RAPPORT dwar ir-rapport annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar l-aspetti prinċipali u l-għażliet bażiċi tal-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni (CFSP), ippreżentat lill-Parlament Ewropew bl-applikazzjoni tal-punt G, paragrafu 43 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 - 2006

19.5.2008 - (2007/2219(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Jacek Saryusz-Wolski

Proċedura : 2007/2219(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0189/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-rapport annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar l-aspetti prinċipali u l-għażliet bażiċi tal-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni (CFSP), ippreżentat lill-Parlament Ewropew bl-applikazzjoni tal-punt G, paragrafu 43 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 - 2006

(2007/2219(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-rapport annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar l-aspetti prinċipali u l-għażliet bażiċi tal-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni (CFSP), ippreżentat lill-Parlament Ewropew bl-applikazzjoni tal-punt G, paragrafu 43 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 - 2006,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tat-Trattat ta' l-UE,

–       wara li kkunsidra t-Trattat li jemenda t-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (it-Trattat ta’ Liżbona), iffirmat fit-13 ta’ Diċembru 2007 f’Liżbona, u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ipproklamata fit-12 ta’ Diċembru 2007,

–       wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà (ESS) adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta’ Diċembru 2003,

–       wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-immaniġġjar finanzjarju sod[1],

–       wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta’ Brussell ta’ l-14 ta’ Diċembru 2007 u s-sejħa tiegħu sabiex jitlestew malajr il-proċessi ta’ ratifika nazzjonali bil-għan li t-Trattat ta’ Liżbona jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2009,

–       wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta’ Brussell tal-15-16 ta’ Diċembru 2005 dwar il-Perspettiva Finanzjarja 2007-2013,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta’ l-20 ta' Frar 2008 dwar it-Trattat ta’ Liżbona[2], u l-opinjoni dwar dan tal-Kumitat tal-Parlament għall-Affarijiet Barranin; wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Mejju 2007 dwar il-Politika Barranija u ta’ Sigurtà Komuni – 2005[3],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Novembru 2006 dwar l-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija ta’ Sigurtà Ewropea fil-kuntest ta’ l-ESDP[4],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Frar 2006 dwar strumenti finanzjarji ġodda għall-iżvilupp fir-rigward tal-Għanijiet tal-Millenju[5],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu ta’ l-10 ta’ Mejju u ta' l-14 ta’ Novembru 2007 dwar is-Samits[6] bejn l-UE u r-Russja u tad-19 ta’ Ġunju 2007 dwar ir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali mar-Russja[7],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu ta’ l-1 ta’ Ġunju 2006 dwar it-titjib tar-relazzjonijiet UE-Stati Uniti fil-qafas tal-Ftehima ta’ Sħubija Tranżatlantika u r-relazzjonijiet ekonomiċi tranżatlantiċi UE-Stati Uniti[8], u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ April 2007 dwar relazzjonijiet tranżatlantiċi[9],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Lulju 2007 dwar il-Lvant Nofsani[10],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Diċembru 2007 dwar is-Samit bejn l-UE u ċ-Ċina u d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem UE/Ċina[11],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Ottubru 2007 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika[12] u ta’ l-10 ta’ Mejju 2007 dwar is-sħubija ta’ l-UE fil-Qarn ta’ l-Afrika[13],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-10 ta' Mejju 2007 dwar l-istrateġija ta' l-UE għal riforma fid-dinja Għarbija[14],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ April 2006 dwar sħubija aktar b’saħħitha bejn l-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina[15],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Jannar 2006[16] u l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni ta’ l-10 ta’ Marzu 2008 dwar l-Afganistan,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta’ l-10 ta’ Marzu 2005 dwar ir-reviżjoni tat-Trattat ta’ Nuqqas ta’ Proliferazzjoni - Armi nukleari fil-Korea tat-Tramuntana u fl-Iran[17], jagħmilha ċara li 'No Say, No Pay' huwa prinċipju li l-UE se tadotta fin-negozjati tagħha mal-peniżola Koreana,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2007 dwar l-Iran[18],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Ottubru 2007 dwar Miżura Speċjali ta’ l-2007 għall-Iraq[19],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Settembru 2007 dwar politika barranija komuni ta' l-Ewropa dwar l-enerġija[20],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta’ Novembru 2007 dwar il-Konferenza ta’ Bali rigward il-Bidla fil-Klima[21] u tad-29 ta’ Novembru 2007 rigward il-kummerċ u l-bidla fil-klima, kif ukoll dwar il-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta’ Brussell tat-13-14 ta’ Marzu 2008 dwar il-Bidla fil-Klima u l-Enerġija u d-dokument ippreżentat lilu mir-Rappreżentant Għoli ta’ l-UE u l-Kummissjoni Ewropea, dwar il-Bidla fil-Klima u s-Sigurtà Internazzjonali[22],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Diċembru 2007 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu[23],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-26 ta’ April 2007 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja 2006 u dwar il-politika ta’ l-UE dwar din il-kwistjoni[24] u tas-6 ta’ Settembru 2007 dwar l-iffunzjonar tad-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-konsultazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem ma’ pajjiżi terzi[25],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Diċembru 2006 dwar l-aspetti istituzzjonali tal-kapaċità ta’ l-Unjoni Ewropea li tintegra l-Istati Membri l-ġodda[26],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-13 ta’ Diċembru 2006 dwar l-Istrateġija tat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2006-2007[27] u tal-15 ta’ Novembru 2007 dwar it-tisħiħ tal-Politika Ewropea għall-Viċinat[28],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2008 dwar Approċċ Politiku Reġjonali għall-Baħar l-Iswed[29],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Ottubru 2007 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u s-Serbja[30],

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 112(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A6-0189/2008),

A.     billi definizzjoni ċara ta’ l-interessi ta’ l-Unjoni hija essenzjali biex jintlaħqu l-miri ta’ l-azzjoni esterna ta’ l-Unjoni u b’mod partikulari l-politika għall-affarijiet barranin tagħha,

B.     billi hija meħtieġa unità akbar fl-Unjoni Ewropea biex is-CFSP, li hi bbażata fuq il-valuri, tissaħħaħ u ssir aktar effettiva, peress li altrimenti l-kredibilità ta’ l-Unjoni Ewropea bħala protagonist globali tirriskja li tiddgħajjef, kif ġara bil-mod kif l-UE mxiet fil-każ tat-Turkija, r-Russja, l-Iraq, l-Afganistan, Kuba u fis-sigurtá fl-enerġija; billi wieħed jittama li t-Trattat ta’ Liżbona u l-irwol imsaħħaħ tar-Rappreżentant Għoli jiffaċilitaw strateġija ta’ politika barranija li tħares aktar ’il quddiem u fuq perjodu fit-tul kif ukoll it-twaqqif ta’ approċċ komprensiv li jikseb l-appoġġ ta’ l-Istati Membri kollha,

C.     billi t-Trattat ta’ Liżbona jtejjeb b’mod ċar l-arranġamenti tas-CFSP attwalment fis-seħħ, b’hekk isaħħaħ il-profil internazzjonali ta’ l-UE u l-effettività tagħha,

D.     billi l-pressjoni ta’ kriżijiet u kunflitti lil hinn mill-fruntieri ta’ l-UE, u l-bżonn li jingħelbu sfidi kbar ġodda li jinħolqu bil-bidla ta' malajr fil-klima jissuġġerixxu perspettiva usa’ għas-CFSP,

E.     billi, biex ikunu kredibbli, is-CFSP u l-Politika ta’ Sigurtà u ta' Difiża Komuni (CSDP) futura jeħtieġu riżorsi allokati għalihom bi qbil ma’ l-ambizzjonijiet u l-miri speċifiċi tagħhom, u billi f’dan ir-rigward żieda sinifikattiva qed titqies bħala meħtieġa kemm waqt ir-reviżjoni ta’ nofs iż-żmien tal-Perspettivi Finanzjarji fl-2009 kif ukoll minn sorsi finanzjarji oħrajn,

