RAPPORT dwar il-Governanza Ekonomika Globali

12.10.2011 - (2011/2011(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Gunnar Hökmark

Proċedura : 2011/2011(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0323/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-Governanza Ekonomika Globali

(2011/2011(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet u l-ftehimiet tas-Summits tal-G20 ta' Londra, Pittsburgh, Toronto u Seoul,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-grupp Palais-Royal Initiative, ippubblikat fit-8 ta' Frar 2011, bit-titlu "Ir-Riforma tas-Sistema Monetarja: approċċ kooperattiv għas-seklu wieħed u għoxrin",

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar "It-titjib tal-governanza ekonomika u tal-qafas ta' stabilità tal-Unjoni, b'mod partikolari fiż-żona tal-euro"[1],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Mejju 2011 dwar "l-UE bħala attur globali: ir-rwol tagħha fl-organizzazzjonijiet multilaterali"[2],

–   wara li kkunsidra l-ħidma kontinwa u rilevanti tad-Djalogu Transatlantiku tal-Leġiżlaturi (TLD) u d-Djalogu Kummerċjali Transatlantiku (TABD),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0323/2011),

A. billi l-iżvilupp tal-ekonomija dinjija matul l-aħħar deċennji ġeneralment fisser aktar tkabbir u prosperità, għalkemm mhux mqassma b'mod ugwali, filwaqt li neħħa lil miljuni ta' nies minn stat ta' faqar; sadattant, l-għadd ta' nies li għadhom qed jgħixu fil-faqar u d-disperazzjoni huwa għoli b'mod inaċċettabbli; billi l-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali bejn u fi ħdan il-pajjiżi jridu jitnaqqsu; billi l-ġlieda tal-Ewropa kontra l-faqar trid tkun waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-istrateġija UE 2020;

B.  billi l-Istati Uniti u l-Ewropa attwalment għadhom qed jaffrontaw l-agħar effetti tal-agħar reċessjoni ekonomika internazzjonali mid-Depressjoni l-Kbira;

C. billi l-iżvilupp tal-ekonomija globali fid-deċennji reċenti ntlaqat ħażin minn żbilanċi insostenibbli;

D. billi l-governanza ekonomika globali effikaċi tagħmilha possibbli li jiġu minimizzati l-impatti negattivi u li jiġu rmedjati l-effetti perikolużi tal-globalizzazzjoni, bħaż-żieda fl-inugwaljanza jew il-qerda tal-ambjent;

E.  billi t-tfaċċar fl-ekonomija dinjija ta' atturi ewlenin ġodda, kemm fir-rigward tal-kummerċ dinji kif ukoll tat-tkabbir ekonomiku, b'mod partikolari ċ-Ċina u l-Indja, kellu impatt kbir ħafna u biddel radikalment l-ambjent ekonomiku, u dan jirrikjedi riformi kummerċjali u rati tal-kambju konvertibbli;

F.   billi l-iżbilanċi tal-lum għadhom ikkawżati primarjament minn nuqqas ta' kompetittività u tfaddil pubbliku u privat fil-pajjiżi b'defiċit, u minn tfaddil kbir flimkien ma' nuqqas ta' domanda fil-pajjiżi b'bilanċ pożittiv, li llum huma akbar u billi, minħabba l-livell għoli ta' globalizzazzjoni u l-ammont ta' flussi ta' kapital, dawn l-iżbilanċi joħolqu ħtiġijiet ġodda għall-governanza globali u jisfidaw l-istrutturi tal-arranġamenti istituzzjonali eżistenti;

G.  billi l-element ewlieni għall-ibbilanċar mill-ġdid tal-ekonomija globali f'termini wiesa' huwa doppju: kompetittività msaħħa u riformi b'firxa wiesgħa li jħeġġu t-tkabbir f'pajjiżi b'defiċit u l-ftuħ tas-swieq u politika monetarja soda f'pajjiżi b'bilanċ pożittiv;

H. billi l-ewwel deċennju ta' funzjonament tal-UEM wera li politika baġitarja responsabbli hija waħda mill-prekundizzjonijiet biex jiġi minimizzat l-impatt tax-xokkijiet finanzjarji u ekonomiċi globali;

I.   billi hemm għadd kbir ta' organizzazzjonijiet internazzjonali mfassla biex jiggvernaw l-ekonomija dinjija bħall-FMI, il-Bank Dinji, id-WTO, l-UNCTAD u l-IFC, flimkien mal-fora intergovernattivi tal-G7 u l-G20, li minnhom l-FMI u l-G20 huma l-korpi l-iktar effikaċi, għalkemm it-tnejn li huma għad jeħtieġ li jittejbu;

J.   billi s-swieq globali jeħtieġu regoli globali;

K. billi l-arranġamenti monetarji fis-seħħ wasslu għal akkumulazzjoni sostanzjali ta' riżervi ta' muniti barranin, partikolarment tad-dollaru Amerikan, f'xi pajjiżi b'bilanċ pożittiv, li konsegwentement żiedet il-provvista ta' kapital fil-pajjiżi b'defiċit u għamlet pressjoni 'l isfel fuq ir-rati tal-imgħax, biex b'hekk tat spinta liż-żieda eċċessiva tal-prezzijiet tal-assi li kellhom rwol ewlieni fl-aħħar kriżi finanzjarja;

L.  billi l-kriżi ekonomika globali, li bdiet fis-settur finanzjarju, issa wasslet għal livelli għoljin ta' dejn f'uħud mill-atturi ekonomiċi dinjija ewlenin, fosthom l-Istati Uniti, il-Ġappun u l-UE;

M. billi l-G20 qabel fid-dikjarazzjoni finali tiegħu ta' Pittsburgh dwar Qafas għal Tkabbir b'Saħħtu, Sostenibbli u Bilanċjat, li jinħtieġ urġentement approċċ multilaterali ġdid bħala reazzjoni għall-kriżi;

