' l-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

2.   Jisħaq li l-proċess li jwassal għall-adozzjoni ta' Strateġija dwar id-Drittijiet tat-Tfal għandu jinkludi konsultazzjoni sħiħa u komprensiva li tinvolvi istituzzjonijiet nazzjonali għad-drittijiet tat-tfal (bħal l-ombusdmen għad-drittijiet tat-tfal), aġenziji tan-NU inkluża l-UNICEF, il-Kumitat għad-Drittijiet tat-Tfal, organizazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u t-tfal b'mod partikolari;

3.   Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tadotta approċċ ibbażżat fuq id-drittijiet tat-tfal li jirrifletti l-prinċipji tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal (UNCRC) fl-azzjonijiet rilevanti kollha, minn żvilupp ta' politika u programmar sa l-evalwazzjoni, kif ukoll il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi rilevanti;

4.   Jirrokonoxxi l-bżonn urġenti għal gwida għall-istaff tal-Kummissjoni fir-rigward ta' politika u implimentazzjoni u jitlob għal għodod u taħriġ fil-kwartieri ġenerali u fid-Delegazzjonijiet tagħha dwar l-applikazzjoni ta' approċċ lejn il-politika ta ' l-iżvilupp b'mod ġenerali bbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem u speċifikament għal approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tat-tfal.

5.   Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex iwettqu evalwazzjoni fil-fond tas-sitwazzjoni tat-tfal f'pajjiżi sħab, billi jużaw riċerka u analiżi ta' kwalità li jkunu twettqu, pereżempju, mill-UNICEF, fl-implimentazzjoni ta' l-UNCRC u ta' trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem rilevanti oħrajn li jirrigwardaw it-tfal, data u approċċi li huma aċċettati internazzjonalment u li diġà jintużaw regolarment u stħarriġ imwettaq, pereżempju, min-NU, sabiex jiġu appoġġjati kampanji ta' sensibilizzazzjoni, ppjanar ta' politiki u strateġiji għal pajjiżi li jkunu xierqa u bbażati fuq il-provi;

6.   Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li deliberazzjonijiet minn kumitati u sottogruppi għad-drittijiet tal-bniedem imwaqqfa fi ħdan il-ftehmiet ta' kummerċ u kooperazzjoni jiffukaw fuq il-problema ta' tħaddim tat-tfal u l-ħarsien minn kull forma ta' abbuż, sfruttament u diskriminazzjoni;

7.   Jisħaq dwar il-ħtieġa li tiġi indirizzata l-problema ta' suldati tfal u l-impatt kbir li l-opinjoni pubblika jista' jkollha f'dan ir-rigward; ·

8.   Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tirdoppja l-iforzi tagħha sabiex tgħin lil pajjiżi li qed jiżviluppaw fit-traduzzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-UNCRC u l-protokolli fakultattivi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

9.   Jisħaq li, sabiex tingħata kontribuzzjoni li tibqa' lejn il-kisba ta' l-Għanijiet ta' l-Iżvilupp għall-Millenju (MDGs), it-tfal, is-sopravivenza, l-iżvilupp u l-ħarsien tagħhom, għandhom jitqiegħdu fiċ-ċentru tal-politiki u l-prattiċi kollha ta' l-UE;

10. Jirrikonoxxi li l-kura u l-edukazzjoni fil-bidu tat-tfulija, inklużi t-tilqim, ir-reġistrazzjoni tat-twelid, it-trobbija tajba , il-kindergarten u n-nurseries, huma dritt tat-tfal u jirrikonoxxi li l-bidu tat-tfulija huwa żmien ta' żvilupp sinifikanti u li nutrizzjoni ħażina u nuqqas ta' kura jistgħu jwasslu għal defiċjenzi fiżiċi u intellettwali u jikkompromettu l-kapaċità tat-tfal li jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom u li jeħilsu lilhom infushom mill-faqar;

11. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex ir-reġistrazzjoni uffiċjali tat-twelid jagħmluha parti mill-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp bħala dritt bażiku u mezz importanti tal-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal;

12. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jagħmlu sforz flimkien sabiex jgħinu lill-pajjiżi sħab jiksbu l-objettiv ta' edukazzjoni primarja b'xejn u universali (MDG 2) u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jipprovdu l-fondi meħtieġa għall-Edukazzjoni għal Kulħadd - Inizzjattiva b'Mekkaniżmu Mgħaġġel (Fast Trak Initiative);

13. Jinnota li l-forniment ta' emerġenza għal tfal fi stati fraġli affettwati minn kunflitt rarament jinkludi edukazzjoni xierqa u jistieden lil Kummissjoni sabiex tappoġġja attivitajiet ta' edukazzjoni, inklużi l-implimentazzjoni ta' l-istandards minimi kif indikat min-Netwerk bejn l-Aġenziji għall-Edukazzjoni f'Emerġenzi, kemm f'każi ta' emerġenza u kemm fil-fażi tranżizzjonali minn kriżi għal żvilupp;

14. Jenfasizza l-bżonn li tingħata attenzjoni speċjali għall-MDG 3 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u għall-edukazzjoni tal-bniet, l-impjegar u t-taħriġ ta' għalliema lokali nisa, l-eliminazzjoni ta' kull xaqliba lejn l-irġiel fil-curricula, it-tqegħid ta' skejjel eqreb lejn il-komunitajiet li huma jservu u l-forniment ta' faċilitajiet sanitarji xierqa; jisħaq li l-iskejjel għandhom ikunu zoni ta' sigurtà fejn id-drittijiet tat-tfal jiġu rrispettati, u l-fastidju u l-vjolenza sesswali fl-iskejjel jew mad-dawra tagħhom għandhom jiġu pprevenuti u ttrattati bil-qawwa;

15. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tirrikonoxxi li hemm bżonn aktar kapaċità sabiex tinkiseb l-edukazzjoni primarja universali, b'mod partikolari għat-tfal b'diżabilitajiet; għalhekk jitlob għall-iżvilupp ta' pjanijiet nazzjonali ta' edukazzjoni sabiex tiġi indirizzata l-esklużjoni ta' tfal marġinalizzati, għall-appoġġ għal taħriġ speċjalizzat dwar l-inklużjoni ta' tfal b'diżabilitajiet għal professjonisti fl-edukazzjoni u għall-promozzjoni u l-iżvilupp ta' infrastruttura fl-iskejjel li tkun aċċessibbli għal-tfal b'diżabilità;

16. Jitlob li tingħata attenzjoni speċjali lill-orfni, lit-tfal bi ħtiġijiet speċjali u lit-tfal li jsofru minn abbuż u diskriminazzjoni u esklużjoni soċjali, inklużi tfal b'diżabilitajiet, u jinnota li tfal minn gruppi marġinalizzati ta' spiss jintlaqtu b'mod sproporzjonalment iebes mid-diskriminazzjoni, l-ittraffikar u kull forma ta' sfruttament u abbuż u aċċess mhux adegwat għas-servizzi soċjali bażiċi u għall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa;

