Proċedura : 2010/2156(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0143/2011

Testi mressqa :

A7-0143/2011

Dibattiti :

PV 12/05/2011 - 9
CRE 12/05/2011 - 10

Votazzjonijiet :

PV 12/05/2011 - 12.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


RAPPORT     
PDF 386kWORD 360k
13 t'April 2011
PE 454.692v02-00 A7-0143/2011

dwar "L-isfruttar tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi"

(2010/2156(INI))

Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

Rapporteur: Marie-Thérèse Sanchez-Schmid

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar "L-isfruttar tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi"

(2010/2156(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–      wara li kkunsidra l-Artikolu 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–      wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) tal-20 ta’ Ottubru 2005 dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità tal-espressjonijiet kulturali(1),

–      wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 2006/515/KE tal-Kunsill tat-18 ta’ Mejju 2006 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali(2),

–      wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva)(3),

–      wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1855/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 li tistabbilixxi l-Programm Kultura (2007-2013)(4),

–      wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1718/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 dwar l-implimentazzjoni ta' programm ta' appoġġ għas-settur awdjoviżiv Ewropew (MEDIA 2007)(5),

–      wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Kontenut Kreattiv Onlajn fis-Suq Uniku (COM(2007)0836),

–      wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Mejju 2010 dwar "Europeana - il-passi li jmiss"(6),

–      wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Frar 2009 dwar l-Ekonomija Soċjali(7),

–      wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ April 2008 dwar aġenda Ewropea tal-kultura fl-era tal-globalizzazzjoni(8),

–      wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ April 2008 dwar l-industriji kulturali fl-Ewropa(9),

–      wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Ġunju 2007 dwar l-istatus soċjali tal-artisti(10),

–      wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Kultura bħala Katalist għall-Kreattività u l-Innovazzjoni (2009)(11),

–      wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010, intitolata "Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020),

–      wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-30 ta' Ġunju 2010, intitolata "L-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja – qafas politiku ġdid għat-turiżmu Ewropew" (COM(2010)0352),

–      wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tas-26 ta' Awwissu 2010, intitolata "Aġenda Diġitali għall-Ewropa" (COM(2010)0245/2),

–      wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-19 ta' Ottubru 2009, intitolata "Id-Dritt tal-Awtur fl-Ekonomija tal-Għarfien" (COM(2009)0532),

–      wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tas-27 ta' April 2010, intitolata "L-esplojtazzjoni tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi" (COM(2010)0183),

–      wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–      wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0143/2011),

A.    billi l-industriji kulturali u kreattivi karatteristikament għandhom natura doppja, liema natura hija ekonomika fis-sens li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku permezz tal-impjiegi, tat-tkabbir ekonomiku u tal-ħolqien tal-ġid, iżda anki kulturali, grazzi għal attivitajiet li jintegraw lill-individwi soċjalment u kulturalment fis-soċjetà u li jinvolvu lill-istess ċittadini fil-promozzjoni tal-valuri u l-identitajiet kulturali u fl-iżvilupp tal-patrimonju kulturali Ewropew,

B.    billi din in-natura doppja tiddistingwihom minn industriji oħra, trid titqies l-implimentazzjoni ta’ politiki u miżuri speċifiċi,

C.    billi din in-natura speċifika hi rikonoxxuta u promossa mill-UE fix-xena internazzjonali, peress li l-UE adottat politika ta' żamma tal-koperazzjoni kulturali tagħha fid-WTO u rratifikat il-Konvenzjoni tal-Unesco,

D.    billi l-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) jipprevedi d-dritt li jiġu implimentati politiki għall-protezzjoni tad-diversità kulturali, li huwa sistematikament applikat mill-UE u mill-Istati Membri tagħha,

E.    billi, f'konformità mal-Artikolu 167(4) TFUE, hemm bżonn li l-kultura tiġi integrata fil-politiki Ewropej l-oħra, kemm interni kif ukoll esterni, u li f'dan ir-rigward tingħata attenzjoni partikulari, fil-kuntest tal-globalizzazzjoni attwali, għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità tal-espressjonijiet kulturali,

F.    billi l-Konvenzjoni tal-Unesco tirrikonoxxi r-rwol ewlieni tal-industriji kulturali u kreattivi fil-produzzjoni, it-tqassim u l-forniment ta' aċċess għal firxa wiesgħa ta' beni u servizzi kulturali u tinkoraġġixxu l-koperazzjoni internazzjonali,

G.    billi l-Istati Membri għandu jkollhom ir-rieda li jappoġġaw il-kultura u l-kreattività bħala fatturi fundamentali għall-preżervazzjoni u t-tisħiħ tal-patrimonju kulturali u tal-pajsaġġ, li għandhom jiġu protetti u konservati biex jassistu fil-ħolqien ta' sens ta’ identità u tiżdied il-kuxjenza kulturali tal-pubbliku,

H.    billi, fl-UE, l-industriji kulturali u kreattivi jiżvolġu, rwol ewlieni fil-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika, tal-pluraliżmu u tal-koeżjoni soċjali u territorjali, iżda anke fid-demokratizzazzjoni tal-aċċess għall-kultura u l-promozzjoni tad-djalogu interkulturali fl-UE kollha kemm hi,

I.     billi d-diversità kulturali tal-Ewropa, u, b'mod partikulari, il-patrimonju vast tagħha fir-rigward tal-lingwi u l-kulturi reġjonali, hi l-materja prima insostitwibbli għall-industriji kulturali u kreattivi,

J.     billi trid tingħata attenzjoni partikulari lill-ispeċifiċitajiet kulturali u lingwistiċi fid-dibattitu dwar l-isabbiliment ta’ suq uniku fis-settur tal-kontenut kreattiv,

K.    billi l-industriji kulturali u kreattivi huma laboratorji għall-innovazzjoni artistika, teknika u ġestjonali u billi jippermettu disseminazzjoni aktar estensiva tax-xogħlijiet u tal-artisti fil-livell Ewropew u internazzjonali,

L.    billi s-settur tal-industriji kulturali u kreattivi jissaħħaħ u l-viżibilità tiegħu tiġi ggarantita permezz ta’ diversi inizjattivi mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Ewropa, bħall-‘Europe Prize’ (il-Premju tal-Ewropa), il-Premju LUX, u r-Rotot Kulturali,

M.   billi l-industriji kulturali u kreattivi għandhom rwol x'jiżvolġu fil-preżervazzjoni tal-ħiliet u l-kapaċitajiet distintiva, imprezzabbli u uniċi permezz tal-fużjoni tal-kreattività kontemporanja u l-esperjenza li ilha teżisti; billi, b'mod speċjali f'ċerti setturi bħal, pereżempju, il-moda, il-produzzjoni tal-arloġġi u l-ġojjellerija, ir-reputazzjoni u s-suċċess dinjijin tal-industriji Ewropej fis-settur huma msejsa fuq il-ħiliet manwali u l-kompetenza tal-artiġjani u l-kreaturi,

N.    billi attwalment l-artisti m’għandhomx l-istatus legali, fil-livell tal-UE, li jqis n-natura speċifika ta’ xogħolhom u tal-karriera tagħhom, fir-rigward tal-mobilità, tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-protezzjoni soċjali b’mod partikulari,

O.    billi l-industriji kreattivi u kulturali, li jgħoddu għal 5 miljun impjieg u 2.6% tal-PDG tal-UE, huma wieħed mill-muturi ewlenin għat-tkabbir fl-UE, peress li joħolqu impjiegi ġodda, jiżvolġu rwoli fundamentali fil-katini tal-valur globali u jqanqlu l-innovazzjoni, jipprovdu valur miżjud bħala fattur għall-koeżjoni soċjali u jservu bħala għodda effiċjenti fil-ġlieda kontra r-riċessjoni attwali,

P.    billi l-industriji kulturali u kreattivi jinfluwenzaw kważi kull settur ekonomiku ieħor, billi jipprovdulhom l-innovazzjonijiet deċiżivi għall-kompetittività, speċjalment fir-rigward tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni,

Q.    billi dawn l-industriji jikkostitwixxu mutur ta' spinta għall-ekonomiji fl-era diġitali, peress li jikkontribwixxu b'mod sinifikattiv għall-innovazzjoni u għall-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, u billi jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-obbjettivi tal-istrateġija "Ewropa 2020",

R.    billi l-industriji kreattivi u kulturali jistgħu joħolqu l-ġid u l-impjiegi jekk jingħataw il-mezzi sabiex ikunu kompetittivi mal-industriji kulturali u kreattivi tal-pajjiżi barra mill-UE fil-kuntest ta’ strateġija Ewropea dwar il-kompetizzjoni internazzjonali,

S.    billi wħud minn dawk involuti fl-industriji kreattivi u kulturali jaħdmu għal rashom,

T.    billi l-industriji kulturali u kreattivi huma suq li qed jikber fl-UE u qasam fejn għandha l-potenzjal li tkun minn ta' quddiem fis-suq globali,

U.    billi l-iżvilupp tal-kummerċ tal-prodotti u s-servizzi kulturali u kreattivi hu pilastru importanti għall-kultura, l-iżvilupp u d-demokrazija,

V.    billi l-kreattività tiddependi fuq l-aċċess għall-għerf, għax-xogħlijiet u għall-kontenut kreattiv eżistenti,

W.   billi r-rwol tal-kontenut kulturali fl-ekonomija diġitali hu kruċjali; billi t-tkabbir diġitali tal-Ewropa fil-ġejjieni se jiddependi fuq jekk ikollhiex provvista varjata ta' kontenut kulturali ta' kwalità għolja,

X.    billi l-era diġitali tiftaħ possibilitajiet ġodda għal dawn l-industriji billi tintroduċi mudelli ekonomiċi ġodda li jippermettu li l-konsumatur ikollu aċċess għal firxa ta' prodotti ta' kwalità għolja,

Y.    billi l-industrija tal-kontenut qed tagħmel sforz konsiderevoli biex tiżviluppa offerti legali dwar il-kontenut kulturali onlajn u l-partijiet interessati kollha għandhom jingħaqdu flimkien biex iqajmu kuxjenza dwar l-offerti legali eżistenti ta' kontenut onlajn,

Z.    billi l-gazzetti u l-magażins huma komponenti essenzjali tal-industriji kulturali kif ukoll tal-panorama tal-midja Ewropea pluralistika u varjata,

AA. billi l-era diġitali tippreżenta wkoll sfidi fir-rigward tas-sostenibilità tas-setturi tradizzjonali ta’ dawn l-industriji, inklużi l-pubblikazzjoni tal-kotba, il-bejgħ tal-kotba u tal-midja stampata,

AB. billi, sabiex jiffjorixxu, l-industriji kulturali u kreattivi tal-Ewropa jirrikjedu sistema moderna, aċċessibbli u legalment ċerta għall-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali,

AC. billi hu essenzjali li tiġi żgurata l-edukazzjoni artistika u kulturali taċ-ċittadini u li jiġi apprezzat il-proċess kreattiv għall-iżvilupp tal-kreattività, il-konoxxenza tal-arti, il-kultura, il-patrimonju kulturali u d-diversità kulturali tal-UE, l-edukazzjoni għandha tiġi estiża għat-tagħlim mhux biss dwar id-drittijiet diġitali iżda anke l-obbligi, biex b’hekk jitrawmu l-fehim u r-rispett aħjar tax-xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-proprjetà intelletwali,

AD. billi l-avvanzi teknoloġiċi fl-industriji kulturali u kreattivi bl-ebda mod ma jbiddlu l-ħtieġa fundamentali li jitħarsu d-drittijiet tal-proprjetà intelletwali,

AE.  billi huma rikjesti komformità aħjar mal-qafas legali eżistenti li jħares dawn id-drittijiet, kif ukoll riformi rigward, inter alia, is-semplifikazzjoni tal-proċeduri għal-liċenzji fl-industriji kulturali, sabiex ikun jista' jinkiseb kull vantaġġ li joffru l-possibilitajiet ġodda, waqt li tiġi ggarantita sistema bbilanċjata tajjeb ta' ħarsien tad-drittijiet li tqis l-interessi kemm tal-kreaturi, kif ukoll tal-konsumaturi,

AF.  billi hi essenzjali sistema moderna għat-trademarks tal-Unjoni sabiex jitħares il-valur rappreżentat mill-investimenti li jsiru mill-kumpaniji Ewropej fid-disinn, il-ħolqien u l-innovazzjoni,

AG. billi jrid ikun hemm garanzija ta' investimenti strateġiċi għall-industriji kulturali u kreattivi, pereżempju, permezz tal-aċċess għal finanzjament li jkun adattat għall-ispeċifiċitajiet u l-bżonnijiet tagħhom sabiex ikunu jistgħu jiżvolġu sehem sħiħ biex jagħtu spinta lill-ekonomija Ewropea,

AH. billi l-industriji kulturali u kreattivi jiżvolġu rwol ewlieni fl-iżvilupp ta’ ċentri ta’ kreattività fil-livell lokali u reġjonali, li jagħmlu lir-reġjuni iktar attraenti u jippermettu li n-negozji u l-impjiegi b'għeruq fit-tessut ekonomiku lokali u reġjonali jinħolqu u jiġu żviluppati, biex ir-reġjuni jsiru aktar attraenti għat-turisti, jippromwovu t-twaqqif ta' negozji ġodda u jsaħħu l-prfil ta' dawn ir-reġjuni, u jippromwovu s-settur kulturali u artistiku u l-preżervazzjoni, il-promozzjoni u t-tisħiħ tal-patrimonju kulturali Ewropew grazzi għal diversi aġenziji bħall-awtoritajiet lokali u reġjonali,

AI.   billi l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija u l-pjan ta’ azzjoni reġjonali tiegħu ġew approvati u allokati fondi għall-2011-2013,

AJ.  billi r-rwol tal-Alleanza Ewropea tal-Industriji Kreattivi għandu jissaħħaħ,

Ir-rwol dinamiku tal-industriji kulturali u kreattivi fl-Unjoni Ewropea

1.     Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu analizzati l-industriji kulturali u kreattivi u l-impatt tal-attivitajiet tagħhom fuq l-ekonomija Ewropea, billi jiġu identifikati, definiti u deskritti waħda waħda, biex jiġu enfasizzati l-karatteristiki tagħhom, ikun hemm fehim aħjar tal-miri u l-problemi tagħhom u biex jiġu implimentati miżuri iktar effikaċi;

2.     Jistieden lill-Kummissjoni tissokta bl-isforzi tagħha biex tipproduċi definizzjoni aħjar tal-industriji kulturali u kreattivi sabiex jiġi analizzat fil-fond l-impatt tagħhom fuq it-tkabbir u l-kompetittività internazzjonali fuq perjodu ta' żmien twil u biex trawwem aktar rikonoxximent tal-karatteristiki speċifiċi tas-settur;

3.     Jistieden lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom b'mod qawwi għall-protezzjoni u l-appoġġ tal-patrimonju kulturali tagħhom, billi jirrikonoxxu li biex l-industriji kulturali u kreattivi jiżviluppaw hemm bżonn ekonomija doppja fejn ikun hemm koeżistenza tal-investiment pubbliku u dak privat;

4.     Jikkunsidra li l-industriji kulturali u kreattivi għandhom ikunu fiċ-ċentru ta’ aġenda politika Ewropea ġdida f’konformità mal-ħtiġijiet ekonomiċi tas-settur u fil-kuntest tad-diġitalizzazzjoni, u li l-Programm Kultura tal-futur għandu jirrifletti l-ħtiġijiet tas-settur kulturali u kreattiv fl-era diġitali permezz ta’ approċċ iktar prammatiku u iktar komprensiv;

5.     Jirrikonoxxi li, bħala għejjun tal-innovazzjoni ekonomika u soċjali f'ħafna setturi oħra tal-ekonomija, l-industriji kulturali u kreattivi għandhom setgħa kbira ta' sinerġizzazzjoni;

6.     Jistieden lill-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha biex tappoġġa, tippromwovi u tiffaċilita l-żvilupp ta' qafas kulturali u kreattiv billi trawwem sistema ta’ kooperazzjoni iktar elaborata bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE, ibbażata fuq il-kondiviżjoni tal-esperjenzi dwar prattika tajba; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tinkludi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-proċess ta’ segwitu għall-Green Paper, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

7.     Jistieden lill-Kummissjoni tfassal White Paper, fil-prospettiva tal-importanza li dejjem qed tikber tal-industriji kulturali u kreattivi, kif ukoll tal-objettiv li jissaħħaħ dan is-settur, objettiv li hu ta’ importanza strateġika biex jintlaħqu l-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020;

Edukazzjoni, taħriġ u qawmien ta' kuxjenza

8.     Iħeġġeġ kemm lill-Istati Membri u kemm lill-Kummissjoni jippromwovu l-edukazzjoni artistika u kulturali (b'enfasi partikulari fuq il-kreattività) f’kull età, mill-edukazzjoni primarja sal-edukazzjoni ogħla u/jew vokazzjonali, u jiżviluppaw il-ħiliet imprenditorjali tal-kreaturi, anke fil-kuntest tat-tagħlim tul il-ħajja, partikolarment minħabba r-rwol tagħha biex tqajjem kuxjenza dwar il-kreattività u biex tgħallem l-użu tajjeb tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni u r-rispett għall-proprjetà intellettwali;

