RAPPORT dwar l-Ekonomija Soċjali

26.1.2009 - (2008/2250(INI))

Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
Rapporteur: Patrizia Toia

Proċedura : 2008/2250(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0015/2009
Testi mressqa :
A6-0015/2009
Dibattiti :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-Ekonomija Soċjali

(2008/2250(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 3, 48, 125 sa 130 u 136 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

-   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003 tat-22 ta' Lulju 2003 fuq l-Istatut għal Soċjeta Koperattiva Ewropea[1], u d-Direttiva tal-Kunsill 2003/72/KE tat-22 ta' Lulju 2003 li tissupplimenta l-Istatut fir-rigward tal-involviment tal-impjegati,[2]

-   wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizz fis-suq intern[3],

-   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/618/KE tal-15 ta' Lulju 2008 dwar il-linji gwida għall-politiki tal-impjieg tal-Istati Membri4,

-   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Jannar 2008 dwar proposta għal Rapport Konġunt dwar il-Protezzjoni Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali 2008 (COM(2008)0042), id-dokument Mehmuż mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Proposta għar-Rapport Konġunt (SEC(2008)0091), u mar-Rapport tax-Xogħol Konġunt 2007/2008, kif approvat mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tat-13-14 ta' Marzu 2008,

-   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħui tas-6 ta' Mejju 1994 dwar l-ekonomija alternattiva soċjali[4],

-   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Settembru 1998 dwar l-irwol tal-koperattivi fit-tkabbir tal-impjieg tan-nisa[5],

-   wara li kkunsidra l-Pożizzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali (2010)[6],

-   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2007 dwar il-promozzjoi ta' xogħol deċenti għal kulħadd[7],

-   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ottubru 2008 dwar il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar, li jinkludi l-faqar tat-tfal, fl-UE[8],

-   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Frar 2004 dwar il-promozzjoni ta' soċjetajiet kooperattivi fl-Ewropa (COM(2004)0018),

-   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Ġunju 1997 dwar il-Promozzjoni tal-Irwol tal-Organizzazzjonijiet Volontarji u l-Fondazzjonijiet fl-Ewropa (COM(1997)0241) u tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-2 ta' Lulju 1998 dwar dan[9],

-   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummisjoni tas-7 ta' April 2000 dwar Azzjoni Lokali għall-Impjiegi: Dimensjoni lokali għall-Istrateġija Ewropea tal-Impjiegi (COM(2000)0196),

-   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Novembru 2001 dwar it-Tisħiħ tad-dimensjoni lokali tal-Istrateġija Ewropea tal-Impjiegi (COM(2001)0629) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-4 ta' Lulju 2002 dwar dan[10],

-   wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-ekonomija soċjali, b`mod partikulari dawk tal-Ekonomija Soċjali u s-Suq Wieħed[11], id-diversifikazzjoni ekonomika f`pajjiżi kandidati – l-irwol tal-impriżi żgħar u ta' daqs medju u impriżi tal-ekonomija soċjali[12] u l-Ħila tal-impriżi żgħar u ta' daqs medju u l-impriżi soċjali ekonomiċi biex jadattaw għat-tibdiliet imposti minn tkabbir ekonomiku[13],

-   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' April 2008 dwar l-irwol tal-volontarjat fil-kontribuzzjoni għall-koeżjoni ekonomika u soċjali[14],

-   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar Mudell Soċjali Ewropew għall-ġejjieni[15],

-   wara li kkunsidra l-Kommunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2008 dwar l-aġenda soċjali Mġedda: Opportunitajiet, Aċċess u Solidarjetà fl-Ewropa tas-seklu 21 (COM(2008)0412),

-   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2008 "Impenn imġedded għall-Ewropa soċjali: Insaħħu l-Metodu Miftuħ tal-Koordinazzjoni għall-Ħarsien Soċjali u għall-Inklużjoni Soċjali" (COM (2008)0418) u l-ewwel rapport biannwali dwar is-Servizzi Soċjali ta' Interess Ġenerali (SEC (2008) 2179/2),

-   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

-   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat dwar l-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Ekonomici u Monetarji (A6-0015/2009),

A. billi l-mudell soċjali Ewropew huwa strutturat prinċipalment fuq livell għoli ta' servizzi, beni u impjiegi ġġenerati mill-ekonomija soċjali u bl-appoġġ tal-kapaċitajiet tat-tbassir u l-innovazzjoni żviluppati mill-promoturi tiegħu,

B.   billi l-ekonomija soċjali hija bbażata fuq mudell soċjali li huwa konformi mal-prinċipji fundamentali tal-mudell Ewropew soċjali u tal-benessri, u billi llum l-ekonomija soċjali għandha rwol ewlieni fil-preservazzjoni u fit-tisħiħ ta' dan il-mudell permezz tal-aġġustament tal-produzzjoni u l-provvista ta' ħafna servizzi soċjali ta' interess ġenerali,

C. billi l-mudelli soċjali ekonomiċi konsegwentament għandhom jiġu mtejba biex jintlaħqu l-għanijiet tat-tkabbir ekonomiku, l-impjegabilità, it-taħriġ u s-servizzi personali, li jinstabu fil-politiki Ewropej kollha,

D. billi l-ġid u l-istabilità ta’ soċjetà jiġu mid-diversità tagħha, u billi l-ekonomija soċjali tikkontribwixxi b'mod attiv għaliha billi ttejjeb u ssaħħaħ il-mudell soċjali Ewropew u billi tipprovdi mudell distintiv ta' negożju, li jagħti l-possibilità lill-ekonomija soċjali biex tikkontribwixxi għal tkabbir stabbli u sostenibbli,

E.   billi l-valuri tal-ekonomija soċjali huma konsistenti ħafna mal-għanijiet komuni tal-UE dwar l-inklużjoni soċjali u billi l-impjieg deċenti, it-taħriġ u l-integrazzjoni mill-ġdid għandhom ikunu marbuta ma' dawn; billi l-ekonomija soċjali wriet li tista' ttejjeb ħafna l-istejtus soċjali tan-nies żvantaġġati (kif intwera, pereżempju, mill-koperattivi tal-mikrokrediti mfassla mir-rebbiegħ tal-Premju Nobel, il-Professur Mohammed Yunus, li, permezz tal-iffaċilitar tal-inklużjoni soċjali, żied l-influwenza tan-nisa) u li għandha kapaċità sostanzjali għall-innovazzjoni soċjali, li tinkoraġġixxi dawk li qed jaffaċċjaw diffikultajiet biex isibu soluzzjonijiet għall-problemi soċjali tagħhom stess, pereżempju fir-rigward tar-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali u privata tagħhom, l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-kwalità tal-ħajja tal-familja, u il-kapaċità tagħhom li jieħdu ħsieb it-tfal, l-anzjani u l-persuni b'diżabilità,

F. billi l-ekonomija soċjali tirrappreżenta 10% tat-total tan-negozji Ewropej, b'żewġ miljun intrapriża jew 6% tal-impjieg totali, u għandha potenzjal għoli biex tiġġenera u żżomm impjieg stabbli, b'mod partikulari minħabba n-natura ta' nuqqas ta' lokalizzazzjoni tal-attivitajiet tagħha,

