Proċedura : 2008/2160(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0103/2009

Testi mressqa :

A6-0103/2009

Dibattiti :

PV 25/03/2009 - 11
CRE 25/03/2009 - 11

Votazzjonijiet :

PV 26/03/2009 - 4.10
CRE 26/03/2009 - 4.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0194

RAPPORT     
PDF 233kWORD 158k
25 ta' Frar 2009
PE 416.306v03-00 A6-0103/2009

bi proposta għal rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill dwar it-tisħiħ tas-sigurtà u tal-libertajiet fundamentali fuq l-Internet

(2008/2160(INI))

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

Rapporteur: Stavros Lambrinidis

PROPOSTA GĦAL RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW LILL-KUNSILL
 NOTA SPJEGATTIVA
 PROPOSTA GĦAL RAKKOMANDAZZJONI (B6 0302/2008)
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

PROPOSTA GĦAL RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW LILL-KUNSILL

dwar it-tisħiħ tas-sigurtà u tal-libertajiet fundamentali fuq l-Internet

(2008/2160(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta għal rakkomandazzjoni għall-Kunsill minn Stavros Lambrinidis f'isem il-grupp PSE dwar tisħiħ tas-sigurtà u libertajiet fundamentali fuq l-Internet (B6-0302/2008),

–   wara li kkunsidra l-Ftehima Internazzjonali dwar Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (ECHR) u l-Karta għad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea(1), u b'mod partikulari d-dispożizzjonijiet tagħha li jirrigwardaw il-protezzjoni ta' dejta personali, il-libertà tal-espressjoni, ir-rispett għall-ħajja tal-familja u l-ħajja privata, kif ukoll id-dritt għal-libertà u s-sigurtà,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi rigward l-ipproċessar ta' dejta personali u dwar il-moviment ħieles ta' din id-dejta(2), id-Deċiżjoni ta' Qafas 2008/977/JHA tas-27 Novemru 2008 dwar il-protezzjoni ta' dejta personali pproċessata fil-qafas ta' koperazzjoni bejn il-pulizija u l-ġudikatura f'materji kriminali(3), id-Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003 dwar l-użu mill-ġdid ta' informazzjoni tas-settur pubbliku(4), il-proposta tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2007 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar drittijiet universali ta' servizzi u utenti rigward netwerks elettroniċi ta' komunikazzjoni, id-Direttiva 2002/58/KE dwar l-ipproċessar tad-dejta personali u l-protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar koperazzjoni fil-protezzjoni tal-Konsumatur (COM(2007)0698), id-Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 dwar iż-żamma ta' dejta ġġenerata jew ipproċessata b'konnessjoni mal-forniment ta' servizzi ta' netwerks elettroniċi ta' komunikazzjoni disponibbli għall-pubbliku(5) u l-Opinjoni tal-Avukat Ġenerali tal-14 ta' Ottubru 2008 fil-Każ C3-301/06, l-Irlanda v il-Parlament u l-Kunsill,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni ta' Qafas tal-Kunsill 2005/222/JHA tal-24 ta' Frar 2005 dwar attakki kontra sistemi tal-informazzjoni(6), id-Deċiżjoni ta' Qafas tal-Kunsill 2001/413/JHA tat-28 ta' Mejju 2001 dwar il-ġlieda kontra l-frodi u l-iffalsifikar ta' metodi ta' ħlas mhux bi flus kontanti(7), id-Deċiżjoni ta' Qafas tal-Kunsill 2008/919/JHA tat-28 ta' Novembru 2008 li temenda d-Deċżijoni ta' Qafas 2002/475/JHA dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu(8) il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Mejju 2007 bl-isem "Lejn politika ġenerali u l-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità' (COM(2007)O267), kif ukoll l-inizjattivi reċenti għat-tkixxif rigward delitti serji u t-terroriżmu (bħall-proġett ''Check the Web"),

-   wara li kkunsidra x-xogħlijiet li saru fi ħdan il-qafas tal-Kunsill tal-Ewropa (CoE), fl-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) u fin-Nazzjonijiet Uniti, kemm dawk li jikkonċernaw il-ġlieda kontra l-krimini u ċ-ċiberkrimini, u kemm dawk li jikkonċernaw il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, inkluż fuq l-Internet(9),

-   wara li kkunsidra l-aħħar sentenzi tal-Qrati Ewropej u tal-qrati kostituzzjonali nazzjonali f'dan il-qasam, u b'mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali Federali Ġermaniża (BVerfG) li tagħraf id-dritt distint għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità u tal-integrità tas-sistemi tal-informatika(10),

-   wara li kkunsidra l-Artikolu 114(3) u l-Artikolu 94 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

-   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A6-0103/2009),

A. billi l-iżvilupp tal-Internet juri li dan qed isir għodda indispensabbli għall-promozzjoni ta’ inizjattivi demokratiċi, arena ġdida għad-dibattitu politiku (pereżempju e-kampanja, e-votazzjoni), strument kruċjali fil-livell dinji għall-eżerċitar tal-libertà tal-espressjoni (pereżempju, blogging) u sabiex jiġu żviluppati attivitajiet kummerċjali, u mekkaniżmu għall-promozzjoni ta’ kompetenza diġitali u t-tixrid tal-għarfien (tagħlim elettroniku), billi l-Internet ġab miegħu wkoll żieda fl-għadd ta’ opportunitajiet għal nies ta’ kull età sabiex jikkomunikaw ma’ nies minn partijiet differenti tad-dinja, per eżempju, u għaldaqstant wessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni biex in-nies jiffamiljarizzaw lilhom infushom ma’ kulturi oħra u b’hekk iżidu l-komprensjoni tagħhom ta’ nies u kulturi oħra; billi l-Internet estenda wkoll id-diversità tas-sorsi tal-aħbarijiet għall-individwi peress li issa għandhom aċċess għall-fluss ta’ aħbarijiet minn partijiet differenti tad-dinja,

B.  billi l-gvernijiet u l-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet ta’ interess pubbliku għandhom jipprovdu qafas regolatorju xieraq u mezzi tekniċi adattati sabiex jippermettu liċ-ċittadini biex jieħdu sehem b’mod attiv u effiċjenti fi proċessi amministrattivi permezz ta’ applikazzjonijiet tas-servizzi elettroniċi tal-gvern,

C. billi l-Internet jagħti tifsira sħiħa ta' x'inhi l-libertà tal-espressjoni kif tinsab fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, speċjalment fiir-rigward tad-dimensjoni 'indipendentement mill-fruntieri',

D. billi t-trasparenza, ir-rispett għall-privatezza u ambjent ta' fiduċja fejn I-partijiet konċernati għandhom jiġu kkunsidrati bħala elementi indispensabbli sabiex tinbena viżjoni sostenibbli ta' sigurtà għall-Internet,

E.  billi fuq l-Internet, il-libertà tal-espressjoni u l-privatezza jistgħu fl-istess ħin ikunu t-tnejn imkabbra iktar u iktar esposti għal indħil u limitazzjonijiet kemm minn atturi privati kif ukoll minn dawk pubbliċi,