9.     Jindika l-vantaġġi ta’ edukazzjoni li tgħaqqad l-għarfien teoretiku tal-istorja tal-kultura u tal-arti mal-ħolqien artistiku applikat u l-ġestjoni tal-assi kulturali, fl-impriżi, fl-istudios, eċċ. bl-għan li jissaħħu kemm il-ħiliet teoretiċi u kemm dawk prattiċi;

10.   Jenfasizza l-importanza ta’ programmi edukattivi li jiffokaw fuq it-taħriġ vokazzjonali, l-iżvilupp ta’ ideat u l-irrakkuntar ta’ stejjer, il-ħiliet diġitali, il-ħiliet tekniċi, imprenditorjali u tal-kummerċjalizzazzjoni, inkluż l-użu tan-netwerks soċjali, u l-ħiliet tal-ħaddiema;

11.   Jenfasizza l-potenzjal tal-koperazzjoni u d-djalogu mill-qrib bejn l-industriji kulturali u kreattivi, l-universitajiet, iċ-ċentri għar-riċerka, l-iskejjel tal-arti u l-istabbilimenti tal-arti li jipprovdu programmi ta’ taħriġ konġunti u opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja;

12.   Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dwar il-ħtieġa urġenti li jirrikonoxxu l-kwalifiki vokazzjonali fl-industriji kulturali u kreattivi, jippromwovu l-mobilità tal-istudenti u tal-letturi u jiżviluppaw ulterjurment il-perjodi ta' prattika għal esperjenza ta’ taħriġ u xogħol għall-artisti u l-kreaturi;

13.   Jitlob lill-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jespandu l-qafas għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali u tal-korsijiet ta' taħriġ, bil-prospettiva, li mhix l-anqas importanti, li jiġu inklużi l-ħiliet ġodda rikjesti mis-settur tal-industriji kulturali u kreattivi;

14.   Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi programmi ta' riċerka u sħubija konġunti bejn l-industriji kulturali u kreattivi u s-settur tal-edukazzjoni u tat-taħriġ (inkluż it-taħriġ waqt is-servizz), biex b'hekk iċ-ċittadin jingħata ħiliet kreattivi u interkulturali, tiffaċilita l-użu ta’ tekniki ġodda u għodod kreattivi ġodda fis-settur tal-edukazzjoni, tintensifika l-edukazzjoni u t-taħriġ tul il-ħajja – partikularment permezz tal-użu tal-Fond Soċjali Ewropew – minħabba r-ritma tal-bidla teknoloġika f'dan il-qasam, u, bil-kontra, permezz tar-riċerka u l-edukazzjoni, iġġedded l-industriji kulturali u kreattivi;

15.   Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu d-disponibilità ta' taħriġ maniġerjali, kummerċjali u imprenditorjali speċifikament imfassal għall-professjonisti tal-industriji kulturali u kreattivi, sabiex jiġu mgħammra bil-ħiliet komunikattivi u imprenditorjali rikjesti f'ambjent soċjoekonomiku dejjem jevolvi; jinnota l-esperjenza pożittiva fit-taħriġ u l-ġestjoni żviluppata fil-qasam awdjoviżiv mill-programm MEDIA u jittama li jara l-Programm Kultura mgħammar bi strumenti simili;

16.   Jipproponi l-ħolqien ta’ proġetti pilota ġodda skont il-programmi Erasmus u Erasmus għall-Imprendituri Żgħażagħ biex ikun hemm aktar kollaborazzjoni bejn l-universitajiet u l-impriżi fis-settur kulturali u kreattiv;

17.   Jenfasizza l-ħtieġa għat-trażmissjoni tat-tekniki u l-għerf, u l-valur tat-tisħiħ tat-tagħlim u t-twaqqif ta’ programmi ta’ taħriġ professjonali ffokati fuq is-settur kulturali u kreattiv, tal-isfruttament aħjar tal-użu ta-programmi u l-kurrikuli eżistenti, billi tingħata edukazzjoni fuq diversi dixxiplini u jiġu promossi l-koperazzjoni u s-sħubijiet bejn l-istituzzjonijiet edukattivi, l-istudenti, il-professjonisti mis-settur kulturali u kreattiv, l-impriżi ta’ kull daqs, inkluż dawk tas-settur privat u dak pubbliku, l-artiġjani u l-istituzzjonijiet finanzjarji;

18.   Jirrikonoxxi l-importanza li għandhom l-industriji kulturali u kreattivi fit-trawwim tal-iżvilupp ta’ kontenut Ewropew, biex b’hekk jikkontribwixxu għall-konverġenza kulturali tal-Istati Membri u relazzjoni aktar mill-qrib bejn il-popli tagħhom;

19.   Jisħaq fuq il-fatt li t-tagħlim u l-ħiliet interkulturali jgħinu lin-nies jifhmu kulturi oħrajn u għaldaqstant jikkontribwixxu għall-inklużjoni soċjali;

Kundizzjonijiet ta' ħidma u imprenditorjat

20.   Jirrikonoxxi l-impatt, il-kompetittività u l-potenzjal futur tal-industriji kulturali u kreattivi bħala mutur importanti għat-tkabbir sostenibbli fl-Ewropa li jista’ jiżvolġi rwol deċiżiv fl-irkupru ekonomiku tal-UE;

21.   Jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi lill-industriji kulturali u kreattivi bħala parti produttiva tal-ekonomija Ewropea, b’mod partikolari f’termini tal-kapaċità tagħhom biex jgħinu lil setturi oħrajn tal-ekonomija jsiru iktar kompetittivi;

22.   Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu kkunsidrati il-kundizzjonijiet ta’ ħidma u l-aspetti ekonomiċi, soċjali, legali u fiskali ta' dawn is-setturi, b’referenza partikolari għad-dimensjoni imprenditorjali tal-industriji kulturali u kreattivi u għall-kondizzjonijiet ta' ħidma;

23.   Jisħaq, f’dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fil-pagi u tat-titjib tal-grad kemm l-impjiegi jikkorrispondu mal-livell tal-kwalifiki;

24.   Jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tanalizza l-impatt li l-industriji kulturali u kreattivi għandhom fuq l-ekonomija tal-UE, u tippubblika gwida għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni dwar l-impjiegi u l-ħolqien tal-ġid kummerċjali f’kull fergħa tas-settur;

25.   Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żviluppat sens qawwi ta’ imprenditorjat kulturali u kreattiv fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew;

26.   Jisħaq fuq il-ħtieġa li jinħolqu l-kundizzjonijiet ottimali biex jiġu impjegati żgħażagħ bi kwalifika universitarja u professjonisti żgħażagħ minn dan is-settur u li jittrawmu l-opportunitajiet għalihom biex isiru imprendituri, kif ukoll li jitħarrġu fl-aspetti speċifiċi ekonomiċi, fiskali, finanzjarji u teknoloġiċi tad-dinja kulturali u kreattiva, kif ukoll fl-oqsma tal-komunikazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni, tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali u tat-trasferiment tal-għerf interġenerazzjonali;

27.   Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea timplimenta pjattaforma multilingwistika sabiex dawk li jaħdmu fis-settur kulturali u kreattiv ikunu jistgħu jingħaqdu ma' netwerk fil-livell Ewropew fejn ikunu jistgħu jiskambjaw l-esperjenzi, l-aħjar prattiki u l-kompetenza, u jikkoperaw fuq proġetti konġunti jew proġetti pilota b’dimensjoni transnazzjonali u transkonfinali u jsibu informazzjoni kompluta dwar il-leġiżlazzjoni fis-seħħ (bħal kwistjonijiet dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet soċjali) u dwar il-possibilitajiet għal finanzjament;

28.   Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkludu għal darba oħra taħt l-intestatura ta’ industriji kulturali u kreattivi lill-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ u l-operaturi tal-ekonomija soċjali – kif definiti fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament tad-19 ta’ Frar 2009 dwar l-Ekonomija Soċjali – billi huma attivi fis-setturi rilevanti għall-industriji kulturali u kreattivi, biex b’hekk jippermettu l-adozzjoni ta’ benefiċċji fiskali, aċċess faċli għas-self u protezzjoni tal-impjiegi;

29.   Jistieden lill-Kummissjoni tirrispetta u tirrikonoxxi l-azzjonijiet immexxija mis-servizzi kulturali, l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ u l-inizjattivi privati involuti fl-iżvilupp ta' ekonomija inklużiva kreattiva; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħeġġu u jinkorporaw il-prattiki tajbin imfassla biex jiffaċilitaw l-aċċess għaż-żgħażagħ (ikun xi jkun l-istatus tagħhom bħala studenti, apprentisti, min qed jitħarrġu, min qed ifittex xogħol, eċċ.), u dawk l-aktar vulnerabbli għall-kultura u għall-kontenuti kreattiv – perezempju, prezzijiet mnaqqsa, vawċers kulturali u attivitajiet kulturali b'xejn;

Status ta' artisti

30.   Itenni li jrid jinħoloq l-istatus ta' artist Ewropew sabiex l-artisti jkunu jistgħu jgawdu kundizzjonijiet ta’ ħidma sodisfaċenti u miżuri adegwati fir-rigward tas-sistemi fiskali, id-dritt tagħhom għax-xogħol, id-drittijiet tas-sigurtà soċjali u d-drittijiet tal-awtur biex titjieb il-mobilità fl-UE;

31.   Jistieden lil dawk l-Istati Membri li għadhom m’għamlux dan biex jieħdu azzjoni dwar ir-Rakkomandazzjoni tal-UNESCO Recommendation dwar l-Istatus tal-Artist(12);

Snajja' artistiċi

32.   Jindika li s-snajja’ artistiċi jikkostitwixxu wieħed mill-pilastri li fuqhom huma msejsa l-patrimonju kulturali u l-ekonomija tagħna, u li għaldaqstant hemm bżonn li tiġi ssalvagwardjata l-kontinwità tagħhom permezz tal-mekkaniżmi xierqa għat-trażmissjoni tal-għerf u l-ħiliet, kif enfasizzat fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament tal-10 ta' April 2008 dwar l-industriji kulturali fl-Ewropa;

33.   Itenni l-għan tal-preżervazzjoni tan-natura speċifika ta’ xi snajja’ u t-trasferiment tal-għerf, speċjalment fis-settur kulturali, kreattiv u tal-artiġjanat, u tal-garanzija mekkaniżmi għat-trasferiment tal-għerf; jipproponi li jitħeġġeġ l-istabbiliment fil-livell lokali, reġjonali u territorjali tal-workshops għat-trasferiment tal-għerf, b’mod partikolari għas-settur kreattiv tradizzjonali;

34.   Jindika li l-mudell ekonomiku għall-industriji kulturali u kreattivi, inkluż fis-settur tal-lussu li hu rappreżentattiv tiegħu, huwa bbażat fuq l-innovazzjoni, il-kreattività kostanti, il-fiduċja tal-konsumatur u l-investiment fl-impjiegi li sikwit jirrikjedu livell għoli ta’ ħiliet u jinvolvu għerf uniku; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi s-sostenibilità ta’ dan il-mudell ekonomiku fil-proposti tagħha li jaffettwaw l-industriji kulturali u kreattivi billi tiżviluppa qafas regolatorju adattat għall-karatteristiki speċifiċi tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

35.   Jenfasizza l-periklu ta’ nuqqas ta’ ħaddiema f’xi wħud mis-snajja’ li jirrikjedu livell għoli ta’ ħiliet jew snajja’ speċifiċi ħafna u li jikkontribwixxu għall-eżistenza tal-industriji kulturali u kreattivi fl-UE u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa, flimkien mal-impriżi, biex jiżguraw li dawn il-ħiliet uniċi jiġu ppreżervati, u biex jiffaċilitaw it-taħriġ ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ artiġjani u ħaddiema li jispeċjalizzaw f’dawn is-snajja';

Titjib tad-distribuzzjoni tax-xogħlijiet fl-era diġitali

36.   Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu d-distribuzzjoni u ċ-ċirkolazzjoni tax-xogħlijiet fl-UE kollha;

37.   Jirrikonoxxi li l-innovazzjoni għandha tiġi promossa mhux biss fil-produzzjoni teknoloġika iżda anke fil-proċessi ta’ ġestjoni, kif ukoll fl-iżvilupp tal-proġetti nnifishom u fid-distribuzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom;

38.   Jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra l-possibilità li jiġu stabbiliti azzjonijiet speċifiċi u għodod adegwati biex l-industriji kulturali u kreattivi Ewropej, b'mod partikulari l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, jiġu appoġġjati u żviluppati, bil-għan li jitjiebu l-ħolqien, il-produzzjoni, il-promozzjoni u d-distribuzzjoni tal-beni u s-servizzi kulturali;

39.   Jisħaq fuq il-fatt li l-użu fuq l-internet jista’ jirrappreżenta opportunità reali għal diffużjoni u ċirkolazzjoni aħjar tax-xogħlijiet Ewropej, b’mod partikolari x-xogħlijiet awdjoviżivi, f’kundizzjonijiet fejn il-provvista legali tista’ tiżviluppa f’ambjent ta’ kompetizzjoni b'saħħitha li taffronta b’mod effikaċi l-provvista illegali ta’ xogħlijiet protetti u fejn jistgħu jiġu żviluppati modi ġodda għar-rimunerazzjoni tal-kreaturi li jinvolvuhom finanzjarjament fis-suċċess ta’ xogħlijiethom;

40.   Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni stretta tal-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva(13), li tipprevedi li l-Istati Membri jiżguraw li s-servizzi tal-media awdjoviżiva fuq talba jippromwovu l-produzzjoni tax-xogħlijiet Ewropej u l-aċċess għalihom u jirrappurtawlha dwar l-implimentazzjoni ta' din id-dispożizzjoni sa mhux iktar tard mill-2012;

41.   Jenfasizza li sabiex tiġi ggarantita distribuzzjoni aħjar tax-xogħlijiet u tar-repertorji Ewropej, iridu jiġu introdotti inizjattivi maħsuba għat-titjib u għall-promozzjoni tat-traduzzjoni, id-doppjaġġ, is-sottotitolar, is-sopratitolar u d-diġitalizzazzjoni tax-xogħlijiet kulturali Ewropej u għat-tfassil ta’ miżuri speċifiċi f'dawn l-oqsma bħala parti mill-ġenerazzjoni l-ġdida tal-Programmi MEDIA u Kultura għall-perjodu 2014-2020;

42.   Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ it-tkabbir tal-industriji kulturali u kreattivi, speċjalment fuq l-internet, billi tieħu l-passi rilevanti biex tiżgura li l-partijiet interessati kollha jaqsmu r-responsabilità għall-protezzjoni ugwali tal-prodotti u s-servizzi fl-ambjent diġitali biex ikun hemm aktar fiduċja min-naħa tal-konsumatur fuq l-internet;

43.   Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi qafas legali biex tiżgura livell għoli ta’ fiduċja fl-ispazju diġitali – kummerċjali u mhux – sabiex l-industriji kulturali u kreattivi, min-naħa l-waħda, u l-konsumaturi, mill-oħra, ikunu jistgħu jagħmlu użu sħiħ mill-kanali ta' distribuzzjoni diġitali mingħajr il-biża’ li jiġu mfixkla minn prattiki qarrieqa jew abbużivi;

44.   Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw b’mod partikolari r-rwol tal-libreriji bħala istituzzjonijiet għat-tixrid tal-kultura u bħala fora għad-djalogu; jikkunsidra li l-libreriji, flimien mas-settur edukattiv u kulturali, għandhom jingħataw ir-responsabilità u r-riżorsi għat-tranżizzjoni diġitali; ifakkar li dan il-proċess huwa wieħed urġenti, billi l-libreriji Ewropej anki issa għandhom biss mezzi limitati biex jaqilbu b’mod sodisfaċenti għall-midja diġitali;

45.   Jisħaq b'mod partikulari fuq l-importanza li tiġi estiża l-librerija diġitali Ewropea u li tiġi żviluppata bħala punt fokali għall-projezzjoni tal-patrimonju kulturali, il-memorja kollettiva u l-kreattività tal-Ewropa, u bħala punt ta' tluq għall-attivitajiet edukattivi, kulturali, innovattivi u imprenditorjali; jirrimarka li l-iskambji artistiċi jikkostitwixxu wieħed mill-pilastri li fuqhom jistrieħu l-patrimonju kulturali u l-ekonomija tagħna, u li l-kontinwità tagħhom għalhekk għandha tiġi ssalvagwardjata permezz ta’ mekkaniżmi xierqa għat-trasferiment tal-għerf u tal-kapaċitajiet;

46.   Jenfasizza l-ħtieġa li tingħata l-attenzjoni dovuta lill-isfidi li jiffaċċjaw is-setturi tradizzjoni tal-industriji kulturali u kreattivi, bħal pereżempju l-pubblikazzjoni tal-kotba, il-bejgħ tal-kotba u l-midja stampata;

47.   Jistieden lill-Kummissjoni tieħu inizjattivi għall-promozzjoni u ż-żieda tal-litteriżmu diġitali minħabba l-bidla dejjem tikber lejn il-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta' kontenut diġitali mill-industrija tal-pubblikazzjoni; jisħaq li l-pubblikaturi għandhom ikunu involuti mill-qrib fl-inizjattivi dwar il-litteriżmu fil-midja diġitali;

