RAPPORT dwar it-trasport tal-merkanzija fl-Ewropa
28.7.2008 - (2008/2008(INI))
Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
Rapporteur: Michael Cramer
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar it-trasport tal-merkanzija fl-Ewropa
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "L-Aġenda ta' l-UE fil-qasam tat-Trasport: Intejbu l-effiċjenza, l-integrazzjoni u s-sostenibbiltà tat-trasport tal-merkanzija fl-Ewropa" (COM(2007)0606), "Pjan ta’ azzjoni għal-loġistika tat-trasport tal-merkanzija" (COM(2007)0607), "Lejn netwerk ferrovjarju bi prijorità għall-merkanzija (COM(2007)0608), u "Kuntratti multi-annwali għall-kwalità ta' l-infrastruttura ferrovjarja" (COM(2008)0054),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-'Loġistika tat-Trasport tal-Merkanzija fl-Ewropa – is-soluzzjoni għall-mobilità sostenibbli' (COM(2006)0336),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni ta' sistema ta' kmand ta' kontroll u sinjalazzjoni tas-sistema ferrovjarja ERTMS/ETCS (COM(2005)0298),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-29 u t-30 ta' Novembru/tat-3 ta' Diċembru 2007 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-'Pjan ta' azzjoni għal-Loġistika tat-Trasport tal-Merkanzija' kif ukoll tas-7 ta' April 2008 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-bini ta' 'Netwerk ferrovjarju bi prijorità għall-merkanzija',
– wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni 'Lejn kultura ġdida għall-mobiltà urbana' (COM(2007)0551),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-5 ta' Settembru 2007 dwar il-Loġistika tat-Trasport tal-Merkanzija fl-Ewropa – is-soluzzjoni għall-mobilità sostenibbli[1],
- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2008 'Lejn kultura ġdida għall-mobiltà urbana'[2]
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A6-0326/2008),
A. billi s-settur tat-trasport huwa responsabbli għal ftit kważi 30% ta' l-emissjonijiet CO2 fl-UE – daqs 40% fl-ibliet - u minkejja l-isforzi li saru fl-iżvilupp teknoloġiku u fl-innovazzjoni, dan żdied b'26% bejn l-1990 u l-2005, filwaqt li kien possibbli li l-emissjonijiet CO2 jonqsu b'10% f'setturi oħra permezz ta' investimenti ta' biljuni ta' euro,
B. billi t-trasport tal-merkanzija sostenibbli u effiċjenti fl-Ewropa għandu rwol vitali biex ikun hemm ekonomija ta’ suċċess u kompetittiva, biex jintlaħqu t-talbiet tal-konsumaturi u fil-ħolqien ta’ numru konsiderevoli ta’ impjiegi u tal-ġid għaċ-ċittadini Ewropej,
C. billi hija prevista żieda ta' madwar 50% (f'tonne-kilometres (tkm)) bejn l-2000 u l-2020, kif tbassar il-White Paper dwar il-'Politika Ewropea tat-trasport għall-2010: "Il-waqt li niddeċiedu" (COM(2001)0370), u billi t-trasport tal-merkanzija bejn l-1995 u l-2005 żdied bi 30% aktar mill-GDP; billi, barra minn hekk, it-tkabbir tat-trasport tal-merkanzija b'mod ġenerali kien ir-riżultat ta’ żieda sproporzjonata tat-trasport bl-ajru u fuq it-toroq meta mqabbel ma' mezzi oħra tat-trasport,
D. billi soluzzjonijiet immirati lejn loġistiki aktar sostenibbli u effiċjenti u s-sistemi ta' trasport tal-merkanzija bil-ferrovija u fl-integrazzjoni intermodali tal-mezzi kollha tat-trasport mhux biss iwasslu għal titjib fl-ekonomija u fis-sigurtà, iżda jilħqu wkoll l-objettivi ta' l-UE fl-oqsma tal-bidla fil-klima u l-iffrankar ta' enerġija li trid tintlaħaq sa l-2020,
E. billi, sabiex jilħqu dawn l-obbjettivi, l-UE u l-Istati Membri għandhom, fil-kuntest attwali ta’ riżorsi baġitarji inadegwati, jistabilixxu numru ta' prijoritajiet koordinati għalihom stess, li jikkonċentraw ir-riżorsi tagħhom fuq numru limitat ta' miżuri mmirati lejn is-sostenibilità u l-intermodalità fit-trasport tal-merkanzija u li jqisu ir-reġjuni sensittivi,
