RAPPORT dwar il-proposta għal Regolament tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar in-notifika lill-Kummissjoni ta' proġetti ta' investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fil-Komunità Ewropea u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 736/96

11.2.2010 - (COM(2009)0361 – C7‑0125/009 – 2009/0106(CNS)) - *

Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
Rapporteur: Adina-Ioana Vălean


Proċedura : 2009/0106(CNS)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0016/2010
Testi mressqa :
A7-0016/2010
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal Regolament tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar in-notifika lill-Kummissjoni ta' proġetti ta' investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fil-Komunità Ewropea u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 736/96

(COM(2009)0361 – C7‑0125/009 – 2009/0106(CNS))

(Proċedura leġiżlattiva speċjali - Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2009)0361),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 284 tat-Trattat KE u l-Artikolu 187 tat-Trattat Euratom, skont liema artikoli ġie kkonsultat mill-Kunsill (C7-0125/2009)

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu "Konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fuq il-proċeduri interistituzzjonali ta' teħid ta' deċiżjonijiet li għadejjin bħalissa" (COM(2009)0665),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 337 tat-Trattat FUE,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet legali dwar il-bażi legali proposta,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 55 u 37 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0016/2010),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex konsegwentement tbiddel il-proposta tagħha, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat FUE u skont l-Artikolu 106a tat-Trattat Euratom;

3.  Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

5.  Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Emenda  1

Proposta għal regolament

Ċitazzjoni 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 284 tiegħu,

 

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 194(1) u (2) tiegħu,

Ġustifikazzjoni

Id-Direttiva attwali għandha tkun ibbażata fuq il-bażi legali ġdida dwar l-"enerġija", l-Artikolu 194(1) tat-Trattat FUE, peress li taqdi l-għanijiet elenkati fih. Il-proċedura ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet taħt din id-dispożizzjoni l-ġdida hija l-kodeċżjoni, li tippermetti l-involviment sħiħ tal-Parlament Ewropew bħala leġiżlatur konġunt.

Emenda  2

Proposta għal regolament

Ċitazzjoni 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 187 tiegħu,

 

imħassar

Ġustifikazzjoni

Id-Direttiva attwali għandha tkun ibbażata fuq il-bażi legali ġdida dwar l-"enerġija", l-Artikolu 194(1) tat-Trattat FUE, peress li taqdi l-għanijiet elenkati fih. Il-proċedura ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet taħt din id-dispożizzjoni l-ġdida hija l-kodeċżjoni, li tippermetti l-involviment sħiħ tal-Parlament Ewropew bħala leġiżlatur konġunt.

Emenda  3

Proposta għal regolament

Premessa 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(1) L-introduzzjoni ta' politika komuni dwar l-enerġija bil-għan li tassigura l-provvista tal-enerġija tal-Komunità, tranżizzjoni lejn sistema tal-enerġija b'emissjonijiet baxxi tas-CO2 u t-tħaddim ta' swieq tal-enerġija kompetittivi hija għan li l-Komunità stabbilietu hija stess.

(1) L-introduzzjoni ta' politika komuni dwar l-enerġija bbażata fuq is-solidarjetà u bil-għan li tassigura l-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, tranżizzjoni lejn sistema tal-enerġija effiċjenti ħafna u b'emissjonijiet ta' karbonju baxxi u t-tħaddim ta' swieq tal-enerġija kompetittivi bbażati fuq kompetizzjoni ġusta fil-qafas tas-suq intern hija għan li l-Unjoni stabbilietu hija stess.

Ġustifikazzjoni

Dak li huwa meħtieġ mhux biss swieq kompetittivi, iżda wkoll kompetizzjoni ġusta fis-suq intern u għaldaqstant, politika tal-enerġija bbażata fuq is-solidarjetà u teknoloġiji b'ħafna effiċjenza li joħolqu l-emissjonijiet baxxi ta' karbonju.

Emenda  4

Proposta għal regolament

Premessa 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(2) Waħda mill-karatteristiċi tat-tali politika hija li tinkiseb stampa ġenerali tal-iżvilupp tal-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fil-Komunità. Għandha tippermetti lill-Komunità tagħmel il-paraguni u l-evalwazzjonijiet meħtieġa jew tieħu l-miżuri rilevanti abbażi ta' ċifri u analiżi xierqa, b'mod partikolari rigward il-bilanċ futur bejn il-provvista u d-domanda tal-enerġija.

(2) Il-kisba ta' stampa ġenerali tal-iżvilupp tal-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fl-Unjoni hi prerekwiżit għall-iżvilupp tal-politika Ewropea tal-enerġija. Għandha tippermetti lill-Kummissjoni tagħmel il-paraguni u l-evalwazzjonijiet meħtieġa jew tipproponi l-miżuri rilevanti abbażi ta' ċifri u analiżi xierqa, b'mod partikolari rigward il-bilanċ futur bejn il-provvista u d-domanda tal-enerġija. Kwalunkwe miżuri proposti jew meħuda fil-livell tal-Unjoni għandhom ikunu newtrali u m'għandhomx ikunu intervent fil-funzjonament tas-suq.

Ġustifikazzjoni

L-iskop politiku ta' dan ir-regolament għandu jkun magħmul espliċitu. Dan hu strument importanti fl-iżvilupp tal-Politika tal-Enerġija Komuni.

Emenda  5

Proposta għal regolament

Premessa 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(3) Ix-xenarju tal-enerġija fil-Komunità u lil hinn minnha nbidel b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar snin u b'hekk l-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija huwa kwistjoni kruċjali għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Komunità, għat-tħaddim tas-suq intern u għat-tranżizzjoni lejn sistema ta' emissjonijiet baxxi tas-CO2 li daħlet għaliha l-Komunità.

(3) Ix-xenarju tal-enerġija fl-Unjoni u lil hinn minnha nbidel b'mod sinifikanti u mar għall-agħar f’termini ta’ provvista f'dawn l-aħħar snin u b'hekk l-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija huwa problema kruċjali li għandha tiġi solvuta bil-ħsieb tas-siġurtà tal-provvista stabbli tal-enerġija tal-Komunità u li jiġi żgurat it-tħaddim mingħajr waqfien tas-suq intern u t-tranżizzjoni lejn sistema effiċjenti ħafna b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju li daħlet għaliha ­l-Unjoni.

Ġustifikazzjoni

Għandu jiġi enfasizzat li t-tibdil li seħħ fis-settur tal-enerġija kien tibdil negattiv u dan irriżulta f'waqfien fil-provvisti tal-enerġija fis-suq intern tal-UE.

Emenda  6

Proposta għal regolament

Premessa 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(4) Il-kuntest il-ġdid tal-enerġija jesiġi investiment sinifikanti fl-infrastrutturi kollha fis-setturi kollha tal-enerġija kif ukoll l-iżvilupp ta' tipi ġodda ta' infrastruttura u teknoloġiji ġodda li s-suq qiegħed jadotta. Il-liberalizzazzjoni tas-settur tal-enerġija u aktar integrazzjoni tas-suq intern jagħtu rwol aktar prominenti lill-operaturi ekonomiċi għall-investiment u fl-istess waqt, rekwiżiti politiċi ġodda bħal pereżempju miri li jaffettwaw it-taħlita tal-fjuwils se jbiddlu l-politiki tal-Istati Membri favur infrastruttura tal-enerġija ġdida u/jew modernizzata.

(4) Il-kuntest il-ġdid tal-enerġija jesiġi investiment sinifikanti fl-infrastrutturi kollha, b'mod partikolari fis-setturi tal-enerġija rinnovabbli u tal-effiċjenza enerġetika, kif ukoll l-iżvilupp ta' tipi ġodda ta' infrastruttura u teknoloġiji ġodda li s-suq qiegħed jadotta. Il-liberalizzazzjoni tas-settur tal-enerġija u aktar integrazzjoni tas-suq intern jagħtu rwol aktar prominenti lill-operaturi ekonomiċi għall-investiment u fl-istess waqt, rekwiżiti politiċi ġodda bħal pereżempju miri li jaffettwaw it-taħlita tal-fjuwils se jbiddlu l-politiki tal-Istati Membri favur infrastruttura tal-enerġija ġdida u/jew modernizzata.

Ġustifikazzjoni

L-iffrankar tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika huma l-aktar mod effiċjenti meta mqabbel mal-ispiża sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju fl-UE. Sal-2050, l-ekonomija tal-UE għandha tkun ibbażata fuq sorsi tal-enerġija li jiġġeddu.

Emenda  7

Proposta għal regolament

Premessa 4 a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(4a) Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom dejjem jikkunsidraw li jnaqqsu l-konsum tal-enerġija f'konformità mal-mira tal-UE ta' 20% fl-effiċjenza tal-enerġija, bħala l-aktar mezz effiċjenti meta mqabbel mal-ispiża biex jintlaħqu l-miri ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra (GHG), u jsir titjib u żvilupp fl-infrastruttura eżistenti qabel ma jsir investiment f’infrastruttura ġdida. Il-proġetti ta' investiment fl-infrastruttura tal-enerġija għandhom ikunu kompletament allinjat mal-mira għall-2020 ta’ mill-inqas 20% tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli sostenibbli.

Ġustifikazzjoni

Ir-Regolament għandu jitqies fil-qafas tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-KE dwar il-klima, u x-xenarji li jirriżultaw għandhom ikunu totalment allinjati mal-għanijiet eżistenti tal-KE u jikkontribwixxu għall-kisba ta’ dawn l-għanijiet.

Emenda  8

Proposta għal regolament

Premessa 5

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(5) Minħabba l-għanijiet politiċi ġodda u l-iżviluppi tas-suq, l-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fil-Komunità għandu jingħata aktar attenzjoni, b'mod partikolari bil-għan li jiġu antiċipati l-problemi, jiġu promossi l-aqwa prattiki u tiġi stabbilita aktar trasparenza fl-iżvilupp futur tas-sistema tal-enerġija fil-Komunità.

(5) Minħabba l-għanijiet politiċi ġodda rigward l-enerġija u l-iżviluppi tas-suq, l-investiment prijoritarju fl-infrastruttura tal-enerġija fl-Unjoni għandu jingħata aktar attenzjoni, b'mod partikolari bil-għan li jiġu antiċipati l-problemi tas-sigurtà tal-provvista, jiġu promossi l-aqwa prattiki u tiġi stabbilita aktar trasparenza fl-iżvilupp futur ta' sistemi tal-enerġija interkonnessi fl-Unjoni.

Ġustifikazzjoni

Għandu jiġi stabbilit liema investimenti għandhom jieħdu prijorità bil-għan li tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista, anki permezz tat-trasferimenti bejn is-sistemi tal-Istati Membri.

Emenda  9

Proposta għal regolament

Premessa 6

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(6) Il-Kummissjoni u b'mod partikolari l-Osservatorju tas-Suq għall-Enerġija għandhom għalhekk ikollhom dejta u informazzjoni preċiżi dwar il-proġetti ta' investiment, inkluż id-dekummissjonar, fil-komponenti l-aktar sinifikanti tas-sistema tal-enerġija tal-Komunità.

(6) Il-Kummissjoni u b'mod partikolari l-Osservatorju tagħha tas-Suq għall-Enerġija għandhom għalhekk, bil-ħsieb li jipprovdu garanziji għall-investimenti ta’ prijorità, ikollhom data u informazzjoni preċiżi dwar il-proġetti ta' investiment attwali u futuri, inkluż id-dekummissjonar parzjali, fil-komponenti l-aktar sinifikanti tas-sistema tal-enerġija tal-Unjoni.

Ġustifikazzjoni

Il-prijoritajiet tal-investimenti għall-infrastruttura mmonitorjata għandhom jikkunsidraw kemm il-pjanijiet attwali u futuri kif ukoll dekummissjonijiet temporanji jew permanenti.

Emenda  10

Proposta għal regolament

Premessa 7

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(7) Id-dejta u l-informazzjoni dwar l-iżviluppi prevedibbli fil-kapaċitajiet tal-produzzjoni, it-trasport u l-ħżin fis-setturi varji tal-enerġija huma ta' interess għall-Komunità. Huwa għalhekk meħtieġ li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata dwar il-proġetti ta' investiment fejn diġà nbdiet il-ħidma jew il-ħidma hija ppjanata li tibda fi żmien ħames snin u li għandhom l-għan li jiddekummissjonaw l-infrastruttura fi żmien tliet snin.

(7) Id-data u l-informazzjoni dwar l-iżviluppi prevedibbli fil-kapaċitajiet tal-produzzjoni, it-trasport u l-ħżin fis-setturi varji tal-enerġija huma importanti għall-investiment ġejjieni tal-Unjoni. Huwa għalhekk meħtieġ li l-Kummissjoni, u b'mod partikulari l-Osservatorju tas-Suq tal-Enerġija tagħha, tiġi nnotifikata dwar il-pjanijiet u l-proġetti ta' investiment fejn diġà nbdiet il-ħidma jew il-ħidma hija ppjanata li tibda fi żmien ħames snin u li għandhom l-għan li jiddekummissjonaw l-infrastruttura, kollha jew parti minnha, fi żmien tliet snin.

Ġustifikazzjoni

Għal skopijiet ta' ppjanar, ħames snin huma perjodu ta' żmien aħjar minn tlieta.

Emenda  11

Proposta għal regolament

Premessa 9 a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(9a) Informazzjoni miksuba mill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament tista' tintuża għall-monitoraġġ tal-konformità mill-Istati Membri fi ħdan il-qafas tal-leġiżlazzjoni speċifika tal-UE, b'mod partikolari d-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli1.

 

_____________________

1 ĠU L 140, 5.6.2009, 16.

Emenda  12

Proposta għal regolament

Premessa 10

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(10) L-Istati Membri għandhom għal dan il-għan jinnotifikaw lill-Kummissjoni, id-dejta u l-informazzjoni dwar il-proġetti ta' investiment li jikkonċernaw il-produzzjoni, il-ħżin u t-trasport taż-żejt, il-gass naturali, l-enerġija elettrika, il-bijofjuwils u d-diossidu tal-karbonju ppjanati jew li qed jitwettqu fit-territorju tagħhom. L-impriżi konċernati għandhom ikunu obbligati jinnotifikaw lill-Istat Membru d-dejta u l-informazzjoni inkwistjoni.

(10) L-Istati Membri għandhom għal dan il-għan jinnotifikaw lill-Kummissjoni, id-data u l-informazzjoni dwar il-proġetti ta' investiment fl-infrastruttura tal-enerġija li jikkonċernaw il-produzzjoni, il-ħżin u t-trasport taż-żejt, il-gass, il-faħam, l-enerġija rinnovabbli, l-enerġija elettrika, kif ukoll proġetti kbar tat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali u l-qbid, it-trasport u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju ppjanati jew li qed jitwettqu fit-territorju tagħhom, inklużi interkonnessjonijiet ma' pajjiżi terzi. L-impriżi konċernati għandhom ikunu obbligati jinnotifikaw lill-Istat Membru d-data u l-informazzjoni inkwistjoni, biex tippermetti lill-Kummissjoni li tagħmel monitoraġġ tal-infrastruttura tal-enerġija tal-UE. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom ikunu obbligati jiżguraw il-kunfidenzjalità tad-data pprovduta mill-impriżi.

Ġustifikazzjoni

Din l-emenda tikkjarifika l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament u twessgħu, sabiex ikopri s-sorsi kollha tal-enerġija u l-katina sħiħa ta' infrastruttura marbuta ma' tipi differenti ta' sorsi ta' enerġija.

