RAPPORT dwar is-sitwazzjoni soċjali tar-Roma u t-titjib tal-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol fl-UE
28.1.2009 - (2008/2137(INI))
Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
Rapporteur: Magda Kósáné Kovács
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar is-sitwazzjoni soċjali tar-Roma u t-titjib tal-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol fl-UE
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 3, 6, 7, 29 u 149 tat-Trattat KE, li jirrikjedu li l-Istati Membri jiżguraw opportunitajiet ugwali għaċ-ċittadini kollha,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tat-Trattat KE, li jippermetti lill-Komunità tieħu azzjoni xierqa għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini razzjali jew etnika,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-28 ta' April 2005 dwar is-sitwazzjoni tar-Roma fl-Unjoni Ewropea[1], tal-1 ta' Ġunju 2006 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa Roma fl-Unjoni Ewropea[2], tal-31 ta' Jannar 2008 dwar Strateġija Ewropea għar-Roma[3] u tal-10 ta' Lulju 2008 dwar iċ-ċensiment tar-Roma fuq bażi tal-etniċità fl-Italja[4],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Ottubru 2008 dwar il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar, inkluż il-faqar fost it-tfal, fl-UE[5],
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità[6] u d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol[7],
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata, 'Aġenda soċjali mġedda: Opportunitajiet, aċċess u solidarjetà fl-Ewropa tas-seklu 21' (COM(2008)0412), (il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Aġenda Soċjali Mġedda),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali (COM(2008)0426),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali (2010)[8]1,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Mejju 2007 dwar il-promozzjoni tax-xogħol deċenti għal kulħadd[9]1,
– – wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa tal-1 ta' Frar 1995 u l-Konvenzjoni għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) tal-10 ta' Diċembru 1984 kontra t-Tortura u Trattamenti jew Kastigi Oħrajn li huma Krudili, Inumani jew Degradanti,
– wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) dwar it-Titjib tas-Sitwazzjoni tar-Roma u tas-Sinti fi ħdan iz-Zona OSCE li ġie adottat fis-27 ta' Novembru 2003,
– wara li kkunsidra r-rapport annwali 2007 tal-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea dwar ir-razziżmu u l-ksenofobija fl-Istati Membri,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tad-Deċennju ta' Inklużjoni tar-Roma tat-2 ta' Frar 2005 kif ukoll it-twaqqif tal-Fond għall-Edukazzjoni tar-Roma fit-12 ta' Mejju 2005,
– wara li kkunsidra r-rapport intitolat, 'Is-Sitwazzjoni tar-Roma f'Unjoni Ewropea Mkabbra', ippubblikat mill-Kummissjoni fl-2004,
– wara li kkunsidra r-rapport, 'Minoranzi Etniċi fis-Suq tax-Xogħol: Sejħa Urġenti għal Inklużjoni Soċjali Aħjar' tal-Grupp ta' Esperti Konsultattiv ta' Livell Għoli dwar l-Integrazzjoni Soċjali tal-Minoranzi Etniċi u l-Parteċipazzjoni Sħiħa tagħhom fis-Suq tax-Xogħol, ippubblikat mill-Kummissjoni fl-2007,
– wara li kkunsidra r-Rapport Finali dwar is-Sitwazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tar-Roma, tas-Sinti u tan-Nomadi fl-Ewropa, ippubblikat mill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa fl-2006,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew intitolata 'Integrazzjoni tal-minoranzi' (Opinjoni EESC),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6‑0038/2009),
A. billi wara t-tkabbir riċenti, il-ħtieġa għall-integrazzjoni soċjali ħolqot sfidi ġodda fl-Unjoni Ewropea, li jridu jkunu ffaċċjati fil-kuntest ta' ċirkustanzi ekonomiċi u demografiċi ġodda u billi għalkemm dawk l-isfidi jridu jkunu ffaċċjati fl-Istati Membri kollha, l-Istati Membri fiċ-ċentru u fil-Lvant tal-Ewropa huma milquta aktar minħabba t-trasformazzjoni soċjali, ekonomika u strutturali tagħhom matul l-aħħar għoxrin sena; jinnota, għalhekk, li l-gruppi soċjali vulnerabbli, bħar-Roma, huma fis-sitwazzjoni l-aktar perikoluża,
B. billi f’dawk l-Istati Membri fejn is-setturi industrijali fallew, ir-reġjuni raw il-prospetti tagħhom tal-iżvilupp imorru lura u, bħala riżultat, bosta Roma b’mod partikolari, twarrbu fil-marġini tas-soċjetà permezz ta’ żieda mgħaġġla tal-faqar; billi l-Parlament jinnota u jtenni li, f'dan il-proċess, naqas il-valur taċ-ċittadinanza nazzjonali u taċ-ċittadinanza tal-UE għar-Roma u li l-benefiċċji mit-tkabbir ma waslux għandhom b'mod xieraq, u għalhekk kibret il-marġinalizzazzjoni tagħhom f'diversi modi, filwaqt li żdied ir-riskju li jiffaċċjaw ta' diskriminazzjoni multipla,
C. billi l-kampanja aggressiva politika strateġika għall-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs għar-Roma trid titqabad ma’ sitwazzjoni soċjali estremament kumplessa, billi r-Roma, l-ikbar minoranza etnika tal-Ewropa, għandhom l-istess żvantaġġi ta’ gruppi oħra, u billi din it-taqbida tista’ tiġi megħjuna bl-aktar mod effettiv bi strateġija komprensiva għar-Roma u b’sett ikkoordinat ta’ strumenti li jestendu għal firxa ta’ politiki settorjali u bl-għajnuna ta’ finanzjament għalihom,
D. billi l-vjaġġaturi huma fenomenu etniku separat, li b’mod ġustifikat jista’ jiġi diskuss bħala kwistjoni separata kemm mil-lat tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll minn dak tal-kwistjonijiet soċjali u tas-suq tax-xogħol,
E. billi l-proċess ta' integrazzjoni tar-Roma fis-soċjetà mhuwiex wieħed unilaterali iżda multilaterali u hemm il-ħtieġa li r-Roma jkunu attivament involuti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet meta jitfasslu politiki għall-inklużjoni soċjali,
F. billi l-kundizzjonijiet tal-għajxien tar-Roma, il-qagħda tas-saħħa tagħhom u l-livell ta' edukazzjoni tagħhom jiddeterminaw is-sitwazzjoni soċjali u s-suq tax-xogħol tagħhom u spiss iservu bħala pretest għall-esklużjoni tagħhom minn soċjetajiet ta' maġġoranza u għar-razziżmu, u billi dan kollu jxekkel it-titjib tal-kwalità tal-ħajja, u b'hekk ma jistgħux jiġu eżerċitati d-drittijiet ċivili u tal-bniedem l-aktar fundamentali,
G. billi infrastruttura tat-trasport ħażina, nuqqas ta' entitajiet u servizzi amministrattivi pubbliċi, b'mod partikulari ta' istituzzjonijiet edukattivi u ta' servizzi tal-kura tas-saħħa ta' kwalità għolja u r-rilokazzjoni tan-negozji jġiegħlu liż-żgħażagħ jitbiegħdu mid-dar għal raġunijiet ekonomiċi, u għalhekk immorru għall-agħar id-disparitajiet reġjonali u l-gettoizzazzjoni,
H. billi skont għadd kbir ta' dokumenti, preċiż qabel it-tmiem tat-tieni perjodu tal-Proċess ta’ Liżbona, huwa imperattiv li tkun evalwata s-sitwazzjoni soċjali u l-prospetti tal-impjieg tar-Roma u li jiġi deċiż x’għandu jsir,
I. filwaqt li jagħraf l-importanza tal-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni għall-promozzjoni tal-integrazzjoni u filwaqt li jinnota li, minħabba l-kumplessità tal-problemi soċjali, mhuwiex konċepibbli li dawn jistgħu jiġu solvuti purament permezz tas-sistema ta’ proġetti karatteristika tal-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni,
J. billi huwa bla dubju importanti li jiġu rikonoxxuti l-prattiki tajbin preċedenti, imma billi l-validità tagħhom hija limitata f’sens ta’ żmien u mkien,
K. billi ħafna komunitajiet tar-Roma bħalissa għandhom tendenza li jibqgħu fejn huma, minflok ma jiċċaqilqu lejn zoni fejn jista’ jkun hemm aktar opportunitajiet ta’ xogħol,
Ir-Roma fis-suq tax-xogħol: aċċess jew esklużjoni?