G.  billi l-impriżi tal-ekonomija soċjali normalment huma impriżi żgħar u ta' daqs medju li jikkontribwixxu għall-mudell ekonomiku sostenibbli fejn l-individwi huma aktar importanti mill-kapital, u billi dawn l-impriżi ta' spiss huma attivi fis-suq intern u għaldaqstant għandhom bżonn jassiguraw li l-attivitajiet tagħhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi,

H.  billi l-ekonomija soċjali żviluppat minn formazzjonijiet organizzattivi u/jew ġuridiċi ta’ imprenditorjat partikulari bħall-koperattivi, is-soċjetajiet reċiproċi, l-assoċjazzjonijiet, l-impriżi soċjali u l-organizzazzjonijiet, il-fondazzjonijiet u entitajiet oħra f'kull Stat Membru; billi din tkopri sensiela ta’ termini użati f'diversi Stati Membri differenti bħal “ekonomija ta’ solidarjetà” u “it-tielet settur” u, għalkemm dawn mhumiex deskritti bħala li jiffurmaw parti mill-ekonomija soċjali fl-Istati Membri kollha, hemm attivitajiet kumparabbli li jaqsmu l-istess karatteristiċi u li jeżistu madwar l-Ewropa kollha,

I.   billi hemm bżonn li jiġi rikonoxxut l-istatut ta’ xi tipi ta' organizzazzjoni li jifformaw parti mill-ekonomija soċjali fil-livell tal-UE, filwaqt li jiġu kkunsidrati r-regoli tas-suq intern, sabiex jitnaqqas ix-xkiel burokratiku fil-ksib ta’ fondi Komunitarji,

J.    billi l-ekonomija soċjali tagħti prominenza lill-mudell ta’ negozju li ma jistax jiġi kkaratterizzat la mill-kobor u lanqas miz-zoni ta’ attivitajiet, imma mir-rispett għall-valuri komuni, fosthom, is-supremazija tad-demokrazija, il-parteċipazzjoni tal-partijiet soċjali involuti, l-individwu, u l-għanijiet soċjali, fuq il-profitt; id-difiza u t-twettiq ta’ prinċipji ta’ solidarjetà u ta’ responsabilità; l-għaqda tal-interessi tal-membri utenti tagħha flimkien mal-interess ġenerali; il-kontroll demokratiku mill-membri tagħha; l-adeżjoni volontarja u miftuħa; l-awtonomija tal-immaniġġjar u l-indipendenza fir-rigward ta' awtoritajiet pubbliċi; u l-mobilizzazzjoni tal-massa tal-eċċess b'segwitu tal-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli u għas-servizz għall-membri tagħha skont l-interess ġenerali,

K.   billi, minkejja ż-żieda fl-importanza tal-ekonomija soċjali u tal-organizzazzjonijiet li jiffurmaw parti minnha, din għadha ftit li xejn magħrufa u dan huwa ta' spiss il-mira tal-kritika li hija r-riżultat ta' approċċi tekniċi żbaljati; u billi n-nuqqas ta' viżibilità istituzzjonali hija waħda mill-aktar ostakli importanti li l-ekonomija soċjali taffaċċja fl-UE u f'xi Stati Membri, li minn parti hija dovuta għall-karatteristiċi partikolari tas-sistemi nazzjonali tal-kontabilità,

L.  billi l-intergrupp dwar l-ekonomija soċjali tal-Parlament wettaq xogħol dettaljat,

Rimarki ġenerali

1.   Jinnota li l-ekonomija soċjali għandha rwol essenzjali fl-ekonomija Ewropea, billi tgħaqqad il-profitt mas-solidarjetà, toħloq impjiegi ta' kwalità għolja, issaħħaħ il-koeżjoni soċjali, ekonomika u reġjonali, tiġġenera kapital soċjali, tippromwovi ċittadinanza attiva, solidarjetà u tip ta' ekonomija b'valuri demokratiċi li tqiegħed lill-persuni fl-ewwel post, kif ukoll tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli u l-innovazzjoni soċjali, ambjentali u teknoloġika;

2.   Jikkunsidra l-ekonomija soċjali bħala importanti kemm simbolikament kif ukoll f'termini ta' prestazzjoni, bl-għan li tissaħħaħ id-demokrazija industrijali u ekonomika;

3.   Jagħraf li l-ekonomija soċjali tista' tmur għall-aħjar u tiżviluppa l-potenzjal kollu tagħha biss jekk tibbenefika minn kundizzjonijiet politiċi, leġiżlattivi u operazzjonali adegwati u prerekwiżiti, li jqisu kif xieraq il-ġid tad-diversità fost l-istituzzjonijiet tal-ekonomija soċjali u l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom,

4.  Jikkunsidra li impriżi tal-ekonomija soċjali ma għandhomx ikunu soġġetti għall-istess applikazzjoni tar--regoli tal-kompetizzjoni bħal impriżi oħra u li jeħtieġu qafas legali sikur ibbażat fuq l-għarfien tal-valuri speċifiċi tagħhom, sabiex ikunu jistgħu joperaw fuq l-istess livell ta’ impriżi oħra bħal dawn;

5.  Jenfasizza l-fatt li sistema ekonomika li fiha l-impriżi tal-ekonomija soċjali għandhom rwol aktar sinifikanti tnaqqas l-espożizzjoni għall-ispekulazzjoni fis-swieq finanzjarji li fihom xi kumpaniji privati mhumiex soġġetti għas-superviżjoni tal-azzjonisti u tal-korpi regolatorji;

Ir-rikonoxximent tal-kunċett tal-ekonomija soċjali

6.  Jinnota li d-diversità fil-forom intraprenditorjali ġiet rikonoxxuta fit-Trattat KE u bl-adozzjoni tal-Istatut għal soċjetà koperattiva Ewropea;

7.  Jinnota li l-Kummissjoni rrikonoxxiet diversi drabi l-kunċett tal-ekonomija soċjali;

8.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tippromwovi l-ekonomija soċjali fil-politiki l-ġodda tagħha u biex tiddefendi l-kunċett ta' "approċċ differenti għall-intraprenditorjat" tal-ekonomija soċjali li mhijiex immexxija b'mod partikulari mill-profitt iżda mill-benefiċċju soċjali, biex jiġi żgurat li l-karatteristiċi partikulari tal-ekonomija soċjali jiġu kkunsidrati kif suppost fl-iżvilupp ta' leġislazzjoni;

9.  Huwa tal-opinjoni li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu l-ekonomija soċjali u l-partijiet involuti tagħha - il-koperattivi, is-soċjetajiet reċiproċi, l-assoċjazzjonijiet u l-fondazzjonijiet – fil-leġiżlazzjoni u l-politiki; jissuġġerixxi li dawn il-miżuri jinkludu aċċess faċli għall-kreditu u l-eżenzjoni tat-taxxa, l-iżvilupp ta' mikrokrediti, it-twaqqif ta' statuti Ewropej għall-assoċjazzjonijiet, il-fundazzjonijiet u s-soċjetajiet reċiproċi, kif ukoll fondi u inċentivi tal-UE mfasslin apposta biex jigu appoġġjati aħjar l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali li joperaw fis-setturi kummerċjali u f'dawk mhux kummerċjali, li huma maħluqa għall-iskop ta' utilità soċjali;

