RAPPORT dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni

1.2.2010 - (COM(2009)0029 – C6‑0062/2009 – 2009/0004(CNS)) - *

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Magdalena Alvarez


Proċedura : 2009/0004(CNS)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni

(COM(2009)0029 – C6‑0062/2009 – 2009/0004(CNS))

(Proċedura ta' konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2009)0029),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 93 u 94 tat-Trattat KE, skont liema artikoli ġie kkonsultat mill-Kunsill (C6-0062/2009),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-isem “Konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona dwar il-proċeduri interistituzzjonali ta' teħid ta' deċiżjonijiet li għaddejjin bħalissa” (COM(2009)0665),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 113 u 115 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0006/2010),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex konsegwentement tbiddel il-proposta tagħha, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE;

3.  Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4.  Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

Emenda  1

Proposta għal direttiva

Premessa 9 a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(9a) Sabiex jiġu applikati u vverifikati b’mod korrett is-sistemi fiskali differenti tal-Istati Membri, hija meħtieġa informazzjoni adegwata dwar l-attivitajiet taxxabli li jitwettqu fi Stati Membri oħra. Fost il-modalitajiet differenti, l-iskambju awtomatiku ta’ dejta jidher bħala l-aktar mod effikaċi għall-komunikazzjoni tal-informazzjoni attwali meħtieġa għal tassazzjoni korretta, b'mod partikolari fil-każijiet transkonfinali. Biex tkun żgurata l-effikaċja ta’ dan l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni jeħtieġ li jkunu determinati l-kategoriji u li jiġu definiti l-oqsma fejn applikazzjoni ta' dan l-iskambju hija obbligatorja. Barra minn hekk, għandu jkun hemm il-possibbiltà li jiġi stabbilit limitu doppju, skont il-kategoriji li għalihom tiġi kkomunikata informazzjoni u/jew l-ammont li jiskatta l-mekkaniżmu.

Ġustifikazzjoni

Rigward l-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni, l-kamp ta' applikazzjoni huwa ppreċiżat u definit permezz tal-istabbiliment ta' sensiela ta' kategoriji tal-introjtu u tal-kapital li dan l-iskambju għandu japplika għalihom b'mod obbligatorju. Barra minn hekk, tingħata l-possibbiltà li jkun stabbilit limitu doppju, skont il-kategoriji li għalihom tkun ikkomunikata l-informazzjoni u/jew l-ammont li jiskatta l-mekkaniżmu.

Emenda  2

Proposta għal direttiva

Premessa 10

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(10) L-Istati Membri għandhom jiskambjaw awtomatikament kwalunkwe informazzjoni fejn Stat Membru jkun iġġustifikat li jissoponi li seħħ nuqqas ta' konformità mal-liġijiet fiskali, jew li x'aktarx iseħħ, fi Stat Membru ieħor, fejn ikun riskj ta' tassazzjoni mhux xierqa fi Stat Membru ieħor, jew fejn it-taxxa tkun ġiet, jew tkun ser tiġi, evaża jew evitata għal kwalunkwe raġuni fi Stat Membru ieħor, u speċjalment fejn ikun hemm trasferiment artifiċjali ta' profitti bejn impriżi fi Stati Membri differenti jew fejn tali tranżazzjonijiet ikunu twettqu bejn impriżi f'żewġ Stati Membri permezz ta' pajjiż terz sabiex jinkisbu vantaġġi fiskali.

(10) L-Istati Membri għandhom jiskambjaw awtomatikament kwalunkwe informazzjoni, filwaqt li jiżguraw il-protezzjoni tal-privatezza tal-konsumatur, fejn Stat Membru jkun iġġustifikat li jissoponi li seħħ nuqqas ta' konformità mal-liġijiet fiskali, jew li x'aktarx iseħħ, fi Stat Membru ieħor, fejn ikun riskju ta' tassazzjoni mhux xierqa fi Stat Membru ieħor, jew fejn it-taxxa tkun ġiet, jew tkun ser tiġi, evaża jew evitata għal kwalunkwe raġuni fi Stat Membru ieħor, u speċjalment fejn ikun hemm trasferiment artifiċjali ta' profitti bejn impriżi fi Stati Membri differenti jew fejn tali tranżazzjonijiet ikunu twettqu bejn impriżi f'żewġ Stati Membri permezz ta' pajjiż terz sabiex jinkisbu vantaġġi fiskali.

Emenda  3

Proposta għal direttiva

Premessa 11 a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(11a) Informazzjoni ta’ dan it-tip għandha wkoll tkun protetta skont id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data1 u skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dak id-data2. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jirrispettaw l-obbligi dwar it-trasparenza u l-informazzjoni fir-rigward tal-partijiet interessati fil-każijiet li jinvolvu l-irkupru ta’ dejta personali. Għandhom ikunu żgurati livell xieraq ta’ protezzjoni, perjodu limitat ta' ħażna, u r-responsabilizzazzjoni tal-istituzzjoni jew il-korp li jżommu id-dejta.

 

_______________________________

 

1 ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

 

2 ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

Emenda  4

Proposta għal direttiva

Premessa 12

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(12) Huwa importanti li uffiċjali tal-amministrazzjoni tat-taxxa ta' Stat Membru wieħed jitħallew ikunu preżenti fit-territorju ta' Stat Membru ieħor u jkunu jistgħu jeżerċitaw is-setgħat ta' spezzjoni konferiti fuq l-uffiċjali tal-Istat Membru rikjest.