N. billi kien hemm rikonoxximent globali tar-rwol li kellhom xi setturi tal-industrija finanzjarja fil-kontribut għall-kriżi finanzjarja globali, filwaqt li dehru d-dgħufijiet fir-regolamentazzjoni finanzjarja, u dan kabbar il-kriżi tad-dejn sovran b'fehim komuni li r-responsabbiltà u t-trasparenza tas-settur finanzjarju jridu jittejbu, inkluż il-fatt li għandu jġarrab sehem ġust tal-kosti kkawżati mill-kriżi;

O. billi l-iżbilanċi msemmija ħafna tal-kontijiet kurrenti huma r-riżultat ta' żbilanċi strutturali sottostanti fl-ekonomiji nazzjonali;

P.  billi n-nuqqas ta' regolamentazzjoni u superviżjoni koordinati u effikaċi tas-sistema finanzjarja globali wassal għal dgħufijiet fis-settur finanzjarju li sussegwentement ħarrxu l-vulnerabilitajiet fl-ekonomija globali;

Q. billi r-rwol u l-prominenza akbar tal-G20 bħala forum għal diskussjonijiet politiċi informali fl-ogħla livell globali jintlaqgħu tajjeb; billi l-G20 bħala istituzzjoni jonqsu bażi legali u segretarjat permanenti u għandu struttura governattiva dgħajfa speċjalment meta mqabbel ma' istituzzjonijiet internazzjonali oħra bħall-FMI u d-WTO;

R.  billi s-sistema monetarja internazzjonali attwali ppermettiet lil diversi pajjiżi jwettqu strateġiji kompetittivi ta' żvalutazzjoni li, flimkien man-numru li qed jiżdied ta' tranżazzjonijiet spekulattivi li jsiru minn partijiet interessati tas-swieq b'saħħithom fis-swieq tal-kambju, ikkontribwew sew għal volatilità eċċessiva tar-rati u ħolqu riskji sinifikanti għas-swieq tal-kambju kif ukoll għall-kummerċ internazzjonali;

S.  billi l-UE mhijiex meqjusa bħala attur b'saħħtu fit-tiswir mill-ġdid tas-sistema monetarja u finanzjarja internazzjonali għaliex ma titkellimx b'vuċi waħda, u minħabba l-frammentazzjoni tar-rappreżentanza esterna tagħha fl-affarijiet ekonomiċi internazzjonali;

T.  billi huwa essenzjali li jkun żgurat li s-sistemi ekonomiċi u finanzjarji ma jagħmlux ħsara lill-ekonomja reali;

U. billi, skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-G20, il-FMI ngħata setgħat akbar ta' superviżjoni u sorveljanza tas-sistama finanzjarja globali, ir-riżorsi finanzjarji tiegħu ġew miżjuda u qed issir riforma bir-reqqa tal-istruttura governattiva tiegħu;

V. billi s-swieq finanzjarji evolvew matul id-deċennji li għaddew biex joperaw globalment permezz ta' proċessi u netwerks b'livell għoli ta' IT, u billi l-istandardizzazzjoni tad-data baqgħet lura, u għalhekk ostakolat l-aggregazzjoni, l-analiżi u l-ġestjoni ta' data fil-livell tas-swieq – u ħafna drabi anke fil-livell tal-impriżi – u naqqset it-trasparenza tat-tranżazzjonijiet finanzjarji;

W. billi Standard & Poor's kienet qed tiċċarġja prezzijiet abużivi għad-distribuzzjoni fiż-Żona Ekonomika Ewropa (ŻEE) ta' Numri Internazzjonali ta' Identifikazzjoni tat-Titoli (ISINs) fl-Istati Uniti;

Rakkomandazzjonijiet politiċi biex tiġi ttrattata l-governanza ekonomika

1.  Jenfasizza li żblanċi globali jikkostitwixxu theddida potenzjali għall-istabbiltà finanzjarja u makroekonomika, speċjalment meta jkunu eċċessivi, fl-ekonomiji ewlenin u jista' jkollhom riperkussjonijiet fuq ekonomiji oħra; meta jitqies dan, jinnota li żbilanċi li joriġinaw minn allinjamenti strutturali żbaljati u minn nuqqas ta' kompetittività fl-ekonomija nazzjonali għandhom jiġu ttrattati kemm mill-pajjiżi b'bilanċ pożittiv kif ukoll minn dawk b'defiċit, billi dawn jistgħu jkunu sors ta' problemi fundamentali;

2.  Jenfasizza li l-kriżi ekonomika u finanzjarja wriet li l-influss ta' kapital b'riżultat ta' żbilanċi globali għandu jkun akkumpanjat minn politika monetarja responsabbli u regolamentazzjoni u superviżjoni finanzjarji sodi;

3.   Jirrikonoxxi l-ħtieġa li min ifassal il-politika fid-dinja kollha jkompli jaħdem biex jinstabu soluzzjonijiet biex tiġi riformata l-governanza ekonomika globali bl-għan li tiġi bbilanċjata mill-ġdid l-ekonomija dinjija u li tiġi evitata reċessjoni oħra; jenfasizza li r-riforma tal-governanza globali għandha tiżgura li s-swieq ikunu integrati f'qafas istituzzjonali komprensiv biex ikunu jistgħu jiffunzjonaw sew; jistma wkoll li wieħed mill-objettivi prijoritarji tal-governanza ekonomika dinjija jrid ikun il-ħolqien ta' ambjent favorevoli għall-investiment fit-tul;

4.   Jenfasizza l-importanza ta' politiki monetarji responsabbli; iħeġġeġ lill-banek ċentrali tal-ekonomiji ewlenin jikkunsidraw esternalitajiet negattivi potenzjali, bħall-bżieżaq ta' assi, id-dinamika "carry-trade" u d-destabbilizzazzjoni finanzjarja f'pajjiżi oħra, meta jimplimentaw miżuri konvenzjonali jew mhux konvenzjonali;