Emenda  13

Proposta għal regolament

Premessa 12

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(12) Bil-għan li jiġi evitat piż amministrattiv sproporzjonat u jitnaqqsu l-ispejjeż għall-Istati Membri u l-impriżi b'mod partikolari għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju, dan ir-Regolament għandu jagħti l-possibbiltà li l-Istati Membri u l-impriżi jiġu eżentati mill-obbligi tar-rappurtar sakemm informazzjoni ekwivalenti tiġi pprovduta lill-Kummissjoni skont il-leġiżlazzjoni tal-UE speċifika għas-settur tal-enerġija, adottata mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u bl-iskop li jintlaħqu l-għanijiet tas-swieq tal-enerġija Ewropej li jkunu kompetittivi, ta' sistema tal-enerġija Ewropea sostenibbli u ta' sigurtà tal-provvista tal-enerġija għall-Komunità Ewropea.

(12) Bil-għan li jiġi evitat piż amministrattiv sproporzjonat u jitnaqqsu l-ispejjeż għall-Istati Membri u l-impriżi b'mod partikolari għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju, dan ir-Regolament għandu jagħti l-possibbiltà li l-Istati Membri u l-impriżi jiġu eżentati mill-obbligi tar-rappurtar sakemm informazzjoni ekwivalenti u kumparabbli tiġi pprovduta lill-Kummissjoni skont il-leġiżlazzjoni tal-UE speċifika għas-settur tal-enerġija, adottata mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u bl-iskop li jintlaħqu l-għanijiet tas-swieq tal-enerġija Ewropej li jkunu kompetittivi, ta' sistema tal-enerġija Ewropea sostenibbli u ta' sigurtà tal-provvista tal-enerġija għall-Unjoni Ewropea. Kwalunkwe duplikazzjoni ta' rekwiżiti ta' rappurtar speċifikati fit-tielet pakkett tal-liberalizzazzjoni tal-enerġija (id-Direttiva 2009/72/KE1, id-Direttiva 2009/73/KE2, ir-Regolament (KE) Nru 713/20093, ir-Regolament (KE) Nru 714/20094 u r-Regolament (KE) Nru 715/20095) għandha tiġi evitata. Il-Kummissjoni għandha tikkjarifika l-applikazzjoni ta' din l-eżenzjoni sabiex verament tnaqqas il-piż tar-rappurtar u tiċċara l-kontenut, il-format u l-iskeda tal-obbligi ta' rappurtar, il-persuna jew korpi li huma suġġetti għal dawk l-obbligi u dawk li huma responsabbli għall-amministrazzjoni tas-sistema ta' rappurtar.

 

________________

1 ĠU L 211, 14.8.2009, p. 55.

2 ĠU L 211, 14.8.2009, p. 94.

3 ĠU L 211, 14.8.2009, p. 1.

4 ĠU L 211, 14.8.2009, p. 15.

5 ĠU L 211, 14.8.2009, p. 36.

Emenda  14

Proposta għal regolament

Premessa 12 a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(12a) L-Istati Membri, l-entità delegata tagħhom jew, fejn xieraq, il-korpi inkarigati bil-pjanijiet ta' investiment tal-UE speċifiċi għas-settur tal-enerġija għandhom jiżguraw il-kwalità, ir-rilevanza, il-preċiżjoni, iċ-ċarezza, l-iskedi ta' ħin u l-koerenza tad-data u tal-informazzjoni notifikata lill-Kummissjoni, filwaqt li jiżguraw il-kunfidenzjalità ta' data u informazzjoni kummerċjalment sensittivi.

Ġustifikazzjoni

Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-Artikolu 6, huwa meħtieġ li tiżdied premessa li tirreferi għar-responsabilità tal-Istati Membri, l-entità delegata tagħhom jew fejn xieraq il-korpi inkarigati bil-pjanijiet ta' investiment tal-UE speċifiċi għas-settur tal-enerġija biex jiggarantixxu l-kwalità u r-rilevanza tad-data pprovduta, filwaqt li jiżguraw il-kunfidenzjalità ta' data jew informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

Emenda  15

Proposta għal regolament

Premessa 13

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(13) Għall-ipproċessar tad-dejta kif ukoll sabiex in-notifika tad-dejta tiġi ssemplifikata u tkun sigura, il-Kummissjoni u b'mod partikolari l-Osservatorju tas-Suq għall-Enerġija għandhom ikunu jistgħu jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għal dan il-għan, b'mod partikolari t-tħaddim ta' għodod tal-IT u l-proċeduri integrati.

(13) Għall-ipproċessar tad-data kif ukoll sabiex in-notifika tad-data tiġi ssemplifikata u tkun sigura, il-Kummissjoni u b'mod partikolari l-Osservatorju tas-Suq għall-Enerġija għandhom ikunu jistgħu jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għal dan il-għan, b'mod partikolari t-tħaddim ta' għodod tal-IT u l-proċeduri integrati. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li tali riżorsi tal-IT jiggarantixxu l-kunfidenzjalità tad-data u informazzjoni notifikata lill-Kummissjoni.

Ġustifikazzjoni

Id-data u l-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni hi sensittiva ħafna għall-operaturi ekonomiċi u għaldaqstant, il-Kummissjoni trid tiżgura l-ogħla livell ta' kunfidenzjalità meta titratta din id-data jew informazzjoni.

Emenda  16

Proposta għal regolament

Premessa 14 a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(14a) L-aċċess għal informazzjoni ambjentali hu regolat permezz tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 6 ta' Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali1, kif ukoll id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali 2. Dan ir-Regolament iħalli dawk d-dispożizzjonijiet kif inhuma bħalissa.

 

 

 

ĠU L 264, 25.9.2006, p.13.

 

2 ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26.

Ġustifikazzjoni

L-iskop tal-emenda huwa li tallinja d-dispożizzjonijiet tar-Regolament mal-Konvenzjoni ta' Århus, u l-istrumenti rilevanti ta' implimentazzjoni fil-livell ta' KE u tal-Istati Membri, jiġifieri r-Regolament Århus u d-Direttiva dwar l-aċċess pubbliku għal informazzjoni ambjentali.

Emenda  17

Proposta għal regolament

Premessa 15

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(15) Il-Kummissjoni u b'mod partikolari l-Osservatorju tas-Suq għall-Enerġija għandhom jipprovdu analiżi regolari u transsettorjali tal-evoluzzjoni strutturali u l-perspettivi tas-sistema tal-enerġija tal-Komunità u, fejn xieraq, analiżi aktar iffokata fuq ċerti aspetti ta' din is-sistema tal-enerġija; din l-analiżi għandha b'mod partikolari tikkontribwixxi sabiex tidentifika n-nuqqasijiet li jista' jkun hemm fl-infrastruttura u l-investiment sabiex ikun jista' jintlaħaq bilanċ bejn il-provvista u d-domanda tal-enerġija fuq terminu ta' żmien twil.

(15) Il-Kummissjoni u b'mod partikolari l-Osservatorju tagħha tas-Suq għall-Enerġija għandhom jipprovdu analiżi regolari u transsettorjali tal-evoluzzjoni strutturali u l-perspettivi tas-sistema tal-enerġija tal-Unjoni u, fejn xieraq, analiżi aktar iffokata fuq ċerti aspetti ta' din is-sistema tal-enerġija; din l-analiżi għandha żżid fuq l-approċċi nazzjonali, tiżviluppa dimensjonijiet reġjonali u, b'mod partikolari tikkontribwixxi għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-enerġija billi tidentifika n-nuqqasijiet li jista' jkun hemm fl-infrastruttura u l-investiment u r-riskji assoċjati sabiex ikun jista' jintlaħaq bilanċ bejn il-provvista u d-domanda tal-enerġija fuq terminu ta' żmien twil. Din l-analiżi għandha tikkontribwixxi wkoll għal dibattitu kontinwu fil-livell Ewropew dwar il-ħtieġa ta' infrastrutturi tal-enerġija u għaldaqstant għandha tiġi mgħoddija lill-partijiet interessati għal diskussjoni.

Emenda  18

Proposta għal regolament

Premessa 15 a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(15a) L-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn monitoraġġ u rappurtar dwar proġetti ta' investiment fl-enerġija li jirriżultaw minn dan ir-Regolament li permezz tiegħu d-data miġbura se tkun magħmula disponibbli pubblikament u, fuq medda twila ta' żmien, se tikkontribwixxi għal xejriet tal-investiment ġodda u kkoordinati aħjar.

Emenda  19

Proposta għal regolament

Premessa 16

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(16) Il-Kummissjoni tista' tiġi megħjuna minn esperti mill-Istati Membri jew kwalunkwe espert ieħor kompetenti; bil-għan li jiġi żviluppat fehim komuni u titħeġġeġ it-trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam mal-iżviluppi futuri li huma ta' interess partikolari għal parteċipanti ġodda fis-suq;

(16) Il-Kummissjoni tista' tiġi megħjuna minn esperti mill-Istati Membri jew kwalunkwe espert ieħor kompetenti; bil-għan li jiġi żviluppat fehim komuni tan-nuqqasijiet infrastrutturali potenzjali u r-riskji assoċjati u titħeġġeġ it-trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam mal-iżviluppi futuri li huma ta' interess partikolari għal parteċipanti ġodda fis-suq;

Emenda  20

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas komuni għan-notifika lill-Kummissjon ta' dejta u informazzjoni dwar proġetti ta' investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fis-setturi taż-żejt, tal-gass naturali, tal-elettriku u tal-bijofjuwils, u dwar proġetti ta' investiment relatati mad-diossidu tal-karbonju li dawn is-setturi jipproduċu.

1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas komuni għan-notifika lill-Kummissjon ta' data u informazzjoni dwar proġetti ta' investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fis-setturi taż-żejt, tal-gass, tal-faħam, tal-enerġija rinnovabbli u tal-elettriku, u dwar proġetti ta' investiment ewlenin relatati mat-tisħin u mat-tkessiħ distrettwali u mal-qbid u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju li dawn is-setturi jipproduċu.

Ġustifikazzjoni

Din l-emenda tikkjarifika l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament u twessgħu, sabiex ikopri s-sorsi kollha tal-enerġija u l-katina sħiħa ta' infrastruttura marbuta ma' tipi differenti ta' sorsi ta' enerġija.

Emenda  21

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2. Dan ir-Regolament għandu japplika għat-tipi ta' proġetti ta' investiment elenkati fl-Anness fejn diġà nbdiet il-ħidma jew il-ħidma hija ppjanata li tibda fi żmien ħames snin jew fejn huwa ppjanat li ma jibqgħux jitħaddmu fi żmien tliet snin.

2. Dan ir-Regolament għandu japplika għat-tipi ta' proġetti ta' investiment elenkati fl-Anness fejn il-kostruzzjoni tkun diġà nbdiet jew hi ppjanata li tibda fi żmien ħames snin jew fejn huwa ppjanat li ma jibqgħux jitħaddmu fi żmien tliet snin.

Ġustifikazzjoni

Il-formulazzjoni attwali (proġetti "fejn diġà nbdiet il-ħidma jew il-ħidma hija ppjanata li tibda fi żmien ħames snin") hija vaga wisq u tista' tfisser, partikolarment f'termini tas-setturi taż-żejt u tal-gass naturali, li l-proġetti jkollhom jiġu notifikati fi stadju bikri ħafna. Dan jista' jżid l-inċertezza tat-tbassir li għandu jiġi ppreżentat mill-Kummissjoni.

Emenda  22

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – punt 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(1) "infrastruttura" tfisser kwalunkwe tip ta' stallazzjoni jew parti ta' stallazzjoni relatata mal-produzzjoni, it-trasport u l-ħżin tal-enerġija jew id-diossidu tal-karbonju;

(1) "infrastruttura" tfisser kwalunkwe tip ta' stallazzjoni jew parti ta' stallazzjoni relatata mal-produzzjoni, it-trasport u l-ħżin tal-enerġija jew ta' sorsi ta' enerġija jew id-diossidu tal-karbonju;

Ġustifikazzjoni

L-enerġija tista' tinħażen fiżikament, jiġifieri bħala enerġija termali, enerġija elettrika jew enerġija potenzjali (pereżempju fl-ilma), imma wkoll f'forma kimika, bħas-sustanzi li jinstabu fi-sorsi tal-enerġija bħall-idrokarburi, il-faħam u l-idroġenu.

Emenda  23

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – punt 2 – punt c

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(c) jiddekummissjonaw l-infrastruttura eżistenti;

(c) jiddekummissjonaw, parzjalment jew totalment, l-infrastruttura eżistenti;

Ġustifikazzjoni

Id-dekommissjonar jista' jkun definittiv jew biss temporanju, pereżempju b'riżultat ta' xogħlijiet ta' manutenzjoni jew minħabba interruzzjonijiet ippjanati.

Emenda  24

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – punt 2 – punt c a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(ca) jiżviluppaw interkonnessjonjiet ġodda għas-sistemi tat-trasport tal-enerġija bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi;

Ġustifikazzjoni

Huwa importanti li jiġu inklużi wkoll l-interkonnessjonjiet għas-sistemi tat-trasport tal-enerġija bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi ġirien tagħha.

Emenda  25

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – punt 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(3) "proġetti ta' investiment ippjanati" tfisser proġetti ta' investiment li fihom jiġġarrbu spejjeż kapitali qabel tinbeda l-kostruzzjoni jew qabel iseħħ id-dekummissjonar, inklużi proġetti ta' investiment li l-karatteristiċi ewlenin tagħhom (il-post, il-kuntrattur, l-impriża, il-karatteristiċi tekniċi eċċ.) jistgħu, parzjalament jew kompletament, ikunu soġġetti għal analiżi ulterjuri jew għal awtorizzazzjoni finali;

(3) "proġetti ta' investiment ippjanati" tfisser proġetti ta' investiment li fihom jiġġarrbu spejjeż kapitali qabel tinbeda l-kostruzzjoni jew qabel iseħħ id-dekummissjonar, inklużi proġetti ta' investiment li dwarhom l-awtoritajiet konċernati jkunu diġà rċevew talba inizjali għal awtorizzazzjoni, iżda li l-karatteristiċi ewlenin tagħhom (il-post, il-kuntrattur, l-impriża, ċerti karatteristiċi tekniċi u operattivi eċċ.) jistgħu, parzjalment jew kompletament, ikunu soġġetti għal analiżi ulterjuri jew għal awtorizzazzjoni finali;

Ġustifikazzjoni

Il-karatteristiċi operattivi normalment mhumiex kummerċjalment sensittivi, iżda ċerti karatteristiċi tekniċi huma.

Emenda  26

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – paragrafu 7 – parti introduttorja

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(7) “trasport” tfisser it-trażmissjoni tas-sorsi tal-enerġija jew tal-prodotti jew tad-diossidu tal-karbonju, minn ġo netwerk, b'mod partikolari:

(7) “trasport” tfisser it-trażmissjoni tal-elettriku, gass, fjuwils likwidi jew tad-diossidu tal-karbonju, minn ġo netwerk, b'mod partikolari:

 

 

 

 

Ġustifikazzjoni

It-terminu "trasport" ma jikkonċernax biss is-sorsi tal-enerġija bħall-gass u l-fjuwils likwidi kif ukoll fjuwils solidi, iżda anki l-enerġija elettrika.