Lejn suq intern għall-kontenut kulturali u kreattiv

48.   Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jistabbilixxu suq uniku diġitali Ewropew u mekkaniżmi ta’ appoġġ tekniku u finanzjarju għall-industriji kulturali u kreattivi bil-ħsieb li jiġi diġitalizzat il-patrimonju kulturali, kif ukoll jintroduċu standards Ewropej komuni;

49.   Jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni u s-suċċess ta’ malajr tal-inizjattiva tal-Aġenda Diġitali bil-għan li l-industriji kulturali u kreattivi jkunu jistgħu jibbenefikaw għalkollox u jadattaw b'suċċess għall-opportunitajiet kollha maħluqa mill-broadband estensiv ta’ veloċità għolja u mit-teknoloġiji wireless ġodda;

50.   Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jieħdu l-passi meħtieġa biex jimplimentaw suq intern Ewropew għall-kontenut kulturali u kreattiv fuq l-internet u jiggarantixxu l-aċċess għaċ-ċittadini Ewropej għal dan il-kontenut, waqt li jiżguraw il-protezzjoni u r-rimunerazzjoni ġusta għal dawk li għandhom id-dritt għalihom, u l-konsolidazzjoni tal-kanali kollha ta’ finanzjament għas-settur kreattiv;

51.   Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-mudelli ekonomiċi ġodda u innovattivi fis-settur kulturali u kreattiv, li huma adattati għall-impatt tal-globalizzazzjoni u l-isfidi tal-era diġitali, speċifikament f’dak li jirrigwarda l-industriji tal-kontenut;

52.   Jenfasizza l-importanza, biex jinħolqu kundizzjonijiet ta' aċċess ugwali għall-pjattaformi u tagħmir ġodda, tal-interoperabilità u l-istandards; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-interoperabilità bejn il-pjattaformi, tiżviluppa standards li jgħinu biex jinħoloq suq li jiffaċilita l-innovazzjoni u tevita li tuża sistemi li jistgħu jrażżnu l-aċċess għal kontenut diversifikat;

53.   Jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi l-użu, id-disseminazzjoni u l-iżvilupp ta' software open source u standards miftuħin li jirrappreżentaw potenzjal għall-innovazzjoni, il-kreattività, id-disseminazzjoni tal-għerf u l-ħolqien tal-impjiegi;

54.   Jinnota li l-frammentazzjoni tas-suq fis-setturi kulturali u kreattivi hija parzjalment dovuta għad-diversità kulturali u l-preferenza lingwistiċi tal-konsumaturi;

55.   Jisħaq fuq l-importanza li jiġi kkunsidrat l-aħjar mod kif jiġi adattat il-qafas legali – u b’mod partikulari r-regoli dwar il-politika għall-kompetizzjoni – għall-qagħda speċifika tas-settur kulturali sabiex jiġu ggarantiti d-diversità kulturali, kif ukoll l-aċċess tal-konsumatur għal firxa ta' kontenut u servizzi kulturali ta’ kwalità għolja;

56.   Jinnota li l-kummerċ diġitali u l-internet qed jiżviluppaw b'pass mgħaġġel, bil-"ġenerazzjonijiet" tat-teknoloġija jiqsaru ġeometrikament; jemmen, għaldaqstant, li għandhom isiru tentattivi biex ir-reazzjoni regolatorja tal-UE ssir konformi mar-rekwiżiti soċjali u kummerċjali attwali sabiex ma titlifx is-sens tagħha billi taqa' lura u xxekkel l-isfruttar sħiħ tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi tal-Istati Membri tal-UE;

57.   Jenfasizza l-ħtieġa li ssir riflessjoni dwar il-kundizzjonijiet ottimali għall-iżvilupp ta’ dan is-suq uniku, b'mod partikulari fir-rigward tat-tassazzjoni, pereżempju, fir-rigward tat-tnaqqis f’ras il-għajn applikabbli għad-dħul mid-drittijiet tal-awtur, billi tippermetti l-introduzzjoni ta’ rata tal-VAT imnaqqsa għall-beni u s-servizzi kulturali kemm fuq l-internet u kemm mhux, sabiex tippromwovi l-iżvilupp tagħhom;

58.   Jisħaq fuq il-fatt li r-regoli tal-VAT u n-nuqqas ta' metodi ta' ħlas aċċessibbli għall-bejgħ fuq l-internet joħolqu wkoll ostaklu għall-funzjonament kif suppost tas-suq intern u hemm bżonn jiġu indirizzati b'urġenza;

59.   Jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tippreżenta, kemm jista' jkun malajr, proposti leġiżlattivi konkreti dwar kif jistgħu jiġu affrontati dawn il-kwistjonijiet sabiex jintgħelbu l-ostakli eżistenti għall-iżvilupp tas-suq intern, b'mod partikolari fl-ambjent fuq l-internet, filwaqt li jiġu rrispettati d-domanda tal-konsumatur u d-diversità kulturali;

60.   Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra, b’referenza għall-inizjattiva emblematika “Aġenda Diġitali”, il-ħtieġa li jiġi appoġġat l-aġġustament tas-settur Ewropew tal-pubblikazzjoni elettronika għall-isfidi imposti mill-kompetizzjoni, billi jinħolqu kondizzjonijiet li jiffavorixxu l-interoperabilità tas-sistemi, it-trasferibilità minn apparat għall-ieħor u l-kompetizzjoni ġusta;

Id-drittijiet tal-proprjetà intelletwali

61.   Jenfasizza li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huma assi fundamentali għall-kumpaniji kreattivi u inċentiv għall-kreattività individwali u l-investiment fil-ħolqien; jitlob, għaldastant, skemi biex l-industriji kulturali u kreattivi jiġu mgħejjuna jadattaw għall-bidla diġitali permezz ta' servizzi ġodda fuq l-internet ibbażati fuq forom ġodda ta' ġestjoni tad-drittijiet li jippromwovu d-drittijiet tal-awturi; jitlob, ukoll, għal qafas regolatorju bbilanċjat li jirregola l-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

62.   Jenfasizza l-ħtieġa għal infurzar effikaċi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fl-ambjenti tal-internet u mhux, u, f'dak ir-rigward, jisħaq fuq il-fatt li kwalunkwe miżura għandha tkun evalwata b'attenzjoni sabiex tiggarantixxi l-effiċjenza, il-proporzjonalità u l-konformità tagħhom mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

63.   Jistieden lill-Kummissjoni tadatta d-dritt tal-awtur għall-era diġitali biex tippermetti lill-industriji kulturali u kreattivi jaħsdu l-benefiċċji maħluqa mit-teknoloġija diġitali u l-konverġenza tal-midja u tikkunsidra modi speċifiċi kif tiffaċilita l-użu tal-kontenut kreattiv u l-materjal arkivjat, timplimenta sistemi estiżi ta’ liċenzjar kollettiv u sistemi one-stop-shop faċli biex jinkisbu permessi għall-użu tad-drittijiet;

64.   Jisħaq, f'dan il-kuntest, fuq ir-rwol essenzjali tas-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur għall-iżvilupp tal-kreattività Ewropea u l-ekonomija diġitali; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi, fil-kuntest tat-tfassil li għaddej attwalment ta' proposta għal direttiva dwar il-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet, qafas legali xieraq għas-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur u r-riaggregazzjoni tar-repertorju tad-drittijiet tal-awtur;

65.   Jistieden lill-Kummissjoni tippermetti l-vijabilità ta’ sistema ta’ liċenzjar pan-Ewropea li tkun tibni fuq il-mudelli ta’ liċenzji individwali u kollettivi eżistenti tad-drittijiet f’diversi territorji u tiffaċilita t-tnedija ta’ servizzi b’għażla varjata ta’ kontenut, biex b’hekk jiżdied l-aċċess legali għall-kontenut kulturali fuq l-internet;

66.   Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar metodi effikaċi bil-għan li jqajmu l-kuxjenza pubblika dwar l-impatt tal-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali;

67.   Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, flimkien mal-partijiet interessati, jorganizzaw kampanja biex titqajjem kuxjenza fil-livell Ewropew, nazzjonali u lokali, speċjalment fost il-konsumaturi żgħażagħ Ewropej, dwar il-ħtieġa li jiġu rrispettati d-drittijiet tal-proprjetà intelletwali;

68.   Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaffrontaw il-prattiki kummerċjali abbużivi u l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, li tagħhom jistgħu jkunu vittmi l-industriji kulturali u kreattivi kemm fl-ekonomija reali, kif ukoll f’dik diġitali;

69.   Jisħaq fuq il-ħtieġa li finalment tiġi indirizzata “l-karestija ta' kotba” esperjenzata minn dawk b'diżabilità fil-vista u dawk b’diżabilità biex jaqraw il-kitba stampata; ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dwar l-obbligi tagħhom skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilitajiet biex jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jiżguraw li l-persuni b’diżabilitajiet igawdu minn aċċess għall-materjal kulturali f’formati aċċessibbli, u biex jiżguraw li l-liġijiet li jipproteġu d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ma jikkostitwixxux xkiel mhux raġonevoli jew diskriminatorju għall-aċċess għall-materjal kulturali minn persuni b’diżabilitajiet;

70.   Jistieden lill-Kummissjoni taħdem b'mod attiv u pożittiv fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) biex jinstab qbil dwar norma legali vinkolanti, ibbażata fuq il-proposta għal trattat imfassla mill-Unjoni Dinjija għall-Persuni Neqsin mid-Dawl u mqiegħda fuq il-mejda fil-WIPO fl-2009;

71.   Jisħaq fuq il-ħtieġa li tissolva l-kwistjoni ta’ xogħlijiet orfni; jilqa’ l-intenzjoni ddikjarata tal-Kummissjoni biex tippreżenta proposti f’dan il-qasam; jinnota li l-problema ta’ xogħlijiet orfni u “l-ħofra s-sewda tas-seklu għoxrin” mhumiex limitati għax-xogħlijiet stampati bħal pereżempju l-kotba u r-rivisti, iżda hija estiża għal kull tip ta’ xogħol, inklużi r-ritratti, il-mużika u x-xogħlijiet awdjoviżivi;

72.   Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ l-appoġġ finanzjarju għall-inizjattivi tas-settur privat biex jinħolqu drittijiet u databases tar-repertorji estensivament aċċessibbli dwar ir-repertorji mużikali, awdjoviżivi u ta' tip ieħor; id-databases ta' dan it-tip iżidu t-trasparenza u jissemplifikaw il-proċeduri għall-ksib ta' permessi għall-użu tad-drittijiet;

73.   Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ it-twaqqif ta’ mekkaniżmu alternattiv ekwu, imparzjali u effikaċi għas-soluzzjoni tat-tilwim għall-partijiet interessati kollha;

74.   Hu tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tqis il-problemi speċifiċi li jiltaqgħu magħhom l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju meta jiġu biex jasserixxu d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tagħhom f'konformità mal-prinċipju 'Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir' stabbilit mill-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa, inter alia billi jiġi applikat il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju;

75.   Jilqa' r-reviżjoni tal-Kummissjoni tas-sistema tal-UE tat-trademarks u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li jittieħdu l-passi rilevanti biex jiġi żgurat li t-trademarks ikunu jistgħu jgawdu mill-istess livell ta' protezzjoni fl-ambjent tal-internet u mhux;

Finanzjament għall-industriji kulturali u kreattivi

76.   Ifakkar li l-politiki u l-miżuri kollha għall-appoġġ u l-finanzjament għall-industriji kulturali u kreattivi għandhom iqisu l-karatteristiki ta' kull fergħa tas-settur;

77.   Jistieden lill-Kummissjoni tagħti lill-industriji kulturali u kreattivi l-istatus ta’ intrapriżi żgħar u ta' daqs medju minnhom innifishom fir-rigward tal-arranġamenti kollha għall-aċċess għall-kreditu, l-appoġġ tal-bidu u l-protezzjoni tal-impjiegi, li għandhom ikunu adattati b’mod adegwat għall-ispeċifiċitajiet tas-settur, b’referenza partikulari għall-kapitalizzazzjoni baxxa, id-ditta bħala assi, ir-riskju għoli fl-istadju bikri, l-impatt kbir tat-teknoloġija informatika, l-impjieg irregolari u l-ħtieġa għal servizzi ċentralizzati;

78.   Jistieden lill-atturi kollha kkonċernati jikkunsidraw li jintroduċu strumenti finanzjarji ġodda innovattivi, kemm f'livell Ewropew, kif ukoll f'dak nazzjonali, bħall-miżuri ta’ garanzija bankarja, self antiċipat ripagabbli u fondi ta’ kapital ta' riskju, li jqisu l-ħtiġijiet ta’ dawn l-industriji u speċjalment il-fatt li l-unika forma ta’ kapital għall-kreaturi, f’ħafna każijiet, mhijiex waħda materjali;

79.   Jargumenta favur il-mobilizzazzjoni tal-fondi u tal-programmi eżistenti tal-UE (bħall-Faċilità ta' Mikrofinanzjament), u l-applikazzjoni semplifikata għalihom, għall-iżvilupp tal-impriżi żgħar u tal-mikroimpriżi fis-settur kulturali u kreattiv, bil-ħsieb li jiġi ottimizzat l-appoġġ għall-impriżi billi jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-possibilitajiet ta' finanzjament;

80.   Jipproponi l-introduzzjoni ta' mikrofinanzjamenti fuq żmien qasir biex jitħeġġu l-isperimentazzjoni u l-iżvilupp ta' proġetti kulturali u kreattivi innovattivi;

81.   Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tivvaluta r-rilevanza tal-fondi strutturali, kif ukoll tal-programmi attwali u futuri fl-oqsma tal-kultura, tal-midja awdjoviżiva, taż-żgħażagħ u l-edukazzjoni, f’termini tal-potenzjal tagħhom biex javvanzaw is-settur kreattiv, u li ssawwar konklużjonijiet u taġixxi fuqhom biex ikun hemm politika ta’ appoġġ aħjar;

82.   Jirrikonoxxi, ukoll, l-effikaċja tal-programmi tal-UE, bħall-Programm għall-Innovazzjoni u l-Kompetittività, biex l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju jkun jista’ jkollhom aċċess għall-finanzjament, u jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha tivvaluta l-possibilità li jitfasslu programmi speċifiċi simili għall-industriji kulturali u kreattivi;

83.   Jistieden lill-Kummissjoni tikkundsidra li tistabbilixxi linja baġitarja speċifika taħt l-inizjattiva emblematika "Aġenda Diġitali" bħala appoġġ għall-bidla lejn sistemi diġitali fis-swali taċ-ċinema Ewropej, sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini kollha tal-UE jkollhom aċċess għall-kontenut li jirrifletti l-identitajiet differenti tal-Ewropea u sabiex is-settur tal-films Ewropew kollu kemm hu jsir aktar kompetittiv;

84.   Jenfasizza l-importanza ta' patroċinji u sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat fil-finanzjament u l-appoġġ għall-attivitajiet kulturali u kreattivi, u jitlob li jittejjeb l-aċċess għall-kreditu għal dawn is-setturi u li jiġu eżaminati formuli alternattivi bħall-eżenzjoni mit-taxxa jew l-inċentivi fiskali biex jitħeġġeġ l-patroċinju mill-impriżi;

85.   Jisħaq fuq l-importanza li l-professjonisti fis-settur bankarju jkunu mħarrġa biex jipprovdu konsulenza dwar il-finanzjament ta’ proġetti kulturali u kreattivi biex ikun hemm aċċess aħjar għall-kreditu mill-istituzzjonijiet finanzjarji;

86.   Jisħaq fuq l-importanza li jiġu żviluppati servizzi ta’ konsultazzjoni u konsulenza dwar il-finanzi u l-ġestjoni kummerċjali biex dawk li jaħdmu fis-settur kulturali u kreattiv, u b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u n-negozji żgħar ħafna, ikunu jistgħu jifhmu l-għodod meħtieġa għal ġestjoni kummerċjali tajba sabiex jitjiebu l-ħolqien, il-produzzjoni, il-promozzjoni u d-distribuzzjoni tal-beni u s-servizzi kulturali;

87.   Jisħaq fuq il-ħtieġa li jitħarrġu professjonisti kapaċi jiżguraw il-vijabilità ekonomika u finanzjarja ta’ proġetti kulturali u kreattivi sabiex jitjieb l-aċċess għall-kreditu quddiem istituzzjonijiet finanzjarji u bankarji li ġeneralment ma jkunux familjari mal-karatteristiki speċifiċi ta’ dan is-settur;

88.   Jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-Aġenda Diġitali, tgħin lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju attivi fl-industriji kulturali u kreattivi fit-tfittxija tagħhom għal mudelli kummerċjali innovattivi fuq l-internet li jkunu kompetittivi u favorevoli għall-konsumatur u bbażati fuq il-kofinanzjament u l-kondiviżjoni tar-riskji bejn l-industriji kulturali u kreattivi u l-intermedjarji;

89.   Jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-proċeduri tal-akkwist pubbliċi ma jinvolvux spejjeż u burokrazija żejda bla bżonn għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju;

90.   Jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tat-tnedija f’Diċembru 2011 tat-tmien Programm Qafas għar-Riċerka, tipprovdi fondi għall-implimentazzjoni ta’ proġetti imprenditorjali u negozji ġodda proposti minn żgħażagħ taħt il-35 sena fis-settur tal-industriji kulturali u kreattivi;

