RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda

3.6.2010 - (COM(2010)0216 – C7‑0115/2010 – 2010/2066(BUD))

Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Barbara Matera

Proċedura : 2010/2066(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0180/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda

(COM(2010)0216 – C7‑0115/2010 – 2010/2066(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2010)0216 – C7‑0115/2010),

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda[1] (IIA tas-17 ta’ Mejju 2006), u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2],

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0180/2010),

A. billi l-Unjoni Ewropea stabbiliet l-istrumenti leġiżlattivi u baġitarji xierqa biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jbatu mill-konsegwenzi ta’ bidliet strutturali ewlenin fir-ritmi tal-kummerċ dinji u biex tgħin l-integrazzjoni tagħhom mill-ġdid fis-suq tax-xogħol,

B.  billi l-għan tal-FEAG ġie mwessa’ għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi sostenn lill-ħaddiema li jitilfu l-impjieg bħala riżultat dirett tal-kriżi globali finanzjarja u ekonomika,

C. billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun waħda dinamika u li tkun disponibbli b'mod effiċjenti u malajr kemm jista' jkun, b'konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni li ġiet adottata matul il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u filwaqt li jiġi kkunsidrat kif xieraq il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 fir-rigward tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet biex jiġi mmobilizzat il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni,

D. billi Spanja talbet għajnuna fir-rigward tal-każijiet li jikkonċernaw 2 425 ruħ minn 181 intrapriża, wara li dawn sfaw qiegħda, fis-settur NACE Reviżjoni 2 diviżjoni 23 ("Manifattura ta' prodotti minerali mhux metalliċi oħrajn") fir-reġjun NUTS II tal-Comunidad Valenciana[3],

E.  billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni,

1.  Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti biex jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni;

2.  Ifakkar fl-impenn tal-istituzzjonijiet li jiżguraw proċedura bla xkiel u mgħaġġla għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, filwaqt li jingħata appoġġ individwali ta' darba u limitat fiż-żmien bħala għajnuna lill-ħaddiema li sfaw issensjati bħala riżultat tal-globalizzazzjoni u l-kriżi finanzjarja u ekonomika; jenfasizza li l-FEAG jista' jkollu rwol kruċjali fl-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol tal-ħaddiema li tilfu xogħolhom;

3.  Jisħaq fuq il-fatt li, b'konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament FEAG, għandu jkun żgurat li l-FEAG jappoġġja l-integrazzjoni mill-ġdid fl-impjieg tal-ħaddiema individwali li tilfu xogħolhom; itenni li l-għajnuna mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni ma għandhiex tieħu post l-azzjonijiet li huma r-responsabilità tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas ma għandha tieħu post il-miżuri għar-ristrutturazzjoni ta' kumpaniji jew setturi;

4.  Jinnota li l-informazzjoni pprovduta fil-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati li għandhom jiġu ffinanzjati mill-FEAG tinkludi tagħrif dettaljat dwar il-komplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; itenni l-istedina tiegħu li tiġi ppreżentata evalwazzjoni ta’ din id-data anki fir-rapporti annwali;

5.  Ifakkar lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, biex ma tittrasferixxix sistematikament approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet mill-Fond Soċjali Ewropew, peress li l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni inħoloq bħala strument speċifiku għalih bl-objettivi u l-iskadenzi tiegħu;

6.  Ifakkar li t-tħaddim u l-valur miżjud tal-FEAG għandhom ikunu evalwati fil-qafas tal-evalwazzjoni ġenerali tal-programmi u d-diversi strumenti oħra maħluqa mill-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006, fi ħdan il-proċess tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju multiannwali 2007-2013;

7.  Jilqa’ l-format il-ġdid tal-proposta tal-Kummissjoni, li tippreżenta fil-Memorandum ta’ spjegazzjoni tagħha tagħrif ċar u dettaljat dwar l-applikazzjoni, tanalizza l-kriterji ta’ eliġibilità u tispjega r-raġunijiet li wasslu għall-approvazzjoni tagħha, li hija konformi mar-rikjesti tal-Parlament;

8.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
  • [2]  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.
  • [3]  FEAG/2009/014 ES/Comunidad Valenciana

ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

ta' xx ta' Mejju 2010

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda

Il-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda[1], u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,

wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2], u b'mod partikulari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea[3],

Billi:

(1)      Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEAG) twaqqaf biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema ssensjati minħabba bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali dinjin dovuti għall-globalizzazzjoni u sabiex jiġu megħjuna fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)      L-għan tal-FEAG ġie mwessa’ għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi sostenn lill-ħaddiema li jitilfu l-impjieg bħala riżultat dirett tal-kriżi globali finanzjarja u ekonomika.

(3)      Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-FEAG taħt il-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.

