RAKKOMANDAZZJONI dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, ta’ Protokoll mal-Ftehima bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment ħieles ta’ persuni, rigward il-parteċipazzjoni, bħala partijiet kontraenti, tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija wara l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni Ewropea

12.9.2008 - (9116/2008 – C6‑0209/2008 – 2008/0080(AVC)) - ***

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur: Marian-Jean Marinescu

Proċedura : 2008/0080(AVC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0343/2008
Testi mressqa :
A6-0343/2008
Dibattiti :
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, ta’ Protokoll mal-Ftehima bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment ħieles ta’ persuni, rigward il-parteċipazzjoni, bħala partijiet kontraenti, tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija wara l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni Ewropea

(9116/2008 – C6‑0209/2008 – 2008/0080(AVC))

(Proċedura ta' kunsens)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill (9116/2008),

–   wara li kkunsidra l-Protokoll mal-Ftehima bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment ħieles tal-persuni, rigward il-parteċipazzjoni, bħala partijiet kontraenti, tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija, wara l-adeżjoni tagħhom ma’ l-Unjoni Ewropea, (8689/08),

–   wara li kkunsidra l-Protokoll mal-Ftehima bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment ħieles tal-persuni rigward il-parteċipazzjoni, bħala partijiet kontraenti, tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika tal-Estonja, tar-Repubblika ta’ Ċipru, tar-Repubblika tal-Latvja. tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika tal-Ungerija, tar-Repubblika ta’ Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika Slovakka wara l-adeżjoni tagħhom ma’ l-Unjoni Ewropea[1],

–   wara li kkunsidra l-Ftehima bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment ħieles ta’ persuni[2],

–   wara li kkunsidra t-talba għall-kunsens imressqa mill-Kunsill skond l-Artikolu 300(3), it-tieni subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 300(2), l-ewwel subparagrafu, it-tieni sentenza u l-Artikolu 310 tat-Trattat KE (C6-0209/2008),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 6(2) ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2005,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 75 u 83(7) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6-0343/2008),

1.  Jagħti l-kunsens tiegħu għall-konklużjoni tal-Protokoll;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Konfederazzjoni Żvizzera.

  • [1]  ĠU L 89, 28.3.2006, p. 30.
  • [2]  ĠU L 114, 30.4.2002, p. 6.

NOTA SPJEGATTIVA

I. Sfond

Ftehima bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha (il-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda, l-Awstrija, il-Portugall, il-Finlandja, l-Iżvezja, l-Ingilterra min-naħa l-waħda u l-Iżvizzera[1] min-naħa l-oħra, dwar il-moviment ħieles tal-persuni, ġiet iffirmata fil-21 ta’ Ġunju 1999 u daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 2002[2].

Wara l-adeżjoni tal-għaxar Stati Membri tal-UE l-ġodda (UE10) fl-1 ta’ Mejju 2004, il-Ftehima ġiet emendata permezz ta’ Protokoll u ġiet estiża għall-UE 10 (ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja). Dan l-ewwel Protokoll mal-Ftehima kien iffirmat f’isem il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fis-26 ta’ Ottubru 2004 u, wara referendum pożittiv fl-Iżvizzera dwar dan fil-25 ta’ Settembru 2005, daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2006[3]. Il-Protokoll isegwi l-mudell tal-Ftehima mal-UE 15, u jfassal kwoti, arranġamenti għall-aċċess għas-suq tax-xogħol, restrizzjonijiet u klawsoli protettivi.

Wara l-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Jannar 2007, il-Ftehima trid tiġi emendata għal darb’oħra, sabiex tippermetti l-parteċipazzjoni tal-Partijiet Kontraenti l-ġodda fiha.