91.   Jitlob li jingħata finanzjament ta’ prijorità taħt il-programm ENPI RIP 2011-2013 lill-industriji kulturali u kreattivi, b’referenza partikolari għas-settur awdjoviżiv u l-produzzjoni u d-distribuzzjoni tax-xogħlijiet awdjoviżivi fir-reġjun Ewro-Mediterran;

92.   Jissuġġerixxi li jintuża l-qafas tal-Alleanza tal-Industriji Kreattivi Ewropej (AIKE) biex tiġi pprovduta pjattaforma għall-aċċess għall-informazzjoni u konsulenza dwar l-istat ta’ tħejjija għall-investiment u strateġiji kummerċjali fuq żmien twil, l-aċċess għas-self, fondi ta’ garanzija u investiment transkonfinali mis-settur privat, u jitlob li tiġi esplorata l-possibilità li jitwaqqaf Bank tal-Industriji Kreattivi;

93.   Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajet lokali u reġjonali joħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-industriji kulturali u kreattivi biex jistabbilixxu kuntatt mal-organizzazzjoni li x’aktarx jipprovdulhom finanzjament, u jistieden lil dawk l-awtoritajiet iqajmu kuxjenza fost l-organizzazzjonijiet finanzjarji dwar is-sitwazzjoni speċifika tal-industriji kulturali u kreattivi biex jikkonvinċuhom jinvestu f’dawn l-industriji u, b’mod aktar partikolari, fl-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u f’negozji żgħar ħafna, abbażi ta’ proġetti kulturali b’potenzjal ekonomiku qawwi;

94.   Iħeġġeġ lill-korpi lokali, territorjali u reġjonali jaraw li l-istituzzjonijiet finanzjarji jsiru iktar konxji dwar il-karatteristiki speċjali tal-industriji kulturali u kreattivi sabiex dawn ikunu motivati jinvestu f’dawn l-industriji u b’mod partikolari fl-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju;

Koperazzjoni lokali u reġjonali

95.   Jenfasizza li l-industriji kulturali u kreattivi ta' spiss jikkontribwixxu għat-trasformazzjoni tal-ekonomiji lokali f'diffikultà billi jħeġġu l-feġġa ta' attivitajiet ekonomiċi ġodda, joħolqu impjiegi ġodda u sostenibbli u jsaħħu l-attraenza tar-reġjuni u l-bliet Ewropej, biex b'hekk jaqdu l-interessi tal-koeżjoni soċjali u territorjali;

96.   Jenfasizza li l-kultura għandha rwol essenzjali x'tiżvolġi f’termini tal-iżvilupp sostenibbli tat-territorji transkonfinali u huwa konxju mill-fatt li l-infrastrutturi u l-faċilitajiet tal-industriji kulturali u kreattivi jistgħu jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-koeżjoni territorjali; jemmen li t-tqanqil tal-kultura u tal-kreattività hu parti integrali mill-koperazzjoni territorjali li għandha tissaħħaħ;

97.   Jistieden lill-korpi kollha involuti fil-livell lokali jużaw il-programmi ta’ koperazzjoni territorjali sabiex jużaw u jittrasferixxu l-aħjar prattiki għall-iżvilupp tas-settur tal-industriji kulturali u kreattivi;

98.   Jirrakkomanda, min-naħa l-waħda, li titwettaq riċerka iktar intensiva dwar l-interdipendenza tal-provvista tal-kultura u l-lokalità tan-negozji kulturali u kreattivi, kif ukoll is-sinifikat mifrux mal-UE tal-kultura bħala fattur fid-deċiżjonijiet tal-kumpaniji fejn jistabbilixxu ruħhom; u, mill-oħra, li jingħata appoġġ lir-riċerka akkademika dwar l-impatt li għandhom in-negozji kulturali u kreattivi fuq il-postijiet fejn jistabbilixxu ruħhom;

99.   Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkatalogaw l-għerf disponibbli dwar il-prattiki, il-ħtiġijiet u l-esperjenzi t-tajba tal-koperazzjoni kulturali u kreattiva transkonfinali u territorjali, sabiex tinkiseb ħila speċifika fil-kultura, il-kreattività u t-territorji transkonfinali (partikolarment f’oqsma li ftit li xejn huma esplorati bħar-rabta bejn il-kultura, il-kreattività u l-ekonomija) u sabiex jitfasslu strateġiji transkonfinali għall-ġestjoni tal-patrimonju u r-riżorsi kulturali;

100. Jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jistabbilixxu postijiet għal-laqgħat u jistabbilixxu l-bażi għall-ħolqien ta' netwerks lokali biex titqajjem kuxjenza dwar l-industriji kulturali u kreattivi fost dawk li jaħdmu fis-settur, permezz tal-kondiviżjoni tal-kompetenzi, l-esperimentazzjoni, it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ fit-teknoloġiji l-ġodda, bħat-teknoloġiji diġitali, kif ukoll fost il-pubbliku ġenerali permezz ta’ taħriġ, dibattiti u avvenimenti artistiċi u kulturali oħra, u jiżviluppaw ċentri ta’ kreattività u inkubaturi li jippermettu li l-professjonisti żgħażagħ u n-negozji kreattivi jaħdmu f’netwerk, jippromwovu l-innovazzjoni u jżidu l-viżibilità tas-settur;

101. Jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jingħaqdu flimkien f’netwerks bil-ħsieb li jagħmlu skambju il-prattiki tajbin u jwaqqfu proġetti pilota transkonfinali u transnazzjonali;

102. Jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jikkontribwwixxu b’mod sinifikanti għal tixrid u ċirkolazzjoni aħjar tal-beni kulturali billi jorganizzaw, jappoġġaw u jippromwivu avvenimenti kulturali;

103. Jinnota li l-infrastrutturi u l-faċilitajiet kulturali u kreattivi jiżvolġu rwol importanti fl-iżvilupp tal-ambjent fiżiku tal-bliet, fil-ħolqien ta’ ambjent attraenti għall-investiment u, b’mod partikolari, fir-rijabilitazzjoni u r-rivitalizzazzjoni tad-distretti industrijali antiki, u li l-patrimonju kulturali jagħti valur miżjud u jżid l-individwalità fl-iżvilupp u t-tiġdid taż-żoni rurali, speċjalment permezz tal-kontribut tiegħu għat-turiżmu rurali u l-prevenzjoni tad-depopolazzjoni ta’ dawn iż-żoni;

104. Jikkunsidra wkoll li hu fattur sinifikanti ħafna fil-kuntest tal-istrateġiji għar-rijabilitazzjoni ta’ distretti industrijali antiki, kif ukoll fil-politiki għad-definizzjoni tal-isferi settorjali l-ġodda tat-turiżmu li qed jitfaċċaw u fid-definizzjoni mill-ġdid tat-turiżmu tradizzjonali;

105. Jemmen għalhekk li l-istabbiliment ta’ industriji kulturali u kreattivi u l-iżvilupp ta’ dawk li diġà jeżistu jridu jiġu appoġġati permezz ta' strateġiji ta’ żvilupp nazzjonali, reġjonali u lokali, fi sħubija bejn l-awtoritajiet pubbliċi li jirrappreżentaw id-diversi oqsma politiċi, l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili rilevanti;

106. Iħeġġeġ għalhekk lill-Istati Membri u lir-reġjuni joħolqu opportunitajiet għall-koperazzjoni ta' dan it-tip, ifasslu politiki li jagħqdu l-investiment fl-infrastruttura mal-investiment fil-kapital uman, u jesploraw l-iskemi ta’ vawċers ta’ innovazzjoni biex jgħinu lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u lill-individwi kreattivi u kulturali jiksbu ħiliet professjonali;

107. Jemmen li l-Kummissjoni tista’ tagħti iktar attenzjoni lill-arranġamenti ta’ ġemellaġġ bejn il-bliet, il-muniċipalitajiet u r-reġjuni, li għal ħafna snin ipprovdew forum eċċellenti għall-koperazzjoni kulturali u kreattiva u għall-iskambju tal-informazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi, f'koperazzjoni mal-assoċjazzjonijiet Ewropej tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, inizjattivi ta' ġemellaġġ u skambju moderni u ta' kwalità għolja li jinvolvu lill-partijiet kollha tas-soċjetà;

108. Jissuġġerixxi t-twaqqif ta’ programm ta’ azzjoni ddedikat għall-promozzjoni u l-koperazzjoni kulturali transkonfinali, bħala parti mis-Sena Ewropea tal-Volontarjat;

Il-Kapitali Ewropea tal-Kultura

109. Jenfasizza r-rikonoxximent estensiv tal-inizjattiva tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura bħala "laboratorja" għall-iżvilupp urban permezz tal-kultura; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi din l-inizjattiva u tiżgura l-kundizzjonijiet tajbin għat-trasferiment tal-aħjar prattiki, il-koperazzjoni kulturali u t-twaqqif ta' netwerks għall-kondiviżjoni tal-esperjenza dwar l-opportunitajiet tal-industriji kulturali u kreattivi sabiex isir użu mill-potenzjal sħiħ ta' dawn is-setturi;

110. Jitlob li jiġi inkluż dibattitu dwar il-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi fil-programm tal-avvenimenti li jiċċelebraw il-Kapitali Ewropej tal-Kultura;

Il-moda u t-turiżmu

111. Jikkunsidra li l-moda u t-turiżmu kulturali u sostenibbli għandhom jiżdiedu mas-setturi identifikati fil-Green Paper bħala dawk is-setturi li jiffurmaw parti mill-industriji kulturali u kreattivi; jindika li ż-żewġ setturi huma kkaratterizzati minn grad għoli ta' kreattività u spirtu imprenditorjali li għandhom impatt sinifikattiv fuq l-ekonomija u l-kompetittività internazzjonali tal-UE;

112. Jenfasizza l-importanza konsiderevoli tat-turiżmu għall-industriji kulturali u kreattivi u jirrakkomanda li l-Kummissjoni tħeġġeġ lill-bliet u r-reġjuni jagħmlu użu ikbar mill-kultura bħala assi uniku, jikkoperaw iktar mill-qrib ma’ xulxin fil-qasam tat-turiżmu kulturali, jiżviluppaw forom ta’ koperazzjoni bejn is-settur kulturali u dak tat-turiżmu u jappoġġaw liż-żewġ setturi fi sforzi ta’ kummerċjalizzazzjoni konġunta;

Ir-relazzjonijiet internazzjonali u l-kummerċ

113. Jenfasizza l-importanza tal-Konvenzjoni tal-Unesco msemmija hawn fuq bħala strument essenzjali biex jiġi ggarantit li "l-eċċezzjoni kulturali" fil-kummerċ internazzjonali fil-prodotti u s-servizzi ta’ natura kulturali u kreattiva tinżamm fi ħdan il-qafas internazzjonali tad-WTO;

114. Jinnota li fir-rigward tal-promozzjoni tal-iskambju u d-diversità kulturali, l-aċċess għas-swieq ta’ pajjiżi terzi huwa soġġett għal ħafna barrieri tariffarji u mhux tariffarji li, flimkien man-nuqqas ta’ sigurtà tan-netwerks għad-distribuzzjoni u l-isfruttar, jagħmluha diffiċli biex il-kultura Ewropea jkollha preżenza ġenwina;

115. Jisħaq fuq il-potenzjal kbir tal-industrija kulturali u kreattiva fil-kummerċ internazzjonali u jassumi li s-sinifikat tagħha qed jiġi sottovalutat minħabba d-diffikultà biex tinġabar id-data;

116. Jistieden lill-Kummissjoni, fil-prospettiva tal-proliferazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali bilaterali, tressaq lill-Parlament strateġija ċara u ġenerali dwar il-protokolli ta’ koperazzjoni kulturali mehmużin ma’ dawk il-ftehimiet, bil-ħsieb li l-offerta Ewropea ta' koperazzjoni tiġi adattata għall-ħtiġijiet u l-karatteristiki speċifiċi tal-industriji kulturali u kreattivi fil-pajjiżi sħab, f’konformità mal-impenji meħuda fid-WTO u mal-ispirtu u l-kelma tal-Konvenzjoni tal-Unesco;

117. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jagħtu spinta lill-esportazzjoni ta’ prodotti u servizzi kulturali u kreattivi u jistinkaw biex iżidu l-prominenza tal-industriji kulturali u kreattivi tal-Ewropa barra mill-UE;

o

o         o

118.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

http://unesdoc.unesco.org/images/0014/001429/142919e.pdf

(2)

ĠU L 201, 25.7.2006, p. 15.

(3)

ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1.

(4)

ĠU L 372, 27.12.2006, p. 1.

(5)

ĠU L 327, 24.11.2006, p. 12.

(6)

ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 16.

(7)

ĠU C 76 E, 25.3.2010, p. 16.

(8)

ĠU C 247 E, 15.10.2009, p. 32.

(9)

ĠU C 247 E, 15.10.2009, p. 25.

(10)

ĠU C 125 E, 22.5.2008, p. 223.

(11)

http://ec.europa.eu/culture/our-policy-development/doc/CONS_NATIVE_CS_2009_08749_1_EN.pdf

(12)

http://unesdoc.unesco.org/images/0011/001114/111428mo.pdf

(13)

ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1.


NOTA SPJEGATTIVA

Huwa żmien tajjeb għall-Green Paper tal-Kummissjoni Ewropea, li qed tniedi dibattitu dwar "l-esplojtazzjoni tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi" u tirrikonoxxi uffiċjalment l-importanza ekonomika u soċjali ta' dan is-settur. Fi ħdan l-Unjoni Ewropea u mis-snin disgħin, kien hemm żieda esponenzjali tal-industriji kulturali u kreattivi fir-rigward tal-ħolqien tal-impjiegi u tal-kontribuzzjoni għall-PDG.

L-isfida tal-globalizzazzjoni u l-wasla tal-era diġitali joffru okkażjonijiet ġodda u importanti għall-iżvilupp ta' dawn l-industriji u jistgħu jtejbu l-potenzjal tagħhom biex joħolqu tkabbir u impjiegi, potenzjal li s'issa ftit ġie sfruttat. Fil-fatt, hemm bżonn ta' investimenti strateġiċi sabiex l-industriji kulturali u kreattivi jagħtu spinta lid-diversità kulturali, il-koeżjoni soċjali u territorjali, it-tkabbir u l-impjiegi. Għaldaqstant, hemm bżonn li jiġu implimentati l-mezzi xierqa, li l-industriji kulturali u kreattivi jiġu mgħejjuna jiżviluppaw fl-ambjent lokali u reġjonali tagħhom u li ngħaddu għal ekonomija kreattiva billi l-effetti sekondarji tagħhom jiġu kkatalizzati f'firxa wiesgħa ta' kuntesti ekonomiċi u soċjali. Fil-fatt, iktar ma tkun densa l-offerta diġitali ta' kontenut awdjoviżiv Ewropew, iktar il-kontenut ta' identità Ewropea ikun kapaċi jkollu effett fuq id-diversità kulturali. Barra minn hekk, is-settur kreattiv jikkontribwixxi b'mod sinifikattiv għall-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, peress li jiżvolġi rwol important fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali.

F'dan il-kuntest hemm bżonn li tiġi implimentata dinamika tassew Komunitarja biex jitqanqlu l-industriji kulturali u kreattivi. Din hi r-raġuni għalfejn l-industriji għandu jkollhom mudelli ekonomiċi innovattivi u jaċċedu għal offerti ta' servizzi ġodda fuq l-internet li jkunu legali. Għaldaqstant hu imperattiv li jinħoloq suq tassew uniku għall-kontenut u s-servizzi fuq l-internet, li jiġu implimentati azzjonijiet speċifiċi bil-ħsieb li l-industriji kulturali u kreattivi jkollhom rwol akbar bħala katalizzaturi tal-innovazzjoni u tal-bidla strutturali, li jingħaqdu flimkien l-atturi fil-livelli reġjonali, nazzjonali u Ewropew u li jinħolqu prodotti u servizzi ġodda li jiġġeneraw it-tkabbir u l-impjiegi.

Fl-Ewropa, is-settur kulturali jiżvolġi rwol fundamentali u jservi ta' attrazzjoni għaċ-ċittadini, l-intrapriżi u l-investimenti. Jivvalorizza wkoll lill-Ewropa bħala post dinamiku u stimultanti fejn wieħed jgħix u jaħdem. Hu ċar li settur kulturali enerġiku u li qed jikber hu essenzjali biex l-Ewropa jkollha suċċess f'dak li għandu x'jaqsam ma' ekonomija kreattiva, imsejsa fuq l-għerf. Is-settur kulturali jiġbed ukoll lill-persuni kwalifikati u kreattivi. Illum hu magħruf li l-industriji kulturali u kreattivi huma wkoll muturi importanti għall-innovazzjoni ekonomika u soċjali f'diversi setturi oħrajn.

Fi żmien meta wħud mis-sħab internazzjonali tagħna diġà qed jisfruttaw sew id-diversi riżorsi tal-industriji kulturali u kreattivi, l-Unjoni Ewropea għad trid tfassal strateġija li tibbaża fuq l-assi kulturali tagħha l-qawwa u l-kreattività tal-ekonomija tagħha, kif ukoll il-koeżjoni tas-soċjetà tagħha.

