RAPPORT dwar l-Istrateġija Ewropea għas-sigurtà u l-ESDP

28.1.2009 - (2008/2202(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Karl von Wogau

Proċedura : 2008/2202(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0032/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-Istrateġija Ewropea għas-sigurtà u l-ESDP

(2008/2202(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra t-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Europea,

–       wara li kkunsidra t-Trattat ta’ Liżbona,

–       wara li kkunsidra l-Istrateġija ta' Sigurtà Ewropea (ESS) intitotala "Ewropa Sikura f' Dinja Aħjar", adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2003,

–       wara li kkunsidra l-istrateġija tal-UE kontra l-armi tal-qerda tal-massa, li ġiet adottata mill-Kunsill tal-Ewropa fit-12 ta’ Diċembru 2003,

–       - wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tal-11-12 ta’ Diċembru 2008 u r-Rapport tas-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tas-Sigurtà Ewropea[1],

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar il-Politika Ewropea tas-Sigurtà u d-Difiża (ESDP), adottata fit-12 ta’ Diċembru 2008,

–       wara li kkunsidra d-dokument tar-Rappreżentant Għoli u tal-Kummissjoni Ewropea għall-Kunsill tal-Ewropa, bit-titolu “Il-Bidla fil-Klima u s-Sigurtà Internazzjonali”,

–       Wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta 2008/851/CFSP tal-Kunsill tal-10 ta' Novembru 2008 dwar l-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tkun ta’ kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-użu tal-armi 'l barra mix-xtut tas-Somalja[2],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ April 2005 dwar l-istrateġija Ewropea għas-sigurtà[3],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Novembru 2006 dwar l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' Sigurtà Ewropea fil-kuntest ta' l-ESDP[4],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà u tal-ESDP[5],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-10 ta’ Lulju 2008 dwar l-ispazju u s-sigurtà[6],

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tal-aġenda tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A6-0032/2009),

Kunsiderazzjonijiet Ġenerali

1.      Jirrimarka li l-Unjoni Ewropea teħtieġ li tiżviluppa l-awtonomija strateġika tagħha permezz ta’ politika barranija, tas-sigurtà u tad-difiża li tkun b’saħħitha u effikaċi, sabiex tippromwovi l-paċi u s-sigurtà internazzjonali, tiddefendi l-interessi tagħha fid-dinja, tħares is-sikurezza taċ-ċittadini tagħha, tikkontribwixxi għal multilateraliżmu effettiv, tippromwovi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għall-valuri demokratiċi mad-dinja kollha, u tħares il-paċi dinjija;

2.      Jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-UE ssegwi dawn l-objettivi permezz tal-koperazzjoni multilaterali fl-organizzazzjonijiet internazzjonali, l-ewwel qabel kollox fin-Nazzjonijiet Uniti, u permezz ta’ sħubija ma’ atturi ewlenin oħra skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, il-prinċipji tal-Att Finali ta’ Helsinki u l-objettivi tal-Karta ta’ Pariġi;

3.      Itenni l-ħtieġa ta’ riforma tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex din tkun tista’ twettaq kompletament ir-risponsabiltajiet tagħha u taħdem b’mod effettiv biex tipprovdi soluzzjonijiet għall-isfidi globali u tirreaġixxi għat-theddidiet ewlenin;

4.      Iqis li ħafna mit-theddidiet il-ġodda mhumiex biss militari, u lanqas ma jistgħux jiġu indirizzati biss b’mezzi militari;

5.      Jirrimarka li din il-politika trid tgħaqqad l-użu ta’ kemm il-mezzi u l-kapaċitajiet ċivili, kif ukoll dawk militari, u li teħtieġ il-koperazzjoni mill-qrib u bla intoppi bejn dawk kollha interessati;

6.      Jagħmel enfasi li l-ġabra flimkien tal-isforzi u tal-kapaċitajiet fil-livell tal-UE hija kruċjali biex jingħelbu l-effetti kkombinati tal-ispejjeż dejjem jikbru tat-tagħmir għad-difiża u l-limiti eżistenti tal-infiq tad-difiża;

7.      Isostni li politika komuni tad-difiża fl-Ewropa teħtieġ forza militari Ewropea integrata li konsegwentement teħtieġ li tkun armata b’sistemi komuni ta’ armi biex b’hekk tiggarantixxi l-uniformità u l-interoperabiltà;

8.      Jenfasizza, li t-trasparenza u l-effiċjenza meta mqabbla man-nefqa, kif ukoll ir-responsabiltà parlamentari u r-rispett tal-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u dik umanitarja, huma essenzjali sabiex jiġi żgurat li jkun hemm appoġġ mill-pubbliku għad-difiża Ewropea; jenfasizza f’dan ir-rigward l-importanza partikolari li jkun hemm skrutinju parlamentari effettiv tal-ESDP fis-sura ta’ koperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE;

