RAPPORT dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tal-foresti u t-tagħrif dwarhom fl-UE: il-preparazzjoni tal-foresti għat-tibdil fil-klima

1.4.2011 - (2010/2106(INI))

Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Rapporteur: Kriton Arsenis
Rapporteur għal opinjoni (*):
Rareş-Lucian Niculescu, Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
(*) Kumitati assoċjati – Artikolu 50 tar-Regoli ta' Proċedura

Proċedura : 2010/2106(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0113/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tal-foresti u t-tagħrif dwarhom fl-UE: il-preparazzjoni tal-foresti għat-tibdil fil-klima

(2010/2106(INI))

Il-Parlament Ewropew,

- wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-Protezzjoni tal-Foresti u t-Tagħrif dwarhom fl-UE: il-preparazzjoni tal-foresti għat-tibdil fil-klima (COM(2010)0066),

- wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' Ġunju 2010 dwar il-preparazzjoni tal-foresti għat-tibdil fil-klima,

- wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2010 dwar il-bijodiversità wara l-2010,

- wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni 'L-adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn Qafas Ewropew għall-azzjoni' (COM(2009)0147) u r-riżoluzzjoni relatata tiegħu tas-6 ta' Mejju 2010[1],

- wara li kkunsidra l-Konferenza Ministerjali dwar il-Protezzjoni tal-Foresti fl-Ewropa (MCPFE) - FOREST EUROPE, id-diversi riżoluzzjonijiet tagħha u l-xogħol ta' esperti fl-għoti ta' linji gwida, kriterji u indikaturi għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti,

- wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar Strateġija forestali għall-Unjoni Ewropea[2] u r-Rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tagħha (COM(2005)0084),

- wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-Foresti 2006-2011 (PAF) (COM(2006)0302) u l-evalwazzjoni intermedja tal-implimentazzjoni tiegħu[3],

- wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi[4], ir-Rapport Kompost dwar l-Istat ta' Konservazzjoni tat-Tipi ta' Ħabitats u tal-Ispeċijiet kif meħtieġ skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats (COM(2009)0358) u r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-21 ta' Settembru 2010 dwar l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE rigward il-konservazzjoni tal-bijodiversità[5] u tat-3 ta' Frar 2009 dwar in-natura selvaġġa fl-Ewropa[6],

- wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Konferenza COP10 tal-UNEP dwar id-Diversità Bioloġika ta' Nagoya f'Ottubru 2010 u l-objettivi tal-bijodiversità ta' Aichi, b'mod partikolari l-impenn biex jiġu protetti 17% taż-żoni terrestri u l-ilmijiet interni permezz ta' miżuri ta' konservazzjoni effikaċi, integrati fil-pajsaġġi usa',

- wara li kkunsidra l-istudju bit-titolu 'Formazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-foresti fl-Unjoni Ewropea: perċezzjonijiet pubbliċi tal-foresti u tal-forestrija'[7],

- wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), il-Protokoll ta' Kjoto u r-rapport tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) dwar il-'Gwida tal-Prattiki Tajba għall-Użu tal-Art, Tibdil fl-Użu tal-Art u l-Forestrija (LULUCF)',

- wara li kkunsidra l-pjan ta' azzjoni tal-UE għall-bijomassa (COM(2005)0628),

- wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli)[8], id-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE għat-titjib u l-estensjoni tal-iskema Komunitarja għall-iskambju [negozjar] ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra (Direttiva ETS)[9], id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020 (Deċiżjoni tal-Kondiviżjoni tal-Isforzi)[10], ir-rapport tal-Kummissjoni dwar rekwiżiti ta' sostenibbiltà għall-użu ta' sorsi ta' bijomassa solida u gassuża fl-elettriku, fit-tisħin u fit-tkessiħ (COM(2010)0011 finali), ir-Raba' Rapport ta' Valutazzjoni tal-IPCC, Kapitolu 9: Forestrija u r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika dwar it-tħejjija ta' rapport dwar skema ta' sostenibbiltà għal użi tal-bijomassa bħala enerġija,

- wara li kkunsidra l-Programm Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima u l-ħidma li ssir mill-grupp espert dwar il-politika tal-klima għal-LULUCF[11],

- wara li kkunsidra l-istudji tiegħu nru 449.292, li jivvalutaw il-Green Paper dwar il-protezzjoni tal-foresti u t-tagħrif dwarhom fl-UE, nru 440.429 dwar il-forestrija u l-skema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet u nru 449.237 dwar l-istrateġija Ewropea dwar il-prevenzjoni ta' u l-ġlieda kontra n-nirien fil-foresti, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-laqgħa tat-13 ta' Lulju 2010 fi Brussell tas-Sottogrupp tal-Forestrija tal-Intergrupp 'Tibdil fil-Klima, Bijodiversità u Żvilupp Sostenibbli',

- wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Pajsaġġ tal-2000 (il-Konvenzjoni ta' Firenze),

- wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 1999/105/KE dwar il-marketing ta' materjali riproduttivi tal-foresti[12] u r-rieżami tal-Reġim tal-UE tas-saħħa tal-pjanti,

- wara li kkunsidra r-Rapport ta' Sinteżi ta' TEEB (L-Ekonomija tal-Ekosistemi u l-Bijodiversità) "Mainstreaming the Economics of Nature" u l-aġġornament tal-Kwistjonijiet Klimatiċi tat-TEEB,

- wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' April 2010 dwar il-prevenzjoni ta' nirien fil-foresti fl-Unjoni Ewropea,

- wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 u d-9 ta' Novembru 2010 dwar is-soluzzjonijiet innovattivi għall-finanzjament ta' azzjonijiet fil-qasam tal-prevenzjoni tad-diżastri,

- wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali[13],

- wara li kkunsidra r-rapport dwar l-implimentazzjoni finali tar-Regolament dwar Forest Focus (COM(2010)0430),

- wara li kkunsidra r-Rapport Tekniku tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) Nru 9/2006 'Tipi ta' foresti Ewropej: Kategoriji u tipi għar-rapportar u l-politika dwar il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti',

- wara li kkunsidra r-rapport lid-DĠ tal-Kummissjoni għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali bit-titolu 'L-Impatti tat-Tidbil fil-Klima fuq il-Foresti Ewropej u l-Għażliet għall-Adattament'[14];

- wara li kkunsidra r-rapport tal-2009 lid-DĠ tal-Kummissjoni għall-Ambjent bit-titolu 'Għażliet politiċi tal-UE għall-protezzjoni tal-foresti Ewropej kontra impatti li jagħmlu l-ħsara'[15],

- wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 9/2004 dwar Miżuri ta' silvikultura fl-ambitu tal-Politika tal-Iżvilupp Rurali (flimkien mar-risposti tal-Kummissjoni),

- wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam[16],

- wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tan-netwerk ta' esperti tal-FAO/UNECE/ILO fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti,

- wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni H1 ta' Ħelsinki tal-MCPFE li tiddefinixxi l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti bħala 'il-ġestjoni u l-użu tal-foresti u tal-artijiet tal-foresti b'mod u b'rata tali li jippermettulhom iżommu l-bijodiversità, il-produttività, il-kapaċità ta' riġenerazzjoni, il-vitalità u l-kapaċità li jiġu sodisfatti, attwalment u fil-futur, il-funzjonijiet ekoloġiċi, ekonomiċi u soċjali rilevanti, f'livell lokali, nazzjonali u dinji, mingħajr ma jikkawżaw ħsara lil ekosistemi oħrajn',

- wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

- wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A7-0113/2011),

A.       billi l-foresti u l-art bil-boskijiet ikopru 42% tal-erja tal-UE u l-industriji bbażati fuq il-foresti, b'valur tal-bejgħ li jammonta għal aktar minn EUR 300 biljun, jipprovdu għal aktar minn 2 miljun impjieg, il-maġġoranza tagħhom rurali, u jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku, impjiegi u l-prosperità permezz tal-provvista ta' injam u opportunitajiet għat-turiżmu,

B.       billi l-foresti tal-UE jirrappreżentaw it-totalitajiet tal-bijosferi li jinkludu mhux biss siġar, li jipprovdu servizzi ekosistemiċi imprezzabbli fosthom is-sekwestru tal-karbonju, ir-regolarizzazzjoni tal-flussi tal-ilma, il-konservazzjoni tal-pajsaġġ, iż-żamma tal-fertilità tal-ħamrija, il-protezzjoni tal-ħamrija mill-erożjoni u mid-deżertifikazzjoni u l-protezzjoni mid-diżastri naturali, li kollha kemm huma huma ta' importanza notevoli għall-agrikoltura, l-iżvilupp rurali u l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittidini Ewropej,

C.       billi madwar 40% tal-foresti tal-UE huma ta' proprjetà pubblika u madwar 60% tal-foresti tal-UE jappartjenu għal aktar minn 10 miljun proprjetarju privat ta' foresti, biex kemm il-partijiet interessati privati kif ukoll dawk pubbliċi għandhom responsabilità fir-rigward tal-protezzjoni tal-foresti u l-użu sostenibbli ta' foresti permezz tal-implimentazzjoni tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti fil-post,

D.       billi, minkejja r-rati ta' deforestazzjoni allarmanti f'diversi partijiet tad-dinja, it-tendenza fit-tul li tiżdied il-kopertura tal-foresti fl-UE hija stabbli u huwa stimat li l-karbonju tal-bijomassa mill-injam qiegħed jikber; billi, minkejja t-tendenza ġeneralment pożittiva, is-sekwestru tal-karbonju fl-Ewropa kollha għadu ferm taħt il-kapaċità naturali u aktarx jista' jerġa' lura għall-għajn, billi qiegħda tiżdied il-pressjoni biex jogħlew il-livelli ta' ħsad u madwar 500 000 ettaru tal-foresti tal-UE jintilfu kull sena b'konsegwenza tan-nirien fil-foresti u deforestazzjoni illegali,

E.        billi 30% tas-siti NATURA 2000 huma foresti u ħabitats oħrajn ta' art bil-boskijiet, li jiżvolġu rwol importanti bħala rabtiet man-netwerks tal-bijotopi; u billi 66% tat-tipi ta' ħabitats forestali ta' interess Komunitarju għandhom status ta' konservazzjoni mhux favorevoli,

F.        billi l-foresti fil-muntanji jirrappreżentaw terz tal-art forestali totali tal-UE u huma element essenzjali tal-pajsaġġ naturali billi jikkontribwixxu għall-protezzjoni tal-art, għar-regolazzjoni tal-provvista tal-ilma; billi dawn il-foresti jiżvolġu rwol fundamentali fl-attività ekonomika lokali,

G.       billi l-protezzjoni tal-aħħar żoni ta' natura selvaġġa li baqa' tista' tikkontribwixxi biex jieqaf it-telf tal-bijodiversità u d-degrad tas-servizzi ekosistemiċi fl-UE sal-2020;

H.       billi huwa mbassar li l-ġenerazzjoni ta' enerġija mill-bijomassa solida u mill-bijoskart se jkollha sehem ta' 58% tal-enerġiji rinnovabbli tal-UE sal-2020, u billi s-sehem tal-bijomassa tal-forestrija hu mistenni li jonqos f'termini relattivi, teżisti domanda li qiegħda tiżdied kostantement għall-injam bħala sors ta' enerġija; billi għaldaqstant il-viġilanza hija meħtieġa għall-prevenzjoni tad-deforestazzjoni illegali u tal-intensifikazzjoni tal-prattiki tal-forestrija u jafu jżidu f'xi Stati Membri l-proporzjon bejn il-qtugħ ta' siġar u t-tkabbir tagħhom b'aktar minn 100%, b'hekk jiġu kkuntrastati l-objettivi fil-qasam tat-tibdil fil-klima u tal-bijodiversità; billi l-enerġija mill-bijomassa għandha tkun inqas dipendenti fuq il-bijomassa tal-foresti,

I.         billi l-protezzjoni tal-foresti u l-funzjonijiet tagħhom għandha tkun integrata fil-politiki kollha tal-UE li jikkonċernaw il-foresti,

J.        billi l-foresti jikkostitwixxu ekosistemi ħajjin u f'evoluzzjoni li spiss jaqsmu l-fruntieri bejn l-istati, li jistgħu jkunu kklassifikati b'mod differenti bħaż-żoni bijoklimatiċi jew tipi ta' foresta, bil-għan li d-deċiżjonijiet politiċi tal-UE jingħataw gwida, l-EEA żviluppat nomenklatura forestali speċifika; billi r-riżultati xjentifiċi l-aktar reċenti fl-oqsma kollha, bħall-'qasma kontinentali', għandhom jitqiesu fil-politiki tal-UE li jikkonċernaw il-foresti u t-tali politiki għandhom jevitaw ir-riskju li jkunu wisq ġenerali biex ikunu siewja,

K.       billi tipi differenti ta' foresti u s-settur forestali jistgħu jkunu esposti għal riskji bijotiċi u abijotiċi differenti u imprevedibbli minħabba t-tibdil fil-klima, bħal parassiti, tempesti, nixfiet u nirien, b'hekk ir-reżiljenza tal-foresti ssir is-sinsla tal-isforzi ta' protezzjoni,

L.        billi l-informazzjoni soda u kumparabbli dwar l-istat tal-foresti tal-UE u l-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima u x-xejriet produttivi fil-foresti hija prekundizzjoni għall-politika u l-ippjanar, inkluż il-kontribut tal-foresti għall-mitigazzjoni u l-adattatment għat-tibdil fil-klima;

M.      billi n-nirien fil-foresti u l-ħruq volontarju, li spiss isiru minħabba motivazzjoni differenti, jeqirdu aktar minn 400 000 ettaru ta' foresta fis-sena, speċjalment, iżda mhux biss, fir-reġjun Mediterranju, b'telf enormi ta' ħajja umana, proprjetà, impjiegi, bijodiversità u l-funzjonijiet protettivi tal-foresti; billi r-riġenerazzjoni wara n-nirien hija speċjalment diffiċli għall-foresti kollha, u fil-każ tan-netwerk NATURA 2000, ixxekkel l-ilħiq tal-objettivi tan-netwerk,

N.       billi l-White Paper hawn fuq imsemmija dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima tinkludi l-foresti bħala waħda mill-oqsma ta' azzjoni ewlenin li tenfasizza li l-istrateġija tal-UE tal-forestrija għandha tkun aġġornata biex tinkludi aspetti relatati mat-tibdil fil-klima,

O.       billi 5% biss tal-art forestali tal-Ewropa hija kkostitwita minn foresti antiki, primarji u mhux disturbati mill-attività tal-bniedem; billi l-perċentwal ċkejken ta' foresti ta' dan it-tip, flimkien mal-frammentazzjoni dejjem ikbar tal-artijiet li fadal tat-tipi kollha ta' foresti, iżid il-vulnerabilità tal-foresti għat-theddid klimatiku, u jispjega parzjalment l-istat persistenti ta' konservazzjoni skadenti ta' bosta speċijiet forestali ta' interess Ewropew,

P.        billi t-tisħiħ tal-funzjonijiet protettivi tal-foresti għandu jifforma parti mill-istrateġiji tal-UE u tal-Istati Membri għall-protezzjoni ċivili, speċjalment meta ffaċċjati b'fenomeni estremi relatati mal-klima bħan-nirien u l-għargħar,

Q.       billi r-rapport TEEB ppreżenta każ konvinċenti ta' kostijiet-benefiċċji għall-investimenti pubbliċi f'approċċi ekosistemiċi għal adattament u mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima b'mod partikolari rigward l-infrastruttura ekoloġika, bħar-restawr u l-konservazzjoni tal-foresti,