F.  billi, permezz tal-libertà li jipprovdi, l-Internet ġie użat ukoll bħala pjattaforma għal messaġġi vjolenti bħal dawk li jinċitaw attakki terroristiċi kif ukoll siti elettroniċi ta’ offiżi li jistgħu jinċitaw speċifikament atti kriminali bbażati fuq il-mibegħda, u billi t-theddid għaċ-ċiberkriminalità żdied b’mod aktar mifrux u madwar id-dinja kollha u qed ipoġġi fil-periklu persuni individwali (inklużi tfal) u netwerks,

G. billi dawn il-delitti jistgħu jiġu ffaċċjati effettivament u deċiżivament mingħajr ma jsiru bidliet fin-natura fundamentali ħielsa u miftuħa tal-Internet,

H. billi, f’soċjetà demokratika, huma ċ-ċittadini li huma intitolati li josservaw u jiġġudikaw ta’ kuljum l-azzjonijiet u t-twemmin tal-gvernijiet tagħhom u ta’ kumpaniji privati li jipprovduhom b’servizzi; billi tekniki ta’ sorveljanza b’teknoloġija avvanzata, xi kultant flimkien man-nuqqas ta’ garanziji legali adegwati rigward il-limiti tal-applikazzjoni tagħhom, qegħdin jheddu dejjem aktar dan il-prinċipju,

I.   billi l-individwi għandhom id-dritt li jesprimu lilhom infushom b'mod liberu fuq l-Internet (pereżempju kontenut iġġenerat mill-utent, blogs u networking soċjali) u billi l-magni ta' tiftix tal-Internet u l-fornituri tas-servizz għamluha ferm iżjed faċli għan-nies biex isibu informazzjoni dwar pereżempju individwi oħra; billi, madankollu, hemm sitwazzjonijiet li fihom l-individwi jixtiequ jħassru informazzjoni miżmuma f’dawn il-bażijiet ta’ dejta; billi, għaldaqstant, il-kumpaniji għandhom ikunu kapaċi li jiżguraw li l-individwi jista' jkollhom dejta relatata ma' persuna mħassra minn bażijiet ta’ dejta;

J.   billi avvanzi kbar teknoloġiċi qed jippermettu dejjem aktar sorveljanza sigrieta, virtwalment moħbija mill-individwu, tal-attivitajiet taċ-ċittadini fuq l-Internet; billi s-sempliċi fatt li jeżistu teknoloġiji ta’ sorveljanza m’għandux jiġġustifika b’mod awtomatiku l-użu tagħhom, iżda billi l-interess aħħari li jiġu mħarsa d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini għandu jiddetermina l-limiti u ċ-ċirkostanzi preċiżi meta teknoloġiji bħal dawn jistgħu jintużaw mill-awtoritajiet pubbliċi jew il-kumpaniji; billi l-ġlieda kontra l-kriminalità fuq l-Internet u t-theddid għal soċjetà miftuħa u demokratika li ċertu persuni u organizzazzjonijiet jikkostitwixxu meta jużaw l-Internet biex jikkawżaw dannu lid-drittijiet taċ-ċittadini, m’għandhiex tfisser li l-Istati Membri jassumu d-dritt li jinterċettaw u jissorveljaw it-traffiku tad-dejta kollha fuq l-Internet li jseħħ fit-territorju tagħhom, kemm jekk dan japplika għaċ-ċittadini tagħhom stess jew traffiku tad-dejta minn barra; billi l-ġlieda kontra l-kriminalità għandha tkun proporzjonali man-natura tad-delitt;

K. billi s-serq u l-frodi tal-identità huma problema li dejjem tikber li l-awtoritajiet, ċittadini individwali u kumpaniji għadhom qed jibdew jirrikonoxxu, li tħalli tħassib serju ta’ sigurtà fir-rigward tal-użu intensifikat tal-Internet għal medda wiesgħa ta’ skopijiet, inklużi kummerċ u l-iskambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali,

L.  billi ta’ min ifakkar illi meta jiġu ttrattati drittijiet bħalma huma drittijiet tal-libertà tal-espressjoni jew ir-rispett tal-ħajja privata, limiti mill-awtoritajiet pubbliċi fuq l-eżerċizzju ta’ drittijiet bħal dawn jista’ jiġi impost f’soċjetà demokratika jekk dan ikun "skont il-liġi', meħtieġ, proporzjonat u xieraq,

M. billi, fuq l-Internet, hemm diviżjoni kbira ta’ poter u għarfien bejn entitajiet korporattivi u governattivi min-naħa l-waħda, u utenti individwali min-naħa l-oħra; billi, għaldaqstant, għandu jseħħ dibattitu dwar il-limitazzjonijiet meħtieġa għal “kunsens,” kemm fit-termini ta’ liema kumpaniji u gvernijiet jistgħu jitolbu lill-utent biex jiżvela u sa liema punt l-individwi għandhom ikunu meħtieġa li jċedu mill-privatezza tagħhom u drittijiet fundamentali oħra sabiex jirċievu ċerti servizzi jew privileġġi oħra tal-Internet,

N. billi minħabba n-natura globali, miftuħa u parteċipattiva tiegħu l-Internet bħala regola ġenerali jgawdi l-libertà, iżda madankollu dan ma jipprekludix il-bżonn ta' riflessjoni (fil-livelli nazzjonali u internazzjonali, kif ukoll fil-qafas pubbliku u privat) dwar kif il-libertajiet fundamentali tal-utenti tal-Internet, kif ukoll is-sigurtà tagħhom jiġu rrispettati u mħarsa,

O. billi l-għadd kbir ta’ drittijiet fundamentali li huma affettwati fid-dinja tal-Internet jinkludu, iżda mhumiex limitati għal, ir-rispett għall-ħajja privata (inkluż id-dritt li tkun imħassra b’mod permanenti marka personali diġitali), il-protezzjoni tad-dejta, il-libertà tal-espressjoni, tal-kelma u tal-assoċjazzjoni, il-libertà tal-istampa, l-espressjoni u l-parteċipazzjoni politika, in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni,u l-edukazzjoni; billi l-kontenut ta’ dawn id-drittijiet, inkluż il-kamp ta’ applikazzjoni u l-iskop tagħhom, il-livell ta’ protezzjoni provdut minn dawn id-drittijiet, u l-projbizzjonijiet tal-abbuż ta’ dawn id-drittijiet għandhom ikunu regolati mir-regoli dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u dawk fundamentali garantiti mill-Kostituzzjonijiet tal-Istati Membri, it-trattati internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-ECHR, il-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u/jew minn regoli oħra relevanti tal-liġi nazzjonali, internazzjonali u Komunitarja, fil-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tagħhom,

P.  billi l-atturi kollha involuti u attivi fuq l-Internet għandhom jassumu r-responsabiltajiet rispettivi tagħhom u jieħdu sehem f’fora fejn jiġu diskussi kwistjonijiet urġenti u importanti li jirrigwardaw l-attività fuq l-Internet sabiex ifittxu u jippromovu soluzzjonijiet komuni,

