RAPPORT dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, fir-rigward tat-trattament tas-servizzi finanzjarji u ta’ l-assigurazzjoni

15.9.2008 - (COM(2007)0747 – C6‑0473/2007 – 2007/0267(CNS)) - *

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Joseph Muscat

Proċedura : 2007/0267(CNS)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0344/2008
Testi mressqa :
A6-0344/2008
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, fir-rigward tat-trattament tas-servizzi finanzjarji u ta’ l-assigurazzjoni

(COM(2007)0747 – C6‑0473/2007 – 2007/0267(CNS))

(Proċedura ta' konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2007)0747),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 93 tat-Trattat KE, skond liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C6-0473/2007),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A6‑0344/2008),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex konsegwentement tbiddel il-proposta tagħha, skond l-Artikolu 250(2) tat-Trattat KE;

3.  Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4.  Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Emenda  1

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Premessa 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(1) L-industrija tas-servizzi finanzjarji tagħti kontribut importanti għat-tkabbir, il-kompetittività u l-ħolqien ta’ l-impjiegi, imma tista’ taqdi l-irwol tagħha biss f’kundizzjonijiet newtrali tal-kompetizzjoni fis-suq intern. Huwa meħtieġ li jiġi pprovdut qafas li jipprovdi ċertezza legali fir-rigward tat-trattament tat-taxxa tal-valur miżjud (VAT) fuq il-prodotti finanzjarji u l-kummerċjalizzazzjoni u l-ġestjoni tagħhom.

(1) L-industrija tas-servizzi finanzjarji tagħti kontribut importanti għat-tkabbir, il-kompetittività u l-ħolqien ta’ l-impjiegi, imma tista’ taqdi l-irwol tagħha biss f’kundizzjonijiet newtrali tal-kompetizzjoni fis-suq intern. Huwa meħtieġ li jiġi pprovdut qafas li jipprovdi ċerti kundizzjonijiet newtrali fir-rigward tat-trattament tat-taxxa tal-valur miżjud (VAT) fuq il-prodotti finanzjarji kif ukoll il-kummerċjalizzazzjoni u l-ġestjoni tagħhom.

Ġustifikazzjoni

Iċ-ċertezza legali hija ttrattata fil-Premessa 2. Il-Premessa 1 hija dwar il-prinċipju tan-newtralità u toħloq l-istess kundizzjonijiet għal kulħadd fis-suq intern.

Emenda2

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Premessa 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(2) Ir-regoli eżistenti dwar l-eżenzjonijiet tal-VAT fuq is-servizzi finanzjarji u ta’ l-assigurazzjoni stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud huma skaduti u wasslu għal interpretazzjoni u applikazzjoni diskrepanti. Il-kumplessità tar-regoli u l-varjazzjonijiet fil-pattiċi amministrattivi toħloq inċertezza legali għall-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet tat-taxxa. Din l-inċertezza wasslet għal tilwim konsiderevoli u żiedet il-piż amminstrattiv. Għalhekk huwa neċessarju li jiġi ċċarat liema servizzi finanzjarji u ta’ l-assigurazzjoni huma eżenti u b’hekk tinħoloq aktar ċertezza legali u jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-operaturi u l-awtoritajiet.

(2) Ir-regoli eżistenti dwar l-eżenzjonijiet tal-VAT fuq is-servizzi finanzjarji u ta’ l-assigurazzjoni stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud huma skaduti u wasslu għal interpretazzjoni u applikazzjoni diskrepanti. Il-kumplessità tar-regoli u l-varjazzjonijiet fil-prattiki amministrattivi toħloq inċertezza legali għall-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet tat-taxxa u tonqos milli tiżgura l-istess kundizzjonijiet għal kulħadd fl-UE. Din l-inċertezza wasslet għal tilwim konsiderevoli u żiedet il-piż amminstrattiv. Għalhekk huwa neċessarju li jiġi ċċarat liema servizzi finanzjarji u ta’ l-assigurazzjoni huma eżenti u b’hekk tinħoloq ċertezza legali akbar u l-istess kundizzjonijiet għal kulħadd fl-UE u jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-operaturi u l-awtoritajiet.

Ġustifikazzjoni

Huwa importanti li jkun enfasizzat il-għan li jkun hemm l-istess kundizzjonijiet għal kulħadd fl-Unjoni Ewropea bejn l-operaturi ekonomiċi u l-Istati Membri.

Emenda  3

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Premessa 5

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(5) Servizzi finanzjarji u ta’ l-assigurazzjoni jeħtieġu forom simili ta’ intermedjazzjoni. Għalhekk huwa meħtieġ li l-intermedjazzjoni fl-assigurazzjoni u l-intermedjazzjoni fis-servizzi finanzjarji jiġu ttrattati bl-istess mod.

(5) Servizzi finanzjarji u ta’ l-assigurazzjoni jeħtieġu forom simili ta’ intermedjazzjoni. Għalhekk huwa xieraq li l-intermedjazzjoni fl-assigurazzjoni u l-intermedjazzjoni fis-servizzi finanzjarji jiġu ttrattati bl-istess mod, inkluża l-intermedjazzjoni permezz ta' intermedjarju li ma jkollux la rabta kuntrattwali u lanqas kuntatt dirett ma' kwalunkwe parti fi tranżazzjoni ta' l-assigurazzjoni jew fi tranżazzjoni finanzjarja li jkun ikkontribwixxa għall-konklużjoni tagħha l-intermedjarju. F’każijiet bħal dawn l-eżenzjoni tat-taxxa għandha tkopri b’mod uniformi l-attivitajiet kollha li huma tipiċi għal intermedjarju tas-servizzi ta’ assigurazzjoni u finanzjarji, inklużi l-attivitajiet kollha li jkunu preparatorji u sussegwenti għall-konklużjoni ta’ kuntratt.