Prinċipji

1.      Hu ta' l-opinjoni li, mill-bidunett tagħha, is-CFSP, kif ukoll il-Politika ta’ Sigurtà u ta' Difiża Ewropea (ESDP), għenu sabiex tissaħħaħ l-identità Ewropea u l-irwol ta' l-UE bħala parteċipant globali;

2.      Hu ta’ l-opinjoni, madankollu, li l-irwol ta’ l-UE fid-dinja ma jilħaqx il-livell tal-potenzjal tiegħu u ta’ l-aspettattivi ta’ l-opinjoni pubblika Ewropea, minħabba n-nuqqas ta’ ħeġġa ta’ l-Istati Membri li jadottaw ir-riformi meħtieġa u indispensabbli li għandhom l-għan li jsaħħu l-effikaċja, il-koerenza u r-responsabilitá tal-politika barranija tagħha;

3.      Jemmen li, minħabba li l-Unjoni Ewropea hi komunità bbażata fuq il-valuri, sabiex tkun parteċipant globali kredibbli, trid iżżomm l-istandards għolja tagħha fir-relazzjonijiet esterni, u li s-CFSP għandha għalhekk timxi fuq il-valuri li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jgħożżu, l-aktar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, bħala objettivi ewlenin tas-CFSP;

4.      Jiġbed l-attenzjoni, f’dan ir-rigward, li l-fatt li l-Unjoni Ewropea tiddependi ħafna għall-enerġija fuq pajjiżi mhux demokratiċi jista' jnaqqas ħafna l-koerenza, il-mod li bih tasserixxi ruħha u s-sostenibilità tal-politika barranija komuni tagħha;

5.      Jemmen bis-sħiħ li l-Unjoni Ewropea tista' tħalli impatt u tmexxi CFSP ġenwina, effettiva u kredibbli biss jekk tidentifika b’mod ċar l-għanijiet komuni tagħha, tara li jkollha l-istrumenti adegwati, b’tali mod li tiżgura konsistenza bejn l-għanijiet u l-mezzi, titkellem b’vuċi waħda u tgawdi minn leġittimità demokratika qawwija li jista' jagħtiha l-iskrutinju tal-Parlament Ewropew; fl-istess ħin, iqis li l-għanijiet ewlenin tas-CFSP jistgħu jinkisbu biss jekk il-Parlament Ewropew innifsu jitkellem b’vuċi komuni u, f’dan ir-rigward, jinkuraġġixxi delimitazzjoni iktar ċara tal-kompetenzi, minn perspettiva tematika u ġeografika, bejn il-korpi speċjalizzati tiegħu relatati mas-CFSP;

6.      Jistieden lill-Istati Membri sabiex jintrabtu li jikkonsultaw lis-sieħba tagħhom fl-UE u lir-Rappreżentant Għoli qabel jadottaw deċiżjonijiet strateġiċi fil-qasam tal-politika barranija, partikolarment f'organizzazzjonijiet multilaterali, sabiex il-pożizzjonijiet tagħhom fir-rigward tad-deċiżjonijiet strateġiċi jkunu talanqas koerenti, konverġenti u kompatibbli u ma jaffettwawx il-koerenza u l-koeżjoni ta' l-azzjoni esterna ta' l-UE jew idgħajfu l-kredibilità ta' l-UE bħala parteċipant globali vis-à-vis pajjiżi terzi;

Ir-Rapport Annwali 2006 dwar is-CFSP u r-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet ta' l-UE

7.      Jilqa' b'sodisfazzjon ir-Rapport Annwali 2006 mill-Kunsill;

8.      Filwaqt li jirrikonoxxi l-progress fl-istruttura tar-rapport, speċjalment l-inklużjoni ta' ppjanar li jħares 'il quddiem flimkien ma' deskrizzjoni ta' azzjonijiet li saru s-sena ta' qabel, jistenna li l-Kunsill fir-rapport annwali li jmiss, iqis ir-riżoluzzjonijiet u/jew ir-rakkomandazzjonijiet rilevanti adottati mill-Parlament;

9.      Hu ta' l-opinjoni li l-Parlament għandu b'mod aktar sistematiku jadotta pożizzjonijiet dwar kull stadju suċċessiv tat-teħid tad-deċiżjonijiet tas-CFSP u ta' l-ESDP; jirrakkomanda li, sabiex tissaħħaħ il-leġittimità demokratika tagħhom, il-pożizzjonijiet komuni u l-azzjonijiet konġunti għandhom, fejn hu xieraq, jikkunsidraw u jkollhom referenzi għal dawk il-pożizzjonijiet adottati mill-Parlament;

10.    Jirrikonoxxi li sar progress konsiderevoli fir-relazzjonijiet bejn il-Kunsill u l-Parlament, speċjalment permezz tat-twaqqif ta' mezzi ġodda u aktar flessibbli ta' komunikazzjoni; jikkunsidra, madankollu, li l-Parlament għandu jadotta pożizzjoni iktar deċiża fir-rigward tal-kwistjonijiet diskussi, u din għandha tkun trattata b’mod sistematiku fil-Kunsill; jirrimarka li sar ukoll progress permezz tal-kuntatti li żdiedu bejn l-istituzzjonijiet, inklużi skambji regolari ta' opinjonijiet mar-Rappreżentant Għoli u preżenzi aktar frekwenti mir-Rappreżentanti Speċjali ta' l-UE kif ukoll ta' uffiċjali għolja oħra fil-Parlament; madankollu, iqis li jista jsir aktar progress, partikolarment fir-rigward taż-żmien meta dawn il-persuni jkunu preżenti, biex il-preżenza tagħhom tikkoinċidi aktar ma' l-aġenda tal-Parlament u ta' l-entitajiet kompetenti tiegħu;

11.    Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li qed jiġi rikonoxxut li l-leġittimità u l-koerenza tas-CFSP/ESDP jiddependu b'mod sostanzjali mir-rieda akbar tar-Rappreżentant Għoli u tas-servizzi tiegħu li jikkoperaw mal-Parlament, kif ukoll mid-disponibilità tal-Presidenza tal-Kunsill li taħdem mal-Parlament;

Il-prijoritajiet tal-Parlament dwar ċerti aspetti orizzontali għall-2008

12.    Jipproponi li fl-2008 tingħata prijorità lil numru limitat ta' suġġetti li l-aktar jikkonċernaw it-tħassib taċ-ċittadini Ewropej kif ukoll l-aspettattivi tagħhom dwar l-irwol li għandu jkollha l-Unjoni fl-affarijiet interni;

13.    Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jindirizzaw b'mod konġunt, u b'sens akbar ta' urġenza, kwistjonijiet ta' tħassib attwali għall-Ewropa bħat-terroriżmu, il-kriminalitá organizzata, it-titjib tas-sigurtá permezz ta' koperazzjoni u żvilupp, is-sigurtá fl-enerġija, il-bidla fil-klima, l-iżvilupp sostenibbli, it-titjib fl-istabilitá ta' reġjuni ġirien, l-immaniġġjar tal-kriżi, il-prevenzjoni tal-konflitti u s-soluzzjoni tal-konflitti, in-nuqqas tal-firxa ta' armi tal-qerda tal-massa (WMD), il-ġestjoni tal-migrazzjoni, u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet ċivili; jilqa' b'sodisfazzjon ir-rapport dwar il-bidla fil-klima u s-sigurtà internazzjonali mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli lill-Kunsill Ewropew; jistieden lill-Kunsill sabiex jeżamina r-rapport u jressaq rakkomandazzjonijiet dwar segwitu xieraq; jenfasizza l-importanza tad-dimensjoni esterna bħala l-bażi tat-twaqqif ta' zona Ewropea ta' Libertá, Sigurtá u Ġustizzja;