R.       billi d-diversi sistemi ta' ġestjoni tal-foresti nazzjonali, reġjonali u lokali għandhom ikunu rispettati kif ukoll megħjuna bil-għan li jżidu l-kapaċità ta' adattament tagħhom,

S.        billi l-kapaċità tal-foresti Ewropej li jaġixxu bħala bjar ta' assorbiment effikaċi tas-CO2, NH3 u NOX għadha mhux sfruttata biżżejjed u l-injam li joriġina minn foresti ġestiti b'mod sostenibbli jaf ikollhom benefiċċji ta' mitigazzjoni billi jservu bħala sostitut riċiklabbli u b'kontenut għoli ta' karbonju għall-materjali b'intensità enerġetika għolja bħal ligi metalliċi, plastik u konkrit użati ħafna fil-kostruzzjoni u f'industriji oħrajn,

T.        billi skont id-data miġbura mill-Kummissjoni, is-sajf fin-naħa t'isfel tal-Ewropa se jisħon malajr bid-doppju milli fil-kumplament tal-Ewropa u l-ħalbiet tax-xita fis-sajf fin-Nofsinhar se jonqsu b'5% kull għaxar snin,

U.       billi l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-Foresti għandu erba' objettivi: it-titjib fit-tul tal-kompetittività, il-protezzjoni tal-ambjent, il-kontribut għall-kwalità tal-ħajja u t-trawwim tal-koordinament, u billi sar progress konsiderevoli l-aktar fl-ilħiq tal-ewwel objettiv,

V.       billi l-proċess Forest Europe diġà kiseb kunsens Ewropew fuq bażi volontarja dwar il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti; billi l-kuntest attwali għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti ma għandux rikonoxximent sħiħ u implimentazzjoni konsistenti;

W.      billi, fil-qafas tal-proċess Forest Europe, saru preparamenti kompluti għan-negozjati dwar strument ġuridikament vinkolanti u huwa mistenni li jittieħdu deċiżjonijiet relatati waqt il-konferenza li jmiss, li se ssir f'Oslo f'Ġunju 2011,

X.       billi r-Regolamenti dwar in-nirien fil-foresti[17] u dak ta' Forest Focus[18] skadew u dan issarraf f'finanzjamenti inadegwati u f'nuqqas ta' rapportar ad hoc,

Y.       billi s-selezzjoni ġenetika għandha timmira biex ittejjeb il-karatteristiċi ta' adattament tal-ekosistema forestali,

Z.        billi hija meħtieġa aktar informazzjoni dwar l-influwenza tal-foresti fuq il-mudelli meteoroloġiċi fil-livell Ewropew,

AA.    billi r-rapport tal-2009 msemmi hawn fuq lill-Kummissjoni 'Għażliet politiċi tal-UE għall-protezzjoni tal-foresti Ewropej kontra impatti dannużi' identifika u studja erba' għażliet politiċi, li jkopru t-tkomplija tal-approċċ attwali, il-metodu miftuħ ta' koordinament, aktar monitoraġġ u l-introduzzjoni ta' direttiva qafas dwar il-foresti,

1.        Jilqa' b'sodisfazzjon il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tal-foresti u t-tagħrif dwarhom fl-UE: Il-preparazzjoni tal-foresti għat-tibdil fil-klima; iqis li għandha tissaħħaħ l-Istrateġija tal-UE dwar il-foresti bil-għan li titjieb il-ġestjoni sostenibbli u l-konservazzjoni, skont il-prinċipji ta' sussidjarjetà u l-proporzjonalità;

2.        Jenfasizza, madankollu, li skont l-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-UE għandha tkun tista' tintervjeni fl-ambiti li fihom jintwera li l-objettivi tal-azzjoni prevista ma jistgħux jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri;

3.        Jilqa' favorevolment l-opinjoni tal-Kummissjoni li l-foresti għandhom jitqiesu bħala kontributur kbir biex tissolva l-kriżi tal-klima; jenfasizza li l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti hija tal-ikbar importanza għall-UE biex jintlaħqu l-għanijiet tagħha dwar il-klima u jingħataw is-servizzi ekosistemiċi neċessarji, bħall-bijodiversità, il-protezzjoni kontra d-diżastri naturali, u l-qbid tas-CO2 mill-atmosfera;

4.        Ifakkar li l-foresti jiffurmaw il-bijosferi li jinkludu ħafna aktar minn siġar, u li r-reżiljenza tagħhom għalhekk tiddependi mid-diversità bijoloġika mhux biss tas-siġar iżda ta' kull organiżmu tal-foresta wkoll, partikolarment l-annimali selvaġġi li jgħixu fil-foresta, u li l-foresti huma essenzjali għall-adattament tas-soċjetajiet Ewropej għat-tibdil fil-klima;

5.        Ifakkar li l-foresti huma r-repożitorju prinċipali tal-karbonju u jiżvolġu rwol vitali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jenfasizza li għalhekk huwa vitali għall-UE li ssaħħaħ l-istrateġija tagħha biex tikkumbatti l-fatturi li qed jikkawżaw id-deterjorament tal-foresti, bħan-nirien u t-tniġġis atmosferiku;

6.        Jinsab konvint li s-sostenibbiltà ekoloġika hija prerekwiżit għat-tkomplija tal-funzjonijiet ekonomiċi u soċjali tal-foresti tal-UE;

7.        Jisħaq fuq ir-rwol li tiżvolġi l-bijodiversità forestali fl-adattament għat-tibdil fil-klima u l-ħtieġa li jitjieb l-għarfien dwar l-indikaturi tal-bijodiversità forestali – inkluż b'mod partikolari dwar il-kapaċità ġenetika forestali – għal adattament aħjar;

8.        Jifraħ lill-Kummissjoni dwar l-analiżi eżawrjenti tat-theddid bijotiku u abijotiku fil-Green Paper tagħha, u jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn biex jiġu eżaminati, barra minn dan, fatturi oħra konnessi mal-impatt tat-tibdil fil-klima fuq il-foresti, bħad-defoljazzjoni, li jfakkar fl-irduddjar tas-superfiċje defoljata tal-quċċata tas-siġar fil-foresti tan-Nofsinhar tal-Ewropa fl-aħħar 20 sena, li wassal, f'termini ta' konsegwenzi diretti, għat-tnaqqis tal-kapaċità u tal-effikaċja fil-proċessi tal-iffissar tal-karbonju u għat-tnaqqis tal-effett mitiganti tal-foresti f'perjodi ta' nixfa jew f'mewġiet ta' sħana minħabba t-telf prematur tal-weraq tas-siġar;

9.        Jirrikonoxxi l-kontributi importanti għal forestrija sostenibbli mill-iskemi eżistenti ta' ċertifikazzjoni globali, bħall-Kunsill għall-Ġestjoni Forestali (Forest Stewardship Council - FSC) u l-Programm għall-Approvazzjoni tal-Iskemi ta' Ċertifikazzjoni tal-Foresti (Programme for the Endorsement of Forest Certification Schemes - PEFC);

Strateġija forestali u Pjan ta' Azzjoni għall-Foresti tal-UE

10.      Jenfasizza li l-Istrateġija Forestali tal-UE u l-Pjan ta' Azzjoni għall-Foresti hawn fuq imsemmija għandhom jiġu aġġornati sabiex jinkludu d-dimensjoni tat-tibdil fil-klima u kwistjonijiet usa' dwar il-ħarsien tal-foresti; ifakkar li dibattitu komprensiv dwar il-politika forestalii mal-Istati Membri u mal-partijiet interessati kollha milquta mill-implimentazzjoni tal-miżuri proposti għandu jippreċedi kwalunkwe tali rieżami;

11.      Jilqa' b'sodisfazzjon is-suċċess tal-isforzi tal-UE biex tilħaq kompetittività dinji għall-industriji Ewropej bbażati fuq il-foresti;

12.      Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi biex jilħqu l-objettivi ambjentali u tal-kwalità tal-ħajja tal-PAF li l-implimentazzjoni tiegħu attwalment qiegħda lura;

13.      Jistieden lill-Kummissjoni twettaq analiżi tal-politika tal-UE li jkollha effett fuq il-foresti tal-UE sabiex teżamina jekk humiex koerenti u jekk jiggarantixxux il-protezzjoni tal-foresti;

14.      Jistieden lill-Kummissjoni twettaq analiżi tal-finanzjament attwalment disponibbli għall-foresti u l-forestrija u talloka mill-ġdid il-fondi eżistenti li jħallu impatt negattiv fuq il-bijodiversità forestali, skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Marzu 2010 hawn fuq imsemmija;

15.      Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet definiti fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-27 ta' Frar 2008 dwar industriji bbażati fuq il-foresti innovattivi u sostenibbli fl-UE (COM(2008)113 finali), u jqisu r-regolamentazzjoni eċċessiva taf tagħmel il-prodotti tal-injam inqas kompetittivi meta mqabbla mal-materjali mhux rinnovabbli u b'intensità enerġetika għolja;

16.      Jisħaq fuq il-fatt li l-miżuri għall-protezzjoni tal-foresti għandhom jirriflettu n-natura transkonfinali tar-riskji bijotiċi u abijotiċi skont it-tip, iż-żona bijoklimatika u l-kundizzjonijiet reġjonali tagħhom; jenfasizza, barra minn hekk, li għandha tittieħed azzjoni biex tappoġġa, tikkoordina u tissupplementa l-inizjattivi politiċi tal-Istati Membri u tar-reġjuni meta l-UE tippreżenta valur miżjud, u skont in-nomenklatura forestali żviluppata mill-EEA;

17.      Jenfasizza li l-protezzjoni tal-foresti tiddependi minn impenn fit-tul min-naħa tal-Istati Membri, ir-reġjuni, l-industriji bbażati fuq il-foresti kif ukoll tas-sidien pubbliċi u privati tal-foresti;

18.      Iqis li l-foresti boreali tat-Tramuntana (taiga) u l-foresti tal-Mediterran huma ta' valur kbir ħafna f'termini ta' bijodiversità Ewropea u bħal bjar tal-karbonju atmosferiku u għandhom jibbenefikaw minn protezzjoni msaħħa;

19.      Iqis li l-ippjanar forestali fit-tul għandu jkun flessibbli, parteċipattiv u juri kapaċità ta' adattament meta wieħed iqis ix-xenarji kollha possibbli u jżomm f'moħħu l-ħafna għażliet għall-iżvilupp futur, li jipprovdi bażi realistika u affidabbli għall-appoġġ ta' deċiżjoni dwar il-ġestjoni; iqis, barra minn hekk, li fil-livell tal-UE dan għandu jissawwar f''Forum dwar il-foresti' permanenti biex jiggarantixxi protezzjoni fit-tul tal-foresti;

Ġestjoni sostenibbli tal-foresti

20.      Jilqa' favorevolment is-suċċess ta' Forest Europe fit-tisħiħ tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u l-ksib ta' kunsens Ewropew dwar il-linji gwida, il-kriterji u l-indikaturi tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti; josserva madankollu li l-kuntest attwali tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti ma għandux implimentazzjoni konsistenti;

21.      Ifakkar li l-għan tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti huwa li tarmonizza l-aspetti relatati mal-produzzjoni u l-protezzjoni tal-foresti billi tiggarantixxi t-tkomplija tal-funzjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tagħhom skont prijoritajiet nazzjonali u reġjonali; jirrimarka bi tħassib li x-xejra li qed tikber li l-foresti jkunu kkunsidrati biss minn perspettiva ekonomika, u jintesew l-aspetti ambjentali u soċjali tagħhom, hija inkumpatibbli mal-prinċipji tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti;

22.      Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel proposti ħalli tikkomplimenta r-Regolament (UE) 995/2010 dwar l-Injam imsemmi hawn fuq biex jiġi assigurat li l-injam kollu jew il-prodotti tal-injam li jitpoġġew fis-suq Ewropew ikunu ġew minn foresti ġestiti b'mod sostenibbli;

23.      Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jkomplu bl-isforzi tagħhom biex itemmu d-deforestazzjoni illegali u l-kummerċ tal-injam li dan jipproduċi, għaliex dan jgħin fil-ġlieda kontra d-deforestazzjoni, id-degrad tal-foresti u t-telf ta' bijodiversità;

24.      Jitlob li tissaħħaħ il-konnessjoni bejn il-programmi forestali nazzjonali (PFN) u l-Pjan ta' Azzjoni għall-Foresti (PAF) permezz ta' rappurtar strutturat lill-Kumitat Forestali Permanenti (KFP);

25.      Iqis li l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti hija fundamentali għall-kapaċità kontinwa tal-foresti tal-UE biex iwettqu funzjonijiet ekonomiċi, ekoloġiċi u soċjali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri juru l-appoġġ tagħhom għall-proċess Forest Europe billi jagħmlu l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti obbligatorja fl-Unjoni Ewropea; iqis, barra minn hekk, li impenn bħal dan ikun jgħin biex jiġu assimilati l-prinċipji ta' sostenibbiltà fil-forestrija u jservu tal-aħjar sostenn possibbli għall-proċess Forest Europe u l-ftehimiet ġuridikament vinkolanti eżaminati minn Forest Europe u mill-Forum tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Foresti;

26.      Huwa favur l-implimentazzjoni totali tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti attiva fil-kuntest ta' PFN fit-tul li jinkorporaw il-prijoritajiet nazzjonali u reġjonali, l-objettivi li jistgħu jitkejlu u l-kriterji ta' evalwazzjoni u jieħdu kont taż-żieda fit-theddid fil-konfront tal-foresti minħabba t-tibdil fil-klima;

27.      Jenfasizza li l-pjanijiet għall-iżvilupp rurali u l-programmi operattivi ma għandhomx jitqiesu bħala ekwivalenti għall-PFN; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiggarantixxu li l-PNF jikkunsidraw il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-istudji dwar l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq ir-riżorsi tal-ilma, l-ekosistemi u l-bijodiversità, u li l-istrateġiji u l-programmi għall-iżvilupp rurali jkunu koerenti mal-programmi forestali, l-istrateġiji dwar il-bijodiversità u l-pjanijiet ta' azzjoni fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli;

28.      Jirrimarka li d-diversità ġenetika, ir-riġenerazzjoni naturali u d-diversità fl-istruttura u fit-taħlita tal-ispeċijiet fost l-organiżmi kollha li jgħixu fil-foresta huma elementi komuni fl-għażliet ta' adattament tal-foresti, li jkopru ż-żoni bijoklimatiċi, is-sistemi ta' ġestjoni sostenibbli u t-tipi ta' foresti kollha; jirrimarka wkoll li l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti tiggarantixxi vijabbiltà ekonomika għall-foresti kummerċjali iżda ma timponihiex fil-każ ta' dawk il-foresti b'funzjonijiet primarji differenti mill-produzzjoni tal-injam;

29.      Iqis li l-protezzjoni tal-foresti fuq perjodu twil ta' żmien tiddependi fuq il-ħolqien u s-sostenn tal-ekosistemi forestali karatterizzati minn siġar differenti ħafna f'dik li hija kompożizzjoni, età u struttura;

30.      Jistieden lill-Kummissjoni tressaq rakkomandazzjonijiet dwar kif jistgħu jiġu adottati s-sistemi nazzjonali tal-protezzjoni ċivili biex jiġi ffaċċjat l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq il-foresti; b'mod partikolari jħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu azzjoni ħalli tkabbar ir-Riżerva Tattika Ewropea kontra in-Nirien fil-Foresti f'termini ta' riżorsi u kapaċità;