Ġustifikazzjoni

Tiċċara l-punt li eżenzjoni fil-każ ta’ medjazzjoni m’għandux ikun ristrett b’paragun mal-pożizzjoni legali kurrenti. F’każijiet bħal dawn l-azzjoni vis-à-vis il-partijiet kuntrattwali individwali m’hijiex assolutament meħtieġa. Il-kjarifika tal-formulazzjoni tal-kliem iġġibha wkoll f'konformità ma’ l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2002/92/KE dwar il-medjazzjoni ta’ l-assigurazzjoni, li hija bbażata b’mod simili fuq definizzjoni wiesgħa tal-medjazzjoni.

Emenda  4

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Premessa 5 a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(5a) Huwa xieraq li attivitajiet li jikkostitwixxu l-ġestjoni ta’ fondi ta’ investiment ikomplu jidħlu fl-ħdan l-eżenzjoni jekk ikunu mwettqa minn operaturi ekonomiċi li jkunu parti terza.

Ġustifikazzjoni

Dan l-aspett huwa indirizzat fl-Artikolu 135 (1a), imma l-eżenzjoni tas-servizzi ta’ l-immaniġġjar tal-fondi li huma mwettqa minn parti terza m’hijiex indirizzata b’mod espliċitu. Il-premessa l-ġdida tneħħi għal kollox id-dubji rigward l-applikabilità ta’ l-eżenzjoni tal-partijiet terzi għas-servizzi ta’ ġestjoni ta’ fondi.

Emenda  5

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Premessa 7

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(7) Fornituri tas-servizzi finanzjarji u ta’ l-assigurazzjoni huma dejjem aktar kapaċi jallokaw l-input tal-VAT fuq spejjeż li għamlu fuq il-bejgħ li għandu jiġi ntaxxat. Fejn is-servizzi li jfornu huma bbażati fuq tariffi, huma jistgħu faċilment jistabbilixxu l-ammont taxxabbli għal dawn is-servizzi. Għalhekk jixraq li tiġi estiża l-possibbiltà ta’ l-għażla tat-tassazzjoni għal tali operaturi.

(7) Fornituri tas-servizzi finanzjarji u ta’ l-assigurazzjoni huma dejjem aktar kapaċi jallokaw l-input tal-VAT fuq spejjeż li għamlu fuq il-bejgħ li għandu jiġi ntaxxat. Fejn is-servizzi li jfornu huma bbażati fuq tariffi, huma jistgħu faċilment jistabbilixxu l-ammont taxxabbli għal dawn is-servizzi. Għalhekk jixraq li tiġi estiża l-possibbiltà ta’ l-għażla tat-tassazzjoni għal tali operaturi, filwaqt li jiġi evitat kull tħassib dwar tassazzjoni doppja li jista' jinħoloq billi tassazzjoni bħal din tkun ikkoordinata ma’ taxxi nazzjonali fuq l-assigurazzjoni u s-servizzi finanzjarji.

Ġustifikazzjoni

Għalkemm idealment l-għażla tal-VAT li tkun imposta taxxa u taxxi bbażati fuq livell nazzjonali fuq is-servizzi ta' l-assigurazzjoni u finanzjarji għandhom ikunu miġbura f' Direttiva tal-VAT, tkun ħaġa ambizzjuża li jiġi indirizzat fil-livell Ewropew suġġett li jirrigwarda s-sovranità tat-taxxa ta' l-Istati Membri u li ma jaqax direttament fl-ambitu tal-VAT. Madankollu, referenza bħal din fil-Preambolu tad-Direttiva tal-VAT hija fundamentali u utli ħafna mhux biss biex tiġi indirizzata s-sistema definittiva tal-VAT u biex jitnieda ċertu livell ta’ armonizzazzjoni fuq l-għażla tal-VAT li tkun imposta taxxa, imma wkoll biex dan is-suġġett jiddaħħal fl-aġenda ta’ l-ECOFIN.

Emenda  6

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Premessa 8a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(8a) Fl-adozzjoni ta' miżuri skond id-Direttiva 2006/112/KE li tirregola d-dritt għall-alternattiva għat-tassazzjoni, il-Kunsill għandu jiżgura l-applikazzjoni uniformi ta' dan it-tip ta' regoli fis-suq intern. Fl-istennija ta' l-adozzjoni ta' dawn ir-regoli mill-Kunsill, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jistabbilixxu r-regoli dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju ta' l-għażla. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw il-Kummissjoni bl-abbozz tal-miżuri dwar dan sitt xhur qabel l-adozzjoni tagħhom. Matul dan il-perjodu, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-abbozz tal-miżuri u għandha tressaq rakkomandazzjoni.

Ġustifikazzjoni

Minħabba l-interpretazzjoni wiesgħa tat-test fl-Artikolu 137a, huwa xieraq li tiddaħħal premessa li tiżgura li l-Kunsill jadotta Artikolu uniformi li jipprevjeni l-frammentazzjoni tas-suq.

Emenda  7

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 1 – punt a

Direttiva 2006/112/KE

Artikolu 135 – paragrafu 1 – punt a

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(a) assigurazzjoni u rijassigurazzjoni;

(a) l-assigurazzjoni, inkluża r-riassigurazzjoni;

Ġustifikazzjoni

Ir-referenza għall-inklużjoni tar-‘riassigurazzjoni’ fl-iskop tal-latus sensus tad-dispożizzjoni ta’ l-eżenzjoni ta’ l-‘assigurazzjoni’, tippermetti li d-dispożizzjonijiet marbuta mar-riassigurazzjoni jkunu indirizzati b’mod sistematiku fil-proposti leġiżlattivi kollha billi sempliċement issir referenza għall-‘assikurazzjoni’, u b’hekk jinżamm l-approċċ li diġa’ huwa adottat mill-proposti.