(12) Bil-għan li titqawwa l-kooperazzjoni bejn fil-qasam tal-amministrazzjonijiet fiskali tal-Istati Membri, huwa importanti li uffiċjali tal-amministrazzjoni tat-taxxa ta' Stat Membru wieħed jitħallew ikunu preżenti fit-territorju ta' Stat Membru ieħor.

Ġustifikazzjoni

L-għoti lil uffiċjali tal-amministrazzjoni fiskali ta' Stat Membru ta' kompetenzi ugwali daqs dawk tal-uffiċjal ta' Stat Membru ieħor qed titneħħa mill-proposta b'tali mod li l-preżenza tagħhom fit-territorju ta' dan l-Istat Membru l-ieħor ma ġġibx magħha effetti kontraproduttivi li jistgħu jagħmlu ħsara lis-siwi tal-kooperazzjoni.

Emenda  5

Proposta għal direttiva

Premessa 17 a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(17a) Sabiex jitjiebu l-applikabilità u l-effikaċja ta’ din id-Direttiva, l-istess livell ta’ obbligu għandu japplika kemm għall-komunikazzjoni ta’ informazzjoni li tkun diġà disponibbli mill-awtorità mitluba kif ukoll għat-twettiq tal-indaġnijiet amministrattivi neċessarji sabiex tinkiseb din l-informazzjoni.

Ġustifikazzjoni

Huwa propost li l-proċedura tal-investigazzjoni amministrattiva titqiegħed fuq l-istess livell bħall-proċedura tal-komunikazzjoni tal-informazzjoni. Sew il-komunikazzjoni tal-informazzjoni diġà disponibbli kif ukoll it-twettiq tal-indaġnijiet amministrattivi biex din l-informazzjoni tinkiseb għaldaqstant għandu jkollhom l-istess qawwa obbligatorja għall-awtorità rikjesta.

Emenda  6

Proposta għal direttiva

Premessa 19

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(19) Madankollu, Stat Membru ma għandux jirrifjuta li jittrażmetti l-informazzjoni minħabba li ma jkollux interess domestiku jew minħabba li l-informazzjoni relatata ma' resident ta' Stat Membru ieħor tinżamm minn bank, istituzzjoni finanzjarja oħra, kuratur jew persuna fil-kapaċità ta' aġent jew kapaċità fiduċjarja jew minħabba li tirrelata ma' interessi proprjetarji f'persuna.

(19) Madankollu, Stat Membru ma għandux jirrifjuta li jittrażmetti l-informazzjoni minħabba li ma jkollux interess domestiku jew minħabba li l-informazzjoni tinżamm minn bank, istituzzjoni finanzjarja oħra, kuratur jew persuna fil-kapaċità ta' aġent jew kapaċità fiduċjarja jew minħabba li tirrelata ma' interessi proprjetarji f'persuna.

Ġustifikazzjoni

F'dak li jirrigwarda t-tneħħija tas-sigriet bankarju, u biex ikun żgurat li l-effikaċja ta’ din il-miżura ma tkunx ristretta minn rekwiżiti addizzjonali, qed titneħħa r-referenza għar-residenza fil-pajjiż rikjedenti tal-persuna li dwarha tkun qed tintalab l-informazzjoni. Dan huwa konsistenti mal-istandards segwiti fi ħdan l-OECD.

Emenda  7

Proposta għal direttiva

Premessa 20

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(20) Għandu jkun ċar ukoll li fejn Stat Membru jipprovdi għal kooperazzjoni usa' ma' pajjiż terz minn dik ipprovduta skont din id-Direttiva, ma għandux jirrifjuta li jipprovdi tali kooperazzjoni usa' lill-Istati Membri l-oħra.

(20) Għandu jkun ċar ukoll li fejn Stat Membru jipprovdi għal kooperazzjoni usa' ma' pajjiż terz minn dik ipprovduta skont din id-Direttiva, ma għandux jirrifjuta li jipprovdi tali kooperazzjoni usa' lill-Istati Membri l-oħra. Kwalunkwe trasferiment ta’ dejta personali lil pajjiż terz għandu jsir bi qbil mad-Direttiva 95/46/KE.

Emenda  8

Proposta għal direttiva

Premessa 22

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(22) Għandha ssir evalwazzjoni tal-effikaċja tal-kooperazzjoni amministrattiva, speċjalment abbażi tal-istatistiċi.

(22) Bil-għan li l-kooperazzjoni amministrattiva tissaħħaħ u tapprofondixxi ruħha, għandha ssir evalwazzjoni tal-effikaċja tal-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, speċjalment abbażi tal-istatistiċi. Jeħtieġ ukoll li jkun stabbilit segwitu tal-każijiet fejn l-Istati Membri jkunu rrifjutaw li jikkomunikaw l-informazzjoni jew li jwettqu indaġni amministrattiva.

Ġustifikazzjoni

Bil-għan li jittejjeb l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali differenti, huwa propost l-każijiet fejn l-Istati Membri jkunu rrifjutaw li jikkomunikaw l-informazzjoni jew li jwettqu indaġni amministrattiva jiġu mmonitorjati.