17. Jiddeplora l-pressjonijiet li jdgħajfu politiki dwar is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, li jwasslu għal żieda fl-infezzjonijiet trasmessi sesswalment (inkluża l-HIV/AIDS) u nuqqas ta' fehim min-naħa taż-żgħażagħ tal-bżonnijiet tas-saħħa ripprodutiva tagħhom, li mbagħad iwassal għal żieda ta' tqala mhix mixtieqa u abborti riskjużi u xi drabi illegali għan-nisa żgħażagħ; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex iżommu l-livelli ta' ffinanzjar għall-firxa sħiħa ta' servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva sabiex jintlaħaq l-MDG 5 (it-titjib tas-saħħa materna);

18. Jisħaq dwar l-importanza u l-ħtieġa ta' servizzi tas-saħħa riproduttiva komprensivi għal tfal refuġjati u dawk imċaqalqa minn arthom internament għaliex, f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt, programmi komprensivi dwar is-saħħa riproduttiva li jiffukaw fuq iż-żgħażagħ huma ta' importanza kritika fl-aaigurazzjoni ta' ħarsien, kura u żvilupp ta' żgħażagħ imċaqalqa minn arthom;

19. Jenfasizza l-MDG 4 (tnaqqis tal-mewt fost it-tfal) u l-MDG 6 (il-ġlieda kontra l-HIV/AIDS, il-Malarja u mard ieħor) u jħeġġeġ l-investiment fir-riċerka għall-mediċini pedjatriċi antiretrovirali u fl-iżvilupp tagħhom, fil-forniment ta' nettijiet tas-sodod għal kontra l-Malarja u fil-promozzjoni tat-tilqim permezz ta' l-Alleanza GAVI (li qabel kienet magħrufa bħala l-Global Alliance for Vaccines and Immunization).

PROĊEDURA

Titolu

Lejn strateġija ta' l-UE dwar id-drittijiet tat-tfal

Numru tal-proċedura

2007/2093(INI)

Kumitat responsabbli

LIBE

Opinjoni mogħtija minn
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

DEVE
26.4.2007

Koperazzjoni aktar mill-qrib - data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

 

Rapporteur għal opinjoni
  Data tal-ħatra

Glenys Kinnock
6.11.2006

Rapporteur għal opinjoni preċedenti

 

Eżami fil-kumitat

26.3.2007

5.6.2007

 

 

 

Data ta' l-adozzjoni

5.6.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

18

0

10

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Margrete Auken, Josep Borrell Fontelles, Danutė Budreikaitė, Margrietus van den Berg, Gabriela Creţu, Nirj Deva, Alexandra Dobolyi, Fernando Fernández Martín, Filip Kaczmarek, Glenys Kinnock, Maria Martens, Luisa Morgantini, José Javier Pomés Ruiz, Miguel Portas, Horst Posdorf, José Ribeiro e Castro, Toomas Savi, Frithjof Schmidt, Jürgen Schröder, Feleknas Uca, Johan Van Hecke, Luis Yañez-Barnuevo García, Anna Záborská

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Miguel Angel Martínez Martínez, Manolis Mavrommatis, Pasqualina Napoletano, Anne Van Lancker, Ralf Walter

Sostituti(i) (skond l-Artikolu 178(2) preżenti għall-votazzjoni finali

 

Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss)

...

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI (12.6.2007)

għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

dwar Lejn Strateġija ta' l-UE fuq id-Drittijiet tat-Tfal
(2007/2093(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Dimitrios Papadimoulis

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni li se jadotta:

A. Billi l-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea tiddikjara li “kull tifel/tifla għandu jkollu d-dritt li jżomm fuq bażi regolari relazzjoni personali u kuntatt dirett maż-żewġ ġenituri tiegħu jew tagħha, sakemm dan ma jmurx kontra l-interessi tiegħu jew tagħha”,

1.  Jilqa' b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi stabilita Strateġija Ewropea li tippromwovi u tissalvagwardja b’mod effettiv id-drittijiet tat-tfal; tilqa' b’sodisfazzjon l-affermazzjoni fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni li l-kwistjonijiet dwar id-drittijiet tat-tfal huma prijorità għall-Unjoni Ewropea; jiddispjaċih li l-komunikazzjoni ma tindikax l-istandards minimi, politiki ddefiniti b’mod ċar, miri ċari jew skedi ta’ żmien li għalihom għandha timpenja ruħha l-Unjoni Ewropea;

2.  Jisħaq li politiki li jappoġġjaw id-drittijiet tat-tfal jiffurmaw il-bażi tas-soċjetà ta’ għada; id-difiża tad-drittijiet tat-tfal hija l-aħjar mezz ta’ trawwim ta’ kultura ta' rispett għad-drittijiet individwali u kollettivi fost l-adulti ta’ għada;

3.  Jinnotali l-valuri ta’ l-Unjoni Ewropea huma bbażati fuq ir-rispett għall-individwi u l-opportunitajiet indaqs u li l-irwol tas-soċjetà huwa li tgħin lil membri tagħha jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom, b’mod partikolari permezz ta’ l-edukazzjoni;

4.  Jiddispjaċih għan-nuqqas ta’ programm ta’ finanzjament, peress li jekk it-tfal għandhom jieħdu passi biex jasserixxu d-drittijiet humani tagħhom jeħtieġ li jkun hemm impenn finanzjarju fil-proposta;

5.  Jilqa' b’sodisfazzjon it-twaqqif propost ta' strutturi ġodda li jsaħħu l-koperazzjoni fil-livell Ewropew li se jwasslu għal aproċċ komprensiv u konsistenti, bħal m’huma Unità għad-Drittijiet tat-Tfal fi ħdan il-Kummissjoni, Koordinatur għad-Drittijiet tat-Tfal, grupp tal-Kummissjoni li jiġbor fih servizzi differenti, Forum Ewropew għad-Drittijiet tat-Tfal kif ukoll diskussjoni u pjattaforma tax-xogħol ibbażati fuq l-internet;

6.  Jenfasizza l-importanza li l-Istati Membri u l-pajjiżi kandidati jimplimentaw għal kollox l-impenji internazzjonali eżistenti, b'mod partikulari dawk li jaqgħu taħt il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, li fiha dispożizzjonijiet speċifiċi għat-tfal b’diżabilità, u l-konvenzjonijiet ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO) dwar ix-xogħol li jsir mit-tfal;

7.  Jinnota li d-dritt għal edukazzjoni ta’ kwalità, taħriġ, għarfien aġġornat u aċċess għal teknoloġiji ġodda huwa dritt soċjali fundamentali; jistieden lill-Istati Membri u l-pajjiżi kandidati kollha jiggarantixxu dak id-dritt għal kull tifel u tifla hu x’inhu l-isfond soċjali, ekonomiku u etniku, il-lok ġeografiku, l-età, is-sess, ir-reliġjon, il-kultura, il-lingwa, is-sitwazzjoni fiżika, l-istruttura tal-familji tagħhom jew l-istatus legali tat-tifel jew tifla jew tal-ġenituri tiegħu jew tagħha;

