RAPPORT dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009, Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja

6.4.2011 - (C7‑0214/2010 – 2010/2145(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
Rapporteur: Crescenzio Rivellini

Proċedura : 2010/2145(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0137/2011

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009, Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja

(C7‑0214/2010 – 2010/2145(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009[1],

–   wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009 (SEC(2010)0963 – C7-0214/2010)[2],

–   wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-awtorità ta' kwittanza dwar il-verifiki interni mwettqa fis-sena 2009,

–   wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2009, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet[3],

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabilità tal-kontijiet, kif ukoll il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea[4],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 272(10) u l-Artikoli 274, 275 u 276 tat-Trattat KE u l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[5], u b'mod partikulari l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0137/2011),

1.  Jagħti l-kwittanza lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Qorti tal-Ġustizzja għas-sena finanzjarja 2009;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni ta' hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-Deċiżjoni u r-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi kummenti li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009, Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja

(C7‑0214/2010 – 2010/2145(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009[6],

–   wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009 (SEC(2010)0963 – C7-0214/2010)[7],

–   wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-awtorità ta' kwittanza dwar il-verifiki interni mwettqa fis-sena 2009,

–   wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2009, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet[8],

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabilità tal-kontijiet, kif ukoll il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea[9],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 272(10) u l-Artikoli 274, 275 u 276 tat-Trattat KE u l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[10], u b'mod partikulari l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0137/2011),

1.  Jinnota li fl-2009 l-Qorti tal-Ġustizzja kellha approprjazzjonijiet għall-impenji disponibbli li jammontaw għal total ta' EUR 318 000 000 (EUR 297 000 000 fl-2008), b'rata ta' utilizzazzjoni ta' 98.50 %, li hija ogħla mill-medja tal-istituzzjonijiet l-oħrajn (97.69 %);

2.  Jinnota li matul it-tħejjija tar-Rapport Annwali dwar is-sena finanzjarja 2009, il-Qorti tal-Awdituri wettqet valutazzjoni fid-dettall tas-sistemi superviżorji u ta' kontroll fil-Qorti tal-Ġustizzja u fl-uffiċċji tal-Ombudsman Ewropew u tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, li inkludew l-eżami ta' kampjun addizzjonali ta' tranżazzjonijiet li kienu jinvolvu ħlasijiet relatati mar-riżorsi umani u ma' nfiq amministrattiv ieħor;

3.  Jinnota l-valutazzjoni fid-dettall tal-Qorti tal-Awdituri fil-Qorti tal-Ġustizzja relatata ma' kampjun aleatorju ta' 54 tranżazzjoni li kien ikopri firxa wiesgħa ta' attivitajiet u dipartimenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, li kienu jirrappreżentaw parti sostanzjali mill-baġit annwali tagħha, u li dik il-valutazzjoni kellha riżultati li fil-parti l-kbira tagħhom kienu pożittivi;

4.  Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri indikat fir-Rapport Annwali tagħha li l-Qorti tal-Ġustizzja naqset milli tantiċipa l-iskadenza ta' kuntratt ta' qafas, u ordnat servizzi li kienu jammontaw għal EUR 120 000 mingħajr ma applikat proċeduri kompetittivi ta' akkwist; ifakkar ukoll, fir-rigward tas-sena finanzjarja 2008, il-kummenti tal-Qorti tal-Awdituri rigward kuntratt konkluż għall-forniment ta' servizzi li jenfasizzaw dgħufijiet fis-sistema interna ta' kontroll fit-twettiq ta' din il-proċedura ta' sejħiet għal offerti u ksur tar-Regolament Finanzjarju u tar-Regoli Implimentattivi[11];

5.  Jieħu nota tat-tweġiba tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-mottivi tagħha; japprova, madankollu, is-suġġeriment tal-Qorti tal-Awdituri li l-proċeduri ta' akkwist ikunu ppreparati u kkoordinati aħjar;

6.  Jinnota li minbarra l-kummenti dwar il-kuntratt imsemmi hawn fuq konkluż għall-forniment ta' servizzi, ir-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri ma għamel l-ebda kumment ieħor rigward il-Qorti tal-Ġustizzja;

7.  Ifaħħar il-kumment tal-Qorti tal-Awdituri li s-sistemi superviżorji u ta' kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja relatati mal-ġestjoni u l-ħlas ta' remunerazzjoni u allowances kienu kapaċi, b'mod ġenerali, jiskopru l-iżbalji jew l-irregolaritajiet;

8.  Jinnota b'sodisfazzjon l-operat effikaċi tal-Unità għall-Verifika Interna tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li tissorvelja l-azzjoni meħuda rigward rakkomandazzjonijiet li jkunu saru f'verifiki mwettqa fi snin preċedenti, u li r-rakkomandazzjonijiet tagħha bdew jitħaddmu kif xieraq; jinnota li twettqu żewġ verifiki fl-2009: verifika interna dwar il-ġestjoni tal-interpretazzjoni u tal-infiq rigward l-interpreti esterni, u verifika interna dwar ix-xogħlijiet tal-arti; filwaqt li jitqiesu d-diffikultajiet partikolari fil-qasam tal-interpretazzjoni, jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti segwitu għall-azzjoni meħuda;