Emenda  9

Proposta għal direttiva

Premessa 23 a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(23a) Il-Kummissjoni għandu jkollha l-poter li tadotta atti delegati bi qbil mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ titjib tekniku lill-kategoriji ta’ introjtu u kapital li huma suġġetti għall-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni u għal-limiti ta' introjtu li minnhom 'il fuq għandu jkun hemm skambju ta' informazzjoni. Minħabba n-natura speċifika tal-kooperazzjoni amministrattivi, l-għoti tal-poter għandu jkun għal perjodu indeterminat ta’ żmien.

Emenda  10

Proposta għal direttiva

Artikolu 3 – punt 6 – sottopunt d

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(d) kwalunkwe arrangament legali, inkluż partenarjati u trusts, li l-introjtu jew kapital tagħhom ikun soġġett għal kwalunkwe mit-taxxi koperti minn din id-Direttiva;

(d) kwalunkwe strument jew arranġament legali ieħor, irrispettivament min-natura jew il-forma tiegħu u jekk għandux personalità ġuridika jew le, li jista' jkollu fil-pussess tiegħu jew jiġġestixxi assi, inkluż l-introjtu minnu, li jkun soġġett għal kwalunkwe waħda mit-taxxi koperti minn din id-Direttiva;

Ġustifikazzjoni

Għal dak li jirrigwarda l-qasam suġġettiv, jeħtieġ li nistabbilixxu definizzjoni wiesgħa biżżejjed biex, minbarra l-persuni fiżiċi u ġuridiċi, tkopri l-istrumenti u l-modalitajiet ġuridiċi differenti li jistgħu jinħolqu fl-Istati Membri.

Emenda  11

Proposta għal direttiva

Artikolu 3 – punt 8

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

8. "b'mezzi elettroniċi", tfisser l-użu ta' tagħmir elettroniku għall-ipproċessar, inkluż il-kompressjoni diġitali, u l-ħażna tad-dejta, u l-utilizzar ta' wajers, trażmissjoni bir-radju, teknoloġiji ottiki jew mezzi oħra elettromanjetiċi;

8. "b'mezzi elettroniċi", tfisser l-użu ta' tagħmir elettroniku għall-ipproċessar, inkluża l-kompressjoni diġitali, u l-ħażna tad-data, u l-utilizzar ta' wajers, trażmissjoni bir-radju, teknoloġiji ottiċi jew mezzi oħra elettromanjetiċi, meta dawn il-mezzi jistgħu jitwettqu filwaqt li tiġi garantita l-protezzjoni sikura tal-informazzjoni;

Emenda  12

Proposta għal direttiva

Artikolu 7 a (ġdid) (fit-Taqsima I “Skambju ta’ informazzjoni fuq talba”)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Artikolu 7a

 

Sistemi ta’ kontroll

 

Kull Stat Membru għandu jiżviluppa sistemi xierqa ta’ kontroll għall-uffiċċju ta' kollegament tiegħu tat-taxxa, fl-interessi tat-trasparenza u tal-effikaċja tal-ispiża, u għandu jfassal rapport aċċessibbli għall-pubbliku fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ monitoraġġ annwali.

Emenda  13

Proposta għal direttiva

Artikolu 8 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. L-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru għandha, permezz ta' skambju awtomatiku, tibgħat l-informazzjoni dwar kategoriji speċifiċi dwar l-introjtu u l-kapital lill-Istati Membri l-oħra.

1. L-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru għandha tikkomunika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru l-ieħor, permezz ta' skambju awtomatiku, l-informazzjoni rigward il-persuni li jkollhom ir-residenza fiskali tagħhom f'dak l-Istat Membru l-ieħor, dwar il-kategoriji speċifiċi dwar l-introjtu u l-kapital li ġejjin:

 

(a) introjtu mix-xogħol;

 

(b) ħlasijiet tad-diretturi;

 

(c) dividendi;

 

(d) qligħ kapitali;

 

(e) royalties;

 

(f) prodotti tal-assikurazzjoni fuq il-ħajja li mhumiex koperti minn strumenti legali Komunitarji oħra dwar l-iskambju ta' informazzjoni u miżuri simili oħra:

 

(g) pensjonijiet;

 

(h) sjieda ta’ proprjetà u introjtu minnha.

 

Din l-informazzjoni għandha tkun protetta skont id-Direttiva 65/46/KE u r-Regolament (KE) Nru 45/2001. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jirrispettaw l-obbligi dwar it-trasparenza u l-informazzjoni fir-rigward tal-partijiet interessati fil-każijiet li jinvolvu t-tfittxija ta’ dejta personali. Għandhom ikunu żgurati livell xieraq ta’ protezzjoni, perjodu limitat ta' ħażna, u r-responsabilizzazzjoni tal-istituzzjoni jew il-korp li jżommu id-dejta.

Emenda  14

Proposta għal direttiva

Artikolu 8 – paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2. Il-Kummissjoni għandha tadotta, skont il-proċeduri msemmija fl-Artikolu 24(2), fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva:

2. Bil-għan li ttejjeb l-effikaċja tal-valutazzjoni tat-taxxi msemmija fl-Artikolu 2 fuq il-bażi tal-esperjenza miġbura mill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tadotta, għall-ewwel darba sa ...*, atti delegati bi qbil mal-Artikolu 22a, 22b u 22c, li:

 

(a) il-kategoriji tal-introjtu u kapital li jrid ikunu koperti;

(a) jiċċaraw kwalunkwe kundizzjoni jew restrizzjoni speċifika fi ħdan il-kategoriji msemmija fil-paragrafu 1;

(b) it-tip tal-informazzjoni li trid tiġi skambjata;

(b) jispeċifikaw għal kull kategorija ta’ introjtu u kapital il-limitu li minnu ‘l fuq għandu jsir skambju ta’ informazzjoni.