Emenda  8

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 1 – punt a

Direttiva 2006/112/KE

Artikolu 135 – paragrafu 1 – punt d

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(d) skambju tal-valuta u proviżjon ta’ kontanti;

(d) skambju tal-valuta, provvista ta’ kontanti u tranżazzjonijiet b’talbiet għal kontanti;

Ġustifikazzjoni

It-tneħħija ta’ din id-dispożizzjoni ta’ l-eżenzjoni tat-taxxa twassal biex issir rekwiżita taxxa fuq il-bejgħ gross kollu tal-bejgħ tat-talbiet, b’konsegwenzi serji b’mod partikulari għas-suq tas-sigurtajiet fil-Ġermanja. Għax bejgħ bħal dan li jsir mill-kreditur lill-kumpanija li jkollha għan speċjali, imbagħad tiġi suġġetta għat-taxxa fuq il-bejgħ gross, li bħala riżultat tagħha l-ġbir u l-amministrazzjoni ta’ l-ammonti riċevibbli mill-kreditur ikunu taxxabbli wkoll bħala servizz anċillari għall-bejgħa.

Emenda  9

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 1 – punt a

Direttiva 2006/112/KE

Artikolu 135 – paragrafu 1 – punt e

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(e) forniment ta’ sigurtajiet;

(e) tranżazzjonijiet relatati mal-kummerċ f'sigurtajiet b’sigurtajiet;

Ġustifikazzjoni

Formulazzjoni aħjar tal-kliem, peress li s-sigurtajiet għandhom ikunu ddefiniti bħala servizzi oħra u mhux bħala provvisti.

Emenda  10

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 1 – punt a

Direttiva 2006/112/KE

Artikolu 135 – paragrafu 1 – punt g a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(ga) derivati ta’ kull tip;

Ġustifikazzjoni

Id-derivati għandhom ikunu eżenti mit-taxxa fuq il-bejgħ gross, huma x'inhuma l-assi fundamentali. L-obbligazzjoni tat-taxxa fuq il-bejgħ gross tista’ tinħoloq biss jekk il-prestazzjoni ta’ tranżazzjoni tkun twassal għal bejgħa taxxabbli.

Emenda  11

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 1 – punt b

Direttiva 2006/112/KE

Artikolu 135 – paragrafu 1a

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1a. L-eżenzjoni prevista fil-punti (a) sa (e) tal-paragrafu 1 għandha tapplika għall-provvista ta’ kwalunkwe element inkluż f’servizz ta’ l-assigurazzjoni jew finanzjarju, li jikkostitwixxi oġġett distint u għandu l-karattru speċifiku u essenzjali tas-servizz eżentat ikkonċernat.

1a. L-eżenzjoni prevista fil-punti (a) sa (f) tal-paragrafu 1 għandha tapplika għall-provvista ta’ kwalunkwe element inkluż f’servizz ta’ l-assigurazzjoni jew finanzjarju, li jikkostitwixxi oġġett distint u għandu l-karattru speċifiku u essenzjali tas-servizz eżentat ikkonċernat.

Emenda  12

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 2

Direttiva 2006/112/KE

Artikolu 135a – punt 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(1) “assigurazzjoni u rijassigurazzjoni” tfisser impenn li bih persuna tkun obbligata, bi ħlas, li tipprovdi lil persuna oħra, fl-avveniment li jimmaterjalizza riskju, b’indennizz jew benefiċċju kif determinat mill-impenn;

(1) ‘assigurazzjoni’ tfisser impenn li bih persuna waħda jew aktar ikunu obbligati, bi ħlas, li jipprovdu lil persuna oħra jew aktar, fil-każ li jimmaterjalizza riskju, indennizz jew benefiċċju kif determinat mill-impenn;

Ġustifikazzjoni

Id-definizzjoni ta’ tranżazzjonijiet eżenti għandha tagħmel provvediment b’mod espliċitu kemm għall-koassigurazzjoni jew il-ġabra flimkien tar-riskju u kemm għall-assigurazzjoni ta’ gruppi, peress li dawn it-tipi ta’ politiki huma kollha utilizzati b’mod ġenerali mis-settur ta' l-assigurazzjoni bl-għan li jkunu koperti kategoriji partikulari ta' riskji.

Emenda  13

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 2

Direttiva 2006/112/KE

Artikolu 135a – punt 8 – parti introduttorja

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(8) “forniment ta’ sigurtajiet” tfisser il-forniment ta’ strumenti negozjabbli apparti strument li jistabbilitxxi titolu fuq l-oġġetti jew fuq drittijiet imsemmija fl-Artikolu 15(2), li jirrappreżenta l-valur finanzjarju u jirrifletti kwalunkwe wieħed jew aktar minn dan li ġej:

(8) ‘tranżazzjonijiet relatati mal-kummerċ f'sigurtajiet’ tfisser il-bejgħ ta’ strumenti negozjabbli apparti strument li jistabbilixxi titolu fuq l-oġġetti jew fuq drittijiet imsemmija fl-Artikolu 15(2), li jirrappreżenta l-valur finanzjarju u jirrifletti kwalunkwe wieħed jew aktar minn dan li ġej:

Ġustifikazzjoni

Formulazzjoni aħjar tal-kliem, peress li s-sigurtajiet għandhom ikunu ddefiniti bħala servizzi oħra u mhux bħala provvisti.

Emenda  14

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 2

Direttiva 2006/112/KE

Artikolu 135a – punt 8 – punt c

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(c) unità tas-sjieda f’impriżi ta’ investiment kollettiv fis-siġurtajiet imsemmija fil-punti (a) jew (b), fi strumenti finanzjarji oħra eżentati msemmija fil-punti (a) sa (d) ta’ l-Artikolu 135(1) jew f’impriżi oħra ta’ investiment kollettiv;

(c) unità tas-sjieda f’fondi ta’ investiment, kif definiti fil-punt 10, jew f’impriżi jew aġenziji oħra għal investiment kollettiv;

Ġustifikazzjoni

L-emenda twessa’ d-definizzjoni ta’ ‘fondi ta’ investiment’. Il-bidla fil-punt (c) tfisser li l-investiment f’unitajiet ta’ fondi (kemm jekk il-fondi kkonċernati huma sigurtajiet, proprjetà ta' beni immobbli, jew fondi ta’ pensjoni) se jkompli jibbenefika mill-arranġamenti ta' l-eżenzjoni li jkunu fis-seħħ.