Emenda  27

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – punt 7 – punt b a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(ba) minn pajpijiet tat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali;

Ġustifikazzjoni

L-abbozz ta' regolament naqas milli jsemmi t-tisħin u t-tkessiħ distrettwali (DHC) taħt "trasport". Għalkemm in-netwerks DHC huma ta' natura lokali, l-investimenti tad-DHC għandhom jissemmew peress li l-benefiċċji akkwistati min-netwerks huma ta’ ġid għall-UE kollha f'termini ta' sigurtà tal-provvista, żieda fl-effiċjenza tal-enerġija u tnaqqis fl-emissjonijiet. Barra minn hekk, l-akbar ostaklu għal aktar investiment DHC fl-Ewropa huwa l-ispiża tal-investiment, għalkemm l-ispejjeż tal-infrastruttura jissostitwixxu l-ispejjeż tal-fjuwils bis-saħħa tal-użu tar-riċiklaġġ tas-sħana.

Emenda  28

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – punt 8

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(8) “ħżin” tfisser l-istokkjar fuq bażi permanenti jew temporanja ta' sorsi ta' enerġija jew diossidu tal-karbonju f'infrastruttura 'l fuq mill-art jew taħt l-art jew f'siti ġeoloġiċi;

(8) “ħżin” tfisser il-ħżin fuq bażi permanenti jew temporanja ta' sorsi ta' enerġija termali jew elettrika f'infrastruttura 'l fuq mill-art jew taħt l-art jew f'siti ġeoloġiċi jew li d-diossidu tal-karbonju jinżamm f’formazzjonijiet ġeoloġiċi taħt l-art;

Ġustifikazzjoni

Id-definizzjoni tat-terminu "ħżin tad-diossidu tal-karbonju għandu jkun konformi mad-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-diossidu tal-karbonju u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, id-Direttivi tal-Parlament u tal-Kunsill 2000/60/KE, 2001/80/KE, 2004/35/KE, 2006/12/KE, 2008/1/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006.

Emenda  29

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – punt 8 a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(8a) "post tal-ħżin" tfisser sistema magħluqa ta' tankijiet tal-ħżin, jew struttura ġeoloġika speċifika li tikkostitwixxi faċilità tal-ħżin magħluqa;

Ġustifikazzjoni

Il-postijiet tal-ħżin ukoll huma parti mill-infrastruttura tal-enerġija.

Emenda  30

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – punt 10 – punt a

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(a) Sorsi primarji tal-enerġija, bħalma huma ż-żejt, il-gass naturali jew il-faħam, jew sorsi tal-enerġija mibdula, bħalma huwa l-elettriku;

(a) Sorsi primarji tal-enerġija, bħalma huma ż-żejt, il-gass naturali, il-faħam jew il-fjuwil nukleari, jew sorsi tal-enerġija mibdula, bħalma huwa l-elettriku;

Ġustifikazzjoni

Il-fjuwils nukleari wkoll huma sors primarju tal-enerġija.

Emenda  31

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – punt 10 a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(10a) "data aggregata" tfisser data aggregata fil-livell nazzjonali jew reġjonali; jekk l-aggregazzjoni fil-livell nazzjonali tiżvela informazzjoni kummerċjalment sensittiva relatata ma' impriża individwali, l-aggregazzjoni tista' ssir fil-livell reġjonali;

Ġustifikazzjoni

Aggregazzjoni fil-livell nazzjonali f'xi Stati Membri ma tkunx biżżejjed, minħabba li jista' jkun li hemmhekk kumpanija waħda biss tkun koperta b'dan ir-Regolament. Għaldaqstant, ir-Regolament għandu jipprovdi għall-possibbiltà li d-data tista' tiġi aggregata anki fil-livell reġjonali. Madankollu, biex ma jitħalliex f'idejn l-impriżi li jiddeċiedu fuq liema livell għandha tiġi aggregata d-data, il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi l-livell reġjonali adegwat fuq il-bażi ta' proposta konġunta tal-Istati Membri kkonċernati jew mill-entitajiet delegati minnhom.

Emenda  32

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – punt 10 b (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(10b) "korp speċifiku" tfisser korp fdat mil-leġiżlazzjoni speċifika tal-UE dwar is-settur tal-enerġija bil-preparazzjoni u l-adozzjoni tal-iżvilupp plurijennali tan-netwerk tal-UE u bil-pjanijiet ta' investiment fl-infrastruttura tal-enerġija, bħan-network Ewropew tal-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni għall-elettriku skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku1 u n-netwerk Ewropew għall-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni għall-gass skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta' trażmissjoni tal-gass naturali 2.

 

1 ĠU L 211, 14.8.2009, p. 15.

 

2 ĠU L 211, 14.8.2009, p. 36.

Ġustifikazzjoni

F'diversi partijiet tal-proposta għal regolament isir riferiment għal dawn l-entitajiet speċifiċi (ara pereżempju l-Artikolu 3(2)). Għandu jiġi kkjarifikat li din ir-regola tirreferi b'mod speċifiku għall-entitajiet tal-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni (TSO) previsti fit-tielet pakkett tal-liberalizzazzjoni tas-swieq tal-enerġija, adottat bejn ir-rebbiegħa u s-sajf tal-2009. ENTSO-E u ENTSO-G għandhom jiġu msemmija x'imkien speċifikament. L-aħjar u l-eħfef mod biex wieħed jagħmel dan hu fid-definizzjonijiet u li jiġu ċċarati hemmhekk għar-regolament kollu kemm hu.

Emenda  33

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – punt 10 c (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(10b) "tisħin distrettwali" jew "tkessiħ distrettwali" tfisser id-distribuzzjoni ta' enerġija termali f'forma ta' fwar, ilma sħun jew likwidi mkessħin, minn sors ta' produzzjoni ċentrali permezz ta' netwerk ta' diversi binjiet jew siti, għall-użu ta' tisħin jew tkessiħ ta' spazji jew ta' proċessi;

Ġustifikazzjoni

Fir-regolament għandhom jissemmew speċifikament il-produzzjoni tat-tkessiħ distrettwali, is-sħana u l-enerġija flimkien kif ukoll it-tkessiħ u t-tisħin distrettwali. Il-parti l-kbira tal-modi ta' produzzjoni tal-elettriku jkunu l-aktar effiċjenti meta jipprovdu sħana jew inkella elettriku u sħana. Id-definizzjoni tikkorrispondi għad-diċitura eżatta tal- (JEW = tal-kliem eżatt użat fl-) Artikolu 2(g) tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Emenda  34

Proposta għal regolament

Artikolu 3 - paragrafu 1 - subparagrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. Filwaqt li jżommu piż proporzjonat tal-ġbir u r-rappurtar tad-dejta, l-Istati Membri jew l-entità li lilha jkunu ddelegaw din il-ħidma għandhom jikkompilaw id-dejta u l-informazzjoni kollha speċifikati f'dan ir-Regolament mill-bidu tal-2010 u kull sentejn minn dakinhar 'il quddiem.

1. Filwaqt li jżommu piż proporzjonat tal-ġbir u r-rappurtar tad-data, l-Istati Membri jew l-entità li lilha jkunu ddelegaw din il-ħidma għandhom jikkompilaw id-data u l-informazzjoni kollha speċifikati f'dan ir-Regolament mill-bidu tal-2011 u kull sentejn minn dakinhar 'il quddiem.

Ġustifikazzjoni

Ġaladarba r-Regolament għandu jiġi adottat fl-2010, mhuwiex realistiku li jkun hemm l-obbligu tar-rappurtar mill-2010 stess. F'dak li jirrigwarda l-korpi speċifiċi skont l-Artikolu 2(b), mhuwiex possibbli li l-pjanijiet ta' għaxar snin għall-iżvilupp tan-netwerks fil-livell Komunitarju, li għandhom jiġu adottati min-Netwerk Ewropew tal-Operaturi tas-Sistema tat-Trażmissjoni għall-Elettriku u n-Netwerk Ewropew tal-Operaturi tas-Sistema tat-Trażmissjoni għall-Gass diġà jkunu disponibbli fis-sena 2010, minħabba li r-regolamenti rilevanti jibdew japplikaw mit-3 ta' Marzu 2011.

Emenda  35

Proposta għal regolament

Artikolu 3 - paragrafu 1 - subparagrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Fl-2010 għandhom jinnotifikaw id-dejta aggregata u l-informazzjoni rilevanti għall-proġett lill-Kummissjoni, fejn dik is-sena tkun l-ewwel sena ta' rappurtar, u minn dakinhar 'il quddiem kull sentejn.

Fl-2011 għandhom jinnotifikaw id-data aggregata u l-informazzjoni rilevanti għall-proġett lill-Kummissjoni, fejn dik is-sena tkun l-ewwel sena ta' rappurtar, u minn dakinhar 'il quddiem kull sentejn.

Ġustifikazzjoni

Ġaladarba r-Regolament għandu jiġi adottat fl-2010, mhuwiex realistiku li jkun hemm l-obbligu tar-rappurtar mill-2010 stess. F'dak li jirrigwarda l-korpi speċifiċi skont l-Artikolu 2(b), mhuwiex possibbli li l-pjanijiet ta' għaxar snin għall-iżvilupp tan-netwerks fil-livell Komunitarju, li għandhom jiġu adottati min-Netwerk Ewropew tal-Operaturi tas-Sistema tat-Trażmissjoni għall-Elettriku u n-Netwerk Ewropew tal-Operaturi tas-Sistema tat-Trażmissjoni għall-Gass diġà jkunu disponibbli fis-sena 2010, minħabba li r-regolamenti rilevanti jibdew japplikaw mit-3 ta' Marzu 2011.

Emenda  36

Proposta għal regolament

Artikolu 4 - paragrafu 1 - subparagrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

 

Madankollu, is-subparagrafu 1 ma għandux japplika għall-impriżi fejn l-Istat Membru konċernat jiddeċiedi li juża mezzi oħra biex jipprovdi lill-Kummissjoni bid-dejta jew l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3.

Madankollu, is-subparagrafu 1 ma għandux japplika għall-impriżi fejn l-Istat Membru konċernat jiddeċiedi li juża mezzi oħra biex jipprovdi lill-Kummissjoni bid-data jew l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3, sakemm id-data jew informazzjoni mogħtija tkun kumparabbli u ekwivalenti.

Ġustifikazzjoni

Minkejja li jagħmel sens li tiġi evitata d-duplikazzjoni ta' mekkaniżmi ta' rappurtar f'każ li l-impriżi jużaw għodda alternattivi biex ifornu lill-Kummissjoni bid-data, għandu jkun żgurat li l-informazzjoni u d-data provduti b'mezzi oħra jkunu totalment kompatibbli u kumparabbli mad-data u mal-informazzjoni pprovduta permezz tan-notifika. Dan hu element importanti sabiex l-applikazzjoni tar-regolament l-antik titjieb permezz tal-ġdid.

Emenda  37

Proposta għal regolament

Artikolu 4 – paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2. L-Istati Membri għandhom jevitaw kwalunkwe ripetizzjoni tal-ġbir tad-dejta u għandhom inaqqsu kemm jista' jkun l-ispejjeż għall-impriżi.

2. L-Istati Membri għandhom jevitaw kwalunkwe ripetizzjoni tal-ġbir tad-data, li diġà huwa meħtieġ fuq il-bażi ta’ leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE, u għandhom inaqqsu kemm jista' jkun l-ispejjeż għall-impriżi.

Ġustifikazzjoni

Huwa meħtieġ li ssir enfasi fuq il-fatt li jiġi evitat rappurtar doppju u piż amministrattiv żejjed.

Emenda  38

Proposta għal regolament

Artikolu 5 - paragrafu 1 - punt a

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(a) il-kapaċitajiet ippjanati jew li qegħdin jinbnew;

(a) il-volum tal-kapaċitajiet ippjanati jew li qegħdin jinbnew;

Ġustifikazzjoni

F'paragrafu 3 tal-istess artikolu, ir-regolament isemmi l-"volum tal-kapaċitajiet ippjanati". Għandu jiġi ċċarat li l-kelma kapaċitajiet fil-paragrafu 1 tirreferi għall-istess informazzjoni.

Emenda  39

Proposta għal regolament

Artikolu 5 - paragrafu 1 - punt b

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(b) il-post, l-isem, it-tip u l-karatterisitiċi ewlenin tal-infrastruttura jew tal-kapaċitajiet ippjanati jew li qegħdin jinbnew;

(b) il-post, l-isem, it-tip u l-karatterisitiċi ewlenin tal-infrastruttura jew tal-kapaċitajiet ippjanati jew li qegħdin jinbnew, b'dettalji dwar liema minnhom jinsabu fi stadju ta' ppjanar u liema qegħdin jinbnew;

Ġustifikazzjoni

Bil-għan li tkun valutata s-sigurtà tal-enerġija, huwa essenzjali li ssir distinzjoni bejn dawk il-pjanijiet ta’ investiment li jistgħu jitqiesu "ċerti" u li jistgħu jagħtu kontribut għas-sigurtà tal-enerġija fil-futur qrib u dawk li għadhom fl-istadju ta' ppjanar. Il-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet aktarx li joħloq inċertezza fis-settur tal-ġenerazzjoni, bħalma jagħmlu wkoll proċeduri komplikati għall-ħruġ ta' permessi fis-settur tat-trasport.

Emenda  40

Proposta għal regolament

Artikolu 5 – paragrafu 1 – punt b a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(ba) id-data meta l-awtoritajiet rilevanti jirċievu l-awtorizzazjoni u d-data stmata sa meta se jingħataw l-awtorizzazzjonijiet u l-permessi tal-kostruzzjoni meħtieġa;

Ġustifikazzjoni

Kif propost fl-Opinjoni (TEN/411) tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dan ir-Regolament għandu jimmira wkoll sabiex jiġi analizzat il-progress li jkun sar fil-proġetti nnotifikati fir-rigward tal-iskeda ppjanata.

Emenda  41

Proposta għal regolament

Artikolu 5 – paragrafu 1 – punt f a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(fa) l-indisponibilità temporanja jew interruzzjoni tal-tħaddim ta' infrastruttura għal perjodu ta' aktar minn tliet snin.

Ġustifikazzjoni

Din l-Emenda għandha l-għan li tevita sitwazzjoni fejn it-tagħmir ma jkunx disponibbli u l-konsegwenzi ta’ din l-indisponibilità fil-kuntest ta’ investimenti kbar.

Emenda  42

Proposta għal regolament

Artikolu 5 - paragrafu 2 - punt b

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(b) id-data probabbli tad-dekummissjonar.

(b) id-data probabbli tad-dekummissjonar, inkluż, fejn hu applikabbli, dati intermedjarji għall-eliminazzjoni gradwali tal-tħaddim tal-infrastruttura.

Ġustifikazzjoni

Importanti jkun hemm aktar informazzjoni dwar l-istadju eżatt tal-iżvilupp ta' infrastruttura ġdida tal-enerġija.

Emenda  43

Proposta għal regolament

Artikolu 5 – paragrafu 2 – punt b a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(ba) il-lista ta' miżuri ppjanati għar-rijabilitazzjoni ambjentali, meta rijabilitazzjoni ta' dan it-tip tkun meħtieġa mil-leġiżlazzjoni speċifika.

Emenda           44

Proposta għal regolament

Artikolu 5 - paragrafu 3 - subparagrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

3. Kwalunkwe notifika skont l-Artikolu 3 għandha tinkludi l-volum tal-kapaċitajiet stallati fil-bidu tas-sena ta' rappurtar konċernata.