F. billi n-netwerk Ewropew tal-kurituri għandu jiġi żviluppat b'mod aktar effettiv, ibbażat fuq in-netwerk u strutturi u teknoloġiji eżistenti u li jinkorpora wkoll il-"kurituri li jirrispettaw l-ambjent" għall-mezzi kollha tat-trasport tal-merkanzija bi kriterji ambjentali sostenibbli u ambizzjużi,
G. billi l-għan tal-Pjan ta' Azzjoni għal-Loġistika tal-Merkanzija msemmi hawn fuq irid ikun li jiġu ffaċilitati l-operazzjonijiet ta' trasport fl-Ewropa u lil hinn minnha għall-benefiċċju tal-kumpaniji Ewropej kollha u għall-kompetittività Ewropea kollha,
1. Jenfasizza li s-sistemi Ewropej tat-trasport tal-merkanizija għandhom jiffaċċjaw sfidi kbar biex iżidu l-integrazzjoni u s-sostenibilità effettiva tat-trasport tal-merkanzija fl-Ewropa, billi jagħtu kontribuzzjoni akbar lejn it-titjib tal-mobilità, l-effiċċjenza fl-enerġija, it-tnaqqis tal-konsum taż-żejt, l-emmissjonijiet li jniġġsu u l-ispejjeż esterni, u għalhekk jilqa' l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni u l-konklużjonijiet tal-Kunsill imsemmija aktar 'l fuq; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-industrija biex fil-futur jappoġġjaw politika tat-trasport tal-merkanzija li tkun aktar sostenibbli f’termini ta’ mobilità, għall-ambjent, il-klima, l-ekonomija, is-sikurezza u l-interessi soċjali, billi jintużaw sistemi loġistiċi aktar effiċjenti, fil-kuntest ta' Unjoni Ewropea akbar, bħala parti mill-integrazzjoni gradwali ta' kurituri transkonfinali tal-merkanzija bil-ferrovija li jkollhom prijorità, ċentri ta' interkonnessjoni u netwerks konvenzjonali permezz tal-promozzjoni tal-prinċipji ta' l-utent u min iniġġes iħallas għall-modi kollha tat-trasport;
2. Jappoġġja l-opinjoni tal-Kummissjoni li l-komodalità u l-intermodalità għandhom jibqgħu fatturi ewlenin fil-ħolqien ta’ trasport tal-merkanzija sostenibbli u effiċjenti fl-Ewropa;
3. Madankollu jinnota li l-kompetenzi u r-riżorsi ta' l-UE għat-titjib fis-swieq tat-trasport tal-merkanzija huma limitati, jinnota li partijiet ewlenin tan-netwerk diġà qed ikunu użati fil-kapaċità sħiħa tagħhom; għalhekk iħeġġeġ lill-Ministri tat-Trasport responsabbli għar-Rotot Ewropej prinċipali biex iqajmu l-kwistjoni ta’ l-investimenti fl-infrastruttura u għallinqas jiftehmu biex jikkoordinaw il-Pjanijiet Nazzjonali ta' Investiment tagħhom fir-rigward tal-kurituri rispettivi tagħhom;
4. Jinsab konvint li l-loġistika tat-trasport urban tal-merkanzija teħtieġ strateġija speċifika; jispera li d-dibattitu dwar il-Green Paper imsemmija hawn fuq dwar il-Mobilità Urbana flimkien mal-Pjan ta' azzjoni għal-Loġistika tat-Trasport tal-Merkanzija jista’ jirriżulta fi skambju ta’ prattiki tajba bejn il-bliet sabiex jinstabu modi sostenibbli biex il-provvisti jiġu ttrasportati fl-ibliet;
5. Għalhekk jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tipproponi, mhux aktar tard minn tmiem l-2008 programm għat-tisħiħ tal-koperazzjoni bejn l-Istati Membri responsabbli għall-proġetti f'din iż-żona, u li tiffaċilita u tevalwa soluzzjonijiet għall-intoppi kurrenti, b’attenzjoni partikulari għat-trasport ta’ l-oġġetti, filwaqt li tqis il-valur miżjud ta’ l-element tal-loġistika;
6. Jappoġġja l-idea ta' netwerks iddedikati għall-ġarr tal-merkanzija, li għandhom jisfruttaw in-netwerks tat-traffiku konvenzjonali eżistenti li qed jiġu lliberati bħala riżultat tal-progress li sar mill-ferroviji ta’ veloċità kbira;
7. Jenfasizza li n-netwerks tal-ferrovija għat-trasport tal-merkanzija għandhom ikunu bbażati fuq il-kurituri tal-merkanzija l-aktar “relevanti għas-suq” filwaqt li jqisu l-kurituri ERTMS (Sistema Ewropea ta' Mmaniġġjar tat-Traffiku tal-Ferroviji) eżistenti u n-netwerk TEN-T (Trasport Trans-Ewropew), (jiġifieri estiżi kif meħtieġ sabiex ikunu inklużi oqsma speċifiċi li jiġġeneraw volumi kbar ta’ traffiku, pereżempju l-portijiet); iqis li għandhom jinħatru "koordinaturi ta' livell għoli tal-kurituri", kull fejn dan ikun għadu ma sarx; jistieden lill-AgenzijaFerrovjarja Ewropea, bħala l-awtorità tas-sistemi ERTMS, sabiex tassigura li dawn ir-rotot isiru interoperabbli;
