RAKKOMANDAZZJONI dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqa' fi ħdan il-Kunsill, dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li Jemenda l-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, min-naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra

2.3.2011 - (15381/2010 – C7‑0385/2010 – 2010/0112(NLE)) - ***

Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
Rapporteur: Artur Zasada

Proċedura : 2010/0112(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0046/2011

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqa' fi ħdan il-Kunsill, dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li Jemenda l-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, min-naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra

(15381/2010 – C7‑0385/2010 – 2010/0112(NLE))

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqa’ fil-Kunsill (15381/2010),

–   wara li kkunsidra l-abbozz tal-protokoll li jemenda l-Ftehim tal-2007 bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka dwar it-Trasport bl-Ajru (09913/2010),

–   wara li kkunsidra t-talba għall-approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 100(2), l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v), u l-Artikolu 218(8), l-ewwel subparagrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0385/2010),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar il-ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-Istati Uniti[1],

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 90(8) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A7-0046/2011),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Kungress tal-Istati Uniti.

NOTA SPJEGATTIVA

Introduzzjoni

It-Trattat ta’ Lisbona, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009, estenda il-ċirkostanzi li fihom l-approvazzjoni tal-Parlament kienet meħtieġa għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali. Il-ftehimiet fis-settur tal-ajru jaqgħu taħt din il-kategorija minħabba li jkopru kamp fejn tapplika l-proċedura leġiżlattiva ordinarja[1]. Preċedentement, il-Parlament ġie biss ikkonsultat dwar ftehimiet bħal dawn. B’riżultat ta’ dan, dan il-Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru huwa soġġett għall-approvazzjoni tal-Parlament, filwaqt li l-ftehim inizjali ġie konkluż wara konsultazzjoni mal-Parlament.

Is-swieq tal-avjazzjoni UE-Stati Uniti, meta jitqiesu flimkien, jammontaw għal iktar minn 60% tat-traffiku dinji tal-ajru. Il-ftuħ tas-suq għall-kumpaniji tal-ajru tal-UE u tal-Istati Uniti fuq bażi mhux diskriminatorja joffri lill-passiġġieri u lill-operaturi tat-trasport tal-merkanzija titjib fis-servizzi, kemm f'termini ta' varjetà kif ukoll ta' spiża, u jipprovdi benefiċċji ekonomiċi sostanzjali u ħolqien ta' impjiegi. Barra minn hekk, konverġenza regolatorja tkun ta’ benefiċċju għall-promozzjoni ta’ kompetizzjoni ġusta, partikolarment fir-rigward tas-sussidji statali, standards soċjali u ambjentali.

L-isfond tan-negozjati

Sakemm ġiet applikata l-ewwel fażi tal-Ftehim b’mod proviżorju f’Marzu 2008, is-servizzi tal-ajru bejn l-UE u l-Istati Uniti kienu jseħħu fuq bażi ta’ ftehimiet bilaterali bejn Stati Membri individwali u l-Istati Uniti. F’Novembru 2002, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja iddeċidiet li ċerti dispożizzjonijiet f’dawn il-ftehimiet bilaterali kienu inkompatibbli mal-liġi Komunitarja.

Il-Kunsill għalhekk f’Ġunju 2003 ta mandat lill-Kummissjoni bl-għan li titwaqqaf Żona Miftuħa tal-Avjazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti, li toħloq suq uniku għat-trasport bl-ajru li fih jista' jsir investiment liberament u fejn kumpaniji tal-ajru Ewropej u tal-Istati Uniti jkunu jistgħu jipprovdu servizzi tal-ajru mingħajr restrizzjonijiet, inkluż fis-swieq interni taż-żewġ naħat. Madankollu, ġie rikonoxxut li t-twettiq sħiħ tal-mandat jirrikjedi tibdiliet leġiżlattivi sinifikanti fl-Istati Uniti ta' l-Amerika, partikolarment biex jitneħħew ir-restrizzjonijiet ġuridiċi fuq li l-linji ta' l-ajru ta' l-USA jkunu ta' proprjetà barranija, kif ukoll fuq il-kabotaġġ. Għalhekk ġie meqjus bħala aċċettabbli approċċ gradwali, bil-kundizzjoni li jiġu żgurati garanziji għall-progressjoni għal stadji suċċessivi.