1. Jikkunsidra li hemm il-ħtieġa għal approċċ ikkoordinat biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għejxien tal-komunità tar-Roma li hu mmirat biex jintlaħqu dawn it-tliet għanijiet:
- iż-żieda tal-opportunitajiet ekonomiċi għar-Roma;
- il-bini ta' kapital uman, u;
- it-tisħiħ tal-kapital soċjali u l-iżvilupp tal-komunità;
2. Jindika l-fatt li l-politiki mmirati lejn ir-Roma, f’ħafna każijiet, ma tejbux is-sitwazzjoni tagħhom; jitlob li, fl-azzjonijiet kollha tal-UE u tal-Istati Membri li jaffettwaw lir-Roma b’mod partikulari, dawk li għandhom sehem fil-komunità tar-Roma jieħdu sehem fit-teħid tad-deċiżjonijiet, sabiex tiġi rispettata l-kapaċità u r-responsabiltà tagħhom li jorganizzaw lilhom infushom;
3. Jinnota li l-aċċess mhux ugwali għas-servizzi u l-iżvantaġġi soċjoekonomiċi li jiffaċċjaw it-tfal tar-Roma fil-prattika ma jippermettulhomx żvilupp bikri u edukazzjoni ta' kwalità għolja; jinnota li dawk l-iżvantaġġi, min-naħa tagħhom jaffettwaw b’mod negattiv l-iżvilupp emozzjonali, soċjali, fiżiku u personali tagħhom, kif ukoll l-opportunitajiet sussegwenti tagħhom fis-suq tax-xogħol u għalhekk jaffettwaw l-inklużjoni tagħhom fis-soċjetà ewlenija;
4. Jinnota li s-sistemi edukattivi huma selettivi u li minkejja l-isforzi tal-Istati Membri biex jegħlbu s-segregazzjoni, il-ħafna sistemi diversi mfassla b'mod li jagħti l-impressjoni li qed jittrattaw is-segregazzjoni, fir-realtà bosta drabi jservu biex jaċċentwaw id-disparitajiet bejn il-gruppi soċjali u jiżvantaġġjaw ferm lill-fqar, b'mod partikulari r-Roma, li jsibu ruħhom fit-triq tan-niżla; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa għal politiki tal-edukazzjoni li jindirizzaw speċifikament lill-familji tar-Roma u li jinkoraġġixxu parteċipazzjoni attiva;
5. Jenfasizza li, għalkemm il-proporzjon taż-żgħażagħ Roma fl-edukazzjoni sekondarja u ogħla żdied f’ċerti Stati Membri, il-livell tagħhom ta’ kwalifiki għadu baxx wisq meta mqabbel mal-medja tal-UE; jiġbed l-attenzjoni dwar il-qasma bejn nuqqasijiet ta' ħaddiema minn naħa, u r-rata għolja tal-qgħad marbuta ma’ livelli baxxi ta’ snajja’ fost ir-Roma min-naħa l-oħra; jitlob b'insistenza, għalhekk, li l-Istati Membri u l-UE jappoġġjaw lir-Roma biex itejbu l-kwalifiki tagħhom bħala prijorità; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, fl-assenza ta’ kwalifiki formali, il-pożizzjoni tar-Roma fis-suq tax-xogħol tista’ tittejjeb ukoll billi titfassal sistema għar-rikonoxximent ta’ ħiliet prattiċi;
6. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiggarantixxu li n-nisa u t-tfajliet Roma jkollhom aċċess ugwali għall-edukazzjoni ta’ kwalità u biex jintroduċu inċentivi (pereżempju opportunitajiet ta’ żvilupp professjonali) biex jattiraw għalliema ta’ kwalità għolja fi skejjel li jinstabu fiz-zoni soċjoekonomiċi l-aktar fqar u, b’mod partikulari, f’komunitajiet rurali bi proporzjon kbir ta' Roma;
7. Jistieden lill-Istati Membri sabiex itejbu l-aċċess għan-nisa Roma għat-taħriġ vokazzjonali u sabiex jadottaw it-taħriġ vokazzjonali skont il-ħtiġijiet tas-swieq tax-xogħol lokali sabiex in-nisa Roma jingħataw il-kapaċitajiet meħtieġa mis-suq;
8. Jinnota li l-maġġoranza kbira tal-gradwati Roma ma jirritornawx lura lejn il-komunitajiet tagħhom wara li jispiċċaw l-università u li xi wħud minnhom jinnegaw l-oriġini tagħhom jew ma jibqgħux jiġu aċċettati fil-komunità tagħhom meta jippruvaw jirritornaw;
9. Jirrakkomanda li jitfassal pakkett komprensiv ta’ progammi biex jippromwovi u jagħti motivazzjoni għar-ritorn tal-gradwati Roma lejn il-komunità tagħhom biex isibu impjieg fi ħdan il-komunità tagħhom u fl-interessi tagħha;
10. Iqis bħala fatt li ċ-ċittadini Roma f'xi Stati Membri jaffettwaw il-piramida tal-popolazzjoni b'mod speċifiku; jinnota li l-proporzjon ta' tfal tar-Roma fil-popolazzjoni huwa għoli, filwaqt li l-medja tal-għomor meta jitwieldu hija ta' 10 snin sħaħ inqas minn dik ta' nies li jagħmlu parti mill-popolazzjoni ta' maġġoranza;
11. Iqis li, minkejja li l-Istati Membri użaw riżorsi sostanzjali tal-UE u tal-Istati Membri biex jgħinu lil min ikun qiegħed għal żmien twil isib xogħol, ma nstabet l-ebda soluzzjoni koerenti fil-livell tal-Unjoni Ewropea: l-Istati Membri qed jittrattaw is-sitwazzjoni b'modi differenti ħafna u f'miżuri differenti ħafna, u ma pprovdewx opportunitajiet ta' ritorn għas-suq tax-xogħol fuq perjodu twil ta' żmien, filwaqt li l-miżuri tagħhom, bħall-programmi ta' impjieg pubbliċi, aggravaw aktar l-istigmatizzazzjoni tar-Roma; jitlob, għalhekk, li kemm l-UE kif ukoll l-Istati Membri jbiddlu l-politika tagħhom għal approċċ integrat li jindirizza l-aspetti kollha tal-privazzjoni tagħhom;
12. Jistieden lill-Istati Membri biex jadattaw il-programmi ta’ taħriġ vokazzjonali tagħhom għall-bżonnijiet tas-swieq tax-xogħol lokali u jagħtu inċentivi lil min iħaddem biex jipprovdu xogħol lil nies mhux imħarrġa (inkluż in-nies Roma) u joffrulhom taħriġ u opportunitajiet biex dawn jakkwistaw esperjenza prattika direttament fuq il-post tax-xogħol;
13. Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali biex iwettqu studji annwali separati skond is-sessi dwar ir-rata li biha jerġgħu jiġu impjegati dawk li jkunu ilhom qiegħda għal ħafna żmien (u għalhekk inkluzi n-nies Roma) li lestew taħriġ għas-suq tax-xogħol u, skont l-esperjenza li jkunu ġabru, jitfasslu metodoloġiji ġodda u jitniedu programmi ġodda ta’ taħriġ adattati għall-abilitajiet lokali u l-ħtiġijiet ekonomiċi;
14. Jistieden lill-Istati Membri biex jużaw il-fondi tal-UE biex jippreżervaw u jħarsu l-attivitajiet tradizzjonali tar-Roma;
15. Jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-adulti Roma, minħabba d-diversi żvantaġġi tagħhom, mhumiex rappreżentati biżżejjed fil-popolazzjoni li taħdem u fit-tagħlim tul il-ħajja, ħafna drabi ma jkollhomx aċċess għall-ICT, u huma rappreżentati żżejjed fost min ikun qiegħed għal żmien twil u min jaħdem f'xogħol ta' ftit prestiġju, żvantaġġi li joħolqu l-akbar ostakli għar-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol; jitlob, għalhekk, l-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva 2000/78/KE, li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni fl-impjieg u fix-xogħol fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabiltà, età jew orjentazzjoni sesswali;
