RAPPORT dwar il-Kummerċ fis-servizzi

2.7.2008 - (2008/2004(INI))

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteur: Syed Kamall

Proċedura : 2008/2004(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0283/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-Kummerċ fis-servizzi

(2008/2004(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Ftehima Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) li daħlet fis-seħħ f’Jannar ta’ l-1995,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat għar-Reġjuni, bl-isem "Ewropa Globali: Il-Kompetizzjoni Dinjija: Kontribut għall-Istrateġija tal-UE għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi’ (COM(2006)0567),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bl-isem ta' "L-Ewropa Globali: Partenarjat aktar b'saħħtu biex itejjeb l-aċċess għas-swieq għall-esportaturi Ewropej" (COM(2007)0183),

–   wara li kkunsidra l-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal- Ftehima ta' Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranja bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa, u l-Istati CARIFORUM, min-naħa l-oħra (COM(2008)0155),

–   wara li kkunsidra l-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tikkonkludi l-Ftehima ta’ Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa waħda u l-Istati CARIFORUM min-naħa l-oħra (COM(2008)0156),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2007 dwar l-Ewropa Globali - Aspetti Esterni tal-kompetittività[1],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Frar 2008 dwar l-Istrateġija ta’ l-UE sabiex toffri aċċess għas-suq lill-kumpaniji Ewropej[2],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Diċembru 2007 dwar ir-relazzjonijiet Ekonomiċi u Kummerċjali mal-Korea[3],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Mejju 2008 dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi mal-Assoċjazzjoni tal-Asja tax-Xlokk (ASEAN)[4],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta’ l-4 ta’ April 2006 dwar l-evalwazzjoni tar-Rawnd ta’ Doha wara l-Konferenza Ministerjali tad-WTO f’Ħong Kong[5],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Ottubru 2006 dwar ir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali bejn l-UE u l-MERCOSUR għall-konklużjoni ta' Ftehima ta' Assoċjazzjoni Interreġjonali[6],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2006 dwar ir-relazzjonijiet ekonomiċi transatlantiċi bejn l-UE u l-Istati Uniti[7],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Ottubru 2005 dwar il-prospetti għar-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina[8],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta’ Settembru 2006 dwar ir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali ta’ l-UE mal-Indja[9],

–   wara li kkunsidra r-Regola 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A6-0283/2008),

A. billi l-Unjoni Ewropea hija l-aktar parteċipant kompetittiv fil-qasam tal-kummerċ fis-servizzi; billi l-Unjoni Ewropea hija l-akbar esportatur u fornitur ta’ servizzi fid-dinja, b’aktar minn 28% ta’ l-esportazzjoni totali dinjija u għaldaqstant għandha interess qawwi li tiżgura li jinfetħu swieq ġodda għall-prodotti, s-servizzi u l-investimenti,

billi l-persentaġġ totali tas-sehem mill-PGD fl-UE25 fl-2007 kien magħmul minn aktar minn 75% mis-settur tas-servizzi; billi s-sehem mill-PGD tas-servizzi fl-2007 kien madwar 78% fl-Amerika ta’ Fuq, 52% fl-Afrika u 60% fl-Asja, filwaqt li l-kummerċ fis-servizzi sa issa jlaħħaq għal 25% tal-kummerċ dinji, filwaqt li s-settur madankollu għandu potenzjal kbir ħafna biex iżid dan is-sehem u jkompli jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' impjiegi f'dan is-settur tal-ekonomija;

D. billi l-iżvilupp tal-kwalità fl-impjiegi huwa akkumpanjat minn żieda kwantitativa fl-impjiegi; jinnota li huwa proprju fis-settur tas-servizzi li l-ogħla livell ta' impjiegi part-time qiegħed jinħoloq u li sabiex ikun hemm żvilupp f'dan is-settur jeħtieġ li jiġu kkunsidrati r-rakkomandazzjonijiet tal-ILO,

E.   billi s-sistema ta' kummerċ multilaterali, inkorporata fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) għadha l-iżjed qafas effettiv biex jinħoloq kummerċ ta' prodotti ġust u bilanċjat fuq bażi globali permezz ta’ l-iżvilupp ta’ regoli xierqa u billi tiġi żgurata l-konformità ma’ dawn ir-regoli; billi l-irwol tad-WTO rigward il-Ftehima Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) irid jikkunsidra n-natura differenti tas-settur tas-servizzi li mhux adattat għal kejl kwantittativ tal-livell ta' liberalizzazzjoni jew tal-ostakoli li għad baqa' għall-kummerċ;

F.   billi l-GATS huwa u għandu jkun qafas multilaterali għar-regolazzjoni tal-kummerċ fis-servizzi;billi dan ma jċaħħadx stati, u b’mod partikolari lill-UE, milli jinnegozjaw ftehimiet li jkun fihom skedi aktar ambizzjużi għal impenji speċifiċi, filwaqt li madankollu jitqies li ftehimiet bilaterali jista' jkollhom impatt negattiv fuq l-iżvilupp u l-importanza ta' qafas multilaterali,

G.  billi infrastruttura effiċjenti tas-servizzi hija prekundizzjoni għas-suċċess ekonomiku; billi aċċess għal servizzi ta’ l-aqwa livell dinji jgħin lill-esportaturi u lill-produtturi ta’ oġġetti u servizzi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jikkapitalizzaw fuq is-saħħa kompetittiva tagħhom; billi numru ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw kienu wkoll kapaċi jagħmlu progress fis-swieq internazzjonali tas-servizzi billi jibnu fuq investiment u kompetenzi barranin; billi l-liberalizzazzjoni tas-servizzi b’hekk saret element ewlieni ta' ħafna mill-istrateġiji għall-iżvilupp,

H.  billi l-ostakoli għall-kummerċ u l-ostakoli 'l ġewwa mill-fruntieri ma jillimitawx biss jagħmlu dannu lill-kummerċ tal-prodotti, iżda wkoll jeffettwaw b’mod sinjifikanti lill-kummerċ fis-servizz u lill-appalt pubbliku,

I.    billi fil-ftuħ tas-suq tas-servizzi għandha ssir distinzjoni ċara bejn il-pajjiżi industrijalizzati u l-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u bejn pajjiżi individwali li qegħdin jiżviluppaw sabiex ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati l-livelli differenti ta' żvilupp,

J.    billi xi pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, u b'mod partikulari dawk l-anqas żviluppati, għandhom isaħħu l-governanza tagħhom u joħolqu strutturi effiċjenti u infrastrutturi biex iseddqu l-kummerċ u s-swieq tas-servizzi li qed jespandu,

K.  billi huwa importanti li l-Parlament ikollu aċċess, fi żmien xieraq, għat-testi tal-varji mandati għan-negozjati li ngħataw lill-Kummissjoni,