Il-Ftehim tal-ewwel stadju ippermetta lill-kumpaniji tal-ajru Ewropej li jtiru minn kwalunkwe parti tal-UE għal kwalunkwe parti tal-Istati Uniti. Dan wassal għal żieda fis-servizzi. Il-ftehim stabbilixxa wkoll kooperazzjoni iktar mill-qrib bejn l-UE u l-Istati Uniti biex jiġu ffaċċjati sfidi ġodda, bħas-sigurtà u l-ambjent. Huwa rabat ukoll liż-żewġ partijiet biex jiftħu l-aċċess għas-swieq u jżidu l-benefiċċji għall-konsumatur, il-kumpaniji tal-ajru, il-ħaddiema u l-komunitajiet, u biex jindirizzaw kwistjonijiet bħall-faċilitazzjoni tal-investiment. Fatt importanti huwa li l-Ftehim tal-ewwel stadju kien fih klawsola ta’ sospensjoni li tista’ tintuża f’każ li ma jkunx hemm Ftehim tat-tieni stadju sa Novembru 2010.

Wara tmien rawnds ta’ negozjati, il-partijiet nedew il-Ftehim tat-tieni stadju fil-25 ta’ Marzu 2010. Dan il-Ftehim witta t-triq lejn opportunitajiet futuri f’termini ta’ investiment addizzjonali u aċċess għas-suq kif ukoll saħħaħ il-kooperazzjoni f’oqsma regolatorji, bħas-sigurtà, is-sikurezza u, b’mod partikolari, l-ambjent, fejn iż-żewġ naħat ftiehmu dwar Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-Ambjent.

Kontenut tal-Ftehim tat-tieni stadju

Għalkemm il-Ftehim tat-tieni stadju ma jiksibx l-għar aħħari ta' ftuħ komplet mingħajr restrizzjonijiet fuq iż-żewġ naħat, huwa fih għadd ta' inċentivi li jħeġġu r-riforma. B’mod partikolari, meta l-Istati Uniti jbiddlu l-leġiżlazzjoni tagħhom biex jippermettu lill-investituri tal-UE li jkollhom sjieda maġġoritarja tal-kumpaniji tal-ajru tal-Istati Uniti, l-UE b’mod reċiproku se tippermetti sjieda maġġoritarja tal-kumpaniji tal-ajru tal-UE minn investituri tal-Istati Uniti, u l-kumpaniji tal-ajru tal-Istati Uniti se jibbenefikaw minn iżjed drittijiet ta’ aċċess għas-suq lejn u minn l-UE.

Il-Ftehim se jsaħħaħ ukoll il-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ambjentali billi jirrikjedi l-kompatibilità u l-interazzjoni ta’ miżuri bbażati fuq is-suq (bħall-ħruġ ta' skemi kummerċjali) biex jiġi evitat l-irduppjar u billi jittejbu t-teknoloġiji favur l-ambjent, il-fjuwils, u l-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru. Għall-ewwel darba hemm artikolu ddedikat partikolarment lid-dimensjoni soċjali tar-relazzjonijiet tal-avjazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti. Dan se jiżgura li d-drittijiet legali eżistenti tal-impjegati tal-kumpaniji tal-ajru jinżammu. Barra minn hekk, il-Ftehim se jżid il-livell ta’ kooperazzjoni dwar is-sigurtà biex jiġu allokati aħjar ir-riżorsi permezz ta’ promozzjoni tal-affidabilità reċiproka tal-miżuri ta’ sigurtà tal-parti l-oħra, kif ukoll ta’ rispons mgħaġġel u kkoordinat f’dak li jikkonċerna theddid ġdid.

Il-Ftehim jestendi ulterjorment ir-rwol tal-Kumitat Konġunt UE-Stati Uniti, il-korp li jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Ftehim u jikkoordina l-bosta fergħat ta’ ħidma tal-kooperazzjoni regolatorja. Il-Kumitat Konġunt għalhekk se jkun jista’ jtejjeb il-kooperazzjoni permezz tal-promozzjoni ta’ inizjattivi ġodda. Ir-regoli l-ġodda se jnaqqsu l-burokrazija, inkluż permezz ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet regolatorji tal-parti l-oħra, u jevitaw l-irduppjar żejjed tal-użu tar-riżorsi (pereżempju inizjattivi konġunti ta’ sigurtà, sikurezza konġunta u faċilitazzjoni tal-ivvjaġġar tal-passiġġieri).

L-aċċess għas-suq se jinfetaħ ulterjorment, u l-kumpaniji tal-ajru tal-UE se jkollhom iktar aċċess għat-traffiku ffinanzjat mill-gvern fl-Istati Uniti. Soġġetti għal ċertu tibdil fil-qafas legali dwar ir-restrizzjonijiet fl-ajruporti b’rabta mal-istorbju, il-kumpaniji tal-ajru tal-UE, fil-ġejjieni, se jibbenefikaw minn opportunitajiet kummerċjali ġodda biex itiru bejn l-Istati Uniti u pajjiżi li mhumiex parti mill-UE.