5.  Huwa konxju mill-fatt li, fl-aħħar nett, il-fiduċja fis-saħħa tal-ekonomija sottostanti u l-profondità, it-trasparenza, is-sofistikazzjoni u l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji tagħha huma r-raġunijiet ewlenin li għalihom l-muniti jinżammu bħala riżervi mill-banek ċentrali ta' pajjiżi terzi; jenfasizza f'dan ir-rigward li kull munita li trid issir parti mill-ġabra ta' Drittijiet Speċjali ta' Prelevament tal-FMI trid tkun soġġetta għal konvertibilità sħiħa, u jirrikonoxxi li l-kompożizzjoni tal-ġabra ta' Drittijiet Speċjali ta' Prelevament tal-FMI għandha tirrifletti l-importanza relattiva tal-muniti fis-sistemi finanzjarji u kummerċjali dinjija;

6.  Jiddikjara li r-rati tal-kambju għandhom jirriflettu l-elementi fundamentali tas-suq sabiex jittejbu l-ftuħ u l-flessibbiltà u biex jiġi ffaċilitat l-aġġustament ekonomiku, u għalhekk m'għandomx jiġu ġestiti jew manipulati mill-awtoritajiet monetarji nazzjonali;

7.  Iħeġġeġ lill-membri tal-FMI jaderixxu mal-Artikoli tal-Ftehim, speċjalment rigward l-impenn kontra l-manipulazzjoni tar-rata tal-kambju, kif ukoll mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-GATT u tal-Ftehimiet tad-WTO;

8.  Iħeġġeġ ir-rikonsiderazzjoni tal-użu ta' “Drittijiet Speċjali ta' Prelevament” (SDRs) bħala sostitut possibbli tad-dollaru bħala l-munita ta’ riżerva dinjija, li jista’ jgħin biex jistabbilizza s-sistema finanzjarja dinjija; jitlob lill-FMI jistudja l-allokazzjoni addizzjonali kif ukoll l-użu usa' tad-Drittijiet Speċjali ta' Prelevament (SDR) b'mod partikolari bl-għan li tittejjeb is-sistema multilaterali ġdida tar-rati tal-kambju;

9.  Jappoġġja l-ħidma u l-impenji tal-Istati tal-G20 biex jimplimentaw pjanijiet ta' konsolidament fiskali kkoordinati sew u li jiffavurixxu t-tkabbir fuq perjodu medju ta' żmien filwaqt li jappoġġjaw id-domanda domestika b'ritmu determinat miċ-ċirkustanzi ta' kull pajjiż, filwaqt li japplikaw politiki monetarji xierqa, itejbu l-flessibbiltà tar-rati tal-kambju biex jirriflettu aħjar l-elementi fundamentali ekonomiċi sottostanti, u filwaqt li jwettqu riformi strutturali biex jiffavorixxu l-ħolqien tal-impjiegi u jikkontribwixxu għar-ribilanċjament globali;

10. Jinnota, madankollu, li, sal-lum il-prospetti fil-livell tal-G20 li jitranġaw l-iżbilanċi globali kienu limitati ħafna;

11. Iħeġġeġ lill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) tieħu rwol attiv fl-identifikazzjoni u fl-indirizzar ta' distorsjonijiet kummerċjali possibbli fis-servizzi finanzjarji kkawżati minn sistemi regolatorji differenti;

12. Jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal mekkaniżmu komprensiv, ibbażat l-iżjed fuq u interkonness b’mod sod mar-regolamenti tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, li jevita l-użu tal-kummerċ bħala għodda tal-politika barranija b’mod kuntrarju għall-valuri demokratiċi rikonoxxuti internazzjonalment, kif riflessi fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;

13. Jistieden lill-Kummissjoni biex fil-laqgħa li jmiss bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku (TEC), titqajjem il-kwistjoni tal-kooperazzjoni reċiproka dwar is-superviżjoni tad-derivattivi tal-prodotti bażiċi skont ir-regolament eżistenti dwar it-trasparenza u l-abbuż tas-suq;

14. Jistieden lill-UE biex timplimenta d-dikjarazzjonijiet tas-summits tal-G8/G20, partikolarment rigward sussidji għall-fjuwils fossili u l-agrikoltura, b'kunsiderazzjoni tal-linji gwida tal-OKŻE f’dan il-qasam, u rigward il-volatilità tal-prezz tal-ikel u s-swieq tal-prodotti bażiċi;

15. Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-istrateġija kummerċjali tagħha fir-rigward tat-tisħiħ ta’ kummerċ min-nofsinhar għan-nofsinhar u kummerċ intrareġjonali f’partijiet oħra tad-dinja sabiex titnaqqas il-vulnerabbiltà ta’ ħafna ekonomiji żgħar u sabiex tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ sħab ekonomiċi msaħħa fil-futur;

16. Jappoġġja l-istabbiliment ta' kalendarju għal pjan ta' azzjoni li jimplimenta l-Qafas tal-G20 għal Tkabbir B'Saħħtu, Sostenibbli u Bilanċjat;

17. Jilqa' l-inizjattivi kollha għal aktar diskussjoni u kooperazzjoni dwar l-isfidi globali komuni iżda jinnota li ħafna mill-fora attwali, bħall-G20, huma biss għal diskussjoni informali, mingħajr il-bażi legali jew il-karatteristiċi ta' organizzazzjonijiet internazzjonali fil-proċessi tagħhom ta' teħid ta' deċiżjonijiet jew fl-implimentazzjoni u s-superviżjoni tad-deċiżjonijiet tagħhom, u għalhekk jibqgħu dgħajfa bħala strutturi governattivi;

18. Jinnota li l-metodu ta' teħid ta' deċiżjonijiet b'kunsens li jikkaratterizza ħafna mill-korpi ta' kooperazzjoni globali ma jħeġġiġx it-teħid ta' deċiżjonijiet kuraġġużi u spiss iwassal għal ftehimiet vagi mhux vinkolanti; iħeġġeġ lill-forum globali jemula l-pass tal-UE 'l bogħod mid-dipendenza esklużiva fuq l-unanimità;

