RAPPORT dwar proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda

11.11.2010 - (COM(2010)0530 – C7‑0313/2010 – 2010/2229(BUD))

Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Barbara Matera

Proċedura : 2010/2229(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0319/2010
Testi mressqa :
A7-0319/2010
Dibattiti :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda

(COM(2010)0530 – C7‑0313/2010 – 2010/2229(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2010)0530 – C7‑0313/2010),

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja soda [1](IIA tas-17 ta’ Mejju 2006), u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni [2] (ir-Regolament FEAG),

–   wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0319/2010),

A. billi l-Unjoni Ewropea stabbiliet l-istrumenti leġiżlattivi u baġitarji xierqa biex jipprovdu appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li qed ibatu mill-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali globali u biex jgħinuhom jerġgħu jintegraw fis-suq tax-xogħol,

B.  billi l-għan tal-FEAG ġie mwessa’ għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi sostenn lill-ħaddiema li jitilfu l-impjieg b’riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali,

C. billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li sfaw sensjati għandha tkun dinamika u disponibbli malajr u b’mod effiċjenti kemm jista’ jkun, skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni fis-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-IIA tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mmobilizzat l-FEAG,

D. billi l-Pajjiżi l-Baxxi talbu għajnuna fir-rigward ta’ każijiet li jikkonċernaw 720 sensja f'79 intrapriża li joperaw fid-diviżjoni 18 tar-Reviżjoni 2 tan-NACE (stampar u r-riproduzzjoni ta’ midja rrekordjata) fiż-żewġ reġjuni kontigwi NUTS II ta’ Noord Holland u Utrecht,

E.   billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament FEAG,

1.  Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti biex jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni;

2.  Ifakkar l-impenn tal-istituzzjonijiet li jassiguraw proċedura rapida u bla xkiel għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEAG, jipprovdu appoġġ individwali ta’ darba u limitat fiż-żmien maħsub biex jgħin lill-ħaddiema li sofrew sensji b’riżultat tal-globalizzazzjoni u tal-kriżi finanzjarja u ekonomika; jenfasizza r-rwol li l-FEAG jista' jkollu fir-riintegrazzjoni tal-ħaddiema ssensjati fis-suq tax-xogħol;

3.  Jenfasizza li, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament FEAG, għandu jkun żgurat li l-FEAG jappoġġa l-integrazzjoni mill-ġdid fl-impjieg tal-ħaddiema ssensjati individwali; itenni li l-għajnuna mill-FEAG m'għandhiex tieħu post l-azzjonijiet li huma r-responsabilità tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew skont ftehimiet kollettivi, u lanqas miżuri ta' ristrutturazzjoni ta’ kumpaniji jew ta’ setturi;

4.  Jinnota li l-informazzjoni pprovduta fuq il-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-FEAG tinkludi tagħrif dettaljat dwar il-komplementarjetà ma' azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; itenni l-istedina tiegħu li tiġi ppreżentata evalwazzjoni komparattiva ta’ din id-data anki fir-rapporti annwali tiegħu, inkluż evalwazzjoni tal-effetti li dawn is-servizzi temporanji u personalizzati għandhom fuq l-integrazzjoni mill-ġdid fuq medda twila ta’ żmien fis-suq tax-xogħol ta’ ħaddiema sensjati;

5.  Jilqa' l-fatt li, fil-kuntest tal-mobilizzazzjoni tal-FEAG, ġie propost mill-Kummissjoni sors alternattiv ta' approprjazzjonijiet għall-ħlas għall-fondi mhux użati mill-Fond Soċjali Ewropew, wara t-tfakkiriet frekwenti mill-Parlament Ewropew li l-FEAG inħoloq bħala strument speċifiku separat bl-objettivi u l-iskadenzi tiegħu stess u li linji baġitarji xierqa għat-trasferimenti għandhom għalhekk jiġu identifikati;

