RAPPORT dwar id-defiċit ta’ proteini fl-UE: x’soluzzjoni hemm għal problema li ilha teżisti?

4.2.2011 - (2010/2111(INI))

Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
Rapporteur: Martin Häusling

Proċedura : 2010/2111(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0026/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar id-defiċit ta’ proteini fl-UE: x’soluzzjoni hemm għal problema li ilha teżisti?

(2010/2111(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Novembru 2010 bit-titolu 'Il-PAK fid-dawl tas-sena 2020: Nindirizzaw l-isfidi tal-futur fl-ambitu tal-ikel, tar-riżorsi naturali u dak territorjali (COM(2010)0672),

   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-16 ta' Lulju 2010 bit-titolu “It-Tieni Pjan direzzjonali dwar it-TSE. Karta ta' strateġija dwar l-Enċefalopatiji Sponġiformi Trasmissibbli għall-2010-2015” (COM(2010)0384),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/355/KEE[1] tat-8 ta’ Ġunju 1993 rigward il-konklużjoni ta’ Memorandum ta’ Qbil dwar ċerti żrieragħ żejtnija bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika fil-qafas tal-GATT, li adottat il-Ftehim ta’ Blair House filwaqt li ffissat limitu fuq il-produzzjoni tal-uċuħ taż-żrieragħ żejtnija u tal-uċuħ tal-proteini fl-Unjoni Ewropea u fuq tariffi speċifiċi għal tali għelejjel,

–   wara li kkunsidra r-rapport ta’ Novembru 2009 imressaq mill-Kummissjoni mill-LMC Internationali bit-titolu “Evalwazzjoni tal-Miżuri applikati taħt il-Politika Agrikola Komuni lis-settur tal-għelejjel tal-proteina” (http://ec.europa.eu/agriculture/eval/reports/protein_crops/index_en.hm)),

–   wara li kkunsidra r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 1431/82[2] u (KE) Nru 1251/1999[3], li stabbilixxew miżuri speċjali fis-settur tal-għelejjel tal-proteina u introduċew l-erja ggarantita massima, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003[4] u l-Artikoli 76 u 78 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009[5], li jipprovdu li appoġġ speċifiku għall-għelejjel tal-proteina jitneħħa fażi fażi, u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1121/2009[6], li stipola regoli ddettaljati rigward il-primjum tal-għelejjel tal-proteina,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 767/2009[7] dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-għalf,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 68 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, li jippermetti lill-Istati Membri jagħtu appoġġ għall-għelejjel tal-proteina fuq it-territoju tagħhom, u ġie utilizzat speċifikament minn Franza, Spanja, il-Polonja u l-Finlandja,

   wara li kkunsidra l-istudju mid-direttorat ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali dwar “l-Impatt Ekonomiku tal-GMOs mhux approvati fuq l-Importazzjonijiet tal-Għalf tal-UE u l-Produzzjoni tal-Bhejjem”,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet rigward ir-rwol tar-riċerka u l-għarfien lokali, inkluż ir-rwol tal-pjanti proteiċi leguminużi, li saru fir-rapport tal-“Valutazzjoni Internazzjonali tal-Għarfien, ix-Xjenza u t-Teknoloġija Agrikoli (IAASTD)” dwar il-provvista dinjija tal-ikel, imwettaq mill-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Biedja (FAO) u l-Bank Dinji,

- wara li kkunsidra l-istudji mitluba mill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u li ġew ippreżentati fil-workshop li sar fil-11 ta’ Ottubru 2010,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Marzu 2008 dwar “Agrikoltura sostenibbli u l-bijogass: reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE”[8],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Procedura tieghu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7‑0026/2011),

a)  Fatti bażiċi dwar id-defiċit tal-proteini: provvista, domanda u kummerċ internazzjonali

A.  billi l-produzzjoni totali tal-għelejjel tal-proteina tal-UE bħalissa tokkupa biss 3% tal-art tal-ħrit tal-Unjoni u tforni biss 30% tal-għelejjel tal-proteina kkunsmati bħala għalf tal-annimali fl-UE, b’tendenza fuq dawn l-aħħar għaxar snin lejn żieda f’dan id-defiċit,

B.  billi f’ċerti Stati Membri, żoni sostanzjali ta’ art għall-agrikoltura baqgħu mhux maħduma sena wara l-oħra, bil-potenzjal produttiv tagħhom li qed jinħela,

C. billi, storikament, dan id-defiċit sinifikanti fil-produzzjoni tal-għelejjel tal-proteina jmur lura għal ftehimiet kummerċjali internazzjonali li ġew stabbiliti preċedentement, speċjalment mal-Istati Uniti, li ppermettew lill-UE tipproteġi l-produzzjoni tagħha taċ-ċereali u min-naħa l-oħra ppermettew l-importazzjoni ta' prodotti tal-għelejjel tal-proteina u taż-żrieragħ żejtnija mingħajr dazju għal ġo l-UE (GATT u l-Ftehim ta' Blair House tal-1992); billi dan kien relatat mal-progress sinifikanti fl-effiċjenza tal-produzzjoni tal-għelejjel tal-proteina u l-użu ta’ teknoloġiji ġodda barra mill-UE, li jwasslu għal żvantaġġ kompetittiv għall-bdiewa tal-UE li jqisu l-produzzjoni tal-għelejjel tal-proteina ekonomikament mhux attraenti,

D. billi 70% (45 miljun tunnellata fl-2009) tal-għelejjel tal-proteina kkunsmati, speċjalment il-fażola tas-sojja, qed jiġu importati, prinċipalment mill-Brażil, l-Arġentina u l-Istati Uniti tal-Amerika u madwar 60% ta’ dawn l-importazzjonijiet huma prodotti sekondarji, li jirriżultaw fil-produzzjoni ta’ żejt tal-pjanti raffinat u bħala dqiq għall-għalf tal-annimali (partikolarment id-dqiq tas-sojja),

E.  billi, minħabba li l-volumi prodotti huma tant baxxi, l-industrija tal-ikel kompost Ewropea tuża biss 2 miljun tunnellata ta’ għelejjel tal-proteini kull sena imma tqis li tkun kapaċi tuża kważi 20 miljun tunnellata fis-sena,

F.  billi dawn il-prodotti importati jirrappreżentaw l-ekwivalent ta’ 20 miljun ettaru kkultivat barra l-UE, jew aktar minn 10% tal-art tal-ħrit tal-UE u dawn il-prodotti mhumiex suġġetti għall-istess restrizzjonijiet regolatorji ambjentali, tas-saħħa u tal-GMOs bħall-produtturi Ewropej,

G. billi ż-żieda ta’ konsumaturi ġodda għall-fornituri tal-Amerika t’Isfel, b’mod partikolari ċ-Ċina, li mhumiex daqshekk eżiġenti bħall-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-produzzjoni u strateġija tal-provvista pjuttost opaka, tista’ fl-aħħar mill-aħħar iddgħajjef l-istabilità tas-swieq u l-katina tal-provvista tal-UE,

