Proċedura : 2008/2050(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0310/2008

Testi mressqa :

A6-0310/2008

Dibattiti :

PV 22/09/2008 - 24
CRE 22/09/2008 - 24

Votazzjonijiet :

PV 23/09/2008 - 5.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0420

RAPPORT     
PDF 206kDOC 139k
4 t'Awissu 2008
PE 406.024v02-00 A6-0310/2008

dwar is-segwitu tal-Konferenza ta' Monterrey tal-2002 dwar l-Iffinanzjar għall-Iżvilupp

(2008/2050(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp

Rapporteur: Thijs Berman

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar is-segwitu tal-Konferenza ta' Monterrey ta' l-2002 dwar l-Iffinanzjar għall-Iżvilupp

(2008/2050(INI))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Konsensus ta’ Monterrey, adottat mill-Konferenza Internazzjonali dwar l-Iffinanzjar għall-Iżvilupp (FfD) f’Monterry, il-Messiku, bejn it-18 u t-22 ta’ Marzu 2002,

 wara li kkunsidra l-impenji magħmula mill-Istati Membri fil-Kunsill Ewropew ta’ Barċellona li sar fl-14 ta’ Marzu 2002 (l-impenji ta’ Barċellona),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ April 2002 dwar l-iffinanzjar ta’ l-għajnuna għall-iżvilupp¹,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 2002 dwar l-iffinanzjar ta’ l-għajnuna għall-iżvilupp²,

 wara li kkunsidra l-istqarrija konġunta tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-Politika għall-Iżvilupp ta' l-Unjoni Ewropea: ‘Il-Konsensus Ewropew’ ³ iffirmata fl-20 ta’ Diċembru 2005,

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata ‘Ngħaġġlu l-progress lejn il-Miri għall-Iżvilupp għall-Millennju’ (COM(2008)0177) tad-9 ta’ April 2008,

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata ‘Nonoraw il-wegħdiet ta’ l-Ewropa dwar il-finanzjament ta’ l-Iżvilupp’ (COM(2007)0164) ta' l-4 ta’ April 2007,

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-2 ta' Marzu 2006 intitolata ‘Finanzjament għall-iżvilupp u l-Effettività ta’ l-Għajnuna – L-isfidi biex tiġi miżjuda l-għajnuna ta’ l-UE 2006 - 2010’ (COM(2006)0085),

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-12 ta' April 2005 intitolata ‘Li tħaffef il-progress lejn il-kisba ta’ l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp - Finanzjament għall-Iżvilupp u Effettività ta’ l-Għajnuna’ (COM(2005)0133),

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2004 lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew intitolata ‘Insarrfu l-Kunsens ta' Monterrey fil-prattika: il-kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea’ (COM(2004)0150),

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ l-14 ta’ Marzu 2002 dwar il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar l-Iffinanzjar għall-Għajnuna (Monterrey),

 wara li kkunsidra l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp (MDGs) adottati waqt is-Samit tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti li sar f’New York bejn is-6 u t-8 ta' Settembru 2000, u li ġew konfermati mill-ġdid waqt Konferenzi sussegwenti tan-NU, speċjalment waqt il-Konferenza ta' Monterrey dwar l-Iffinanzjar għall-Iżvilupp,

 wara li kkunsidra l-impenn li sar waqt il-Kunsill Ewropew ta’ Göteborg li ltaqa’ bejn il-15 u s-16 ta’ Ġunju 2001 biex l-Istati Membri jilħqu l-mira tan-NU għall-Assistenza Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) ta’ 0,7% tad-Dħul Gross Nazzjonali (GNI),

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-2 ta' Marzu 2006 intitolata ‘L-Għajnuna ta' l-UE: Inwassluha aktar, b’mod aħjar u aktar malajr’ (COM(2006)0087),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Mejju 2008 dwar is-segwitu tad-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi ta’ l-2005 dwar l-Effettività ta’ l-Għajnuna¹,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A6-0310/2008),

A.  billi għat-tieni darba fl-istorja, in-Nazzjonijiet Uniti qed torganizza Konferenza Internazzjonali dwar l-Iffinanzjar għall-Iżvilupp, li għandha l-għan li tlaqqa’ flimkien il-Kapijiet ta' Stat u Gvernijiet u mhux biss lill-Ministri ta’ l-Iżvilupp iżda wkoll lill-Ministri tal-Finanzi, kif ukoll lir-rappreżentanti ta’ l-organizzazzjonijiet finanzjarji internazzjonali, tal-banek u n-negozji privati u tas-soċjetà ċivili, biex jevalwaw il-progress li sar mill-Ewwel Samit Dinji ta’ l-2002 f’Monterrey dwar l-Iffinanzjar għall-Iżvilupp,

B.   billi, biex jintlaħqu l-MDGs, hemm bżonn ta’ żieda finanzjarja qawwija,

C.  billi l-iffinanzjar għall-iżvilupp għandu jkun definit bħala l-iktar mod vantaġġjuż kif wieħed jirrispondi għall-bżonnijiet tal-iżvilupp tad-dinja u għall-inċertezzi globali,

D.  billi l-bżonn ta’ riżorsi finanzjarji sostenibbli, previdibbli u adegwati huwa urġenti iktar minn qatt qabel, specjalment meta wiehed iqis l-isfida tat-tibdil fil-klima u l-implikazzjonijiet tagħha, inklużi d-diżastri naturali u b’mod partikolari l-vulnerabilità tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw,

E.   billi l-UE hija l-ikbar donatur ta’ għajnuna fuq skala globali, azzjonista ewlenija fl-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, u l-imsieħeba kummerċjali l-aktar importanti għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw,

F.   billi l-UE diġà impenjat ruħha li f’limitu ta’ żmien ċar u obbligatorju tilħaq ir-rata ta’ 0.56% tal-GNI li hija l-mira sa l-2010 u r-rata ta’ 0.7% tal-GNI sa l-2015,

G. billi, jekk it-tendenzi attwali relatati mal-livelli ta’ l-ODA ta’ l-Istati Membri jkomplu, l-Istati Membri mhux se jilħqu l-miri li impenjaw ruħhom li jilħqu ta' 0,51% għall-UE 15 (jiġifieri l-Istati Membri li kienu parti mill-UE qabel it-tkabbir ta’ l-2004) u 0,17% għall-UE 12 (jiġifieri l-Istati Membri li saru Membri ta’ l-UE fl-1 ta’ Mejju 2004 u fl-1 ta’ Jannar 2007) tal-GNI sa l-2010,