Fil-5 ta’ Mejju 2006, wara l-awtorizzazzjoni mill-Kunsill lill-Kummissjoni, ġew imnedija negozjati mal-Konfederazzjoni Żvizzera għat-tieni Protokoll mal-Ftehima dwar il-moviment ħieles tal-persuni, rigward il-parteċipazzjoni, bħala partijiet kontraenti, tar-Repubblika tal-Bulġarija u tar-Repubblika tar-Rumanija. In-negozjati ġew konklużi fid-29 ta’ Frar 2008 bl-inizjalizzazzjoni tal-abbozz finali. Dan it-tieni Protokoll mal-Ftehima ġie ffirmat f’isem il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fis-27 ta’ Mejju 2008.

Il-protokoll mal-ftehima bejn l-UE u l-Iżvizzera dwar il-moviment ħieles tal-persuni wara l-adeżjoni taż-żewġ Stati Membri, ir-Rumanija u l-Bulgarija (UE 2), fl-1 ta’ Jannar 2007 (il-protokoll preżenti)

Dan il-protokoll huwa “l-estensjoni loġika” tal-Ftehima mal-UE 25. Filwaqt li juża l-istess bażijiet legali bħall-protokoll ta’ qabel (Protokoll ma’ l-UE 10), il-protokoll preżenti jagħti lill-Iżvizzera d-dritt li żżomm il-limiti kwantitattivi għall-ħaddiema u l-persuni mir-Rumanija u mill-Bulgarija li jaħdmu għal rashom, sabiex gradwalment l-aċċess taż-żewġ nazzjonalitajiet għas-suq tax-xogħol Żvizzeru jsir aktar faċli, u jidħlu gruppi akbar kull sena, iżda li jkunu dipendenti min-nies Żvizzeri li jistgħu jaħdmu u miċ-ċifri dwar l-impjieg.

L-Iżvizzera timponi limiti għall-perjodi ta’ tranżizzjoni (total ta’ seba’ snin, bħal ma hu għall-UE 10) rispettivament:

Perjodu inizjali ta' tranżizzjoni ta' sentejn li jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-protokoll preżenti,

It-tieni perjodu ta' tranżizzjoni ta’ tliet snin, fil-każ li r-rapport mill-Iżvizzera dwar l-iffunzjonar ta’ l-ewwel perjodu ta’ tranżizzjoni jagħti notifika tal-intenzjoni tal-Iżvizzera li tkompli tapplika limiti kwantitattivi[4].

Perjodu żejjed ta’ sentejn, fil-każ biss ta’ "disturbi serji tas-suq tax-xogħol tagħha jew ta' theddida tagħhom” l-Iżvizzera tkun tista’ żżomm il-limiti kwantitattivi.

Il-protokoll jinkludi wkoll klawsola speċjali ta’ protezzjoni li għal għaxar snin wara d-dħul fis-seħħ tal-protokoll, tippermetti lill-Iżvizzera biex titlob kwoti fuq in-numru ta' immigranti, fil-każ li n-numru tal-permessi tar-residenza l-ġodda f'sena partikulari jaqbżu l-medja tat-tliet snin ta' qabel b'aktar minn 10%. Għas-sena ta’ wara, l-Iżvizzera tista’ tillimita n-numru tal-permessi tar-residenza l-ġodda għall-medja tat-tliet snin ta’ qabel b'żieda ta’ 5%[5].

Filwaqt li jitqies li r-referendum fir-rigward tal-ftuħ tas-suq tax-xogħol Żvizzeru għaż-żewġ Stati Membri huwa previst li jkun sa Mejju 2009 u li d-dħul fis-seħħ tal-Protokoll preżenti jkun applikabbli wara dan ir-referendum, il-perjodu kopert minn din il-klawsola speċjali ta’ protezzjoni jista’ jdum sal-2019.