Evalwazzjoni

Filwaqt li inċentivi għal ftuħ ulterjuri tas-suq huma mixtieqa, jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ progress sostantiv fit-tneħħija ta’ limitazzjonijiet regolatorji skaduti fil-qasam tal-investiment barrani peress li dan se jħalli r-restrizzjonijiet żbilanċjati attwali fil-kuntest tas-sjieda u l-kontroll barranin fl-Istati Uniti tal-Amerika. Barra minn hekk, il-kumpaniji tal-ajru tal-UE se jiksbu biss aċċess limitat għat-traffiku ffinanzjat mill-gvern fl-Istati Uniti. Dan, għal darb’oħra, jirrappreżenta l-issoktar ta’ qagħda mhux ibbilanċjata, peress li l-gvernijiet nazzjonali tal-UE ma jimponux restrizzjonijiet simili.

Il-ftehim li jaħdmu flimkien, fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili, u l-iskambju tal-aħjar prattika dwar it-tnaqqis fl-istorbju, jirrappreżentaw pass importanti 'l quddiem. Madankollu, wieħed għandu jiftakar li varji aspetti tar-regolamentazzjoni tal-avjazzjoni, inklużi r-restrizzjonijiet tal-ħoss u l-limitazzjonijiet tat-titjiriet ta' bil-lejl, għandhom jiġu ddeterminati f'livell lokali, b'rispett sħiħ lejn il-prinċipju tas-sussidjarjetà. Huwa għalhekk importanti li, meta jkunu qed jiġu kkoordinati dawn il-kwistjonijiet fil-livell Ewropew, il-Kummissjoni tqis bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri.

Ir-rikonoxximent tal-importanza tad-dimensjoni soċjali u r-responsabilità mogħtija lill-Kumitat Konġunt li jissorvelja l-effetti soċjali tal-Ftehim u jiżviluppa rispons adegwat, meta jkun meħtieġ, jikkostitwixxu innovazzjoni importanti li tinstab fil-Ftehim tat-tieni stadju. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha tuża l-Ftehim sabiex tippromwovi l-konformità mal-leġiżlazzjoni internazzjonali relevanti dwar id-drittijiet soċjali, b'mod partikulari l-istandards tax-xogħol inkorporati fil-konvenzjonijiet fundamentali tal-Organizazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO 1930-1999), il-linji gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali (1976, riveduti 2000) u l-Konvenzjoni ta' Ruma dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi Kuntrattwali tal-1980.

Hija meħtieġa iktar konsultazzjoni u kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà, b’mod partikolari fid-dawl tas-sitwazzjoni internazzjonali attwali. Madankollu, dan m’għandux iwassal għal miżuri eċċessivi jew mhux ikkoordinati li ma tkunx saret evalwazzjoni tar-riskju għalihom. Dawn il-miżuri għandhom jindikaw il-benefiċċji ovvji, li jikkontrabilanċjaw piżijiet sinifikanti għall-vjaġġaturi u għall-kumpaniji tal-ajru tagħhom. Għalhekk ikun tajjeb li l-Kummissjoni u lill-Istati Uniti jirrevedu l-effiċjenza tal-miżuri tas-sigurtà addizzjonali adottati mill-2001 sabiex jeliminaw l-irduppjar u –nuqqasijiet fil-katina tas-sigurtà. F’dan il-kuntest, jl-objettiv għandu jkun ta’ "kontroll wieħed tas-sigurtà", aktar milli jsir kontroll mill-ġdid fuq il-passiġġieri u l-bagalji ma' kull trasferiment.

Huwa essenzjali li l-privatezza taċ-ċittadini Ewropej u tal-Istati Uniti tiġi rispettata meta jkun hemm skambju bejn l-UE u l-Istati Uniti ta' data personali tal-passiġġieri, skont il-kriterji mitluba mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Mejju 2010. B’mod partikolari, it-trasferimenti kollha tad-data personali għal skopijiet ta’ sigurtà għandhom ikunu akkumpanjati minn salvagwardji għaċ-ċittadini tal-UE, għandhom jirrispettaw il-garanziji proċedurali u d-drittijiet ta’ difiża u jkunu konformi mal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data fil-livelli nazzjonali u Ewropew. Barra minn hekk, għandhom jiġu stabbiliti b’mod urġenti standards dinjija dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza.

Jilqa’ wkoll żieda eventwali fil-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet responsabbli tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti għall-qasam tas-sikurezza tal-avjazzjoni fil-livelli kollha. F’dan il-kuntest, huwa importanti li tiġi enfasizzata l-importanza tal-lista s-sewda Ewropea ta’ kumpaniji tal-ajru li ma jilħqux l-istandard rikjest kif ukoll is-sistemi tal-Istati Uniti għall-monitoraġġ tal-istandards tal-kumpaniji tal-ajru. Iż-żewġ partijiet għandhom jaqsmu l-informazzjoni dwar dan is-suġġett biex jiżguraw li l-istandards internazzjonali jogħlew.