3. Kwalunkwe notifika skont l-Artikolu 3 għandha tinkludi l-volum tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni, tat-trasport u tal-ħżin stallati fil-bidu tas-sena ta' rappurtar konċernata.

Ġustifikazzjoni

Kjarifika.

Emenda  45

Proposta għal regolament

Artikolu 5 - paragrafu 3 - subparagrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

L-Istati Membri, l-entitajiet delegati tagħhom jew il-korp speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(2) għandhom iżidu man-notifiki tagħhom kwalunkwe kumment li jista' jkollhom, bħal pereżempju kummenti dwar dewmien jew ostakli għall-implimentazzjoni tal-proġetti ta' investiment.

Fejn l-Istati Membri jkollhom fil-pussess tagħhom kwalunkwe informazzjon dwar dewmien u/jew ostakoli għall-implimentazzjoni tal-proġetti ta' investiment, l-entitajiet delegati tagħhom jew il-korp speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(2) għandhom jinkludu din l-informazzjoni fin-notifika pprovduta skont l-Artikolu 3.

Ġustifikazzjoni

Għandu jiġi ċċarat li l-Istati Membri għandhom obbligu li jżidu kummenti man-notifika tagħhom, f'każ li jkollhom kwalunkwe informazzjoni dwar dewmien jew/u ostakoli fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' proġetti ta' investiment.

Emenda                     46

Proposta għal regolament

Artikolu 6 - paragrafu 1 - subparagrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. L-Istati Membri, l-entità delegata tagħhom jew fejn xieraq il-korpi inkarigati bil-pjanijiet ta' investiment tal-UE speċifiċi għas-settur tal-enerġija għandhom jiżguraw il-kwalità, ir-rilevanza, l-akkuratezza, iċ-ċarezza, il-puntwalità u l-koerenza tad-dejta u l-informazzjoni li jinnotifikaw lill-Kummissjoni.

1. L-Istati Membri, l-entità delegata tagħhom jew fejn xieraq il-korpi speċifiċi inkarigati bil-pjanijiet ta' investiment tal-UE speċifiċi għas-settur tal-enerġija għandhom jiżguraw il-kwalità, ir-rilevanza, l-akkuratezza, iċ-ċarezza, il-puntwalità u l-koerenza tad-data u l-informazzjoni li jinnotifikaw lill-Kummissjoni. Jekk l-informazzjoni ma tkunx ċara jew komprensiva biżżejjed, il-Kummissjoni tista' teżiġi li dawk il-korpi jipprovdu informazzjoni addizzjonali.

Ġustifikazzjoni

Fil-passat, ir-regolament preċedenti ma ġiex applikat b'mod korrett u l-Kummissjoni mhux dejjem kellha data konsistenti u kumparabbli. Jeħtieġ li jkun ċar li l-informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni tkun ċara u komprensiva, u jekk dan ma jkunx il-każ, il-Kummissjoni hija intitolata titlob kjarifiki.

Emenda                     47

Proposta għal regolament

Artikolu 6 - paragrafu 1 - subparagrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

F'każ ta' korpi inkarigati bil-pjanijiet ta' investiment tal-UE speċifiċi għas-settur tal-enerġija, id-dejta u l-informazzjoni nnotifikati għandhom ikunu akkumpanjati b'kummenti mill-Istati Membri dwar il-kwalità tad-dejta u l-informazzjoni miġbura.

F'każ ta' korpi speċifiċi inkarigati bil-pjanijiet ta' investiment tal-UE speċifiċi għas-settur tal-enerġija, id-data u l-informazzjoni nnotifikati għandhom ikunu akkumpanjati b'kummenti mill-Istati Membri dwar il-kwalità u r-rilevanza tad-data u l-informazzjoni miġbura.

Ġustifikazzjoni

L-Istati Membri, l-entità ddelegata minnhom jew fejn xieraq il-korpi fdati bil-pjanijiet ta’ investiment għas-settur tal-enerġija tal-UE għandhom jiggarantixxu mhux biss il-kwalità, iżda wkoll ir-rilevanza tad-data pprovduta.

Emenda  48

Proposta għal regolament

Artikolu 6 - paragrafu 2 - subparagrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2. Il-Kummissjoni tista' tippubblika dejta u informazzjoni skont dan ir-Regolament, b'mod partikolari fl-analiżijiet imsemmija fl-Artikolu 10(3), sakemm id-dejta u l-informazzjoni jiġu ppubblikati f'forma aggregata u ma jinkixef l-ebda dettall rigward l-impriżi.

2. Il-Kummissjoni għandha tippubblika data aggregata u informazzjoni skont dan ir-Regolament, b'mod partikolari fl-analiżijiet imsemmija fl-Artikolu 10(3), sakemm id-data u l-informazzjoni jiġu ppubblikati f'forma aggregata fil-livell nazzjonali jew reġjonali (b'mod partikolari fejn ikun hemm impriża waħda biss fi Stat Membru) u li ma jinkixef u li ma jkun jista' jiġi inferit l-ebda dettall rigward l-impriżi.

 

Pubblikazzjoni bħal din għandha ssir mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni rilevanti nazzjonali u tal-Unjoni Ewropew dwar l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni, b'mod partikolari l-informazzjoni ambjentali, l-informazzjoni dwar kumpanniji elenkati pubblikament jew l-informazzjoni dwar il-finanzjament pubbliku ta' proġetti ta' investiment.

.

 

 

 

 

 

Ġustifikazzjoni

L-iskop tal-emenda huwa li tallinja d-dispożizzjonijiet tar-Regolament mal-Konvenzjoni ta' Århus, u l-istrumenti rilevanti ta' implimentazzjoni fil-livell ta' KE u tal-Istati Membri, jiġifieri r-Regolament Århus u d-Direttiva dwar l-aċċess pubbliku għal informazzjoni ambjentali.

Emenda  49

Proposta għal regolament

Artikolu 6 - paragrafu 2 - subparagrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

L-Istati Membri jew l-entitajiet delegati tagħhom għandhom iħarsu l-kunfidenzjalità ta' dejta u informazzjoni sensittivi mil-lat kummerċjali.

L-Istati Membri jew l-entitajiet delegati tagħhom u l-Kummissjoni għandhom ikunu responsabbli għall-ħarsien tal-kunfidenzjalità ta' data u informazzjoni sensittivi mil-lat kummerċjali li jkunu fil-pussess tagħhom.

Ġustifikazzjoni

Jeħtieġ jiġi ċċarat min għandu r-responsabilità għall-ħarsien tal-kunfidenzjalità tad-data li jkollhom fil-pussess tagħhom.

Emenda  50

Proposta għal regolament

Artikolu 7

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, f'dak li għandu x'jaqsam b'mod partikolari mal-metodoloġiji ta' kalkolu li għandhom jintużaw, id-definizzjonijiet tekniċi, il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tan-notifika tad-dejta u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3.

Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. Miżuri tali għandhom jinkludu b'mod partikolari l-metodoloġiji ta' kalkolu li għandhom jintużaw, id-definizzjonijiet tekniċi, il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tan-notifika tad-data u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3, inkluża l-applikazzjoni tal-eżenzjoni skont l-Artikolu 3(2), u b'mod partikulari dispożizzjonijiet dwar l-iskeda tal-ħin u l-kontenut tan-notifiki u l-entitajiet li huma suġġetti għall-obbligi ta' rappurtar.

Ġustifikazzjoni

Biex jiġi evitat il-piż amministrattiv, jeħtieġ jiġi ċċarat kif għandha tiġi applikata l-eżenzjoni fil-każ ta' rappurtar doppju.

Emenda  51

Proposta għal regolament

Artikolu 8

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-iżvilupp, l-ilqugħ, il-ġestjoni u l-manutenzjoni tar-riżorsi tal-IT meħtieġa biex jiġi riċevut, jinħażen u jitwettaq kwalunkwe pproċessar tad-dejta jew informazzjoni nnotifikati lill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli, f'dak li għandu x'jaqsam mal-ippjanar, għall-iżvilupp, l-ilqugħ, il-ġestjoni u l-manutenzjoni tar-riżorsi tal-IT meħtieġa biex jiġi riċevut, jinħażen u jitwettaq kwalunkwe pproċessar tad-data jew informazzjoni dwar l-infrastruttura tal-enerġija nnotifikati lill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament.

Ġustifikazzjoni

L-iskop li għalih tkun se tiġi pproċessata din id-data għandu jiġi speċifikat.

Emenda  52

Proposta għal regolament

Artikolu 8 – paragrafu 1 a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Il-Kummissjoni għandha wkoll tiżgura li r-riżorsi tal-IT meħtieġa għall-iskopijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu jiggarantixxu l-kunfidenzjalità tad-data jew tal-informazzjoni nnotifikati lill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament.

Ġustifikazzjoni

Id-data u l-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni hi sensittiva ħafna għall-operaturi ekonomiċi u għaldaqstant, il-Kummissjoni trid tiżgura l-ogħla livell ta' kunfidenzjalità meta titratta din id-data jew informazzjoni.

Emenda  53

Proposta għal regolament

Artikolu 10 - paragrafu 1 - subparagrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Abbażi tad-dejta u l-informazzjoni mibgħuta u, jekk ikun xieraq, ta' kwalunkwe sors ta' dejta ieħor inkluż ix-xiri tad-dejta mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni għandha tipprovdi tal-anqas kull sentejn analiżi transsettorjali tal-evoluzzjoni strutturali u l-perspettivi tas-sistema tal-enerġija tal-UE b'mod partikolari bil-għan li:

1. Abbażi tad-data u l-informazzjoni mibgħuta u, jekk ikun xieraq, ta' kwalunkwe sors ta' data ieħor inkluż ix-xiri tad-data mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni għandha tipprovdi tal-anqas kull sentejn analiżi transsettorjali tal-evoluzzjoni strutturali u l-perspettivi tas-sistema tal-enerġija tal-UE b'mod partikolari bil-għan li:

(a) tidentifika nuqqasijiet futuri potenzjali ta' domanda u provvista tal-enerġija;

(a) tidentifika nuqqasijiet u/jew surplus futuri potenzjali ta' domanda u provvista tal-enerġija b'enfasi speċjali fuq id-defiċjenzi u d-difetti potenzjali fl-infrastruttura tal-produzzjoni u tat-trażmissjoni, b'mod partikolari dawk dovuti għall-fatt li l-infrastruttura tkun qdiemet;

(b) tidentifika ostakli għall-investiment u tippromwovi l-aqwa prattiki biex tindirizzahom;

(b) tidentifika l-evoluzzjoni tal-proġetti ta' investiment mid-data tan-notifika sal-implimentazzjoni, u b'mod partikolari l-iżvilupp ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli, filwaqt li tippromwovi l-aħjar prattiki biex ikunu indirizzati l-ostakli identifikati;

(c) iżżid it-trasparenza għall-parteċipanti fis-suq.

(c) iżżid it-trasparenza għall-parteċipanti fis-suq u għall-entranti potenzjali;

 

(ca) timmonitorja l-proġetti ta' investiment tal-UE f'pajjiżi terzi li jkollhom impatt fuq is-suq u s-sigurtà tal-enerġija tal-UE;

 

(cb) tidentifika r-riskju ta' dipendenza eċċessiva fuq infrastruttura waħda tal-enerġija, kif ukoll ir-riskji marbuta ma' konnessjonijiet ma' pajjiżi terzi;

 

(cc) tidentifika l-ħtiġijiet tal-investmenti għat-titjib tal-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija (pereżempju flussi inversi u interkonnetturi).

Ġustifikazzjoni

Id-data u l-informazzjoni miġbura jridu jintużaw b'mod partikolari biex jidentifikaw id-defiċjenzi rigward l-investimenti fl-infrastruttura, li jistgħu jxekklu l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-suq intern tal-enerġija kif ukoll id-Direttiva dwar l-enerġija rinnovabbli. L-istrument ta' notifika jrid jintuża bħala għodda ta' twissija bikrija dwar kwalunkwe defiċjenza fl-infrastruttura, li tipperikola l-implimentazzjoni b'suċċess ta' politika tal-enerġija komuni għall-UE.

Emenda  54

Proposta għal regolament

Artikolu 10 – paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2. Fit-tħejjija tal-analiżijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista' tiġi megħjuna minn esperti mill-Istati Membri u / jew kwalunkwe espert ieħor b'kompetenza speċifika fil-qasam konċernat.

2. Fit-tħejjija tal-analiżijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tikkoordina mal-korpi speċifiċi fdati bil-pjanijiet ta' investiment tal-UE għas-settur tal-enerġija u tista' tiġi megħjuna minn esperti mill-Istati Membri u / jew minn xi espert, grupp jew assoċjazzjoni oħra b'kompetenza speċifika fil-qasam konċernat.

Emenda  55

Proposta għal regolament

Artikolu 10 – paragrafu 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

3. Il-Kummissjoni tista' tiddiskuti l-analiżijiet mal-partijiet interessati. Għandha tibgħat l-analiżijiet imwettqa lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tippubblikahom.

3. Il-Kummissjoni għandha tiddiskuti l-analiżijiet mal-partijiet interessati. Għandha tibgħat l-analiżijiet imwettqa lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tippubblikahom.

Ġustifikazzjoni

L-eżerċizzju ta' notifika għandu jkollu skop politiku, b'mod partikolari li jħejji analiżi li tagħti kontribut għal dibattitu kontinwu fil-livell Ewropew dwar il-ħtiġijiet mil-lat ta' infrastruttura tal-enerġija. Għaldaqstant il-Kummissjoni għandha jkollha l-obbligu li tiddiskuti l-analiżijiet mal-partijiet interessati.

Emenda  56

Proposta għal regolament

Artikolu 10 – paragrafu 3 a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

3a. Il-Kummissjoni għandha, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-koerenza bejn id-diversi pubblikazzjonijiet relatati mal-monitoraġġ, tqis il-pjanijiet plurijennali ta' investiment fl-infrastruttura tal-enerġija mfassla mill-korpi speċjali stabbiliti b’konformità ma’ dispożizzjonijiet legali oħra, bħar-Regolament (KE) Nru 714/2009 dwar l-elettriku.

Ġustifikazzjoni

Biex tiżgura li kwalunkwe inkonsistenza fl-informazzjoni mogħtija tiġi kkoreġuta.

Emenda  57

Proposta għal regolament

Artikolu 11 – paragrafu 1 a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Sabiex titjieb il-kwalità tad-data, il-Kummissjoni, fit-twettiq tal-analiżijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu għandha teżamina, jekk ikun xieraq, il-limiti minimi stabbiliti fl-Anness, u tista' titlob lill-Istati Membri jispeċifikaw il-karatteristiċi prinċipali tal-infrastruttura jew tal-kapaċitajiet ippjanati jew li jkunu qed jinbnew.

Ġustifikazzjoni

Għandha tintalab lista bħala mudell li tinkludi l-karatteristiċi ewlenin tal-infrastrutturi jew kapaċitajiet ippjanati jew li qed jinbnew, billi dawn il-"karatteristiċi prinċipali" huma msemmija fl-Artikolu 5(1)(b) iżda mhux definiti; mill-banda l-oħra, ir-rekwiżit ta' mudell fir-regolament propost preżenti jnaqqas ir-ritmu tal-implimentazzjoni. (ara wkoll l-Opinjoni (TEN/411) tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew).