F'din il-perspettiva, il-Green Paper trid tagħmel iktar. Sabiex ikunu jistgħu jilliberaw kompletament il-potenzjal kulturali u ekonomiku doppju tagħhom, l-industriji kulturali u kreattivi għandhom ikabbru l-kapaċità ta' esperimentazzjoni u innovazzjoni tagħha, kif ukoll jibbenefikaw minn taħlita ta' kompetenzi xierqa u aċċess għall-finanzjament. Grazzi għall-ekonomija kreattiva, il-professjonisti tal-kultura huma l-muturi tas-soċjetà tal-għerf u jsiru l-għajn tal-iżvilupp ekonomiku u tal-armonija soċjali. Peress li l-ekonomiji tagħha huma dejjem aktar imsejsa fuq is-servizzi mhux materjali, l-industriji kulturali u kreattivi jagħtu dimensjoni akbar għall-valur miżjud kreattiv. Il-mutur tat-tkabbir sostenibbli hu speċifikament ibbażat fuq investimenti fit-tul fil-potenzjal kreattiv tal-Ewropa.

It-twaqqif ta' suq intern ta' vera jirrappreżenta prijorità sabiex jissaħħu l-impjiegi u l-koeżjoni soċjali u sabiex ikun hemm tkabbir ekonomiku sostenibbli biex l-Unjoni Ewropea ssir l-ekonomija msejsa fuq l-għerf l-aktar kompetittiva u l-aktar dinamika fid-dinja, akkumpanjat b'titjib kwantitattiv u kwalitattiv tal-impjiegi. Għaldaqstant hemm bżonn tintgħaraf l-ispeċifiċità tas-settur kulturali kollu kemm hu u hu importanti ħafna li jitqies fir-regolamentazzjoni Ewropea dwar il-kummerċ internazzjonali, is-suq intern, il-kompetittività u t-taxxa.

L-industriji kulturali u kreattivi huma kkaratterizzati minn natura doppja (li tiddistingwihom minn kull industrija oħra), kemm ekonomika, minħabba l-kontribut li jagħtu f'dak li għandu x'jaqsam ma' impjiegi, tkabbir u ħolqien ta' ġid, imma fuq kollox kulturali, permezz tal-attivitajiet tagħhom li jikkontribwixxu għall-iżvilupp u l-integrazzjoni soċjali u kulturali taċ-ċittadini. Peress li jħeġġu l-kreattività u peress li, permezz tal-innovazzjoni tagħhom, itejbu l-proċessi ta' distribuzzjoni u produzzjoni, dawn l-industriji jiżvolġu, fl-Unjoni Ewropea, rwol ewlieni fil-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika, tal-pluraliżmu, tal-koeżjoni soċjali u territorjali, imma anke fid-demokratizzazzjoni tal-aċċess għall-kultura u l-promozzjoni tad-djalogu interkulturali. Għaldaqstant, kundizzjoni sine qua non tal-preżervazzjoni tad-diversità kulturali Ewropea hi r-rimunerazzjoni b'mod ġust tal-kreazzjoni permezz tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali.

Hemm bżonn ukoll li jiġu ffaċilitati l-mobilità u l-attraenza. Fil-fatt, il-promozzjoni tal-mobilità tal-artisti, tal-prattikanti tal-kultura u tax-xogħlijiet hi mezz ta' għajnuna biex l-industriji kulturali u kreattivi Ewropej jgħaddu speċifikament mil-livell lokali għal-livell nazzjonali. Biex jagħmlu dan, hemm bżonn li jitwaqqfu sħubijiet ekwilibrati ma' professjonisti Ewropej abbażi ta' mekkaniżmi ta' konsultazzjoni regolari biex wieħed iżomm il-pass ta' settur li jevolvi malajr, li jitneħħa x-xkiel għall-mobilità u jiġi żgurat monitoraġġ tal-għodda li jiġu żviluppati f'kull livell.

L-Unjoni Ewropea għandha timplimenta miżuri għall-appoġġ tas-settur kreattiv. Hu verament ta' min jixtiequ li din il-Green Paper twassal, fuq żmien qasir u medju, għal żviluppi konkreti fil-livell Ewropew, pereżempju fir-rigward ta' tassazzjoni adattata għall-beni u s-servizzi kulturali fuq l-internet u l-possibilità li jintużaw il-faċilitajiet ta' finanzjament offerti mill-BEI u l-FEI. Fil-fatt, biex l-industriji kulturali u kreattivi jkunu jistgħu jiżvolġu kompletament ir-rwol dinamizzanti tagħhom, għandhom jiġu implimentati faċilitajiet ta' finanzjament, sostnuti minn kompetenza reali tal-ispeċifiċitajiet tal-industriji kulturali u fiskalità adattata.

Fl-aħħar nett, sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi, hu essenzjali li jiġu żviluppati speċifikament l-edukazzjoni artistika u kulturali ta' kwalità, it-territorjalizzazzjoni, il-partenarjati mas-settur lokali, il-kreazzjoni u l-kreattività, it-trażmissjoni tal-għerf, il-finanzjamenti, is-sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat u l-iskambji tal-prattiki tajba. Hemm bżonn li tinħoloq kompetittività bejn l-industriji kulturali u kreattivi waqt li jitfakkar il-bżonn, f'din il-perspettiva, li jitqiesu l-karatteristiki proprji ta' kull waħda minn dawn l-industriji u l-fatt li jirrikjedu miżuri ta' appoġġ differenti.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (26.1.2011)

għall-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

dwar l-isfruttar tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi

(2010/2156(INI))

Rapporteur: William (The Earl of) Dartmouth

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni li se jadotta:

1.  Jenfasizza li l-iżvilupp tal-kummerċ fil-prodotti u s-servizzi tal-industrija kulturali u kreattiva jikkostitwixxi pilastru għall-kultura, l-iżvilupp u d-demokrazija, u fl-istess ħin, mutur importanti għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi fl-Ewropa u fid-dinja; josserva li, skont stimi, il-kummerċ dinji fil-prodotti u s-servizzi tal-industrija kulturali u kreattiva kważi rdoppja f’dawn l-aħħar għaxar snin;

2.  Jisħaq fuq il-fatt li, fl-ispirtu tal-Istrateġija 2020 tal-UE, il-qafas regolatorju għandu jintuża biex jippromwovi mhux biss il-kreattività, l-innovazzjoni u l-impjiegi sostenibbli fis-settur tal-industrija kulturali u kreattività iżda wkoll koperazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE u l-industriji fil-qasam tal-industrija kulturali u kreattiva;

3.  Jisħaq fuq il-potenzjal kbir tal-industrija kulturali u kreattiva fil-kummerċ internazzjonali u jassumi li s-sinifikat tagħha qed jiġi sottovalutat minħabba d-diffikultà tal-ġbir tad-data;

4.  Jemmen bis-saħħa li aktar ftuħ kummerjċali fis-settur tal-industrija kulturali u kreattiva mhux is-soluzzjoni u li r-regoli tal-kummerċ f’das-settur iridu jkunu differenti minn dawk użati għal prodotti komuni; jinnota li l-kummerċ dinji fil-prodotti u s-servizzi tal-industrija kulturali u kreattiva għadu ddominat mill-pajjiżi żviluppati, u jqis li l-Kummissjoni għandha tieħu inizjattivi ġodda biex tikkontribwixxi ħalli tindirizza din il-problema; iqis li l-industrija kulturali u kreattiva għandha l-potenzjal biex tikkontribwixxi għat-tiġdid ekonomiku tar-reġjuni u l-bliet Ewropej li s-swieq tagħhom, ibbażati fuq il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti ta’ snajja’ tradizzjonali lokali, marru lura ekonomikament bħala riżultat tal-kompetizzjoni inġusta ma’ prodotti minn ekonomiji li qed jiżviluppaw b’mod dinamiku;

5.  Ifakkar li l-protezzjoni effettiva tal-proprjetà intelletwali fi ftehimiet tal-kummerċ internazzjonali teħtieġ bilanċ għaqli tal-interessi tad-detenturi ta’ dan id-dritt u tas-soċjetà inġenerali biex jiġi żgurat ir-rwol ewlieni tal-UE fl-ekonomija tal-għarfien u li l-protezzjoni għandha tiġi applikata b’mod differenti rigward il-pajjiżi l-anqas żviluppati u pajjiżi li qed jiżviluppaw jew il-kompetituri ta’ pajjiżi industrijalizzati; jemmen li prestazzjoni sodisfaċenti tal-industriji kulturali u kreattivi Ewropej tiddependi mis-sejba ta’ tali bilanċ biex jinżammu l-inċentivi għall-kumpaniji, l-artisti u l-kreaturi biex jinnovaw; għal din ir-raġuni, l-UE trid tqum għall-isfida biex tistabbilixxi leġiżlazzjoni tad-dritt tal-awturi għaż-żmien tat-teknoloġija ġdida, li hija kompatibbli mar-rekwiżiti tal-libertajiet individwali; isostni li l-koperazzjoni internazzjonali hija l-uniku mod biex tikkumbatti l-piraterija, il-falsifikazzjoni u l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

6.  Jinnota li l-Ftehim dwar l-Aspetti Relatati mal-Kummerċ tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (Ftehim TRIPS) għandu jiġi estiż biex ikopri oqsma oħra tas-settur tal-industrija kulturali u kreattiva;

7.  Jindika li d-dritt tal-awtur huwa prinċipalment maħsub biex jipproteġi l-awturi u l-kreaturi attwali, u li l-protezzjoni tad-dritt tal-awtur m’għandhiex iddgħajjef id-drittijiet fundamentali;

8.  Jappoġġja bis-sħiħ l-iżvilupp tal-politiki aktar ambizzjużi tal-UE kif ukoll tal-koperazzjoni reċiprokament benefika u volontarja bejn l-Istati Membri tal-UE fil-qasam tal-industriji kulturali u kreattivi, fil-perspettiva tal-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-2005 dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali;

9.  Jinnota li l-kummerċ elettroniku u l-internet qed jiżviluppaw b’rata tant mgħaġġla, bil-“ġenerazzjonijiet” tat-teknoloġija li qed jiqsaru ġeometrikament, u li għaldaqstant jemmen li għandhom isiru tentattivi biex ir-reazzjoni regolatorja tal-Unjoni tinġieb konformi mar-rekwiżiti soċjali u kummerċjali attwali sabiex ma ssirx bla sens billi titħalla taqa’ lura u tostakola l-ħelsien sħiħ tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi tal-Istati Membri tal-UE;

10. Jinnota li l-internet qiegħed jiżviluppa b’mod organiku b’ċikli tal-ħajja tat-teknoloġija dejjem aqsar, u għalhekk jemmen li kull inizjattiva mmirata biex tikkontrolla l-iżvilupp tal-infrastruttura mingħajr ma jinħolqu mudelli ta’ negozju alternattivi se jkun dejjem talanqas ġenerazzjoni tard u x’aktarx jimpedixxi t-tkabbir għall-industriji kulturali u kreattivi tal-Istati Membri tal-UE;

11. Jenfasizza l-importanza tal-Konvenzjoni 2005 tal-UNESCO, imsemmija hawn fuq, dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali bħala strument essenzjali biex tiggarantixxi li ‘l-eċċezzjoni kulturali’ fil-kummerċ internazzjonali għall-prodotti u s-servizzi ta’ natura kulturali u kreattiva tinżamm fi ħdan il-qafas internazzjonali tad-WTO.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

26.1.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

7

1

19

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

William (The Earl of) Dartmouth, Kader Arif, Daniel Caspary, Christofer Fjellner, Yannick Jadot, Metin Kazak, Bernd Lange, David Martin, Emilio Menéndez del Valle, Vital Moreira, Cristiana Muscardini, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Niccolò Rinaldi, Tokia Saïfi, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Gianluca Susta, Keith Taylor, Iuliu Winkler, Jan Zahradil, Pablo Zalba Bidegain, Paweł Zalewski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

George Sabin Cutaş, Mário David, Jörg Leichtfried, Miloslav Ransdorf, Michael Theurer

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Patrice Tirolien


OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (8.12.2010)

għall-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

dwar Libérer le potentiel des industries culturelles et créatives

(2010/2156(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Karima Delli

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.     billi l-industriji kulturali u kreattivi jirrappreżentaw parti importanti tal-ekonomija Ewropea, li diġà jimpjegaw madwar 5 miljun persuna, u li, bl-effett multiplikattiv tal-innovazzjonijiet f’dan il-qasam, huma jikkostitwixxu settur b'potenzjal b'saħħtu għall-ħolqien ta’ impjiegi deċenti, ta’ kwalità għat-tkabbir u impjiegi li ma jistgħu jiġu rilokati;  billi l-industriji kulturali u kreattivi huma ta’ importanza fundamentali biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti mill-Unjoni Ewropea favur l-impjiegi u għall-iżvilupp ta’ soċjetà bbażata fuq l-għarfien u l-innovazzjoni fil-qafas tal-Istrateġija 2020, partikularment permezz tal-inizjattivi għall-impjiegi ġodda u l-politika industrijali fl-era tal-globalizzazzjoni; billi jkun jaqbel li għal dan il-għan jinħoloq ambjent favorevoli għall-iżvilupp ta’ dawn l-industriji li jikkontribwixxu għall-promozzjoni tal-identità u tad-diversità kulturali fil-livell lokali jew reġjonali, għall-iżvilupp tal-impjieg u tal-kompetenzi ta’ kwalità, għall-kompetittività, għall-valorizzazzjoni tat-territorji u tal-partimonji naturali jew kulturali u għall-innovazzjoni teknoloġika,

B.     billi l-aċċess għall-għerf u għall-kontenut kreattiv hu element determinanti tad-drittijiet fundamentali, bħar-rispett għad-diversità kulturali, partikularment għall-persuni l-aktar vulnerabbli,

C.     billi l-kreattività tiddependi fuq l-aċċess għall-għerf, għax-xogħlijiet u għall-kontenut kreattiv eżistenti;

D.     billi n-nuqqas ta' armonizzazzjoni fir-rigward tal-eżenzjoni tad-dritt tal-awtur qed inaqqas iċ-ċirkolazzjoni fl-Ewropa kollha tal-prodotti u s-servizzi mwielda mill-għerf u l-ħolqien ta' impjiegi ġodda f'setturi innovattivi f'ambjent teknoloġiku li qed dejjem jevolvi;

E.     billi d-diversità wiesgħa tal-istatus tal-atturi tas-settur kulturali u kreattiv - dilettanti, volontarji, il-ħaddiema, ħaddiema b’kuntratt li jaħdmu fl-industrija tad-divertiment, intraprendituri individwali, eċċ. - u l-modi lil jaħdmu bihom jirriflettu rikkezza Ewropea li għandha tiġi ppreservata filwaqt li jiġi żgurat in-non-diskriminazzjoni tal-atturi u l-aċċess tagħhom għad-dritt tax-xogħol u d-drittijiet soċjali, sabiex tiġi ggarantita rimunerazzjoni ġusta u regolari u b'hekk titnaqqas in-nuqqas ta’ ċertezza,

1.      Jenfasizza dwar il-ħtieġa li jitnaqqsu l-inugwaljanzi li jħabbtu wiċċhom magħhom l-atturi tas-settur kulturali u artistiku, tal-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta' kuntratti prekarji u kontra d-diskriminazzjonijiet f'dan is-setturi, partikularment fil-qasam tar-rimunerazzjoni, kif ukoll fir-rigward tal-aċċess għas-suq tax-xogħol, għas-sigurtà soċjali, għall-benefiċċji tal-qgħad u għall-liv tal-maternità u sabiex tiġi żgurata l-adegwatezza bejn l-impjieg okkupat u l-livell tal-kwalifiki; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jeżaminaw it-tibdiliet li jeħtieġu jsiru bil-għan li s-sistemi tas-sigurtà soċjali jiġu adattati skont il-bżonnijiet speċifiċi tal-atturi tas-settur kulturali u artistiku, filwaqt li jiġu ggarantiti kriterji li jirrispondu għall-eżiġenzi tal-mobilità ġeografika u filwaqt li jiġi kkunsidrat in-nuqqas ta' kontinwità frekwenti tar-relazzjonijiet tax-xogħol f'dan is-settur; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw il-kooperazzjoni bejn l-atturi tal-kultura, tal-edukazzjoni u tal-intrapriżi, sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni taż-żgħażagħ, partikularment taż-żgħażagħ żvantaġġati fis-suq tax-xogħol;

2.      Iqis li hu fundamentali li tiġi ffukata l-attenzjoni fuq il-kondizzjonijiet partikulari tal-isatus tal-ħaddiema fis-settur tal-għerf, tal-kreattività u tal-kultura, li, kif inhu xieraq, tiġi enfasizzata l-importanza tagħhom għall-innovazzjoni tal-ekonomija Ewropea, mingħajr però ma jitqiesu biżżejjed il-partikularitajiet u l-karatteristiki li jirriżultaw mill-fatt li huma mobbli u diskontinwi; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tkompli tidħol fil-fond f'dawn l-aspetti u tippreżenta proposti fir-rigward tagħhom;

3.      Jenfasizza li l-kultura hi beni fundamentali, ta' interess ġenerali, meħtieġa għat-tkabbir tal-Ewropa, fid-dimensjonijiet kollha tagħha, u biex jiġi megħlub in-nazzjonaliżmu u tipi oħra ta’ xkiel; jinsab konvint li l-Unjoni għandha tappoġġja l-industriji kulturali u kreattivi permezz tal-programmi u tal-fondi ta' garanzija ddedikati għalihom;