Dawn il-limiti kwantitattivi fir-rispett tal-aċċess mill-ħaddiema impjegati fl-Iżvizzera u għall-persuni li jaħdmu għal rashom li huma ċittadini tal-Bulgarija u tar-Rumanija japplikaw għaż-żewġ kategoriji ta’ residenza li ġejjin: residenza għal perjodu ta’ aktar minn erba’ xhur u inqas minn sena (għal żmien qasir) u residenza għal perjodu ugwali għal, jew aktar minn, sena (għal żmien twil)[6].

Matul il-perjodu sħiħ ta’ tranżizzjoni ta’ ħames snin, il-kwoti għall-permessi ġodda ta’ residenza għar-Rumanija u għall-Bulgarija se jikber minn 3.620 għal 9.090 (residenza għal żmien qasir) u minn 362 għal 1.046 (residenza għal żmien twil).

Miżuri ta’ tranżizzjoni jintitolaw ukoll lill-Iżvizzera biex iżżomm kontroll fuq il-prijorità ta’ ħaddiema integrati fis-suq tax-xogħol regolari, il-kontroll tal-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol applikabbli għaċ-ċittadini ta’ kwalunkwe Parti Kontraenti oħra. L-istess kontrolli jistgħu jinżammu għall-persuni li jipprovdu servizzi fl-erba’ setturi li ġejjin: Attivitajiet ta' servizzi ortikulturali; Kostruzzjoni, inklużi fergħat relatati; Attivitajiet ta' sigurtà; u Tindif industrijali.

B’segwitu għall-mudell tal-protokoll preċedenti (Protokoll ma’ l-UE 10), il-protokoll preżenti introduċa numru ta’ adattamenti li jikkonċernaw il-miżuri ta’ tranżizzjoni dwar ix-xiri ta’ art agrikola, foresti u art forestali minn ċittadini u kumpaniji Żvizzeri, kif ukoll ta’ residenzi sekondarji. Barra minn hekk, hemm adattamenti tekniċi, b’mod partikulari fir-rigward ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali. L-adattamenti neċessarji dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ kwalifiki professjonali għandhom jiġu adottati mill-Kumitat Konġunt tal-Ftehima.

III. Il-ftuħ tas-suq tax-xogħol Żvizzeru għaż-żewġ Stati Membri l-ġodda

Skont l-aħħar inkjesta tal-Organizzazzjonijiet Ekonomiċi Żvizzeri[7], l-estensjoni tal-Ftehima dwar il-Moviment Ħieles tal-Persuni lejn iż-żewġ Stati Membri l-ġodda għandha importanza kruċjali għall-ekonomija Żvizzera.

Sabiex tkun evitata d-distabilizzazzjoni ekonomika u soċjali[8], l-awtoritajiet Żvizzeri assiguraw lill-poplu li s-suq tax-xogħol tagħhom se jinfetaħ bil-mod il-mod u, bħala konsegwenza tal-liberalizzazzjoni tas-suq, li l-pressjoni fuq il-paġi se tkun limitata. Sussegwentement, hemm possibilità li kwoti jerġgħu jiġu introdotti fuq il-bażi tal-klawsola tal-protezzjoni li tista’ tibqa’ tgħodd sal-2019.

Madankollu, jekk il-Parlament Żvizzeru u l-Elettorat jirrifjutaw l-estensjoni tal-moviment ħieles tal-persuni lejn il-pajjiżi l-ġodda tal-UE, ikun hemm periklu li l-UE twaqqaf il-ftehima. Dan ifisser li l-hekk imsejħa klawsola giljottina ssir applikabbli, u s-sitt Ftehimiet Bilaterali I l-oħra ta’ l-1999 konsegwentement isiru nulli[9].

Skond il-Ftehima, l-estensjoni tagħha hija soġġetta għar-referendums opzjonali li jevalwaw il-pożizzjoni taċ-ċittadini Żvizzeri f’din il-kwistjoni.

Fil-25 ta’ Settembru 2005 sar referendum fuq din il-kwistjoni biex jiġi vvalidat id-dħul fis-seħħ tal-Protokol mal-Ftehima mal-UE 10[10].

