RAPPORT dwar il-politika Ewropea futura ta’ investiment internazzjonali

22.3.2011 - (2010/2203(INI))

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteur: Kader Arif

Proċedura : 2010/2203(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0070/2011
Testi mressqa :
A7-0070/2011
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-politika Ewropea futura ta’ investiment internazzjonali

(2010/2203(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tas-7 ta' Lulju 2010 bit-titolu "Lejn politika komprensiva ta' investiment internazzjonali Ewropew" (COM(2010)0343), kif ukoll il-Proposta tal-Kummissjoni tas-7 ta' Lulju 2010 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi arranġamenti tranżizzjonali għal ftehimiet bilaterali ta' investiment bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (COM(2010)0344),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu "Ewropa 2020 - Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020), u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni tad-9 ta' Novembru 2010 bit-titolu "Kummerċ, Tkabbir u Affarijiet Dinjija - Il-Politika tal-Kummerċ bħala element prinċipali mill-istrateġija tal-UE 2020" (COM(2010)0612),

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2010 dwar politika Ewropea komprensiva ta' investiment internazzjonali[1],

–   wara li kkunsidra l-Linji gwida aġġornati tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali,

–   wara li kkunsidra l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar każijiet fejn l-Istati Membri naqsu milli jissodisfaw l-obbligi tagħhom, u partikolarment is-sentenza tat-3 ta' Marzu 2009 fil-kawża l-Kummissjoni v l-Awstrija (Kawża C–205/06), is-sentenza tat-3 ta' Marzu 2009 fil-kawża l-Kummissjoni v l-Isvezja (Kawża C–249/06), u s-sentenza tad-19 ta' Novembru 2009 fil-kawża l-Kummissjoni v il-Finlandja (Kawża C–118/07),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7–0070/2011),

A. billi t-Trattat ta' Lisbona ġab l-investiment barrani dirett (IBD) taħt kompetenza esklussiva tal-UE, kif stipulat fl-Artikoli 3(1)(e), 206 u 207 tat-Tratatt dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

B.  billi mill-1959 aktar minn 1 200 trattat bilaterali ta' investiment (TBI) ġew konklużi mill-Istati Membri fl-livell bilaterali u kważi 3 000 TBI ġew konklużi b' kollox,

C. billi huwa ġeneralment rikonoxxut li investiment 'il ġewwa jista' jtejjeb l-kompetittività tal-pajjiżi ospitanti iżda l-għajnuna ta' aġġustament għal ħaddiema b'livell baxx ta' ħiliet tista' tkun meħtieġa fil-każ ta' investimet 'il barra; billi hija r-responsabbiltà ta’ kwalunkwe gvern li jħeġġeġ l-impatti tal-investimenti li huma ta’ benefiċċju filwaqt li jipprevjeni kwalunkwe effetti ta’ ħsara,

D. billi l-Artikoli 206 u 207 tat-TFUE ma joffrux definizzjoni tal-IBD, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea[2] speċifikat it-tifsira tagħha tat-terminu IBD, fuq il-bażi ta’ tliet kriterji: għandu jiġi kkunsidrat bħala investiment fit-tul, li jirrappreżenta tal-anqas 10% tal-kapital ta' ekwità/tal-ishma tal-kumpanija affiljata u għandu jipprovdi kontroll maniġerjali tal-operazzjonijiet tal-kumpanija affiljata lill-investitur, billi din id-definizzjoni taqbel ma' dawk tal-FMI u l-OECD u tmur kontra, b'mod partikolari, l-investimenti ta' portafoll u d-drittijiet tal-proprjetà intelletwali; billi huwa diffiċli li ssir distinzjoni ċara bejn l-IBD u l-investimenti ta’ portafoll u se jkun diffiċli wkoll li tiġi adottata definizzjoni legali stretta tal-prattiki tal-investituri fid-dinja reali,

E.  billi xi Stati Membri jużaw definizzjonijiet wiesgħa tat-terminu "investitur barrani", fejn sempliċi indirizz postali huwa biżżejjed biex bih tiġi determinata n-nazzjonalità ta' intrapriża, u billi dan ta l-opportunità lil xi intrapriżi biex jistitwixxu kawżi kontra pajjiżhom stess permezz ta' TBI iffirmati minn pajjiżi terzi, u billi kwalunkwe kumpanija għandha tkun tista’ toqgħod fuq il-ftehimiet ta’ investiment futuri tal-UE jew il-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles (FTAs) bil-kapitoli tal-investiment,

F.  billi l-emerġenza ta’ pajjiżi ġodda b'kapaċità ta' investiment qawwija bħala awtoritajiet lokali jew dinjija biddlet il-perċezzjoni klassika li skontha l-pajjiżi żviluppati kienu l-uniċi investituri,

G. billi, wara l-ewwel każijiet tad-disgħinijiet li fihom instabet soluzzjoni għal tilwim, u minkejja esperjenzi ġeneralment pożittivi, għadd ta’ problemi ħarġu fil-beraħ minħabba l-użu ta' lingwaġġ vag fil-ftehimiet li setgħu jiġu interpretati b'diversi modi, b’mod partikolari dwar il-possibbiltà ta’ kunflitt bejn interessi privati u l-kompiti regolatorji tal-awtoritajiet pubbliċi, pereżempju fil-każijiet fejn l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni leġittima wasslet biex stat ġie kundannat minn arbitri internazzjonali għal ksur tal-prinċipju ta’ "trattament ġust u ekwu",

H. filwaqt li l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Kanada, li kienu fost l-ewwel stati li ħabbtu wiċċhom ma' tali sentenzi, adattaw il-mudell tat-TBI tagħhom sabiex jillimitaw il-wisa' ta' interpretazzjoni mill-arbitraġġ u jiżguraw protezzjoni aħjar tad-dominju tagħhom għall-intervent pubbliku,

I.   billi l-Kummissjoni elenkat il-pajjiżi li se jkunu sħab privileġġjati matul in-negozjati għall-ewwel ftehimiet ta’ investiment (il-Kanada, iċ-Ċina, l-Indja, Mercosur, ir-Russja u Singapor),

J.   billi s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) li għadu kif ġie stabbilit għandu jirrinforza wkoll il-preżenza globali u r-rwol tal-UE, inklużi l-promozzjoni u d-difiża tal-għanijiet tal-kummerċ tal-UE, fil-qasam tal-investiment,

1.  Jirrikonoxxi li, bħala riżultat tat-Trattat ta' Lisbona, l-IBD issa jaqa' taħt il-kompetenza esklużiva tal-UE; jinnota li din il-kompetenza ġdida tal-UE tippreżenta sfida doppja, minn banda biex jiġu ġestiti t-TBI eżistenti u mill-banda l-oħra biex tinstab definizzjoni għall-politika ta' investiment Ewropea li tissodisfa l-aspettattivi tal-investituri u tal-Istati benefiċjarji iżda anke l-interessi ekonomiċi usa' tal-UE u l-objettivi tal-politika esterna tagħha;

2.  Jilqa' din il-kompetenza ġdida tal-UE u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaħtfu din l-opportunità biex ifasslu, flimkien mal-Parlament, politika ta' investiment koerenti u integrata li tippromwovi investimenti ta' kwalità għolja u li tagħti kontribut pożittiv lill-progress ekonomiku u l-iżvilupp sostenibbli fid-dinja kollha; huwa tal-fehma li l-Parlament irid ikun involut b'mod xieraq fit-tiswir tal-politika futura dwar l-investiment u li dan jirrikjedi konsultazzjoni xierqa dwar il-mandati għan-negozjati li jmiss, kif ukoll għoti siewi ta’ rapporti qosra regolari dwar l-istat tan-negozjati li jkunu għaddejjin;

3.  Jinnota li l-UE hija blokk ekonomiku importanti li għandu piż konsiderevoli fin-negozjati; jemmen li politika komuni dwar l-investiment tissodisfa l-aspettattivi kemm tal-investituri kif ukoll tal-istati kkonċernati u tgħin fit-tkattir tal-kompetittività tal-UE u tan-negozji tagħha u fit-tkattir tal-impjieg;