Ir-rikonoxximent legali: l-istatuti Ewropej għall-assoċjazzjonijiet, il-fondazzjonijiet u s-soċjetajiet reċiproċi

10. Jinnota li hemm il-bżonn tar-rikonoxximent tal-istatuti Ewropej għall-assoċjazzjonijiet, soċjetajiet reċiproċi u fondazzjonijiet biex jiġi żgurat li l-impriżi tal-ekonomija soċjali jibbenefikaw minn trattament ugwali fil-liġi tas-suq intern; iqis li l-irtirar tal-proposta tal-Kummissjoni għall-Istatut Ewropew għas-Soċjetajiet Reċiproċi[16] u l-Istatut Ewropew għall-Assoċjazzjonijiet[17] huwa impediment sinifikanti għall-iżvilupp ta' dawn il-forom ta' ekonomija soċjali fl-UE; iħeġġeġ għaldaqstant lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-programm ta' ħidma tagħha kif xieraq;

11. Jistieden lill-Kummissjoni biex issegwi r-rapport ta' vijabilità dwar l-Istatut tal-fondazzjoni Ewropea u li se jiġi ppubblikat sat-tmiem tas-sena 2008 u biex tniedi studju ta’ impatt tal-Istatuti għall-assocjazzjoni Ewropea u għal socjetà Ewropea reċiproka;

12. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw qafas legali li jirrikonoxxi l-ekonomija soċjali bħala t-tielet settur;

13. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-Kumpanija Privata Ewropea tkun tip ta' kumpanija li tista' tiġi adottata minn kull tip ta' negozju;

14. Jistieden lill-Kummissjoni biex tistipula regoli ċari li jistabbilixxu liema entitajiet jistgħu joperaw b'mod legali bħala impriżi ta’ ekonomija soċjali u li jintroduċu limiti legali effikaċi għad-dħul biex ebda organizzazzjoni li mhijiex tal-ekonomija soċjali ma tkun tista’ tibbenefika minn finanzjament maħsub biex jinkoraġġixxi impriżi tal-ekonomija soċjali

Ir-rikonoxximent statistiku

15. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw il-ħolqien ta' reġistri nazzjonali tal-istatistika għall-impriżi tal-ekonomija soċjali, biex iniedu rendikont nazzjonali bis-satellita għal kull settur istituzzjonali u kull fergħa ta’ attività u biex jippermettu l-introduzzjoni ta’ din id-dejta fl-Eurostat, anke permezz tal-użu tal-kompetenzi disponibbli fl-universitajiet;

16. Jinnota li l-kejl tal-ekonomija soċjali huwa kumplimentari għall-kejl tal-istituzzjonijiet li ma jagħmlux qligħ; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu l-użu tal-ktieb tal-Istruzzjonijiet Mingħajr Qligħ tan-Nazzjonijiet Uniti u biex jippreparaw rendikonti bis-satellita li jtejbu l-viżibilità tal-Istituzzjonijiet Mingħajr Qligħ u tal-organizzonazzjonijet tal-ekonomija soċjali;

Ir-rikonoxximent bħala msieħeb soċjali

17. Jappoġġja l-fatt li l-komponenti tal-ekonomija soċjali għandhom jiġu rikonoxxuti fis-settur tad-djalogu soċjali Ewropew u inter-settorali u jissuġġerixxi li l-proċess għall-inklużjoni tal-protagonisti tal-ekonomija soċjali fil-konsultazzjonijiet soċjali u d-djalogu ċivili għandhom ikunu mħeġġa bil-qawwa kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-Istati Membri;

L-ekonomija soċjali bħala operatur ewlieni għat-twettiq tal-għanijiet ta’ Liżbona

18. Jinnota li l-impriżi u l-organizzazzjonijiet ekonomiċi soċjali jgħinu biex isaħħu l-ispirtu intraprenditorjali, jiffaċilitaw aktar it-tħaddim demokratiku tan-negozju dinji, jinkorporaw ir-responsabilità soċjali u jippromwovu l-integrazzjoni attiva soċjali ta' kategoriji vulnerabbli;

19. Jenfasizza li dawk li jħaddmu fl-ekonomija soċjali huma protagonisti sinifikanti tal-inklużjoni mill-ġdid, u jistieden l-isforzi tagħhom biex joħolqu u jżommu mpjiegi ta' kwalità għolja, tajbin u stabbli u biex jinvestu fil-ħaddiema; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw u jsaħħu l-ekonomija soċjali fl-irwol tagħha bħala impjegatur tajjeb u biex jirrispettaw l-istejtus speċjali tagħha;

20. Jenfasizza li l-ekonomija soċjali tgħin biex tirretifika tliet żbilanċji tas-suq tax-xogħol ewlenin: il-qgħad, in-nuqqas ta' stabilità tax-xogħol u l-esklużjoni soċjali u mix-xogħol ta' dawk mingħajr impjieg; barra minn hekk jinnota li l-ekonomija soċjali għandha rwol fit-titjib tal-opportunitajiet tax-xogħol u fil-ħolqien ta' impjiegi li normalment mhumiex deċentralizzati li jikkontribwixxu sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Istrateġija ta' Liżbona;

21. Jikkunsidra li l-appoġġ tal-Istati għall-impriżi tal-ekonomija soċjali għandu jiġi interpretat bħala investiment ġenwin fil-ħolqien ta’ netwerks ta’ solidarjetà li jistgħu jsaħħu l-irwol tal-komunitajiet u tal-awtoritajiet lokali fl-iżvilupp ta’ politiki soċjali;

22. Iqis li l-problemi soċjali jitolbu li ssir riflessjoni, iżda li fiċ-ċirkustanzi attwali l-aktar li hemm bżonn tagħha hija l-azzjoni; iqis li l-biċċa l-kbira tal-problemi soċjali għandhom jiġu ttrattati b’soluzzjonijiet lokali, biex jingħelbu sitwazzjonijiet u problemi prattiċi; iqis li, sabiex tkun effettiva, tali azzjoni teħtieġ regoli stretti ta’ koordinazzjoni, li jkun ifisser livell għoli ta’ koperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-impriżi tal-ekonomija soċjali;

23. Jinnota li, minħabba li huma marbuta mill-qrib mal-livell lokali, l-impriżi ekonomiċi soċjali jippermettu l-ħolqien ta' rabtiet bejn iċ-ċittadini u l-entitajiet rappreżentattivi reġjonali, nazzjonali u Ewropej, u jistgħu jikkontribwixxu għall-governanza Ewropea li tkun effikaċi għall-koeżjoni soċjali; jistma b'mod favorevoli ħafna l-isforzi tal-impriżi u tal-organizzazzjonijiet ekonomiċi soċjali biex jiffurmaw rwieħhom fi gruppi fi ħdan pjattaformi ta’ koordinazzjoni fuq livell tal-Unjoni Ewropea;