19. Huwa tal-fehma li l-impenji meħuda fil-G20 iridu jkunu aktar konkreti u li jeħtieġ li l-progress jiġi mmonitorjat minn korp indipendenti, aktar formali u inklużiv bi statuti u b'segretarjat, bħall-FMI;

20. Jilqa' l-passi miftiehma mis-Summit tal-Ministri tal-Finanzi tal-G20 f'Pariġi fid-19 ta' Frar 2011 biex l-iżbilanċi jitkejlu b'ġabra ta' indikaturi; jissottolinja li dawn l-indikaturi għandhom ikopru l-iżbilanċi interni, bħad-dejn u d-defiċits pubbliċi u t-tfaddil u d-dejn privati, kif ukoll l-iżbilanċi esterni minn flussi u trasferimenti kummerċjali u ta' investiment;

21. Jistieden lill-G20 jwettaq fuq bażi regolari Proċess ta' Valutazzjoni Reċiproka bbażat fuq qafas tal-G20 u l-indikaturi hawn fuq sabiex jipprovdi għażliet politiċi li jiksbu tkabbir b'saħħtu, sostenibbli u bilanċjat;

22. Jissottolinja li l-atturi finanzjarji joperaw fuq livell globali u, mil-lum 'il quddiem, iqis li d-differenzi ta' koordinazzjoni fir-regolamenti finanzjarji jeħtieġ li jiġu indirizzati sabiex ikun evitat li ċerti atturi finanzjarji japprofittaw ruħhom mill-arbitraġġ regolatorju;

Riforma tas-sistema monetarja u finanzjarja internazzjonali u tal-istituzzjonijiet tagħha

23. Jenfasizza li l-Unjoni Ewropea għandu jkollha rwol ewlieni fir-riforma ekonomika globali biex l-istituzzjonijiet internazzjonali jsiru aktar leġittimi, trasparenti u li, b’mod anki aktar importanti, l-Unjoni Ewropea għandha taġixxi bħala entità waħda fl-affarijiet ekomomiċi internazzjonali;

24. Jemmen li l-UE għandha tkun tista’ titkellem b’vuċi waħda u jitlob li l-UE jkollha siġġu fl-FMI u fil-Bank Dinji; jitlob FMI aktar demokratiku, inkluża elezzjoni miftuħa u bbażata fuq il-mertu tad-direttur maniġerjali tiegħu, u żieda sostanzjali fid-drittijiet tal-vot għan-nazzjonijiet li qed jiżviluppaw u dawk fi tranżizzjoni;

25. Isostni li l-governanza ekonomika globali għandha tkun reattiva, flessibbli u prammatika biżżejjed biex tagħmilha possibbli li jiġi stabbilit liema arranġamenti huma l-aktar adattati, skont iċ-ċirkustanzi u bi qbil mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà;

26. Jenfasizza li l-Unjoni Ewropea għandu jkollha rwol ewlieni fir-riforma ekonomika globali biex l-istituzzjonijiet internazzjonali u l-fora informali jsiru aktar leġittimi, trasparenti u responsabbli;

27. Jinnota li dawn l-istituzzjonijiet u l-fora, b’mod partikolari l-G20, jonqoshom ċerta leġittimità parlamentari fil-livell globali, u konsegwentement jistedinhom jinvolvu lill-parlamenti fil-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjoni tagħhom; jiddeplora n-nuqqasijiet demokratiċi ta’ wħud mis-sħab;

28. Jinnota l-problemi li jistgħu jqumu jekk il-politiki segwiti mill-fora informali differenti u mill-istituzzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji internazzjonali tonqoshom il-koerenza; isostni li għandhom jiġu adottati mill-FMI miżuri li jippromwovu koordinazzjoni istituzzjonali globali;

29. Jissottolinja l-ħtieġa ta' ftehim globali u approċċ komuni rigward il-politika monetarja, il-kummerċ internazzjonali, finanzi pubbliċi sostenibbli u muniti flessibbli bbażati fuq elementi fundamentali ekonomiċi; iqis li l-ekonomija globali għandha tkun ikkaratterizzata minn swieq miftuħa għall-benefiċċju reċiproku tal-parteċipanti kollha; jissottolinja li standards soċjali u ambjentali għoljin huma vitali u jridu jiġu żviluppati fl-aspetti kollha; jenfasizza li l-FMI u d-WTO għandhom ikunu l-parti ewlenija ta' tali proċess, b'input mill-G20 u minn korpi rilevanti oħra;

30. Iħeġġeġ lill-membri tad-WTO jaċċedu għal ftehimiet kummerċjali multilaterali u jinnegozjaw f’rawnds kummerċjali internazzjonali ulterjuri mmirati lejn it-tnaqqis fl-ostakli għall-kummerċ internazzjonali, filwaqt li jiżguraw kundizzjonijiet ugwali għal kulħadd fis-setturi kollha, u b’hekk jingħata kontribut għat-tkabbir u l-iżvilupp ekonomiku;

31. Jemmen li, sabiex tippermetti lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jiksbu iżjed benefiċċji mill-kummerċ u biex jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u pagi deċenti għall-ħaddiema kollha, l-UE għandha interess qawwi fit-tisħiħ tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u fl-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ħidma tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u fis-sorveljanza tal-kapitoli tas-sostenibilità tas-sistema ta' preferenzi ġeneralizzati;

32. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi mill-ġdid l-istrateġija tal-kummerċ u l-investiment tal-UE biex tinkludi l-pajjiżi BRIC (Brażil, Russja, Indja u Ċina) bħala sħab kummerċjali ewlenin futuri b’interessi proprji tagħhom f’netwerk globali komuni ta’ interessi interkonnessi ta’ żvilupp sostenibbli soċjali u ekoloġiku;

33. Huwa tal-fehma li Banek ta’ Żvilupp Multilaterali għandhom jipprovdu riżorsi addizzjonali b’mod iżjed effettiv sabiex jolqtu ħtiġijiet lokali speċifiċi, jappoġġaw investimenti fuq perjodu twil ta' żmien u jikkonsolidaw l-ekonomiji lokali;

