RAPPORT dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti (Artikolu 104(7)) għas-snin 2009-2010

22.6.2011 - (2010/2294(INI))

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur: Heidi Hautala

Proċedura : 2010/2294(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0245/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti (Artikolu 104(7)) għas-snin 2009-2010

(2010/2294(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 1, 10 u 16 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 15 u 298 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–       wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 41 (id-dritt għal amministrazzjoni tajba) u 42 (id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti) tagħha,

–       wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni[1],

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1700/2003 tat-22 ta’ Settembru 2003 li jemenda r-Regolament (KEE, Euratom) Nru 354/83 dwar il-ftuħ għall-pubbliku tal-arkivji storiċi tal-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika[2],

–       wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid tad-Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali[3],

–       wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Qorti Ġenerali dwar l-aċċess għad-dokumenti, u partikolarment is-sentenzi tal-Qorti fil-kawżi Turco (kawżi magħquda C-39/05 P u C-52/05 P)[4], Bavarian Lager (kawża C-28/08)[5], Volker und Marcus Schecke (kawżi magħquda C-92/09 u C-93/09)[6], Technische Glaswerke Ilmenau - TGI (C-139/07 P)[7], u API (kawżi magħquda C-514/07 P, C-528/07 P u C-532/07 P)[8] u s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali fil-kawżi ta’ Access Info Europe (T-233/09)[9], MyTravel (kawża T-403/05)[10], Borax (kawżi T-121/05 u T-166/05)[11], Joséphidès (kawża T-439/08)[12], Co-Frutta (kawżi magħquda T-355/04 u TT-446/04)[13], Terezakis (kawża T-380/04)[14], Agrofert Holdings (kawża T-111/07)[15], u Editions Jacob (kawża T-237/05)[16],

 wara li kkunsidra l-attivitajiet u d-dokumenti prodotti mill-Ombudsman Ewropew dwar il-kwistjoni tal-aċċess għad-dokumenti, kif ukoll mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) fir-rigward tal-bilanċ ġust bejn it-trasparenza u l-protezzjoni tad-data,

–       wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-30 ta’ April 2008 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (COM(2008)0229),

–       wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Marzu 2011 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (COM(2011)0137),

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU/KEE tal-1998 dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid tad-Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (Konvenzjoni ta’ Aarhus),

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-2008 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Aċċess għad-Dokumenti Uffiċjali,

–       wara li kkunsidra r-Rapporti Annwali għall-2009 u l-2010 mill-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew dwar l-aċċess għad-dokumenti, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001,

 wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas tal-2010 dwar ir-Relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea[17],

–       wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tal-20 ta’ Novembru 2002 bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-aċċess mill-Parlament Ewropew għal informazzjoni sensittiva tal-Kunsill fil-qasam tal-politika tas-sigurtà u tad-difiża[18],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu tal-14 ta’ Jannar 2009 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni[19], tal-25 ta’ Novembru 2010 dwar ir-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2009[20], u tas-17 ta' Diċembru 2009 dwar it-titjib meħtieġ fil-qafas legali għall-aċċess għad-dokumenti wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, Regolament (KE) Nru 1049/2001[21],

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 48 u l-Artikolu 104(7) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0245/2011),

A. billi t-Trattat ta’ Lisbona introduċa qafas kostituzzjonali ġdid tat-trasparenza istituzzjonali tal-UE – bl-għan ta’ amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti (l-Artikolu 298 TFUE) - billi stabbilixxa dritt fundamentali sod dwar l-aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE; billi dan id-dritt jingħata permezz tat-Trattat, mhux biss liċ-ċittadini tal-UE iżda wkoll lil kull persuna fiżika jew ġuridika residenti fi Stat Membru u għandu jiġi eżerċitat b’konformità mal-prinċipji ġenerali u l-limiti (stabbiliti bl-għan li jiġu protetti ċerti interessi pubbliċi jew privati) stabbiliti mir-regolamenti adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill (l-Artikolu 15 TFUE),

B.     billi issa hi regola ġenerali li l-aċċess għad-dokumenti leġiżlattivi għandu jiġi kompletament provdut, filwaqt li l-eċċezzjonijiet fir-rigward tad-dokumenti mhux leġiżlattivi għandhom jitnaqqsu, u billi ż-żewġ approċċi m’għandhomx idgħajfu lil xulxin,

C.     billi t-Trattati l-ġodda ma jsemmux iktar li l-Kunsill irid ‘jippreserva l-effettività tiegħu fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet’ (Artikoli 255 u 207(3) tat-TKE preċedenti) – l-hekk imsejjaħ ‘spazju għall-ħsieb’ – bħala limitu possibbli għat-trasparenza safejn dan jikkonċerna l-proċeduri leġiżlattivi; billi għall-proċeduri amministrattivi l-'ispazju għall-ħsieb' għandu jkun konformi mal-Artikolu 1 tat-TUE u l-Artikolu 298 tat-TFUE, li jirrikjedu ġestjoni miftuħa, effiċjenti u indipendenti,

D.     billi t-trasparenza hi parti essenzjali mid-demokrazija parteċipattiva, li hi kumplimentari għad-demokrazija rappreżentattiva, fuq liema hu bbażat it-tħaddim tal-Unjoni, kif imniżżel b’mod espliċitu fl-Artikoli 9-11 TUE, li jippermettu liċ-ċittadin jipparteċipa fit-teħid tad-deċiżjonijiet u jeżerċita l-iskrutinju pubbliku u b'hekk jiżguraw il-leġittimità ta’ sistema politika demokratika,

E.     billi ċ-ċittadini qed jitlobu għal iktar demokrazija, trasparenza, u ftuħ min-naħa tal-istituzzjonijiet u tal-atturi politiċi u għal ġlieda iktar b’saħħitha kontra l-korruzzjoni; billi l-aċċess għad-dokumenti u għall-informazzjoni huwa wieħed mill-modi kif jiġu żgurati l-involviment taċ-ċittadini fil-proċess demokratiku u l-prevenzjoni tal-korruzzjoni u l-ġlieda kontriha,

F.     billi, barra minn dan, l-UE qed tirriskja b’mod progressiv li ssir il-mira tal-kritika minħabba n-nuqqas kontinwu ta’ trasparenza u aċċess għad-dokumenti u għall-informazzjoni liċ-ċittadini, kif intwera bl-impossibilità li jiġi adottat Regolament ġdid dwar id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti, minħabba li l-Kummissjoni rrifjutat li taċċetta l-emendi tal-Parlament u minħabba n-nuqqas ta' rieda tal-Istati Membri li jiftħu d-dokumenti, id-diskussjonijiet u d-deliberazzjonijiet tagħhom għaċ-ċittadini u l-Parlament,

G.     billi għandhom jittieħdu miżuri ulterjuri iktar stretti kontra l-korruzzjoni fil-livell tal-UE biex jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet tal-UE jkollhom immunità għaliha, fil-livelli kollha u kullimkien, u billi l-Parlament għandu jieħu lezzjoni mill-esperjenzi negattivi reċenti billi jfassal ir-regoli, inklużi r-regoli li jipprevedu trasparenza mtejba, fir-rigward tar-relazzjonijiet tal-MEPs u tal-persunal tal-Parlament mal-“lobbyists” u mal-gruppi ta’ interess,