6.  Jinnota li, sabiex jiġi mmobilizzat il-FEAG għal dan il-każ, l-approprjazzjonijiet għall-ħlas se jiġu ttrasferiti minn linja baġitarja maħsuba għall-appoġġ tal-SMEs u l-innovazzjoni; jiddispjaċih dwar in-nuqqasijiet kbar tal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-programmi dwar il-kompetittività u l-innovazzjoni, partikolarment matul kriżi ekonomika li għandha żżid b’mod sinifikanti l-ħtieġa ta' appoġġ bħal dan;

7.  Ifakkar li t-tħaddim u l-valur miżjud tal-FEAG għandhom ikunu evalwati fil-kuntest tal-valutazzjoni ġenerali tal-programmi u ta’ strumenti varji oħra maħluqa minn IIA tas-17 ta’ Mejju 2006 fi ħdan il-proċess ta’ eżami ta’ nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali 2007-2013;

8.  Jilqa' l-format il-ġdid tal-proposta tal-Kummissjoni, li tippreżenta fil-memorandum ta' spjegazzjoni tagħha tagħrif ċar u dettaljat dwar l-applikazzjoni, tanalizza l-kriterji ta' eliġibilità u tispjega r-raġunijiet li wasslu għall-approvazzjoni tagħha, li hi konformi mat-talbiet tal-Parlament;

9.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma d-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jagħmel l-arranġamenti meħtieġa biex tiġi ppublikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
  • [2]  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal- xxx

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2009/026 NL/Noord Holland u Utrecht Diviżjoni 18 mill-Pajjiżi l-Baxxi)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina finanzjarja u l-amministrazzjoni finanzjarja soda[1], u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2], u b'mod partikulari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea[3],

Billi:

(1)      Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni twaqqaf biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema ssensjati minħabba bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjija dovuti għall-globalizzazzjoni u sabiex jiġu megħjuna fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)      L-ambitu tal-FEAG twessa’ għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi sostenn lill-ħaddiema li jitilfu l-impjieg b’riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.

(3)      Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-FEAG taħt il-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun.

(4)      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ressaq applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEAG, fir-rigward ta' sensji f’79 intrapriża li joperaw fid-Diviżjoni 18 tar-Reviżjoni 2 tan-NACE (stampar u r-riproduzzjoni ta’ midja rrekordjata) fiż-żewġ reġjuni kontigwi NUTS II ta’ Noord Holland (NL32) u Utrecht (NL31) fit-30 ta’ Diċembru 2009 u ssupplimenta b’tagħrif addizzjonali sas-6 ta’ Mejju 2010. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni għalhekk ressqet proposta biex tuża l-ammont ta' EUR 2 266 625.

(5)      L-FEAG għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribut finanzjarju għall-applikazzjoni mressqa mill-Pajjiż l-Baxxi.

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fil-qafas tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEAG) għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 2 266 625 f'approprjazzjonijiet għall-impenn u għall-ħlas.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’il-Ġurnal Uffiċċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi,

Għall-Parlament Ewropew                          Għall-Kunsill

Il-President                                                   Il-President

  • [1]               ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
  • [2]               ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.
  • [3]               ĠU C […], […], p. […].

NOTA SPJEGATTIVA

I. Sfond

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jipprovdi għajnuna addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu mill-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fis-sistemi kummerċjali dinjija.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 Mejju 2006 dwar dixxiplina baġitarja u ġestjoni finanzjarja soda[1] u tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006[2], il-Fond ma jistax jaqbeż ammont massimu ta' EUR 500 miljun, misluta minn kwalunkwe marġni taħt il-limitu massimu tan-nefqa globali mis-sena preċedenti, u/jew mill-approprjazzjonijiet għall-impenji mħassra mis-sentejn ta’ qabel, esklużi dawk relatati mal-Intestatura 1b. L-ammonti xierqa jiddaħħlu fil-baġit bħala dispożizzjoni hekk kif ikunu ġew identifikati l-marġni suffiċjenti u / jew l-impenji mħassra.