14.    Jistieden lir-Rappreżentant Għoli biex jevalwa l-progress li sar, u kwalunkwe nuqqasijiet, fl-implimentazzjoni ta’ l-ESS mis-sena 2003, u jinkludi proposti għal titjib u li jissostanzjaw l-ESS; jemmen li r-rispett għal-liġi internazzjonali u l-irwol ta' l-istituzzjonijiet internazzjonali għandhom isiru l-prinċipji gwida ta' l-azzjoni esterna ta' l-UE; huwa ta’ l-opinjoni li evalwazzjoni bħal din għandha tkun il-bażi għal dibattitu politiku pubbliku usa’; jenfasizza li kwalunkwe evalwazzjoni futura ta' l-ESS għandha ssir b'konsultazzjoni mill-qrib ma' l-istituzzjonijiet kollha ta' l-UE, inklużi l-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali; hu ta' l-opinjoni li l-ESS għandha tkun riveduta b’tali mod li tinkludi kritika rigoruża tal-missjoni preżenti u direzzjoni futura tan-NATO u tar-relazzjonijiet tan-NATO ma’ l-Unjoni Ewropea fil-livell ta’ strateġija u fil-livell ta’ l-operat, kif ukoll analiżi tar-ramifikazzjonijiet tas-sigurtà ta’ tkabbir ulterjuri tan-NATO; jistieden lill-Kunsill biex jifformula, għall-ewwel darba, pożizzjoni koerenti dwar il-politika ta’ l-UE-NATO li se sservi mhux biss biex tagħti l-ħajja mill-ġdid lir-relazzjonijiet tranżatlantiċi iżda wkoll biex tipprovdi appoġġ għall-iżvilupp minn kmieni tal-politika ta’ sigurtà u difiża ta’ l-UE kif prevista fit-Trattat ta’ Liżbona;

15.    Jistieden lill-Kunsill biex jikkunsidra t-twaqqif ta’ strutturi u proċeduri adegwati kif wkoll titjib fl-iffunzjonar ta’ dawk eżistenti sabiex l-UE tiżviluppa l-kapaċità li tirreaġixxi b’mod rapidu f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi; jitlob ukoll li jkun żviluppat qafas legali li jiddefinixxi d-dritt ta' intervent u l-obbligu ta' protezzjoni f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi, inklużi l-proċeduri għat-teħid tad-deċiżjonijiet u tar-responsabilitajiet f’sitwazzjonijiet bħal dawn;

16.    Huwa ta' l-opinjoni li l-importanza tad-dimensjoni tal-politika barranija tas-sigurtà fl-enerġija, kif ukoll id-dipendenza ta’ l-Unjoni fuq provvisti ta’ l-enerġija u provvisti strateġiċi oħrajn minn pajjiżi jew reġjuni mhux stabbli jew mhux demokratiċi, se tkompli tiżdied; jirrakkomanda d-diversifikazzjoni wiesgħa ta’ sorsi ta’ enerġija u ta’ rotot ta’ trasport għall-enerġija u żieda fl-effiċjenza fl-użu ta’ l-enerġija kif ukoll solidarjetà fil-politika ta’ l-enerġija fost l-Istati Membri ta’ l-UE; jiddeplora l-iffirmar mingħajr koordinament ta' ftehimiet bilaterali ta' l-enerġija mill-Istati Membri, li jdgħajfu l-interessi u joħolqu dubji dwar il-proġetti strateġiċi ta' l-UE kif ukoll ta' l-Istati Membri l-oħra; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza strateġika tan-Nabucco pipeline għas-sigurtà ta’ l-enerġija ta’ l-Unjoni Ewropea u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jimmobilizzaw l-isforzi kollha sabiex ikun implimentat b’suċċess dan il-proġett malajr kemm jista’ jkun; itenni s-sejħa tiegħu għall-ħolqien tal-kariga ta’ Uffiċjal Għoli għall-Politika Barranija ta’ l-Enerġija taħt l-awtorità ta' kariga doppja futura tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni, bir-responsabilità tal-koordinament ta’ l-attivitajiet ta' l-Unjoni f'dan il-qasam; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ reazzjoni mill-Kunsill u l-Kummissjoni għar-Riżoluzzjoni tal-Parlament tas-26 ta’ Settembru 2007 imsemmija iktar ’il fuq;

17.    Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ progress favur politika barranija Ewropea komuni dwar l-enerġija u jiddeplora l-bilateraliżmu ta’ l-azzjoni adottata minn ċerti Stati Membri ta’ l-UE, li jdgħajfu konsiderevolment is-setgħa ta’ negozjar ta’ l-Unjoni Ewropea in ġenerali u l-isforzi tagħha favur politika barranija komuni dwar l-enerġija; itenni l-fehma tiegħu li politika bħal din għandha tkun ibbażata fuq solidarjetà u għandha tkun appoġġjata minn suq intern b’interkonnessjonijiet tajbin, bl-għodda kollha meħtieġa biex tittieħed azzjoni kontra l-imġiba mhux kummerċjali b’sens ta’ monopolju u motivata politikament, għax dan jista' jikkostitwixxi theddida għas-sigurtà ta’ l-enerġija tal-Komunità; għalhekk jilqa’ u jappoġġja bis-sħiħ il-klawsola tal-pajjiż terz inkluża fit-tielet pakkett ta’ l-enerġija;

18.    Itenni li t-terroriżmu, bħala mezz użat minn organizzazzjonijet mhux demokratiċi u terroristiċi, jikkostitwixxi waħda mit-theddidiet prinċipali għas-sigurtà ta’ l-UE u f’dan ir-rigward jilqa’ l-isforzi tal-Koordinatur ta' l-UE ta’ Kontra t-Terroriżmu biex jikkonsolida l-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija ta’ Kontra t-Terroriżmu ta’ l-UE; jinnota li l-ġlieda kontra t-terroriżmu trid titwettaq b'rispett xieraq għall-valuri universali tad-demokrazija, ta' l-istat tad-dritt, tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif ukoll tal-ħarsien tagħhom, b'koperazzjoni mill-qrib ma' msieħba internazzjonali u bi qbil ma' l-istrateġija stabbilita min-Nazzjonijiet Uniti; hu ta' l-opinjoni li ġlieda effettiva kontra t-terroriżmu għandha tkun prijoritá ewlenija fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi;

19.    Itenni l-importanza ta’ ġestjoni tajba tal-migrazzjoni; jikkunsidra bħala essenzjali, għaldaqstant, li tkun assigurata l-koperazzjoni kemm tal-pajjiżi ta' oriġini kif ukoll ta’ dawk ta' tranżitu, u li din tkun inċentivata bl-applikazzjoni ta' politika ta’ kundizzjonalitá pożittiva; jirrimarka l-ħtieġa li tkun evitata l-immigrazzjoni illegali u li jkunu miġġielda l-gruppi li jittraffikawha;

20.    Itenni li t-tisħiħ tat-tmexxija globali, ta’ l-istituzzjonijiet internazzjonali u tal-valur tal-liġi internazzjonali jibqgħu ta' interess vitali għall-azzjoni esterna ta’ l-Unjoni; jenfasizza f’dan ir-rigward l-irwol kruċjali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-appoġġ ta' multilateraliżmu effettiv u jenfasizza li l-Unjoni trid tibqa' magħquda flimkien waqt li tħeġġeġ lill-imsieħba tagħha biex ifittxu l-iżvilupp u l-konsolidament tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, bħala bażi komuni għal dinja prospera u sikura; jafferma mill-ġdid l-impenji tiegħu għall-Għanijiet tal-Millenju tan-NU, partikularment il-ġlieda dinjija kontra l-faqar;

21.    Huwa ta’ l-opinjoni li, sabiex tintlaħaq tmexxija globali, għandha tingħata attenzjoni partikulari lill-irwol li għandhom il-fondi ta' ġid sovrani (sovereign wealth funds) kif ukoll il-parteċipanti ekonomiċi ta’ l-Istat li jixbħuhom, li għandhom ikunu inkoraġġiti joperaw bi trasparenza u responsabilità massimi;

22.    Jikkunsidra li huwa importanti li l-UE tagħmel sforz ikbar biex issaħħaħ u tikkonsolida l-politiki tagħha għall-appoġġ dinji tad-demokrazija; għalhekk iqis li huwa essenzjali li appoġġ bħal dan jitpoġġa fil-qalba tas-CFSP u li tkun żgurata koerenza bejn l-azzjonijiet ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-UE u ta’ l-Istati Membri;

