RAPPORT dwar il-kuntratti tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs)

20.2.2009 - (2008/2128(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp
Rapporteur: Alain Hutchinson

Proċedura : 2008/2128(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0085/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kuntratti tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs)

(2008/2128(INI))

Il-Parlament Ewropew,

- wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta' Settembru 2000 li permezz tagħha l-komunità internazzjonali impenjat ruħha li tilħaq l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp (MDGs) sabiex jitnaqqas bin-nofs il-faqar fid-dinja sal-2015, u li ġiet imtennija f' bosta konferenzi tan-Nazzjonijiet Uniti, partikolarment fil-Konferenza ta' Monterrey dwar il-finanzjament tal-iżvilupp,

- wara li kkunsidra l-impenji li ħadu l-Istati Membri fil-Kunsill Ewropew ta' Barċellona tal-14 ta' Marzu 2002,

- wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-20 ta' Ġunju 2007 dwar l-MDGs - Evalwazzjoni ta' nofs it-terminu[1],

- wara li kkunsidra l-Istqarrija Konġunta tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-Politika ta' Żvilupp tal-Unjoni Ewropea, 'Il-Konsensus Ewropew'[2], iffirmata fl-20 ta' Diċembru 2005,

- wara li kkunsidra l-"pakkett ta' MDGs" tal-Kummissjoni tal-2005,

- wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Li tħaffef il-progress lejn il-kisba tal-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp - Finanzjament għall-Iżvilupp u Effettività tal-Għajnuna” (COM(2005)0133),

- wara li kkunsidra kif żammet il-wegħdiet tagħha l-Unjoni Ewropea dwar il-finanzjament għall-iżvilupp (COM(2007)0164),

- wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem ‘L-għajnuna tal-UE: Inwassluha aktar, b’mod aħjar u aktar malajr” (COM(2006)0087),

- wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Settembru 2008 dwar segwitu għall-konferenza ta' Monterrey tal-2002 dwar il-finanzjament għall-iżvilupp[3],

- wara li kkunsidra r-riżultati u d-dokument finali dwar is-segwitu għall-Konferenza Internazzjonali dwar il-finanzjament għall-iżvilupp sabiex issir evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-kunsens ta' Monterrey (Doha, Qatar, 29 ta' Novembru - 2 ta' Diċembru 2008)[4],

- wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2008 dwar segwitu għad-dikjarazzjoni ta' Pariġi tal-2005 dwar l-effikaċja tal-għajnuna għall-iżvilupp[5],

- wara li kkunsidra d-dokument tal-Kummissjoni tad-19 ta' Ġunju 2007 dwar il-kuntratt tal-MDGs - strateġija għal għajnuna baġitarja għal terminu aktar fit-tul u aktar prevedibbli,

- wara li kkunsidra s-sħubija strateġika ġdida bejn l-Afrika u l-UE,

- wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2007 dwar l-istat tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Afrika[6],

- wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' Pariġi tat-2 ta' Marzu dwar l-effikaċja tal-għajnuna u l-konklużjonijiet tal-forum ta' livell għoli f'Accra, li sar mit-2 sal-4 ta' Settembru 2008, dwar segwitu għal din id-dikjarazzjoni,

- wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' April 2006 dwar l-effikaċja tal-għajnuna u l-korruzzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw[7],

- wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Settembru 2008 dwar l-imwiet fit-tqala fl-ambitu tal-laqgħa ta' livell għoli tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-MDGs tal-25 ta' Settembru 2008[8],

- wara li kkunsidra "The Aid Delivery Methods. Guidelines of the Programming, Design & Management of General Budget Support" [9] ,

- wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-Ftehima ta' Cotonou tat-23 ta' Ġunju 2000, u b'mod partikulari l-Artikolu 58 wara r-reviżjoni tal-2005, li jelenka l-istituzzjonijiet eliġibbli għall-finanzjament,

- wara li kkunsidra l-pariri għal prattika tajba tal-OECD dwar l-għajnuna baġitarja, f' "L-armonizzazzjoni tal-għajnuna biex tissaħħaħ l-effikaċja''[10],

- wara li kkunsidra r-Rapport speċjali tal-Qorti tal-Awdituri Nru 2/2005 dwar l-għajnuniet baġitarji tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp għall-pajjiżi tal-ACP: l-amministrazzjoni mill-Kummissjoni tat-taqsima dwar ir-riforma tal-finanzi pubbliċi[11],

- wara li kkunsidra r-Rapport speċjali Nru. 10/2008 tal-Qorti tal-Awdituri dwar "l-Għajnuna għall-Iżvilupp mogħtija mill-KE għas-servizzi tas-saħħa fl-Afrika 'l Isfel mis-Saħara", flimkien mat-tweġibiet tal-Kummissjoni,

- wara li kkunsidra "Evalwazzjoni tal-appoġġ baġitarju ġenerali - Rapport Sintetiku", IDD u Msieħba, Mejju 2006[12],

- wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Frar 2006 dwar il-mekkaniżmi ġodda ta' finanzjament għall-iżvilupp fl-ambitu tal-MDGs[13],

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tat-13 ta' Diċembru 2006 dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità, iffirmata mill-Komunità Ewropea u mill-Istati Membri tagħha,

- wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

- wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A6‑0085/2009),

A.  billi meta assoċjat ruħha mad-Dikjarazzjoni għall-Iżvilupp tal-Millennju tal-2000, l-Unjoni Ewropea impenjat ruħha, flimkien mal-komunità internazzjonali kollha, li tnaqqas bin-nofs il-faqar estrem fid-dinja sal-2015 billi tikkonċentra l-isforzi tagħha fuq it-tmien MDGs,