8. Jistenna li l-Kummissjoni tiddefinixxi r-"kurituri ħodor" bħala proġetti eżemplari ta' mobilità u intermodalità biex it-trasport jiġi ttrasferit għal mezzi li jħarsu l-ambjent sabiex jitnaqqsu l-inċidenti b'mod globali, il-ħsejjes, it-tniġġis ta' l-arja tossiku u mhux tossiku lokali, l-emissjonijiet tas-CO2, l-użu ta' art agrikola u l-konsum ta' l-enerġija kif ukoll iż-żieda fl-użu ta' għejun ta' enerġija li tiġġedded (b'mod partikolari ta' enerġija mir-riħ u mix-xemx) skond il-leġiżlazzjoni ta' l-UE, l-għanijiet tagħha u s-sistemi intelliġenti tat-trasport;
9. Iħeġġeġ, f'dan il-kuntest, lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex joffru inċentivi aktar qawwija għall-promozzjoni tal-kompatibilità ambjentali fil-mezzi kollha tat-trasport u għall-appoġġ tal-kombinazzjonijiet l-aktar effiċjenti tagħhom, li għandu jwassal għall-inqas impatt possibbli fuq l-ambjent fuq kollox fil-kurituri 'ħodor';
10. Jipproponi li tiġi appoġġjata l-integrazzjoni ta' l-ippjanar reġjonali, il-proċessi ta' produzzjoni u l-istruttura tas-suq – u saħansitra l-fatt li jiġi evitat l-użu tat-trasport bla ħtieġa – u biex jingħata kontribut favur distanzi qosra u/jew aġġustament fil-veloċità fit-trasport tal-merkanzija; huwa tal-fehma li għandu jiġi evitat "stop-go" fit-trasport tal-merkanzija li jirrekjedi l-ħin u l-enerġija bis-saħħa ta' aġġustament kompjuterizzat tal-veloċità;
11. Iqis li t-titjib ta’ implimentazzjoni u tisħiħ xieraq tal-leġiżlazzjoni eżistenti fir-rigward tat-trasport tal-merkanzija perikoluża u kontaminanti sorveljata u kkontrollata aħjar hija prijorità;
12. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimxu 'l quddiem bl-iskambju tal-aħjar prattiki f'żoni transkonfinali sensittivi (żoni muntanjużi u urbani), kif ukoll fi bliet, billi jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet inklużi fir-riżolużżjoni msemmija aktar 'l fuq dwar il-mobilità urbana u l-esperjezza miksuba mill-programm CIVITAS dwar trasport aktar nadif u aħjar fl-ibliet, billi jittejjeb l-aspett loġistiku;
13. Jistieden lill-Kummissjoni tikkonċentra il-kofinanzjament ta' l-UE dwar l-effiċjenza, l-interoperabilità u t-tijib ta' l-infrastruttura ferrovjarja, iċ-ċentri ta' interkonnessjoni ta' mezzi ta' trasport differenti ta' merkanzija u, kif diġà ntalab fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Lulju 2007 dwar l-implimentazzjoni ta' l-ewwel pakkett ferrovjarju[3], biex jiġu riservati mill-inqas 40% tal-fondi ta' l-UE għall-infrastruttura tat-trasport għall-ferroviji;
14. Jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, fl-istennija ta’ l-eżami bir-reqqa tal-baġit ta’ l-Unjoni Ewropea mistenni għall-2009, biex jikkunsidraw minn issa l-pożizzjoni tat-trasport f’dak il-baġit, sabiex ikun evitat kwalunkwe repetizzjoni ta’ żbalji tal-passat u jkunu assigurati investimenti futuri suffiċjenti f’infrastrutturi strateġiċi sabiex jinkisbu l-objettivi li l-Unjoni poġġiet lilha nnifisha fir-rigward ta’ l-iżvilupp sostenibbli u t-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet;
15. Jisħaq li sistemi interoperabbli ta' tariffi għat-trasport huma tal-akbar importanza għat-trasport tal-merkanzija effiċjenti fl-Ewropa;
16. Iqis li konnessjoni aħjar bejn il-portijiet kostali u interni man-netwerk ferrovjarju u tat-toroq ta' ġewwa l-pajjiż hija komponent importanti għall-infrastruttura tat-trasport; jenfasizza l-importanza ta’ l-irwol tal-pjattaformi interni u tat-tarzni;