31.      Iwissi kontra l-isfruttament kummerċjali illimitat ta' riżorsi forestali li partikolarment fil-każ tal-foresti naturali, bosta drabi twassal għall-qerda irreversibbli tagħhom;

32.      Iqis li, minħabba l-importanza tagħhom għas-sekwestru tad-CO2, is-siġar tal-agroforestrija għandhom jitqiesu bl-istess mod bħal boskijiet tradizzjonali mhux produttivi, fir-rigward tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

Proposti ġenerali

33.      Jistieden lill-Kummissjoni tipproċedi bl-abbozzar tal-White Paper dwar il-Protezzjoni tal-Foresti fl-UE billi tqis ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-Green Paper, il-bżonn li jinħass fuq skala wiesgħa għat-tħejjija għat-tibdil fil-klima, l-istudju dwar l-għażliet politiċi u l-istudju dwar l-għażliet ta' adattament; iqis li l-White Paper, barra milli tikkonferma l-kontribut tal-foresti lill-ekonomija permezz ta' prodotti u servizzi forestali tal-injam u mhux, għandha tikkonċentra fuq iż-żamma u ż-żieda tal-foresti Ewropej, billi dawn jgħinu lis-soċjetajiet Ewropej jimmitigaw it-tibdil fil-klima u jadattaw għall-effetti tiegħu; iqis, barra minn hekk, li għandu jiġi garantit livell ogħla ta' protezzjoni għall-ħabitats ta' kwalità għolja u għal foresti protettivi b'funzjonijiet li jikkontrastaw l-għargħar, żerżiq tal-art, nirien, deżertifikazzjoni, telf tal-bijodiversità u katastrofi meteoroloġiċi estremi; iqsi li riżorsi finanzjarji adegwati, skambju ta' għarfien u promozzjoni tar-riċerka u tal-informazzjoni bħala aspetti indispensabbli tal-proposti tal-Kummissjoni;

34.      Jerġa' jafferma l-fehmiet tiegħu dwar il-bżonn għal livelli ogħla ta' finanzjamenti għall-miżuri ta' protezzjoni tal-foresti tal-UE, permezz tal-pilastru 'żvilupp rurali' tal-Politika Agrikola Komuni (PAK); jindika li l-isfidi l-ġodda involuti fit-tibdil fil-klima jagħmluha ċara li l-protezzjoni tal-foresti teħtieġ somom akbar ta' finanzjament u li jistgħu jkunu meħtieġa forom ġodda ta' assistenza;

35.      Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistudja b'attenzjoni u tirrapporta lill-Parlament u lill-Kunsill dwar l-għażliet għall-pagament għas-servizzi ekosistemiċi li jagħrfu l-valur ekonomiku tagħhom u jippremjaw il-konservazzjoni tal-bijodiversità forestali kif ukoll ir-restawr tal-ekosistemi forestali; jenfasizza l-importanza li d-dinja tan-negozju tirrikonoxxi l-vantaġġi f'termini ta' kredibbiltà, pubbliċità u ta' benefiċċji finanzjarji li ġejjin mill-involviment tagħha fil-konservazzjoni tal-bijodiversità u fil-protezzjoni tal-foresti;

36.      Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva għall-prevenzjoni tan-nirien fil-Foresti billi tinkorpora l-finanzjamenti tal-pjanijiet ta' prevenzjoni u tal-valutazzjoni tar-riskji, tas-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni dwar in-Nirien fil-Foresti (EFFIS), id-detezzjoni tan-nar, tal-infrastruttura, tat-taħriġ u l-edukazzjoni u tal-irkupru tal-foresti wara n-nirien, inkluża l-valutazzjoni li l-art li fuqha nqabad in-nar tkun suġġetta għal projbizzjoni ta' bini ta' 30 sena;

37.      Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva li tipprojbixxi l-bini fuq art meqruda min-nirien li dwarha ġie aċċertat il-ħruq volontarju;

38.      Jappella għat-tneħħija tal-ostakli ġuridiċi għall-ġestjoni sostenibbli;

39.      Jindika l-ħtieġa biex jiġi stabbilit il-qafas finanzjarju meħtieġ biex itejjeb it-tifi tan-nar fil-foresti u wkoll jitlob biex tinġieb aktar flessibbiltà għall-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà;

40.      Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva għat-tagħrif dwar il-foresti billi tqis it-theddid klimatiku u l-bżonn ta' ġbir u tixrid tad-data rilevanti, armonizzata u paragunabbli dwar il-kopertura forestali, il-bijodiversità, it-theddid bijotiku u abijotiku u l-użu tal-art fil-kuntest tal-UNFCCC, tas-CBD u tal-kontijiet ambjentali; jistieden barra minn dan lill-Kummissjoni tikkompila u tissorvelja l-indikaturi relatati mal-funzjonijiet protettivi tal-foresti bħall-kapaċità ta' assorbiment tal-ħamrija;

41.      Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa r-riċerka dwar l-influwenza tal-foresti fuq il-mudelli meteoroloġiċi reġjonali fl-UE, sabiex tinforma l-istrateġiji tal-ġestjoni tal-foresti rigward il-bidliet f'termini ta' daqs, kompożizzjoni u lok tal-foresti u l-impatt tat-tali bidliet;

42.      Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw u jxerrdu linji gwida dwar l-aħjar prattiki bbażati fuq il-prinċipji tal-ġestjoni sostenibbli biex jissodisfaw il-bżonnijiet tas-sidien privati u statali kif ukoll tal-komunitajiet lokali, bil-għan li tiġi garantita reżiljenza għat-tibdil fil-klima; jinnota wkoll l-importanza tal-iskambju tal-aħjar prattiki dwar kif kumpaniji u setturi tal-industrija jistgħu jikkontribwixxu għall-objettivi tal-bijodiversità permezz ta' mentalità li tqis iċ-ċiklu tal-ħajja u kif jistgħu jibnu rabta bejn konservazzjoni tal-bijodiversità u l-ġenerazzjoni ta' dħul; jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-politika ta' komunikazzjoni u informazzjoni sabiex tkun żgurata l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, tinforma lill-pubbliku u tħeġġeġ l-użu tal-injam sostenibbli;

43.      Jenfasizza l-bżonn li jissaħħew l-isforzi ta' koordinament u ta' informazzjoni fir-rigward tal-protezzjoni tal-foresti; huwa tal-fehma li jinħtieġu sforzi akbar biex jiggarantixxu li l-miżuri interni tal-UE jkunu koerenti mad-dikjarazzjonijiet fil-qasam tal-politika esterna dwar il-foresti (kooperazzjoni, żvilupp, kummerċ fl-injam eżotiku, eċċ.);

44.      Iqis li l-foresti jiffurmaw parti mill-wirt kulturali u ambjentali kollettiv tal-umanità u s-siġar imponenti għandhom jiġu protetti sew jekk jinsabu f'foresti sew jekk le; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħorġu bi strateġija xierqa għall-protezzjoni tagħhom, inkluża l-kunsidrezzjoni tal-'Osservatorji tal-Wirt Forestali'; jinkoraġġixxi, barra minn hekk, lill-Istati Membri, biex fil-kuntest tal-politiki nazzjonali tagħhom, jippromwovu aċċess ugwali u pubbliku għall-foresti u għaż-żoni naturali, jirrikonoxxu li d-dritt ta' aċċess pubbliku għall-foresti u għaż-żona naturali (allemansrätten) kif ipprattikata f'ċerti Stati Membri jġib bosta vantaġġi f'termini ta' aċċess demokratiku għar-rikreazzjoni, il-valorizzazzjoni tal-ekosistemi u r-rispett tal-wirt naturali;

45.      Bil-għan li jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija UE 2020 fir-rigward tal-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali fil-qasam tal-foresti, jitlob lil kull Stat Membru jew reġjun jiżviluppa strateġija forestali li tinkludi r-riforestazzjoni tax-xtut tax-xmajjar, il-ġbir tal-ilma tax-xita, l-attivitajiet agrikoli u r-riżultati tar-riċerka għall-għażla tal-varjetajiet u tal-ispeċijiet tradizzjonali ta' xtieli u siġar li jadattaw ruħhom aħjar għan-nixfa;

Riċerka dwar il-foresti

46.      Jenfasizza li, minkejja l-Ewropa bla dubju għandha kompetenzi tekniċi dwar il-forestrija, li ġejjin minn prattiki tradizzjonali fil-forestrija li ilhom żmien twil, jeħtieġ li jiżdiedu r-riżorsi finanzjarji għar-riċerka fl-impatt tat-tibdil fil-klima fuq il-foresti; huwa tal-fehma li, fid-dawl tal-inċertezza xjentifika dwar il-kalendarju u l-kobor tat-theddid għall-foresti f'żoni differenti, jeħtieġ li jiġu destinati finanzjamenti għar-riċerka dwar il-klima skont esiġenzi speċifiċi u soluzzjoni applikabbli għal żoni bijoklimatiċi differenti, bil-għan li titjieb il-bażi ta' għarfien rilevanti;

47.      Jitlob lill-Istati Membri jwaqqfu programmi konġunti ta' riċerka fuq perjodu twil ta' żmien biex jitjieb l-għarfien tal-impatti u l-vulnerabbiltà u biex jiġu appoġġati miżuri ta adattament fis-settur forestali; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi proġetti ta' inklużjoni fil-qafas multiannwali għall-iżvilupp tar-riċerka u dak teknoloġiku marbuta mal-għarfien tal-ekosistemi forestali u l-kapaċitajiet tagħhom li jadattaw għall-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima;

48.      Jistieden lill-Kummissjoni tfassal pjan ta' azzjoni biex jiġu protetti l-foresti tal-UE sabiex jantiċipa l-impatt negattiv tal-proliferazzjoni tal-insetti u l-mard ikkawżat mit-tibdil fil-klima;

49.      Jistieden lill-Istati Membri jagħtu spinta lir-riċerka fil-qadam tat-tibdil fil-klima u l-konsegwenzi tiegħu għall-foresti; irawmu sensibilizzazzjoni usa' tas-sinifikati varji tal-foresti u l-importanza tal-ġestjoni sostenibbli tagħhom; jagħtu sostenn lit-taħriġ inizjali u intern lill-impjegati fil-qasam tal-forestrija, b'attenzjoni fuq oqsma ta' għarfien espert mistennija bħala meħtieġa bħala riżultat tat-tibdil fil-klima (il-promozzjoni tad-diversità, il-prevenzjoni tal-ħsara u l-irkurpu); u jinkoraġġixxu l-iskambju tal-għarfien u tal-esperjenzi;

50.      Iqis li, minħabba l-ħtieġa ta' riċerka effikaċi fil-'potenzjal ta' difiża' tal-ekosistemi forestali, ta' riċerka pronjostika u ta' riċerka fl-istrateġiji biex jittaffew l-effetti tat-tibdil fil-klima fis-settur forestali u tal-injam kollu, hemm ħtieġa ta' koordinament u finanzjament fuq livell tal-Unjoni Ewropea;

It-tieni pilastru tal-PAK

51.      Jindika li t-taħdidiet dwar il-futur tal-PAK wara l-2013 għandhom iqisu l-fatt li l-foresti joffru funzjonijiet ambjentali essenzjali u jikkontribwixxu għall-ilħiq tal-objettivi soċjali u ekonomiċi tal-iżvilupp rurali u tal-ekonomiji nazzjonali; jistieden għalhekk lill-Istati Membri u lir-reġjuni jikkooperaw bis-sħiħ mal-awtoritajiet forestali u mal-pubbliku ġenerali fit-tħejjija ta' programmi ta' żvilupp rurali biex jiggarantixxu koerenza bejn il-politiki tal-UE, u jqisu li l-forestrija, f'xi każijiet, tista' tkun settur indipendenti mill-ekonomija rurali;

52.      Ifakkar li l-foresti jiżvolġu rwol fundamentali fil-provvista ta' beni soċjoekonomiċi u ambjentali pubbliċi għall-benesseri tas-soċjetà u għall-iżvilupp, partikolarment fiż-żona rurali; jistieden lill-Kummissjoni tfassal approċċ politiku li jirrikonoxxi dan ir-rwol, filwaqt li jirrispetta d-drittijiet ta' proprjetà tas-sidien;

53.      Jilqa' favorevolment il-fatt li l-aħħar Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-riforma tal-PAK[19] tirrikonoxxi r-rwoli importanti li jiżvolġu l-bdiewa bħala atturi indispensabbli fil-prevenzjoni tan-nirien fil-foresti, bħala amministraturi tal-ekosistemi forestali li jipproteġuhom mit-theddid lill-bijodiversità – bħall-parassiti – u fuq kollox, attur strutturali fit-territorju, ladarba l-kontinwità tagħhom hija l-aktar mod effikaċi biex tiġi evitata d-depopolazzjoni;

54.      Isostni li l-produtturi rurali, il-gruppi ta' produtturi u l-entitajiet pubbliċi għandhom isiru eliġibbli għall-miżuri tal-forestrija fit-tieni pilastru tal-PAK; iqis li l-UE għandha tkompli tipprovdi għajnuna għall-forestazzjoni fl-ambitu tal-programmi nazzjonali ta' żvilupp rurali, filwaqt li taċċerta ruħha li dawn l-inizjattivi ma jindaħlux fis-suq u li l-miżuri ta' forestazzjoni jiddependu fuq materjal lokali, reżistenti għall-parassiti u għan-nar u jikkontribwixxu għall-konservazzjoni tal-bijodiversità; jenfasizza wkoll li l-isforzi ta' forestazzjoni għandhom jagħtu prijorità lill-ispeċijiet tas-siġar li jtejbu konsiderevolment il-kwalità tal-ħamrija u tal-bijodiversità, filwaqt li jirrispettaw il-karatteristiċi tal-lok ta' tħawwil, l-ispeċijiet awtoktoni u l-bżonn ta' foresti mħallta;

55.      Jiġbed l-attenzjoni, kif kien għamel il-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu tal-11 ta' Ġunju 2010, għall-fatt li jistgħu jinqalgħu problemi gravi jekk il-foresti jiġu abbandunati sakemm ma jkunx aktar possibbli li jiġi żgurat li l-foresti jibqgħu jaqdu l-funzjonijiet tagħhom;

56.      Iqis bħala neċessarju li jiġi inkoraġġit u sostnut it-twaqqif ta' għaqdiet tal-produtturi u ta' entitajiet ta' ġestjoni forestali li jipprattikaw ġestjoni sostenibbli tal-foresti, partikolarment f'żoni kkaratterizzati b'foresti ta' daqs żgħir, billi dan jgħin biex tiġi bbilanċjata l-provvista ta' bosta prodotti u servizzi li joffru l-foresti; iqis li t-tali għaqdiet u entitajiet isaħħu s-setgħa ta' negozjar tal-produtturi fil-katina tal-provvista tal-injam, jgħinu biex jinħolqu kundizzjonijiet ta' parità filwaqt li jikkontribwixxu simultanjament biex jinstab tarf il-problemi tal-kriżi ekonomika, il-kompetizzjoni internazzjonali u t-tibdil fil-klima u l-ġlieda kontra d-deforestazzjoni illegali;

57.      Isostni li l-assistenza lill-atturi pubbliċi u privati li jipproteġu l-bijodiversità forestali tal-ispeċijiet, ħabitats u servizzi ekosistemiċi għandhom iżidu u jinkludu l-metodi ta' protezzjoni volontarji u ż-żoni li jgħaqqdu s-siti NATURA 2000, billi l-bijodiversità hija kruċjali għaż-żamma, l-iżvilupp u l-adattament tal-agrikoltura;