4.      Josserva li l-industriji kulturali u kreattivi joperaw f'ambjent li jinbidel ta’ spiss, li hi kkaratterizzata mir-rapidità tal-iżvilupp u d-diffużjoni globali tal-metodi diġitali applikati għall-ICT u l-komunikazzjoni;

5.      Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ xieraq għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju li jeżerċitaw attività fis-settur kulturali u kreattiv fl-Ewropa; jisħaq fuq l-implimentazzjoni tal-politiki li jikkontribwixxu għall-konservazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi f’dawn il-kumpaniji ladarba dawn jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-industriji kulturali u kreattivi, u sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess ta' dawn l-intrapriżi għall-finanzjament partikularment għall-mikrokreditu;

6.      Josserva li l-industriji kulturali u kreattivi ta' spiss jikkontribwixxu biex jistimultaw l-ekonomiji lokali f'diffikultà, billi jiffavorxxu t-twelid ta' attivitajiet ekonomiċi ġodda u billi jinħolqu impjiegi ġodda li jappoġġjaw l-iżvilupp ta' reġjuni Ewropej sħaħ;

7.      Jitlob lill-Kummissjoni biex tirrispetta u tirrikonoxxi l-azzjonijiet immexxija mis-servizzi kulturali u l-organizzazzjonijiet bla skop ta' profitt u l-inizjattivi privati li qed jipparteċipaw fl-iżvilupp ta' ekonomija kreattiva solidari; jiltob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħeġġu u jagħmlu perpetwi l-prattiki tajbin li għandhom l-għan li jiffaċilitaw l-aċċess taż-żgħażagħ, ikun xi jkun l-istatus tagħhom (studenti, apprentisti, dawk li qed jitħarrġu għal xi xogħol, dawk li qed ifittxu xogħol, eċċ.), u ta' dawk l-aktar vulnerabbli għall-kultura u għall-kontenuti kreattiv, bħal tariffi mnaqqsa, il-vawċers kulturali jew l-attivitajiet kulturali b'xejn;

8.      Iqis il-ħtieġa li jiżdiedu, mal-lista identifikata mill-Green Paper tas-setturi li jikkostitwixxu l-industriji kulturali u kreattivi, il-moda u t-turiżmu kulturali u durabbli, iż-żewġ setturi li jiddistingwu rwieħhom b'element qawwi kreattiv u ta' natura imprenditorjali tagħhom, li huma importanti fir-rigward tal-ekonomija u l-kompetittività internazzjonali fl-Ewropa;

9.      Iqis li hu indispensabbli li jittejbu l-għarfien, il-kapaċitajiet u l-perspettivi professjonali tal-ħaddiema impjegati fis-settur tal-kultura u tal-kreattività u jħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu programmi ta' tagħlim tul il-ħajja għal dan il-għan;

10.    Jenfasizza l-impatt tas-settur kreattiv fuq l-impjiegi fl-Unjoni u n-natura atipika tar-relazzjonijiet tax-xogħol f'dan is-settur, meta mqabbel max-xogħol ta’ dawk li jaqilgħu l-paga;

11.    Jirrimarka li parti importanti tax-xogħol f’dan is-settur isir barra mir-relazzjonijiet ta' xogħol, kemm bħala ħaddiem indipendenti, kemm bħala imprenditur żgħir, u dan jinfluwenza b'mod konsiderevoli fuq is-sigurtà soċjali u l-protezzjoni tal-ħaddiema fis-settur;

12.    Jitlob lill-Kummissjoni tappoġġa l-mobilità fil-qasam tal-apprendistat ma' professjonisti tal-industriji kulturali u kreattivi, partikularment ma' imprendituri żgħażagħ; jinkoraġġixxi l-inizjattivi tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri fir-rigward tal-mobilità, b'mod partikolari tal-istudenti, tal-apprendisti, tat-trainees u tal-artisti żgħażagħ, gradwati jew li għandhom qed jitħarġu, li għandhom l-għan li jinkoraġġixxu l-iskambju ta’ ideat u tal-prattiki tajba u sabiex jitjiebu l-kwalifiki lingwistiċi tagħhom, kif ukoll l-iżvilupp tar-residenzi u tal-workshops tal-artisti, u jitlob lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex ineħħu l-ostakli għaċ-ċirkolazzjoni libera tal-persuni u għall-kisba ta' viżi, b'mod partikolari fil-qasam tal-iskambji bejn l-artisti tal-Unjoni, kif ukoll biex jiġi studjat l-possibilità ta’ programmi ta’ skambju ta’ presuni f’dan is-settur bejn il-pajjiżi tal-UE u l-pajjiżi terzi kemm fir-rigward tal-leġiżlazzjoni dwar l-aċċess għat-territorju kif ukoll ir-regolament għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin; jitlob lill-Kummissjoni biex tirrinforza l-ġlieda kontra l-impedimenti għaċ-ċirkulazzjoni libera fi ħdan l-Unjoni;

13.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu lill-artist, lill-awtur, lill-kreatur status professjonali partikulari, billi jistabbilixxu l-kundizzjonijiet permezz ta’ għodod xierqa ta' regolamentazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni soċjali, ta' għajnuna għall-impjieg, ta' aċċess għal taħriġ, formali u mhux; iqis li, peress li huma fin-nisel tal-industriji kulturali u kreattivi, jixraq li l-artisti, l-awturi u l-kreaturi jiġu mgħejjuna jesprimu bis-sħiħ il-potenzjal tagħhom;

14.    Jitlob li d-distakk qawwi li għadu jikkaratterizza l-kundizzjoni professjonali u r-rimunerazzjoni tan-nisa fl-industriji kulturali u kreattivi jiġi eliminat permezz ta' strumenti xierqa;

15.    Jenfasizza l-vantaġġi ta’ edukazzjoni li tgħaqqad l-għarfien teoretiku tal-istorja tal-kultura u tal-arti, min-naħa, u l-ħolqien artistiku applikat kif ukoll il-ġestjoni tal-beni kulturali, min-naħa l-oħra, fl-impriżi, fil-workshops, eċċ. b'mod li jiżdiedu l-kapaċitajiet tal-kwalifiki fuq il-pjan kemm mil-lat teoretiku u kemm minn dak prattiku;

16.    Jitlob lill-Kummissjoni biex tippromwovi r-riċerki u l-programmi ta’ sħubija bejn l-industriji kulturali u kreattivi u s-settur tal-edukazzjoni u tat-taħriġ kif ukoll tat-taħriġ kontinwu sabiex iċ-ċittadin jingħata kompetenzi kreattivi u interkulturali, tiġu ffaċilitata l-applikazzjoni ta’ tekniki u għodod kreattivi ġodda fis-settur tat-tagħlim, tissaħħaħ il-formazzjoni matul il-ħajja partikularment permezz tal-Fond Soċjali Ewropew fir-rigward ta' dan il-qasam li jinsab f’tibdil teknoloġiku, u għall-kuntrarju, sabiex titħeġġeġ l-innovazzjoni fl-industrija kultura u s-setturi kreattivi permezz tar-riċerka u tagħlim; jenfasizza li t-tagħlim u l-kompetenzi interkulturali jgħinu liċ-ċittadini jifhmu kulturi oħrajn u għaldaqstant jikkontribwixxu għall-integrazzjoni soċjali;

17.    Jenfasizza l-bżonn li jiġu skambjati l-informazzjoni u l-prattiki tajbin, li tissaħħaħ l-offerta ta' taħriġ, partikularment fit-teknoloġiji diġitali u l-ġestjoni kummerċjali, li jiġu żviluppati kompetenzi ġodda u li jiġi promoss it-tagħlim tul il-ħajja, pereżempju billi jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-programmi u għall-fondi Ewropej eżistenti, biex b'hekk ikun jista' jittejjeb l-aċċess għal xogħol deċenti u jissaħħu u jiġu rikonoxxuti l-kompetenzi tal-kreaturi u tal-ħaddiema fis-settur kulturali u kreattiv, li t-tibdil ekonomiku u teknoloġiku jikkonċernahom ħafna;

18.    Ifakkar li s-snajja’ tal-arti jikkostitwixxu wieħed mill-pilastri tal-patrimonju kulturali u tal-ekonomija tagħna, u li għaldaqstant hemm bżonn li jiġi żgurat li l-mekkaniżmi għat-trażmissjoni tal-għarfien u l-kompetenzi xierqa jibqgħu matul iż-żmien, kif enfasizzat fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' April 2008 dwar l-industriji kulturali fl-Ewropa;

19.    Jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi l-użu, id-diffużjoni u l-iżvilupp ta' software liberu u standards miftuħa li jirrappreżentaw potenzjal ta' innovazzjoni, ta' kreattività, ta' tixrid tal-għerf u ta' ħolqien ta' impjiegi;

20.    Jenfasizza kemm huma essenzjali, għall-industriji kulturali u kreattivi, il-politiki speċifiċi dwar it-taħriġ li jikkunsidraw kemm id-dimensjoni formali tat-tagħlim, kif ukoll id-dimensjoni informali tiegħu, li jiġu żviluppati bħala taħriġ kontinwu tul il-ħajja u li jirrealizzaw ruħhom anke permezz ta' għajnuniet għall-istituzzjonijiet ta' taħriġ f'dan is-settur;

21.    Jistieden lill-Kummissjoni tissolleċita lill-Istati Membri jlestu l-qafas tar-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali u tal-korsijiet ta' taħriġ, speċifikament f'dak li għandu x'jaqsam mal-kompetenzi ġodda rikjesti mis-settur tal-industriji kulturali u kreattivi;

22.    Jitlob appoġġ akbar għall-promozzjoni tal-mobilità tal-artisti u tal-professjonisti tal-kultura, fattur li jikkontribwixxi biex jiġu offerti żbokki ġodda u possibilitajiet ta' impjieg;

23.    Jinkoraġġixxi l-mobilizzazzjoni tal-fondi u tal-programmi Ewropej attwali (pereżempju l-istrument tal-mikrofinanzjament) favur l-iżvilupp tal-impriżi żgħar u tal-mikroimpriżi fis-settur kulturali u kreattiv, bil-ħsieb li jiġi ottimizzat l-appoġġ għall-impriżi billi jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-possibilitajiet ta' finanzjament kif ukoll is-simplifikazzjoni tal-proċedura tat-talba f’dan ir-rigward;

24.    Jitlob lill-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw l-edukazzjoni artistika u l-kreattività; jistieden lill-Kummissjoni b'mod partikolari biex tintegra l-programmi eżistenti, speċifikament Erasmus, Comenius u MEDIA, billi tipprovdi għal linji baġitarji destinati għall-artisti, għall-istudenti u l-għalliema tal-iskejjel tal-arti, għall-professjonist żgħażagħ kreattivi, permezz ta' forom ta' skambju, tuturi, mobilità jew residenza;

25.    Jistieden lill-Kummissjoni ssostni l-investimenti fil-programmi Ewropej intenzjonati għall-industriji kulturali u kreattivi, inklużi dawk mingħajr skop ta' qligħ, kemm f'dak li għandu x'jaqsam ma' approprjazzjonijiet, kif ukoll billi jiġu definiti programmi speċifiċi, analogi mal-Programm MEDIA; jitlob lill-Kummissjoni tipprevedi wkoll modalitajiet partikulari ta' aċċess għar-riżorsi eżistenti, partikularment għall-Fond Soċjali Ewropew;

26.    Jitlob lill-Istati Membri jippromwovu d-disponibilità ta' taħriġ maniġerjali, kummerjċali u imprenditorjali speċifikament intenzjonat għall-professjonisti tal-industriji kulturali u kreattivi, sabiex jingħataw il-kapaċitajiet ta' komunikazzjoni u imprenditorjat rikjesti f'ambjent soċjoekonomiku li dejjem qed jevolvi;

27.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jiżguraw livell xieraq ta’ protezzjoni soċjali u minimu ta' eżistenza suffiċjenti, b'mod partikolari fil-qasam tal-assigurazzjoni kontra l-qgħad u l-assigurazzjoni kontra l-mard u l-liv tal-maternità, ekwivalenti għal dak ta’ ħaddiema oħra, u sabiex jinstabu miżuri partikulari li jantiċipaw u attivi fil-qasam tal-politika tal-impjieg, għandhom jikkostitwixxu garanzija ta' kontinwità tal-qligħ f'sitwazzjonijiet ta' nuqqas ta' kontinwità tal-impjieg innifsu fis-settur kulturali u kreattiv, u għandu jkun mezz ta' emanċipazzjoni individwali u kollettiva. iqis, barra minn hekk, li d-dħul minimu jista' jkun strument valida għall-garanzija ta' tali livell ta' protezzjoni soċjali u li dan jista' anke jartikula ruħu b'mod utli bl-iżvilupp ta' korsijiet ta' taħriġ;

28.    Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-Aġenda tax-Xogħol Deċenti tal-ILO u tassigura kundizzjonijiet ta' xogħol deċenti, sabiex tnaqqas l-inugwaljanzi soċjali, tiġġieled kontra d-diskriminazzjonijiet u ttejjeb is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol fis-settur tal-industriji kulturali u kreattivi;

29.    Jenfasizza li l-industriji kulturali u kreattivi ta' spiss jikkontribwixxu biex jistimulaw ir-rikonerżjoni tal-ekonomiji lokali f'diffikultà, jiffavorixxu l-feġġa ta' attivitajiet ekonomiċi ġodda, joħolqu impjiegi ġodda u sostenibbli u jsaħħu l-attrattività tar-reġjunijiet u l-bliet Ewropej, f'objettiv ta' koeżjoni soċjali u territorjali;

30.    Jistieden lill-Kummissjoni tgħasses, sabiex tiżgura li l-impjiegi fis-settur kreattiv jibqgħu fiż-żmien, li tiġi żgurata protezzjoni suffiċjenti kontra l-piraterija għax-xogħlijiet; iqis li, meta wieħed iqis ix-xogħlijiet li diġà ntilfu f'dan is-settur u t-theddid għall-ġejjieni, li hemm bżonn li tingħata biżżejjed protezzjoni sabiex jiġi żgurat li l-impjiegi fis-settur fl-Ewropa jibqgħu fiż-żmien;

31.    Jirrkonoxxi wkoll l-interess li jippreżentaw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali u approċċ effikaċi għall-attakki li jsirulhom; iqis li dawn l-attakki jheddu b'mod speċifiku l-vijabilità tas-settur, anke jekk id-drittijiet tal-proprjetà intelletwali jirrapreżentaw garanzija għad-dħul u l-impjiegi fis-settur kulturali u kreattiv;

32.    Jirrikonoxxi l-interess li t-tagħlim jippreżenta biex jissawwar l-ispirtu imprenditorjali f’dan il-qasam;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

2.12.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

38

5

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Regina Bastos, Jean-Luc Bennahmias, Mara Bizzotto, Milan Cabrnoch, David Casa, Derek Roland Clark, Sergio Gaetano Cofferati, Marije Cornelissen, Frédéric Daerden, Karima Delli, Sari Essayah, Richard Falbr, Ilda Figueiredo, Pascale Gruny, Thomas Händel, Marian Harkin, Roger Helmer, Nadja Hirsch, Vincenzo Iovine, Liisa Jaakonsaari, Danuta Jazłowiecka, Ádám Kósa, Jean Lambert, Veronica Lope Fontagné, Olle Ludvigsson, Elizabeth Lynne, Thomas Mann, Elisabeth Morin-Chartier, Csaba Őry, Elisabeth Schroedter, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Jutta Steinruck, Traian Ungureanu

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Raffaele Baldassarre, Vilija Blinkevičiūtė, Edite Estrela, Julie Girling, Sergio Gutiérrez Prieto, Filiz Hakaeva Hyusmenova, Antigoni Papadopoulou, Evelyn Regner, Birgit Sippel, Csaba Sógor


OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (10.2.2011)

għall-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

dwar l-isfruttar tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi

(2010/2156(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Ivo Belet

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jagħraf lill-industriji kreattivi u kulturali (IKK), li jgħoddu 5 miljun impjieg u 2,6% tal-PGD tal-UE, bħala wieħed mill-muturi ewlenin għat-tkabbir fl-UE, li joħolqu impjiegi ġodda, għandhom rwoli importanti fil-katini tal-valur globali u jinċentivaw l-innovazzjoni, filwaqt li jipprovdu valur miżjud bħala fattur għall-koeżjoni soċjali jservu bħala għodda effiċjenti fil-ġlieda kontra r-riċessjoni attwali;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tissokta bl-isforzi tagħha biex tipprovdi definizzjoni aħjar tal-IKKs sabiex jiġi analizzat fil-fond l-impatt tagħhom fuq it-tkabbir u l-kompetittività internazzjonali fuq medda twila ta' żmien u biex jitrawwem aħjar ir-rikonoxximent tal-elementi speċifiċi tas-settur;

3.  Jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni ta’ malajr u s-suċċess tal-inizjattiva tal-Aġenda Diġitali bil-għan li l-IKK jkunu jistgħu jibbenefikaw għalkollox u jirnexxilhom jadattaw għall-opportunitajiet maħluqa mill-broadband ta’ ħeffa kbira li jaffettwa lil ħafna b’mod importanti u mit-teknoloġiji ġodda mingħajr fili;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu iktar opportunitajiet għall-IKK biex jisfruttaw swieq online u biex l-artisti jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-ambjent diġitali;