Emenda  15

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 2

Direttiva 2006/112/KE

Artikolu 135a – punt 8 – punt c a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(ca) titolu fuq derivati finanzjarji, ta' kreditu, u ta' prodotti, u l-għażliet relatati;

Ġustifikazzjoni

Il-punt (ca) t’hawn fuq iddaħħal sabiex ikunu inklużi tranżazzjonijiet fi strumenti ta’ derivati u l-għażliet relatati fost is-servizzi finanzjarji eżenti. Id-definizzjoni tiġbor fiha d-derivati kollha li huma impaċati bi ħlas fi flus kontanti, tkun xi tkun in-natura ta' l-attiv li jkunu msejsa fuqu (prodotti u/jew strumenti finanzjarji).

Emenda  16

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 2

Direttiva 2006/112/KE

Artikolu 135a – punt 9

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(9) “intermedjazzjoni fi tranżazzjonijiet finanzjarji u ta’ l-assigurazzjoni” tfisser il-forniment ta’ servizzi mogħtija lil u mħallsa minn parti kontraenti bħala att distint ta’ medjazzjoni fir-rigward tat-tranżazzjonijiet finanzjarji jew ta’ l-assigurazzjoni msemmija fil-punti (a) sa (e) ta’ l-Artikolu 135(1), minn parti terza intermedja;

(9) "intermedjazzjoni fi tranżazzjonijiet finanzjarji u ta’ l-assigurazzjoni" tfisser il-forniment dirett jew indirett ta’ servizzi mogħtija bħala att distint ta’ medjazzjoni fir-rigward tat-tranżazzjonijiet finanzjarji jew ta’ l-assigurazzjoni msemmija fil-punti (a) sa (e) ta’ l-Artikolu 135(1), minn partijiet terzi intermedjarji, sakemm l-ebda intermedjarju ma jkun xi kontraparti f'dawk it-tranżazzjonijiet ta' l-assigurazzjoni jew finanzjarji;

Emenda  17

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 2

Direttiva 2006/112/KE

Artikolu 135a – punt 10

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(10) 'fondi ta’ investiment' tfisser impriżi ta’ investiment kollettiv fl-istrumenti finanzjarji eżentati msemmija fil-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 135(1) u fis-settur tan-negozju tal-proprjetà;

(10) ‘fondi ta’ investiment’ tfisser mezzi ta' investiment kostitwiti b’mod speċjali, maħluqa bil-għan waħdieni li jinġabar l-attiv mill-investituri u li dak l-attiv ikun investit f’ġabra diversifikata ta' attivi inklużi fondi ta’ pensjonijiet u mezzi użati biex ikunu implimentati u mwettqa skemi kollettivi ta’ pensjonijiet;

Ġustifikazzjoni

Il-proposta ġġiegħel lill-maniġers tal-fondi ta’ investiment biex jivverifikaw l-istatus tal-VAT tal-attiv li fih jinvestu l-attiv tal-investituri tagħhom. Din id-definizzjoni hija wisq restrittiva fir-rigward tad-definizzjoni komunement rikonoxxuta fl-industrija. L-emenda tipproponi li tuża d-definizzjoni ta’ fondi ta' investiment mill-White Paper tal-Kummissjoni dwar it-tisħiħ tal-qafas tas-suq waħdieni għall-fondi ta' investiment (COM(2006)0686). Meta l-fondi ta’ pensjoni u tal-mezzi utilizzati biex ikunu implimentati u mwettqa l-iskemi ta’ pensjoni kollettivi qed ikunu inklużi fid-definizzjoni, jinħoloq ambjent ta' kundizzjonijiet l-istess għal kulħadd u t-tgħawwiġ jitneħħa għal kollox.

Emenda  18

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 2

Direttiva 2006/112/KE

Artikolu 135a – punt 11

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(11) 'ġestjoni ta’ fondi ta’ investiment' tfisser attivitajiet immirati għat-twettiq tal-miri tal-investiment tal-fondi ta’ investiment ikkonċernati.

(11) ‘ġestjoni ta’ fondi ta’ investiment’ tfisser attivitajiet immirati għat-twettiq tal-objettivi ta’ investiment tal-fond ta’ investiment ikkonċernat u għandha tinkludi għall-anqas il-ġestjoni strateġika u tattika tal-ass u l-allokazzjoni tal-attiv, inklużi s-servizzi ta' konsulenza kif ukoll il-ġestjoni tal-valuta u tar-riskju.

Ġustifikazzjoni

‘Ta’ konsulenza’ jew ‘servizzi ta’ konsulenza’ għandhom jiddaħħlu sabiex ikunu inklużi s-servizzi pprovduti minn konsulent ta’ parti terza li jkun jieħu deċiżjonijiet ta’ investiment fuq il-bażi ta’ kunsiderazzjoni totali tar-regoli regolatorji kif ukoll tar-regoli tal-fondi u li jkun jagħti pariri lill-maniġer tal-fond skont din il-kunsiderazzjoni. Raġuni oħra għala għandu jkun eżentat dan it-tip ta’ parir dwar l-investiment vis-à-vis il-maniġer tal-fond hija li l-ispiża relevanti tal-VAT tista’ inkella eventwalment tintalab li titħallas mill-investitur.

Emenda  19

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 3

Direttiva 2006/112/KE

Artikolu 137 – paragrafu 1 – punt a

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(3) Fl-Artikolu 137(1), jitħassar il-punt (a).

imħassar

Ġustifikazzjoni

L-istess ġustifikazzjoni għall-Emendi 3 u 4. Ladarba d-dritt tal-ġħażla tat-tassazzjoni jeżisti fir-rigward tat-tranżazzjonijiet B2B, it-tranżazzjonijiet B2C għandhom ikomplu jkunu suġġetti għall-artikolu preżenti.

Emenda  20

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 4

Direttiva 2006/112/KE

Artikolu 137a – paragrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. Mill-1 ta’ Jannar 2012, l-Istati Membri għandhom jippermettu persuni taxxabbli d-dritt tal-alternattiva tat-tassazzjoni fir-rigward tas-servizzi msemmija fil-punti (a) sa (g) tal-Artikolu 135(1).