Rimarki ġenerali

1.   Jirrimarka li sistema ta' kummerċ internazzjonali li taqdi l-ħtiġijiet tal-iżvilupp u t-tnaqqis tal-faqar tikkontribwixxi wkoll għall-progress soċjali u għal impjiegi ta' kwalità; li r-regoli tal-kummerċ iridu jkunu konformi mal-istandards soċjali tal-ILO; li l-ġlieda kontra kull forma ta' sfruttament fix-xogħol (b'mod partikulari l-projbizzjoni ta' xogħol sfurzat u t-tħaddim tat-tfal), flimkien mar-rispett għal-libertajiet tat-trejdjunjins, huma essenzjali għal kummerċ bilanċjat li jaqdi l-interessi ta' kulħadd; itenni l-ħtieġa li jsir studju tal-interazzjoni bejn il-kummerċ u kwistjonijiet soċjali;

2.   Jiġbed l-attenzjoni għal-livel għoli ta’ kompetittività esterna tal-fornituri tas-servizzi Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni sabiex fin-negozjati dwar il-kummerċ taħdem kemm għal-liberalizzazzjoni progressiva u reċiproka għall-aċċess għas-servizzi, kif ukoll għal politika ta' aktar trasparenza u prevedibilità fir-regoli u r-regolamenti, li jkunu akkumpanjati minn regoli stretti u sanzjonijiet sabiex jiġġieldu l-korruzzjoni u l-monopolji hekk li ċ-ċittadini u l-intraprendituri tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw jkunu jistgħu jkollhom aċċess għal firxa usa’ ta’ servizzi;

3.   Jagħraf tajjeb id-distinzjoni li tezisti bejn in-natura differenti tas-servizzi, b'valur ekonomiku fis-suq jew ukoll mingħajru, jew li huma bbażati fuq il-bżonn li jiġu sodisfatti interessi pubbliċi jew ġenerali;

4.   Ifakkar li l-Kummissjoni għandha tqis l-interessi tad-diversi Stati Membri u dawk tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw meta tinnegozja l-iskedi ta’ impenji;

5.   Huwa ta’ l-opinjoni li suq intern tas-servizzi li jiffunzjona b’mod effettiv huwa importanti għall-kompetittività ta’ l-intrapriżi ta’ l-UE; jenfasizza li l-implimentazzjoni u t-traspożizzjoni fil-ħin u b’mod korrett tal-liġi Komunitarja, inkluża d-Direttiva 2006/123/KE dwar is-servizzi fis-suq intern[10], huma importanti għal dan l-għan;

6.   Jenfasizza li s-settur tas-servizzi jista’ jġib ħafna soluzzjonijiet għall-problemi ambjentali u jemmen li huma wieħed mill-elementi ewlenin ta’ valur miżjud fl-esportazzjoni ta’ l-UE tan-‘know-how’; jenfasizza li l-importanza tas-settur tas-servizzi għandha bżonn titqies meta titfassal politika għall-iżvilupp sostenibbli;

7.   Jilqa’ l-enfasi magħmula mill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-effetti pożittivi tal-globalizzazzjoni jiġu mgħoddija lill-konsumatur; jenfasizza li, flimkien ma’ livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur, il-kompetizzjoni ġusta fis-servizzi hija kruċjali sabiex ikun żgurat li l-Konsumatur jibbenefika mis-suq miftuħ Ewropew;

8.   Huwa konvint li s-servizzi għandhom irwol importanti u jqis li aċċess aktar wiesa' għas-suq tas-servizzi li jikkunsidra r-realtajiet ekonomiċi differenti huwa għalhekk importanti mhux biss għall-pajjiżi żviluppati imma wkoll għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;

9.   jenfasizza l-bżonn li l-Unjoni Ewropea tikkunsidra l-livelli differenti ta' żvilupp meta teżiġi d-deregolazzjoni u l-liberalizzazzjoni tas-servizzi u għalhekk jenfasizza li l-UE ma tistax u m'għandhiex timponi mudell li jrid għodd għal kulħadd fuq pajjiżi oħrajn;

10. Jirrikonoxxi s-sovranità ta’ l-Istati u b’hekk id-dritt tagħhom li jirregolaw l-oqsma kollha tas-servizzi b'mod partikulari fil-qasam tas-servizzi pubbliċi, irrispettivament minn jekk l-impenji sarux fi ħdan il-qafas tal-GATS jew le, sakemm kwalunkwe regolazzjoni ta’ dan it-tip issir bi qbil ma’ l-Artikolu VI tal-GATS dwar ir-Regolazzjoni Domestika; jemmen li s-swieq tas-servizzi jeħtieġu regolamenti ċari u legali mingħajr ekwivoċi sabiex jaħdmu b'mod effiċjenti;

11. Jissuġġerixxi li l-gwadann fl-effiċjenza li jkun inkiseb grazzi għall-ftuħ tas-swieq għall-kompetizzjoni fis-servizzi, meta jkun akkumpanjat minn miżuri regolatorji domestiċi, ikun jista' jippermetti li pajjiżi żviluppati joffru firxa akbar ta' servizzi liċ-ċittadini tagħhom; jenfasizza l-importanza ta' servizzi sostenibbli u universalment aċċessibbli bi prezzijiet li wieħed jista' jaffordjahom u bi standards ta' kwalità għolja;

12. Jenfasizza l-ħtieġa ta' regoli u standards sabiex jirregolaw il-liberalizzazzjoni; iħeġġeġ li jkun hemm konformità ma’ standards ambjentali u ta’ kwalità b’mod raġjonevoli u oġġettiv mingħajr ma jinħolqu ostakoli żejda għall-kummerċ;

13. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni ppubbliċizzat il-pakket ta' offerti tal-Komunità fin-negozjati attwali tal-GATS; iqis madankollu, li l-Kummissjoni għandha tiddiskuti l-iżviluppi attwali f'aktar dettal mal-Parlament u l-kumitati rilevanti tiegħu;

14. Jinnota li l-kummerċ tas-servizzi huwa magħmul fil-biċċa kbira tiegħu minn trasferiment ta' esperjenza bejn il-pajjiżi u li għalhekk il-kummerċ ħieles tas-servizzi huwa parti importanti minn kwalunkwe strateġija ta' żvilupp billi dan jippermetti t-trasferiment wiesa' tal-għarfien b'mod rapidu u effettiv;

15. Huwa konxju li bosta drabi xi wħud mill-problemi rigward ġustizzja u trasparenza fil-forniment ta' servizzi f'xi pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw iseħħu bil-kompliċità ta' kumpaniji minn ekonomji żviluppati;

16. Jitlob mingħand il-Kummissjoni rendikont dettaljat dwar setturi speċifiċi bħalma huma dawk tas-softwer u tal-films, kif ukoll tas-servizzi logistiċi u finanzjarji li għandhom irwol kruċjali f'ċerti pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u li huma pprovduti u distribwiti madwar id-dinja kollha; jitlob ukoll mingħand il-Kummissjoni analiżi dettaljata kif dan jeffettwa s-suq tas-servizzi Ewropew;