Barra minn hekk, bħala konsegwenza tal-aħħar tal-perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ seba’ snin impost fuq l-UE 25, u l-bidu ta’ fażi ġdida, jista’ jkun li jsir referendum ieħor f’Mejju tal-2009[11].

IV. Il-pożizzjoni tar-Rapporteur

Benefiċċji ekonomiċi

L-estensjoni tal-Ftehima dwar il-Moviment Ħieles tal-Persuni bejn l-Iżvizzera u l-UE għall-għaxar pajjiżi l-ġodda tal-UE fetħet l-opportunitajiet fis-suq tax-xogħol u ż-żieda fil-volum tan-negozju ma' dawk il-pajjiżi kellha impatt fuq it-tkabbir ekonomiku Żvizzeru.

Skond rapport ippubblikat mis-Segretarjat tal-Istat għall-Affarijiet Ekonomiċi, l-immigrazzjoni kienet ġiet aġġustata għall-ħtiġijiet tal-Iżvizzera fis-suq tax-xogħol fuq il-bażi tal-iżviluppi ċikliċi u kien hemm riżultati pożittivi għall-ekonomija domestika.

Huwa mistenni li l-estensjoni ta’ din il-Ftehima għar-Rumanija u għall-Bulgarija se tintensifika l-kompetizzjoni fis-suq tax-xogħol Żvizzeru, se jkun aktar faċli li impjegati Żvizzeri jintbagħtu f’dawn iż-żewġ pajjiżi, se ttejjeb il-possibilitajiet li jkun impjegat persunal Rumen u Bulgaru u tiftaħ ukoll swieq futuri għall-esportazzjoni Żvizzera. L-istatistika turi li s-suq tax-xogħol Żvizzeru jeħtieġ persunal partikularment bi kwalifiki għoljin, b’mod speċjali fil-qasam amministrattiv, akkademiku u fil-qasam tekniku.

Xi setturi tal-ekonomija Żvizzera, pereżempju t-turiżmu, l-industrija tal-ospitalità, l-agrikoltura u l-qasam tas-saħħa għandhom it-tama li dan il-ftuħ jipprovdihom ukoll b’vantaġġi meta jaslu li jimtlew il-pożizzjonijiet battala b’rekwiżiti ta’ kwalifiki aktar baxxi.

Sfidi ppreżentati minn dan il-Protokoll

Ir-rapporteur jilqa’ l-estensjoni tal-ftehima għax jemmen li kemm ir-Rumanija kif ukoll il-Bulgarija min-naħa l-waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera min-naħa l-oħra, ikollhom ħafna x’jiggwadanjaw fil-kuntest ta’ Ewropa li qiegħda tikber u li tippromwovi politiki ekonomiċi li jimmiraw għat-tkabbir u l-impjieg, mhux biss fl-UE iżda wkoll fil-pajjiżi ġirien.

Madankollu, meta jqabbel il-Protokoll ta’ wara l-adeżjoni ta’ l-UE 10 ma’ dak ta’ wara l-adeżjoni tar-Rumanija u tal-Bulgarija, ir-rapporteur jinnota li minkejja l-istess perjodu ta’ tranżizzjoni totali impost mill-Iżvizzera għall-UE 10 u għall-UE 2, hemm differenza fil-perjodu ta’ żmien speċifikat.

Din id-differenza hija minħabba l-bażi tad-dħul differenti tal-applikabilità tal-Protokolli[12], li jżid mill-inqas sentejn oħra mal-perjodi ta’ tranżizzjoni kollha imposti fuq ir-Rumanija u fuq il-Bulgarija[13]. Il-bażi tad-dħul tiddependi minn mod inkonsistenti biex ikun stabbilit il-bidu ta’ dawn il-perjodi ta’ tranżizzjoni: ibda mid-data tal-adeżjoni tagħhom għall-UE 10 (01.04.2004) u d-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll għall-UE 2 (rispettivament, wara r-referendum Żvizzeru previst f’Mejju 2009).