B.   billi l-istimi l-ġodda xorta jgħoddu madwar 1.4 biljun persuna li tgħix taħt il-limitu tal-faqar, li huwa ta' 1.25 dollaru Amerikan kuljum, u dan l-ammont ta' persuni huwa ekwivalenti għal aktar minn wieħed minn kull erbgħa tal-popolazzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw,

C   billi jqis l-impenji l-ġodda meħuda fl-2007 mill-Kummissjoni u l-Istati Membri tal-Unjoni Ewopea bl-għan li jikkontribwixxu b'mod sinifikanti biex jagħmlu tajjeb għad-dewmien biex jiġu milħuqa dawn l-objettivi,

D.  billi n-nuqqas ta' aċċess għall-kura tas-saħħa u għas-servizzi bażiċi jikkawża l-mewt ta' miljuni ta' nies u jipperpetwa ċ-ċiklu tal-faqar, filwaqt li l-aċċess għal din il-kura u għal edukazzjoni bażika jikkostitwixxi dritt tal-bniedem li l-gverniijiet għandhom ir-responsabbiltà li jiżgurawh u jimplimentawh,

E.   billi jqis il-possibilità għall-kuntratti tal-MDGs li jikkonstitwixxu għodda fost l-oħrajn bil-għan li jiffaċċjaw l-isfidi li hemm fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw minħabba l-kriżi dinjija tal-ikel, b'mod partikulari fis-settur tal-agrikoltura,

F.   billi minkejja d-diversi sforzi li setgħu jagħmlu s'issa, il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw m'għandhomx ir-riżorsi neċessarji biex jilqgħu għall-isfidi li qed jiffaċċjaw rigward is-saħħa u l-edukazzjoni, u billi għalhekk jirriżulta li hemm il-ħtieġa indispensabbli ta' għajnuna esterna,

G.  billi l-Parlament Ewropew qed jitħeġġeġ jikkonċedi l-kwittanza relattiva fir-rigward tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp,

H.  billi l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li żżid b'mod sinifikanti l-użu tal-għajnuna baġitarja matul l-għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp sabiex ittejjeb l-effikaċja tal-għajnuna tagħha u biex tilħaq l-għanijiet li ffissat,

I.    billi l-għalliema u l-ħaddiema tal-kura tas-saħħa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw bħalissa qed jaħdmu f'kundizzjonijiet lamentabbli, u li madwar żewġ miljuni għalliem u aktar minn erba' miljun ħaddiem tal-kura tas-saħħa huma meħtieġa biex jintlaħqu l-MDGs, u li livelli adegwati ta' għajnuna, f'forma ta' għajnuna baġitarja fil-kuntest tal-kuntratt MDG, jistgħu jippermetttu li dawn jingħataw impjieg u taħriġ,

J.    billi n-nuqqas rikorrenti ta' ħaddiema tal-kura tas-saħħa u ta' għalliema mar għall-agħar minħabba t-telf tal-aħjar imħuħ organizzat mill-pajjiżi sinjuri,

K.  billi l-Unjoni għandha l-intenzjoni li tkompli żżid l-infiq tagħha fil-qasam tal-għajnuna baġitarja, l-aktar billi żżid b'mod sinifikanti l-għajnuna baġitarja settorjali għas-saħħa u l-edukazzjoni, b'mod partikolari fil-pajjiżi Afrikani;

L.   billi l-kuntratti tal-MDGs jiffissaw riżultati konkreti li jridu jintlaħqu għall-MDGs fil-qasam tas-saħħa u tal-edukazzjoni bażika, filwaqt li setturi oħrajn prijoritarji jistgħu wkoll jiġu ffissati minn kuntratti tal-MDGs,

M.  billi, skont il-pożizzjoni uffiċjali tal-Parlament dwar l-għajnuna għall-iżvilupp, kif murija fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Frar 2006 dwar l-istrumenti ġodda finanzjarji għall-iżvilupp tal-Għanijiet tal-Millennju[14] , huwa li kull ..." żieda fil-kwantità trid timxi id f'id ma' żieda fil-kwalità, fi kliem ieħor, l-effettività tal-għajnuna trid tittejjeb permezz tal-koordinazzjoni, tal-kumplimentarjetà u tal-koerenza, kif ukoll billi jitnaqqsu l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet tal-għajnuna, billi jittejbu l-prevedibiltà u s-sostenibilità tal-mekkaniżmi għall-għajnuna, billi jiżdiedu l-veloċità u l-forniment tal-għajnuna, billi jkomplu jinħallu l-irbit mal-għajnuna, billi jinstabu soluzzjonijiet għal piżijiet ta' djun insostenibbli, billi jiġu promossi sistemi ta' gvernar tajjeb u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u billi tiżdied il-kapaċità għall-assorbiment għal dawk li jirċievu l-għajnuna",

N.  billi fluss prevedibbli ta' għajnuna u għal tul medda twila ta' żmien jista' jikkontribwixxi direttament u effettivament għall-implimentazzjoni konkreta tal-istrateġiji għall-eliminazzjoni tal-faqar definiti fl-MDGs,