(c) kwalunkwe kundizzjoni jew restrizzjoni speċifika fi ħdan il-kategoriji msemmija fil-punt (a);

 

(d) il-frekwenza tal-iskambji;

 

(e) l-arranġamenti prattiċi għall-iskambju ta' informazzjoni.

 

 

* ĠU jekk jogħġbok daħħal id-data: fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

Emenda  15

Proposta għal direttiva

Artikolu 8 – paragrafu 2 a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

2a. Il-Kummissjoni għandha tevalwa u tgħarraf kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni dwar il-funzjonament tal-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni. Fuq il-bażi ta’ din l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tipproponi miżuri li jtejbu l-kamp ta’ applikazzjoni u l-kwalità tar-rekwiżit tal-iskambju awtomatiku sabiex jippermettu li s-suq intern jiffunzjona bla diffikultà.

Emenda  16

Proposta għal direttiva

Artikolu 8 – paragrafu 3 a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

3a. L-awtorità kompetenti fi Stat Membru wieħed tista’ tavża lill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor li ma tixtieqx tirċievi informazzjoni dwar il-kategoriji tal-introjtu u l-kapital imsemmija fil-paragrafu 1 jew li ma tixtieqx tirċievi informazzjoni dwar introjtu jew kapital li ma jaqbiżx ċertu limitu. F’dan il-każ, l-awtorità kompetenti għandha wkoll tinforma lill-Kummissjoni dwar dan.

Ġustifikazzjoni

Rigward l-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni, il-kamp ta' applikazzjoni huwa ppreċiżat u definit permezz tal-istabbiliment ta' sensiela ta' kategoriji tal-introjtu u tal-kapital li dan l-iskambju għandu japplika għalihom b'mod obbligatorju. Barra minn hekk, tingħata l-possibbiltà li jkun stabbilit limitu doppju, skont il-kategoriji li għalihom tkun ikkomunikata l-informazzjoni u/jew l-ammont li jiskatta l-mekkaniżmu.

Emenda  17

Proposta għal direttiva

Artikolu 8 – paragrafu 3 b (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

3b. L-informazzjoni għandha tiġi kkomunikata mill-inqas kull sena, u mhux iktar tard minn sitt xhur wara l-bidu tas-sena finanzjarja fl-Istat Membru li fih tkun inkisbet l-informazzjoni.

Ġustifikazzjoni

L-applikazzjoni korretta tas-sistemi fiskali nazzjonali tirrikjedi li l-informazzjoni li wieħed jirċievi bħala konsegwenza tal-iskambju awtomatiku tkun f’forma regolari u f’limitu ta’ żmien stabbilit sabiex ikun possibbli li din tiġi proċessata u użata fil-perjodi stipulati legalment f’kull pajjiż.

Emenda  18

Proposta għal direttiva

Artikolu 8 – paragrafu 4 – subparagrafu 1 – parti introduttorja

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

4. Fejn Stat Membri jikkonkludi ftehimiet bilaterali jew multilaterali bil-għan tal-valutazzjoni korretta tat-taxxi msemmija fl-Artikolu 2, għandhom jipprovdu għall-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni dwar ċerti kategoriji ta' introjtu u kapital. Għal dak il-għan, għandhom jispeċifikaw f'dwak il-ftehimiet l-elementi li ġejjin:

4. Fejn Stat Membri jikkonkludi ftehimiet bilaterali jew multilaterali bil-għan tal-valutazzjoni korretta tat-taxxi msemmija fl-Artikolu 2, għandhom jipprovdu għall-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni dwar ċerti kategoriji ta' introjtu u kapital, bi qbil mad-Direttiva 95/46/KE u mar-Regaolament (KE) Nru 45/2001. Għal dak il-għan, għandhom jispeċifikaw f'dwak il-ftehimiet l-elementi li ġejjin:

Emenda  19

Proposta għal direttiva

Artikolu 10 – paragrafu 2 – subparagrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2. Fejn uffiċjali tal-awtorità rikjedenti jkunu preżenti waqt indaġnijiet amministrattivi skont il-paragrafu 1, huma għandhom jeżerċitaw is-setgħat ta' spezzjoni konferiti fuq l-uffiċjali tal-awtorità rikjesta, bil-kundizzjoni li huma jeżerċitaw dawn is-setgħat skont il-liġijiet, ir-regolament u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istat Membru rikjest.

2. Fejn uffiċjali tal-awtorità rikjedenti jkunu preżenti waqt indaġnijiet amministrattivi skont il-paragrafu 1, bi qbil mal-awtorità rikjesta u skont il-linji gwida stipulati minn din tal-aħħar, huma jistgħu jipparteċipaw fl-indaġni.

Ġustifikazzjoni

L-għoti lil uffiċjali tal-amministrazzjoni fiskali ta' Stat Membru ta' kompetenzi ugwali daqs dawk tal-uffiċjal ta' Stat Membru ieħor qed titneħħa mill-proposta b'tali mod li l-preżenza tagħhom fit-territorju ta' dan l-Istat Membru l-ieħor ma ġġibx magħha effetti kontraproduttivi li jistgħu jagħmlu ħsara lis-siwi tal-kooperazzjoni.