Rigward il-proċedura, sabiex jiġi attivat il-Fond, fil-każ ta’ evalwazzjoni pożittiva ta’ applikazzjoni, il-Kummissjoni tippreżenta lill-awtorità baġitarja proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess ħin, tagħmel talba korrispondenti għat-trasferiment. B’mod parallel, jista' jiġi organizzat trialogu bil-għan li jinstab qbil fuq l-użu tal-Fond u fuq l-ammonti meħtieġa. It-trialogu jista' jsir f'forma ssimplifikata.

II. Is-sitwazzjoni attwali: il-proposta tal-Kummissjoni

Fl-1 ta' Ottubru 2010 l-Kummissjoni adottat proposta ġdida għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEAG favur il-Pajjiżi l-Baxxi sabiex ikun ta’ appoġġ għar-riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.

Din l-applikazzjoni hija parti minn pakkett ta’ sitt applikazzjonijiet interrelatati li kollha kemm huma jikkonċernaw sensji fi tmien reġjuni NUTS II differenti fil-Pajjiżi l-Baxxi f’intrapriżi li joperaw fis-settur tal-grafika, li l-attivitajiet tagħhom huma kklassifikati f’żewġ diviżjonijiet differenti tar-Reviżjoni 2 tan-NACE, jiġifieri d-Diviżjoni 18 (stampar u r-riproduzzjoni ta’ midja rrekordjata) u d-Diviżjoni 58 (attivitajiet ta’ pubblikazzjoni).

Din hi l-wieħed u għoxrin applikazzjoni li se tiġi eżaminata fil-baġit 2010 u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont globali ta' EUR 2 266 625 mill-FEAG għall-Pajjiżi l-Baxxi. Hija tikkonċerna 720 sensja f'79 intrapriża li joperaw fid-Diviżjoni 18 tar-Reviżjoni 2 tan-NACE (stampar u r-riproduzzjoni ta’ midja rrekordjata) fiż-żewġ reġjuni kontigwi NUTS II ta’ Noord Holland u Utrecht, matul il-perjodu mill-1 ta' April sad-29 ta' Diċembru 2009.

L-applikazzjoni, il-każ FEAG/2009/026 NL/Noord Holland u Utrecht, tressqet lill-Kummissjoni fit-30 ta’ Diċembru 2009 u ġiet supplimentata b'tagħrif addizzjonli sas-6 ta' Mejju 2010. L-applikazzjoni kienet ibbażata fuq il-kriterju ta' intervent tal-Art. 2 (b) tar-Regolament FEAG - li jeħtieġ li jkun hemm tal-anqas 500 sensja fuq perjodu ta' disa’ xhur f'intrapriżi li joperaw fl-istess diviżjoni tan-NACE Reviżjoni 2 f’reġjun wieħed jew f’żewġ reġjuni kontigwi fil-livell NUTS II fi Stat Membru – u tressqet sal-iskadenza ta’ 10 ġimgħat (l-Artikolu 5 tar-Regolament).

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni kienet ibbażata fuq il-valutazzjoni tar-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjija jew il-kriżi finanzjarja, in-natura mhux prevista tas-sensji kkonċernati, id-dimostrazzjoni ta' għadd ta' sensji u konformità mal-kriterji tal-Artikolu 2(a) , l-ispjegazzjoni tan-natura mhux prevista ta' dawn is-sensji, l-identifikazzjoni ta' intrapriżi li kellhom ikeċċu ħaddiema u ħaddiema indikati għall-għajnuna, it-territorju kkonċernat u l-awtoritajiet u l-partijiet interessati tiegħu, l-impatt għall-impjiegi mitlufa fir-rigward tal-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandhom jiġu ffinanzjati, inkluża l-kompatibilità tiegħu ma' azzjonijiet ffinanzjati mill-Fondi Strutturali, id-dati li fihom is-servizzi personalizzati għall-ħaddiema affettwati nbdew jew kienu ppjanati li jibdew, il-proċeduri biex ikunu kkonsultati s-sħab soċjali, s-sistemi ta' ġestjoni u kontroll.