Għalhekk, filwaqt li jikkunsidra l-bidu sentejn tard għar-Rumanija u għall-Bulgarija, ir-rapporteur jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tuża d-diliġenza mistħoqqa sabiex ikun żġurat it-tħaffif ta’ dan il-proċess u sabiex ikun żgurat li l-Konfederazzjoni Żvizzera ma tipposponix ir-ratifika tagħhom, sabiex il-Protokoll preżenti jidħol fis-seħħ immedjatament wara t-twettiq tar-referendum previst dwar din il-kwistjoni.

Minħabba dawn ir-raġunijiet kollha, ir-rapporteur jappoġġja l-ftehima u jirrakkomanda li jingħata l-kunsens.

  • [1]  L-Iżvizzera hija wieħed mill-membri fundaturi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA), iżda mhix membru taz-Zona Ekonomika Ewropea (EEA). Il-vot tagħha kontra l-adeżjoni ma’ l-EEA wassal għal sensiela ta’ Ftehimiet mal-Komunità Ewropea u ma’ l-Istati Membri tagħha;
  • [2]  Mill-1 ta' Ġunju 2007, dawk il-ħaddiema mill-UE 15 u miż-żewġ Stati Membri żgħar il-ġodda Malta u Ċipru kif ukoll it-tliet pajjiżi tal-EFTA l-Iżlanda, in-Norveġja u l-Liechtenstein, kellhom aċċess illimitat għas-suq tax-xogħol Żvizzeru. Jekk in-numru ta' immigranti jaqbeż il-medja tal-aħħar tliet snin b'10%, l-Iżvizzera tkun intitolata terġa' tintroduċi l-kwoti għal dawn s-17-il Stat Membru tal-UE wkoll;
  • [3]  ĠU L 89 ta’ 28 ta’ Marzu 2006, p. 30
  • [4]  Fin-nuqqas ta’ din in-notifika, il-perjodu tranżitorju għandu jiskadi fl-aħħar tal-perjodu ta’ sentejn;
  • [5]  Dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10(4) tal-Ftehima oriġinali;
  • [6]  Id-detenturi ta’ permessi tar-residenza validi jkunu intitolati li l-permessi tagħhom jiġġeddu; l-eżawriment ta’ limiti kwantitattivi ma jistax ikun invokat kontrihom.
  • [7]  Ara http://www.accords-bilateraux.ch/fileadmin/user_upload/bilaterale/pdf/fr/2008-06-16_Exp_Europe_Staempfli.pdf
  • [8]  In-negozjati mal-Iżvizzera antiċipaw iż-żamma tar-restrizzjonijiet tas-suq tax-xogħol bħal ma huma l-prijorità nazzjonali, il-kontroll tal-paġi u l-limiti;
  • [9]  Il-Ftehimiet Bilaterali I kienu jkopru l-moviment ħieles tal-persuni, it-trasport fit-toroq, it-trasport bl-ajru, l-agrikoltura, ir-riċerka, kif ukoll l-ostakoli tekniċi għan-negozju u l-appalt pubbliku, u daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2002. Il-Ftehimiet Bilaterali II ġew innegozjati sa minn Ġunju 2002 u fihom ftehimiet li jikkonċernaw it-tassazzjoni tat-tifdil; il-koperazzjoni fil-ġlieda kontra l-frodi; l-assoċjazzjoni tal-Iżvizzera mal-acquis ta’ Schengen; il-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fir-regolamenti ta’ “Dublin” tal-“Eurodac”; in-negozju fi prodotti agrikoli pproċessati; il-parteċipazzjoni Żvizzera fl-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u fin-netwerk Ewropew tal-osservazzjoni għall-informazzjoni fuq l-ambjent (EIONET); il-koperazzjoni fl-istatistika; il-parteċipazzjoni Żvizzera fil-programmi Media plus u Media training, u biex tkun evitata t-tassazzjoni doppja għall-pensjonanti tal-istituzzjonijiet Komunitarji;
  • [10]  Stħarriġ tal-opinjoni li ġie ppubblikat f’Jannar tal-2005 wera li 52% tal-elettorat qalu li jkunu favorevoli li l-ftehima fuq il-moviment ħieles tiġi estiża filwaqt li 30% kienu kontra u 18% ma kinux deċiżi;
  • [11]  Il-Kamra tar-Rappreżentanti Żvizzera ddeċidiet li r-referendum biex titwal il-ftehima mal-UE 25 għandu jkun separat mill-ewwel referendum għall-UE 2 dwar id-dħul fis-seħħ tal-Protokoll mal-Ftehima ta' wara l-adeżjoni tar-Rumanija u tal-Bulgarija mal-UE.
  • [12] Il-protokoll mal-Ftehima bejn l-UE u l-Iżvizzera dwar il-moviment ħieles tal-persuni wara l-adeżjoni tal-għaxar Stati Membri tal-UE (UE 10) fl-1 ta’ Mejju 2004 jipprevedi l-perjodi ta’ tranżizzjoni li ġejjin: Perjodu inizjali ta' tranżizzjoni ta' tliet snin li jdum sal-31 ta’ Mejju 2007, it-tieni perjodu ta' tranżizzjoni ta' sentejn li jdum sal-31 ta’ Mejju 2009, u perjodu ta’ sentejn żejda, sal-2011; il-klawsola speċjali ta’ protezzjoni għall-Iżvizzera hija prevista sal-2014;
  • [13]  Il-klawsola speċjali ta’ protezzjoni għall-Iżvizzera hija wkoll sentejn aktar għall-UE 2 meta mqabbla ma' dik għall-UE 10. Dan minħabba li din il-klawsola hija prevista sal-2014 għall-UE 10, rispettivament tnax-il sena wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehima oriġinali, fl-2002 u, konsegwentement, għal għaxar snin wara l-adeżjoni mal-UE, u sa l-2019 għall-UE 2, li jfisser għal għaxar snin wara d-dħul fis-seħħ tal-protokoll preżenti previst għall-2009, u konsegwentement, għal tnax-il sena wara l-adeżjoni tagħhom mal-UE.