Emenda  58

Proposta għal regolament

Anness – punt 1 – punt -1.1 (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

-1.1. Produzzjoni

 

- Stallazzjonijiet ta' estrazzjoni b'kapaċità ta' mill-inqas 20 000 bbl kuljum;

Ġustifikazzjoni

Sabiex ikun hemm konformità mat-test tar-regolament propost kollu kemm hu .

Emenda  59

Proposta għal regolament

Anness – punt 1 – punt 1.2 – paragrafu -1 (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Proġetti bħal dawn jinkludu wkoll il-proġetti ta’ investiment għar-rijabilitazzjoni u t-tħaddim ta' sistemi ta' pajpijiet għat-trasport taż-żejt, l-implimentazzjoni ta' sistemi ta' ġbir u kontroll tad-data f'ħin reali u l-kostruzzjoni u l-implimentazzjoni ta’ sistemi li jżidu s-sigurtà tal-provvista taż-żejt.

 

 

Ġustifikazzjoni

Dawn il-proġetti għandhom jinkludu wkoll proġetti ta' investiment għar-rijabilitazzjoni u t-tħaddim ta' sistemi ta' pajpijiet għat-trasport taż-żejt, l-implimentazzjoni ta' sistemi ta' ġbir f'ħin reali u ta’ kontroll ta' data u l-kostruzzjoni u l-implimentazzjoni ta’ sistemi li jżidu s-sigurtà tal-provvista taż-żejt.

Emenda  60

Proposta għal regolament

Anness – punt 2 – punt -2.1 (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

-2.1. Produzzjoni

 

- Stallazzjonijiet ta' estrazzjoni b'kapaċità ta' mill-inqas 0.1 miljun ċentimetru kuljum;

Ġustifikazzjoni

Sabiex ikun hemm konformità mat-test tar-regolament propost kollu kemm hu .

Emenda  61

Proposta għal regolament

Anness – punt 2 – punt 2.1 – inċiż 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Sistemi ta' pajpijiet u proġetti ta' interess komuni identifikati fil-linji gwida skont l-Artikolu 155 tat-Trattat tal-KE.

Sistemi ta' pajpijiet li jikkostitwixxu ħolqiet essenzjali fin-netwerks u fis-sistemi ta' pajpijiet interkonnessi nazzjonali jew internazzjonali u proġetti ta' interess komuni identifikati fil-linji gwida stabbiliti skont l-Artikolu 155 tat-Trattat tal-KE u l-proġetti msemmija fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 663/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi programm li jgħin l-irkupru ekonomiku permezz tal-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja għal proġetti fil-qasam tal-enerġija1.

 

________________

1ĠU L 200, 31.7.2009, p. 31.

Ġustifikazzjoni

Konsultazzjoni mas-Servizz Legali tal-Parlament Ewropew.

Emenda  62

Proposta għal regolament

Anness – punt 2 – punt 2.2 (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2.2. Terminals LNG

2.2. LNG

Terminals għall-importazzjoni tal-gass naturali likwifikat.

Terminals għall-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-gass naturali likwifikat;

 

- Kapaċitajiet għar-rigassifikazzjoni u l-ħżin u l-likwifazzjoni.

Ġustifikazzjoni

L-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet għandhom ikunu koperti mir-regolament għal skopijiet ta' konsistenza.

Emenda  63

Proposta għal regolament

Anness – punt 2 – punt 2.3 – inċiż 1 a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

- Software u hardware tal-IT li jissorvelja u jirrappurta f’ħin reali l-istokkijiet tal-gass, lill-aġenziji kompetenti tal-UE.

Ġustifikazzjoni

Din is-sistema tal-IT hija investiment importanti fl-infrastruttura li hija neċessità biex jissaħħu u jittejbu l-isforzi biex ikun hemm sistema ta' twissija u ta' prevenzjoni li tiffunzjona tajjeb fil-qasam tas-Sigurtà tal-Gass għall-Enerġija. Dan jiżgura wkoll l-applikabilità tajba tal-programm N-1.

Emenda  64

Proposta għal regolament

Anness – punt 2 a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

2a. FAĦAM, LIGNITE U BLAT ŻEJTNI

 

- Minjieri fil-wiċċ tal-art ġodda jew estiżi bi produzzjoni annwali ta’ mhux inqas minn miljun tunnellata.

 

- Minjieri fil-fond ġodda jew estiżi bi produzzjoni annwali ta’ mhux inqas minn miljun tunnellata.

Ġustifikazzjoni

Il-faħam huwa msemmi fid-definizzjoni ta' “sorsi tal-enerġija”, għalhekk l-Anness għandu jinkludi wkoll kapitolu dwar l-infrastruttura tal-faħam.

Emenda  65

Proposta għal regolament

Anness – punt 3 – punt 3.1 – inċiż 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Farms tal-enerġija mir-riħ (b'kapaċità ta' 20 MW jew aktar għall-farms 'il barra mix-xtut jew b'kapaċità ta' 10 MW jew aktar għall-farms fuq ix-xtut);

Farms tal-enerġija mir-riħ (b'kapaċità ta' 20 MW jew aktar għall-farms 'il barra mix-xtut jew b'kapaċità ta' 5 MW jew aktar għall-farms fuq ix-xtut);

Ġustifikazzjoni

Il-limitu ta' 10 MW imsemmi mill-Kummissjoni għal farms tal-enerġija mir-riħ ikun kbir wisq biex wieħed jieħu stampa adegwata tal-iżvilupp ewlieni tal-enerġija tar-riħ fl-UE fl-aħħar snin (36% tal-kapaċità l-ġdida ta' ġenerazzjoni elettrika mibnija fl-UE fl-2008 kienet enerġija mir-riħ, perċentwal akbar mit-teknoloġiji l-oħra kollha). Strument li ma jkunx jista' jissorvelja parti tant sinifikanti tal-portafoll tal-ġenerazzjoni tal-enerġija mhux biss ma jkunx siewi, iżda jkun kontroproduttiv għal skopijiet tat-tfassil tal-politika.

Emenda  66

Proposta għal regolament

Anness – punt 3 – punt 3.1 – inċiż 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

- Stallazzjonijiet li jużaw l-enerġija termali mix-xemx, l-enerġija ġeotermali u dik fotovoltajka (ġeneraturi b'kapaċità ta' 10 MW jew aktar għal kull unità);

- Stallazzjonijiet li jużaw l-enerġija termali mix-xemx u l-enerġija ġeotermali (ġeneraturi b’kapaċità ta’ 10 MW jew aktar għal kull unità) u dik fotovoltajka (b’kapaċità ta’ 5 MW jew aktar);

Ġustifikazzjoni

Skond stimi approssimattivi, jekk il-limitu ta' 10 MW jinżamm, dan bażikament ifisser li inqas minn 10% tal-istallazzjonijiet fotovoltajċi jkunu koperti.

Emenda  67

Proposta għal regolament

Anness – punt 3 – punt 3.1 – inċiż 5

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

- Stallazzjonijiet ta' ġenerazzjoni tal-enerġija mill-bijomassa/skart (ġeneraturi b'kapaċità ta' 10 MW jew aktar għal kull unità);

- Stallazzjonijiet ta' ġenerazzjoni tal-enerġija mill-bijomassa/bijolikwidi/skart (ġeneraturi b'kapaċità ta' 5 MW jew aktar għal kull unità);

Emenda  68

Proposta għal regolament

Anness – punt 3 – punt 3.1 – inċiż 6 a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

- Stallazzjonijiet deċentralizzati għall-produzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli li huma konnessi ma’ netwerk tal-elettriku jew li jibbenefikaw minn kuntratt għax-xiri ma’ impriża b’kapaċità totali ta’ produzzjoni ta' aktar minn 10MW.

Emenda  69

Proposta għal regolament

Anness – punt 3 – punt 3.2 – inċiż 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Linji tat-trażmissjoni 'l fuq mil-livell tat-triq, jekk dawn ikunu ġew iddisinjati għal vultaġġ ta' 150 kV jew aktar;

- Linji tat-trażmissjoni 'l fuq mil-livell tat-triq, jekk dawn ikunu ġew iddisinjati għal vultaġġ ta' 100 kV jew aktar;

Ġustifikazzjoni

Il-vultaġġ attwali ta' 150 kV jista' jeskludi bosta linji ta' 110 kV ippjanati f'ċerti Stati Membri.

Emenda  70

Proposta għal regolament

Anness – punt 3 – punt 3.2 – inċiż 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Proġetti ta' interess komuni identifikati fil-linji gwida stabbiliti skont l-Artikolu 155 tat-Trattat tal-KE.

Proġetti ta' interess komuni identifikati fil-linji gwida stabbiliti skont l-Artikolu 155 tat-Trattat tal-KE u proġetti msemmija fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 663/2009.

 

 

Ġustifikazzjoni

Konsultazzjoni mas-Servizz Legali tal-Parlament Ewropew.

Emenda  71

Proposta għal regolament

Anness – punt 3 – punt 3.2 – inċiż 3 a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

- Netwerks ta’ tisħin distrettwali b’dijametru ta’ 300 mm jew aktar.

Ġustifikazzjoni

L-infrastrutturi tat-tisħin distrettwali huma ta' natura strateġika biex jintlaħqu l-għanijiet tal-2020 – effiċjenza ogħla u użu akbar ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli fis-swieq tat-tisħin u t-tkessiħ. Dawn l-infrastrutturi għandhom jissemmew fil-proposta.

Emenda  72

Proposta għal regolament

Anness – punt 3 – punt 3.2 a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

3.2a. Ħżin

 

- faċilitajiet ta’ ħżin tal-elettriku;

 

 

 

 

Emenda  73

Proposta għal regolament

Anness – punt 5 – punt 5.2 – paragrafu -1 (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Din it-taqsima tapplika wkoll għal proġetti ta' ħżin ġeoloġiku tad-diossidu tal-karbonju previst fir-Regolament (KE) Nru 663/2009.

 

 

Ġustifikazzjoni

Huwa importanti li din it-taqsima tapplika wkoll għal proġetti ta’ ħżin ġeoloġiku ta’ diossidu tal-karbonju, li hemm ipprovdut għalihom fir-Regolament li jistabbilixxi programm biex jgħin fl-irkupru ekonomiku billi tingħata għajnuna finanzjarja Komunitarja lil proġetti fil-qasam tal-enerġija .

NOTA SPJEGATTIVA

Memorandum ta' Spjegazzjoni

Sfond / Proposta tal-Kummissjoni

Din hi proposta għal Regolament tal-Kunsill (proċedura ta' Konsultazzjoni) bl-għan li jkun żgurat li l-Kummissjoni tkun infurmata b'mod preċiż u regolari dwar il-proġetti ta' investiment fl-infrastruttura tal-enerġija tal-UE, biex tkun tista' twettaq il-ħidma tagħha, b'mod partikolari l-kontribut tagħha lejn politika Ewropea tal-enerġija. Dan ir-regolament fil-fatt jieħu post regolament simili tal-1996 (li, minnu nnifsu, hu riformulazzjoni ta' regolament mill-1972). Ir-regolament imħassar hu meqjus li hu skadut, minħabba li ma jirriflettix il-bidliet importanti li seħħew sa mill-1996 fil-qasam tal-enerġija (it-tkabbir tal-UE u kwistjonijiet tas-sigurtà tal-provvista, enerġiji li jiġġeddu, il-politika dwar il-bidla fil-klima, rwol ġdid għall-UE fil-qasam tal-enerġija taħt it-Trattat ta' Lisbona).

Ir-Regolament jirrikjedi li, kull sentejn, l-Istati Membri (jew l-entità li jiddelegaw din il-ħidma lilha) jiġbru u jinnotifikaw data u informazzjoni dwar ċerti tipi (speċifikati f'anness tar-regolament) ta' proġetti ta' investiment dwar il-bini, il-modernizzazzjoni u d-dikummissjonar tal-kapaċitajiet ta' produzzjoni, trasport u ħżin (ippjanati jew li jkunu qed jitwettqu). Dawn ikopru ż-żejt, il-gass naturali, l-elettriku, il-bijofjuwil kif ukoll id-dijossidju tal-karbonju prodott minn dawn is-sorsi. Ir-regolament ipoġġi obbligu fuq l-impriżi tal-enerġija li jipprovdu d-data meħtieġa lill-istat membru tagħhom. Ir-regolament jisġeċifika wkoll il-kontenut tan-notifika (kapaċitajiet, post, skeda, teknoloġiji użata fl-interess tas-sigurtà tal-provvista, sistemi tal-qbid tal-karbonju jew mekkaniżmi ta' żieda ta' komponenti wara l-manifattura, kif ukoll kummenti dwar dewmien minħabba ostakoli fuq l-implimentazzjoni tal-proġetti).

Sabiex jiġi evitat rappurtar doppju, jekk in-notifiki tal-investimenti jkunu mitluba skont xi liġi oħra speċifika tal-UE, l-Istati Membri jkunu eżenti mill-obbligu li jinnotifikaw tali investimenti.

L-informazzjoni tibqa' kunfidenzjali, iżda l-Kummissjoni tkun tista' tiġġubblika data aggregata[1]. Il-Kummissjoni se tippubblika wkoll, kull sentejn, analiżi ta' setturi inkroċjati tal-evoluzzjoni u tal-perspettivi strutturali tas-sistema tal-enerġija tal-UE u ta' kwalunkwe analiżi speċifika oħra meħtieġa. Dan jippermetti l-identifikazzjoni ta' nuqqasijiet futuri potenzjali ta' domanda u provvista u ostakli għall-investiment. Dan ir-regolament għandu l-għan li jagħmel aktar trasparenti d-domanda maħsuba u l-provvista disponibbli (jew maħsuba).

B'dawn l-analiżijiet, il-Kummissjoni se tkun f'pożizzjoni aħjar sabiex tippromwovi l-aqwa prattika u tistabbilixxi aktar trasparenza għall-parteċipanti fis-suq. Sabiex jiġu żviluppati opinjonijiet komuni dwar dawn il-kwistjonijiet, ir-riżultati ta' dawn l-analiżijiet jiġu diskussi mal-partijiet interessati u jiġu ppubblikati.

Reviżjoni tar-regolament hi skedata ħames snin wara d-dħul fis-seħħ.

Pożizzjoni tar-Rapporteur

Ir-rapporteur iqis li din hija fil-fatt parti importanti mill-kwistjoni tal-politika tal-enerġija tal-UE. Ma nistgħux b'mod effettiv nippromwovu l-politika tal-enerġija Ewropea fil-livell Ewropew, mingħajr ma jkollna informazzjoni adegwata dwar l-infrastruttura tal-enerġija tagħna. Madankollu, huwa essenzjali li l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni tiġi żgurata li kwalunkwe proposti li jirriżultaw ikunu newtrali u ma jkunux internvent fis-suq mil-livell politiku. Barra minn hekk, ir-rekwiżiti ta' rappurtar għandhom ikunu faċli biex jiġu sodisfati, sabiex jiġi evitat kwalunkwe piż amministrattiv mhux meħtieġ fuq l-impriżi, u l-amministrazzjoni tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni.

Għaldaqstant, ir-rapporteur se jimmira li jiżgura li r-regolament ikun jista' jaħdem fil-prattika (minħabba li ħafna Stati Membri ma kinux konformi mal-obbligi ta' rappurtar taħt ir-regolament l-antik) u se jkun siewi kemm jista' jkun, filwaqt li jipprovdi l-aħjar veduta ġenerali possibbli tal-iżviluppi mistennija fl-infrastruttura tal-enerġija.