Bi qbil mal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji tal-eliġibilità stabbiliti fir-Regolament tal-FEAG u tirrakkomanda lill-Awtorità Baġitarja biex tapprova l-applikazzjoni.

Sabiex timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni ssottomettiet lill-Awtorità Baġitarja talba ta’ trasferiment (DEC 30/2010) għall-ammont globali ta’ EUR 2 266 625 mir-riserva tal-FEAG (40 02 43) f’impenji u mil-linja baġitarja “Programm ta' Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni – Programm ta' Intraprenditorjat u Innovazzjoni” (01 04 04) fi ħlasijiet għal-linji baġitarji tal-FEAG (04 05 01).

Ir-rapporteur tinsab sodisfatta li l-Kummissjoni identifikat sors alternattiv ta' finanzjament tal-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet għall-fondi mhux użati tal-FSE, f’konformità mat-talbiet li spiss saru mill-Parlament Ewropew.

Madankollu, hija tqis li l-għażla li saret f’dan il-każ (linja baġitarja ddedikata għall-appoġġ tal-imprenditorija u l-innovazzjoni) mhix sodisfaċenti minħabba n-nuqqasijiet severi li tiltaqa’ magħhom il-Kummissjoni meta timplimenta programmi dwar kompetittività u innovazzjoni. Fi żmien ta’ kriżi ekonomika dawn l-approprjazzjonijiet għandhom fil-fatt jiżdiedu. Għaldaqstant hija tistieden lill-Kummissjoni tkompli bl-isforz tagħha biex tidentifika linji baġitarji aktar xierqa għall-ħlasijiet fil-ġejjieni.

Il-Ftehim Interistituzzjonali jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond sal-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.

Fl-2010 l-Awtorità Baġitarja diġà approvat 15-il proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond u trasferiment għall-għajnuna teknika, għal ammont totali ta’ EUR 47 432 497, li, meta jingħaddu mal-ammont addizzjonali ta’ EUR 17 746 171 li jikkonċerna l-proposti l-oħra li qed jiġu diskussi (inklużi din preżenti), iħallu ammont ta' EUR 434 621 332 disponibbli sal-aħħar tal-2010.

III. Proċedura

Il-Kummissjoni ppreżentat talba ta' trasferiment[3] bil-għan li fil-baġit tal-2010 jiddaħħlu approprjazzjonijiet speċifiċi għall-impenji u għall-ħlasijiet, kif mitlub fil-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006.

It-trialogu dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEAG possibilment jaf jieħu forma simplifikata (skambju ta’ ittri), kif previst fl-Artikolu 12(5) tal-bażi legali, sakemm ma jkunx hemm qbil bejn il-Parlament u l-Kunsill.

Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) għandu jkun assoċjat fil-proċess, sabiex jipprovdi appoġġ u kontribut kostruttivi għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.

Wara l-valutazzjoni tiegħu, il-Kumitat EMPL tal-Parlament Ewropew ta l-fehma tiegħu dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond, kif imfisser fl-opinjoni mehmuża mar-rapport preżenti.

Id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, adottata matul il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, ikkonfermat l-importanza li tiġi żgurata proċedura rapida bir-rispett dovut għall-Ftehim Interistituzzjonali għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond.