8.  Jikkundanna kull ideoloġija u teorija bbażata fuq it-twemmin li l-kriminalità jew kull forma ta’ anormalità soċjali hija ddeterminata minn qabel minn fatturi ġenetiċi jew soċjali; jiddenunzja bħala infrazzjoni tad-drittijiet tat-tfal kull politika mmirata lejn l-identifikazzjoni bikrija ta' tfal li wieħed jemmen li jkunu f'riskju li jsiru kriminali jew persuni soċjalment anormali, fuq il-bażi ta’ dawn il-fatturi;

9.  Jenfasizza l-ħtieġa li jkun żgurat li l-politiki kollha, kemm interni u kemm esterni, kemm fuq il-livell ta' Stat Membru u kemm fuq il-livell ta' UE, għandhom iqisu l-eliminazzjoni tax-xogħol tat-tfal fil-forom kollha tiegħu; jemmen li l-edukazzjoni ‘full-time’ hija l-aħjar mezz biex tiġi ttrattata l-problema, għall-bniet kif ukoll għas-subien, kemm mill-aspett tal-prevenzjoni ta’ abbuż bħal dan imma wkoll billi jinkiser iċ-ċirku ta’ illitteriżmu u faqar għall-ġejjieni;

10. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li prodotti li qed jinbiegħu fl-Unjoni Ewropea jistgħu jkunu qed jiġu prodotti permezz tax-xogħol tat-tfal; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta mekkaniżmu li bih il-vittmi tat-tħaddim tat-tfal jistgħu jfittxu riparazzjoni kontra kumpaniji Ewropej fil-qrati nazzjonali ta’ l-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tinforza l-konformità mal-katina tal-forniment, u b’mod speċjali biex tersaq b’mekkaniżmi li jagħmlu lill-kuntrattur prinċipali responsabbli fl-Ewropa f’każijiet ta’ vjolazzjoni tal-konvenzjonijiet tan-NU dwar ix-xogħol tat-tfal fil-katina tal-forniment; għal dan il-għan, jistieden lill-UE tuża l-proċedura tas-sistema ġeneralizzata ta’ preferenzi (GSP) bħala mod wieħed kif tiġi miġġielda b’mod aktar effettiv l-esplojtazzjoni tax-xogħol tat-tfal li teżisti f’diversi reġjuni tad-dinja, b’miżuri speċjali għal xogħol perikoluż li numru kbir ta’ tfal huma mġiegħla jwettqu;

11. Jistieden lill-UE tieħu l-inizjattiva internazzjonali, f’koperazzjoni mill-qrib ma’ l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-organizzazzjonijiet internazzjonali relevanti, biex teqred minn għeruqhom il-fenomenu tal-lieva tat-tfal, it-taħriġ militari tat-tfal u l-involviment tagħhom f’operazzjonijiet militari waqt kunflitti interni jew internazzjonali f’diversi reġjuni tad-dinja;

12. Jemmen li t-tidħil tad-drittijiet tat-tfal bħala parti normali u aċċettati b'mod universali fil-politiki ta' l-UE huwa ta' l-akbar importanza għas-suċċess ta’ l-Istrateġija Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni biex fl-istimi ta' l-impatt li hija tagħmel dwar kwistjonijiet ta' politika relevanti tinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar id-drittijiet tat-tfal; Jenfasizza l-punt li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri, meta jkunu qed jiżviluppaw il-leġiżlazzjoni u l-politiki tagħhom, għandhom iqisu d-diversità tat-tfal u l-ħtiġijiet differenti tagħhom, skond fejn jinsabu ġeografikament, skond l-età, is-sess, l-etniċità, l-istatus soċjali u legali, ir-reliġjon, il-kultura, il-lingwa, id-diżabilità u l-istruttura tal-familja tagħhom, u għandhom jiżguraw li t-tfal kollha jgawdu b'mod sħiħ mid-drittijiet umani kollha tagħhom u l-libertajiet fundamentali kollha tagħhom fuq bażi ugwali; jisħaq fuq il-ħtieġa li tittieħed azzjoni pożittiva rigward il-gruppi tat-tfal l-aktar vulnerabbli;

13. Jissottolinja l-importanza ta' l-involviment attiv tat-tfal infushom f'kull proċedura li fiha d-drittijiet tagħhom ikunu jinsabu f’riskju; jidhirlu li l-parteċipazzjoni għandha tkun miftuħa għat-tfal kollha, hi x'inhi l-etniċità, l-istatus soċjali u legali tagħhom jew id-diżabilità li jista’ jkollhom; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li t-tfal kollha jiġu pprovduti b’assistenza xierqa għall-età tagħhom u assistenza għad-diżabilità sabiex igawdu d-dritt tagħhom għall-parteċipazzjoni u l-espressjoni ħielsa; jilqa’ b’sodisfazzjoni ir-referenza għad-“dritt tat-tifel għall-edukazzjoni u [...] d-dritt tiegħu li jżomm relazzjonijiet maż-żewġ ġenituri”; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa ta’ l-involviment ta’ l-assoċjazzjonijiet tal-ġenituri u dawk tal-familja fil-Forum Ewropew għad-Drittijiet tat-Tfal;

14. Jirrikonoxxi li l-parteċipazzjoni attiva hija marbuta mill-qrib ma' l-informazzjoni; jilqa' b’sodisfazzjon it-twaqqif ta' strateġija ta’ komunikazzjoni u informazzjoni li se tippubblika l-miżuri ta' l-UE b'mod li jkun adattat għat-tfal, aċċessibbli għal kulħadd,

15. Jagħraf il-fatt li għalkemm ir-rivoluzzjoni teknoloġika fl-informazzjoni u l-komunikazzjoni li għaddejja bħalissa toffri vantaġġi uniċi, tista’ fl-istess ħin tikkostitwixxi periklu għat-tfal li jheddidhom fuq ħafna livelli; għalhekk jappoġġja l-ħolqien ta’ tarka ta’ protezzjoni għat-tfal li jużaw l-internet b’mod partikolari, kif ukoll teknoloġiji ġodda oħra, liema tarka tkun telimina kull forma ta’ esplojtazzjoni tat-tfulija (fejn it-tfal huma meqjusa miftuħa għall-mudelli kulturali u prinċipalment bħala konsumaturi), kif ukoll tat-tfal infushom (bħala oġġetti sesswali jew vittmi tal-vjolenza u l-pornografija);

16. Jenfasizza li dawk li jieħdu ħsieb it-tfal b’mod professjonali jeħtieġu taħriġ ta’ kwalità kontinwu, kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar u salarju raġonevoli sabiex jiġu inkuraġġiti l-kontinwazzjoni tal-kura u standards għoljin;

17. Jiddispjaċih li l-komunikazzjoni ma tindikax miżuri speċifiċi rigward il-qagħda tat-tfal b'diżabilità; jissottolinja l-ħtieġa li l-kwistjoni tad-diżabilità tiġi integrata fi ħdan l-istrateġija tal-Kummissjoni, sabiex jiġu żgurati l-parteċipazzjoni u l-inklużjoni tat-tfal b’diżabilità b’mod sħiħ u ndaqs fl-oqsma kollha ta’ attività, u b’mod speċjali fl-edukazzjoni u t-taħriġ, il-ħajja kulturali, l-isport u fl-attivitajiet ta' rikreazzjoni;