23.    Jinsisti dwar il-ħtieġa ta' implimentazzjoni effettiva tal-klawsoli tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dispożizzjonijiet dwar in-nuqqas ta' proliferazzjoni u ta' kontra t-terroriżmu kif ukoll l-inklużjoni ta' klawsola dwar is-sigurtà fl-enerġija fi ftehimiet ma' pajjiżi terzi, sabiex jiġu assigurati l-koerenza u l-effettività tal-politiki esterni ta' l-UE;

24.    Jinsisti fuq il-ħtieġa li tkompli ssir pressjoni biex, fuq livell internazzjonali, tkun implimentata l-istrateġija ta’ l-UE kontra l-firxa ta’ armi għall-qerda tal-massa (WMD), li ssir ħidma attiva sabiex tinżamm is-sistema ta’ kontroll ta’ l-armi u ta’ diżarm eżistenti, b’mod partikulari għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Komprensiva tal-Provi Nukleari (CTBT), l-implimentazzjoni konsistenti u l-monitoraġġ komprensiv tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi, il-projbizzjoni internazzjonali fuq munizzjoni ta’ tip ‘cluster’ u l-applikazzjoni universali tal-Konvenzjoni ta' Ottawa li tipprojbixxi l-mini splużivi ta’ l-art, li titpoġġa enfasi akbar fuq inizjattivi għall-kontroll tal-kummerċ ta’ l-armi ż-żgħar u inizjattivi u kwistjonijiet oħrajn ta’ diżarm u non-proliferazzjoni, li jissaħħu trattati multilaterali ta’ non-proliferazzjoni u jkunu pprovduti l-mezzi finanzjarji sabiex tkun implimentata l-istrateġija tal-WMD ta’ l-UE; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex ikollhom rwol pożittiv u effettiv sabiex jintemm l-istaġnar tal-ftehim fil-Konferenza dwar id-Diżarm ta’ Geneva u jittieħdu passi biex jiġi żgurat li n-negozjati jirriżultaw fi trattat nondiskriminatorju, multilaterali, internazzjonali u li jista’tkun ivverifikata b’mod effettiv il-projbizzjoni tal-produzzjoni ta’ materjali fissili għall-armi nukleari;

Prijoritajiet tal-Parlament fiz-zoni ġeografiċi għall-2008

25.    Huwa ta' l-opinjoni li l-proċess tat-tkabbir ta’ l-Unjoni, ibbażat fuq l-Artikolu 49 tat-Trattat ta' l-UE, jibqa' prijoritá ewlenija tal-politika barranija u li dan għandu jkun ibbażat fuq il-kapaċità ta’ l-Unjoni li tintegra l-Istati Membri l-ġodda (waqt li jitqiesu l-impatt tat-tkabbir fuq l-istituzzjonijiet tagħha, ir-riżorsi finanzjarji tagħha u l-kapaċità tagħha li tilħaq l-objettivi politiċi tagħha);

26.    Iqis li l-istabilità fil-Balkani tal-Punent għandha tkun il-prijorità ewlenija ta' l-UE għall-2008, f'konformità ma' l-opinjoni tal-Kunsill kif stabbilita fir-Rapport Annwali għall-2006; għalhekk iħoss li hu ferm importanti li jiġu rduppjati l-isforzi ħalli l-Balkani tal-Punent jitqarrbu lejn l-UE, flimkien mad-dħul ta' reġim mingħajr viża, it-tkabbir ta' koperazzjoni reġjunali fl-oqsma tal-kummerċ, it-trasport, l-enerġija u l-parteċipazzjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fil-programmi Komunitarji; jemmen li enfasi iktar qawwija fuq il-kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali li dan jinvolvi, tiffaċilita u ssaħħaħ il-preparazzjoni ta' dawk il-pajjiżi għas-sħubija fl-UE, f'konformità ma' l-Aġenda ta' Thessaloniki; jenfasizza l-importanza li tkun involuta s-soċjetà ċivili fil-proċess ta’ l-adeżjoni;

27.    Hu ta' l-opinjoni li d-djalogu mas-Serbja għandu jkun intensifikat u li għandhom jittieħdu passi konkreti sabiex tkun affermata mill-ġdid il-perspettiva Ewropea ta' dak il-pajjiż; jikkunsidra l-iffirmar tal-Ftehima ta’ Stabilità u Assoċjazzjoni bħala pass konkret lejn l-adeżjoni futura tas-Serbja fl-UE; jinkuraġġixxi għajnuna sostanzjali, implimentazzjoni ta' impenji u ta' miżuri ta' koperazzjoni reċiproċi, kif ukoll il-liberalizzazzjoni tal-pjan direzzjonali tal-viża; jisħaq li għandu jingħata enfasi partikulari dwar it-tisħiħ tar-rabtiet mal-forzi demokratiċi kollha u mas-soċjetá ċivili fl-oqsma ta' interess komuni; iqis li l-UE għandha tiżviluppa politiki adegwati u tibda proċessi xierqa sabiex is-Serbja ma tibqax iżolata;

28.    Jirreferi għall-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni li sar fit-18 ta' Frar 2008, li fih il-Kunsill innota l-adozzjoni ta' riżoluzzjoni, mill-Assemblea tal-Kosovo fis-17 ta' Frar 2008, li tiddikkjara lill-Kosovo bħala indipendenti u li fiha l-Kunsill ukoll stqarr li l-Istati Membri se jieħdu deċiżjoni dwar ir-relazzjoni tagħhom mal-Kosovo skond il-prattika nazzjonali u l-liġi internazzjonali;

29.    Hu tal-fehma li l-missjoni EULEX fil-Kosovo trid tissalvagwardja l-interessi tal-minoritajiet nazzjonali kif stipulat fil-pjan Ahtisaari sabiex tippreserva l-karattru multi-etniku tat-territorju, tibni fiduċja fost il-komunitajiet etniċi, tipproteġi l-wirt kulturali, reliġjuż u storiku, tikkonsolida l-istat tad-dritt u tippromovi l-iżvilupp ekonomiku; jinnota li t-tħaddin lokali ta' dawn l-isforzi se jiżgura tranżizzjoni b’suċċess u żvilupp soċjali, politiku u ekonomiku sostenibbli tal-Kosovo; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-impass fin-negozjati dwar it-trasferiment tar-responsabilitajiet mill-UNMIK għall-EULEX; jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni konċertata fin-Nazzjonijeit Uniti bil-għan li jiġi żgurat rikonoxximent tal-missjoni EULEX bħala parti mill-preżenza ċivili internazzjonali fil-Kosovo skond ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1244 Nru (1999);

30.    Jenfasizza li l-qagħda tal-minoritajiet fil-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent għandha tkun suġġetta għal aktar monitoraġġ bir-reqqa sabiex jiġi żgurat il-ħarsien effettiv tal-gruppi tal-minoritajiet kollha u tad-drittijiet tagħhom, u li għandu jsir aktar progress konsistenti f’dan il-qasam b’konformità ma’ l-istandards Ewropej; jemmen li għandu jittieħed vantaġġ mis-Sena ta’ Djalogu Interkulturali 2008 għall-promozzjoni tal-ftehim reċiproku u ta’ l-edukazzjoni mfassla biex iddaħħal fl-imħuħ ideat ta’ tolleranza;

31.    Jenfasizza wkoll li t-tisħiħ tal-Politika Ewropea għall-Viċinanzi (l-ENP) għandha titqies bħala objettiv ewlieni għall-2008, u li dan għandu jwassal għal approċċ varjat għall-ġirien tagħna li jqis kemm l-aspettattivi tagħhom u kif ukoll l-interessi strateġiċi ta' l-Unjoni; jemmen li din il-politika mġedda għandha tagħmel użu akbar u aktar estensiv ta' l-istrumenti disponibbli tal-Komunità;