H. billi s-settur kollu kemm hu tal-bhejjem tal-UE sar vulnerabbli għall-volatilità tal-prezzijiet u d-distorsjoni fis-suq, kif ukoll huwa dipendenti mill-importazzjoni ta’ proteini bi prezzijiet raġonevoli u ta’ valur għoli u l-kompetittività tiegħu hija pperikolata mill-ispejjeż żejda ta’ proteini importati għall-għalf, li jirriżultaw minħabba n-nuqqas ta’ soluzzjonijiet tekniċi fil-qafas tal-politika ta’ ebda tolleranza fir-rigward tal-preżenza ta’ GMOs mhux permessi fil-pjanti;

I.   billi n-nuqqas ta' prodotti importati tas-sojja u l-qamħirrum jimponi piż addizzjonali fl-ispejjeż għas-setturi tat-trobbija tal-bhejjem u tal-prodotti tal-għalf fl-UE, u jqiegħed fil-periklu l-vijabilità ekonomika tal-produzzjoni domestika tal-laħam,

J.   billi, bħala konsegwenza tal-persentaġġ żgħir ta’ għelejjel tal-magħlef leguminuż niexef (xnien, silla, tip ta’ ħuxlief eċċ.) u għelejjel taż-żrieragħ (piżelli, sojja, lupina, tip ta’ ful, ġulbiena, eċċ.) prodotti fl-UE, in-numru ta’ programmi għar-riċerka tal-proteini tal-pjanti fl-UE waqa’ minn 50 fl-1980 għal 15 fl-2010, u t-taħriġ u l-akkwist ta’ esperjenza prattika fil-produzzjoni domestika tal-għelejjel tal-proteina ġew ittraskurati, ħaġa li wasslet għal livell baxx ta’ innovazzjoni u ta’ produzzjoni taż-żrieragħ adattata reġjonalment fl-UE,

K. billi l-UE hija dipendenti ħafna fuq il-fażola tas-sojja u l-qamħirrum importati minn pajjiżi terzi u kwalunkwe interruzzjoni tal-provvista ta’ dawn il-prodotti minħabba preżenza żgħira ħafna ta' GMOs mhux awtorizzati jkollha konsegwenzi bi spejjeż kbar ħafna fuq l-industrija tal-għalf Ewropea,

L.  billi politika tar-riċerka għandha biss il-probabilità li tkun ta’ suċċess jekk taqa’ taħt impenji fuq tul ta’ żmien medju sa dak twil, li fil-preżent mhuwiex il-każ għall-għelejjel tal-proteina,

M. billi l-għarfien tal-bdiewa ta’ prattiki sostenibbli li jorbtu bejniethom il-produzzjoni tal-għelejjel u l-produzzjoni tal-bhejjem permezz ta’ newb ibbilanċjat tal-għelejjel u użu adegwat taż-żoni ta’ mergħat tal-ħaxix jista’ jintilef, u billi l-kwalità tal-għelejjel tal-proteina domestiċi barra minn hekk ma toffrix il-kwalità ta' għalf kompost meħtieġ fid-diversi setturi tal-produzzjoni tal-annimali,

N. billi, biex l-għelejjel tal-proteina jsiru element sostenibbli fix-xejriet tal-għelejjel, id-dħul minn dan l-għelejjel irid jiżdied fi żmien qasir, b’mod partikolari permezz ta’ appoġġ speċifiku tal-PAK,

b)  Dikjarazzjonijiet bażiċi dwar il-vantaġġi tat-tnaqqis tad-defiċit tal-proteini

O. billi l-ibbilanċjar mill-ġdid tal-provvista u l-konsum taċ-ċereali, il-proteini u ż-żrieragħ żejtnija fl-UE jista’ jkollu benefiċċji ekonomiċi mill-akbar għall-bdiewa u għall-industrija tal-ikel u tal-għalf, barra milli jtejjeb il-varjetà tal-ikel ta’ kwalità u sustanzjuż għall-konsumaturi, jekk l-isfidi l-ġodda li huma enfasizzati fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni fil-qafas politiku għar-riforma li se ssir dalwaqt tal-PAK jiġu kkunsidrati,

P.  billi għandhom jittieħdu l-opportunitajiet kollha mogħtija mill-miżuri ta’ promozzjoni varji biex jitħeġġeġ il-konsum uman taċ-ċereali, tal-għelejjel tal-proteina u taż-żrieragħ żejtnija, li jridu jiġu protetti aktar taħt skema tal-kwalità tal-prodotti agrikoli għall-protezzjoni ta’ prodotti ġeografiċi u tradizzjonali, b’hekk tiġi megħjuna l-preservazzjoni tal-ikel lokali u reġjonali magħmul minn dawn il-prodotti,

Q. billi, fil-kuntest tal-bidla fil-klima, jista’ jingħata kontribut għal tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra permezz tal-produzzjoni tal-għelejjel tal-proteina, jiġifieri permezz ta’ assimilazzjoni u t-twaħħil tan-nitorġenu fil-ħamrija (li jammonta għal sa 100 kgN/ha fix-xahar) u t-tnaqqis sussegwenti fl-użu tal-fertilizzant tan-nitroġenu sintetiku, li fih l-ossidu nitruż li għandu potenzjal ta’ tisħin 310 darbiet ogħla minn dak tad-dijossidu tal-karbonju,

R.  billi l-programm ‘GL-pro’ tal-UE wera li l-introduzzjoni ta’ għelejjel tal-proteina darba kull erba’ snin fin-newb tal-għelejjel tirriżulta f’waqgħa sinifikanti fl-emissjonijiet tas-CO2 b’madwar 10% sa 15% u tnaqqas il-produzzjoni tal-ożon,

S.  billi, f’dik li hi fertilità tal-ħamrija, persentaġġ ogħla ta’ għelejjel tal-proteina kkultivati fuq art tal-ħrit bħala parti minn żieda fis-sistemi ta’ newb tal-għelejjel u l-pjanijiet tal-imblukkar jikkontribwixxi għal ħażna aktar ibbilanċjata ta’ nutrienti, inqas aċidifikazzjoni tal-ħamrija, reżistenza msaħħa kontra l-mard, struttura aħjar tal-ħamrija (inkluża effiċjenza enerġetika akbar għat-trattament tal-ħamrija), inqas użu tal-erbiċidi u aktar bijodiversità li tgħin il-fertilizzazzjoni bil-polline,

T.  billi n-numru ta’ għelejjel li jkunu qed jiġu mnewba huwa fattur fit-tnaqqis tal-probabilità ta’ mard u l-propagazzjoni ta’ ħaxix ħażin, u konsegwentement il-bżonn għal trattamenti tal-protezzjoni tal-pjanti, u billi l-kultivazzjoni ta’ persentaġġ ogħla ta’ għelejjel tal-proteina, bħala parti mis-sistema ta’ tinwib tal-għelejjel, tista’ tgħin biex jonqos il-konsum tal-enerġija b’10%,