9.      Iqis li l-Istrateġija Ewropea tas-Sigurtà aġġornata u l-Kunċett Strateġiku tan-NATO tal-ġejjieni għandhom ikunu koerenti ma’ xulxin u li dan għandu jkun rifless fid-Dikjarazzjoni li se tiġi adottata mis-Samit tan-NATO fi Strasburgu/Kehl f’April 2009;

10.    Jenfasizza li hija ta’ importanza ewlenija li l-Istrateġija Ewropea tas-Sigurtà tkun implimentata fis-sħuġija tagħha u fil-ħin;

11.    Jilqa’ r-rapport tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-ESS; jinnota madankollku, li peress li l-biċċa l-kbira tal-miri tal-ESS fl-2003 baqgħu ma ntlaħqux, l-Unjoni Ewropea - imsaħħa bit-Trattat ta’ Liżbona – għandu jkollha rwol aktar deċiżiv billi ssaħħaħ il-leġittimità, it-trasparenza u l-effettività tal-istituzzjonijiet ta’ governanza globali;

12.    Jilqa’ b’sodisfazzjon it-tnidija tal-missjoni ATALANTA tal-ESDP kontra l-piraterija barra mix-xtut tas-Somalja; ifakkar lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE, madankollu, li r-raġunijiet għall-problema tal-piraterija f’dak ir-reġjun għandhom għeruq aktar fil-fond, bħall-faqar fi stat fallut, u jitlob għal aktar azzjonijiet profondi Ewropej li jindirizzaw dawn il-problemi;

13.    Itenni bil-qawwa s-sejħa tiegħu sabiex, permezz tal-Istrateġija Ewropea tas-Sigurtà u l-Politika Ewropea tas-Sigurtà u d-Difiża, jigu pprovduti l-garanziji kollha biex tkun żgurata l-implimentazzjoni b’suċċess tar-Riżoluzzjonijiet 1325 u 1820 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni ndaqs tan-nisa fil-kwistjonijiet u d-deċiżjonijiet kollha li jikkonċernaw il-paċi u s-sigurtà u sabiex l-użu sistematiku tal-vjolenza sesswali kontra n-nisa f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt jiġi kklassifikat bħala delitt tal-gwerra kontra l-umanità; jiddispjaċih li l-progress dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-operazzjonijiet tal-ESDP qed isir bil-mod wisq;

Interess Ewropew dwar is-Sigurtà

14.    Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li spiss, fl-Istati Membri l-ħsieb għadu limitat fi ħdan il-qafas ta’ interessi ta’ sigurtà nazzjonali u minħabba f’hekk ir-responsabiltà komuni għall-ħarsien tal-interessi komuni Ewropej qed tkun traskurata; iqis li din l-istratġeija hija kontroproduttiva u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jaħsbu b’mod aktar miftuħ sabiex l-UE jagħmluha attur aktar importanti fix-xena internazzjonali billi jipprovdi għal arranġamenti ta’ sigurtà Ewropea aktar effettivi;

15.    Iqis, għalhekk, li hu meħtieġ li jiġu stabbiliti l-interessi komuni ta’ sigurtà tal-UE; jenfasizza, li l-Unjoni Ewropea tista’ biss tfassal politika komuni aktar koerenti u effettiva jekk ikollha idea ċara tal-interessi komuni tagħha;

16.    Huwa tal-fehma li, minbarra l-isfidi identifikati fl-ESS kif adottati fl-2003, l-interessi tas-sigurtà tal-Unjoni jinkludu l-ħarsien taċ-ċittadini u tal-interessi tagħha fl-UE kif ukoll barra l-UE, is-sigurtà tal-pajjiżi ġirien tagħha u l-ħarsien tal-fruntieri esterni tagħha u tal-infrastruttura kritika, kif ukoll it-titjib fis-sigurtà taċ-ċibernetika, is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u tar-rotot tal-baħar, il-ħarsien tar-riżorsi tagħha tal-ispazju u l-ħarsien mill-konsegwenzi tal-bidla fil-klima;

Ambizzjonijiet Ewropej fil-qasam tas-Sigurtà

17.    Jinnota li l-UE tirrikonoxxi ordni internazzjonali bbażat fuq il-multilateraliżmu effettiv u fuq il-liġi internazzjonali, u li dan jirrifletti l-konvinzjoni tal-Ewropej li l-ebda pajjiż ma jista’ jiffaċċja t-theddidiet ġodda waħdu;

18.    Iqis li l-Unjoni Ewropea għandha tiddefinixxi b’mod iktar ċar l-ambizzjonijiet tagħha fir-rigward tal-irwol tagħha fid-dinja; huwa tal-fehma li l-Unjoni Ewropea m'għandhiex tfittex li ssir super potenza bħall-Istati Uniti, iżda li minflok għandek tiggarantixxi s-sigurtà tagħha u s-sigurtà ta’ pajjiżi ġirien tagħha;