H.     billi, sabiex jiġu garantiti r-responsabilità u l-leġittimità ta’ sistema politika demokratika, iċ-ċittadini għandhom id-dritt ikunu jafu kif jaġixxu r-rappreżentanti tagħhom, ladarba jiġu eletti jew maħtura f’korpi pubbliċi jew ikunu qed jirrappreżentaw lill-Istati Membri fil-livell Ewropew jew f’dak internazzjonali (il-prinċipju tar-responsabilità), kif jiffunzjona l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet (inkluż id-dokumenti, l-emendi, il-kalendarji, l-atturi involuti, il-voti mitfugħin, eċċ.), u kif il-flus pubbliċi jiġu allokati u jintefqu, u x’riżultati jkollhom (il-prinċipju tat-traċċabilità tal-fondi),

I.      billi r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 kurrenti ma jagħtix definizzjonijiet ċari tad-diversi kwistjonijiet importanti, bħad-dritt tal-veto tal-Istati Membri, il-limitazzjonijiet tal-‘ispazju għall-ħsieb’, definizzjoni ċara u stretta tal-eċċezzjonijiet, il-klassifikazzjoni tad-dokumenti, u l-ekwilibriju bejn it-trasparenza u l-protezzjoni tad-data,

J.      billi bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-UE kisbet kompetenzi ġodda fl-oqsma tal-liġi kriminali (l-Artikoli 82 u 82 tat-TFUE) u tal-kooperazzjoni tal-pulizija; billi tali kompetenzi ġodda jistgħu jaffettwaw id-drittijiet bażiċi tal-bniedem u jindikaw il-bżonn ta’ proċedura leġiżlattiva aktar miftuħa,

K.     billi l-Artikolu 15 tat-TFUE u l-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jintroduċu kunċett wiesa' tat-terminu ‘dokument’ li jkopri informazzjoni jkun xi jkun il-mezz tal-ħażna,

L.     billi l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 mhix uniformi hekk kif l-istatistika turi varjazzjoni bejn l-istituzzjonijiet differenti; billi d-data kwantitattiva fir-Rapport Annwali għall-2009 skont l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 mill-Istituzzjonijiet tal-UE tissuġġerixxi tnaqqis ġenerali fin-numru u fir-rata ta’ rifjuti, għal 12%[22] (16% fl-2008) fil-Parlament (33 każ), 22.5%[23] (28% fl-2008) fil-Kunsill (2254 każ) u 11.65% (13.99% fl-2008) fil-Kummissjoni (589 każ), filwaqt li r-raġunijiet għar-rifjut varjaw fost l-istituzzjonijiet tal-UE fl-2009, waħda mill-eċċezzjonijet l-iktar użati kienet il-protezzjoni tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet (il-Parlament (39.47%[24]), il-Kunsill (39.2% għall-applikazzjonijiet inizjali)[25], u l-Kummissjoni (26%))[26],

M.    billi l-Qorti Ġenerali fil-kawża Toland v Parlament[27] annullat id-deċiżjoni tal-Parlament Eworpew li tirrifjuta l-aċċess għar-rapport dwar is-Servizz ta’ Verifika Interna tad-9 ta’ Jannar 2008 intitolat ‘Verifika tal-‘allowance’ tal-assistenza Parlamentari’,

N.     billi, fir-rigward tad-dokumenti sensittivi, il-Kummissjoni u l-Parlament fl-2009 ma daħħlu ebda dokument bħal dan fir-reġistri tagħhom, filwaqt li l-Kunsill daħħal 157 dokument sensittiv ikklassifikat ‘CONFIDENTIEL UE’ jew ‘SECRET UE’ minn 4445 dokument ikklassifikat b’dak il-mod,

O.     billi l-ftehimiet internazzjonali għandhom effetti legali fl-ordni legali tal-UE simili għal dawk tal-leġiżlazzjoni interna tal-UE, u billi l-pubbliku għandu jiġi infurmat bil-ftehimiet internazzjonali u jingħata l-aċċess għad-dokumenti relatati magħhom,

P.     billi r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jistabbilixxi l-obbligu li l-istituzzjonijiet jikkunsidraw l-aċċess parzjali għal dokument jekk partijiet biss minnu jkunu koperti mill-eċċezzjoni; billi aċċess parzjali mogħti ta’ spiss ikun limitat b’mod mhux xieraq u jestendi biss it-titolu jew il-paragrafi introduttorji tad-dokumenti filwaqt li l-aċċess għall-paragrafi sostantivi huwa pprojbit,

Q.     billi l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jistabbilixxi “id-dritt ta’ kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl li jikkonċernaha, filwaqt li jiġu rrispettati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-segretezza professjonali u tan-negozju”; u billi għad hemm diskrepanzi serji fl-implimentazzjoni ta’ dan id-dritt, li joħloq pressjoni biex jiġu invokati r-regoli dwar l-aċċess pubbliku biex persuna tikseb l-aċċess għall-fajl tagħha stess,

R.  billi l-Artikolu 15 tat-TFUE jistabbilixxi obbligu ċar għall-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji kollha tal-UE li “iwettqu x-xogħol tagħhom b’mod kemm jista’ jkun miftuħ”; billi dan l-obbligu japplika wkoll għall-kumitati li jassistu lill-Kummissjoni fi dmirijietha; billi dan l-obbligu ma jiġix rispettat fir-regoli ta’ proċedura standard tal-Kummissjoni għall-kumitati, li jistipulaw li d-diskussjonijiet u d-dokumenti kollha tal-kumitati relatati mal-proċeduri tal-“komitoloġija” għandhom ikunu kunfidenzjali;

Aċċess għad-dokumenti bħala dritt fundamentali

1.      Ifakkar li t-trasparenza hi r-regola ġenerali u bit-Trattat ta’ Lisbona (u bl-istess mod, minn meta l-Karta tal-UE tad-Drittijiet tal-Bniedem kisbet forza legali vinkolanti) saret dritt fundamentali taċ-ċittadin li hu legalment vinkolanti, u għaldaqstant kwalunkwe deċiżjonijiet li jċaħħdu l-aċċess għad-dokumenti jridu jkunu bbażati fuq eċċezzjonijiet ċari u definiti b’mod strett, spjegati b’mod raġunat u b’bażi tajba, li jippermettu liċ-ċittadin jifhem ir-rifjut u li juża b’mod effettiv ir-rimedji legali għalih disponibbli;

2.      Iqis li l-UE għandha tkun minn ta’ quddiem nett, waqt li tipprovdi mudell għat-trasparenza istituzzjonali u d-demokrazija moderna għall-Istati Membri kif ukoll għall-pajjiżi terzi;

3.      Ifakkar li t-trasparenza hija l-aħjar mod kif wieħed jipprevieni l-korruzzjoni, il-frodi, il-kunflitti ta’ interess u l-amministrazzjoni ħażina;

4.      Jistieden lill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji kollha tal-UE, inkluż s-Servizz Ewropew ġdid għall-Azzjoni Esterna, biex japplikaw immedjatament u b’mod sħiħ ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 kif mitlub mit-Trattati, u jippubblikaw f’dak ir-rigward rapport annwali kif mitlub mill-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001;