17. Jitlob mingħand il-Kummissjoni rendikont dettaljat dwar servizzi sostanzjali ta' data mining li joperaw fuq skala globali; jitlob ukoll mingħand il-Kummissjoni informazzjoni dettaljata dwar il-post, l-operaturi, id-daqs u l-kwalità tas-servizz;

Ir-Rawnd ta’ Doha dwar l-Iżvilupp u l-GATS

18. Ifakkar fl-Artikolu XIX tal-GATS li jgħid li l-Membri għandhom jidħlu f’rawnds suċċessivi ta’ negozjati li jibdew mhux aktar tard minn ħames snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehima tad-WTO u wara perjodikament minn hemm ’il quddiem, bil-għan li progressivament jintlaħaq livell ogħla ta’ liberalizzazzjoni; ifakkar li negozjati bħal dawn isiru fil-qafas tal-principju ta' intrapriża unika u għalhekk iridu jkunu bilanċjati mal-interessi li tressqu f'oqsma oħra tan-neguzjati;

19. Ifakkar li l-prinċipji tal-GATS ma jwaqqfu la l-privatizzazzjoni u lanqas id-deregolazzjoni; għalhekk jenfasizza li kull pajjiż huwa liberu li jilliberalizza kwalunkwe settur tas-servizzi; jisħaq li l-iskeda tal-GATS titratta l-impenji vinkolanti ta’ kull membru tad-WTO f'termini ta’ kummerċ fis-servizzi u li kull membru huwa ħieles li jiftaħ is-suq tiegħu lilhinn mill-impenji tal-GATS sakemm il-prinċipju ta’ L-aktar Nazzjoni Favorit jew l-Artikolu V tal-GATS dwar l-Integrazzjoni Ekonomika jiġu rispettati;

20. Ifakkar li r-Rawnd ta’ Żvilupp ta’ Doha għandu jiffoka fuq l-iżvilupp u għalhekk in-negozjati dwar il-kummerċ fis-servizzi għandu jaqdi kemm l-interessi ta’ l-UE kif ukoll it-tkabbir ekonomiku tal-aktar pajjiżi fqar;

21. Jenfasizza l-ħtieġa li pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jitħallew ċertu livell ta' libertà rigward il-livell ta' reċiproċità fil-ftuħ tal-kummerċ billi jitħallew jiddeċiedu huma l-ħeffa li biha għandha tinkiseb il-liberalizzazzjoni;

22. Iħeġġeġ l-għeluq malajr tal-pakkett tal-modalitajiet dwar negozjati dwar agrikultura u Aċċess għas-Suq Mhux Agrikolu (NAMA) sabiex in-negozjati dwar il-GATS ikomplu mexjin; jenfasizza l-importanza li l-membri tad-WTO jippreżentaw offerti sostanzjali; jesprimi dispjaċir li s’issa dan ma kienx il-każ għal ħafna mill-membri;

23. Jilqa' b’sodisfazzjon f’dan ir-rigward it-tħabbira ta’ konferenza ta’ sinjalazzjoni għat-tkomplija tan-negozjati dwar is-servizzi fi ħdan ir-Rawnd ta’ Żvilupp ta’ Doha, li bħalissa huma weqfin; jisħaq dwar il-ħtieġa li pajjiżi bħall-Brażil, l-Indja u ċ-Ċina jtejbu l-offerti eżistenti tagħhom sabiex tinstab soluzzjoni;

24. Jieħu nota tat-talba min-naħa tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment lill-UE u l-Istati Uniti, sabiex itejbu l-offerti fit-Tip 4 (Mode 4); iqis li jenħtieġ li jinstab il-bilanċ ġust sabiex iż-żewġ naħat ikunu sodisfatti; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tinfurmah dwar kwalunkwe tibdiliet għat-talbiet oriġinali;

Ftehimiet Bilaterali u Reġjonali

25. Iħeġġeġ li fil-ftehimiet kummerċjali u reġjonali attwalment innegozjati u dawk li għadhom ġejjin ikun hemm livell ta’ impenji li jkun ċar u ambizzjuż;

26. Jinnota r-riżultati li nkisbu fil-Ftehima ta' Sħubija Ekonomika (EPA) mal-Forum tal-Karajbi tal-pajjiżi tal-ACP (CARIFORUM); jemmen li n-negozju fis-servizzi huwa strument ta' żvilupp li hu suġġett għall-kundizzjoni li tkun teżisti regolamentazzjoni domestika soda u trasparenti li tirregola s-servizzi;

27. Jappoġġja speċifikament il-ftehima dwar it-Tip 4 (Mode 4) fil-ftehima EU-CARIFORUM; iqis li dan huwa mezz kif jiġi evitat in-nuqqas li ma tintużax esperjenza miskuba;

28. Jemmen li fir-rigward tan-negozjati tal-Ftehima ta' Kummerċ Ħieles EU-ASEAN (FTA), l-aspetti tal-ftehima li jitrattaw l-appalt pubbliku, l-investimenti u s-servizzi għandhom jagħrfu l-livell varjat ta’ żvilupp tal-membri ta’ l-ASEAN u jirrispettaw id-dritt tal-parteċipanti kollha li jirregolaw is-servizzi pubbliċi, partikolarment dawk li huma marbuta mal-ħtiġijiet bażiċi – dan, madanakollu, m’għandux ixekkel kumpaniji privati milli jimlew il-vojt fejn l-istat ma jirnexxilux jipprovdi s-servizzi mitluba miċ-ċittadin;

29. Jinsab imħasseb fil-konfront tan-negozjati ta’ l-UE-Korea FTA dwar id-diffikultajiet li jaffaċjaw kumpaniji barranin meta jippruvaw jiksbu aċċess għas-suq Korean tas-servizzi, inklużi s-settur bankarju, l-assigurazzjoni, it-telekominikazzjoni, l-aġenziji ta’ l-aħbarijiet u l-parir legali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tindirizza din il-kwistjoni fin-negozjati ta’ l-FTA;

30. Jisħaq, fir-rigward tan-negozjati ta’ l- EU-Indja FTA, dwar l-importanza tas-sħubija tagħna mal-Indja u l-ħtieġa li tinkiseb ftehima ambizzjuża b'impenji sostanzjali u wiesgħa, bl-anqas restrizzjonijiet għal aċċess għas-suq Indjan tul il-firxa kollha tal-mezzi ta' forniment; jinnota li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ tas-servizzi għandha tkun ta' 90% kemm bil-firxa settorjali u bil-volum tal-kummerċ kif jeżiġi l-Artikolu V tal-GATS; jenfasizza li r-restrizzjonijiet huwa partikolarment akuti fis-servizzi finanzjarji, servizzi ta' titoli, kontabilità, telekomunikazzjonijiet, distribuzzjoni, kemm postali u kemm bil-courier, u servizzi legali;