O.  billi minkejja l-impenji tagħhom meħuda f'Monterrey (2002), fi Gleneagles (2005), f'Pariġi (2005) u f'Accra (2008) biex jittejbu l-kwantità u l-kwalità tal-għajnuna għall-iżvilupp, ħafna Stati Membri tal-Unjoni għadhom mhux qed jagħtu l-għajnuna kollha li wiegħdu li se jagħtu, u billi meta din tingħata, parti minn din l-għajnuna tidher mhux xierqa,

P.   billi jidher li fi 30% tal-każi, hemm dewmien fil-ħlas tal-għajnuna baġitarja mogħtija mill-Kummissjoni minħabba l-piż eċċessiv tal-proċeduri amministrattivi tagħha,

Q.  billi n-nuqqas ta' previżjoni tal-għajnuna baġitarja b'mod partikulari ġej min-natura annwali tal-maġġoranza tal-kondizzjonijiet li għandhom x' jaqsmu mal-għoti ta' din l-għajnuna, u li dan in-nuqqas ta' prevedibilità jwassal xi drabi lill-pajjiżi benefiċjarji biex jonfqu l-għajnuna qabel ma din tingħata b'mod effettiv, u mingħajr ma jkunu jafu biċ-ċert li din se tingħata,

R.   billi dan in-nuqqas ta' prevedibilità tal-għajnuna Ewropea għall-iżvilupp jikkonċerna wkoll lill-pajjiżi benefiċjarji li juru ċerta sigurtà legali u ambjent regolatorju stabbli,

S.   billi l-Kummissjoni hija l-ewwel donatur multilaterali ta' għajnuna għall-iżvilupp, billi hija waħda mill-ewwel donaturi li jagħtu għajnuna baġitarja, u billi hija għandha aktar u aktar rikors għal dan it-tip ta' għajnuna li kkonċerna wieħed minn kull ħamsa tal-għajnuniet li tat f'dawn l-aħħar snin,

T.   billi, għalkemm l-għajnuna baġitarja diġà tikkonstitwixxi wieħed mill-istrumenti li jippermettu t-titjib fl-għajnuna tal-Unjoni, din tista' tapprofitta billi tkun iktar prevedibbli u billi tingħata għal żmien itwal,

U.  billi l-għajnuna baġitarja attwali li tipprovdi l-Kummissoni hija ġeneralment ipprogrammata għal perjodu ta' tliet snin jew, fil-każ ta' ċerti aġenziji, għal sena,

V.  billi l-proposta ta' kuntratt tal-MDGs m'għandhiex implikazzjonijiet baġitarji u billi kuntratt tal-MDG mhuwiex strument ġdid imma mod ta' implimentazzjoni ta' strumenti eżistenti,

W. billi fis-sitwazzjoni attwali, l-istejtus tad-dokument tal-Kummissjoni dwar il-kuntratti tal-MDGs mhuwiex ċar,

X.  billi l-Kummissjoni llum tqis li wasal il-mument li jiġi implimentat il-kunċett ta' kuntratt marbut ma' riżultati tanġibbli rigward l-MDGs, minflokk il-verifika annwali tal-kundizzjonalitajiet tradizzjonali ta' kull donatur;

Y.  billi t-termini tal-kuntratt jinvolvu impenn finanzjarju li jiżgura aktar prevedibilità min-naħa tal-pajjiż donatur, bi tpattija għal impenn aktar qawwi min-naħa tal-pajjiż benefiċjarju f'dawk li huma riżultati konkreti mistennija,

Z.   billi l-Kummissjoni tipprevedi li tikkonkludi l-ewwel sensiela ta' kuntratti tal-MDGs għal perjodu ta' sitt snin, jiġifieri sa tmien l-għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp,

AA. billi l-proposta tal-Kummissjoni li tikkonkludi kuntratti għal tul ta' żmien ta' 6 snin tmur lil hinn mit-tendenza preżenti ta' donaturi oħra fil-livell dinji,

AB. billi jqis it-talba magħmula mill-Kummissjoni lill-Istati Membri biex ikun hemm kofinanzjament tal-Kuntratti tal-MDGs li jmorru mal-kontribuzzjonijiet addizzjonali tal-EDF fuq bażi volontarja,

AC. billi l-kuntratti tal-MDGs joħorġu mill-istrument ta' għajnuna baġitarja ġenerali mħejji fuq il-bażi ta' kriterji stabbiliti fil-Ftehima ta' Cotonou, ma jeħtieġu l-ebda modifika li tikkonċerna d-deċiżjonijiet fir-rigward tal-programmi li qed isiru u d-differenzi fil-modalitajiet ta' implimentazzjoni tal-għajnuna baġitarja ġenerali, billi l-kuntratti tal-MDGs ma jimplikawx il-kostituzzjoni ta' strument finanzjarju ġdid, u għaldaqstant jibqgħu bbażati fuq id-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-għajnuna baġitarja li jinstabu fil-ftehima tal-Cotonou, u wara li kkunsidra li bl-istess mod li l-kuntratti tal-MDGs għadhom kompatibbli mal-linji gwida interni li ġew finalizzati reċentement f'dak li jikkonċerna l-għajnuna baġitarja ġenerali,

AD. billi l-kriterji ta' eliġibilità għall-kuntratti tal-MDGs jinkludu l-osservanza tal-Artikolu 9 tal-Ftehima ta' Cotonou dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt,

AE. billi għajnuna baġitarja effikaċi għandha tkun tista' tippermetti lill-benefiċjarji tagħha li jiffinanzjaw l-istrateġiji u l-programmi konkreti proprji tagħhom għat-titjib tal-aċċess għas-servizzi pubbliċi fis-setturi tas-saħħa u tal-edukazzjoni,