H.  billi l-għajnuna programmabbli lill-Afrika qed tiżdied minkejja t-tnaqqis ġenerali ta’ l-ODA fl-2007,

I.   billi dan l-aħħar tfaċċaw sfidi ta' żvilupp ġodda u sinifikanti, inklużi t-tibdil fil-klima, bidliet strutturali fis-swieq tal-prodotti u b'mod partikolari dawk ta' l-ikel u ż-żejt, u tendenzi ġodda importanti fil-koperazzjoni Nofsinhar-Nofsinhar, inklużi l-appoġġ għall-infrastruttura miċ-Ċina fl-Afrika u s-self mill-Bank Brażiljan għall-Investiment BNDES fl-Amerika Latina,

J.    billi s-servizzi finanzjarji f'ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw huma sottożviluppati bħala riżultat ta' ħafna fatturi inklużi restrizzjonijiet tal-provvista tas-servizzi, nuqqas ta' ċertezza legali u drittijiet tal-proprjetà,

1.   Itenni l-impenn tiegħu għall-qerda tal-faqar, għall-iżvilupp sostenibbli u għall-ilħuq ta’ l-MDGs, bħala l-uniku mod kif tinkiseb il-ġustizzja soċjali u kif titjieb il-kwalità tal-ħajja għal madwar biljun persuna madwar id-dinja li jgħixu f’faqar estrem, jiġifieri li għandhom dħul ta' inqas minn dollaru kuljum;

2.   Jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu diviżjoni ċara bejn l-infiq għall-iżvilupp u l-infiq għall-interessi ta' politika barranija u f'dan ir-rigward l-ODA għandha tkun konformi mal-kriterji għall-ODA stabbiliti mill-Kumitat għall-Assistenza ta' l-Iżvilupp ta' l-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD/DAC) u r-rakkomandazzjonijiet ta' l-OECD/DAC dwar il-ħall mill-irbit ta' l-ODA;

3.   Jenfasizza l-bżonn assolut għall-UE li timmira għall-ogħla livell ta’ koordinazzjoni biex tikseb koerenza mal-politiki Komunitarji l-oħra (l-ambjent, il-migrazzjoni, ir-riżorsi umani, l-agrikoltura, eċċ) u biex tevita li jkun hemm xogħol doppju jew nuqqas ta' konsistenza fl-attivitajiet;

4.   Ifakkar li l-azzjonijiet immedjati u neċessarji li għandhom jittieħdu mill-UE biex din tittratta l-konsegwenzi drammatiċi tal-prezzijiet ta’ l-ikel li qed jiżdiedu b’rata allarmanti ma għandhomx jinftiehmu u jitwettqu bħala parti mill-isforzi meħtieġa mill-Konsensus ta’ Monterrey; jistenna bil-ħerqa għalhekk proposta konkreta mill-Kummissjoni dwar l-użu ta' fondi ta' emerġenza;

5.   Jenfasizza li l-piż amministrattiv eċċessiv u sproporzjonat f’xi wħud mill-pajjiżi msieħba, ixekkel l-effettività ta’ l-għajnuna għall-iżvilupp; jesprimi l-biża’ li hija qed tirriskja li ttellef l-ilħuq ta’ l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp (MDGs);

6.   Jinnota li l-UE għadha trid issib il-bilanċ it-tajjeb bejn żewġ approċċi kontradittorji dwar l-għajnuna għall-iżvilupp: minn naħa waħda, biex tafda lill-pajjiżi msieħba fl-allokazzjoni adegwata tal-fondi u biex tgħin lill-amministrazzjonijiet tagħhom jiżviluppaw l-istrumenti l-ġusti għall-implimentazzjoni tal-fondi; min-naħa l-oħra, biex tkun identifikata l-għajnuna finanzjarja sabiex tkun evitata allokazzjoni ħażina jew mingħajr effett ta’ l-għajnuna;

Volumi ta’ l-ODA

7.   Jiġbed l-attenzjoni li l-UE hija d-donatur dinji ewlieni ta’ l-ODA, li tirrappreżenta kważi 60% ta’ l-għajnuna għall-iżvilupp uffiċjali dinjija, u jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-parti ta’ l-UE ta' l-ODA globali qed tiżdied matul is-snin; madanakollu jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi dejta ċara u trasparenti dwar is-sehem tal-baġit ta' l-UE ddedikat għall-għajnuna għall-iżvilupp ta’ l-UE sabiex tevalwa s-segwitu tal-Konsensus ta’ Monterrey mid-donaturi Ewropej kollha; jesprimi wkoll id-dispjaċir tiegħu li l-livell tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji ta’ l-UE għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw ma għandux viżjoni u jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa komunikazzjoni u strumenti ta’ informazzjoni xierqa u mmirati biex tiżdied il-viżjoni ta’ l-għajnuna għall-iżvilupp ta’ l-UE;

8.   Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-UE laħqet il-mira tagħha li torbot ta’ ODA li l-Komunità jkollha medja ta’ 0.39% tal-GNI sa l-2006, iżda jinnota t-tnaqqis allarmanti ta’ l-għajnuna ta’ l-UE fl-2007 minn EUR 47,7 biljun fl-2006 (0.41% tal-GNI kollettiv ta’ l-UE) għal EUR 46.1 biljun fl-2007 (0.38% tal-GNI kollettiv ta’ l-UE) u jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-volumi ta’ l-ODA biex jilħqu l-mira mwiegħda ta’ 0.56 % tal-GNI sa l-2010;

9.   Jinsisti li ma għandux ikun hemm tnaqqis ieħor mill-ODA rappurtat fl-Istati Membri; jinnota li l-UE se tkun tat EUR 75 biljun inqas milli kien imwiegħed għall-perjodu 2005-2010 jekk se tkompli t-tendenza attwali;