Emenda  20

Proposta għal direttiva

Artikolu 17 – paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2. Fl-ebda każ ma għandu l-Artikolu 16(2) u (4) jinftiehem li jippermetti awtorità rikjesta ta' Stat Membru tirrifjuta li tforni l-informazzjoni dwar persuna residenti għall-finijiet fiskali fl-Istat Membru tal-awtorità rikjedenti sempliċiment minħabba din l-informazzjoni tkun tinżamm minn bank, istituzzjoni finanzjarja oħra, kuratur jew persuna fil-kapaċità ta' aġent jew kapaċità fiduċjarja jew minħabba li tirrelata ma' interessi proprjetarji f'persuna.

2. Fl-ebda każ ma għandu l-Artikolu 16(2) u (4) jinftiehem li jippermetti awtorità rikjesta ta' Stat Membru li tirrifjuta li tforni l-informazzjoni relevanti skont it-tifsira tal-Artikolu 5(1) sempliċiment minħabba din l-informazzjoni tkun tinżamm minn bank, istituzzjoni finanzjarja oħra, kuratur jew persuna fil-kapaċità ta' aġent jew kapaċità fiduċjarja jew minħabba li tirrelata ma' interessi proprjetarji f'persuna.

Ġustifikazzjoni

F'dak li jirrigwarda t-tneħħija tas-sigriet bankarju, u biex ma jitħalliex li l-effikaċja ta' dik il-miżura tixxellef minn rekwiżiti addizzjonali, l-emenda tneħħi r-referenza għall-persuna li dwarha tkun qed tintalab l-informazzjoni bħala residenti fil-pajjiż rikjedenti. Dan huwa konsistenti mal-istandards osservati fi ħdan l-OECD.

Emenda  21

Proposta għal direttiva

Artikolu 22 – paragrafu 2 a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2a. Ta’ kull sena l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe rifjut li tiġi kkomunikata informazzjoni jew li titwettaq indaġni amministrattiva, filwaqt li jindikaw ir-raġunijiet għal dan ir-rifjut. Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-informazzjoni nnotifikata b’dan il-mod u għandha tagħmel rakkomandazzjonijiet bil-għan li tnaqqas l-għadd ta' dawn il-każijiet bi qbil mal-Artikolu 24(3).

Ġustifikazzjoni

Bil-għan li jittejjeb l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali differenti, huwa propost li jiġi stabbilit segwitu tal-każijiet fejn l-Istati Membri jkunu rrifjutaw li jikkomunikaw l-informazzjoni jew li jwettqu indaġni amministrattiva.

Emenda  22

Proposta għal direttiva

Kapitolu Va – titolu (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

KAPITOLU Va

 

ATTI DELEGATI

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Emenda  23

Proposta għal direttiva

Artikolu 22a (ġdid)

 

Artikolu 22a

 

L-eżerċizzju tad-delegazzjoni

 

1. Il-poter li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 8(2) għandu jkun konferit lill-Kummissjoni għal perjodu indeterminat ta’ żmien.

 

2. Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika dan simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

 

3. Il-poter li tadotta atti delegati għandu jkun konferit lill-Kummissjoni skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 22b u 22c.

Emenda  24

Proposta għal direttiva

Artikolu 22 b (ġdid)

 

Artikolu 22b

 

Ir-revoka tad-delegazzjoni

 

1. Id-delegazzjoni tal-poter imsemmija fl-Artikolu 8(2) tista’ tiġi revokata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.

 

2. L-istituzzjoni li tkun bdiet proċedura interna biex tiddeċiedi jekk tirrevokax id-delegazzjoni tal-poter għandha tagħmel ħilitha biex tinforma lill-istituzzjoni l-oħra u lill-Kummissjoni, filwaqt li ssemmi l-poteri delegati li jistgħu jkunu suġġetti għal revoka.

 

3. Id-deċiżjoni tar-revoka għandha ttemm id-delegazzjoni tal-poteri speċifikati f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ immedjatament jew f’data iktar tard speċifikata fiha. Din m’għandhiex taffetwa l-validità tal-atti delegati li diġà jkunu fis-seħħ. Din għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Emenda  25

Proposta għal direttiva

Artikolu 22 c (ġdid)

 

Artikolu 22c

 

Oġġezzjonijiet għal atti delegati

 

1. Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jista’ joġġezzjona għal att delegat fi żmien erba’ xhur mid-data ta’ notifika. Fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill dan il-perjodu ta’ żmien għandu jiġi estiż b’xahrejn.

 

2. Jekk, meta jiskadi dan il-perjodu, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għall-att delegat, dan għandu jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jidħol fis-seħħ fid-data ddikjarata fih.

 

3. Jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal att delegat, dan m’għandux jidħol fis-seħħ. L-istituzzjoni li toġġezzjona għandha tiddikjara r-raġunijiet għaliex toġġezzjona għall-att delegat.

Emenda  26

Proposta għal direttiva

Artikolu 23 – paragrafu 1 – subparagrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. Fejn l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tirċievi informazzjoni minn pajjiż terz bil-għan tal-valutazzjoni korretta tat-taxxi msemmija fl-Artikolu 2, dik l-awtorità għandha tipprovdi dik l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li għalih tali informazzjoni tista' tkun utli u, fi kwalunkwe każ, lil dawk kollha li jitolbuha, sakemm dan ma jkunx eskluż bi ftehimiet internazzjonali ma' dak il-pajjiż terz.