16. Iqis li huwa importanti li wieħed jaħseb għal azzjoni speċifika tal-Komunità biex ikun promoss l-aċċess tar-Roma għal programmi ta’ taħrig professjonali;
17. Jiġbed l-attenzjoni tal-Istati Membri li din id-dikotomija soċjali tista' ġġiegħel lil ħafna nies Roma li jkunu qed ifittxu x-xogħol biex jaqilbu mill-ekonomija legali għall-ekonomija informali, u li hemm bżonn ta’ sforz ikkoordinat fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri biex dawn l-impjegati jitħajru lura għall-impjieg legali bi drittijiet marbuta max-xogħol u drittijiet tas-sigurtà soċjali;
18. Iqis li għandhom jittieħdu passi għall-promozzjoni ta’ politika soċjali u ekonomika inklużiva, anke permezz ta’ miżuri ad hoc biex tiġi pprovduta akkomodazzjoni diċenti;
19. Jiġbed attenzjoni partikulari għall-fatt li l-promozzjoni tal-mobiltà ta’ ħaddiema mingħajr kwalifiki u mingħajr ħiliet tista’ twassal għal diskriminazzjoni serja kontra n-nisa tar-Roma li diġà huma vulnerabbli ħafna għal diversi tipi ta’ diskriminazzjoni, u tista’ tkun ta’ xkiel għall-avvanz tagħhom fis-suq tax-xogħol;
20. Jistieden lill-gvernijiet tal-Istati Membri biex itejbu l-indipendenza ekonomika tan-nisa Roma billi jippromwovu l-fatt li wieħed jaħdem għal rasu b'mod faċli kif ukoll miżuri ta' kif wieħed jiftaħ xi impriża ta' daqs żgħir jew medju (SME) għal rasu, l-aċċess għall-mikrokreditu, u billi jħeġġu ekonomija tas-servizzi fil-komunitajiet tagħhom biex l-għarfien u l-kompetenza tan-nisa tar-Roma jiżdiedu;
21. Jistieden lill-gvernijiet tal-Istati Membri biex joħolqu sistemi ta’ inċentivi, inter alia, permezz ta' vantaġġi fiskali, għall-impriżi li jimpjegaw n-nisa Roma;
22. Iqis li huwa neċessarju li jitqies il-fatt li fil-prattika, huwa diffiċli li l-eliminazzjoni tal-komunitajiet tar-Roma titwettaq bl-użu tar-riżorsi tal-UE skont ir-regoli li attwalment japplikaw għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, għax fil-każ ta' Stati Membri li daħlu wara l-2004, iċ-ċifra minima tal-popolazzjoni biex il-komunitajiet ikunu eliġibbli għall-iffinanzjar mill-baġits għall-akkomodazzjoni hija tali li huma preċiżament dawk li qed jgħixu fl-iktar kundizzjonijiet ħżiena, fl-iżgħar kolonji, li ma jistgħux jintlaħqu;
23. Jenfasizza l-fatt li s-soluzzjoni għall-problemi soċjali u ekonomiċi tar-Roma tirrikjedi approċċ komprensiv u soluzzjoni għal tul ta’ żmien ikkoordinata li tinvolvi lo-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni, il-kura għas-saħħa u l-politiki għas-suq tax-xogħol; għalhekk jissuġġerixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li l-miżuri kollha mmirati għat-titjib tas-sitwazzjoni tar-Roma għandhom jiġu kkunsidrati bħala parti inseparabbli mill-miżuri mfassla għall-appoġġ għall-iżvilupp reġjonali u l-inklużjoni soċjali;
24. Iqis li l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu mir-reviżjoni tar-regoli dwar il-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni li tagħti aktar skop għall-programmi kumplessi billi jiġi permess it-trasferiment ta' iżjed minn 10 % bejn il-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni;
25. Jilqa’ b'sodisfazzjon il-proposta għal direttiva komprensiva ġdida biex tingħeleb d-diskriminazzjoni barra l-impjieg fuq bażi ta’ età, diżabiltà, orjentazzjoni sesswali, reliġjon jew twemmin u jappella għall-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva 2000/43/KE; iqis li, fl-ispirtu tal-Aġenda Soċjali, il-Kummissjoni għandha tidentifika objettivi speċifiċi u tfassal programmi bbilanċjati sew bil-għan li titneħħa d-diskriminazzjoni kontra r-Roma u l-istigmatizzazzjoni tar-Roma u l-kriminalizzazzjoni tal-komunitajiet tar-Roma;
26. Jenfasizza l-fatt li l-prerekwiżit bażiku għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-aċċess għas-suq tax-xogħol għar-Roma huwa li dawn jingħataw drittijiet soċjali u politiċi ugwali; jistieden lill-Istati Membri u l-pajjiżi kandidati, f’dan ir-rigward, biex jistabbilixxu strateġija għat-titjib tal-parteċipazzjoni tar-Roma fl-elezzjonijet bħala votanti u kandidati fil-livelli kollha;
27. Japprova l-importanza tal-mikrokreditu, u li huma rakkomandati minn diversi prospettivi fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Aġenda Soċjali Mġedda u fl-opinjoni tal-EESC u li, bl-għoti ta’ riżors minimu, jistgħu jpoġġu l-ifqar fost il-fqar fuq it-triq tar-responsabiltà personali, tal-ħiliet tan-negozju u tal-iżvilupp tal-ħiliet kreattivi tagħhom, anke billi tiġi pprovduta somma ta’ flus biex tagħmel tajjeb għas-sehem tal-individwu għall-ispejjeż biex wieħed jaħdem għal rasu;
28. Jappoġġja l-proposta tal-istituzzjonijiet tal-UE li, b'konformità mal-prinċipju tat-trattament ugwali, in-numru ta' Roma li jaħdmu fis-servizzi pubbliċi għandu jiżdied; madankollu jinnota li sabiex dan isir possibbli huwa neċessarju mhux biss li l-gvernijiet isegwu politiki tal-istaff u tal-forza tax-xogħol li jħeġġu dan, imma wkoll li jsiru sforzi speċjali u jiġi pprovdut appoġġ attiv biex isir aktar faċli li l-pubbliku jaċċetta l-prinċipju;
29. Jenfasizza li s-suq soċjali, il-kura tas-saħħa, l-għajnuna fid-djar, il-kejtering pubbliku u l-forniment ta’ servizzi għall-appoġġ tal-kura tat-tfal eċċ jistgħu joħolqu impjiegi ġodda għar-Roma li m’għandhomx xogħol, speċjalment in-nisa; jirriafferma, madankollu, li s-suq soċjali jeħtieġ ħolqa li tgħaqqad b’mod permanenti lil min jipprovdi u lil min juża s-servizzi u li, għalhekk, żieda fl-impjiegi għar-Roma f’dawk l-oqsma tkun possibbli biss f'kuntest ta’ aċċettazzjoni soċjali, iżda tali impjieg jippromwovi wkoll l-aċċettazzjoni soċjali;