Q. billi l-e-illitteriżmu se jkun l-illitteriżmu ġdid tas-Seklu 21; billi li jiġi żgurat li ċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess għall-Internet huwa għalhekk ekwivalenti għall li jiġi żgurat li ċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess għat-tagħlim, u billi dan l-aċċess m'għandux jiċċaħħad b’mod punittiv minn gvernijiet jew kumpaniji privati; billi m’għandux ikun hemm abbuż ta’ dan l-aċċess fit-twettiq ta’ attivitajiet illegali; billi huwa importanti li jiġu ttrattati kwistjonijiet emerġenti bħalma huma n-newtralità tan-netwerks, l-interoperabilità, il-firxa globali ta’ safejn iwasslu n-nodi tal-Internet, u l-użu ta’ formati u standards miftuħa,

R.  billi l-karattru internazzjonali, multikulturali u speċjalment multilingwu tal-Internet għadu mhux appoġġjat totalment mill-infrastruttura teknika u l-protokolli tan-netwerk mondjali (World Wide Web),

S.  billi fil-proċess li għaddej bħalissa tal-"Internet Bill of Rights", huwa importanti li jitqiesu r-riċerki u l-obbligi relevanti kollha fil-qasam, inklużi studji tal-UE reċenti dwar is-suġġett,(11)

T.  billi l-attività ekonomika hija importanti għall-iżvilupp iktar dinamiku tal-Internet, filwaqt li s-salvagwardja tal-effiċjenza ekonomika tiegħu għandha tkun żgurata permezz ta’ kompetizzjoni ġusta u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, bħala meħtieġa, proporzjonata u xierqa,

U. billi għandu jinżamm bilanċ ġust bejn l-użu mill-ġdid ta' informazzjoni tas-settur pubbliku li jiftaħ opportunitajiet daqs qatt qabel għal esperimentazzjoni u skambju kreattiv u kulturali, u l-protezzjoni tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali,

V. billi madwar id-dinja, kumpaniji fis-settur tat-teknoloġija tal-informatika u tal-komunikazzjonijiet (ICT) jaffaċċjaw pressjoni governattiva li dejjem tiżdied sabiex jimxu skont il-liġijiet u l-politiki domestiċi b’modi li jistgħu jkunu ta’ kunflitt mad-drittijiet tal-bniedem rikonoxxuti internazzjonalment tal-libertà tal-espressjoni u tal-privatezza; billi ttieħdu passi pożittivi, fosthom dak meħud mill-grupp ta’ kumpaniji, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (inklużi gruppi tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertà tal-istampa), investituri u akkademiċi magħmulin minn bosta partijiet interessati li ħolqu approċċ kollaborattiv bl-għan li jipproteġu u javvanzaw il-libertà tal-espressjoni u l-privatezza fis-settur tal-ICT, u ffurmaw l-Inizjattiva ta’ Netwerk Globali (GNI)(12),

W. billi regoli qawwija ta’ protezzjoni tad-dejta jwasslu għal tħassib kbir għall-UE u ċ-ċittadini tagħha, u l-Premessa 2 tad-Direttiva 95/46/KE dwar il-protezzjoni ta’ dejta tiddikjara b’mod ċar li t-teknoloġija (fi kliem ieħor, sistemi tal-ipproċessar ta’ dejta) huma “maħsuba biex jaqdu lill-bniedem” u għandhom jirrispettaw “id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, b'mod partikolari d-dritt għall-privatezza, u jagħtu sehemhom għall-progress ekonomiku u soċjali, għat-tkabbir tal-kummerċ u l-benesseri tal-individwi”,

1.   Jindirizza r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kunsill:

Aċċess sħiħ u protett tal-Internet għal kulħadd

(a)  jipparteċipa fl-isforzi sabiex l-Internet isir għodda importanti ta' kisba akbar ta' kapaċitajiet tal-utenti, ambjent li jippermetti l-iżvilupp ta' strateġiji minn isfel għal fuq (bottom up) u ta' e-demokrazija, filwaqt li fl-istess ħin jiġi żgurat li jiġu stabbiliti salvagwardji sinifikattivi minħabba li jistgħu jiġu żviluppati f'dan il-qasam forom ġodda ta' kontroll u ċensura; il-libertà tal-espressjoni u l-protezjoni tal-ħajja privata li l-utenti jgawdu fuq l-Internet għandhom ikunu reali u mhux illużorji;

(b)  jirrikonoxxi li l-Internet jista' jkun opportunità straordinarja sabiex tisseddaq ċittadinanza attiva u li, f'dan ir-rigward, aċċess għan-netwerks u l-kontentut tagħhom huwa wieħed mill-elementi kruċjali; jirrakkomanda li din il-kwistjoni tiġi żviluppata aktar fuq il-bażi tal-ipotesi li kulħadd għandu dritt li jipparteċipa fis-soċjetà tal-informazzjoni u li l-istituzzjonijiet u l-partijiet konċernati fil-livelli kollha għandhom responsabilità ġenerali li jgħinu f'dan l-iżvilupp(13), u b'hekk jiġu attakkati l-koppja ta' sfidi ġodda tal-e-illitteriżmu u tal-esklużjoni demokratika fl-era elettronika(14);

(c)   iħeġġeġ l-Istati Membri biex jirrispondu għal soċjetà konxja mill-informazzjoni li dejjem qed tikber u biex isibu metodi li bihom jipprovdu trasparenza ikbar fit-teħid tad-deċiżjonijiet permezz ta' aċċess miżjud miċ-ċittadini tagħhom għal informazzjoni mqiegħda mill-gvernijiet sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jieħdu vantaġġ minn dik l-informazzjoni; japplika l-istess prinċipju għall-informazzjoni tiegħu stess;

(d) flimkien ma’ atturi relevanti oħrajn, jagħmel li jiġi żgurat li s-sigurtà, il-libertà tal-espressjoni u l-protezzjoni tal-privatezza, kif ukoll id-disponibilità fuq l-Internet, ma jiġux ittrattati bħala għanijiet li jikkompetu ma’ xulxin, imma li minflok jiġu pprovduti fl-istess ħin f’viżjoni komprensiva li twieġeb b’mod adegwat għal dawn l-imperattivi kollha;

(e)  jiġi żgurat li d-drittijiet legali tal-minuri għall-protezzjoni minn ħsara, kif preskritti mill-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u kif riflessi fil-liġi tal-UE, huma totalment riflessi fl-azzjonijiet, strumenti jew deċiżjonijiet relevanti kollha, u madwarhom, li jirrigwardaw it-tisħiħ tas-sigurtà u tal-libertà fuq l-Internet;

Impenn qawwi għall-glieda kontra ċ-ċiberkriminalità

(f)   jistieden lill-Presidenza tal-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jirriflettu dwar strateġija komprensiva u jiżviluppawha biex tiġi miġġielda ċ-ċiberkriminalità, skont fost l-oħrajn il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-ċiberkriminalità, inklużi l-mezzi li bihom jindirizzaw il-kwistjoni tas-"serq tal-identità" u l-frodi fil-livell tal-UE f'kooperazzjoni kemm mal-fornituri tal-Internet u l-organizzazzjonijiet tal-utenti kif ukoll mal-awtoritajiet tal-pulizija li jittrattaw delitti marbuta mal-IT u biex iressqu proposta dwar kif jinħolqu kampanji ta' kuxjenza u jiġu evitati delitti bħal dawn, filwaqt li fl-istess ħin jiġi żgurat li l-użu tal-Internet ikun sikur u aċċessibbli għal kulħadd; jitlob għall-ħolqien ta’ desk tal-UE għal assistenza għall-vittmi ta’ serq tal-identità u frodi tal-identità;