Il-Passi li Jmiss

Filwaqt li l-Ftehim tat-tieni stadju jirrappreżenta pass sinifikanti ‘l quddiem, huwa importanti li ma jitqiesx bħala t-tmiem tal-proċess ta’ twaqqif ta’ suq tal-avjazzjoni transatlantiku. Ir-rwol ikbar tal-Kumitat Konġunt se jkun ifisser li hemm lok għal iktar progress fil-kooperazzjoni regolatorja u fl-armonizzazzjoni. B’mod partikolari, dan il-Kumitat għandu jiżviluppa proposti addizzjonali għar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet regolatorji b’konformità mal-prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar. Jista’ wkoll jikkontribwixxi għaż-żieda fil-kooperazzjoni dwar l-iżvilupp tas-sistemi ta' ġestjoni tat-traffiku tal-ajru Ewropej u tal-Istati Uniti (“SESAR” u “Next Gen”) bil-għan li tinkiseb l-interoperabilità u l-kompatibilità kif ukoll biex jitnaqqas l-impatt ambjentali.

Il-Kummissjoni għandha wkoll tiżgura li l-Parlament jinżamm informat u jiġi kkonsultat dwar il-ħidma tal-Kumitat Konġunt, meta titqies l-importanza ta’ xogħolu għaċ-ċittadini u l-kumpaniji Ewropej.

Fl-istess waqt, għandna nirrikonoxxu li għad hemm għadd ta’ kwistjonijiet li għadhom ma jaqgħux taħt l-iskop tal-Ftehim, kif emendat mill-Protokoll il-ġdid. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni għandha turi ħerqa li tibda n-negozjati għal stadju ieħor ta' dan il-Ftehim li jkopri l-kwistjonijiet li ġejjin:

· aktar liberalizzazzjoni ta' drittijiet tat-traffiku;

· opportunitajiet ta' investiment barrani addizzjonali;

· L-effet ta' miżuri ambjentali u restrizzjonijiet infrastrutturali fuq l-eżerċizzju ta' drittijiet tat-traffiku;

· koordinament aħjar għall-politiki dwar id-drittijiet tal-passiġġieri sabiex jiġi żgurat l-ogħla livell possibbli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri;

Standards konsistenti tad-drittijiet tal-passiġġieri, inklużi dawk ta’ persuni b’mobilità mnaqqsa, għandhom importanza partikolari biex jiġi evitat li l-vjaġġaturi jiffaċċjaw trattament inkonsistenti matul dak li huma jqisu bħala vjaġġ wieħed iżda li jkun fil-fatt jinvovli segmenti li bħalissa jkunu soġġetti għal regoli differenti bejniethom. Dan isolvi wkoll il-kwistjoni dwar min huwa responsabbli f’każ li jinqalgħu l-problemi matul vjaġġ li jkun jinvolvi tibdil takl-ajruplani jew inkella iktar minn ajruport wieħed ta’ tranżitu.

Jista’ jkun li djalogu iktar sistematiku u skambji ta’ informazzjoni bejn il-Parlament u l-Kungress tal-Istati Uniti, biex jiġu diskussi l-kwistjonijiet kollha rilevanti li jikkonċernaw il-politika tal-avjazzjoni UE-Stati Uniti, jikkontribwixxu b’mod sinifikanti biex jiġu faċilitati negozjati ulterjuri.

Konklużjoni

Filwaqt li r-Rapporteur żgur ma jqisx dan il-Ftehim tat-tieni stadju bħala perfett, dan jinkludi elementi importanti biex isir progress. Huwa jevita wkoll ir-riskju li, fin-nuqqas ta' Ftehim perfett, xi ħadd ikunu jista' jagħmel użu mill-klaswola ta' sospensjoni. Sospensjoni tista’ twassal biex il-passiġġieri u l-kumpaniji tal-ajru Ewropej jitilfu qligħ sinifikanti li ilhom igawdu minnu sa minn Marzu 2008. Għal dawn ir-raġunijiet, ir-rakkomandazzjoni tar-Rapporteur hija li l-Parlament jagħti l-kunsens tiegħu għall-Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar it-Trasport bejn l-Ue u l-Istati Uniti.

  • [1]               Artikolu 218(6)(a)(v) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

28.2.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Georges Bach, Antonio Cancian, Saïd El Khadraoui, Carlo Fidanza, Knut Fleckenstein, Jacqueline Foster, Mathieu Grosch, Dieter-Lebrecht Koch, Georgios Koumoutsakos, Eva Lichtenberger, Hella Ranner, Olga Sehnalová, Brian Simpson, Dirk Sterckx, Keith Taylor, Giommaria Uggias, Thomas Ulmer, Peter van Dalen, Artur Zasada, Roberts Zīle

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Philip Bradbourn, Frieda Brepoels, Spyros Danellis, Ádám Kósa, Janusz Władysław Zemke

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Karin Kadenbach