34. Jirrakkomanda FMI b'saħħtu u indipendenti b'għodda u riżorsi biżżejjed li jippermettulu jżid l-attenzjoni mogħtija lil konnessjonijiet transkonfinali mhux biss bit-tisħiħ tas-sorveljanza multilaterali iżda anke billi ssir enfasi fuq l-ekonomiji ta' importanza sistemika u billi jiġu żviluppati indikaturi biex jiġu vvalutati l-iżbilanċi kbar dewwiema; jitlob li l-mandat ta’ intervent tal-FMI jiġi estiż ukoll biex ikopri riskji ġejjin minn kontijiet kapitali;

35. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li ftehimiet multilaterali dwar skambju ta' informazzjoni fiskali jinkorporaw dispożizzjonijiet dwar skambju ta' informazzjoni awtomatiku u jitlob li tittieħed azzjoni biex tissaħħaħ il-bażi legali għal elenkar tal-OKŻE f’lista sewda ta’ ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx, bil-ħsieb li titjieb it-trasparenza fiskali u jiġu miġġielda l-frodi u l-evażjoni fiskali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex sa tmiem l-2011 tipproponi Standard ta' Rappurtar Pajjiż Pajjiż robust għall-kumpaniji transkonfinali, bl-għan li jittejbu t-trasparenza u l-aċċess għal data rilvenati mill-amministrazzjonijiet fiskali;

36. Jenfasizza l-importanza ta’ inizjattivi internazzjonali meħuda fl-oqsma tal-istandards tal-kontabilità u l-verifika, pereżempju; jinnota, f’dan ir-rigward, li l-FMI u l-G20 mhumiex l-uniċi atturi fil-governanza ekonomika globali;

37. Jistieden lill-mexxejja tal-G20 biex mill-aktar fis possibbli jikkonkludu d-diskussjonijiet dwar l-elementi komuni minimi ta' taxxa globali fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji;

38. Iqis li l-G20 huwa forum ewlieni għal konsultazzjoni globali, minkejja l-importanza ta' korpi oħra, iżda jinnota li l-G20 għandu numru ta’ nuqqasijiet bħala istituzzjoni globali, fosthom nuqqas ta' rappreżentanza tan-nazzjonijiet iż-żgħar, nuqqas ta’ trasparenza u responsabilità demokratika, kif ukoll nuqqas ta’ bażi legali biex id-deċiżjonijiet tiegħu jsiru legalment vinkolanti;

39. Jinkoraġġixxi l-FMI u l-G20 ifittxu input u pariri mill-ekonomiji globali b’defiċits baġitarji baxxi u nefqa dixxiplinata tal-gvern, u jaġixxu fuqhom;

40. Jenfasizza li ż-żona tal-euro, fil-kuntest ta’ dibattiti dwar l-arranġamenti monetarji globali, għandha tiġi kkunsidrata bħala entità waħda meta jitqiesu l-politika tagħha ta’ munita unika u l-politika ta’ rata tal-kambju unika;

41. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Membri tagħha jfittxu soluzzjonijiet biex ikomplu jtejbu l-koordinazzjoni bejn il-“formazzjonijiet G” u s-sistema tan-NU;

42. Jitlob li jiġi stabbilit bord internazzjonali ta’ banek ċentrali – magħmul primarjament mill-banek ċentrali tal-UE, il-Ġappun, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti – b’mandat biex jikkoordina l-politika monetarja, jissorvelja s-superviżjoni finanzjarja u jestendi u jippromwovi l-SDRs bħala munita ta’ riżerva dinjija;

43. Jirrakkomanda li l-FMI jiġi politikament imsaħħaħ b’summits annwali tal-mexxejja tal-pajjiżi rappreżentati fil-Bord Eżekuttiv tal-FMI; f'dan l-isfond, jinkoraġġixxi wkoll lill-Istati Membri tal-FMI jaħtru persuni mill-membri l-aktar anzjani tal-gvern fil-Bord Eżekuttiv, sabiex ikun jista' jkun minn ta' quddiem bħala l-forum għad-diskussjonijiet u d-deċiżjonijiet rigward il-governanza ekonomika globali;

44. Iqis li jeħtieġ li tiżdied it-trasparenza tal-fluss internazzjonali tal-kapital, b'mod partikolari billi nfittxu li nġibu fit-tmiem is-segretezza bankarja;

Governanza globali tas-settur finanzjarju

45. Jenfasizza li n-nuqqas ta' kooperazzjoni bejn is-superviżuri finanzjarji ffaċilita l-firxa tal-kriżi finanzjarja u aggrava l-effetti tagħha; jitlob, f’dan ir-rigward, li l-awtoritajiet superviżorji tal-Unjoni jieħdu t-tmexxija fil-bini ta’ kooperazzjoni internazzjonali u l-istabbiliment tal-aħjar prattiki fir-regolazzjoni finanzjarja; jissottolinja wkoll li konverġenza lejn qafas regolatorju finanzjarju komuni bejn l-Istati Uniti u l-UE tkun ta' benefiċċju;

46. Jinnota li hemm ħtieġa għall-implimentazzjoni globali ta’ riformi li jtejbu t-trasparenza u r-responsabilità tal-istituzzjonijiet finanzjarji;

47. Jenfasizza li, għalkemm ġiet adottata leġiżlazzjoni fiċ-ċentri finanzjarji dinjin imfassla biex ittejjeb ir-regolazzjoni ta’ xi oqsma tas-settur finanzjarju, jinħtieġu aktar riformi tar-regoli u l-prattiki fis-sistema bankarja u s-sistema li tinsab moħbija warajha;

48. Jenfasizza l-bżonn li l-entitajiet superviżorji finanzjarji Ewropej jingħataw mandat ċar biex jaħdmu f’kooperazzjoni mill-qrib mal-kontropartijiet tagħhom barra l-UE jew internazzjonali, kif jagħmel il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) mal-Bord għall-Istabilità Finanzjarja (FSB);