24. Jinnota li l-ekonomija soċjali għandha rwol ewlieni biex jintlaħqu l-għanijiet ta' Liżbona rigward it-tkabbir sostenibbli u l-impjieg totali, minħabba li din tibbilanċja l-ħafna żbilanċji fis-suq tax-xogħol, b'mod partikulari billi tappoġġja l-impjieg tan-nisa, u twaqqaf u tipprovdi servizzi ta' kura fil-komunità (bħalma huma s-servizzi soċjali, tas-saħħa u l-benessri), flimkien mal-ħolqien u ż-żamma tal-binja ekonomika tas-soċjetà, u għaldaqstant tgħin fil-promozzjoni tal-iżvilupp lokali u tal-koeżjoni soċjali;

25. Huwa tal-opinjoni li l-Unjoni Ewropea għandha tieħu azzjoni biex tistabbilixxi qafas għall-aġenda ekonomika soċjali ladarba din issaħħaħ il-kompetittività u l-kapaċità tal-innovazzjoni lokali u tal-UE, minħabba l-abilità tal-ekonomija soċjali li toħloq stabbiltà fil-kuntest ta' ekonomiji eminenti ċikliċi, permezz tad-distribuzzjoni u l-investiment mill-ġdid tal-profitti lokalment, fejn ikun xieraq, billi tiġi promossa kultura intraprenditorjali li torbot l-attivitajiet ekonomiċi mal-bżonnijiet lokali, issostni l-attivitajiet li jinsabu f'riskju (eż. is-snajja') u tiġġenera l-kapital soċjali;

26. Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti u lill-operaturi fis-settur biex jevalwaw u jsaħħu l-irwol tan-nisa fl-ekonomija soċjali, kemm f'termini kwantitattivi, minħabba r-rati għolja ta' impjieg tan-nisa fl-oqsma kollha tas-settur, li jinkludi l-assoċjazzjonijiet u x-xogħol volontarju, u fir-rigward tal-aspetti tal-kwalità u l-organizzazzjoni tax-xogħol u l-provvista tas-servizzi; jinsab imħasseb dwar il-problema persistenti tal-integrazzjoni vertikali, anke fl-ekonomija soċjali, li tillimita l-partiċepazzjoni tan-nisa fil-proċessi ta' teħid tad-deċiżjonijiet;

27. Jistieden lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u l-operaturi fis-settur biex jinkoraġixxu u jappoġġjaw is-sinerġiji potenzjali li jistgħu jiġu ġġenerati fis-settur tas-servizzi mill-partijiet involuti u l-utenti tal-ekonomija soċjali billi jiġi mwessa' l-iskop tal-parteċipazzjoni, il-konsultazzjoni u r-responsabilità reċiproka;

28. Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra r-realtajiet tal-ekonomija soċjali meta tiġi eżaminata l-politika dwar l-għajnuna Statali, minħabba li negozji u organizzazzjonijiet żgħar li joperaw fil-livell lokali jiltaqgħu ma' diffikultajiet konsiderevoli fl-assessjar tal-fondi, b'mod partikulari matul il-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali; jitlob ukoll lill-Kummissjoni biex ma timpedixxix il-liġi nazzjonali tal-kumpaniji u d-dispożizzjonijiet fiskali bħal dawk applikati għall-koperattivi fis-settur bankarju u fis-settur tad-distribuzzjoni li joperaw fuq il-bażi ta' prinċipji reċiproċi, id-demokrazija tal-kumpaniji, it-trażmissjoni tal-assi ta' bejn il-ġenerazzjnonijiet, l-indiviżibilità tar-riżervi, is-solidarjetà, l-etika tax-xogħol u l-etika tan-negozju;

29. Jenfasizza l-fatt li xi wħud mill-impriżi tal-ekonomija soċjali huma mikro-impriżi u negozji żgħar li jista' ma jkollhomx il-mezzi meħtieġa biex jiffunzjonaw fis-suq intern u biex jieħdu sehem fi programmi nazzjonali u Ewropej u jipproponi li l-appoġġ u l-għodod fil-mira jiġu introdotti biex ikunu jistgħu jikkontribwixxu aħjar għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll biex tiffaċilita, f'każ ta' kriżi tan-negozju, il-possibilità li jkun hemm trasformazzjoni ta’ negozji f’impriżi fejn il-ħaddiema huma s-sidien;

30. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw programmi diretti lejn impriżi soċjali potenzjali u eżistenti li joffru appoġġ finanzjarju, tagħrif, parir u taħriġ u biex iħaffu l-proċess tat-twaqqif (li jinkludu t-tnaqqis tal-ħtiġijiet kapitali inizjali għall-kumpaniji), sabiex jgħinuhom ilaħħqu ma' ekonomija li hija dejjem aktar globali u li attwalment hija affetwata mill-kriżi finanzjarja;

31. Jenfasizza li l-impriżi tal-ekonomija soċjali jiltaqgħu ma' aktar diffikultajiet milli jiltaqgħu magħhom impriżi kbar, pereżempju biex ilaħħqu mal-piżijiet regolatorji, biex jiksbu l-finanzjament u l-aċċess għal teknoloġija u informazzjoni ġdida;

32. Jirreferi għall-importanza ta' ekonomija soċjali fir-rigward ta' servizzi ta' interess ġenerali; jirreferi għall-valur miżjud ipprovdut minn netwerks integrati pubbliċi-privati, kif ukoll għar-riskju tal-isfruttament, pereżempju f'forma ta' kuntratti minn barra biex jgħinu l-awtoritajiet pubbliċi jnaqqsu l-ispejjeż tagħhom, mhux l-anqas billi jagħmlu użu mill-kontibuzzjonijiet f’forma ta’ xogħol volontarju;

33. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli bil-ħidma tagħha ta' djalogu u kjarifika mal-partijiet ikkonċernati u biex jappoġġja l-Istati Membri fir-rigward tas-servizzi ta' interess ġenerali u s-servizzi soċjali ta' interess ġenerali u biex tagħmel użu mill-metodu ta' ġabra ta' indikaturi;

Ir-riżorsi meħtieġa biex jiġu milħuqa l-għanijiet

34. Jistieden lill-Kummissjoni biex tassigura li l-karatteristiċi tal-ekonomija soċjali (l-għanijiet, il-valuri u l-metodi ta' ħidma) jiġu kkunsidrati meta jitfasslu politiki Ewropej u, b'mod partikulari, biex tiġi nkluża l-ekonomija soċjali fil-politiki u l-istrateġiji tagħha fl-isfera soċjali, ekonomika, u l-iżvilupp tan-negozju, b'mod partikulari fir-rigward ta' "L-Att għall-impriżi ż-żgħar"; jitlob li, meta l-ekonomija soċjali tiġi affettwata, isiru l-evalwazzjonijiet tal-impatt u jiġu rispettati l-interessi tal-ekonomija soċjali u jingħataw prijorità; iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni biex tħares għal darba'oħra lejn il-possibilità li titwaqqaf interservizz għall-ekonomija soċjali li jgħaqqad id-direttorati ġenerali rilevanti;