58.      Jappella li s-sistema ta' rimunerazzjoni bbażata fuq fatturi tkun sostitwita b'sistema ta' kostijiet standard jew ibbażati fuq iż-żona;

59.      Jappella biex l-iżvilupp ta' standard għall-prattiki ta' forestrija tajbin jintuża bħala bażi għall-appoġġ fil-miżuri forestali kollha;

60.      Jappella għall-inklużjoni obbligatorja tal-miżuri għall-ambjent forestali u Natura 2000 fil-programmi ta' żvilupp rurali u għall-appoġġ ibbażat fuq iż-żona għan-netwerk Natura 2000 fl-ambitu tal-pagamenti diretti;

61.      Jappella għall-inklużjoni ta' miżura ġdida tal-PAK tal-'konservazzjoni in-situ u ex-situ tal-materjal ġenetiku forestali identifikat f'ras il-għajn';

62.      Jirrifjuta bil-qawwa l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fuq ir-riżorsi ġenetiċi forestali;

63.      Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiggarantixxu l-prospetti fit-tul tal-forestrija u tal-proġetti ta' protezzjoni tal-foresti fil-finanzjamenti kollha tal-UE;

Protezzjoni ċivili u prevenzjoni tan-nirien

64.      Hu konvint li l-prevenzjoni tan-nirien fil-foresti hija ħafna aktar kosteffikaċi milli tikkumbattihom;

65.      Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa urġenti biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet dwar il-prevenzjoni tad-diżastri naturali jew dawk ikkawżati mill-bniedem adottati reċentement[20], speċjalment dawk rigward l-appoġġ għall-iskemi ta' forestazzjoni/riforestazzjoni billi jagħtu preferenza lill-ispeċijiet awtoktoni u foresti mħallta, fl-interess tal-bijodiversità u r-reżistenza mtejba għan-nirien, il-tempesti u l-mard; Jiġbed l-attenzjoni wkoll għad-diffikultajiet miżjuda li jiffaċċjaw il-gżejjer u r-reġjuni ultraperiferiċi fil-ġestjoni tan-nirien; jappella biex ikun provdut trattament speċjali lil dawn ir-reġjuni permezz ta' diversi strumenti finanzjarji disponibbli, inkluż il-Fond ta' Solidarjetà;

66.      Iqis li l-prevenzjoni tan-nirien fil-foresti permezz ta' ppjanar tal-pajsaġġ, il-konnettività, l-infrastruttura u t-taħriġ għandha tkun ankrata b'mod sod fil-politiki tal-UE dwar il-protezzjoni tal-foresti, l-adattament u l-protezzjoni ċivili;

67.      Jindika l-fatt li f'żoni niexfa u żoni f'riskju ta' deforestazzjoni, ir-riforestazzjoni bi speċijiet produttivi tkun ta' benefiċċju għall-abitanti u tiżgura l-involviment tagħhom fil-kompiti ta' konservazzjoni u ta' tifi tan-nar;

68.      Jenfasizza l-importanza inkontestabbli tas-sikurezza pubblika fiż-żoni forestali, li jipproteġu l-ħabitats umani mill-impatt negattiv ta' fenomeni naturali;

Rapportar u kontabbiltà tal-emissjonijiet

69.      Iqis li l-iskema għan-negozjar ta' emissjonijiet (ETS) fil-forma attwali tagħha hija inkompatibbli mal-kontabbiltà tal-LULUCF primarjament bħala konsegwenza tad-differenza bejn ir-rekwiżiti annwali ta' konformità għall-installazzjonijiet industrijali skont l-ETS u l-perjodi ta' żmien itwal biex it-tibdiliet tal-ħażna ta' karbonju fil-proprjetajiet ta' fond iseħħu u jiġu osservabbli; u għalhekk ma għandha ssir l-ebda konnessjoni; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni terġa' tikkunsidra l-aħjar mod kif tagħti finanzjamenti għall-iffrankar tal-karbonju mill-attivitajiet LULUCF;

70.      Jirrikonoxxi l-isfidi marbuta ma' kull kunsiderazzjoni ta' inklużjoni tal-LULUCF fost l-objettivi tal-Istati Membri skont id-Deċiżjoni tal-Kondiviżjoni tal-Isforzi; jesprimi b'mod partikolari tħassib għall-fatt li d-differenzi f'termini ta' preċiżjoni tal-kontabblità u ta' varjazzjoni wiesgħa naturali jafu jikkompromettu r-reġim ta' konformità fl-ambitu tad-Deċiżjoni; jitlob għalhekk li jkun hemm objettivi separati għas-settur LULUCF;

71.      Jistqarr l-impenn tiegħu favur l-ilħiq tal-objettivi tal-istrateġija UE 2020 relatati mal-enerġija rinnovabbli u taż-2 gradi Celsius għat-tibdil fil-klima; jinsab madankollu mħasseb li t-termini ta' żmien qosra użati fil-metodoloġija attwali ta' kalkolu tal-gassijiet b'effett serra u b'konsegwenza ta' dan l-ipoteżi ta' newtralità tal-karbonju għall-bijomassa mill-injam, jafu jxekklu dan l-ilħiq; jistieden lill-Kummissjoni tikkonsulta lill-IPCC u tistabbilixxi metodoloġija ta' kalkolu ġdida tal-gassijiet b'effett serra, li tikkontrolla l-perjodi ta' żmien itwal u l-emissjonijiet tal-bijomassa mill-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-ġestjoni forestali li tivvaluta l-fluss tal-karbonju fuq livell nazzjonali, u li tintegra l-fażijiet differenti fil-forestrija (tħawwil, tnaqqis tad-densità u ħsad);

72.      Jiddikjara li l-kriterji attwali fil-qasam tal-bijofjuwil żviluppati mill-Kummissjoni mhumiex adatti fil-każ tal-bijomassa mill-injam u jappella għall-iżvilupp ta' kriterji tas-sostenibbiltà ġuridikament vinkolanti għall-bijomassa għall-użu tal-enerġija; jafferma li l-Kummissjoni għandha tikkonsulta x-xogħol u r-riżultati ta' Forest Europe bil-għan li tiżviluppa kriterji li jkun fihom riskji possibbli ta' distorsjoni fis-suq tal-enerġija rinnovabbli, ma jiddependux mill-ipoteżi tan-newtralità tal-karbonju, jittrattaw l-emissjonijiet indiretti u ma jikkompromettux l-objettivi tal-UE 2020 fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli u tal-bijodiversità; josserva li l-implimentazzjoni dettaljata tal-kriterji għandha titħalla fil-livell lokali u jitqiesu l-kundizzjonijiet speċifiċi għas-siti;

73.      Jappella għall-applikazzjoni tad-definizzjonijiet ta' foresta bbażati fuq klassifikazzjoni ekoloġika tal-foresti bħal dik proposta mill-EEA fl-2007, sabiex ikunu jistgħu jagħmlu differenza bejn foresti antiki b'emissjonijiet għoljin ta' karbonju, il-monokulturi intensivi u tipi ta' foresti oħrajn, inkluż il-makkja Mediterranja (ġmiem) skont il-bijoma u l-fażijiet ta' suċċessjoni;

74.      Jenfasizza l-importanza li tiġi protetta d-diversità tal-foresti fil-fażijiet kollha tas-suċċessjoni fi ħdan l-UE biex tiġi assigurata l-bijodiversità ta' u fil-foresti, billi kull fażi ta' suċċessjoni toħloq kundizzjonijiet għall-fażi suċċessiva u billi fl-assenza ta' protezzjoni kkoordinata fil-varji fażijiet kollha, is-suċċessjoni fl-aħħar fażijiet se tkun ipperikolata bil-kbir;

Dimensjoni esterna

75.      Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu fuq livell internazzjonali biex tiġi stabbilita definizzjoni ġdida tan-NU tal-foresti li tiċċara d-definizzjonijiet naturali tal-foresti fuq bażi ta' bijoma u tiddistingwi bejn foresti indiġeni u dawk dominati minn monokulturi ta' siġar u speċijiet mhux indiġeni; josserva, f'dan ir-rigward li – billi l-UE hija l-akbar donatur pubbliku ta' għajnuna lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw (is-settur forestali fl-2003 rċieva aktar minn EUR 600 miljun) – din id-definizzjoni taf iżżid bil-kbir il-koerenza tal-politiki u l-'valur għall-fluss'; jiddispjaċih li l-Green Paper naqset milli tirreġistra progress fil-konfront tal-bżonn ta' koordinament tal-azzjonijiet tal-UE fi ħdan l-Unjoni u barra minnha u milli tilħaq ftehim dinji ġuridikament vinkolanti fl-ambitu tal-Forum tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Foresti;

76.      Jinnota l-importanza tal-kooperazzjoni globali, kemm fil-livell amministrattiv u dak tar-riċerka, fl-istabbiliment ta' standards, l-aħjar prattiki u t-trasferimenti tat-teknoloġija u l-kompetenzi xjentifiċi, partikolarment fil-kuntest tas-sistema REDD (tnaqqis ta' emissjonijiet mid-deforestazzjoni u d-degrad tal-foresti); jinnota wkoll li t-tqassim ġust tal-benefiċċji tas-sistema REDD ma jistax jinkiseb mingħajr il-kooperazzjoni attiva u l-iskambju tal-aħjar prattiki; jenfasizza l-importanza tal-programm GMES (Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà) fil-mappatura, is-sorveljanza u ċ-ċensiment taż-żoni forestali fil-livell Ewropew u fil-livell internazzjonali u l-kontribut li l-informazzjoni li tinġabar tista' tagħti lin-negozjati tan-NU dwar it-tibdil fil-klima;

0

0 0

77.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

  • [1]               Testi adottati, P7_TA-PROV(2010)0154.
  • [2]               ĠU C 56, 26.2.1999, p. 1.
  • [3]               Kuntratt ta' servizzi Nru 30-CE-0227729/00-59.
  • [4]               ĠU L 20, 26.01.2010, p.7.
  • [5]               Testi adottati, P7_TA(2010)0325.
  • [6]               ĠU C 67E, 18.3.2010, p.1.
  • [7]               Appalt nru AGRI-2008-EVAL-10 // Kuntratt ta' qafas Nru 30-CE-0101908/00-50.
  • [8]              ĠU L 140 5.6.2009, p. 16.
  • [9]              ĠU L 140, 5. 6. 2009, p. 63.
  • [10]              ĠU L 140, 5.6.2009, p. 136.
  • [11]             Rapport tas-16.9.2010.
  • [12]             ĠU L 11/17 15. 1. 2000
  • [13]             ĠU L 328, 6.12.2008, p. 28.
  • [14]             AGRI-2007-G4-06.
  • [15]             ENV.B.1/ETU/2008/0049.
  • [16]             ĠU L 295, 12.11.2010, p. 23.
  • [17]             Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2158/92 tat-23 ta' Lulju 1992 dwar il-protezzjoni tal-foresti tal-Kumunita min-nirien; ĠU L 217, 31.7.1992, p. 3.
  • [18]             Regolament (KE) Nru 2152/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003 li jirrigwarda monitoraġġ ta' foresti u interazzjonijiet ambjentali tal-Komunità (Ċentru tal-Foresta Forest Focus) ĠU L 324, 11.12.2003, p. 1.
  • [19]             Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-18 ta' Novembru 2010 bit-titolu "Il-PAK fid-dawl tas-sena 2020: Nindirizzaw l-isfidi tal-futur fl-ambitu tal-ikel, tar-riżorsi naturali u dak territorjali." COM(2010)672 finali).
  • [20]             Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Settembru 2010 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Aproċċ Komunitarju dwar il-prevenzjoni tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem (P7_TA-PROV(2010)0326).

NOTA SPJEGATTIVA

Il-foresti tal-UE: qagħda u governanza

Il-foresti u l-art bil-boskijiet oħra jkopu aktar minn 42% tas-superfiċje tal-UE[1].

Il-foresti jfornu mezzi ta' sussistenza għal miljuni ta' ħaddiema, imprendituri u 16-il miljun proprjetarju ta' foresti. L-industriji bbażati fuq il-foresti jagħtu xogħol lil aktar minn 2 miljun persuna, l-aktar fl-SMEs, u jrendu valur tal-bejgħ li jammonta għal €300 biljun. Fil-ġestjoni tal-foresti hemm impjegati 350 000 persuna[2]. Barra minn hekk, 40% tal-foresti tal-UE huma ta' proprjetà tal-Istat.

Il-proporzjon bejn il-qtugħ ta' siġar u ż-żieda huwa stabbli madwar 60%[3]. Huwa mbassar li dan il-proporzjon jiżdied f'bosta pajjiżi biex jaqbeż il-100% bir-riżultat li, wara l-2010, se jkun hemm tnaqqis fil-volum tas-siġar[4].

Il-foresti Ewropej jistgħu jinġabru f'ħames żoni bijoklimatiċi: iż-żona boreali, iż-żona temperata oċeanika, iż-żona temperata kontinentali, iż-żona Mediterranja u ż-żona muntanjuża[5] kumpatibbli mat-tipoloġija ta' foresti tal-EEA, żviluppata biex tiggwida d-deċiżjonijiet politiċi[6].

Il-foresti u l-forestrija Ewropej huma regolati minn varjetà ta' mudelli reġjonali u nazzjonali, raggruppati skont l-orjentament produttiv jew protettiv tagħhom[7]. Il-foresti jipprovdu kemm riżorsi kif ukoll funzjonijiet ta' ekosistemi.

Riskji għall-foresti

Ir-riskji klimatiċi huma raggruppati b'mod ġenerali f'abijotiċi (tempesti, qlugħ ta' siġar mill-għeruq ikkawżat mir-riħ, nixfa, żieda fir-risku ta' nar) u bijotiċi (parassiti, mard fungali). L-effetti tagħhom isaħħu lil xulxin, bħal fil-każ tal-parassiti: temperaturi ogħla jwasslu għal ċikli riproduttivi itwal ta' bosta speċijiet patoġeni.

In-nuqqas ta' xita fis-sajf qiegħed jaffettwa l-produttività tal-foresti fiż-żoni kollha barra dik boreali. Huwa mistenni li l-foresti tal-koniferi jonqsu f'termini ta' erja u produttività fl-Ewropa kontinentali kollha. L-arżnu huwa mistenni li ma jibqax adatt bħala speċi kkoltivata f'altitudnijiet inqas għoljin u l-fagu mistenni jisparixxi miż-żona Mediterranja. Fiż-żona muntanjuża, l-istress min-nixfa qiegħed jaffettwa t-tkabbir u l-vitalità tal-ispeċijiet ewlenin ta' siġar. Il-produzzjoni ta' prodotti tal-foresti mhux tal-injam bħal faqqiegħ, sufra u ħwawar se tonqos drastikament fl-Ewropa kollha kemm hi.

Fil-każ tal-foresti boreali, għadhom mhux magħrufa l-effetti tal-epidemiji massivi ta' parassiti minħabba l-espansjoni mistennija tagħhom lejn it-tramuntana. Barra minn hekk, xtiewi aktar diefja u l-predispożizzjoni għal qlugħ ta' siġar mill-għeruq ikkawżat mir-riħ jirriżultaw f'inqas possibbiltà ta' użu taż-żoni tal-boskijiet. Fl-istess żona, sal-2100, il-foresti tal-betula mistennijin jiċkienu b'għaxar darbiet meta mqabbla mal-estensjoni attwali tagħhom[8][9].