U. billi, f’dak li hu mmaniġġjar tal-ilma, b’mod partikolari l-użu, fil-produzzjoni tal-għalf tal-annimali, ta’ għelejjel leguminużi – bħalma huma taħlitiet ta’ ħaxix u silla permanenti jew taħlitiet ta’ ċereali u għelejjel tal-proteini – u l-kopertura permanenti tal-ħamrija jistgħu sostanzjalment inaqqsu t-tnixxija ta’ nutrijenti li jitilqu mal-ilma, speċjalment in-nitrati u l-fosfati, għal ġol-ilma ta’ taħt l-art,

V. billi, f’dik li hi bijodiversità agrikola, l-użu estiż tal-għelejjel tal-proteina li huma adattati għall-kondizzjonijiet klimatiċi Ewropej, bħalma huma l-fażola, is-sojja, il-piżelli, l-għads, il-lupina, iċ-ċiċri, l-alfalfa/xnien, is-silla, il-Phacelia spp, il-Lotus corniulatus u l-ħuxlief (sainfoin), se jistabbilizza u jseddaq sostanzjalment id-diversità fi ħdan is-sistema tal-produzzjoni,

W. billi, f’dik li hi produzzjoni tal-proteini u s-sigurtà globali tal-ikel, jeħtieġ li jintlaħaq bilanċ aħjar bejn il-produzzjoni tal-proteini tal-għelejjel u l-produzzjoni tal-proteini tal-annimali, speċjalment fir-rigward tal-ammont ta’ enerġija, ilma u mezzi ta’ produzzjoni esterni li bħalissa qed jiġu kkunsmati għall-produzzjoni intensiva tal-proteini tal-annimali f’kuntrast mal-produzzjoni tal-għelejjel tal-proteina għall-konsum tal-bniedem, bil-bilanċ dinji tal-ikel dejjem bħala l-punt ewlieni,

X. billi ħafna politiki tal-UE għandhom impatt fuq id-defiċit tal-proteini tal-UE, u billi l-Kummissjoni trid ukoll tanalizza l-kwistjonijiet tal-produzzjoni tal-GMOs ġewwa u barra mit-territorju tal-UE, l-iżvilupp tal-bijofjuwils u l-valutazzjoni mill-ġdid tal-projbizzjoni totali tal-proteini tal-annimali fl-għalf tal-annimali,

Y. billi, minbarra bl-użu tal-għelejjel tal-proteina tal-post, il-kwalità tal-għalf kompost li ma jkunx impurtat jista’ jittejjeb ukoll permezz tal-użu tal-prodotti sekondarji taż-żrieragħ żejtnija bħalma huma dawk tas-sojja u tal-warda tax-xemx u tal-kolza,

Z.  billi l-użu ta’ għelejjel tal-magħlef leguminuż niexef jew ta’ għelejjel taż-żrieragħ minflok proteini importati – primarjament is-smid miċ-ċapep tas-soja – jista’ jwassal għal bidliet sinifikanti fil-metodi tat-trobbija u b’hekk ikollu sehem fit-titjib tal-kwalità ta’ prodotti agrikoli (minn prodotti standard għal prodotti ċċerifikati b’bidliet fil-piżijiet relattivi applikabbli) u d-dħul tal-produtturi,

AA.     billi l-projbizzjoni tal-użu tal-proteina tal-annimali fl-għalf tal-annimali ġiet introdotta b’segwitu għall-kriżi tal-BSE biex tiġi evitata kull kontaminazzjoni tat-TSE; billi din il-projbizzjoni għandha titneħħa biss fuq il-bażi ta’ fatti xjentifiċi u miżuri suffiċjenti ta’ prekawzjoni u kontroll; billi fuq il-bażi ta’ dawn il-kundizzjonijiet il-proteini tal-annimali pproċessati mill-intern tal-annimali għall-produzzjoni tal-għalf għall-annimali monogastriċi (ħnieżer u tjur) għandhom jiġu kkunsidrati, sakemm l-ingredjenti joriġinaw minn laħam li ġie approvat għall-konsum tal-bniedem, u li l-projbizzjoni tar-riċiklaġġ bejn l-ispeċi u l-kannibaliżmu sfurzat tiġi infurzata u kkontrollata;

c)  Dikjarazzjonijiet bażiċi bi tweġiba għall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni: it-tħejjija tal-bażi għar-rakkomandazzjonijiet u domandi

AB.     billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Novembru 2010 tenfasizza b’mod ċar il-ħtieġa li tiġi mseddqa l-produzzjoni tal-għelejjel tal-proteina fi ħdan sistema aktar integrata ta’ newb tal-għelejjel,

AC.     billi diversi studji mwettqa mill-FAO, il-Kummissjoni u awtoritajiet kompetenti fi ħdan l-Istati Membri wrew li l-użu mtejjeb tal-għelejjel tal-proteini fl-agrikoltura tal-UE għandu l-potenzjali li jagħmel il-provvista tal-għalf tal-annimali aktar affidabbli billi jagħmel użu minn miżuri agroambjentali,

AD.     billi l-koltivazzjoni tal-għelejjel tal-proteina hija vantaġġjuża għall-bdiewa f’diversi oqsma: il-produzzjoni tal-għalf tal-annimali fuq il-post fl-impriża tal-biedja stess bl-użu ta’ għelejjel imħallta bħalma huma ċ-ċereali u l-fażola, il-produzzjoni tal-għelejjel tal-proteina għall-konsum mill-bniedem u l-forom kollha ta’ biedja sostenibbli,

AE.     billi fil-preżent l-Istati Membri jistgħu jipprovdu appoġġ speċifiku għall-produzzjoni tal-għelejjel tal-proteina bħala parti mill-programmi agroalimentari u l-“miżuri tal-Artikolu 68” għat-titjib tal-kwalità tas-sistemi tal-produzzjoni u għat-titjib tal-kwalità tal-ikel,

AF.     billi, flimkien mal-kultivazzjoni taċ-ċereali u tal-qamħirrum għall-produzzjoni tal-għalf u tal-enerġija, l-użu tas-sistemi estiżi tan-newb tal-għelejjel, iż-żrigħ imħallat fuq il-post fl-impriża tal-biedja stess u t-taħlitiet tal-ħaxix u s-silla, li huwa marbut ma’ vantaġġi ambjentali u agronomiċi kbar, għandhom jiġu promossi, peress li t-tkabbir tal-għelejjel leguminużi bħala parti minn sistema ta’ newb jista’ jħares mill-mard u jirriġenera l-ħamrija, u kif ukoll jista’ jkollu effetti pożittivi fuq il-popolazzjoni tad-dakkara u jipproteġi l-klima,

AG.     billi ż-żieda fil-produzzjoni taċ-ċereali fl-Ewropa ċentrali se teħles art għar-raba’ mal-Ewropa u tagħmilha possibbli għall-għelejjel, u b’mod partikolari l-għelejjel tal-proteina, li jiġu ttrasferiti mal-Ewropa kollha,