4.  Jinnota l-ħtieġa ta' qafas Ewropew ikkoordinat, wieħed li jkun imfassal biex jipprovdi ċertezza u li jinkoraġġixxi l-promozzjoni tal-prinċipji u tal-objettivi tal-UE;

5.  Ifakkar li l-fażi attwali tal-globalizzazzjoni rat żieda drammatika fl-IBD, li fl-2007, is-sena ta’ qabel l-investiment kien affettwat mill-kriżi ekonomika u finanzjarja dinjija, kien ilaħħaq livell rekord għoli ta’ kważi EUR 1 500 biljun, bl-UE tkun l-ikbar sors ta’ IBD fl-ekonomija dinjija kollha; jissottolinja, madankollu, li fl-2008 u fl-2009 l-investiment naqas minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja dinjija; jenfasizza wkoll li madwar 80% tal-valur totali tal-IBD dinji jikkonċerna fużjonijiet u akkwiżizzjonijiet transkonfinali;

6.  Jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lejn politika komprensiva ta' investiment internazzjonali Ewropew” iżda jenfasizza li, filwaqt li se tiffoka sew fuq il-protezzjoni tal-investitur, għandha tindirizza aħjar id-dritt li tkun protetta l-kapaċità tar-regolamentazzjoni pubblika u li tissodisfa l-obbligu tal-UE li teżerċita koerenza politika għall-iżvilupp;

7.  Iqis li l-investiment jista’ jkollu impatt pożittiv fuq it-tkabbir u l-impjiegi, mhux biss fl-UE iżda wkoll f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, sakemm l-investituri jikkontribwixxu b'mod attiv għall-objettivi ta’ żvilupp tal-istati ospitanti, jiġifieri billi jappoġġjaw l-ekonomija lokali permezz ta’ trasferiment teknoloġiku u billi jużaw ħaddiema u mezzi ta' produzzjoni lokali;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni biex iżżomm quddiem għajnejha l-lezzjonijiet meħuda fuq livell multilaterali, plurilaterali u bilaterali, b’mod partikolari fir-rigward tal-falliment tan-negozjati OECD dwar il-Ftehim Multilaterali dwar l-Investimenti;

9.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżviluppa l-istrateġija ta’ investiment tal-UE bir-reqqa u b’mod koordinat billi tqis l-aħjar prattiki tal-IBD; jinnota d-diverġenza tal-kontenut bejn il-ftehimiet tal-Istati Membri u jistieden lill-Kummissjoni biex tirrikonċilja dawn id-diverġenzi biex tipprovdi mudell b’saħħtu tal-UE għall-ftehimiet ta’ investiment, li jista' jiġi aġġustat ukoll skont il-livell ta' żvilupp tal-pajjiż sieħeb;

10. Jistieden lill-Kummissjoni toħroġ gwida mhux obbligatorja malajr kemm jista' jkun, pereżempju fil-forma ta' mudell għat-TBI, li jkun jista' jintuża mill-Istati Membri biex itejbu ċ-ċertezza u l-konsistenza;

Definizzjonijiet u ambitu

11. Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi definizzjoni ċara tal-investimenti li għandhom jiġu protetti, inklużi l-IBD u l-investiment ta' portafoll; iqis, madankollu, li forom spekulattivi ta' investiment, kif definiti mill-Kummissjoni, m'għandhomx jiġu protetti; jinsisti li meta d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jiġu inklużi fl-ambitu tal-ftehim ta' investiment, inklużi dawk il-ftehimiet fejn l-abbozzi tal-mandati diġà ġew proposti, id-dispożizzjonijiet għandhom jevitaw li jkollhom impatt negattiv fuq il-produzzjoni ta' mediċini ġeneriċi u jridu jirrispettaw l-eċċezzjonijiet TRIPS għas-saħħa pubblika;

12. Jinnota bi tħassib li n-negozjar ta’ varjetà wiesgħa ta’ investimenti se jwassal għal taħlit bejn kompetenzi esklussivi u kondiviżi;

13. Jitlob l-introduzzjoni tat-terminu "investitur tal-UE" li, filwaqt li jirrifletti l-ispirtu tal-Artikolu 207 TFUE, jissottolinja s-sinifikat tal-promozzjoni tal-investituri mill-Istati Membri kollha fuq termini ugwali, filwaqt li jiżguralhom kundizzjonijiet għall-funzjonament u l-protezzjoni tal-investimenti tagħhom fuq bażi ugwali;

14. Ifakkar li t-TBI standard tal-Istati Membri tal-UE juża definizzjoni wiesgħa ta’ "investitur barrani"; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta fejn dan wassal għal prattiki abbużivi; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi definizzjoni ċara ta’ “investitur barrani” abbażi ta' din il-valutazzjoni u billi tfassal fuq id-definizzjoni ta’ riferiment l-iktar riċenti tal-OECD ta’ IBD;

Protezzjoni tal-investituri

15. Jenfasizza li l-protezzjoni tal-investitur għall-investituri kollha tal-UE għandha tibqa' l-ewwel prijorità ta' ftehimiet ta' investiment;

16. Jinnota li n-negozjar tat-TBI huwa proċess li jieħu ħafna żmien; jistieden lill-Kummissjoni biex tinvesti f'termini tar-riżorsi materjali u tal-persunal tagħha fin-negozjar u l-konklużjoni ta' ftehimiet ta’ investiment tal-UE;

17. Iqis li t-talba li saret mill-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu dwar il-Komunikazzjoni – li l-qafas legali l-ġdid Ewropew m'għandux ikollu impatt negattiv fuq il-protezzjoni tal-investitur u l-garanziji skont il-ftehimiet eżistenti – tista' toħloq riskju ta' oppożizzjoni għal kull ftehim ġdid, u tista' twassal biex il-bilanċ meħtieġ bejn il-protezzjoni tal-investitur u l-protezzjoni tad-dritt għar-regolamentazzjoni – fi żmien ta’ żieda fl-investiment 'il ġewwa fl-UE – jitqiegħed f'riskju; iqis, barra minn hekk, li tali formulazzjoni tal-kriterju tal-evalwazzjoni tista’ tikkontradixxi t-tifsira u l-ispirtu tal-Artikolu 207 tat-TFUE;

18. Jemmen li l-ħtieġa li jkunu identifikati l-aħjar prattiki, li għalihom jirreferu wkoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill, hija għażla ferm aktar loġika u effettiva, u b'dan il-mod tista' tiġi żviluppata politika ta' investiment Ewropea konsistenti;

19. Jikkunsidra li ftehimiet ta’ investiment futuri konklużi mill-UE għandhom ikunu bbażati fuq l-aħjar prattiki meħuda mill-esperjenzi tal-Istati Membri u jinkludu l-istandards li ġejjin:

-     non-diskriminazzjoni (trattament nazzjonali u l-aktar nazzjon favorit), bi kliem aktar preċiż fid-definizzjoni li tgħid li investituri nazzjonali u barranin għandhom joperaw taħt “kundizzjonijiet simili” u li tippermetti ċerta flessibilità fil-klawsola MFN sabiex ma jiġux ostakolati l-proċessi ta' integrazzjoni reġjonali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

-         trattament ġust u ekwu, definit fuq il-bażi tal-livell ta' trattament stabbilit  mil-liġi internazzjonali li tiġi applikata normalment;

-    protezzjoni kontra l-esproprjazzjoni diretta u indiretta, filwaqt li tingħata definizzjoni li tistabbilixxi bilanċ ċar u ġust bejn l-objettivi dwar il-benesseri pubbliku u l-interessi privati, u li tippermetti kumpens xieraq skont id-danni li jkunu saru f'każ ta' esproprjazzjoni illegali;

20. Jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt potenzjali tal-inklużjoni ta' klawsola ġenerika fi ftehimiet futuri dwar investiment Ewropew, u tippreżenta rapport kemm lill-Parlament Ewropew kif ukoll lill-Kunsill;

21. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura reċiproċità meta tkun qiegħda tinnegozja aċċess għas-suq mas-sħab prinċipali żviluppati tagħha u mal-ekonomiji emerġenti ewlenin, filwaqt li tikkunsidra l-ħtieġa li teskludi setturi sensittivi u li żżomm asimetrija fir-relazzjonijiet kummerċjali tal-UE mal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;

22. Jinnota li t-titjib mistenni fiċ-ċertezza se jgħin lill-SMEs jinvestu barra mill-pajjiż, u jinnota f'dan is-sens li leħen l-SMEs għandu jinstema’ matul in-negozjati;

Protezzjoni tad-dritt tar-regolamentazzjoni

23. Jenfasizza li ftehimiet futuri ta' investiment konklużi mill-UE għandhom jirrispettaw il-kapaċità għal intervent min-naħa tal-pubbliku;

24. Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar il-livell ta’ diskrezzjoni tal-arbitri internazzjonali li jużaw interpretazzjoni wiesgħa tal-klawsoli dwar il-protezzjoni tal-investitur, li twassal għall-esklużjoni ta’ regolamenti pubbliċi leġittimi; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq definizzjonijiet ċari ta’ standards dwar il-protezzjoni tal-investitur sabiex problemi bħal dawn ikunu evitati fil-ftehimiet ta’ investiment il-ġodda;

25. Jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi fil-ftehimiet futuri kollha, klawsoli speċifiċi li jistipulaw id-dritt tal-partijiet għall-ftehim għal regolamentazzjoni, inter alia, fl-oqsma tal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, tal-ambjent, tas-saħħa pubblika, tad-drittijiet tal-ħaddiema u tal-konsumatur, tal-politika industijali u tad-diversità kulturali;

26. Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tiddeċiedi każ b’każ dwar setturi li m'għandhomx ikunu koperti minn ftehimiet futuri, pereżempju setturi sensittivi bħalma huma l-kultura, l-edukazzjoni, is-saħħa pubblika u dawk is-setturi li huma strateġikament importanti għad-difiża nazzjonali, u jitlob lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament Ewropew dwar il-mandat li ngħatat f'kull każ; jinnota li l-UE għandha tkun konxja wkoll tal-elementi ta’ tħasssib tas-sħab tagħha li qegħdin jiżviluppaw u ma għandhiex titlob aktar liberalizzazzjoni jekk dawn jemmnu li li din hija neċessarja għall-protezzjoni ta’ ċerti setturi, b’mod partikolari s-servizzi pubbliċi;

Inklużjoni ta’ standards soċjali u ambjentali

27. Jenfasizza li l-politika futura tal-UE għandha tippromwovi wkoll investiment li huwa sostenibbli, li jirrispetta l-ambjent (b’mod partikolari fil-qasam ta’ industriji ta’ estrazzjoni) u li jinkoraġġixxi kundizzjonijiet tax-xogħol tajba fl-intrapriżi fil-mira tal-investiment; jitlob lill-Kummissjoni biex tinkludi, fil-ftehimiet futuri kollha, referenza għal-Linji gwida aġġornati tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali;

28. Itenni t-talba tiegħu, fir-rigward tal-kapitoli ta’ investiment f'FTAs usa', biex tiddaħħal klawsola korporattiva dwar ir-responsabbiltà soċjali u biex jiddaħħlu klawsoli ambjentali u soċjali effikaċi f’kull FTA iffirmat mill-UE;

29. Jitlob li l-Kummissjoni tivvaluta kif klawsoli bħal dawn ġew inklużi fit-TBI tal-Istati Membri u kif jistgħu jiġu inklużi wkoll fi ftehimiet ta' investiment indipendenti futuri;

30. Jilqa’ l-fatt li għadd ta’ TBI attwalment fihom klawsola li tostakola d-dgħufija ta’ leġiżlazzjoni soċjali u ambjentali li tista’ sservi biex tattira l-investiment u jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-inklużjoni ta’ klawsola bħal din fil-ftehimiet futuri tagħha;

Mekkaniżmu għal soluzzjoni tat-tilwim u r-responsabbiltà tal-UE

31. Jemmen li għandhom isiru tibdiliet fir-reġim preżenti għal soluzzjoni tat-tilwim, sabiex ikunu inklużi aktar trasparenza, l-opportunità biex il-partijiet ikunu jistgħu jappellaw, l-obbligu li jiġu eżawriti r-rimedji ġudizzjarji lokali meta jkunu affidabbli biżżejjed biex jiggarantixxu proċess xieraq, il-possibbiltà li jintużaw rappreżentanzi amicus curiae u l-obbligu li jintgħażel post uniku ta' arbitraġġ tal-istat investitur;

32. Huwa tal-fehma li, minbarra l-implimentazzjoni tas-soluzzjoni għal tilwim bejn stat u stat għandu jkun hemm ukoll l-implimentazzjoni tas-soluzzjoni għal tilwim bejn investitur u stat biex b’hekk tiġi żgurata protezzjoni komprensiva tal-investimenti;

33. Huwa konxju mill-fatt li l-UE ma tistax tuża mekkaniżmi għal soluzzjoni tat-tilwim taċ-Ċentru Internazzjonali għas-Soluzzjoni ta' Tilwim dwar l-Investiment (ICSID) u tal-Kummissjoni tan-Nazzjonaijiet Uniti dwar il-Liġi Kummerċjali Internazzjonali (UNCITRAL) billi l-UE bħala tali m'hija membru tal-ebda waħda minn dawn l-organizzazzjonijiet; jistieden lill-UE biex tinkludi kapitolu dwar is-soluzzjoni tat-tilwim f'kull trattat ġdid tal-UE dwar l-investiment skont ir-riformi proposti f'din ir-riżoluzzjoni; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jassumu r-responsabbiltà tagħhom bħala parteċipanti internazzjonali prinċipali biex jaħdmu favur ir-riformi neċessarji tar-regoli tal-ICSID u tal-UNCITRAL;

34. Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta soluzzjonijiet li permezz tagħhom l-SMEs ikunu jistgħu jiffinanzjaw aħjar l-ispejjeż għoljin tal-proċeduri għas-soluzzjoni għal tilwim;

35. Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta, kemm jista' jkun malajr, regolament dwar kif jistgħu jitqassmu r-responsabbiltajiet bejn il-livelli nazzjonali u tal-UE, b'mod partikolari f'termini finanzjarji, jekk każ ta' arbitraġġ internazzjonali jinqata' kontra l-UE;

L-għażla tas-sħab u l-poteri tal-Parlament

36. Japprova l-prinċipju li s-sħab ta’ prijorità għal ftehimiet futuri ta’ investiment tal-UE għandhom ikunu pajjiżi li għandhom potenzjal kbir fis-suq iżda fejn investimenti barranin jeħtieġu protezzjoni aħjar;

37. Jinnota li r-riskju tal-investiment huwa ġeneralment ogħla fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u dawk anqas żviluppati u li l-protezzjoni b’saħħitha u effettiva tal-investitur fil-forma ta’ trattati ta’ investiment hija fundamentali għall-protezzjoni tal-investituri Ewropej u tista' ttejjeb il-governanza, biex b'hekk twassal għall-ambjent stabbli meħtieġ biex jiżdied l-IBD f'dawn il-pajjiżi; jinnota li, biex ftehimiet ta' investiment ikunu ta' benefiċċju akbar għal dawn il-pajjiżi, għandhom ikunu bbażati wkoll fuq l-obbligi tal-investituri f'termini ta' konformità mal-istandards tad-drittijiet tal-bniedem u kontra l-korruzzjoni bħala parti minn sħubija usa’ bejn l-UE u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw għall-finijiet tat-tnaqqis tal-faqar; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta sħab futuri vijabbli, filwaqt li tqis l-aħjar prattiki tal-Istati Membri fir-rigward tat-TBI;

38. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-IBD fil-pajjiżi l-inqas żviluppati huwa limitat ħafna u għandu t-tendenza li jkun ikkonċentrat fuq ir-riżorsi naturali;

39. Iqis li fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandu jingħata appoġġ akbar lid-ditti lokali, b'mod partikolari permezz ta’ inizjattivi biex tissaħħaħ il-produttività tagħhom, biex ikun hemm kooperazzjoni aktar mill-qrib u biex jittejbu l-ħiliet tal-ħaddiema – oqsma li huma ta’ potenzjal konsiderevoli f’termini ta’ spinta lill-iżvilupp ekonomiku, lill-kompetittività u lit-tkabbir; jinkoraġġixxi, bl-istess mod, it-trasferiment ta’ teknoloġiji ambjentali ġodda tal-UE lejn pajjiżi li qed jiżviluppaw, bħala l-aħjar mod kif jiġi promoss it-tkabbir ambjentali u sostenibbli;

40. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw bis-sħiħ il-pożizzjoni tal-Parlament qabel ma jibdew in-negozjati ta' investiment, kif ukoll matul tali negozjati; ifakkar fil-kontenut tal-Ftehim ta' Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni u jistieden lill-Kummissjoni biex tikkonsulta mal-Parlament dwar l-abbozz tal-mandati ta' negozjar meta xieraq sabiex ikun jista' jressaq il-pożizzjoni tiegħu, li għandha, imbagħad, tkun ikkunsidrata mill-Kummissjoni u mill-Kunsill;

41. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi inkluż ir-rwol tad-delegazzjonijiet tas-SEAE fl-istrateġija tal-politika futura tal-investiment, filwaqt li jirrikonoxxi l-potenzjal u l-kompetenzi lokali tagħhom bħala assi strateġiċi fil-ksib tal-għanijiet il-ġodda tal-politika;

o

o         o

42. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

  • [1]           http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/EN/foraff/117328.pdf
  • [2]     Sentenza tat-12 ta' Diċembru 2006 fil-kawża Test Claimants in the FII Group Litigation v Commissioners of Inland Revenue (Kawża C–446/04).

NOTA SPJEGATTIVA

Skont l-Artikoli 206 u 207 tat-TFUE, l-investiment barrani dirett (IBD) huwa kompetenza esklussiva tal-UE. Dan l-iżvilupp, li għandu konsegwenzi sinifikanti, jippreżenta sfida doppja kemm fil-ġestjoni ta' aktar minn 1 200 trattat bilaterali ta' investiment (TBI) konklużi diġà mill-Istati Membri (IM) kif ukoll biex tiġi definita politika Ewropea futura ta' investiment li tissodisfa l-aspettattivi tal-investituri u tal-istati benefiċjarji, filwaqt li fl-istess ħin tirrispetta l-obbjettivi tal-azzjoni esterna tal-UE.

L-ispeċifikazzjoni ta' din il-politika futura, li se tiġi integrata fil-politika komuni ta' kummerċ, tinvolvi l-ewwel u qabel kollox, analiżi tal-politiki ta' investiment li ġew segwiti sal-lum il-ġurnata.

Fl-livell bilaterali, kważi 3 000 TBI ġew iffirmati mill-1959. Dawn il-ftehimiet, li ta’ spiss jintlaħqu bejn pajjiżi żviluppati u pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, bl-għan li jiżguraw il-protezzjoni legali u finanzjarja tal-investituri tal-pajjiżi żviluppati, huma bbażati fuq tliet prijoritajiet: non-diskriminazzjoni, il-protezzjoni tal-investituri u tal-investimenti tagħhom, u l-eżistenza ta' mekkaniżmu legali li jiżgura konformità ma' dawn il-prinċipji, permezz ta' arbitraġġ internazzjonali. Madankollu, l-ewwel ilmenti li tressqu fid-disgħinijiet żvelaw diversi aspetti problematiċi, b’mod partikolari dwar ir-riskju ta’ kunflitt bejn l-interessi privati u l-missjoni regolatorja tal-awtorità pubblika.

Fil-livell multilaterali jew plurilaterali, negozjati ta' investiment waqfu fil-livell tal-OECD meta, fl-1998, id-diskussjonijiet dwar ftehim internazzjonali ta' investiment (IIA) daru fuq il-kwestjoni dwar protezzjoni tad-dominju tal-intervent pubbliku, li kien qiegħed fil-periklu li ma jkunx jista' jagħmel intervent indipendament mill-interessi privati. In-negozjati bdew mill-ġdid fid-WTO fl-2004 iżda waqfu għal darba oħra minħabba lmenti minn pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, għall-istess raġuni. Dawn l-avvenimenti tal-passat għandhom jitqiesu f'kull stadju tad-definizzjoni tal-politika Ewropea futura ta' investiment.

(1) Definizzjonijiet u ambitu

L-Artikoli 206 u 207 tat-TFUE isemmu biss l-IBD bħala kompetenza esklussiva tal-UE. Is-sentenzi tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja jagħtu definizzjoni ta’ dawn abbażi ta’ tliet kriterji: għandu jitqies bħala investiment fit-tul, li jirrappreżenta minn tal-inqas 10% tal-kapital ta' ekwità/tal-ishma tal-kumpanija affiljata u għandu jipprovdi kontroll maniġerjali tal-operazzjonijiet tal-kumpanija affiljata lill-investitur. Din id-definizzjoni taqbel mal-FMI u l-OECD, u tmur kontra, b'mod partikolari, investimenti ta' portafoll, obbligi ta' dejn min-naħa ta' intrapriżi u drittijiet dwar proprjetà intellettwali.

Hija l-opinjoni tar-rapporteur li mhux kull tip ta' investiment jeħtieġ l-istess livell għoli ta' protezzjoni, u li pereżempju investimenti spekulattivi fuq medda qasira ta' żmien ma jistħoqqilhomx l-istess livell ta' protezzjoni bħal investimeti fit-tul. Għalhekk, ir-rapporteur jirrakkomada li l-ambitu ta' ftehimiet futuri Ewropej ikun limitat għal IBD biss.

Jekk l-Istati Membri jagħżlu li jagħtu lill-Kummissjoni mandat biex tinnegozja firxa wiesgħa ta' investimenti, dan se joħloq riskju ta' konċessjonijiet importanti Ewropej fil-qasam tal-investimenti, peress li l-ekonomija miftuħa beraħ tal-UE tfisser li għandha biss ftit lievi oħra f'negozjati internazzjonali. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom iżommu preżenti wkoll li ftehimiet mħallta se jkollhom jiġu ratifikati mill-parlamenti nazzjonali kollha u għalhekk se jagħtu lok għal dibattitu pubbliku estensiv.

Fl-aħħar nett, għadd ta' Stati Membri użaw definizzjonijiet wiesgħa, fejn sempliċi indirizz postali huwa biżżejjed biex bih tiġi determinata n-nazzjonalità ta' intrapriża. B'dan il-mod xi intrapriżi kellhom l-opportunità jiżgiċċaw il-mekkaniżmi legali ta' pajjiżhom; bl-użu tal-fergħat tagħhom jew tal-investituri barranin tagħhom, irnexxielhom jippreżentaw kawżi kontra pajjiżhom permezz ta' TBI iffirmat minn pajjiż terz. Investituri sfruttaw ukoll din it-teknika biex jagħżlu TBI li jwasslu l-aktar għat-tressiq ta' lment. Huwa evidenti li tali prattiki għandhom jiġu evitati.

(2) Protezzjoni tal-investituri

Il-protezzjoni tal-investituri tibqa’ l-ewwel prijorità tal-ftehimiet ta’ investiment. Fil-konklużjonijiet tiegħu dwar il-komunikazzjoni, il-Kunsill jenfasizza li l-qafas Ewropew ġdid m’għandux jaffettwa b’mod negattiv il-protezzjoni tal-investituri u l-garanziji li huma jibbenefikaw minnhom attwalment. Tali kriterji restrittivi jistgħu jippreżentaw ostakolu reali, li minħabba fih se jkun impossibbli li l-Kummissjoni tiffirma ftehim li huwa aċċettabbli għall-Istati Membri. Il-ħtieġa li jiġu identifikati l-aħjar prattiki, li għalihom jirreferu wkoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill, tidher għażla aktar loġika u effettiva, peress li permezz tagħha jistgħu jiġu identifikati prinċipji għall-iżvilupp ta' politika Ewropea ta' investiment konsistenti.