18. Josserva li dawk it-tfal li qed jieħdu ħsieb ta’ ġenituri jew aħwa bi ħtiġijiet speċifiċi għandhom ikunu intitolati għal appoġġ speċifiku b’mira partikolari;

19. Jenfasizza li, skond studji reċenti, fl-Unjoni Ewropea wieħed minn kull ħamest itfal jinsab f’riskju li jiftaqar u li t-tfal u ż-żgħażagħ, speċjalment dawk membri ta’ minoritajiet etniċi, huma partikolarment vulnerabbli għall-esklużjoni soċjali; jidhirlu li dan ir-riskju jerġa’ huwa aktar qawwi fil-maġġoranza ta’ l-Istati l-Membri l-ġodda li aderixxew ma’ l-Unjoni Ewropea fl-2004 u fl-2007, b’mod partikolari fir-rigwar tat-tfal u ż-żgħażagħ li jgħixu f’zoni li huma soċjo-ekonomikament żvantaġġati; jenfasizza l-irwol importanti li għandhom is-servizzi ppersonalizzati bħalma huma s-servizzi ta’ kura u dawk soċjali fil-ġlieda kontra l-esklużjoni; jilqa' l-miżuri urġenti proposti fil-komunikazzjoni kontra l-faqar tat-tfal, filwaqt li jagħfas fuq il-fatt li l-faqar fost it-tfal huwa problema persistenti; jemmen li għandha tingħata attenzjoni prijoritarja kemm fuq il-livell ta’ UE u kemm fuq dak ta’ Stat Membru lill-prevenzjoni u l-eleminazzjoni tal-faqar tat-tfal, b’referenza partikolari għat-tfal li ġejjin minn familji b’ġenitur wieħed u minn familji immigranti; jiddispjaċih li l-komunikazzjoni ma tistabbilixxix miri kwantitattivi ċari dwar il-qerda mill-qiegħ tal-faqar fost it-tfal;

20. Jisħaq li l-Istati Membri jeħtieġ li jżidu l-isforzi tagħhom biex jipproteġu lit-tfal li qed ibatu minn deprivazzjoni multipla jew li huma vulnerabbli b’mod speċjali, inkluż, fost miżuri oħra, billi jiġu pprovduti servizzi ta’ kwalità għolja li jkunu aċċessibbli u bi prezzijiet għall-but ta' kulħadd; jitlob li jiġu stabbiliti mekkaniżmi xierqa ta’ monitoraġġ biex jiġu identifikati u appoġġjati t-tfal li jinsabu f’riskju;

21. Ifakkar lill-Istati Membri fid-dmir tagħhom li jgħinu u jħarsu lit-tfal billi jipproteġu lit-tfal kollha mir-riskju tal-malnutriment, il-mard jew il-maltrattament hi x’inhi s-sitwazzjoni soċjali jew l-istatus legali tagħhom, jew dik tal-ġenituri tagħhom;

22. Jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni ma tiġbidx l-attenzjoni lejn il-qagħda partikolari tat-tfal li huma immigranti, dawk li qegħdin ifittxu kenn politiku u t-tfal rifuġjati u t-tfal minn familji b’ġenitur wieħed b’mod partikolari; jemmen li dawn il-gruppi għandhom jissemmew b’mod speċifiku billi huma jerġa’ aktar vulnerabbli għall-faqar, għall-esklużjoni soċjali u għal diversi forom ta' esplojtazzjoni; għal dan il-għan, jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu azzjonijiet oħra sabiex tħares u tissalvagwardja familji bi dħul baxx li uliedhom spiss jispiċċaw vittmi tat-traffikanti;

23. Jisħaq li huwa essenzjali li jkun żgurat li dawk it-tfal li legalment għandhom l-età biex jaħdmu jitħallsu fuq il-bażi ta’ l-istess ħlas għall-istess xogħol;

24. Jitlob li jkun hemm approċċ iktar komprensiv lejn it-tikjil tan-natura pluri-dimensjonali tal-faqar fost it-tfal, li jkun jikkunsidra l-benesseri tat-tfal u mhux sempliċement analiżi bbażata fuq id-dħul;

25. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-kwistjoni tat-tfal tat-triq u jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jieħdu passi, bħalm'huma monitoraġġ aħjar u mobilizzazzjoni mtejba tas-servizzi responsabbli, sabiex dawn it-tfal ikunu pprovduti l-ikel, il-kenn, l-edukazzjoni u l-kura medika;

26. Ifaħħar il-pjan tal-Kummissjoni li tintroduċi numru tat-telefon għall-għajnuna tat-tfal li jkun mifrux ma’ l-Unjoni kollha u jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa li dan is-servizz ikun bla ħlas u mxandar ma’ kullimkien, sabiex ikun żgurat li t-tfal kollha jkunu jafu dwaru, speċjalment dawk li huma esposti għal riskji akbar;

27. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-aċċess individwali għas-sigurtà soċjali u għall-kura tas-saħħa għandu jkun iggarantit għat-tfal kollha, speċjalment dawk li jinsabu f’riskju, u li sistemi bħal dawn jeħtieġ li jipprovdu aċċess miftuħ mingħajr ostakoli;

28. Jipproponi li l-Unjoni Ewropea tistabbilixxi l-kunċett ta’ "tfal fil-periklu” sabiex tiddefinixxi t-tfal kollha li huma vittmi ta’ qagħda soċjali li tqiegħed il-ġid u s-sikurezza psikoloġika u fiżika tagħhom f’riskju jew li tesponihom għar-riskju li jiġu involuti fil-kriminalità, jew bħala vittmi jew bħala dawk li jwettquha;

29. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jillanċjaw inizjattivi (bħalm'huma kampanji ta’ pubbliċità u skambji ta’ prattika tajba) biex titnaqqas l-inċidenza tat-“tfal fil-periklu”, inklużi miżuri għall-prevenzjoni tad-delinkwenza tal-minorenni;

30. Jipproponi li jkun hemm koperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-UE u l-awtoritajiet xierqa fil-pajjiżi relevanti biex tiġi miġġielda l-esplojtazzjoni sesswali tat-tfal u li jitieħdu miżuri aktar stretti kontra ċittadini Ewropej li jinvolvu rwieħhom fit-turiżmu tas-sess ma’ tfal vittmi;

31. Hu tal-fehma li d-drittijiet tat-tfal għandhom ikunu kkunsidrati b’mod sħiħ fil-kwistjonijiet tal-konċiljazzjoni bejn il-ħajja tax-xogħol u tal-familja u l-ħinijiet tax-xogħol.