19.    Jenfasizza li l-Unjoni Ewropea tagħti prijorità għall-prevenzjoni tal-kriżijiet fl-ESDP; jenfasizza li s-sigurtà u l-istat għad-dritt jirrappreżentaw rekwiżiti indispensabbli għall-iżvilupp u l-istabiltà fuq perjodu fit-tul;

L-Iżvilupp tal-Istrateġija Ewropea tas-Sigurtà

20.    Jinnota li l-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-2003 tirrifletti l-iktar theddidiet serji li l-Unjoni Ewropea qiegħda tħabbat wiċċha magħhom (it-terroriżmu, it-tixrid ta’ armi tal-qerda tal-massa, il-kunflitti reġjonali, il-falliment ta’ stati u l-kriminalità organizzata), u tidentifika għanijiet strateġiċi, li saru l-pedament għal strateġiji sekondarji;

21.    Jifraħ lill-Presidenza Franċiża tal-UE għall-inizjattiva tagħha li jikkonċernaw l-ESDP; Jieħu nota tar-rapport tar-Rappreżentant Għoli dwar l-implimentazzjoni tal-ESS kif approvata mill-Kunsill Ewropew tal-11 ta’ Diċembru 2008, u jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li ttieħdu ħafna talbiet mir-rapporti ta’ qabel tal-Parlament dwar l-ESS u l-ESDP, b’mod partikolari:

–       is-sigurtà taċ-ċibernetika,

–       is-sigurtà tal-enerġija, inklużi l-provvisti lejn l-Ewropa;

–       it-tilwimiet reġjonali mhux solvuti fil-pajjiżi ġirien tal-UE;

–       isfidi dwar il-kontinent Afrikan

–       il-konsegwenzi tal-bidla fil-klima;

–       il-kompetizzjoni għar-riżorsi naturali;

–       il-proġetti biex jissaħħu l-kapaċitajiet ċivili u militari;

–       l-importanza tal-ispazju għas-sigurtà komuni tagħhna;

–       is-sigurtà marittima;

22.    Jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn tal-Kunsill favur l-idea li l-Ewropa għandha tkun fil-fatt kapaċi, fost l-oħrajn, fis-snin li ġejjin u fil-qafas tal-livell stabbilit ta ‘ambizzjoni, li tibgħat 60 000 ruħ f’60 ġurnata għal operazzjoni importanti, fil-medda ta’ l-operazzjonijiet previsti mill-għan ewlieni għall-2010 u mil l-għan ċivili ewlieni għall-2010, li jiġu ppjanati u jitmexxew f’daqqa:

–       żewġ operazzjonijiet importanti ta' stabbilizzazzjoni u ta' rikostruzzjoni, b'komponent ċivili adegwat, appoġġat minn massimu ta' 10 000 persuna matul talanqas sentejn;

–       żewġ operazzjonijiet ta' rispons rapidu ta' tul ta' żmien limitat bl-użu, fost l-oħrajn, tal-Battlegroups tal-UE;

–       operazzjoni ta' evakwazzjoni b'urġenza ta' ċittadini Ewropej (f'inqas minn għaxart ijiem) b'kont meħud tal-irwol prinċipali ta' kull Stat Membru fir-rigward taċ-ċittadini tiegħu u bl-użu tal-kunċett ta' Stat gwida konsulari;

–       missjoni ta' sorveljanza / interdizzjoni marittima jew bl-ajru;

–       operazzjoni ċivili-militari ta' assistenza umanitarja li ddum sa 90 jum;

–       madwar tużżana missjonijiet ċivili tal-ESDP (fosthom missjonijiet tal-pulizija, tal-istat ta’ dritt, tal-amminisrazzjoni ċivili, ta’ protezzjoni ċivili, ta’ riforma u osservanza tas-settur tas-sigurtà) taħt diversi forom, li joperaw, fost l-oħrajn, f’sitwazzjoni ta’ reazzjoni rapida, li jinkludu missjoni prinċipali (possibilment sa 3 000 espert), li tista’ ddum diversi snin;

23.    Jiddeplora, madankollu, il-mod xejn ċar kif inhuma ppreżentati l-konklużjonijiet dwar l-ESS u l-ESDP (f’erba’ dokumenti minflok f’wieħed); jiddispjaċih għall-għażla ta’ kliem użat, li spiss kien vag u ma jispjegax strateġija reali; jikkritika l-fatt li l-Kunsill ma aċċettax it-talba tal-Parlament għal White Paper u għalhekk mhux probabbli li jingħata bidu għal dibattitu pubbliku wiesa’ u produttiv;

24.    Jiddeplora wkoll il-fatt li talbiet fir-rapporti ta’ qabel tal-Parlament dwar l-ESS u l-ESDP ma kenux ikkunsidrati mill-Kunsill, l-aktar:

