RAPPORT dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew li jissostitwixxi d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (95/167/KE, Euratom, KEFA)

14.10.2011 - (2009/2212(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
Rapporteur: David Martin


Proċedura : 2009/2212(INL)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew li jissostitwixxi d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (95/167/KE, Euratom, ECSC)

(2009/2212(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–         wara li kkunsidra t-tielet paragrafu tal-Artikolu 226 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–         wara li kkunsidra l-Artikoli 41 u 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–         wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A7-0352/2011),

1.        Jadotta l-proposta għal Regolament annessa ma’ din ir-riżoluzzjoni;

2.        Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jagħtu notifika tal-kunsens tagħhom għall-proposta;

3.        Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, jekk ma jistgħux jagħtu l-kunsens tagħhom għall-proposta fil-forma preżenti tagħha, biex jidħlu f’negozjati, u jinkariga lir-rapporteur tiegħu u lill-president tal-kumitat responsabbli tiegħu biex bil-gwida ta’ dak il-kumitat, jinnegozjaw mal-Kunsill u mal-Kummissjoni bil-għan li jinkiseb il-kunsens ta' dawk iż-żewġ istituzzjonijiet;

4.        Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u l-proposta għal Regolament annessa magħha lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

ANNESS

PROPOSTA GĦAL REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew u li jirrevoka d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (95/167/KE, Euratom, KEFA)

IL-PARLAMENT EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 226 tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Kunsill[1],

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Kummissjoni[2],

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)       It-Trattat ta’ Lisbona ħoloq il-kundizzjonijiet għal bilanċ istituzzjonali mġedded u mtejjeb fi ħdan l-Unjoni, li jagħti lok lill-istituzzjonijiet tagħha jiffunzjonaw b'mod aktar effiċjenti, miftuħ u demokratiku; f’dan il-kuntest, il-funzjonijiet tal-Parlament Ewropew fir-rigward tal-kontroll politiku ġew imsaħħa u estiżi. Għaldaqstant, skont il-prattika parlamentari nazzjonali kif ukoll ir-rekwiżiti tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (minn issa ‘l quddiem ‘it-trattati’), il-kumitati ta’ inkjesta tal-Parlament Ewropew għandhom jissaħħu u għandhom jingħataw poteri speċifiċi, ġenwini u b’limiti ċari li jkunu jaqblu aktar mal-istatura politika u l-kompetenzi tiegħu, filwaqt li jkun rispettat il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Il-poteri tal-kumitati ta' inkjesta, li huma strumenti eċċezzjonali ta' kontroll politiku, għandhom ikunu bla ħsara għar-responsabilitajiet ta' istituzzjonijiet oħra.

(2)       Fid-19 ta’ April 1995 il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottaw id-Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom, KEFA[3], li stipulat id-dispożizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew. Dik id-deċiżjoni alludiet għall-possibilità li d-dispożizzjonijiet tagħha jaf jiġu riveduti fid-dawl tal-esperjenza.

(3)       Bil-ħsieb tal-bilanċ istituzzjonali mġedded li nħoloq permezz tat-Trattat ta’ Lisbona u l-esperjenza miksuba grazzi għax-xogħol tal-kumitati ta’ inkjesta tal-Parlament Ewropew, id-Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom, KEFA għandha tiġi revokata u ssostitwita b’regolament ġdid.

(4)       Skont il-prinċipju tal-utilità kif rikonoxxut fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja[4]il-poteri li huma indispensabbli sabiex jitwettqu l-ħidmiet li jirriżultaw mid-dritt ta’ inkjesta għandhom jiġu mogħtija lill-Parlament Ewropew u lill-kumitati ta’ inkjesta tiegħu. Għaldaqstant, jeħtieġ ukoll li l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Istati Membri jieħdu l-passi kollha sabiex jiffaċilitaw it-twettiq ta’ dawk il-ħidmiet.

(5)       L-ebda kumitat ta’ inkjesta m’għandu jitwaqqaf fejn il-fatti allegati jkunu qed jiġu eżaminati quddiem qorti u waqt li l-każ ikun għadu suġġett għal proċeduri legali; madankollu, biex ikun evitat kwalunkwe kunflitt bejn l-inkjesti ta’ natura politika u dawk ta’ natura ġuridika, il-Parlament Ewropew għandu jkun jista’ – mingħajr ma jkun obbligat jagħmel dan skont it-trattati – jissospendi l-investigazzjoni ta’ kumitat ta’ inkjesta jekk, wara li dan ikun ġie stabbilit, jinbdew proċeduri legali dwar l-istess suġġett.

(6)       Skont il-prinċipji tat-trasparenza, tal-governanza tajba u tar-responsabbilizzazzjoni demokratika, il-proċeduri tal-kumitati ta’ inkjesta u b’mod partikolari s-seduti ta’ smigħ għandhom isiru pubblikament; min-naħa l-oħra, għandha tkun prevista l-possibilità ta' proċeduri in camera u regoli xierqa dwar il-kunfidenzjalità sabiex tiġi żgurata l-effiċenza tal-inkjesti, il-ħarsien tal-interessi vitali tal-Istati Membri, il-ħarsien tal-privatezza u tal-integrità tal-individwu, b'mod partikolari skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali, jew il-ħarsien ta' interessi kummerċjali ta' persuna fiżika jew ġuridika.

(7)       Id-dritt ta' inkjesta, bħala element importanti tal-poteri superviżorji parlamentari, ħu maħsub biex jiddetermina l-mod ta' kif il-ġabra ta' liġijiet eżistenti ġiet implimentata fil-passat; għaldaqstant, hu essenzjali li kumitat ta' inkjesta jkun jista' joqgħod fuq evidenza fattwali miġbura tul il-kors tal-investigazzjoni tiegħu. Għal dan il-għan, kumitat ta' inkjesta għandu jkun jista' jwettaq, fil-limiti tal-mandat tiegħu, kwalunkwe investigazzjoni li jqis li hi meħtieġa biex iwettaq il-ħidma tiegħu, b'mod partikolari li jwettaq investigazzjonijiet fil-post, jitlob dokumenti, itella' xhieda, jisma' lill-uffiċjali u impjegati oħra tal-Unjoni jew tal-Istati Membri u li jitlob rapporti mingħand persuni esperti.

(8)       F'ġieħ it-trasparenza u ċ-ċertezza legali, ordni għat-teħid ta' evidenza minn kumitat ta' inkjesta għandha tieħu s-sura ta' deċiżjoni, li meta jkollha effetti legali fil-konfront ta' terzi għandha titqies li tikkostitwixxi att tal-Parlament Ewropew, sabiex jingħata lok għal stħarriġ ġudizzjarju xieraq.

(9)       L-investigazzjonijiet għandhom isiru b'rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, b'mod partikolari l-prinċipju tal-ġustizzja, u tad-dritt tal-persuni involuti li jesprimu l-fehma tagħhom dwar il-fatt li jikkonċernawhom.

(10)     Il-kumitati ta' inkjesta għandhom jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet ta' dawk imsejħa minnhom biex jixhdu, skont il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(11)     L-investigazzjonijiet għandhom ukoll iqisu l-prinċipju li l-konklużjonijiet ta' inkjesta għandhom ikunu msejsa biss fuq elementi li għandu valur evidenzjali; għaldaqstant, kumitat ta' inkjesta għandu jkun jista' b'mod partikolari jkollu aċċess għal kwalunkwe dokument relevanti fil-pussess tal-istituzzjonijiet jew entitajiet tal-Unjoni, tal-Istati Membri tagħhom jew, jekk id-dokument ikun meqjus pertinenti għas-suċċess tal-inkjesta, ta' kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra.