31. Jinsab imħasseb dwar in-negozjati ta' FTA tal-EU-GCC minħabba l-livell ta' trasparenza u responsabbilizzazzjoni fis-servizzi finanzjarji u, b'mod partikulari, fil-qasam tal-investimenti magħmula minn fondi sovrani;

Kwistjonijiet settorjali speċifiċi

32. Jieħu nota ta’ l-aħħar studju mill-Bank Dinji li juri li f’xi pajjiżi, bħal pereżempju l-Etjopja, in-Niġerja, il-Kenja u l-Uganda aktar minn 40% tan-nies fil-kwintall (quintile) ekonomiku l-aktar baxx jirċievu l-kura tas-saħħa tagħhom minn fornituri privati li jaħdmu għall-profitt; jenfasizza l-ħtieġa ta’ investimenti f’dan is-settur sabiex dawn il-ħtiġijiet jiġu sodisfatti; jenfasizza barra minn hekk li l-UE għandha tappoġġja l-iżvilupp ta' regoli domestiċi sodi għas-setturi tas-servizzi f'dan il-pajjiżi sabiex ikun possibbli li jinfetħu s-swieq tas-servizzi tagħhom fi stadju aktar tard;

33. Jinnota li ebda membru tad-WTO għadu ma ħa impenn fil-qasam tad-distribuzzjoni tal-ilma; jisħaq li f’każ li jsir impenn simili dan m’għandux ixekkel lill-istat milli jiffissa livelli ta' kwalità, sikurezza, prezz jew objettivi politiċi oħrajn skond kif iħoss, u li l-istess regolamenti japplikaw kemm għall-fornituri barranin, kif ukoll dawk lokali;

34. Jenfasizza l-importanza tas-servizzi kulturali, bħal fis-setturi awdjoviżwali u mużikali kif ukoll dawk tal-pubblikazzjoni, kemm għall-industriji Ewropej kif ukoll għal dawk tal-imsieħba kummerċjali tagħna; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-kummerċ fis-servizzi kulturali jkun għalhekk ibbilanċjat kif suppost, filwaqt li jitħarsu d-drittijiet ta' proprjetà intellettwali;

35. Jinniota li f'xi pajjiżi bħall-Indja u l-Pakistan is-settur privat jista' jgħin lis-settur pubbliku sabiex tingħata edukazzjoni mingħajr spejjeż aktar għoljin;

36. Jisħaq li speċifikament is-settur tat-turiżmu jikkontribwixxi ħafna għall-ekonomija ta’ numru ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw; iqis għalhekk li huwa vitali li l-Unjoni tgħin permezz tal-koperazzjoni u l-għajnuna teknika;

37. Jemmen li, fuq il-bażi ta' regolamentazzjoni domestika soda u trasparenti stabbilita minn qabel, ftuħ prudenti u gradwali tas-suq tas-sevizzi finanzjarji fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jista' joffri liċ-ċittadini u lill-intraprendituri aċċess għall-fondi sabiex jinħolqu impjiegi lokali u jitnaqqas il-faqar billi ma jkunux aktar mġiegħla jiddependu minn monopolji jew istituzzjonijiet statali;

38. Iqis, li, sabiex iżżid il-kompetittività esterna, l-Unjoni għandha tieħu miżuri fi ħdan il-politika kummerċjali tagħha sabiex issaħħaħ is-sigurtà tat-tranżazzjonijiet u l-kummerċ elettroniċi u sabiex ittejjeb il-protezzjoni tad-dejta;

39. Jinnota li s-servizzi, b'mod partikolari s-servizzi finanzjarji, jeffettwaw ħafna oqsma ta' kompetenza u jenfasizza li din ir-Riżoluzzjoni tiffoka fuq in-negozju tas-servizzi, jiġifieri, li jinkiseb l-aċċess għas-suq bil-ftuħ volontarju tas-swieq permezz tal-metodu ta' negozjati ta' talba u offerta; jissuġġerixxi li setturi bħall-kontroll finanzjarju, ir-regolazzjoni u kwistjonijiet oħra li jittrattaw aspetti differenti tas-servizzi finanzjarji għandhom jiġu ttrattati f'forum xieraq għalihom;

40. Jappoġġja bil-qawwa l-fehma tal-Kummissjoni li l-aċċess għas-suq u l-kummerċ ħieles fis-servizzi huma element essenzjali tal-aġenda ta' Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi; jenfasizza li s-swieq miftuħa, flimkien ma' kummerċ ħieles fis-servizzi li jkun ibbilanċjat u rregolat tajjeb, jibbenefika lill-pajjiżi u lir-reġjuni parteċipanti kollha;

41. Jinnota li l-kumpaniji Ewropej qed isiru dejjem aktar attivi fuq skala internazzjonali u li t-tkabbir ekonomiku globali huwa, fil-biċċa l-kbira, immexxi minn pajjiżi terzi, u li aċċess aħjar għas-suq allura jkun jista' jagħti kontribut lill-kompetittività tal-Unjoni Ewropea;

42. Iqis li l-kummerċ fis-servizzi huwa tkomplija neċessarja għall-kummerċ fil-merkanzija u li dawn m'għandhomx jitqiesu bħala distinti minn xulxin;

43. Iqis li l-ekonomija tas-servizzi saret is-settur ekonomiku l-aktar importanti tal-ekonomiji tal-OECD f'dik li hija kwantità u li żieda fil-kummerċ u d-disponibilità tas-servizzi se żżid it-tkabbir ekonomiku u tiffaċilita t-tkabbir u l-iżvilupp tan-negozju u ttejjeb ir-riżultati ta' industriji oħra, peress li s-servizzi jagħtu kontributi ewlenin, speċjalment f'dinja globalizzata dejjem aktar interkonnessa;

44. Jirrikonoxxi li l-kisba ta' aċċess għas-suq għas-servizzi huwa proċess diffiċli fi ħdan in-negozjati li għaddejjin fid-WTO dwar l-Aġenda tal-Iżvilupp ta' Doha; jistieden lill-Kummissjoni biex tfittex pakkett bilanċjat b'offerta ambizzjuża fis-servizzi, speċjalment fis-servizzi finanzjarji, fejn l-industrija Ewropea għandha għarfien speċjalizzat kompetittiv u potenzjal qawwi għat-tkabbir; jinnota li l-konformità mar-regoli u l-istandards hija meħtieġa sabiex ikun evitat il-ħolqien ta' ostakoli mhux tariffarji, kwistjoni li tista' tkun sensittiva fil-qasam tas-servizzi;

45. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex fin-negozjati kummerċjali tqis bis-sħiħ l-eżistenza ta' servizzi ġenerali ta' interess u l-impatt potenzjali tal-ftuħ tas-swieq fuq l-organizzazzjoni tagħhom;

46. Jinnota li, fir-rigward tas-servizzi finanzjarji, l-UE għandha wieħed mis-swieq l-aktar miftuħa fid-dinja, iżda jenfasizza li l-Unjoni Ewropea għandha twettaq negozjati iktar aggressivi u bbilanċjati fin-negozjati dwar il-kummerċ fis-servizzi u għandha tapprova l-prinċipji ta' ftuħ, żvilupp u reċiproċità;