AF. billi l-Kummissjoni ma żammitx l-impenji tagħha li tinkludi b'mod sistematiku lill-parlamentari u lir-rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fid-djalogi tagħha mal-gvernijiet tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, u billi, minbarra dan, illum huwa magħruf sewwa li f'ġieh l-effikaċja, l-iżvilupp irid ikun totalment f'idejn il-gvernijiet kif wkoll il-parlamenti u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw,

AG. billi l-Kummissjoni kienet ipprevediet li l-pajjiżi eliġibbli kellhom ikunu dawk il-pajjiżi li jkunu kisbu riżultati sodisfaċenti fil-livell makro-ekonomiku u tal-ġestjoni tal-baġit fl-implimentazzjoni tal-għajnuna baġitarja, u billi f'dan, il-Kummissjoni tiddistingwi ruħha minn oħrajn li jipprovdu għajnuna baġitarja, bħall-IMF u l-Bank Dinji, li jorbtu bosta kundizzjonijiet mal-għajnuna tagħhom, b'kuntradizzjoni mal-prinċipju tal-proprjetà tal-pajjiż benefiċjarju;

AH. billi bosta pajjiżi li għandhom bżonn urġenti ta' aktar għajnuna u ta' għajnuna aktar effikaċi sabiex iħaffu l-progess tagħhom lejn l-MDGs, ma jilħqux il-kriterji definiti attwalment mill-Kummissjoni sabiex jikkonkludu kuntratt tal-MDGs,

AI. billi fil-forma attwali tagħhom, il-kuntratti tal-MDGs huma maħsuba biss għall-pajjiżi tal-Afrika, l-Karibew u l-Paċifiku,

AJ. billi l-għajnuna baġitarja tal-Kummissjoni qed tbati minn nuqqas serju ta' trasparenza u ta' approprjazzjoni mill-pajjiżi fqar, u li l-ftehimiet ta' finanzjament rarament ikunu disponibbli għall-pubbliku,

AK.    billi l-prinċipju fundamentali tal-għajnuna għall-iżvilupp huwa li tingħata għajnuna lil min l-aktar ikollu bżonnha u fejn din tista' tkun l-iktar utli,

AL. billi jitqies, pereżempju, li f'dak li jikkonċerna l-Burkina Faso, ħadd ma kien jaf bin-negozjati attwali ta' kuntratti tal-MDGs bejn il-Burkina Faso u l-Kummissjoni, u billi l-ebda informazzjoni mhi disponibbli attwalment f'dan ir-rigward fil-websajt tad-delegazzjoni tal-Kummissjoni fil-Burkina Faso,

AM. billi fil-kunsens Ewropew għall-iżvilupp, l-Unjoni Ewropea impenjat ruħha li tadotta approċċ ibbażat fuq ir-riżultati u l-użu ta' indikaturi tar-rendiment,

AN.    billi kkunsidra l-ħtieġa tal-Kummissjoni li tkompli torbot l-għajnuna baġitarja tagħha mar-riżultati li jinkisbu fil-pajjiżi benefiċjarji fil-qasam tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u fil-qasam tal-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa,

AO.    billi fil-qasam tal-għajnuna baġitarja, diġà ġew konklużi xi ftehimiet bejn il-Kummissjoni u l-Burkina Faso (2005 - 2008), l-Etjopja (2003 - 2006), il-Ghana (2007-2009), il-Kenja (2004 - 2006), Madagaskar (2005 - 2007), il-Malawi (2006 - 2008), Mali (2003 - 2007), il-Możambik (2006 - 2008), it-Tanżanija (2006 - 2008), l-Uganda (2005 - 2007) u ż-Żambja (2007 - 2008),

AP. billi hemm 650 miljun persuna b'diżabilità, li fosthom 80% jgħixu f'pajjiżi li qed jiżviluppaw u li wieħed minn kull ħamsa jgħix f'faqar estrem; billi jqis li dawn jiffurmaw wieħed mill-aktar gruppi importanti ta' persuni esklużi u fqar, li qed jaffaċjaw ħafna tipi ta' diskriminazzjoni u li rarament ikollhom aċċess għall-edukazzjoni u għall-kura tas-saħħa,

AQ.    billi skont l-obbligi ġenerali, u b'mod partikulari l-Artikolu 32 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabiltà, il-firmatarji huma obbligati li jqisu d-diżabilità fil-koperazzjoni għall-iżvilupp,

AR. billi l-MDGs mhux se jintlaħqu sal-2015 mingħajr ma tingħata l-konsiderazzjoni dovuta lill-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tal-persuni b'diżabilità,

AS. billi jitqies ir-rapport tat-22 ta' Novembru 2008 dwar l-implimentazzjoni tas-Sħubija bejn l-Afrika u l-UE, u b'mod partikulari l-paragrafu 37 tiegħu, li jenfasizza n-nuqqas evidenti ta' teħid ta' azzjonijiet favur il-persuni b'diżabilità fl-isforzi li jimmiraw biex jintlaħqu l-MDGs,

Għanijiet tal-Millennju - Koperazzjoni għall-iżvilupp

1.  Jerġa' jisħaq li l-għajnuna għall-iżvilupp għandha tkun ibbażata fuq il-bżonnijiet u r-riżultati u li l-politika tal-għajnuna għall-iżvilupp għandha tkun imfassla bi sħubija mal-pajjiżi benefiċjarji;