(12)     Skont il-prinċipju ta' kooperazzjoni leali u l-impenn li jingħata kontribut għaż-żamma tal-ordni legali tal-Unjoni, l-istituzzjonijiet u l-entitajiet tal-Unjoni jew l-Istati Membri għandhom jaħtru l-uffiċjali jew impjegati li huma jawtorizzaw biex jidhru quddiem kumitat ta' inkesta meta l-kumitat jistedinhom jagħmlu dan. Barra minn hekk, għandu jkun possibbli li kumitat ta' inkjesta jisma' lill-Kummissarji responsabbli mill-fatti li qed jiġu investigati jekk ix-xhieda tagħhom titqies ta' importanza fundamentali u neċessarja għal valutazzjoni profonda tal-fatti li qed jiġu investigati.

(13)     Madankollu, sabiex ikun żgurat li kumitat ta’ inkjesta jista’ jkun ċert li l-konklużjonijiet tiegħu huma msejsa fuq elementi li għandhom valur evidenzjali, il-kumitat għandu jkollu wkoll id-dritt li jsejjaħ lil kwalunkwe persuna li hi residenti fl-Unjoni Ewropea, inklużi uffiċjali u impjegati oħra tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew tal-Istati Membri, bħala xhieda li għandhom ikunu obbligati jwieġbu l-mistoqsijiet minn jeddhom, b’mod sħiħ u b’onestà; barra minn hekk, biex ikun żgurat li l-uffiċjali u impjegati oħra tal-Unjoni jkunu jistgħu jaqdu dan l-obbligu, għandu jkun magħmul ċar li huma jitqiesu li huma awtorizzati skont l-Artikoli 17 u 19 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, stipulati fir-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68[5], u f'Artikolu 11 tal-Kundizzjonijiet ta' Impjieg ta’ impjegati oħra tal-Unjoni Ewropea, stipulati fl-istess Regolament, li jobdu t-talba tal-kumitat, li jattendu għall-eżami bħala xhieda u li jissottomettu dikjarazzjonijiet u jagħtu evidenza personalment.

(14)     Minħabba l-ħtieġa li jkun żgurat l-ogħla valur evidenzjali tax-xhieda, il-kumitati ta' inkjesta għandu wkoll ikollhom id-dritt li jitolbu lix-xhieda jagħtu xhieda bil-ġurament; madankollu, minħabba l-fatt li x-xhieda bil-ġurament mhix proċedura użata f'kull sistema legali nazzjonali tal-Unjoni, ix-xhieda m'għandhomx jiġu obbligati jieħdu dan il-ġurament. Għandha tittieħed nota formali ta' kull każ fejn xhud jirrifjuta li jixhed bil-ġurament, biex jingħata lok għal valutazzjoni kumparattiva ġusta tal-valur evidenzjali tax-xhieda kollha.

(15)     Meta rratifikaw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri qablu wkoll li jagħtu lill-Parlament Ewropew id-dritt li jinvestiga allegazzjonijiet ta' ksur jew amministrazzjoni ħażina fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni; konsegwentement, għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali tagħhom, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali, jagħtu l-appoġġ meħtieġ biex jippermettu lill-kumitati ta’ inkjesta jwettqu l-ħidma tagħhom, anke b'mod partikolari billi jeżegwixxu b'ħeffa talbiet għal għajnuna ġudizzjarja maħruġa mill-kumitat.

(16)     Bil-għan li jissaħħaħ il-kontroll demokratiku fil-livell tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jagħti poteri estiżi lill-kumitati ta’ inkjesta; biex dawk id-dispożizzjonijiet ikollhom effett, biex tiżdied l-effiċenza tal-inkjesti u biex joqorbu aktar lejn il-prattika parlamentari nazzjonali, dan ir-Regolament għandu jipprevedi l-possibilità ta’ sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi f’każijiet definiti sew; għandhom ikunu l-Istati Membri li jiżguraw li ċertu ksur ikun suġġett għal sanzjonijiet xierqa fl-ambitu tal-liġi nazzjonali tagħhom u li jittieħdu proċeduri xierqa kontra minn iwettaq ksur tali.

(17)     Sabiex tkun żgurata firxa usa’ ta’ rimedji effettivi, għandu jkun magħmul disponibbli rimedju ta’ qabel il-litigazzjoni fi ħdan il-Parlament Ewropew għal kull persuna fiżika jew ġuridika apparti l-istituzzjonijiet u entitajiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri fejn tali persuni jkun jistgħu jikkontestaw id-deċiżjonijiet, meħuda b’implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-investigazzjoni, li jkunu indirizzati lilhom jew li jkunu jikkonċernawhom b’mod dirett u individwali. Dan ir-rimedju għandu jkun addizzjonali għar-rimedji ġudizzjarji u extraġudizzjarji previsti fit-trattati u fis-sistemi legali tal-Istati Membri.

(18)     Għandu jiġi rispettat il-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri li skontu, sabiex jiġi evitat abbuż ta' poter, il-leġiżlatura (il-parlament), l-eżekuttiv (il-gvern) u l-ġudikatura (il-qrati) għandhom ikunu separati minn xulxin.

(19)     Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Taqsima 1

Suġġett u regoli ġenerali dwar l-istabbiliment ta' kumitat ta' inkjesta

Artikolu 1

Suġġett

1.        Dan ir-Regolament jistipula dispożizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt tal-Parlament Ewropew, fit-twettiq ta' dmirijietu, li jinvestiga allegazzjonijiet ta' ksur jew amministrazzjoni ħażina fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni.

2.        Għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet li jiggvernaw l-organizzazzjoni interna tal-Parlament Ewropew fir-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

Artikolu 2

It-twaqqif u l-mandat ta’ kumitati ta’ inkjesta

1.        Skont il-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet stipulati permezz tat-trattati, il-Parlament Ewropew jista’ jwaqqaf kumitati ta’ inkjesta temporanji.

2.        Il-Parlament Ewropew jista’ jwaqqaf dan it-tip ta' kumitati ta’ inkjesta fuq talba ta’ kwart tal-membri komponenti tiegħu.

3.        Id-deċiżjoni li jitwaqqaf kumitat ta’ inkjesta għandha tispeċifika il-mandat tiegħu, u tinkludi b’mod partikulari:

(a)       is-suġġett u l-iskop tal-inkjesta, b'referenza għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tal-Unjoni;

(b)       il-kompożizzjoni tiegħu msejsa fuq rappreżentanza bbilanċjata tal-forzi politiċi;

(c)       il-limitu taż-żmien għas-sottomissjoni tar-rapport tiegħu, li m’għandux ikun itwal minn 12-il xahar mid-data li fiha jkun iltaqa' l-ewwel darba u jista', permezz ta' deċiżjoni motivata mill-Parlament Ewropew, jiġi estiż darbtejn b'mhux aktar minn tliet xhur.