17. Huwa konvint mill-potenzjal tal-ibħra interni fir-rigward tat-trasport tal-merkanzija u jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tassigura implimentazzjoni xierqa tal-programm ta’ azzjoni NAIADES dwar il-promozzjoni ta' trasport fl-ilmijiet navigabbli interni tal-Ewropa;
18. Jenfasizza li investimenti fit-terminals tal-parti interna tal-pajjiż jistgħu jiġu realizzati b'mod flessibbli u fi żmien qasir u b'kekk jiġu megħluba l-postijiet ta' konġestjoni fil-katina sħiħa tal-mezzi differenti ta' trasport;
19. Jitlob għar-rispett u/jew l-introduzzjoni ta' normi intermodali stabbli għal dak li għandu x'jaqsam mad-dimensjonijiet u t-toqol tal-vetturi, tal-containers u istallazzjonijiet ta' trasbord biex ikunu kkunsidrati li huma ta’ importanza strateġika biex it-trasport tal-merkanzija jiġi trasferit fuq il-binarji u r-rotot fuq l-ilma li jkunu sostenibbli, sabiex b'dan il-mod jonqsu l-ispejjeż ta' l-infrastruttura;
20. Jinnota li sistemi tekniċi orizzontali differenti, li jissimplifikaw il-possibilitajiet ta' trasferiment ta' tagħbija minn trakkijiet għal fuq vetturi ferrovjarji kif ukoll biex it-tagħbija tgħaddi minn binarji ta' wisa' differenti, spiss ma jkunux standardizzati; għalhekk iħeġġeġ lill-entitajiet leġiżlattivi internazzjonali u Ewropej biex jistandardizzaw dawn is-sistemi tekniċi b'mod partikolari sabiex tiżdied l-effiċjenza u jonqsu l-ispejjeż; jenfasizza f’dan ir-rigward l-importanza li jkun adottat malajr standard dinji għall-unitajiet ta’ tagħbija intermodali;
21. Jitlob lill-Kummissjoni biex tifformula linji gwida għall-għoti ta' sussidji għall ambjent u għas-settur ferrovjarju b'mod li jiġi ffaċilitat l-investiment fit-trasport ferrovjarju sostenibbli tal-merkanzija; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza strateġika li għandu l-kofinanzjament fit-tnaqqis tal-ħsejjes, anki fis-sors (il-modernizzar tal-vaguni), kif diġà huwa l-każ għall-makkinarju ERTMS tal-materjal fuq ir-roti;
22. Huwa konvint li l-ġestjoni ta' l-infrastruttura u l-forniment tas-servizzi għandha tkun transkonfinali, mhux diskriminatorja u trasparenti, sabiex tippermetti loġistika tal-merkanzija effikaċi, interoperabbli u mingħajr diffikultajiet; jenfasizza f’dan ir-rigward l-importanza tat-twettiq ulterjuri tas-suq tat-trasport intern għall-mezzi kollha tat-trasport; jilqa f’dan ir-rigward il-proposta tal-Kummissjoni għat-twaqqif ta’ 'spazju ta’ trasport Ewropw marittimu mingħajr ostakli' u jappoġġja l-idea ta’ dokument uniku tat-trasport u ta’ 'punt ta’ kuntatt uniku' għall-mezzi tat-trasport kollha;
23. Jenfasizza li suq intern fit-trasport tal-merkanzija bit-triq li jaħdem b’mod effettiv jista’ jgħin biex it-trasport ikun aktar effiċjenti u jnaqqas in-numru ta’ vjaġġi bla tagħbija; jistieden lill-Kummissjoni biex tinforza b’mod strett il-liġi tal-UE dwar is-suq tat-trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq u tal-kabotaġġ; jagħraf li l-Istati Membri huma permessi li jillimitaw il-kabotaġġ taħt ċerti kundizzjonijiet, imma jitlob lill-Kummissjoni, bħala gwardjan tat-Trattat, biex tieħu azzjoni stretta kontra restrizzjonijiet u penalitajiet mhux proporzjonati li numru ta’ Stati Membri qed jinponu fuq trasportaturi barranin f’dan ir-rigward;
24. Jqappella lill-Kummissjoni biex fil-kuntratti multi-annwali għall-kwalità ta' l-infrastruttura ferrovjarja, tfassal kundizzjonijiet ta' qafas għal standards minimi Ewropej tal-kwalità; jipproponi lill-Istati Membri biex jorbtu l-għoti ta' fondi għall-bini, l-iżvilupp u l-manutenzjoni ta' l-infrastruttura ferrovjarja ma' dawn l-istandards ta' kwalità u biex iqishom bħala pakkett inseparabbli, biex b'hekk jingħata kontribut għaż-żieda fl-effiċjenza u għat-tnaqqis ta' l-ispejjeż;
25. Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja proġetti dwar l-użu differenzjat ta' linji ta' veloċità kbira, pereżempju għal trasporti ta' tagħbija ħafifa;
26. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex twettaq studju dwar il-vetturi tat-trasport attrezzati b'sistema ta' navigazzjoni bis-satellita fl-Unjoni Ewropea, sabiex tevalwa fuq din il-bażi l-interoperabilità u l-kompatibilità transkonfinali ta' dawn is-sistemi ma' sistemi tekniċi eżistenti, biex tinstalla navigazzjoni bis-satellita interoperabbli għall-vaguni l-ġodda u tippromwovi l-attrezzament tal-vaguni tat-trasport li diġa qed joperaw; jappoġġa l-fatt li jiġu adottati l-aħjar prattiki fit-teknika ta' tagħbija, b'hekk li jiffurmaw il-katina intermodali mill-bidu sa l-aħħar tal-proċess ta' trasbord u tagħbija, b'mod li tiżdied l-effikaċja tas-settur kollu kemm hu;
27. Jenfasizza l-ħtieġa li l-proċeduri amministrattivi tal-awtoritajiet involuti fis-suq tat-trasport tal-merkanzija jiġu standardizzati u simplifikati, flimkien ma' regoli u proċeduri simplifikati tad-dwara fil-fruntieri; jilqa' b'mod partikulari d-deċiżjoni li jitwaqqaf spazju marittimu Ewropew mingħajr ostakli, iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tappella lill-assoċjazzjonijiet u l-organizzazzjoni internazzjonali xierqa biex jiżviluppaw dokument wieħed intermodali;
28. Jenfasizza li hemm nuqqas ta’ edukazzjoni tajba dwar il-loġistika min-naħa tal-universitajiet u għalhekk jitlob lill-Istati Membri biex jagħtu prijorità assoluta lill-edukazzjoni ogħlja fis-settur tal-loġistika u tat-trasport tal-merkanzija;
29. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tappoġġja proġetti u riċerka u taħdem lejn flussi ta’ informazzjoni standard sabiex tiżgura l-integrazzjoni u l-interoperabilità tal-modi fuq livell ta’ dejta;
30. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] Testi adottati, P6_TA(2007)0375.
- [2] Testi Adottati, P6_TA(2008)0356.
- [3] ĠU C 175 E, 10.7.2008, p. 551.
NOTA SPJEGATTIVA
1. Sfond: It-trasport tal-merkanzija fl-Ewropa
L-ewwel fażi tal-politika dwar it-trasport fid-disgħinijiet kienet ikkaratterizzata mil-liberalizzazzjoni u l-ftuħ tas-suq, iżda kien jonqosha armonizzazzjoni tajba u sinerġija bejn is-sistemi nazzjonali. Inħolqu problemi ġodda fis-settur tat-trasport u diffikutajiet antiki ggravaw (konġestjoni tat-traffiku, ħsara lill-ambjent, inċidenti tat-traffiku, nuqqas ta' interoperabilità, eċċ.). Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet bażi fl-UE inbidlu minħabba l-globalizzazzjoni mgħaġġla, l-inċertezza tal-provvista tal-enerġija, it-tisħin globali kontinwu u it-tkabbir ta' l-UE.
Il-problema sħiħa tat-trasport tal-merkanzija u l-loġistika hija waħda mill-prijoritajiet tal-Kummissjoni, kif ġie stabbilit, pereżempju, fil-White Paper ta' l-2001 dwar it-trasport. Bejn l-2000 u l-2020 il-volum ta' trasport tal-merkanzija (f'tkm) fl-UE-25 se jiżdied b'50%. Mill-1995 sa l-2005 t-trasport tal-merkanzija għola bi 2.8% kull sena. Is-sehem tat-trasport fuq it-toroq u bl-ajru, li huma ta' ħsara akbar għall-ambjent, kompla jiżdied b'rata aktar mgħaġġla milli b'mezzi oħra tat-trasport.
Bħala konsegwenza ta' din il-liberalizzazzjoni u l-iżvilupp tas-settur tat-trasport tal-merkanzija, l-għan issa huwa li jiġu rikonċiljati l-objettivi ta' effiċjenza u sostenibilità.
2. It-tweġiba tal-Kummissjoni: il-pakkett dwar it-Trasport tal-Merkanzija u l-Loġistika
Wara l-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu ta' l-2006, il-Kummissjoni ppubblikat numru ta' komunikazzjonijiet immirati lejn il-protezzjoni tas-sostenibilità u l-effikaċja tas-settur tat-trasport tal-merkanzija. Dawn il-komunikazzjonijiet kollha huma marbuta ma' miżuri u inizjattivi leġiżlattivi possibbli fil-ġejjieni u huma intenzjonati li jwasslu għal azzjoni konkreta mill-Kummissjoni sa l-2010.