  • [1]  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
  • [2]  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.
  • [3]  DEC 30/2010 tal-1 ta’ Settembru 2010

ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI

ES/sg

D(2010)52563

Is-Sur Alain Lamassoure

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 13E158

Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEAG) għall-każ EGF/2009/026 NL/Noord Holland u Utrecht Diviżjoni 18 (COM(2010)530 finali)

Għażiż Sur Lamassoure,

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) u l-Grupp ta' Ħidma dwar l-FEAG fi ħdan l-istess Kumitat studjaw il-mobilizzazzjoni tal-FEAG għall-każ EGF/2009/024 NL/Noord Holland u Utrecht Diviżjoni 18 u adottaw l-opinjoni li ġejja.

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar l-FEAG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta' din it-talba. F'dan ir-rigward, il-kumitat EMPL qed jippreżenta xi kummenti mingħajr, madankollu, ma jqajjem dubji dwar it-trasferiment tal-ħlasijiet.

Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma bbażati fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

A)  Billi din l-applikazzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 2b tar-Regolament FEAG u tinkludi 720 sensja mogħtija matul il-perjodu ta' referenza ta' 9 xhur bejn l-1 ta’ April u d-29 ta’ Diċembru 2009 f’79 intrapriża li joperaw fl-istampar u r-riproduzzjoni ta’ midja rrekordjata kif speċifikat fid-diviżjoni 18 tar-regolament (KE) Nru 1803/2006.

B)  Billi din l-applikazzjoni hija parti minn pakkett ta’ sitt applikazzjonijiet interrelatati li kollha kemm huma jikkonċernaw sensji fi tmien reġjuni NUTS II differenti fil-Pajjiżi l-Baxxi f’intrapriżi li joperaw fis-settur tal-grafika; billi hija partikularment relatata mal-applikazzjoni EGF/2009/024 Nl/Noord Holland u Zuid Holland, Diviżjoni 58.

C)  Billi dan is-settur intlaqat ħażin ħafna mill-kriżi finanzjarja li wasslet għal tnaqqis fid-domanda tas-settur tal-istampar u tal-publikazzjoni ta’ 32% għal materjal ta’ reklamar stampat u ta’ bejn 7.5 u 18.2% għar-rivisti u l-gazzetti.

D)  Billi l-industrija tal-istampar u tal-publikazzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi għaddiet minn proċess ta’ ristrutturazzjoni li sewa ħafna flus sabiex jibqa’ teknikament kompetittiv mal-impriżi barra l-UE, b’mod partikulari fit-Turkija, iċ-Ċina u l-Indja u billi l-kriżi finanzjarja qed tirriskja li ġġib fix-xejn l-investimenti u l-isforzi kbar li twettqu f’dan is-settur.

E)  Billi s-sensji seħħew f’żewġ reġjuni kontigwi NUTS II b’livelli ta’ qgħad sa 6.5%. Billi r-regolament FEAG jgħid, fi premessa 4, li għandu jiġi “żgurat li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEAG tkun ikkonċentrata fuq ħaddiema fir-reġjuni u fis-setturi ekonomiċi tal-Komunità li ġew affettwati l-aktar b'mod serju”.

F)  Billi, fis-settur tal-grafika b’mod ġenerali, hemm proporzjon relattivament għoli ta’ ħaddiema fil-faxex għolja tal-età fejn il-qgħad huwa ferm għoli fiż-żewġ provinċji li qed jiġu kkunsidrati; billi din l-applikazzjoni tinkludi 180 ħaddiema ssensjati li għandhom aktar minn 54 sena u 14-il ħaddiem li huma ‘l fuq minn 65 sena.

G)  Billi l-proposta għall-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati twaqqaf f’kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali tas-settur tal-grafika u tal-midja u billi l-Fond tas-Suq tax-Xogħol u t-Taħriġ” tagħhom stabilixxa ċ-ċentru ta’ mobilità C3 (Centrum Creative Carrières) li se jimplimenta l-miżuri appoġġjati mill-FEAG. Billi dawn il-miżuri huma l-istess għas-6 applikazzjonijiet u mhumiex sostanzjalment differenti minn dawk offruti lil ħaddiema ssensjati oħra mill-industrija tal-grafika mis-C3.