Artikolu 3

Tmiem il-kumitati ta’ inkjesta

Il-kumitat ta’ inkjesta għandu jintemm:

           (a)       Meta jissottometti r-rapport tiegħu; jew

           (b)       Meta jilħaq il-limitu ta’ żmien tiegħu għas-sottomissjoni tar-rapport tiegħu; kif ukoll

           (c)       Fi kwalunkwe każ, fi tmiem it-terminu parlamentari.

Artikolu 4

Inkjesti mill-ġdid

Kumitat ta' inkjesta temporanju ma għandux jiġi kkostitwit jew stabbilit mill-ġdid fir-rigward ta' fatti diġà investigati minn kumitat ta' inkjesta qabel l-iskadenza ta' terminu ta' mill-inqas 12-il xahar mis-sottomissjoni tar-rapport fuq dik l-inkjesta jew il-konklużjoni tal-mandat tal-kumitat ta' inkjesta ta' qabel u sakemm ma jkunux tfaċċaw fatti ġodda. Jista' jiġi stabbilit kumitat fi kwalunkwe każ fejn ikunu tfaċċaw fatti ġodda u serji li jiġu kkunsidrati tali li jibdlu l-konstatazzjonijiet sostantivi.

Taqsima 2

Regoli ta’ proċedura ġenerali

Artikolu 5

Inkompatibilitajiet

1.        L-ebda kumitat ta’ inkjesta m’għandu jitwaqqaf fejn il-fatti allegati jkunu qed jiġu eżaminati quddiem qorti u waqt li l-każ ikun għadu suġġett għal proċeduri legali;

2.        Jekk wara t-twaqqif ta’ kumitat ta’ inkjesta jiġu inizjati proċeduri legali dwar suġġett identiku, il-Parlament Ewropew għandu jiddeċiedi jekk jissospendix l-investigazzjoni tal-kumitat.

Talba għal dan tista’ tiġi sottomessa minn Stat Membru, il-Kummissjoni jew persuna involuta direttament jew individwalment fl-inkjesta.

Il-perjodu tas-sospensjoni m’għandux jitkejjel fiż-żmien imsemmi fl-Artikolu 2(3), punt (c).

Artikolu 6

In-natura pubblika tal-proċeduri

1.        Il-proċeduri tal-kumitat ta’ inkjesta, u b’mod partikolari s-seduti ta’ smigħ tal-kumitat, għandhom isiru fil-pubbliku.

2.        B’eċċezzjoni, il-proċeduri jistgħu isiru in camera jekk dan jintalab minn kwart tal-membri tal-kumitat ta’ inkjesta, minn istituzzjoni jew entità tal-Unjoni jew mill-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati. Ix-xhieda u l-esperti jistgħu, jekk jitolbu dan, jinstemgħu in camera.

           Informazzjoni meqjusa bħala kunfidenzjali, kif previst fl-Artikolu 7, għandha tiġi studjata in camera.

3.        Il-kumitat ta’ inkjesta għandu jinforma lil kwalunkwe persuna msemmija tul l-inkjesta li għaliha dan jista’ jkun ta’ ħsara; jekk il-persuna titlob li tinstema’, il-kumitat għandu jismagħha.

Artikolu 7

Kunfidenzjalità

1.        L-informazzjoni miksuba mill-kumitat ta’ inkjesta għandha tintuża biss għat-twettiq tad-doveri tiegħu. Ma tistax tiġi żvelata jekk tkun tinkludi fiha materjal ta’ natura kunfidenzjali. Informazzjoni kunfidenzjali għandha tiġi trattata u mħarsa mill-Parlament Ewropew f’konformità mal-istandards minimi komuni tas-sigurtà applikati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

2.        Il-Paragrafu 1 japplika għal informazzjoni li l-iżvelar tagħha jdgħajjef jew il-ħarsien tal-privatezza u tal-integrità ta’ individwu, b’mod partikolari rigward leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta’ data personali, jew interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika, inkluża proprjetà intellettwali.

Artikolu 8

Kooperazzjoni

L-istituzzjonijiet u l-entitajiet tal-Unjoni għandhom jiżguraw li l-membri u l-persunal tagħhom jagħtu l-għajnuna meħtieġa sabiex il-kumitat ta’ inkjesta jkun jista’ jwettaq il-ħidma tiegħu;

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali tagħhom, b'mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali, jagħtu l-appoġġ meħtieġ sabiex il-kumitat ta’ inkjesta jkun jista’ jwettaq ħidmietu.

Artikolu 9

Komunikazzjoni

Kwalunkwe komunikazzjoni indirizzata lill-awtoritajiet nazzjonali jew lill-qrati tal-Istati Membri għall-iskopijiet tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom isiru permezz tar-Rappreżentanzi Permanenti tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 10

Ir-riżultati tal-inkjesti

1.                   Wara li l-inkjesta tkun ingħalqet, ir-rapport finali tal-kumitat ta’ inkjesta għandu jingħata lill-Parlament Ewropew, li għandu jadottah jew jirrifjutah mingħajr emendi.

2.                   Ir-rapport finali tal-kumitat jista' jinkludi konklużjonijiet tal-minoranza bħala parti uffiċjali tat-test, sakemm tali konklużjonijiet ikollhom l-appoġġ ta' mill-anqas kwart tal-membri tal-kumitat.

3.        Fuq il-bażi tar-rapport, il-Parlament Ewropew jista’, b’mod partikolari, jirreferi l-kwistjoni lill-istituzzjonijiet jew entitajiet tal-Unjoni jew lill-awtorijiet ġudizzjarji nazzjonali jew awtoritajiet oħra.

Il-Parlament Ewropew jista’ jressaq lill-istituzzjonijiet jew entitajiet tal-Unjoni Ewropea jew tal-Istati Membri, kwalunkwe rakkomandazzjoni li jadotta fuq il-bażi tar-rapport tal-kumitat ta’ inkjesta.

Taqsima 3

Investigazzjoni

Artikolu 11

It-twettiq tal-investigazzjoni

1.        Il-kumitat ta’ inkjesta jista’ jitwettaq, fil-limiti tal-mandat tiegħu, kwalunkwe investigazzjoni li jikkunsidra meħtieġa sabiex iwettaq ħidmietu. Għal dan il-għan, il-kumitat hu intitolat b’mod partikolari li:

           – jwettaq investigazzjonijiet fuq il-post;

           – jitlob dokumenti;

           – iressqu x-xhieda;

           – jisimgħu l-uffiċjali u impjegati oħra tal-Unjoni jew tal-Istati Membri;

           – jitlob rapporti tal-esperti.

2.        Il-kumitat ta’ inkjesta jista’ jitlob lill-awtorijiet ġudizzjarji nazzjonali jew awtoritajiet oħra għal assistenza waqt l-investigazzjoni tagħhom. Dawk l-awtoritajiet għandhom jagħtu l-appoġġ meħtieġ għall-kumitat ta’ inkjesta.

3.                   Meta l-allegat ksur jew amministazzjoni ħażina fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni jinvolvi l-eventwalità ta' responsabbiltà ta' entità jew awtorità ta' Stat Membru, il-kumitat ta' inkjesta jista' jitlob lill-Parlament tal-Istat Membru kkonċernat jikkoopera fl-investigazzjoni.

Għal dan l-iskop, il-Parlament Ewropew jista' jikkonkludi ftehimiet interparlamentari mal-parlamenti tal-Istati Membri.