AH.     billi ż-żieda reċenti fil-volatilità tal-prezzijiet tal-prodotti agrikoli bażiċi qajmu preokkupazzjonijiet mill-akbar dwar il-kompetittività tas-settur tat-trobbija tal-bhejjem Ewropew u d-dipendenza għolja tiegħu fuq importazzjonijiet tal-għalejjel tal-proteina, billi l-UE teħtieġ pjan ġenwin ta’ żvilupp strateġiku għall-proteini tal-pjanti u r-rwol speċifiku tagħhom biex wieħed jirrispondi għall-isfidi ġodda (it-tibdil fil-klima, ġestjoni aħjar tar-riżorsi naturali); billi tnaqqis fid-defiċit tal-proteina wkoll jeħtieġ sforzi kbar f’riċerka u trobbija tal-bhejjem imtejba, kif ukoll miżuri li jsaħħu infrastruttura adegwata għall-produzzjoni, il-ħżin u l-ipproċessar ta’ għelejjel tal-proteina; billi anki l-prodotti sekondarji tal-produzzjoni ta’ żrieragħ żejtnija u agrofjuwils jistgħu jiġu kkunsidrati bħala għalf għall-annimali, sakemm jiġu mħarsa regoli stretti biex jiġi żgurat li l-prinċipju ta’ prekawzjoni jiġi applikat bis-sħiħ u li ma jkunx hemm riskji għas-saħħa tal-annimali u tal-bniedem,

AI. billi l-problema ta’ tolleranza zero għall-importazzjonijiet tal-għalf trid tkun diskussa aktar u billi jridu jinħolqu approċċi li jwasslu għal soluzzjonijiet prattiċi,

AJ. billi t-toroq tal-prodotti agrikoli u industrijali huma f’ħafna modi marbutin flimkien u ċerti prodotti sekondarji tal-produzzjoni tal-bijofjuwil huma xierqa għal raġunijiet ta’ ikel,

1.  Jistieden lill-Kummissjoni tassumu perspettiva fuq żmien medju sa żmien twil fir-rieżami tagħha tal-politika dwar il-proteini, filwaqt li tiżgura li l-proposti leġiżlattivi tagħha għar-riforma tal-PAK ikunu jinkludu miżuri u strumenti ġodda adegwati u affidabbli sabiex jgħinu lill-bdiewa jtejbu s-sistemi ta’ newba biex jonqsu sostanzjalment id-defiċit attwali tal-proteina u l-volatilità tal-prezzijiet;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq malajr lill-Parlament u lill-Kunsill rapport dwar il-possibilitajiet u l-għażliet li hemm biex tiżdied il-produzzjoni domestika tal-għelejjel tal-proteina fl-UE permezz ta’ strumenti ġodda tal-politika (anki billi jiġi kkunsidrat l-użu ta’ żrieragħ żejtnija u l-prodotti sekondarji tagħhom u l-ammont potenzjali għas-sostituzzjoni tal-importazzjonijiet), l-effett potenzjali fuq id-dħul tal-bdiewa, il-kontribuzzjoni li tagħmel biex ittaffi t-tibdil tal-klima, l-effett fuq il-bijodiversità u l-fertilità tal-ħamrija, u l-potenzjal għat-tnaqqis tal-mezzi tal-produzzjoni esterni meħtieġa fis-sura ta’ fertilizzanti minerali u pestiċidi;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta dwar l-impatt tar-regola tat-tolleranza zero fuq il-preżenza fl-għalf importat ta’ GMOs li mhumiex awtorizzati fl-Ewropa, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari għall-possibilità li jiġu introdotti l-valuri tal-limitu u l-applikazzjoni prattika tagħhom;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni żżomm f’postha l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-magħlef imnixxef sal-2013, sabiex tiżgura s-sopravvivenza kontinwa ta’ dan is-settur ewlieni, li huwa kruċjali fil-produzzjoni ta’ proteini tal-għalf għas-settur tat-trobbija tal-bhejjem;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa r-riċerka fit-tnissil u l-provvista taż-żrieragħ tal-għelejjel tal-proteina fl-UE, inkluża l-kontribuzzjoni tagħhom għall-kontroll tal-mard, u tagħmel proposti għar-riċerka u l-iżvilupp dwar modi kif jittejbu s-servizzi ta’ estensjoni u taħt l-intestatura tal-iżvilupp rurali dwar is-servizzi tat-taħriġ għall-bdiewa fl-użu tan-newb tal-għelejjel u ż-żrigħ imħallat għall-produzzjoni u l-faċilitajiet tekniċi għall-produzzjoni tal-għalf fuq il-post stess tal-impriża tal-biedja;

6.  Jitlob lill-Kummissjoni biex, fil-qafas tal-promozzjoni tal-iżvilupp rurali, tressaq miżuri li jħeġġu żieda fin-numru ta’ annimali b’materjal bijoloġiku ta’ valur għoli u b’potenzjal produttiv, u t-tixrid tal-aħjar prattiki fl-introduzzjoni tal-użanzi ottimali tal-għalf, bil-għan li jiġi ggarantit użu effiċjenti tal-għelejjel tal-proteina użati għall-għalf tal-annimali;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi qafas għal miżuri ta’ żvilupp rurali li jintroduċu faċilitajiet imtejba u deċentralizzati għall-produzzjoni tal-għalf tal-annimali, ibbażati fuq il-varjetajiet lokali u reġjonali tal-għelejjel, il-ħżin ta’ dawk l-għelejjel u l-għażla u l-iżvilupp taż-żrieragħ;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni tal-effetti tat-tariffi ta’ importazzjoni attwali u l-ftehimiet kummerċjali dwar diversi għelejjel taż-żrieragħ żejtnija u tal-proteina u tissottometti lill-Parlament u l-Kunsill studju legali dettaljat dwar l-ambitu attwali tal-ftehimiet Blair House dwar il-produzzjonijiet tal-għelejjel tal-proteina fl-Ewropa;

9.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura provvista tas-sojja mingħajr ostakli għas-suq tal-UE billi tiġi pprovduta soluzzjoni teknika għall-preżenza ta’ livell baxx ta’ GMOs għall-għelejjel tal-proteina għall-ikel u l-għalf importat fl-UE; ifakkar li nuqqasijiet fl-importazzjonijiet tas-sojja jimponu piż tal-ispejjeż addizzjonali fuq is-setturi tal-bhejjem u tal-għalf tal-UE, u jqiegħdu l-vijabilità ekonomika tal-produzzjoni domestika tal-laħam f'riskju;