49. Jenfasizza l-bżonn li jiġu kkombinati s-superviżjoni mikroprudenzjali u dik makroprudenzjali bħala parti minn approċċ koerenti u uniformi;

50. Jinnota li l-Istati Uniti u l-UE flimkien huma responsabbli għal kważi 40% tal-kummerċ dinji u kważi 50% tal-PDG dinji u jirrakkomanda djalogu makroprudenzjali aħjar, b'enfasi fuq id-djalogu trans-Atlantiku, implimentazzjoni imparzjali u bir-reqqa tal-pakkett Basel III u aktar diskussjonijiet dwar it-twessigħ tal-ambitu tas-superviżjoni għall-istituzzjonijiet finanzjarji mhux bankarji; jitlob biex jinżamm momentum kontinwu wara r-riformi fir-regolazzjoni tas-settur finanzjarju biex jiġi żgurat li l-finanzi jappoġġjaw effettivament l-istabilità u t-tkabbir fl-ekonomija globali reali;

51. Jirrispetta l-approċċ tal-G20, id-WTO, il-Basel III u entitajiet multinazzjonali oħra filwaqt li jirrikonoxxi l-perikli potenzjali ta’ regolazzjoni żejda u kompetizzjoni regolatorja;

52. Jilqa’ l-organizzazzjoni ta’ Laqgħa dwar l-Ekonomija Globali għall-gvernaturi tal-banek ċentrali taħt l-awspiċi tal-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali (BĦI), bħala grupp ta’ referenza għall-organizzazzjoni tal-kooperazzjoni fost il-banek ċentrali;

53. Huwa mħasseb dwar ir-riskju ta’ frammentazzjoni bħala riżultat tal-varjetà ta’ regolamenti li jaffettwaw l-attivitajiet tal-atturi finanzjarji globali; jitlob, għalhekk, aktar integrazzjoni bejn il-mekkaniżmi li ġew stabbiliti fis-setturi varji;

54. Jirrikonoxxi r-rwol tal-BEI fil-promozzjoni tat-tkabbir permezz ta’ investiment fuq perjodu twil ta’ żmien;

55. Jenfasizza l-bżonn li jiġu żviluppati kriterji xierqa għall-identifikazzjoni ta’ istituzzjonijiet finanzjarji sistemikament importanti, bil-għan li jiġu evitati istituzzjonijiet “kbar wisq jew wisq interkonnessi biex ifallu” u għalhekk jonqos ir-riskju sistemiku permezz tal-użu ta’ riżerva u rekwiżiti kapitali addizzjonali, kif ukoll liġijiet antitrust;

56. Jistieden lill-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja jipproponi miżuri li jobbligaw lill-banek sistemikament importanti jeżerċitaw attivitajiet bankarji kummerċjali għal skopijiet partikolari ristretti u jimponu fuqhom l-obbligu ta’ kapitalizzazzjoni awtonoma għal tali attivitajiet;

57. Iħeġġeġ lill-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja jiżviluppa approċċ bħala mudell standardizzat għall-kalkolu ta’ assi peżati għar-riskju (risk-weighted assets - RWAs) sabiex l-esponimenti tal-banek għal riskji ta’ kreditu u tas-suq jiġu vvalutati u mqabbla bi preċiżjoni;

58. Jirrakkomanda l-iżvilupp ta’ infrastruttura internazzjonali xierqa taħt l-awspiċi tal-FMI li toffri kemm lill-awtoritajiet kif ukoll lill-industrija sors uniku għal data finanzjarja bażika standardizzata li tippermetti li jsiru attivitajiet prudenzjali internazzjonali u kif ukoll proċessi industrijali aktar effiċjenti;

Konfigurazzjoni ġdida tas-sistema monetarja internazzjonali

Rwol u sfidi tal-UE

59. Jenfasizza l-effetti pożittivi ta' qafas ta' governanza ekonomika aktar b'saħħtu fl-UE u fiż-żona tal-euro għal kooperazjoni u koordinament globali;

60. Jinnota l-importanza kbira tat-tisħiħ u l-approfondiment tas-Suq Uniku Ewropew mhux biss bħala objettiv intern iżda anke bħala eżempju li għandhom isegwu blokok kummerċjali oħra madwar id-dinja;

61. Jenfasizza l-ħtieġa għal politiki tal-UE kemm fil-qasam tal-biedja kif ukoll f'dak finanzjarju li jgħinu biex jiġu evitati xokkijiet globali fil-provvista u l-prezzijiet tal-ikel;

62. Jenfasizza l-effetti pożittivi ta’ qafas ta’ governanza aktar b’saħħtu li jirrinforza l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir fl-UE u ż-żona tal-euro għal kooperazzjoni u koordinazzjoni globali;

63. Jiddikjara li l-UE għandu jkollha rwol attiv fit-tiswir mill-ġdid tas-sistema monetarja u finanzjarja internazzjonali permezz ta' rappreżentanza esterna aktar b'saħħitha bbażata fuq teħid ta' deċiżjonijiet intern aktar effiċjenti u trasparenti skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat ta' Lisbona;

64. Jilqa’ l-ħolqien ta’ erba’ entitajiet regolatorji finanzjarji Ewropej ġodda, l-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, u l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, u jittama li dawn jikbru b’saħħithom u jsiru effikaċi;

65. Jaħseb li l-bżonn li tiġi favorita sitwazzjoni ugwali għal kulħadd ma għandux iżomm lill-UE jew lil blokok reġjonali u pajjiżi oħra milli jsaħħu l-arranġamenti reġjonali li jimmiraw lejn l-użu sħiħ tal-flessibilità pprovduta mid-WTO u standards internazzjonali oħra sabiex jiġu riekwilibrati l-prinċipji fundamentali makroekonomiċi u tiżdied il-prosperità;

66. Jistieden lill-UE tiffoka fuq it-tnaqqis tad-dipendenza tagħha fuq l-enerġija sabiex trażżan l-inflazzjoni importata u terġa’ tikseb bilanċ kummerċjali ma’ pajjiżi li jipproduċu ż-żejt;