2.  Itenni li, sabiex jintlaħqu l-MDGs, il-pajjiżi donaturi għandhom jirrispettaw l-impenji kollha tagħhom u jtejbu l-kwalità tal-għajnuna li jipprovdu;

3.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu żviluppati mekkaniżmi ġodda għal għajnuna li tkun aktar prevedibbli u anqas volatili;

4   Ifakkar fl-objettiv tad-Dikjarazzjoni ta' Abuja, li ġie ffissat għal 15% tal-baġit nazzjonali allokat għas-settur tas-saħħa, u l-objettivi tal-Kampanja dinjija għall-edukazzjoni, ffissat għal 20% tal-baġit nazzjonali allokat għas-settur tal-edukazzjoni;

Setturi ta' prijorità

5.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tkompli torbot l-għajnuna tagħha fis-setturi tas-saħħa u tal-edukazzjoni, u b'mod partikulari tal-kura bażika tas-saħħa u tal-edukazzjoni primarja, mar-riżultati miksuba f'dawn is-setturi, partikolarment fis-setturi tal-kura bażika tas-saħħa u tal-edukazzjoni primarja; jitlobha wkoll biex tippreċiża l-importanza li se tingħata lir-rendiment li jirriżulta f'dawn is-setturi fir-rigward ta' għadd ta' indikaturi aktar komplet, u kif beħsiebha tevalwa l-progress li jsir f'dawn l-oqsma;

Effikaċja tal-għajnuna - Stabilità u prevedibilità

6.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex ittejjeb il-prevedibilità tal-għajnuna baġitarja permezz ta' implimentazzjoni ta' kuntratti tal-MDGs u bl-estensjoni tal-prinċipji li joħorgu minn dawn il-kuntrattti għall għadd akbar ta' pajjiżi, kif ukoll bl-għanjuna settorjali;

7.  Ifakkar lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jitnaqqas b'mod sinifikanti d-dewmien inutli kkawżat mill-piż eċċessiv tal-proċeduri amministrattivi tagħha;

8.  Jitlob lill-gvernijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex iżidu l-infiq tagħhom fil-qasam tas-saħħa bi 15% tal-baġit nazzjonali, bi qbil mar-rakkomandazzjonijiet tad-Dikjarazzjoni ta' Abuja, u li jżidu l-infiq tagħhom fil-qasam tal-edukazzjoni b'20% tal-baġit nazzjonali, kif previst mill-kampanja dinjija għall-edukazzjoni;

Għajnuna baġitarja

9.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li jkun hemm livelli għoljin ta' nfiq permezz ta' għajnuna baġitarja, filwaqt li timmira li żżid b'mod sinifikanti l-għajnuna baġitarja fis-setturi soċjali tal-pajjiżi tal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku, u sabiex iżżid l-għajnuna baġitarja settorjali f'reġjuni oħrajn;

Kuntratti tal-MDGs

10. Jinnota b'interess li l-proposta ta' kuntratti tal-MDGs tal-Kummissjoni tiżgura livell minimu garantit ta' għajnuna (70% tal-impenn totali) għall-pajjiżi eliġibbli;

11. Jesprimi madankollu d-diżappunt tiegħu dwar il-fatt li d-dokument dwar il-kuntratti tal-MDGs ma jispeċifika l-ebda kalendarju għall-implimentazzjoni ta' dawn il-kuntratti, li ġew maħsuba prinċipalment biex jinfirxu tul il-perjodu ta' sitt snin tal-għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp, u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi kalendarju preċiż;

12. Jinnota li l-kuntratt tal-MDGs għandu l-iskop prinċipali li jikkontribwixxi għal aktar effikaċja tal-għajnuna u sabiex iħaffef il-progress għat-twettiq tal-MDGs fil-pajjiżi li l-aktar għandhom bżonnhom;

13. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tadotta komunikazzjoni li tifformalizza l-inizjattiva tal-kuntratti tal-MDGs u sabiex testendi din l-inizjattiva għall-pajjiżi li mhumiex tal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku li jissodisfaw il-kriterji ta' eleġibilità;

Il-parlamenti u s-soċjetà ċivili - Approprjazzjoni - Trasparenza

14. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-pajjiżi benefiċjarji sabiex jiżguraw l-involviment tal-parlamenti u tas-soċjetà ċivili tagħhom, inklużi l-organizzazzjonijet tal-persuni b'diżabilità, fl-istadji kollha tad-djalogu dwar l-għajnuna baġitarja, inklużi t-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-programm stabbilit fil-kuntratti tal-MDGs;

15. Jenfasizza li d-donaturi, aktar milli jimponu kundizzjonijiet unilaterali stretti għall-benefiċjarji, għandhom jippruvaw jippromwovu governanza tajba, id-demokrazija u l-istabilità fil-pajjiżi benefiċjarji permezz ta' kriterji trasparenti stabbiliti fi sħubija ma' dawn il-pajjiżi;

16. Iqis li, fl-interess tal-promozzjoni tat-trasparenza, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta' flus tal-parti varjabbli tal-għajnuna għandhom ikunu bbażati fuq il-riżultati, peress li dan jinkoraġġixxi lid-donaturi u lill-benefiċjarji biex janalizzaw l-impatt reali tal-flus minfuqa, u jżid it-trasparenza fl-użu tal-fondi pubbliċi;

17. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tissorvelja perjodikament ir-riżultati ta' dawn il-programmi u sabiex taqsam dawn ir-riżultati mal-Parlament;

18. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni taħdem sabiex isaħħaħ id-djalogu bejn id-donaturi u l-benefiċjarji, b'mod speċjali sabiex jiġu determinati l-ħtiġijiet reali u l-oqsma li fihom hija meħtieġa l-għajnuna;

19. Jitlob li l-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku u l-UE jkollha rwol aktar attiv fid-definizzjoni tal-prijoritajiet, fin-neġozjati tal-kuntratti tal-MDGs, kif ukoll fl-istadji l-oħra kollha tal-proċess;

Kriterji tal-għażla - Kreattività u flessibilità

20. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex torbot l-għajnuna baġitarja tagħha mar-riżultati li jinkisbu fl-oqsma tal-governanza tajba u tat-trasparenza, iżda wkoll fid-difiża u fir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikulari tal-ifqar u l-aktar marġinalizzati, bħalma huma l-persuni b'diżabilità, il-minoranzi, in-nisa u t-tfal, u sabiex tieħu ħsieb li l-għajnuna baġitarja ma tintefaqx f'setturi oħra li mhumiex definiti fil-kuntratt tal-MDGs;

21. Jafferma mill-ġdid li l-programmi indikattivi nazzjonali għandhom jiġu stabbiliti b'kollaborazzjoni mal-parlamenti tal-pajjiżi kkonċernati, tal-Assemblea Parlamentari Konġunta u tas-soċjetà ċivili;

22. Josserva li l-proposta dwar il-kuntratti tal-MDGs ma ssemmix liema pajjiżi se jkunu kkonċernati fl-ewwel lott tal-kuntratti tal-MDGs; u josserva li, fil-forma attwali tagħhom, il-kuntratti tal-MDGs huma mmirati biss lejn il-pajjiżi tal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku;

23. Jiddeplora l-fatt li l-politika għall-għajnuna baġitarja tal-Unjoni favur pajjiżi li qed jiżviluppaw qed tkun dejjem aktar soġġetta għall-kundizzjonijiet imposti mill-Fond Monetarju Internazzjonali sabiex tinkiseb l-għajnuna għall-iżvilupp tal-Unjoni; iqis, barra minn hekk, li din il-kundizzjonalità tikkontradixxi l-politika tal-pajjiżi benefiċjarji f'dak li jikkonċerna l-prinċipju tal-approprjazzjoni;

24. Jenfasizza l-ħtieġa li jinstabu approċċi oħrajn għal għajnuna baġitarja għall-pajjiżi li mhumiex eliġibbli għall-kuntratti tal-MDGs, u b'mod partikulari għall-pajjiżi li jinsabu f'sitwazzjonijiet ta' fraġilità; jisħaq fuq il-punt evidenti li l-pajjiżi li għaddejjin minn sitwazzjonijiet ta' fraġilità mhumiex kapaċi jissodisfaw il-kriterji attwali ta' eliġibilità;

25. Jirrakkomanda li l-kuntratti tal-MDGs jitqegħdu wkoll għad-dispożizzjoni tal-pajjiżi li huma koperti mill-Isem Internazzjonali Mhux Proprjetarju (International Non-proprietary Name) ;

26. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tispjega b'mod ċar kif hi pprevediet li l-kuntratti proposti tal-MDGs jistgħu jingħaqdu ma' modi oħra ta' tqassim ta' għajnuna;

27. Iwissi dwar il-periklu li jsir rikors indiskrimat u b'mod eċċessiv għal kuntratti tal-MDGs hekk li dawn jistgħu jitqiesu bħala l-uniku mod ta' tqassim ta' għajnuna reali effikaċi, u jitlob għalhekk lill-Kummissjoni biex tagħżel mekkaniżmi għat-tqassim tal-għajnuna li jkunu l-aktar adatti għal kull sitwazzjoni individwali;

28. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex issaħħaħ il-kapaċità tal-parlamenti tal-pajjiżi benefiċjarji biex jiġu involuti fil-proċess baġitarju u l-kapaċità tal-parlamenti u tas-soċjetà ċivili sabiex jimpenjaw ruħhom fit-tfassil ta' politiki nazzjonali billi tforni aktar appoġġ finanzjarju u billi tinsisti fuq din il-parteċipazzjoni fid-djalogi politiċi ma' dawn il-pajjiżi benefiċjarji u billi tikkonċentra fuq indikaturi tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi li jkollhom l-iskop li jtejbu r-responsabilizzazzjoni tal-gvernijiet lejn iċ-ċittadini tagħhom;

Evalwazzjoni - Indikaturi ta' rendiment

29. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex, b'kollaborazzjoni mal-pajjiżi msieħba, jiżdiedu ma' kull proposta ta' kuntratt tal-MDGs indikaturi tar-rendiment li jagħmluha possibbli li ssir evalwazzjoni tal-progress li jsir fl-implimentazzjoni ta' dawn il-kuntratti, filwaqt li dawn l-indikaturi għandhom ukoll jevalwaw l-inklużjoni tal-persuni u tat-tfal b'diżabilità;