(g)  jinkuraġġixxi riflessjoni dwar il-koperazzjoni meħtieġa bejn atturi privati u pubbliċi f’dan il-qasam u dwar titjib tal-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi, flimkien ma’ taħriġ xieraq tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji, inkluż taħriġ dwar kwistjonijiet tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali; jirrikonoxxi l-bżonn għal responsabilità konġunta u l-benefiċċji ta’ ko-regolamentazzjoni u awto-regolamentazzjoni bħala strumenti alternattivi effiċjenti jew kumplimentarji għal leġiżlazzjoni tradizzjonali;

(h)   jiżgura li x-xogħol li qed isir fi ħdan il-qafas tal-proġett "Check the Web" u l-inizjattivi riċenti li għandhom l-iskop li jtejbu ċ-ċirkulazzjoni tal-informazzjoni dwar iċ-ċiberkriminalità, inkluż permezz tal-istabbiliment ta’ pjattaformi ta’ twissija nazzjonali u pjattaforma ta’ twissija Ewropea sabiex jirrappurtaw infrazzjonijiet li jsiru fuq l-Internet (il-ħolqien ta’ pjattaforma Ewropea għaċ-ċiberkriminalità mill-Europol) huma meħtieġa, ipproporzjonati u xierqa u akkompanjati mis-salvagwardji meħtieġa kollha;

(i)   jinkoraġġixxi programmi sabiex jipproteġu lit-tfal u jedukaw lill-ġenituri tagħhom kif stipulat fil-liġi tal-UE rigward l-e-perikli ġodda u jipprovdi evalwazzjoni tal-impatt tal-effikaċja tal-programmi li jeżistu sa llum; filwaqt li jagħmel dan, għandu jkun hemm kunsiderazzjoni partikolari tal-logħob onlajn li huma mmirati primarjament għat-tfal u ż-żgħażagħ;

(j)   jinkoraġġixxi lill-produtturi tal-kompjuters tal-UE biex jinstallaw minn qabel softwer għall-protezzjoni tat-tfal li jista' jiġi attivat b'mod faċli;

(k)  jipproċedi bl-adozzjoni tad-direttiva dwar miżuri kriminali sabiex jiġu infurzati d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, wara evalwazzjoni skont ir-riċerka kontemporanja ta’ innovazzjoni tal-estent sa fejn dan ikun meħtieġ u ipproporzjonat, u filwaqt li fl-istess waqt għal dan l-iskop jiġu pprojbiti l-monitoraġġ u s-sorveljanza sistematiċi tal-attivitajiet fuq l-Internet tal-utenti kollha, u sabiex jiġi żgurat li l-pieni jkunu proporzjonati għall-infrazzjonijiet imwettqa; f’dan il-kuntest, jirrispetta wkoll il-libertà tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni ta’ utenti individwali u jiġġieled kontra l-inċentivi għall-ksur ċibernetiku tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, inklużi ċerti restrizzjonijiet ta’ aċċess eċċessivi li jimponu dawk stess li jkollhom proprjetà intellettwali;

(l)   jiżgura li l-espressjoni ta' twemmin politiku kontroversjali permezz tal-Internet ma tkunx suġġetta għal prosekuzzjoni kriminali;

(m)  jiżgura li ma jkunx hemm liġijiet jew prattiki li jirrestrinġu jew jinkriminalizzaw id-dritt tal-ġurnalisti u tal-midja li jiġbru u jqassmu informazzjoni għal skopijiet ta’ rappurtaġġ;

Attenzjoni kostanti għall-protezzjoni assoluta u promozzjoni msaħħa tal-libertajiet fundamentali fuq l-Internet

(n)  jikkunsidra li l-"identità diġitali" qiegħda aktar ma tmur issir parti integrali ta’ "aħna min aħna" u f’dan l-aspett jixirqilha li titħares b’mod adegwat u effettiv kontra l-indħil ta’ atturi kemm privati kif ukoll pubbliċi –għalhekk, is-sett ta’ dejta partikolari li hija organikament konnessa mal-“identità diġitali” ta’ individwu għandha tkun definita u protetta, u l-elementi kollha tagħha għandhom ikunu kkunsidrati bħala drittijiet inaljenabbli personali, mhux ekonomiċi u mhux negozjabbli; iqis b'mod xieraq l-importanza tal-anonimità, il-psewdonomità u l-kontroll rigward privatezza fil-flussi tal-informazzjoni u għall-fatt li l-utenti għandhom jingħatawlhom il-mezzi biex jipproteġuha b’mod effiċjenti u jkunu mħarrġa dwarhom e.ż. permezz ta’ diversi Teknoloġiji li Jtejbu l-Privatezza (PETs);

(o)   jiżgura li l-Istati Membri li jinterċettaw u jimmonitorjaw it-traffiku tad-dejta, irrelevanti jekk dak japplikax għaċ-ċittadini tagħhom jew għat-traffiku tad-dejta li jkun ġej minn barra, jagħmlu dan taħt kundizzjonijiiet riġidi u salvagwardji provduti mil-liġi; jitlob lill-Istati Membri biex jiżguraw li tiftix remot, jekk provdut mil-liġi nazzjonali, ikun imwettaq fuq il-bażi ta’ mandat ta’ tfittxija validu maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti ġudizzjarji; jinnota li proċeduri simplifikati għat-twettiq ta’ tiftix remot meta mqabbel ma’ tiftix dirett mhuwiex aċċettabbli, peress li jikser l-istat tad-dritt u d-dritt għal privatezza;

(p)  jagħraf il-periklu ta' ċertu forom ta' sorveljanza u kontroll tal-Internet li jkollhom ukoll l-iskop li jiċċekkjaw kull pass "diġitali" li jagħti l-individwu bl-iskop li jinbena profil tal-utent u li jingħataw "punti"; jagħmel ċar il-fatt li tekniki bħal dawn għandhom dejjem jiġu evalwati f’termini tan-neċessità u l-proporzjonalità tagħhom fid-dawl tal-objettivi li jkollhom l-iskop li jilħqu; jenfasizza wkoll il-ħtieġa għal għarfien imsaħħaħ u kunsens infurmat tal-utenti rigward l-e-attivitajiet tagħhom li jinvolvu l-iskambju ta’ dejta personali (pereżempju fil-każ tan-netwerks soċjali);

(q)  iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jidentifikaw l-entitajiet kollha li jużaw Sorveljanza tan-Net (Net Surveillance ) u biex ifasslu rapporti annwali li jkunu aċċessibbli għall-pubbliku dwar is-Sorveljanza tan-Net billi jiżguraw il-legalità, il-proporzjonalità u t-trasparenza;

      (r)     jeżamina u jippreskrivi limiti għall-"kunsens" li jista' jiġi mitlub jew meħud mill-utenti, kemm minn gvernijiet jew ukoll minn kumpaniji privati, li jnaqqsilhom parti mill-privatezza tagħhom, għaliex hemm żbilanċ ċar ta' poter ta' negozjar u ta' għarfien bejn l-utenti individwali u istituzzjonijiet bħal dawn;