4.        Id-deċiżjonijiet tal-kumitat meħuda b’implimentazzjoni tat-Taqsima 3 u indirizzata lil persuna fiżika jew ġuridika apparti l-istituzzjonijiet u entitajiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-persuni indirizzati dwar ir-rimedji disponibbli għalihom skont l-Artikolu 21 ta’ dan ir-Regolament.

           Id-deċiżjonijiet tal-kumitat li jipproduċi effetti legali fil-konfront ta’ terzi għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu atti tal-Parlament Ewropew.

Artikolu 12

Ordni għall-ġbir ta' evidenza

Għall-iskop tal-investigazzjoni tiegħu, il-kumitat għandu jieħu deċiżjoni (ordni għall-ġbir ta' evidenza) li għandha tistipula l-mezz ta’ investigazzjoni maħsub u l-fatti li għandhom jiġu stabbiliti.

Artikolu 13

Investigazzjonijiet fuq il-post

Il-kumitat ta’ inkjesta jista’ jwettaq investigazzjonijiet fuq il-post. Dawn għandhom isiru fejn ikun xieraq f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali.

Artikolu 14

Talbiet għal dokumenti

1.        Fuq it-talba tal-kumitat ta’ inkjesta indirizzata lill-istituzzjonijiet u l-entitajiet tal-Unjoni, kwalunkwe dokument relevanti fil-pussess tagħhom għandu jkun magħmul disponibbli lill-kumitat.

2.        Fuq talba tal-kumitat ta’ inkjesta indirizzata lill-awtoritajiet tal-Istati Membri, kwalunkwe dokument relevanti fil-pussess tagħhom għandu jkun magħmul disponibbli lill-kumitat b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali, skont ir-regoli stipulati fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 346(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

3.                   Il-kumitat ta’ inkjesta jista’ jistaqsi lil kwlaunkwe persuna fiżika jew ġuridika konċernata tagħmel disponibbli kwalunkwe dokument li jista’ jqis pertinenti għas-suċċess tal-inkjesta tiegħu. Persuni tali għandhom, bla ħsara għall-obbligi tagħhom li jirriżultaw mil-liġi tal-Unjoni u mil-liġi nazzjonali, jikkonformaw mat-talba tal-kumitat. Dawn jistgħu jinvokaw id-drittijiet li jgawdu fl-ambitu tal-liġi nazzjonali fil-każ ta' qbid ta' oġġetti minn awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi.

4.        It-talbiet għal dokumenti għandhom jispeċifikaw il-bażi legali u l-iskop tat-talbi u jispeċfikaw liema dokumenti huma meħtieġa u jistipulaw il-limitu taż-żmien li fih għandhom jiġu pprovduti d-dokumenti. Għandhom ukoll jispeċifikaw il-konsegwenzi possibbli għal min mingħajr raġuni jiċħad li jipprovdi d-dokumenti mitluba.

Artikolu 15

Xhieda

1.        Il-kumitat ta’ inkjesta jista’ jtella’ kwalunkwe persuna residenti fl-Unjoni Ewropea bħala xhud jekk iqis li s-smigħ ta’ dik il-persuna hu meħtieġ biex il-kumitat ikun jista’ jwettaq ħidmietu.

Kull sejħa għandha tinkludi l-isem, il-kunjom u l-indirizz tax-xhud konċernat u tispeċifika b’mod preċiż is-suġġett u għal-liema raġuni jkun se jiġi eżaminat ix-xhud. Għandha tiġi mgħoddija mill-kumitat lill-awtorità nazzjonali kompetenti tal-istat Membri fejn ikun residenti x-xhud. L-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tiżgura li s-sejħa lix-xhud issir f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali.

2.        Xhieda li jkunu ġew mitluba jitilgħu jixhdu għandhom jobdu u jattendu l-eżami. Għandhom iwieġbu minn jeddhom, b’mod sħiħ u b’onestà kwalunkwe mistoqsija magħmula lilhom mill-membri tal-kumitat. Huma jistgħu jinvokaw d-drittijiet li jgawdu kieku kellhom jiġu mitluba jixhdu minn kumitat ta’ inkjesta parlamentari jew entità simili, jew inkella minn qorti b’ġurisdizzjoni fi proċeduri ċivili, fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom. Għal dan l-għan, jistgħu jagħżlu li jużaw avukat.

Ix-xhieda għandhom jiġu informati minn qabel dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom u l-konsegwenzi possibbli fil-każ li jirrifjutaw mingħajr raġuni li jobdu t-talba li jattendu għal eżami, fil-każ li jagħtu xhieda falza u fil-każ ta' tixħim tax-xhieda.

3.        Jekk xhud li jintalab jixhed ma jidhirx quddiem il-kumitat ta' inkjesta, il-kumitat jista' jordna li jitressqu talbiet ulterjuri biex dan isir.

4.        Il-kumitat jista’ jiddeċiedi li jisma’ x-xhieda taħt dan il-ġurament: ‘Naħlef li għidt il-verità, il-verità kollha u xejn iktar ħlief il-verità’. Ix-xhieda jistgħu, jekk jixtiequ, iżidu formula reliġjuża kumplimentari ma’ dan il-ġurament. Madankollu, ħadd m’għandu jiġi obbligat jagħti xhieda bil-ġurament.

           Għandha tittieħed nota formali ta’ kull każ fejn xhud jirrifjuta li jixhed bil-ġurament.

Artikolu 16

Xhieda minn membri tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u minn membri tal-gvernijiet tal-Istati Membri.

Il-kumitat jista' jistieden lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni - bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja - jew lill-gvernijiet tal-Istati Membri biex jaħtru wieħed jew iktar minn fost il-membri tagħhom biex jieħ(d)u sehem fil-proċeduri jekk ix-xhieda tagħhom titqies ta' importanza kruċjali u neċessarja għal valutazzjoni profonda tal-fatti li qed jiġu investigati.

Fuq talba skont l-ewwel paragrafu, il-Kummissjoni għandha taħtar Kummissarju responsabbli wieħed jew iktar mill-kwistjoni li tkun qed tiġi investigata, biex jidher quddiem il-kumitat ta' inkjesta.

Artikolu 17

Uffiċjali u impjegati oħra tal-Unjoni u tal-Istati Membri

1.        Il-kumitat ta’ inkjesta jista’ jistieden lill-istituzzjonijiet jew entitajiet tal-Unjoni jew l-Istati Membri jaħtru wieħed jew aktar uffiċjali jew impjegati tagħhom jieħdu sehem fil-proċeduri tiegħu.

L- istituzzjonijiet jew entitajiet tal-Unjoni jew l-Istati Membri għandhom jaħtru l-uffiċjali jew impjegati li huma jawtorizzaw biex jidhru quddiem il-kumitat ta’ inkjesta.

2.        Il-kumitat ta’ inkjesta jista’ jsejjaħ uffiċjal speċifiku jew impjegat ieħor tal-Unjoni biex jixhed fi kwistjoni assoċjata mad-doveri professjonali tiegħu jew tagħha jekk iqis li s-smigħ ta’ dik il-persuna hu meħtieġ għat-twettiq tal-ħidma tiegħu. L-uffiċjal jew impjegat ieħor konċernat għandu jitqies li hu awtorizzat skont l-Artikoli 17 sa 19 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 11 tal-Kundizzjonijiet ta’ impjieg ta' impjegati oħra tal-Unjoni Ewropea li jobdi s-sejħa tal-kumitat, li jattendi l-eżami bħala xhud u li jissottometti stqarrijiet u jagħti evidenza in persona.