35. Jistieden lill-Kummissjoni biex tassigura li l-Osservatorju tal-Impriżi żgħar u medji Ewropej jinkludu b'mod sistematiku impriżi tal-ekonomija soċjali fl-istħarriġ tagħha u biex tagħmel ir-rakkomandazzjonijiet għall-miżuri biex jassistu l-funzjonament u l-iżvilupp tagħhom; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tieħu l-miżuri neċessarji biex tippermetti l-għaqda flimkien tal-impriżi tal-ekonomija soċjali u biex tippromwovi l-appoġġ tan-netwerks tan-negozji elettroniċi Ewropej;

36. Jistieden lill-Istati Membri biex jappoġġjaw organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali żgħar u ta' daqs medju li jixtiequ jnaqqsu d-dipendenza fuq l-allokazzjonijiet u jkabbru s-sostenibilità;

37. Jistieden lill-Kummissjoni biex tistieden lill-partiċipanti fl-ekonomija soċjali ħalli jingħaqdu fi djalogu ma' entitajiet permanenti u biex jipparteċipaw u jaħdmu flimkien ma' gruppi ta' esperti ta' livell għoli li għandhom possibilità li jkollhom x'jaqsmu ma' kwistjonijiet relatati mal-ekonomija soċjali; jistieden lill-Kummissjoni biex tipparteċipa fit-tisħiħ ta' strutturi għar-rappreżentazzjoni tal-ekonomija soċjali fil-livell reġjonali, nazzjonali u Komunitarju u biex toħloq qafas legali maħsub biex jippromwovi sħubija attiva bejn l-awtoritajiet lokali u l-impriżi tal-ekonomija soċjali;

38. Jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi djalogu bejn l-aġenziji pubbliċi u rappreżentattivi tal-ekonomija soċjali fil-livell nazzjonali u Komunitarju u għaldaqstant tinkoraġġixxi ftehim reċiproku u tippromwovi prattiki tajba;

39. Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-grupp ta' riflessjoni tal-Unjoni Ewropea dwar it-twaqqif ta' banek koperattivi mill-assoċjazzjoni tas-settur jew tas-servizzi oħra finanzjarji li jistgħu jkunu ta' interess għall-organizzazzjonijiet soċjali ekonomiċi li jkunu jistgħu jistudjaw kif dawn l-entitajiet speċifiċi tal-ekonomija soċjali ħadmu sa issa fl-UE - b'mod partikulari matul il-kriżi finanzjarja u tal-kreditu globali attwali - u kif dawn iwarrbu riskji futuri ta' dan it-tip;

40. Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina l-attivazzjoni mill-ġdid tal-baġit li qed jimmira b'mod speċifiku għall-ekonomija soċjali;

41. Jitlob għat-twaqqif ta' programmi li jinkoraġixxu l-proċess ta' esperimenti tal-mudelli ġodda ekonomiċi u soċjali, biex jibdew qafas ta' programmi ta' riċerka, billi jinkludu suġġetti tal-ekonomija soċjali fis-sejħiet għall-proposti għas-Seba' Programm ta' Qafas, biex jiġi previst l-użu ta’ 'effett multiplu' applikat fuq l-istatistiċi uffiċjali u biex jiġu introdotti għodod għall-kejl ta' tkabbir ekonomiku mil-lat kwalitattiv u kwantitattiv;

42. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkludu dimensjoni tal-ekonomija soċjali fit-twaqqif ta' politiki Komunitarji u nazzjonali u fil-programmi tal-UE għall-impriżi fl-oqsma tar-riċerka, l-innovazzjoni, il-finanzi, l-iżvilupp reġjonali u l-iżvilupp tal-koperazzjoni, u biex jappoġġjaw it-twaqqif ta' programmi ta' taħriġ tal-ekonomija soċjali għall-amministraturi tal-UE, nazzjonali u lokali u biex jiżguraw l-aċċess tal-impriżi tal-ekonomija soċjali għall-programmi u azzjonijiet għall-iżvilupp ta' relazzjonijiet esterni;

43. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu proviżjoni għall-proġetti ta' taħriġ li jinvolvu l-edukazzjoni ogħla, l-università u t-taħriġ vokazzjonali maħsuba biex joħolqu kuxjenza dwar l-ekonomija soċjali u l-inizjattivi tan-negozju bbażati fuq il-valuri tagħha;

44. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw l-iżvilupp tal-ħiliet u l-professjonaliżmu fis-settur, sabiex jitkabbar l-irwol tal-ekonomija soċjali fl-integrazzjoni tas-suq tax-xogħol;

45. Jistieden lill-Kummissjoni biex toħloq qafas legali Ewropew li jippermetti t-twaqqif u ż-żamma ta' sħubija territorjali bejn is-settur tal-ekonomija soċjali u l-awtoritajiet lokali, u biex tistipula kriterji bl-għanijiet tar-rikonoxximent u t-titjib tal-ekonomija soċjali, it-trawwim ta’ żvilupp lokali sostenibbli, u l-promozzjoni tal-interess ġenerali;

46. Jistieden lill-Kummissjoni biex timmira għall-kondizzjonijiet li jiffaċilitaw l-investimenti fl-ekonomija soċjali, b'mod partikulari permezz tal-fondi ta' investiment, l-għotja ta' self garantit u fil-forma ta' sussidji;

47. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel evalwazzjoni mill-ġdid:

- dwar il-Komunikazzjonijiet tagħha dwar il-koperattivi u s-soċjetà koperattiva Ewropea, hekk kif previst f'dawn id-dokumenti;

- dwar il-Kommunikazzjoni tagħha dwar il-promozzjoni tal-irwol tal-assoċjazzjonijiet u l-fondazzjonijiet fl-Ewropa;

o

o        o

48. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kumitat Ekonomiku Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali.

  • [1]       ĠU L 207, 18.8.2003, p. 1
  • [2]       ĠU L 207, 18.8.2003, p. 25
  • [3]       ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36
  • [4]       ĠU L 205, 25.7.1994, p. 481
  • [5]       ĠU C 313, 12.10.1998, p. 234.
  • [6]       Testi Adottati, P6_TA (2008)0286.
  • [7]     ĠU C 102 Ε, 24.4.2008, p. 321.
  • [8]     Testi Adottati, P6_TA (2008)0467.
  • [9]     ĠU C 226, 20.7.1998, p. 66.
  • [10]    ĠU C 271E, 12.11.2003, p. 593.
  • [11]    ĠU C 117, 26.4.2000, p. 52.
  • [12]    ĠU C 112, 30.4.2004, p. 105.
  • [13]    ĠU C 120, 20.5.2005, p. 10.
  • [14]             Testi Adottati, P6_TA(2008)0131.
  • [15]  ĠU C 305E, 14.12.2006, p. 141.
  • [16]  ĠU C 99, 21.4.1992, p. 40.
  • [17]  ĠU C 99, 21.4.1992, p. 1.

NOTA SPJEGATTIVA

Introduzzjoni

L-ekonomija soċjali għandha rwol kemm ekonomiku kif ukoll soċjali. L-impriżi tal-ekonomija soċjali huma kkaraterizzati b'forma ta' impriża li hija differenti mill-mudell tal-impriża kapitali. Dawn huma negozji privati, indipendenti mill-awtoritajiet pubbliċi, li jagħtu tweġibiet għall-ħtiġijiet u t-talbiet tal-membri tagħhom. Il-ħila tal-ekonomija soċjali li tagħti tweġibiet ġodda għall-ħtiġijiet soċjali li dehru matul il-medda tal-istorja tatha importanza dejjem akbar.