10. Jesprimi tħassib serju li l-maġġuranza ta' l-Istati Membri (18 minn 27, b'mod speċjali l-Latvja, l-Italja, il-Portugall, il-Greċja u r-Repubblika Ċeka) ma setgħux iżidu l-livell tagħhom ta' l-ODA bejn l-2006 u l-2007 u li kien hemm ukoll tnaqqis drammatiku ta' aktar minn 10% f'numru ta' pajjiżi bħall-Belġju, Franza u r-Renju Unit; jistieden lill-Istati Membri biex jissodisfaw il-volumi ODA tagħhom li huma wiegħdu; jinnota b’sodisfazzjon li xi Stati Membri (id-Danimarka, l-Irlanda, il-Lussemburgu, Spanja, l-Iżvezja u l-Olanda) huma ċerti li se jilħqu l-miri tagħhom ta’ l-ODA sa l-2010 u jinsab kunfidenti li dawn l-Istati Membri se jżommu l-livelli għoljin tagħhom ta’ ODA;

11. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-pożizzjoni soda tal-Kummissjoni fl-isforzi biex tikkonċentra kemm fuq il-kwantità u kemm fuq il-kwalità ta’ l-għajnuna għall-iżvilupp mill-Istati Membri u jappoġġja b’mod sħiħ it-twissija tagħha kontra konsegwenzi negattivi potenzjalment għoljin għall-Istati Membri li jonqsu milli jissodisfaw l-impenji finanzjarji tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni biex tuża l-ħila esperta u l-awtorità tagħha biex tikkonvinċi donaturi pubbliċi u privati oħra biex jonoraw il-wegħdiet finanzjarji tagħhom;

12. Jinsab imħasseb ħafna li xi Stati Membri qed jiffinanzjaw b’mod retroattiv iż-żidiet ODA, sitwazzjoni li qed twassal għal telf nett għall-pajjiżi li qed jiżvilupaw ta’ aktar minn EUR 17-il biljun;

13. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-approċċ ta’ xi Stati Membri li jiżviluppaw skedi plurijennali li jorbtu għaż-żieda tal-livelli ta’ l-ODA biex jilħqu l-mira tan-NU ta’ 0.7% sa l-2015; jitlob lill-Istati Membri li għadhom m'għamlux dan biex jiżvelaw mill-aktar fis possibbli l-iskedi plurijennali tagħhom; jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jadottaw dawn l-iskedi qabel il-Konferenza Internazzjonali dwar l-Iffinanzjar għall-Iżvilupp li jmiss u għandhom jissodisfaw l-impenji tagħhom;

14. Josserva li t-tnaqqis irrappurtat fl-2007 fil-livelli ta’ għajnuna kien minħabba li f’xi każijiet kien hemm żieda artifiċjali taċ-ċifri ta’ l-2006 minħabba li nħafer xi dejn; jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-livelli ta’ l-ODA b’mod sostenibbli billi jikkonċentraw fuq iċ-ċifri mingħajr id-dejn li nħafer;

15. Jikkunsidra li d-diskrepanza bejn il-wegħdiet li jsiru ta’ spiss ta’ iktar assistenza finanzjarja u l-ammonti konsiderevolment inqas li attwalment jingħataw hija totalment mhux aċċettabbli u huwa mħasseb li xi Stati Membri qed juru nuqqas ta' ħeġġa lejn l-għajnuna;

16. Jenfasizza l-fatt li l-konsultazzjoni ma' gvernijiet sħab, parlamenti nazzjonali u l-organizazzjonijiet tas-soċjetà ċivili hija kruċjali fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-volumi u d-destinazzjonijiet ta’ l-ODA;

Ħeffa, flessibilità, prevedibilità u sostenibilità tal-flussi finanzjarji

17. Jenfasizza li l-assistenza teħtieġ li titwassal fil-ħin u jesprimi n-nuqqas ta’ sodisfazzjon tiegħu li l-proċessi biex titwassal l-assistenza huma ħafna drabi suġġetti għal dewmien bla bżonn;

18. Jenfasizza l-bżonn li l-flessibilità tkun bilanċjata fit-twassil tal-fondi ta’ koperazzjoni, sabiex wieħed jirrispondi għaċ-ċirkustanzi li qed jinbidlu, bħall-prezzijiet ta’ l-ikel li qed jogħlew bl-imperattiv għal iffinanzjar prevedibbli li jippermetti lill-pajjiżi msieħba jippjanaw żvilupp sostenibbli u adattament u mitigazzjoni għall-bidla fil-klima;

19. Jitlob bis-sħiħ għall-osservanza ċara tal-prinċipji ta’ self u ffinanzjar responsabbli, li jagħmlu l-operazzjonijiet ta' self u ta' ffinanzjar sostenibbli f'termini ta' żvilupp ekonomiku u ambjentali fuq il-linji u skond il-prinċipji ta' l-ekwatur; jistieden lill-Kummissjoni biex tipparteċipa fit-twaqqif ta’ prinċipji bħal dawn u biex tagħmel pressjoni fil-fora internazzjonali għal miżuri li jorbtu biex tpoġġihom fil-prattika b’tali mod li l-kopertura testendi għal parteċipanti ta’ l-iżvilupp ġodda mis-setturi pubbliċi u privati;

Dejn u ħarba mill-kapital

20. japprova b'mod sħiħ l-isforzi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex iżommu s-sostenibilità tad-dejn għal tul ta' żmien u biex jimplimentaw l-inizjattiva tal-pajjiżi foqra li għandhom djun kbar (HIPC), li huma ta' importanza ewlenija biex jintlaħqu l-MDGs; jiddispjaċih, madankollu, li l-pjani ta' tnaqqis eskludew numru kbir ta' pajjiżi li għalihom id-dejn jibqa' ostakolu biex jilħqu l-MDGs;jinsisti dwar il-bżonn ta' dibattitu internazzjonali urġenti dwar l-espansjoni tat-tnaqqis ta' miżuri internazzjonali għal numru ta' pajjiżi midjuna, li bħalissa jinsabu esklużi mill-inizjattiva HIPC;