3.        Il-kumitat ta’ inkjesta jista’ jsejjaħ uffiċjal speċifiku jew impjegat ieħor ta’ Stat Membru biex jixhed fi kwistjoni assoċjata mad-doveri professjonali tiegħu jew tagħha jekk iqis li s-smigħ ta’ dik il-persuna hu meħtieġ għat-twettiq tal-ħidma tiegħu. L-Istat Membru konċernat għandu jawtorizza lill-uffiċjali tiegħu u impjegati oħra, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali tiegħu, jobdu s-sejħa tal-kumitat, jattendu l-eżami bħala xhieda u jissottomettu stqarrijiet u jagħti evidenza in persona.

Artikolu 18

Talbiet għal assistenza ġudizzjarja

1.        Il-kumitat ta’ inkjesta jista’ jitlob għajnuna ġudizzjarja għall-eżami ta’ xhieda debitament imsejħa.

2.        Dawn it-talbiet għandhom jinħarġu, skont l-Artikolu 15(1), fil-forma ta’ deċiżjoni tal-kumitat u mgħoddija mill-kumitat lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun residenti x-xhud. Fejn ikun meħtieġ, id-deċiżjoni għandha tkun akkumpanjata bi traduzzjoni fil-lingwa uffiċjali jew waħda mill-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li lilu tkun indirizzata.

3.        L-awtorità ġudizzjarja kompetenti, wara li tkun ivverifikat l-awtentiċità u l-legalità tagħha, għandha tagħti effett lit-talba skont il-liġi nazzjonali tagħha. Madankollu, hi tista’ ssegwi talba tal-kumitat ta’ inkjesta li jintuża metodu jew proċedura speċjali, sakemm dan ma jkunx inkompatibbli mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membri konċernat jew imprattikabbli minħabba l-prattika u proċedura interni tiegħu jew minħabba diffikultajiet prattiċi.

4.        Talbiet għal għajnuna ġudizzjarja għandhom jiġu esegwiti b'ħeffa.

5.        Wara l-eżekuzzjoni, l-awtorità ġudizzjarja kompetenti għandha tgħaddi lill-kumitat ta’ inkjesta d-deċiżjoni li tinkorpora t-talba, kwalunkwe dokumenti li jirriżultaw mill-eżekuzzjoni u dikjarazzjoni dettaljata tal-ispejjeż.

Artikolu 19

Esperti

1.        Il-kumitat ta’ inkjesta jista’ jiddeċiedi li r-rapporti jinkisbu minn espert wieħed jew diversi. Id-deċiżjoni tiegħu f’dan ir-rigward għandha tiddefinixxi l-ħidma tal-esperti u tistipula l-limitu taż-żmien li fih għandu jsir ir-rapport.

2.        L-esperti jistgħu jagħtu opinjoni biss fuq punt li jkun ġew espressament riferuti lilhom.

3.        Fuq il-proposta ta’ espert, il-kumitat jista’ jordna l-eżami tax-xhieda.

4.        Wara li jkun sar rapport, espert jista’ jiġi mismugħ mill-kumitat ta’ inkjesta.

           L-Artikolu 18 għandu japplika mutatis mutandis.

Artikolu 20

Sanzjonijiet

1.        Għandha tittieħed nota formali ta’ kwalunkwe rifjut jew nuqqas ta’ konformità mal-obbligi stipulati permezz ta’ dan ir-Regolament.

Il-President tal-Parlament Ewropew jista’ jħabbar, kompletament jew parzjalment, il-punti li fuqhom ittieħdet nota formali u jagħmel l-arranġamenti biex din il-komunikazzjoni tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.        L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ksur li ġej ta' dan ir-Regolament ikun suġġett għal sanzjonijiet xierqa fl-ambitu tal-liġi nazzjonali:

rifjut mingħajr raġuni li jiġi provdut kwalunkwe dokument mitlub;

– rifjut mingħajr raġuni li tiġi obduta sejħa u ta’ attendenza għal eżami bħala xhud;

– l-għoti ta’ xhieda falza; kif ukoll

– it-tixħim tax-xhieda.

           Dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom jirriflettu s-sanzjonijiet għal ksur korrispondenti fir-rigward tal-ħidma tal-kumitati ta' inkjesta fil-parlamenti nazzjonali.

3.        Meta persuna tkun raġonevolment suspettata li wettqet xi ksur speċifikat f'paragrafu 2, l-Istat Membru fejn il-persuna tkun residenti għandu jibda proċeduri xierqa kontrih/a fl-ambitu tal-liġi nazzjonali.

Artikolu 21

Rimedji legali

1.        Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika apparti l-istituzzjonijiet u entitajiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri tista’ tissottometti ilment motivat bil-miktub kontra deċiżjoni tal-kumitat ta’ inkjesta, meħuda fl-applikazzjoni tat-Taqsima 3, li tkun indirizzata lejn dik il-persuna jew li tkun tikkonċernaha b’mod dirett u individwali. L-ilment għandu jispeċifika l-ksur allegat tal-liġi tal-Unjoni jew tal-liġi nazzjonali applikabbli għall-kwerelant.

2.        L-ilment għandu jiġi sottomess lill-Parlament Ewropew fi żmien 10 ijiem tax-xogħol minn meta l-kwerelant ikun ġie notifikat bid-deċiżjoni, jew, fin-nuqqas ta’ notifika tali, mill-ġurnata meta l-kwerelant ikun sar jaf biha, skont il-każ.

           Ilment ta' dan it-tip jista’ jwassal għal sospensjoni.

3.                   Il-Parlament Ewropew għandu jieħu deċiżjoni motivata dwar l-ilment fl-ewwel sessjoni parzjali ta’ wara li jintemm perjodu ta’ 10 ijiem tax-xogħol minn meta jirċievi l-ilment. Id-deċiżjoni tista' tinkludi klawżola li tipprevedi li l-ilment ma għandux iwassal għal sospensjoni.

Il-Parlament Ewropew għandu jinnotifika lill-kwerelant b’dik id-deċiżjoni fi żmien 10 ijiem tax-xogħol u għandu jinforma lill-kwerelant bir-rimedji li jeżistu, jiġifieri li jibda proċeduri legali kontra l-Parlament Ewropew u/jew jagħmel ilment lill-Ombudsman Ewropew, skont il-kundizzjoniiet stipulati fl-Artikoli 263 u 228 rispettivament tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

4.        Jekk il-Parlament Ewropew jonqos milli jagħti notifika ta’ deċiżjoni raġunata fil-limiti taż-żmien preskritti, il-kwerelant ikun intitolat jibda proċeduri legali kontra l-Parlament Ewropew skont il-kundizzjoniiet stipulati fl-Artikoli 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 22

L-ispejjeż

L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni tal-membri u l-uffiċjali tal-istituzzjonijiet u l-entitajiet tal-Unjoni għandhom jiġu mġarrba minn dawn l-istituzzjonijiet u entitajiet. L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni ta' persuni oħra li jidhru quddiem il-kumitat ta' inkjesta għandhom jitħallsu lura mill-Parlament Ewropew f'konfirmità mal-limiti ffissati li jirregolaw is-smigħ tal-esperti.

Taqsima 4

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 23Revoka

Id-Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom, KEFA hija hawnhekk revokata.