32. Jinnota li l-prattika li t-tfal jinġabru minn età bikrija f'istituzzjonijiet kollettivi (krexxijiet, skejjel) biex jittieħed ħsieb tagħhom hija waħda mill-aħjar modi kif tissolva l-problema ta’ l-ibbilanċjar tal-ħajja tax-xogħol u tal-familja u hija wkoll mezz kif ikun assigurat, fi stadju bikri ta’ l-iżvilupp tat-tfal, li huma jkollhom il-benefiċċju ta’ opportunitajiet indaqs u li jiġu ssoċjalizzati.

33. Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi indirizzata l-problema ta’ l-ittraffikar tat-tfal, li hija problema Ewropea interna kif ukoll problema internazzjonali fuq tkala aktar wiesgħa;

34. Jikkundanna bil-qawwa kull forma ta’ pornografija tat-tfal; iħeġġeġ lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jillanċjaw kampanja biex jeqirdu l-pornografija tat-tfal fl-Ewropa; il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-pulizija, appoġġjati mill-awtorità Ewropea tal-pulizija EUROPOL, għandha tilgħab irwol prinċipali f’din il-kampanja; f’dan il-kuntest, il-EUROPOL għandha tkun awtorizzata li testendi l-attivitajiet tagħha biex, minbarra l-investigar tal-kriminalità organizzata, ikunu jinkludu wkoll l-investigar ta’ l-individwi li joperaw transkonfinalment f'dan il-qasam ta' attività kriminali, b’mod partikolar permezz ta’ l-Internet;

35. Jikkundanna bil-qawwa kull forma ta’ tħaddim tat-tfal, l-iskjavitù u t-tħaddim tat-tfal bħala rahan (bonded labour) u forom oħra ta’ xogħol li jaffettwaw b’mod negattiv is-saħħa u s-sikurezza tat-tfal; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex il-kummerċ ta’ l-Unjoni Ewropea ma’ pajjiżi terzi u l-għajnuna għall-iżvilupp li hija tagħti lil pajjiżi terzi jorbtuhom aktar mill-qrib ma' l-implimentazzjoni min-naħa ta' dawn il-pajjiżi tal-Konvenzjoni ta' l-ILO dwar il-projbizzjoni u miżuri immedjati għall-eliminazzjoni tal-forom kollha tat-tħaddim tat-tfal

36. Jikkundanna bil-qawwa il-forom kollha tal-prostituzzjoni tat-tfal u tat-turiżmu sesswali fejn jidħlu t-tfal; jistieden lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw li l-ħatja jiġu mtella’ l-qorti, kemm jekk ikunu ġewwa l-UE u kemm jekk ikunu barra minnha; jitlob ukoll li jittieħdu miżuri u li dawn il-miżuri jiġu promossi, f’koperazzjoni ma’ l-industrija tat-turiżmu, sabiex jgħinu b’mod effettiv il-ġlieda kontra l-prostituzzjoni tat-tfal u t-turiżmu sesswali fejn huma nvoluti t-tfal, bħalm’huma it-tfassil ta’ kodiċijiet ta’ kondotta, impenji volontarji u t-tidħil ta’ klawsoli addizzjonali fil-kuntratti li l-operaturi turistiċi jikkonkludu mal-lukandi;

37. Jisħaq fuq l-importanza li d-drittijiet tat-tfal jingħataw il-prijorità kif inhuma mniżżla b’mod sagrosant fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal fir-rigward ta’ l-interess tas-soċjetà fl-ottimizzazzjoni tar-riżorsi umani; id-dritt ta’ l-iżvilupp individwali ħieles għandu jkollu prijorità assoluta fuq il-promozzjoni selettiva soċjali tat-tfal jew il-promozzjoni mmanuvrata tagħhom, pereżempju fejn isir konċentrament fuq il-possibilitajiet futuri tas-suq tax-xogħol.

38. Jenfasizza li hu imperattiv li jkun hemm kunsiderazzjoni u inklużjoni ddivrenzjati tal-ħtiġijiet tat-tfal; eżempju tajjeb għal skala ddivrenzjata bħal din hu l-Karta ta' Rapport 7 miċ-Ċentru ta' Riċerka INNOĊENTI tal-UNICEF, b'sitt dimensjonijiet tal-benesseri tat-tfal, inklużi l-benesseri materjali, is-saħħa u s-sikurezza, il-benesseri edukattiv, ir-relazzjonijiet tal-familja u ma' dawk ta’ mparhom, imġibiet u riskji u l-benesseri suġġettiv;

39. Jiddispjaċih li minkejja l-fatt li numru kbir ħafna ta’ tfal huma obbligati jaħdmu kemm ġewwa u kemm barra l-UE minħabba l-qagħda ekonomika diffiċli tal-familji tagħhom, ftit li xejn ingħata kas ta’ l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar it-tħaddim tat-tfal; jidhirlu li għandha ssir aktar enfasi għall-implimentazzjoni tagħha, b’mod partikolari bħala parti mill-proċess ta’ adeżjoni;

40. Jisħaq fuq l-importanza, fl-Istrateġija Ewropea l-ġdida, li jsir provvediment għall-ħidma u l-koordinament aħjar ta’ l-atturi kollha involuti, inkluża s-soċjetà ċivili, u b’mod partikolari t-tfal, permezz ta’ għajnuna finanzjarja, filwaqt li jsir konċentrament fuq miżuri diretti għall-benesseri tat-tfal, pereżempju dwar il-kura ta' kwalità għat-tfal, infrastrutturi u attivitajiet kreattivi; il-parteċipazzjoni attiva tat-tfal f’deċiżjonijiet li jikkonċernawhom għandha tevolvi kontinwament skond l-età tat-tifel/tifla (kif iddikjarat fl-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal);

41. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi biex tippermetti lit-tfal igawdu s-snin tat-tfulija tagħhom u jieħdu sehem f'attivitajiet tat-tfal mingħajr ma jbatu d-diskriminazzjoni jew l-esklużjoni soċjali;

42. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi biex lit-tfal fl-iskola tipproteġihom mis-swat, ir-razziżmu u l-fastidju sesswali;

43. Jemmen li għandhom jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa minn qabel sabiex it-tfal orfni li jkunu tilfu lil xi wieħed mill-ġenituri jew lit-tnejn li huma jkunu jistgħu jintegraw faċilment fis-soċjetà kollha kemm hi mingħajr ma jbatu d-diskriminazzjoni, sabiex ikunu pprovduti b’edukazzjoni u kura tas-saħħa xierqa u biex jingħataw opportunitajiet indaqs f’attivitajiet diversi mingħajr ebda esklużjoni soċjali;

44. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi sabiex tipproteġi lit-tfal li l-ġenituri tagħhom qed ibatu bl-AIDS, qagħda li tista’ tirriżulta fl-esklużjoni tagħhom minn xi attivitajiet u l-iżolament tagħhom mis-soċjetà;

45. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi biex tipprojbixxi l-kastig tal-ġisem bħala miżura dixxiplinarja għat-tfal orfni li jgħixu fl-istituti;

46. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi biex tipprojbixxi l-mutillazzjoni ġenitali tal-bniet, biex twaqqaf iż-żwiġijiet imġiegħla u biex tieħu passi fir-rigward tal-qtil għall-unur;