Punt proċedurali importanti hu li dan ir-Regolament għandu jkollu bħala bażi legali l-Artikolu 194 il-ġdid introdott mit-Trattat ta' Lisbona, li jsaħħaħ il-kompetenza tal-UE fil-qasam tal-politika tal-enerġija. Dan, imbagħad, jagħti lill-Parlament Ewropew poteri ta' kodeċiżjoni fuq il-leġiżlazzjoni (il-proċedura leġiżlattiva ordinarja skont it-Trattat ta' Lisbona).

L-emendi prinċipali l-oħra f'dan l-abbozz ta' rapport għandhom l-għan li:

- jiċċaraw it-tip ta' proġetti ta' investiment ppjanati li jridu jsiru rapporti dwaru, u l-istadju fl-iżvilupp tal-investiment meta jrid isir ir-rappurtar, sabiex jiġu evitati kwistjonijiet ta' kunfidenzjalità, tingħata stampa preċiża tal-iżviluppi mistennija, billi jiġu koperti proġetti li għalihom ikun hemm livell raġonevolment għoli ta' probabilità li jiġu kompluti.

- jiċċaraw id-definizzjonijiet u tal-kontenut tan-notifiki

- isaħħu d-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità tad-data li tiġi ppubblikata mill-Kummissjoni Ewropea

- inaqqsu l-piż tar-rappurtar, billi jirrikjedu li l-Kummissjoni tiċċara, permezz ta' att ta' implimentazzjoni, kif għandha tapplika din l-eżenzjoni mir-rappurtar doppju (meta r-rappurtar dwar proġetti ta' investiment hu mitlub taħt direttivi oħra), b'mod partikulari x'irid jiġi rappurtat, meta, minn min, lil min u f'liema format.

- itejbu s-siwi tal-analiżi magħmula mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-informazzjoni riċevuta, sabiex isservi bħala għodda ta' avviż bikri għad-defiċenzi fl-infrastruttura, li jipperikolaw l-implimentazzjoni b'suċċess ta' politika komuni tal-enerġija tal-UE.

- jinkludu l-kapaċitajiet għall-estrazzjoni / produzzjoni taż-żejt u tal-gass, minkejja li l-għadd tagħhom huwa żgħir u qiegħed jonqos fl-UE

- jinkludu l-obbligi tar-rappurtar dwar kapaċitajiet relatati mal-gass naturali likwifikat, li r-rapporteur iqis bħala importanti ħafna fil-ġejjieni biex tkun żgurata d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-gass tal-UE

- -ibaxxu l-limiti għar-rappurtar dwar kapaċitajiet ta' elettriku mir-riħ fuq l-art, minħabba li l-produzzjoni tal-enerġija dilokalizzata minn entitajiet iżgħar tista' ssir parti importanti tal-produzzjoni tal-enerġija fl-UE.

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI DWAR IL-BAŻI LEGALI

Is-Sur Herbert Reul

President

Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

BRUSSELL

Suġġett:           Opinjoni dwar il-bażi ġuridika tal-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar in-notifika lill-Kummissjoni ta' proġetti ta' investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fil-Komunità Ewropea u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 736/96 (COM(2009)0361 – C7‑0125/2009 – 2009/0106(CNS))

Sur President,

B'ittra tat-12 ta' Jannar 2010, inti kkonsultajt lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali skont l-Artikolu 37(2) tar-Regoli ta' Proċedura, sabiex jeżamina l-bażi ġuridika tal-proposta tal-Kummissjoni hawn fuq imsemmija.

Billi l-Kummissjoni ssuġġeriet[1] li l-bażijiet ġuridiċi ta' wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona għandhom ikunu l-Artikolu 337 TFUE flimkien mal-Artikolu 187 Euratom (li jikkorrispondu eżattament mal-bażijiet ġuridiċi ta' qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona proposti oriġinarjament: Artikolu 284 KE u Artikolu 187 Euratom), ir-rapporteur u membri oħra tal-Kumitat għall-Industrija ressqu emenda li l-għan tagħha huwa li tuża l-bażi ġuridika l-ġdida mogħtija mit-Trattat ta' Lisbona tal-Artikolu 194(2) TFUE minflok l-Artikolu 337 TFUE.

Il-kumitat eżamina l-kwistjoni msemmija hawn fil-laqgħa tiegħu tat-28 ta' Jannar 2010.

L-Artikoli 337 TFUE u 187 Euratom huma identiċi u jistabbilixxu dan li ġej:

"Biex twettaq il-kompiti fdati lilha, il-Kummissjoni tista' tiġbor kull tagħrif u tagħmel il-verifiki kollha meħtieġa fil-limiti u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza sempliċi, skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattati."

Dawk iż-żewġ artikoli[2] ntużaw bħala bażi ġuridika għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 736/96 trat-22 ta’ April 1996 dwar in-notifika lill-Kummissjoni ta' proġetti ta' investiment ta' interess Komunitarju fis-setturi taż-żejt, tal-gass naturali u tal-elettriku[3]. Il-proposta għal regolament f'eżami tħassar dak ir-regolament bil-għan li jintlaħqu l-objettivi b'mod iktar effiċjenti. Fil-memorandum ta' spjegazzjoni, il-Kummissjoni tabilħaqq tafferma li r-Regolament Nru 736/96 "ma jibqax jiġi inforzat b'mod konsistenti u adattat għall-evoluzzjonijiet l-aktar reċenti tas-settur tal-enerġija". Madankollu, ikun jidher li l-proposta għal regolament titqies bħala kontinwazzjoni tar-Regolament Nru 736/96 billi għandha l-ħsieb li "tirrevedi u ssaħħaħ aktar is-sistema stipulata" minn dak l-istrument. Jidher li minħabba din ir-raġuni l-Kummissjoni qiegħda tipproponi li żżomm l-istess bażi ġuridika.

It-Trattat ta' Lisbona fis-seħħ illum għandu titolu speċifiku (Titolu XXI) dwar l-Enerġija li fih l-Artikolu 194 jistipula dan li ġej:

Artikolu 194

1. Fil-kuntest tal-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern u b'kont meħud tal-ħtieġa ta' preservazzjoni u titjib tal-ambjent, il-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija għandha timmira li, fi spirtu ta' solidarjetà bejn l-Istati Membri:

a) tassigura l-funzjonament tas-suq tal-enerġija;

b) tassigura s-sigurtà tal-provvista tal-energija fl-Unjoni,

ċ) tippromwovi l-effiċjenza fl-enerġija u l-iffrankar fl-użu tal-enerġija kif ukoll l-iżvilupp ta' forom ta' enerġija ġodda u rinnovabbli; u

d) tippromwovi l-interkonnessjoni tan-netwerks tal-enerġija.

2. Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet oħra tat-Trattati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa għall-kisba tal-objettivi previsti fil-paragrafu 1. Dawn il-miżuri għandhom jiġu adottati wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u mal-Kumitat tar-Reġjuni.

Dawn m'għandhomx jolqtu d-dritt ta' Stat Membru li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-isfruttament tar-riżorsi ta' enerġija tiegħu, l-għażla tiegħu bejn riżorsi differenti ta' enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista ta' enerġija tiegħu, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 192(2)(c).

3. B'deroga mill-paragrafu 2, il-Kunsill, li jaġixxi skont il-proċedura leġiżlattiva speċjali, b'mod unanimu u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, għandu jistabbilixxi l-miżuri li huma previsti fih meta dawn ikunu essenzjalment ta' natura fiskali.

Ir-rikors għall-Artikolu 194 bħala bażi ġuridika għar-regolament propost jista' jkun ġustifikat sal-punt li l-istrument jikkonċerna n-"notifika lill-Kummissjoni ta' proġetti ta' investiment fl-infrastruttura tal-enerġija".

Il-Punt XVI tal-Anness VII tar-Regoli ta' Proċedura jistabbilixxi li l-mandat tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali jinkludu l-"interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Liġi Ewropea, għall-qbil tal-atti tal-Unjoni Ewropea mal-leġiżlazzjoni primarja, b'mod partikulari l-għażla tal-bażi legali ...". F'dan is-sens, bil-għan li jaġixxi skont il-mandat tiegħu f'każ li jiġi kkonsultat dwar kwistjoni ta' bażi ġuridika, il-kumitat għandu d-dmir li jiddetermina l-bażi ġuridika xierqa fid-dawl tat-Trattati mingħajr ma l-għażla tiegħu tkun limitata għall-bażijiet proposti mill-Kummissjoni u mill-kumitat kompetenti.

F'dan il-każ, jidher li minn qari tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li d-dispożizzjonijiet imniżżla fit-Titolu XVI dwar netwerks trans-Ewropej jistgħu japplikaw ukoll. Tabilħaqq, l-Artikolu 170 jistipula li "l-Unjoni għandha tagħti l-kontribut tagħha sabiex jiġu stabbiliti u jiġu żviluppati netwerks trans-Ewropej fl-oqsma tal-infrastrutturi tat-trasport, telekomunikazzjonijiet u enerġija".

B'hekk, il-kumitat għandu jiddetermina fuq liema bażi ġuridika minn fost dawn it-tlieta għandu jiġi adottat ir-regolament propost. Kull wieħed mit-tliet artikoli inkwistjoni huwa marbut mar-regolament propost. L-Artikolu 337[4] jirrigwarda l-ġbir ta' tagħrif mill-Kummissjoni (f'dan il-każ, tagħrif dwar proġetti ta' investiment fl-infrastruttura tal-enerġija). L-Artikolu 194 għandu x'jaqsam mal-politika fil-qasam tal-enerġija u l-Artikolu 170 mal-infrastrutturi, partikolarment fil-qasam tal-enerġija.

Minkejja s-sentenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja[5] li fiha ġie affermat li kien possibbli li żewġ bażijiet ġuridiċi li jirrigwardaw proċeduri differenti jiġu kkombinati, għandu jitqies li r-rikors għat-tali bażijiet ġuridiċi doppji għandu jikkostitwixxi l-eċċezzjoni, billi l-fehma konsolidata tal-Qorti hija li kombinazzjoni ta' bażijiet ġuridiċi ma' proċeduri inkompatibbli mhijiex possibbli[6]. F'dan is-sens, f'sentenza tal-2006[7], il-Qorti qieset li r-"rikors għall-bażi ġuridika doppja huwa eskluż meta l-proċeduri previsti għal kull waħda minn dawn il-bażijiet ġuridiċi huma inkompatibbli u/jew meta l-użu konġunt ta' bażijiet ġuridiċi huwa ta' natura li jista' jippreġudika d-drittijiet tal-Parlament".

Fil-każ tal-Artikolu 337, il-Kunsill jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Parlament. Bil-maqlub, kemm l-Artikolu 194 kif ukoll l-Artikolu 170 jipprevedu r-rikors għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja, fi kliem ieħor, il-kodeċiżjoni. B'konsegwenza ta' dan, mil-lat ġuridiku, filwaqt li l-Artikoli 194 u 170 jistgħu jintużaw flimkien, l-Artikolu ma jista' jiġi kkombinat mal-ebda artikolu minnhom.

I - Rifjut tal-Artikolu 337

Skont il-ġurisprudenza, l-għażla tal-bażi ġuridika għal miżura "ma tistax tiddependi biss mill-konvinzjoni ta' istituzzjoni"[8] iżda "għandha tkun ibbażata fuq fatturi oġġettivi li jista' jkollhom stħarriġ ġudizzjarju ... Dawk l-elementi jinkludu b'mod partikolari l-għan u l-kontenut tal-miżura"[9].

1. - Eżami tal-kontenut tal-miżura proposta

Għal dak li għandu x'jaqsam mal-kontenut, jidher assolutament ċar li n-notifika ta' informazzjoni (relatata mal-proġetti ta' investiment fl-infrastruttura) tikkostitwixxi l-element ewlieni tal-proposta, fid-dawl taż-żewġ titoli tal-artikoli u l-kontenut tagħhom.

F'dan is-sens, it-titolu tal-Artikolu 3 huwa, Notifika tad-data, tal-Artikolu 4, Sorsi tad-data, tal-Artikolu 6, Kwalità u pubbliċità tad-data, tal-Artikolu 8, Ipproċessar tad-data, u tal-Artikolu 9, Protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data.

Il-kontenut ta' dawk l-artikoli huwa ffukat fuq il-ġbir ta' informazzjoni kif stabbilit bl-Artikolu 337. L-Artikolu 1 jispeċifika li l-għan tar-regolament huwa li jistabbilixxi "qafas komuni għan-notifika lill-Kummissjoni ta' data u informazzjoni". L-Artikolu 3 jistipula li d-data u l-informazzjoni speċifikata fir-regolament għandhom jiġu kkompilati mill-bidu tal-2010 u kull sentejn minn dakinhar 'il quddiem. L-Artikolu 4 jagħmilha ċara li l-Istati Membri għandhom iġiegħlu lill-impriżi konċernati jfornu d-data, sakemm ma jużawx mezzi oħra biex jipprovduha. L-Artikolu 5 jelenka t-tip ta' data li għandha tiġi pprovduta fir-rigward tal-proġetti ta' investiment, bħad-"data probabbli tal-kummissjonar". L-Artikolu 6 jeħtieġ lill-Istati Membri jiżguraw il-kwalità, ir-rilevanza, l-akkuratezza, iċ-ċarezza, il-puntwalità u l-koerenza tad-data u l-informazzjoni li jinnotifikaw lill-Kummissjoni. Tissemma wkoll il-possibilità għall-Kummissjoni li tippubblika d-data u l-obbligu għall-Istati Membri biex "iħarsu l-kunfidenzjalità ta' data u informazzjoni sensittivi mil-lat kummerċjali". L-Artikoli 7 u 8 jawtorizzaw lill-Kummissjoni biex tadotta miżuri implimentattivi u jagħmluha responsabbli għall-iżvilupp tar-riżorsi tal-IT meħtieġa biex jiġi riċevut, jinħażen u jitwettaq kwalunkwe pproċessar tad-data. L-Artikolu 9 jittratta l-ipproċessar tad-data personali.

Madankollu, il-kwistjoni tal-enerġija tinsab ukoll fil-kontenut tar-regolament propost. L-Artikolu 3 jispeċifika li l-obbligu li d-data tiġi rrappurtata ma japplikax meta d-data diġà ġiet innotifikata "skont il-leġiżlazzjoni tal-UE speċifika għas-settur tal-enerġija". Barra minn hekk, mill-Artikolu 5 jidher ċar li r-regolament propost għandu x'jaqsam mas-settur tal-enerġija: huwa jirreferi, pereżempju, għat-"tip ta' sorsi ta' enerġija użat", "teknoloġiji ta' interess għal skopijiet ta' sigurtà tal-provvista" u "tagħmir tas-sistemi tal-qbid tal-karbonju". Fl-aħħar, l-Artikolu 10, Monitoraġġ u rappurtar, jiċċara l-għan tal-ġbir ta' din l-informazzjoni: l-iskop huwa li l-Kummissjoni tkun tista' twettaq "analiżi transsettorjali tal-evoluzzjoni strutturali u l-perspettivi tas-sistema tal-enerġija tal-UE". Kif jidher mill-formulazzjoni ta' dan l-artikolu, id-data sempliċement tikkostitwixxi l-mezzi meħtieġa biex jintlaħaq l-objettiv tal-Kummissjoni, billi huwa "abbażi ta' din id-data u l-informazzjoni" li l-Kummissjoni se jirnexxilha tidentifika "nuqqasijiet futuri potenzjali ta' domanda u provvista tal-enerġija", "ostakli għall-investiment u [tippromwovi] l-aqwa prattiki biex tindirizzahom" u żżid "it-trasparenza għall-parteċipanti fis-suq". Dawn l-artikoli jikkorrispondu għall-premessi 1 sa 5 u l-premessa 15, li jistabbilixxu qafas li fih għandu jsir il-ġbir tal-informazzjoni, jiġifieri l-"introduzzjoni ta' politika komuni dwar l-enerġija".