32.    Itenni li l-persistenza ta’ kunflitti li ma ġewx solvuti fil-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinanzi (ENP) tirrappreżenta sfida serja għas-sigurtà tal-fruntieri esterni ta’ l-UE u għall-implimentazzjoni effettiva ta’ l-ENP; jenfasizza li, bit-tkabbir ta’ l-2007, il-fruntieri ta’ l-UE jinsabu saħansitra aktar qrib għal dawn iż-żoni ta’ kunflitt; għalhekk, jappella għall-involviment aktar attiv u komprensiv ta’ l-UE fl-isforzi li għaddejjin biex tinstab soluzzjoni għal dawn il-kunflitti, b’mod partikulari għal dak fiż-żona Transnistrijana tar-Repubblika tal-Moldova, f'konformità mal-liġi internazzjonali u mal-prinċipji ta’ integrità territorjali, u jappella wkoll għal impenn akbar min-naħa ta’ l-UE fil-ġestjoni tal-kunflitti;

33.    Jemmen li l-Unjoni għandha tiffoka l-attenzjoni tagħha fuq l-iżvilupp ta' koperazzjoni ekonomika, stabilità politika u demokrazija fit-tliet oqsma ta' koperazzjoni ewlenin, jiġifieri l-Mediterran, il-Baħar Baltiku u l-Baħar l-Iswed, billi jsir użu minn strutturi ta’ koperazzjoni f’dawk l-oqsma, billi tiġi kkonsolidata s-sinerġija bejn il-politiki istituzzjonali u reġjonali u billi l-pajjiżi fir-reġjuni msemmija hawn fuq jiġu megħjuna fil-proċessi ta' integrazzjoni tagħhom; jilqa’ b'sodisfazzjon l-intenzjoni espressa mill-Kunsill Ewropew tat-13 u l-14 ta’ Marzu 2007 biex jissaħħaħ il-Proċess ta’ Barċellona; itenni l-importanza li jinkisbu riżultati tanġibbli fir-reġjun Ewro-Mediterran fejn ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali fil-pajjiżi tax-xtajta ta’ nofsinhar tal-Mediterran għandhom jiġu promossi u fejn għandu jkun hemm attenzjoni ffokata aktar fuq l-tintuża attenzjoni akbar fil-kuntest ta’ l-enerġija u ta’ l-isfidi ambjentali u ta' l-enerġija;

34.    Itenni li r-reġjuni tal-Baħar l-Iswed u tal-Baħar Baltiku għandhom importanza strateġika għall-Unjoni u li għalhek jixraqilhom approċċ aktar koerenti, simili għal dak għar-reġjun tal-Baħar Mediterran; Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex irawmu koperazzjoni reġjonali mal-Baħar l-Iswed u mal-Baħar Baltiku; huwa tal-fehma li attenzjoni ugwali u bbilanċjata bejn dawn it-tliet reġjuni kruċjali tkun żgurata bl-aħjar mod permezz tat-tfassil ta' strutturi organizzattivi ġodda għall-koperazzjoni reġjonali fir-reġjuni tal-Baħar l-Iswed u tal-Baħar Baltiku, u kif ukoll permezz tat-tisħiħ tar-relazzjonijiet ma' l-assembleji multilaterali eżistenti bħall-Assemblea Parlamentari tal-Koperazzjoni Ekonomika tal-Baħar l-Iswed;

35.    Jenfasizza l-bżonn li tissaħħaħ l-alleanza transatlantika u li jiġu intensifikati l-kuntatti ma' l-Istati Uniti, inter alia permezz ta' Ftehima ta' Sħubija Transatlantika iktar avvanzata u iktar komprensiva, li l-potenzjal tagħha għandu jiġi sfruttat bis-sħiħ u li għandha tinkludi konsultazzjoni u koperazzjoni kemm fuq interessi reċiproċi, u kif ukoll fuq il-prevenzjoni ta' kunflitti ċivili, l-ordni legali internazzjonali, il-paċi u d-diżarm, l-iżvilupp sistenibbli u l-ġlieda kontra l-faqar; jilqa' b'sodisfazzjon it-twaqqif ta' Kunsill Ekonomiku Transatlantiku; jenfasizza l-importanza tad-dimensjoni parlamentari fi ħdan il-qafas tad-Djalogu tal-'Leġiżlaturi Transatlantiċi', u kif ukoll il-bżonn li jkun hemm djalogu iktar profond mal-Kungress ta' l-Istati Uniti dwar il-futur tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti, il-futur tan-NATO u r-riforma tan-Nazzjonijiet Uniti;

36.    Iqis ir-reviżjoni fl-2008 mill-Unjoni tar-relazzjonijiet tagħha mar-Russja bħala importanti ħafna; huwa tal-fehma li dawn ir-relazzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq sħubija bbilanċjata, li tindirizza sfidi globali bħan-nonproliferazzjoni ta' l-armi għall-qerda tal-massa (WMD), is-sigurtà ġenerali u s-sigurtà ta' l-enerġija, u li tippromwovi l-konsolidazzjoni tad-demokrazija, il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, il-kummerċ ħieles u, fuq kollox, ir-rispett ta' l-istat tad-dritt; ifakkar li sħubija ġenwina għandha tkun ibbażata kemm fuq trattament ugwali ta' l-Istati Membri kollha u kif ukoll fuq relazzjonijiet tajbin ma' l-istati ġirien, trasparenza u responsabilità; jitlob lill-Istati Membri biex jikkoordinaw ir-relazzjonijiet mal-Federazzjoni Russa fuq il-bażi ta' l-interessi komuni ta' l-Unjoni; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiżguraw li l-mandat għal kwalunkwe Ftehima futura mhux biss tenfasizza dawn l-interessi komuni iżda tistabbilixxi wkoll mekkaniżmu għall-monitoraġġ ta' l-implimentazzjoni tagħhom;

37.    Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ikomplu jaħdmu, kemm fi ħdan il-qafas tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani u kif ukoll fost il-poplu, biex jitrawmu n-negozjati bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani għal soluzzjoni ta’ paċi komprensiva, dewwiema u ġusta fuq il-bażi ta’ żewġ Stati sikuri u vijabbli, bit-tama li l-passi konkreti stipulati fl-Aġenda ta’ Annapolis ikunu segwiti; huwa tal-fehma li l-Unjoni għandha timmassimizza l-influwenza finanzjarja, kummerċjali u politika tagħha fuq iż-żewġ naħat sabiex tinkiseb din is-soluzzjoni paċifika u li l-Unjoni għandu jkollha rwol, fi ħdan il-fora relevanti, li jkun proporzjonat għall-kontribuzzjoni finanzjarja u politika tagħha;

38.    Jemmen li l-iskema tan-nonproliferazzjoni nukleari skond it-Trattat ta’ Nuqqas ta’ Proliferazzjoni (NPT) qiegħda f'periklu serju u jistieden lill-Kunsill u b’mod partikulari liż-żewġ Stati Membri li għandhom l-armi nukleari biex iressqu inizjattiva Ewropea dwar l-implimentazzjoni ta’ l-obbligi tad-diżarmament li jinsabu fl-Artikolu VI ta’ l-NPT fir-rigward, b’mod partikulari, tal-konferenza ta’ l-2010 dwar ir-reviżjoni ta’ l-NPT; jopponi b’mod qawwi l-produzzjoni u t-tifrix ta' l-armi għall-qerda tal-massa, li qiegħda thedded li ssir realtà f’għadd dejjem akbar ta’ pajjiżi minħabba li huwa impossibbli li wieħed jifred b’mod ċar l-użu tat-teknoloġija nukleari għal skopijiet ta’ enerġija u l-użu tagħha għall-produzzjoni ta’ armi; f’dan il-kuntest jikkwota, b’mod partikulari, l-inċertezzi dwar l-iskopijiet tal-programm nukleari ta’ l-Iran; jistieden lill-Iran sabiex ikun trasparenti fir-relazzjonijiet tiegħu ma' l-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika (l-IAEA) u li jfittex li jibni mill-ġdid il-fiduċja tal-komunità internazzjonali; jistieden lill-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jerġgħu jirreferu lura l-kwistjoni ta’ l-Iran lill-IAEA u biex jibdew negozjati mingħajr prekondizzjonijiet; jistieden lill-Istati Membri ta’ l-UE biex jipprojbixxu esportazzjoniet kollha ta’ teknoloġija nukleari lejn kwalunkwe pajjiż li ma rratifikax il-protokolli addizzjonali ta’ l-NPT;