5.      Jindika li l-interventi mill-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Ombudsman Ewropew u mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD), li bażikament jieħdu pożizzjonijiet dwar każijiet individwali, ma jistgħux jieħdu post attività leġiżlattiva f’dak li għandhom x’jaqsmu ċ-ċertezza legali u l-ugwaljanza quddiem il-liġi; jiddispjaċih li minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabbiliet prinċipju ċar, bħal pereżempju fil-kawża Turco dwar it-trasparenza leġiżlattiva, dan għadu mhux qed ikun hemm konformità miegħu; konsegwentement, itenni t-talba tiegħu lill-istituzzjonijiet biex jikkonformaw mas-sentenza Turco dwar l-opinjonijiet tas-servizzi legali abbozzati fil-qafas tal-proċess leġiżlattiv; jirriafferma li l-leġiżlatur jeħtieġ li jindirizza u jegħleb il-problemi enfasizzati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u jimplimenta d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti b’mod sħiħ u estensiv, fl-ispirtu tal-modifiki l-ġodda tat-Trattat li jistabbilixxu b’mod ċar id-dritt fundamentali tal-aċċess għad-dokumenti;

6.      Jikkunsidra li tinħtieġ reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 sabiex jiġu ċċarati ftit mid-dispożizzjonijiet tiegħu, jiġu definiti b’mod preċiż u jitnaqqsu l-eċċezzjonijiet tiegħu u jiġi żgurat li dawn l-eċċezzjonijiet ma jdgħajfux it-trasparenza mogħtija mit-Trattati u mill-Karta; iqis li din ir-reviżjoni għandha ssaħħaħ id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti, mingħajr ma, b’xi mod, jitnaqqsu l-istandards eżistenti għall-ħarsien ta’ dan id-dritt, u tikkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jenfasizza f’dan il-kuntest li r-Regolament rivedut għandu jkun sempliċi u aċċessibbli liċ-ċittadini sabiex jippermettilhom jagħmlu użu b’mod effikaċi mid-dritt tagħhom;

7.      Iqis li l-proposta tal-Kummissjoni tal-2008 li temenda r-Regolament (KE) Nru 1049/2001, ma ttejjibx il-livell meħtieġ skont it-Trattat ta’ Lisbona iżda għall-kuntrarju ta’ dan, ħafna mill-emendi proposti mill-Kummissjoni fil-verità jnaqqsu l-livell eżistenti; b’mod partikolari, iqis li l-emenda għall-Artikolu 3 proposta mill-Kummissjoni, li tirrestrinġi sostanzjalment d-definizzjoni ta’ “dokument” meta mqabbla ma’ dik eżistenti, tmur kontra t-Trattat ta’ Lisbona; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta reveduta għar-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 li tqis bis-sħiħ ir-rekwiżiti għal aktar trasparenza li jinsabu fit-Trattat ta’ Lisbona, iddikjarati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u espressi fix-xogħol preċedenti tal-Parlament;

8.      Ifakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat fil-kawża Svezja vs Kummissjoni (kawża C-64/05 P)[28] li l-Istati Membri m’għandhomx dritt assolut tal-veto fir-rigward ta’ dokumenti li joriġinaw minnhom, iżda biss il-possibbiltà ta’ proċedura ta’ konsultazzjoni, li l-iskop tagħha hu li tivvaluta jekk eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tapplikax jew le[29]; jikkunsidra li hemm bżonn ta’ kjarifika leġiżlattiva sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta ta’ din il-ġurisprudenza sabiex jiġi evitat id-dewmien u l-kontroversji persistenti, kif muri mill-kawża IFAW[30];

9.      Ifakkar li l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar dokumenti sensittivi hu kompromess li ma jirriflettix iktar l-obbligi kostituzzjonali u legali ġodda wara t-Trattat ta’ Lisbona;

10.    Jisħaq li l-klassifikazzjoni tad-dokumenti taffettwa b’mod dirett id-dritt taċ-ċittadin li jaċċessa d-dokumenti; ifakkar li s-sistema kurrenti ta’ klassifikazzjoni taħdem biss abbażi ta’ ftehimiet interistituzzjonali u hi vulnerabbli għal klassifikazzjoni żejda; jappella għal regoli komuni ta’ klassifikazzjoni f’forma ta’ regolament;

11.    Jistieden speċjalment lill-Kunsill jagħti aċċess sħiħ lill-Parlament għad-dokumenti kklassifikati relatati mal-ftehimiet internazzjonali, kif previst mill-Artikolu 218 TFUE, kif ukoll għad-dokumenti klassifikati li huma relatati mal-proċeduri ta’ evalwazzjoni tal-UE, sabiex jiġu evitati problemi interistituzzjonali bħal dawk, pereżempju, f’konnessjoni mal-adeżjoni tal-UE fil-KEDB, il-valutazzjoni ta’ Schengen dwar il-Bulgarija u r-Rumanija, il-Ftehim Kummerċjali dwar il-Ġlieda Kontra l-Falsifikazzjoni (ACTA) u d-djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u ċ-Ċina;

12.    Jenfasizza r-rwol importanti ta’ regoli dwar klassifikazzjoni xierqa għal kooperazzjoni interistituzzjonali sinċiera; jilqa’ f’dak ir-rigward il-ftehimiet interistituzzjonali dwar il-klassifikazzjoni u l-aċċess għad-dokumenti, għalkemm ma jistgħux jieħdu post bażi leġiżlattiva xierqa; jistieden f’dan il-kuntest lill-Kunsill u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jsegwu l-mudell tal-IIA ġdid bejn il-Parlament u l-Kummissjoni u jikkonkludu ftehim simili mal-Parlament b'urġenza;

13.    Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jaħdmu lejn regoli aktar trasparenti fl-UE dwar il-libertà tal-informazzjoni li jikkunsidraw bis-sħiħ il-proposti f’dan ir-rapport, il-ġurisprudenza reċenti u t-Trattati l-ġodda;

14.    Ifakkar li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi magħquda Svezja u Turco v Kunsill saħqet fuq l-obbligazzjoni ta’ trasparenza fil-proċedura leġiżlattiva, peress li ‘trasparenza f’dan ir-rigward tikkontribwixxi sabiex issaħħaħ id-demokrazija billi tippermetti liċ-ċittadini li jikkontrollaw l-informazzjoni kollha li tkun ikkostitwixxiet il-bażi ta’ att leġiżlattiv’[31]; jisħaq għaldaqstant li kwalunkwe eċċezzjonijiet li jagħmlu riferiment għall-proċedura leġiżlattiva, inkluż il-parir legali, għandhom ikunu limitati b'mod preċiż u l-hekk imsejjaħ ‘spazju għall-ħsieb’ għandu jiġi ddefinit b'mod strett[32];

15.    Jenfasizza li, mikejja dan il-prinċipju ċar, dan għadu mhux implimentat fil-prattika, kif muri mis-sentenza reċenti fil-kawża Access Info Europe[33] fir-rigward tar-rifjut tal-Kunsill li jiżvela l-pożizzjonijiet tal-Istati Membri dwar it-tfassil mill-ġdid propost tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, u mill-kawża ClientEarth vs Kunsill[34], pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali, dwar opinjoni legali fir-rigward tat-tfassil mill-ġdid tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001; jinnota li l-iżvelar pubbliku tal-pożizzjonijiet tal-Istati Membri matul in-negozjati tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u l-ħafna miżuri adottati sussegwentement, b’ebda mod ma jdgħajfu l-kapaċità ta’ teħid tad-deċiżjoni tal-Kunsill, minħabba li dan l-iżvelar ma jipprevenix il-konklużjoni b’suċċess tal-proċeduri leġiżlattivi rilevanti;