(4)      Spanja bagħtet applikazzjoni biex timmobilizza l-FEAG, fir-rigward tal-qgħad fil-181 intrapriża li joperaw fir-Reviżjoni 2 taqsima 23 tan-NACE ("Manifattura ta' prodotti minerali nonmetalliċi oħrajn") f'reġjun NUTS II uniku, Comunidad Valenciana (ES52), fit-2 ta' Settembru 2009 u ssupplimentatu b'tagħrif addizzjonali sat-22 ta' Frar 2010. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni għalhekk qiegħda tressaq proposta biex timmobilizza l-ammont ta' EUR 6 598 735.

(5)      Il-FEAG għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjonijiet imressqa minn Spanja.

JIDDEĊIEDU:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEAG) għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 6 598 735 f'approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell/Strasburgu,

Għall-Parlament Ewropew                          Għall-Kunsill

Il-President                                                Il-President

  • [1]               ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
  • [2]               ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.
  • [3]               ĠU C […], […], p. […].

NOTA SPJEGATTIVA

I. L-Isfond

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jipprovdi għajnuna addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu mill-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fis-sistemi kummerċjali dinjija.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda[1] u tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006[2], il-Fond ma jistax jaqbeż ammont massimu ta’ EUR 500 miljun, misluta minn kwalunkwe marġni li jinsab taħt il-limitu massimu tan-nefqa globali mis-sena preċedenti, u/jew mill-approprjazzjonijiet għall-impenji mħassra mis-sentejn ta' qabel, esklużi dawk relatati mal-Intestatura 1b. L-ammonti xierqa jiddaħħlu fil-baġit bħala dispożizzjoni hekk kif ikunu ġew identifikati l-marġni suffiċjenti u / jew l-impenji mħassra.

Rigward il-proċedura, sabiex jiġi attivat il-Fond, fil-każ ta’ evalwazzjoni pożittiva ta’ applikazzjoni, il-Kummissjoni tippreżenta lill-awtorità baġitarja proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess ħin, tagħmel talba korrispondenti għat-trasferiment. B’mod parallel, jista' jiġi organizzat trilogu bil-għan li jinstab qbil fuq l-użu tal-Fond u fuq l-ammonti meħtieġa. It-trilogu jista' jsir f'forma ssimplifikata.

II. Is-sitwazzjoni attwali: il-proposta tal-Kummissjoni

Fis-6 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni adottat tliet proposti għal deċiżjonijiet ġodda dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEAG favur l-Irlanda u Spanja sabiex il-ħaddiema li sfaw bla impjieg minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali jiġu megħjuna fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

Din hija t-tmien applikazzjoni li se tiġi eżaminata fil-baġit 2010 u tikkonċerna l-mobilizzazzjoni ta’ ammont globali ta' EUR 6.598.735 mill-FEAG għal Spanja (Valencia).

Il-każ il-ġdid jikkonċerna 2 425 sensja f'181 intrapriża kklassifikati fl-istess taqsima NACE Reviżjoni 2 tul il-perjodu ta' referenza ta' disa' xhur mill-25 ta’ Settembru 2008 sal-24 Ġunju 2009, li jinsabu kollha f'reġjun wieħed fil-livell NUTS II, il-Comunidad Valenciana, li minnhom 1,600 ġew indikati għall-assistenza.

Din l-applikazzjoni, każ FEAG/2009/014 ES/Comunidad Valenciana, tressqet lill-Kummissjoni fit-2 ta’ Settembru 2009 u ġiet supplimentata b'tagħrif addizzjonli sat-22 ta' Frar 2010. L-applikazzjoni kienet ibbażata fuq il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament FEAG li jitlob li jkun hemm mill-anqas 500 sensja fuq perjodu ta' disa' xhur f'intrapriżi li joperaw fl-istess taqsima NACE Revision 2 f'reġjun wieħed jew żewġ reġjuni kontigwi fil-livell NUTS II fi Stat Membru u tressqet fi żmien l-iskadenza ta’ 10 ġimgħat (Artikolu 5 tar-Regolament).

L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni kienet ibbażata fuq l-evalwazzjoni tar-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali kbar fit-tendenzi tal-kummerċ dinji jew il-kriżi finanzjarja, in-natura mhux prevedibbli tas-sensji kkonċernati, il-wirja ta' numru ta’ sensji u l-konformità mal-kriterji tal-Artikolu 2(b), l-ispjegazzjoni tan-natura mhux prevedibbli ta’ dawn is-sensji, l-identifikazzjoni ta' intrapriżi li taw is-sensji u ħaddiema indikati għall-assistenza, it-territorju kkonċernat u l-awtoritajiet u l-partijiet interessati tiegħu, l-impatt għas-sensji fir-rigward tal-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali, il-pakkett koordinat ta’ servizzi personalizzati li għandhom jiġu ffinanzjati, inkluża l-kompatibilità tiegħu ma’ azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali, id-dati li fihom is-servizzi personalizzati lill-ħaddiema affettwati nbdew jew kienu ppjanati li jibdew, il-proċeduri biex ikunu kkonsultati l-imsieħba soċjali, il-ġestjoni u s-sistemi ta' kontroll.