–       id-definizzjoni ta’ interessi komuni ta’ sigurtà Ewropej,

–       id-definizzjoni ta’ kriterji għat-tnidija tal-missjonijiet tal-ESDP,

–       proposti għal sħubija ġdida UE-NATO,

–       li tiġi ttrattata l-kwistjoni ta’ “caveats” nazzjonali;

25.    Jissuġġerixxi li l-ESS għandha tiġi riveduta kull ħames snin fil-bidu ta’ kull perjodu leġiżlattiv ġdid tal-UE;

26.    Jiddispjaċih għan-nuqqas ta’ progress relattiv mill-2003 fit-tisħiħ tal-koperazzjoni tal-UE fid-difiża; għaldaqstant jappella għal darb’oħra biex titfassal White Paper dwar is-sigurtà u d-difiża Ewropea bħala għodda biex jinbeda dibattitu pubbliku wiesa’ u biex jiżgura li l-ESS tiġi implimentata b’mod effiċjenti;

27.    Jiddispjaċih li, minkejja tħejjija kbira iżda b’riżultat ta’ momentum li ntilef minħabba l-impass dwar it-Trattat ta’ Liżbona, ir-reviżjoni tal-Istrateġija Ewropea tas-Sigurtà – ma wasslitx għal orjentament strateġiku ġdid iżda sempliċement għal rapport li jfisser il-prijoritajiet politiċi ġurnata b’ġurnata kif iseħħu; jinnota li l-firxa ta’ theddidiet kibret u issa tinkludi, fost l-oħrajn, is-sigurtà tal-internet u l-piraterija iżda għadha ma tkoprix il-kriżi finanzjarja dinjija; jilqa’ l-aspetti innovattivi tar-reviżjoni, bħalma huwa l-fokus tagħha fuq il-bidla fil-klima, is-sigurtà tal-enerġija (inkluż, fil-qasam nukleari, appoġġ għal ċiklu multilaterali ta’ fjuwil nukleari u trattat multilaterali li jipprojbixxi l-produzzjoni ta’ materjal fissili għall-armi nukleari) u t-Trattat Internazzjonali dwar il-Kummerċ tal-Armi kif ukoll trattati oħra dwar id-diżarmament bħall-Konvenzjoni l-ġdida ta’ Oslo dwar il-Munizzjon tat-Tip ‘Cluster';

28.    Iqis inaċċettabbli li kien hemm biss dibattitu parlamentari limitat u ma kien hemm l-ebda dibattitu pubbliku qabel ma ġie adottat ir-rapport li ppropona r-reviżjoni tal-ESS;

Ir-Relazzjonijiet mar-Russja

29.    Iqis li l-eskalazzjoni vjolenti tal-kunflitti sa ftit ilu ffriżati fl-Ossezja t'Isfel u l-Abkażja, u ir-rikonoxximent suċċessiv mir-Russja tal-indipendenza ta’ dawk il-provinċji, tenfasizza l-ħtieġa urġenti li jsiru investimenti f’soluzzjonijiet politiċi sostenibbli għal kunflitti bħal dawn fil-pajjiżi ġirien tagħna; itenni l-fehma tiegħu li ma jistax ikun hemm soluzzjoni militari għall-kunflitti fil-Kawkasu u l-kundanna qawwija tiegħu għal dawk kollha li użaw il-vjolenza matul il-kunflitt; jenfasizza li, sabiex ikun hemm aktar żvilupp tas-sħubija strateġika tal-Ewropa mar-Russja, jeħtieġ li dan jinkludi djalogu bi skop dwar is-sigurtà, ibbażat fuq l-impenn iddikjarat taż-żewġ partijiet lejn il-valuri komuni tagħhom, ir-rispett għal-liġi internazzjonali u għall-integrità territorjali, u l-impenn lejn l-obbligi tal-Karta ta’ Ħelsinki, u lejn l-ilħuq ta’ dawn l-obbligi;

30.    Jenfasizza li d-dimensjoni ta’ sigurtà tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja u l-irwol tal-Politika Komuni Barranija u tas-Sigurtà (CFSP) u tal-ESDP ma jistax jittieħdu iżolati mill-arkitettura usa’ tas-sigurtà Ewropea, li tinkludi n-NATO, l-OSCE u ftehimiet internazzjonali bħat-Trattat Kontra l-Missili Ballistiċi (ABM) u t-Trattat dwar l-Armi Konvenzjonali fl-Ewropa (CFE); iqis li l-iżviluppi rilevanti f’din l-istruttura usa’ tas-sigurtà għandhom jiġu indirizzati bid-djalogu kemm mar-Russja kif ukoll mal-Istati Uniti, u jitlob lill-Kunsill biex jieħu attitudni miftuħa u kostruttiva lejn taħdidiet possibbli bejn l-UE, l-Istati Uniti, ir-Russja u stati membri tal-OSCE li mhumiex membri tal-UE, bil-għan li jiġġedded il-kunsens transatlantiku dwar is-sigurtà, filwaqt li jittieħed bħala bażi l-Att Finali ta’ Ħelsinki;