67. Jenfasizza l-fatt li l-produzzjoni ta’ oġġetti pubbliċi globali bħall-ħarsien tal-klima u l-ilħuq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju tista’ tiġi favorita permezz ta’ qafas ta’ aċċess għal suq kwalifikat tal-UE;

68. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta dwar kif tista' tittejjeb il-proċedura interna tal-UE ta' teħid ta' deċiżjonijiet biex ittejjeb il-koerenza tagħha fir-rigward tar-rappreżentanza esterna fil-qasam tal-kwistjonijiet ekonomiċi u finanzjarji sabiex tiżgura li r-rappreżentanza tal-UE tkun responsabbli demokratikament lejn il-Parlament Ewropew, lejn l-Istati Membri u l-parlamenti nazzjonali;

69. Iħeġġeġ lill-G20 u lid-WTO jistudjaw il-possibilità ta' ftehim globali għal taxxa fuq il-karbonju għal prodotti u servizzi importati;

70. Ifakkar li, skont l-Artikolu 138 tat-Trattat ta’ Lisbona, iż-żona tal-euro hija mistennija tintroduċi rappreżentanza esterna unifikata; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva għal dan l-iskop;

71. Jissottolinja l-fatt li parteċipazzjoni sħiħa fl-ekonomija globali hija kruċjali għall-Ewropa biex tieħu vantaġġ mill-opportunitajiet kollha tagħha, u l-aqwa opportunità biex tagħmel dan bħala unità waħda;

72. Jistieden lill-UE biex dejjem tippromwovi l-kummerċ ġust, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u l-iżvilupp sostenibbli fil-politiki tal-kummerċ tagħha, bi qbil mat-Trattat ta’ Lisbona, l-aġenda interna tagħha u bit-tlestija tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju;

73. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (14.7.2011)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar il-Governanza Ekonomika Globali
(2011/2011(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Yannick Jadot

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' l-passi biex jitkejlu l-iżbilanċi globali b'sensiela ta' linji gwida indikattivi li skonthom se tiġi evalwata sensiela ta’ indikaturi maqbula b’mod konġunt sabiex jitnaqqsu l-iżbilanċi makroekonomiċi eċċessivi u persistenti u biex l-iżbilanċi fil-kontijiet attwali tal-pajjiżi jinżammu f’livelli sostenibbli, inkluż "l-iżbilanċ estern kompost minn bilanċ kummerċjali u flussi u trasferimenti ta' dħul ta' investiment nett" maqbul fis-Samit tal-G20 tal-Ministri tal-Finanzi f’Pariġi fid-19 ta’ Frar 2011 u l-impenn tagħhom fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni multilaterali fid-dawl tal-azzjoni ta’ politika kkoordinata mill-membri kollha tal-G20 għall-kisba ta’ tkabbir sod, sostenibbli u bbilanċjat;

2.  Huwa mħasseb dwar il-persistenza tar-ritmi tat-tkattir tal-iżbilanċi f’livell globali, kif juru d-defiċits dejjem ikbar tal-kontijiet attwali tal-UE u tal-Istati Uniti matul is-sena 2010;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiffukaw fuq it-tnaqqis tad-dipendenza tal-Unjoni fuq importazzjonijiet tal-enerġija sabiex tonqos l-inflazzjoni importata u jerġgħu jinkisbu bilanċi kummerċjali ma’ pajjiżi li jipproduċu ż-żejt;

4.  Iqis li l-iżbilanċi kummerċjali globali huma parzjalment riżultat ta' u huma rinfurzati minn kundizzjonijiet u infrastruttura insuffiċenti biex l-ekonomiji tas-suq kompetittivi jiġġeneraw il-ġid fid-dinja kollha, u b'mod partikolari fil-pajjiżi l-inqas żviluppati u fl-istati ta' gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal mekkaniżmu komprensiv, ibbażat l-iżjed fuq u interkonness b’mod sod mar-regolamenti tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, li jevita l-użu tal-kummerċ bħala għodda tal-politika barranija b’mod kuntrarju għall-valuri demokratiċi rikonoxxuti internazzjonalment, kif riflessi fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;

6.  Jinnota li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ tista’ tikkunflitta mal-ħarsien tal-klima jekk ċerti pajjiżi jfittxu vantaġġ kompetittiv billi jonqsu milli jaġixxu dwar kwistjonijiet ta’ klima; jissuġġerixxi, għaldaqstant, riforma tar-regoli tal-antidumping tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ għall-inklużjoni tal-kwistjoni ta’ prezz ambjentali ġust skont l-istandards globali tal-ħarsien tal-klima;

7.  Jenfasizza l-fatt li l-produzzjoni ta’ oġġetti pubbliċi globali bħall-ħarsien tal-klima u l-ilħuq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju tista’ tiġi favorita permezz ta’ qafas ta’ aċċess għal suq kwalifikat tal-UE;

8.  Jenfasizza l-fatt li, sabiex jiġu indirizzati l-iżbilanċi kummerċjali globali, l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ għandu jkollha rwol iktar attiv fil-kuntest tal-issettjar tar-rati tal-iskambju u fl-irwol tal-muniti ta' riżerva u jtenni li, skont l-OKŻE, minħabba t-tkabbir fil-kummerċ dinji u fl-investiment, il-ftuħ finanzjarju tal-pajjiżi tagħha żdied b’iżjed mid-doppju minn nofs is-snin disgħin; hu konvint li, sabiex jinżamm il-ftuħ, għandna nevitaw r-regolamentazzjoni żejda f'ċerta ġurisdizzjonijiet, li żżid dawn l-iżbilanċi; itenni wkoll li hemm bżonn ta' regolamentazzjoni aħjar tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu fil-livell dinji;

9.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri Ewropej li jpoġġu fuq il-Bord Eżekuttiv tal-FMI biex jesploraw u jipproponu qafas multilaterali ġdid għall-ġestjoni tar-rata tal-iskambju, inkluż mekkaniżmu ta' sorveljanza aċċettat b’mod komuni bbażat fuq ir-Rati tal-Iskambju Effettivi Reali (REER);