Il-Kummissjoni tiddistingwi bejn il-garanziji ta’ protezzjoni relattivi (nondiskriminazzjoni) u dawk assoluti (trattament ġust u ekwu, kumpens f’każ ta’ esproprjazzjoni). Fil-każ tal-prinċipji ta' non-diskriminazzjoni, għandu jiġi nnotat li permezz taċ-ċaqliq tal-kompetenza lejn livell Ewropew jista' ikun hemm lok għal koerenza akbar u għal aktar influwenza Ewropea f'diskussjonijiet multilaterali fuq il-governanza tal-investiment globali.

Meta jkun qiegħed jiġi negozjat l-aċċess tas-suq mas-sħab prinċipali żviluppati, se jkun neċessarju wkoll li tkun garantita r-reċiproċità filwaqt li tkun ikkunsidrata l-ħtieġa li setturi sensittivi jkunu esklużi u li tinżamm asimetrija fir-relazzjonijiet kummerċjali tal-UE mal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.

(3) Protezzjoni tal-ispazju pubbliku

Il-kwistjoni tal-protezzjoni tal-ispazju tal-intervent Statali se tkun kruċjali fid-definizzjoni tal-politika futura dwar l-investiment tal-UE. L-emerġenza ta' pajjiżi ġodda bħala poteri lokali u globali u b'kapaċità ta' investiment qawwija tbiddel il-fehma klassika li l-uniċi investituri kienu pajjiżi żviluppati, u l-UE għandha żżomm preżenti li trid tipproteġi lilha nnifisha wkoll kontra investiment barrani potenzjalment aggressiv.

Huwa tassew minnu li numru akbar ta' każijiet wasslu biex stat jinstab ħati għal esproprjazzjoni indiretta minħabba l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni ġdida. Ta’ min wieħed isemmi diversi eżempji, b’mod partikolari dak tal-Arġentina, pajjiż akkużat minn tliet impriżi li ffriża l-prezzijiet tal-ilma mħallsa mill-konsumaturi wara l-kriżi ekonomika tal-2001. F'Lulju 2010, deċiżjoni tal-ICSID għamlitha ċara li l-gvern tal-Arġentina kien kiser il-prinċipju ta' "trattament ġust u ekwu". L-ispjegazzjoni ta' "neċessità" min-naħa tal-gvern ma ġietx aċċettata mill-arbitri.

L-Istati Uniti tal-Amerika u l-Kanada, li kienu fost l-ewwel stati li soffrew bħala riżultat ta' kliem vag eċċessiv fil-ftehim NAFTA, adottaw il-mudell TBI sabiex jirrestrinġu l-wisa' ta' interpretazzjoni mill-ġudikatura u jiżġuraw protezzjoni aħjar tad-dominju tal-intervent pubbliku. L-UE għandha għalhekk tinkludi fil-ftehimiet futuri kollha tagħha klawsola speċifika li tistipula d-dritt tal-UE u tal-Istati Membri għal regolamentazzjoni, inter alia, dwar il-protezzjoni tal-ambjent, dwar is-saħħa pubblika, dwar id-drittijiet tal-ħaddiema u tal-konsumaturi, dwar il-politika industrijali u dwar id-diversità kulturali.

Barra minn hekk, standards ta' protezzjoni għandhom ikunu definiti b'mod strett, sabiex ikunu evitati intepretazzjonijiet abbużivi min-naħa ta' investituri internazzjonali. B'mod partikolari:

- standard ta' non-diskriminazzjoni (trattament nazzjonali, l-aktar nazzjon favorit) għandu jagħti bażi għal paragun bejn investituri nazzjonali u dawk barranin billi jispeċifika l-ħtieġa li joperaw "f'kundizzjonijiet simili",

- trattament ġust u ekwu għandu jkun definit fuq il-bażi tal-livell ta' trattament stabbilit mill-liġi internazzjonali li normalment tapplika,

- il-protezzjoni kontra esproprjazzjoni għandha toffri bilanċ ġust u ċar bejn diversi interessi pubbliċi u privati.

Barra minn hekk, l-hekk imsejħa "klawsola ġenerika", li biha jistgħu jiġu integrati fl-ambitu tat-TIB, il-kuntratti privati tal-liġi kollha konklużi bejn investitur u l-istat firmatarju tat-TIB, għandha tiġi eskluża minn ftehimiet futuri.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni u l-IM għandhom jelenkaw is-setturi esklużi minn ftehimiet futuri: pereżempju, setturi li huma strateġikament importanti għad-difiża nazzjonali u setturi sensittivi bħal ma huma l-kultura u l-edukazzjoni. L-Ewropa għandha tkun konxja wkoll tal-elementi ta' tħassib tas-sħab tagħha li qegħdin jiżviluppaw u ma għandhiex titlob għal aktar liberalizzazzjoni jekk dawn jemmnu li li din hija neċessarja għall-protezzjoni ta' ċertu setturi, b'mod partikolari fil-qasam tas-servizzi pubbliċi.

(4) Inklużjoni ta’ standards soċjali u ambjentali

Jenfasizza li l-politika futura tal-UE għandha tippromwovi investiment li huwa sostenibbli, li jirrispetta l-ambjent (b'mod partikolari fil-qasam ta' industriji ta' estrazzjoni) u li jinkoraġġixxi kundizzjonijiet tax-xogħol tajba fl-intrapriżi fil-mira tal-investiment. Ir-riforma li saret dan l-aħħar tal-linji gwida tal-OECD għall-promozzjoni ta' imġiba responsabbli min-naħa ta' intrapriżi internazzjonali, għandha tiġi promossa mill-UE. Kull ftehim ta' investiment għandu jiġi akkumpanjat minn sett ta' standards soċjali u ambjentali, kemm jekk l-UE tinnegozja kapitolu dwar l-investimenti bħala parti minn negozjati aktar ġenerali dwar ftehim ta' kummerċ ħieles u kemm jekk tinnegozja ftehim ta' investiment indipendenti (stand-alone).

Fl-ewwel każ, għandna nfakkru fit-talba tal-PE għal klawsola dwar ir-responsabbiltà soċjali tal-intrapriżi li għandha tiddaħħal f'kull ftehim dwar il-kummerċ ħieles iffirmat mill-UE. Hija għandha tinkludi obbligu ta’ trasparenza u ta’ segwitu, kif ukoll il-possibilità li l-vittmi li jbatu min-nuqqas ta’ rispett ta’ dawn id-dispożizzjonijiet iressqu l-każ tagħhom il-qorti, quddiem imħallef. Mil-lat ambjentali, il-politika Ewropea għandha tipproteġi l-bijodiversità, tappoġġja t-trasferiment tat-teknoloġiji, it-titjib tal-infrastrutturi u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet.

Fil-każ ta' ftehimiet ta' investiment indipendenti, standards soċjali u ambjentali għandhom ikunu inklużi u jsiru vinkolanti. Attwalment, numru ta' TBI fihom klawsola li tostakola d-dgħufija ta' leġiżlazzjoni soċjali u ambjentali li tista' sservi biex tattira l-investiment, u tali klawsola għandha tiddaħħal fil-ftehimiet futuri kollha.