Il-kwistjoni tas-sessi

30. Jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li l-Kummissjoni għandha b'mod imperattiv tkompli torbot l-għajnuna baġitarja tagħha mar-riżultati li jridu jinkisbu mill-pajjiżi benefiċjarji rigward il-kunsiderazzjoni li trid tingħata lid-dimensjoni tas-sessi fil-kwistjoni tal-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa, u jitlob li l-prestazzjoni tal-indikaturi tissaħħaħ f'dan il-qasam fil-kuntratti tal-MDGs biex jiġu estiżi għal oqsma oħra bħalma huma d-drittijiet tan-nisa u d-drittijiet tal-persuni b'diżabilità; jitlobha biex issaħħaħ l-indikaturi ta' prestazzjoni fir-rigward tas-sessi relatati mal-għajnuna baġitarja, billi jiġu estiżi għal oqsma oħra bħalma huma: id-drittijiet tal-persuni b'diżabilità kif ukoll id-drittijiet tan-nisa, u partikolarment il-promozzjoni tal-aċċess tan-nisa kollha għal informazzjoni u għal servizzi ta' saħħa sesswali u riproduttiva globali, it-titjib tal-aċċess u t-tisħiħ tal-użu tal-metodi ta' ppjanar familjari, il-promozzjoni qawwija tal-edukazzjoni u tal-emanċipazzjoni tan-nisa, kif ukoll il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u favur l-ugwaljanza bejn is-sessi;

0 0

0

31. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati.

NOTA SPJEGATTIVA

Fl-2005, il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet uffiċjalment in-nuqqas kbir ta' effikaċja tal-UE fil-mod ta' kif hi tikkoopera mal-imsieħba mill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Hemm bosta raġunijiet għal dan, fosthom il-piż esaġerat tal-proċeduri amministrattivi, in-nuqqas totali ta' koordinazzjoni bejn l-imsieħba Ewropej, kif ukoll l-impożizzjoni fuq il-pajjiżi msieħba ta' strateġiji għall-iżvilupp li ma kinux ġew assoċjati fihom.

Sabiex tittejjeb l-effikaċja tal-koperazzjoni Ewropea, saru xi affarijiet, iżda għad baqa' reżistenza qawwija, b'mod partikolari fost l-Istati Membri li għandhom irwol preponderanti f'din il-kwistjoni; għalhekk għad baqa' progress enormi xi jsir. Pereżempju, l-aċċess għall-kura tas-saħħa u għal edukazzjoni bażika jirrapreżentaw ħolma tabilħaqq għal miljuni ta' persuni fid-dinja kollha u b'mod parikulari għan-nisa. Hemm 72 miljun tifel u tifla, iżda essenzjalment bniet, li ma jattendux skola. Tmut mara kull minuta minħabba komplikazzjonijiet ta' tqala jew tat-twelid, u kull tliet sekondi jmutu tifel jew tifla minn xi marda li tabib seta' jevita.

L-aċċess għall-kura tas-saħħa u għal edukazzjoni bażika jikkostitwixxi dritt tal-bniedem li l-gvernijiet għandhom id-dmir li jiżguraw l-implimentazzjoni tiegħu. Tul dawn l-aħħar għaxar snin, għadd ta' gvernijiet ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw għamlu sforzi straordinarji għal dan l-iskop, imma huma sempliċement m'għandhomx ir-riżorsi meħtieġa biex jirnexxu.

Sadattant, l-Afrika 'l Isfel mis-Saħara għadu r-reġjun tad-dinja li qed iġarrab l-aktar sitwazzjoni katastrofika, u bil-pass kif inhuma sejrin l-affarijiet, is-sitwazzjoni jidher li mhux se tinbidel għal bosta u bosta snin oħrajn. Kważi nofs l-Afrikani kollha jgħixu b'anqas minn 0.78€ (dollaru) kuljum, tliet kwarti minn dawk morda bl-AIDS huma Afrikani u kważi 42% tal-popolazzjoni Afrikana għad m'għandhiex aċċess għall-ilma tax-xorb. Minnbarra l-Afrika 'l Isfel mis-Saħara, hemm il-pajjiżi kollha li qed jiżviluppaw li huma msieħba tal-Unjoni Ewropea li għandhom bżonn iddisprat ta' koperazzjoni pubblika għall-iżvilupp aktar effikaċi.

L-għajnuna baġitarja tikkostitwixxi wieħed mill-istrumenti ta' din il-koperazzjoni li, taħt ċerti kundizzjonijiet, tippermetti l-forniment ta' għajnuna aktar prevedibbli u għal skadenza aktar fit-tul permezz tal-baġits tal-pajjiżi benefiċjarji, bl-iskop prinċipali li jiġu ffinanzjati l-ħtiġijiet rigward il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni kif ukoll oqsma oħra ta' prijorità. Dan huwa tip ta' għajnuna li għaliha l-Kummissjoni hija waħda mid-donaturi prinċipali.

Huwa f'dan il-kuntest u sabiex tirrispondi għall-isfidi fil-qasam tal-prevedibilità tal-għajnuna li l-Kummissjoni ħasbet sabiex tikkonkludi "Kuntratti għall-Għanijiet tal-Millennju", kuntratti li hi pproponiet li tniedi f'ċertu numru ta' pajjiżi għall-bidu tal-10 EFD u li jkolllhom bħala objettiv li jallokaw fondi għal perjodu ta' sitt snin, li tiġi implimentata evalwazzjoni annwali li tiffoka fuq ir-riżultati, b'mod partikulari rigward saħħa u edukazzjoni, u li jitwaqqaf djalogu msaħħaħ mal-pajjiżi benefiċjarji.