2.1. L-aġenda ta' l-UE fil-qasam tat-trasport: Intejbu l-effiċjenza, l-integrazzjoni u s-sostenibbiltà tat-trasport tal-merkanzija fl-Ewropa
Dawn iż-żewġ għanijiet - is-sostenibilità u l-effikaċja - għandhom jisseggwew minn approċċi strateġiċi:
- il-konċentrazzjoni fuq il-kurituri tat-trasport: dan il-kunċett huwa l-bażi għal politika Ewropea intermodali għal użu u kombinazzjoni aħjar tal-mezzi differenti tat-trasport;
- il-promozzjoni ta' teknoloġiji u infrastrutturi innovattivi u ġestjoni aktar effiċjenti tat-trasport tal-merkanzija;
- is-simplifikazzjoni tal-immaniġġjar u tal-katina tat-trasport tal-merkanzija, b'mod partikolari bil-ħolqien ta' punt ta' kuntatt singolu għall-ħtiġijiet amministrattivi u l-armonizzazzjoni intermodali tar-rekwiżiti tas-settur ferrovjarju;
- it-titjib f'mezzi oħra tat-trasport minbarra dak fuq it-toroq, li jagħmilhom aktar attraenti.
2.2. Pjan ta' azzjoni għal-loġista tat-trasport tal-merkanzija
Din il-komunikazzjoni tinvestiga l-irwol ewlieni tal-loġistika fil-garanzija ta' sistemi tat-trasport tal-merkanzija aktar sostenibbli u kompetittivi fl-Ewropa. L-industrija tal-loġistika fl-Ewropa għandha sehem viċin l-14% tal-GDP, u tirreġistra rati ta' tkabbir 'il fuq dawk ta' l-ekonomija b'mod ġenerali. Dan huwa kkawżat prinċipalment mil-liberalizzazzjoni, l-integrazzjoni Ewropea u spejjeż baxxi tat-trasport, li ma jirreflettux l-ispejjeż reali. Mill-banda l-oħra, dan wassal għall-konġestjoni fil-portijiet, fiċ-ċentri ta' trasport, ċentri ta' interkonnessjoni u fuq ir-rotot ferrovjarji. Il-Kummissjoni issa qed tipproponi li tiżviluppa politika koerenti f'sitt oqsma:
1. eFreight u ITS: L-għan ta' eFreight huwa li jiġi żviluppat fluss ta' informazzjoni mingħajr użu ta' karti li jagħmilha possbbli li merkanzija tiġi segwita u lokalizzata matul it-trasport tagħha b'mezzi varji tat-trasport, u b'hekk il-merkanzija tkun identifikabbli jkun xi jkun il-mezz ta' trasport, u fl-istess ħin l-amministrazzjoni tiġi simplifikata. L-azzjonijiet kollha huma ppjanati għall-2009. L-iżvilupp ta' sistemi ta' navigazzjoni bis-satellita bħal Galileo jagħmlu possibbli dan l-'Internet għall-merkanzija' (informazzjoni disponibbli online) fil-futur.
2. Kwalità sostenibbli u effiċjenza: Il-Kummissjoni qed tittama li ssib soluzzjonijiet legali prattiċi (2008) jew toħloq punti ta' riferiment għat-terminals intermodali fl-2010. Sa tmiem l-2009 se jiġu stabbiliti numru ta' indikaturi ċentrali b'konsultazzjoni ma' dawk kollha interessati filwaqt li fl-istess ħin tiġi riveduta d-disponibilità ta' data statistika dwar il-loġistika tat-trasport tal-merkanzija. Fil-qasam ta' l-istaff u t-taħriġ il-Kummissjoni se taħdem ma' l-imsieħba soċjali Ewropej biex titfassal lista ta' kwalifiki minimi fil-loġistika.
3. Simplifikazzjoni tal-katina tat-trasport: Qed jitwettqu numru ta' inizjattivi f'dan is-settur. Il-konformità mar-rekwiżiti amministrattivi se tiġi simplifikata billi jiġi stabbilit 'single window' u amministrazzjoni tat-tip 'one-stop' sa l-2012. Il-Kummissjoni se tagħmel proposta leġiżlattiva għas-simplifikazzjoni u l-promozzjoni ta' trasport bil-baħar fuq distanzi qosra. Fis-sena 2009 għandha tiġi analizzata l-possibilità ta' dokument uniku dwar it-trasport, li jkun indipendenti mill-mezz ta' trasport. Il-Kummissjoni tista' tissottometti proposta fl-2009 għal klawsola standard ta' responsabilità. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tfassal normi Ewropej dwar is-sikurezza tal-mezzi ta' trasport.