30. Jistieden lill-Istati Membri sabiex jieħdu miżuri xierqa biex tiġi eliminata l-mibegħda razzjali u t-tixwix għad-diskriminazzjoni u l-vjolenza kontra r-Roma fil-mezzi tax-xandir u f’kull forma ta’ teknoloġija tal-komunikazzjoni, u jħeġġeġ lill-mezzi tax-xandir biex jistabbilixxu prattiċi tajbin fir-reklutaġġ tal-ħaddiema b’tali mod li dan jirrifletti l-mod kif inhi mqassma l-popolazzjoni kollha;
31. Josserva li ħafna drabi n-nisa Roma huma parti mill-ekonomija informali u għandhom rata baxxa ħafna ta' impjieg u jqis li, sabiex tingħeleb id-diskriminazzjoni multipla, u l-livell għoli ta' faqar u qgħad, il-politiki mmirati għandhom jiffukaw fuq il-ħolqien ta' aċċess veru għas-suq tax-xogħol għan-nisa Roma, aċċess li huwa prerekwiżit sabiex jittejjeb l-istatus soċjali u tal-familja tagħhom;
32. Iqis li l-impjieg tan-nisa Roma għandu jkun promoss ukoll permezz ta' tħaddim li jiffavorixxi l-impjieg tas-sistemi ta' appoġġ soċjali kif ukoll permezz ta' taħriġ xieraq u opportunitajiet ta' speċjalizzazzjoni, sabiex jitħejjew fil-futur imbiegħed għal xogħol li jistgħu jaqilgħu l-għajxien minnu, kif ukoll sabiex jirrikonċiljaw il-ħajja tal-familja u x-xogħol; jistieden lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri li jgħinu biex jiżdiedu l-opportunitajiet ta' kura għat-tfal Roma anke jekk ommhom tkun id-dar mat-tfal l-oħra tagħha;
33. Jenfasizza li titjib fl-akkomodazzoni u fis-servizzi tas-saħħa jista' jgħin sabiex in-nisa Roma jkollhom aċċess aħjar għas-suq tax-xogħol u jżid iċ-ċans tagħhom li jżommu xogħolhom għal perjodu itwal ta’ żmien;
34. Jinnota li l-politiki soċjali u tax-xogħol għandhom jagħtu kontribut għall-potenzjal tal-individwi u għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini u joħolqu aktar opportunitajiet għall-akbar grupp ta' ħaddiema bħal min hu ikbar fl-età, nies b’diżabilitajiet, nies bla ħiliet u fqar, inklużi r-Roma;
35. Jinnota li d-diskriminazzjoni multipla li jħabbtu wiċċhom magħha n-nisa Roma għandha tiġi rikonoxxuta u indirizzata speċifikament fil-politiki mmirati għan-nisa Roma li jista’ jkollhom impatt pożittiv doppju u għal żmien twil, fuqhom u fuq membri oħra tal-familja, partikolarment it-tfal;
36. Huwa kontra l-opinjoni li s-sussidji maħsuba biex jgħinu n-nies qiegħda għal tul ta' żmien (anke lil ħafna Roma) isibu xogħol, kemm jekk jitħallsux lil min iħaddem kif ukoll jekk jitħallsu lill-impjegati, imorru kontra l-prinċipju tan-newtralità kompetittiva, għax ir-reintegrazzjoni tar-Roma hija objettiv tal-politika soċjali li għalih hemm bżonn jinħolqu pożizzjonijiet tas-suq issussidjati; jesprimi l-opinjoni li s-sussidju għall-impjiegi fis-suq tax-xogħol għar-reintegrazzjoni tal-ħaddiema tar-Roma huwa aħjar mis-sussidju għal min ikun qiegħed għal żmien twil;
37. Jagħraf li xi wħud mix-xogħlijiet tradizzjonali tar-Roma, bħall-arti u s-snajja', jistgħu jgħinu kemm biex il-karatteristiċi speċifiċi ta’ din il-komunità jinżammu, kif ukoll biex jitjiebu s-sitwazzjoni materjali u l-livell ta’ integrazzjoni soċjali tagħhom, u jqis li huwa mixtieq li jiġu megħjuna ċerti attivitajiet professjonali;
Il-ġlieda għas-sopravivenza fil-marġini tas-soċjetà
38. Jinnota li fost il-kulturi tal-Unjoni Ewropea, dik tar-Roma hija bbażata fuq tradizzjoni b'saħħitha tal-familja; josserva li l-immaġini tal-familji tar-Roma, fl-opinjoni pubblika, titfa' enfasi fuq l-irwoli tas-sessi tradizzjonali, fuq in-numru kbir ta' tfal, fuq il-koabitazzjoni ta' ħafna ġenerazzjonijiet, fuq it-tendenza li l-familjari jgħixu qrib xulxin, u fuq il-kultivazzjoni estensiva tar-relazzjonijiet, u li għalhekk, fil-programmi tal-UE u tal-Istati Membri għall-familji tar-Roma, huwa meħtieġ li nibnu fuq dawn il-punti b'saħħithom ta' dan in-netwerk ta' appoġġ naturali;
39. Jenfasizza l-importanza li jiġu kkonservati u asseriti l-karatteristiċi kulturali speċifiċi tar-Roma sabiex titħares l-identità tagħhom u jitnaqqsu l-preġudizzji kontra din il-minoranza, u għalhekk iqis li huwa meħtieġ li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jkollhom parti aktar attiva fl-appoġġ tal-ħajja spiritwali tal-minoranza tar-Roma;
40. Jaqbel mal-opinjoni tal-EESC li n-nisa tar-Roma għandhom status baxx fil-ġerarkija tal-familja, jiżżewġu kmieni, ħafna drabi jbatu minn vjolenza domestika, u ta’ spiss jisfaw vittmi tal-prostituzzjoni u tat-traffikar tal-bnedmin;
41. Iqis għalhekk li l-programmi tal-UE u tal-Istati Membri għar-Roma għandhom jimmiraw lejn l-emanċipazzjoni individwali mill-ġerarkiji tradizzjonali u l-indipendenza soċjoekonomika tal-membri tal-komunità tar-Roma, speċjalment in-nisa;
42. Jinnota li t-tendenza tat-tfal tar-Roma li jitilqu kmieni mill-iskola hija ta’ ħsara għall-edukazzjoni personali, l-integrazzjoni soċjali u l-opportunitajiet tagħhom stess fis-suq tax-xogħol, filwaqt li fil-każ tan-nisa tar-Roma, is-saħħa fiżika u psikoloġika tagħhom u l-fatt li jitilqu kmieni mill-iskola jaffettwaw ukoll is-saħħa u l-edukazzjoni tat-tfal tagħhom, u dan jiffaċilita l-esklużjoni soċjali tagħhom; għalhekk jenfasizza l-importanza ta' servizzi li jżidu l-għarfien permezz tal-għoti ta' informazzjoni lin-nisa tar-Roma;
43. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiggarantixxu li l-oqfsa legali attwali u futuri jinkludu dispożizzjonijiet biex jipprevjenu u jindirizzaw il-forom differenti ta’ diskriminazzjoni li jħabbtu wiċċhom magħhom in-nisa Roma sabiex itejbu l-istatus soċjoekonomiku tagħhom u biex jiżguraw l-aċċess tagħhom għal kura tas-saħħa ta’ kwalità għolja, il-kura tat-tfal u l-edukazzjoni bħala prekondizzjonijiet għall-impjieg;
44. Iqis li l-proċess ta' integrazzjoni jrid jibda fi stadju bikri tal-ħajja, sabiex jiġu pprovduti b'mod effettiv alternattivi għall-faqar u l-esklużjoni soċjali; għalhekk jeħtieġ li jitwaqqaf qafas istituzzjonali għal servizzi soċjali u edukattivi bbażati fuq il-komunità għat-tfal u l-familji li jissodisfaw il-ħtiġijiet personali u reġjonali, sabiex ikun iggarantit l-aċċess ugwali għal servizzi ta' kwalità għolja; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi appoġġ partikolari għal programmi għall-integrazzjoni bikrija tat-tfal Roma fil-pajjiżi kollha fejn hemm aċċess għar-riżorsi tal-UE bħall-Istrument għall-Għajnuna ta' Qabel l-Adeżjoni jew il-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni;