21. Jistieden lill-Kummissjoni biex tindirizza l-kwistjoni ta' djun 'mistmerra' jew illeġittimi, li jfissru djun li ġew minn self irresponsabbli, ta’ interessi individwali, bi traskuraġni jew b'mod inġust u l-prinċipji ta' finanzi responsabbli f'negozjati bilaterali u multilaterali biex jittaffa d-dejn; jilqa’ b’sodisfazzjon is-sejħa għall-azzjoni tal-Kummissjoni biex tillimita d-drittijiet ta' kredituri kummerċjali u vulture funds li jridu jitħallsu lura, fil-każ ta' proċeduri ġudizzjarji;

22. Jistieden lill-Istati Membri biex jimxu skond il-qafas ta' sostenibilità tad-dejn u jisħqu fuq l-iżvilupp tiegħu biex jitqies id-dejn intern ta' pajjiż u l-bżonnijiet finanzjarji tiegħu; jistieden lill-Istati Membri kollha biex jirrikonoxxu li r-responsabilità ta' min isellef ma tinvolvix biss konformità mal-qafas ta' sostenibilità, imma tinvolvi wkoll:

-  il-konsiderazzjoni tal-vulnerabilità tal-pajjiżi li qed jissellfu għal xokkijiet esterni, billi jipprovdu f'dawn il-każi għas-sospensjoni jew it-tnaqqis tal-ħlas lura;

-  l-inkorporazzjoni ta' rekwiżiti ta' trasparenza, għaż-żewġ partijiet, fil-ftehimiet ta' self;

-  l-eżerċizzju ta' aktar viġilanza biex jiġi żgurat li s-self ma jikkontribwix għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem jew żieda fil-korruzzjoni;

23. Iħeġeġġ lill-UE biex tippromwovi sforzi internazzjonali li għandhom l-għan li jistabbilixxu xi forma ta' proċeduri internazzjonali ta' falliment jew proċedura ta' arbitraġġ ġust u trasparenti biex tittratta b'mod effiċjenti u ġust ma’ kwalunkwe kriżi ta' dejn fil-futur;

24. Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma tagħmilx aktar enfasi dwar il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi interni biex tiffinanzja l-iżvilupp, għax dawn huma riżorsi ta' aktar awtonomija għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri li jkunu involuti b'mod sħiħ fl-inizjattiva ta' trasparenza fl-industriji ta' estrazzjoni u biex jitolbu li tkun imsaħħa; jistieden lill-Kummissjoni biex titlob lill-Bord ta' l-Istandards Internazzjonali ta' Kontabilità (IASB) biex jinkludi fost dawn l-istandards internazzjonali ta' kontabilità ħtieġa ta' rappurtar pajjiż b'pajjiż ta' l-attivitajiet tal-kumpaniji multinazzjonali fis-setturi kollha;

25. Jiddispjaċih li l-pakkett ta’ komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-effettivit๠ta’ l-għajnuna ma jsemmix il-ħarba mill-kapital bħala fattur ta’ riskju għall-ekonomiji ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw; jiġbed l-attenzjoni li l-ħarba mill-kapital tagħmel ħsara serja lill-iżvilupp ta' sistemi ekonomiċi sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u jiġbed l-attenzjoni li kull sena l-evażjoni tat-taxxa tiswa lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw aktar milli jirċievu fil-forma ta' ODA; jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi fil-politiki tagħha miżuri li jevitaw li ssir ħarba mill-kapital, kif mitlub mill-Konsensus ta’ Monterrey, li jinkludu analiżi ċara tal-kawżi tal-ħarba mill-kapital, bil-għan li jingħalqu r-refuġji fiskali (tax havens), li xi ftit minnhom jinsabu fl-UE jew joperaw mill-qrib ma’ l-Istati Membri;

26. Jinnota, b'mod partikolari, li skond il-Bank Dinji il-komponent illegali minn din il-ħarba mill-kapital jammonta għal bejn 1 000 sa 1 600 biljun Dollaru Amerikan kull sena, li nofshom jiġu mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jappoġġja l-isforzi internazzjonali biex jiġu ffriżati u rkuprati l-assi misruqa u jitlob lill-Istati Membri li għadhom m'għamlux hekk biex jirratifikaw il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-korruzzjoni; jiddeplora li mhux qed isiru sforzi simili biex tiġi miġġielda l-evażjoni tat-taxxa u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu l-estensjoni globali tal-prinċipju ta' l-iskambju awtomatiku ta' l-informazzjoni dwar it-taxxa, jitolbu li l-Kodiċi ta' Kondotta dwar l-evażjoni tat-taxxa li qed titfassal fil-preżent fil-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti (ECOSOC) jiġi anness mad-dikjarazzjoni ta' Doha u jappoġġjaw it-trasformazzjoni tal-kumitat tat-tassazzjoni tan-NU f'korp ġenwin intergovernattiv mgħammar b'riżorsi addizzjonali biex ikun jista' jiġġieled il-ġlieda internazzjonali kontra l-evażjoni tat-taxxa flimkien ma' l-OECD;

Mekkaniżmi finanzjarji innovattivi

27. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposti għal mekkaniżmi finanzjarji innovattivi mressqa mill-Istati Membri u jistieden lill-Kummissjoni biex teżaminahom skond il-livell ta’ faċilità ta’ implimentazzjoni prattika, ta’ sostenibilità, ta’ addizzjonalità, ta’ spejjeż tat-tranżazzjoni u ta’ effettività; jitlob li jkun hemm mekkaniżmi u strumenti finanzjarji li jipprovdu fondi ġodda u li ma jpoġġux flussi finanzjarji futuri f’riskju;

28. Jitlob li jkun hemm mekkaniżmi u strumenti finanzjarji li jipprovdu miżuri li jsaħħu flus privati kif stipulat fil-Konsensus ta’ Monterrey u li japplikaw b’mod effettiv il-garanziji ta’ kreditu;

29. Jistieden lill-Kummissjoni biex issaħħaħ b'mod qawwi l-finanzjament għall-miżuri t'adattament u mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari dawk ta' l-Alleanza dwar it-Tibdil fil-Klima Globali; jenfasizza l-bżonn akut għal finanzjament lil hinn minn flussi attwali ta' l-ODA għaliex l-ODA weħidha m'għandhiex tipprovdi rispons adegwat għall-miżuri ta’ adattament u mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jenfasizza li għal dan il-għan għandhom jiġu żviluppati b'mod urġenti mekkaniżmi ta' finanzjament innovattivi, bħal ma huma taxxi fuq l-avjazzjoni u l-kummerċ fiż-żejt, kif ukoll l-identifikar tad-dħul mill-irkant tas-Sistema tal-Kummerċ ta' l-Emissjonijiet ta' l-UE (EU ETS);

30. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni li tistabbilixxi Mekkaniżmu ta' Finanzjament tal-Klima Globali, ibbażat fuq il-prinċipju ta' għajnuna antiċipata biex tiffinanzja miżuri ta' mitigazzjoni u adattament fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jagħmlu impenji finanzjarji sostanzjali sabiex jimplimentaw il-proposta b'mod urġenti;

31. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jidentifikaw mill-inqas 25% mid-dħul futur ta' l-irkant mill-UE ETS biex jiffinanzjaw miżuri ta’ adattament u mitigazzjoni għat-tibdil fil-klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

32. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa aċċess għall-iffinanzjar għal impriżi żgħar u għall-bdiewa, bħal mezz kif tiżdied il-produzzjoni ta’ l-ikel u kif tinstab soluzzjoni sostenibbli għall-kriżi ta’ l-ikel;

33. Jistieden lill-Bank Ewropew ta’ l-Investiment (EIB) biex jinvestiga l-possibilitajiet għat-twaqqif immedjat ta’ fond ta’ garanzija li jappoġġja skemi ta’ mikrokreditu u skemi ta’ lqugħ għar-riskju (risk-hedging) li jirrispondu mill-viċin għall-bżonnijiet tal-produtturi ta’ l-ikel lokali f’pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma ifqar;

34. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta biex jitwaqqaf fond multidonatur li għandu x'jaqsam mas-sessi li tnieda fin-NU u li se jkun immexxi mill-Fond għall-Iżvilupp tan-Nisa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNIFEM), bil-għan li jippromwovi u jiffinanzja politiki ta' ugwaljanza bejn is-sessi f'pajjiżi li qed jiżviluppaw; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jevalwaw u japprovaw din l-inizjattiva internazzjonali;

35. Jitlob li jiġu rduppjati l-isforzi li jinkoraġġixxu l-iżvilupp tas-servizzi finanzjarji, minħabba li s-settur bankarju għandu l-potenzjal li jillibera l-finanzjament lokali għall-iżvilupp u li barra minn hekk settur tas-servizzi finanzjarji stabbli huwa l-aħjar mod biex tiġi miġġielda l-ħarba tal-kapital;

36. Jistieden lill-partijiet interessati biex japprezzaw b'mod sħiħ il-potenzjal enormi tad-dħul mir-riżorsi naturali; f'dan ir-rigward jara li huwa essenzjali li l-industriji tar-riżorsi jkunu trasparenti; jikkunsidra li, filwaqt li l-Inizjattiva ta' Trasparenza ta' l-Industriji Estrattiva (EITI) u l-Proċess Kimberly qed jimxu fid-direzzjoni t-tajba, għandu bżonn isir ħafna aktar biex tiġi nkorraġita t-tmexxija trasparenti tat-tmexxija ta' l-industriji tar-riżorsi u d-dħul tagħhom;

Riforma tas-sistemi internazzjonali

37. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jinkludu l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp fil-baġit ta’ l-UE fir-Reviżjoni ta’ Nofs it-Terminu ta’ l-2008/2009, sabiex tissaħħaħ il-leġittimità demokratika ta’ parti importanti tal-politika ta’ l-iżvilupp ta’ l-UE u l-baġit tagħha;

38. Jinnota l-ewwel pass li ttieħed f'April 2008 lejn rappreżentazzjoni aħjar ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-IMF; jiddispjaċih li l-kejl ibbażat fuq il-ġid ikompli jirregola l-analiżi tad-drittijiet tal-vot fl-IMF; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex juru l-interess tagħhom fit-teħid tad-deċiżjoni b'maġġoranza doppja(azzjonisti/stati) fl-istituzzjoni responsabbli għall-istabilità finanzjarja internazzjonali, l-IMF;

39. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jużaw il-Konferenza Internazzjonali ta’ Segwitu dwar l-Iffinanzjar għall-Iżvilupp imsemmija hawn fuq, li għandha ssir f’Doha mid-29 ta’ Novembru sat-2 ta’ Diċembru 2008, bħala opportunità biex tkun preżentata pożizzjoni komuni ta’ l-UE dwar l-iżvilupp immirata għall-ilħuq ta’ l-MDGs permezz ta’ approċċ sostenibbli;

40. Jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu riforma mgħaġġla u ambizzjuża tal-Bank Dinji sabiex dawk li huma l-aktar ikkonċernati direttament bil-programmi tiegħu jkunu rappreżentati aħjar;

41. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-kapijiet ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, lill-Fond Monetarju Internazzjonali, lill-Grupp tal-Bank Dinji u lill-Kunsill Soċjali u Ekonomiku tan-Nazzjonijiet Uniti.


NOTA SPJEGATTIVA

Kwistjoni pendenti fl-aġenda dwar l-iżvilupp internazzjonali: L-iffinanzjar għall-Iżvilupp

Fil-Konferenza Internazzjonali dwar l-Iffinanzjar għall-Iżvilupp f'Monterrey f'Marzu ta' l-2002, il-komunità internazzjonali adottat il-Konsensus ta' Monterrey, li kkonċentra fuq dawn il-ħsibijiet ewlenien li ġejjin:

· Il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi finanzjarji domestiċi għall-iżvilupp;

· Il-mobilizzazzjoni ta' riżorsi internazzjonali għall-iżvilupp (Investiment Barrani Dirett (FDI) u flussi privati oħrajn);

· Kummerċ internazzjonali bħala l-magna ta’ l-iżvilupp;

· Iż-żieda tal-koperazzjoni internazzjonali finanzjarja u teknika għall-iżvilupp;

· Dejn estern;

· Kwistjonijiet sistematiċi - il-promozzjoni tal-koerenza u tal-konsistenza tas-sistemi internazzjonali monetarji, finanzjarji u kummerċjali bħala appoġġ għall-iżvilupp.

L-ewwel Konferenza ta' Segwitu dwar l-Iffinanzjar għall-Iżvilupp se ssir f'Doha (Qatar) mid-29 ta' Novembru sat-2 ta' Diċembru 2008. Dan is-samit jipprovdi l-opportunità biex jiġi evalwat il-progress li sar minn meta ġie adottat il-Konsensus ta' Monterrey.  