47. Jenfasizza l-importanza li l-awtoritajiet tas-servizzi finanzjarji jżommu l-pass mal-iżviluppi kollha fis-swieq tas-servizzi finanzjarji Ewropej u globali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isaħħu l-oqfsa regolatorji Ewropej u jintensifikaw ukoll id-djalogu regolatorju bejn l-Unjoni Ewropea u l-imsieħba tagħha fil-kummerċ bil-għan li jitnaqqsu l-ostakoli għall-kummerċ;

48. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex teżamina l-prattiki "offshore" ta' pajjiżi terzi li jheddu l-ftuħ tas-swieq, liema ftuħ huwa ta' benefiċċju reċiproku;

49. Jistieden lill-Istati Membri biex jaħdmu lejn politika ta' kummerċ aktar integrata u koerenti mal-Kummissjoni, b'mod partikulari fil-qasam tal-investimenti; jinnota li l-Istati Membri m'għandhomx jesaġeraw ir-riskji ta' investiment barrani, iżda għandhom jimmiraw għal ftuħ effettiv tal-ekonomiji tagħhom u għal approċċ komuni fil-kuntest ta' fondi ta' investimenti sovrani; jieħu nota tal-ħtieġa li jiġu evalwati kwistjonijiet bħas-sigurtà tal-provvista, l-aktar fir-rigward tal-investimenti barranin minn entitajiet statali fis-settur tal-enerġija, ifakkar li din l-evalwazzjoni ma tistax tintuża bħala miżura protezzjonista;

50. Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għar-riskji potenzjali fir-rigward tar-rispett tar-regoli tal-kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea minħabba n-nuqqas ta' reċiproċità fil-ftehima tad-WTO dwar l-akkwist pubbliku;

51. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex isaħħaħ il-ġlieda kontra l-iffalsifikar, l-aktar permezz tal-Internet billi, fost affarijiet oħra, tinkuraġġixxi koperazzjoni aħjar bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali;

52. Jappoġġja l-appoġġ b'saħħtu tal-Kummissjoni għal negozjati ta' kummerċ multilaterali, iżda jinnota li għall-kummerċ fis-servizzi, speċjalment fir-rigward tas-servizzi finanzjarji, il-ftehimiet ta' kummerċ ħieles jistgħu jkunu aktar xierqa biex jinkiseb l-aċċess għas-suq; jappoġġja bil-qawwa l-kisba ta' Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika sħaħ mal-pajjiżi tal-ACP li jkopru mhux biss il-prodotti iżda wkoll is-servizzi u l-investiment, biex b'hekk tkun tista' sseħħ l-integrazzjoni ta' dawk il-pajjiżi fl-ekonomija globali;

53. Jenfasizza li aċċess effettiv għas-suq għas-servizzi finanzjarji joħloq opportunitajiet aħjar għall-kompetizzjoni, it-trasparenza u d-diversifikazzjoni; jinnota li, partikolarment fl-ekonomiji emerġenti, l-aċċess effettiv għas-suq jista' jwassal għal żvilupp aktar qawwi tas-suq finanzjarju lokali għall-benefiċċju tal-kumpaniji li jixtiequ jistabbilixxu ruħhom kif ukoll jipprovdi aktar għażla u prodotti aħjar għall-konsumatur;

54. Billi jagħraf il-kapaċità finanzjarja, amministrattiva u istituzzjonali dgħajfa tal-pajjiżi tal-ACP, jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura r-rispett għall-istandards li sar qbil dwarhom fuq skala internazzjonali għar-regolazzjoni u l-kontroll fis-servizzi finanzjarji meta jiġu nnegozjati u implimentati ftehimiet kummerċjali ma' pajjiżi li huma meqjusa bħala refuġji fiskali (tax havens);

55. Iqis li l-aċċess għas-servizzi finanzjarji (mikrokrediti, aċċess għal kontijiet bankarji u servizzi bankarji bażiċi, ipoteki, kiri u fatturar, assigurazzjoni, pensjonijiet u trasferimenti lokali u internazzjonali), huwa neċessarju b'mod partikulari għal individwi f'pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jinvolvu ruħhom f'attivitajiet ekonomiċi bażiċi, u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni biex tippromwovi aċċess aħjar għas-suq tas-servizzi finanzjarji fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u tinkuraġġixxi regolazzjoni prudenzjali soda, l-iżvilupp ta' swieq kompetittivi u l-edukazzjoni fis-servizzi finanzjarji .

o

o o

56. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Għaqda Dinjija tal-Kummerċ u lill-pajjiżi membri tagħha.

NOTA SPJEGATTIVA

INTRODUZZJONI

Dan ir-rapport għandu l-iskop li jenfasizza l-importanza tal-kummerċ tas-servizzi għall-ħolqien ta' ġid u xogħol għall-ekonomiji kollha madwar id-dinja, kif ukoll biex iservi ta' katalist għall-iżvilupp. Is-servizzi jipprovdu s-sinsla tal-ekonomiji u l-kummerċ madwar id-dinja, mhux biss bħala mezz għall-ħolqien tal-ġid fih innifsu, imma wkoll billi jipprovdu appoġġ essenzjali għall-ekonomija u l-industrija kollha kemm hi permezz, pereżempju, ta' finanzi, loġistika u komunikazzjoni.

Il-frażi "Kummerċ fis-servizzi" tkopri firxa vasta ta' industriji li jagħmilha impossibbli li wieħed jipprova jiġborhom kollha f'rapport wieħed. Għalhekk, dan ir-rapport se jiffoka fuq it-temi usa' tas-servizzi, inkluż il-GATS u l-ftehimiet tal-kummerċ bilaterali u reġjunali, kif ukoll fuq xi ftit eżempji ta' kwistjonijiet speċifiċi ta' settur.

IS-SERVIZZI BĦALA PARTI MILL-EKONOMIJA

Il-livell attwali ta' globalizzazzjoni u l-avvanz rapidu teknoloġiku jeħtieġ aktar minn qatt qabel li tingħata attenzjoni mhux biss lill-kummerċ ta' prodotti fiżiċi, imma wkoll lill-kummerċ tas-servizzi. L-istudji qed juru dejjem iżjed li s-servizzi għandhom persentaġġ li dejjem qiegħed jikber mill-PGD fi kważi kull ekonomija, 75% fl-UE, 78% fl-Amerika ta' Fuq, 52% fl-Afrika u 60% fl-Asja.