Ir-riskju ta' nar qiegħed jikber madwar l-Ewropa kontinentali kollha, partikolarment fiż-żona Mediterranja, flimkien ma' tfaqqigħ imprevedibbli ta' parassiti għall-ispeċijiet kollha ta' siġar. F'din iż-żona, il-fagu mistenni li prattikament jisparixxi.

It-tfaqqigħ ta' parassiti se jħalli impatt fuq il-foresti tal-koniferi kollha.

Il-frammentazzjoni tal-foresti, li żżid l-interazzjoni tal-artijiet mhux maħduma maż-żoni rurali u urbani, toħloq theddida kbira għall-foresti kontinentali.

Dan li ntqal qiegħed jissarraf f'degrad forestali u f'tibdil fil-kompożizzjoni tal-ispeċijiet.

Ftit huma l-istudji li jittrattaw it-theddid għall-pubbliku aktar ġenerali minħabba t-telf tal-funzjonijiet protettivi. Fil-każ taż-żona muntanjuża, il-kapaċità mnaqqsa li jitrażżnu l-ogħla livelli ta' skol mistennija jkollha riperkussjonijiet fuq diversi funzjonijiet protettivi (speċjalment fir-rigward tal-għargħar u tal-kwalità tal-ilma). Fiż-żona Mediterranja, il-preżenza ta' nirien flimkien ma' għargħar tissarraf f'erożjoni, minħabba tnaqqis fir-riġenerazzjoni tal-pjanti, b'hekk id-deżertifikazzjoni taggrava.

Id-domanda tas-settur enerġetiku għall-bijomassa tal-injam qiegħda tfeġġ bħala theddida għall-foresti u għall-industriji tradizzjonali bbażati fuq il-foresti. L-ipoteżi tan-newtralità tal-karbonju għall-bijomassa tal-injam[10] ma tqisx il-perjodi ta' żmien itwal meħtieġa għall-assorbiment mill-ġdid tad-"dejn ta' karbonju", u dan jiddependi mill-produttività tas-siġar u l-użu u l-ġestjoni preċedenti tal-art[11]. Din it-theddida hija marbuta ma' nuqqasijiet simili fid-dispożizzjonijiet tal-UNFCCC/LULUCF.

Il-prospettiva tal-UE

Fost il-politiki komuni li jolqtu l-foresti nsibu l-PAK (bi 8 biljun euro fil-pilastru 2), il-politika ambjentali (prinċipalment il-bijodiversità u l-ilma), il-politiki tal-enerġija, l-industrija, il-kummerċ, ir-riċerka u l-politiki ta' koeżjoni, inklużi l-politika reġjonali u l-fond ta' solidarjetà, spiss b'nuqqas ta' koerenza fil-konfront tal-protezzjoni tal-foresti.

L-impenn tal-Kunsill u tal-PE għall-protezzjoni tal-foresti ntwera b'regolamenti dwar il-prevenzjoni tan-nirien (2158/1992), il-monitoraġġ (2152/2003) u d-diliġenza dovuta tal-operaturi tal-injam (995/2010) abbażi tal-Artikolu 175 TEU, issa 192 TFUE[12]. Il-protezzjoni tal-foresti għandha titqies ukoll fil-kuntest tal-prevenzjoni ta' diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem[13] u tal-istrateġija ta' adattament[14][15].

L-Istrateġija forestali tal-UE tal-1998[16] wasslet fil-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-Foresti[17], mhux vinkolanti, li l-għan tiegħu hu li:

1.  itejjeb il-kompetittività fit-tul;

2.  itejjeb/jipproteġi l-ambjent;

3.  jikkontribwixxi għall-kwalità tal-ħajja;

4.  irawwem il-koordinament u l-komunikazzjoni.

L-evalwazzjoni intermedja tal-PAF li wettqet il-Kummissjoni tikkonkludi li, minkejja li sar ħafna progress fl-azzjonijiet tal-objettiv nru 1, l-azzjonijiet kollha l-oħra qajla ġew implimentati[18]. In-nuqqasijiet ewlenin għandhom x'jaqsmu maż-żieda fil-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-bijodiversità: 66% tal-ħabitats tal-foresti għandhom status "mhux favorevoli u ħażin/mhux adegwat"[19]. Ftit kienet l-azzjoni meħuda fl-ambitu tal-edukazzjoni u tal-informazzjoni, tal-funzjonijiet protettivi u tal-foresti urbani u periurbani.

Dan imur kontra l-prijoritajiet taċ-ċittadini Ewropej. Skont l-istudju tal-Kummissjoni dwar il-perċezzjoni tal-foresti, it-tema tal-konservazzjoni u l-protezzjoni (b'44%) titqies bil-bosta bħala waħda mill-iktar importanti fil-politika forestali segwita mis-saħħa tal-foresti u t-tniġġis (bi 15.4%), it-tibdil fil-klima (bi 12.5%) u l-użu ekonomiku (bi 8%)[20].

Il-koordinament u l-azzjonijiet ta' komunikazzjoni tal-PAF qegħdin jimxu bil-mod minħabba l-preżentazzjoni insuffiċjenti tal-Programmi Forestali Nazzjonali (PFN) lill-Kumitat Forestali Permanenti (KFP).

L-Istati Membri kollha tal-UE jipparteċipaw fil-proċess Forest Europe li, matul dawn l-aħħar 20 sena, żviluppa approċċi komuni fil-qasam tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti.

Abbażi ta' din il-ħidma, il-ġestjoni sostenibbli attiva u preventiva tal-foresti, li tippermetti l-prijoritajiet nazzjonali u reġjonali, taf issir obbligatorja fil-livell tal-UE. Bis-saħħa tal-ħidma xjentifika avvanzata ta' Forest Europe, l-applikazzjoni tagħha se tinvolvi spejjeż u piż amministrattivi minimi.

Fil-każ tal-politiki fil-qasam tal-bijomassa, "[a]zzjoni mifruxa mal-UE kollha tista' tiżgura li jkun hemm protezzjoni ambjentali komuni filwaqt li jkunu evitati d-distorsjonijiet fis-suq intern"[21].

Fil-fehma tar-rapporteur, din l-azzjoni għandha tissawwar fi kriterji ta' sostenibbiltà ġuridikament vinkolanti, abbażi ta' reviżjoni tal-ipoteżi tan-newtralità tal-karbonju u ta' metodoloġija għall-kalkolu tal-gassijiet b'effett ta' serra xjentifikament valida li tqis in-natura multiannwali tal-bijomassa tal-injam u t-tibidiliet tal-emissjonijiet minħabba tibdiliet fl-użu tal-art u fil-ġestjoni tal-foresti. Għandhom ukoll jiġu żviluppati fatturi ILUC għall-forom kollha ta' bijomassa.

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, l-inklużjoni tas-settur LULUCF fl-EU ETS - primarjment maħsuba għall-emissjonijiet annwali tal-installazzjonijiet industrijali - hija diskutibbli minħabba kwistjonijiet ta' kumpatibbiltà.

Fuq livell internazzjonali, l-UE għandha taħdem favur definizzjonijiet ta' foresti diversifikati fuq bażi ta' bijoma li jqisu l-bijodiversità, il-ħamrija u d-dimensjoni soċjali, u li tikkonċentra fuq il-konservazzjoni foresti antiki b'emissjoni għolja ta' karbonju. Dan huwa aspett kruċjali biex jiġi garantit li l-impenji finanzjarji għall-bijodiversità u għall-inizjattiva REDD+ ma jitqisux bħala proġetti diskutibbli.

Tagħrif dwar il-foresti: il-bażi għat-teħid tad-deċiżjonijiet

It-tagħrif dwar il-foresti mhuwiex biżżejjed minħabba nuqqas ta' obbligi fir-rigward tal-finanzjament u tar-rapportar, kif previst fir-Regolament 2152/2003, li skada. Dan ir-Regolament imissu jerġa' jiġi introdott u jqis l-esiġenzi ta' tagħrif għat-theddid tal-klima iżda wkoll iż-żieda tal-bżonn ta' għoti ta' tagħrif għas-CBD u l-UNFCCC, biex jagħtu stampa eżatta tal-bijodiversità tal-foresti u t-tibdiliet tal-ħażna ta' karbonju. Il-ġbir ta' tagħrif fuq livell tal-UE għandu jkun ibbażat fuq mekkaniżmi kumpatibbli, definizzjonijiet armonizzati u data kumparabbli mill-Inventarji Forestali Nazzjonali u minn sorsi rilevanti oħrajn.

It-tagħrif dwar il-foresti huwa wkoll rilevanti għall-Kontabbiltà Ambjentali, għall-inizjattiva "PDG u lil hinn" u biex isiru operattivi l-ħlasijiet għas-servizzi ekosistemiċi (PES).

Żieda fil-kapaċità ta' adattament permezz tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti

Distinzjoni li ssir spiss hija dik bejn il-kapaċità inerenti (ekosistemiċi), li hija bbażata fuq id-diversità ġenetika tal-foresti, inkluża l-bijodiversità tal-ħamrija, u l-kapaċità soċjoekonomika tas-settur forestali f'termini ta' kompetenzi u ta' intensità tal-kapital.

Ir-Rapporteur jirrikonoxxi l-kapaċità ta' adattament tal-forestrija tal-UE billi josserva, iżda, li din, fl-aħħar mill-aħħar, tiddependi mill-kapaċità inerenti tal-foresti: reazzjonijiet ex‑post għal diversi tipi ta' theddid jafu jkunu possibbli iżda mhux ekonomikament fattibbli, kemm għall-atturi pubbliċi kif ukoll dawk privati.

Ġestjoni sostenibbli tal-foresti li tikkonċentra fuq ir-rendiment tal-injam hija pprattikata f'bosta Stati Membri tal-UE, iżda ċertament mhux minn kollha. Ġestjoni sostenibbli tal-foresti attiva jew preventiva tipprovdi qafas li bis-saħħa tagħha jiġu rispettati l-prijoritajiet nazzjonali u reġjonali.

L-għażliet ta' adattament attiv jikkonverġu fuq ir-riġenerazzjoni naturali, id-diversità ġenetika u ż-żieda fid-diversità fl-istuttura u fit-taħlita tal-ispeċijiet bħala miżuri biex tiżdied ir-reżiljenza tal-foresti, indipendentement mit-tip ta' foresta u mill-orjentament tal-ġestjoni[22].

Fost il-miżuri ta' adattament insibu teknoloġiji ta' ħsad u trasport fir-reġjun boreali u ġestjoni tal-fjuwil akkumulat fil-Mediterran.

Ir-Rapporteur huwa tal-fehma li ż-żieda tar-reżiljenza tal-ekosistemi kollha tirrappreżenta l-aktar risposta effikaċi f'termini ekonomiċi għat-tibdil fil-klima li tkopri kemm il-mitigazzjoni kif ukoll l-adattament[23], [24], [25], [26], [27] u t-twessigħ tal-bażi ta' għarfien rilevanti tal-partijiet interessati kollha huwa rekwiżit ta' bażi għall-ġestjoni. Il-kooperazzjoni fost il-partijiet interessati kollha, li tqis ix-xenarji kollha immaġinabbli, għandha tipproċedi b'urġenza biex tiżgura li l-koerenza fid-dawl tal-bżonnijiet ta' adattament tas-soċjetajiet Ewropej kollha.

Aktar kontribut mill-UE għall-protezzjoni tal-foresti

Bħala definizzjoni, it-tibdil fil-klima jagħmel il-politiki tal-Istati Membri insuffiċjenti għall-protezzjoni tal-foresti.

Il-kundizzjonalità hija essenzjali: il-finanzjamenti kollha tal-UE, indipendentement mill-istrument ikkonċernat, għandhom ikunu reżiljenti għat-tibdil fil-klima kif ukoll iqisu l-bijodiversità[28][29], id-dimensjoni tal-ilma u l-bżonn ta' natura selvaġġa[30].

Ir-Rapporteur jagħti s-sostenn tiegħu lil PFN obbligatorji bħala mod biex tiġi garantita konformità u jitkompla fuq il-kunsens ta' Forest Europe fir-rigward tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti. Il-PFN għandhom ikopru tal-inqas perjodi ta' 5 snin abbażi ta' kriterji ta' evalwazzjoni ex-ante u ex-post preċiżi u kwantifikabbli u integrazzjoni tal-ġestjoni tal-foresti preventiva u ta' adattament. Il-Kummissjoni jmissha toħroġ linji gwida għall-PFN bil-għan li tintegrahom f'qafas ta' adattament forestali usa'.

Fid-dawl tal-ambitu tat-theddid u tal-erja totali tal-foresti tal-UE, il-finanzjament fl-ambitu tal-PAK għall-foresti permezz tal-pilastru 2 għandu jiżdied, suġġett għall-eżistenza ta' PFN u pjanijiet ta' ġesjoni operattiva, li jinkorporaw l-istrateġija tal-UE dwar il-bijodiversità u l-perjodu ta' żmien it-twal għall-proġetti tal-forestrija fil-ġestjoni sostenibbli tal-foresti. L-eliġibbiltà jmissha tiġi estiża għall-atturi pubbliċi u l-gruppi ta' produtturi, u tgħaddi għar-rimunerazzjoni skont iż-żona u tinkludi miżuri ta' konservazzjoni in-situ u ex-situ.

Il-ġestjoni sostenibbli attiva tal-foresti għandu jkollha rwol primarju u tiġi prijoritizzata biċ-ċar fir-riċerka u fil-prattika, u għandha wkoll tqis il-proprjetà pubblika ta' 40% mill-foresti tal-UE. Il-konservazzjoni tal-ispeċijiet u l-prattiki ta' mixtla għandhom jiġu estiżi għall-ispeċijiet mikrobiċi u fungali assoċjati. Ir-riċerka in-situ fil-qasam tas-simbjożi mikorriżika għandha titħeġġeġ b'mod attiv.

Il-ħlasjiet għas-servizzi ekosistemiċi (PES) għandhom ikunu formalizzati f'kunsiderazzjoni tal-perspettivi finanzjarji li jmiss, abbażi tas-suċċess tal-proġetti dwar il-foresti u l-ilma[31].

Il-politiki ta' protezzjoni ċivili għandhom ukoll isaħħu l-funzjonijiet protettivi tal-foresti billi jinkludu dejjem aktar forestazzjoni bħala prevenzjoni mill-għargħar, min-nirien u mill-erożjoni.

L-introduzzjoni mill-ġdid tar-Regolament dwar il-prevenzjoni ta' nirien, li tmur lil hinn mid-dispożizzjonijiet attwali ta' żvilupp rurali, għandha tipproċedi mill-aktar fis u tikkonċentra fuq il-ġestjoni tal-pajsaġġ u l-introduzzjoni gradwali tal-ispeċijiet lokali reżistenti għan-nar bħall-Quercus Spp.

Għandha tingħata kunsiderazzjoni speċjali lill-adattament u lir-reżiljenza tal-foresti fil-ħolqien ta' fond ta' adattament tal-UE.

Id-Direttiva 105/1995, flimkien mas-sistema bbażata fuq il-fatturi tal-PAK, tista' tiffavorixxi r-rendiment fuq l-adattament u jmissha tiġi rieżaminata biex ittaffi r-regoli dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-ispeċijiet lokali. Il-konservazzjoni in-situ ta' riżorsi forestali ġenetiċi hija t-tentattiv kollettiv bażiku li se jippermetti lill-komunitajiet u lill-industriji dipendenti mill-foresti jistgħanew.