45. Jinnota li hemm wisq tfal Roma fl-iskejjel speċjali, li proporzjon kbir tagħhom jintbagħtu fi skejjel bħal dawn mingħajr ġustifikazzjoni, l-aktar minħabba d-diskriminazzjoni; jinnota li l-fatt li t-tfal jiġu mġiegħla jattendu skejjel speċjali wara li, kontra l-liġi, jkunu ġew klassifikati bħala mentalment diżabbli, huwa diskriminatorju u jikser serjament id-dritt fundamentali tagħhom għal edukazzjoni ta’ kwalità u jinħolqu diffikultajiet għal studju ulterjuri u biex isibu xogħol, u għal aktar inattività, waqt li fl-istess ħin joħloq piż fuq il-baġits;
46. Jaqbel mal-opinjoni tal-EESC li, fl-interess tal-iżvilupp tat-tfal żgħar, hemm bżonn ta' forom kumplessi ta' għajnuna li huma mmirati għall-familja sħiħa u li, filwaqt li jkunu magħmulin għall-bżonnijiet tal-familja, jipprovdu għajnuna prattika li tkun magħmula apposta għalihom bħall-programm 'bidu ċert';
47. Jaqbel mal-opinjoni tal-EESC li l-komunità Roma – minħabba l-karatteristiċi demografiċi tagħha – għandha aċċess asimetriku għall-benefiċċji soċjali; jenfasizza li l-benefiċċji soċjali huma intenzjonati biex jibbilanċjaw il-piżijiet jew in-nuqqasijiet li joħorġu minn sitwazzjonijiet tal-ħajja individwali, l-impenn biex jieħdu ħsieb it-tfal u impenji soċjali utli oħra;
48. Jaqbel mal-opinjoni tal-EESC li, sabiex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol uffiċjali, għandu jiġi provdut appoġġ supplimentari lil dawk li jkunu qed ibiddlu l-impjieg; jenfasizza li xogħol iddikjarat għandu jsir vantaġġuż kemm għall-impjegati kif ukoll għal min iħaddem;
49. Jenfasizza li l-parti mill-ħajja attiva li r-Roma jkunu għexu f’qagħda ta’ esklużjoni xxekkel l-aċċess tagħhom għas-servizzi tal-kura tas-saħħa u hija responsabbli għas-sitwazzjoni tagħhom fix-xjuħija, u minħabba li jibdew jaħdmu ta' età żgħira, il-qgħad frekwenti, nuqqas ta’ protezzjoni fl-impjieg, xogħol inviżibbli li jkun sar fl-ekonomija informali, li ħafna drabi jkun fiżikament iebes, filwaqt li ma tingħatalhom l-ebda pensjoni li għal tali perjodi ta’ impjieg, ir-Roma jkunu esklużi milli jkollhom pensjonijiet xierqa u milli jkollhom xjuħija dinjituża;
50. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tieħu l-inizjattiva li tidentifika l-aktar modi effikaċi għall-appoġġ tal-integrazzjoni soċjali, ekonomika u kulturali tal-ikbar minoranza fl-Unjoni Ewropea, u jisħaq fuq il-ħtieġa ta' koperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-gvernijiet tal-Istati Membri sabiex tittieħed azzjoni speċifika mmirata biex issolvi l-problemi transkonfinali kumplessi tar-Roma;
Konklużjonijiet
51. Iqis li l-ħarsien tal-lingwa u l-kultura tar-Roma huwa valur Ewropew; madankollu, ma jaqbilx mal-idea ta' 'nazzjon Ewropew' mingħajr stat, għax din tneħħi kull responsabilità minn idejn l-Istati Membri u tpoġġi dubji kbar fuq il-possibilità ta' integrazzjoni;
52. Jiġbed l-attenzjoni tal-Istati Membri fuq ir-riskju li jekk jiġu adottati wisq miżuri fir-rigward tal-komunitajiet Roma, dan jista’ jwassal biex is-sitwazzjoni diġà drammatika tal-minoranza ssir agħar u tista' tipperikola ċ-ċansijiet tagħhom ta' integrazzjoni;
53. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaħdmu mal-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs), il-komunitajiet u l-mexxejja tar-Roma sabiex jiżviluppaw pjan aċċettabbli mill-partijiet kollha għall-inklużjoni soċjali tar-Roma biex jiġi implimentat fi sħubija stretta;
54. Jistieden lill-Istati Membri jfasslu u jimplimentaw proġetti bil-għan li jingħelbu l-isterjotipi negattivi dwar ir-Roma fil-livelli kollha li jistgħu jkunu appoġġjati mill-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni kif ukoll minn programmi speċifiċi bħal Progress u iniżjattivi bħalma huma s-Sena Ewropea għad-Djalogu Interkulturali 2008 u s-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali 2010;
55. Josserva li, minkejja li t-titjib tas-sitwazzjoni soċjali u ekonomika tar-Roma kien kunsiderazzjoni importanti fil-proċess tat-tkabbir, il-progress kien ġeneralment limitat; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jirrevedu l-programmi u l-inizjattivi eżistenti u tal-passat u jevalwaw ir-riżultati tagħhom; iqis li l-Unjoni Ewropea għandha d-dmir li tikkoordina strumenti ta’ inklużjoni soċjali aħjar u iktar mill-qrib u li dan għandu jgħin fil-ġlieda kontra l-faqar, iħeġġeġ l-aċċess tar-Roma għal impjieg aħjar, għal żmien itwal u aktar stabbli, iwitti t-triq għal sforzi biex l-inklużjoni soċjali u s-sistemi ta’ protezzjoni jsiru iżjed effettivi, u jkun mezz li bih jiġu analizzati l-esperjenza politika u t-tagħlim reċiproku u tinħoloq sistema għall-analiżi koerenti tal-aħjar prattiċi;
56. Jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa speċifikament l-impatt tal-għanijiet u tal-istrumenti ta’ kull waħda mill-politiki settorjali tagħha dwar ir-Roma, fl-istess waqt li tiżviluppa strateġija politika koerenti u tilħaq livell għoli ta’ koordinazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex titlob lill-Istati Membri, f’rapporti dwar indikaturi integrati u l-metodu miftuħ tal-koordinazzjoni għall-inklużjoni soċjali, biex jagħtu attenzjoni sabiex tinbidel is-sitwazzjoni tar-Roma; jistieden lill-Kummissjoni biex timmoniterja l-kobor tad-diskriminazzjoni, tevalwa regolarment is-sitwazzjoni tar-Roma fir-rigward tal-bidliet fl-oqsma tal-edukazzjoni, tal-impjieg, tas-saħħa, tal-akkomodazzjoni u fil-qasam soċjalifl-Istati Membri u fil-pajjiżi ta' adeżjoni;
57. Jistieden lill-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri jadottaw politiki tal-impjieg ċari għal gruppi żvantaġġjati, inkluża l-popolazzjoni attiva tar-Roma, malajr kemm jista’ jkun, b’miżuri ta’ appoġġ li jiffaċilitaw l-integrazzjoni gradwali tagħhom fis-suq tax-xogħol, miżuri li se jegħlbu l-effetti tad-dipendenza maħluqa mis-sistema tas-sigurtà soċjali;
58. Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkopera mad-diversi organizzazzjonijiet internazzjonali u tappoġġja l-iżvilupp ta’ netwerk akkademiku ta’ esperti Roma li għandu jipprovdi dejta xjentifika u appoġġ permezz tar-riċerka, l-analiżi u l-ġbir ta’ evidenza u t-tfassil ta’ rakkomandazzjonijiet, sabiex jiġu analizzati l-kwistjonijiet marbuta mal-integrazzjoni tar-Roma, jiġu stabbiliti aġendi, jiġu deskritti l-kwistjonijiet tar-Roma bis-serjetà dovuta fuq il-bażi ta’ rapporti fil-qosor imfassla minn dawk l-organizzazzjonijiet, u biex tagħmel evalwazzjoni ġenerali tal-UE mill-inqas darba kull sentejn;
59. Jikkritika lill-erba’ Stati Membri li għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa tal-1995 għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali; jistieden lil dawk l-erba’ Stati Membri - Franza, il-Greċja, il-Belġju u l-Lussemburgu - biex jirratifikaw il-Konvenzjoni urġentement; jistieden lill-Istati Membri li ħarġu dikjarazzjonijiet restrittivi taħt il-Konvenzjoni Qafas li jaffettwaw ir-rikonoxximent tar-Roma bħala minoranza nazzjonali biex jirtiraw dawk id-dikjarazzjonijiet;
60. Jirrakkomanda li l-Istati Membri
(a) iwaqqfu grupp ta' esperti fil-livell tal-UE li jinkludi rappreżentanti tar-Roma biex jikkoordina l-istrateġija tal-Istati Membri rigward ir-Roma u l-użu tal-fondi tal-UE għall-promozzjoni tagħha;
(b) jistabbilixxu sħubiji bejn id-diversi organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tar-Roma u l-istituzzjonijiet adattati tal-Istati Membri;
(c) ifasslu strumenti bħall-kreditu konċessjonarju jew l-għotjiet pubbliċi u li, fl-ippjanar tas-sussidji għall-irziezet, jagħmluha objettiv importanti li ċ-ċittadini tar-Roma jkunu jistgħu jiksbu kundizzjonijiet li fihom jistgħu jaqilgħu l-għajxien mill-biedja; sabiex, minbarra jew minflok ma jfittxu impjieg imħallas fil-biedja, ikunu miftuħin għall-idea li jfittxu forom innovattivi ta' xogħol agrikolu, inklużi l-kooperattivi soċjali, biex b'hekk ikun iġġustifikat il-provvista tar-riżorsi meħtieġa;
61. Iqis li f’xi Stati Membri l-gruppi fil-mira (f'komunitajiet jew f'partijiet minn komunitajiet) jistgħu jiġu indirizzati b’mod effettiv billi tiġi użata d-definizzjoni ta’ ‘żvantaġġi multipli’, iżda li huwa diffiċli li jintlaħqu taqsimiet iżgħar bħall-familji u l-individwi permezz ta’ dik il-kategorija;
62. Iqis, madankollu, li għandhom jinħolqu l-kundizzjonijiet legali sabiex ikun jista' jibda l-ġbir volontarju u anonimu tad-dejta u l-ħolqien ta' bażi ta' dejta kumparabbli, filwaqt li jiġu kkunsidrati kif suppost il-ħarsien tad-dejta u r-regoli għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u mingħajr ma wieħed jirrikorri għal metodi li jiksru d-dinjità tal-bniedem; iqis li l-Kummissjoni għandha tieħu passi biex isiru l-emendi meħtieġa tal-leġiżlazzjoni;
63. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiffaċilita t-tfassil, il-verifikazzjoni u l-konferma ta’ sett tal-aħjar prattiċi fi programmi għar-Roma, fir-rigward, inter alia, tal-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni u l-impjieg, wara analiżi mwettqa minn korp indipendenti;
64. Iqis li l-ħolqien ta' bażi ta' dejta mhux alternattiva iżda prekundizzjoni għal sistema ta' stima u ta' evalwazzjoni li tista' tkejjel l-impatt tal-iskambji tal-aħjar prattiki u tal-użu tar-riżorsi; jemmen li, għal dan il-għan, hija meħtieġa sistema ta' indikaturi li testendi għall-oqsma kollha tal-ħajja u li tista' tintuża minn kulħadd, u li barra l-indikaturi ta' output u ta' input, tittratta wkoll l-użu ta' indikaturi tar-riżultati u tal-impatti soċjali, anke bħala kundizzjoni għall-finanzjament; jirrakkomanda, għaldaqstant, li l-Kummissjoni tistabbilixxi din is-sistema ta’ indikaturi fir-Regolament Qafas dwar il-Fondi Strutturali u fir-regolamenti relatati ma’ tipi oħra ta’ għotjiet pubbliċi;
65. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tadotta aspettattivi aktar konsistenti u uniformi mill-programmi kollha tal-iżvilupp iffinanzjati mir-riżorsi tal-UE li minnhom huwa possibbli li jintalab kont tal-prevenzjoni jew tat-treġġigħ lura tal-esklużjoni soċjali tar-Roma; iqis li l-korpi tal-Istati Membri u tal-UE għandhom jeżaminaw l-iżvilupp kollu li hu ffinanzjat mill-Fondi Strutturali u tal-Koeżjoni mill-perspettiva tal-impatt li l-programm għandu fuq l-integrazzjoni soċjali tar-Roma; jirrakkomanda wkoll li fil-każ ta’ kull programm fl-istadju tas-selezzjoni, għandha tingħata prijorità lill-dawk l-iżviluppi li huma mfassla wkoll biex itejbu s-sitwazzjoni tar-Roma li jgħixu f’kolonji partikolarment żvantaġġjati u li huma foqra u bla xogħol;
66. Jistieden lill-Kummissjoni biex, f’koperazzjoni mal-Istati Membri, tiżviluppa u timplimenta kampanja ta’ tagħrif wiesgħa indirizzata għall-pubbliku in ġenerali u n-nies Roma dwar programmi nazzjonali fl-Istati Membri għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għejxien tar-Roma u l-implimentazzjoni tagħhom, u kontinwa;
67. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq monitoraġġ kontinwu tal-miżuri u l-attivitajiet u l-impatt tagħhom fuq it-titjib tal-pożizzjoni tar-Roma fis-suq tax-xogħol;
68. Jixtieq li riżorsi, li d-deċiżjonijiet dwarhom jittieħdu fil-livell tal-UE, jintużaw, fost oħrajn, għal programmi ‘mmirati’ li jinvolvu wkoll esperti minn organizzazzjonijiet b’esperjenza f’dan il-qasam biex jipprovdu appoġġ u pariri, li jfittxu li jpattu għall-iżvantaġġi li jbatu minnhom ir-Roma fl-edukazzjoni u fil-kwalifiki; iqis li l-Istati Membri, biex jallokaw fondi tal-UE u fondi tagħhom stess, għandhom, meta jkunu qed jiddeċiedu dwar il-finanzjament ta' oqsma li mhumiex l-iżvilupp f'età żgħira u l-edukazzjoni pubblika, jikkunsidraw jekk il-korpi tal-gvernijiet lokali, l-organizzazzjonijiet, eċċ., li applikaw għal appoġġ, ikkonformawx mal-obbligi tagħhom li jeliminaw is-segregazzjoni;
69. Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-awtoritajiet nazzjonali biex iwaqqfu l-prattika diskriminatorja li jkeċċu lir-Roma mill-kerrejiet u minflok, jiżviluppaw proġetti konkreti ta’ akkomodazzjoni bl-appoġġ tat-tagħrif espert tekniku u l-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ ta', inter alia, il-Kummissjoni, il-Bank Dinji u l-NGOs li jiffukaw fuq ir-Roma; jemmen li s-soluzzjoni tal-problemi tal-akkomodazzjoni tar-Roma li jgħixu f’partijiet rurali għandha tkun prijorità u għandha ssir kwistjoni ta’ interess speċjali u qasam fejn tittieħed azzjoni;
70. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni partikolari mhux biss lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili iżda lill-kapaċità tar-Roma li jorganizzaw ruħhom u li jagħtu appoġġ lill-politika tal-integrazzjoni, biex tappoġġja l-iżvilupp tal-komunitajiet partikolarment permezz ta' proġetti li jżidu l-parteċipazzjoni tar-Roma fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u r-responsabilità tagħhom għal deċiżjonijiet meħuda magħhom;
71. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex f’koperazzjoni mal-NGOs li jiffukaw fuq ir-Roma jeżaminaw il-politiki u l-programmi eżistenti sabiex jitgħallmu mill-proġetti li fallew fil-passat;
72. Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja lill-NGOs li jiffukaw fuq ir-Roma, f'livell tal-UE, nazzjonali u lokali, sabiex twettaq monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-politiki u l-programmi mmirati għar-Roma, kif ukoll l-edukazzjoni tal-Komunità dwar id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem;
73. Jipproponi li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jistabbilixxu forum mifrux mal-UE kollha li fih il-movimenti soċjali, it-trejdjunjins u l-NGOs li jirrappreżentaw lir-Roma u l-interessi tagħhom ikunu jistgħu jikkonsultaw lil xulxin fuq bażi permanenti sabiex jitfasslu linji gwida u jsiru skambji tal-aħjar prattiki, bil-għan li jitħeġġeġ approċċ ikkoordinat fuq livell tal-UE;
74. Jistieden lill-Istati Membri biex ikunu aktar proattivi meta jinkoraġġixxu t-trasferiment tal-impjiegi fejn hemm il-komunitajiet tar-Roma, kif ukoll biex jinkoraġġixxu lir-Roma jiċċaqilqu lejn fejn hemm ix-xogħol;
75. Ifakkar lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni li, filwaqt li s-sistema soċjali għandha rwol ċentrali fl-appoġġ u t-tisħiħ tal-komunitajiet żvantaġġjati bħal dawk tar-Roma, il-promozzjoni biex dawn jgħinu lilhom infushom hija importanti wkoll; iqis li kultura ta’ indipendenza, aktar minn dik ta’ dipendenza, għandha tkun l-għan għall-futur imbiegħed;
76. Iqis li għandha tingħata ħafna aktar prijorità lill-provvista ta’ impjiegi lokali u l-inkoraġġiment tal-intraprenditorija u tal-artiġjani lokali, kif ukoll l-iżvilupp tal-ħiliet bażiċi għal dawn, sabiex jiġu żviluppati prosperità akbar kif ukoll stima akbar tagħhom infushom;
* *
*
77. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati.
- [1] ĠU C 45 E, 23.2.2006, p. 129.
- [2] ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 283.
- [3] Testi adottati, P6_TA(2008)0035.
- [4] Testi adottati, P6_TA(2008)0361.
- [5] Testi adottati, P6_TA(2008)0467.
- [6] ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.
- [7] ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.
- [8] 1 Testi adottati, P6_ΤΑ(2008)0286.
- [9] 1 ĠU C 102 Ε, 24.4.2008, p. 321.
NOTA SPJEGATTIVA
Il-kundizzjonijiet li fihom tgħix l-akbar minoranza fl-Ewropa jistgħu mingħajr dubju jiġu deskritti bħala ugwali għal dawk li jinsabu fil-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw. Dan huwa minnu mhux biss fil-każ ta' indikaturi edukattivi, tal-akkomodazzjoni, tas-saħħa, tal-impjiegi u oħrajn, iżda wkoll fis-sens li, mingħajr għajnuna esterna immedjata, ikkonċentrata u mmirata, dawn in-nies li jlaħħqu bejn wieħed u ieħor bejn l-għaxra u t-tnax-il miljun persuna, m'għandhom l-ebda ċans li joħorġu mill-faqar u mill-esklużjoni. Livell bħal dan ta' żvantaġġ soċjali jfixkel l-ilħuq ta' livell bażiku ta' dinjità umana u opportunitajiet ugwali għar-Roma.
Ilu għexieren ta' snin minn meta l-Ewropa ħarġet minn perjodu meta setgħet tħares mingħajr ma tinvolvi ruħha fit-territorju tagħha lejn numri kbar ta' nies jinfnew fi stat ta' deprivazzjoni soċjali totali, li kienet tintiret minn ġenerazzjoni għall-oħra, u li fl-istess ħin kellhom potenzjal ekonomiku bħal dak. Nistgħu nemmnu li jkun hemm opportunità biex tinbidel is-sitwazzjoni tar-Roma b'mod sostanzjali meta pajjiż kollu kemm hu jkun għaddej minn perjodu ta' żvilupp ekonomiku. M'hemm l-ebda livell ta' żvilupp ekonomiku fejn it-tħaddim awtomatiku tas-sistemi tar-ridistribuzzjoni ħoloq opportunitajiet reali ta' mobilità għan-numri kbar ta' persuni li jgħixu fil-livelli soċjali li jinsabu l-aktar 'l isfel: tabilħaqq, ta' spiss fil-fatt iżidu l-faqar relattiv. Barra minn hekk, dan huwa enfasizzat mill-fatt li l-livell ta' integrazzjoni tar-Roma u s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tagħhom tvarja ħafna fost il-pajjiżi.
Il-politika tal-istituzzjonijiet għar-Roma primarjament tqis l-integrazzjoni tar-Roma bħala kwistjoni reġjonali għall-Istati Membri l-ġodda u l-pajjiżi kandidati. Il-ġrajjiet tal-passat riċenti f'ċerti Stati Membri antiki jfakkruna li s-sitwazzjoni serja tar-Roma hija kwistjoni Ewropea. Ir-responsabilità hija komuni, l-aktar peress li fl-Istati Membri l-ġodda u fil-pajjiżi kandidati, is-sitwazzjoni tar-Roma ma nbidlitx b'mod fundamentali mit-tkabbir 'l hawn jew fl-istennija tiegħu; l-integrazzjoni tagħhom waqfet għalkollox jew lanqas biss bdiet, u riżultat ta' dan qed jibda eżodu li qatt ma rajna bħalu ta' persuni Roma lejn l-Istati Membri l-antiki. Fil-pajjiżi li qed imorru fihom biex ifittxu art ġdida fejn jistgħu jgħixu, jirrappreżentaw tip ġdid ta' sfida għall-politika tal-integrazzjoni, peress li mingħajr intenzjoni ġenwina ta' aċċettazzjoni u strateġija ta' integrazzjoni, se jkunu emarġinati u mingħajr ħarsien bl-istess mod li kienu fil-pajjiż li ġew minnu.