(s)  jillimita, jiddefinixxi u jirregola b’mod strett il-każijiet li fihom kumpanija privata tal-Internet tista’ tkun mistennija li tikxef dejta lill-awtoritajiet governattivi, jagħmel li jkun żgurat li l-użu ta’ dik id-dejta mill-awtoritajiet tal-gvern ikun suġġett għall-istandards tal-protezzjoni tad-dejta l-iktar stretti; jistabbilixxi kontroll effettiv u evalwazzjoni ta' dak il-proċess;

(t)   jisħaq fuq l-importanza li l-utenti tal-Internet ikunu kapaċi jżidu d-dritt tagħhom li jħassru b'mod permanenti d-dejta personali tagħhom misjuba fuq websajts tal-Internet jew f'xi forma ta' ħżin tad-dejta ta' partijiet terzi; jiżgura li deċiżjoni bħal din mill-utenti tkun rispettata mill-fornituri tas-servizz tal-Internet, fornituri tal-e-kummerċ u servizzi tas-soċjetà tal-informatika; jiżgura li l-Istati Membri jipprovdu għal infurzar effettiv tad-dritt taċ-ċittadini għal aċċess għad-dejta personali tagħhom, inklużi kif xieraq it-tħassir ta' dejta bħal din jew it-tneħħija tagħha mill-websajts;

      (u)     jikkundanna ċensura imposta mill-gvern ta' kontenut li dwaru jista' jsir tkixxif fuq siti tal-Internet, b'mod speċjali meta restrizzjonijiet bħal dawn jista' jkollhom l-"effett li jiffriża" d-diskors politiku;

(v)  jitlob lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li l-libertà tal-espressjoni ma tkunx suġġetta għal restrizzjonijiet arbitjarji mill-isfera pubblika u/jew privata u sabiex jevitaw kull miżura leġiżlattiva jew amministrattiva li jista’ jkollha l-"effett li tiffriża" l-aspetti kollha tal-libertà tal-kelma;

(w) ifakkar li t-trasferiment ta' dejta personali lejn pajjiżi terzi jrid isir bi qbil mad-dispożizzjonijiet stipulati, fost l-oħrajn, fid-Direttiva 95/46/KE u fil-Qafas ta' Deċiżjoni 2008/977/JHA;

(x) jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-iżvilupp tal-"Internet tal-affarijiet" u l-użu tas-sistemi tal-Identifikazzjoni tal-Frekwenzi tar-Radju (RFID) m’għandhomx jipprovaw jevitaw il-protezzjoni tad-dejta u d-drittijiet taċ-ċittadini;

(y)  jitlob lill-Istati Membri biex japplikaw b’mod korrett id-Direttiva 95/46/KE dwar id-dejta personali fir-rigward tal-Internet; ifakkar lill-Istati Membri li din id-Direttiva, speċjalment l-Artikolu 8, tapplika indipendentement mit-teknoloġija użata għall-ipproċessar tad-dejta personali u d-dispożizzjonijiet tagħha jirrikjedu li l-Istati Membri jipprovdu d-dritt għal rimedju ġudizzjarju u kumpens għall-ksur tagħhom (Artikoli 22, 23, u 24);

(z)  jinkoraġġixxi l-inkorporazzjoni ta’ prinċipji fundamentali tal-“Internet Bill of Rights” fil-proċess ta’ riċerka u żvilupp ta’ strumenti u applikazzjonijiet li jirrigwardaw l-Internet u l-promozzjoni tal-prinċipju "privacy by design" li permezz tiegħu r-rekwiżiti ta’ protezzjoni tal-privatezza u tad-dejta għandhom jiddaħħlu kemm jista’ jkun malajr fiċ-ċiklu tal-ħajja ta’ żviluppi teknoloġiċi ġodda, filwaqt li jassiguraw liċ-ċittadini ambjent li fih ikun faċli għalihom li jużaw;

(za) jappoġġja u jitlob l-involviment attiv tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tal-Informazzjoni u tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 fl-iżvilupp ta’ leġiżlazzjoni Ewropea li tittratta attivitajiet tal-Internet b’impatt potenzjali fuq il-protezzjoni tad-dejta;

(zb) jitlob lill-Kummissjoni biex twettaq studju fil-fond tal-aspetti ta’ privatezza tar-riklamar onlajn;

Obbligi internazzjonali

(zc) ħeġġeġ lill-atturi tal-Internet kollha sabiex jimpenjaw ruħhom fil-proċess li qiegħed għaddej tal-"Internet Bill of Rights" li jsejjes fuq id-drittijiet fundamentali eżistenti, jippromwovi l-infurzar tagħhom u jrawwem l-għarfien ta' prinċipji emerġenti; rigward dan, il-koalizzjoni dinamika dwar l-Internet Bill of Rights għandha rwol prinċipali;

(zd) jiżgura li, f'dan il-kuntest, inizjattiva orjentata mal-proċess minn għadd ta' partijiet interessati u għadd ta' livelli, flimkien ma' taħlita ta' inizjattivi globali u lokali jiġu kkunsidrati sabiex jiġu speċifikati u mħarsin id-drittijiet tal-utenti tal-Internet u b'hekk ikunu żgurati l-leġittimità, ir-responsabilità u l-aċċettazzjoni tal-proċess;

(ze)  jirrikonoxxi li n-natura globali u miftuħa tal-Internet tirrikjedi standards globali għal protezzjoni tad-dejta, sigurtà u libertà tal-kelma; f'dan il-kuntest jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jieħdu l-inizjattiva għat-tfassil ta’ dawn l-istandards; jilqa’ b’sodisfazzjon ir-riżoluzzjoni dwar il-bżonn urġenti għall-protezzjoni tal-privatezza f’dinja mingħajr fruntieri, u sabiex tintlaħaq Proposta Konġunta għat-twaqqif ta’ Standards Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tal-Privatezza u tad-Dejta Personali tat-30 Konferenza Internazzjonali tal-Protezzjoni tad-Dejta u l-Kummissarji tal-Privatezza li nżammet fi Strażburgu mill-15 sas-17 ta' Ottubru 2008; iħeġġeġ lill-partijiet interessati kollha tal-UE (pubbliċi kif ukoll privati) biex jinvolvu ruħhom f’din ir-riflessjoni;

(zf) jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp ta’ E-agora reali tal-Internet fejn iċ-ċittadini tal-Unjoni jkollhom diskussjoni iktar interattiva ma’ min jagħmel il-politiki u partijiet interessati istituzzjonali oħra;

(zg) iħeġġeġ il-parteċipazzjoni attiva tal-UE f'fora internazzjonali differenti li jittrattaw aspetti lokali u globali tal-Internet bħalma hu l-'Internet Governance Forum' (IGF);

(zh) jipparteċipa, flimkien mal-atturi kollha relevanti tal-UE, fit-twaqqif ta' IGF Ewropew li jagħmel evalwazzjoni tal-esperjenzi miksuba minn IGFs nazzjonali, jiffunzjona bħala ċentru reġjonali, u jwassal b'mod aktar effiċjenti kwistjonijiet, pożizzjonijiet u tħassib ta' interess mifrux mal-Ewropa kollha fl-IGFs internazzjonali li ġejjin;

o

o o

2.   Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u, għall-informazzjoni, lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU C 364,18.12.2000, p. 1.

(2)

ĠU L 281, 23.121.1995, p. 31.

(3)

ĠU L 350, 30.12.2008, p. 60.