  • [1]             UN-ECE/FAO, 2000 Forest Resources of Europe, CIS, North America, Australia, Japan and New Zealand
  • [2]            Green paper dwar il-Protezzjoni tal-Foresti u t-Tagħrif Dwarhom fl-UE: Il-preparazzjoni tal-foresti għat-tibdil fil-klima u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni COM(2010)66 finali/SEC(2010)163
  • [3]             Rapport tal-EEA Nru 4/2009 - Progress lejn l-objettivi Ewropew tal-2010 tal-bijodiversità              
  • [4]             UNECE/FAO, 2006 - Outlook for the development of European forest resources; a study prepared for the European Forest Sector Outlook Study
  • [5]            Rapport lid-DĠ tal-Kummissjoni Ewropea għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali bit-titolu "L-Impatti tat-Tidbil fil-Klima fuq il-Foresti Ewropej u l-Għażliet għall-Adattament" (AGRI-2007-G4-06)
  • [6]             Rapport Tekniku tal-EEA Nru 9/2006 "Kategoriji u tipi għar-rapportar u l-politika dwar il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti"
  • [7]            Rapport tal-2009 lid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Ambjent "Għażliet politiċi tal-UE għall-protezzjoni tal-foresti Ewropej kontra impatti li jagħmlu l-ħsara" (ENV.B.1/ETU/2008/0049)
  • [8]            Virtanen, T., Neuvonen, S.& Nikula, A. (1998). Modelling topoclimatic patterns of egg mortality of Epirrita autumnata (Lep: Geometridae) with Geographical Information System: predictions in current climate and scenarios with warmer climate. J. appl. Ecol. 35, 311–322
  • [9]            Virtanen, T. & Neuvonen, S. (1999). Performance of Moth Larvae on Birch in Relation to Altitude, Climate, Host Quality and Parasitoids Oecologia Vol. 120, Nru 1, pp 92-101
  • [10]             Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli 2009/28/KE
  • [11]             Bird N., Pena N. & Zanchi J. (2010) The upfront carbon debt of bioenergy, Joanneum Research Institute, Graz.
  • [12]             Ara wkoll is-sentenzi tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-kawżi 164/97 u 165/97
  • [13]             Aproċċ Komunitarju dwar il-prevenzjoni tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem COM(2009) 82 finali
  • [14]             White Paper "L-adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn Qafas Ewropew għall-azzjoni" (COM(2009) 147)
  • [15]            Riżoluzzjoni tal-PE tas-6 ta' Mejju dwar il-White Paper tal-Kummissjoni bit-titolu "L-adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn Qafas Ewropew għall-azzjoni" (P7_TA-PROV(2010)0154),
  • [16]             Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar Strateġija forestali għall-Unjoni Ewropea (ĠU C 56/1, 26 ta' Frar 1999)
  • [17]             COM(2006) 302 finali
  • [18]            Evalwazzjoni intermedja tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-Foresti 2006-2011 minn grupp ta' evalwazzjoni estern (Kuntratt ta' servizzi Nru 30-CE-0227729/00-59)
  • [19]             "Rapport Kompost dwar l-Istat ta' Konservazzjoni tat-Tipi ta' Ħabitats u tal-Ispeċijiet kif meħtieġ skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats" (COM (2009)358 finali
  • [20]           "Formazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-foresti fl-Unjoni Ewropea: perċezzjonijiet pubbliċi tal-foresti u tal-forestrija" (Appalt nru AGRI-2008-EVAL-10 // Kuntratt ta' qafas Nru 30-CE-0101908/00-50)
  • [21]            SEC(2010) 65 Dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni - Sommarju tal-Valutazzjoni tal-Impatt- Dokument li jakkumpanja r-Rapport mill-Kummissjoni dwar rekwiżiti ta' ssostenibbiltà għall-użu ta' sorsi ta' bijomassa solida u gassuża fl-elettriku, fit-tisħin u fit-tkessiħ COM(2010) 11 finali
  • [22]            Rapport lid-DĠ tal-Kummissjoni Ewropea għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali bit-titolu "L-Impatti tat-Tidbil fil-Klima fuq il-Foresti Ewropej u l-Għażliet għall-Adattament" (AGRI-2007-G4-06)
  • [23]             UNEP (2009) “The Natural Fix? The role of ecosystems in climate mitigation”
  • [24]             Bank Dinji (2009) “Convenient Solutions to an Inconvenient Truth: Ecosystem based Approaches to Climate Change”
  • [25]            Lejn Strateġija dwar it-Tibdil fil-klima, is-Servizzi Ekosistemiċi u l-Bijodiversità - Dokument ta' diskussjoni mħejji minn Grupp ta' Ħidma ad hoc ta' Esperti tal-UE dwar il-Bijodiversità, 2009
  • [26]             TEEB (2009) The Economics of Ecosystems and Biodiversity: Aġġornament tal-Kwistjonijiet Klimatiċi. Settembru 2009
  • [27]            Kunsill Xjentifiku Nazzjonali Svediż dwar id-Diversità Bijoloġika, "Biodiversity, Ecosystem Services and Resilience - Governance for a Future with Global Changes", 2009
  • [28]             Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 9/2004 dwar Miżuri ta' selvikultura fl-ambitu tal-Politika tal-Iżvilupp Rurali (flimkien mar-risposti tal-Kummissjoni)
  • [29]             Riżoluzzjoni tal-PE tal-21 ta' Settembru 2010 dwar l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE rigward il-konservazzjoni tal-bijodiversità (P7_TA(2010)0325)
  • [30]             Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Frar 2009 dwar in-natura selvaġġa fl-Ewropa P6_TA(2009)0034
  • [31]            IUCN Regional Office for Europe, IUCN Environmental Law Centre, Confederation for European Forest Owners Final report study on the Economic value of groundwater and biodiversity in European forests, 2009

OPINJONI tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (*) (8.12.2010)

għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tal-foresti u t-tagħrif dwarhom fl-UE: Il-preparazzjoni tal-foresti għat-tibdil fil-klima
(2010/2106(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Rareş-Lucian Niculescu

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tal-foresti u t-tagħrif dwarhom fl-UE: Il-preparazzjoni tal-foresti għat-tibdil fil-klima; jenfasizza l-konnessjoni stretta bejn il-forestrija u l-agrikoltura, li t-tnejn li huma ġew affettwati ħafna minn dan il-fenomenu; iqis li l-istrateġija tal-UE dwar il-foresti għandha tissaħħaħ, peress li l-objettiv huwa li titjieb il-ġestjoni u l-konservazzjoni tal-foresti, u li din l-istrateġija għandha tkun diretta kemm lejn il-ħarsien tal-foresti kif ukoll lejn l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-injam, billi l-foresti jipprovdu soluzzjonijiet għat-tibdil fil-klima u l-isfidi l-ġodda, u billi l-għan ta' din l-istrateġija għandu jkun li jintlaħaq livell għoli ta' elastiċità;

2.  Jirrimarka li, bi qbil mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-istrateġija dwar il-foresti għandha tibqa' tkun l-ewwel u qabel kollox kwestjoni f'idejn l-Istati Membri, b'appoġġ addizzjonali mill-Unjoni Ewropea; jirrimarka l-bżonn li jittieħdu miżuri fil-livell lokali, reġjonali jew tal-Istat Membru tal-UE adegwat; jenfasizza li qafas ta' strateġija bħal dan itejjeb il-koordinazzjoni tal-miżuri nazzjonali u Komunitarji u jsaħħaħ l-immaġni tal-Unjoni Ewropea fin-negozjati internazzjonali dwar il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

3.  Iqis li l-Unjoni Ewropea għandha taġixxi billi tappoġġa, tikkoordina u tikkompleta l-inizjattivi tal-Istati Membri fil-qasam tal-politika forestali, billi tqis id-diversi kundizzjonijiet reġjonali, bl-objettiv li tiżgura żvilupp sostenibbli tas-settur forestali u tikkontribwixxi għaż-żieda tal-kwalità tal-livell ta' għajxien taċ-ċittadini Ewropej u biex jiġi promoss l-iżvilupp taż-żoni rurali, permezz ta' qafas koerenti għall-beni u servizzi kollha li jipprovdu l-foresti fil-qasam ekonomiku, soċjali, kulturali u ambjentali;

4.  Josserva li t-tibdil fil-klima se jkollu konsegwenzi differenti skont it-tip ta' foresti Ewropej, li jfisser li l-istrateġiji ta' adattament għandhom għalhekk jiġu deċiżi fil-livell reġjonali jew lokali, iżda, meta azzjoni Komunitarja ġġib magħha valur miżjud ċar, din għandha tiġi kkoordinata fil-livell tal-UE; iqis li dawn l-istrateġiji għandhom jiddedikaw l-akbar attenzjoni għall-kundizzjonijiet reġjonali differenti għall-forestrija u, speċjalment, iqisu l-opportunitajiet u t-theddidiet differenti għall-ambjenti tal-foresti fit-tramuntana u n-nofsinhar tal-Ewropa;

5.  Jinnota li l-foresti Ewropej jikkostitwixxu 45% tal-art tal-Unjoni Ewropea, li l-foresti, flimkien mal-industriji primarji bbażati fuq il-foresti, joħolqu wkoll madwar 2.5 miljun impjieg u qligħ ta' madwar €300 biljun, li l-foresti mhumiex biss essenzjali għall-ambjent, iżda jikkontribwixxu wkoll għall-ilħiq tal-objettivi soċjali u ekonomiċi, pereżempju permezz tal-provvista tal-injam, it-titjib ġenerali tal-ambjent tal-għajxien u l-protezzjoni tal-pjanti u taż-żoni rurali li qed jiżviluppaw, u li l-foresti jikkostitwixxu sors importanti ta' dħul mhux biss għaż-żoni rurali iżda wkoll għall-ekonomiji nazzjonali, permezz tal-attivitajiet marbuta mal-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-foresti, tal-kaċċa, tas-sajd, tat-turiżmu u tal-ġbir tal-frott tal-bosk, u jinnota l-kontribuzzjoni importanti li l-foresti jagħtu fil-prevenzjoni tan-nirien kif ukoll tan-nixfiet, tad-deżertifikazzjoni u tal-erożjoni tal-ħamrija;

6.  Iqis li l-forestrija hija marbuta mill-qrib mal-agrikoltura, peress li fl-Ewropa, il-maġġoranza tal-proprjetarji tal-foresti huma wkoll bdiewa; jirrikonoxxi, madankollu, li l-forestrija tikkostitwixxi settur indipendenti tal-ekonomija rurali, speċjalment fl-inħawi fejn ma tilħaqx l-agrikoltura jew li għandhom valur partikulari minħabba l-konservazzjoni tan-natura u l-attività ta' divertiment;

7.  Jenfasizza li billi l-leġiżlazzjoni tal-foresti taffettwa miljuni ta' sidien ta' foresti żgħar, il-politiki għall-foresti għandhom dejjem jibbilanċjaw ir-rispett għad-drittijiet ta' proprjetà tas-sidien mar-rekwiżiti li jiġu pprovduti beni lill-pubbliku;

8.  Iqis li l-agrikoltura u l-forestrija jistgħu jaħdmu b'mod integrat u li, għalkemm l-aspetti relatati mal-produzzjoni huma essenzjali, ma jmorrux kontra l-protezzjoni tal-foresti u benefiċċji oħra dovuti għalihom, u li jeħtieġ li jintlaħaq il-bilanċ xieraq bejn iż-żewġ setturi u li tiġi żgurata interazzjoni bejniethom, pereżempju permezz ta' allokazzjoni iktar effikaċi tal-fondi disponibbli; jinnota li l-protezzjoni tal-foresti sservi bosta objettivi politiċi; jinnota li l-parti l-kbira tal-miżuri Ewropej b'rabta mal-foretsrija bħalissa qed jiġu ffinanzjati taħt it-tieni pilastru tal-PAK u li għalhekk il-finanzjament tal-UE għall-agrikoltura għandu jitkompla mill-inqas fl-istess livell, filwaqt li hija wkoll meħtieġa identifikazzjoni ta' strumenti oħra f'dan il-qasam;

9.  Ifakkar li l-foresti huma l-assorbent ewlieni tal-karbonju u għaldaqstant għandhom irwol kruċjali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; għalhekk iqis li huwa ferm importanti għall-Unjoni Ewropea li tniedi strateġija komuni biex tiġġieled il-fatturi li jwasslu għad-deterjorazzjoni tal-foresti, bħan-nirien u t-tniġġis tal-arja;

10. Jikkonstata li l-ekosistemi forestali u agrikoli huma vulnerabbli għat-tibdil fil-klima, li huwa l-kawża tal-fenomeni li l-għadd, il-frekwenza u l-intensità tagħhom kull ma jmur qed jiżdiedu, billi f'bosta reġjuni tad-dinja qed isir dannu lill-foresti dovut għal nirien fil-foresti, insetti qerrieda u deforestazzjoni enormi u mhux ikkontrollata; jinnota, madankollu, li skont l-istudju "State of Europe's Forests 2007", l-art fl-Ewropa li hija koperta bil-foresti żdiedet b'bejn wieħed u ieħor 13-il miljun ettaru matul l-aħħar 15-il sena; jirrimarka li l-foresti għandhom rwol importanti fir-regolarizzazzjoni tal-flussi tal-ilma, fil-garanzija tal-kwalità tal-ilma u l-protezzjoni ta' sorsi tal-ilma, fil-konservazzjoni tal-pajsaġġ, fil-ħarsien tal-fertilità tal-ħamrija u fil-protezzjoni tal-ħamrija mill-erożjoni (speċjalment fir-reġjuni bil-muntanji) u mid-deżertifikazzjoni (speċjalment f'żoni aridi), li huma kollha aspetti rilevanti għall-agrikoltura;

11. Jirrimarka li d-diversità tal-ispeċijiet hija kruċjali għaż-żamma u l-iżvilupp tal-agrikoltura u li l-foresti għandhom irwol importanti quddiem l-isfida tas-salvagwardja tal-bijodiversità; jenfasizza li l-bijodiversità ggarantita mill-ekosistemi forestali u l-funzjonijiet ekoloġiċi li huma jwettqu huma meqjusa bħala parti mill-wirt tal-umanità;

12. Jenfasizza li l-Istrateġija Forestali tal-UE tal-1998 u l-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Foresti tal-2006 għandhom jiġu aġġornati sabiex jinkludu d-dimensjoni tat-tibdil fil-klima u kwistjonijiet usa' dwar il-ħarsien tal-foresti;

13. Huwa tal-fehma li l-ġestjoni attiva tal-foresti għandha rwol importanti ferm peress li tikkontribwixxi għall-istrateġija UE2020 u għall-element ewlieni tagħha ta' ħolqien ta' tkabbir u ta' impjiegi, kif ukoll l-istrateġija tal-UE dwar l-enerġija, u li l-potenzjal kbir tal-foresti bħala sors rinnovabbli ta' sors tal-enerġija u ta' provvista ta' materjali rinnovabbli naturali bħalissa mhux qed jiġi sfruttat biżżejjed; għal din ir-raġuni, jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea għat-tnedija ta' konsultazzjoni pubblika dwar ir-rwol tal-agrikoltura u l-forestrija fl-ilħiq tal-objettivi marbuta mat-tibdil fil-klima;

14. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tressaq proposti dwar kif jista' jiġi ottimizzat it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju bis-sostituzzjoni tal-prodotti u materjali tal-kostruzzjoni li l-produzzjoni tagħhom tinvolvi emissjonijiet kbar tal-karbonju u jiġi ottimizzat il-qbid tal-karbonju permezz tal-użu miżjud tal-injam; iqis li l-inklużjoni tal-foresti fl-EU-ETS tal-Komunità timmassimizza l-kontribut tas-settur forestali għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, billi l-foresti jingħataw aċċess għall-mekkaniżmi tas-suq tal-krediti tal-karbonju;

15. Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li l-Kummissjoni tindirizza b'ħeffa d-diskrepanzi bejn l-objettivi tal-leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-foresti u l-politika agrikola; jappella biex ikun hemm koeżjoni bejn il-politiki differenti tal-UE, speċjalment dwar il-foresti u l-agrikoltura iżda wkoll bejn il-politiki dwar l-enerġija li tiġġedded, il-bijodiversità, l-industrija, ir-riċerka u l-Istrateġija Ewropa 2020;

16. Ifakkar li l-bdiewa jikkontribwixxu għaż-żieda fir-riżorsi tal-foresti billi jħawlu siġar u jistabbilixxu sistemi agroforestali stratifikati, billi jħawwlu s-siġar f'ħamrija ta' kwalità ħażina jew ta' kwalità li ma tkunx effikaċi għall-biedja, u billi joħolqu 'purtieri' ta' protezzjoni u jidentifikaw l-ispeċijiet reżistenti; iqis li l-Unjoni Ewropea għandha tkompli tappoġġa l-forestazzjoni fil-qafas tal-programmi nazzjonali ta' żvilupp rurali, filwaqt li tiżgura li dawn l-inizjattivi ma jfixklux is-suq;

17. Iqis li s-sidien tal-foresti għandhom jagħtu attenzjoni partikulari għall-ispeċijiet selvaġġi li jikkolonizzaw b'mod naturali il-ħabitats speċjali tal-foresti billi dawn jikkontribwixxu għall-preservazzjoni tal-bijodiversità;

18. Iqis li, minħabba l-ħtieġa ta' riċerka effettiva fil-'potenzjal ta' difiża' tal-ekosistemi forestali, ta' riċerka pronjostika u ta' riċerka fi strateġiji biex jittaffew l-effetti tal-bidla fil-klima għas-settur kollu tal-foresti u tal-injam, hemm ħtieġa ta' koordinazzjoni u finanzjament fuq livell Ewropew;

19. Iqis li l-foresti jiġġeneraw beni pubbliċi li huma bla prezz, u dan ma jitqiesx biżżejjed mis-suq u li l-Unjoni Ewropea għandha tgħin lill-proprjetarji tal-foresti, fil-kuntest tal-istrumenti finanzjarji, billi tikkumpensahom għall-isforzi li jippermettu biex jiġu implimentati l-azzjonijiet ta' protezzjoni tad-diversità ġenetika tal-foresti; itenni l-pożizzjoni tiegħu fir-rigward tal-bżonn li jingħata finanzjament adegwat mill-UE lill-miżuri ta' forestrija, biex il-bdiewa u l-ħaddiema tal-foresti jitħallsu meta jipprovdu dawn il-prodotti pubbliċi, filwaqt li jitqiesu l-effetti tal-ħżin u tas-sostituzzjoni fil-kuntest tal-użu tal-injam; jenfasizza li dawn il-mekkaniżmi ta' inċentiv Ewropej m'għandhomx ifixklu s-suq li jaħdem tajjeb għall-prodotti tal-injam, tal-karta, tal-polpa tal-injam u tal-produzzjoni tal-enerġija;

20. Iqis li l-Unjoni Ewropea tista' tappoġġa, tikkoordina u tikkompleta l-intervenzjonijiet tal-Istati Membri biex jiġu identifikati l-linji gwida dwar l-aħjar prattiki, biex jiġi żgurat li l-foresti jkunu jistgħu jiffaċċjaw l-effetti tat-tibdil fil-klima, u li dawn il-linji gwida għandhom jiġu adattati għall-bżonnijiet tal-proprjetarji u tal-komunitajiet lokali u bbażati fuq il-prinċipji tal-ġestjoni sostenibbli; jenfasizza li regolamentazzjoni eċċessiva tagħmel il-prodotti tal-injam anqas kompetittivi meta mqabbla ma' materjali li ma jiġġeddux u b'użu intensiv tal-enerġija, bħalma huma l-plastik, l-aluminju u l-konkrit, u għalhekk dan ifixkel lill-possibbiltajiet tal-UE sabiex tilħaq l-objettivi klimatiċi;

21. Iqis li jeħtieġ li jittejbu u jitħeġġu l-organizzazzjonijiet ta' proprjetarji tal-foresti biex jipprattikaw l-immaniġġjar sostenibbli tal-foresti, billi din hija l-għodda ewlenija biex tiġi bbilanċjata l-provvista tal-prodotti u s-servizzi li l-foresti jistgħu jipprovdu, filwaqt li sservi bħala bażi għall-adattament għat-tibdil fil-klima, u li dawn l-organizzazzjonijiet għandhom ukoll isaħħu l-potenzjal tal-injam li bħalissa mhux qed jiġi sfruttat filwaqt li jżidu s-saħħa kummerċjali tal-proprjetarji tal-foresti fil-katina kummerċjali tal-injam; iqis neċessarju li jiġi inkoraġġit il-ħolqien ta' netwerk ta' organizzazzjonijiet tas-sidien tal-foresti fl-Ewropa sabiex jippromwovi l-iskambju ta' informazzjoni u tal-aħjar prattika u sabiex tiġi kkonċentrata l-provvista;

22. Iqis li l-UE ghandha tappogga l-gestjoni sostenibbli tal-foresti billi tiffinanzja attivitajiet forestali ta' interess għaliha, u li għandu jitħeġġeġ it-twaqqif ta' organizzazzjonijiet ta' ġestjoni forestali, l-aktar f'żoni kkaratterizzati b'foresti żgħar, u għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-impriżi attivi f'dan is-settur, li l-maġġoranza tagħhom huma SME u li għandhom jiġu mħajra jimmodernizzaw u jirristrutturaw ruħhom biex ikunu jistgħu jiffaċċjaw l-isfidi l-ġodda dovuti għat-tibdil fil-klima, il-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar, il-kriżi ekonomika u l-kompetizzjoni internazzjonali;

23. Jenfasizza, bl-istess mod, ir-rwol kruċjali tal-bdiewa fil-prevenzjoni tan-nirien; għalhekk iqis li jeħtieġ li jiġi żgurat li l-biedja tibqa' attività vijabbli sabiex jiġi evitat li tieqaf il-produzzjoni jew li ż-żoni rurali jiġu depopolati, minħabba li dan jaggrava serjament is-sitwazzjoni fir-rigward tan-nirien;

24. Jirrimarka li nixfiet persistenti, bħala konsegwenza tat-tibdil fil-klima, f'dawn l-aħħar snin wasslu għall-proliferazzjoni tan-nirien fil-foresti f'ċerti Stati Membri; ifakkar fil-pariri tiegħu fir-rigward tan-nirien fil-foresti, li huwa esprima fl-opinjoni tiegħu dwar il-prevenzjoni ta' diżastri naturali jew maħluqa mill-persuni, partikolarment fir-rigward tal-bżonn għal solidarjetà bejn l-Istati Membri, dwar il-benefiċċji ta' task force Ewropea u bażi tad-data Ewropea fejn jiġu reġistati d-diżastri ekonomiċi u soċjali, inkluża l-lokalizzazzjoni ta' żoni li jinsabu f'riskju ikbar; ifakkar dwar l-importanza li tingħata prijorità lill-ispeċijiet indiġeni, lit-tħawwil flimkien ta' għadd ta' speċijiet u lill-foresti mħallta fil-proġetti ta' forestazzjoni u ta' riforestazzjoni; ifakkar ukoll fil-pariri tiegħu b'rabta ma' tħaddim aħjar tal-Fond Ewropew ta' Solidarjetà u l-bżonn li jkun hemm kapaċità u koordinazzjoni operattiva ikbar fost id-diversi strumenti Komunitarji fil-qasam tad-diżastri naturali;

25. Jiġbed l-attenzjoni għad-diffikultajiet ulterjuri li jiffaċċjaw il-gżejjer u r-reġjuni ultraperiferiċi meta jħabbtu wiċċhom ma' nirien; jitlob biex ikun hemm trattament speċjali għal dawk ir-reġjuni permezz tad-diversi strumenti finanzjarji disponibbli, inkluż il-Fond ta' Solidarjetà;

26. Jenfasizza li sabiex jittaffew il-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima jeħtieġ li jiġu introdotti miżuri biex tissaħħa l-istabilità finanzjarja tal-investiment fil-qasam forestali, bħall-għajnuna għall-assigurazzjoni;

27. Jappoġġa miżuri fuq livell tal-UE li jirrigwardaw l-iżvilupp ta' sistema ta' monitoraġġ tal-foresti, il-provvista ta' informazzjoni dwar il-foresti li tgħin biex titjieb il-ġestjoni tal-foresti, u l-monitoraġġ tat-theddidiet, kemm bijotiċi kif ukoll abijotiċi, fuq skala transnazzjonali.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

1.12.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

32

1

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Richard Ashworth, Vasilica Viorica Dăncilă, Michel Dantin, Paolo De Castro, Albert Deß, Herbert Dorfmann, Lorenzo Fontana, Iratxe García Pérez, Sergio Gutiérrez Prieto, Peter Jahr, Elisabeth Jeggle, Elisabeth Köstinger, Gabriel Mato Adrover, Mairead McGuinness, James Nicholson, Rareş-Lucian Niculescu, Wojciech Michał Olejniczak, Georgios Papastamkos, Marit Paulsen, Britta Reimers, Ulrike Rodust, Alfreds Rubiks, Giancarlo Scottà, Czesław Adam Siekierski, Marc Tarabella, Janusz Wojciechowski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Spyros Danellis, Bas Eickhout, Marian Harkin, Giovanni La Via, Véronique Mathieu, Maria do Céu Patrão Neves, Daciana Octavia Sârbu, Dimitar Stoyanov, Milan Zver

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Reimer Böge, Ingeborg Gräßle, Heide Rühle

OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (12.11.2010)

għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tal-foresti u t-tagħrif dwarhom fl-UE: il-preparazzjoni tal-foresti għat-tibdil fil-klima
(2010/2106(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Lena Ek

SUGGESTIONS

Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi s-siġar li qed jikbru jissekwestraw karbonju mill-atmosfera u huma sors sinifikanti u riserva tal-karbonju u billi l-firxa tal-foresti tal-Ewropa qed tespandi, il-karbonju fil-bijomassa tas-siġar fl-Ewropa huwa llum stmat li qed jespandi bir-rata ta' 116-il miljun tunnellata fis-sena,

B.  billi skont il-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NUKEE) ix-xejra fuq medda twila ta' żmien għaż-żieda tal-uċuħ tal-foresti fl-Unjoni Ewropea hija stabbli,

C. billi l-Ewropa għandha territorju totali ta' foresti u art oħra bis-siġar li tammonta għal 177 miljun ettaru, li jkopru 42% tal-art tagħha;

D. billi d-diversità ta' kundizzjonijiet naturali bejn id-diversi reġjuni tal-foresti tal-Ewropa hija kbira ħafna, u tvarja minn tip subartiku għal tip Mediterran u minn tip alpin għal pjanuri, inklużi pjanuri tal-għargħar u delta;

E.  billi l-foresti jipprovdu l-għajxien għal miljuni ta' ħaddiema, intraprendituri u sidien ta' foresti, u jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għat-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi u l-prosperità;

F.  billi fl-2005 s-settur kellu dħul totali ta' madwar EUR 380 biljun, li huwa madwar 9% tal-PGD tal-Ewropa;

G. billi ġestjoni tal-foresti sostenibbli, inkluża l-protezzjoni tal-foresti, hija kruċjali sabiex il-foresti jinżammu diversi, b'saħħithom u reżistenti;

H. billi foresti ġestiti b'mod attiv u sostenibbli huma wieħed mill-aħjar mezzi sabiex jinħażen id-CO2 mill-atmosfera;

I.   billi s-settur tal-foresti huwa ta' importanza partikolari f'żoni rurali u 350 000 intrapriża tal-industriji bbażati fuq il-forestrija jimpjegaw madwar 3 miljun ruħ, jiġifieri 8.6% tal-ħaddiema totalifil-manufattura fl-Ewropa,

1.  Jilqa' l-opinjoni tal-Kummissjoni li l-foresti għandhom jitqiesu wieħed mill-istrumenti prinċipali sabiex jitrażżnu l-fatturi li jikkontribwixxu għat-tibdil fil-klima, pereżempju billi jaqbdu CO2 mill-atmosfera; jenfasizza li l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, inkluża l-protezzjoni tal-foresti u r-restawr tagħhom adattati għad-diversi kundizzjonijiet madwar l-Ewropa, hija ta' importanza kruċjali għall-UE biex tikseb l-għanijiet tagħha rigward il-klima u biex tipproteġi l-bijodiversità tal-foresti, li tipprovdi bosta servizzi tal-ekosistemi (servizzi ta' provvista li jużaw injam strutturali, u servizzi li jirrigwardaw regolazzjoni permezz ta' ħażna ta' karbonju u protezzjoni minn diżastri naturali) u servizzi kulturali (taħt forma ta' turiżmu sostenibbli) li huma essenzjali għas-soċjetà;

2.  Iqis li politika vigoruża biex tiġġieled it-tibdil fil-klima hija totalment kompatibbli mal-ambizzjoni ta' aktar żvilupp tal-industrija tal-foresti bħala fergħa importanti tal-industrija fl-Ewropa; iqis li l-industrija tal-foresti għandha tiġi żviluppata aktar sabiex fil-futur tkompli tikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli, il-ħolqien ta' impjiegi ġodda u għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

3.  Jindika l-fatt li f'xi Stati Membri l-forestrija diġà hi bbażata b'mod sod fuq il-prinċipju ta' sostenibilità, filwaqt li f'oħrajn il-prinċipji ta' sostenibilità ma ġewx daqshekk assimilati bis-sħiħ fil-forestrija; isostni li l-UE trid tiżgura li kull Stat Membru jgħin biex jimplimenta ġestjoni sostenibbli tal-foresti (ĠSF) fil-veru sens tal-kelma; jindika l-fatt li l-UE tista' tistabbilixi ċentru ta' għarfien sabiex jipprovdi l-informazzjoni neċessarja lill-Istati Membri;

4.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-inizjattivi tal-forestrija Ewropea għandhom ikunu mmirati kemm lejn l-'adattament' tal-foresti għat-tibdil fil-klima, kif ukoll lejn il-monitoraġġ u t-titjib tal-protezzjoni tagħhom, partikolarment fejn, pereżempju, huma involuti ħabitats ta' kwalità għolja;

5.  Jinnota l-valur miżjud potenzjali tal-koordinazzjoni Ewropea tat-tagħrif dwar il-foresti u l-monitoraġġ tal-miri ta' adattament għat-tibdil fil-klima, il-miri ta' mitigazzjoni, il-miri tal-enerġija rinnovabbli u l-aqwa prattiki għall-ġestjoni multifunzjonali u sostenibbli tal-foresti, partikolarment rigward in-natura transkonfinali tal-isfidi preżenti;

6.  Jitlob għall-koeżjoni bejn id-diversi politiki tal-UE dwar il-forestrija, l-agrikultura, l-enerġija rinnovabbli, il-bijodiversità u kwistjonijiet oħra li jirrigwardaw l-ambjent, u bejn il-politika industrijali u tar-riċerka u l-istrateġija tal-UE 2020;

7.  Jenfasizza l-bżonn ta' aktar kompetittività fis-settur tal-forestrija permezz ta' investiment fl-innovazzjoni,ir-riċerka u l-iżvilipp ta' mekkaniżmi għat-tixrid tal-għarfien iġġenerat;