Artikolu 24Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika ...[6]*.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament f'kull Stat Membru.

Magħmul fi ,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

  • [1]  ĠU ...
  • [2]  ĠU ...
  • [3]  ĠU L 78, 6.4.1995, p. 1.
  • [4]  Is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 1987 fil-Kawżi Konġunti 281, 283 sa 285 u 287/85 il-Ġermanja, Franza, il-Pajjiżi l-Baxxi, id-Danimarka u r-Renju Unit v l-Kummissjoni [1987] ECR 3203, fil-paragrafu 28.
  • [5]  ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.
  • [6] *              ĠU: Daħħal id-data: tnax-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

NOTA SPJEGATTIVA

"Il-verità hija vleġġa u l-bieb li tgħaddi minnu... huwa dejjaq."

Bob Dylan

Daħla

Id-dritt ta’ inkjesta huwa fattur important tal-poteri superviżorji tal-Parlament. Fil-fatt, fl-aħħar mill-aħħar jipprovdi l-opportunità ta’ superviżjoni tal-passat: b’liema mod ġie implimentat il-korp tal-liġi eżistenti? Kien hemm xi ksur tal-liġi, jew elementi ta’ amministrazzjoni ħażina jew korruzzjoni fl-amministrazzjoni tal-liġi? Fi kliem ieħor: id-dritt ta’ inkjesta għandu l-għan li jiskopri l-verità dwar il-passat.

Dan id-dritt hu eżerċitat b’ħafna modi differenti mill-parlamenti demokratiċi madwar id-dinja. Fil-parti l-kbira tal-Istati Membri tal-UE, it-twaqqif ta’ kumitati ta’ inkjesta hu maħsub u regolat permezz tal-kostituzzjoni, il-liġi jew permezz ta’ digriet. Jekk wieħed iqabbel it-tipi differenti ta’ kumitati ta’ inkjesta li jeżistu fi ħdan l-Istati Membri differenti, insibu differenzi pjuttost sinjifikanti relatati mal-mekkaniżmi tat-twaqqif tagħhom, il-funzjoni u l-poteri tagħhom[1]. Barra minn hekk, wieħed jista’ jinnota differenzi relatati mal-frekwenza li biha jitwaqqfu l-kumitati ta’ inkjesta.

Id-dritt tal-PE li jistabbilixxi kumitati ta’ inkjesta temporanji biex jinvestigaw "allegat ksur jew amministrazzjoni ħażina fl-implimentazzjoni tal-liġi Komunitarja" ġie elevat għal dritt primarju permezz tat-Trattat ta’ Maastricht. It-Trattat ma jipprovdix informazzjoni dwar poteri speċifiċi mogħtija lill-kumitati ta’ inkjesta tal-PE, u minflok iħalli d-definizzjoni ta’ kwalunkwe dispożizzjoni dettaljata f’idejn ftehim interistituzzjonali ġejjieni.

Il-Parlament immedjatament beda jħejji ftehim ta’ dan it-tip, u wara negozjati twal u t-tfassil ta’ żewġ rapporti[2] ġiet adottata, fl-1995, deċiżjoni interistituzzjonali dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jiggvernaw l-eżerċizzju tad-dritt ta’ inkjesta tal-Parlament Ewropew 1995[3].

Il-Parliament għamel użu pjuttost prudenti tad-dritt ta' inkjesta tiegħu. Sa mill-1995 ħoloq biss tliet kumitati ta’ inkjesta:

- TRANSIT - Kumitat ta’ Inkjesta dwar is-Sistema Komunitarja ta’ Tranżitu,

- ESB1 - Kumitat ta’ Inkjesta dwar l-ESB (enċefalopatija sponġiformi bovina),

- EQUI - Kumitat ta’ Inkjesta dwar il-kriżi finanzjarja “Equitable Life Assurance Society”.

Waqt is-sessjonijiet tiegħu, il-kumitat EQUI malajr skopra l-limitazzjonijiet tal-poteri mogħtija lill-kumitati ta’ inkjesta, li fl-aħħar mill-aħħar dehru li ma kinux jaqblu mal-istatura politika, mal-ħtiġijiet u mal-kompetenzi tal-PE. F’dan ir-rigward, il-kumitat EQUI innota fir-rapport tiegħu li:

Ħlief fir-rigward tal-Kummissjoni Ewropea, il-kumitat ma tantx għandu poter: Ma jistax isejjaħ xhieda, m'hemm ebda konsegwenzi, prezz jew penali jew xhud potenzjali jirrifjuta li jikkoopera mal-inkjesta, u ma jeżistu ebda sanzjonijiet kontra min jixhed falz jew jirrifjuta li jattendi jew jagħti evidenza quddiem il-kumitat. Il-kumitat m’għandu ebda poteri investigattivi simili għal dawk tal-Qrati b’konnessjoni mal-amministrazzjonijiet nazzjonali jew meta korp amministrattiv jew privat jirrifjuta li jgħaddi d-dokumentazzjoni mitluba lill-kumitat. Lanqas ma għandu l-possibilità li jitlob l-assistenza ta’ Qorti nazzjonali tul l-investigazzjoni tiegħu[4].

Dawn il-problemi, enfasizzati mill-kumitat EQUI, kienu l-istess punti kontroversjali li ħarġu qabel waqt in-negozjati interistituzzjonali tal-1995. Fuq din il-bażi, il-Parlament Ewropew ipproduċa fid-19 ta’ Ġunju 2007 rakkomandazzjoni li tablet lill-Konferenza tal-Presidenti tattwa r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-kumitat EQUI, prinċipalment relatati mar-riforma ġejjiena tal-kumitati ta’ inkjesta.

Għaliex għandna nibdew ir-riforma issa?

It-Trattat ta’ Lisbona jimmodifika l-bilanċ istituzzjonali tal-Unjoni u jsaħħaħ l-istatura politka tal-Parlament. L-Artikolu 14 tat-Trattat UE jistipula b’mod ċar li l-Parlament jeżerċita kontroll politiku. It-Trattat biddel ukoll il-proċedura biex jiġu ddeterminati d-dispożizzjonijiet li jiggvernaw l-eżerċizzju tad-dritt ta’ inkjesta. L-Artikolu 226 jgħid hekk: “Id-dispożizzjonijiet dettaljati.....għandhom jiġu stabbiliti mill-Parlament Ewropew, li jaġixxi permezz ta' regolament fuq inizjattiva tiegħu stess skond il-proċedura leġislattiva speċjali, wara l-approvazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni”.

Filwaqt li fil-passat kienet deċiżjoni konġunta bejn it-tliet istituzzjonijiet ewlenin Ewropej, it-trattat ta’ Lisbona b’mod espliċitu jagħti d-dritt ta’ inizjattiva lill-Parlament. Madankollu, il-Parlament xorta għadu jrid jikseb kunsens formali mingħand il-Kunsill u l-Kummissjoni.

Raġuni oħra għalfejn din ir-reviżjoni għandha tinbeda issa hi li l-aħħar emendi tal-Istatut tal-Ombudsman[5] jagħtu lill-Ombudsman poteri usa’ meta mqabbla mal-kumitati ta’ inkjesta tal-Parlament.