16.    Jistieden lill-Kunsill jirrevedi r-regoli tiegħu u jestendi t-trasparenza fir-rigward tal-proċeduri leġiżlattivi tal-gruppi ta’ ħidma u l-korpi interni tal-Kunsill billi jipprovdi mill-inqas il-kalendarji, l-aġendi, il-minuti tad-diskussjonijiet, id-dokumenti eżaminati, l-emendi, id-dokumenti u d-deċiżjonijiet approvati, l-identità tad-delegazzjonijiet tal-Istati Membri u l-listi ta’ membri, mingħajr preġudizzju għall-possibilità tal-użu tal-eżenzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 fir-rigward tal-publikazzjoni ta’ dawn il-listi; jistieden lill-Kunsill jagħmel id-deċiżjonijiet ta' dawn il-korpi aċċessibbli għall-pubblike; jopponi l-użu ta’ dokumenti ‘limitati’ (terminu li ma jirriżultax mir-Regolament (KE) Nru 1049/2011) kif ukoll il-prattika ta’ dokumenti mhux reġistrati, bħad-dokumenti tal-kamra;

17.    Jemmen li, sabiex il-proċess leġiżlattiv isir b’iktar responsabbiltà, ikun aktar komprensiv u aċċessibbli għall-pubbliku, il-kumitati tal-Parlament għandhom, f’kull każ, jadottaw tal-inqas voti ta’ orjentazzjoni qabel ma jieħdu sehem fi trilogi mal-Kunsill; il-Kunsill, min-naħa tiegħu, għandu jadotta ‘approċċi ġenerali’ jew japprova pożizzjonijiet ta’ negozjar li jintlaħaq qbil dwarhom mal-Coreper qabel ma jidħol fi trilogi mal-Parlament, filwaqt li tali dokumenti kollha tal-Parlament u tal-Kunsill għandhom jiġu ppubblikati immedjatament;

18.    Jistieden lill-Kummissjoni tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku l-aġendi, il-minuti u d-dikjarazzjonijiet ta’ interess li jirrelataw mal-gruppi ta’ esperti u l-ismijiet tal-membri, il-proċeduri u l-vototazzjonijiet tal-kumitati tal-‘komitoloġija’, flimkien mad-dokumenti kollha li jiġu kkunsidrati minn tali gruppi u kumitati, inklużi l-abbozzi ta’ atti delegati u l-abbozzi ta’ atti ta’ implimentazzjoni; jistieden lill-Parlament jadotta proċedura iktar trasparenti u miftuħa, inkluż internament, biex jitratta dawn id-dokumenti;

19.    Ifakkar li t-trasparenza kif mitluba mit-Trattati mhix limitata għall-proċeduri leġiżlattivi iżda jkopru wkoll ix-xogħol mhux leġiżlattiv tal-istituzzjonijiet tal-UE, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-UE; jenfasizza li r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 hu l-uniku att legali xieraq għall-valutazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti, u li bażi legali oħra, bħar-regolamenti interni jew ta’ twaqqif tal-istituzzjonijiet, tal-aġenziji u tal-korpi, ma jistgħux jintroduċu raġunijiet addizzjonali għar-rifjut tal-aċċess;

20.    Jiddispjaċih li n-negozjati reċenti bejn l-istituzzjonijiet tal-UE għal “ftehim komuni” dwar atti delegati u għal ftehim qafas ġdid bejn il-Kummissjoni u l-Parlament ma kinux kompletament trasparenti; jimpenja ruħu sabiex jagħmel in-negozjati tiegħu mal-Kunsill u mal-Kummissjoni għall-ftehimiet interistituzzjonali li għaddejin jew futuri jew ftehimiet komparabbli, kompletament trasparenti;

21.    Jerġa’ jfaħħar ix-xogħol tal-Ombudsman Ewropew li jiżgura aktar trasparenza fl-UE, peress li madwar terz tal-inkjesti tiegħu jittrattaw in-nuqqas ta’ trasparenza, kif imsemmi fir-rapport tiegħu tal-2009, u jenfasizza r-rwol tiegħu li influwenza, pereżempju, il-bidla fil-politika ta’ trasparenza tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) fir-rigward tal-iżvelar ta’ rapporti dwar reazzjonijiet kuntrarji[35] u rapporti ta’ studji kliniċi[36]; jenfasizza li d-data prodotta mill-entitajiet tal-UE għandha b’mod ġenerali tkun disponibbli għall-pubbliku;

22.    Ifakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, f’xi wħud mid-deċiżjonijiet reċenti tiegħu bħal dawk fil-kawżi tal-API u tat-TGI msemmija hawn fuq, stabbilixxa l-eżistenza ta’ ‘suppożizzjoni ġenerali’, u għaldaqstant neħħa d-dover tal-Kummissjoni f’ċeri każi li teżamina individwalment id-dokumenti mitluba; jenfasizza li dan fil-prinċipju imur kontra l-prinċipji fundamentali tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001; ifakkar li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza wkoll il-bżonn li jiġu reveduti r-regolamenti dwar l-aċċess għall-partijiet ikkonċernati fir-rigward tal-fajls tagħhom stess miżmuma mill-istituzzjonijiet;

23.    Jenfasizza li filwaqt li l-Artikolu 15 tat-TUE japplika speċifikament biss għad-dokumenti amministrattivi tal-Qorti, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħall-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE l-oħra kollha, għandha twettaq xogħolha ‘b’mod kemm jista’ jkun miftuħ’, skont l-Artikolu 1 tat-TUE; b'dan il-għan, jistieden lill-Qorti tfittex modi kif iżżid it-trasparenza tal-attivitajiet ġudizzjarji tagħha. 'peress li mhux biżżejjed li ssir ġustizzja; iżda hemm bżonn li tidher li qed issir'[37], u tirrispetta b’mod sħiħ ir-Regolament (KE) Nru 1049/2011 fir-rigward tal-attivitajiet amministrattivi tagħha;

24.    Itenni l-importanza tal-prinċipju tat-traċċabilità, sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkollhom għarfien dwar kif il-flus pubbliċi jkunu qed jiġu allokati u minfuqa, u liema riżultati jkun qed ikollhom, u jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE japplikaw dan il-prinċipju fir-rigward tal-operat tal-istituzzjoni u tal-politiki u l-fondi allokati biex jimplimentawhom, fil-livelli kollha;

Eċċezzjonijiet

‘Spazju għall-ħsieb’

25.    Ifakkar li t-Trattati l-ġodda m’għadhomx jagħmlu referenza speċifika għall-obbligu tal-Kunsill li jiddefinixxi l-każi li fihom jaġixxi f’kapaċità leġiżlattiva u l-bżonn li tinżamm l-effettività tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu (Artikolu 207(3) tat-TKE preċedenti) – l-hekk imsejjaħ ‘spazju għall-ħsieb’ – u li s-‘sopravivenza’ attwali ta’ dan il-kunċett hi bbażata biss fuq l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) 1049/2001 fir-rigward tal-proċeduri leġiżlattivi;