Għalkemm il-kummerċ ta' prodotti jiddependi ħafna minn ekonomija tas-servizzi effiċjenti, dan ma jfissirx li l-kummerċ tas-servizzi għandu jiġi ttrattat bl-istess mod. Infatti, billi servizzi finanzjarji, professjonali u tal-komunikazzjonijiet jagħtu kontribut kruċjali intermedjarju għall-produzzjoni tas-setturi kollha, l-avvanzi teknoloġiċi f'dawn is-setturi jistgħu jħallu effett li jtejjeb il-livell tal-produzzjoni globali. Għalhekk, għalkemm il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ ta' prodotti jressaq l-ekonomija lejn l-ispeċjalizzazzjoni, il-ftuħ tal-kummerċ fis-servizzi, billi jitħalla li jsir investiment barrani, jista' jwassal biex ikun hemm livell ta' produzzjoni (output) bilanċjat kif ukoll infrastruttura aħjar għas-setturi kollha tal-ekonomija.

Ir-rapport jenfasizza li s-servizzi mhumiex prerogattiva tal-pajjiżi sinjuri imma huma parti importanti u li qed tikber tal-ekonomija. Il-potenzjali kbir ħafna għat-tkabbir permezz tas-servizzi f'pajjiżi foqra ġie stabbilit bħala eżempju eċċellenti biż-żieda qawwija ħafna fit-telekomunikazzjonijiet fl-Afrika u l-Amerka t'Isfel. Iż-żieda qawwija ħafna fit-telekomunikazzjonijiet tenfasiza wkoll ir-riperkussjonijiet tal-effetti li jista' jkollha l-liberalizzazzjoni tas-servizzi, billi tagħti spinta lill-kummerċ u tiffaċilità l-globalizzazzjoni, hekk li tagħti lill-intraprendituri u liċ-ċittadini tal-ifqar pajjiżi aċċess għall-komunikazzjoni u informazzjoni li inkella ma jkunux disponibbli għalihom.

Tajjeb li jiġi enfasizzat li l-ftuħ tal-kummerċ fis-servizzi ma jfissirx privatizzazzjoni. Il-gvernijiet individwali tal-pajjiżi jistgħu, jekk ikunu jixtiequ, joffru bank immexxi mill-istat, telekomunikazzjonijiet jew servizzi tal-ilma tal-istat, u madankollu huma jistgħu xorta waħda ma jħallux intraprendituri jew kumpaniji lokali jew barranin joffru servizzi kompetittivi għalihom, minkejja li l-forniment ta' servizzi mhux statali għandhu jissupplimenta u mhux jostakola ħafna servizzi pubbliċi.

L-awtur jirrikonoxxi li huwa importanti li jiġu offruti liċ-ċittadini l-aċċess u l-għażla, b'mod partikulari f'pajjiżi ifqar fejn il-ġvernijiet lokali u nazzjonali m'għandhomx il-fondi, jew kultant saħansitra l-ħajra, biex jipprovdu servizzi deċenti. Pereżempju, f'ċerti każijiet il-gvernijiet m'għandhomx il-kapaċità li jipprovdu ilma nadif lir-residenti ta' kwartieri fqar. Saru studji li juru li ħafna mill-foqra li jgħixu fi kwartieri fqar jista' jkollhom iħallsu, u infatti hekk jagħmlu, għal ilma li jiġi pprovdut mill-privat, anke jekk it-tariffi jistgħu għall-ewwel jidhru li huma għoljin. Dan għaliex ħafna drabi jkunu anqas minn dak li jkollhom iħallsu lill-intermedjarji għal ilma li la kien tajjeb għas-saħħa u lanqas regolari. Madankollu, fornituri alternattivi jistgħu jkunu sempliċement intrapredituri u mhux neċessarjament barranin. Barra minn hekk, il-ftuħ tal-kummerċ fis-servizzi finanzjarji pereżempju jkun ifisser li ċ-ċittadini ma jkunux iridu jiddependu għal self fuq bank wieħed li jista' jkun immexxi minn soċju jew membru tal-familja ta' gvern korrott. Bl-istess mod, iċ-ċittadini bosta drabi huma favur il-ftuħ tas-servizzi tal-midja għaliex dan iwassal għal għażla tal-utent u aktar libertà tal-espressjoni. Ir-rapporteur jikkritika l-każijiet fejn l-idea ta' diversità kulturali tintuża bħala skuża biex tagħlaq barra jew tagħlaq fornituri ta' servizzi tal-midja kompetittivi sabiex jinżamm monopolju fix-xandir mill-Istat biex joħroġ propoganda tal-Istat.

GATS U FTEHIMIET BILATERALI U REĠJUNALI OĦRAJN

Ir-Rawnd għall-Iżvilupp attwali ta' Doha tad-WTO bħalissa jinsab imblukkat minħabba nuqqas ta' qbil dwar l-agrikultura. Dan ir-rapport irid ifakkar lill-qarrejja li l-agrikultura għalkemm hija settur importanti għas-sopravivenza tal-bniedem, għandha biss persentaġġ żgħir mill-PGD u m'għandhiex twaqqaf il-ftuħ ta' setturi oħrajn importanti tal-ekonomija dinjija. L-UE għandha turi ruħha mexxejja morali billi tneħħi dawk it-tariffi u s-sussidji li jostakolaw il-kummerċ ta' prodotti fiżiċi u tal-agrikultura sabiex tikseb il-premju akbar ta' kummerċ fis-servizzi li huwa vitali, mhux biss għall-produtturi tal-UE u għall-konsumaturi, imma wkoll għaċ-ċittadini tal-ifqar pajjiżi.

L-imblokk multilaterali ifisser li bosta pajjiżi, inkluża l-UE, qed ikomplu għaddejjin bi ftehimiet bilaterali u reġjunali. L-impenji li ġew innegozjati fil-Ftehima ta' Sħubija Ekonomika ffirmata mal-CARIFORUM urew li hemm rieda favorevoli ċara li s-serviżżi jitqiegħdu fuq l-aġenda. Il-ftehimiet fuq il-Mode 4 għandhom, wieħed jittama, jindirizzaw it-telf tal-imħuħ, kif ukoll il-problema ta' mħuħ moħlija ("brain in the drain") fejn persuni istruwiti f'pajjiżi fqar ma jistgħux jużaw il-kompetenzi tagħhom minħabba n-nuqqas ta' opportunitajiet.