Bl-għan li ttejjeb il-funzjoni u l-effikaċja ta’ kumitati ta’ inkjesta ġejjiena, ir-rakkomandazzjoni tal-PE tad-19 ta’ Ġunju 2007, imsejsa fuq ir-rapport tal-kumitat EQUI, kienet diġà ħasbet għall-possibilità ta’ riforma tar-regoli li jiggvernaw dan it-tip ta’ kumitati. Skont l-istudju li sar mill-kumitat dwar is-sitwazzjoni tat-12-il Stat Membru u l-Isvizzera, il-parlamenti nazzjonali huma mgħammra ħafna aħjar mill-PE biex iwettqu l-inkjesti. Sussegwentement, id-Dipartiment tal-Politika aġġorna s-sondaġġ u estendih għal dawk l-Istati Membri li ma kinux inklużi fis-sondaġġ ta’ qabel. Ir-riżultati juru li l-parti l-kbira tal-Istati Membri għandhom sistema kostituzzjonali li tipprevedi kumitati ta’ inkjesta. F’ħafna mill-Istati Membri dawn il-kumitati għandhom poteri amministrattivi simili għal dawk tal-qrati, anke jekk sa livell aktar baxx. Fil-parti l-kbira tal-Istati Membri li għandhom bażi legali għall-kumitati ta' inkjesta teżisti wkoll il-possibilità li huma jsejħu xhieda biex jagħtu evidenza. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità, is-sanzjonijiet ivarjaw bejn pajjiż u ieħor.

Imqabbla ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, is-sett ta’ regoli attwali jikkonċernaw kumitati ta’ inkjesta fil-Parlament Ewropew li huma ħafna aktar restrittivi, b’mod partikolari rigward is-sejħa ta’ xhieda u sanzjonijiet għal dawk li jirrifjutaw li jikkooperaw.

Minħabba li t-Trattat jagħti id-dritt tal-inizjattiva lill-Parlament, il-proċedura użata hi dik stipulata mill-Artikolu 41 tar-Regoli ta’ Proċedura "Id-drittijiet ta' inizjattiva mogħtija lill-Parlament mit-Trattati".

Minn meta nbidlet il-proċedura, il-Parlament jista’ mhux biss jemenda d-deċiżjoni l-antika, iżda wkoll jipproponi regolament ġdid kif qed jiġi mfakkar hawn fuq[6].

X’inhu t-titjib propost?

Il-kumitati ta’ inkjesta jeħtieġ ikollhom il-mezzi neċessarji biex iwettqu l-ħidma tagħhom li jeżaminaw allegat ksur jew amministrazzjoni ħażina tal-liġi tal-Unjoni. Dan jaqbel mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja: Fejn artikolu tat-Trattat jagħti ħidma speċifika lil istituzzjoni jew korp tal-Unjoni, irid jiġi aċċettat, biex dik id-dispożizzjoni tkun effettiva, li l-artiklu jagħti lil dak il-korp, "neċessarjament u per se il-poteri li huma indispensabbli biex dan iwettaq dik il-ħidma "[7].

Biex jitfassal mill-ġdid abbozz ta’ proposta għal regolament ġdid― għall-ewwel darba fl-istorja ta’ din il-Kamra ― ir-rapporteur tnebbaħ minn diversi sorsi. L-Istatut u r-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, b’mod speċjali l-Artikoli 24-30 u l-Artikoli 47-53, u 75 rispettivament, kien wieħed mill-iktar sorsi importanti ta’ inspirazzjoni. Ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) u d-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom dwar it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman jagħtu eżempji ta’ valur dwar kif għandhom jiġu stabbiliti l-poteri ta’ inkjesta fuq livell supranazzjonali. Id-dokument tad-Dipartiment tal-Politika (Il-Kumitati ta’ Inkjesta: Sondaġġ) taw ħarsa ġenerali tal-poteri u l-proċeduri tal-kumitati ta’ inkjesta f’diversi pajjiżi. Naturalment, testi preċedenti relatati mal-kumitati ta’ inkjesta tal-PE ikkunsidrajthom ukoll[8]. Dokumenti, noti u kontributi eċċellenti mis-Servizz Legali għenu wkoll ir-riflessjoni dwar din it-tema. Fl-aħħar nett, xi dispożizzjonijiet mhux kontestati u siewja li jinsabu fid-deċiżjoni l-antika bla dubju se jsibu ruħhom fl-istrument legali l-ġdid.

Din il-proposta għal regolament toffri struttura aktar ċara u aktar loġika meta mqabbla ma’ dik li toffri d-deċiżjoni l-antika. L-aktar titjib importanti jinstab fit-Taqsima 3 (Investigazzjoni).

Il-punt tat-tluq tar-riflessjoni tagħna kien it-twemmin li l-konklużjonijiet kollha ta’ inkjesta għandhom ikunu msejsa biss fuq elementi li jkollhom valur evidenzjali. Għal dan il-għan, kumitat ta’ inkjesta għandu jkun jista’ jwettaq, fi ħdan il-limiti tal-mandat tiegħu, kwalunkwe investigazzjoni li tkun meqjusa meħtieġa għat-twettiq tal-ħidma tiegħu, jiġifieri li tinstab il-verità dwar ċerti elementi tal-passat bl-għajnuna ta’ evidenza fattwali.

Għaldaqstant, skont l-abbozz ta’ regolament propost, il-kumitat jista’ jwettaq kwalunkwe tip ta’ investigazzjoni, b’dispożizzjonijiet dettaljati għall-iktar investigazzjonijiet importanti, jiġifieri biex iwettaq investigazzjonijiet fuq il-post, jitlob id-dokumenti, jisma’ l-uffiċjali u l-impjegati oħra tal-Unjoni u tal-Istati Membri, isejjaħ ix-xhieda u jitlob rapport tal-esperti.

Il-kumitati ta’ inkjesta għandu jkollhom aċċess għad-dokumenti ― amministrattiva jew le ― u għal kwalunkwe informazzjoni li tista’ tiffaċilita x-xogħol tagħhom. Għandhom ikunu jistgħu jiksbu informazzjoni ta’ dan it-tip kemm mingħand l-Unjoni kif ukoll korpi nazzjonali u persuni fiżiċi u ġuridiċi. Madankollu, dan il-poter għandu jintuża biss f’dawk il-każijiet fejn hemm rabta bejn l-informazzjoni jew dokument mitluba u l-ħidma tal-kumitat ta’ inkjesta konċernat.

Fuq l-istess bażi, il-kumitati ta’ inkjesta għandu jkun jista’ jsejjaħ quddiemu kwalunkwe persuna (uffiċjali tal-Unjoni jew uffiċjali nazzjonali, esperti tekniċi, kelliema għal persuni ġuridiċi, eċċ.) li l-evidenza jew ħila esperta tagħhom hi meqjusa bħala meħtieġa għal investigazzjoni aħjar tal-każ konċernat.