26.    F’konformità mal-aqwa standards internazzjonali żviluppati minn organizzazzjonijiet mhux governattivi ewlenin[38], jenfasizza l-bżonn li jintuża test strett li jkun fih tliet partijiet sabiex jiġi ġġustifikat ir-rifjut tal-iżvelar ta' dokument: (1) l-informazzjoni li jkun fih id-dokument għandha tirrigwarda għan leġittimu elenkat fl-att leġiżlattiv, (2) l-iżvelar tad-dokument irid ikun theddida li tiġi kkawżata ħsara sostanzjali lil dan l-għan, u (3) il-ħsara li jaffaċċja l-għan għandha tkun akbar mill-interess tal-pubbliku li jkollu l-informazzjoni fid-dokument;

27.    Ifakkar li r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jistabbilixxi obbligu ċar għall-istituzzjonijiet biex jagħtu aċċess għal dawk il-partijiet kollha tad-dokument li mhumiex koperti minn kwalunkwe eċċezzjoni; jinnota li l-aċċess parzjali mogħti huwa kemm-il darba limitat b’mod mhux xieraq u jenfasizza li l-aċċess għandu jitqies ġenwinament anke fir-rigward ta’ dawk il-partijiet sostantivi tad-dokumenti li jinteressaw lill-applikant;

28.    Jindika li l-Artikolu 4(3) kurrenti tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 ifittex li jillimita l-ambitu tal-‘spazju għall-ħsieb’ billi jistipula, bħala prerekwiżit għar-rifjut li jingħata aċċess, li l-iżvelar tad-dokument m’għandux sempliċiment idgħajjef il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, iżda għandu jdgħajfu b’mod serju u jippermetti f’kull każ, li jinqabeż dan il-limitu fejn hemm “interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu”; jenfasizza madankollu li – minkejja l-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq – l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 fih definizzjoni miftuħa li ma tagħtix kundizzjonijiet ċari għall-applikazzjoni jew biex titqies il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja; jisħaq fuq il-bżonn ta’ definizzjoni xierqa skont il-kunċett ta’ ċertezza legali billi l-kunċett jiġi ristrett

29.    Jenfasizza li t-trilogi u l-proċeduri ta’ konċiljazzjoni (kif imniżżel b’mod espliċitu fl-Artikolu 294 tat-TFUE) huma fażi sostanzjali tal-proċedura leġiżlattiva, u mhux ‘spazju għall-ħsieb’ separat; jemmen speċjalment li l-proċeduri attwali, fir-rigward ta’ trilogi qabel il-possibilità ta' qbil waqt l-ewwel qari, ma jiżgurawx livell sodisfaċenti ta’ trasparenza leġiżlattiva u aċċess għad-dokumenti, kemm b’mod intern fir-rigward tal-Parlament, u anke b’mod estern fir-rigward taċ-ċittadini u tal-opinjoni pubblika; jitlob, għaldaqstant, li d-dokumenti maħluqa fil-qafas tagħhom, bħal pereżempju aġendi, sommarji tar-riżultati u dokumenti ta’ “erba’ kolonni”, imfassla biex jiffaċilitaw in-negozjati, fil-prinċipju m’għandhomx jiġu ttrattati b’mod differenti minn dokumenti leġiżlattivi oħra, u li għandhom jiġu pubblikati fir-rigward ta’trilogi qabel il-possibilità ta' qbil waqt l-ewwel qari; konsegwentement, jagħti istruzzjonijiet lill-korpi kompetenti tiegħu biex jistandardizzaw din il-proċedura u jistieden lill-istituzzjonijiet l-oħra jagħmlu l-istess;

Il-protezzjoni tad-data u t-trasparenza

30.    Jenfasizza l-bżonn li jiġi stabbilit ekwilibriju xieraq bejn it-trasparenza u l-protezzjoni tad-data[39], kif iċċarat mill-ġurisprudenza fil-kawża Bavarian Lager, u jenfasizza li l-protezzjoni tad-data m'għandix ‘tintuża ħażin’, b’mod partikolari, biex jitgħattew il-kunflitti ta’ interess u influwenza mhux xierqa fil-kuntest tal-amministrazzjoni u t-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE; jindika li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Bavarian Lager hi bbażata fuq il-formulazzjoni kurrenti tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u ma ma żżommhiex milli tinbidel, bdil li huwa neċessarju u urġenti partikolarment wara l-proklamazzjoni ċara tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

31.    Jilqa’ l-kunsens milħuq mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) u mill-Ombudsman Ewropew dwar il-bilanċ xieraq bejn il-protezzjoni tad-data u t-trasparenza, speċjalment fir-rigward tal-approċċ proattiv li jfisser li ‘l-istituzzjonijiet jivvalutaw u sussegwentement jippermettu s-suġġetti tad-data – qabel jew mill-inqas il-mument li fih jiġbru d-data tagħhom – sabiex l-ipproċessar ta’ tali data jinkludi jew jista’ jinkludi l-iżvelar pubbliku tiegħu’[40];

Konvenzjoni ta’ Aarhus

32.    Jenfasizza li bosta diverġenzi bejn ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u l-Konvenzjoni ta’ Aarhus, kif qed jiġi applikat mir-Regolament (KE) Nru 1367/2006, bhan-nuqqas fil-Konvenzjoni ta’ Aarhus ta’ raġunijiet ‘assoluti’ għar-rifjut, u eċċezzjonijiet abbażi tal-protezzjoni ta’ kwistjonijiet militari, politika finanzjarja, monetarja u ekonomika tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, parir legali jew spezzjonijiet, investigazzjonijiet u verifiki, u l-limitazzjoni tal-eċċezzjoni tal-interess kummerċjali għall-każi fejn tali kunfidenzjalità hi protetta mil-liġi sabiex tipproteġi interess ekonomiku leġittimu;

33.    Jistieden lill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji kollha tal-UE biex japplikaw ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 b’mod koerenti mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus; jappella f’dak ir-rigward lill-Kummissjoni biex tippubblika l-istudji dwar il-verifika tal-konformità fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-direttivi ambjentali tal-UE[41] u l-istudji xjentifiċi, pereżempju dwar l-impatt tal-bijofjuwils[42], u jistieden lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) tapplika b’mod sħiħ l-Artikolu 119 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH)[43] fir-rigward tal-aċċess pubbliku elettroniku, taċċetta biss talbiet ta’ kunfidenzjalità li huma ġustifikabbli b'mod ċar li huma validi skont l-Artikolu 119(2) tar-REACH, u tinterpreta l-informazzjoni li s-soltu hi meqjusa li ddgħajjef il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali strettament skont l-Artikolu 118(2) tar-REACH u mingħajr preġudizzju għall-obbligazzjonijiet tagħha skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 biex tibbilanċja kwalunkwe għotja ta’ kunfidenzjalità kontra l-possibilità ta’ interess pubbliku akbar każ b’każ;

34.    Jenfasizza li kwalunkwe reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandha tirrispetta b'mod sħiħ il-Konvenzjoni ta’ Aarhus u għandha tiddefinixxi kwalunkwe eżenzjoni b’konformità sħiħa miegħu;