5.  Jenfasizza l-importanza tal-interoperabilità u tal-istandards għall-ħolqien ta’ kundizzjonijiet għal aċċess ekwu għal pjattaformi u tagħmir ġdid, u jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-interoperabilità bejn il-pjattaformi, biex tiżviluppa standards li jgħinu fil-ħolqien ta’ suq li jwassal għall-innovazzjoni u biex tevita l-użu ta’ sistemi li jistgħu jillimitaw l-aċċess għal kontenut diversifikat;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-Aġenda Diġitali, tgħin lill-SMEs attivi f’IKK fit-tfittxija tagħhom għal mudelli ta’ negozju bl-internet li jkunu kompetittivi, innovattivi u favur il-konsumatur bbażati fuq il-kofinanzjament u l-kondiviżjoni tar-riskji bejn l-IKK u l-intermedjarji;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu inċentivi għall-investiment pubbliku u privat fil-qasam tal-IKK, sabiex jiġu diżinjati u żviluppati teknoloġiji faċilment replikabbli biex b’hekk jittejbu l-iffrankar u l-effiċjenza tal-enerġija;

8.  Jitlob li jinħoloq Suq Ewropew Kreattiv Uniku reali li jippermetti lill-IKK jespandu u jilħqu bażi potenzjalment ikbar ta’ klijenti, billi jgħinnhom jiżviluppaw strateġiji ġodda fuq medda twila ta’ żmien għall-ħolqien, id-distribuzzjoni u l-isfruttament, u t-trawwim tal-mobilità, l-iskambju u l-kooperazzjoni bejn persuni attivi fl-industriji kulturali u kreattivi, partikolarment permezz tal-ħolqien ta’ pjattaformi tal-IKK;

9.  Jenfasizza li l-Politika tal-UE dwar l-Innovazzjoni għandha rwol importanti biex jiġi sfruttat il-potenzjal għall-innovazzjoni teknika, ekonomika u soċjali tal-SME kreattivi u għandha tkun tqis ir-rwol importanti tal-industriji kreattivi fit-twettiq ta’ soċjetà kreattiva u favur l-innovazzjoni; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li jiġu evitati spejjeż u burokrazija żejda għall-SMEs fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku;

10. Jenfasizza li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huma assi fundamentali għall-kumpaniji kreattivi u inċentiv għall-kreattività individwali u l-investiment fil-kreattività; jitlob, għalhekk, li jsiru skemi biex jgħinu lill-IKK jadattaw għall-bidla diġitali permezz ta' servizzi ġodda fuq l-Internet ibbażati fuq suriet ġodda ta' mmaniġġjar tad-drittijiet li jippromwovu d-drittijiet tal-awturi, bħal sistemi estiżi ta’ liċenzjar kollettiv u sistemi faċli li jiġbru kollox fihom għall-ikklerjar tad-drittijiet; jitlob, ukoll, għal qafas regolatorju bbilanċjat li jiggverna l-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

11. Jirrikonoxxi li nuqqas ta’ aċċess għall-finanzi jikkostitwixxi ostaklu ewlieni għat-tkabbir għal bosta negozji b’rabta mal-industriji kreattivi; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jkun hemm finanzjament għal inizjattivi biex l-impriżi kreattivi jsaħħu industriji bħal dawn; jirrimarka li, minħabba n-natura tal-IKK, il-kapital ta’ riskju/l-ekwità privata/ l-anġli tan-negozju (investituri privati)/il-finanzjament tat-tip mezzanin huma s-suriet l-aktar relevanti ta' finanzjament; f’dan ir-rigward, jenfasizza wkoll il-potenzjal tal-BEI (Bank Ewropew għall-Investiment) u tal-FEI (Fond Ewropew għall-Investiment) bħala appoġġ għas-settur kreattiv, prinċipalment permezz ta’ appoġġ lis-SMEs;

12. Jissuġġerixxi l-użu tal-qafas tal-Alleanza tal-Industriji Kreattivi Ewropej (AIKE) biex tiġi pprovduta pjattaforma għall-aċċess għall-informazzjoni u pariri fuq l-istat ta’ tħejjija għall-investiment u fuq strateġiji tan-negozju li jibqgħu għal żmien twil, l-aċċess għas-self, fondi ta’ garanzija u investiment privat transkonfinali, u jitlob li tiġi esplorata l-possibilità li jitwaqqaf Bank tal-Industriji Kreattivi; jirrikonoxxi, ukoll, l-effikaċja tal-programmi tal-UE, bħall-Programm għall-Innovazzjoni u l-Kompetittività, biex l-SMEs ikun jista’ jkollhom aċċess għall-finanzjament, u jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tevalwa l-possibilità li jitfasslu programmi speċifiċi simili għall-IKKs;

13. Jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea, fl-inizjattiva ewlenija tal-UE 2020 Unjoni għall-Innovazzjoni, ħadet l-impenn li twaqqaf Bord Ewropew tat-Tmexxija fid-Disinn li se jkun mistieden jagħmel proposti fi żmien sena biex jittejjeb ir-rwol tad-disinn fil-politika dwar l-innovazzjoni;

14. Jindika li l-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fondi Strutturali joffru opportunitajiet kbar ta’ finanzjament għall-kultura, il-kreattività u l-innovazzjoni madwar l-UE; jiddeplora l-fatt, madankollu, li jidher li n-negozji kulturali u kreattivi s’issa bbenefikaw biss b’mod limitat minn dawn il-fondi; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzi permezz ta’ dawk l-istrumenti kif ukoll jissensibilizzaw u jagħtu informazzjoni aħjar fir-rigward tal-mezzi disponibbli;

15. Jenfasizza l-ħtieġa ta’ klima fiskali u ta’ investiment aktar vantaġġuża, li tkun tinvolvi l-kunsiderazzjoni mill-ġdid tar-regoli attwali tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) (inkluża d-diverġenza enormi li hemm bejn ir-rati online u dawk offline) u twessigħ tal-ambitu tal-iskemi attwali ta' kenn mit-taxxa;

16. Jissuġġerixxi t-twaqqif ta’ programm ta’ azzjoni ddedikat għall-promozzjoni u l-kooperazzjoni transkonfinali, bħala parti mis-Sena Ewropea tal-Volontarjat;

17. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jieħdu passi biex iqajmu l-kuxjenza dwar il-valur ekonomiku u l-potenzjal kbir tal-industriji kreattivi biex tittejjeb il-kompetittivittal-ekonomija Ewropea, pereżempju billi jitfasslu linji gwida kummerċjali għall-Ewropa kollha għal proġetti/servizzi/xogħolijiet kreattivi u kulturali, kif ukoll indikaturi speċifiċi tar-rendiment li jkunu jistgħu jiffaċilitaw l-evalwazzjoni teknika u ekonomika tal-investiment fis-settur, u b’hekk jiġu evitati spejjeż u burokrazija żejda għas-SME;

18. Jenfasizza l-importanza tal-kultura u l-kreattività kulturali għas-soċjetà u l-identità Ewropea komuni tagħna, billi jitrawmu l-valuri li jiffurmaw parti mill-memorja kollettiva tagħna u wirtna;

19. Jenfasizza l-importanza li tiġi estiża l-librerija diġitali Ewropea u li din tiġi żviluppata bħala punt fokali biex il-wirt kulturali, il-memorja kollettiva u l-kreattività tal-Ewropa jintwerew, u bħala punt minn fejn jinbdew attivitajiet edukattivi, kulturali, innovattivi u intraprenditorjali; jirrimarka li l-iskambji artistiċi jikkostitwixxu wieħed mill-pilastri li fuqhom jistrieħu l-wirt kulturali u l-ekonomija tagħna, u li l-kontinwità tagħhom għalhekk għandha tiġi salvagwardjata permezz ta’ mekkaniżmi adegwati għat-tagħlim tal-għarfien u tal-kapaċitajiet;

20. Jenfasizza l-importanza ta’ programmi edukattivi li jiffokaw fuq it-taħriġ professjonali, l-iżvilupp ta’ ideat u l-irrakkuntar ta’ stejjer, e-skills, kapaċitajiet tekniċi, intraprenditorjali u tal-kummerċjalizzazzjoni, inkluż l-użu ta’ netwerks soċjali, u l-kapaċitajiet tal-ħaddiema; jenfasizza l-potenzjal tal-kooperazzjoni u d-djalogu mill-qrib bejn l-IKK, l-universitajiet, iċ-ċentri għar-riċerka, l-iskejjel artistiċi u l-istabbilimenti artistiċi li jipprovdu programmi ta’ taħriġ konġunti u opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja; iħeġġeġ għalhekk lill-Istati Membri u lir-reġjuni joħolqu opportunitajiet għal dan it-tip ta’ kooperazzjoni, u jfasslu politiki li jagħqdu l-investiment fl-infrastruttura u l-investiment fil-kapital uman, u jesploraw l-iskemi ta’ vawċers ta’ innovazzjoni biex jgħinu lill-SMEs kreattivi u kulturali u lill-individwi jiksbu kapaċitajiet professjonali.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

10.2.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

45

4

0

Membri preżenti ghall-votazzjoni finali

Jean-Pierre Audy, Zigmantas Balčytis, Ivo Belet, Bendt Bendtsen, Reinhard Bütikofer, Maria Da Graça Carvalho, Jorgo Chatzimarkakis, Giles Chichester, Pilar del Castillo Vera, Christian Ehler, Lena Ek, Ioan Enciu, Gaston Franco, Adam Gierek, Norbert Glante, Fiona Hall, Romana Jordan Cizelj, Arturs Krišjānis Kariņš, Lena Kolarska-Bobińska, Bogdan Kazimierz Marcinkiewicz, Marisa Matias, Jaroslav Paška, Anni Podimata, Miloslav Ransdorf, Herbert Reul, Teresa Riera Madurell, Michèle Rivasi, Jens Rohde, Paul Rübig, Amalia Sartori, Konrad Szymański, Britta Thomsen, Evžen Tošenovský, Ioannis A. Tsoukalas, Claude Turmes, Vladimir Urutchev, Adina-Ioana Vălean, Kathleen Van Brempt, Alejo Vidal-Quadras

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Badia i Cutchet, Antonio Cancian, Françoise Grossetête, Cristina Gutiérrez-Cortines, Yannick Jadot, Ivailo Kalfin, Bernd Lange, Mario Pirillo, Vladimír Remek, Silvia-Adriana Ţicău


OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (3.3.2011)

għall-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

dwar l-esplojtazzjoni tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi

(2010/2156(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Oldřich Vlasák

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa’ l-fatt li l-industriji kulturali u kreattivi (CCIs), li jikkostitwixxu l-parti ewlenija tal-attrazzjoni u l-viżjoni lokali u reġjonali għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u territorjali tagħhom, huma rikonoxxuti fil-Green Paper bħala għodda għall-iżvilupp lokali u reġjonali, u jirrimarka li l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-parti l-kbira tal-Istati Membri huma responsabbli għal setturi msemmija fil-kuntest tas-CCIs, b’mod partikolari l-kultura, ir-riċerka, l-edukazzjoni, it-turiżmu u l-impjieg, sabiex ir-rwol importanti tagħhom f’dan is-settur jiġi enfasizzat;

2.  Jinnota li l-infrastrutturi u l-faċilitajiet kulturali u kreattivi għandhom rwol importanti fl-iżvilupp tal-ambjent fiżiku tal-bliet, fil-ħolqien ta’ ambjent attraenti għall-investiment u, b’mod partikolari, fir-rijabilitazzjoni u fl-għoti tal-ħajja mill-ġdid lil distretti industrijali antiki, u li l-wirt kulturali jagħti valur miżjud u jżid l-individwalità fl-iżvilupp fl-iżvilupp u t-tiġdid ta’ żoni rurali, partikolarment permezz tal-kontribuzzjoni tiegħu għat-turiżmu rurali u lejn il-prevenzjoni tad-depopolazzjoni ta’ dawn iż-żoni; iqisu wkoll bħala fattur sinifikanti ħafna fil-kuntest tal-istrateġiji għar-rijabilitazzjoni ta’ distretti industrijali antiki, kif ukoll fil-politiki li jiddefinixxu l-isferi settorali l-ġodda tat-turiżmu li qed jidhru u fid-definizzjoni mill-ġdid tat-turiżmu tradizzjonali; jemmen għalhekk li l-istabbiliment ta’ industriji kulturali u kreattivi u l-iżvilupp ta’ dawk li diġà jeżistu għandhom jiġu appoġġati permezz tal-istrateġiji ta’ żvilupp nazzjonali, reġjonali u lokali, fi sħubija bejn l-awtoritajiet pubbliċi li jirrappreżentaw id-diversi oqsma politiċi, SMEs u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili rilevanti;

3.  Iqis li l-proġetti bbażati fuq il-kreattività mhux biss jistgħu jtejbu l-kundizzjonijiet strutturali ta’ reġjuni anqas żviluppati, u għalhekk jikkontribwixxu għall-koeżjoni territorjali fl-UE, il-kundizzjonijiet strutturali ta’ reġjuni li għadhom lura, iżda wkoll isostnu direttament il-kompetittività u l-ħolqien tal-kreattività fir-reġjuni kollha billi joffru potenzjal kbir għal tkabbir ġdid u għall-ħolqien tal-impjiegi permezz tal-innovazzjoni, partikolarment għall-SMEs; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lir-reġjuni u lill-awtoritajiet lokali biex jagħmlu l-aħjar użu possibbli minn programmi ta’ appoġġ tal-UE eżistenti, bħall-Politika ta’ Koeżjoni u Strutturali, l-iżvilupp rurali fi ħdan il-Politika Agrikola Komuni, il-Programm ta’ Qafas dwar ir-Riċerka, is-CIP, eċċ, kif ukoll jistabbilixxu proġetti ġodda li jrawmu d-diversità kulturali u l-kreattività (inklużi dawk li jinvolvu lingwi u kulturi reġjonali), il-kompetittività u l-innovazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jużaw il-mekkaniżmi tal-assistenza teknika eżistenti biex jippromwovu l-għarfien fil-livell reġjonali u lokali dwar il-problemi relatati mal-implimentazzjoni;

4.  Jenfasizza li l-kultura għandha rwol essenzjali f’termini tal-iżvilupp sostenibbli tat-territorji transkonfinali u huwa konxju mill-fatt li l-infrastrutturi u l-faċilitajiet IKK jistgħu jikkontribwixxu għall-ilħiq ta’ koeżjoni territorjali; jemmen li l-istimular tal-kultura u tal-kreattività għandu jkun parti integrali mill-kooperazzjoni territorjali li għandha tissaħħaħ; jistieden lill-korpi kollha involuti fil-livell lokali biex jużaw il-programmi ta’ kooperazzjoni territorjali sabiex jittrasferixxu u jużaw l-aħjar prattiki għall-iżvilupp tas-settur IKK; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jillokalizzaw l-għarfien disponibbli tal-prattiki, il-ħtiġijiet u l-esperjenzi t-tajba tal-kooperazzjoni kulturali u kreattiva transkonfinali u territorjali, sabiex tinkiseb il-kompetenza speċifika fil-kultura, il-kreattività u t-territorji transkonfinali (partikolarment f’oqsma li ftit li xejn huma esplorati bħar-rabta bejn il-kultura, il-kreattività u l-ekonomija) u biex ifasslu strateġiji transkonfinali għall-ġestjoni tal-wirt kulturali u tar-riżorsi;

5.  Jinnota li l-infrastruttura ta’ netwerks bħall-konnessjonijiet tal-broadband u tal-internet b’veloċità għolja huma ta’ importanza partikolari u huma prekundizzjonijiet għall-iżvilupp tal-IKK billi jnaqqsu l-iżvantaġġi dovuti għall-post, u li t-teknoloġija tagħti spinta kruċjali lil dawn l-industriji; jilqa’ l-azzjonijiet maħsuba biex isaħħu r-rwol tal-IKK bħala katalisti tal-innovazzjoni u tal-bidla strutturali skont l-inizjattivi ewlenin "Unjoni tal-Innovazzjoni" u “Aġenda Diġitali għall-Ewropa”; jenfasizza r-rwol tal-ICTs fl-IKK u r-“rabta kreattiva” bejn l-investiment, it-teknoloġija, l-innovazzjoni, l-intraprenditorija u l-kummerċ, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu l-aċċess għat-teknoloġiji l-ġodda tal-ICT u jħeġġu l-użu tagħhom fis-settur kulturali u kreattiv, biex jappoġġaw l-infrastruttura tal-broadband u, ladarba tinkiseb kopertura komprensiva bażika tal-broadband fl-Ewropa, biex jipprovdu lil żoni rurali wkoll b’netwerks adegwati veloċi u b’veloċità għolja u b’forom oħra ta’ konnessjonijiet għall-internet bi spejjeż raġonevoli, bl-għan li jiġi żgurat l-iżvilupp ibbilanċjat tagħhom fuq żmien twil;