L-UE tkompli tkun fuq ta' quddiem fl-Iffinanzjar Internazzjonali għall-Iżvilupp bħala l-akbar donatur internazzjonali għall-iżvilupp, filwaqt li tipprovdi aktar minn 50% ta' l-Assistenza Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) madwar id-dinja.  

Ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-progress ta' l-UE dwar il-Konsensus ta' Monterrey ġie ppubblikat f'Marzu 2008¹. Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Iffinanzjar għall-Iżvilupp ġew ippubblikati fil-25 ta' Mejju 2008.

Il-miri ta' l-ODA limitati biż-żmien 2010 u 2015

Fl-2006 l-UE laħqet il-mira individwali tagħha miftiehma li tiddedika 0.39% (UE 15) tal-GNI kollettiv tagħha lill-ODA. Il-mira prinċipali li jmiss ta' l-ODA hija li tilħaq iż-0.56% tal-GNI kollettiv ta' l-UE sa l-2010.² Madankollu, hija problema serja li fl-2007 l-volumi ta' l-ODA ta' diversi Stati Membri niżlu b'mod drammatiku - skond ix-xejriet globali attwali fl-iżvilupp finanzjarju, segwiti wkoll mill-Ġappun u l-Istati Uniti. Madankollu, xi Stati Membri qatgħu l-isforzi finanzjarji tagħhom biex jilħqu l-miri ta' l-2010 sa 2015 u naqqsu r-rati tagħhom biex ikabbru l-ODA.

Filwaqt li t-tnaqqis ġenerali ta' l-ODA wieħed jittama li jkun okkorrenza ta' darba, - u r-Rapporteur jinsisti li l-Istati Membri jiżguraw li jiġri hekk. It-tnaqqis taż-żidiet huwa mistenni li jnaqqas l-ammont totali ta' l-ODA mogħti lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fi snin li ġejjin. Il-Finlandja u Franza, pereżempju, kellhom politiki u responsabilitajiet nazzjonali li kienu aktar ambizzjużi minn dawk ta' l-UE, imma fl-2007 huma naqqsu l-mira tagħhom sabiex jassoċjaw ruħom mal-kalendarju ta' l-UE. Dan bla dubju jagħmel ħsara lill-mira kollettiva ta' l-UE. Huwa stmat li fil-perjodu 2006-2010 bejn wieħed u ieħor ’il-fuq minn EUR 17-ilbilljun ta' ODA se jintilfu kompletament. Il-miri kollettivi ta' l-UE jintlaħqu biss jekk xi wħud mill-Istati Membri l-kbar jilħqu livelli ta' ODA ’il fuq mill-mira. Ir-Rapporteur huwa mħasseb serjament li żviluppi riċenti jistgħu jagħmluha diffiċli biex jitwettqu l-obbligi.

Bilfors trid issir bidla sinifikanti u sħiħa biex jiġi ppruvat li l-Istati Membri kollha huma impenjati li jilħqu l-miri mwiegħda ta' ODA, u għalhekk itejbu l-possibilità li jilħqu l-MDGs. Ir-Rapporteur jistieden lill-Istati Membri li għadhom m'għamlux hekk biex jintroduċu skedi ta' miri finanzjarji fissi qabel ma ssir il-konferenza ta' Doha.  

Dejn estern u ħarba mill-kapital

L-inklużjoni tal-ħelsien mid-dejn fiċ-ċifri ta' l-ODA kien wieħed mir-raġunijiet ewlenin għat-tnaqqis fil-livelli ta' l-UE għall-ODA fl-2007, għalhekk ir-Rapporteur jistieden lill-Istati Membri biex jikkonċentraw fuq iċ-ċifri ta' l-ODA bit-tneħħija tal-komponent tal-maħfra tad-dejn. Madankollu, daqstant ieħor importanti huma kwistjonijiet ta' sostenibilità ta' dejn ta' perjodu twil u prinċipji ta' self responsabbli.  

Self u finanzjament irresponsabbli huma ta' ħsara kbira għall-istabilità ekonomika ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw u hija kontroproduttiva b'mod qawwi biex tkun stabbilita s-sostenibilità ta' dejn għal perjodu twil. Eżempji ta' prattiki bħal dawn jikludu litigazzjoni aggressiva minn kredituri kummerċjali u fondi ta' dejn eżawriti li jpoġġu piż fuq il-baġits tal-pajjiżi involuti li qed jiżviluppaw. Finanzi u self responsabbli jistgħu jkunu l-mod biex tiġi żgurata s-sostenibilità tad-dejn, u jistgħu jintużaw ukoll biex jitħeġġew is-sosteniblità, żvilupp li jħares l-ekoloġija u xogħol diċenti f'pajjiżi li qed jiżviluppaw.  

Il-ħarba mill-kapital u r-refuġji mit-taxxa huma wkoll kwistjoni kbira fl-aġenda dwar l-iffinanzjar għall-iżvilupp, għax jista' jkollhom effetti serji għad-dejn estern. Mezzi biex tiġi evitata l-ħarba mill-kapital jistgħu jinkludu li jiġu installati aktar sistemi ta' kontroll effettivi (speċjalment permezz ta' sistemi ta' tassazzjoni) f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, li jagħmlu s-sinjuri f'pajjiżi li qed jiżviluppaw aktar konxji mill-obbligi tagħhom, kif ukoll biex tiġi nkorraġita t-titolarità u li jiġi żgurat li l-flus ma jmorrux għand ir-refuġji tat-taxxa (anke dawk fl-UE). Sadanittant, l-aktar mod effettiv biex tiġi evitata l-ħarba mill-kapital minn pajjiżi li qed jiżviluppaw tinvolvi t-trawwim ta’ ambjenti stabbli, paċifiċi u demokratiċi, fejn l-Istat tad-Dritt jiżgura rispett lejn kuntratti kummerċjali , kontijiet bankarji u drittijiet tal-proprjetà liċ-ċittadini kollha.  