1. Mill-1 ta’ Jannar 2012, l-Istati Membri għandhom jippermettu li persuni taxxabbli, skont kull każ individwali, ikollhom id-dritt ta’ alternattiva tat-tassazzjoni fir-rigward ta’ wieħed mis-servizzi msemmija fil-punti (a) sa (ga) tal-Artikolu 135(1), meta dak is-servizz huwa pprovdut lil persuna oħra stabbilita fl-istess pajjiż jew x’imkien ieħor fil-Komunità.

Emenda  21

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 4

Direttiva 2006/112/KE

Artikolu 137a – paragrafu 1 a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

1a. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-operazzjoni tal-għażla t-tajba skont il-paragrafu 1 sa ...*. Jekk ikun xieraq, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta leġiżlattiva rigward regoli ddettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju ta’ dak id-dritt tal-għażla u kwalunkwe emenda oħra tad-Direttiva .../.../KE f’dan ir-rigward.

 

*Tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva .../.../KE.

Ġustifikazzjoni

Infurzar aħjar tal-leġiżlazzjoni u rwol konsultattiv għall-Parlament Ewropew.

Emenda  22

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 4

Direttiva 2006/112/KE

Artikolu 137a – paragrafu 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2. Il-Kunsill għandu jadotta l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-paragrafu 1 skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 397. Sakemm il-Kunsill ma jkunx adotta dawn il-miżuri, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu r-regoli dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju ta' għażla skont il-paragrafu 1.

2. Il-Kunsill għandu jadotta l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-paragrafu 1 skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 397. Sakemm il-Kunsill ma jkunx adotta dawn il-miżuri, l-Istati Membri jistgħu jżommu kif inhuma r-regoli dettaljati eżistenti li jirregolaw l-eżerċizzju tal-għażla skont il-paragrafu 1.

Emenda  23

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 4

Direttiva 2006/112/KE

Artikolu 137b – punt 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(1) il-grupp innifsu u l-membri kollha tiegħu jkunu stabbiliti jew residenti tal-Komunità;

(1) il-grupp innifsu jkun stabbilit fil-Komunità;

Ġustifikazzjoni

Sabiex ikun żgurat li r-regoli tal-qsim tal-ispejjeż verament iġibu l-progress fis-suq waħdieni kif inhu ttamat, hemm żewg aspetti regolatorji li jeħtieġ li jinbidlu. 1: Għandu jkun possibbli għal impriżi li m’humiex residenti fl-UE li jsiru membri ta’ grupp bħal dan, u 2: dawn il-gruppi għandhom ikunu jistgħu jipprovdu servizzi lil partijiet terzi skont prinċipji ġenerali tat-taxxa fuq il-bejgħ gross mingħajr ma din il-ħaġa tkun taffettwa l-prinċipju tal-eżenzjoni tat-taxxa tagħhom.

Emenda  24

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 4

Direttiva 2006/112/KE

Artikolu 137b – punt 3

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(3) il-membri tal-grupp jkunu qed ifornu servizzi li jkunu eżenti skont l-Artikolu 135(1)(a) sa (g) jew servizzi oħra u li fir-rigward tagħhom ma jkunu persuni taxxabbli.

(3) il-membri tal-grupp ikunu qed ifornu servizzi li jkunu eżenti skont l-Artikolu 135(1)(a) sa (ga) jew servizzi oħra u li fir-rigward tagħhom ma jkunux persuni taxxabbli.

Emenda  25

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 4

Direttiva 2006/112/KE

Artikolu 137b – punt 4

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(4) is-servizzi jkunu fornuti mill-grupp biss lill-membri tiegħu u jkunu neċessarji biex jippermettu lill-membri biex ifornu servizzi li jkunu eżenti skont l-Artikolu 135(1)(a) sa (g);

(4) is-servizzi li jkunu fornuti mill-grupp ikunu neċessarji biex jippermettu lill-membri li jfornu servizzi li jkunu eżenti skont l-Artikolu 135(1)(a) sa (ga);

Ġustifikazzjoni

Sabiex ikun żgurat li r-regoli tal-qsim tal-ispejjeż verament iġibu l-progress fis-suq waħdieni kif inhu ttamat, hemm żewg aspetti regolatorji li jeħtieġ li jinbidlu. 1: Għandu jkun possibbli għal impriżi li m’humiex residenti fl-UE li jsiru membri ta’ grupp bħal dan, u 2: dawn il-gruppi għandhom ikunu jistgħu jipprovdu servizzi lil partijiet terzi skont prinċipji ġenerali tat-taxxa fuq il-bejgħ gross mingħajr ma din il-ħaġa tkun taffettwa l-prinċipju tal-eżenzjoni tat-taxxa tagħhom.

Emenda  26

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 4

Direttiva 2006/112/KE

Artikolu 137b – punt 5

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(5) il-grupp jitlob lill-membri tiegħu r-rimbors eżatt biss tas-sehem tagħhom mill-ispejjeż konġunti, eskluż kwalunkwe aġġustament tat-trasferiment tal-prezzijiet imwettaq għall-finijiet ta’ taxxa diretta.”

(5) il-grupp jitlob mill-membri tiegħu r-rimborż eżatt biss tas-sehem tagħhom mill-ispejjeż konġunti; aġġustamenti tat-trasferiment tal-prezzijiet imwettqa għall-finijiet ta’ taxxa diretta m’għandhomx jaffettwaw l-eżenzjoni tal-grupp mit-taxxa fuq il-bejgħ gross.

Ġustifikazzjoni

Sabiex ikun żgurat li r-regoli tal-qsim tal-ispejjeż verament iġibu l-progress fis-suq waħdieni kif inhu ttamat, hemm żewg aspetti regolatorji li jeħtieġ li jinbidlu. 1: Għandu jkun possibbli għal impriżi li m’humiex residenti fl-UE li jsiru membri ta’ grupp bħal dan, u 2: dawn il-gruppi għandhom ikunu jistgħu jipprovdu servizzi lil partijiet terzi skont prinċipji ġenerali tat-taxxa fuq il-bejgħ gross mingħajr ma din il-ħaġa tkun taffettwa l-prinċipju tal-eżenzjoni tat-taxxa tagħhom.