(5) Mekkaniżmu ta’ soluzzjoni għall-kunflitti u responsabbiltà internazzjonali tal-UE

Għandhom isiru tibdiliet maġġuri fir-reġim preżenti għal soluzzjoni tat-tilwim, li normalment jopera bi qbil mar-regoli ICSID u UNCTAD, sabiex ikunu inklużi diversi elementi bażiċi bħall-bżonn għal trasparenza aħjar f'kawżi li tressqu quddiem il-qorti u s-sentenzi nfushom, il-possibbiltà għal partijiet biex jappellaw, l-obbligu li għandhom jiġu eżawriti r-rimedji ġudizzjarji lokali (fejn ikun xieraq) qabel ma jinbeda arbitraġġ internazzjonali, il-possibbiltà li jintużaw rappreżentanzi amicus curiae u l-obbligu li jintgħażel post uniku ta' arbitraġġ biex b'hekk jiġi evitat "forum shopping".

Barra minn hekk, il-komunikazzjoni ssemmi l-possibbiltà li tiddaħħal sistema għall-ilmenti li jsiru minn stat kontra ieħor. Il-politika Ewropea għandha tkun aktar ambizzjuża u permezz tagħha trade unions u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom ikunu jistgħu jressqu l-każijiet quddiem il-qrati - l-uniku mod kif tista' tiġi verifikata l-konformità tal-partijiet mal-obbligi soċjali u ambjentali tagħhom.

Kwestjoni oħra hija r-responsabbiltà tal-UE, b'mod partikolari f'termini fianajzarji: jekk tinqata' sentenza mill-qorti kontra l-UE stess, min se jerfa' l-konsegwenzi finanzjarji? Il-Kummissjoni u l-IM jridu jindirizzaw din il-kwestjoni kemm jista' jkun malajr.

(6) Għażla tas-sieħba u l-poteri tal-PE

Il-Kummissjoni kkompilat lista ta' pajjiżi li se jkunu sħab privileġġjati: il-Kanada, iċ-Ċina, l-Indja, il-Mercosur, ir-Russja u Singapor. Din l-għażla taqbel ma' żewġ kriterji: il-potenzjal tas-suq u l-ħtieġa għall-protezzjoni aħjar tal-investimenti barranin.

Il-Kummissjoni ħabbret ukoll li ma tixtieqx tistabbilixxi mudell tipiku, li jiġi applikat b’mod identiku għas-sieħba kummerċjali kollha. Jekk din il-loġika hija ġġustifikata min-neċessità li wieħed jadatta ruħu għas-sitwazzjoni individwali ta’ kull sieħeb, hija m’għandha fl-ebda każ tippermetti sitwazzjoni ta’ “pick and choose” fir-rigward tal-elementi fundamentali elenkati fid-dettall fil-kapitoli preċedenti.

Finalment, ir-rapporteur tagħkom iqis li hija prijorità li l-pożizzjoni tal-PE dwar il-futur tal-politika ta’ investiment tinftiehem u titqies mill-Kummissjoni u l-Kunsill qabel ma n-negozjati dwar kapitolu fuq l-investiment jinbdew mal-ewwel sieħba li huma l-Kanada, l-Indja u Singapor. Dan ifisser li l-Kummissjoni ma għandhiex tgħaddi l-abbozz tal-mandat tagħha biex tinnegozja lill-Kunisll qabel il-PE ma jkun adotta r-riżoluzzjoni tiegħu. Fl-istess ħin, il-PE għandu l-intenzjoni li jara li l-prerogattivi l-ġodda tiegħu jiġu rispettati kompletament skont it-Trattat ta’ Lisbona u l-ftehima ta’ qafas bejn il-Kummissjon u l-PE, biex il-mandati ta’ negozjati jaslulu fil-ħin biex ikun jista’ jesprimi l-pożizzjoni tiegħu, u biex din il-pożizzjoni tittieħed inkunsiderazzjoni kif xieraq mill-Kummissjoni u l-Kunsill.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (8.2.2011)

għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar il-politika Ewropea futura ta’ investiment internazzjonali
(2010/2203(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Bill Newton Dunn

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Iqis li l-investiment jista’ jkollu impatt pożittiv fuq it-tkabbir u l-impjiegi, mhux biss fl-UE iżda wkoll f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, sakemm l-investituri jikkontribwixxu b'mod attiv għall-objettivi ta’ żvilupp tal-istati ospitanti, jiġifieri billi jappoġġjaw l-ekonomija lokali permezz ta’ trasferiment teknoloġiku u billi jużaw ħaddiema u mezzi ta' produzzjoni lokali;

2.  Jinnota li l-politika ta’ investiment futura tal-UE fil-konfront ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw għandha tiffoka fuq it-trawwim ta’ flussi ta’ investiment li joħolqu impjiegi deċenti u li jnaqqsu l-faqar;

3.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-investiment dirett barrani fil-pajjiżi l-inqas żviluppati huwa limitat ħafna u għandu t-tendenza li jkun ikkonċentrat fuq ir-riżorsi naturali;

4.  Jenfasizza li ftehimiet ta’ investiment ġusti jinvolvi li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jitħallew jissottomettu l-investimenti differenti għal trattamenti differenti abbażi tal-kontribut tagħhom għall-għanijiet ta’ żvilupp;

5.  Jemmmen ukoll li, fid-dawl tar-rati tajba tat-tkabbir u l-potenzjal sinifikanti ta’ ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw, li bosta minnhom ilhom għal żmien twil igawdu rabtiet ipprivileġġjati mal-Ewropa, it-titjib propost fil-politika tal-investiment, kif ukoll il-kooperazzjoni effettiva u effikaċi, jistgħu jkunu ta’ benefiċċju kbir kemm għall-UE kif ukoll għall-ekonomiji li qed jiżviluppaw;

6.  Jinnota li r-riskju ta' investiment huwa ġeneralment ogħla fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u li l-governanza tajba, l-istat tad-dritt u t-trasparenza huma l-prinċipji ewlenin għall-protezzjoni tal-investitur aktar b'saħħitha u effettiva; huwa tal-fehma li żieda fl-investiment f'pajjiżi li qed jiżviluppaw hija importanti għall-iżvilupp, u li t-trattati dwar investiment jistgħu jgħinu biex titjieb il-governanza u biex jinkiseb l-ambjent stabbli u sikur li huwa meħtieġ biex jitħeġġeġ l-investiment barrani; jemmen, madankollu, li dan huwa possibbli fil-kuntest ta’ qafas ta’ investiment ibbażat mhux biss fuq id-drittijiet tal-investituri iżda wkoll fuq l-obbligi tagħhom, bħala parti minn sħubija usa’ bejn l-UE u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, għall-finijiet tat-tnaqqis tal-faqar, skont l-impenji tal-MDGs; jemmen li, għal dan il-għan, it-trattati tal-UE dwar investiment għandu jkun fihom dispożizzjonijiet li jimponu obbligi fuq il-pajjiż ta’ domiċilju li jippromwovi investiment sostenibbli, it-trasferiment teknoloġiku u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u li jimponu l-obbligu fuq l-investituri fir-rigward tal-osservanza tad-drittijiet tal-bniedem, tad-drittijiet tax-xogħol u tar-responsabblità soċjali korporattiva;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tiffoka aktar fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw bħala sħab potenzjali ta’ investiment; jinnota wkoll li l-interess primarju tal-Kummissjoni huwa li tfassal politika ta’ investiment tal-UE li tirrifletti l-għan li tinkiseb protezzjoni massima għall-investituri tal-UE; jirrimarka, f'dan ir-rigward, li t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jobbliga lill-UE tipprattika l-koerenza tal-politika għall-iżvilupp, jiġifieri li "tieħu inkunsiderazzjoni l-objettivi ta’ koperazzjoni għall-iżvilupp fl-implimentazzjoni tal-politika li x’aktarx tolqot lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw"[1];