L-ekonomija soċjali hi magħmula mill-koperattivi, minn soċjetajiet reċiproċi, assoċjazzjonijiet u fondazzjonijiet kif ukoll minn impriżi u organizzazzjonijiet li jħaddnu l-istess karatteristiċi bażiċi tal-ekonomija soċjali. In-nuqqas ta’ viżibilità fl-ekonomija soċjali ġejja mill-fatt li l-ispeċifikazzjonijiet ta’ din it-tip ta’ impriża mhumiex dejjem ikkunsidrati.

Definizzjoni tal-ekonomija soċjali

L-impriżi tal-ekonomija soċjali jistgħu jiġu ddefiniti mill-karatteristiċi u l-valuri li jħaddnu:

- is-supremazija tal-individwu u tal-objettivi soċjali fuq il-kapital;

- id-difiża u t-twettiq ta’ prinċipji ta’ solidarjetà u ta’ responsabilità;

- lil-qbil bejn l-interessi tal-membri utenti u l-interess ġenerali; 

- il-kontroll demokratiku mill-membri tagħha;

- l-adeżjoni volontarja u miftuħa;

- l-awtonomija ta’ l-immaniġġjar u l-indipendenza meta mqabbla ma’ poteri pubbliċi;

- il-mobilizzazzjoni tal-massa tal-eċċess b'segwitu tal-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli, l-interessi għas-servizz għall-membri tagħha u għall-interess ġenerali.

Madankollu, l-ekonomija soċjali ftit li xejn hija rappreżentata fil-livell istituzzjonali u ftit li xejn hija rrikonoxxuta jew appoġġjata fil-livell Ewropew. L-ekonomija soċjali tkopri firxa ta' termini użati f'diversi Stati Membri bħall-“ekonomija ta’ solidarjetà”, “it-tielet settur”, “il-pjattaforma” jew anke “t-tielet sistema” u attivitajiet madwar l-Ewropa li jaqsmu l-istess karatteristiċi jistgħu jiġu msemmija attivitajiet tal-ekonomija soċjali.

Ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport

1. Approċċ Ewropew għall-ekonomija soċjali: ir-rikonoxximent tal-kunċett

Id-diversità m'għandiex, madankollu, tfixkel il-binja ta' approċċ tassew Ewropew tal-ekonomija soċjali. Din tal-aħħar teħtieġ id-definizzjoni tal-irwol li jista’ jkollha fil-kuntest istituzzjonali fl-UE

L-ekonomija soċjali tgħin biex tissodisfa l-erba' għanijiet prinċipali tal-politika tal-impjieg tal-UE: it-titjib fl-'opportunitajiet għax-xogħol' tal-popolazzjoni attiva; il-promozzjoni tal-ispirtu intraprenditorjali, b'mod partikulari permezz tal-ħolqien ta' impjiegi fil-livell lokali; it-titjib tal-kapaċità ta' adattament tal-impriżi u tal-ħaddiema tagħhom, b'mod partikulari permezz tal-immodernizzar tal-organizzazzoni tax-xogħol; it-tisħiħ tal-politiki għall-opportunitajiet indaqs, b'mod partikulari billi jiġu żviluppati politiki pubbliċi li jippermettu konċiljazzjoni bejn il-ħajja tal-familja u x-xogħol. L-impriżi tal-ekonomija soċjali jistgħu jipprovdu qligħ kapitali bażiku għall-impriża permezz tal-partiċipazzjoni fit-tkabbir ekonomiku tas-soċjetà Ewropea, it-titjib tal-funzjonament demokratiku tad-dinja tan-negozju permezz tal-parteċipazzjoni tal-utenti/membri u l-ħaddiema u l-implimentazzjoni tal-kunċetti tar-responsabilità soċjali korporattiva u ta’ servizzi li għandhom l-għeruq tagħhom lokalment.

Din il-kontribuzzjoni mill-ekonomija soċjali għall-politika tal-impjieg mhijiex limitata għall-ħolqien ta' xogħol. L-impjiegi li toħloq jipprovdu lill-ħaddiema bis-sigurtà soċjali, id-dritt għat-taħriġ, l-iżvilupp tal-karriera u l-opportunitajiet fl-attivitajiet adattati.

Fl-aħħarnett, huwa importanti li l-ekonomija soċjali tiġi rrelatata mal-għanijiet tal-koeżjoni soċjali u ċ-ċittadinanza attiva, li tikkunsidra l-għeruq lokali u l-irwol tagħha fl-inkuraġġiment għall-parteċipazzjoni attiva. Dawn it-tipi ta' attivitajiet għandhom it-tendenza li jattivaw in-netwerks soċjali li huma kollha ħafna aktar importanti fid-dinja fejn l-iżolazzjoni u l-esklużjoni qed jiżdiedu.

2. L-istejtus legali ċar: Ir-rikonoxximent legali:

Din it-tifsira kunċettwali tal-ekonomija soċjali għandha tiġi appoġġjata minn rikonoxximent legali tal-komponenti tagħha. It-tieni rakomandazzjoni tar-rapport tikkonċerna t-twaqqif tal-istatuti Ewropej għall-assoċjazzjonijiet, fondazzjonijiet u soċjetajiet reċiproċi.

Filwaqt li impriżi tal-ekonomija soċjali ta' spiss jiġu kkunsidrati bħala ugwali għall-impriżi kapitali, huma fi żvantaġġ minħabba n-nuqqas ta' għodod legali li jaġixxu fuq livell pan-Ewropew u konsegwentament għandhom jaffaċjaw kompetizzjoni inġusta. L-istatuti Ewropej għandhom mnejn jiffaċċjaw dan in-nuqqas ta’ viżibilità ta’ dawn il-forom ta’ impriżi mat-twettiq ta’ testi ġuridici Ewropej u internazzjonali.

3. Ir-rikonoxximent statistiku

It-tielet rakkomandazzjoni tar-Rapport hija li tamplifika l-isforzi statistiċi li jikkonċernaw l-ekonomija soċjali u max-xogħol li din tiġġenera, u li tippromwovi fehim aħjar tad-diversità tal-esperjenzi nazzjonali f`dak li għandu x'jaqsam mal-ekonomija soċjali. Dawn it-tipi ta' sforzi jistgħu jiġu appoġġjati permezz tal-ħolqien ta' reġistru tal-istatistika tal-kumpaniji tal-ekonomija soċjali f'kull Stat Membru tal-UE, it-twaqqif ta' kontijiet satellita għall-impriżi tal-ekonomija soċjali permezz tas-settur istituzzjonali u l-fergħa tal-attività f'kull Stat Membru u jippermettu li din id-dejta tiġi mdaħħla fis-sistema tal-Eurostat tal-istatistiċi Ewropej. Il-metodu ta' 'ġabra ta' indikaturi' li ġie żviluppat jikkonsisti fil-ġbir ta’ lista indikattiva ta’ kriterji fejn wieħed jivverifika jekk humiex mimlijin mill-operat jew mill-organizzazzjoni kkonċernata u b'hekk tkun stabbilita ċerta imparzjalità bejn l-operaturi tal-ekonomija soċjali u operaturi «klassiċi».