PROĊEDURA

Titolu

Lejn strateġija ta' l-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal

Numru tal-Proċedura

2007/2093(INI)

Kumitat responsabbli

LIBE

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

EMPL
26.4.2007

Koperazzjoni aktar mill-qrib

        Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

 

Rapporteur' għal opinjoni
  Data tal-ħatra

Dimitrios Papadimoulis
23.1.2007

Rapporteur' għal opinjoni preċedenti

 

Eżami fil-kumitat

12.4.2007

5.6.2007

 

 

 

Data ta' l-adozzjoni

7.6.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

36

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Andersson, Alexandru Athanasiu, Emine Bozkurt, Iles Braghetto, Philip Bushill-Matthews, Milan Cabrnoch, Ole Christensen, Derek Roland Clark, Luigi Cocilovo, Proinsias De Rossa, Harald Ettl, Richard Falbr, Ilda Figueiredo, Joel Hasse Ferreira, Stephen Hughes, Ona Juknevičienė, Jan Jerzy Kułakowski, Jean Lambert, Raymond Langendries, Elizabeth Lynne, Mary Lou McDonald, Thomas Mann, Ana Mato Adrover, Elisabeth Morin, Csaba Őry, Kathy Sinnott, Jean Spautz, Gabriele Stauner, Anne Van Lancker

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Udo Bullmann, Françoise Castex, Monica Maria Iacob-Ridzi, Sepp Kusstatscher, Mario Mantovani, Dimitrios Papadimoulis, Evangelia Tzampazi

Sostituti(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Bilyana Ilieva Raeva

Kummenti (disponibbli b'lingwa waħda biss)

 

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-KULTURA U L-EDUKAZZJONI (26.6.2007)

għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

dwar strateġija ta’ l-UE dwar id-drittijiet tat-tfal
(2007/2093(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Lissy Gröner

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni li se jadotta:

A.  billi anki d-dritt għall-edukazzjoni u l-kultura jagħti dinjità lit-tfal,

B.   billi huwa indispensabbli li wieħed jirrispetta u li jara li jiġu rispettati d-drittijiet tat-tfal fl-ambjenti edukattivi, kulturali u fl-għaqdiet fejn jiżviluppaw,

C.  billi l-iskola mhijiex biss post fejn tingħata edukazzjoni iżda wkoll post fejn jiġu trasmessi l-għerf u l-kultura,

D.  billi l-implimentazjoni tad-drittijiet tat-tfal mingħajr restrizzjonijiet hija l-fini ta' kull żvilupp gradwali, li jippermettilhom isiru persuni indipendenti u responsabbli,

E.   billi d-drittijiet tat-tfal b'diffikultajiet skolastiċi għandhom jiġu kkunsidrati, fuq kollox billi jiġu introdotti metodi pedagoġiċi adattati għall-bżonnijiet tagħhom,

F.   billi l-miżuri biex tfal b'diżabilità jkollhom edukazzjoni fi skola għandhom jissaħħu immedjatament, sabiex jiffaċilitaw l-integrazzjoni ta' dawn it-tfal fis-soċjetà,

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon, fost il-miżuri ta' l-UE, l-istrateġija għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, li tiggarantixxi protezzjoni effettiva tad-drittijiet tat-tfal u tħarishom minn sfruttament ekonomiku u kull forma ta' abbuż, peress li fil-qafas ta' din l-istrateġija l-UE impenjat ruħha li tħares id-drittijiet fundamentali, fosthom id-drittijiet tta-tfal;

2.   Jenfasizza li kull forma ta' emarġinazzjoni, diskriminazzjoni u vjolenza kontra t-tfal għandha tiġi eliminata;

3.  Iqis neċessarju li jiġu stabbiliti proġetti konkreti bħal numri ta' telefon li jiggarantixxu aċċess mingħajr ħlas għas-servizzi ta' għajnuna fil-lingwi uffiċjali kollha;

4.   Iqis neċessarju li jissaħħu l-Forum Ewropew għad-Drittijiet tat-Tfal, il-pjattaforma ta' diskussjoni u ħidma fuq l-internet, il-grupp bejn is-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea u l-ħatra ta' Koordinatur għad-Drittijiet tat-Tfal, sabiex is-sitwazzjoni tat-tfal tkun tista' titjieb mad-dinja kollha;

5.   Jitlob lill-UE biex tieħu sehem attiv, permezz ta' informazzjoni u pariri, fil-promozzjoni tat-tagħrif dwar il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u t-tixrid tagħha fi ħdan l-Unjoni Ewropea u lilhinn minnha;

6.  Jenfasizza li d-dritt għall-edukazzjoni jikkostitwixxi rekwiżit fundamentali għall-iżvilupp soċjali tat-tfal u li dan id-dritt għandhom igawduh it-tfal kollha skond l-imġiba individwali tagħhom, indipendentement mill-oriġini etniċi u soċjali u s-sitwazzjoni familjari tagħhom

7.   Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex iniedu programmi ta' skambju għall-għalliema u l-istudenti ma' pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari ma' pajjiżi fil-lvant nofsani u ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw u biex ixerrdu u jippromwovu d-drittijiet tat-tfal, filwaqt li partikolarment jiġi rrispettat id-dritt għall-edukazzjoni u l-ugwaljanza bejn is-sessi;

8.   Huwa tal-fehma li t-tfal għandu jkollhom aċċess għall-edukazzjoni indipendentement mill-istatus tagħhom u/jew l-istatus tal-ġenituri tagħhom; jenfasizza kemm huwa importanti li l-istess aċċess ikun iggarantit lit-tfal ta' l-emigranti u r-rifuġjati;

9.   Jirreferi għall-objettivi tal-Proċess ta' Barċellona biex it-tfal kollha jiżviluppaw permezz ta' opportunitajiet indaqs u possibilitajiet ta' wens suffiċjenti;

10. Jirreferi għall-fatt li t-tfal li jieħdu ħsieb ġenituri jew aħwa bi bżonnijiet speċjali għandu jkollhom id-dritt għal appoġġ speċjalizzat u mmirat lejn dawn il-bżonnijiet;

11. Jenfasizza li persuni li jaħdmu professjonalment mat-tfal għandu jkollhom l-opportunità ta' taħriġ avvanzat kontinwu ta' livell għoli, kundizzjonijiet tax-xogħol tajba u salarju xieraq, sabiex jissaħħu l-kontinwità tal-wens, kif ukoll standards għoljin;

12. Ifakkar li s-soċjetà, b'mod partikolari l-ġenituri u l-edukaturi għandhom ikunu involuti biex jippromwovu t-tagħrif dwar d-drittijiet tat-tfal u jinfurzawhom;

13. Jirreferi għall-isfruttament tat-tfal u ż-żgħażagħ fid-dinja tal-moda, tal-mużika, tal-films u ta' l-isport;

14. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jieħdu miżuri li jagħtu protezzjoni xierqa mill-vjolenza fuq l-internet u fil-midja awdjoviżiva;