10. Jistieden lill-Kummissjoni biex, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, tikkunsidra l-inklużjoni fil-proposti leġiżlattivi tagħha għal PAK riformat u, lilhinn minn dan, il-promozzjoni tal-użu ta' newb tal-għelejjel tal-proteina bħala miżura ta’ prekawzjoni kontra l-mard tal-għelejjel u kontribuzzjoni għal prattiki agrikoli mtejba u l-isfidi l-ġodda bħas-sikurezza tal-ikel, it-tibdil fil-klima, il-ġestjoni tar-riżorsi eċċ., filwaqt li jiġi rikonoxxut il-fatt li l-biedja lokali u tal-prossimità jkunu ta’ benefiċċju aħjar għall-ambjent;

11. Jistieden lill-Kummissjoni tadotta miżuri xierqa li joħolqu kundizzjonijiet tas-suq li jiffavorixxu l-produzzjoni lokali meta mqabbla mal-prodotti importati, u li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-industrija tal-għalf, inkluża l-introduzzjoni ta’ mudelli għal katini tal-provvista qosra u ħielsa mill-GMOs u l-produzzjoni ċċertifikata; jirrikonoxxi l-fatt li l-biedja lokali u tal-prossimità huma ta’ benefiċċju akbar għall-ambjent;

12. Jistieden lill-Kummissjoni tissottometti proposta leġiżlattiva lill-Parlament u l-Kunsill li tawtorizza l-użu ta’ proteini tal-annimali pproċessati mill-intern tal-annimali għall-produzzjoni tal-għalf għall-annimali monogastriċi (ħnieżer u tjur), sakemm l-ingredjenti joriġinaw minn laħam li ġie approvat għall-konsum tal-bniedem, u li l-projbizzjoni tar-riċiklaġġ bejn l-ispeċi u l-kannibaliżmu sfurzat tiġi infurzata u kkontrollata;

13. Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi programm ta’ qafas speċifiku għal riċerka għall-iżvilupp agrikolu u rurali deċentralizzat u biex ittejjeb il-kooperazzjoni Ewropea u internazzjonali, inkluż programmi ta’ taħriġ fuq il-post fl-impriżi tal-biedja stess dwar it-titjib tat-trawwim u t-tnissil ta’ pjanti tal-proteini adattati lokalment, bil-għan li dan isir qasam innovattiv fl-Istati Membri varji;

14. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi approċċ politiku globali u koerenti għall-applikazzjoni tar-regoli agroambjentali għall-prodotti tal-ikel mibjugħa fit-territorju tal-UE rigward l-importazzjoni ta' għelejjel tal-proteina modifikati ġenetikament;

15. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi mekkaniżmu għall-monitoraġġ tal-oriġini ta’ għelejjel tal-proteina impurtati fl-UE, li jiżvela b’mod partikolari s-sostenibilità tal-prattiki agrikoli applikati fil-pajjiż tal-oriġini, bħat-tibdil fl-użu tat-territorju u s-sostenibilità tal-użu tal-ilma, u l-użu ta’ teknoloġiji agrikoli; jenfasizza li, għal dan il-għan, jeħtieġ li jkun hemm kontrolli regolari fuq il-post;

16. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-inklużjoni fil-proposti leġiżlattivi tagħha dwar ir-riforma tal-PAK il-provvista ta’ appoġġ lill-bdiewa li jikkoltivaw l-għelejjel b’sistemi tan-newba tal-għelejjel, li jikkontribwixxu għat-tnaqqis fil-GHGs u d-defiċit tal-proteina tal-għelejjel fl-UE u jtejbu l-kontroll tal-mard u l-fertilità tal-ħamrija;

17. Jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq miżuri bbażati fuq l-inċentivi li jħeġġu l-bidu tal-produzzjoni ta’ art mhux maħduma, li jistgħu jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għat-tnaqqis tad-defiċit tal-proteina fl-UE;

18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

NOTA SPJEGATTIVA

Id-defiċit tal-għelejjel tal-proteina tal-UE

Studju riċenti ppubblikat mill-Kummissjoni Ewropea* fuq is-settur tal-għelejjel tal-proteina jiżvela tnaqqis notevoli fil-produzzjoni tal-għelejjel tal-proteina fl-Unjoni Ewropea f’dawn l-aħħar għaxar snin. Il-legumi mnixxfa prinċipali minbarra s-sojja naqsu bi 30%, u l-produzzjoni tas-sojja naqset bi 12%. Din it-tendenza tkompli żżid ma dik li diġà hija dipendenza allarmanti eżistenti tal-Unjoni mill-prodotti importati tal-għelejjel tal-proteina, li prinċipalment jintużaw għall-għalf tal-annimali u jġibu magħhom riskji mill-akbar speċjalment għas-settur tal-bhejjem tal-UE, peress li l-volatilità tal-prezzijiet fis-swieq internazzjonali żdiedet sostanzjalment. *(Rapport internazzjonali LMC).

Il-produzzjoni tal-għelejjel tal-proteina tal-UE bħalissa tokkupa biss 3% tal-art tal-ħrit tal-Unjoni (minbarra l-frott u l-ħxejjex). Minkejja l-appoġġ pubbliku għas-settur mill-1978 ’l hawn, il-produzzjoni tal-legumi mnixxfa, li żdiedet temporanjament matul is-snin tmenin, reġgħet naqset għal bejn wieħed u ieħor miljun ettaru fl-2008. Aktar minn 40 miljun tunnellata ta' proteini tal-għelejjel, prinċipalment is-sojja u l-għalf tal-glutina tal-qmuħ qed jiġu impurtati kull sena, ammont li jirrappreżenta 80% tal-konsum tal-proteini tal-għelejjel fl-UE. F’dak li jirrigwarda l-użu tal-art barra mill-Ewropa għall-prodotti impurtati tal-proteini tal-għelejjel għal ġol-UE, dan jirrappreżenta għaxra fil-mija tal-art tal-ħrit tal-UE, jew 20 miljun ettaru.

Raġunijiet storiċi għad-defiċit u l-konsegwenzi tiegħu

Id-defiċit fil-produzzjoni tal-għelejjel tal-proteina jmur lura għal ftehimiet kummerċjali internazzjonali li ġew stabbiliti preċedentement (Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) u l-Ftehim ta' Blair House), li ppermettew lill-UE tipproteġi l-produzzjoni tagħha taċ-ċereali u min-naħa l-oħra ppermettew l-importazzjoni ta' prodotti taż-żrieragħ żejtnija u tal-għelejjel tal-proteina mingħajr dazju għal ġo l-UE. Il-produzzjoni tal-għelejjel tal-proteina kienet għalhekk fi żvantaġġ kompetittiv sever u hekk naqset ħafna f’daqqa. Il-bdiewa u n-negozju tal-ipproċessar lokali tilfu għalhekk l-interess fl-għelejjel tal-proteina u tilfu wkoll l-għarfien prattiku tal-ikkultivar u ta' kif iżidulhom fil-valur. Dawk li jrawmu u jnisslu l-pjanti waqfu jiżviluppaw varjetajiet reżistenti għall-mard u bi prestazzjoni għolja. Ir-riċerka Ewropea f’dan il-qasam ukoll naqset sostanzjalment filwaqt li rriflettiet id-domanda baxxa għaż-żrieragħ u għall-appoġġ tekniku. L-UE qiegħda tnaqqas fażi fażi l-appoġġ għall-għelejjel tal-proteina u għall-faċilitajiet tat-tnixxif għax-xnien/alfalfa u tipi oħra ta’ għalf leguminuż niexef. Il-fatt l-aktar inkwetanti huwa li fl-Ewropa kollha, l-esperjenza prattika fil-produzzjoni tal-għelejjel tal-proteina bħala parti min-newb tal-għelejjel estiż qed tintilef, inklużi s-selezzjoni fuq il-post fl-impriża tal-biedja stess, il-ħażna, l-ipproċessar u l-użu bħala għalf tal-annimali fuq il-post. Fl-aħħar, anke l-kummerċjanti tal-għelejjel taż-żjut u tal-proteini issa huma ffukati għalkollox fuq il-prodotti impurtati tal-għelejjel tal-proteina u ftit juru interess fil-produzzjoni domestika.