Biex jintlaħqu l-għanijiet t’hawn fuq, l-abbozz ta’ regolament jistabbilixxi obbligu dirett li jkunu magħmula disponibbli id-dokumenti mitluba mill-kumitat u li min jissejjaħ jitla’ u jagħti l-evidenza bħala xhud. Madankollu, proċedura inkluża fid-deċiżjoni oriġinali tista’ tintuża: uffiċjali u impjegati oħra tal-UE u tal-Istati Membri jistgħu jiġu magħżula mill-ġerarkija tagħhom biex jieħdu sehem fil-proċeduri. F’dan il-każ nistgħu realistikament nimmaġinaw li prattikament jaġixxu skont l-istruzzjonijiet. Madankollu, jekk ma jkunx sodisfatt bid-dokementi jew dikjarazzjoniiet sottomessi skont din il-proċedura, il-kumitat jista’ juża l-poteri l-ġodda tiegħu, li huma aktar b’saħħithom, ― jiġifieri li jsejjaħ lil dawk il-persuna direttament bħala xhud. B’hekk il-modalità l-qadima (li hi bbażata fuq ir-rieda tajba u l-kooperazzjoni leali tal-istituzzjonijiet u l-Istati Membri tal-UE) ma tneħħietx, iżda theddida min-naħa tal-kumitat li juża l-poteri l-ġodda u mtejba tiegħu tista’ tfisser "il-bidu ta’ imġiba għaqlija" għall-istituzzjonijiet jew Stati Membri tal-UE li jkunu qed jiġu investigati.

Titjib importanti ħafna fil-modalità legali l-ġdida hu li x-xhieda debitament imsejħa se jkollhom l-obbligu li minn jeddhom, b’mod sħiħ u b’onestà jwieġbu l-mistoqsijiet ippreżentati lilhom mill-membri tal-kumitat. Dan japplika wkoll għal uffiċjali jew impjegati oħra tal-Unjoni. Dawn huma awtorizzati, permezz tar-regolament, jobdu s-sejħa ta’ kumitat ta’ inkjesta u jagħtu x-xhieda tagħhom.

Dan il-qafas legali donnu li hu xieraq biżżejjed biex jiżgura li l-kontroll politiku eżerċitat mill-PE ― l-unika istituzzjoni tal-Unjoni li tiġi eletta direttament ― fl-aħħar mill-aħħar ikun serju, effiċjenti u konformi mal-istennija taċ-ċittadini Ewropej f’dak li għandu x’jaqsam mar-responsabbilizzazzjoni (accountability) demokratika u l-governanza tajba.

Fuq l-istess nota, in-nuqqas ta' konformità ma' dawn l-obbligi għandha tinvolvi penalitajiet xierqa. Sabiex jiġu rrispettati l-prinċipji ta’ nullum crimen sine lege u nulla poena sine lege, kif stipulat fl-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ir-regolament għandu jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li ksur iddefinit b’mod preċiż, jiġifieri rifjut mingħajr raġuni li jiġu provduti dokumenti mitluba, rifjut mingħajr raġuni li tiġi obduta sejħa għal għoti ta’ xhieda u li wieħed jattendi għal eżami bħala xhud, xhieda falza, u t-tixħim tax-xhieda ― se jkunu suġġetti għal sanzjonijiet xierqa skont il-liġijiet nazzjonali tagħhom.

Il-PE mhux qorti; fil-fatt, m’għandu l-ebda setgħa minnu nnifsu li jimponi penalitajiet fuq ċittadini individwali. Madankollu, meta l-Istati Membri kollha jkunu adottaw it-Trattat ta’ Lisbona, dawn ikunu wkoll qablu li jagħtu lill-PE id-dritt li jinvestiga ksur u malamministrazzjoni fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni. Dan għandu jorbothom legalment li jobbligaw lis-sistema amministrattiva tagħhom tagħti assistenza lil kwalunkwe kumitat ta’ inkjesta eventwali tal-PE. Min-naħa l-oħra, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni m’għandhomx jippermettu lill-uffiċjali imsejħa debitament li jkunu kisru r-regolament jistaħbew wara l-immunità tagħhom provduta permezz tal-Protokoll Nru 7 għall-interess esklussiv tal-Unjoni; Għaldaqstant ġie ċċarat li t-tneħħija tal-immunità f’dan it-tip ta’ każijiet ma tkunx meqjusa kuntrarja għall-interessi tal-Unjoni.

Fl-aħħar nett, l-għan li jitwaqqaf kumitat ta’ inkjesta hu li jkun provdut rimedju għal sitwazzjoni illegali jew inġusta. L-inkjesti għandhom għaldaqstant ikollhom firxa wiesgħa ta’ riżultati possibbli, biex tinstab l-aktar soluzzjoni xierqa. Hawnhekk tajjeb niftakru li s-setgħa ta’ deċiżjoni finali ― indipendentement mis-setgħat mogħtija lill-kumitati ta’ inkjesta biex iwettqu dmirijiethom ― fl-aħħar nett hi tal-Parlament. Il-konklużjonijiet tal-kumitati ta’ inkjesta jistgħu għaldaqstant jiġu sottomessi fil-forma ta’ rapport finali lill-Parlament. Imbagħad ikun il-Parlament li jiddeċiedi jekk isegwix jew le waħda jew iktar mir-rakkomandazzjonijiet inklużi fir-rapport finali, bħal pereżempju li jiddeċiedi li jippubblika r-rapport, iressaq inizjattiva leġiżlattiva, jirreferi l-kwistjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni jew dawk nazzjonali, jirreferi l-kwistjoni lill-Ombudsman jew jieħu kwalunkwe kwistjoni oħra xierqa, skont iċ-ċirkostanzi speċifiċi.

  • [1]  Ara l-analiżi tad-Dipartiment tal-politika C: Il-kumitati ta’ inkjesta parlamentari fis-sistemi nazzjonali: sondaġġ kumparattiv tal-Istati Membri tal-UE.
  • [2]  A3-0302/92 u A4-0003/95.
  • [3]  Id-Deċiżjoni 95/167/KEE, Euratom, KEFA.
  • [4]  A6-0203/2007.
  • [5]  ĠU L 189, 17.7.2008, p. 25.
  • [6]  Dettall tekniku li ta’ min jissemma’: L-Artikolu 107b ta t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika ġie revokat permezz tal-Protokoll Nru 2 anness mat-Trattat ta’ Lisbona li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea; madankollu, permezz tal-Artikolu 106a tat-Trattat KEEA, l-Artikolu 226 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE japplika għall-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.
  • [7]  Ara s-sentenza tad-9 ta’ Lulju 1987 fil-Każ 281/85.
  • [8]  Ir-rapport dwar il-Kriżi Finanzjarja “Equitable life Assurance Society” (A6-0203/2007); ir-rapport tal-21 ta’ Lulju 1995 dwar emenda għall-Artikolu 136 tar-Regoli ta’ Proċedura (A4-0187-95); ir-rapport tat-12 ta’ Jannar 1995 dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jiggvernaw id-dritt ta’ inkjesta tal-PE (A4-0003/95); id-dokument ta’ ħidma tat-3 ta’ Jannar 1995 dwar id-dritt ta’ inkjesta tal-PE (Rapporteur: Alexander Langer); ir-rapport tal-14 ta’ Ottubru 1992 dwar il-kumitati ta’ inkjesta (A3-0302/92); id-dokument ta’ ħidma tat-2 ta’ Ġunju 1992 dwar il-kumitati ta’ inkjesta parlamentari (Rapporteur: François Musso).

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

11.10.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

17

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Carlo Casini, Andrew Duff, Ashley Fox, Matthias Groote, Roberto Gualtieri, Enrique Guerrero Salom, Zita Gurmai, Gerald Häfner, Constance Le Grip, David Martin, Morten Messerschmidt, Paulo Rangel, Algirdas Saudargas, György Schöpflin, Rafał Trzaskowski, Luis Yáñez-Barnuevo García

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Helmut Scholz, Rainer Wieland