(4)

ĠU L 345, 31.12.2003, p. 90.

(5)

ĠU 2006 L 105, p. 54.

(6)

ĠU L 69, 16.3.2005, p. 67.

(7)

ĠU L 149, 2.6.2001, p. 1.

(8)

ĠU L 330, 9.12.2008, p. 21.

(9)

Eż.: Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar ic-Ċiberkrimini tat-23 ta' Novembru 2001, Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward ta' Proċessar Awtomatiku ta' Dejta Personali, 28 ta' Jannar 1981.

(10)

BVerfG, 1 BvR 370/07, 27.2.2008, Absatz-Nr. (1 - 333). http://www.bverfg.de/entscheidungen/rs20080227_1bvr037007.html

(11)

1 Ara wkoll http://www.europarl.europa.eu/activities/committees/studiesCom/searchPerform.do, Studju reċenti dwar 'Tisħiħ tas-Sigurtà u tal-Libertajiet Fundamentali fuq l-Internet - Politika tal-UE dwar il-Ġlieda kontra ċ-Ċiberkriminalità' tressaq fost ideat oħra l-adozzjoni ta' Internet Bill of Rights li ma torbotx.

(12)

http://www.globalnetworkinitiative.org/index.php.

(13)

Ara l-Kostituzzjoni Griega u l-paragrafu 5A tagħha.

(14)

Fid-dokument tal-Kunsill tal-Ewropa 'Internet - a critical resource for all' tas-17 ta' Settembru 2008 huwa enfassizzat ukoll li "li jiġu żgurati u promossi ekwità u parteċipazzjoni rigward l-Internet huwa pass essenzjali għall-progress fl-ekwità u l-parteċipzzjoni fis-soċjetà kollha kemm hi."


NOTA SPJEGATTIVA

Drittijiet Fundamentali fuq l-Internet - imsaħħa u pperikolati fl-istess ħin

Qed ngħixu fi żmien fejn kulħadd, minn gvernijiet sa pulizija, kumpaniji privati u anke kriminali, ifittxu l-akbar aċċess possibbli għad-dejta elettronika privata tagħna. L-Internet b'mod partikolari jipprovdi dettalji li qabel ma kinux immaġinabbli dwar il-ħajja privata tagħna; anke klikk waħda fuq websajt tiġġenera dejta li potenzjalment tista' tintuża jew tiġi abbużata minn dawk li jaħdmu fir-reklamar, is-servizzi tal-intelliġenza, jew il-ħallelin tal-identità.

Għalhekk, li tiġi żgurata l-protezzjoni tad-dritt fundamentali għall-privatezza fuq l-Internet hija waħda mill-ħidmiet l-aktar urġenti li qed niffaċċjaw aħna l-leġiżlaturi. Hija wkoll waħda mill-aktar sfidi iebsa etikament, legalment, teknoloġikament u politikament li ġew iffaċċjati biha s-soċjetajiet tagħna.

Huwa ċar għal kulħadd li l-Internet jista' jkun għodda li tkabbar id-drittijiet fundamentali tagħna, jaghtina poter b'informazzjoni li ma tispiċċa qatt u jagħmilna f'kuntatt ma' individwi u komunitajiet madwar id-dinja. Huwa pjuttost inqas rikonoxxut sew li, fil-proċess, l-Internet joħloq periklu profond lid-drittijiet fundamentali tagħna, potenzjalment jesponina għal sorveljanza distruttiva, filwaqt li jservi bħala għodda għall-kriminali u anke għat-terroristi. U l-anqas ċar minn kollox huwa kif nistgħu nirregolaw l-Internet b'tali mod li jħallina nieħdu l-benefiċċji tiegħu, filwaqt li nillimitaw il-perikli l-aktar reali u serji tal-abbuż. Dan il-kalkolu jsir aktar ikkumplikat min-natura intrinsika tal-Internet – netwerk diċentralizzat, dipendenti fuq l-utent li m'huwa taħt il-kontroll tal-ebda gvern u li jittraxxendi kważi l-fruntieri kollha.

Dan ir-rapport, għalhekk, għandu l-għan li jenfasizza kif aħna nistgħu nipproteġu bl-aħjar mod u nippromwovu l-libertajiet fundamentali tal-individwi f'ambjent onlajn. Fost l-elementi essenzjali tar-rispons tagħna għandu jkun hemm:

– L-involviment tal-partijiet kollha interessati;

– Azzjoni f'livelli differenti, billi jsir użu minn strumenti nazzjonali, reġjonali, u internazzjonali eżistenti u jkun hemm osservazzjoni ta' kif jiġu applikati fil-prattika leġiżlattiva tal-lum;

– Skambju tal-aħjar prattiki; kif ukoll

– Ir-rispons għall-bżonnijiet u l-problemi ta' tipi varji ta' utenti tal-Internet u ta' ħafna (u li l-ħin kollu jevolvu) tipi ta' attivitajiet onlajn.

Li jinstab bilanċ xieraq bejn il-privatezza u s-sigurtà huwa fil-qalba tal-missjoni tagħna. Dan jirrikjedi viġilanza u rikalibrar kostanti, sabiex aħna nibqgħu f'sinkronizzazzjoni mal-mixja tat-teknoloġija li ma tistax tkun ikkontrollata. Għandna nikkunsidraw bir-reqqa l-interessi ta' sigurtà ta' kull xorta, minn mistoqsijiet dwar sigurtà nazzjonali, għas-sigurtà u l-kredibilità tan-netwerks tagħna, għas-sigurtà personali tal-individwi meta dawn jixxerjaw id-dejta tagħhom onlajn. Jekk li jkun żgurat Internet aktar sigur huwa għan leġittimu għas-soċjetajiet tagħna, għalhekk għandna nindirizzaw u nikkostrinġu l-użu tas-sorveljanza u tat-tekniki tal-monitoraġġ li jistgħu jheddu l-libertajiet fundamentali tagħna – b'mod speċjali meta huma kkonċernati n-neċessità, il-proporzjonalità u l-effiċjenza tagħhom. Il-flessibilità, l-adattabilità u r-responsabilità għandhom ikunu l-karatteristiċi ta' kull leġiżlazzjoni u tal-programmi li niżviluppaw, sabiex inkunu nistgħu nkunu pass ' il quddiem mit-teknoloġiji li qed jevolvu.

L-Internet jista' jtejjeb sew drittijiet fundamentali oħra, bħal ma huma l-libertà tal-kelma, tal-azzjoni politika, u ta' assoċjazzjoni – però huwa anke daqshekk faċli li jkun ta' xkiel għalihom. Każ riċenti ta' dan id-dibattitu kienet l-inizjattiva leġiżlattiva għall-monitoraġġ ta' diskors fuq l-internet sabiex jiġu evitati attakki terroristiċi. Dan huwa eżempju klassiku ta' leġiżlazzjoni li, sakemm ma tkunx imfassla b'mod strett biex tilħaq l-għanijiet tagħha, tista' tiftaħ il-bieb għal sorveljanza massiva, u b'hekk "twaqqaf" id-diskors politiku tal-individwi – li huwa fil-qalba tas-soċjetà demokratika.