Tnaqqis tad-defiċit tal-proteina tal-UE - element importanti tar-riforma tal-PAK

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri indikaw il-vantaġġi ta' provvista u konsum aktar ibbilanċjati ta' għelejjel tal-proteina domestiċi bħala parti minn strateġija integrata li tirreaġixxi għal sfidi ġodda bħat-tibdil tal-klima, it-telf tal-bijodiversità agrikola, it-tnaqqis tal-ħamriji, u t-tniġġis tal-ilma ta' taħt l-art u l-volatilità tal-prodotti agrikoli fis-suq dinji. L-użu estiż tal-għelejjel tal-proteina fin-newb tal-għelejjel joffri vantaġġi mill-akbar kemm mil-lat tal-agroambjent u kemm minn dak tat-tafja tat-tibdil tat-temp. Rigward it-tibdil tal-klima, il-varjetajiet leguminużi bħalma huma l-piżelli tal-għalqa, il-ful u l-ful tal-għalqa, il-lupina, l-għads, iċ-ċiċri, imma wkoll ix-xnien/l-alfalfa u s-silla jistgħu jnaqqsu sostanzjalment l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra permezz tal-assimilazzjoni u t-twaħħil tan-nitroġenu fil-ħamrija u b’hekk l-użu tal-fertilizzant tan-nitroġenu jitnaqqas b’sa 100kg N għal kull ettaru u għal fix-xahar. B’persentaġġ ogħla ta’ għelejjel tal-proteina fin-newb tal-għelejjel, jittejbu l-fertilità u l-istruttura tal-ħamrija, il-ħżin tan-nutrijenti kif ukoll is-saħħa tal-għelejjel li jiġu wara. Taħlitiet permanenti ta’ ħaxix u silla għall-għalf tal-annimali, taħlitiet ta’ ċereali u proteini jkopru l-ħamriji aħjar u hekk inaqqsu t-telf tan-nutrijent li jistgħu jitilqu mal-ilma għal ġol-ilma ta’ taħt l-art u x-xmajjar, kif ukoll joffru kundizzjonijiet aħjar għan-naħal u insetti oħra tad-tidkir. In-newb estiż tal-għelejjel inaqqas il-ħtieġa ta’ intervent għall-ħarsien tal-għelejjel u jista’ jikkontribwixxi għall-konservazzjoni tad-diversità fl-ispeċijiet u l-varjetajiet selvaġġi u kkultivati

Għelejjel tal-proteina u newb imkabbar tal-għelejjel - spejjeż imnaqqsa tal-produzzjoni u vantaġġi ambjentali akbar

L-użu estiż ta' għelejjel leguminużi fin-newb tal-għelejjel inaqqas sostanzjalment il-ħtieġa li jiġi applikat il-fertilizzant tan-nitroġenu, ħaġa li tikkontribwixxi mhux biss għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fil-produzzjoni tagħhom imma wkoll l-ispejjeż ġenerali tal-produzzjoni għall-bdiewa. B’tendenza globali lejn prezzijiet li kulma jmur dejjem jogħlew taż-żejt mhux raffinat, l-ispejjeż għall-mezzi ta’ produzzjoni agrikoli inklużi l-fjuwils ukoll qed jiżdiedu kontinwament. In-newb tal-għelejjel inklużi l-għelejjel tal-proteina jista’ jnaqqas il-konsum tal-fjuwil fit-trattament tal-ħamrija, peress li l-kontenut tal-ħumus (materjal organiku) u tat-tìra tal-ħamrija jkun ippriservat aħjar u l-ħamrija tkun teħtieġ li tinħadem inqas. Studju riċenti ppubblikat mill-Parlament Ewropew (PE 438.591) u studju tal-Kummissjoni Franċiża dwar l-iżvilupp sostenibbli tal-Gvern Franċiż (Diċembru 2009 nru 15) jistma tnaqqis fl-ispejjeż għall-fertilizzanti fi Franza ta’ sa EUR 100 miljun fis-sena. Fi ftit kliem, fl-istudji msemmija ġew identifikati l-vantaġġi li ġejjin tal-produzzjoni tal-għelejjel tal-proteina fi ħdan newb estiż tal-għelejjel:

Żieda fit-twaħħil tan-nitroġenu, il-ħolqien ta’ proporzjon ta' C/N ibbilanċjat fil-ħamrija u titjib tal-kontenut tal-ħumus, tnaqqis fit-trattamenti bil-pestiċidi u fl-użu tal-erbiċidi bħala konsegwenza tat-tnaqqis fil-mard tal-pjanti u fl-invażjoni tal-ħxejjex; struttura mtejba tal-ħamrija.

Kwalità tal-produzzjoni tal-għelejjel tal-proteina u materjal tal-għalf kompost

L-effiċjenza tal-użu tal-għelejjel tal-proteina fil-produzzjoni tal-għalf tal-annimali jiddependi bil-kbir mill-kontenut tal-aċidi amminiki essenzjali fid-diversi għelejjel u l-kompożizzjoni ta’ prodotti tal-għalf komposti. Is-sojja bħalissa hija meqjusa li tagħtu l-ogħla kontenut integrat ta’ dawn l-aċidi b’bilanċ tajjeb ħafna ta’ nutrijenti speċjalment għall-produzzjoni tal-majjal u tat-tjur. Għalhekk illum il-ġurnata l-kontenut ta’ sojja fil-prodotti tal-għalf komposti huwa ta’ madwar 50% għall-bajd u l-produzzjoni tat-tjur hija bbażata fuq is-sojja. Fil-produzzjoni tal-laħam tal-majjal u taċ-ċanga l-kontenut tas-sojja tal-għalf kompost ivarja madwar 28% u 21% rispettivament.