Relazzjonijiet internazzjonali

35.    Jenfasizza li d-dokumenti relatati mal-ftehimiet internazzjonali li jikludu dokumenti adottati minn kwaunkwe korpi jew sottomessi lilhom li jkollhom id-dover li jimplimentaw jew jissorveljaw l-applikazzjoni ta’ tali ftehimiet, għandhom jiġu żvelati lill-pubbliku, billi dawn mhumiex kategorikament esklużi mill-aċċess pubbliku, u li l-aċċess għalihom għandu jiġi miċħud biss meta jkun hemm dannu reali għar-relazzjonijiet internazzjonali, u waqt li jitqies l-Artikolu 4(4) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar konsultazzjonijiet ma' parti terza; jenfasizza li billi l-ftehimiet internazzjonali għandhom effetti vinkolanti, test ta’ interess pubbliku għandu jiġi introdott fir-rigward tal-eċċezzjoni; jindika li l-Parlament, li jiġi elett miċ-ċittadini tal-UE, huwa fdat mit-Trattati bi rwol istituzzjonali fir-rappreżentanza tal-interess pubbliku; jesprimi d-determinazzjoni soda tiegħu li jiżgura li jiġu rrispettati b’mod sħiħ il-prerogattivi istituzzjonali l-ġodda assenjati lill-Parlament mit-Trattat ta' Lisbona (l-Artikolu 218 tat-TFUE) fil-qasam tal-ftehimiet internazzjonali, u li l-ebda ftehimiet bilaterali ma' pajjiżi terzi ma jistgħu jċaħħdu dan;

Governanza tajba

36.    Jenfasizza li t-trasparenza hi marbuta mill-qrib mad-dritt ta’ ġestjoni tajba, kif imsemmi fl-Artikolu 298 tat-TFUE u l-Artikolu 41 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali; jenfasizza l-fatt li t-trasparenza amministrattiva tiggarantixxi kontroll demokratiku tal-kompiti amministrattivi tal-UE, il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u l-promozzoni ta’ governanza tajba (l-Artikolu 15 tat-TFUE);

37.    Jenfasizza li n-nuqqas kurrenti ta’ koerenza fil-liġi amministrattiva għall-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-UE, bħar-regolamenti fir-rigward tal-għotja tad-deċiżjonijiet amministrattivi li jistgħu jiġu appellati kontra[44], jew kunċett ċar ta’ ‘kompiti amministrattivi’ kif imsemmija fl-Artikolu 15(3) tat-TFUE; jistieden, għaldaqstant, lill-istituzzjonijiet tal-UE jiddefinixxu malajr kemm jista’ jkun liġi amministrattiva komuni tal-UE skont l-Artikolu 298 tat-TFUE, u jipprovdu definizzjoni komuni u orizzontali ta’ ‘kompitu amministrattiv’ li tista’ tiġi applikata speċjalment għall-Bank Ċentrali Ewropew, għall-Bank Ewropew tal-Investiment u għall-Qorti tal-Ġustizzja; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi proposta leġiżlattiva dwar din il-kwistjoni, skont l-Artikolu 225 tat-TFUE, li għandha, inter alia, tindirizza l-kwistjoni tat-trasparenza u r-responsabilità tal-imġiba tal-Kummissjoni tal-proċeduri ta’ ksur fil-konfront ta’ min iressaq ilmenti, tal-Parlament u taċ-ċittadini.

38.    Jenfasizza li r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jistabbilixxi dati ta’ skadenza stretti għat-trattament tat-talbiet għall-aċċess għad-dokumenti[45]; jindika bi tħassib kbir li l-Kummissjoni ma rrispettathomx, anke fir-rigward tar-rakkomandazzjoni u l-azzjoni stretta tal-Ombudsman Ewropew, pereżempju fil-kawża 676/2008/RT (l-hekk imsejjaħ ‘Porsche case’); jiddispjaċih li mill-aħħar rapport tal-Parlament fl-2009 il-prattika ma nbidlitx, kif jidher miż-żewġ kawżi pendenti tal-qorti mressqa mill-ClientEarth and Others (kawżi T-120/10 u T-449/10);

39.    Jindika li f’bosta każi id-dewmien estensiv wassal biex jinfetħu proċeduri quddiem mill-Qorti tal-Ġustizzja abbażi ta’ nuqqas ta’ rispons, segwit minn risposta tard tal-Kummissjoni, u b’hekk il-kawża tal-qorti saret null u bla effett u l-individwu kkonċernat kellu għal darb’oħra jerġa’ jibda l-proċedura sħiħa mill-bidu[46]; jappella lill-Kummissjoni biex tirrispetta b’mod sħiħ id-dati ta’ skadenza mniżżla fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001; jissuġġerixxi l-introduzzjoni ta’ konsegwenzi, bħall-obbligu li tippubblika d-dokumenti, jekk id-dati ta’ skadenza ma jiġux irrispettati;

40.    Jitlob biex ir-rapporti annwali ppreparati u ppublikati skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 ikollhom kalkolu tal-ħin medju meħud biex jiġu ttrattati l-applikazzjonijiet, kif previst fir-rapport tal-Kunsill dwar l-aċċess għad-dokumenti fl-2009;

41.    Ifakkar li governanza tajba tgħaqqad il-kunċetti ta’ ‘aċċess għad-dokumenti’ u ‘aċċess għall-informazzjoni’; jitlob bidla fil-leġiżlazzjoni attwali li tapplika l-Artikolu 6(2) u (4) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, fir-rigward ta’ kjarifika tat-talbiet u l-għajnuna liċ-ċittadin, għal kawżi ta’ ‘talba għall-informazzjoni’ fejn jeżistu dokumenti li huma rilevanti għal tali talba;

42.    Ifakkar li t-trasparenza mhix biss kwistjoni ta’ reazzjonijiet passivi mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-UE, iżda teħtieġ ukoll approċċ proattiv kif enfasizzat bosta drabi mill-Ombudsman Ewropew; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jagħmlu kemm jista’ jkun kategoriji ta’ dokument disponibbli għall-pubbliku b’mod awtomatiku fis-siti tal-Internet tagħhom (inkluż baġits u listi tal-kuntratti tal-akkwist pubbliku mogħtija dawn l-aħħar tliet snin); jenfasizza li approċċ proattiv jista’ jipprevjeni tilwim mhux neċessarju, li jwassal biex il-flus ta’ min iħallas it-taxxa jintnefqu b’mod mhux effikaċi kif ukoll joħloq dewmien, spejjeż u piżijiet mhux neċessarji għal dawk li jitolbu l-aċċess;

43.    Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura t-trasparenza fil-ġestjoni tal-fondi Ewropej, permezz tal-pubblikazzjoni tal-istess kategoriji ta’ informazzjoni, fuq websajt waħda, f’waħda mil-lingwi ta’ ħidma tal-UE, fir-rigward tal-benefiċjarji ta’ dawk il-fondi;

44.    Jikkunsidra li għandhom jinħolqu punti fokali fir-rigward tal-aċċess għad-dokumenti u għandu jingħata taħriġ xieraq għall-uffiċjali provdut f’kull DĠ jew unità korrispondenti tal-istituzzjonijiet biex tinħoloq l-aħjar politika proattiva possibbli biex jiġu evalwati t-talbiet bl-iktar mod effikaċi possibbli u biex jiġi żgurat li jiġu rispettati l-iskadenzi kollha stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001;