4. L-ekonomija u d-djalogu soċjali

Ir-rikonoxximent tal-ekonomija soċjali bħala msieħba speċifiku fid-djalogu soċjali fil-livell Ewropew huwa sfida konsiderevoli. L-ekonomija soċjali tidher ta' kuljum aktar evidenti bħala attur maġġuri fix-xenarju ekonomiku u soċjali. Ir-rikonoxximent espress tal-komponenti tal-ekonomija soċjali fid-djalogu soċjali Ewropew intersettorjali hu għalhekk l-għan tar-raba’ rakkomandazzjoni ta’ dan ir-rapport.

5. L-ekonomija soċjali u s-swieq

Id-diversi impriżi u organizzazzjonijiet li jiffurmaw l-ekonomija soċjali qed jaffaċjaw l-isfida li jintegraw proċessi tal-immanifatturar effettivi u l-għanijiet tal-benessri soċjali fl-attivitajiet tagħhom. L-atturi tal-ekonomija soċjali għandhom jiġu mħeġġa biex iwaqqfu strateġiji li jkunu konformi mal-eżiġenzi ġodda ta’ swieq aktar u huma aktar dejjem kompetittivi u li jippermettulhom isaħħu l-missjoni tagħhom ta’ rikonoxximent tal-benessri tal-membri tagħhom, billi jirrispondu għall-ħtiġijiet tal-interess ġenerali u l-infurzar tal-koeżjoni soċjali.

Fost dawn l-istrateġiji kompetittivi, it-twettiq ta’ netwerks u ta’ alleanzi ta’ impriżi għandhom jokkupaw post importanti, bl-istess mod għandu jsir għar-riċerka ta’ mezzi partikulari ta’ finanzjament tal-imprizi, l-innovazzjoni fejn jidħlu l-prodotti u s-servizzi jew l-istimulu ta’ politiki ta’ formazzjoni u tal-iżvilupp tal-ħiliet fl-ekonomija soċjali.

6. L-iskambju tal-esperjenza fil-livelli lokali, nazzjonali u Ewropew

L-ekonomija soċjali ta' spiss tifforma parti mid-dinamika lokali u reġjonali. Ħafna mill-organizzazzjonijiet innovattivi huma ta' skala żgħira u joperaw fil-livell lokali. Għalhekk hemm ir-riskju li l-esperjenza tagħhom ma jistgħux jinxterdu jekk mhux b’diffikultà kbira jew bil-mod ħafna. Minħabba f'din ir-raġuni huwa importanti li l-livelli Ewropej għandhom jużaw il-forom ta' finanzjament adattati biex jistimulaw l-iskambju tal-esperjenza u jikkordinaw l-isforzi tagħhom biex tiġi mwaqqfa innovazzjoni soċjoekonomika li tkun tista' tappoġġja l-iktar proġetti tal-ekonomija soċjali innovattivi.

7. L-ekonomija soċjali u l-mudell soċjali Ewropew

L-istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea għandhom jieħdu impenji aktar speċifiċi biex jiżguraw li l-ekonomija soċjali mhijiex biss għodda effikaċi biex jintlaħqu l-għanijiet speċifiċi tal-politika pubblika. L-ekonomija soċjali hija wkoll għan fiha nnifisha, indispensabbli biex jiġu kkonsolidati l-valuri assoċjati mal-mudell soċjali Ewropew. L-organizzazzjonijiet li huma rappreżentattivi tal-ekonomija soċjali għandhom għaldaqstant ikunu awtorizzati u mħeġġa biex iressqu proposti fil-qasam tal-politika soċjali.

8. Evalwazzjoni tar-riżultati

Rakkomandazzjoni tal-aħħar tar-rapport tikkonċerna l-promozzjoni ta' programm ta' riċerka fil-livell Ewropew biex jeżamina l-varjetà kollha tal-attivitajiet li huma tal-ekonomija soċjali li mhumiex attribwiti għal servizzi oħra pprovduti mis-settur privat jew mill-awtoritajiet pubbliċi. Hu importanti li l-entitajiet tal-ekonomija soċjali ma jkunux evalwati biss minn indikaturi frustrati daqs “in-numru tal-persuni impjegati" u “l-grad ta’ awtofinanzjament milħuq”, u huwa importanti li jintuża wkoll il-metodu tal-faxxa tal-indiċi.

L-interess dejjem jikber fl-ekonomija soċjali hu bbażat fuq ir-rapport uffiċjali tal-limiti tal-intraprizi fis-settur privat tradizzjonali u fis-settur pubbliku sabiex isolvi xi sfidi attwali li huma l-qgħad, imma wkoll il-kwalità u l-kwantità tas-servizzi b`interess kollettiv.

4.12.2008

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

għall-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

dwar l-Ekonomija Soċjali
(2008/2250(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Donata Gottardi

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji jistieden lill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jiġbed l-attenzjoni għall-irwol importanti tal-ekonomija soċjali fil-kisba tal-għanijiet ta' Liżbona għal tkabbir sostenibbli u biex ikun hemm impjiegi għal kulħadd, peress li jindirizza l-bosta żbilanċi li hemm fis-suq tax-xogħol, b'mod partikolari billi jappoġġja x-xogħol għan-nisa, billi joħloq u jipprovdi servizzi ta' welfare u ta' prossimità (bħas-servizzi soċjali, tas-saħħa, u tas-sigurtà soċjali), u billi joħloq u jżomm tessut soċjali u ekonomiku li jikkontribwixxi għall-iżvilupp lokali u għall-koeżjoni soċjali,

2.  Jikkunsidra li l-ekonomija soċjali hija importanti, minħabba dak li tissimbolizza u r-riżultati li tikseb, bħala mezz biex tissaħħaħ id-demokrazija industrijali u ekonomika;

3.  Huwa tal-opinjoni li l-Unjoni Ewropea għandha tieħu azzjoni sabiex tistabbilixxi qafas għall-aġenda tal-ekonomija soċjali peress li din issaħħaħ il-kompetittività u l-kapaċità tal-innovazzjoni lokali u tal-UE, minħabba l-abilità tal-ekonomija soċjali li tiġġenera stabilità fil-kuntest tal-ekonomiji eminentement ċikliċi, permezz tad-distribuzzjoni mill-ġdid u tal-ri-investiment tal-profitti lokalment, fejn ikun xieraq, billi tippromwovi kultura intraprenditorjali li torbot l-attivitajiet ekonomiċi mal-bżonnijiet lokali, issostni l-attivitajiet li jinsabu f'riskju (eż. is-snajja') u tiġġenera l-kapital soċjali;