8.  Iwissi dwar l-iżvilupp ta’ politika ta’ standards doppji fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi tal-korporazzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi b'mod attiv ir-responsabblità soċjali u ambjentali korporattiva (ibbażata fuq l-istandards internazzjonali bħal-linji gwida tal-OKŻE dwar l-Impriżi Multinazzjonali u l-Patt Globali tan-Nazzjonijiet Uniti), sabiex tippermetti l-monitoraġġ effettiv tal-impatt – soċjali, ambjentali u fir-rigward tal-osservanza tad-drittijiet tal-bniedem – tal-attivitajiet ta' impriżi transnazzjonali u tas-sussidjarji tagħhom f'pajjiżi li qed jiżviluppaw; jinnota l-approċċ tal-Kummissjoni bbażata fuq l-idea li l-obbligi tal-impriżi m’għandhomx ikunu legalment vinkolanti iżda jibqgħu fuq bażi volontarja skont kodiċi ta' kondotta; huwa tal-fehma li l-impriżi għandhom jiġu obbligati jirrispettaw id-dritt internazzjonali u nazzjonali u għandhom jinżammu responsabbli meta jiġi kkonstatat ksur imwettaq minnhom, u li huma jridu jippubblikaw rapporti aġġornati dwar l-attivitajiet tagħhom, inkluż kull eventwalità fejn ma jkunx twettaq progress;

9.  Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li t-trattati dwar l-investiment ikunu konsistenti mal-politiki l-oħra kollha li jaffettwaw il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u għaldaqstant li jkun fihom klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-ambjent, ix-xogħol dinjituż, it-trasparenza u l-ġlieda kontra l-moviment illegali tal-kapital; għaldaqstant, huwa tal-fehma li l-ftehimiet tal-UE għandhom itejbu l-mudell mogħti mit-trattati bilaterali eżistenti dwar investiment tal-Istati Membri billi jitwessgħu l-għanijiet (biex jiġi inkluż l-iżvilupp sostenibbli), billi jkun fihom dispożizzjonijiet aktar preċiżi (speċjalment fir-rigward tad-definizzjoni tal-investiment dirett barrani u tal-esproprjazzjoni indiretta), billi jiddaħħlu limitazzjonijiet (sabiex ikun possibbli l-kontroll tal-moviment tal-kapital), u billi jiżdiedu l-obbligi għall-investituri u l-gvernijiet tal-pajjiż tad-domiċilju;

10. Jinnota li għandu jinkiseb bilanċ bejn l-għan li tiġi promossa l-kompetittività tal-UE, permezz tal-aċċess għas-suq u l-protezzjoni tal-investiment, u li jiġi rikonoxxut id-dritt tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jiffissaw regoli ħalli jwettqu l-aġendi ta’ żvilupp tagħhom stess;

11. Jisħaq fuq il-bżonn ta’ dispożizzjonijiet dwar il-promozzjoni tal-investiment aktar b'saħħithom fil-ftehimiet ta’ investiment meta dawn ikunu jikkonċernaw pajjiżi li qed jiżviluppaw;

12. Jistieden lill-UE tonora l-impenji tagħha għall-għajnuna għall-kummerċ u żżid l-appoġġ għall-bini ta' kapaċità u ta’ governanza tajba, b’fokus speċjali fuq il-parlamenti, il-ġudikatura, l-infrastruttura, it-tisħiħ tas-sistemi fiskali, il-promozzjoni tal-aċċess għall-kapital u l-mikrofinanjament, inkluż il-mikrofinanzjament bla qligħ, f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'konformità mal-Green Paper riċenti tal-Kummissjoni dwar il-politika għall-iżvilupp, ħalli l-pajjiżi li qed jiżviluppaw isiru aktar attraenti għall-investiment barrani, u biex huma jiġu megħjuna jtejbu l-kapaċitajiet ta’ mmaniġġjar ta’ dan l-investiment barrani;

13. Jemmen li politika ta’ investiment tal-UE għandha tqis id-differenzi bejn il-pajjiżi bi dħul medju u l-pajjiżi bi dħul baxx u, speċjalment, tfittex li tħeġġeġ il-flessibilità fir-rigward tal-investiment barrani fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw f'attivitajiet u f'setturi b'impatt ċar u sinifikanti fuq l-iżvilupp sostenibbli, u li kieku kien mod ieħor ma kinux jattiraw investiment minħabba r-riskji involuti; iqis li għandu jingħata appoġġ akbar lid-ditti lokali, b'mod partikolari permezz ta’ inizjattivi biex tissaħħaħ il-produttività tagħhom, biex ikun hemm kooperazzjoni aktar mill-qrib u biex jittejbu l-ħiliet tal-ħaddiema – oqsma li huma ta’ potenzjal konsiderevoli f’termini ta’ spinta lill-iżvilupp ekonomiku, lill-kompetittività u lit-tkabbir fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

14. Jinkoraġġixxi, bl-istess mod, it-trasferiment ta’ teknoloġiji ħodor ġodda tal-UE lejn pajjiżi li qed jiżviluppaw, bħala l-aħjar mod kif jiġi promoss it-tkabbir aħdar u sostenibbli;

15. Jirrimarka li l-iżvilupp industrijali għandu potenzjal trasformattiv enormi għall-ekonomiji nazzjonali u, għall-kuntrarju tal-esportazzjonijiet agrikoli jew tal-estrazzjoni tar-riżorsi naturali li jesponu l-ekonomija għal xokkijiet, x’aktarx joffri ambitu msaħħaħ għat-tkabbir tal-produttività fit-tul; għaldaqstant jistieden lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jindirizzaw din il-kwistjoni billi jfasslu u jimplimentaw politiki tal-industrijalizzazzjoni b’fokus speċifiku fuq l-ispeċjalizzazzjoni tal-manifattura u l-bini ta' kapaċità kummerċjali;

16. Jirrikonoxxi l-importanza ta’ kundizzjonijiet ugwali fir-relazzjonijiet ta’ investiment iżda jqis li, minħabba l-żbilanċi enormi li hemm bejn ħafna ekonomiji fraġli li qed jiżviluppaw u dawk tal-Istati tal-UE, f'ċerti każijiet jista’ jkun meħtieġ li r-reċiproċità tiġi ddifferenzjata;

17. Iħeġġeġ lill-UE tirrispetta s-sjieda tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw tal-istrateġiji ekonomiċi tagħhom u tikkoopera magħhom ħalli jilħqu ftehimiet ta’ investiment li jkunu ta’ benefiċċju reċiproku anki jekk dan ifisser l-użu ta' mudell differenti tal-BIT; jenfasizza li dawn il-ftehimiet għandhom jipprovdu l-flessibbiltà neċessarja għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw b’mod li huma jkunu jistgħu jikkonċentraw l-investimenti fis-setturi li huma l-aktar rilevanti għalihom u li l-aktar li jistgħu jiġġeneraw tkabbir sostenibbli;

18. Jisħaq fuq il-valur miżjud ta’ politika tal-UE dwar l-investiment koerenti u integrata; jemmen li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw igawdu mill-fatt li jkollhom l-UE bħala interlokutriċi ewlenija dwar l-arranġamenti ta’ investiment, pjuttost milli jiddependu fuq ftehimiet multipli ma’ Stati Membri individwali, sakemm il-politika ta’ investiment tal-UE tilħaq bilanċ tajjeb bejn l-għan ta’ protezzjoni tal-investitur u l-objettiv ta’ żvilupp tal-istati ospitanti; iqis li huwa ferm importanti, għaldaqstant, li tiġi stabbilita skadenza xierqa biex it-trattati bilaterali tal-Istati Membri jiġu ssostitwiti bi ftehimiet fil-livell tal-UE; huwa tal-opinjoni li l-politika ta’ investiment tal-UE għandu jkun fiha dispożizzjonijiet b'saħħihom dwar it-trasparenza, speċjalment fir-rigward tar-regoli ta’ arbitraġġ, u għandha tobbliga lill-investituri jeżawrixxu l-ewwel ir-rimedji nazzjonali qabel ma jirrikorru għall-arbitraġġ internazzjonali.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

7.2.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Thijs Berman, Nirj Deva, Leonidas Donskis, Charles Goerens, Catherine Grèze, Filip Kaczmarek, Miguel Angel Martínez Martínez, Gay Mitchell, Norbert Neuser, Bill Newton Dunn, Maurice Ponga, Birgit Schnieber-Jastram, Michèle Striffler, Eleni Theocharous, Ivo Vajgl, Iva Zanicchi