39.    Jemmen li l-UE tista’ tikkontribwixxi għall-bini ta’ fiduċja vis-à-vis l-pajjiżi li magħhom m’għandhiex rabtiet kuntrattwali, jew rabtiet kuntrattwali limitati, permezz tat-tisħiħ tal-kuntatti bejn il-popli, bħal ma jsir permezz tal-ġemellaġġi bejn il-bliet jew permezz tal-programmi Erasmus Mundus;

40.    Itenni li l-promozzjoni tas-solidarjetà internazzjonali, l-istabilità, il-paċi u l-iżvilupp demokratiku, uman u ekonomiku, l-istat ta’ dritt u l-ġlieda kontra d-drogi għandha tkompli tkunu fost il-prijoritajiet tal-politika ta’ l-UE fir-rigward ta’ l-Afghanistan fl-2008; jenfasizza l-ħtieġa li l-Afganistan jerġa' jakkwista s-sigurtà, liema sigurtà ma tistax tintlaħaq b'mezzi militari biss; jenfasizza li, għal dan il-għan, huwa wkoll vitali li jissaħħu l-forzi tal-pulizija sabiex jiġi stabbilit l-istat tad-dritt u jiżdiedu l-isforzi għall-iżvilupp; jinnota b’ansjetà li l-produzzjoni tad-droga żdiedet bil-mod il-mod, bir-riżultat li l-Afganistan sar, għal darba oħra, l-akbar produttur tad-dinja; jilqa’ l-iskjerament ta’ l-EUPOL fl-Afganistan u jħeġġeġ lill-Istati Membri ta' l-UE biex jipprovdulha staff b'esperjenza u mħejji tajjeb u sabiex, eventwalment, ikabbruha; huwa mħasseb minħabba li koordinazzjoni insuffiċjenti, kemm fost il-komunità internazzjonali (speċjalment bejn l-UE u n-NATO) u kif ukoll fir-relazzjonijiet ma' l-awtoritajiet Afgani, tfixkel serjament l-effettività ta' l-attivitajiet fost il-poplu; jistieden lill-parteċipanti kollha sabiex jagħmlu sforzi ħalli jtejbu din is-sitwazzjoni; jilqa' b'sodisfazzjon f'dan ir-rigward il-ħatra ta' Kai Eide bħala r-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-Afganistan;

41.    Jirrakkomanda li jissaħħu r-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi maċ-Ċina fl-2008, dment li jsir progress sostanzjali fil-qasam tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem, u li ċ-Ċina tagħti każ tat-tħassib serju ta’ l-UE dwar l-imġiba tagħha fit-Tibet, filwaqt li jinżamm djalogu kostruttiv ma' l-awtoritajiet dwar dawn il-kwistjonijiet, a fortiori fiż-żmien ta' preparazzjoni għall-Olimpjadi ta' Beijing; jitlob liċ-Ċina biex tiżviluppa approċċ komprensiv li jħares ’il quddiem għar-rikostruzzjoni tal-pajjiż b’rispett akbar għall-popli differenti tagħha u għat-tradizzjonijiet kulturali tagħha; f’dan ir-rigward, jiddispjaċih minħabba n-nuqqas ta’ riżultati sostanzjali fil-kuntest tad-djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem;

42.    Jirrakkomanda sabiex fl-2008, jiġu intensifikati r-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi ma' l-ASEAN fuq il-bażi ta’ progress sostanzjali fil-qasam tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem; jirrikonoxxi l-irwol dejjem akbar ta' l-ASEAN bħala forza għall-istabilità u l-prosperità reġjonali; u jemmen li l-UE u l-ASEAN għandhom potenzjal kbir biex tiżdied il-koperazzjoni bbażata parzjalment fuq il-progress ta' l-ASEAN fir-rigward ta' l-integrazzjoni reġjonali u fl-oqsma tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem; jibqa’ mħasseb b’mod partikulari bis-sitwazzjoni f’Burma;

43.    Jenfasizza l-ħtieġa li jingħata segwitu sostanzjali fl-2008 għad-deċiżjonijiet milħuqa fis-Sammit bejn l-UE u l-Afrika li sar f'Diċembru 2007 f'Liżbona; f'dan il-kuntest, jilqa' b'sodisfazzjon il-ħatra b'żewġ karigi ta' Rappreżentant Speċjali ta' l-UE/Kap tad-Delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għall-Unjoni Afrikana, bis-sit uffiċjali f'Addis Ababa; f'dan ir-rigward jemmen li l-Unjoni, f'koperazzjoni man-Nazzjonijiet Uniti, għandha tagħmel kull sforz sabiex issaħħaħ il-kapaċità ta' l-Unjoni Afrikana li tibni u żżomm il-paċi; jilqa’ b'sodisfazzjon f’dan ir-rigward il-missjonijiet ta’ Riforma tat-Taqsima tas-Sigurtà ta’ l-UE fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u tar-Repubblika Gwinea-Bissau, u jappella sabiex ikun hemm użu kkoordinat ta' l-istrumenti tas-CSFP u tal-Komunità bħalma hu l-Istrument għall-Istabilità;

44.    Jistenna li l-V Sammit li ġej bejn l-UE u l-Amerika Latina u l-Karribew , li se jsir f’Lima f’Mejju 2008, iwassal għat-tisħiħ tal-kontenut ta’ l-Assoċjazzjoni Bireġjonali ddikjarata, flimkien mat-twaqqif ta’ Fond ta’ Solidarjetà Bireġjonali propost mill-Parlament, u kif ukoll il-finalizzazzjoni fil-waqt sa tmiem l-2008 tan-negozjati dwar Ftehima ta' Assoċjazzjoni ta’ l-Unjoni mal-Mercosur, il-Komunità Andina u l-Amerika Ċentrali;

45.    Jiġbed l-attenzjoni għar-riżoluzzjonijiet u r-rapporti estensivi tiegħu rigward iż-żoni ġeografiċi differenti ta’ interess, peress li dawn fihom kontribuzzjonijiet ta’ valur għad-dibattitu dwar il-mod li bih għandha tevolvi l-politika ta’ l-UE fir-rigward taż-żoni ġeografiċi;

46.    Jirrakkomanda li l-Unjoni ssaħħaħ id-djalogu politiku tagħha mar-reġjuni u l-pajjiżi terzi, b’mod partikulari ma’ l-imsieħba ewlenin; itenni f’dan ir-rigward l-irwol importanti li d-diplomazija parlamentari għandha bħala għodda komplementari fir-relazzjonijiet ta’ l-Unjoni mar-reġjuni u l-pajjiżi terzi, prinċipalment permezz tat-tliet assembleji interparlamentari multilaterali maġġuri (l-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-UE (ACP-UE JPA), l-Assemblea Parlamentari Ewromediterranja (EuroMed) u l-Assemblea Parlamentari Amerikana Ewrolatina (Eurolat)); jimpenja ruħu biex titwaqqaf Assemblea Parlamentari għall-Viċinanza tal-Lvant ta’ l-UE (Euro-Nest) mill-2009, sabiex tissaħħaħ id-dimensjoni parlamentari tas-sħubija politika bejn il-Parlament Ewropew u l-pajjiżi involuti fil-parti tal-lvant ta' l-ENP;

47.    Itenni l-istedina tiegħu lill-Istati Membri ta’ l-UE li huma wkoll membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex itejbu l-koordinazzjoni tagħhom fi ħdan dan il-qafas sabiex isaħħu l-effettività ta’ l-azzjoni ta’ l-Unjoni fil-livell dinji, u fir-rigward ta' terminu fit-tul, sabiex jirsistu biex jassiguraw siġġu għall-UE fil-Kunsill tas-Sigurtà fil-kuntest ta’ riforma ewlenija tas-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti; jitlob lil dawk il-membri permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li huma Stati Membri ta’ l-UE, biex jikkoperaw iktar mill-qrib ma’ l-Istati Membri ta’ l-UE li m’humiex membri permanenti;