1. Fejn l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tirċievi informazzjoni minn pajjiż terz bil-għan tal-valutazzjoni korretta tat-taxxi msemmija fl-Artikolu 2, dik l-awtorità għandha tipprovdi dik l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li għalih tali informazzjoni tkun neċessarja għal valutazzjoni eżatta ta’ dawk it-taxxi u, fi kwalunkwe każ, lil dawk kollha li jitolbuha, sakemm dan ma jkunx eskluż bi ftehimiet internazzjonali ma' dak il-pajjiż terz.

Emenda  27

Proposta għal direttiva

Artikolu 23 – paragrafu 2 – parti introduttorja

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jikkomunikaw, skont id-dispożizzjonijiet domestiċi tagħhom dwar il-komunikazzjoni tad-dejta personali lil pajjiżi terzi, informazzjoni miksuba skont din id-Direttiva lil pajjiż terz, sakemm il-kundizzjonijiet li ġejjin kollha jkunu ssodisfati:

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jikkomunikaw, skont id-dispożizzjonijiet domestiċi tagħhom dwar il-komunikazzjoni tad-dejta personali lil pajjiżi terzi, informazzjoni miksuba skont din id-Direttiva lil pajjiż terz. Kwalunkwe trasferiment bħal dan ta’ informazzjoni lil pajjiż terz għandu jsir bi qbil mad-Direttiva 95/46/KE u sakemm il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin jkunu ssodisfati:

NOTA SPJEGATTIVA

Sfond

Qabel tmiem il-leġiżlatura li għaddiet, il-Kummissjoni Ewropea adottat sensiela ta' proposti leġiżlattivi fil-qasam tal-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa fl-Unjoni Ewropea. Il-proposta għal direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni tikkostitwixxi l-ġebla tax-xewka ta' din l-istrateġija.

L-importanza ta' din il-proposta torbot mal-konsegwenzi partikolarment gravi tal-frodi fiskali fl-Unjoni Ewropea. L-ewwel nett, din il-frodi għandha konsegwenzi tqal fuq il-baġits nazzjonali mil-lat tal-infiq għas-servizzi pubbliċi, partikolarment fl-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni u r-riċerka. It-tieni, tmur kontra l-prinċipju tal-ekwità fiskali fir-rigward taċ-ċittadini u l-impriżi li jaqdu l-obbligi tagħhom. U t-tielet, tikkawża tagħwiġ tal-kompetizzjoni li jaffettwa l-funzjonament tas-suq.

F'dan iż-żmien ta' kriżi ekonomika, meta l-iżbilanċi tal-baġit qed jolqtu b'tant qawwa lill-pajjiżi kollha, it-tnaqqis tar-riżorsi għandu konsegwenzi saħansitra aktar koroh. Biex dak li jkun jagħraf għalkollox il-gravità tas-sitwazzjoni, jeħtieġlu jkun jaf li l-volum tal-frodi fiskali fl-Unjoni Ewropea jilħaq, skont ċerti stimi, aktar minn EUR 200 000 miljun, jiġifieri aktar minn 2 % tal-PDG. Jekk din iċ-ċifra nqabbluha mal-ammont tal-pjan għall-irkupru tal-ekonomija propost mill-Kummissjoni Ewropea biex nilqgħu għall-konsegwenzi tal-kriżi finanzjarja, li jilħaq 1 % tal-PDG, jidher ċar li l-ġlieda kontra l-frodi fiskali hija sfida ekonomika tal-akbar importanza.

Fl-istess waqt, il-kriżi kixfet beraħ il-kobor tal-manuvri fiskali u l-opaċità tas-suq, kif ukoll uriet li l-miżuri li jieħu pajjiż wieħed ikollhom riperkussjonijiet fuq l-ekonomiji tal-pajjiżi l-oħra.

Fost ir-raġunijiet li juru kemm hija f'waqtha din il-proposta, hemm l-għarfien taċ-ċittadini u tal-gvernijiet dwar il-ħtieġa li s-sitwazzjonijiet skandalużi ta' dan l-aħħar intemmuhom darba għal dejjem. F'dan il-perjodu ta' kriżi, aktar u aktar jeħtieġ li ma nittraskuraw l-ebda sors ta' dħul għall-ekonomiji Ewropej, biex inkunu nistgħu nilqgħu għall-infiq eċċezzjonali ħalli ntaffu l-effetti tal-kriżi u, skont il-każ, innaqqsu żbilanċi konsiderevoli tal-baġit.

Il-proposta tal-Kummissjoni u l-evalwazzjoni tagħha mir-rapporteur

Anki jekk id-direttiva fis-seħħ kienet l-ewwel pass f'din id-direzzjoni, ġaladarba l-idea ġenerali ta' kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni prattikament aċċettawha l-Istati Membri kollha, l-implimentazzjoni tagħha ma tatx frott konkret. Għaldaqstant ir-rapporteur jidhrilha li wasal il-waqt li nipproponu avvanzi ġodda fil-qasam tat-tassazzjoni, biex l-iżvilupp ta' din il-kooperazzjoni jimxi pass pass mal-integrazzjoni tas-suq. F'dan ir-rigward, il-proposta għal direttiva tal-Kummissjoni tikkostitwixxi qabża 'l quddiem, sew mil-lat kwantitattiv kif ukoll minn dak kwalitattiv. Kwantitattiv, minħabba li tistabbilixxi obbligi ġodda; u kwalitattiv minħabba li l-obbligi eżistenti twessagħhom u tippreċiżahom. L-avvanzi ewlenin proposti mill-Kummissjoni jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