31.    Jilqa’ l-azzjoni konġunta tal-Unjoni Ewropea biex tkun ta’ medjatur bejn ir-Russja u l-Ġeorġja meta ġiet iffaċjata bl-isfida li pprovdiet il-gwerra fil-Ġeorġja; jissuġġerixxi, li l-Unjoni Ewropea bl-intervent ta’ malajr u bl-unità tagħha, li wasslu biex jiġi ffirmat ftehim ta’ waqfien mill-ġlied u biex intbagħtet malajr missjoni ta’ monitoraġġ taħt l-ESDP, uriet il-kapaċità tagħha li timmaniġġja l-kriżijiet u li tieħu azzjoni konġunta; ifaħħar lill-Presidenza tal-UE għall-irwol pożittiv tagħha fiż-żamma’ ta’ approċċ komuni Ewropew;

32.    Jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi kummissjoni indipendenti mmexxijja mill-Unjoni Ewropea biex teżamina l-kawżi tal-kunflitt tal-Ġeorġja;

33.    Jinnota t-tħassib muri mill-Istati Baltiċi u jieħu nota tal-konferma ċara min-NATO u mill-istati membri tagħha dwar il-validità kontinwa tal-impenji tagħhom skont l-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana;

34.    Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li n-NATO ddeċidiet li l-kanali tal-komunikazzjoni eżistenti terġa’ tużahom u li l-Kunsill NATO-Russja għandu jiġi attivat mill-ġdid;

35.    Iqis li kemm l-UE u n-NATO għandhom jadottaw djalogu onest u realistiku mar-Russja li jkopri kwistjonijiet bħas-sigurtà reġjonali, l-enerġija, id-difiża bil-missili, in-non-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa, il-limitazzjoni tal-forzi armati u l-politika għall-ispazju;

36.    Jirrimarka li r-Russja, minħabba l-pożizzjoni ġeopolitika, il-qawwa militari u l-importanza politika tagħha, kif ukoll il-prosperità fejn tidħol l-enerġija u l-potenzjal ekonomiku tagħha, hija ta’ importanza strateġika għall-Ewropa;

Il-bini tal-kapaċitajiet tal-Ewropa

37.    Jenfasizza li l-Unjoni Ewropea jrid ikollha l-mezzi biex timplimenta l-politiki tagħha u li, flimkien mat-tisħiħ tal-kapaċitajiet diplomatiċi tagħha, hija għalhekk għandu jkollha kapaċitajiet ċivili kif ukoll militari, biex issaħħaħ il-politika Ewropea għas-sigurtà u d-difiża u tissodisfa l-obbligi internazzjonali tagħha fid-dinja;

38.    Jirrimarka li, sa mill-ħolqien tal-politika Ewropea dwar is-sigurtà u d-difiża, twettqu 22 missjoni fi ħdan il-qafas ta’ din il-politika, li minnhom 16 kienu missjonijiet ċivili; Jenfasizza l-importanza tal-komponenti ċivili tal-ESDP; jilqa’ f’dan il-kuntest it-twaqqif ta’ Kapaċità Ċivili ta’ Ppjanar u Kondotta (CPCC) fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Istati Membri sabiex jimmultiplikaw l-isforzi tagħhom sabiex jagħmlu disponibbli staff kwalifikat għall-missjonijiet ċivili tal-ESDP; jenfasizza f’dan il-kuntest l-importanza li jintlaħaq l-objettiv primarju ċivili għall-2010;

39.    Jenfasizza wkoll li - għalkemm qiegħda ssir l-akbar enfasi dwar id-dimensjoni militari tal-ESDP- il-progress fl-oqsma tal-kapaċitajiet ċivili u tal-prevenzjoni tal-kunflitti miexi bil-mod wisq u li f’dan il-qasam, hemm bżonn li b’urġenza l-Kunsill u l-Kummissjoni t-tnejn jipproponu dinamiki ġodda;

40.    Huwa tal-fehma li l-Unjoni Ewropea għandha tiżviluppa iktar l-kapaċitajiet tagħha msejsa fuq l-objettivi ċivili u militari tagħha; jirrimarka li hija għandha tistinka biex ikollha forza ta’ 60,000 suldat dejjem disponibbli; jafferma mill-ġdid il-proposta tiegħu li l-Eurocorps għandhom ikunu l-qofol ta’ din il-forza, li jekk ikun meħtieġ tiġi msaħħa permezz ta’ kapaċitajiet addizzjonali tal-baħar u tal-ajru; jilqa’ l-ftehim milħuq bejn il-Ġermanja u Franza dwar iż-żamma tal-brigata Ġermaniża-Franċiża f’lokalitajiet konġunti; barra minn hekk iqis li l-Unjoni Ewropea għandha tagħmel dejjem disponibbli numru adegwat ta’ uffiċjali tal-pulizija, imħallfin u prosekuturi; iqisha ħaġa konfuża li l-kunċett tal-Battlegroup tal-UE u x-xenarji speċifiċi għal missjonijiet potenzjali ma jidhrux li qed iwasslu sabiex il-Battlegroups jintużaw fl-operazzjonijiet esterni tal-UE;