Effiċjenza, koerenza u viżibilità fis-CFSP

48.    Jilqa’ t-titjib stabbilit bit-Trattat ta’ Liżbona rigward l-azzjoni esterna, is-CFSP u l-ESDP, li se ssir is-CSDP; huwa ta' l-opinjoni li t-Trattat il-ġdid isaħħaħ b’mod sinifikanti l-azzjoni esterna ta’ l-Unjoni u l-irwol tagħha fir-relazzjonijiet internazzjonali, u li jsaħħaħ il-viżibilità u l-profil ta’ l-Unjoni waqt li jsaħħaħ il-kapaċità tagħha li twettaq azzjoni fuq livell dinji;

49.    Jittama li t-Trattat ta' Liżbona jiġi rratifikat mill-aktar fis fl-Istati Membri kollha, sabiex ikun jista' jidħol fis-seħħ fil-ħin; jifraħ lil dawk l-Istati Membri li diġà rratifikaw it-Trattat ta’ Liżbona;

50.    Jilqa’ t-titjib tal-qafas istituzzjonali ta' l-Unjoni fil-qasam tas-CFSP, prinċipalment billi:

(a)  tinħoloq il-kariga ta' Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u għall-Politika ta' Sigurtà, li jkun il-Viċi President tal-Kummissjoni, li jagħti rendikont lill-Parlament, kif ukoll jippresjedi l-Kunsill tal-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin, li se jmexxu s-CFSP u s-CSDP, li tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-politika u li tiżgura l-konsistenza ta' l-azzjoni esterna ta' l-Unjoni;

(b)  jitwaqqaf, bil-kunsens tal-Kummissjoni u wara li jkun ikkonsultat il-Parlament, l-EEAS, li se jassisti r-Rappreżentant Għoli u li l-istaff tiegħu jinġieb mill-Kummissjoni, mis-segretarjat tal-Kunsill u mis-servizzi diplomatiċi nazzjonali;

51.    Jilqa’ t-twessiegħ tal-qasam ta’ l-azzjoni esterna ta’ l-Unjoni, inkluża d-dispożizzjoni ta’ bażi legali ġdida u ta’ strumenti li jaffettwaw oqsma relatati mas-CFSP, bħal bażi legali espliċita għall-ENP, it-twaqqif ta’ personalità legali unika għall-Unjoni, appoġġ finanzjarju urġenti għal pajjiżi terzi, għajnuna umanitarja, sanzjonijiet kontra entitajiet mhux ta’ l-istat, politika ta’ l-ispazju, sigurtà ta’ l-enerġija, il-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, il-prevenzjoni tat-terroriżmu internazzjonali u l-ħarsien tad-dejta personali;

52.    Jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata l-koerenza politika fil-qasam ta’ azzjoni esterna ta’ l-Unjoni, b’mod partikolari bejn is-CFSP, is-CSDP u l-politiki ta’ l-iżvilupp u tal-kummerċ; f’dan il-kuntest, jenfasizza l-irwol importanti li għandu jkollhom ir-Rappreżentant Għoli u l-EEAS fit-twettiq tal-politika ta’ koerenza;

53.    Ifakkar li t-twaqqif ta' personalità legali ta' l-Unjoni tqajjem id-diffikultà dwar l-istatus tagħha fi ħdan organizzazzjonjiet internazzjonali bħan-Nazzjonijiet Uniti; hu ta' l-opinjoni li l-istatus futur ta' l-Unjoni fi ħdan in-NU għandu jkun proporzjonat mal-kontribuzzjoni finanzjarja u politika tiegħu;

It-Trattat ta’ Liżbona u l-impatt tiegħu fuq ir-relazzjonijiet bejn il-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni fi kwistjonijiet ta’ CFSP/CSDP u dwar l-iskrutinju parlamentari tas-CFSP/CSDP

54.    Iqis it-twaqqif ta’ kollaborazzjoni l-aktar mill-qrib bejn il-President tal-Kunsill Ewropew, il-President tal-Kummissjoni, ir-Rappreżentant Għoli u l-Presidenza li tgħaddi minn pajjiż għall-ieħor bħala kruċjali biex ikun żgurat li l-funzjonijiet differenti jikkontribwixxu għall-koerenza u l-effiċjenza tas-CFSP;

55.    Jistieden lill-Kunsill biex jirrispondi b’mod sostantiv għax-xewqat u t-tħassib li l-Parlament jesprimi f’komunikazzjonijiet formali, b’mod partikolari rigward riżoluzzjonijiet dwar każi ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem , tad-demokrazija u ta’ l-istat ta’ dritt;

56.    Jistieden lill-Kunsill biex jeżamina l-effettività tal-politiki tiegħu ta’ sanzjonijiet kontra ċerti reġimi ta’ stmerrija bħalma huma r-regim ta’ Mugabe fiz-Zimbabwe u l-ġunta militari f’Burma, u li jiġu introdotti miżuri għat-titjib tagħhom inklużi l-mekkaniżmi meħtieġa għall-osservazzjoni sħiħa u l-infurzar tagħhom;

57.    Jistieden lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni futur sabiex jibni fuq l-esperjenza tal-preżenza perjodika tar-Rappreżentant Għoli u tal-Kummissarju għar-Relazzjonijiet Esterni fil-Parlament waqt is-sessjoni plenarja u fil-Kumitat għall-Affarijiet Esterni u fuq il-prattika ta' laqgħat informali, sabiex jiġu żviluppati konsultazzjonijiet regolari, sistematiċi u sostantivi mal-Parlament u ma' l-entitajiet kompetenti tiegħu, u li l-Parlament jiġi involut fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjoni biex titjieb it-trasparenza u r-responsabiltà ta’ l-għażliet ewlenin tas-CFSP; jinnota li l-kariga futura ta’ Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni tnissel il-leġittimità tagħha direttament mill-Parlament Ewropew;

58.    Jenfasizza wkoll li r-relazzjonijiet bejn il-Kunsill u l-Parlament jeħtieġ ukoll li jkunu meqjusa mill-ġdid biex jiġu kkunsidrati r-riformi maġġuri tas-CSDP futura u tas-setgħat ta’ skrutinju msaħħa tal-Parlament, wara t-trasferiment tal-kompetenzi li fadal ta' l-Unjoni Ewropea tal-Punent lill-UE; jilqa’ dispożizzjonijiet f’dan ir-rigward għal koperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali;

59.    Għalhekk, jitlob għat-twaqqif ta’ ftehima interistituzzjonali bejn il-Parlament u l-Kunsill li tiddefinixxi r-relazzjonijiet ta’ ħidma tagħhom fil-qasam ta’ l-azzjoni esterna, flimkien ma' qsim ta' informazzjoni konfidenzjali, fiż-żmien meta jidħol fis-seħħ it-Trattat ta’ Liżbona; jitlob li l-Ftehima ta’ Qafas bejn il-Kummissjoni u l-Parlament tkun aġġornata biex tqis id-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' Liżbona;

60.    Jitlob li r-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni jieħu l-kariga flimkien mal-Kummissjoni l-ġdida fl-1 ta’ Novembru 2009, li tinstab soluzzjoni temporanja għall-perjodu bejn id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona u l-1 ta’ Novembru 2009 u li l-Parlament ikun ikkonsultat b’mod sħiħ dwar il-ħatra mill-Kunsill Ewropew, bil-kunsens tal-President tal-Kummissjoni, ta’ l-ewwel Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni, kif ukoll dwar kull ħatra interim oħra; f'dan il-kuntest, iqis meħtieġ li titwaqqaf proċedura ta' seduta ta' smigħ ad hoc għan-nomina ta' Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni, bil-Kumitat għall-Affarijiet Barranin fil-kariga ta' Kumitat ta' tmexxija;