Sfidi Ġodda

It-tibdil fil-klima huwa waħda mill-isfidi riċenti li qed taffaċċja l-assistenza għall-iżvilupp. L-għan ewlieni tal-politika ta' żvilupp huwa li jinqered il-faqar. It-tibdil fil-klima, fost inċertezzi globali kbar oħra, huwa kwistjoni li għandha impatt sinifikanti fuq pajjiżi inqas żviluppati li huma speċjalment vulnerabbli għal xokkijiet esterni (eż. diżastri naturali, pandemiji).¹ Madankollu, l-iffinanzjar biex jitnaqqsu l-effetti tat-tibdil fil-klima huwa meqjus bħala mezz li bih pajjiżi industrijalizzati jgħinu biex isewwu l-ħsara li huma stess ħolqu fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Għalhekk m'għandhomx jittieħdu minn weghdiet ta' ODA eżistenti imma ghandhom jiżdiedu magħhom. F'dan ir-rigward, ir-Rapporteur jaqbel mal-fehma espressa mill-Kummissarju għall-Iżvilupp Louis Michel li l-fondi għall-iżvilupp eżistenti m'għandhomx jintużaw bħala finanzjament fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima fil-Pajjiżi l-Inqas Żviluppati. Qed isiru diskussjonijiet bejn l-UE u l-Bank Dinji dwar il-possibilità li jingħata self kbir għal perjodu twil biex jgħinu lill-pajjiżi l-aktar fqar jiffinanzjaw miżuri kruċjali biex jiġġieldu t-tibdil fil-klima². Ir-Rapporteur jistenna li l-UE tkun ta' l-ewwel f'dan id-dibattitu.

L-isplużjoni internazzjonali attwali tal-prezzijjiet ta' l-ikel hija sfida addizzjonali li għandha tiġi indirizzata. L-iżvilupp rurali, b'mod speċjali fis-sens ta' żvilupp agrikolu qiegħed diġa' jsir aktar importanti u b'mod inevitabbli se jkollu profil aktar għoli fuq l-aġenda ta' l-iżvilupp internazzjonali fis-snin li ġejjin. Għandhom jiġu indirizzati l-ostakoli fl-iżvilupp tal-agrikoltura f'pajjiżi li qed jiżviluppaw. L-agrikoltura lokali, b'mod partikolari, għandha tkun appoġġjata. Bdiewa fuq skala żgħira għandhom jingħataw aċċess b'mod mgħaġġel għal self biex itejbu l-impriżi tagħhom u jżidu l-produzzjoni.

Sfida ġdida oħra tinsab fid-dehra ta' atturi emerġenti ġodda fix-xena internazzjonali ta' l-iffinanzjar għall-iżvilupp, b'mod speċjali ċ-Ċina, il-Brażil, u l-Arabja Sawdita, kif ukoll ta’ numru ta' donaturi privati.¹ Hemm tħassib dwar il-politiki użati minn xi donaturi ġodda lejn l-implimentazzjoni tal-koperazzjoni tagħhom.

Il-mobbilizzar ta’ l-iffinanzjar privat għall-iżvilupp

Il-flussi tal-kapital privat għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw qed jiżdiedu. Huwa stmat li huma sitt darbiet aktar għolja mill-ammont totali ta' ODA irrappurtati (anke jekk ma ġiex ikkoreġut il-ħelsien mid-dejn), li jammontaw għal madwar 600 biljun Dollaru Amerikan.

Flussi privati jammontaw għal madwar 80% mill-flussi totali lill-Afrika: fl-2007 l-FDI fl-Afrika żdied b'madwar 200% fl-2004.

Bla dubju, ikun ta' benefiċċju, li ftit minn dan il-finanzjament privat ikun utilizzat lejn l-objettiv ta' l-iżvilupp, u r-Rapporteur jissuġġerixxi li dan jista' jseħħ bl-użu ta' sħubijiet pubbliċi/privati innovattivi. L-UE għandha tippromwovi b'mod attiv il-Prinċipji Equator li bihom numru kbir ta' banek madwar id-dinja jkollhom l-għan li jirrispettaw il-kriterji ta' sostenibilità fil-politiki ta' investiment.

L-effettività ta’ l-għajnuna

Ir-rilaxx ta' l-għajnuna, it-tnaqqis ta' l-ispejjeż tat-transazzjoni u aktar flessibilità u ħeffa fil-proċeduri burokratiċi jibqgħu l-kwistjonijiet ewlenin rigward l-effettività ta' l-għajnuna. Ir-Rapporteur, madankollu, ra kif jimminimizza l-inklużjoni ta' dawn il-kwistjonijiet fir-rapport tiegħu biex jevita li jkun hemm overlap mar-rapport dwar l-Effettività ta' l-Għajnuna mill-kollega tiegħu Johan Van Hecke.

Kwistjonijiet Sistematiċi

Il-leħen tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandu jissaħħaħ fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-istituzzjonijiet finanzjarji u ekonomiċi internazzjonali.

Il-karigi tal-President tal-Bank Dinji u d-Direttur Maniġerjali tal-IMF għadhom mhumiex miftuħa għall-pajjiżi kollha. Numru kbir ta’ l-Istati Membri tal-UE (14) urew appoġġ għal riformi li jagħmlu l-karigi disponibbli għaċ-ċittadini tal-pajjiżi kollha.

Problema partikolari fil-Bord tal-Bank Dinji, hija li 46 pajjiż Afrikan ’l isfel mis-Saħara għandhom nuqqas serju ta' rappreżentanza. Billi reġjuni oħra b'anqas pajjiżi għandhom mill-anqas tliet siġġijiet, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw fir-reġjun ’l isfel mis-Saħara huma rappreżentati biss b’żewġ siġġijiet. Ir-Rapporteur jikkunsidra li din is-sitwazzjoni m’hijiex aċċettabbli u jipproponi li għandha tkun irrimedjata.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits (18.6.2008)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp

dwar is-segwitu tal-Konferenza ta’ Monterrey ta’ l-2002 dwar l-Iffinanzjar

għall-Iżvilupp

(2008/2050(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Anne E. Jensen

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

Il-Parlament Ewropew,

- wara li kkunsidra l-Konsensus ta’ Monterrey adottat mill-Konferenza Internazzjonali dwar l-Iffinanzjar għall-Iżvilupp li saret f’ Marzu 2002,