41.    Jenfasizza li l-Istati Membri tal-UE flimkien jonfqu iktar minn EUR 200 biljun fis-sena fuq id-difiża, li jikkorispondu għal iktar minn nofs l-ispiża għad-difiża tal-Istati Uniti; għadu tassew imħasseb dwar in-nuqqas ta’ effiċjenza u koordinazzjoni li hemm meta jintużaw dawn il-fondi; Għaldaqstant iħeġġeġ sabiex isiru sforzi akbar biex titneħħa kull duplikazzjoni bla ħtieġa bejn l-Istati Membri, l-aktar permezz ta’ l-ispeċjalizzazzjoni, tal-pooling u l-qsim tal-kapaċitajiet eżistenti, u l-iżvilupp konġunt ta’ oħrajn ġodda; ifaħħar l-Aġenżija Ewropea għad-Difiża (EDA) għax-xogħol eċċellenti li wettqet sa issa u jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex jieħdu vantaġġ sħiħ mill-potenzjal tal-EDA;

42.    Jenfasizza, li b’rabta mal-operazzjoni tal-forzi armati, mal-kontroll tal-fruntiera, mal-protezzjoni tal-infrastruttura kritika u mal-immaniġġjar tad-diżastri, il-ħtieġa tal-kapaċitajiet minn aspett teknoloġiku huma simili ħafna jew anke l-istess; jenfasizza, li dan joffri possibiltajiet ġodda biex jiġu sfruttati s-sinerġiji u tittejjeb l-interoperabilità bejn il-forzi armati u l-forzi tas-sigurtà;

43.    Jitlob b’insistenza li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jiffokaw l-isforzi tagħhom fuq kapaċitajiet komuni, li jistgħu jintużaw kemm għal għanijiet ta’ difiża u kemm għal dawk ta’ sigurtà; f’dan ir-rigward, iqis ta’ importanza kruċjali l-intelliġenza bbażata fuq is-satelliti, it-tagħmir ta’ sorveljanza u twissija, l-inġenji tal-ajru bla pilota, il-ħelikopters u tagħmir tat-telekomunikazzjoni, kif ukoll it-trasport bl-ajru u bil-baħar; jitlob li jkun hemm standard tekniku komuni għal telekomunikazzjonijiet protetti u mezzi għall-protezzjoni tal-infrastruttura kritika;

44.    Jilqa’ d-deċiżjoni meħuda mill-Bord tat-Tmexxija tal-EDA fl-10 ta’ Novembru 2008 dwar it-twaqqif ta’ Flotta Ewropea għat-Trasport bl-Ajru u jieħu nota tad-Dikjarazzjoni ta’ Intenzjoni dwar il-parteċipazzjoni f’din l-inizjattiva, iffirmata mill-Ministri għad-Difiża ta’ tnax-il Istat Membru;

45.    Iqis meħtieġ li l-Galileo u l-GMES jitħallew jintużaw għal għanijiet tas-sigurtà u tad-difiża;

46.    Japprova l-iżvilupp dinamiku untlerjuri tal-koperazzjoni bejn il-forzi armati nazzjonali sabiex ikunu sinkronizzati dejjem aktar; jipproponi li dan il-proċess u l-forzi armati jingħataw l-isem “SAFE" - Synchronized Armed Forces Europe;

47.    Iqis li s-SAFE jipprovdi biżżejjed lok ta’ manuvrar lill-Istati Membri newtrali tal-UE kif ukoll lil dawk marbuta minn alleanzi militari, għal dawk li llum diġà jikkoperaw mill-qrib bejniethom u għal dawk li baqgħu lura milli jagħmlu dan; jipproponi li jkun hemm mudell opt-in għall-organizzazzjoni ta’ SAFE, ibbażat fuq sinkronizzazzjoni volontarja aktar qawwija;

48.    Fil-qafas tas-SAFE japprova l-idea ta’ statut Ewropew għas-suldati li jirregola l-livell ta’ taħriġ, d-duttrina tal-missjoni, il-libertà tal-azzjoni fil-missjoni, kwistjonijiet relatati mad-dmirijiet u d-drittijiet, kif ukoll l-livell ta’ kwalità tat-tagħmir, tal-kura medika u tal-arranġamenti tas-sigurtà soċjali f’każ ta’ mewt, korriment jew invalidità;

49.    Japprova, fir-rigward tas-SAFE, il-prinċipju ta’ diviżjoni tax-xogħol madwar l-Ewropa kollha fil-kapaċitajiet militari;