Il-possibilitajiet biex tiġi sostitwita s-sojja impurtata u prodotti oħra tal-għalf tal-annimali li mhumiex prodotti domestikament jiddependu b’mod qawwi minn inċentivi ġodda biex il-bdiewa jkabbru dawn l-għelejjel u minn infrastruttura adegwata għall-ipproċessa f’għalf tal-annimali. Il-Kummissjoni Ewropea għandha għalhekk teżamina possibilitajiet biex tegħleb il-livell baxx li hawn bħalissa ta’ riċerka, għażla ta’ żrieragħ u kkummerċjar, għarfien tal-produzzjoni, ħżin u użu ta’ dawn l-għelejjel għall-produzzjoni tal-għalf fuq il-post.

Appoġġ speċifiku, riċerka, servizzi ta’ estensjoni u taħriġ

Bil-għan li l-bdiewa jiġu offruti inċentivi ġodda biex ikabbru u jużaw l-għelejjel tal-proteina flimkien maċ-ċereali u ż-żieragħ żejtnija u l-prodotti sekondarji tagħhom, ir-riforma tal-PAK għandha tinkludi miżuri orizzontali li ma joffrux primjum tal-għelejjel speċifiku imma li jinkoraġġixxu l-prattiki tal-biedja li jirreaġixxu għall-isfidi ġodda u fl-istess ħin jegħilbu d-defiċit tal-proteina tal-Unjoni. L-Artikolu 68 tar-Regolament 73/2009 ġie użat minn għadd ta’ Stati Membri għal appoġġ speċifiku għall-produzzjoni tal-għelejjel tal-proteina bħala kontribut għall-prattiki agroambjentali. Madankollu din l-għażla għandha ssir prattika fl-UE kollha kemm hi biex tirreaġixxi għall-isfidi l-ġodda. Il-Kummissjoni għandha tqis ħlas ta’ ‘top-up’ b’newb obbligatorju ta’ mill-anqas erba’ għelejjel differenti inkluż tal-anqas wiċċ wieħed tal-proteina, kif ukoll appoġġ akbar għaż-żoni tal-mergħat tal-ħaxix permanenti li mhumiex tal-ħrit inklużi taħlitiet ta' għalf speċifiċi ta' ħaxix u legumi. Dawn il-miżuri mhux biss ikunu jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, imma wkoll ikunu jikkontribwixxu għal livell ogħla ta’ saħħa tal-pjanti u tal-annimali. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra wkoll appoġġ speċifiku tal-investimenti fil-faċilitajiet reġjonali, lokali jew fuq il-post stess fl-impriżi tal-biedja għall-ħżin, it-tindif, u l-ipproċessar tal-għelejjel tal-proteina fuq il-post bħala parti mill-programmi ta’ żvilupp rurali. Huwa importanti wkoll li jitwettaq studju dwar id-defiċits li hemm bħalissa fir-riċerka u fil-produzzjoni taż-żrieragħ, inklużi l-ħtiġijiet ta’ servizzi mtejba ta’ estenzjoni u li jikkunsidra approċċ deċentralizzat għall-programmi tar-riċerka li jkun iqis l-għarfien lokali tal-bdiewa u sistemi tal-biedja sostenibbli. Il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra wkoll li tistabbilixxi mill-ġdid unità tar-riċerka agrikola fid-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali.

Lejn bilanċ aħjar bejn il-produzzjoni tal-proteini tal-annimali u l-produzzjoni tal-proteini tal-pjanti

Bħalissa qed jiġi prodott persentaġġ għoli ħafna ta’ għelejjel tal-proteini għall-għalf tal-annimali, fil-waqt li l-konsum ta’ qmugħ u legumi mill-bniedem naqset kontinwament fl-UE. Rigward l-impenji tal-UE li tikkontribwixxi b’mod attiv għas-sigurtà globali tal-ikel u li tikkumbatti b’mod attiv kontra t-tibdil tal-klima, il-politika futura tal-iżvilupp agrikolu u rurali għandha taħdem mhux biss lejn produzzjoni tal-proteini tal-annimali u tal-proteini tal-pjanti aktar ibbilanċjata ħalli jitnaqqsu l-gassijiet b’effett ta’ serra u t-telf tan-nutrijenti mal-ilmijiet li jnixxu, imma għandha wkoll tkun ta’ motivazzjoni għall-konsumaturi, għall-awtoritajiet tal-akkwist pubbliku u għas-servizzi tal-ikel u x-xorb biex jagħmlu għażla tal-ikel fid-dieta tagħhom li tkun aktar ibbilanċjata, tirrispetta l-ambjent u b'għażla varjata.

Fl-istess ħin il-Kummissjoni għandha tieħu inizjattivi leġiżlattivi biex tnaqqas il-ħela tal-ikel fil-katina alimentari kollha kemm hi, inkluż l-intern tal-bhejjem maqtula l-biċċerija u l-fdal tal-ikel li l-użu u r-rimi tagħhom għadhom mhumiex regolati adegwatament. Il-Kummissjoni għandha tapplika b’mod sod il-prinċipju tal-prekawzjoni f’dan il-qasam, imma trid ukoll tieħu inizjattivi leġiżlattivi biex tnaqqas il-ħela tal-ikel u ttejjeb il-bilanċ ġenerali tal-produzzjoni tal-annimali u tal-għelejjel minħabba l-isfidi l-ġodda.

  • [1]  ĠU L 147, 18.6.1993, p. 25.
  • [2]  ĠU L 162, 12.6.1982, p. 28.
  • [3]  ĠU L 160, 12.6.1999, p. 1.
  • [4]  Testi adottati, P6_TA(2009)0191.
  • [5]  ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1.
  • [6]  ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16.
  • [7]  ĠU L 229, 1.9.2009, p. 1.
  • [8]  Testi adottati, P6_TA(2008)0095.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (2.2.2011)

għall-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

dwar id-defiċit ta’ proteini fl-UE: x’soluzzjoni għal problema li ilha teżisti?
(2010/2111(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Csaba Sándor Tabajdi

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi żieda fis-sehem ta' proteini veġetali fid-dieti tagħna u tnaqqis fil-konsum ta' laħam jirrappreżentaw sitwazzjoni fejn kulħadd jirbaħ, kemm rigward l-ambjent kif ukoll rigward is-saħħa tal-bniedem,

1.  Jenfasizza l-importanza li tiżdied il-produzzjoni tal-għelejjel tal-proteina fl-UE fil-kuntest tat-tibdil fil-klima, il-fertilità tal-ħamrija, il-ħarsien tal-ilma u l-bijodiversità; jenfasizza li l-Kummissjoni Ewropea għandha għalhekk iddaħħal inċentivi ġodda għall-produzzjoni u l-ħażna tal-għelejjel tal-proteina; jirrimarka, madankollu, li d-differenza bejn il-prezzijiet tas-suq rispettivi taċ-ċereali u tal-għelejjel tal-proteina, il-kompetizzjoni internazzjonali qalila tal-prezzijiet, u l-vantaġġ komparattiv li jgawdu minnu l-produtturi ta’ pajjiżi terzi konsegwenza ta' kundizzjonijiet klimatiċi, farms akbar, rekwiżiti ambjentali anqas stretti, spejjeż baxxi ta' ħaddiema u prezzijiet baxxi tal-art jirrikjedu rieżami tal-istrateġija tal-politika kummerċjali tal-UE u jagħmluha essenzjali li jingħata appoġġ immirat favur il-produzzjoni tal-għelejjel tal-proteina;