PROĊEDURA

Titolu

Protokoll mal-Ftehima bejn il-Komunità Ewropea u l-Iżvizzera dwar il-moviment ħieles ta’ persuni (il-parteċipazzjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija)

Referenzi

09116/2008 – C6-0209/2008 – COM(2008)02092008/0080(AVC)

Data tat-talba għal approvazzjoni tal-Parlament

29.5.2008

Kumitat responsabbli

Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

LIBE

4.6.2008

Rapporteur

Data tal-ħatra

Marian-Jean Marinescu

28.5.2008

 

 

Eżami fil-kumitat

14.7.2008

8.9.2008

 

 

Data tal-adozzjoni

8.9.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

35

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alexander Alvaro, Emine Bozkurt, Philip Bradbourn, Mihael Brejc, Jean-Marie Cavada, Carlos Coelho, Elly de Groen-Kouwenhoven, Esther De Lange, Gérard Deprez, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Bárbara Dührkop Dührkop, Claudio Fava, Armando França, Kinga Gál, Patrick Gaubert, Jeanine Hennis-Plasschaert, Ewa Klamt, Wolfgang Kreissl-Dörfler, Henrik Lax, Baroness Sarah Ludford, Claude Moraes, Javier Moreno Sánchez, Rareş-Lucian Niculescu, Martine Roure, Inger Segelström, Renate Weber, Tatjana Ždanoka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Edit Bauer, Frieda Brepoels, Simon Busuttil, Elisabetta Gardini, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Jean Lambert, Marian-Jean Marinescu, Siiri Oviir