50.    Huwa favur koperazzjoni Ewropea aktar mill-qrib fl-oqsma tat-taħriġ, tal-manutenzjoni u tal-loġistika bħala ħtieġa kruċjali biex tiżdied l-effiċjenza fin-nefqa fuq id-difiża;

Il-Ħtieġa għal Strutturi Ġodda

51.    Huwa tal-fehma li l-abbiltà tal-UE li taġixxi b’mod indipendenti fil-qasam tal-politika barranija u dik tas-sigurtà għandha tittejjeb permezz tat-tisħiħ, immirat lejn l-ilħuq tal-għanijiet, tal-kapaċitajiet tagħha fl-oqsma tal-analiżi, tal-ippjanar, tat-tmexxija u tal-intelliġenza; f’dan il-kuntest, jilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li jaħdem lejn it-twaqqif ta’ struttura integrata tal-ippjanar strateġiku li tkun ċivili u militari għall-operazzjonijiet u l-missjonijiet tal-ESDP;

52.    Bl-istess mod jilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li jwaqqaf grupp informali ta’ livell għoli UE-NATO li x-xogħol tiegħu jkun it-tisħiħ tal-koperazzjoni b’mod prammatiku bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet;

53.    Jappella sabiex jitwaqqaf Kwartier Operazzjonali tal-UE li jkun awtonomu u permanenti bil-kapaċità li jwettaq ippjanar strateġiku u jmexxi operazzjonijiet u missjonijiet tal-ESDP;

54.    jappoġġja l-idea li jinħoloq Kunsill tal-Ministri għad-Difiża, biex tingħata koerenza ikbar lill-politiki nazzjonali tad-difiża u b’hekk jissaħħu l-kontributi nazzjonali rispettivi għall-politika Ewropea tas-sigurtà u d-difiża; jenfasizza l-għan li jkun hemm skrutinju parlamentari sħiħ tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-ESDP, ukoll mill-Parlament Ewropew;

55.    Jappoġġja bil-qawwa t-tisħiħ ta’ suq Ewropew tad-difiża u s-sigurtà permezz tal-adozzjoni tal-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni għall-akkwist pubbliku u t-trasferimenti fi ħdan il-Komunità, u jirrakkomanda li jkun hemm iktar inizjattivi biex jintlaħaq dan il-għan, l-aktar fl-oqsma tas-sigurtà tal-provvista u s-sigurtà tal-informazzjoni;

56.    Jilqa’, f’dan il-kuntest, l-adozzjoni tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/CFSP tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontrolli fuq l-esportazzjoni ta’ teknoloġija u tagħmir militari[7], li tbiddel il-Kodiċi tal-Kondotta dwar l-Esportazzjoni tal-Armi fi strument li jorbot legalment; barra minn hekk, jilqa’ l-fatt li l-Istati Membri tal-UE tħallew liberi li b’mod individwali jimplimentaw miżuri aktar rigorużi;

57.    Ifakkar li għandhom jiġu pprovduti sistemi ta’ armi komuni permezz ta’ industrija b’saħħitha għad-Difiża Ewropea li tkun kapaċi tissodisfa l-bżonnijiet attwali u tal-ġejjieni tal-Forza Armata Ewropea u li tagħmel possibbli li l-Ewropa ssir awtosuffiċjenti u indipendenti;

58.    Jitlob li jkun hemm żieda fil-mezzi tal-Komunità għar-riċerka dwar is-sigurtà u l-ħolqien ta’ programmi ta’ riċerka konġunti li jinvolvu l-Kummissjoni u l-EDA;

Il-Ħtieġa ta’ Spirtu ġdid

59.    Iqis li huwa partikolarment importanti li jissaħħaħ il-kulleġġ Ewropew għas-sigurtà u d-difiża u li jiġi ttrasformat fi struttura permanenti, li tkabbar aktar l-iżvilupp ta’ kultura speċifikament Ewropea ta' sigurtà; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli tiffinanzja l-attivitajiet ta’ taħriġ fil-livell tal-UE fil-qasam tal-immaniġġjar civili tal-kriżijiet ‘il hinn mill-2009;

60.    Jappella biex ikun hemm iktar inizjattivi konnessi mat-taħriġ komuni u standards komuni għall-persunal li jrid jitqiegħed u jaħdem flimkien f’operazzjonijiet ċivili u militari, aktar interazzjoni bejn il-forzi armati u l-persunal ċivili tal-Istati Membri tal-UE, koordinazzjoni ta’ taħriġ relatat mal-kriżijiet, programmi ta’ skambju fi ħdan il-forzi armati fl-Ewropa, kif ukoll fil-ftuħ tal-armati għal ċittadini ta’ Stati Membri oħra tal-UE;

61.    Jappoġġja bil-qawwa programmi Ewropej li kellhom suċċess bħall-Eurofighter, li se jservi bħala l-pedament tal-kapaċità tal-avjazzjoni militari ta’ ħames forzi tal-ajru Ewropej fl-għexieren ta’ snin li ġejjin; għal din ir-raġuni jqis li l-Istati Membri tal-UE għandhom jinkoraġġixxu u jappoġġjaw inizjattivi bħal dawn;

°

°         °

62.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti ta' l-Istati Membri u lis-Segretarji Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, ta' l-Organizzazzjoni tat-Trattat ta' l-Atlantiku tat-Tramuntana u ta' l-Organizzazzjoni għas-Siġurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa u tal-Kunsill tal-Ewropa.