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET EKONOMIĊI U MONETARJI (9.6.2008)

għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar il-Kummerċ fis-servizzi
(2008/2004(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Olle Schmidt

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jinnota li s-servizzi, b'mod partikolari s-servizzi finanzjarji, jeffettwaw ħafna oqsma ta' kompetenza u jenfasizza li din ir-riżoluzzjoni tiffoka fuq in-negozju tas-servizzi, jiġifieri, li jintlaħaq l-aċċess għas-suq bil-ftuħ volontarju tas-swieq permezz tal-metodu ta' negozjati ta' talba u offerta; jissuġġerixxi li setturi bħall-kontroll finanzjarju, ir-regolazzjoni u kwistjonijiet oħra li jittrattaw aspetti differenti tas-servizzi finanzjarji għandhom jiġu trattati fil-forum xieraq;

2.  Jappoġġja bil-qawwa l-fehma tal-Kummissjoni li l-aċċess għas-suq u l-kummerċ ħieles fis-servizzi, huma element essenzjali tal-aġenda ta' Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi; jenfasizza li s-swieq miftuħa, flimkien ma' kummerċ ħieles fis-servizzi li jkun ibbilanċjat u rregolat tajjeb jibbenefika lill-pajjiżi u lir-reġjuni parteċipanti kollha;

3.  Jinnota li l-kumpaniji Ewropej qed isiru dejjem aktar attivi fuq skala internazzjonali, li t-tkabbir ekonomiku globali huwa, fil-biċċa l-kbira, immexxi minn pajjiżi terzi, u li aċċess aħjar għas-suq allura jagħti kontribut lill-kompetittività tal-Unjoni Ewropea;

4.  Iqis li l-kummerċ fis-servizzi huwa tkomplija neċessarja għall-kummerċ fil-merkanzija u li m'għandhomx jitqiesu bħala distinti minn xulxin;

5.  Iqis li l-ekonomija tas-servizzi saret is-settur ekonomiku l-aktar importanti tal-ekonomiji tal-OECD f'dik li hija kwantità u li żieda fil-kummerċ u d-disponibilità tas-servizzi se żżid it-tkabbir ekonomiku u tiffaċilita t-tkabbir u l-iżvilupp tan-negozju u ttejjeb ir-riżultati ta' industriji oħra, peress li s-servizzi jagħtu kontributi ewlenin, speċjalment f'dinja globalizzata dejjem aktar interkonnessa;

6.  Jirrikonoxxi li l-kisba ta' aċċess għas-suq għas-servizzi huwa proċess diffiċli fi ħdan in-negozjati li għaddejjin fid-WTO dwar l-Aġenda tal-Iżvilupp ta' Doha; jistieden lill-Kummissjoni biex tfittex pakkett bilanċjat b'offerta ambizzjuża fis-servizzi, speċjalment fis-servizzi finanzjarji, fejn l-industrija Ewropea għandha għarfien speċjalizzat kompetittiv u potenzjal qawwi għat-tkabbir; jinnota li l-konformità mar-regoli u l-istandards hija meħtieġa sabiex ikun evitat il-ħolqien ta' ostakoli mhux tariffarji, li jistgħu jkunu sensittivi fil-qasam tas-servizzi;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex, fin-negozjati kummerċjali, tqis bis-sħiħ l-eżistenza ta' servizzi ġenerali ta' interess u l-impatt potenzjali tal-ftuħ tas-swieq fuq l-organizzazzjoni tagħhom;

8.  Jinnota li, fir-rigward tas-servizzi finanzjarji, l-UE għandha wieħed mis-swieq l-aktar miftuħa fid-dinja, iżda jenfasizza li l-Unjoni Ewropea għandha twettaq negozjati iktar aggressivi u bbilanċjati fin-negozjati dwar il-kummerċ fis-servizzi u għandha tapprova l-prinċipji ta' ftuħ, żvilupp u reċiproċità;

9.  Jenfasizza l-importanza li l-awtoritajiet tas-servizzi finanzjarji jżommu l-pass mal-iżviluppi kollha fis-swieq tas-servizzi finanzjarji Ewropej u globali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isaħħu l-oqfsa regolatorji Ewropej u jintensifikaw ukoll id-djalogu regolatorju bejn l-Unjoni Ewropea u l-imsieħba tagħha fil-kummerċ bil-għan li jitnaqqsu l-ostakoli għall-kummerċ;

10. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex teżamina l-prattiki "offshore" ta' pajjiżi terzi li jheddu l-ftuħ tas-swieq, liema ftuħ huwa ta' benefiċċju reċiproku;

11. Jistieden lill-Istati Membri biex jaħdmu lejn politika ta' kummerċ aktar integrata u koerenti mal-Kummissjoni, b'mod partikulari fil-qasam tal-investimenti; jinnota li l-Istati Membri m'għandhomx jesaġeraw ir-riskji ta' investiment barrani, iżda għandhom jimmiraw għal ftuħ effettiv tal-ekonomiji tagħhom, u għal approċċ komuni fil-kuntest ta' fondi ta' investimenti sovrani; jieħu nota tal-ħtieġa li jiġu evalwati kwistjonijiet bħas-sigurtà tal-provvista, l-aktar fir-rigward tal-investimenti barranin minn entitajiet statali fis-settur tal-enerġija, ifakkar li din l-evalwazzjoni ma tistax tintuża bħala miżura protezzjonista;

12. Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għar-riskji potenzjali fir-rigward tar-rispett tar-regoli tal-kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea, minħabba n-nuqqas ta' reċiproċità fil-ftehima tad-WTO dwar l-akkwist pubbliku;

13. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex isaħħaħ il-ġlieda kontra l-iffalsifikar, l-aktar permezz tal-Internet billi, fost affarijiet oħra, tinkuraġġixxi koperazzjoni aħjar bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali;

14. Jappoġġja l-appoġġ b'saħħtu tal-Kummissjoni għal negozjati ta' kummerċ multilaterali, iżda jinnota li għall-kummerċ fis-servizzi, speċjalment fir-rigward tas-servizzi finanzjarji, il-ftehimiet ta' kummerċ ħieles jistgħu jkunu aktar xierqa biex jinkiseb l-aċċess għas-suq; jappoġġja bil-qawwa l-kisba ta' Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika sħaħ mal-pajjiżi tal-ACP li jkopru mhux biss il-prodotti iżda wkoll is-servizzi u l-investiment, biex b'hekk tkun tista' sseħħ l-integrazzjoni ta' dawk il-pajjiżi fl-ekonomija globali;

15. Jenfasizza li aċċess effettiv għas-suq għas-servizzi finanzjarji joħloq opportunitajiet aħjar għall-kompetizzjoni, it-trasparenza u d-diversifikazzjoni; jinnota li, partikolarment fl-ekonomiji emerġenti, l-aċċess effettiv għas-suq jista' jwassal għal żvilupp aktar qawwi tas-suq finanzjarju lokali għall-benefiċċju tal-kumpaniji li jixtiequ jistabbilixxu lilhom infushom, kif ukoll jipprovdi aktar għażla u prodotti ahjar għall-konsumatur;

16. Billi jagħraf il-kapaċità finanzjarja, amministrattiva u istituzzjonali dgħajfa tal-pajjiżi tal-ACP, jistieden lill-Kummissjoni tiżgura r-rispett għall-istandards li sar qbil dwarhom fuq skala internazzjonali għar-regolazzjoni u l-kontroll fis-servizzi finanzjarji meta jiġu nnegozjati u implimentati ftehimiet kummerċjali ma' pajjiżi li huma meqjusa bħala refuġji fiskali (tax havens);