61.    Jenfasizza l-effett sinifikanti li t-twaqqif ta’ l-EEAS se jkollu fuq ir-relazzjonijiet esterni ta’ l-Unjoni; jenfasizza l-ħtieġa tat-trasparenza u tal-kontribuzzjoni demokratika f’dan il-proċess; ifakkar fid-dritt tiegħu li jkun ikkonsultat dwar it-twaqqif ta’ l-EEAS bi qbil ma’ l-Artikolu 13a (3) tat-Trattat ta’ l-UE; jitlob assoċjazzjoni sħiħa mal-ħidma preparatorja li trid titwettaq f’dan ir-rigward; jirreferi għar-rapport tiegħu li għadu għaddej dwar din il-kwistjoni; jittama li t-twaqqif ta’ l-EEAS jipprovdi ċarezza akbar rigward il-kriterji għar-Rappreżentanti Speċjali ta’ l-UE, u l-ħatra u l-evalwazzjoni tagħhom, inklużi d-definizzjoni u l-iskop ta’ xogħolhom, it-tul tal-mandat tagħhom, u l-koordinazzjoni u l-komplementarjetà mad-delegazzjonijiet tal-KE;

62.    Jistieden lir-Rapprezentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni futur, kif ukoll lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, biex isaħħu l-kollaborazzjoni ma’ l-assembleji parlamentari multilaterali attwali (l-ACP-EU il-JPA, il-EuroMed, il-EuroLat u, ladarba tkun stabbilita, il-Euro-Nest) fejn il-parlamentari ta’ l-Unjoni jiltaqgħu ma’ wħud mill-kontropartijiet tagħhom l-aktar importanti, għaliex dan jipprovdi b’mod ċar valur miżjud li jsaħħaħ il-konsistenza u l-effiċjenza ta’ l-azzjoni esterna ta’ l-Unjoni;

63.    Jistieden lill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà biex iwaqqaf, flimkien mal-Parlament Ewropew, mekkaniżmu li jikkonċerna informazzjoni konfidenzjali dwar kriżijiet emerġenti jew avvenimenti ta’ sigurtà internazzjonali komparabbli mal-mekkaniżmi eżistenti f’bosta parlamenti nazzjonali ta’ l-Istati Membri ta’ l-UE li – skond il-grad ta’ kunfidenzjalità – ivarjaw minn laqgħat fil-magħluq tal-kumitati għal laqgħat bejn il-PSC u membri nominati tal-Kumitati u tas-Sottokumitati rilevanti;

64.    Iqis bħala meħtieġ li ċ-Chairperson tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jattendi għal-laqgħat informali tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin ta' l-Istati Membri (laqgħat Gymnich), fuq il-prattika diġà stabbilita dwar laqgħat informali tal-Kunsill f'oqsma ta' politika oħra;

65.    Jenfasizza l-ħtieġa li jkun żgurat li jkun hemm responsabilità u t-trasparenza demokratika ta’ l-attivitajiet ta’ l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża;

Il-finanzjament tas-CFSP/CSDP fid-dawl tat-Trattat ta’ Liżbona

66.    Jinnota b’sodisfazzjon it-tisħiħ, permezz tat-Trattat ta' Liżbona, tas-setgħat baġitarji tal-Parlament għall-infiq kollu ta’ l-UE, inkluż l-EEAS, li ta lill-Parlament parità mal-Kunsill, waqt li elimina d-distinzjoni bejn nefqa obbligatorja u dik mhux obbligatorja, u stabbilixxa qafas finanzjarju plurijennali li jorbot legalment;

67.    Jiddispjaċih dwar il-kumplessità bla bżonn ta' l-arranġamenti għall-iffinanzjar ta' malajr ta' l-attivitajiet tas-CSDP barra mill-baġit ta' l-UE; jinsisti li l-azzjonijiet esterni kollha ta' l-Unjoni (inklużi dawk tas-CSDP futura iżda eskluża kull nefqa militari) għandhom fil-ġejjieni jiġu finanzjati mill-baġit komuni ta' l-UE;

68.    Jenfasizza f’dan ir-rigward l-attenzjoni speċjali li għandha tingħata biex tiġi sorveljata l-ġestjoni ta’ kriżi ċivili fejn ir-riżorsi u r-responsabilitajiet differenti huma miġbura mill-Kunsill, mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri, biex ikun żgurat li jkun hemm l-aqwa effiċjenza u koordinazzjoni;

69.    Jirrikonoxxi l-utilità tal-laqgħat ta' konsultazzjoni konġunta bejn il-bureaux tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Baġits u ċ-Chairperson tal-PSC, kif stipulat fil-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 msemmija hawn fuq; iqis fl-istess ħin li huwa kruċjali li ċ-chairpersons u/jew ir-rapporteurs tal-kumitati tal-Parlament responsabbli mill-azzjoni esterna jkunu involuti b’mod sħiħ, fuq bażi ex officio, fl-attivitajiet tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni l-ġdid maħsub għall-proċedura l-ġdida tal-baġit;

70.    Jitlob li, fl-ispirtu tal-Ftehima Interistituzzjonali msemmija tas-17 ta' Mejju 2006, li tipprovdi għal djalogu strutturat bejn il-Kunsill u l-Parlament, il-Kunsill għandu jinforma lill-Parlament qabel l-adozzjoni ta' kull deċiżjoni li tinkludi infiq fis-CFSP;

71.    Iqis l-ammont totali ta’ EUR 1 740 miljun allokat għas-CFSP għall-perjodu 2007-2013 bħala mhux suffiċjenti biex jintlaħqu l-miri ambizzjużi u speċifiċi ta' l-UE bħala protagonist globali, waqt li jirrikonoxxi li l-iffinanzjar tas-CFSP, li seħħ qbil dwaru għall-2008 u li jammonta għal EUR 285 miljun, jirrappreżenta pass 'il quddiem importanti f’kuntrast ma’ l-allokazzjonijiet ta’ fondi preċedenti ( u żieda ta’ EUR 125 miljun fuq l-2007); jenfasizza li din iż-żieda għandha tkun akkumpanjata minn miżuri aktar b’saħħithom għall-kontroll parlamentari u għall-koperazzjoni mtejba mill-Kunsill;

72.    Sejjer jagħmel proposti speċifiċi dwar l-iffinanzjar u l-kontroll baġitarju ta’ l-EEAS fil-kuntest tar-rapport tiegħu li ġej dwar il-kwistjoni;

o

o        o

73. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti ta’ l-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO u lill-President ta’ l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill ta’ l-Ewropa.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta’ l-adozzjoni

6.5.2008

 

 

 

Riżultat tal-vot finali

+:

–:

0:

55

2

1

Membri preżenti għall-vot finali

Christopher Beazley, Angelika Beer, Colm Burke, Marco Cappato, Véronique De Keyser, Giorgos Dimitrakopoulos, Hanna Foltyn-Kubicka, Bronisław Geremek, Maciej Marian Giertych, Ana Maria Gomes, Klaus Hänsch, Richard Howitt, Anna Ibrisagic, Jelko Kacin, Ioannis Kasoulides, Maria Eleni Koppa, Helmut Kuhne, Joost Lagendijk, Vytautas Landsbergis, Johannes Lebech, Willy Meyer Pleite, Francisco José Millán Mon, Raimon Obiols i Germà, Vural Öger, Ria Oomen-Ruijten, Justas Vincas Paleckis, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, Tobias Pflüger, João de Deus Pinheiro, Mirosław Mariusz Piotrowski, Samuli Pohjamo, Libor Rouček, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Jacek Saryusz-Wolski, György Schöpflin, Hannes Swoboda, Konrad Szymański, Charles Tannock, Ari Vatanen, Kristian Vigenin, Jan Marinus Wiersma, Luis Yañez-Barnuevo García, Zbigniew Zaleski, Josef Zieleniec

Sostitut(i) preżenti għall-vot finali

Laima Liucija Andrikienė, Alexandra Dobolyi, Árpád Duka-Zólyomi, Carlo Fatuzzo, Marie Anne Isler Béguin, Rihards Pīks, Dariusz Rosati, Wojciech Roszkowski, Inger Segelström, Adrian Severin, Jean Spautz, Karl von Wogau

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178 (2)) preżenti għall-vot finali

Renate Weber