il-Kapitolu I jestendi l-kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva billi jistabbilixxi klawsola ġenerali li tinkludi t-taxxi u l-imposti kollha. Jistabbilixxi, għall-ewwel darba, li l-kooperazzjoni amministrattiva fil-qafas tad-direttiva se tapplika għall-imposti kollha, diretti u indiretti, inklużi l-kontribuzzjonijiet obbligatorji tas-sigurtà soċjali, għajr il-VAT u s-sisa, li dwarhom hemm leġiżlazzjoni distinta u żviluppata ħafna. Dan jikkostitwixxi progress fir-rigward tad-direttiva fis-seħħ, li tikkonċerna biss it-taxxi fuq id-dħul u l-assi u fuq il-premia tal-assigurazzjoni. Ir-rapporteur hija konvinta li t-twessigħ tal-kamp ta' applikazzjoni sejjer jissarraf f'ġestjoni fiskali aktar effikaċi.

Il-Kapitolu II l-iskambju awtomatiku jistabbilixxih u jippreċiżah bħala r-regola ġenerali, f'dak li għandu x'jaqsam mal-komunikazzjoni tal-informazzjoni kurrenti bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa. Il-proposta tindika li huwa b'dan il-mod, jiġifieri l-iskambju tal-informazzjoni ta' referenza, li nkunu qed immorru lil hinn anki min-normi stabbiliti mill-OECD. Dan jikkostitwixxi progress tassew fir-rigward tad-direttiva fis-seħħ, minħabba li din tal-aħħar tippreferi l-iskambju fuq talba minn qabel. Madankollu, naturalment jeħtieġ li ntejbu l-modalitajiet kollha rigward l-iskambju tal-informazzjoni, skont is-sitwazzjonijiet u t-tip tad-data, ippreċiżati f'kull każ.

L-aktar element ġdid li jispikka introdott mill-Kapitolu III hija regolazzjoni preċiża ħafna tal-preżenza ta' aġenti ta' Stat Memrbu fl-uffiċċji ta' amministrazzjoni ta' Stat Membru ieħor, u l-parteċipazzjoni tagħhom f'indaġnijiet amministrattivi. B'hekk, dak li l-leġiżlazzjoni fis-seħħ issemmih biss bħala possibbiltà fil-proposta għal direttiva jsir proċess aktar preċiż u dettaljat li, naturalment, sejjer jiffaċilita l-preżenza u l-parteċipazzjoni ta' uffiċjali ta' Stat membru wieħed fi Stat Membru ieħor, meta dan ikun f'loku skont iċ-ċirkostanzi.

Il-Kapitolu IV fih in-novità leġiżlattiva ewlenija tal-proposta, jiġifieri t-tneħħija tas-sigriet bankarju, li tista' titqies bħala l-ostaklu normattiv ewlieni għall-kooperazzjoni amministrattiva. Ir-rapporteur hija tal-fehma li l-Parlament għandu jibgħat lill-Kunsill messaġġ ċar ta' appoġġ għal din il-miżura, li tittrasponi d-dispożizzjoni maħsuba fil-mudell ta' konvenzjoni fiskali tal-OECD. M'hemm l-ebda dubju li leġiżlazzjoni bħal din hija f'waqtha, minħabba li fil-preżent hemm kunsens internazzjonali wiesa' dwar il-ħtieġa li l-governanza fiskali tittejjeb, kunsens li tirriflettih is-sodezza tad-dikjarazzjonijiet tal-G20 dwar it-tneħħija tas-sigriet bankarju. Il-proposta tal-Kummissjoni ma tagħmel xejn iżjed ħlief li tlissen il-fehma tal-maġġoranza taċ-ċittadini, dejjem opposti għall-possibbiltà li jkun hemm xi rkejjen, fil-kuntest tal-kooperazzjoni fit-tassazzjoni, li jinkoraġġixxu l-evażjoni tat-taxxa u jippermettu l-frodi, aktar u aktar f'sitwazzjoni ta' kriżi li tesiġi sforz kbir kollettiv.

Rigward l-aspetti internazzjonali tal-proposta, ir-rapporteur tqis pożittivament ħafna l-introduzzjoni ta' klawsola tan-nazzjon l-aktar vantaġġat, b'tali mod li l-Istati Membri jiggarantixxu, bejniethom, l-istess livell ta' kooperazzjoni li jżommu ma' pajjiżi terzi; dan se jkollu l-effett li l-Istati Membri jallinjaw ir-relazzjonijiet kollha tagħhom ta' kooperazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni mal-mod kif taħdem il-Komunità.

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, ir-rapporteur tagħti opinjoni globalment favorevoli dwar il-proposta tal-Kummissjoni. L-emendi li qed tippreżenta għandhom l-għan li jsaħħu xi elementi tal-proposta, bil-ħsieb li jtejbu l-effikaċja tal-kooperazzjni amministrattiva, f'dak li jirrigwarda l-aspetti li ġejjin:

§ Għal dak li jirrigwarda l-qasam suġġettiv, jeħtieġ li nistabbilixxu definizzjoni wiesgħa biżżejjed biex, minbarra l-persuni fiżiċi u ġuridiċi, tkopri l-istrumenti u l-modalitajiet ġuridiċi differenti li jistgħu jinħolqu fl-Istati Membri.