Emenda  27

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Artikolu 1 – paragrafu 4 a (ġdid)

Direttiva 2006/112/KE

Artikolu 169 – punt c

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(4a) Fl-Artikolu 169, il-punt (c) jinbidel b’dan li ġej:

'(c) tranżazzjonijiet li huma eżenti skont il-punti (a) sa (ga) tal-Artikolu 135(1), fejn il-klijent huwa stabbilit barra mill-Komunità jew fejn dawk it-tranżazzjonijiet ikollhom x’jaqsmu b’mod dirett ma’ oġġetti li jkunu se jiġu esportati barra mill-Komunità.’

Ġustifikazzjoni

Sabiex ikun żgurat li jkun hemm l-istess kundizzjonijiet għal kulħadd bejn is-settur tal-industrija bankarja, dik tal-assikurazzjoni u dik tal-fondi, is-servizzi ta’ ġestjoni ta' fondi ta' investiment ipprovduti lil pajjiżi terzi wkoll għandhom ikunu deduċibbli mit-taxxa.

Emenda  28

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Artikolu 2 – paragrafu 1 – subparagrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-31 ta’ Diċembru 2009 l-aktar tard. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u Direttiva.

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva filwaqt li jiżguraw li l-konsumaturi jibbenefikaw mill-istrutturar mill-ġdid tal-ftehimiet attwali tal-VAT. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u d-Direttiva.

Ġustifikazzjoni

Kull deċiżjoni ekonomika li tista’ tittieħed trid tkun imsejsa fuq analiżi trasparenti u numerika dwar il-kwistjoni fundamentali. Il-Kummissjoni għandha tfassal dak it-tip ta’ stħarriġ li għandu jikkostitwixxi evidenza li klijenti medji se jkunu jistgħu japprofittaw ruħhom mill-modifika tar-reġim preżenti tal-VAT għas-servizzi finanzjarji. Dan l-istħarriġ għandu jinkludi l-kobor preżenti tas-servizzi anċillari li għandhom it-tendenza li jkunu esternalizzati f’pajjiżi li jħallsu pagi aktar baxxi u għandu jkejjel iż-żjieda li jista' jkun hemm fis-servizzi anċillari u ta’ appoġġ li jkunu esternalizzati b'riżultat tat-tneħħija tal-eżenzjoni tal-VAT fl-industrija tas-servizzi finanzjarji.

NOTA SPJEGATTIVA

L-isfond

Din il-proposta hija l-ewwel tentattiv tal-Kummissjoni biex taġġorna u tikkonforma mar-realtajiet ekonomiċi test leġiżlattiv, li għal dawn l-aħħar tletin sena baqa' kważi kif inhu. Mill-1977, il-biċċa l-kbira tas-servizzi finanzjarji, inklużi l-assikurazzjoni u l-immaniġġjar tal-fondi ta' investiment, kienu eżenti mill-VAT. Għalkemm ir-raġunijiet preċiżi għall-eżenzjoni qatt ma ġew spjegati b'mod ċar[1], l-aktar waħda probabbli tidher li hi l-kumplessità teknika li jġib miegħu l-intaxxar tas-servizzi finanzjarji. Bħala kontroparti ta' din l-eżenzjoni, il-VAT fuq ix-xiri, maħluqa sabiex tipprovdi s-servizzi eżentati ma tistax tkun irkuprata u għalhekk issir mhux rekuperabbli, inkorporata jew "VAT moħbija".

Fil-mument tal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni oriġinali (fl-1977) bosta mill-attitivitajiet ta' back office u ta' appoġġ tal-istituzzjonijiet finanzjarji kif ukoll tal-assikurazzjoni kienu jiġu mmaniġġjati lokalment. L-istrutturi istituzzjonali kienu bbażati fuq livell nazzjonali, bl-iffukar prinċipali jkun fuq il-forniment tas-swieq domestiċi. Dan ix-xenarju nbidel drammatikament minn dak iż-żmien 'l hawn. Il-fatturi ewlenin ta' din l-evoluzzjoni huma t-tendenza lejn il-konsolidazzjoni transkonfinali fi ħdan il-Komunità u t-tkabbir tal-esternalizzazzjoni. Dawn l-iżviluppi mhux biss huma l-konsegwenza tal-globalizzazzjoni tas-suq iżda fuq kollox tar-riżultat tal-implimentazzjoni b'suċċess tal-Pjan ta' Azzjoni tas-Servizzi Finanzjarji (FSAP) li wassal għat-tneħħija tax-xkiel għall-integrazzjoni waqt li ħeġġeġ bil-qawwa l-konsolidazzjoni. L-evoluzzjoni tal-industriji sa mill-1977, flimkien mal-bidliet fl-ambjent legali u regolatorju, żied l-espożizzjoni għal taxxa li ma tistax tkun irkuprata. Għas-settur finanzjarju, iż-żieda fl-ispejjeż fiskali tassorbi l-ewwel benefiċċji li jirriżultaw miż-żieda fl-effiċjenza tal-konsolidazzjoni u l-esternalizzazzjoni transkonfinali. Dan iqajjem tħassib dwar il-konsistenza mal-għanijiet tal-FSAP meta l-"VAT moħbija" titħalla teżisti fis-suq intern.

Il-leġiżlazzjoni li l-Kummissjoni qiegħda tipproponi biex timmodernizza mhux biss għadda żmienha iżda kompliet issir dejjem anqas ċara. Din toħloq inċertezza legali. Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (ECJ) ġiet bosta drabi mitluba biex tieħu l-passi meħtieġa sabiex tiċċara l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta' leġiżlazzjoni li ma għadhiex adattata għal kuntest ekonomiku li ma ġiex ikkontemplat waqt it-tfassil oriġinali. Il-mistoqsija hija -- biex jintuża l-kliem tal-Kummissjoni -- jekk, minħabba traskuraġni leġiżlattiva, "il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja kinitx sfurzata taqta' sentenzi biex tiddetermina l-politika fiskali".