17.Iqis li l-aċċess għas-servizzi finanzjarji (mikro krediti, aċċess għal kontijiet bankarji u servizzi bankarji bażiċi, ipoteki, kiri u fatturar, assigurazzjoni, pensjonijiet u trasferimenti lokali u internazzjonali), b'mod partikulari, huwa neċessarju għal individwi f'pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jinvolvu ruħhom f'attivitajiet ekonomiċi bażiċi, u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni biex tippromwovi aċċess aħjar għas-suq tas-servizzi finanzjarji fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u biex tinkuraġġixxi regolazzjoni prudenzjali soda, l-iżvilupp ta' swieq kompetittivi u l-edukazzjoni fis-servizzi finanzjarji .RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta’ l-adozzjoni

3.6.2008

 

 

 

Riżultat tal-vot finali

+:

–:

0:

34

1

0

Membri preżenti għall-vot finali

Mariela Velichkova Baeva, Zsolt László Becsey, Pervenche Berès, Sharon Bowles, Udo Bullmann, Manuel António dos Santos, Jonathan Evans, Elisa Ferreira, José Manuel García-Margallo y Marfil, Jean-Paul Gauzès, Donata Gottardi, Benoît Hamon, Karsten Friedrich Hoppenstedt, Othmar Karas, Piia-Noora Kauppi, Wolf Klinz, Christoph Konrad, Guntars Krasts, Kurt Joachim Lauk, Andrea Losco, Florencio Luque Aguilar, John Purvis, Alexander Radwan, Bernhard Rapkay, Dariusz Rosati, Eoin Ryan, Antolín Sánchez Presedo, Olle Schmidt, Peter Skinner, Margarita Starkevičiūtė, Ivo Strejček, Ieke van den Burg

Sostitut(i) preżenti għall-vot finali

Mia De Vits, Harald Ettl, Margaritis Schinas

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦAS-SUQ INTERN U L-ĦARSIEN TAL-KONSUMATUR (28.5.2008)

għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar il-Kummerċ fis-servizzi
(2008/2004(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Cristian Silviu Buşoi

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.   Ifakkar li s-servizzi jagħmlu aktar minn tliet kwarti ta’ l-ekonomija Ewropea u li ħafna servizzi huma vitali għall-kompetittività u l-innovazzjoni f’setturi oħra taċ-ċiklu produttiv bħal m’huma l-industrija u l-agrikoltura;

2.   Iqis li meta jkun qed jiġi stabbilit il-kummerċ ġust tas-servizzi jeħtieġ li tkun żgurata l-konformità mal-prinċipji stipulati fl-Artikolu 2 tat-Trattat KE;

3.  Huwa ta’ l-opinjoni li suq intern tas-servizzi li jiffunzjona b’mod effettiv huwa importanti għall-kompetittività ta’ l-intrapriżi ta’ l-UE; jenfasizza li l-implimentazzjoni u t-transpożizzjoni fil-ħin u b’mod korrett tal-liġi Komunitarja, inkluża d-Direttiva 2006/123/KE dwar is-servizzi fis-suq intern[1], huma importanti għal dan l-għan;

4.  Jemmen li politika bbilanċjata u ambizzjuża ta’ l-intrapriżi, b’mod partikulari l-Att Ewropew dwar in-Neġozji ż-Żgħar, tista’ ssaħħaħ mill-ġdid il-kompetittività ta’ l-SMEs; jitlob sabiex l-inizjattiva li jmiss tkun tkopri wkoll il-bżonnijiet għas-settur tas-servizzi u tkun tiffavorixxi strument leġiżlattiv;

5.  Ifakkar l-importanza tas-servizzi għall-ekonomija Ewropea u juri tħassib dwar in-nuqqas ta' progress dwar is-servizzi fin-negozjati attwali li għaddejjin fid-WTO;

6.  Jinnota li n-nuqqas ta’ ħaddiema tas-sengħa huwa sfida ġdida għas-settur tas-servizzi fl-Ewropa u li hemm bżonn li jkunu żviluppati miżuri li jegħlbu din is-sitwazzjoni, fost l-oħrajn permezz ta’ edukazzjoni u taħriġ tul il-ħajja għall-ħaddiema;

7.  Jenfasizza li s-settur tas-servizzi jista’ jġib ħafna soluzzjonijiet għall-problemi ambjentali u jemmen li huma wieħed mill-elementi ewlenin ta’ valur miżjud fl-esportazzjoni ta’ l-UE tan-‘know-how’; jenfasizza li l-importanza tas-settur tas-servizzi għandha bżonn titqies meta titfassal politika għall-iżvilupp sostenibbli;

8.  Jilqa’ l-enfasi tal-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-effetti pożittivi tal-globalizzazzjoni jgħaddu għal għand il-konsumatur; jenfasizza li, flimkien ma’ livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur, il-kompetizzjoni ġusta fis-servizzi hija kruċjali sabiex ikun żgurat li l-Konsumatur jibbenefika mis-suq miftuħ Ewropew.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta’ l-adozzjoni

27.5.2008

 

 

 

Riżultat tal-vot finali

+:

–:

0:

36

1

0

Membri preżenti għall-vot finali

Cristian Silviu Buşoi, Charlotte Cederschiöld, Gabriela Creţu, Janelly Fourtou, Evelyne Gebhardt, Martí Grau i Segú, Małgorzata Handzlik, Malcolm Harbour, Iliana Malinova Iotova, Pierre Jonckheer, Graf Alexander Lambsdorff, Kurt Lechner, Toine Manders, Nickolay Mladenov, Catherine Neris, Zita Pleštinská, Zuzana Roithová, Heide Rühle, Leopold Józef Rutowicz, Salvador Domingo Sanz Palacio, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Marianne Thyssen, Bernadette Vergnaud, Barbara Weiler

Sostitut(i) preżenti għall-vot finali

Emmanouil Angelakas, Wolfgang Bulfon, Colm Burke, Giovanna Corda, Jan Cremers, Wolf Klinz, Manuel Medina Ortega, Gary Titley

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178 (2)) preżenti għall-vot finali

Elisabeth Morin, Sirpa Pietikäinen, Nicolae Vlad Popa

  • [1]  ĠU L 376, 29.12.2006, p. 36.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta’ l-adozzjoni

24.6.2008

 

 

 

Riżultat tal-vot finali

+:

–:

0:

19

11

0

Membri preżenti għall-vot finali

Francisco Assis, Graham Booth, Carlos Carnero González, Daniel Caspary, Françoise Castex, Christofer Fjellner, Béla Glattfelder, Ignasi Guardans Cambó, Jacky Hénin, Syed Kamall, Marusya Ivanova Lyubcheva, Erika Mann, David Martin, Vural Öger, Georgios Papastamkos, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Tokia Saïfi, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Gianluca Susta, Iuliu Winkler, Corien Wortmann-Kool

Sostitut(i) preżenti għall-vot finali

Vittorio Agnoletto, Eugenijus Maldeikis, Jan Tadeusz Masiel, Salvador Domingo Sanz Palacio, Carl Schlyter

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178 (2)) preżenti għall-vot finali

Marie-Arlette Carlotti, Małgorzata Handzlik, Christopher Heaton-Harris