§ Rigward l-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni, il-kamp ta' applikazzjoni huwa ppreċiżat u definit permezz tal-istabbiliment ta' sensiela ta' kategoriji tal-introjtu u tal-kapital li dan l-iskambju għandu japplika għalihom b'mod obbligatorju. Barra minn hekk, tingħata l-possibbiltà li jkun stabbilit limitu doppju, skont il-kategoriji li għalihom tkun ikkomunikata l-informazzjoni u/jew l-ammont li jiskatta l-mekkaniżmu.

§ L-għoti lil uffiċjali tal-amministrazzjoni fiskali ta' Stat Membru ta' kompetenzi ugwali daqs dawk tal-uffiċjal ta' Stat Membru ieħor qed titneħħa mill-proposta b'tali mod li l-preżenza tagħhom fit-territorju ta' dan l-Istat Membru l-ieħor ma ġġibx magħha effetti kontraproduttivi li jistgħu jagħmlu ħsara lis-siwi tal-kooperazzjoni.

§ Huwa propost li l-proċedura tal-investigazzjoni amministrattiva titqiegħed fuq l-istess livell bħall-proċedura tal-komunikazzjoni tal-informazzjoni. Sew il-komunikazzjoni tal-informazzjoni diġà disponibbli kif ukoll it-twettiq tal-indaġnijiet amministrattivi biex din l-informazzjoni tinkiseb għaldaqstant għandu jkollhom l-istess qawwa obbligatorja għall-awtorità rikjesta.

§ F'dak li jirrigwarda t-tneħħija tas-sigriet bankarju, u biex ikun żgurat li l-effikaċja ta’ din il-miżura ma tkunx ristretta minn rekwiżiti addizzjonali, qed titneħħa r-referenza għar-residenza fil-pajjiż rikjedenti tal-persuna li dwarha tkun qed tintalab l-informazzjoni. Dan huwa konsistenti mal-istandards segwiti fi ħdan l-OECD.

§ Bil-għan li jittejjeb l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali differenti, huwa propost li jiġi stabbilit segwitu tal-każijiet fejn l-Istati Membri jkunu rrifjutaw li jikkomunikaw l-informazzjoni jew li jwettqu indaġni amministrattiva.

§ Fl-aħħar nett, rigward il-ħtieġa tad-direttiva proposta, l-enfasi jaqa' fuq il-perjodu ta' kriżi ekonomika li għaddejjin minnu fil-preżent, kif ukoll fuq l-importanza partikolari li tieħu l-kwistjoni tal-frodi fiskali f'dan il-kuntest, żewġ fatturi li l-adozzjoni ta' din ir-riforma jagħmluha aktar urġenti.

Konklużjoni

Il-proposta mressqa mill-Kummissjoni tikkostitwixxi progress f'dak li jirrigwarda l-ħtieġa li jkollna mezzi ta' kooperazzjoni effikaċi biex niġġieldu kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa fil-livell Ewropew.

Il-proposta ssaħħaħ is-sovranità fiskali interna tal-pajjiżi differenti, billi toffrilhom strumenti ġodda li jħalluhom jimmaniġġjaw ir-riżorsi fiskali tagħhom b'mod aktar konkret u effikaċi. Fl-istess ħin, tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-proċess tal-integrazzjoni Ewropea, ġaladarba huwa evidenti li, aktar ma timxi 'l quddiem din l-integrazzjoni, aktar tidher evidenti l-ħtieġa tal-integrazzjoni fiskali, sew mil-lat politiku, kif ukoll minn dak ekonomiku u dak amministrattiv, għax mingħajr din l-integrazzjoni, il-proġett Ewropew ma jistax jissawwar.

PROĊEDURA

Titolu

Il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni

Referenzi

COM(2009)0029 – C6-0062/2009 – 2009/0004(CNS)

Data meta ġie kkonsultat il-PE

16.2.2009

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ECON

19.10.2009

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

CONT

19.10.2009

JURI

19.10.2009

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

CONT

1.10.2009

JURI

5.10.2009

 

 

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Magdalena Alvarez

21.7.2009

 

 

Eżami fil-kumitat

9.11.2009

1.12.2009

21.1.2010

 

Data tal-adozzjoni

27.1.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

37

4

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Burkhard Balz, Sharon Bowles, Udo Bullmann, Pascal Canfin, Nikolaos Chountis, George Sabin Cutaş, Leonardo Domenici, Derk Jan Eppink, Markus Ferber, Elisa Ferreira, Vicky Ford, José Manuel García-Margallo y Marfil, Jean-Paul Gauzès, Sylvie Goulard, Enikő Győri, Liem Hoang Ngoc, Eva Joly, Othmar Karas, Wolf Klinz, Jürgen Klute, Werner Langen, Astrid Lulling, Arlene McCarthy, Íñigo Méndez de Vigo, Ivari Padar, Alfredo Pallone, Antolín Sánchez Presedo, Olle Schmidt, Edward Scicluna, Peter Simon, Peter Skinner, Theodor Dumitru Stolojan, Ivo Strejček, Kay Swinburne, Marianne Thyssen, Ramon Tremosa i Balcells

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Magdalena Alvarez, Marta Andreasen, Sophie Briard Auconie, David Casa, Danuta Jazłowiecka, Arturs Krišjānis Kariņš, Philippe Lamberts, Thomas Mann, Andreas Schwab

Data tat-tressiq

1.2.2010