2. Eżami tal-għan tal-miżura proposta

(a)       Fid-dawl tat-termini ta' promulgazzjoni

Mill-Artikolu 10 jidher li l-iskop tar-regolament propost huwa dak li jħalli lill-Kummissjoni:

(a)       tidentifika nuqqasijiet futuri potenzjali ta' domanda u provvista tal-enerġija;

(b)       tidentifika ostakli għall-investiment u tippromwovi l-aqwa prattiki biex tindirizzahom;

(c)       iżżid it-trasparenza għall-parteċipanti fis-suq.

Dawk l-għanijiet huma bla dubju marbuta ma' dawk previsti mill-Artikolu 194 TFUE, billi dan jistabbilixxi li l-politika enerġetika tal-Unjoni għandha "tassigura l-funzjonament tas-suq tal-enerġija" (ara b) u ċ)). L-Artikolu 194 ikompli jistabbilixxi li l-politika tal-Unjoni għandha "tassigura s-sigurtà tal-provvista tal-energija fl-Unjoni", li ovvjament il-punt a) huwa maħsub li jippromwovi.

(b)       Fid-dawl tal-preambolu

Il-premessi jispjegaw ir-raġunijiet, il-ġustifikazzjoni, għall-att propost. L-ewwel waħda fosthom tirreferi għall-"introduzzjoni ta' politika komuni dwar l-enerġija". L-introduzzjoni ta' politika bħal din tirrappreżenta proġett fit-tul li għal ħafna żmien baqa' ħolma[10] u li ma ssarrafx f'realtà qabel l-introduzzjoni tat-Titolu XXI il-ġdid fit-TFUE bħala riżultat tat-Trattat ta' Lisbona. F'dan is-sens, il-premessa 1 tfakkar li l-introduzzjoni ta' politika komuni dwar l-enerġija hija "għan li l-Komunità stabbilietu hija stess". Min-naħa tagħha, il-premessa 2 tagħmel rabta diretta bejn il-politika dwar l-enerġija u r-regolament propost billi tistabbilixxi li "[w]aħda mill-karatteristiċi tat-tali politika hija li tinkiseb stampa ġenerali tal-iżvilupp tal-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fil-Komunità". Għaldaqstant jista' jingħad li l-ewwel żewġ premessi jqiegħdu r-regolament propost fil-qasam tal-politika komuni dwar l-enerġija.

Iktar fl-ispeċifiku, il-premessi li ġejjin għandhom il-ħsieb li juru l-mod kif il-ġbir tad-data dwar proġetti ta' investiment se jippermettu li jinkisbu ċerti objettivi speċifiċi tal-politika tal-Unjoni fir-rigward tal-enerġija, partikolarment is-"sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Komunità" (premessa 3) u l-funzjonament korrett tas-swieq enerġetiċi permezz ta' "aktar trasparenza" (premessa 5). Barra minn hekk, il-premessa 3 tistipula li ħarsa ġenerali tal-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija hija wkoll essenzjali għat-"tranżizzjoni lejn sistema ta' emissjonijiet baxxi tas-CO2". Qed jiġi osservat li l-Artikolu 194 isemmi li l-politika dwar l-enerġija għandha tirrispetta l-politika dwar l-ambjent u f'dan ir-rigward għandha tikkontribwixxi biex "tippromwovi l-effiċjenza fl-enerġija u l-iffrankar fl-użu tal-enerġija kif ukoll l-iżvilupp ta' forom ta' enerġija ġodda u rinnovabbli".

Fl-aħħar, il-premessa 6 tiddikjara li d-data għandha tkun għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni u "b'mod partikolari l-Osservatorju tas-Suq għall-Enerġija", li juri li l-ġbir tagħha huwa marbut b'mod li ma jistax jinħall mill-kwistjoni li magħha hija relatata, jiġifieri l-enerġija. Dik ir-rabta bejn il-ġbir tad-data u l-għan tagħha hija enfasizzata fid-Dikjarazzjoni Finanzjarja Leġiżlattiva annessa mal-proposta. Il-punt 5.2 tad-dikjarazzjoni msemmija jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-regolament "joħloq qafas ġdid li jgħaqqad ir-rappurtar mal-monitoraġġ (analiżi) tal-proġetti ta' investiment fl-infrastruttura tal-enerġija tal-UE".

Din l-analiżi tal-preambolu tal-proposta għal regolament f'termini tal-għanijiet tagħha twassal lil dak li jkun għall-konklużjoni li hija marbuta direttament mal-politika tal-Unjoni dwar l-enerġija.

(c) Għanijiet li jirriżultaw mid-dokumenti annessi mal-proposta

Huwa ċar, kemm mill-osservazzjonijiet fid-duttrina kif ukoll mid-diversi dokumenti tal-istituzzjonijiet, li llum, il-politika dwar l-enerġija tirrappreżenta objettiv essenzjali tal-Unjoni u ma tistax tibqa' titmexxa kif ġie ġie f'kull Stat Membru. Il-komunikazzjoni ta' informazzjoni f'dan il-qasam tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta' politika komuni dwar l-enerġija u għal avviċinament bejn l-Istati Membri f'dan is-settur. Il-komunikazzjoni tal-informazzjoni hija meħtieġa għall-iskopijiet ta' din il-politika l-ġdida. F'dan is-sens, jidher li jeħtieġ, fid-dawl tal-konsistenza, li r-regolament li joħloq "mezz ta' azzjoni" jinhemeż mal-Artikolu 194, li jagħti lill-Unjoni s-setgħa li taġixxi biex tilħaq l-għanijiet varji li stabbiliet għaliha fl-isfera enerġetika.

Il-memorandum ta' spjegazzjoni jikkonferma biss l-impressjoni li r-regolament għandu jitqiegħed fi ħdan il-qafas tal-politika dwar l-enerġija. Huwa jagħmilha ċara li l-kuntest huwa "politika l-ġdida dwar l-enerġija" u li "[d]in il-proposta hija konsistenti mal-għanijiet tal-Unjoni [u] konsistenti mal-politika dwar il-klima u l-enerġija". F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni ssemmi wkoll il-Pjan ta' Azzjoni 2007-09 tal-Kunsill Ewropew dwar Politika dwar l-Enerġija għall-Ewropa. Dak il-pjan diġà ppreveda, għall-iskopijiet tat-twettiq ta' dik il-politika l-ġdida, l-identifikazzjoni tal-investiment meħtieġ biex jiġu ssodisfati l-bżonnijiet strateġiċi tal-UE u eżami mill-ġdid tal-infrastrutturi tal-provvista, li fiha r-regolament propost se jkollu sehem sħiħ.

II. Konklużjoni

Issa jeħtieġ li tiġi stabbilita prijorità bejn iż-żewġ punti prinċipali tal-proposta għal regolament, skont jekk titqiesx mil-lat tal-kontenut tagħha (ġbir ta' informazzjoni) jew mill-għanijiet tagħha (suq enerġetiku u sigurtà enerġetika).

L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 337 jinsab fis-Seba' Parti tat-TFUE "Dispożizzjonijiet Ġenerali u Finali". Jista' jitqies li jixbah lill-Artikolu 352 billi huwa speċi ta' "klawżola ta' flessibilità"[11] u jista' jintuża biss biex jagħmel tajjeb għan-nuqqas ta' setgħat ta' azzjoni mogħtija espressament jew impliċitament lill-istituzzjonijiet Komunitarji minn dispożizzjonijiet speċifiċi tat-TFUE billi madankollu t-tali setgħat jidhru meħtieġa biex il-Komunità tkun tista' teżerċita l-funzjonijiet tagħha bil-għan li tilħaq wieħed mill-objettivi stabbiliti bit-trattat. F'dan il-każ, minkejja li l-Artikolu 337 isemmi l-ġbir ta' informazzjoni filwaqt li l-Artikolu 194 le, jidher li l-ġbir ta' informazzjoni huwa madankollu inkluż fost l-attribuzzjonijiet tal-Unjoni stabbiliti bl-Artikolu 194 billi dik l-informazzjoni tikkontribwixxi biex jinkisbu l-objettivi li l-Unjoni stabbiliet għaliha b'rabta mal-politika dwar l-enerġija.

It-tieni nett, wara jiġi kkunsidrat il-fatt li l-Artikolu 337 jinsab fost id-"dispożizzjonijiet ġenerali u finali", huwa possibbli li noqogħdu fuq il-prinċipju lex specialis derogat[12], jiġifieri li norma speċifika tipprevali fuq waħda ġenerali.

Fl-aħħar nett, f'każ li jippersisti xi dubju, jista' jinsilet argument pertinenti mis-sentenza tal-Qorti fil-kawża C-176-03 Kummissjoni u Parlament v Kunsill[13]. F'dik is-sentenza, il-Qorti kellha tiddeċiedi dwar il-bażi ġuridika t-tajba għal Deċiżjoni-qafas tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali. Billi l-Kunsill ibbaża l-istrument fuq artikoli dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali li jaqgħu taħt it-tielet pilastru, il-Kummissjoni, appoġġata mill-Parlament Ewropew, ikkontestat il-bażi ġuridika minħabba li l-materja taqa' fl-ambitu tal-kompetenza tal-Komunità. Il-Kummissjoni argumentat li "[l]-armonizzazzjoni tal-liġijiet kriminali nazzjonali, b'mod partikolari tal-elementi li jikkostitwixxu reati kontra l-ambjent u punibbli b'pieni kriminali, titqies bħala strument għall-benefiċċju tal-politika Komunitarja in kwistjoni"[14]. Il-Qorti l-ewwel ġibdet l-attenzjoni għall-fatt li l-protezzjoni tal-ambjent tikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet essenzjali tal-Komunità[15] u li azzjoni f'dik l-isfera inevitabbilment timplika l-intervent tal-istituzzjonijiet Komunitarji f'oqsma bħall-politika tal-enerġija u l-politika fiskali. Sussegwentement, wara li stabbiliet li l-kontenut tad-deċiżjoni-qafas kien prinċipalment relatat mal-liġi kriminali, il-Qorti sostniet li:

"din l-aħħar konstatazzjoni ma tistax timpedixxi lil-leġiżlatur Komunitarju, meta l-applikazzjoni ta' pieni kriminali [...] mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tikkostitwixxi miżura indispensabbli għall-ġlieda kontra l-abbużi gravi tal-ambjent, milli jieħu miżuri in relazzjoni mal-liġi kriminali tal-Istati Membri u li huwa jidhirlu li jkunu meħtieġa sabiex tiġi garantita l-effettività sħiħa tar-regoli li huwa jadotta fir-rigward tal-protezzjoni tal-ambjent"[16].

Għaldaqstant jidher li meta l-miżuri jkunu essenzjali biex jinkiseb objettiv partikolari, il-Qorti se tagħżel bażi ġuridika relatata ma' dak l-objettiv, u b'hekk tagħti preferenza għall-objettiv l-aktar remot (il-protezzjoni tal-ambjent) minn wieħed aktar immedjat (l-armonizzazzjoni tal-liġi kriminali).[17]

Fil-każ inkwistjoni, għalhekk, ġaladarba jiġi stabbilit li mill-proposta għal regolament jidher li l-ġbir ta' informazzjoni huwa essenzjali biex tinħoloq stampa ġenerali tas-suq enerġetiku u b'hekk jintlaħqu l-objettivi stabbiliti mit-Trattat fl-Artikolu 194, jista' jiġi konkluż li l-bażi ġuridika għall-enerġija (jiġifieri dak l-artikolu) għandha tipprevali fuq l-Artikolu 337, iktar u iktar jekk din mhijiex kwistjoni li ġġiegħel titolu speċifiku jipprevali fuq ieħor, iżda dispożizzjoni li tinsab f'titolu speċifiku fuq dispożizzjoni ġenerali u finali.

Ġaladarba tiġi stabbilita l-prevalenza tar-relazzjoni mal-enerġija, jeħtieġ ukoll li jitqies jekk in-natura speċifika tal-qasam li miegħu tkun relatata n-notifika ta' informazzjoni, jiġifieri "proġetti ta' investiment fl-infrastruttura tal-enerġija", teħtieġx rikors għal bażi ġuridika iktar speċifika, jiġifieri l-Artikoli 170 u 171 TFUE dwar in-netwerks trans-Ewropej. Skont l-Artikolu 170, l-Unjoni "għandha tagħti l-kontribut tagħha sabiex jiġu stabbiliti u jiġu żviluppati netwerks trans-Ewropej" partikolarment fil-qasam tal-infrastrutturi tal-enerġija. Bil-għan li jinkiseb dak l-objettiv, l-Unjoni tista' "tappoġġa proġetti ta' interess komuni li jkunu mogħtija sostenn mill-Istati Membri" (Artikolu 171, it-tielet inċiż) u għandha tistabbilixxi "sensiela ta' linji gwida dwar il-miri, prijoritatjiet u l-linji ġenerali tal-miżuri kontemplati fl-isfera tan-netwerks trans-Ewropej" (Artikolu 171, l-ewwel inċiż). Dan jista' jkopri l-ġbir, l-analiżi u n-notifika tal-informazzjoni.

Madankollu, il-kwistjonijiet ewlenin ittrattati fl-ambitu tat-titolu dwar in-netwerks trans-Ewropej huma l-interoperabilità u l-appoġġ tal-Kummissjoni għal proġetti komuni. B'kuntrast, skont il-proposta għal regolament f'eżami, il-Kummissjoni għandha tiġbor l-informazzjoni dwar il-proġetti nazzjonali fl-infrastruttura bil-għan li jkollha stampa aħjar tat-totalità tas-suq enerġetiku Ewropew. Il-ġbir ta' informazzjoni previst fir-regolament propost imur lil hinn mit-"trans-Ewropew" billi jkopri l-investimenti kollha, inklużi dawk nazzjonali, filwaqt li r-regolament fis-seħħ ikopri biss, ngħidu aħna, netwerks transkonfinali tal-gass[18].