Riflessjoni waħda tal-opinjonijiet estremisti li qed ikunu espressi aktar u aktar fil-miftuħ huwa l-fatt li l-mibegħda taż-żingari qed tikber madwar l-Ewropa. Sakemm ma naġixxux u nieħdu nota ta' dan, jista' faċilment jiġri li, minkejja l-isforzi kollha, l-Unjoni Ewropea, minflok ma ssir assoċjazzjoni li tassorbi l-gruppi u ttihom drittijiet indaqs, tista' tnaqqax fil-ġebel il-kunflitti u d-differenzi eżistenti.
Jekk nieħdu bis-serjetà waħda mill-aktar intenzjonijiet importanti tal-fundaturi tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri li għandha ssir kompetitur ekonomiku tal-Istati Uniti u tal-Ażja li jistħoqqlu rispett, huwa ovvju li la l-gvernijiet nazzjonali u lanqas l-Unjoni Ewropea nnifisha ma jistgħu jippermettu lilhom infushom li ma jintegrawx immedjatament grupp potenzjali ta' ħaddiema daqstant kbir, b'bosta sekli ta' esperjenza tal-adattament u s-sopravivenza.
6.11.2008
OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
għall-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
dwar is-sitwazzjoni soċjali tar-Roma u t-titjib tal-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol fl-UE
(2008/2137(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Lívia Járóka
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistieden lill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiggarantixxu li l-oqfsa legali attwali u futuri jinkludu dispożizzjonijiet biex jipprevjenu u jindirizzaw il-forom differenti ta’ diskriminazzjoni li jħabbtu wiċċhom magħhom in-nisa tar-Roma sabiex itejbu l-istatus soċjoekonomiku tagħhom u biex jiżguraw l-aċċess tagħhom għal kura tas-saħħa ta’ kwalità, il-kura tat-tfal u l-edukazzjoni bħala prekondizzjonijiet għall-impjieg;
2. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiggarantixxu li n-nisa u t-tfajliet tar-Roma jkollhom aċċess f’termini ugwali għall-edukazzjoni ta’ kwalità u biex jintroduċu inċentivi (pereżempju opportunitajiet ta’ żvilupp professjonali) biex jattiraw għalliema ta’ kwalità għolja fi skejjel li jinstabu f’zoni soċjoekonomiċi l-aktar fqar u, b’mod partikulari, f’komunitajiet rurali bi proporzjon kbir tal-abitanti tar-Roma;
3. Jistieden lill-Istati Membri sabiex itejbu l-aċċess għan-nisa tar-Roma għat-taħriġ vokazzjonali u sabiex jadottaw it-taħriġ vokazzjonali skont il-ħtiġijiet tas-swieq tax-xogħol lokali sabiex in-nisa tar-Roma jingħataw il-kapaċitajiet kollha meħtieġa mis-suq;
4. Jitlob għat-tisħiħ tal-organizzazzjonijiet tan-nisa tar-Roma, bil-għan li jingħelbu l-problemi fil-livell lokali, nazzjonali u tal-Unjoni Ewropea, u jiġi promoss id-djalogu soċjali u kulturali;
5. Jitlob lill-Istati Membri biex jikkunsidraw miżuri li l-għan tagħhom hu li jippromwovu l-ippjanar tal-familja, l-arranġamenti alternattivi għaż-żwiġijiet prekoċi u l-edukazzjoni sesswali, sabiex jiġu rrispettati b’mod totali d-dinjità u l-libertà tal-bniedem, u jittejjeb l-istatus soċjali u tal-familja tan-nisa u t-tfajliet tar-Roma;
6. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jittrattaw r-rati għolja ħafna tal-qgħad fost in-nisa tar-Roma, u b’mod partikulari biex jiġu eliminati l-ostakoli serji li ġġib magħha d-diskriminazzjoni diretta fil-proċeduri tar-reklutaġġ;
7. Jiġbed attenzjoni speċjali għall-fatt li l-promozzjoni tal-mobiltà ta’ ħaddiema mingħajr kwalifiki u mingħajr sengħa tista’ twassal għal diskriminazzjoni serja kontra n-nisa tar-Roma li huma vulnerabbli ħafna għal diversi tipi ta’ diskriminazzjoni, u tista’ tkun ta’ xkiel għall-avvanz tagħhom fis-suq tax-xogħol;
8. Jitlob lill-gvernijiet tal-Istati Membri biex itejbu l-indipendenza ekonomika tan-nisa tar-Roma billi jippromwovu mod faċli kif wieħed jibda xi impriża żgħira jew ta’ daqs medju (SME) għal rasu, l-aċċess għall-mikrokrediti, u billi jħeġġu ekonomija tas-servizzi fiz-zoni residenzjali tagħhom biex l-għarfien u l-kompetenza tan-nisa tar-Roma jiżdiedu;
9. Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jinkoraġġixxu lill-gvernijiet biex jiġbru u jippubblikaw – mingħajr theddid għall-identifikazzjoni individwali – id-dejta diżaggregata skont is-sess u l-etniċità fiz-zoni ta' rilevanza għall-inklużjoni soċjali tar-Roma;
10. Jitlob lill-gvernijiet tal-Istati Membri biex joħolqu sistema ta’ inċentivi (fiskali u oħrajn) għall-impriżi li jimpjegaw n-nisa tar-Roma,
11. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinvolvu l-organizzazzjonijiet tar-Roma, b’mod speċjali dawk li jinvolvu lin-nisa, fil-proċess tat-teħid tad-deċizjonijiet, u l-komunitajiet fit-totalità taghhom, fl-implimentazzjoni ta' politiki speċifiċi;
12. Jenfasizza li akkomodazzoni aħjar u s-servizzi tas-saħħa aqwa jistgħu jgħinu sabiex in-nisa tar-Roma jkollhom aċċess aħjar għas-suq tax-xogħol u jżidu ċ-ċans tagħhom li jżommu xogħolhom għal perjodu itwal ta’ żmien.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
6.11.2008 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
26 0 0 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Emine Bozkurt, Věra Flasarová, Claire Gibault, Lissy Gröner, Zita Gurmai, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Urszula Krupa, Roselyne Lefrançois, Astrid Lulling, Siiri Oviir, Marie Panayotopoulos-Cassiotou, Zita Pleštinská, Anni Podimata, Raül Romeva i Rueda, Eva-Britt Svensson, Britta Thomsen, Anne Van Lancker, Anna Záborská, Iva Zanicchi |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Lena Ek, Iratxe García Pérez, Donata Gottardi, Mary Honeyball, Christa Klaß, Ria Oomen-Ruijten, Maria Petre |
|||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Inger Segelström |
|||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
21.1.2009 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
42 3 0 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Jan Andersson, Edit Bauer, Iles Braghetto, Philip Bushill-Matthews, Milan Cabrnoch, Alejandro Cercas, Ole Christensen, Derek Roland Clark, Luigi Cocilovo, Jean Louis Cottigny, Jan Cremers, Harald Ettl, Richard Falbr, Carlo Fatuzzo, Ilda Figueiredo, Joel Hasse Ferreira, Roger Helmer, Stephen Hughes, Ona Juknevičienė, Jean Lambert, Raymond Langendries, Bernard Lehideux, Elizabeth Lynne, Thomas Mann, Maria Matsouka, Csaba Őry, Siiri Oviir, Marie Panayotopoulos-Cassiotou, Pier Antonio Panzeri, Rovana Plumb, Bilyana Ilieva Raeva, Elisabeth Schroedter, José Albino Silva Peneda, Kathy Sinnott, Jean Spautz, Anne Van Lancker, Gabriele Zimmer |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Françoise Castex, Richard Howitt, Rumiana Jeleva, Magda Kósáné Kovács, Sepp Kusstatscher, Adrian Manole, Viktória Mohácsi, Csaba Sógor |
|||||