15. Jenfasizza li l-promozzjoni tal-"kultura tat-tfal" permezz tal-Programm Ewropew dwar il-Midja u l-Kultura għandha tissaħħaħ, u jistieden lill-Kunsill u l-Kummissjoni biex iqajmu entużjażmu għall-kultura Ewropea u l-lingwi Ewropej permezz ta' proġetti innovattivi adattati għat-tfal u biex iħeġġuhom biex minn kmieni tikber fihom ix-xewqa għat-tagħlim; jenfasizza fl-istess ħin l-importanza ta' l-edukazzjoni dwar il-midja, bl-introduzzjoni ta' kontenut pedagoġiku, għal użu aktar konxju tal-mezzi differenti tal-midja;

16. Jappoġġja l-idea li fl-Unjoni Ewropea tinħoloq sistema uniformi għall-klassifikazzjoni u tikkettar għall-bejgħ u t-tixrid ta' kontenut awdjoviżiv u ta' logħob tal-video għall-minuri, sabiex l-istandard Ewropew ikun jista' jservi ta' eżempju għall-pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea;

17. Jenfasizza li l-Istati Membri għandhom isaħħu l-isforzi tagħhom għall-protezzjoni tat-tfal, li minn perspettivi differenti huma żvantaġġjati jew partikolarment vulnerabbli, fost affarijiet oħra, permezz ta' miżuri bħall-forniment ta' servizzi ta' livell għoli, li jkunu bi prezz raġonevoli u aċċessibbli; jitlob, għalhekk, li jiġu introdotti mekkaniżmi xierqa ta' sorveljanza biex jiġu individwati u appoġġjati tfal partikolarment vulnerabbli;

18. Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, fir-rigward ta' l-adozzjoni tad-direttiva ġdida għas-servizzi tal-midja awdjoviżivi[1], biex jipprojbixxu l-pornografija tat-tfal u l-vjolenza kontra t-tfal fis-servizzi kollha tal-midja awdioviżivi;

19. Jitlob lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jintroduċu kull miżura neċessarja biex jipproteġu minuri mill-effetti ħżiena ta' l-alkoħol u d-drogi;

20. Jitlob lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jikkombinaw ir-riżorsi u l-proġetti tagħhom għall-implimentazzjoni ta' din l-istrateġija;

21. Jitlob lill-Istati Membri biex, bl-appoġġ tal-programmi Ewropej, inaqqsu l-faqar tat-tfal b'mod kunsiderevoli malajr u biex jiffissaw benchmarks u joffru lit-tfal kollha, independentement mill-oriġini soċjali tagħhom, l-istess opportunitajiet;

22. Jitlob lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jiddeterminaw forom prattiċi għall-iskambju ta' esperjenzi u biex ifasslu kriterji evalwattivi fil-ġbir ta' dejta dwar id-drittijiet tat-tfal li jagħtu lok għal komparazzjoni effettiva, filwaqt li jikkunsidraw l-istrutturi eteroġeni fis-diversi Stati Membri;

23. Jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jiżguraw, meta jkomplu jiżviluppaw l-istrateġija ta' komunikazzjoni dwar il-kwistjoni tad-drittijiet tat-tfal u l-appoġġ għan-netwerks ta' informazzjoni għat-tfal, li jiġi żviluppat materjal li lit-tfal jagħtihom possibilità li jirċievu informazzjoni ta' standard għoli, imfassal speċifikament għat-tfal, fil-lokalità tagħhom stess u permezz ta' kuntatt personali;

24. Jenfasizza li d-dritt għall-kura medika tat-tfal u ż-żgħażagħ hija essenzjali biex jikbru b'saħħithom;

25. Ifakkar li strutturi edukattivi u kulturali huma postijiet fejn it-tfal għandhom ikunu jistgħu jeżercitaw id-drittijiet tagħhom mingħajr restrizzjonijiet filwaqt li jirrispettaw l-obbligi tagħhom;

26. Jenfasizza li l-edukazzjoni skolastika u kulturali tipprepara lit-tfal biex jieħdu posthom fis-soċjetà bħala ċittadini liberi u responsabbli;

27. Jenfasizza li l-kultura u l-edukazzjoni huma żewġ strumenti essenzjali għall-iżvilupp tat-tfal li jsaħħu l-personalità tagħhom, jirfinaw is-sensitività tagħhom u jiżviluppaw l-immaġinazzjoni u l-kreattività tagħhom;

28. Jirrakkomanda lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, permezz ta' l-introduzzjoni u l-iżvilupp ta' metodi pedagoġiċi adattati, ikomplu bl-isforzi tagħhom fil-każ ta' tfal li jfallu fl-iskola;

29. Jirrakkomanda wkoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li jagħmlu studju dwar il-bżonnijiet speċifiċi ta' studenti b'diżabilità u jimplimentaw programm skolastiku maqtugħ apposta biex jinkoraġġixxi l-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà.

PROĊEDURA

Titolu

Strateġija ta’ l-UE dwar id-drittijiet tat-tfal

Numru tal-proċedura

2007/2093(INI)

Kumitat responsabbli

LIBE

Opinjoni mogħtija minn
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

CULT
26.4.2007

Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

 

Rapporteur għal opinjoni
  Data tal-ħatra

Lissy Gröner
12.9.2006

Rapporteur għal opinjoni preċedenti

 

Eżami fil-kumitat

21.3.2007

8.5.2007

 

 

 

Data ta' l-adozzjoni

25.6.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

1

 

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Ivo Belet, Guy Bono, Marie-Hélène Descamps, Věra Flasarová, Milan Gaľa, Ovidiu Victor Ganţ, Luis Herrero-Tejedor, Ruth Hieronymi, Sándor Kónya-Hamar, Manolis Mavrommatis, Marianne Mikko, Viorica-Pompilia-Georgeta Moisuc, Doris Pack, Christa Prets, Karin Resetarits, Pál Schmitt, Nikolaos Sifunakis, Hannu Takkula, Salvatore Tatarella, Henri Weber, Thomas Wise, Tomáš Zatloukal

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Emine Bozkurt, Erna Hennicot-Schoepges, Mary Honeyball

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

 

Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss)

...