4. Dimensjonijiet tal-vetturi u normi dwar it-tagħbiji: Il-Kummissjoni se tanalizza l-istandards għat-toqol u d-dimensjonijiet tal-vetturi u, f'dan ir-rigward, tista' tipproponi, l-aġġornar tad-Direttiva 96/53/KE fl-2008. Apparti dan, se taħdem fuq l-istandardizzazzjoni ta' l-Unità ta' Tagħbija Intermodali Ewropea (2007).
5. 'Rotot 'ħodor' tat-trasport tal-merkanzija': F'dan il-qasam, il-Kummissjoni qed issegwi numru ta' objettivi. Hija trid, l-ewwelnett, tikkonċentra t-trasport tal-merkanzija fil-kurituri fejn tintuża l-ko-modalità u fejn jiġu applikati teknoloġiji innovattivi. Fl-2008 l-Kummissjoni se tiddetermina kurituri 'ħodor' ta' trasport u torganizza koperazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-operaturi tat-trasport. L-ewwel proposti dwar in-netwerks tat-trasport tal-merkanzija huma mistennija fl-2008, u dwar il-kurituri fl-2012.
6. Loġistika tat-trasport tal-merkanzija fl-ibliet: Hawnhekk il-Kummissjoni tenfasizza d-dimensjoni urbana tat-trasport tal-merkanzija. Fil-mument qed jiġu ppreparati rakkomandazzjonijiet għal punti ta' riferiment komuni jew indikaturi ta' prestazjoni biex jitkejlu l-effiċjenza u s-sostenibilità.
2.3. Bini ta' netwerk tal-ferrovija li jagħti prijorità lit-trasport tal-merkanzija
Il-Kummissjoni jidhrilha li d-diffikultajiet tat-trasport fuq il-binarji għal dak li għandu x'jaqsam mat-trasport tal-merkanzija jinsabu fin-nuqqas ta' kapaċità li s-sehem tiegħu mis-suq jitjieb. Dawn id-diffikultajiet jikkonċernaw prinċipalment l-affidabilità tas-servizz, il-kapaċitajiet disponibbli, l-immaniġġjar ta' l-informazzjoni, il-veloċità medja u l-flessibilità. Sfortunatament, ir-riżultati tal-politika tal-ferroviji tul l-aħħar 15-il sena ma kinux suffiċjenti biex jintlaħaq l-objettiv mixtieq li l-merkanzija tgħaddi għal fuq il-ferroviji. Filwaqt li l-ispejjeż u l-prezzijiet fit-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija niżlu kontinwament u l-kompetittività tjiebet, għad baqa' biex tintlaħaq interoperabilità sħiħa.
L-għan tal-komunikazzjoni huwa l-'ħolqien ta' netwerk ferrovjarju Ewropew, parti min-netwerk TEN-T li fuqu t-trasport tal-merkanzija jkun aktar affidabbli u effiċjenti.' Dan in-netwerk jista' jinbena fuq il-bażi tan-netwerks eżistenti.
Qed jiġu proposti sitt miżuri ġodda:
- Il-ħolqien ta' rotta bi prijorità għat-trasport tal-merkanzija: Il-Kummissjoni se tipproponi definizzjoni legali. Sa l-2012 kull Stat Membru se jkun jista' jipparteċipa mill-inqas fl-amministrazzjoni ta' rotta waħda;
- Il-kejl tal-kwalità tas-servizz fil-kurituri: Wara rapport dwar il-passi li ttieħdu minn operaturi tat-trasport tal-merkanzija biex itejbu l-kwalità tas-servizz tagħhom, il-Kummissjoni se tipproponi miżura leġiżlattiva dwar il-pubblikazzjoni ta' indikaturi ta' kwalità;
- Kapaċitajiet tal-infrastruttura ta' kuritur: Sabiex jiġu evitati passaġġi b'konġestjonijiet fil-futur, il-Kummissjoni se tarmonizza u ttejjeb il-kapaċità tal-infrastruttura (tul tal-ferroviji, it-track gauge...);
- Allokazzjoni tar-rotot għat-trasport transkonfinali tal-merkanzija: Il-Kummissjoni se tipproponi leġiżlazzjoni addizzjonali dwar l-allokazzjoni internazzjonali ta' rotot ferrovjarji u se tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet regolatorji;
- Regoli ta' prijorità f'każ ta' tfixkil tat-traffiku: Il-Kummissjoni se tipproponi t-tisħiħ tad-dispożizzjonijiet legali fir-rigward tal-prijorità tat-trasport internazzjonali tal-merkanzija fil-każ ta' tfixkil tat-traffiku. L-amministrazzjonijiet ta' l-infrastruttura għandhom japplikaw regoli ta' prijorità armonizzati;
- Servizzi ferrovjarji anċillari: Il-Kummissjoni trid tinkoraġġixxi lill-istrutturi tal-kurituri u l-amministraturi ta' l-infrastruttura jibnu netwerk effiċjenti ta' terminals u stazzjonijiet tat-tqassim tal-merkanzija. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu miżuri leġiżlattivi biex jinkiseb aċċess trasparenti u sempliċi għas-servizzi ferrovjarji anċillari.