10. Huwa partikolarment imħasseb dwar il-bżonn li titrażżan il-volatilità tal-prezz tal-ikel; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippreżenta lill-Parlament Ewropew valutazzjoni tal-impatt indipendenti dwar l-isfidi affrontati kemm mill-konsumaturi u kif ukoll mill-produtturi b’din it-tendenza u biex tissuġġerixxi miżuri li jtejbu l-katina tal-provvista u l-faċilitajiet tal-ħżin biex jiġi evitat l-iskart waqt il-produzzjoni u t-trasport lejn is-swieq u biex tħares lejn l-impatt ta’ rati ta’ interessi baxxi fis-swieq tal-kommoditajiet; jistieden lill-Kummissjoni tfassal Kumitat tal-UE għall-Kummerċ ta' Prodotti Bażiċi tal-Futur, fuq il-mudell tal-Istati Uniti, biex dan iħejji regolamenti iktar stretti dwar il-kummerċ tal-prodotti bażiċi u standards globali għall-ikklerjar tal-kuntratti, inkluża l-kompetenza li jistabbilixxi pożizzjoni ta' limiti individwali u aggregati fuq l-iskambji kollha tal-prodotti bażiċi tal-futur;

11. Jistieden lill-Kummissjoni biex fil-laqgħa li jmiss bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku (TEC),titqajjem il-kwistjoni tal-kooperazzjoni reċiproka dwar is-superviżjoni tad-derivattivi tal-prodotti bażiċi skont ir-regolament eżistenti dwar it-trasparenza u l-abbuż tas-suq;

12. Jistieden lill-UE biex timplimenta d-dikjarazzjonijiet tas-samits tal-G8/G20, partikolarment rigward sussidji għall-fjuwils fossili u l-agrikoltura, b'kunsiderazzjoni tal-linji gwida tal-OKŻE f’dan il-qasam, u rigward il-volatilità tal-prezz tal-ikel u s-swieq tal-prodotti bażiċi;

13. Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-istrateġija kummerċjali tagħha fir-rigward tat-tisħiħ ta’ kummerċ min-nofsinhar għan-nofsinhar u kummerċ intrareġjonali f’partijiet oħra tad-dinja sabiex titnaqqas il-vulnerabbiltà ta’ ħafna ekonomiji żgħar u sabiex tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ sħab ekonomiċi msaħħa fil-futur;

14. Ifakkar li l-ftehim kummerċjali attwali kollu tal-UE jeħtieġ li jinkludi kapitolu dwar sostenibilità soda; jenfasizza, f’dan il-kuntest, li l-governanza ekonomika jeħtieġ li sservi l-avvanz soċjali u ambjentali u m'għandhiex tkun limitata għal kriterji purament monetarji;

15. Jemmen li, sabiex tippermetti lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw biex jiksbu iżjed benefiċċji mill-kummerċ u biex jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u pagi deċenti għall-ħaddiema kollha, l-UE għandha interess qawwi fit-tisħiħ tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u fl-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ħidma tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u fis-sorveljanza tal-kapitoli tas-sostenibilità tal-sistema ta' preferenzi ġeneralizzati;

16. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi mill-ġdid l-istrateġija tal-kummerċ u l-investiment tal-UE biex tinkludi l-pajjiżi BRIC bħala sħab kummerċjali ewlenin futuri b’interessi proprji tagħhom f’netwerk globali komuni ta’ interessi interkonnessi ta’ żvilupp sostenibbli soċjali u ekoloġiku;

17. Huwa tal-fehma li Banek ta’ Żvilupp Multilaterali għandhom jipprovdu riżorsi addizzjonali b’mod iżjed effettiv sabiex jolqtu ħtiġijiet lokali speċifiċi, jappoġġaw investimenti fuq perjodu taż-żmien twil u jikkonsolidaw l-ekonomiji lokali;

18. Jistieden lill-UE biex dejjem tippromwovi l-kummerċ ġust, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u l-iżvilupp sostenibbli fil-politiki tal-kummerċ tagħha, bi qbil mat-Trattat ta’ Liżbona, l-aġenda interni tagħha u bit-tlestija tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

13.7.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

17

5

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

William (The Earl of) Dartmouth, Laima Liucija Andrikienė, Kader Arif, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, Marielle De Sarnez, Christofer Fjellner, Metin Kazak, David Martin, Vital Moreira, Paul Murphy, Cristiana Muscardini, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Niccolò Rinaldi, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Keith Taylor, Paweł Zalewski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Josefa Andrés Barea, José Bové, George Sabin Cutaş, Norbert Glante, Syed Kamall, Elisabeth Köstinger

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Rosa Estaràs Ferragut, Vicky Ford

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

26.9.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

35

7

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Burkhard Balz, Sharon Bowles, Udo Bullmann, Pascal Canfin, George Sabin Cutaş, Leonardo Domenici, Diogo Feio, Markus Ferber, Elisa Ferreira, Jean-Paul Gauzès, Sylvie Goulard, Liem Hoang Ngoc, Gunnar Hökmark, Syed Kamall, Othmar Karas, Wolf Klinz, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Philippe Lamberts, Werner Langen, Hans-Peter Martin, Íñigo Méndez de Vigo, Sławomir Witold Nitras, Alfredo Pallone, Anni Podimata, Olle Schmidt, Edward Scicluna, Peter Simon, Theodor Dumitru Stolojan, Ivo Strejček, Kay Swinburne, Marianne Thyssen, Ramon Tremosa i Balcells, Corien Wortmann-Kool

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Vicky Ford, Robert Goebbels, Enrique Guerrero Salom, Carl Haglund, Sophia in ‘t Veld, Dan Jørgensen, Krišjānis Kariņš, Mojca Kleva, Klaus-Heiner Lehne, Andreas Schwab

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Elmar Brok, Marielle Gallo, Ulrike Lunacek