8.  Jinnota li xi wħud mill-ikbar sfidi għall-foresti Ewropej huma n-nirien fil-foresti, id-deforestazzjoni, it-telf tal-bijodiversità u b'hekk nuqqas ta' riżeljenza tal-foresti, l-infestazzjoni minn speċifijiet invażivi, parassiti jew insetti jew annimali li jeqirdu l-pjanti u mard ieħor tal-foresti; jinnota li l-UE għandha tiffaċċa dawn l-isfidi permezz inizjattiva ta' kooperazzjoni u informazzjoni;

9.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali biex itejbu b'mod sinifikanti r-rwol tal-foresti fil-protezzjoni mill-għargħar, l-uqigħ tal-art, in-nirien, it-telf tal-bijodiversità u diżastri estremi tat-temp, filwaqt li jitqiesu aspetti ta' difiża mill-għargħar fl-iżvilupp ta' sistemi ta' informazzjoni u l-istrutturar ta' sistemi ta' appoġġ finanzjarji għall-foresti;

10. Jinnota l-importanza tal-kooperazzjoni globali, kemm fil-livell amministrattiv u dak tar-riċerka, fl-istabbiliment ta' standards, l-aqwa prattiki u t-trasferimenti tat-teknoloġija u l-kompetenzi xjentifiċi, partikolarment fil-kuntest tas-sistema REDD; jinnota wkoll li t-tqassim ġust tal-benefiċċji tas-sistema REDD ma jistax jinkiseb mingħajr il-kooperazzjoni attiva u l-iskambju tal-aqwa prattiki; jenfasizza l-importanza tal-programm GMES fl-immappjar, is-sorveljanza u ż-żamma ta' rekords ta' żoni ta' foresti fil-livell Ewropew u fil-livell internazzjonali u l-kontribut li l-informazzjoni li tinġabar tista' tagħti lin-negozjati tan-NU dwar it-tibdil fil-klima;

11. Jenfasizza l-ħtieġa għal ġestjoni sostenibbli tal-foresti u biex jinżammu l-funzjonijiet protettivi u produttivi tal-foresti kif ukoll il-vijabilità ġenerali tal-foresti, u jenfasizza l-ħtieġa biex il-foresti tal-UE jsiru iktar reżistenti għat-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità;

12. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu rispettati d-diversi sfidi għall-politiki tal-forestrija madwar l-UE; jinnota b'mod partikolari l-ekosistemi differenti, id-differenzi fl-istruttura tas-sjieda tal-foresti u d-diversità tal-isfidi klimatiċi li jiffaċċjaw partijiet differenti tal-Ewropa; jenfasizza l-ħtieġa li isir il-kejl u jitwettaq monitoraġġ fil-livell xieraq - lokali, reġjonali, tal-Istat Membru jew tal-UE;

13. Iwissi kontra l-esplojtazzjoni kummerċjali bla restrizzjonijiet ta' riżorsi tal-foresti li partikolarment fil-każ ta' foresti naturali, bosta drabi twassal għall-qerda irriversibbli tagħhom;

14. Jenfasizza r-rwol importanti li għandhom il-foresti fl-ekonomiji nazzjonali, partikolarment fl-iżvilupp reġjonali u speċjalment fiż-żoni rurali, fejn is-settur tal-forestrija jagħti kontribut kbir lit-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi, il-prosperità u l-attraenza tar-reġjuni;

15. Jenfasizza li billi leġiżlazzjoni tal-foresti taffettwa miljuni ta' sidien ta' foresti żgħar, il-politiki għall-foresti għandhom dejjem jibbilanċjaw ir-rispett għad-drittijiet ta' proprjetà tas-sidien mar-rekwiżiti li jiġu pprovduti oġġetti għall-pubbliku;

16. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-forestrija hija parti naturali tal-politika rurali u reġjonali integrata, fatt li jrid jiġi kkunsidrat fid-diskussjonijiet dwar il-futur tal-PAK wara l-2013, u li jeħtieġ ukoll li jiġi determinat il-bżonn ta' miżuri li jirrigwardaw il-forestrija;

17. Jirrikonoxxi li f'bosta każijiet parks għall-enerġija mir-riħ jistgħu jinbnew f'żoni forestali; iqis li miżuri għal proġetti għal sorsi tal-enerġija rinnovabbli u l-protezzjoni tal-foresti huma komplimentari aktar milli konfliġġenti;

18. Jagħraf l-importanza taż-żamma u ż-żieda tar-riżorsi tal-foresti fl-UE, b'mod partikulari f'dawk l-Istati Membri li huma affettwati l-aktar mill-kundizzjonijiet estremi tat-temp u t-tibdil fil-klima, peress li l-foresti u l-boskijiet huma assoċjati ma' benefiċċji soċjali, ekonomiċi u ambjentali sinifikanti; kif ukoll li l-miżuri mfassla għall-protezzjoni tal-foresti għandhom jiffukaw fuq il-prevenzjoni u l-adattament b'tali mod li l-foresta ma titlifx il-funzjonijiet produttivi, ekoloġiċi u soċjali tagħha;

19. Iqis li materji primi bbażati fuq l-injam jistgħu jkunu sostituti ta' użu baxx ta' enerġija għal materji ta' użu kbir ta' enerġija, bħal ligi tal-metall, il-plastik u l-konkrit, li jintużaw ħafna fil-kostruzzjoni u industriji oħra; jinnota r-riskju ta' reglazzjoni eċċessiva li twassal biex il-prodotti tal-injam ikunu inqas kompetittivi meta mqabbel ma dawn il-materji non-rinnovabbli;

20. Jenfasizza l-bżonn ta' fokalizzazzjoni fuq il-katina tal-provvista ta' prodotti mhux maħduma u prodotti manufatturati sabiex jiġi garantit il-kummerċ legali u l-protezzjoni tal-foresti; jenfasizza li l-ġestjoni tal-katina tal-provvista tista' tgħin biex jinħoloq ambjent iktar ekwu, bl-involviment tal-partijiet interessati u sforzi kollaborattivi li jkollhom rwol kruċjali;

21. Jitlob li jkun hemm sorveljanza u monitoraġġ strett tar-riżorsi tal-foresti sabiex ikun żgurat li l-istrateġiji għall-bijoenerġija u kwalunkwe żieda fil-livelli ta' qtugħ u ġbir tal-bijomassa ma twassalx għat-tnaqqis tal-kapaċità ta' ħażna tal-karbonju tal-foresti u ma taġixxix kontra l-objettivi tat-tibdil fil-klima;

22. Jenfasizza l-importanza inkontestabbli tas-sikurezza pubblika fiż-żoni tal-foresti, li jipproteġu l-ħabitats umani mill-impatt negattiv ta' fenomeni naturali;

23. Jindika l-importanza tar-rikoxximent mill-kummerċ tal-kredibilità, il-pubbliċità u l-benefiċċji finanzjarji dovuti għall-involviment min-naħa tiegħu fil-konservazzjoni tal-bijodiversità u l-protezzjoni tal-foresti;

24. Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-politika ta' komunikazzjoni u informazzjoni sabiex tkun żgurata l-ġestjoni sostenibbli tal-forestrija, tadatta għat-tibdil fil-klima, tinforma lill-pubbliku u tħeġġeġ l-użu tal-injam sostenibbli;

25. Jinnota l-importanza tal-iskambju tal-aħjar prattiki dwar kif kumpaniji u setturi tal-industrija jistgħu jikkontribwixxu għall-objettivi tal-bijodiversità permezz ta' konsiderazzjoni taċ-ċiklu ta' ħajja u kif jistgħu jagħmlu rabta bejn konservazzjoni tal-bijodiversità u l-ġenerazzjoni ta' qligħ;

26. Jinnota li l-Ewropa bla dubju għandha għarfien dwar il-forestrija li ġej minn prattiki forestali tradizzjonali dejjiema; jitlob madankollu għal iktar azzjoni fir-riċerka, it-taħriġ, il-komunikazzjoni u t-tagħrif rigward ir-riskji tat-tibdil fil-klima għall-foresti u s-settur tal-forestrija, kif ukoll għall-ippjanar fit-tul mill-awtoritajiet reġjonali u l-Istati Membri bil-kooperazzjoni mal-partijiet interessati u l-Kummissjoni; Iqis li għad hemm il-ħtieġa għal iktar riċerka dwar l-assorbiment tad-diversi tipi ta' foresti;

27. Jitlob għal iktar azzjoni fir-riċerka, l-edukazzjoni u t-tagħrif rigward ir-riskji tat-tibdil fil-klima għall-foresti u s-settur tal-forestrija, kif ukoll għall-ippjanar fit-tul mill-industrija tal-forestrija, ir-reġjuni u l-Istati Membri; jenfasizza l-ħtieġa għal koordinazzjoni aħjar tal-programmi ta' riċerka Ewropej u nazzjonali dwar ir-riskji tat-tibdil fil-klima għall-foresti u s-settur tal-forestrija; jistieden lill-Kummissjoni sabiex teżamina l-possibilità li jitwaqqaf sit elettroniku ta' referenza b'immappjar diġitali ta' żoni ta' foresti u l-użi awtorizzati tagħhom, żoni NATURA u ekosistemi rari, sabiex servizzi governattivi, ċittadini u kumpaniji jingħataw informazzjoni aħjar;

28. Jenfasizza li l-abilitajiet adattivi tal-foresti jista' jkollhom impatt pożittiv fuq kumplessi ta' foresti u industrija tal-foresti rigward l-effett globali tat-tibdil fil-klima; għalhekk jistieden sabiex ikun hemm appoġġ finanzjarju għal riċerka dwar abilitajiet adattivi;

29. Jenfasizza l-ħtieġa għal sforzi msaħħa rigward il-koordinazzjoni u l-għoti ta' tagħrif fi ħdan l-UE u bejn l-UE u l-Istati Membri; huwa tal-opinjoni li mezz wieħed biex jinkiseb dan hu billi unità waħda mill-Kummissjoni tieħu r-rwol ta' koordinazzjoni attiva b'rabta mal-attivitajiet kollha tal-Unjoni relatati mal-forestrija; jistieden lill-Kummissjoni biex tinvestiga, u tressaq proposta dwar, il-ħolqien ta' funzjoni bħal din fi ħdan DĠ wieħed;

30. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi stabbilita strateġija għall-istrumenti finanzjarji li jkunu jifilħu għall-għanijiet globali u tal-UE għall-forestrija, inkluż l-iskambju tal-aqwa prattiki bejn l-Istati Membri; jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta studju qabel tmiem l-2011;

31. Iqis li esplojtazzjoni industrijali tar-riżorsi tal-foresti li jipprovdu l-injam bħala materja prima għall-industrija kimika jew bħala semi-manifatturat għall-produzzjoni ta' materjal tal-kostruzzjoni għandha tkun ristretta primarjament għal pjantaġuni ta' foresti; iwissi kontra l-effetti negattivi tal-privatizzazzjoni tar-rikkezzi naturali tal-Istati Membri bħalma huma l-foresti;

32. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiġbor u tissorvelja indikaturi fil-livell Ewropew u nazzjonali rigward foresti u l-funzjonijiet tagħhom (pereżempju, uċuħ ta' foresti, kapaċità riġenerattiva, kapaċità ta' assorbiment ta' ilma mill-ħamrija, rata ta' erozjoni, żoni ta' riafforestazzjoni, eċċ.);

33. Jindika l-fatt li f'żoni niexfa u żoni f'riskju ta' deforestazzjoni, ir-riafforestazzjoni bi speċijiet produttivi tkun ta' benefiċċju għall-abitanti u tiżgura l-involviment tagħhom fil-kompiti ta' konservazzjoni u ta' tifi tan-nar;

34. Jirrikonoxxi li fil-pajjiżi tal-Mediterran il-foresti għandhom importanza partikulari minħabba l-abilità tagħhom li jbaxxu t-temperatura u jibbilanċjaw iċ-ċiklu tal-ilma, u għalhekk iqis li qabel ir-riafforestazzjoni għandu jkun hemm studji xjentifiċi biex jidentifikaw il-varjetà ta' siti u l-aħjar siti li huma l-aktar adatti għall-konservazzjoni u biex jilqgħu l-ilma;

35. Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni sabiex ikomplu bl-isforzi tagħhom biex itemmu l-qtugħ illegali u l-kummerċ tal-injam li dan jipproduċi, għaliex dan jgħin fil-ġlieda kontra d-deforestazzjoni, id-degradazzjoni tal-foresti u t-telf ta' bijodiversità;

36. Iqis li, minħabba l-importanza tagħhom għas-sekwestru tad-CO2, is-siġar tal-agroforestrija għandhom jitqiesu bl-istess mod bħal oqsma ta' siġar tradizzjonali mhux produttiv b'rabta mal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

9.11.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

44

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Pierre Audy, Ivo Belet, Bendt Bendtsen, Jan Březina, Giles Chichester, Pilar del Castillo Vera, Lena Ek, Ioan Enciu, Gaston Franco, Adam Gierek, Fiona Hall, Romana Jordan Cizelj, Arturs Krišjānis Kariņš, Philippe Lamberts, Bogdan Kazimierz Marcinkiewicz, Marisa Matias, Judith A. Merkies, Angelika Niebler, Jaroslav Paška, Aldo Patriciello, Miloslav Ransdorf, Herbert Reul, Teresa Riera Madurell, Michèle Rivasi, Paul Rübig, Amalia Sartori, Francisco Sosa Wagner, Patrizia Toia, Evžen Tošenovský, Ioannis A. Tsoukalas, Claude Turmes, Vladimir Urutchev, Adina-Ioana Vălean, Kathleen Van Brempt, Alejo Vidal-Quadras, Henri Weber

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

António Fernando Correia De Campos, Andrzej Grzyb, Jolanta Emilia Hibner, Silvana Koch-Mehrin, Ivari Padar, Vladko Todorov Panayotov, Peter Skinner, Silvia-Adriana Ţicău, Catherine Trautmann

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

16.3.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

53

6

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

János Áder, Elena Oana Antonescu, Kriton Arsenis, Pilar Ayuso, Paolo Bartolozzi, Sandrine Bélier, Sergio Berlato, Martin Callanan, Nessa Childers, Bairbre de Brún, Bas Eickhout, Edite Estrela, Karl-Heinz Florenz, Elisabetta Gardini, Julie Girling, Cristina Gutiérrez-Cortines, Satu Hassi, Jolanta Emilia Hibner, Dan Jørgensen, Karin Kadenbach, Christa Klaß, Holger Krahmer, Jo Leinen, Corinne Lepage, Linda McAvan, Radvilė Morkūnaitė-Mikulėnienė, Miroslav Ouzký, Vladko Todorov Panayotov, Gilles Pargneaux, Antonyia Parvanova, Andres Perello Rodriguez, Sirpa Pietikäinen, Mario Pirillo, Pavel Poc, Vittorio Prodi, Frédérique Ries, Anna Rosbach, Oreste Rossi, Dagmar Roth-Behrendt, Daciana Octavia Sârbu, Carl Schlyter, Horst Schnellhardt, Richard Seeber, Theodoros Skylakakis, Bogusław Sonik, Salvatore Tatarella, Åsa Westlund, Glenis Willmott, Sabine Wils, Marina Yannakoudakis

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Marisa Matias, Miroslav Mikolášik, Bill Newton Dunn, Bart Staes, Eleni Theocharous, Giommaria Uggias, Thomas Ulmer, Marita Ulvskog, Anna Záborská