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Kriton Arsenis, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Santiago Fisas Ayxela, Emma McClarkin, Csaba Őry, Åsa Westlund

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Andres Perello Rodriguez, Teresa Riera Madurell

  • [1]       Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 208.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (2.3.2011)

għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar il-Politika Ewropea futura ta' investiment internazzjonali
(2010/2203(INI))

Rapporteur għal opinjoni: David Casa

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza li bħalissa ma teżisti l-ebda definizzjoni konklużiva ta' IBD; jinnota li l-qafas attwali tal-investiment huwa kkaratterizzat minn livelli baxxi ta' prevedibilità fl-interpretazzjoni tat-Trattat u minn proċessi ta' arbitraġġ li jiswew ħafna flus u li m'għandhomx salvagwardji proċedurali; jinnota wkoll li l-flussi ta' kapital bejn l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw huma bidirezzjonali, xi ħaġa li għandha titqies meta jiġi kkunsidrat qafas Ewropew tal-investiment;

2.  Jirrikonoxxi li, riżultat tat-Trattat FUE, it-trattati ta' investiment barrani dirett issa huma kompetenza esklużiva tal-UE; iqis li l-parlament għandu jkun adegwatament involut fit-tiswir tal-politika futura tal-investiment; dan jirrikjedi konsultazzjoni xierqa dwar il-mandati għal negozjati imminenti, kif ukoll li tingħata regolarment informazzjoni sinifikanti dwar l-istat tan-negozjati li jkunu għaddejjin;

3.  Jinnota li l-UE hija blokk ekonomiku importanti li għandha piż konsiderevoli fin-negozjati u għalhekk, sabiex jintlaħqu ftehimiet ekwilibrati mas-sħab ekonomiċi tagħha, l-UE għandha tiġi inkoraġġita, fejn ikun xieraq, tinnegozja ma' żoni ekonomiċi u kummerċjali reġjonali aktar milli ma' pajjiżi individwali; iqis li l-politika komuni dwar l-investiment tista’ tissodisfa l-istennijiet kemm tal-investituri kif ukoll tal-Istati kkonċernati u tista’ tgħin fit-tkattir tal-kompetittività tal-UE u tan-negozji tagħha u fit-tkattir tax-xogħol;

4.  Jinnota l-ħtieġa ta' qafas Ewropew ikkoordinat, wieħed li jkun imfassal biex jipprovdi ċertezza u li kull meta jkun possibbli jinkoraġġixxi l-promozzjoni tal-prinċipji u tal-objettivi tal-Unjoni Ewropea; jinnota l-pass intenzjonat pożittiv minn BITs bejn Stat Membru u pajjiż trez għal BITs bejn l-UE u pajjiż terz u li jeħtieġ li tibda titħaddem sistema tranżitorja waqt din il-bidla favur qafas Ewropew għall-investiment, sakemm jidħol fis-seħħ qafas permanenti;

5.  Jinnota li l-Istati Membri huma deċiżi li jilqgħu s-sostituzzjoni tal-BITs eżistenti, jekk il-BITs il-ġodda jkunu bbażati fuq kundizzjonijiet ugwali jew superjuri; għandu jiġi żgurat li l-BITs il-ġodda jkunu konsistenti mal-prinċipji fundamentali tal-UE bħar-rispett tad-Drittijiet tal-Bniedem; iqis li BITs bħal dawn għandhom ikunu bbażati fuq "l-aħjar prattiki" tal-Istati Membri;

6.  Jinnota li n-negozjar tal-BITs huwa proċess li jieħu ħafna żmien;

7.  Jinnota li r-riżoluzzjoni tat-tilwim u l-arbitraġġ jaħlu l-ħin u l-flus u li hemm nuqqas siewi ta' trasparenza f'dawn il-proċedimenti;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe rekwiżiti u obbligi tranżitorji ma jpoġġux piżijiet mhux meħtieġa u sproporzjonati fuq l-Istati Membri u ma jippreġudikawx mingħajr bżonn il-kapaċitajiet ta' negozjar tagħhom;

9.  Jidentifika l-importanza vitali ta’ qafas ġuridiku karatterizzat miċ-ċertezza li jħares lill-investituri u l-investimenti tagħhom permezz ta’ protezzjoni pre- u post-investiment, il-protezzjoni effikaċi tal-investimenti, arranġamenti ta’ protezzjoni ġudizzjarja li tkun tinvolvi l-qrati internazzjonali u sistemi ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim effikaċi, inkluż għat-tilwim bejn l-Istati u l-investituri minn Stati oħrajn; iqis li hu importanti li jiġu stabbiliti wkoll regoli dwar ir-responsabilità għall-multi imposti u għar-responsabilità tal-ħlas tagħhom (debitabilità); jirrikjedi li dan kollu jitqies fil-formulazzjoni ta' kwalunkwe qafas biex tiġi żgurata l-akbar ċertezza possibbli fir-rigward tal-BITs li diġà huma fis-seħħ kif ukoll dawk li għad iridu jiġu konklużi;

10. Jinnota li t-titjib mistenni fiċ-ċertezza se jgħin lill-SMEs jinvestu barra mill-pajjiż u jinnota f'dan is-sens li leħen l-SMEs għandu jinstema’ matul in-negozjati;

11. Jinnota li l-abbozzar tradizzjonali tal-BITs għandu t-tendenza li juża kliem vag li jippermetti diversi interpretazzjonijiet u jistieden lill-Kummissjoni toħroġ gwida mhux obbligatorja malajr kemm jista' jkun, pereżempju fil-forma ta' mudell għall-BITs, li jkun jista' jintuża mill-Istati Membri biex itejbu ċ-ċertezza u l-konsistenza. iqis li tranżizzjoni ta' malajr għal politika Ewropea għall-investiment internazzjonali se tnaqqas l-inċertezza u l-inkonsistenzi;

12. Jinnota li t-trattati futuri tal-UE fil-qasam tal-investiment għandhom jippruvaw, meta jkun possibbli, jippromwovu l-għanijiet politiċi ġenerali tal-UE inklużi dawk relatati mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali;

13. Iqis li l-UE għandha fil-futur tipprijoritizza l-investiment ‘sostenibbli’ kemm fil-qasam ambjentali kif ukoll f’dak soċjali, inkluż fuq il-bażi tar-regoli reċenti tal-OKŻE;

14. Iqis b'mod favorevoli l-użu ta' mekkaniżmi bejn stat u ieħor għar-riżoluzzjoni tat-tilwimiet;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

28.2.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

28

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Burkhard Balz, Sharon Bowles, Udo Bullmann, Nikolaos Chountis, George Sabin Cutaş, Leonardo Domenici, Derk Jan Eppink, Markus Ferber, Vicky Ford, Ildikó Gáll-Pelcz, Jean-Paul Gauzès, Sylvie Goulard, Wolf Klinz, Jürgen Klute, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Philippe Lamberts, Astrid Lulling, Hans-Peter Martin, Ivari Padar, Anni Podimata, Antolín Sánchez Presedo, Edward Scicluna, Theodor Dumitru Stolojan, Kay Swinburne, Corien Wortmann-Kool

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Thijs Berman, David Casa, Sari Essayah, Robert Goebbels, Carl Haglund, Gianluca Susta

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

16.3.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

0

8

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

William (The Earl of) Dartmouth, Laima Liucija Andrikienė, Kader Arif, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, Christofer Fjellner, Metin Kazak, Bernd Lange, David Martin, Emilio Menéndez del Valle, Vital Moreira, Cristiana Muscardini, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Niccolò Rinaldi, Tokia Saïfi, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Gianluca Susta, Keith Taylor, Iuliu Winkler, Pablo Zalba Bidegain, Paweł Zalewski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Catherine Bearder, George Sabin Cutaş, Béla Glattfelder, Salvatore Iacolino, Syed Kamall, Elisabeth Köstinger, Miloslav Ransdorf, Carl Schlyter, Michael Theurer, Inese Vaidere, Jarosław Leszek Wałęsa