Ir-rapporteur ifakkar li l-Parlament Ewropew ilu jitlob għal żmien twil li tingħata attenzjoni akbar lill-koperazzjoni għall-iżvilupp tal-Komunità Ewropea (il-baġit tal-Komunità) għas-setturi tas-saħħa bażika u l-edukazzjoni primarja. Mill-bidu tas-snin 2000, huwa talab sistematikament fin-negozjati tal-baġit u fil-kummentarji waqt il-kwittanza baġitarja, li talanqas 20% tal-mezzi finanzjarji tal-Komunità jiġu investiti f'dawn is-setturi. B'xorti ħażina, dan huwa 'l bogħod milli jkun il-każ: skont kalkoli tal-Parlament fil-kwittanza għall-baġit tal-2007, anqas minn 7% tal-baġit tal-Komunità għall-koperazzjoni għall-iżvilupp ġie investit f'dawn is-setturi. Il-Parlament jilqa' d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li fin-negożjati dwar ir-regolament li jistabbilixxi strument għall-finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp (ICD) timpenja ruħha "li rata ta' referenza ta' 20 % tal-għajnuna li hija tagħti fil-qafas tal-programmi nazzjonali koperti mill-ICD tkun riżervata, sal-2009, għat-taħriġ primarju u sekondarju u għall-kura tas-saħħa bażika, permezz ta' proġetti, programmi jew appoġġ baġitarju relatat ma' dawn is-setturi," u jissuġġerixxi li l-estensjoni tal-ambitu tal-kuntratti tal-MDGs għall-pajjiżi koperti mill-ICD huwa tikkostitwixxi mezz eċċellenti biex il-Kummissjoni tkun tista' tilħaq l-objettiv tagħha.

Għalkemm tidher interessanti u mixtieqa għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, din l-inizjattiva tal-Kummissjoni tqajjem għadd ta' mistoqsijiet li jeħtieġu tweġiba ċara. Perżempju, rigward il-kriterji mitluba sabiex pajjiż li qed jiżviluppa jkun jista' jikkonkludi dan it-tip ta' kuntratt. Kif ukoll il-fatt li sa llum il-Kummissjoni għadha ma ppubblikat l-ebda komunikazzjoni uffiċjali dwar din l-inizjattiva, jekk xejn sabiex wieħed ikun jaf xi ftit aktar dwarha, u attwalment ma jeżisti l-ebda dokument, minbarra dokument purament intern, li wieħed jista' jirreferi għalih għajr l-informazzjoni bażika mxandra fuq is-sit tal-internet tal-Kummissjoni. L-istess jgħodd għal dak li għandu x'jaqsam ma' kemm se ttul din l-inizjattiva, u b'mod aktar ġenerali, mal-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tagħha.

Għalkemm fiha bosta aspetti pożittivi, bħall-fatt li hija marbuta mar-riżultati li jinkisbu rigward is-saħħa u l-edukazjoni u l-fatt li tikkostitwixxi programm ta' madwar tliet snin, l-għajnuna baġitarja tal-Kummissjoni Ewropea hija 'l bogħod milli tista' titqies perfetta. Qabel xejn, hija mhijiex nieqsa minn kundizzjonijiet li jippreġudikaw l-iżvilupp tal-pajjiżi benefiċjarji. Infatti, il-fatt li l-Kummissjoni - bħall-biċċa l-kbira tal-fornituri ta' għajnuna - ġeneralment ma tagħtix għajnuna baġitarja għajr lil pajjiżi li jimplimentaw programm tal-IMF, joħloq problema partikulari għaliex programmi bħal dawn jistgħu jillimtaw il-kapaċità tal-gvern li jinvesti fl-iżvilupp minħabba l-iffissar ta' objettivi eċċessivi rigward inflazzjoni u defiċits baġitarji.

Hemm ukoll li l-għalkemm il-Kummissjoni tagħżel li tagħti għajnuna bagitarja bi skadenza fit-tul, m'hemm xejn li jiggaratixxi li dan se jtejjeb il-prevedibilità għal skadenza fil-qosor minħabba l-piż tal-proċeduri burokratiċi li minkejja kollox bosta drabi jinvolvu dewmien kbir għall-iżburżar tal-flus.

Fl-aħħarnett, l-għajnuna baġitarja tal-Kummissjoni tbati minn nuqqas serju ta' trasparenza u ta' approprjazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati u l-popolazzjonijiet tagħhom. Il-ftehimiet ta' finanzjament huwa rari li jiġu ppubblikati u l-Kummissjoni lanqas ma tinkludi b'mod sistematiku l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-parlamentari f'dawn id-djalogi mal-gvernijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Sadanittant, huwa llum rikonoxxut li f'ġieh l-effikaċja, l-iżvilupp m'għandux ikun biss totalment f'idejn il-gvernijiet imma wkoll f'idejn iċ-ċittadini tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Il-proġett ta' "Kuntratti tal-MDGs" ma jistax jikkostitwixxi opportunità tabilħaqq pożittiva ta' titjib fl-effikaċja tal-koperazzjoni Ewropea għajr jekk tingħata definizzjoni preċiża tagħha, kif ukoll tal-kundizzjonijiet tal-eliġibilità, implimentazzjoni u evalwazzjoni.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

17.2.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alessandro Battilocchio, Thijs Berman, Thierry Cornillet, Alexandra Dobolyi, Fernando Fernández Martín, Alain Hutchinson, Romana Jordan Cizelj, Filip Kaczmarek, Glenys Kinnock, Maria Martens, Gay Mitchell, Luisa Morgantini, José Javier Pomés Ruiz, José Ribeiro e Castro, Toomas Savi, Frithjof Schmidt, Jürgen Schröder, Feleknas Uca

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Miguel Angel Martínez Martínez, Manolis Mavrommatis, Renate Weber, Gabriele Zimmer

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Emilio Menéndez del Valle