9.  Jilqa' bi pjaċir iż-żieda fin-numru ta' kawżi li tlestew mill-Qorti tal-Ġustizzja (377 sentenza u 165 ordni meta mqabbla ma' 333 u 161 rispettivament fl-2008), u jieħu nota tal-fatt li n-numru ta' kawżi ta' deċiżjonijiet preliminari kien l-ogħla wieħed li qatt kien hemm (302); madankollu, jinnota li fl-2008 n-numru ta' kawżi mressqa naqas meta mqabbel mal-2008 (561 minflok 592); jinnota li t-tul taż-żmien li jieħdu l-proċedimenti baqa' prattikament l-istess, u jilqa' bi pjaċir it-tnaqqis fin-numru ta' kawżi pendenti fl-aħħar tal-2009 (741 kawża meta mqabbla ma' 768 kawża fl-aħħar tal-2008);

10. Jinnota bi tħassib li l-Qorti Ġenerali fl-2009 wriet tnaqqis fin-numru ta' kawżi deċiżi u żieda fit-tul ta' żmien li jieħdu l-proċedimenti u li konsegwentament, għalkemm in-numru ta' kawżi ġodda fl-2009 kien inqas (568 kawża ġdida meta mqabbla ma' 629 fl-2008), l-ammont ta' xogħol lura f'kawżi pendenti baqa' jiżdied (minn 1178 fl-2008 għal 1191 fl-2009);

11. Jilqa' bi pjaċir il-fatt li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għalaq aktar kawżi minn qatt qabel (155 kawża), u li l-medja tat-tul ta' żmien li jkun ħa proċediment kienet ta' 15.1 xahar meta mqabbla ma' 17-il xahar fl-2008, u riżultat ta' dan in-numru ta' kawżi pendenti kompla jonqos (minn 217 fl-2008 għal 175 fl-2009), filwaqt li n-numru ta' applikazzjonijiet ġodda baqa' kważi kostanti (113 fl-2009 meta mqabbel ma' 111 fl-2008);

12. Jilqa' bi pjaċir il-kooperazzjoni li għadha għaddejja b'suċċess fil-qasam tat-taħriġ mal-istituzzjonijiet l-oħra u mal-Iskola Amministrattiva Ewropea, kif ukoll il-kooperazzjoni interistituzzjonali effikaċi fl-iżvilupp u fl-installazzjoni tas-sistema ta' ġestjoni integrata;

13. Jieħu nota tal-modernizzazzjoni tal-metodi ta' ħidma tal-Qorti tal-Ġustizzja, b'mod partikolari l-kompjuterizzazzjoni tar-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja, fejn ir-Reġistru Fiżiku li jmur lura għall-1952 fl-aħħar ġie sostitwit b'Reġistru Elettroniku; iħeġġeġ lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrapporta dwar il-progress fl-introduzzjoni ta' żviluppi oħra tal-IT, pereżempju l-applikazzjoni "e-curia", fir-Rapporti Annwali tagħha li ġejjin;

14. Jinnota d-diffikultajiet li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha fir-rigward tar-reklutaġġ ta' interpreti kwalifikati tal-konferenzi, u l-limitazzjonijiet kif ukoll il-ħtieġa li tintuża firxa ta' tekniki ta' interpretazzjoni biex ikunu jistgħu jiġu ssodisfati b'mod kwalitattiv kif ukoll kwantitattiv it-talbiet kollha għal interpretazzjoni; meta titqies l-importanza tal-interpretazzjoni għat-tħaddim xieraq tal-ħidma ġudizzjarja, jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrapporta dwar dan fir-Rapporti Annwali tagħha li ġejjin;

15. Ifaħħar il-kooperazzjoni interistituzzjonali tajba fl-oqsma tal-bini, tas-sigurtà, tal-ħarsien ambjentali u tal-ġestjoni amministrattiva; jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi aktar informazzjoni dwar l-eżitu tal-analiżi fir-rigward tal-ħtiġijiet mhux issodisfati fil-qasam tal-bini mill-perspettiva tal-2014, u dwar ir-rapport li rriżulta minn dik l-analiżi, kif ukoll dwar il-politika tal-bini tal-Qorti tal-Ġustizzja b'mod ġenerali;

16. Jilqa' bi pjaċir il-prattika stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja li tinkludi fir-Rapport Annwali tagħha tal-Attività kapitolu li jispjega s-segwitu li jkun ingħata matul is-sena għad-deċiżjonijiet preċedenti ta' kwittanza tal-Parlament Ewropew u għar-rapporti tal-Qorti tal-Awdituri.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

22.3.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

25

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marta Andreasen, Jean-Pierre Audy, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Andrea Češková, Andrea Cozzolino, Luigi de Magistris, Tamás Deutsch, Martin Ehrenhauser, Jens Geier, Gerben-Jan Gerbrandy, Ingeborg Gräßle, Ville Itälä, Iliana Ivanova, Bogusław Liberadzki, Monica Luisa Macovei, Jan Olbrycht, Aldo Patriciello, Crescenzio Rivellini, Christel Schaldemose, Bart Staes, Georgios Stavrakakis, Søren Bo Søndergaard

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Chris Davies, Derk Jan Eppink, Christofer Fjellner, Véronique Mathieu

  • [1]  ĠU L 69, 13.3.2009.
  • [2]  ĠU C 308, 12.11.2010, p. 1.
  • [3]  ĠU C 303, 9.11.2010, p. 1.
  • [4]  ĠU C 308, 12.11.2010, p.129.
  • [5]  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
  • [6]  ĠU 69, 13.3.2009.
  • [7]  ĠU C 308, 12.11.2010, p. 1.
  • [8]  ĠU C 303, 9.11.2010, p. 1.
  • [9]  ĠU C 308, 12.11.2010, p.129.
  • [10]  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
  • [11]     Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta' Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolament Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1).