OPINJONI TAL-MINORANZA

skond l-Artikolu 48(3) tar-Regoli ta' Proċedura

Grupp GUE/NGL

Ir-rapport huwa nieqes minn dak li huwa meħtieġ għall-paċi u minflok jiffoka fuq tħejjijiet għall-militarizzazzjoni tal-UE. Aħna nikkundannaw il-fatt li r-rapport huwa favur:

- li l-UE tiddefendi l-interessi tagħha madwar id-dinja b’mezzi militari, pereżempju, sabiex tiggarantixxi l-provvista tal-enerġija;

- it-tentattiv intenzjonat li tikser it-tabù politiku li titkellem dwar “interess Ewropew ta’ sigurtà”;

- il-militarizzazzjoni ulterjuri tal-UE, pereżempju li tqiegħed dejjem għad-dispożizzjoni 60,000 suldat;

- l-istabbiliment ta’ Suq Ewropew tad-Difiża u tas-Sigurtà;

- żieda fil-fondi Komunitarji għar-riċerka għas-sigurtà;

- li jintrabtu flimkien l-użi tal-assi u l-kapaċitajiet kemm ċivili u militari;

- l-użu tal-Galileo u tal-GMES għas-sigurtà u għad-difiża;

- il-ħarsien tal-assi spazjali tal-UE u, għaldaqstant, il-militarizzazzjoni tal-ispazju;

- li r-Russja tiġi kkritikata għar-risposta tagħha fil-gwerra tal-kawkasu mingħajr ma jissemma li l-gwerra nbdiet mill-Ġeorġja;

- li r-Russja tiġi kkritikata talli għarfet lill-Ossezja tan-Nofsinhar u lill-Abkażja mingħajr ma jissemma li ħafna Stati Ewropej għarfu lill-Kosovo, li tmur kontra l-liġi internazzjonali bl-istess mod;

Aħna nitolbu li:

- ikun hemm UE ċivili;

- ma jkun hemm l-ebda militarizzazzjoni tal-ispazju;

- li titwaqqaf aġenzija tal-UE għad-diżarm;- n-nefqa militari minflok tintuża għal finijiet ċivili.

Iffirmata minn:

Pflüger, Tobias

Meyer Pleite, Willy

Meijer, Erik

Flasarovà, Věra

Triantaphylides, Kyriacos

Adamou, Adamos

Pedro Guerreiro

RIŻULTAT FINALI TAL-VOTAZZJONI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

21.1.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

57

11

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Elmar Brok, Colm Burke, Marco Cappato, Philip Claeys, Véronique De Keyser, Giorgos Dimitrakopoulos, Michael Gahler, Maciej Marian Giertych, Ana Maria Gomes, Alfred Gomolka, Klaus Hänsch, Richard Howitt, Anna Ibrisagic, Jelko Kacin, Ioannis Kasoulides, Maria Eleni Koppa, Helmut Kuhne, Joost Lagendijk, Vytautas Landsbergis, Johannes Lebech, Willy Meyer Pleite, Francisco José Millán Mon, Pasqualina Napoletano, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Baroness Nicholson of Winterbourne, Raimon Obiols i Germà, Vural Öger, Justas Vincas Paleckis, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, Tobias Pflüger, João de Deus Pinheiro, Mirosław Mariusz Piotrowski, Hubert Pirker, Bernd Posselt, Raül Romeva i Rueda, Libor Rouček, Christian Rovsing, Flaviu Călin Rus, Katrin Saks, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Jacek Saryusz-Wolski, Marek Siwiec, István Szent-Iványi, Inese Vaidere, Geoffrey Van Orden, Ari Vatanen, Andrzej Wielowieyski, Zbigniew Zaleski, Josef Zieleniec

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Andrew Duff, Árpád Duka-Zólyomi, Milan Horáček, Gisela Kallenbach, Tunne Kelam, Evgeni Kirilov, Yiannakis Matsis, Erik Meijer, Nickolay Mladenov, Doris Pack, Athanasios Pafilis, Adrian Severin, Jean Spautz, Csaba Sándor Tabajdi, Karl von Wogau

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Călin Cătălin Chiriţă, Věra Flasarová, Pierre Pribetich