Apparti dan, ir-rati ta' tnaqqis deċiżi mill-Istati Membri fi ħdan id-diskrezzjoni permessa mil-leġiżlazzjoni attwali mhumiex konformi mal-prinċipju tan-newtralità. Biex juri d-differenza bejn l-Istati Membri, il-Bureau Internazzjonali għad-Dokumentazzjoni Fiskali wettaq stħarriġ dwar il-metodi ta' tnaqqis tal-VAT fuq ix-xiri applikat mill-Istati Membri, li juri li r-rati ta' rkupru varjaw minn 0% għal 74%, minkejja l-fatt li d-Direttiva tal-VAT tidher li tipprevedi ċertu livell ta' armonizzazzjoni. Sabiex titħejja l-evalwazzjoni tal-impatt, l-Istati Membri ntalbu jipprovdu ċifri dwar il-valur tal-irċevuti tal-VAT reali, li jistgħu jkunu attribwiti għal VAT li ma tistax tkun irkuprata mħallsa minn kumpaniji finanzjarji u tal-assikurazzjoni kif ukoll fuq l-ammont tal-VAT mitluf minħabba l-eżenzjoni ta' dawn is-servizzi. Milli jidher, anqas minn nofs l-Istati Membri wieġbu għal din it-talba.

L-għanijiet

Sabiex ikun indirizzat it-tħassib imsemmi hawn fuq, il-Kummissjoni tipproponi riforma tal-leġiżlazzjoni tal-VAT bil-ħsieb li jinkisbu l-għanijiet li ġejjin:

1.  żieda fiċ-ċertezza legali għal dawk kollha kkonċernati, mis-settur tan-negozju għall-amministrazzjonijiet nazzjonali tat-taxxa u b'hekk jitnaqqas il-piż amministrattv fil-kisba tal-konformità fiskali, waqt li tinħoloq sigurtà baġitarja għall-Istati Membri;

2.  tkun żgurata applikazzjoni tat-taxxa aktar konsistenti u jinħolqu l-istess kundizzjonijiet għal kulħadd fis-suq intern, billi jkunu eliminati d-distorsjonijiet tal-kompetittività li huma attribwiti għas-sistema tal-VAT attwali għas-servizzi finanzjarji;

3.  l-operaturi jkunu jistgħu jimmaniġġjaw aħjar l-impatt tal-VAT mhux deduċibbli fuq l-attivitajiet tagħhom;

4.  b'mod aktar ġenerali, ikun promoss il-prinċipju ta' taxxa newtrali li huwa wieħed mill-pedamenti tas-sistemi tal-VAT tal-UE.

Il-miżuri

It-tliet miżuri ewlenin proposti biex jinkisbu dawn l-għanijiet huma dawn li ġejjin:

1. Il-modernizzazzjoni tad-definizzjoni ta' servizzi finanzjarji u tal-assikurazzjoni li huma eżenti.

2. Il-possibilità għal persuni taxxabbli li jagħżlu tassazzjoni fir-rigward tas-servizzi finanzjarji u tal-assikurazzjoni tagħhom, kif definita mill-ġdid fil-proposta tal-Kummissjoni. Għażla bħal din għat-taxxa diġà teżisti fid-Direttiva tal-VAT fir-rigward tas-servizzi finanzjarji biss[2], iżda attwalment hija f'idejn l-Istati Membri u ma tantx hija użata wisq[3]. Id-disponibilità limitata tagħha llum, skont il-Kummissjoni, twassal għal distorsjoni potenzjali.

3. L-introduzzjoni tal-eżenzjoni mill-VAT ta' industrija speċifika dwar l-arranġamenti għall-qsim tal-ispejjeż.

Il-kummenti preliminari

Il-miżuri proposti jistgħu jkunu evalwati mil-lat ta' negozju, tal-ammministrazzjonijiet tat-taxxa u tal-konsumaturi.

Mil-lat tan-negozji: Kif jidher mill-analiżi tal-Kummissjoni, il-ġenerazzjoni tal-VAT mix-xiri li ma tistax tkun irkuprata saret fattur importanti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar fejn u kif operatur iforni servizzi finanzjarji jew tal-assikurazzjoni, f'konformità mal-Istrateġija taliżbona.

Mil-lat tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa: Il-leġiżlatur għandu jżomm f'moħħu li kwalunkwe bidla li żżid il-livell ta' tnaqqis, fin-nuqqas ta' miżuri ta' kumpens, tirriżulta fi tnaqqis fl-irċevuti tal-VAT għall-Istati Membri.

Mil-lat tal-konsumaturi: Mhuwiex ċar safejn il-benefiċċji f'termini ta' effiċjenza u tnaqqis tan-nefqa se jgħaddu fuq il-konsumatur. Kif twissi tajjeb l-evalwazzjoni tal-impatt, dejjem hemm ir-riskju li l-irbit kummerċjali jifrex l-iffrankar tal-ispiża b'mod mhux indaqs fuq il-firxa tal-klijenti kollha, li jwassal biex il-konsumaturi tan-negozju jkunu għadhom qed iġorru parti mill-ispiża tal-VAT mhux deduċibbli.

Wara l-evalwazzjoni preliminari ta' din il-proposta, ir-rapporteur huwa tal-opinjoni li:

1.  L-ambitu tal-proposta jista' jintlaqa' bħala pożittiv, speċjalment ladarba joħloq aktar ċertezza legali. Id-definizzjonijiet il-ġodda proposti mill-Kummissjoni huma utli u ilhom mistennija sabiex iseħħ l-aġġornament mar-realtajiet ekonomiċi.