3. Kuntratti multi-annwali għall-kwalità ta' l-infrastruttura ferrovjarja
Sitt snin wara l-adozzjoni ta' l-ewwel pakkett ferrovjarju għad hemm tħassib dwar iffinanzjar sostenibbli tal-infrastruttura ferrovjarja eżistenti, biex tkun iggarantita l-kwalità u l-prestazzjoni tas-settur. Il-konsultazzjoni ma' dawk interessati li saret bejn Mejju 2006 u Settembru 2007 ikkonfermat dan it-tħassib. Nuqqas ta' ffinanzjar iwassal għal dewmien fil-manutenzjoni neċessarja tan-netwerks.
Il-Kummissjoni tirrapporta dwar l-esperjenza ta' kuntratti multi-annwali għall-kwalità tal-infrastruttura ferrovjarja u l-vantaġġi ta' dan il-mod ta' finanzjament, ippreżentat bħala soluzzjoni għan-nuqqas ta' ffinanzjar fid-Direttiva 2001/14/KE. Kuntratti multi-annwali joffru prospetti itwal għall-manutenzjoni tan-netwerks ferrovjarji. Peress li kuntratti multi-annwali bħal dawn sa issa qed jintużaw biss minn nofs l-Istati Membri b'livell differenti ħafna, jeħtieġ li l-użu tagħhom jiġi armonizzat.
4. Il-kummenti prinċipali tar-Rapporteur
Minħabba l-poteri u r-riżorsi limitati ta' l-Unjoni Ewropea, ir-rapporteur jissuġġerixxi li jkun hemm aktar konċentrazzjoni fuq prijoritajiet pragmatiċi:
- - Il-Kummissjoni għandha tidentifika għaxar kurituri transkonfinali u għaxar żoni ta' konġestjoni u tipproponi soluzzjonijiet qabel tmiem l-2008.
- - Il-kurituri 'ħodor' għandhom jiġu definiti aħjar għal dik li hija sostenibilità tagħhom, billi jiġu kkunsidrati l-kriterji ambjentali Ewropej dwar il-ħsejjes, il-bidla fil-klima, it-tniġġis tal-arja u l-użu tal-enerġija, li ttieħdu deċiżjonijiet dwarhom;
- L-immaniġġjar tal-infrastruttura u l-proċeduri amministrattivi għandhom jiġu armonizzati u ssimplifikati fuq skala internazzjonali ;
- Il-kofinanzjament kollu tal-UE tal-infrastruttura tat-trasport għandu jkun konformi ma' l-għanijiet deċiżi sabiex is-sistemi tat-trasport ikunu favorevoli għall-ambjent.
Għalkemm l-internalizzazzjoni ta' l-ispejjeż esterni u l-proposti għall-emenda tal-Eurovignette sa l-10 ta' Ġunju 2008 huma importanti ħafna għal politika tat-trasport li tkun favorevoli għall-ambjent u soċjalment aċċettabbli, ir-rapporteur qagħad lura milli jippreżenta aktar emendi hawnhekk, peress li l-Parlament m'ilux ivvota dwar dan is-suġġett, pereżempju dwar ir-rapport dwar politika Ewropea sostenibbli tat-trasport li tqis il-politika Ewropea tal-enerġija u l-ambjent
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data ta’ l-adozzjoni |
15.7.2008 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
39 0 0 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Gabriele Albertini, Inés Ayala Sender, Etelka Barsi-Pataky, Paolo Costa, Michael Cramer, Luis de Grandes Pascual, Christine De Veyrac, Saïd El Khadraoui, Robert Evans, Emanuel Jardim Fernandes, Francesco Ferrari, Brigitte Fouré, Mathieu Grosch, Georg Jarzembowski, Stanisław Jałowiecki, Timothy Kirkhope, Dieter-Lebrecht Koch, Sepp Kusstatscher, Jörg Leichtfried, Bogusław Liberadzki, Eva Lichtenberger, Seán Ó Neachtain, Paweł Bartłomiej Piskorski, Reinhard Rack, Gilles Savary, Brian Simpson, Renate Sommer, Ulrich Stockmann, Silvia-Adriana Ţicău, Yannick Vaugrenard, Roberts Zīle |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Zsolt László Becsey, Johannes Blokland, Zita Gurmai, Lily Jacobs, Anne E. Jensen, Marie Panayotopoulos-Cassiotou, Corien Wortmann-Kool |
|||||
Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178 (2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Constantin Dumitriu |
|||||