RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilldwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, skont il-punt 26 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda

4.12.2008 - (COM(2008)0732 – C6‑0393/2008 – 2008/2317(ACI))

Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Reimer Böge

Proċedura : 2008/2317(ACI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0474/2008
Testi mressqa :
A6-0474/2008
Dibattiti :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea skont il-punt 26 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda

(COM(2008)0732 – C6‑0393/2008 – 2008/2317(ACI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2008)0732 – C6‑0393/2008),

–   wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda[1], u b'mod partikulari l-punti 26 tagħha,

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea[2],

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni fis-17 ta' Lulju 2008 dwar il-Fond ta' Solidarjetà tal-UE,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A6‑0474/2008),

1.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
  • [2]  ĠU L 311, 14.11.2002, p.3.

ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

ta' xx Diċembru 2008

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, skont il-punt 26 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

wara li kkunsidraw il-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda¹, u b'mod partikulari l-punt 26 tagħha,

wara li kkunsidraw ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea²,

wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

(1)      L-Unjoni Ewropea ħolqot Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (il-"Fond") biex turi s-solidarjetà tagħha mal-popolazzjoni ta’ reġjuni milquta minn katastrofi.

(2)      Il-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 tippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond sal-ammont annwali massimu ta’ biljun Euro.

(3)      Ir-Regolament (KE) Nru 2012/2002 fih id-dispożizzjonijiet li jippermettu l-mobilizzazzjoni tal-Fond.

(4)      Ċipru ppreżenta talba għall-mobilizzazzjoni tal-Fond, fir-rigward ta' diżastru kkawżat minn nixfa.

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Fil-qafas tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea stabbilit għas-sena finanzjarja 2008, il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi s-somma ta’ EUR 7 605 445 f’approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' ħlas.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Strażburgu,... Diċembru 2008.

Għall-Parlament Ewropew                          Għall-Kunsill

Il-President                                                   Il-President

NOTA SPJEGATTIVA

Il-Kummissjoni tipproponi li timmobilizza l-Fond ta' Solidarjetà Ewropew favur Ċipru fuq il-bażi tal-punt 26 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006. Il-Ftehima Interistituzzjonali tippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond sal-limitu massimu annwali ta’ EUR biljun. Matul l-2008 l-ammont globali ta' EUR 273 191 197 kien immobilizzat favur ir-Renju Unit (EUR 162 387 985), il-Greċja (EUR 89 769 009), is-Slovenja (EUR 8 254 203) u Franza (il-Guadalupe u l-Martinique - EUR 12 780 000) rispettivament.

Il-Kummissjoni ppreżentat baġit ta' emenda (AB Nru 10/2008) sabiex iddaħħal fil-baġit għall-2008 approprjazzjoni ta' impenn u ta' ħlas speċifika kif previst fil-punt 26 tal-Ftehima Interistituzzjonali.

Ċipru applika għall-għajnuna mill-Fond wara n-nixfa li laqtet lill-pajjiż fir-rebbiegħa li għaddiet u li kienet fl-agħar tagħha f'April 2008. Wara l-verifika li din l-applikazzjoni tikkonforma mal-kriterji ta' eliġibilità tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002, il-Kummissjoni qed tipproponi li timmobilizza l-Fond ta' Solidarjetà tal-UE għal ammont totali ta' EUR 7 605 445, li għandu jkun allokat skont l-intestatura 3b tal-Qafas Finanzjarju. L-ammont jikkorrispondi għal tnaqqis fl-approprjazzjonijiet ta' ħlas ta EUR 7 605 445 miljun mill-linja tal-baġit 13 04 02 (Fond ta' koeżjoni - Intestatura 1b).

Ir-Rapporteur jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni pproponiet il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-UE bħala l-unika materja fil-PDAB 11/2008, u jfakkar li fis-17 ta' Lulju 2008, waqt il-konċiljazzjoni bejn iż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja, il-Parlament u l-Kunsill, f'dikjarazzjoni komuni, stqarrew li huma "(...) jilqgħu b'sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni li permezz tiegħu, minn issa 'l quddiem, kull abbozz preliminari ta' baġit ta' emenda meħtieġ mill-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà se jsir biss għal dak il-għan".

Skont il-punt 26 tal-Ftehima Interistituzzjonali, għandha tinżamm laqgħa tat-trialogu qabel ma ż-żewġ fergħat tal-awtorità tal-baġit jagħtu l-kunsens għall-mobilizzazzjoni. Minħabba l-urġenza tal-baġit ta' emenda 11/2008, iż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja qablu dwar proċedura simplifikata.

Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali esprima l-opinjoni pożittiva tiegħu f'ittra mehmuża ma' dan ir-rapport.

L-ammont ta' ħsara u ta' għajnuna proposta mill-Kummissjoni jista' jinġabar kif ġej:

 

 

 

 

(EUR)

 

Ħsarat diretti

Limitu

Ammont ibbażat fuq 2.5%

Ammont ibbażat fuq 6%

Somma totali tal-għajnuna proposta

Ċipru/Nixfa

176 150 000

 84 673 000

2 116 825

5 488 620

7 605 445

It-total

 

 

 

 

7 605 445

Ir-Rapporteur jirrakkomanda l-approvazzjoni tal-proposta għal deċiżjoni mill-Kummissjoni annessa ma' dan ir-rapport.

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI

Is-Sur Reimer Böge

Chairman

Kumitat għall-Baġits

Suġġett: Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-UE (COM(2008) 732 finali)

Għażiż Sur Böge,

Sabiex ikun evitat dewmien bla bżonn fl-approvazzjoni ta' din il-miżura li l-Kumitat għall-Baġits beħsiebu jadotta mill-aktar fis possibbli, għandi l-pjaċir ninfurmak li l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali m'għandux oġġezzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà sabiex tingħata s-somma ta' 7 605 445 Euro lil Ċipru kif ipproponiet il-Kummissjoni Ewropea u skont ir-regoli stipulati fil-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 u fir-Regolament Nru 2012/2002.

Dejjem tiegħek,

Gerardo Galeote

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

2.12.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

15

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Reimer Böge, Costas Botopoulos, Brigitte Douay, Catherine Guy-Quint, Jutta Haug, Ville Itälä, Anne E. Jensen, Janusz Lewandowski, Vladimír Maňka, Margaritis Schinas, László Surján, Kyösti Virrankoski, Ralf Walter

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Marusya Ivanova Lyubcheva, Gianluca Susta