45.    Itenni li l-Parlament għandu jkun minn ta’ quddiem fl-approċċ proattiv dwar il-pubbliċità, it-trasparenza u l-aċċess għad-dokumenti; jenfasizza f’dak ir-rigward is-suċċess tal-webstreaming tas-smigħ u l-laqgħat tal-kumitati flimkien mas-seduti plenarji, u jemmen li din għandha tkun in-norma u li l-Osservatorju Leġiżlattiv (OEIL) għandu jikber iktar biex jinkludi l-lingwi u l-informazzjoni uffiċjali kollha tal-UE , kemm fil-livell ta’ kumitati u fil-livell plenarju, bħall-emendi, l-opinjonijiet minn kumitati oħra, l-opinjonijiet tas-Servizz Legali, il-listi tal-voti, il-votazzjonijiet b’sejħa tal-ismijiet, l-MEPs li jkunu preżenti u li jivvutaw, l-ittri interistituzzjonali, l-ismijiet tax-shadow rapporteurs, il-funzjoni ta' 'tiftix skont il-kelma', it-tiftix multilingwistiku, l-iskadenzi għat-tressiq, l-RSS feeds, l-ispjegazzjoni tal-proċedura leġiżlattiva, il-links għal webstreaming tad-diskussjonijiet, eċċ., biex jiġi żgurat ċiklu sħiħ ta’ informazzjoni għaċ-ċittadini, jingħata l-aċċess għad-dokumenti kif ukoll għas-sommarji tal-proposti leġiżlattivi multilingwistiċi taċ-ċittadini u sommarji tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE (SCADPLUS), għal liema għandhom jingħataw ukoll faċilitajiet ta’ tiftix u navigazzjoni adegwati;

46.    Ifakkar li hu importanti li tiġi protetta l-indipendenza tal-mandati tal-MEPs; jemmen li fl-istess ħin it-trasparenza għandha tapplika għax-xogħol tal-korpi uffiċċjali tal-Parlament (bħall-Konferenza tal-Presidenti, il-Bureau[47] u l-Kwesturi), kif ukoll l-attivitajiet tal-MEPs, bħall-parteċipazzjoni fix-xogħol parlamentari u l-attendenza parlamentari, skont it-termini mitluba mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Jannar 2009; iqis li l-kwistjoni tal-allowances tal-MEPs għandha tiġi riżolta b’mod trasparenti, filwaqt li jiġu rrispettati bis-sħiħ ir-regoli ta’ protezzjoni tad-data personali;

47.    Iqis li t-trasparenza fil-livell tal-UE għandha tiġi riflessa mill-Istati Membri meta jittrasponu l-liġi tal-UE fil-liġi nazzjonali, l-aktar billi jistabbilixxu t-tabelli ta’ korrelazzjoni, filwaqt li tintuża, inter alia, l-aħjar prattika fir-rigward tat-trasparenza tal-Parlament elettroniku u tal-gvern elettroniku;

48.    Jenfasizza li l-awtoritajiet tal-Istati Membri b’mod ġenerali ma jikkonformawx mad-dritt għall-informazzjoni taċ-ċittadini u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni – filwaqt li tikkunsidra l-prinċipju ta’ governanza tajba – teżamina d-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri dwar l-aċċess għad-dokumenti u tinkoraġġihom ifasslu regoli kemm jista’ jkun trasparenti li jippromwovu l-aċċess taċ-ċittadini għad-dokumenti;

49.    Jinnota xi titjib fir-reġistri tal-Kunsill, iżda jiġbed l-attenzjoni li għad hemm nuqqas ta’ koordinazzjoni u interoperabilità bejn l-istituzzjonijiet, minħabba li għad m’hemmx mudell għar-reġistri tagħhom li jippermetti liċ-ċittadin isib id-dokumenti neċessarji u l-informazzjoni li jinkludu f’ ‘punt partikolari’ jew biex tintuża magna tat-tiftix komuni konnessa b’mod integrat l-aktar mal-Osservatorju Leġiżlattiv (OEIL) fejn id-dokumenti li jappartjenu lil proċedura leġiżlattiva waħda jinġabru flimkien;

50.    Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jinnegozjaw flimkien mal-Parlament dwar l-emendar tad-dikjarazzjoni konġunta dwar il-proċedura ta’ kodeċiżjoni u l-ftehim interistituzzjonali dwar tfassil aħjar tal-liġijiet, għal dan l-għan; sadanittant, jikkommetti lilu nnifsu biex jemenda r-regoli ta’ proċedura tiegħu, inkluż il-kodiċi tal-kondotta anness rigward in-negozjati dwar il-kodeċiżjoni, biex jagħti effett vinkolanti sħiħ lil dawn il-prinċipji;

51.    Jikkunsidra li l-Kumitat Interistituzzjonali stabbilit mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandu jaħdem b’mod iktar intens u jirrapporta lill-kumitati kompetenti dwar il-kwistjonijiet diskussi, il-pożizzjonijiet li l-Parlament jiddefendi, il-kwistjonijiet problematiċi mressqa minn istituzzjonijiet oħra u r-riżultati miksuba, dejjem jekk ikun hemm; għaldaqstant jistiednu jitlaqa’ b’mod iktar regolari, u f’kwalunkwe każ minn tal-inqas darba f’sena, u jiftaħ id-diskussjonijiet u d-deliberazzjonijiet interni billi jiżgura li dawn ikunu pubbliċi, jistieden u jqis is-sottomissjonijiet imressqa mis-soċjetà ċivili u mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data; il-kumitat għandu jaħdem fuq ir-rapport ta’ ‘verifika’ annwali dwar it-trasparenza u l-aċċess fl-UE, li għandu jitħejja mill-Ombudsman Ewropew; jitolbu jindirizza b’mod urġenti l-kwistjonijiet msemmija f’din ir-riżoluzzjoni;

o

o        o

52.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lill-Kunsill tal-Ewropa.