- wara li kkunsidra l-Konsensus Ewropew adottat mill-Kunsill, mir-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri fil-Kunsill, mill-Parlament Ewropew u mill-Kummissjoni f’Diċembru 2005,

- wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-tħaffif tal-progress lejn il-kisba ta’ l-Objettivi tal-Millenju għall-Iżvilupp (COM(2008)0177 tad-9 ta’ April 2008),

1. Jiġbed l-attenzjoni li l-UE hija d-donatur dinji ewlieni ta’ l-għajnuna għall-iżvilupp, li tirrappreżenta kważi 60% ta’ l-għajnuna għall-iżvilupp uffiċjali dinjija, u jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-parti tal-KE qed tiżdied matul is-snin; madanakollu jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi dejta ċara u trasparenti dwar is-sehem tal-baġit tal-Komunità fl-għajnuna għall-iżvilupp ta’ l-UE sabiex tevalwa s-segwitu tal-Konsensus ta’ Monterrey mid-donaturi Ewropej kollha; jesprimi wkoll id-dispjaċir tiegħu li l-livell tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji ta’ l-UE għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw ma għandux viżjoni u jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa komunikazzjoni u strumenti ta’ informazzjoni xierqa u mmirati biex tiżdied il-viżjoni ta’ l-għajnuna għall-iżvilupp ta’ l-UE;

2. Jinsab imħassaeb ħafna madanakollu dwar it-tendenza negattiva f’termini assoluti u bħala proporzjon tal-GNI (tnaqqis ta’ EUR 1 589 miljun li jirrappreżenta tnaqqis ta’ 3.33%, li jammonta għal total ta’ 0.38% tal-GNI ta’ l-UE fl-2007, meta mqabbel ma’ 0.41% fl-2006), għall-ewwel sena, f’għajnuna għall-iżvilupp ta’ l-UE; ifakkar li l-Konsensus Ewropew għall-2005, li dwaru ntlaħaq ftehim mill-Istati Membri kollha u mill-Istituzzjonijiet ta' l-UE, ikkonferma l-mira ta' 0.56% tal-GNI fl-2010 u 0.70% fl-2015 f’għajnuna għall-iżvilupp;

3. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-pożizzjoni soda tal-Kummissjoni fl-isforzi biex tikkonċentra kemm fuq il-kwantità u kemm fuq il-kwalità ta’ l-għajnuna għall-iżvilupp mill-Istati Membri u jappoġġja b’mod sħiħ it-twissija tagħha kontra konsegwenzi negattivi potenzjalment għoljin għall-Istati Membri li jonqsu milli jissodisfaw l-impenji finanzjarji tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni biex tuża l-ħila esperta u l-awtorità tagħha biex tikkonvinċi donaturi pubbliċi u privati oħra biex jonoraw il-wegħdiet finanzjarji tagħhom;

4. Jenfasizza l-bżonn assolut għall-UE li timmira għall-ogħla livell ta’ koordinazzjoni biex tikseb koerenza mal-politiki Komunitarji l-oħra (l-ambjent, il-migrazzjoni, ir-riżorsi umani, l-agrikoltura, eċċ) u biex tevita li jkun hemm xogħol doppju jew nuqqas ta' konsistenza fl-attivitajiet;

5. Ifakkar li l-azzjonijiet immedjati u neċessarji li għandhom jittieħdu mill-UE biex din titratta l-konsegwenzi drammatiċi tal-prezzijiet ta’ l-ikel li qed jiżdiedu b’rata allarmanti ma għandhomx jinfthiemu u jkunu mwettqa bħala parti mill-isforzi meħtieġa mill-Konsensus Monterrey; Jistenna bil-ħerqa għalhekk proposta konkreta mill-Kummissjoni dwar l-użu ta' fondi ta' emerġenza;

6. Jenfasizza li l-piż amministrattiv eċċessiv u sproporzjonat f’xi wħud mill-pajjiżi msieħba, ixekkel l-effettività ta’ l-għajnuna għall-iżvilupp; jesprimi l-biża’ li hija qed tirriskja li ttellef il-kisba ta’ l-Objettivi tal-Millenju għall-Iżvilupp;

7. Jiġbed l-attenzjoni li l-Unjoni Ewropea għadha trid issib il-bilanċ it-tajjeb bejn żewġ approċċi kontradittorji dwar l-għajnuna għall-iżvilupp: min-naħa l-waħda, biex tafda lill-pajjiżi msieħba fl-allokazzjoni adegwata tal-fondi u biex tgħin lill-amministrazzjonijiet tagħhom jiżviluppaw l-istrumenti l-ġusti għall-implimentazzjoni tal-fondi; min-naħa l-oħra, biex tkun identifikata l-għajnuna finanzjarja sabiex tkun evitata allokazzjoni ħażina jew mingħajr effett ta’ l-għajnuna.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta’ l-adozzjoni

16.6.2008

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

15

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Reimer Böge, Salvador Garriga Polledo, Ingeborg Gräßle, László Surján, Herbert Bösch, Costas Botopoulos, Brigitte Douay, Vicente Miguel Garcés Ramón, Louis Grech, Catherine Guy-Quint, Jutta Haug, Cătălin-Ioan Nechifor, Kyösti Virrankoski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Thijs Berman, Bárbara Dührkop Dührkop

Sostitut(i) skond l-Artikolu 178(2) preżenti għall-votazzjoni finali

 


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta’ l-adozzjoni

25.6.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

28

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Thijs Berman, Danutė Budreikaitė, Marie-Arlette Carlotti, Thierry Cornillet, Corina Creţu, Nirj Deva, Beniamino Donnici, Fernando Fernández Martín, Juan Fraile Cantón, Alain Hutchinson, Romana Jordan Cizelj, Filip Kaczmarek, Glenys Kinnock, Maria Martens, Gay Mitchell, Luisa Morgantini, Horst Posdorf, José Ribeiro e Castro, Pierre Schapira, Frithjof Schmidt, Jürgen Schröder, Feleknas Uca, Johan Van Hecke, Jan Zahradil

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

John Bowis, Françoise Castex, Ana Maria Gomes, Miguel Angel Martínez Martínez, Mihaela Popa

Aġġornata l-aħħar: 20 t'Awissu 2008Avviż legali