Li wieħed isib il-bilanċ ġust fuq punti bħal dan huwa kruċjali. M'hemmx dubju li l-internet ta lill-kriminali set ta' għodod ġodda ta' qawwa kbira, u m'hemmx dubju li t-terroristi m'għandhomx jitħallew jużaw l-Internet biex jippjanaw u jwettqu l-attakki. B'dan il-mod ukoll, is-soċjetajiet tagħna jitolbu bi dritt li aħna nwaqqfu l-pornografija tat-tfal minn fuq l-Internet. Kriminali bħal dawn, billi jpoġġu theddid tanġibbli, inaqqsu r-reżistanza fost iċ-ċittadini tagħna għas-sejħiet mill-pulizija għall-monitoraġġ aktar wiesgħa tal-Internet – li, min-natura tiegħu, huwa "intanġibbli". Aħna għandna nirreżistu din it-tendenza. Il-liġijiet tagħna għandhom ikunu effettivi biex jiġġieldu l-kriminalità, però m'għandhomx ikunu eċċessivi. L-Internet, bin-natura tiegħu aktar diżorganizzata u intanġibbli, jagħmel lili nnifsu miftuħ għal eċċessi bħal dawn. Pereżempju, ftit nies jaċċettaw l-idea li l-pulizija jew kumpaniji tar-reklamar jistgħu jiftħu kull ittra mibgħuta permezz tal-uffiċċju tal-posta biex jiċċekkjaw il-kontenut tagħha. Viġilanza simili hija meħtieġa meta jrid ikun protett il-kontenut tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

Però d-diskors jista' jkun imwaqqaf u l-privatezza invaduta mhux biss mill-awtoritajiet governattivi fit-tfittxija għall-kriminali, imma wkoll minn kumpaniji privati tal-Internet li jkunu qed ifittxu l-profitt. It-tendenza l-aktar ġdida meta jiġri dan – u ġeneralment wara biss li l-kumpaniji jinqabdu fil-fatt li qed jiġbru, jaħżnu, u jużaw id-dejta tagħna bla awtorizzazzjoni -- hija li jintalab il-"kunsens" tal-utent (jew fuq bażi opt-in jew fuq bażi opt-out) għall-użu tad-dejta tiegħu jew tagħha.

Għandna nistaqsu lilna nfusna, "X'inhuma l-limiti tal-kunsens?" Il-kwistjoni tapplika kemm għal dak li tista' tistaqsi kumpanija lil utent biex jiżvela, u kemm għal x'għandu jkun permess għall-individwu li jċedi mill-privatezza tiegħu u drittijiet fundamentali oħra sabiex ikun jista' jirċievi ċerti servizzi u privileġġi tal-Internet.

Ir-risposti għal dawn il-mistoqsijiet mhumiex daqshekk sempliċi. F'dominju ieħor – dak tal-leġiżlazzjoni tax-xogħol – is-soċjetajiet tagħna qablu li għandu jkun hemm limitu għall-kunsens taċ-ċittadini dwar il-ħajja privata tagħhom. Il-liġi tax-xogħol u ftehimiet ta' negozjar kollettiv f'bosta Stati Membri jiddeterminaw, pereżempju, is-sigħat massimi tax-xogħol, il-pagi minimi, jew drittijiet oħra tax-xogħol, li individwi ma jistgħux jintalbu biex "jinnegozjaw" ma' min iħaddimhom. Ir-raġuni hija sempliċi: Huwa preżunt li m'hemmx bilanċ ta' poter bejn impjegat u min iħaddmu u li, konsegwentement, "il-kunsens" ma jistax jingħata b'mod ġust jew akkwistat fuq bażi ugwali. Raġuni oħra hija li aħna ddeċidejna wkoll li għandna naraw li ma jkunx hemm "tiġrija sal-qiegħ" fuq il-ġabra kollha ta' drittijiet tax-xogħol, li tista' tirriżulta jekk xi ħaddiema individwali jitħallew jew "ikunu sfurzati" li jinnegozjaw parti mid-drittijiet tagħhom.

Jeżisti distakk simili ta' poter u għerf fuq l-Internet: Poter Korporattiv u Governattiv, għerf, u interessi jeżistu b'mod qawwi għall-utent individwali, kif jeżisti wkoll il-periklu li wieħed joffri servizzi tal-Internet "irħas" (u għalhekk aktar "attraenti" għal xi utenti) bi skambju għall-protezzjonijiet ta' privatezza aktar baxxi. Hija l-konvinzjoni tar-Rapporteur li l-battalja li jmiss fid-dibattitu dwar is-sigurtà u l-privatezza tal-Internet se tkun dwar il-limiti tal-"kunsens" imfittex mill-gvernijiet u kumpaniji privati.

Din il-kwistjoni għandha tinteressana ħafna, fl-Ewropea tal-lum, il-"Big Brother" ma jiġix fil-forma ta' xi reġim awtoritarju; jiġi, jekk ikun il-każ, bil-moħbi u bil-"kunsens" tagħna.

Fl-aħħar nett, id-dritt għall-Edukazzjoni u d-dritt għall-aċċess għall-Internet, huma żewġ drittijiet addizzjonali li għandhom jitħeġġu separatament, imma li jistgħu wkoll ikunu mhedda fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-kriminalità fuq l-Internet. L-e-illitteriżmu se jkun l-illitteriżmu l-ġdid tas-Seklu 21. Billi kull tifel illum għandu d-dritt għall-edukazzjoni, u kull adult li jkompli l-edukazzjoni, kull individwu matul ħajtu għandu jkollu d-dritt għall-aċċess għall-kompjuter u l-Internet. Il-gvernijiet għandhom jiżguraw li aċċess bħal dan ikun disponibbli fir-reġjuni tagħhom l-aktar imbiegħda u għall-ifqar ċittadini; Barra minn hekk, m'għandux ikun miċħud bħala "kastig" għall-infrazzjonijiet miċ-ċittadini. Nies minn kull parti tas-soċjetà, u minn kull reġjun u kultura, għandhom ikunu jistgħu jieħdu vantaġġ mill-varjetà wiesgħa ta' servizzi offruti mill-Internet. B'dan il-mod, ikunu jistgħu jkomplu bl-iżvilupp personali tagħhom, jidħlu f'relazzjonijiet edukattivi, professjonali u personali, u jinkoraġġixxu opportunitajiet ekonomiċi sal-limitu possibbli li jħalluhom it-teknoloġiji u l-liġijiet tagħna.