  • [1]  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.
  • [2]  ĠU L 243, 27.9.2003, p. 1.
  • [3]  ĠU L 264, 25.9.2003, p. 13.
  • [4]  Sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008 fil-kawżi konġunti C-39/05 P u C-52/05 P, Svezja u Turco v Kunsill, Ġabra 2008 p. I-4723.
  • [5]  Sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010 fil-kawża C-28/08 P, Kummissjoni v Bavarian Lager, għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra.
  • [6]  Sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010 fil-kawża C-92/09 P u C-93/09 P, Volker und Markus ScheckeGbR u Hartmut Eifert v Land Hessen, għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra.
  • [7]  Sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010 fil-kawża C-139/08 P, Kummissjoni v Bavarian Lager, għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra.
  • [8]  Sentenza tal-21 ta’ Settembru 2010 fil-kawżi magħquda C-514/07 P, C-528/07 P u C-532/07 P, Svezja, u API v Kummissjoni, għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra.
  • [9]  Sentenza tat-22 ta’ Marzu 201 fil-kawża T-233/09, Access Info Europe v Kunsill, għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra.
  • [10]  Sentenza tad-9 ta’ Settembru 2008 fil-kawża T-403/05, MyTravel v Kummissjoni, Ġabra 2008 p. II-2027.
  • [11]  Sentenza tal-11 ta’ Marzu 2009 fil-kawża T-121/05, MyTravel v Kummissjoni, Ġabra 2009 p. II-27.
  • [12]  Sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010 fil-kawża T-439/08, Agapiou Joséphidès v Kummissjoni u l-EACEA, għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra.
  • [13]  Sentenza tad-19 ta’ Jannar 2010 fil-kawżi magħquda T-355/04 u T-446/04, Co-Frutta v Kummissjoni, Ġabra 2010 p. II-1.
  • [14]  Sentenza tat-30 ta’ Jannar 2008 fil-kawża T-380/04, Terezakis v Kummissjoni, Ġabra 2008 p. II-11.
  • [15]  Sentenza tas-7 ta’ Lulju 2010 fil-kawża T-111/07, Agrofert Holding v Kummissjoni, għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra.
  • [16]  Sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2010 fil-Kawża T-237/05, Éditions Jacob v Kummissjoni, għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra.
  • [17]  ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.
  • [18]  ĠU L 298, 30.11.2002, p. 1.
  • [19]  ĠU C 46 E, 24.2.2010, p. 80.
  • [20]  Testi Adottati, P7_TA(2010)0435.
  • [21]  ĠU C 286 E, 22.10.2010, p. 12.
  • [22]  9 % fl-2010.
  • [23]  36.1% mingħajr id-dokumenti parzjalment żvelati. Fl-2010, ir-rata ta’ rifjuti kienet 13.3% (29.1% mingħajr id-dokumenti parzjalment żvelati).
  • [24]  37 % fl-2010.
  • [25]  33% fl-2010 għall-applikazzjonijiet inizjali.
  • [26]  Ir-raġunijiet prinċipali l-oħra fl-2009 kienu: għall-Parlament Ewropew, il-protezzjoni tal-privatezza (26%) u l-protezzjoni tal-iskop tal-ispezzjonijiet, l-investigazzjonijiet u l-verifiki (15%), għall-Kunsill (applikazzjonijiet inizjali), il-protezzjoni tal-interessi pubbliċi fir-rigward tar-relazzjonijiet internazzjonali (22.7%), is-sigurtà pubblika (5.6%), u l-kwistjonijiet tad-difiża u tal-militar (3.5%), u għall-Kummissjoni (applikazzjonijiet inizjali), il-protezzjoni tal-ispezzjonijiet (27.6%) u tal-interessi kummerċjali (13.99%).
  • [27]  Sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2011 fil-kawża T-471/08, Toland v Parlament, għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra.
  • [28]  Sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007 fil-kawża C-64/05 P, Svezja vs Kummissjoni, Ġabra 2007 p. I-11389
  • [29]  Svezja v Kummissjoni, para. 76
  • [30]  Sentenza tat-13 ta’ Jannar 2011 fil-kawża T-362/08, IFAW vs Kummissjoni, għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra.
  • [31]  Turco, para. 46.
  • [32]  Turco, para. 67.
  • [33]  Fis-sentenza tagħha Access Info (T-233/09) il-Qorti Ġenerali affermat mill-ġdid li (para. 69) ‘l-eżerċizzju miċ-ċittadini tad-drittijiet demokratiċi tagħhom, jippresupponi l-possibbiltà tagħhom li jsegwu fid-dettall il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fi ħdan l-istituzzjonijiet li jipparteċipaw fil-proċeduri leġiżlattivi u li jkollhom aċċess għall-informazzjoni rilevanti kollha’.
  • [34]  ClientEarth vs Kunsill, kawża T-452/10.
  • [35]  Ilment 2493/2008/(BB)TS.
  • [36]  Ilment 2560/2007/BEH.
  • [37]  R v Sussex Justices, Ex parte McCarthy ([1924] 1 KB 256, [1923] All ER 233)).
  • [38]  Artikolu 19, “The Public’s Right to Know: Principles of Freedom of Information Legislation’, London, 1999 (Id-Dritt li l-Pubbliku jkun jaf: il-Prinċipji tal-Libertà tal-Leġiżlazzjoni tal-Informazzjoni), Londra, 1999; Transparency International, “Using the Right to information as an Anti-Corruption Tool” (L-Użu tad-Dritt għall-Informazzjoni bħala Għodda Kontra l-Korruzzjoni), Berlin, 2006.
  • [39]  Regoament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ tali data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).
  • [40]  KEPD, ‘L-aċċess pubbliku għad-dokumenti li fihom data personali wara s-sentenza Bavarian Lager’, 24 ta’ Marzu 2011 (http://www.edps.europa.eu:80/EDPSWEB/webdav/site/mySite/shared/Documents/EDPS/Publications/Papers/BackgroundP/11-03-24_Bavarian_Lager_EN.pdf) u “L-aċċess pubbliku għad-dokumenti u l-protezzjoni tad-data, 2005 (http://www.edps.europa.eu:80/EDPSWEB/webdav/site/mySite/shared/Documents/EDPS/Publications/Papers/BackgroundP/05-07_BP_accesstodocuments_EN.pdf).
  • [41]  Ara l-kawża pendenti ClientEarth vs Kummissjoni, T-111/11.
  • [42]  Ara l-kawżi pendenti ClientEarth and Others v Kummissjoni, T-120/10, u ClientEarth and Others vs Kummissjoni, T-449/10.
  • [43]  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.
  • [44]  Il-kawża Access Info (T-233/09) uriet li hemm prattika li d-deċiżjonijiet konfermattivi jintbagħtu bil-posta normali, mhux reġistrata, għalkemm il-prova tad-data tal-wasla hi essenzjali biex jiġi valutat ir-rispett tad-dati ta’ skadenza għat-tiftix ta’ rimedji legali (tal-qorti) ulterjuri. Ara para. 20-29.
  • [45]  Artikoli 7 u 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.
  • [46]  Ara, pereżempju, Ryanair Ltd. vs Kummissjoni (kawżi magħquda T-494/08 sa T-500/08 u T-509/08), u Stichting Corporate Europe Observatory vs Kummissjoni (kawża T-395/10).
  • [47]  Pereżempju, mill-2009, ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament (P6_TA(2009)0359) ma inkludewx iktar lista ta’ dokumenti tal-PE li huma aċċessibbli direttament lill-pubbliku iżda issa jagħtu prerogattiva lill-Bureau biex jistabbilixxi tali lista (Artikolu 104(3)).

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

15.6.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

47

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Philipp Albrecht, Alexander Alvaro, Mario Borghezio, Rita Borsellino, Simon Busuttil, Carlos Coelho, Rosario Crocetta, Cornelis de Jong, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Cornelia Ernst, Tanja Fajon, Kinga Gál, Kinga Göncz, Sylvie Guillaume, Ágnes Hankiss, Anna Hedh, Salvatore Iacolino, Sophia in ‘t Veld, Lívia Járóka, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Timothy Kirkhope, Juan Fernando López Aguilar, Baroness Sarah Ludford, Clemente Mastella, Véronique Mathieu, Claude Moraes, Jan Mulder, Georgios Papanikolaou, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Csaba Sógor, Rui Tavares, Wim van de Camp, Daniël van der Stoep, Axel Voss, Renate Weber, Tatjana Ždanoka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Michael Cashman, Anna Maria Corazza Bildt, Luis de Grandes Pascual, Ioan Enciu, Heidi Hautala, Stanimir Ilchev, Mariya Nedelcheva, Norica Nicolai, Hubert Pirker, Zuzana Roithová, Michèle Striffler, Cecilia Wikström