2.  Ifakkar il-konsegwenzi gravi tal-marda BSE tal-passat, li wasslet għal theddida għas-saħħa pubblika u projbizzjonijiet fuq skala kbira fuq l-esportazzjonijiet fis-suq intern tal-UE, fixklet l-attivitajiet kummerċjali esterni tal-Istati Membri u kkawżat ħsara serja lis-settur tat-trobbija tal-bhejjem tal-UE; huwa tal-fehma li l-proteini proċessati li ġejjin mill-annimali huma sors ta' valur ta' proteini u parti mis-soluzzjoni biex jiġi bbilanċjat mill-ġdid id-defiċit tal-proteini tal-UE; jieħu nota tal-komunikazzjoni mill-Kummisjoni lill-Parlament u lill-Kunsill bit-titlu "It-tieni Pjan Direzzjonali dwar it-TSE" (COM(2010)0384), li għandha l-għan li ttaffi l-projbizzjoni tal-użu ta' proteini proċessati ta' annimali li ma jixtarrux fl-għalf għal annimali li ma jixtarrux; jenfasizza li t-taffija tal-projbizzjoni tal-għalf tista' titqies biss sakemm l-evidenza xjentifika u l-metodi ta' ttestjar jiggarantixxu li t-trażmissjoni tal-mard tista’ tiġi eskluża u l-projbizzjoni tar-riċiklaġġ bejn l-ispeċi tista' tiġi infurzata;

3.  Jenfasizza li l-importazzjoni eċċessiva ta’ għelejjel tal-proteina wasslet biex is-settur tat-trobbija tal-bhejjem Ewropew sar vulnerabbli, ikkontribwixxiet għal volatilità kbira fil-prezzijiet u b’hekk illimitat il-profitabilità, speċjalment dik tal-produtturi żgħar u ta’ daqs medju, filwaqt li wasslet ukoll għal prattiki agrikoli mhux sostenibbli f’pajjiżi terzi;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi approċċ politiku globali u koerenti għall-applikazzjoni tar-regoli agroambjentali għall-prodotti tal-ikel mibjugħa fit-territorju tal-UE rigward l-importazzjonijiet ta' għelejjel tal-proteina modifikati ġenetikament;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi mekkaniżmu għall-monitoraġġ tal-oriġini ta’ għelejjel tal-proteina impurtati fl-UE, li jiffokaw b'mod partikolari fuq is-sostenibilità tal-prattiki agrikoli applikati fil-pajjiż tal-oriġini, inkluża l-bidla fl-użu tat-territorju, is-sostenibilità tal-użu tal-ilma u l-użu ta’ teknoloġiji agrikoli; jenfasizza li, għal dan il-għan, jeħtieġ ukoll li jkun hemm kontrolli fuq il-post;

6.  Jinnota li n-nuqqas ta' importazzjonijiet tas-sojja u tal-qamħirrum jimponi piż addizzjonali fl-ispejjeż għas-setturi tat-trobbija tal-bhejjem u tal-prodotti tal-għalf fl-UE, u jqiegħed fil-periklu l-vijabilità ekonomika tal-produzzjoni domestika tal-laħam;

7.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-produzzjoni tal-għelejjel tal-proteina tiġi integrata f’sistemi mtejba ta’ newba, li jiġi promoss it-taħlit tal-għelejjel għall-produzzjoni tal-għalf fil-farm innifsu, u li jingħata appoġġ finanzjarju xieraq lill-bdiewa li huma involuti fi produzzjoni agrikola sostenibbli jew organika; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi dawn il-miżuri u inċentivi finanzjarji fil-proposta leġiżlattiva dwar il-futur tal-PAK;

8.  Jenfasizza li t-trattament tal-fdalijiet solidi u likwidi tal-biċċerija u tal-ikel, u tal-laħam u l-għadam mitħun għandu jissodisfa d-dispożizzjonijiet rigorużi eżistenti dwar il-protezzjoni tas-saħħa tal-bnedmin u tal-annimali kif ukoll dwar il-protezzjoni tal-ambjent; huwa tal-fehma li l-prodotti sekondarji huma sors ta' valur ta' proteina u enerġija, u għandhom għalhekk jiġu użati b'mod effikaċi.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

25.1.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

39

0

11

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

János Áder, Elena Oana Antonescu, Kriton Arsenis, Pilar Ayuso, Paolo Bartolozzi, Sandrine Bélier, Sergio Berlato, Martin Callanan, Nessa Childers, Chris Davies, Bairbre de Brún, Anne Delvaux, Bas Eickhout, Edite Estrela, Jill Evans, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Julie Girling, Nick Griffin, Françoise Grossetête, Satu Hassi, Jolanta Emilia Hibner, Dan Jørgensen, Karin Kadenbach, Christa Klaß, Jo Leinen, Corinne Lepage, Linda McAvan, Radvilė Morkūnaitė-Mikulėnienė, Vladko Todorov Panayotov, Andres Perello Rodriguez, Sirpa Pietikäinen, Mario Pirillo, Pavel Poc, Vittorio Prodi, Anna Rosbach, Oreste Rossi, Dagmar Roth-Behrendt, Horst Schnellhardt, Theodoros Skylakakis, Catherine Soullie, Csaba Sándor Tabajdi, Sabine Wils, Marina Yannakoudakis

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Philippe Juvin, Jiří Maštálka, Bill Newton Dunn, Alojz Peterle, Csaba Sándor Tabajdi, Marita Ulvskog

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Ioan Enciu

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

26.1.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

34

2

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Richard Ashworth, José Bové, Luis Manuel Capoulas Santos, Vasilica Viorica Dăncilă, Michel Dantin, Paolo De Castro, Albert Deß, Diane Dodds, Herbert Dorfmann, Hynek Fajmon, Lorenzo Fontana, Iratxe García Pérez, Béla Glattfelder, Sergio Gutiérrez Prieto, Martin Häusling, Esther Herranz García, Peter Jahr, Elisabeth Jeggle, Jarosław Kalinowski, Elisabeth Köstinger, Agnès Le Brun, Stéphane Le Foll, George Lyon, Gabriel Mato Adrover, Mairead McGuinness, Krisztina Morvai, Mariya Nedelcheva, James Nicholson, Rareş-Lucian Niculescu, Georgios Papastamkos, Marit Paulsen, Britta Reimers, Alfreds Rubiks, Giancarlo Scottà, Sergio Paolo Francesco Silvestris, Alyn Smith, Csaba Sándor Tabajdi, Marc Tarabella

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Luís Paulo Alves, Pilar Ayuso, Salvatore Caronna, Giovanni La Via, Astrid Lulling, Milan Zver