2.  Il-konsistenza tad-definizzjonijiet mal-FSAP għandha tkun żgurata. Madankollu, u minħabba l-bżonn għal interpretazzjoni aktar stretta tal-eżenzjonijiet tal-VAT, id-definizzjonijiet il-ġodda għandhom, fejn ikun il-każ, ikunu aktar stretti minn dawk previsti mir-regoli tas-suq intern.

3.  Hemm il-bżonn li jkunu eżaminati bir-reqqa u bi prudenza l-effetti li l-għażla li nfirxet sew li jkunu ntaxxati s-servizzi finanzjarji u l-assikurazzjonijiet se jkollha fuq il-prezzijiet aħħarija għall-konsumaturi, b'mod partikolari meta wieħed iżomm f'moħħu l-esperjenza limitata fl-użu tal-għażla u n-nuqqas ta' ċifri ta' min joqgħod fuqhom biex ikun evalwat l-impatt b'mod preċiż. Il-faċilitazzjoni tal-proċeduri għan-negozji ma għandhiex twassal għal żieda fil-prezzijiet għall-konsumaturi. Dan it-tħassib huwa aktar importanti fir-rigward tal-inklużjoni tas-settur tal-assikurazzjoni fi ħdan l-ambitu tas-sistema speċjali tal-eżenzjoni tal-VAT, b'mod partikolari f'dawk il-pajjiżi fejn jeżistu taxxi fuq il-ħlas tal-assikurazzjoni.

· Hemm wisq dettalji essenzjali li tħallew għall-Istati Membri fir-rigward tal-ambitu tal-għażla (eż. jekk tapplikax għal ċerti servizzi bi ħlas biss, eċċ.). Għalhekk, ir-riżultati ġenerali se jiddependu mid-dettalji preċiżi tal-miżuri tal-implimentazzjoni. Kif indikat hawn fuq, għalkemm il-proposta tindika li l-Kunsill għandu jadotta l-miżuri ta' implimentazzjoni, madankollu jikkonferma li, fin-nuqqas tal-miżuri tal-Kunsill, l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw dawn ir-regoli. Il-proposta għandha tinkludi salvagwardji biex tkun evitata l-frammentazzjoni tas-suq bħala riżultat ta' nuqqas ta' qbil bejn l-Istati Membri dwar kif għandu jkun implimentat id-dritt tal-għażla għall-eżenzjoni.

4.  Kif turi l-evalwazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni, effett sekondarju negattiv tal-konsolidazzjoni transkonfinali huwa dak li d-dħul mit-taxxa maħluq mill-VAT fuq ix-xiri, primarjament, se jiżdied fl-Istat Membru fejn is-servizz ikun maħluq mill-fornitur tas-servizz u mhux f'dak l-Istat Membru fejn il-konsumatur (tan-negozju jew privat) tas-servizz ikun stabbilit. Hemm xi salvagwardji li jistgħu jevitaw ukoll distribuzzjoni mill-ġdid mhux bilanċjata tad-dħul tat-taxxa ġġenerata? Meta jitqies in-nuqqas ta' tagħrif affidabbli dwar l-impatt tal-miżuri proposti, għandu jiddaħħal obbligu fit-test leġiżlattiv biex issir analiżi dwar kif ikunu ħadmu l-miżuri, flimkien mal-obbligu li l-Kunsill u l-Parlament ikunu mgħarrfa b'dan.

PROĊEDURA

Titolu

It-taxxa fuq il-valur miżjud, fir-rigward tat-trattament tas-servizzi finanzjarji u tal-assikurazzjoni

Referenzi

COM(2007)0747 – C6-0473/2007 – 2007/0267(CNS)

Data meta ġie kkonsultat il-PE

18.12.2007

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ECON

15.1.2008

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

JURI

15.1.2008

 

 

 

Opinjoni mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

JURI

6.2.2008

 

 

 

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Joseph Muscat

15.1.2008

 

 

Eżami fil-kumitat

1.4.2008

2.6.2008

16.7.2008

 

Data tal-adozzjoni

10.9.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

40

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Mariela Velichkova Baeva, Pervenche Berès, Sebastian Valentin Bodu, Sharon Bowles, Udo Bullmann, David Casa, Christian Ehler, Elisa Ferreira, José Manuel García-Margallo y Marfil, Jean-Paul Gauzès, Benoît Hamon, Gunnar Hökmark, Karsten Friedrich Hoppenstedt, Sophia in ‘t Veld, Othmar Karas, Christoph Konrad, Guntars Krasts, Kurt Joachim Lauk, Andrea Losco, Astrid Lulling, Gay Mitchell, Joseph Muscat, John Purvis, Dariusz Rosati, Eoin Ryan, Antolín Sánchez Presedo, Margarita Starkevičiūtė, Ivo Strejček, Ieke van den Burg, Cornelis Visser, Sahra Wagenknecht

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Daniel Dăianu, Ján Hudacký, Piia-Noora Kauppi, Baroness Sarah Ludford, Thomas Mann, Poul Nyrup Rasmussen

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Evelyne Gebhardt, Eleonora Lo Curto, Florencio Luque Aguilar, Pierre Pribetich

Data tat-tressiq

15.9.2008

  • [1]  Primarjament dawn kienu jinkludu l-impossibilità li jkunu stabbiliti ammonti taxxabbli u ammonti ta' VAT li titnaqqas, mingħajr ma jinħolqu spejjeż amministrattivi mhux aċċettabbli u mingħajr ma tinħoloq kumplessità legali kif ukoll tal-kontabilità kemm għall-operaturi ekonomiċi kif ukoll għall-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri.
  • [2] 2 Id-direttiva attwali tal-VAT tipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jippermettu li persuni taxxabbli jkollhom id-dritt tal-għażla għal tassazzjoni fir-rigward tas-servizzi finanzjarji; il-proposta tal-Kummissjoni tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jippermettu li persuni taxxabbli jkollhom dan id-dritt.
  • [3] 3 Sa llum il-Belġju, l-Estonja, il-Ġermanja u l-Litwanja ppermettew dan id-dritt tal-għażla lil persuni taxxabbli.