  • [1]  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew stabbilita fl-ewwel qari tat-13 ta' Diċembru 2006 dwar l-emenda tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (P6_TA(2006)0559)

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI (12.9.2007)

għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

dwar Lejn Strateġija Ewropea għad-drittijiet tat-tfal
(2007/2093(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Antonio López-Istúriz White

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni li se jadotta:

1.  iħeġġeġ lill-Istati Membri li għadhom ma rratifikawx iż-żewġ protokolli mhux obbligatorji tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal sabiex jirratifikawhom;

2.  iħeġġeġ lill-Kunsill biex jawtorizza lill-Istati Membri li għadhom ma għamlux hekk sabiex jirratifikaw il-Patt ta’ l-Aja tad-19 ta’ Ottubru 1996 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent, l-esekuzzjoni u l-koperazzjoni f'materji ta' responsabiltà tal-ġenituri u ta’ miżuri għall-protezzjoni tat-tfal, u jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet differenti ta' l-UE sabiex jippromwovu r-ratifika min-naħa ta' pajjiżi terzi ta’ l-istrumenti internazzjonali ewlenin tal-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, speċjament dawk li jistgħu jtejbu s-sitwazzjoni ta’ immigranti minorenni;

3.  billi l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) 2201/2003 tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-esekuzzjoni ta' sentenzi f’materji matrimonjali u f'materji ta' responsabiltà tal-ġenituri[1] min-naħa ta' l-awtoritajiet nazzjonali tagħti lok għal interpretazzjonijiet diversi, iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex issawwar xi linji gwida u sensiela ta' prattika tajba sabiex tiċċara u tiffaċilita l-applikazzjoni tar-Regolament imsemmi;

jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jirrispettaw il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea (b'mod partikolari l-Artikolu 24 tagħha) meta jfasslu l-leġiżlazzjoni tagħhom u jiggarantixxu wkoll li d-drittijiet tat-tfal - b'mod partikolari ta' dawk li jinsabu f'sitwazzjoni żvantaġġjata, prekarja jew vulnerabbli, jew li huma parti mill-minoritajiet ta' immigranti jew etniċi, b'mod partikolari r-Roma - jiġu kkunsidrati b'mod sistematiku f’kull proposta leġiżlattiva;

5.  ifakkar li l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea mal-Patt għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali tal-Kunsill ta’ l-Ewropa tkun soluzzjoni ideali sabiex tiżdied il-protezzjoni tat-tfal fl-UE u jħeġġeġ lill-Kunsill sabiex mill-aktar fis possibbli jiffirma l-adeżjoni tal-Komunità mal-Patt imsemmi;

6.  iħeġġeġ lill-Kunsill sabiex malajr kemm jista’ jkun japprova l-proposta ta’ deċiżjoni qafas dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut ta’ l-iskambji ta’ informazzjoni tar-reġistri tal-kondotta bejn l-Istati Membri (COM(2005)0690);

7.  iħeġġeġ lill-Kunsill sabiex itejjeb il-kapaċitajiet ta’ l-Europol fil-qasam tal-ġlieda kontra r-reati transkonfinali mwettqa kontra t-tfal, speċjalment fir-rigward tad-distribuzzjoni tal-pornografija tat-tfal permezz ta’ l-internet, u l-possibilità li aġent ta’ l-Europol imexxi timijiet ta’ investigazzjoni f’dan il-qasam;

ifakkar li r-regoli internazzjonali dwar il-protezzjoni tat-tfal huma applikabbli għal minuri mhux akkumpanjati li jidħlu fl-Unjoni Ewropea permezz tal-kanal ta' l-immigrazzjoni klandestina; jistieden lill-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali kollha kif ukoll lill-istituzzjonijiet ta' l-UE sabiex jikkollaboraw bl-aħjar mod għall-protezzjoni ta' dawn il-minuri mhux akkumpanjati; jistieden lill-Kummissjoni biex mal-pajjiżi terzi ta' l-oriġini twaqqaf proċeduri ta' koperazzjoni internazzjonali fil-qasam ta' l-assistenza li jiggarantixxu r-ritorn ta' dawn il-minuri lejn pajjiżhom permezz ta' kundizzjonijiet xierqa u sabiex toħloq mekkaniżmi ta' protezzjoni għal dawn il-minuri meta dawn ikunu ġew ritornati fil-pajjiż ta' l-oriġini tagħhom, kemm fi ħdan il-familja bijoloġika tagħhom kif ukoll fi ħdan mekkaniżmi jew istituzzjonijiet li jipproteġuhom b'mod effikaċi;

9.  iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta rapport dwar il-possibilità li fil-ftehimiet internazzjonali kollha li l-KE tikkonkludi ma’ pajjiżi terzi, tiġi inkluża klawżola speċifika, li tkun torbot legalment, dwar ir-rispett tad-drittijiet tat-tfal kif huma definiti f’livell internazzjonali.

PROĊEDURA

Titolu

Lejn strateġija Ewropea dwar id-drittijiet tat-tfal

Numru tal-proċedura

2007/2093(INI)

Il-kumitat bħala l-kumitat responsabbli

LIBE

Avviż maħruġ minn
  Data tat-tħabbir fis-seduta

JURI
26.4.2007

Koperazzjoni aktar mill-qrib - data tat-tħabbir fis-seduta

 

 

Rapporteur għal opinjoni:
  Data tal-ħatra

Antonio López-Istúriz White
29.1.2007

Rapporteur għal opinjoni sostitut:

 

Eżami fil-kumitat

19.3.2007

11.6.2007

 

 

 

Data ta' l-adozzjoni

11.9.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

0

0

Membri preżenti waqt il-votazzjoni finali

Marek Aleksander Czarnecki, Bert Doorn, Monica Frassoni, Giuseppe Gargani, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Othmar Karas, Piia-Noora Kauppi, Klaus-Heiner Lehne, Katalin Lévai, Alain Lipietz, Antonio López-Istúriz White, Hans-Peter Mayer, Manuel Medina Ortega, Hartmut Nassauer, Aloyzas Sakalas, Francesco Enrico Speroni, Daniel Strož, Rainer Wieland

Sostitut(i) preżenti waqt il-votazzjoni finali

Janelly Fourtou, Jean-Paul Gauzès, Barbara Kudrycka, Michel Rocard, Jacques Toubon

Sostitut(i) (Art. 178, par. 2) preżenti waqt il-votazzjoni finali

Albert Deß, María Sornosa Martínez

Kummenti (disponibbli f'lingwa waħda biss)

...

  • [1]  ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta' l-adozzjoni

18.12.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

54

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alexander Alvaro, Roberta Angelilli, Mihael Brejc, Kathalijne Maria Buitenweg, Maria Carlshamre, Michael Cashman, Giuseppe Castiglione, Giusto Catania, Jean-Marie Cavada, Carlos Coelho, Panayiotis Demetriou, Gérard Deprez, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Bárbara Dührkop Dührkop, Claudio Fava, Armando França, Urszula Gacek, Kinga Gál, Patrick Gaubert, Roland Gewalt, Lívia Járóka, Ewa Klamt, Stavros Lambrinidis, Esther De Lange, Henrik Lax, Roselyne Lefrançois, Sarah Ludford, Jaime Mayor Oreja, Claude Moraes, Javier Moreno Sánchez, Rares-Lucian Niculescu, Bogusław Rogalski, Martine Roure, Luciana Sbarbati, Inger Segelström, Søren Bo Søndergaard, Csaba Sógor, Vladimir Urutchev, Ioannis Varvitsiotis, Manfred Weber, Renate Weber, Tatjana Ždanoka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Edit Bauer, Simon Busuttil, Iratxe García Pérez, Genowefa Grabowska, Ignasi Guardans Cambó, Sophia in 't Veld, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Jean Lambert, Antonio Masip Hidalgo, Bill Newton Dunn, Rainer Wieland

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178 (2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Giulietto Chiesa, Ģirts Valdis Kristovskis, Manuel Medina Ortega