PROPOSTA GĦAL RAKKOMANDAZZJONI (B6 0302/2008) (11.6.2008)

skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli ta' Proċedura

minn Stavros Lambrinidis

dwar it-tisħiħ tas-sigurtà u tal-libertajiet fundamentali fuq l-Internet

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u b'mod partikolari l-artikoli tiegħu dwar il-protezzjoni tad-dejta personali, il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni u r-rispett tal-ħajja privata u familjari,

–   wara li kkunsidra l-inizjattivi reċenti għas-sejba tal-krimini serju u tat-terroriżmu (il-proġett "Check the Web") u l-proposta reċenti għall-emenda tad-Deċiżjoni ta' Qafas 2002/475/JHA tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, kif ukoll il-proposta għal reviżjoni tad-Direttiva 2002/58/KE dwar l-ipproċessar tad-dejta personali u l-protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi,

   wara li kkunsidra x-xogħlijiet li saru fil-Kunsill tal-Ewropa (CoE), fl-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) u fin-Nazzjonijiet Uniti, kemm rigward il-ġlieda kontra l-kriminalità u ċ-ċiberkriminalità u kif ukoll dak li jikkonċerna l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, inklużi dawk fuq l-Internet,

   wara li kkunsidra l-aħħar sentenzi tal-qrati Ewropej u tal-qrati kostituzzjonali nazzjonali f'dan il-qasam, u b'mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali Federali Ġermaniża (BVerfG) li tagħraf id-dritt distint tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità u tal-integrità tas-sistemi tal-informatika,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 114(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi l-Internet sar strument essenzjali fil-livell dinji għall-iżvilupp tal-libertà tal-espressjoni kif ukoll biex jiġu ssodisfatti l-attivitajiet ekonomiċi; billi dawn iċ-ċirkustanzi jagħmlu aktar kruċjali li fil-ġlieda kontra l-kriminalità u kontra l-abbuż tal-poteri pubbliċi u personali ma jiġix limitat il-potenzjal ta' dan l-istrument;

B.  billi minħabba d-dimensjoni globali, l-iżvilupp mgħaġġel u l-karatteristiċi tekniċi speċifiċi tal-Internet huwa diffiċli li jkun hemm kontroll bil-leġiżlazzjoni nazzjonali biss, u jridu jittieħdu inizjattivi, speċjalment fil-livell internazzjonali, biex jiġu mħarsa d-drittijiet tal-individwi fir-rigward ta' mhux biss is-sigurtà tagħhom imma wkoll il-libertajiet tagħhom u l-protezzjoni tal-ħajja privata tagħhom,

1.  Jindirizza r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kunsill:

     a)  jiffaċilita allinjament gradwali fl-UE ta' leġiżlazzjoni nazzjonali rigward    ir-rekwiżiti relatati mal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fuq l-Internet,

     b)  jieħu passi biex ikun hemm tisħiħ tad-djalogu bejn il-leġiżlaturi nazzjonali u l-leġiżlaturi Ewropej  u bejn il-qrati nazzjonali u Ewropej,

     c)  jippromwovi djalogu bejn il-partijiet kollha involuti fl-Internet u dawk affettwati minnu, u            b'mod partikolari l-operaturi u l-utenti tal-Internet,

     d)  jippromwovi l-konklużjoni tal-ftehimiet internazzjonali neċessarji, kemm fil-livell bilaterali           (b'mod partikolari Transatlantiku) kif ukoll fil-livell multilaterali (inizjattivi tas-CoE, tal-OECD u tan-NU);

2.   Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u, għall-informazzjoni, lill-Kummissjoni.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (20.1.2009)

għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

dwar it-tisħiħ tas-sigurtà u tal-libertajiet fundamentali fuq l-Internet

(2008/2160(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Manolis Mavrommatis

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi l-Internet jikkostitwixxi għodda importanti u unika, li tikkontribwixxi, inter alia, għall-iżvilupp u l-promozzjoni tal-libertà tal-espressjoni, il-formazzjoni tal-opinjonijiet, it-tixrid u l-promozzjoni tal-kultura u tal-għerf, u għall-iżvilupp ta' attivitajiet ekonomiċi,

B.  billi, minħabba d-dimensjoni interstatali tiegħu, l-Internet huwa rregolat minn qafas legali Ewropew u internazzjonali li jkopri kwistjonijiet bħal m'huma l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt għall-ħarsien tad-dejta personali u għall-ħarsien tad-drittijiet tal-awtur, u l-użu sikur tal-Internet, b'mod partikulari minn minorenni u minn gruppi soċjali vulnerabbli,

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni ta' programm Komunitarju multiannwali dwar il-ħarsien tat-tfal li jużaw l-Internet u teknoloġiji oħra tal-komunikazzjoni u jittama li l-programm ikun implimentat mal-ewwel opportunità li titfaċċa;

2.  Jistieden lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni, lill-fornituri tal-Internet, lir-rappreżentanti tal-utenti u lill-korpi kompetenti simili kollha biex irażżnu u gradwalment ineħħu għal kollox il-kontenut online li jkun illegali u ta' ħsara;

3.   Jagħraf li l-użu mifrux ħafna tal-Internet jista' jġib benefiċċji ekonomiċi u soċjali sinifikanti u jista’ jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għat-tkomplija sal-aħħar tas-suq intern; iqis, madankollu, li għandhom jittieħdu miżuri biex ikun żgurat li d-drittijiet fundamentali kollha tal-persuni, ibbażati fuq il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ikunu dejjem salvagwardjati u mħarsa u li jkun hemm bilanċ ġust bejn id-drittijiet u l-libertajiet tal-partijiet kollha kkonċernati;

4.  Ifakkar fil-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Ħarsien u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali li daħlet fis-seħħ fit-18 ta' Marzu 2007 u li tenfasizza li l-espressjonijiet kulturali ma jistgħux jitqiesu bħala sempliċement oġġetti ta' negozjati kummerċjali peress li għandhom natura doppja (ekonomika u kulturali) u għandhom, għalhekk, ikunu mħarsa mill-abbuż fuq l-Internet;

5.  Jappoġġja, għalhekk, l-iżvilupp ta’ qafas legali għall-kontenut kulturali u kreattiv ta' fuq l-Internet u l-ġlieda kontra l-piraterija.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

20.1.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

25

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Badia i Cutchet, Ivo Belet, Guy Bono, Marie-Hélène Descamps, Věra Flasarová, Milan Gaľa, Vasco Graça Moura, Lissy Gröner, Luis Herrero-Tejedor, Ruth Hieronymi, Mikel Irujo Amezaga, Ramona Nicole Mănescu, Manolis Mavrommatis, Ljudmila Novak, Doris Pack, Zdzisław Zbigniew Podkański, Pál Schmitt, Hannu Takkula, Thomas Wise, Tomáš Zatloukal

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Gyula Hegyi, Nina Škottová, László Tőkés, Ewa Tomaszewska, Cornelis Visser

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Berger


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

17.2.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

45

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alexander Alvaro, Emine Bozkurt, Philip Bradbourn, Mihael Brejc, Kathalijne Maria Buitenweg, Michael Cashman, Carlos Coelho, Esther De Lange, Panayiotis Demetriou, Gérard Deprez, Armando França, Urszula Gacek, Roland Gewalt, Jeanine Hennis-Plasschaert, Ewa Klamt, Magda Kósáné Kovács, Wolfgang Kreissl-Dörfler, Stavros Lambrinidis, Roselyne Lefrançois, Baroness Sarah Ludford, Claude Moraes, Javier Moreno Sánchez, Maria Grazia Pagano, Martine Roure, Inger Segelström, Csaba Sógor, Ioannis Varvitsiotis, Manfred Weber, Tatjana Ždanoka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Edit Bauer, Simon Busuttil, Marco Cappato, Charlotte Cederschiöld, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Metin Kazak, Jean Lambert, Marian-Jean Marinescu, Antonio Masip Hidalgo, Bill Newton Dunn, Hubert Pirker, Nicolae Vlad Popa, Eva-Britt Svensson, Charles Tannock

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Costas Botopoulos, Luis de Grandes Pascual, Jelko Kacin

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Marzu 2009Avviż legali