4.  Jisħaq fuq l-importanza tal-ekonomija soċjali f'dak li għandu x'jaqsam mas-servizzi ta' interess ġenerali, u jenfasizza l-valur miżjud li jinħoloq permezz tat-twaqqif ta' netwerks integrati bi sħab bejn is-settur pubbliku u dak privat, imma anke r-riskju li dawn jiġu sfruttati bħala pretest għall-outsourcing bl-intenzjoni li jitnaqqsu l-ispejjeż sostnuti mill-awtoritajiet pubbliċi, anke billi jintużaw is-servizzi pprovduti mis-settur volontarju;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tintegra l-ekonomija soċjali fil-politiki u l-istrateġiji l-oħrajn tagħha maħsuba għall-iżvilupp soċjali, ekonomiku u intraprenditorjali, speċjalment fil-kuntest tal-Att tan-Negozji Żgħar, peress li l-istrutturi tal-ekonomija soċjali li jipprovdu l-attivitajiet soċjoekonomiċi jistgħu jkunu ta' interess partikolari għall-SMEs u għall-SGIs; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni sabiex terġa' tikkunsidra l-possibilità li titwaqqaf mill-ġdid unità tal-ekonomija soċjali;

6.  Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti u lill-operaturi fis-settur biex jivvalutaw u jsaħħu l-irwol tan-nisa fl-ekonomija soċjali, kemm f'termini kwantitattivi, minħabba r-rata għolja ta' impjiegi tan-nisa fl-oqsma kollha tas-settur, inklużi f'assoċjazzjonijiet u f'ħidma volontarja, u kemm f'termini tal-kwalità u tal-aspetti organizzattivi tal-ħidma u l-forniment tas-servizzi; jinsab imħasseb dwar il-problema persistenti tal-integrazzjoni vertikali, anke fl-ekonomija soċjali, li tillimita l-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet;

7.  Jistieden lill-gvernijiet u lill-awtoritajiet lokali tal-Istati Membri u lill-operaturi fis-settur biex iħeġġu u jappoġġjaw is-sinerġiji potenzjali li jistgħu jinħolqu fis-settur tas-servizzi minn dawk li għandhom sehem fl-ekonomija soċjali u mill-utenti tagħha, billi jitwessa' l-ambitu tal-parteċipazzjoni, tal-konsultazzjoni u tar-responsabilità kondiviża;

8.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jipprovdu għal proġetti ta' taħriġ li jinvolvu l-edukazzjoni ogħla, il-korsijiet universitarji u ta' taħriġ vokazzjonali mfassla biex tinħoloq kuxjenza dwar l-ekonomija soċjali u l-inizjattivi kummerċjali bbażati fuq il-valuri tagħha;

9.  Huwa tal-opinjoni li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu l-ekonomija soċjali u dawk kollha li għandhom sehem fiha – il-koperattivi, is-soċjetajiet mutwi, l-assoċjazzjonijiet u l-fondazzjonijiet – fil-leġiżlazzjoni u fil-politiki tagħhom. jissuġġerixxi li dawk il-miżuri għandhom jinkludu aċċess faċli għal kreditu u eżenzjonijiet mit-taxxa, l-iżvilupp tal-mikrokrediti, it-twaqqif ta' statuti Ewropej għall-assoċjazzjonijiet, il-fundazzjonijiet u s-soċjetajiet mutwi, kif ukoll fondi u inċentivi tal-UE mfasslin apposta biex jiġu appoġġjati aħjar l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali li joperaw fis-setturi kummerċjali u f'dawk mhux kummerċjali, li huma maħluqa għall-iskop ta' utilità soċjali;

10. Jikkunsidra li t-tneħħija tal-proposti għal Statut Ewropew għas-Soċjetajiet Mutwi u Statut Ewropew għall-Assoċjazzjonijiet mill-aġenda tal-Kummissjoni tefgħet lura bil-kbir l-iżvilupp ta' dawk il-forom ta' kumpanija Ewropea (SE) fl-Unjoni Ewropea u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-aġenda tagħha;

11. Jistieden lill-Kummissjoni biex twaqqaf 'think tank' dwar il-banek koperattivi u servizzi finanzjarji oħra marbutin mal-organizzazzjonijiet tal-SE sabiex jitwettaq studju li jinvestiga kif dawn l-entitajiet speċifiċi tal-SE ġabu ruħhom fil-livell tal-UE s'issa - b'mod partikulari waqt il-kriżi tal-kreditu u l-kriżi finanzjarja li għaddejjin bħalissa - u li jinvestiga kif se jevitaw ir-riskji fil-ġejjieni f'dan ir-rigward;

12. Jistieden lill-Kummissjoni biex tqis ir-realtajiet tal-ekonomija soċjali meta tkun qed tirrevedi l-politika dwar l-għajnuna statali, ladarba n-negozji u l-organizzazzjonijiet iż-żgħar li joperaw fil-livell lokali jiltaqgħu ma' diffikultajiet konsiderevoli biex ikollhom aċċess għall-fondi, l-aktar waqt il-kriżi ekonomika u finanzjarja ta' bħalissa; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex ma xxekkilx il-liġi nazzjonali tal-kumpaniji u d-dispożizzjonijiet fiskali bħal dawk li japplikaw għall-koperattivi fis-settur bankarju u s-settur tad-distribuzzjoni li joperaw fuq il-bażi ta' prinċipji mutwalistiċi, id-demokrazija azjendali, it-trażmissjoni interġenerazzjonali tal-beni, l-indiviżibilità tar-riżervi, is-solidarjetà, l-etika tax-xogħol u l-etika kummerċjali;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

2.12.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

0

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Mariela Velichkova Baeva, Paolo Bartolozzi, Zsolt László Becsey, Sebastian Valentin Bodu, Sharon Bowles, Udo Bullmann, Manuel António dos Santos, Christian Ehler, Jonathan Evans, José Manuel García-Margallo y Marfil, Jean-Paul Gauzès, Robert Goebbels, Donata Gottardi, Louis Grech, Othmar Karas, Wolf Klinz, Astrid Lulling, Gay Mitchell, Sirpa Pietikäinen, John Purvis, Peter Skinner, Margarita Starkevičiūtė, Ivo Strejček, Sahra Wagenknecht

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Harald Ettl

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

21.1.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

45

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Andersson, Edit Bauer, Iles Braghetto, Philip Bushill-Matthews, Milan Cabrnoch, Alejandro Cercas, Ole Christensen, Derek Roland Clark, Luigi Cocilovo, Jean Louis Cottigny, Jan Cremers, Harald Ettl, Richard Falbr, Carlo Fatuzzo, Ilda Figueiredo, Joel Hasse Ferreira, Roger Helmer, Stephen Hughes, Ona Juknevičienė, Jean Lambert, Raymond Langendries, Bernard Lehideux, Elizabeth Lynne, Thomas Mann, Maria Matsouka, Elisabeth Morin, Juan Andrés Naranjo Escobar, Csaba Őry, Siiri Oviir, Marie Panayotopoulos-Cassiotou, Pier Antonio Panzeri, Rovana Plumb, Bilyana Ilieva Raeva, Elisabeth Schroedter, José Albino Silva Peneda, Kathy Sinnott, Jean Spautz, Ewa Tomaszewska, Anne Van Lancker, Gabriele Zimmer

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Françoise Castex, Gabriela Creţu, Richard Howitt, Rumiana Jeleva, Magda Kósáné Kovács, Sepp Kusstatscher, Csaba Sógor, Patrizia Toia, Evangelia Tzampazi, Anja Weisgerber

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Adrian Manole