Naturalment, jista' jkun li l-Kummissjoni se taġixxi speċifikament fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej wara l-analiżi tagħha tad-data miġbura. Madankollu l-għan tagħha mhuwiex dak li taġixxi fil-livell ta' netwerks trans-Ewropej, iżda li sempliċement tevalwa liema azzjoni, fid-dawl tal-proġetti ta' investiment fil-qasam tal-enerġija, għandha tieħu l-Unjoni biex tegħleb kwalunkwe diffikultà. F'dan is-sens, fil-memorandum ta' spjegazzjoni jissemma li r-regolament huwa konsistenti mal-objettivi tal-Unjoni, jiġifieri "l-istabbiliment ta' suq intern" u "l-iżvilupp sostenibbli tal-Ewropa abbażi ta' tkabbir ekonomiku bilanċjat u stabbiltà tal-prezzijiet. Il-proposta hija wkoll konsistenti mal-politika dwar il-klima u l-enerġija, li wieħed mill-pilastri tagħha huwa s-sigurtà fil-provvista tal-enerġija". Barra minn hekk, il-premessa 1 tirreferi għal politika komuni dwar l-enerġija u l-premessa 2 tispjega li l-kisba ta' stampa ġenerali tal-iżvilupp tal-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fil-Komunità hija waħda mill-karatteristiċi ta' din il-politika. Konsegwentement, jidher li, minkejja li r-regolament propost japplika b'mod speċifiku għall-infrastrutturi tal-enerġija, għandu jitqiegħed fil-kuntest ta' politika komuni dwar l-enerġija prevista fl-Artikolu 194 TFUE. Dak l-artikolu jkopri l-aspetti kollha tar-regolament propost billi jinkludi kemm l-"interkonnessjoni tan-netwerks tal-enerġija" kif ukoll is-suq, is-sigurtà u l-effiċjenza enerġetika.

III. Rakkomandazzjoni

Fil-laqgħa tiegħu tat-28 ta' Jannar 2010, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali għaldaqstant iddeċieda, b’19-il vot favur u mingħajr astensjonijiet[19], li jirrakkomanda li: il-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar in-notifika lill-Kummissjoni ta' proġetti ta' investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fil-Komunità Ewropea u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 736/96 għandha tiġi adottata abbażi tal-Artikolu 194 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Dejjem tiegħek,

Klaus-Heiner Lehne

  • [1]  Fil-komunikazzjoni tagħha, "Konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona dwar il-proċeduri interistituzzjonali ta' teħid ta' deċiżjonijiet li għaddejjin bħalissa" (COM(2009)665).
  • [2]  Fil-fatt, dak iż-żmien l-Artikolu 284 KE kien innumerat 213.
  • [3]  ĠU L 102, 25.4.1996, p. 1.
  • [4]  ex Artikolu 284 KE.
  • [5]  Sentenza tat-3 ta' Settembru 2009 fil-kawża C-166/07 Parlament v. Kunsill, għadha ma ġietx irrapportata fil-Ġabra.
  • [6]  Ara, pereżempju, il-kawża C-164/97 Parlament v. Kunsill [1999] Ġabra I-1139, f'paragrafu 14.
  • [7]  Kawża C-178/03, Kummissjoni v. Parlament u Kunsill [2006] Ġabra I-107, f'paragrafu 57.
  • [8]  Kawża 45/86 Kummissjoni v. Kunsill ("Preferenzi Tariffarji Ġeneralizzati") [1987] Ġabra 1493, f'paragrafu 11. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
  • [9]  Kawża C-300/89 Kummissjoni v Kunsill ("Diossidu tat-Titanju") [1991] Ġabra I-2867, f'paragrafu 10. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
  • [10]  Ara Yves Petit, "A la recherche de la politique européenne de l'énergie", Revue trimestrielle de droit européen, Pariġi, Dalloz, 2006, v. 42, n. 4, f'pp. 593-620.
  • [11]  B'rabta ma' dan, ara l-osservazzjoni dwar l-Artikolu 284 KE ta' Böse – EU Kommentar – punt V, f'p. 2048.
  • [12]  Ara Bertrand Peter, "La base juridique des actes en droit communautaire", Revue du marché commun et de l'Union européenne, 1991, Editions techniques et économiques, Nru 378, Mejju 1994, p. 335.
  • [13]  [2005] Ġabra I-7879.
  • [14]  Ibid., para. 19.
  • [15]  Ibid., para. 41.
  • [16]  Ibid., f'para. 48.
  • [17]  Ara Hubert Haenel – Communication sur les propositions de directives établissant des sanctions pénales – Sénat (France), laqgħa tas-17 ta' Lulju 2007.
  • [18]  Ara l-Valutazzjoni tal-Impatt, SEC(2009)971 finali, f'p. 6.
  • [19]  Dawn li ġejjin kienu preżenti għall-votazzjoni finali: Klaus-Heiner Lehne (President), Sebastian Valentin Bodu (Viċi President), Evelyn Regner (Viċi President), Marielle Gallo, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Antonio Masip Hidalgo, Bernhard Rapkay, Alexandra Thein, Diana Wallis, Cecilia Wikström, Christian Engström, Zbigniew Ziobro, Jiří Maštálka, Francesco Enrico Speroni, Piotr Borys, Vytautas Landsbergis, Kurt Lechner (Rapporteur), Arlene McCarthy, Sajjad Karim.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (29.1.2010)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar in-notifika lill-Kummissjoni ta' proġetti ta' investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fil-Komunità Ewropea u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 736/96
(COM(2009)0361 – C7‑0125/2009 – 2009/0106(CNS))

Rapporteur għal opinjoni: Mario Pirillo

ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

Il-proposta mill-Kummissjoni hija li tiġi riveduta s-sistema attwali tan-notifika ta' proġetti ta' investiment fl-enerġija: għandha l-għan li tiġbor informazzjoni xierqa dwar investimenti ppjanati sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tissorvelja s-sitwazzjoni tal-infrastruttura u tipprevedi problemi potenzjali.

Minkejja l-fatt li l-proposta hija ta' tip pjuttost amministrattiv, din tagħti idea dwar in-natura u l-kwalitajiet mistennija ta' investimenti futuri. Għalhekk, huwa importanti li ssir iktar enfasi fuq l-impatt ambjentali tal-proġetti sabiex jingħataw garanziji u iktar inċentivi għall-bini u d-dekummissjonar tal-infrastruttura tal-enerġija b'mod sostenibbli, u bir-rispett dovut għall-ambjent.

Għalhekk, ir-rapporteur għal opinjoni jirrakkomanda l-emenda tal-proposta kif ġej:

§ Għandha tingħata attenzjoni xierqa lill-impatt ambjentali tal-proġetti proposti sabiex ikun żgurat li s-sistema ta' enerġija tiġi żviluppata b'mod sostenibbli. Proġetti ta' investiment għandhom jiġu akkumpanjati minn valutazzjoni tal-impatt ambjentali xieraq kif meħtieġ, fost oħrajn, mid-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE dwar l-istima tal-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent[1].

§ Infrastruttura tista' tiġi dekummissjonata f'fażijiet, billi ftit ftit jonqsu l-kapaċitajiet ta' produzzjoni. F'dak il-każ għandhom jintbagħtu mhux biss id-data tal-għeluq finali, iżda wkoll id-dati interim tal-eliminazzjoni gradwali.

§ Meta infrastruttura ma tibqax tintuża, tista' tkun meħtieġa r-rijabilitazzjoni ambjentali tas-sit biex jiġu evitati t-tniġġiż u l-kontaminazzjoni. Għalhekk, kull meta jkun xieraq u meħtieġ minn leġiżlazzjoni speċifika, in-notifika għandha tipprovdi wkoll informazzjoni dwar il-miżuri ta' rijabilitazzjoni ppjanati.

§ Sabiex jiġi evitat li jinbnew ħafna iktar stallazzjonijiet tal-ħżin tad-diossidu tal-karbonju ftit taħt il-limitu, l-istallazzjonijiet tal-ħżin tad-diossidu tal-karbonju kollha għandhom jiġu notifikati irrispettivament mill-kapaċità tagħhom.

F'termini iktar ġenerali, ir-rapporteur għal opinjoni jinnota li l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE diġà timponi obbligi ta' rappurtar u notifika b'relazzjoni mal-investiment u l-infrastruttura. Għandu jkun żgurat li l-użu ta' informazzjoni bħal din tiġi kkoordinata aħjar sabiex tkun tista' tiġi evitata r-ripetizzjoni tal-obbligi ta' rappurtar.

EMENDI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora l-emendi li ġejjin fir-rapport tiegħu:

Emenda  1

Proposta għal regolament

Premessa 5

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(5) Minħabba l-għanijiet politiċi ġodda u l-iżviluppi tas-suq, l-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fil-Komunità għandu jingħata aktar attenzjoni, b'mod partikolari bil-għan li jiġu antiċipati l-problemi, jiġu promossi l-aqwa prattiki u tiġi stabbilita aktar trasparenza fl-iżvilupp futur tas-sistema tal-enerġija fil-Komunità.

(5) Minħabba l-għanijiet politiċi ġodda u l-iżviluppi tas-suq, l-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fil-Komunità għandu jingħata aktar attenzjoni, b'mod partikolari bil-għan li jiġu antiċipati l-problemi, jiġu promossi l-aqwa prattiki u tiġi stabbilita aktar trasparenza fl-iżvilupp futur tas-sistema tal-enerġija fil-Komunità. Għandha tingħata l-attenzjoni xierqa lill-impatt ambjentali tal-proġetti proposti sabiex ikun żgurat li s-sistema ta' enerġija tiġi żviluppata b'mod sostenibbli. Fejn ikun rikjest minn leġiżlazzjoni speċifika, il-proġetti ta' investiment għandhom jiġu akkumpanjati minn valutazzjoni tal-impatt ambjentali, u għandhom jiġu kkonsultati wkoll il-miżuri ppjanati għar-rijabilitazzjoni ambjentali.

Emenda  2

Proposta għal regolament

Artikolu 5 - paragrafu 1 - punt f a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(fa) referenza għall-valutazzjoni tal-impatt ambjentali tal-proġett ta' investiment, fejn valutazzjoni tal-impatt ta' dan it-tip hija meħtieġa mil-leġiżlazzjoni speċifika.

Emenda  3

Proposta għal regolament

Artikolu 5 - paragrafu 2 - punt b

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(b) id-data probabbli tad-dekummissjonar.

(b) id-data probabbli tad-dekummissjonar inkluż, fejn hu applikabbli, dati interim għall-eliminazzjoni gradwali tat-tħaddim tal-infrastruttura;

Emenda  4

Proposta għal regolament

Artikolu 5 - paragrafu 2 - punt b a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(ba) referenza għall-valutazzjoni tal-impatt ambjentali tal-proġett ta' dekummissjonar, meta valutazzjoni tal-impatt ta' dan it-tip tkun meħtieġa mil-leġiżlazzjoni speċifika;

Emenda  5

Proposta għal regolament

Artikolu 5 - paragrafu 2 - punt b b (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(bb) il-lista ta' miżuri ppjanati għar-rijabilitazzjoni ambjentali, meta rijabilitazzjoni ta' dan it-tip tkun meħtieġa mil-leġiżlazzjoni speċifika.

Emenda          6

Proposta għal regolament

Artikolu 6 - paragrafu 2 - subparagrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

L-Istati Membri jew l-entitajiet delegati tagħhom għandhom iħarsu l-kunfidenzjalità ta' dejta u informazzjoni sensittivi mil-lat kummerċjali.

L-Istati Membri jew l-entitajiet delegati tagħhom għandhom iħarsu l-kunfidenzjalità ta' data u informazzjoni sensittivi mil-lat kummerċjali bi qbil mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali1.

 

1 ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26.

Ġustifikazzjoni

L-għan ta’ din l-emenda hu li tallinja d-dispożizzjonijiet tar-Regolament mad-Direttiva dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u l-Konvenzjoni ta’ Århus.

Emenda          7

Proposta għal regolament

Anness - punt 3.2 a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

3.2a. Ħżin

- Faċilitajiet ta’ ħżin tal-elettriku;

- Faċilitajiet ta’ ħżin ta’ skart radjoattiv.

PROĊEDURA

Titolu

Proġetti ta’ investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fil-Komunità Ewropea

Referenzi

COM(2009)0361 – C7-0125/2009 – 2009/0106(CNS)

Kumitat responsabbli

ITRE

Opinjoni(jiet) mogħtija minn

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ENVI

14.9.2009

 

 

 

Rapporteur għal opinjoni

       Data tal-ħatra

Mario Pirillo

9.9.2009

 

 

Eżami fil-kumitat

4.11.2009

 

 

 

Data tal-adozzjoni

27.1.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

56

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

János Áder, Elena Oana Antonescu, Kriton Arsenis, Pilar Ayuso, Paolo Bartolozzi, Sandrine Bélier, Sergio Berlato, Milan Cabrnoch, Martin Callanan, Nessa Childers, Chris Davies, Bairbre de Brún, Esther de Lange, Bas Eickhout, Edite Estrela, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Françoise Grossetête, Cristina Gutiérrez-Cortines, Satu Hassi, Jolanta Emilia Hibner, Karin Kadenbach, Christa Klaß, Jo Leinen, Corinne Lepage, Peter Liese, Kartika Tamara Liotard, Linda McAvan, Radvilė Morkūnaitė-Mikulėnienė, Miroslav Ouzký, Vladko Todorov Panayotov, Antonyia Parvanova, Andres Perello Rodriguez, Sirpa Pietikäinen, Mario Pirillo, Pavel Poc, Vittorio Prodi, Oreste Rossi, Dagmar Roth-Behrendt, Carl Schlyter, Horst Schnellhardt, Richard Seeber, Theodoros Skylakakis, Renate Sommer, Bogusław Sonik, Catherine Soullie, Salvatore Tatarella, Åsa Westlund, Glenis Willmott, Sabine Wils, Marina Yannakoudakis

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Cristian Silviu Buşoi, Bill Newton Dunn, Crescenzio Rivellini, Struan Stevenson, Michail Tremopoulos, Anna Záborská

  • [1]  ĠU L 175, 5.7.1985, p. 40.; kif emendata

PROĊEDURA

Titolu

Proġetti ta’ investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fil-Komunità Ewropea

Referenzi

COM(2009)0361 – C7-0125/2009 – 2009/0106(CNS)

Data meta ġie kkonsultat il-PE

4.9.2009

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ITRE

14.9.2009

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ENVI

14.9.2009

 

 

 

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Adina-Ioana Vălean

16.9.2009

 

 

Bażi legali kkontestata

       Data tal-opinjoni tal-JURI

JURI

28.1.2010

 

 

 

Eżami fil-kumitat

6.10.2009

3.12.2009

28.1.2010

 

Data tal-adozzjoni

4.2.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

47

0

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Pierre Audy, Zoltán Balczó, Bendt Bendtsen, Reinhard Bütikofer, Maria Da Graça Carvalho, Jorgo Chatzimarkakis, Giles Chichester, Pilar del Castillo Vera, Lena Ek, Ioan Enciu, Adam Gierek, Norbert Glante, Fiona Hall, Jacky Hénin, Edit Herczog, Arturs Krišjānis Kariņš, Lena Kolarska-Bobińska, Philippe Lamberts, Bogdan Kazimierz Marcinkiewicz, Judith A. Merkies, Angelika Niebler, Jaroslav Paška, Miloslav Ransdorf, Herbert Reul, Teresa Riera Madurell, Paul Rübig, Francisco Sosa Wagner, Konrad Szymański, Evžen Tošenovský, Ioannis A. Tsoukalas, Claude Turmes, Marita Ulvskog, Vladimir Urutchev, Adina-Ioana Vălean, Kathleen Van Brempt, Alejo Vidal-Quadras, Henri Weber

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Lara Comi, António Fernando Correia De Campos, Ilda Figueiredo, Françoise Grossetête, Ivailo Kalfin, Paweł Robert Kowal, Werner Langen, Marian-Jean Marinescu, Vladko Todorov Panayotov, Peter Skinner, Hannu Takkula, Silvia-Adriana Ţicău, Hermann Winkler