6.  Jinnota li l-mobilità hija fattur ewlieni fl-iżvilupp tas-CCIs, li tippermettilhom – kif diġà huwa l-każ - li jespandu lil hinn mill-ambjent lokali u reġjonali tagħhom biex ikollhom aċċess għas-suq iktar mifrux tal-UE u għal dak globali; jinnota għalhekk l-importanza tal-inizjattivi tal-UE bħall-Programm ta’ Ġemellaġġ tal-Irħula u l-Programm Leonardo da Vinci fl-iffaċilitar ta’ din il-mobilità; jemmen li l-Kummissjoni tista’ tagħti iktar attenzjoni lill-arranġamenti ta’ ġemellaġġ bejn l-irħula, il-muniċipalitajiet u r-reġjuni, li għal ħafna snin ipprovdew forum eċċellenti għall-kooperazzjoni kulturali u kreattiva u għall-iskambju tal-informazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex, f’kooperazzjoni mal-assoċjazzjonijiet Ewropej tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, tippromwovi l-inizjattivi ta’ ġemellaġġi moderni u ta’ kwalità għolja u ta’ skambji li jinvolvu l-partijiet kollha tas-soċjetà, biex jaħdmu għat-tneħħija tal-ostakoli legali u amministrattivi biex jitħeġġu u jittejbu l-mobilità tal-artisti, ix-xogħlijiet u l-professjonisti kulturali;

7.  Jenfasizza r-rikonoxximent wiesa’ tal-inizjattiva tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura bħala l-"laboratorju" għall-iżvilupp urban permezz tal-kultura u jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi din l-inizjattiva u tiżgura l-kundizzjonijiet it-tajba għat-trasferiment tal-aħjar prattiċi, il-kooperazzjoni kulturali u t-twaqqif ta’ netwerks għall-qsim tal-esperjenza dwar l-opportunitajiet tas-CCIs sabiex isir użu tal-potenzjal sħiħ ta’ dawn is-setturi;

8.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tevalwa r-rilevanza tal-Fondi Strutturali u ta’ programmi eżistenti u futuri fil-qasam tal-kultura, ir-riċerka, it-turiżmu, l-awdjoviżiv, iż-żgħażagħ u l-edukazzjoni, billi abbażi ta’ lezzjonijiet mill-esperjenza politika u minn proġetti u studji eżistenti tfassal politika ta’ koeżjoni għal wara l-2013 li tgħin biex jiġi sfruttat il-potenzjal kollu tal-isfera kulturali, u b’mod partikolari dak tal-industriji kreattivi, filwaqt li jirrikonoxxi wkoll il-benefiċċji għas-settur vibranti tas-CCI favur iż-żieda fil-kompetittività tal-UE fuq skala globali, billi jinħoloq ambjent li fih jitrawmu u jiġu vvalorizzati l-kreattività, l-innovazzjoni u l-intrapriża; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jinvolvu lill-awtoritajiet reġjonali u lokali mill-istadji bikrin ħafna tan-negozjati dwar il-leġiżlazzjoni u dwar il-programmi li qed igawdu mill-Fondi Strutturali sabiex jibqa’ żmien biżżejjed għad-djalogu bejn is-saffi differenti tal-gvern; jenfasizza l-ħtieġa ta’ arkitettura iktar sempliċi għall-Fondi, b’regoli armonizzati, bħala prinċipju ġenerali tal-politika ta’ koeżjoni tal-ġejjieni, biex tiżdied il-kapaċità amministrattiva tal-korpi rilevanti u jiġi evitat li l-imsieħba potenzjali jiskoraġixxu ruħhom milli jieħdu sehem fil-proġetti;

9.  Ifakkar fid-diversità kulturali tal-Ewropa, u partikolarment fil-wirt għani tagħha ta’ lingwi u kulturi reġjonali, jinnota li l-IKKs huma ċentrali għall-pilastru tat-tkabbir intelliġenti tal-Istrateġija għall-Ewropa 2020 u, f’dan il-kuntest, jenfasizza l-importanza tal-"ispeċjalizzazzjoni intelliġenti" tar-reġjuni; sabiex jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal kreattiv tal-Ewropa u sabiex tissaħħaħ il-kompetittività reġjonali, il-kumpaniji kreattivi għandhom joħolqu raggruppamenti kompetittivi internazzjonalment biex ikollhom għażliet aħjar meta jressqu l-ideat fuq is-suq, u jittrasformawhom fi prodotti faċli u li jappellaw għall-utent biex jinkiseb vantaġġ komparattiv globali f’dan is-settur lejn l-2020 u lil hinn; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw inizjattivi u produzzjonijiet kulturali u kreattivi, bħala mezzi ta’ ħolqien tal-impjiegi u ta’ żvilupp ekonomiku, b’mod ikkoordinat ibbażat fuq il-bżonnijiet lokali u reġjonali, fuq ir-riżorsi u l-vantaġġi, sabiex tintlaħaq effiċjenza ikbar;

10. Ifakkar li l-eżistenza ta’ nisġa ta’ SME dinamiċi hija l-bażi għal industrija kulturali u rikreattiva diversifikata u ta’ kwalità għolja; jitlob biex, fil-ġejjieni, is-SME u l-kapital privat jingħataw rwol iktar importanti fl-implimentazzjoni ta’ proġetti u miżuri fis-settur kulturali u kreattiv, partikolarment permezz ta’ PPPs u billi jsir l-aħjar użu possibbli mill-istrumenti finanzjarji tal-BEI u tal-FEI, il-garanziji fuq is-self u l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tal-kapital ta’ riskju f’CCIs innovattivi ġodda; jistieden lill-Kummissjoni biex tissimplifika r-regoli tal-funzjonament ta’ dawn l-istrumenti, li l-kumplessità attwali tagħhom tillimitahom milli jintużaw; jistieden lill-Istati Membri biex jisfruttawhom iktar bħala mezz biex tiżdied il-kwalità tal-proġetti u l-parteċipazzjoni ta’ atturi privati, speċjalment ta’ SMEs, fil-proġetti Ewropej;

11. Fir-rikonoxximent tan-natura transsettorali eċċezzjonali tas-CCIs, jistieden lill-Kummissjoni biex f’koordinazzjoni mal-Eurostat biex teżerċita l-isforzi tagħha għal definizzjoni aħjar tas-settur u biex ikun rifless b’mod iktar preċiż fl-istatistika (l-iżvilupp ta’ mudelli ġodda u metodoloġija ġdida għall-ġbir tad-dejta kwalitattiva u kwantitattiva, it-titjib fil-komparabilità tagħha kif ukoll fil-kwalità tal-proċessi tal-ġbir);

12. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha biex tappoġġa, tippromwovi u tiffaċilita l-qafas kulturali u kreattiv billi trawwem sistema ta’ kooperazzjoni iktar elaborata bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE, ibbażata fuq il-qsim tal-esperjenzi dwar il-prattika tajba, u jirrakkomanda li l-Kummissjoni tinkludi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-proċess ta’ segwitu lill-Green Paper, bi qbil mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

28.2.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

33

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

François Alfonsi, Luís Paulo Alves, Charalampos Angourakis, Jean-Paul Besset, Alain Cadec, Salvatore Caronna, Rosa Estaràs Ferragut, Danuta Maria Hübner, Seán Kelly, Evgeni Kirilov, Constanze Angela Krehl, Ramona Nicole Mănescu, Riikka Manner, Iosif Matula, Erminia Mazzoni, Lambert van Nistelrooij, Jan Olbrycht, Wojciech Michał Olejniczak, Markus Pieper, Tomasz Piotr Poręba, Monika Smolková, Georgios Stavrakakis, Nuno Teixeira, Michail Tremopoulos, Oldřich Vlasák, Kerstin Westphal, Hermann Winkler

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Karima Delli, Karin Kadenbach, Andrey Kovatchev, Marie-Thérèse Sanchez-Schmid, Patrice Tirolien, Derek Vaughan

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Stanimir Ilchev


OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (1.3.2011)

għall-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

dwar l-isfruttar tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi

(2010/2156(INI))

Rapporteur: Cecilia Wikström

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jistieden lill-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi l-industriji kulturali u kreattivi fl-Ewropa għandhom rwol importanti fil-promozzjoni tad-diversità u l-pluraliżmu kulturali, iżda jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-irkupru ekonomiku, il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda u għall-iżvilupp sostenibbli kif ukoll għall-kompetittività tal-ekonomija Ewropea; billi kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju huma parteċipanti ewlenin f’dawn is-setturi;

B.  billi, sabiex jiffjorixxu, l-industriji kulturali u kreattivi tal-Ewropa jirrikjedu sistema moderna, aċċessibbli u legalment ċerta għall-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali,

C. billi l-avvanzi teknoloġiċi fit-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni bl-ebda mod ma jbiddlu l-ħtieġa fundamentali li jitħarsu d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali,

D. billi hemm il-ħtieġa ta' komformità aħjar għall-qafas legali eżistenti li jħares dawn id-drittijiet, kif ukoll riformi rigward, fost l-oħrajn, is-simplifikazzjoni tal-proċeduri għal-liċenzji fl-industriji kulturali, sabiex ikun jista' jinkiseb kull vantaġġ li joffru l-possibilitajiet ġodda, waqt li tiġi ggarantita sistema bbilanċjata tajjeb ta' ħarsien tad-drittijiet li tqis l-interessi kemm tal-kreaturi kif ukoll tal-konsumaturi,

E.  billi l-frammentazzjoni tas-suq tirriżulta f’aktar u aktar impedimenti għall-iżvilupp ta’ servizzi online hekk kif il-fornituri tal-kontenut qed jimmiraw li joffru xogħlijiet kreattivi għas-suq kollu tal-UE ,

F.  billi din il-frammentazzjoni tfisser li l-konsumaturi li huma interessati f’aċċess transkonfinali għall-kontenut kreattiv jaffaċċjaw ostakli konsiderevoli jew ifittxu modi alternattivi ta’ aċċess, għalkemm mhux dejjem ikunu leġittimi, li huwa ta’ detriment għall-isfruttar ta’ xogħlijiet kreattivi u jimpedixxi l-iżvilupp veru ta’ suq diġitali intern,

G. billi sistema moderna tal-Unjoni għat-trademarks hi essenzjali sabiex jitħares il-valur rappreżentat mill-investimenti li jsiru mill-kumpaniji Ewropej fid-disinn, il-kreazzjoni u l-innovazzjoni,

1.  Jenfasizza l-ħtieġa għal infurzar effikaċi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali kemm fl-ambjent tal-internet u kemm f'dak li mhux, u jisħaq fuq il-fatt li kwalunkwe miżura, f'dak ir-rigward, għandha tkun evalwata sabiex tiggarantixxi l-effiċjenza, il-proporzjonalità u l-konformità tagħhom mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

2.  Jenfasizza li l-isforzi biex jiġi affrontat il-ksur tad-drittijiet tal-awtur għandu jkollhom sostenn pubbliku u jinftiehmu aħjar mill-konsumaturi biex wieħed ma jirriskjax li jimmina-appoġġ pubbliku għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jippromwovu skambju tal-aħjar prattiki dwar metodi effettivi bil-għan li jqajmu kuxjenza dwar l-impatt negattiv tal-ksur tad-dritt ta' proprjetà intellettwali;

4.  Jinnota li parti mill-frammentazzjoni tas-suq fis-setturi kulturali u kreattivi huwa dovut ukoll għad-diversità kulturali u l-preferenza tal-lingwa għall-konsumaturi;

5.  Jenfasizza li l-prattiki ta' ħruġ ta' liċenzji fil-preżent jikkontribwixxu għall-frammentazzjoni tas-suq intern tal-UE; jinnota li minkejja li sar progress, it-talba tal-konsumaturi għal-liċenzji multi-territorjali u multi-repertorjali għall-użu transkonfinali u online għadha ma ġietx indirizzata;

6.  Jenfasizza li proċess tal-ħruġ tal-liċenzji aktar effiċjenti u irħas permezz ta' pjattaformi teknoloġiċi interoperabbli se jiżgura tixrid wiesa' tal-kontenuti kulturali u kreattivi u jipprovdi dħul ogħla għall-atturi kulturali filwaqt li, fl-istess ħin, ikun ta' benefiċċju għall-intermedjarji u l-fornituri tas-servizz;

7.  Ifakkar li l-objettiv tal-UE huwa li jippromwovi l-industriji kulturali u kreattivi, kemm online kif ukoll offline; l-għan għandu jkun l-użu mifrux ta’ liċenzji pan-Ewropej f'konformità mas-suq u t-talbiet tal-konsumaturi; jekk dan ma jkunx jista’ jinkiseb fi żmien qasir, għandha ssir valutazzjoni komprensiva tal-legislazzjoni neċessarja biex tittratta l-ostakli potenzjali għall-ħolqien ta’ suq intern effettiv tal-UE, inkluż il-prinċipju ta' territorjalità,

8.  Jenfasizza li r-regoli tal-VAT u n-nuqqas ta' metodi ta' ħlas aċċessibbli għal bejgħ online joħolqu ukoll ostaklu għall-funzjonament kif xieraq tas-suq intern u għandhom jiġu indirizzati b'urġenza;

9.  Jitlob għalhekk lill-Kummissjoni tippreżenta, kemm jista' jkun malajr, proposti leġislattivi konkreti dwar kif dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu ttrattati sabiex jiġu megħluba l-ostakli eżistenti għall-iżvilupp tas-suq intern, b'mod partikolari l-ambjent online, filwaqt li jiġu rrispettati t-talbiet tal-konsumatur u d-diversità kulturali;

10. Jenfasizza l-ħtieġa li finalment tiġi indirizzata “l-kilba għall-kotba” esperjenzata minn dawk neqsin mid-dawl u dawk b’diżabilità fil-kitba stampata; ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dwar l-obbligi tagħhom skont il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltajiet tan-Nazzjonijiet Uniti biex jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jiżguraw li l-persuni b’diżabilitajiet ikollhom aċċess għall-materjal kulturali f’format aċċessibbli, u biex jiġi żgurat li l-liġijiet li jipproteġu d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ma jikkostitwixxux ostaklu mingħajr raġuni jew diskriminatorju għall-aċċess minn persuni b’diżabilitajiet għall-materjal kulturali; jistieden lill-Kummissjoni taħdem b'mod attiv u pożittiv fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) biex taqbel dwar norma legali li torbot, ibbażata fuq abbozz ta’ proposta tat-trattat mill-Unjoni Dinjija għall-Persuni Nieqsa mid-Dawl u mressqa quddiem l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali fil-WIPO fl-2009;

11. Jenfasizza l-ħtieġa li tissolva l-kwistjoni ta’ xogħlijiet orfni; jilqa’ l-intenzjoni ddikjarata tal-Kummissjoni biex tippreżenta proposti f’dan il-qasam; jinnota li l-problema ta’ xogħlijiet orfni u “l-ħofra s-sewda tas-Seklu 20” mhumiex limitati għax-xogħlijiet ipprintjati bħal pereżempju l-kotba u r-rivisti, iżda hija estiża għal kull tip ta’ xogħol, inklużi r-ritratti, il-mużika u x-xogħlijiet awdjoviżivi;

12. Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ l-appoġġ finanzjarju għall-inizjattivi tas-settur privat biex jinħolqu drittijiet u bażi tad-data tar-repertorju tal-mużika, awdjoviżiv u repertorju ieħor aċċessibbli b'mod wiesa'. tali bażi tad-data jżidu u jiffaċilitaw il-proċeduri tat-trasparenza u l-proċeduri tal-approvazzjoni tad-dritt;

13. Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ it-twaqqif ta’ riżoluzzjoni alternattiva xierqa, imparzjali u effikaċi għas-soluzzjoni tat-tilwim għall-partijiet involuti;

14. Jilqa' r-reviżjoni tal-Kummissjoni tas-sistema tal-Unjoni tat-trademarks u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li jittieħdu l-passi relevanti biex tiggarantixxi li t-trademarks ikunu jistgħu jgawdu mill-istess livell ta' protezzjoni kemm fl-ambjenti tal-internet u kemm f'dawk li mhumiex;

15. Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-problemi speċifiċi li jiltaqgħu magħhom l-SMEs meta jiġu asseriti d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tagħhom bi qbil mal-prinċipju 'Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir' stabbilit mill-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa, fost l-oħrajn billi jiġi applikat il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni għall-SMEs.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

28.2.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

18

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Raffaele Baldassarre, Sebastian Valentin Bodu, Françoise Castex, Christian Engström, Klaus-Heiner Lehne, Antonio Masip Hidalgo, Alajos Mészáros, Bernhard Rapkay, Evelyn Regner, Francesco Enrico Speroni, Alexandra Thein, Cecilia Wikström, Tadeusz Zwiefka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Piotr Borys, Sergio Gaetano Cofferati, Sajjad Karim, Eva Lichtenberger, Toine Manders


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

17.3.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

0

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Badia i Cutchet, Zoltán Bagó, Malika Benarab-Attou, Lothar Bisky, Piotr Borys, Jean-Marie Cavada, Silvia Costa, Santiago Fisas Ayxela, Mary Honeyball, Cătălin Sorin Ivan, Morten Løkkegaard, Emma McClarkin, Marek Henryk Migalski, Doris Pack, Marie-Thérèse Sanchez-Schmid, Marietje Schaake, Timo Soini, Emil Stoyanov, Hannu Takkula, Marie-Christine Vergiat, Sabine Verheyen, Milan Zver

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Nessa Childers, Oriol Junqueras Vies, Ramona Nicole Mănescu, Hans-Peter Martin, Iosif Matula, Francisco José Millán Mon, Monika Smolková

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Christian Engström, Miguel Angel Martínez Martínez

Aġġornata l-aħħar: 28 t'April 2011Avviż legali