Bi qbil mal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji tal-eliġibilità stabbiliti fir-Regolament tal-FEAG u tirrakkomanda lill-Awtorità Baġitarja biex tapprova l-applikazzjoni.

Sabiex timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni ssottomettiet lill-Awtorità tal-Baġit talba ta’ trasferiment (DEC 11/2010) għal ammont globali ta' EUR 6,598,735 mir-riżerva FEAG (40 02 43) f’impenji u mill-linji tal-baġit FSE (04 02 17 – konverġenza FSE) fi ħlasijiet lil-linji tal-baġit FEAG (04 05 01).

Rigward sorsi oħra ta' approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet, il-Kummissjoni spjegat li l-prassi segwita s’issa kienet waħda li l-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet meħtieġa jittieħdu mill-baġit tal-FSE minħabba l-"prossimità" tal-politika, u minħabba li r-rekwiżiti annwali tal-FEAG f'approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet s'issa kienu ta' madwar 1% tal-iddotar tal-ħlasijiet tal-FSE. Madankollu, f'dan l-istadju bikri tas-sena baġitarja, huwa diffiċli li jiġu identifikati sorsi alternattivi bħal dawn. Minkejja dan, bil-ħsieb li tintlaqa' din it-talba għall-każijiet futuri tal-FEAG, il-Kummissjoni beħsiebha tqis il-possibilità li ssib sors ieħor ta' finanzjar ta' approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet meta dan ikun possibbli u raġjonevoli u meta m'hemmx riskju ta' dewmien għall-ipproċessar tat-talba tat-trasferiment.

Il-Ftehim Interistituzzjonali jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond sal-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.

L-Artikolu 12 (6) tar-Regolament FEAG jirrikjedi li fl-1 ta' Settembru ta' kull sena, mill-inqas kwart ta' l-ammont annwali massimu tal-FEAG għandu jibqa' disponibbli sabiex ikunu koperti l-ħtiġijiet li jinqalgħu sakemm tintemm is-sena.

Fl-2010, l-Awtorità Baġitarja diġà approvat ħames proposti għall-mobilizzazzjoni tal-Fond, għal ammont totali ta’ EUR 16.338.363, favur il-Ġermanja (Karmann) u l-Litwanja (Snaige), li jħalli ammont ta’ EUR 483.661.637 disponibbli.

III. Il-Proċedura

Il-Kummissjoni ppreżentat talba ta’ trasferiment[3] bil-għan li fil-baġit tal-2010 jiddaħħlu approprjazzjonijiet speċifiċi għall-impenji u għall-ħlasijiet, kif mitlub fil-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006.

It-trilogu dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni possibilment jaf jieħu forma simplifikata (skambju ta’ ittri), kif previst fl-Artikolu 12(5) tal-bażi legali, sakemm ma jkunx hemm qbil bejn il-Parlament u l-Kunsill.

Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali għandu jkun assoċjat fil-proċess, sabiex jipprovdi appoġġ u kontribut kostruttivi għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.

Wara l-valutazzjoni tiegħu, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali tal-Parlament Ewropew ta l-fehma tiegħu dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond, kif imfisser fl-opinjoni mehmuża mar-rapport preżenti.

Id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, adottata matul il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, ikkonfermat l-importanza li tiġi żgurata proċedura rapida bir-rispett dovut għall-Ftehim Interistituzzjonali għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond.

  • [1]  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
  • [2]  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.
  • [3]  DEC 11/2010 tas-6 ta’ Mejju 2010

ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT

ES/sg

D(2010)27785

Is-Sur Alain Lamassoure

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 13E158

Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEAG) għall-każ EGF/2009/014 ES/Comunidad Valenciana (COM(2010)216 finali)

Għażiż Sur Lamassoure,

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-FEAG fi ħdan l-istess Kumitat studja l-mobilizzazzjoni tal-FEAG għall-każ EGF/2009/014 ES/Comunidad Valenciana u adotta l-opinjoni li ġejja.

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-FEAG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta' din it-talba. F'dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL qed jippreżenta xi kummenti, madankollu, bla ma jqajjem dubji dwar it-trasferiment tal-ħlasijiet.

Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma bbażati fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

a)  Billi l-2 425 sensja fil-perjodu ta’ riferenza ta’ 9 xhur huma r-riżultat tal-kriżi finanzjarja u ekonomika li kkawżat tnaqqis qawwi fl-attivitajiet ta’ kostruzzjoni fi Spanja li laqat l-industriji anċillari kollha inklużi l-materjal tal-bini bħalma huma l-prodotti taċ-ċeramika.

b)  Billi s-sensji kellhom impatt lokali konsiderevoli minħabba li seħħew f’reġjun b’sehem qawwi ta’ produzzjoni taċ-ċeramika fir-rigward tal-għadd ta’ intrapriżi (2.2%) u l-għadd ta’ impjiegi (8.7%).

c)  Billi l-qgħad fost il-ħaddiema fl-industrija taċ-ċeramika żdied b’500% minn Jannar tal-2007.

d)  Billi madwar ¾ tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja m’għandhom l-ebda edukazzjoni jew għandhom edukazzjoni bażika biss u mhumiex imdorrija jfittxu xogħol barra mir-reġjun tal-oriġinitagħhom.

Għalhekk, il-Kumitat EMPL jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu dwar l-applikazzjoni Spanjola:

1.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-pakkett ta’ servizzi personalizzati li għandu l-intenzjoni li jipprovdi lill-ħaddiema li għandhom ftit kompetenzi professjonali bi kwalifiki professjonali u titjib tal-ħiliet kif ukoll bl-opportunità li jagħtu orjentazzjoni ġdida lill-professjoni tagħhom lejn impjieg għal rashom f’ekonomija soċjali orjentata lejn il-ġejjieni.

2.  Jappoġġja bil-qawwa l-idea ta’ żieda fil-mobilità tal-ħaddiema; jiddispjaċih għalhekk, li t-taħriġ għall-mobilità se jkun indirizzat biss lejn numru mnaqqas ta’ ħaddiema li huma diġà predisposti għal bidla ta’ residenza sabiex isibu impjieg f’settur ekonomiku differenti; ifakkar li l-mobilità ġeneralment hija għodda importanti għall-integrazzjoni mill-ġdid malajr fis-suq tax-xogħol.

3.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-miżuri li jinkludu l-mentoring tal-ħaddiema individwali u għandu interess li jinżamm infurmat dwar is-suċċess ta’ dawn il-miżuri.

4.  Jilqa' b’sodisfazzjon il-paragrafu l-ġdid dwar il-konnessjoni bejn il-programm operattiv Spanjol tal-FEAG u l-miżuri appoġġati mill-FEAG; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jelaboraw aktar fuq din l-informazzjoni bażika minħabba li informazzjoni komprensiva dwar il-kumplimentarjetà tal-FEAG mal-miżuri appoġġati minn Fondi Strutturali oħrajn b'konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament dwar il-FEAG hija ta’ importanza kbira għall-valutazzjoni sħiħa tal-valur miżjud tal-FEAG.

5.  Itenni l-ħtieġa tal-kumplementarjetà u l-koordinazzjoni tal-miżuri kollha mmirati għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja biex ikunu jistgħu jagħmlu użu sħiħ mis-sinerġiji ta' dawn il-miżuri.

6.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-preżentazzjoni ġdida u konċiża tal-applikazzjoni fil-forma ta’ tabella; jiddispjaċih, madankollu, li, minkejja l-fatt li l-Kummissjoni ħabbret flessibilità akbar fir-rigward tal-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet skont il-format il-ġdid, għad hemm nuqqas kontinwu ta’ informazzjoni importanti dwar l-isfond tal-applikazzjoni li tkun rilevanti għall-valutazzjoni sħiħa tal-każ: pereżempju, informazzjoni dwar x'se jiġri mill-impriżi, jekk hux se jagħlqu jew inkella hux se jkomplu joperaw b'livell ta' attività aktar baxx biex jegħlbu l-kriżi.

7.  Interessat jisma' aktar dwar ir-relazzjoni bejn l-istudju msemmi fil-paragrafu 29 dwar is-sitwazzjoni ekonomika u l-opportunitajiet ta' impjiegi u l-miżuri appoġġati mill-FEAG.

Dejjem tiegħek,

Pervenche Berès

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

2.6.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marta Andreasen, Francesca Balzani, Lajos Bokros, Jean-Luc Dehaene, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazábal Rubial, Salvador Garriga Polledo, Jens Geier, Ivars Godmanis, Estelle Grelier, Carl Haglund, Jutta Haug, Sidonia Elżbieta Jędrzejewska, Jan Kozłowski, Alain Lamassoure, Vladimír Maňka, Miguel Portas, Dominique Riquet, László Surján, Derek Vaughan, Angelika Werthmann, Jacek Włosowicz

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Paul Rübig

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Peter Jahr, Andres Perello Rodriguez, Britta Reimers