H)  Billi hemm numru ta’ proġetti ta’ taħriġ tal-FSE maħsuba għall-ħaddiema fis-settur tal-grafika, li l-programmazzjoni tagħhom tikkoinċidi mal-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-FEAG.

I)  Billi r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi talab għal appoġġ għall-ħaddiema kollha li sfaw sensjati, inklużi dawk 'il fuq minn 65 sena.

J)  Billi f’kull waħda mis-6 applikazzjonijiet mill-Pajjiżi l-Baxxi, il-perċentwalitajiet ta’ ħaddiema fil-mira u tal-kategoriji professjonali huma l-istess, li turi li l-għadd ta’ sensji huwa probabilment ibbażat fuq ftehim bejn is-sħab soċjali. Billi l-applikazzjoni ma turix l-istruttura reali tal-impriżi kkonċernati.

Għalhekk, il-Kumitat EMPL jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu dwar l-applikazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi:

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja skont ir-Regolament FEAG (1927/2006) huma ssodisfati.

2.  Jilqa’ l-kooperazzjoni tal-Ministru għall-Affarijiet Soċjali mas-Sħab Soċjali biex jaffrontaw it-tnaqqis tad-domanda fis-settur tal-istampar u tal-publikazzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi li tirrifletti l-approċċ Olandiż imsejjaħ “il-mudell Polder” u li ppermetta li jkun hemm reazzjoni b’ħeffa għas-sensji (jum wara tmiem il-perjodu ta’ referenza).

3.  Jilqa’ l-approċċ li, fi żmien ta’ kriżi, l-appoġġ tal-FEAG jintuża biex il-ħaddiema jirċievu taħriġ u taħriġ mill-ġdid, u tiġi rikonoxxuta l-esperjenza preċedenti tagħhom; jiddispjaċih, madankollu, għas-spjegazzjonijiet xejn sodisfaċenti li ngħataw, li ma ppermettewx li jkun hemm konklużjonijiet dwar l-għan u l-istrateġija tat-taħriġ tal-ħaddiema ssensjati, li huma fil-mira ta’ din l-applikazzjoni; jemmen li dan l-approċċ se jagħmilha diffiċli li jiġi evalwat is-suċċess ta’ dawn il-miżuri.

4.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinvestiga aktar fil-fond is-setturi li lejhom il-ħaddiema jiġu orjentati mill-ġdid, f’dak li huwa taħriġ jew it-twaqqif ta’ negozju proprju. L-għan ta’ din l-analiżi bir-reqqa għandu jkun biex jiġi żgurat li r-riintegrazzjoni tal-ħaddiema fis-suq tax-xogħol tkun sostenibbli u, għaldaqstant, li jsir użu siewi mill-FEAG. Din il-valutazzjoni għandha titwettaq bil-ħsieb tal-objettivi stipulati fl-istrateġija EU 2020.

5.  Jilqa’ l-approċċ għall-użu tal-FEAG biex jikkumplimenta t-tħaddim tal-appoġġ tal-FSE; jiddispjaċih, madankollu, li l-applikazzjoni ma tindikax l-ispeċifiċità u l-valur miżjud tal-miżuri tal-FEAG.

6.  Jitlob, għaldaqstant, għal aktar informazzjoni dettaljata mill-gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi dwar l-għanijiet tal-miżuri.

Dejjem tiegħek,

Pervenche Berès

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

9.11.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alexander Alvaro, Reimer Böge, Lajos Bokros, Giovanni Collino, Göran Färm, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazábal Rubial, Salvador Garriga Polledo, Jutta Haug, Jiří Havel, Ivailo Kalfin, Sergej Kozlík, Jan Kozłowski, Barbara Matera, Claudio Morganti, Miguel Portas, Dominique Riquet, László Surján, Helga Trüpel, Derek Vaughan, Angelika Werthmann